Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2250(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0226/2017

Testi mressqa :

A8-0226/2017

Dibattiti :

PV 05/07/2017 - 16
CRE 05/07/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2017 - 11.11
CRE 06/07/2017 - 11.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0316

Testi adottati
PDF 404kWORD 62k
Il-Ħamis, 6 ta' Lulju 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni
P8_TA(2017)0316A8-0226/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE (2016/2250(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  Wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li t-Trattati għandhom japplikaw għall-Istati Membri u, fit-tieni paragrafu tiegħu, li l-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta' dawn it-trattati huwa speċifikat fl-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 355, l-ewwel paragrafu, punt 1, tat-TFUE, kif emendat mid-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' Ottubru 2010 li immodifika l-istatus tal-gżira ta' Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (2010/718/UE) u dik tal-11 ta' Lulju 2012 li temenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (2012/419/UE), li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati huma applikabbli għar-reġjuni ultraperiferiċi skont l-Artikolu 349 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-TFUE, li jirrikonoxxi status partikolari għar-reġjuni ultraperiferiċi, jipprevedi l-adozzjoni ta' "miżuri speċifiċi bl-għan li, partikolarment, jistabbilixxu l-kondizzjonijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati presenti għal dawk ir-Reġjuni, inklużi l-politiki komuni" u jiddisponi li jenħtieġ li dawn jikkonċernaw b'mod partikolari, iżda mhux esklużivament "il-politika doganali u tal-kummerċ, il-politika fiskali, iż-żoni liberi, il-politika dwar l-agrikoltura u s-sajd, il-kondizzjonijiet għall-fornitura ta' materja prima u oġġetti essenzjali għall-konsumatur, l-għajnuniet tal-Istat u l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-fondi strutturali u għal programmi oriżżontali tal-Unjoni",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE, li jipprevedi li l-għajnuna maħsuba biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku tar-RUP tista' tkun kompatibbli mas-suq intern,

–  wara li kkunsidra t-Titolu XVIII tat-TFUE, li jassenja objettiv ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u li jiddefinixxi l-istrumenti finanzjarji strutturali sabiex dan jintlaħaq,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-TFUE, li jiddisponi li l-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha u skont il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-RUP,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha tiegħu dwar ir-RUP, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2012 dwar ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE fil-kuntest tal-Istrateġija "Ewropa 2020"(1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tar-Reġjuni Ultraperiferiċi permezz tal-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-fondi strutturali tal-UE u programmi oħra tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta' Diċembru 2015(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta' miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (POSEI) (COM(2016)0797),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)(COM(2012)0209),

–   wara li kkunsidra l-Memorandum tal-5 ta' Marzu 1999 iffirmat f'Cayenne mir-reġjuni ultraperiferiċi, komplut mill-Memorandum Konġunt ta' Spanja, Franza, il-Portugall u r-reġjuni ultraperiferiċi, iffirmat f'Mejju 2010, li jipprevedi li l-Unjoni Ewropea għandha tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni ultraperiferiċi billi jittieħed vantaġġ minn diversi vantaġġi naturali u kulturali ta' dawn ir-reġjuni filwaqt li tippromwovi l-prinċipji tal-opportunitajiet indaqs, tal-isħubija, tal-proporzjonalità u tal-koerenza tal-politiki Ewropej,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-XXI Konferenza tat-22 u 23 ta’ Settembru 2016 tal-Presidenti tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea, u l-memorandum konġunt tar-reġjuni ultraperiferiċi ffirmat fl-okkażjoni fl-okkażjoni tar-raba' forum tal-RUP tal-Unjoni mit-30 sal-31 ta' Marzu 2017 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0226/2017),

A.  billi l-Artikolu 349 tat-TFUE jirrikonoxxi s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali partikolari tar-RUP, li tinsab strutturalment agħar minħabba fatturi (insularità, bogħod, superfiċje dgħajfa, żona u klima diffiċli, dipendenza fir-rigward ta' numru żgħir ta' produzzjonijiet...), li l-permanenza u l-kumbinazzjoni tagħhom jirrestrinġu bil-kbir l-iżvilupp tagħhom;

B.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja, li ltaqgħet fl-Awla Manja, fis-sentenza tagħha tal-15 ta' Diċembru 2015 tat interpretazzjoni komprensiva lill-Artikolu 349 tat-TFUE;

C.  billi, f'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma, b'mod partikolari, li l-atti li kellhom l-objettiv li jistabbilixxu miżuri speċifiċi għar-RUP jistgħu jiġu adottati fuq il-bażi legali tal-Artikolu 349, li din il-bażi legali tippermetti l-eżenzjoni kemm mid-dritt primarju kif ukoll id-dritt sekondarju, u li l-lista ta' oqsma koperti mill-formulazzjoni tal-Artikolu 349 mhijiex eżawrjenti peress li "l-awturi tat-Trattat FUE ma kellhomx l-intenzjoni li jistabbilixxu lista eżawrjenti tat-tipi ta' miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi ta' dan l-Artikolu";

D.  billi fejn tidħol l-applikazzjoni tat-Trattati Ewropej għar-reġjuni ultraperiferiċi, l-Artikoli 52 tat-TUE u l-Artikoli 349 u 355 tat-TFUE huma interkonnessi, u billi skont l-Artikolu 355, l-ewwel paragrafu, punt 1, tat-TFUE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati huma applikabbli għar-reġjuni ultraperiferiċi, skont l-Artikolu 349 tat-TFUE, u billi din ir-referenza "għat-Trattati" tinkludi l-leġiżlazzjoni sekondarja;

E.  billi l-Artikolu 349 tat-TFUE għandu jinqara flimkien ma' artikoli oħra tat-Trattat, u b'mod partikolari l-Artikolu 7, li jiddikjara li "l-Unjoni għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politiki u l-azzjonijiet differenti tagħha, filwaqt li titqies it-totalità tal-objettivi tagħha";

F.  billi l-prinċipju tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni jiġġustifikaw trattament differenti f'każ ta' sitwazzjonijiet differenti, sabiex fl-aħħar tiġi permessa l-ugwaljanza fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE;

G.  billi l-objettiv tal-Artikolu 349 tat-TFUE huwa li jippermetti l-iżvilupp tar-RUP, l-inklużjoni tagħhom kemm fl-ispazju Ewropew kif ukoll fl-ispazju ġeografiku tagħhom stess, filwaqt li jiżgura li dawn jibbenefikaw minn politiki u, jekk ikun xieraq, miżuri speċifiċi adattati għar-realtajiet u l-ħtiġijiet tagħhom;

H.  billi r-RUP huma fil-pożizzjonijiet privileġġjati fil-qasam tal-ġeostrateġija u tar-riċerka marbuta mat-tibdil fil-klima u l-bijodiversità;

I.  billi skont l-istimi tal-Kummissjoni, l-ekonomija blu tal-Unjoni tirrappreżenta madwar 5,4 miljun impjieg u valur miżjud gross ta' madwar EUR 500 biljun fis-sena;

1.  Ifakkar li l-Artikolu 7 tat-TUE jagħti lill-Kummissjoni r-rwol ta' gwardjan tat-Trattati; jenfasizza li r-RUP huma integrati għal kollox fl-Unjoni Ewropea u inkorporati fl-ordinament ġuridiku tagħha, billi s-sitwazzjoni speċifika tagħhom hija rikonoxxuta mit-Trattati, u b'mod partikolari l-Artikolu 349 tat-TFUE li stabbilixxa prinċipju u dritt ta' adattament rilevanti tal-politiki differenti tal-Unjoni;

2.  Jenfasizza li, minkejja li tikkostitwixxi inkonvenjent serju minħabba l-periferiċità ġeografika tal-Unjoni tagħhom, ir-reġjuni ultraperiferiċi jibbenefikaw ukoll minn diversi vantaġġi kbar bħall-potenzjal ta' żvilupp tal-attivitajiet relatati mat-turiżmu, it-tkabbir blu, l-isfruttament ta' riżorsi ta' enerġija rinnovabbli sinifikanti, l-iżvilupp ta' ekonomija ċirkolari, kif ukoll il-valorizzazzjoni tal-wirt rikk naturali tagħhom u l-bijodiversità konsiderevoli tagħhom;

3.  Iqis li l-Artikolu 349 tat-TFUE ntuża b'mod limitat u jista' jkun interpretat b'mod aktar innovattiv u pożittiv, b'mod partikolari bil-ħsieb li jinħolqu programmi ad hoc u politiki ġodda speċifiċi, billi jiġu bbażati fuq il-vantaġġi tar-RUP, bl-għan li jingħataw il-mezzi biex jiġu sfruttati, b'mod partikolari fl-oqsma bħalma huma dawk tal-enerġija rinnovabbli, it-tkabbir blu, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-turiżmu sostenibbli, il-protezzjoni tal-bijodiversità, l-adattament għat-tibdil fil-klima; ifakkar, f'dan il-kuntest, ir-rwol li għandha l-Unjoni sabiex tippermetti lir-reġjuni ultraperiferiċi li jegħelbu d-diffikultajiet tagħhom u jisfruttaw il-vantaġġi tagħhom, iżda fl-istess ħin jenfasizza li huwa neċessarju li l-Istati Membri kkonċernati għandhom jassumu aktar responsabbiltajiet fir-rigward tal-użu tal-istrumenti Ewropej li jistgħu jgħinuhom jiggarantixxu l-iżvilupp sostenibbli tar-RUP;

Is-sitwazzjoni attwali rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 tat-TFUE

4.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li s'issa l-artikoli tat-Trattati dwar ir-RUP ma ġewx implimentati għal kollox, u dan jillimita l-kapaċità ta' dawn ir-reġjuni li jisfruttaw il-potenzjal kollu tal-appartenenza tagħhom għall-Unjoni u jkunu aktar kompetittivi fiż-żona ġeografika tagħhom;

5.  Iqis li implimentazzjoni usa' tal-Artikolu 349 tat-TFUE twassal għal integrazzjoni aħjar tar-RUP fl-Unjoni kif ukoll għall-iżvilupp tagħhom u l-potenzjali proprja tagħhom fil-kunsiderazzjoni sħiħa tal-ispeċifiċitajiet u r-restrizzjonijiet strutturali tagħhom imma wkoll tal-vantaġġi tagħhom;

6.  Ifakkar fil-volontà politika tal-leġiżlaturi waqt l-abbozzar tal-Artikolu 299, it-tieni subparagrafu, u mbagħad tal-Artikolu 349 tat-TFUE, li jistabbilixxu strateġija komprensiva bbażata fuq miżuri rilevanti ta' politiki u strumenti differenti;

7.  Ifakkar li l-Programm ta' Opzjonijiet Speċifiċi għan-Natura Remota u Insulari (POSEI) huwa programm li jqis għal kollox l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi grazzi għal regolament proprju, ibbażat fuq l-Artikolu 349 tat-TFUE u l-Artikolu 42, l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 43(2), li jagħraf il-prinċipju doppju tal-appartenenza tar-RUP għall-Unjoni u tal-adattament sħiħ ta' politika Ewropea komuni għar-realtajiet tar-RUP u li, għalhekk, huwa kruċjali li tali programm jitkompla u li programmi POSEI ġodda li jfittxu politiki oħra tal-Unjoni jiġu previsti;

8.  Iqis li s-suċċess ta' POSEI huwa favur iż-żamma ta' dispożizzjonijiet speċifiċi għar-RUP aktar milli d-dilwizzjoni tagħhom f'programmi Ewropej orizzontali;

9.  Jinnota li ħafna komunikazzjonijiet dwar ir-RUP ġew adottati mill-Kummissjoni; jiddispjaċih għall-fatt li dawn l-istrateġiji differenti Ewropej għar-RUP, s'issa, ġew implimentati u konkretizzati biss b'mod parzjali;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni tipproponi pjan ta' azzjoni, akkumpanjat, fejn xieraq, minn inizjattivi leġiżlattivi li jippermettu l-implimentazzjoni ta' strateġija koerenti u effikaċi fir-rigward tar-RUP, billi jsir użu sħiħ tal-possibbiltajiet offruti mill-Artikolu 349 tat-TFUE, speċjalment fir-rigward tal-ħolqien ta' programmi u politiki speċifiċi, partikolarment f'termini ta' innovazzjoni u investiment fit-tul, adattati għall-bżonnijiet tagħhom ta' żvilupp sostenibbli; jinsisti fuq il-bżonn li ssir ħidma f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali tar-RUP u l-partijiet ikkonċernati; jappella għaldaqstant lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, biex jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet reġjonali tar-RUP, ħalli jiftħu kapitolu ġdid fir-relazzjonijiet UE-RUP;

11.  Jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni dwar strateġija mġedda għar-RUP, li għandha tiġi adottata mhux aktar tard minn tmiem l-2017; jappella lill-Kummissjoni biex fl-istrateġija tagħha tinkludi approċċ dettaljat tar-RUP kif ukoll oqfsa strateġiċi mmirati lejn il-ħtiġijiet tal-investiment, flimkien ma' numru ta' objettivi speċifiċi, li jistgħu jinkisbu u jiġu evalwati; iħeġġeġ lil Franza, Spanja u l-Portugall biex jappoġġjaw aktar ir-RUP tagħhom;

12.  Ifakkar li l-Artikolu 349 tat-TFUE jippermetti lir-RUP jużaw għajnuna operatorja mhux limitata fiż-żmien, mhux digressiva u abbażi ta' proċeduri aktar flessibbli, sabiex jikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali li jridu jaffaċċjaw; ifakkar li l-eżenzjonijiet japplikaw kemm għall-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll għall-għajnuna tal-Istat;

13.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi ggarantita l-lonġevità tal-istrumenti, id-dispożizzjonijiet u l-eżenzjonijiet adottati biex tiġi żgurata l-istabbiltà li twassal għall-iżvilupp strutturali tar-RUP b'kunsiderazzjoni tal-evalwazzjonijiet imwettqa;

14.  Jappella lill-Kummissjoni biex tagħmel rendikont preċiż tal-approċċ għar-RUP u teżamina s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' kull RUP biex tiggarantixxi twettiq aħjar tal-objettivi tal-politika ta' żvilupp reġjonali Ewropea, b'mod partikolari dak li għandu x'jaqsam mal-aġġustament tad-dewmien u l-iżvilupp sostenibbli, u dan bil-għan li r-RUP ikunu jistgħu joqorbu lejn il-livelli ta' żvilupp medju Ewropej;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-koordinazzjoni tad-diversi direttorati ġenerali tagħha dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-RUP sabiex ikollhom trattament idoneu tal-problematika tar-RUP fil-politiki u l-istrateġiji Ewropej; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol kruċjali tas-Segretarjat Ġenerali biex jiżgura applikazzjoni korretta tal-Artikolu 349 tat-TFUE billi l-adattamenti tal-politiki tal-Unjoni Ewropea għall-karatteristiċi tar-RUP jeħtieġu li d-deċiżjonijiet jittieħdu fl-ogħla livell politiku;

Il-politika agrikola

16.  Jilqa' r-rapport reċenti tal-Kummissjoni (COM(2016)0797), li jikkonkludi li l-prestazzjoni globali tal-programmi POSEI (2006-2014) hija waħda pożittiva, iqis li dak il-programm jidher essenzjali għall-fini taż-żamma tal-produzzjonijiet tar-RUP u li huwa konformi mal-objettivi l-ġodda tal-politika agrikola komuni (PAK), u jirrakkomanda li jinżamm ir-regolament ta' bażi attwali filwaqt li madankollu wieħed iżomm f'moħħu li jistgħu jkunu meħtieġa attamenti baġitarji wara d-dħul fis-seħħ ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles li jaffettwaw jew jirriskjaw li jaffettwaw b'mod serju l-produzzjonijiet tar-RUP;

17.  Iqis li l-POSEI kellha suċċess kbir mill-bidu tagħha;

18.  Jappoġġja l-konklużjoni tar-rapport tal-Kummissjoni li titlob li l-elementi bażiċi tal-POSEI jiġi konsolidati, sabiex jiġi evitat kull riskju li l-produzzjoni agrikola tiġi abbandunata, bil-konsegwenzi negattivi li dan jista' jkollu fuq tiegħu fuq l-impjiegi, l-ambjent u d-dimensjoni territorjali tar-RUP;

19.  Jikkunsidra li jenħtieġ li jingħata appoġġ aħjar għad-diversifikazzjoni tal-produzzjonijiet fir-RUP u li jiġu introdotti miżuri biex jiġu indirizzati kriżijiet tas-suq li jiltaqgħu magħhom setturi partikolari, partikolarment tat-tadam u tal-bhejjem, u li jiġi faċilitat l-iżvilupp ta' produzzjonijiet żgħar bħal dawk relatati mal-prodotti tal-ħalib;

20.  Ifakkar li r-riformi suċċessivi tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (OKS) ma kkunsidrawx biżżejjed l-ispeċifiċitajiet tar-RUP, u jitlob li dawn jittieħed kont aħjar tagħhom fil-ġejjieni;

21.  Josserva li l-għajbien tal-kwoti u tal-prezzijiet iggarantiti li beda permezz tar-riforma tal-OKS taz-zokkor tal-2005 jdgħajjef lill-produtturi taz-zokkor tal-kannamieli tar-RUP; jinsisti dwar il-bżonn li jinżamm is-sett ta' mezzi speċifiċi stabbiliti taħt l-Artikolu 349 tat-TFUE sabiex jippermetti l-kompetittività sostenibbli ta' din l-industrija; jappella għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' appoġġ lil min ikabbar il-kannamieli f'każ li jaqgħu l-prezzijiet dinjija taz-zokkor;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont tal-importanza kbira tal-produzzjoni tal-ħalib fl-Azores, iżżomm l-appoġġ għall-produtturi u tipprovdi miżuri addizzjonali f'każ ta' kriżi tas-suq;

23.  Ifakkar li l-produzzjoni tal-banana għandha rwol importanti fin-nisġa soċjoekonomika ta' ċerti RUP; jitlob għalhekk li jinżamm u, fejn meħtieġ jiżdied, l-appoġġ għall-produtturi;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi strumenti ta' ġestjoni u ta' identifikazzjoni tal-kriżijiet tas-suq fid-diversi setturi agrikoli bħall-banana, iz-zokkor, ir-rum, is-sajd u l-ħalib mal-Osservatorju tal-ħalib – definizzjoni ċara ta' kriżi tas-suq fir-RUP u tadatta l-indikaturi għar-realtà ta' dawn ir-reġjuni;

25.  Jiddispjaċih li d-differenza fis-sistema applikabbli għaċ-ċertifikazzjoni "organika" bejn pajjiż terz u Stat Membru tal-Unjoni toħloq tgħawwiġ tal-kompetizzjoni f'dan is-suq, u tagħmel ħsara kemm lill-produtturi Ewropej li jaħdmu fir-RUP kif ukoll lill-konsumaturi Ewropej imqarrqa dwar il-kundizzjonijiet reali ta' produzzjoni ta' dawn il-prodotti; jitlob għalhekk, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar l-istandards futuri Ewropej dwar il-produzzjoni u t-tikkettar tal-prodotti organiċi, li tiġi sostitwita l-konformità mas-sistema ta' ekwivalenza attwalment fis-seħħ, sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn ir-RUP u pajjiżi terzi;

26.  Iqis li jeħtieġ li jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE qafas legali għal produzzjonijiet taħt it-tikketta organika u qafas legali fil-qasam sanitarju u fitosanitarju li jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tal-agrikoltura fir-RUP f'kuntest tropikali;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ il-bdiewa tar-RUP biex jippromwovu l-prodotti tagħhom ta' kwalità għolja billi tappoġġja l-użu tal-logo RUP kif ukoll forom oħra ta' ċertifikazzjoni ta' kwalità;

28.  Jenfasizza li d-differenzjar tal-prodotti u l-ispeċjalizzazzjoni jistgħu jistimulaw u jippromwovu aktar il-produzzjoni lokali, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel u b'hekk inaqqsu d-differenzi eżistenti bejn ir-reġuni ultraperiferiċi u reġjuni oħra tal-UE;

29.  Jenfasizza, f'isem il-koerenza tal-politiki, li l-isforzi mwettqa fir-RUP għall-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kompetittività tas-seturi tradizzjonali tagħhom m'għandhomx isibu ruħhom mhedda ulterjorment mill-ftehimiet ta' kummerċ ħieles iffirmati bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

Il-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea

30.  Ifakkar li l-Artikolu 207(3) tat-TFUE jimponi "li l-ftehimiet negozjati (mal-pajjiżi terzi) jkunu kompatibbli mal-politika u r-regoli interni tal-Unjoni";

31.  Jinnota li l-għadd dejjem jiżdied ta' ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi, u fosthom mal-ikbar prodotturi dinjija tal-banana u taz-zokkor, jimmodifika t-tqassim tas-suq, joħloq pressjoni fuq il-prezzijiet u jhedded il-kompetittività tal-produtturi tal-Komunità ta' dawn il-prodotti;

32.  Jemmen, għaldaqstant, li l-politika kummerċjali tal-UE m'għandhiex tipperikola s-setturi tar-RUP, peress li dawn għandhom rwol ewlieni fil-livell ekonomiku, soċjali u ambjentali;

33.  Iħeġġeġ li n-negozjati kummerċjali tal-UE issa għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet u l-produzzjonijiet sensittivi tar-RUP, b'mod partikolari l-banana, iz-zokkor, ir-rum, it-tadam u l-prodotti tas-sajd;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu konxji u viġilanti b'rabta mad-difiża tal-interessi tar-RUP fil-qafas tan-negozjati dwar il-Brexit;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, f'konformità mal-impenji li għamlet fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta' Ġunju 2012, "tehmeż ma' kull proposta ta' ftehimiet kummerċjali, bħall-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika, valutazzjonijiet tal-impatt, fejn ikun rilevanti, għandhom jindirizzaw id-dimensjoni tar-RUP", u tinkludi l-impatti fil-livell ambjentali, soċjali, ekonomiku u territorjali fuq ir-RUP; jitlob li dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt ikejlu wkoll l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet kummerċjali fuq ir-RUP;

36.  Jiddispjaċih li s'issa ma sar l-ebda studju dwar il-konsegwenzi tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles fis-setturi agrikoli tar-RUP; jiddispjaċih ukoll li r-RUP ma ġewx ikkunsidrati fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-impatti kumulattivi tal-ftehimiet kummerċjali, u dan kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet regolatorji previsti fil-POSEI;

37.  Jitlob li fil-politiki kummerċjali tal-UE jitqiesu l-iżvantaġġi kompetittivi tar-RUP; jitlob biex meta dawn ikunu meħtieġa sabiex jipproteġu produzzjonijiet tar-RUP, ikun hemm il-preservazzjoni tal-ostakoli tariffarji u mhux tariffarji, u l-attivazzjoni effettiva tal-klawsoli ta' salvagwardja u tal-mekkaniżmi ta' stabbilizzazzjoni f'każ ta' assenjazzjoni jew ta' riskju ta' effett serju tal-produzzjonijiet tar-RUP;

38.  Jenfasizza l-limiti tal-prinċipju ta' ekwivalenza, b'mod partikolari għall-prodotti li joriġinaw mill-biedja organika, li jippermetti d-dħul fl-Unjoni ta' prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti kollha Ewropej; jitlob l-applikazzjoni immedjata tal-prinċipju ta' konformità u t-tisħiħ tal-miżuri ta' kontroll;

39.  Iħeġġeġ il-promozzjoni tar-rwol tar-RUP fil-politika esterna tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi ġirien sabiex tissaħħaħ il-politika esterna fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-faqar, is-sostenibilità ambjentali, it-tisħiħ tad-demokrazija, l-iskambji kulturali u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

Il-politika marittima, is-sajd u t-tkabbir blu sostenibbli

40.  Ifakkar li l-Artikolu 349 tat-TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri speċifiċi għar-RUP, li jikkonċernaw ukoll il-politiki fil-qasam tas-sajd;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis it-twaqqif ta' sistema ta' appoġġ għas-sajd sostenibbli fir-RUP abbażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, fid-dawl ta' dak li qed iseħħ fis-settur agrikolu taħt il-Programm POSEI;

42.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jimplimentaw b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2017 dwar il-ġestjoni tal-flotot tas-sajd fir-RUP(5);

43.  Jistieden lill-Unjoni tibni flimkien mar-RUP setgħa marittima dinjija;

44.  Jenfasizza li kemm il-ġid li jirrappreżentaw l-oċeani, kif ukoll l-avvanzi teknoloġiċi attwali u futuri huma kapaċi jiftħu opportunitajiet ġodda ta' tkabbir għar-RUP; iqis li t-tkabbir blu sostenibbli jikkostitwixxi opportunità biex jittaffew l-inugwaljanzi strutturali li jeżistu bejn ir-RUP u l-Ewropa kontinentali, u li jista' għalhekk jikkontribwixxi biex ir-RUP isiru l-epiċentru ta' politika Ewropea futura;

45.  Ifakkar li, minħabba l-pożizzjoni tagħhom, ir-RUP għandhom pożizzjoni importanti fil-governanza marittima integrata, il-ġestjoni tal-ilmijiet kostali, il-ġlieda kontra s-sajd illegali u t-titjib tas-sikurezza tat-trasport;

46.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri kkonċernati jinvestu aktar l-ambitu tal-baħar u l-oċeani, speċifikament għar-RUP, bl-għan li jiġi garantit żvilupp ekonomiku sostenibbli u effiċjenti fiż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom;

47.  Jilqa' l-istudju varat mill-Kummissjoni dwar il-potenzjal għal tkabbir blu sostenibbli fir-RUP u jappella min-naħa tiegħu għall-varar ta' programm reali Ewropew maħsub għar-RUP, bl-għan ukoll li jikkunsidra l-isfidi fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel, tar-riċerka tal-baħar u marittima u tal-bijoekonomija; jenfasizza madankollu li ċerti attivitajiet bħall-estrazzjoni taż-żejt u l-gass fiż-żona submarina u l-esplorazzjoni ta' depożiti minerali sottomarini jista' jkollhom konsegwenzi serji fuq iż-żoni marittimi sensittivi u jiddisturbaw l-ispeċijiet u l-ekosistemi vulnerabbli;

48.  Itenni l-importanza taż-żoni tal-baħar protetti fir-RUP;

Il-politika ta' koeżjoni

49.  Ifakkar li l-Artikolu 349 tat-TFUE jipprevedi aċċess speċifiku tar-RUP għall-fondi strutturali u li, f'dan ir-rigward, ir-RUP kollha għandhom jitqiesu bħala "r-reġjuni l-anqas żviluppati"; jilqa' u japprezza l-miżuri favur ir-RUP mfassla mill-Kummissjoni bħala parti minn sett ta' erba' komunikazzjonijiet dwar ir-RUP (2004, 2007, 2008 u 2012); jenfasizza l-importanza tal-appoġġ finanzjarju pprovdut mill-Unjoni lir-RUP kollha, li jammonta għal EUR 13 biljun għall-perjodu 2014–2020;

50.  Itenni li l-politika ta' koeżjoni trid tibqa' wieħed mill-istrumenti ewlenin ta' azzjoni Ewropea wara l-2020, b'mod partikolari fir-rigward tar-RUP, fejn id-differenzi reġjonali għadhom kbar;

51.  Jistieden lill-Istati Membri biex, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tar-responsabbiltajiet tagħhom, jimplimentaw bis-sħiħ il-kundizzjonijiet minn qabel, b'mod partikolari f'termini ta' investiment fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħhom, biex jassiguraw l-aqwa rendiment tal-fondi u l-politiki Ewropej fir-RUP;

52.  Huwa tal-fehma li fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, aktar flessibilità tista' tiġi prevista fi ħdan il-konċentrazzjoni tematika fil-każ ta' RUP b'rabta mad-definizzjoni ta' wħud mill-assi prijoritarji tagħhom għall-użu tal-fondi strutturali, safejn ikun ikkonċernat l-iżvilupp sostenibbli; jitlob il-kontinwazzjoni tal-allokazzjonijiet baġitarji allokati lir-RUP, il-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali, kif ukoll it-totalità tal-miżuri derogatorji ġustifikati kif xieraq intiżi sabiex jikkumpensaw l-iżvantaġġi strutturali tagħhom;

53.  Jitlob, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, l-applikazzjoni stretta tal-kriterji stabbiliti mir-Regolament ġenerali tal-fondi għad-determinazzjoni tal-pakketti finanzjarji;

54.  Ifakkar fl-objettiv komuni tal-integrazzjoni doppja tar-RUP; jitlob li jiġu approfonditi u li jsiru operattivi l-mekkaniżmi kollha dedikati għall-kooperazzjoni transfruntiera bejn ir-RUP, il-pajjiżi u territorji extra-Ewropej u l-pajjiżi terzi li jappartjenu għall-baċin ġeografiku tagħhom, b'mod partikolari permezz taż-żamma u t-titjib tas-sinerġiji tal-arranġamenti ġuridiċi u finanzjarji tar-regoli tal-EDF u tal-ERDF;

55.  Jenfasizza l-importanza li jiġu adattati l-istrateġiji ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea sabiex jittaffew l-impatti negattivi fuq ir-reġjuni minħabba n-natura ultraperiferika tagħhom, u tiġi promossa l-kooperazzjoni;

56.  Jirrakkomanda attenzjoni akbar fl-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) b'rabta mar-RUP, ir-reġjuni l-anqas żviluppati u dawk l-aktar mbiegħda;

57.  Ifakkar, fir-rigward tar-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fir-RUP, fil-ħtieġa li jissaħħu l-azzjonijiet tal-Unjoni għall-appoġġ u t-taħriġ taż-żgħażagħ fir-RUP, b'mod partikolari permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

58.  Ifakkar li l-aktar fond importanti għat-taħriġ u l-impjieg huwa l-Fond Soċjali Ewropew (FSE); jistieden lill-Kummissjoni, minħabba n-natura strutturali u l-livelli kritiċi ta' qgħad fir-RUP, u fuq il-bażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, tirrikonoxxi għar-RUP id-dritt għal aċċess speċifiku għall-fondi strutturali, tistabbilixxi allokazzjoni addizzjonali fil-qafas tal-FSE biex tappoġġja l-impjegabilità, il-mobilità u t-taħriġ fir-RUP;

59.  Jenfasizza l-importanza ta' Strateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3) fi ħdan ir-RUP, peress li dawn huma komponent ewlieni fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni;

60.  Ifakkar fl-importanza tal-istrumenti ta' żvilupp lokali bħalma huma l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) u l-investiment territorjali integrat (ITI), li jippermettu approċċi minn isfel għal fuq għall-isfidi strutturali lokali filwaqt li jippromwovu sjieda mill-awtoritajiet lokali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati jesploraw modi biex isaħħu l-użu tas-CLLD, bħala rispons flessibbli u innovattiv għall-ħtieġa ta' adattament espressa mir-RUP;

61.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati d-differenzi demografiċi fir-RUP bħala fattur determinanti fit-tfassil tal-politiki tagħhom, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi;

Il-politika dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat

62.  Ifakkar li l-Artikolu 349 tat-TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri speċifiċi għar-RUP, b'mod partikolari rigward il-politiki doganali u kummerċjali, il-politika fiskali, iż-żoni ħielsa, il-kondizzjonijiet għall-forniment ta' materja prima u ta' prodotti essenzjali tal-konsumatur u l-għajnuna mill-Istat;

63.  Ifakkar, barra minn hekk, li l-Artikolu 107(3) tat-TFUE jistipula li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern l-għajnuniet maħsuba sabiex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku tar-RUP, b'kont meħud tas-sitwazzjoni strutturali, ekonomika u soċjali tagħhom;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tistrieħ aktar fuq l-Artkoli 107(3)(a) u 349 tat-TFUE, fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għar-Reġjuni u l-GBER (ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) sabiex jingħata kontribut lill-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-RUP u biex dawn jittieħed kont aħjar tagħhom;

65.  Jenfasizza li, minħabba d-distanza u ċ-ċokon tas-swieq tagħhom, it-tisħiħ tal-eżenzjonijiet għad-dritt dwar il-kompetizzjoni miksuba fuq il-bażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE u l-Artikolu 42 tat-TFUE mhuwiex f'pożizzjoni li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u jfixkel is-suq intern;

66.  Jiddispjaċih li l-proposti inizjali, bil-ħsieb li jiġu ssimplifikati l-GBER u l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għar-Reġjuni, sa mill-bidu u anke wara ma kkunsidrawx l-adattament tar-regoli bil-ħsieb li jiġi żgurat l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-RUP;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-azzjoni biex jiġu miġġielda monopolji ewlenin fir-RUP li jikkontribwixxu għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja għall-popolazzjonijiet lokali, partikolarment fis-setturi tal-importazzjonijiet li jmorru kontra l-iżvilupp tal-ekonomija lokali, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni;

68.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, wara l-2020, tkompli l-iskemi fiskali ta' eżenzjonijiet għar-RUP abbażi ta' evalwazzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni tagħhom, filwaqt li tiżgura progress lejn sistemi fiskali ġusti u effiċjenti u ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi fiskali fl-Unjoni u fil-pajjiżi terzi;

69.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-prattiki kummerċjali bħalma huma dawk tas-swieq fejn il-provvista tinżamm daqs id-domanda (clearance market), li jistgħu jiddestabilizzaw is-swieq mikro tal-ekonomiji lokali;

Ir-riċerka, l-ambjent, l-edukazzjoni, it-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet

70.  Ifakkar li l-Artikolu 349 tat-TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni tista' tipproponi miżuri speċifiċi għar-RUP, li jikkonċernaw ukoll il-kundizzjonijiet ta' aċċess tagħhom għall-programmi orizzontali tal-Unjoni;

71.  Iqis li programmi orizzontali tal-Unjoni għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet ta' aċċess speċifiċi għar-RUP sabiex jiżguraw parteċipazzjoni effettiva u biex il-vantaġġi ta' dawn ir-reġjuni jkunu jistgħu jitqiesu, b'mod partikolari fil-qafas tal-programm Orizzont 2020, LIFE, COSME, Ewropa Kreattiva, eċċ.;

72.  Jitlob lill-Kummissjoni tintegra lir-RUP fin-netwerks trans-Ewropej tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet;

73.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-awtonomija enerġetika sostenibbli tar-RUP ssir prijorità; jenfasizza li r-RUP jibbenefikaw minn bosta vantaġġi fir-rigward tal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ekonomija ċirkolari;

74.  Jinnota l-potenzjal sinifikanti li jġib miegħu l-istimolu tar-riċerka u l-innovazzjoni bil-ħsieb li jkun żgurat żvilupp sod u sostenibbli; jitlob l-ottimizzazzjoni tal-aċċess tar-RUP għall-Fondi SIE u Orizzont 2020, biex jingħaqdu aħjar universitajiet, ċentri ta' riċerka u negozji innovattivi, u biex dawn ir-reġjuni jkunu jistgħu jsiru territorji attraenti u jkunu kapaċi jippromwovu skambju aħjar bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet, mhux biss fi ħdan ir-RUP, iżda wkoll mal-kontinent Ewropew, il-PTEE u l-pajjiżi terzi;

75.  Ifakkar fir-rwol importanti ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fir-RUP f'termini ta' żvilupp ekonomiku u soċjali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tieħu kont aħjar tas-sitwazzjoni tar-RUP fil-qafas tal-programmi COSME u l-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI);

76.  Jikkunsidra li l-iskambji u l-kooperazzjoni bejn ir-RUP u l-pajjiżi terzi ġirien fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-kultura u l-edukazzjoni, għandhom jiġu promossi biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni reġjonali tagħhom;

77.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-programm il-ġdid Erasmus + jappoġġja l-mobilità ta' studenti u intraprendituri żgħażagħ mir-RUP billi jipprovdi l-ammont massimu ta' għajnuna; jitlob li dispożizzjonijiet identiċi jiddaħħlu fil-programm Ewropa Kreattiva; madankollu jixtieq li jitqiesu aħjar fil-qafas tal-programm Erasmus il-karatteristiċi komuni tar-RUP, permezz b'mod partikolari tal-promozzjoni ta' skambji fost ir-RUP; jiddispjaċih li minkejja l-premessa 37 tar-Regolament Erasmus +, li tipprovdi li "l-limitazzjonijiet imposti mid-distanza tar-RUP u l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej għandhom jiġu kkunsidrati matul l-implimentazzjoni tal-programm", l-ammonti tal-allokazzjonijiet ta' mobilità tal-Erasmus huma ta' spiss insuffiċjenti meta mqabbla mal-ispejjeż attwali ta' spostament fil-metropoli tal-istudenti benefiċjarji mir-RUP;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-iskema ġdida ta' mobilità għaż-żgħażagħ, «Move2Learn, Learn2Move», għaċ-ċittadini Ewropej li jgħixu fir-RUP kif ukoll tadatta l-ammonti ta' rimborż tal-mezz tat-trasport li huwa offert għall-ispejjeż reali li timplika bidla bejn ir-RUP u l-Ewropa kontinentali; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tillimitax din l-iskema biss għat-trasport ferrovjarju, fatt li jwassal għall-marġinalizzazzjoni taż-żgħażagħ mit-territorji ultramarittimi;

79.  Jieħu nota tal-fatt li l-programm Natura 2000 mhux applikabbli għar-RUP Franċiżi filwaqt li dawn għandhom bijodiversità straordinarja iżda fraġli b'mod partikolari mill-effetti tat-tibdil fil-klima; Jitlob għalhekk l-implimentazzjoni ta' sistemi speċifiċi ta' protezzjoni kif ukoll is-sostenibilità tal-azzjoni preparatorja BEST bil-ħolqien ta' mekkaniżmu sostenibbli għall-iffinanzjar tal-proġetti ta' bijodiversità, valorizzazzjoni tas-servizzi ekosistemiċi, u adattament għat-tibdil fil-klima fir-reġjuni ekstra-Ewropej;

80.  Jipproponi li jsir studju tal-impatt dwar il-possibilitajiet ta' applikazzjoni tal-programm Natura 2000 għar-RUP Franċiżi biex jiġu definiti l-għodod l-aktar adattati għall-protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ambjent ta' dawn ir-reġjuni;

81.  Ifakkar li r-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità, ippubblikata mill-Kummissjoni f'Ottubru 2015 u msemmija mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 1/2017, sabet li, minkejja l-progress sinifikanti miksub mill-2011 'l hawn fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri koperti bl-Objettiv Nru 1, l-isfidi ewlenin għadhom it-twettiq tal-komponent marittimu tan-netwerk Natura 2000 u l-garanzija ta' ġestjoni effettiva tas-siti u tal-finanzjament meħtieġ għall-appoġġ tan-Netwerk Natura 2000, li t-tnejn huma fatturi importanti għar-RUP;

82.  Ifakkar li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fir-Rapport Speċjali Nru 1/2017, qieset li progress sinifikanti min-naħa tal-Istati Membri u sforzi addizzjonali min-naħa tal-Kummissjoni kienu meħtieġa sabiex jikkontribwixxu aktar għall-għanijiet ambizzjużi tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2020;

83.  Ifakkar li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fir-Rapport Speċjali ta' Jannar 2017, qieset li jinħtieġu aktar sforzi sabiex jistabbilixxu n-netwerk Natura 2000 sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu;

84.  Itenni li t-titjib tal-aċċess għall-internet irid jiżvolġi rwol ta' koeżjoni territorjali, il-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs, il-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popli tar-RUP;

85.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-karatteristiċi speċifiċi tar-RUP meta tittratta kwistjonijiet marbuta l-kopertura tan-netwerk diġitali;

86.  Jitlob għall-ħolqien ta' programm POSEI speċifiku għat-trasport sabiex jippromwovi l-koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika ta' dawn ir-reġjuni u biex titnaqqas l-insularità u l-insularità doppja ta' ċerti RUP; jenfasizza li programm bħal dan għandu jipprevedi l-appoġġ għat-trasport ta' persuni u ta' merkanzija bejn ir-RUP u l-kontinent, fir-RUP nnifishom u bejn ir-RUP fil-qrib, bħall-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji; jenfasizza li jenħtieġ li dan il-programm jippromwovi wkoll il-kummerċ bejn dawn ir-reġjuni;

87.  Jenfasizza li r-RUP huma fost ir-reġjuni turistiċi pprivileġġjati u li huwa indispensabbli li jsir investiment f'netwerk tat-trasport ta' kwalità għolja u bi prezzijiet aċċessibbli, speċjalment fir-rigward tas-suq intern;

88.  Jistieden lill-UE timpenja ruħha b'mod deċiżiv fl-internazzjonalizzazzjoni tal-aċċess għar-RUP permezz tal-ħolqien ta' infrastrutturi u rotot ta' trasport sabiex jgħaqqdu dawn ir-reġjuni mal-kontinent Ewropew, il-pajjiżi terzi ġirien u l-bqija tad-dinja;

89.  Jitlob l-iskjerament fir-RUP ta' strateġija ġenwina industrijali Ewropea li twassal għall-ħolqien ta' impjiegi li ma jistgħux jiġu rilokati u bbażata fuq il-kapaċità tal-kumpaniji li jikkonsolidaw ir-rabtiet lokali tagħhom;

90.  Iqis li r-RUP jistgħu jikkostitwixxu postijiet privileġġjati għall-iżvilupp ta' proġetti pilota li l-miżuri tgaħhom għandhom jiġu applikati b'mod trażversali fl-Istati Membri differenti;

o
o   o

91.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1) ĠU C 258E, 7.9.2013, p. 1.
(2) Testi adottati ta' din id-data, P7_TA(2014)0133.
(3) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 2015, Il-Parlament u l-Kummissjoni/Il-Kunsill, C-132/14 sa C-136/14, ECLI:EU:C:2015:813.
(4) ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1.
(5) Testi adottati ta’ din id-data, P8_TA(2017)0195.

Avviż legali