Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2142(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0252/2017

Testi mressqa :

A8-0252/2017

Dibattiti :

PV 11/09/2017 - 26
CRE 11/09/2017 - 26

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2017 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0324

Testi adottati
PDF 402kWORD 59k
It-Tlieta, 12 ta' Settembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod bħala parti mill-istrateġija Ewropea għat-tagħlim tul il-ħajja
P8_TA(2017)0324A8-0252/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod bħala parti mill-istrateġija Ewropea għat-tagħlim tul il-ħajja (2016/2142(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Copenhagen tat-30 ta' Novembru 2002 dwar il-kooperazzjoni msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020")(1),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni tal-2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) – "L-Edukazzjoni u t-Taħriġ f'Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklużiva"(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) – "Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ"(3),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti(4),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar" (COM(2012)0669),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2014 dwar l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ – reazzjoni għar-"Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar" u l-"Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013"(5),

–   wara li kkunsidra Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja(6),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, irratifikata mill-UE fl-2010,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(7),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2010 dwar l-edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli(8),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(9),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (10)(EQF-LLL),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ(11),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar il-programm Erasmus+ u strumenti oħra sabiex titrawwem il-mobilità fl-ETV - approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja(12),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar is-segwitu tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)(13),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Niftħu l-Edukazzjoni, tal-31 ta' Jannar 2014(14),

–  wara li kkunsidra r-riċerka tal-Kummissjoni dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ tal-2020: It-titjib tal-Politika u t-Twassil tat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa(15),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi(16),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu 2011-2020(17),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2017 dwar "Intejbu l-Ħiliet tan-Nisa u l-Irġiel fis-Suq tax-Xogħol tal-UE"(18),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2011 dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0252/2017),

A.  billi s-sistemi tal-edukazzjoni tagħna qed jiffaċċjaw sfidi sinifikanti bħala riżultat tat-trasformazzjoni diġitali, li qed iħallu impatt fuq il-proċessi tat-tagħlim, u l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità għall-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni ċivika kif ukoll l-iżvilupp personali, u li jissaħħu l-valuri demokratiċi Ewropej u t-tolleranza għall-fini li titrawwem mentalità miftuħa u jiġi evitat kwalunkwe tip ta' intolleranza; billi, l-awtonomizzazzjoni diġitali u l-awtostima huma prerekwiżit essenzjali għall-bini ta' soċjetajiet b'saħħithom u biex jiġu megħjuna l-proċessi ta' unità u integrazzjoni fl-UE;

B.  billi jenħtieġ li l-istrateġija Ewropea tat-tagħlim tul il-ħajja tissaħħaħ; billi jenħtieġ li kull persuna, f'kull stadju tal-ħajja jkollha opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja biex takkwista l-għarfien u l-ħiliet li jkollha bżonn kemm għall-iżvilupp personali kif ukoll għall-progress professjonali tagħha; billi t-tagħlim tul il-ħajja, f'kuntesti formali, mhux formali u informali, li jippromwovi ċ-ċittadinanza attiva u l-impjegabilità, huwa aspett ewlieni tal-edukazzjoni affettwat minn dawn il-bidliet;

C.  billi hemm bżonn li jsiru sforzi addizzjonali sabiex jiżdiedu s-sinerġiji bejn l-edukazzjoni u l-impjieg, kemm billi jiġi ffaċilitat id-dħul fis-suq tax-xogħol kif ukoll billi l-individwi jkunu jistgħu jaġġornaw kostantement il-ħiliet tagħhom jew jitgħallmu ħiliet ġodda matul il-karrieri tagħhom; billi jenħtieġ li l-Istati Membri jsibu modi kif jipproteġu jew jippromwovu investiment fit-tul fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

D.  billi l-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod jagħtu kontribut sinifikanti għall-iżvilupp personali tal-individwi u għall-formazzjoni ta' kapital uman u jenħtieġ li jsiru parti integrali mill-istrateġija Ewropea ta' tagħlim tul il-ħajja;

E.  billi l-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod għandhom rwol dejjem aktar importanti fil-faċilitazzjoni tal-adattament tal-ħaddiema għall-bidliet ekonomiċi u teknoloġiċi matul il-ħajja professjonali tagħhom; billi sal-2025, 49 % tal-opportunitajiet ta' impjieg kollha fl-UE (inklużi kemm impjiegi ġodda kif ukoll impjiegi ta' sostituzzjoni) se jirrikjedu kwalifiki ta' livell għoli, 40 % se jirrikjedu kwalifiki ta' livell medju, filwaqt li 11 % biss se jirrikjedu kwalifiki ta' livell baxx jew ebda kwalifika;

F.  billi l-edukazzjoni akkademika avvanzata u l-edukazzjoni mill-bogħod huma għodod importanti biex jingħataw opportunitajiet tal-edukazzjoni flessibbli u personalizzati għal kulħadd mingħajr ebda diskriminazzjoni(19); jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jitwessgħu l-istrateġiji ta' aċċess;

G.  billi l-edukazzjoni akkademika avvanzata u l-edukazzjoni mill-bogħod, u l-użu ta' teknoloġiji ġodda, jistgħu jgħinu biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-bniet u n-nisa dwar possibilitajiet professjonali ġodda, b'mod partikolari f'oqsma fejn huma sottorappreżentati; billi minkejja li aktar nisa għandhom diplomi tal-iskola sekondarja avvanzati u lawrji ta' edukazzjoni għolja, hemm bżonn li tiżdied il-preżenza tan-nisa kemm fl-edukazzjoni vokazzjonali kif ukoll f'setturi relatati ma' STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika);

H.  billi l-edukazzjoni mill-bogħod hija approċċ wieħed possibbli, fil-kuntest ta' edukazzjoni akkademika avvanzata, li minħabba l-flessibilità tagħha tiffaċilita b'mod partikolari li jiġi żgurat il-bilanċ bejn l-istudju, ix-xogħol u l-ħajja privata;

I.  billi l-edukazzjoni mill-bogħod(20) tirreferi għal forma organizzattiva għat-tagħlim li toffri livell għoli ta' flessibilità fit-tagħlim permezz tal-użu ta' teknoloġiji tal-edukazzjoni diġitali, mhux bħala sostituzzjoni għall-edukazzjoni fuq il-kampus, iżda li joffri alternattiva għal studenti li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fl-edukazzjoni fuq il-kampus;

J.  billi l-edukazzjoni mill-bogħod tirreferi għal metodu ta' tagħlim li joffri flessibilità permezz tal-użu ta' teknoloġiji emerġenti, mhux bħala sostituzzjoni tal-edukazzjoni fuq il-kampus, iżda li joffri alternattiva għal studenti li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fl-edukazzjoni fuq il-kampus u għal ħaddiema li jixtiequ jikkombinaw ix-xogħol mal-edukazzjoni; għalhekk, id-diġitalizzazzjoni tista' tintuża bħala għodda li tipprovdi mezzi ġodda ta' aċċess għal edukazzjoni ogħla;

K.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-UE li hu minqux fit-Trattati u hija wieħed mill-objettivi u l-kompiti tal-Unjoni; billi l-ugwaljanza fl-edukazzjoni toffri lin-nisa opportunitajiet akbar u tikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjali, kulturali u ekonomiku tas-soċjetà; billi l-edukazzjoni tikkostitwixxi għodda fundamentali biex tiġġieled l-istereotipi tas-sessi;

L.  billi r-rata medja tal-impjieg tan-nisa hija marbuta direttament mal-livell ta' edukazzjoni tagħhom, bin-nisa ta' bejn il-25 u d-49 sena li jkunu kkompletaw l-edukazzjoni terzjarja u li għandhom rati ta' impjieg li huma aktar minn 20 % ogħla minn dawk ta' nisa b'edukazzjoni ta' qabel il-primarja, dik primarja u edukazzjoni sekondarja aktar baxxa;

M.  billi l-edukazzjoni mill-bogħod jista' jkollha effett pożittiv fuq il-ħiliet tal-ICT tan-nisa; billi d-dħul ta' aktar nisa fis-settur tal-ICT isaħħaħ suq li fih hija prevista skarsezza ta' ħaddiema u li fih il-parteċipazzjoni indaqs tan-nisa kieku twassal għal żieda ta' madwar EUR 9 biljun fil-PDG tal-UE kull sena; billi n-nisa huma wisq sottorappreżentati fil-korsijiet universitarji tal-ICT, fejn dawn jikkostitwixxu biss madwar 20 % tal-gradwati fil-qasam, bi 3 % biss tal-gradwati kollha nisa li għandhom lawrja fl-ICT;

N.  billi l-programmi mill-bogħod jilħqu numri sostanzjali ta' nisa f'soċjetajiet fejn in-nisa jinsabu nieqsa minn opportunitajiet ugwali għall-parteċipazzjoni fil-forom konvenzjonali ta' edukazzjoni u taħriġ, peress li n-nisa għadhom iqattgħu aktar ħin mill-irġiel fuq xogħol domestiku mhux imħallas u fuq l-indokrar tal-familja; billi tali korsijiet joffrulhom flessibilità fil-ksib ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u billi t-tagħlim mill-bogħod huwa mmirat b'mod partikolari lejn kategorija mhux tradizzjonali ta' studenti;

O.  billi l-edukazzjoni akkademika avvanzata hija waħda mill-kompiti tas-servizz pubbliku tal-edukazzjoni ogħla u tirreferi għal korsijiet fi ħdan istituzzjoni akkademika li tista' tkun segwita b'mod parallel ma' xogħol full-time, ġeneralment billi tibni fuq l-esperjenza professjonali u li normalment tippresupponi lawrja universitarja;

P.  billi l-adattament biex tiġi aċċelerata l-bidla ekonomika u teknoloġika hija sfida ewlenija għal forza tax-xogħol li qed tixjieħ u li rispons għal din l-isfida se jkun waħda miċ-ċwievet li tiżgura l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-UE;

Q.  billi l-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja u tal-iżvilupp tal-karriera jaf jingħataw spinta permezz tar-rikonoxximent ta' tagħlim preċedenti;

R.  billi l-fatt li n-nies jingħataw ħin frank għall-iżvilupp personali u tat-taħriġ fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja jibbenefika l-benesseri tagħhom kif ukoll il-kontribut tagħhom għas-soċjetà billi jawtonomizzahom b'kapaċitajiet personali u professjonali aktar definiti; billi edukazzjoni akkademika mill-bogħod tipprovdi formati ta' studju flessibbli li jgħinu lin-nies jiksbu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; billi t-tagħlim universitarju tul il-ħajja (ULLL) jenħtieġ li jkun parti mill-Istrateġija tad-Diġitalizzazzjoni Ewropea;

S.  billi d-diġitalizzazzjoni tippermetti l-flessibilità u l-interattività tal-proċess edukattiv u hija fattur ewlieni għall-iżvilupp ulterjuri ta' edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod;

T.  billi l-bidla teknoloġika tirrikjedi konnessjonijiet aktar b'saħħithom u aktar kontinwi bejn l-edukazzjoni u l-impjieg;

U.  billi t-tendenza li l-istituzzjonijiet akkademiċi jkunu statiċi toħloq diffikultajiet fir-riforma tal-kurrikuli, ir-regoli li jirregolaw il-korsijiet u l-eżamijiet u r-rekwiżiti tad-dħul;

V.  billi l-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod huma setturi li qed jespandu b'mod rapidu b'potenzjal sinifikanti f'termini ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' impjiegi;

W.  billi għad hemm ħafna ostakoli għall-korsijiet tal-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod(21);

Edukazzjoni avvanzata u mill-bogħod biex jakkumpanjaw il-bidla soċjetali u ekonomika

1.  Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni online u miftuħa qed tbiddel il-mod ta' kif l-edukazzjoni tingħata r-riżorsi, titwassal u kif tiġi assimilata; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza tar-riżorsi edukattivi miftuħa, li jiżguraw l-aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd u jtejbu l-impjegabilità billi jappoġġaw il-proċess ta' tagħlim tul il-ħajja;

2.  Jinnota li ħafna istituzzjonijiet edukattivi u ta' taħriġ qed jissieltu biex jirreaġixxu għall-bidliet kbar u kumplessi li s-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna qegħdin jesperjenzaw u jeħtieġu li jsiru bidliet f'termini ta' governanza, strutturi organizzattivi u mod ta' operat; jenfasizza li forom ġodda, flessibbli u aċċessibbli ta' tagħlim tul il-ħajja, xierqa għal individwi ta' kull età, jistgħu jindirizzaw b'suċċess ftit minn dawk l-isfidi bħall-esklużjoni soċjali, it-tluq bikri mill-iskola u d-diskrepanzi fil-ħiliet;

3.  Jirrikonoxxi li d-diġitalizzazzjoni u l-istabbiliment ta' pjattaformi edukattivi biex ikun hemm kooperazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki huma essenzjali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu aktar azzjoni biex jitnaqqas id-distakk teknoloġiku eżistenti bejn l-istituzzjonijiet edukattivi li huma mgħammra tajjeb u dawk li mhumiex, bħala parti mill-istrateġiji nazzjonali għall-ħiliet diġitali;

5.  Jenfasizza li l-miżuri għat-tagħlim tul il-ħajja huma kruċjali biex in-nisa jingħataw il-ħiliet li bihom ikunu kapaċi jirritornaw fid-dinja tax-xogħol jew itejbu l-impjieg, id-dħul u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' titjib ulterjuri fil-preżenza tan-nisa fil-livelli ogħla fid-dinja akkademika u l-aċċess tagħhom għalihom;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-istereotipi tas-sessi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippromwovi inizjattivi li joffru appoġġ fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' edukazzjoni professjonali mill-bogħod għan-nisa, filwaqt li tiġi inkluża l-edukazzjoni ogħla fl-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-informatika, fl-iżvilupp ta' programmi ta' taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-professjonisti fl-edukazzjoni, u fil-prevenzjoni tal-infiltrazzjoni tal-istereotipi mill-kurrikuli u l-materjal pedagoġiku;

7.  Jenfasizza li l-istituzzjonijiet akkademiċi jridu jħejju liċ-ċittadini għal soċjetajiet ibbażati fuq l-għarfien u ekonomiji li jinbidlu b'mod kostanti, jipprovdulhom l-għarfien espert għat-tagħlim indipendenti u attitudni intraprenditorjali u ħiliet trasversali, bħal pereżempju s-soluzzjoni tal-problemi u l-adattabilità, sabiex jesploraw l-alternattivi tagħhom stess u jiksbu l-potenzjali sħiħ tagħhom;

8.  Jenfasizza wkoll li l-istituzzjonijiet akkademiċi għandhom rwol importanti fit-tisħiħ ta' ċittadinanza attiva u jridu wkoll jipprovdu lill-istudenti b'kompetenzi trasversali bħall-kompetenzi ċiviċi, kompetenzi soċjali u ċ-ċittadinanza;

9.  Jirrikonoxxi li approċċ lejn l-edukazzjoni ċċentrat fuq l-istudenti jnaqqas ir-rata ta' tluq bikri mill-iskola u jippermetti lill-istudenti jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom(22); jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' gwida għall-karriera tul il-ħajja għal kulħadd;

10.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-kondiviżjoni tal-għarfien biex jittejbu kemm il-parteċipazzjoni attiva kif ukoll il-fehim internazzjonali taċ-ċittadini f'soċjetajiet li dejjem qed jinbidlu;

11.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiżdied il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet ta' taħriġ u dawk edukattivi, il-komunitajiet lokali u l-ekonomija; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' sinerġiji aħjar bejn il-fornituri tat-tagħlim formali, mhux formali u informali sabiex jissaħħu l-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd;

12.  Huwa tal-fehma li, f'kull stadju tal-ħajja, kulħadd irid ikollu d-dritt għal aċċess għall-opportunitajiet ta' tagħlim u ta' taħriġ biex b'hekk jinkisbu ħiliet trasversali bħal pereżempju n-numeriżmu, il-litteriżmu medjatiku u diġitali, il-ħsieb kritiku, il-ħiliet soċjali u ħiliet għall-ħajja rilevanti oħra sabiex ikun jista' jsir adattament aħjar għall-futur;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat appoġġ imfassal apposta għall-impjegati, l-apprendisti u dawk li jitħarrġu fuq il-post tax-xogħol sabiex tiġi żgurata l-inklużjoni tal-individwi kollha fis-suq tax-xogħol; huwa tal-fehma li huwa ta' importanza kruċjali li jiġu inkorporati teknoloġiji ġodda fil-proċess ta' tagħlim sabiex in-nies ikunu mgħammra bil-ġabra xierqa ta' ħiliet, kompetenzi u għarfien li jippermettulhom li jużaw it-teknoloġiji diġitali b'mod innovattiv u kreattiv;

14.  Jitlob l-inklużjoni u ż-żamma aħjar taċ-ċittadini fis-suq tax-xogħol, flimkien ma' titjib tal-kompetenzi tagħhom permezz ta' edukazzjoni akkademika avvanzata u edukazzjoni mill-bogħod u taħriġ vokazzjonali u edukattiv (ETV); jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied l-attraenza tal-informazzjoni dwar l-alternattivi tal-ETV għaż-żgħażagħ u l-familji tagħhom u l-aċċess għaliha; ifakkar f'dan ir-rigward li l-mira tal-mobilità tat-tagħlim fis-settur tal-ETV fil-programm Erasmus+ għadha 'l bogħod milli tintlaħaq u jenħtieġ li tingħatalha aktar attenzjoni;

15.  Jirrileva l-importanza tal-Erasmus+ u Orizzont 2020 għat-tisħiħ tat-tagħlim tul il-ħajja; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jesploraw bis-sħiħ il-potenzjal ta' dawk il-programmi; u jenfasizza li jenħtieġ li jkun hemm programmi mfassla għal edukazzjoni akkademika avvanzata iffukati fuq il-post tax-xogħol;

16.  Jirrikonoxxi li l-aċċess għal edukazzjoni inklużiva ta' kwalità hija ta' importanza ewlenija u għalhekk hemm bżonn ta' appoġġ għal tagħlim miftuħ u mill-bogħod biex jissodisfaw il-bżonnijiet speċjali ta' dawk li ma jistgħux jintlaħqu permezz tas-sistemi tradizzjonali ta' twassil – b'mod partikolari għal gruppi żvantaġġati; jistieden lill-Istati Membri jidderieġu l-investimenti għal dan l-għan;

L-importanza tal-kwalità u l-flessibilità fl-edukazzjoni

17.  Jipperċepixxi l-kwalità tal-edukazzjoni, kemm formali kif ukoll mhux formali, li dejjem tavvanza, bħala kruċjali għall-isforzi tal-UE biex tiżgura l-koeżjoni soċjali, il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli;

18.  Jenfasizza li biex jibqgħu kompetittivi, u biex il-ħaddiema b'ħiliet kemm ta' livell baxx kif ukoll ta' livell għoli jingħataw l-aħjar ċans ta' suċċess, jenħtieġ li n-negozji flimkien mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ joffru taħriġ u edukazzjoni abbażi tal-karriera matul il-ħajja tax-xogħol tan-nies;

19.  Jenfasizza l-importanza partikolari ta' metodi ta' kwalità għat-tixrid tal-għarfien u tal-ħiliet għall-eżiti tal-edukazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment u appoġġ għall-iżvilupp professjonali u l-aġġornament tal-ħiliet tal-għalliema; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu garantiti standards għoljin fl-edukazzjoni mill-bogħod u l-importanza li jiġu żviluppati mudelli ta' tagħlim ġodda bħala parti mill-proċess ta' innovazzjoni u diġitizzazzjoni gradwali tal-edukazzjoni; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, li r-riżorsi u l-infrastruttura xierqa huma elementi ta' importanza vitali għat-titjib tal-kwalità tat-tagħlim;

20.  Jinnota li dan jesiġi kunsiderazzjoni u valorizzazzjoni tal-għalliema, remunerazzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti u aċċess aħjar għal taħriġ ulterjuri matul il-ħin tax-xogħol speċjalment fid-didattika diġitali;

21.  Jitlob lill-universitajiet jiffokaw fuq l-edukazzjoni mill-bogħod fuq skala dejjem usa', u jestenduha sabiex tkopri wkoll korsijiet professjonali qosra b'xejn;

22.  Jenfasizza li l-istudenti li jkunu qed jagħmlu kors ta' edukazzjoni mill-bogħod jenħtieġ li jkollhom opportunitajiet garantiti biex jikkomunikaw mal-għalliema u jiġu vvalutati minnhom, sabiex jiġi żgurat li l-istudenti jkollhom l-appoġġ, il-gwida u t-tħeġġiġ xierqa matul l-istudji tagħhom;

23.  Jirrikonoxxi li formati flessibbli ta' tagħlim, bħat-tagħlim mill-bogħod u t-tagħlim imħallat, jippermettu li persuni impjegati jirrikonċiljaw ix-xogħol u/jew l-edukazzjoni mal-ħajja privata u familjari tagħhom;

24.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni mill-bogħod għal dawk il-persuni li l-kundizzjonijiet fiżiċi tagħhom ma jħalluhomx jattendu klassijiet fuq il-kampus;

25.  Jippromwovi l-idea ta' tagħlim imfassal apposta u tal-ħolqien ta' rabta bejn korsijiet imfassla għal dawk li jixtiequ jidħlu f'edukazzjoni ta' livell terzjarju li għandhom bżonn jiksbu kwalifiki ulterjuri sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dħul;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li nistinkaw għal approċċ aktar flessibbli u personalizzat għall-iżvilupp tal-karriera u għall-edukazzjoni tul il-ħajja u t-taħriġ tul il-perkors personali tal-karriera; jirrikonoxxi r-rwol li, primarjament il-partijiet pubbliċi, iżda wkoll dawk privati, jista' jkollhom biex jipprovdu dan, filwaqt li jirrikonoxxi li l-gwida u l-konsulenza li jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-preferenzi individwali u jiffokaw fuq l-evalwazzjoni u l-espansjoni tal-ħiliet individwali jridu jkunu element ewlieni tal-politiki tal-edukazzjoni u l-ħiliet minn stadju bikri;

27.  Jenfasizza l-importanza tal-interattività fit-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni mill-bogħod bl-użu ta' metodi ta' komunikazzjoni moderni li jagħtu lok għal eżerċizzji prattiċi, l-involviment tal-istudenti fil-proċess ta' tagħlim u l-iżvilupp ta' ħiliet ta' komunikazzjoni;

28.  Jippromwovi l-idea li jiġi żgurat l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari biex jiġi ffaċilitat id-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, inkluż fir-rigward tan-nisa u dawk li jindukraw;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ kontinwu tal-edukazzjoni mill-bogħod bħala parti mill-modernizzazzjoni li għaddejja tal-għodda u l-metodi ta' tagħlim;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet ta' tagħlim indipendenti (fosthom l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-ipproċessar tal-informazzjoni, il-ħsieb kritiku u l-motivazzjoni) sabiex, fil-futur, ikunu jistgħu effettivament jużaw teknoloġiji avvanzati sabiex jiżviluppaw ħiliethom permezz tal-edukazzjoni mill-bogħod;

L-edukazzjoni avvanzata u mill-bogħod bħala għodda ta' żvilupp għall-universitajiet

31.  Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod toħloq opportunitajiet ta' żvilupp biex l-istabbilimenti ta' edukazzjoni ogħla jwessgħu il-qasam tal-kompetenzi tagħhom u jiddiversifikaw il-programmi li joffru sabiex jimmiraw lejn udjenzi ġodda u jiddiversifikaw id-dħul tagħhom, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-ispejjeż tal-edukazzjoni mill-bogħod huma orħos minn dawk tal-korsijiet fuq il-kampus;

32.  Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni mill-bogħod tħeġġeġ l-iżvilupp ta' oqsma interdixxiplinari u t-twettiq ta' studji internazzjonali;

33.  Jistieden lill-universitajiet jespandu l-għoti ta' tagħlim mill-bogħod tagħhom;

34.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-istrateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) fl-iżvilupp tal-potenzjal reġjonali ewlieni abbażi tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

L-isfidi teknoloġiċi

35.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinżamm il-pass ma' bidla teknoloġika rapida, b'mod partikolari għall-edukazzjoni mill-bogħod, u li l-importanza tad-dipendenza fuq l-ICT ma tistax ma tiġix enfasizzata biżżejjed; huwa tal-opinjoni li l-ICT hija mezz li permezz tiegħu sfidi tal-iżvilupp u tal-edukazzjoni kbar jistgħu jiġu indirizzati b'mod ottimali u kosteffikaċi; jemmen li jenħtieġ li l-isforzi jiġu wkoll appoġġati minn investiment maġġuri fl-edukazzjoni, inkluż l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jiġu żviluppati l-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku fil-livelli kollha;

36.  Jinnota b'dispjaċir li n-nuqqas ta' litteriżmu fl-ICT huwa kwistjoni ewlenija llum kemm fost l-edukaturi kif ukoll fost l-istudenti; itenni l-importanza tal-profiċjenza teknoloġika sabiex ikun jista' jiġi sfruttat il-potenzjal tat-tagħlim mill-bogħod u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' metodi ġodda ta' tagħlim u taħriġ;

37.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-firda diġitali u li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd sabiex jinkiseb aċċess għat-teknoloġiji diġitali, kif ukoll il-kompetenzi, l-attitudnijiet u l-motivazzjoni meħtieġa għal parteċipazzjoni diġitali sinifikanti;

38.  Jirrileva l-fatt li kwart biss tat-tfal tal-iskola fl-Ewropa huma mgħallma minn għalliema diġitalment kunfidenti, li huwa ostakolu kbir li jxekkel l-iżvilupp ta' metodi ġodda ta' tagħlim milli jiffjorixxi; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ aktar b'saħħtu għal opportunitajiet tal-iskola u tat-titjib tal-ħiliet, inkluż permezz tal-IT u taħriġ fil-litteriżmu medjatiku u opportunitajiet ta' karriera tul il-ħajja għall-edukaturi;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm investiment u appoġġ fir-rigward tal-iżvilupp professjonali tal-għalliema fis-setturi edukattivi kollha u li jiġu stabbiliti servizzi ta' gwida dwar il-karriera tul il-ħajja;

40.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' pjattaformi diġitali ġodda fl-edukazzjoni, filwaqt li jenfasizza wkoll il-kwistjonijiet ta' sigurtà u privatezza li kemm l-istituzzjonijiet akkademiċi kif ukoll l-istudenti qegħdin jiffaċċjaw;

41.  Jenfasizza l-importanza tal-ħiliet STEM u mill-ġdid jiddispjaċih minħabba l-iżbilanċ bejn is-sessi f'dan il-qasam;

Sfidi finanzjarji

42.  Jirrikonoxxi n-neċessità ta' finanzjament xieraq għal edukazzjoni ta' kwalità u tagħlim imfassal apposta; jirrileva li l-edukazzjoni mill-bogħod tista' tipprovdi edukazzjoni ċċentrata fuq min jitgħallem u ta' kwalità għolja bi prezz inqas; jenfasizza l-importanza ta' involviment prattiku u finanzjarju akbar tal-industrija u n-negozju fit-taħriġ vokazzjonali;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-infiq fl-edukazzjoni jiġi rikonoxxut bħala investiment fit-tul li jġib benefiċċji dejjiema;

44.  Iqis li l-ispejjeż ma jridux jaġixxu ta' ostakolu għar-reġistrazzjoni u l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni imma wkoll jirrikonoxxi l-problemi sottostanti li jwasslu għal spejjeż għolja u l-inabilità taċ-ċittadini li jħallsu l-miżati għar-reġistrazzjoni f'xi Stati Membri; jinkoraġġixxi, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw u jippromwovu aħjar it-tagħlim mill-bogħod bħala għażla edukattiva ta' kwalità, li wieħed jiflaħ iħallas għaliha, flessibbli u personalizzata;

L-isfidi fir-rigward tal-qafas regolatorju

45.  Jirrikonoxxi d-differenzi fl-oqfsa regolatorji għat-taħriġ vokazzjonali tradizzjonali, l-edukazzjoni akkademika avvanzata u l-edukazzjoni mill-bogħod; jenfasizza li jenħtieġ li l-edukazzjoni mill-bogħod tiġi akkreditata skont l-istess regoli bħall-edukazzjoni fuq il-kampus iżda permezz ta' indikaturi u kriterji differenti aġġustati għaliha;

46.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-governanza attiva u tal-involviment tal-partijiet interessati;

47.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-assigurazzjoni tal-kwalità fit-tagħlim mill-bogħod u l-akkreditazzjoni tal-eżiti tiegħu;

48.  Jiftakar li ħafna għodod tat-trasparenza Ewropej eżistenti, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) u s-sistema Ewropea ta' krediti għall-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ (ECVET), ġew żviluppati f'iżolament; jirrikonoxxi li sabiex l-individwi jkunu jistgħu jkejlu aħjar il-progress u l-opportunitajiet tagħhom u jikkapitalizzaw fuq l-eżiti tat-tagħlim miksuba f'kuntesti differenti, huma jeħtieġu li jkunu aktar koordinati u appoġġati permezz ta' sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità u inkorporati f'qafas ta' kwalifiki nazzjonali sabiex tinbena fiduċja fost is-setturi u l-atturi inklużi l-impjegaturi;

49.  Jirrikonoxxi l-importanza kontinwa kemm tat-tagħlim b'metodoloġiji mħallta kif ukoll ta' tagħlim online, b'mod partikolari fil-kuntest tal-ETV; jenfasizza li l-kombinament ta' teknoloġiji diġitali ta' kwalità għolja u l-opportunitajiet tat-tagħlim wiċċ imb'wiċċ jirriżultaw f'kisbiet akbar għall-istudenti u, għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw u jippromwovu aħjar it-tagħlim b'metodoloġiji mħallta;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istrateġija Ewropea tat-tagħlim tul il-ħajja u tagħmel l-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod parti integrali minnha sabiex tippromwovi l-adattament ta' forza tax-xogħol li qed tixjieħ għall-bidla ekonomika u teknoloġika; jistieden ukoll lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li żżid il-finanzjament tal-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod permezz ta' programmi eżistenti u futuri;

51.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv multisettorjali u multidixxiplinari għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja, u l-ħtieġa ta' kooperazzjoni transsettorjali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki edukattivi;

Rakkomandazzjonijiet fil-livell Ewropew

52.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitrawmu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn is-sistemi edukattivi; jinkoraġġixxi aktar it-tixrid ta' prattiki tajba mill-aġenziji nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-kwalità fl-iżvilupp ta' kriterji dwar ir-rikonoxximent ta' modi ġodda ta' tagħlim u taħriġ;

53.  Jitlob li l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) jiġi rivedut sabiex tiġi promossa l-komparabilità tal-kwalifiki bejn il-pajjiżi koperti fil-QEK u pajjiżi oħra, b'mod partikolari l-pajjiżi tal-viċinat u pajjiżi oħra b'oqfsa ta' kwalifiki maturi, sabiex jinftiehmu aħjar il-kwalifiki miksuba barra mill-pajjiż u sabiex il-persuni bi sfond ta' migrazzjoni u r-rifuġjati jitqiegħdu lura fit-tagħlim tul il-ħajja u fl-impjieg;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ b'mod sinifikanti l-appoġġ għall-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod permezz tal-Erasmus+ billi tippromwovi l-iżvilupp ta' netwerks Ewropej, u tiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajba, l-istabbiliment ta' proġetti li jinvolvu istituzzjonijiet ibbażati f'diversi Stati Membri, u aċċessibilità miżjuda għall-istudenti minn pajjiżi Ewropej u pajjiżi terzi oħra;

55.  Huwa favur il-ħolqien ta' pjattaforma online faċli biex tintuża bħala punt uniku ta' servizz fejn il-professjonisti tal-edukazzjoni u l-istudenti jkunu jistgħu jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjattaforma sigura u integrata għat-tagħlim imfassla għall-istituzzjonijiet edukattivi Ewropej mingħajr ħlas u offruta lilhom, u b'hekk tagħti spinta lill-użu tat-tagħlim elettroniku fl-UE kollha;

57.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati l-eTwinning u s-School Education Gateway biex jappoġġaw skambji kostruttivi bejn l-għalliema u professjonisti oħra;

58.  Jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' rabtiet aktar b'saħħithom bejn l-edukazzjoni akkademika avvanzata (li mhix biss orjentata lejn ir-riċerka) u t-taħriġ vokazzjonali u edukattiv għall-ksib ta' ħiliet, u jħeġġeġ azzjoni biex ikun żgurat li wieħed ikun jista' jagħmel jew japplika għat-tnejn li huma fi kwalunkwe mument;

59.  Jirrakkomanda l-korroborazzjoni tal-isforzi għat-tagħlim tul il-ħajja mal-Istrateġija Ewropea għad-Diġitalizzazzjoni u li titħejja valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneri tal-miżuri proposti;

60.  Jilqa' l-pjan ambizzjuż li jiġi provdut internet ultra-veloċi fl-iskejjel primarji u sekondarji u fil-libreriji sal-2025 peress li konnettività aħjar u aktar veloċi tipprovdi opportunitajiet enormi biex jittejbu l-metodi tat-tagħlim, biex titrawwem ir-riċerka u biex jiġu żviluppati servizzi edukattivi online ta' kwalità għolja; jenfasizza li l-mobilizzazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji toħloq opportunitajiet aħjar għat-tagħlim mill-bogħod, b'mod partikolari fiż-żoni rurali u fir-reġjuni ultraperiferiċi; jenfasizza l-fatt li tali opportunitajiet se jsaħħu l-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku tat-tfal u tal-istudenti;

61.  Jenfasizza li l-adozzjoni ta' sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ hija essenzjali biex tiġi ssodisfata t-talba li qed tiżdied għal professjonisti b'ħiliet diġitali fl-UE; jenfasizza li, biex jinkiseb suq uniku diġitali reali fl-Ewropa, jeħtieġ ukoll li jsiru sforzi ulterjuri biex jittejjeb il-litteriżmu medjatiku fost iċ-ċittadini, b'mod partikolari fost il-minorenni;

62.  Jirrileva l-importanza li jiżdiedu l-isforzi Ewropej biex l-istrateġija għat-tagħlim tul il-ħajja ssir realtà għal kulħadd, flimkien mal-objettiv li tiġi pprovduta firxa ta' opportunitajiet ta' tagħlim li jistgħu jiġu segwiti għall-iżvilupp u s-sodisfazzjoni personali; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jinvestu fit-tagħlim tul il-ħajja, partikolarment f'pajjiżi b'rata ta' parteċipazzjoni inqas mill-punt ta' riferiment ta' 15 %;

63.  Jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-kooperazzjoni u jsaħħu s-sinerġiji bejn dawk li jipprovdu tagħlim formali, mhux formali u informali bil-ħsieb li jintlaħaq grupp usa' ta' persuni sabiex jiġu kkunsidrati aħjar il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom;

64.  Jirrakkomanda li jenħtieġ li l-għalliema li jagħtu korsijiet ta' tagħlim mill-bogħod ikollhom taħriġ ċertifikat speċifiku;

Rakkomandazzjonijiet fil-Livell tal-Istati Membri

65.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm approċċ olistiku għall-edukazzjoni u li jipprovdu lill-istudenti b'opportunitajiet ta' tagħlim awtentiċi, varjati u ugwali li jiżviluppaw l-aspirazzjonijiet tagħhom u l-ħiliet meħtieġa sabiex jirnexxu f'ekonomija globali li dejjem tinbidel u f'soċjetà demokratika;

66.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jibnu fuq il-mekkaniżmi ta' validazzjoni eżistenti sabiex jivvalutaw u jiċċertifikaw il-ħiliet, miksuba permezz ta' perkorsi ta' titjib tal-ħiliet, u jiżguraw ir-rikonoxximent tagħhom bil-ħsieb li jinkisbu kwalifiki, skont il-qafas u s-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki;

67.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni ulterjuri tal-infrastruttura diġitali speċjalment f'żoni b'anqas densità ta' popolazzjoni tippromwovi l-integrazzjoni soċjali u kulturali, proċessi moderni tal-edukazzjoni u tal-informazzjoni u ekonomija kulturali reġjonali;

68.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli opportunitajiet għal taħriġ fl-ICT u l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

69.  Itenni l-importanza li l-istituzzjonijiet akkademiċi u ta' taħriġ jirreaġixxu aktar rapidament għall-bidliet fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, u li jadattaw u jimmodernizzaw il-mod tal-operat tagħhom u jippermettu lill-istudenti jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom kif xieraq; jenfasizza madankollu li l-edukazzjoni hija proċess ta' emanċipazzjoni tul il-ħajja, li jenħtieġ li jgħin liċ-ċittadini jiksbu żvilupp personali, kreattività u benesseri;

70.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet akkademiċi jantiċipaw il-bidliet fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, u jadattaw il-mod tagħhom kif jaħdmu kif xieraq; jinnota li l-iżvilupp ta' setturi orjentati lejn il-futur, b'mod partikolari l-ekonomija ħadra u ċirkolari, għandu rwol determinanti fuq it-tip ta' ħiliet meħtieġa;

71.  Jistieden, barra minn hekk, lill-istituzzjonijiet akkademiċi joffru korsijiet multilingwi mmirati lejn il-ħiliet tal-migranti, li jiffaċilitaw il-passaġġ għad-dħul fi programmi edukattivi;

72.  Jenfasizza l-ħtieġa għal flessibilità akbar fis-sistemi edukattivi tal-Istati Membri sabiex jippermettu użu aktar effettiv ta' metodi ta' tagħlim miftuħa u online;

73.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu d-disponibilità tad-data dwar is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi tal-gradwati ("traċċar tal-gradwati"), inkluża data dwar l-edukazzjoni vokazzjonali u s-settur tat-taħriġ;

74.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw "kurituri edukattivi" billi jippromwovu ftehimiet ma' universitajiet Ewropej, bħall-Unjoni tal-Universitajiet Mediterranji (UNIMED) u n-netwerks ta' universitajiet tat-tagħlim mill-bogħod li jospitaw studenti rifuġjati minn żoni ta' kunflitt, inkluż permezz ta' programmi ta' taħriġ akkademiku mill-bogħod;

75.  Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ speċjalizzat tal-għalliema fl-iskola u fl-università għat-tagħlim akkademiku avvanzat u mill-bogħod, sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-istudenti tagħhom;

76.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-kompetenzi u l-ħiliet miksuba barra mis-sistema edukattiva formali jiġu rikonoxxuti permezz tal-assigurazzjoni tal-kwalità u tal-akkreditazzjoni speċjalment fid-dawl tal-awtonomizzazzjoni tal-persuni f'sitwazzjoni vulnerabbli u żvantaġġata, bħall-adulti jew ir-rifuġjati b'ħiliet baxxi; jinsisti dwar l-importanza tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali sabiex l-istudenti jkunu involuti u awtonomizzati;

o
o   o

77.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(2) ĠU C 70, 8.3.2012, p. 9.
(3) ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25.
(4) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.
(5) ĠU C 64, 5.3.2013, p. 5.
(6) ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.
(7) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(8) ĠU C 327, 4.12.2010, p. 11.
(9) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(10) ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.
(11) ĠU C 183, 14.6.2014, p. 30.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0107.
(13) Testi adottati, P8_TA(2016)0291.
(14) ĠU C 126, 26.4.2014, p. 20.
(15) http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/repository/education/library/reports/policy-provision-adult-learning_en.pdf
(16) Testi adottati, P8_TA(2015)0321.
(17) https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/lsa/119628.pdf
(18) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6268-2017-INIT/mt/pdf
(19) Kif stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
(20) Fil-pajjiżi fejn jitkellmu bil-Ġermaniż, pereżempju, issir distinzjoni fir-rigward tal-edukazzjoni mill-bogħod, bejn oqsma akkademiċi u mhux akkademiċi.
(21) Kurrikulu ta' tagħlim mill-bogħod dwar l-informatika mifruxa ma' kullimkien https://www.researchgate.net/publication/312312226_A_distance_learning_curriculum_on_pervasive_computing
(22) Economics of Education Editors: Dominic J. Brewer, Patrick J. McEwan Equity and Quality in Education Supporting disadvantaged students and schools https://www.oecd.org/education/school/50293148.pdf.

Avviż legali