Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2109(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0281/2017

Testi mressqa :

A8-0281/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2017 - 9.5

Testi adottati :

P8_TA(2017)0336

Testi adottati
PDF 332kWORD 43k
L-Erbgħa, 13 ta' Settembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2017 li jakkumpanja l-proposta li jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Italja
P8_TA(2017)0336A8-0281/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2017 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 li jakkumpanja l-proposta li jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Italja (11813/2017 – C8-0304/2017 – 2017/2109(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1) u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, kif adottat b'mod definittiv fl-1 ta' Diċembru 2016(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) (ir-Regolament QFP),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2017, adottat mill-Kummissjoni fis-26 ta' Ġunju 2017 (COM(2017)0541),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2017, adottata mill-Kunsill fl-4 ta' Settembru 2017 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (11813/2017 – C8-0304/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0281/2017),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2017 jirrigwarda l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) għal ammont ta' EUR 1 196 797 579 fir-rigward tat-terremoti li seħħew fl-Italja bejn Awwissu 2016 u Jannar 2017 fir-reġjuni tal-Abruzzo, il-Lazio, il-Marche u l-Umbria,

B.  billi l-ammont ta' EUR 30 000 000 diġà tħallsu f'dan il-każ ta' FSUE permezz ta' ħlas bil-quddiem mill-Baġit tal-Unjoni għall-2016,

C.  billi dik il-mobilizzazzjoni kienet tirrappreżenta l-akbar mobilizzazzjoni tal-FSUE li qatt saret;

D.  billi l-għan tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2017 huwa li formalment idaħħal dan l-aġġustament baġitarju korrispondenti tiegħu fil-baġit tal-Unjoni għall-2017,

E.  billi bħala konsegwenza l-Kummissjoni qed tipproponi li temenda l-baġit 2017 u żżid l-Artikolu 13 06 01 "Għajnuna għall-Istati Membri fil-każ ta' diżastru naturali kbir b'riperkussjonijiet serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali jew l-ekonomija" b'EUR 1 166 797 579 kemm f'approprjazzjonijiet ta' impenn u kemm f'approprjazzjonijiet ta' pagament;

F.  billi, filwaqt li l-ammont totali disponibbli għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE f'dan l-istadju tas-sena hu ta' EUR 293 971 080 inqas mill-ammont propost, il-Kummissjoni tipproponi li tkopri din id-differenza mill-ammont annwali disponibbli fl-2018, bi qbil mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar il-QFP; billi din il-possibbiltà qatt ma ntużat qabel,

G.  billi l-FSUE kif definit fir-Regolament dwar il-QFP huwa strument speċjali u l-approprazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament korrispondenti għandhom ikunu bbaġitjati lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP,

H.  billi l-Kummissjoni qed tipproponi r-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament meħtieġa fi ħdan il-baġit tal-Unjoni għall-2017, u li tirriforni r-riżerva negattiva maħluqa mill-Baġit Emendatorju Nru 1/2017 (EUR 70 402 434) mil-linji baġitarji għall-programmi tal-fondi strutturali għall-2007-2013,

1.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi rilaxxata assistenza finanzjarja mill-FSUE għar-reġjuni milquta minn diżastri naturali; jinnota li l-ħolqien ta' sinerġiji bejn l-istrumenti kollha tal-Unjoni disponibbli huwa tal-ogħla importanza, biex jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw b'mod effikaċi għall-attivitajiet ta' rikostruzzjoni u għall-azzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa;

2.  Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2017, kif imressaq mill-Kummissjoni;

3.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2017;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 4/2017 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 51, 28.2.2017.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.

Avviż legali