Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2837(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0502/2017

Testi mressqa :

B8-0502/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P8_TA(2017)0342

Testi adottati
PDF 346kWORD 48k
L-Erbgħa, 13 ta' Settembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Importazzjoni ta’ għalf u ikel soġġett għal kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni ta' għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta' Fukushima
P8_TA(2017)0342B8-0502/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru.../... li jemenda r-regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/6 fir-rigward tal-ikel u l-għalf soġġetti għal kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-għalf u l-ikel li joriġinaw jew li ġejjin mill-Ġappun, wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta' Fukushima (D051561/01 – 2017/2837(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) .../... li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/6 fir-rigward tal-ikel u l-għalf soġġetti għal kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-għalf u l-ikel li joriġinaw jew li ġejjin mill-Ġappun, wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta' Fukushima (D051561/01),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni,(2),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

Kummenti ġenerali

A.  billi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/6 attwalment jirrikjedi li l-kunsinni ta' xi prodotti tal-ikel, inkluż il-faqqiegħ, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, ir-ross u l-fażola tas-sojja, li joriġinaw jew ġew ikkunsinnati minn kwalunkwe parti tal-Ġappun iridu jkunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni valida mingħand l-awtoritajiet Ġappuniżi li tagħti prova li l-prodotti jkunu konformi mal-limiti massimi ta' kontaminazzjoni fis-seħħ fil-Ġappun (l-Artikolu 5(1) u (2)); billi l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ("l-abbozz ta' proposta") issa jirrikjedi biss li lista limitata ta' ikel u għalf minn tnax-il prefettura, elenkati fl-Anness II, ikunu akkumpanjati b'dikjarazzjoni ta' dan it-tip; billi l-abbozz ta' proposta jħassar ukoll għadd ta' kategoriji ta' ikel u għalf mill-Anness II;

B.  billi, bl-istess mod, skont l-Artikolu 10 tal-abbozz ta' proposta, il-kontrolli uffiċjali, jiġifieri l-kontrolli tad-dokumenti għall-kunsinni kollha u kontrolli tal-identità każwali u kontrolli fiżiċi każwali, inkluża l-analiżi laboratorja għall-preżenza ta' ċesju-134 u ċesju-137, issa se jkunu meħtieġa biss għall-ikel u għall-għalf elenkati fl-Anness II; billi l-abbozz ta' proposta jżomm frekwenza baxxa ta' kontrolli waqt l-importazzjoni (premessa 12);

C.  billi r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/6, ġaladarba jkun emendat kif propost mill-Kummissjoni, mhux se jibqa' jirrikjedi li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni kull tliet xhur, permezz tas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf, ir-riżultati analitiċi kollha;

D.  billi l-abbozz ta' proposta jżomm mingħajr ebda tibdil l-Anness I eżistenti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/6, li jistabbilixxi l-livelli massimi permessi kif previsti fil-liġi Ġappuniża għal kategoriji differenti ta' ikel u għalf(3); billi verifika tal-konformità mal-limiti massimi għall-kategoriji ta' ikel u għalf fl-Anness I mhijiex meħtieġa taħt ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/6 jew l-abbozz ta' proposta għall-emenda tiegħu, la fil-forma ta' dokumentazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ġappuniżi u lanqas fil-forma ta' kontrolli u kampjuni fil-fruntieri tal-UE; billi, għaldaqstant, ma hemm l-ebda garanzija li dawk il-prodotti tal-ikel u l-għalf se jikkonformaw mal-limiti massimi għall-kontaminazzjoni radjuattiva;

E.  billi l-abbozz ta' proposta hu bbażat fuq data ta' okkorrenza pprovduta mill-awtoritajiet Ġappuniżi għall-2014, l-2015 u l-2016 (aktar minn 132 000 element ta' data dwar l-okkorrenza ta' radjuattività fl-għalf u fl-ikel għajr iċ-ċanga, u aktar minn 527 000 element ta' data dwar l-okkorrenza ta' radjuattività fiċ-ċanga); billi, filwaqt li l-bidliet fl-abbozz ta' proposta huma bbażati fuq analiżi ddettaljata tad-data msemmija qabel, la din l-analiżi u lanqas xi rabta mad-data mhux ipproċessata mhuma provduti fit-test;

F.  billi huwa għalhekk diffiċli ħafna biex jiġi vverifikat jekk il-miżuri proposti humiex biżżejjed biex jipproteġu s-saħħa taċ-ċittadini tal-Unjoni;

G.  billi, madankollu, anke mingħajr l-analiżi li l-Kummissjoni bbażat il-proposta tagħha fuqha, hemm biżżejjed raġunijiet biex wieħed jemmen li din il-proposta taf twassal għal żieda fl-esponiment għal ikel ikkontaminat bir-radjuattività, b'impatt korrispondenti fuq is-saħħa tal-bniedem;

H.  billi l-president tat-Tokyo Electric Power Company (TEPCO) talab uffiċjalment l-awtorizzazzjoni mingħand il-Gvern Ġappuniż biex jarmi fl-Oċean Paċifiku kważi miljun tunnellata ta' ilma b'livell għoli ta' radjuattività li kien intuża biex ikessaħ ir-reatturi bil-ħsara tal-impjant nukleari; billi dan ir-rimi, jekk jiġi awtorizzat, jista' jkollu impatt negattiv gravi fuq il-livelli ta' sikurezza tal-prodotti tas-sajd maqbuda mill-ibħra 'l barra mill-kosta tal-Ġappun;

Kummenti speċifiċi rigward l-Anness II

I.  billi l-prefetturi Ġappuniżi li attwalment huma koperti bl-Anness II (Fukushima, Miyagi, Akita, Yamagata, Nagano, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Chiba, Iwate, Yamanashi, Shizuoka u Niigata) huma kollha esposti għal xita radjuattiva mid-diżastru nukleari li seħħ fl-impjant tal-enerġija ta' Fukushima fl-2011;

J.  billi, mingħajr ġustifikazzjoni, l-abbozz ta' proposta jneħħi r-ross u l-prodotti derivati mill-prefettura ta' Fukushima mill-Anness II; billi dan ifisser li mhux se jibqa' jkun hemm rekwiżit li dawk il-prodotti jittieħdu kampjuni tagħhom u li jiġu analizzati malli jidħlu fl-Unjoni, u lanqas mhu se jibqa' obbligu fuq l-awtoritajiet Ġappuniżi li jiċċertifikaw il-konformità tagħhom mal-livelli massimi ta' kontaminazzjoni radjuattiva; billi wieħed mill-prodotti derivati mir-ross imneħħija mill-Anness II huwa r-ross użat fl-ikel tat-trabi u fl-ikel għat-tfal żgħar(4); billi għall-gruppi kkonċernati, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom għall-esponiment għar-radjazzjoni, l-ebda livell ta' kontaminazzjoni mhu aċċettabbli; billi skont il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn il-Ġappun u l-UE, l-esportazzjoni tar-ross mill-Ġappun tista' tiżdied; billi, peress li reċentement tneħħew l-ordnijiet ta' evakwazzjoni, aktarx li l-kultivazzjoni tar-ross fl-għelieqi kkontaminati se terġa' tibda;

K.  billi filwaqt li l-premessa 7 tal-abbozz ta' proposta tgħid li huma biss ir-ross u l-prodotti derivati minnu li joriġinaw mill-prefettura ta' Fukushima li se jitneħħew mill-Anness II, l-Anness II huwa emendat ukoll biex issa jippermetti, mingħajr kontrolli, kampjuni jew analiżi, l-importazzjoni lejn l-Unjoni ta' seba' speċijiet ta' ħut (fosthom it-Thunnus thynnus, it-Thunnus orientalis u l-kavalli), kif ukoll krustaċji u molluski maqbuda jew miġbura mill-ibħra ta' Fukushima;

L.  billi, skont il-proposta, seba' speċijiet ta' ħut (fosthom it-Thunnus thynnus, it-Thunnus orientalis u l-kavalli), il-krustaċji (bħall-awwisti u l-gambli) u l-molluski (bħall-gandoffli u molluski) se jitneħħew ukoll mill-Anness II għal sitt prefetturi oħra, jiġifieri Miyagi, Iwate, Gunma, Ibaraki, Chiba u Tochigi; billi ma ngħatat ebda ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni għal dan it-tnaqqis fil-kontrolli, u ma ngħatat ebda raġuni għalfejn, pereżempju, dawk l-ispeċijiet issa qed jiġu kkunsidrati sikuri biżżejjed għall-importazzjoni fl-Unjoni mingħajr kontrolli waqt li oħrajn mhumiex;

M.  billi skont il-proposta, l-Anness II mhux se jibqa' jkopri prodotti li joriġinaw mill-prefettura ta' Akita (bħalissa l-Anness ikopri ħames prodotti minn Akita - il-faqqiegħ, l-Aralja, rimat il-bambù, l-Osmunda japonica u l-koxjabura (pjanta selvaġġa li tittiekel) - u l-prodotti kollha derivati minnhom); billi ma ngħatat ebda ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni għal dan it-tnaqqis fil-kontrolli;

N.  billi l-Anness II mhux se jibqa' jkopri l-Aralja, il-bambù, u l-Osmunda japonica li joriġinaw minn Yamagata; billi ma ngħatat ebda ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni għal dan it-tnaqqis fil-kontrolli;

O.  billi l-Anness II mhux se jibqa' jkopri l-Osmunda japonica, il-bracken u l-Matteuccia struthiopteris mill-ħames prefetturi ta' Iwate, Gunma, Ibaraki, Chiba uTochigi; billi ma ngħatat ebda ġustifikazzjoni jew spjegazzjoni għal dan it-tnaqqis fil-kontrolli;

P.  billi l-uniku element li ġie miżjud fl-Anness II hu "Ħut u prodotti tas-sajd" mill-prefettura ta' Nagano; billi ma ngħatat ebda ġustifikazzjoni għal dan l-issikkar tal-kontrolli; billi l-kontrolli sistematiċi fil-każ ta' din il-prefettura tneħħew f'Diċembru 2011; billi f'Marzu 2014, ċerti pjanti selvaġġi li jittieklu reġgħu ġew miżjuda fl-Anness II;

Kummenti speċifiċi rigward Anness I

Q.  billi l-abbozz ta' proposta jżomm mingħajr ebda tibdil l-Anness I eżistenti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/6, li jistabbilixxi l-livelli massimi permessi kif previsti fil-liġi Ġappuniża; billi verifika tal-konformità mal-limiti massimi għall-kategoriji ta' ikel u għalf fl-Anness I mhijiex meħtieġa skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/6 jew l-abbozz ta' proposta għall-emenda tiegħu, la fil-forma ta' dokumentazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ġappuniżi u lanqas fil-forma ta' kontrolli u kampjuni fil-fruntieri tal-UE; billi, għaldaqstant, ma hemm l-ebda garanzija li dawk il-prodotti tal-ikel u l-għalf ma jeċċedux il-limiti massimi għall-kontaminazzjoni radjuattiva;

R.  billi sa mill-1 ta' April 2012, il-limiti massimi fis-seħħ fil-Ġappun, u għaldaqstant dawk elenkati fl-Anness I, ma ġewx riveduti 'l isfel; billi dawn il-limiti għandhom jitbaxxew, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti tal-ikel għal gruppi vulnerabbli bħall-ħalib u l-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar;

S.  billi sitt snin wara d-diżastru, għad hemm ħafna dubji jekk l-Unjoni għandhiex tippermetti fil-katina tal-ikel tagħha (anke fit-teorija — minħabba li ma hemm ebda obbligu legali għal kontrolli fil-fruntieri tal-Unjoni) prodotti bil-livelli massimi li ġejjin ta' ċesju-134 u ċesju-137: 50 Bq/kg għall-ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, (bħall-ħalib tat-trab għat-trabi, il-ħalib tat-trab għat-trabi ta' minn 4 xhur 'il fuq, u l-ikel tat-tfal żgħar), kif ukoll ħalib u xarbiet ibbażati fuq il-ħalib, 10 Bq/kg għall-ilma minerali, xarbiet simili u te magħmul minn weraq mhux iffermentati, u 100 Bq/kg għall-prodotti l-oħra kollha tal-ikel;

1.  Iqis li l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jeċċedi s-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002;

2.  Iqis li l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhux konsistenti mad-dritt tal-Unjoni peress li mhux kompatibbli mal-għan u l-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 li tiġi pprovduta l-bażi sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa u l-benessri tal-annimali, tal-ambjent u tal-interessi tal-konsumatur;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid lill-kumitat sa mhux aktar tard minn tmiem l-2017;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex meta tkun qed tfassal il-proposta l-ġdida tagħha, inter alia:

   tiżgura li kull ikel u għalf importat lejn l-Unjoni mill-Ġappun, inklużi l-kategoriji elenkati fl-Anness I, ikun soġġett għal kontrolli u verifiki;
   tirrevedi 'l isfel il-limiti massimi fl-Anness I; u
   tqis it-tneħħija reċenti tal-ordnijiet ta' evakwazzjoni mill-prefetturi milquta u tiżgura li ma jkunx hemm impatt negattiv korrispondenti fuq il-livelli ta' kontaminazzjoni radjuattiva fl-ikel u fl-għalf importati lejn l-Unjoni;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, sakemm tiġi abbozzata l-proposta l-ġdida tagħha, idaħħal fis-seħħ miżuri ta' emerġenza, kif meħtieġ skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, għall-iżgurar tal-ogħla livelli possibbli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex immedjatament tagħmel disponibbli għall-pubbliku, inkluż fuq is-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf, l-analiżi li fuqha hu bbażat l-abbozz ta' proposta tagħha, kif ukoll id-dettalji tas-sistema ta' kontroll stabbilita mill-awtoritajiet Ġappuniżi, b'ġustifikazzjonijiet għar-rilevanza u l-effettività tagħha;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi stampa aġġornata tas-sitwazzjoni radjuloġika fill-Ġappun mill-2011 'l hawn, kif ukoll ħarsiet ġenerali komprensivi sena b'sena għall-perjodu 2011‑2017 tal-materjal radjuattiv rilaxxat kemm fl-atmosfera u kemm fl-Oċean Paċifiku mill-impjant nukleari ta' Fukushima, biex tkun tista' ssir analiżi bir-reqqa rigward is-sikurezza tal-ikel;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) "Ikel għat-trabi u t-tfal żgħar", "Ħalib u xarbiet ibbażati fuq il-ħalib", "Ilma minerali u xarbiet simili u te magħmul minn weraq mhux iffermentat" u "Ikel ieħor", kif ukoll għalf maħsub għall-bhejjem tal-ifrat, għaż-żwiemel, għall-ħnieżer, għat-tjur u għall-ħut.
(4) Jaqgħu fi ħdan il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) 1901.

Avviż legali