Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2078(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0282/2017

Testi mressqa :

A8-0282/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2017 - 9.13

Testi adottati :

P8_TA(2017)0343

Testi adottati
PDF 337kWORD 44k
L-Erbgħa, 13 ta' Settembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 3/2017: ir-riżorsi baġitarji tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; l-istabbiliment ta' pjanijiet tal-ACER u s-SESAR2
P8_TA(2017)0343A8-0282/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 3/2017 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 li jżid ir-riżorsi baġitarji tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ bil-għan li jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ madwar l-Unjoni Ewropea u li jkunu aġġornati t-tabelli tal-persunal tal-aġenzija deċentralizzata ACER u l-Impriża Konġunta SESAR2 (11812/2017– C8-0303/2017 – 2017/2078(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, adottat b'mod definittiv fl-1 ta' Diċembru 2016(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) (ir-Regolament dwar il-QFP),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali 5/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ''Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza? Valutazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ'',

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2017, adottat mill-Kummissjoni fit-30 ta' Mejju 2017 (COM(2017)0288),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2017, adottata mill-Kunsill fl-4 ta’ Settembru 2017 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (11812/2017 – C8-0303/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0282/2017),

A.  billi l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 3/2017 huwa marbut mal-forniment ta' EUR 500 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn addizzjonali għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), kif miftiehem mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-ftehim tagħhom dwar il-baġit 2017, kif ukoll mal-emendar tal-organigrammi tal-aġenzija deċentralizzata ACER u l-Impriża Konġunta SESAR2, mingħajr ma jkunu hemm tibdil fil-baġit ġenerali jew fl-għadd totali ta' karigi;

B.  billi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill stiednu lill-Kummissjoni tipproponi baġit emendatorju fl-2017 sabiex jiġu pprovduti EUR 500 miljun għall-YEI fl-2017 iffinanzjati mill-Marġini Globali għall-Impenji, malli jiġi adottat l-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-QFP;

C.  billi, b'segwitu għall-adozzjoni tal-aġġustament tekniku, il-Kummissjoni qed tipproponi għaldaqstant li temenda l-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 u żżid l-Artikolu 04 02 64 ''Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ'';

D.  billi, fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs il-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar żieda ta' EUR 1,2 biljun għall-YEI għall-2017-2020, u l-Parlament Ewropew enfasizza, fid-dikjarazzjoni tiegħu marbuta mar-reviżjoni ta' nofs il-perjodu tal-QFP, li dan il-limitu huwa ta' natura politika mingħajr l-ebda implikazzjoni legali;

E.  billi, fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs il-perjodu tal-QFP, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll fid-dikjarazzjoni tagħha, li għandha tiġi kkunsidrata żieda fil-finanzjament għall-YEI lil hinn mill-ammont miftiehem ta' EUR 1,2 biljun, billi jintuża l-marġini disponibbli taħt il-Marġini Globali għall-Impenji skont l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar il-QFP;

F.  billi r-rekwiżit għall-eżerċizzju ta' klassifikazzjoni mill-ġdid tal-2017 huwa meħtieġ kemm għall-aġenzija deċentralizzata ACER kif ukoll għall-Impriża Konġunta SESAR2;

1.  Jenfasizza, bħala kwistjoni ta' prijorità, il-ħtieġa urġenti li jkompli jiżdied l-impenn finanzjarju tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ permezz ta' finanzjament addizzjonali għall-YEI;

2.  Jiddispjaċih dwar id-dewmien, minħabba l-imblukkar u l-approvazzjoni tardiva min-naħa tal-Kunsill għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, fil-modifika tal-baġit tal-Unjoni għall-2017 biex tiżdied il-YEI kif maqbul matul il-proċedura baġitarja annwali tal-2017;

3.  Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2017, kif ippreżentat mill-Kummissjoni;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw programmazzjoni mill-ġdid rapida tal-programmi operazzjonali rilevanti sabiex jiġi żgurat li l-pakkett addizzjonali kollu tal-YEI ta' EUR 500 miljun ikun impenjat għalkollox u b'mod effiċjenti sa tmiem l-2017; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jwettqu l-valutazzjonijiet tan-nuqqasijiet u l-analiżijiet tas-suq qabel ma jiġu stabbiliti l-iskemi sabiex jottimizzaw il-benefiċċji tal-YEI;

5.  Jieħu nota tal-modifiki fl-organigrammi tal-aġenzija deċentralizzata ACER u tal-Impriża Konġunta SESAR2; jinnota li dawn il-modifiki ma jibdlux l-għadd totali ta' karigi u li jistgħu jiġu ffinanzjati fi ħdan il-baġit annwali tal-korpi għal din is-sena; jaqbel li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kariga fil-grad ta' AD15 għall-Impriża Konġunta SESAR2 hija ad personam, u se tiskadi fi tmiem il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv attwali;

6.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2017;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 3/2017 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 51, 28.2.2017.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.

Avviż legali