Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2829(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0506/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/09/2017 - 8.2

Testi adottati :

P8_TA(2017)0348

Testi adottati
PDF 264kWORD 46k
Il-Ħamis, 14 ta' Settembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Kambodja: b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha
P8_TA(2017)0348RC-B8-0506/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Kambodja, b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha (2017/2829(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet lokali tal-UE tal-5 ta' Settembru 2017 dwar l-għeluq tal-Cambodia Daily, tat-30 ta' Ġunju 2017 dwar ir-rilaxx ta' ħames difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u tat-22 ta' Frar 2017 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja, u d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliemi tad-Delegazzjoni tal-UE tat-3 ta' Settembru 2017 u tal-25 ta' Awwissu 2017 dwar restrizzjonijiet tal-ispazju politiku fil-Kambodja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-5 ta' Settembru 2016 u d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Awwissu 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet ta' għeluq tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-27 ta' April 2015 rigward it-tieni rapport perjodiku dwar il-Kambodja,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Marzu 2017 tal-Parlamentari tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-8 ta' Marzu 1999 dwar id-Dritt u r-Responsabilità ta' Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Paċi ta' Pariġi tal-1991, li fl-Artikolu 15 tagħhom jistabbilixxu impenn dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kambodja, inkluż min-naħa tal-firmatarji internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kambodjana, b'mod partikolari l-Artikolu 41 tagħha, li fih huma minquxa d-drittijiet u l-libertajiet ta' espressjoni u ta' għaqda, l-Artikolu 35tagħha dwar id-dritt għal parteċipazzjoni politika u l-Artikolu 80 tagħha dwar l-immunità parlamentari,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-Kambodja qed iseħħu għadd dejjem jikber ta' arresti ta' membri tal-oppożizzjoni politika, ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

B.  billi l-mexxej tal-oppożizzjoni Kambodjan Kem Sokha safa arrestat fit-3 ta' Settembru 2017, f'mossa li tidher li saret bla ebda rispett tal-garanziji ta' proċess ġust, inkluż ir-rispett tal-immunità parlamentari tiegħu;

C.  billi Sokha qed jiffaċċja akkużi ta' "kollużjoni ma' barranin" skont l-Artikolu 443 tal-kodiċi penali tal-Kambodja, att li jitqies bħala tradiment mill-Qorti Muniċipali ta' Phnom Penh; billi jista' jeħel sa 30 sena ħabs jekk jinstab ħati;

D.  billi, skont ma ġie rrappurtat, Kem Sokha safa arrestat mingħajr mandat, u ma ngħatax aċċess għal avukat; billi huwa ġie akkużat fuq il-bażi ta' filmat ta' diskors li ta fl-2013, liema filmat ilu disponibbli għall-pubbliku minn dak iż-żmien 'il hawn; billi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem esprimew tħassib li d-dikjarazzjonijiet mill-Gvern Kambodjan ipperikolaw id-dritt tiegħu għal proċess ġust u l-preżunzjoni tal-innoċenza;

E.  billi Hun Sen, dari kmandant tal-armata tal-Khmer Rouge u llum Prim Ministru, ilu fil-poter għal aktar minn 30 sena; billi Sam Rainsy, l-eks President tal-partit ewlieni tal-oppożizzjoni, il-Partit ta' Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP), għadu jgħix fl-eżilju, b'għażla tiegħu stess, minħabba prosekuzzjonijiet li sarulu fuq akkużi vvintati u mmotivati minn kunsiderazzjonijiet politiċi;

F.  billi fl-elezzjonijiet lokali li saru fl-4 ta' Ġunju 2017, is-CNRP mar ħafna 'l quddiem meta mqabbel mal-2012, minkejja nuqqasijiet fundamentali fil-proċess elettorali, b'mod partikolari l-intimidazzjoni tal-midja ħielsa u ta' ċittadini kritiċi, l-assenza ta' aċċess ekwu tal-oppożizzjoni għax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni, kontroll tal-partiti fil-gvern fuq l-istituzzjonijiet relatati mal-elezzjoni, theddidiet ta' qtil kontra kandidati tal-oppożizzjoni u n-nuqqas ta' mekkaniżmu indipendenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim; billi l-elezzjonijiet ġenerali huma skedati għal Lulju 2018;

G.  billi żewġ leġiżlaturi oħra tal-oppożizzjoni wkoll jinsabu fil-ħabs, u billi tmienja oħra għandhom akkużi kriminali pendenti kontrihom; bill-11-il membru u sostenitur tal-partiti tal-oppożizzjoni bħalissa qed jiskontaw pieni ta' bejn seba' snin u 20 sena ħabs fuq akkużi foloz li mexxew insurrezzjoni, jew li ħadu sehem fiha, bi rbit ma' dimostrazzjoni li saret f'Lulju 2014,

H.  billi emendi li l-parlament Kambodjan adotta fl-2017 għal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi jippermettu li partiti jiġu xolti jekk il-mexxejja tagħhom jinstabu ħatja ta' atti kriminali; billi l-Ministeru tal-Intern tal-Kambodja għandu setgħat wiesgħa biex jissospendi partiti politiċi abbażi ta' kriterji li huma definiti biss b'mod vag; billi fil-11 ta' Settembru 2017 il-Prim Ministru Hun Sen hedded li jxolji s-CNRP, jekk dan il-partiti jibqa' jsostni l-mexxej Kem Sokha li jinsab detenut;

I.  billi l-kap tal-grupp taż-żgħażagħ tas-CNRP nħariġlu mandat ta' arrest;

J.  billi l-arrest ta' Kem Sokha sar f'kuntest ta' tkattir tar-restrizzjonijiet fuq NGOs, fuq organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u fuq is-soċjetà ċivili, inklużi investigazzjonijiet tat-taxxa u oħrajn regolatorji, intimidazzjoni u theddidiet ta' vjolenza; billi l-Liġi tal-2015 dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (LANGO) ġiet ikkritikata bil-kbir mill-komunità internazzjonali minħabba s-setgħat wiesgħa u arbitarji tagħha li tirreprimi l-NGOs;

K.  billi f'dawn l-aħħar ġimgħat ingħalqu għadd sinifikanti ta' stazzjonijiet tar-radju li jirritrażmettu programmi minn stazzjonijiet tar-radju oħra ta' fama tajba; billi dawn l-istazzjonijiet ingħalqu mill-gvern minħabba vjolazzjonijiet bħax-"xandir ta' programmi barranin mingħajr talba għal awtorizzazzjoni"; billi l-għeluq tagħhom jillimita bil-kbir l-aċċess għal xandiriet tal-midja indipendenti, b'mod partikolari barra Phnom Penh; billi dawn l-istazzjonijiet tal-media indipendenti kienu qed jittrattaw suġġetti politikament sensittivi bħall-korruzzjoni, il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

L.  billi f'April 2016 ħames difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mill-Assoċjazzjoni Kambodjana għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp (ADHOC) inżammu għal aktar minn 400 jum minħabba akkużi ta' tixħim bi rbit ma' kawża kontra Kem Sokha, u bħalissa qed jistennew li jsirilhom proċess; billi l-attivist tad-drittijiet tal-art Tep Vanny ripetutement safa fil-mira tal-awtoritajiet u ġie ffastidjat minnhom, u bħalissa qed jiskonta piena ta' ħabs fuq akkużi motivati politikament;

M.  billi fl-4 ta' Settembru 2017, il-Cambodia Daily, gazzetta indipendenti mwaqqfa fl-1993, ġiet imġiegħla tagħlaq wara li rċeviet kont tat-taxxa li ammonta għal USD 6,3 miljun;

N.  billi fit-23 ta' Awwissu 2017, il-Gvern Kambodjan ħabbar it-tkeċċija taħt il-LANGO tal-Istitut Demokratiku Nazzjonali (NDI), organizzazzjoni mhux governattiva bbażata fl-Istati Uniti, u ordna li l-persunal internazzjonali tagħha jitlaq mill-pajjiż fi żmien sebat ijiem;

O.  billi l-Gvern Kambodjan dan l-aħħar qiegħed taħt investigazzjoni lill-konsorzju Situation Room, grupp ta' NGOs li ħadmu flimkien bħala għassiesa tal-elezzjonijiet, talli allegatament kisru l-liġi l-ġdida dwar gruppi mhux governattivi u talli servew ta' bażi għall-possibbiltà ta' "rivoluzzjoni tal-lewn" li twaqqa' l-gvern;

1.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni dejjem teħżien tal-politiċi tal-oppożizzjoni u tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, u jikkundanna l-atti ta' vjolenza, l-akkużi motivati politikament, id-detenzjoni arbitrarja, l-interrogatorji, is-sentenzi u d-dikjarazzjonijiet ta' ħtija kollha fir-rigward ta' dawn il-persuni;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-arrest tal-President tas-CNRP, Kem Sokha, fuq għadd ta' akkużi li jidhru li huma motivati politikament; jitlob li Kem Sokha jinħeles minnufih u bla kundizzjonijiet, li l-akkużi kollha kontrih jitwaqqgħu, kif ukoll li jintemmu t-theddidiet ta' arrest kontra leġiżlaturi oħra tal-oppożizzjoni;

3.  Jiddeplora d-dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-Prim Ministru u minn uffiċjali ta' livell għoli dwar il-ħtija allegata ta' Kem Sokha, li jikkostitwixxu ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt għal proċess ġust, li għalihom huwa intitolat skont id-dritt tal-Kambodja u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-Prim Ministru biex jipproteġi l-immunità parlamentari tal-Membri tal-Parlament;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kambodjani jirrevokaw il-mandat ta' arrest, u jwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontra l-mexxej tal-oppożizzjoni u leġiżlatur Sam Rainsy, u jeħilsu u jwaqqgħu l-akkużi kontra l-uffiċjali oħra tal-oppożizzjoni u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li ġew ikkundannati, akkużati, u mibgħuta l-ħabs, b'mod partikolari l-Membru tal-Assemblea Nazzjonali Um Sam An, is-Senatur Hong Sok Hour u l-attivist tad-drittijiet tal-art Tep Vanny;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kambodjan jiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni u tal-midja fil-pajjiż, filwaqt li jsostni li kwalunkwe kwistjoni tat-taxxa jew ta' tip ieħor għandha tiġi riżolta permezz ta' proċess ġust rilevanti; iħeġġeġ lill-gvern jerġa' jiftaħ l-istazzjonijiet tar-radju li ngħalqu; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għeluq tal-Istitut Demokratiku Nazzjonali (NDI) mingħajr proċess ġust;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kambodjan jiżgura li fil-miżuri kollha meħuda jseħħ proċess ġust, inkluż id-dritt ta' appell, u jħeġġu jirrispetta d-drittijiet għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kambodjan jaħdem biex isaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż li jikkonforma bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-pluraliżmu u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni;

8.  Ifakkar lill-Gvern Kambodjan li jeħtieġlu jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu rigward il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li huma element essenzjali tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni;

9.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-ħtif tal-art li għaddej, u dwar it-tnedija reċenti ta' skema ta' kumpens parzjali u limitat min-naħa tal-Gvern Kambodjan; jistieden lill-Gvern Kambodjan biex jissokta d-djalogu mas-sħab, inklużi l-Unjoni Ewropea u s-soċjetà ċivili, bil-ħsieb li jiġi stabbilit kumpens komprensiv u inklussiv;

10.  Jenfasizza li proċess demokratiku kredibbli li jwassal għall-elezzjoni tal-Assemblea Nazzjonali f'Lulju 2018 jirrikjedi ambjent li fih il-partiti politiċi, is-soċjetà ċivili u l-midja jkunu jistgħu jwettqu r-rwoli leġittimi tagħhom mingħajr biża' u mingħajr ma jkunu soġġetti għal theddidiet jew restrizzjonijiet arbitrarji;

11.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kambodjan jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jħeġġu jinvolvi ruħu b'mod sinifikanti fir-Rapport li ġej tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE u ta' entitajiet internazzjonali u l-kontribut tagħhom għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jistieden lill-Kumitat tal-Elezzjonijiet Nazzjonali tal-Kambodja (NEC) u lill-awtoritajiet governattivi rilevanti jiżguraw li l-votanti eliġibbli kollha, inklużi l-ħaddiema migranti u d-detenuti, ikollhom aċċess għal opportunitajiet ta' reġistrazzjoni, u ħin biżżejjed biex jieħdu vantaġġ minnhom;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja.

Avviż legali