Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2830(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0512/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/09/2017 - 8.3

Testi adottati :

P8_TA(2017)0349

Testi adottati
PDF 265kWORD 47k
Il-Ħamis, 14 ta' Settembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Gabon: trażżin tal-oppożizzjoni
P8_TA(2017)0349RC-B8-0512/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Gabon: trażżin tal-oppożizzjoni (2017/2830(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Gabon, b'mod partikolari dik tat-2 ta' Frar 2017 dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta li saret fl-24 ta' Settembru 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, wara li l-Qorti Kostituzzjonali tal-Gabon ħabbret ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni presidenzjali tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Unjoni Afrikana fl-1 ta' Settembru 2016, li kkundannat il-vjolenza u appellat għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt postelettorali fil-Gabon,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2017 dwar impetu mġedded għas-Sħubija Afrika-UE,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Settembru 2016 dwar il-Gabon mill-kelliema tal-VP/RGħ Federica Mogherini u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali Neven Mimica,

–  wara li kkunsidra l-intervent tal-UE tad-9 ta' Marzu 2017 fl-34 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, taħt il-Punt 2 tad-Djalogu Interattiv mal-Kummissarju Għoli,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 359 (LIX) 2016 tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli fl-4 ta' Novembru 2016 dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Gaboniża,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Gaboniża,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou rivedut,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Awwissu 2016 fil-Gabon qajmu allegazzjonijiet ta' tbagħbis fil-votazzjoni; billi fil-jiem wara l-elezzjonijiet, il-parlament tal-pajjiż inqered minn nirien u bosta dimostranti nqatlu u mijiet oħra ġew arrestati; billi, għad li b'mod ġenerali s-sitwazzjoni ta' sigurtà stabbilizzat ruħha, it-tensjonijiet politiċi u soċjali fil-pajjiż għadhom qawwija u qed ikomplu jmorru għall-agħar minħabba sitwazzjoni ekonomika batuta;

B.  billi waħda mill-karatteristiċi ta' demokrazija hija r-rispett lejn il-Kostituzzjoni, li fuqha huma msejsa l-istat, l-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt; billi elezzjonijiet paċifiċi, kredibbli u trasparenti fil-Gabon kieku kienu jikkontribwixxu bil-kbir biex tiġi indirizzata l-isfida tal-progress demokratiku u tal-alternanza tal-poter li qed iħabbat wiċċu magħha r-reġjun tal-Afrika Ċentrali; billi l-elezzjonijiet parlamentari tal-Gabon, li oriġinarjament kienu skedati għal Diċembru 2016, ġew posposti darbtejn għal April 2018, u b'hekk se jkunu qabżu l-iskadenza kostituzzjonali;

C.  billi fil-Gabon, b'mod partikolari mindu faqqgħet il-vjolenza wara l-elezzjoni f'Awwissu 2016, saru arresti, qtil u għajbien sfurzat, kif irrappurtat minn diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi; billi fil-Gabon kien hemm żieda fil-vjolenza politika, speċjalment fil-kapitali, Libreville, fejn bosta djar li jappartjenu lill-membri tal-oppożizzjoni politika ġew attakkati;

D.  billi l-awtoritajiet wettqu azzjonijiet repressivi fuq il-membri tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili li jopponu lill-gvern attwali; billi l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem jirrapportaw bla waqfien dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi, arresti u detenzjonijiet arbitrarji, u proċessi b'motivi politiċi;

E.  billi diversi allegazzjonijiet li saru qabel u wara l-elezzjonijiet tal-2016 assoċjaw lir-reġim ta' Ali Bongo ma' każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem bħalma huma l-arresti arbitrarji u d-detenzjoni fit-tul f'kundizzjonijiet inumani, it-tortura, każijiet ta' qtil extraġudizzjarju u l-għajbien sfurzat ta' ċivili u ġurnalisti li esprimew li jopponu r-reġim tiegħu jew l-elezzjoni mill-ġdid tiegħu;

F.  billi l-Gabon huwa parti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat, jinsab fil-proċess li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tagħha fil-liġi nazzjonali u għandu l-obbligu li jikkondividi man-Nazzjonijiet Uniti informazzjoni dwar il-progress li sar minn mindu ġiet ratifikata l-Konvenzjoni fl-2011 u dwar dak li ġara wara l-elezzjoni tal-2016; billi l-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Sfurzat bħalissa qed iqis ir-rapport tal-Gabon u jeżamina mill-ġdid il-progress ta' din l-implimentazzjoni;

G.  billi l-President Ali Bongo ta bidu għal "djalogu nazzjonali" bħala parti mill-isforzi biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi li faqqgħet minħabba li reġa' ġie elett, djalogu li għalih attendew rappreżentanti ta' 1 200 grupp mis-soċjetà ċivili u madwar 50 partit politiku, skont il-Prim Ministru Emmanuel Issoze Ngondet; billi t-taħditiet ġew ibbojkottjati minn Jean Ping u mexxejja ewlenin oħra tal-oppożizzjoni;

H.  billi, fit-18 ta' Awwissu 2017, il-kandidat presidenzjali Jean Ping għamel appell ta' "diżubbidjenza ċivili" lill-poplu tal-Gabon u appella biex il-president jitneħħa mill-poter;

I.  billi f'dawn l-aħħar ġimgħat ġew detenuti għexieren ta' persuni b'rabta ma' dimostrazzjonijiet paċifiċi u mhux awtorizzati b'appoġġ għal Jean Ping, u bosta minnhom għadhom detenuti;

J.  billi, fit-2 ta' Settembru 2017, il-mexxej tal-oppożizzjoni politika u ex kandidat presidenzjali Jean Ping u l-mexxejja ta' 'l fuq minn għoxrin partit tal-oppożizzjoni nżammew milli jitilqu mill-pajjiż mingħajr ma ġew innotifikati b'din ir-restrizzjoni u mingħajr ma ġiet ippubblikata lista ta' individwi kkonċernati; billi din il-miżura tneħħiet fit-8 ta' Settembru 2017;

K.  billi l-gvern pprojbixxa lill-avversarji politiċi li jikkontestaw ir-rebħa ta' Ali Bongo milli jitkellmu fuq il-mezzi tax-xandir pubbliċi u privati;

L.  billi quddiem il-qrati Franċiżi tressqu kawżi individwali kontra bosta individwi Gaboniżi bi profil għoli fir-rigward ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u "qligħ illeċitu" (biens mal-acquis);

M.  billi l-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi għadhom kif ikkonkludew investigazzjoni dwar qligħ illeċitu mill-Gabon investit fi Franza u identifikaw u ssekwestraw oġġetti b'valur ta' bejn EUR 50 u EUR 60 miljun wara lmenti mressqa mill-fergħa Franċiża ta' Transparency International u minn ċittadin Gaboniż; billi l-inkjesta żvelat li sar pagament ta' EUR 1.3 miljuni f'kont bankarju użat għax-xiri ta' merkanzija fi Franza għall-familja Bongo;

N.  billi l-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali (MOE) tal-UE, mistiedna mill-Gvern Gaboniż biex tissorvelja l-elezzjonijiet presidenzjali, ikkonkludiet fir-rapport finali tagħha li l-proċess elettorali, u speċifikament il-konsolidazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet u l-proċess tal-appelli, ma kienx trasparenti; billi l-MOE kkonkludiet li dawn l-anomaliji jitfgħu f'dubju l-integrità tal-proċess tal-konsolidazzjoni tar-riżultati u tar-riżultat finali tal-elezzjoni;

1.  Ifakkar fl-impenn li ħa l-Gabon, fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou, li jirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda u l-aċċess għall-mezzi tax-xandir, il-governanza tajba u t-trasparenza fil-karigi politiċi;

2.  Ifakkar lill-Gabon fid-dmirijiet u r-responsabilitajiet tiegħu bħala Stat Parti, fosthom biex jipprovdi informazzjoni ċara u tanġibbli dwar ir-riformi li saru mir-ratifika 'l hawn, dwar il-vjolenza ta' wara l-elezzjonijiet, u dwar l-azzjoni meħuda sabiex tiġi stabbilita l-verità u jkun żgurat li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

3.  Jenfasizza r-rwol fundamentali li taqdi l-oppożizzjoni f' soċjetà demokratika; jikkundanna bil-qawwa l-pressjoni u l-intimidazzjoni fil-konfront tal-oppożizzjoni fil-Gabon; iqis li huwa inaċċettabbli li diversi mexxejja tal-oppożizzjoni fil-Gabon, inkluż il-kandidat għall-elezzjoni presidenzjali tal-2016, Jean Ping, ġew miċħuda b'mod temporanju d-dritt li joħorġu mill-pajjiż; ifakkar li l-liġi Gaboniża tipprevedi din il-miżura eċċezzjonali għal persuni taħt investigazzjoni kriminali biss; iqis, għalhekk, li din il-miżura hi ta' natura arbitrarja;

4.  Jikkundanna bil-qawwa t-theddid kostanti, l-attakki, l-użu tal-forza u r-restrizzjonijiet u l-intimidazzjonijiet severi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-oppożizzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti fil-Gabon; jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw id-dritt tal-oppożizzjoni għal protesti paċifiċi u jeħilsu immedjatament lil kull min qed jinżamm inġustament, iwaqqfu kull fastidju, intimidazzjoni u persekuzzjoni tal-oppożizzjoni u jieħdu miżuri konkreti biex jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Gabon iwettaq riforma eżawrjenti u f'waqtha tal-qafas elettorali, fil-qies tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-MOE tal-UE bil-għan li jtejbu dan il-qafas u jagħmluh għalkollox trasparenti u kredibbli; jenfasizza li l-awtoritajiet Gaboniżi jeħtiġilhom jiggarantixxu kooperazzjoni sħiħa u sinċiera mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha nazzjonali u internazzjonali sabiex jiżguraw li l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss, li suppost ilhom li saru, ikunu trasparenti u kredibbli u jseħħu f'ambjent liberu, demokratiku, inklużiv u paċifiku;

6.  Jirrikonoxxi li għadu għaddej Djalogu Politiku Intensifikat bejn l-UE u l-Gabon, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Cotonou; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti jikkooperaw għalkollox u jaħdmu biex dan il-proċess ikun suċċess tanġibbli;

7.  Jesprimi riżervi dwar l-inklużività u għaldaqstant il-kredibilità u r-rilevanza tad-djalogu nazzjonali mibdi mill-gvern; jinnota li Jean Ping u l-Koalizzjoni għar-Repubblika l-Ġdida tiegħu rrifjutaw li jieħdu sehem fid-djalogu;

8.  Jemmen li l-firdiet politiċi u soċjali profondi attwali fil-Gabon jirrikjedu rispons politiku ċar biex tiġi ppreżervata l-istabilità tal-pajjiż, tiżdied il-fiduċja fost iċ-ċittadini fil-Gabon u tingħata leġittimità reali lill-istituzzjonijiet; jitlob li ssir inkjesta internazzjonali, immexxija min-NU, dwar l-elezzjonijiet u l-abbużi li twettqu minn dak iż-żmien, sabiex jiġi ddeterminat kif għandu jiġi stabbilit djalogu politiku li jippermetti li tiġi riżolta l-kriżi, filwaqt li jiġu ggarantiti d-drittijiet demokratiċi tal-poplu Gaboniż;

9.  Iħeġġeġ bil-qawwa partikolarment lill-Franza, minħabba r-rabtiet qawwija u storiċi tagħha mal-Gabon, biex tuża l-influwenza politika u ekonomika kollha tagħha fil-konfront tal-Gvern Gaboniż u biex tiżvolġi rwol kostruttiv fl-istituzzjonijiet tal-UE f'dan ir-rigward;

10.  Jistieden lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Gabon biex tkompli l-monitoraġġ mill-qrib tagħha tal-iżviluppi fil-Gabon u tuża l-għodod xierqa kollha, l-istrumenti u d-Djalogu Politiku Intensifikat biex tippromwovi l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou u tappoġġa l-movimenti favur id-demokrazija;

11.  Jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid il-politiki tagħhom fir-rigward tal-Gabon u jqisu sanzjonijiet immirati għal individwi responsabbli għall-frodi elettorali u l-vjolenza sussegwenti mwettqa fil-Gabon;

12.  Itenni l-appell tiegħu lill-Gvern Gaboniż sabiex jistabbilixxi sistema ġudizzjarja u reġim ta' sanzjonijiet li jiżguraw li l-arresti u sentenzi jkunu proporzjonati mas-serjetà tad-delitt;

13.  Iħeġġeġ lill-gvern iwieġeb b'mod konkret għat-tħassib tal-komunità internazzjonali billi jniedi forum konsultattiv f'waqtu, ġenwinament inklużiv, trasparenti u imparzjali għad-djalogu; jistieden ukoll lill-oppożizzjoni tivvaluta l-kredibilità ta' proċess bħal dan;

14.  Jistieden lill-atturi politiċi kollha juru responsabilità u rażan, u b'mod partikolari biex joqogħdu lura milli jinċitaw il-vjolenza;

15.  Jistieden lill-parteċipanti tas-Summit UE-Afrika li jmiss f'Abidjan sabiex ipoġġu s-sitwazzjoni tal-Gabon fuq l-aġenda u jfakkru lil Gabon fl-impenji tiegħu favur id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

16.  Jilqa' l-investigazzjoni mwettqa fi Franza dwar il-qligħ illeċitu mill-Gabon u jesprimi t-tama tiegħu li dawk kollha involuti f'attivitajiet illegali jitressqu quddiem il-ġustizzja; jitlob li jkun hemm trasparenza totali rigward il-ħlas ta' EUR 1.3 miljuni f'kont tal-bank Franċiż marbut mal-familja Bongo;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President u lill-Parlament tal-Gabon, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0017.

Avviż legali