Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2057(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0267/2017

Testi mressqa :

A8-0267/2017

Dibattiti :

PV 13/09/2017 - 22
CRE 13/09/2017 - 22

Votazzjonijiet :

PV 14/09/2017 - 8.8

Testi adottati :

P8_TA(2017)0354

Testi adottati
PDF 378kWORD 61k
Il-Ħamis, 14 ta' Settembru 2017 - Strasburgu
Il-modernizzazzjoni tal-pilastru tal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì
P8_TA(2017)0354A8-0267/2017

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Settembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati rigward il-modernizzazzjoni tal-pilastru tal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì (2017/2057(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra, li ġie konkluż fl-2002, u l-pilastru kummerċjali tiegħu li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2003(1) (minn hawn 'il quddiem il-''Ftehim ta' Assoċjazzjoni''),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-sitt laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì li saret f'April 2015(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali adottata mill-Kumitat Konsultattiv Konġunt (KKK) tal-5 ta' Ottubru 2016(3),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu ''Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497) u d-dokumenti ta' riflessjoni tal-Kummissjoni ta' Mejju 2017 dwar ''L-isfruttar tal-globalizzazzjoni''(4) u ''Id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa''(5),

–  wara li kkunsidra s-sentenzi u l-opinjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C-350/12 P, 2/13, 1/09) u d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-6 ta' Jannar 2015 li tingħalaq l-inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha OI/10/2014/RA dwar it-trattament tal-informazzjoni u l-aċċess għad-dokumenti(6), u wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra ir-resoluzzjoni tat-3 ta’ Frar 2016 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni dwar in-negozjati rigward il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA)(7),

–  wara li kkunsidra l-emendi li adotta fl-4 ta' Lulju 2017(8) dwar il-proposta għal direttiva fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva(9), u tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-politika dwar il-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(10),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS dwar l-effetti ta' klawsoli relatati mad-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehim Globali bejn l-UE u l-Messiku u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì(11),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar l-Impriżi Multinazzjonali, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), id-Dikjarazzjoni Tripartitika ta' Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali u l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima (il-Ftehim ta' Pariġi) li daħlet fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016(12), ratifikata wkoll miċ-Ċilì,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kumitat Parlamentari Konġunt (KPK) bejn l-UE u ċ-Ċilì tat-3 ta' Novembru 2016(13),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 207(3) u 217 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' linji gwida għan-negozjati adottati mill-Kummissjoni fl-24 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-artikolu dwar iċ-Ċilì fl-annwarju tal-Grupp ta' Ħidma Internazzjonali għal Kwistjonijiet Indiġeni (IWGIA) dwar il-Popli Indiġeni fid-Dinja 2016(14),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 108(4) u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0267/2017),

A.  billi l-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd'' tiddikjara li l-''Kummissjoni trid issegwi politika li tibbenefika lis-soċjetà fit-totalità tagħha u tippromwovi l-istandards u l-valuri Ewropej u universali flimkien mal-interessi ekonomiċi ewlenin, filwaqt li tpoġġi aktar enfasi fuq l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, l-evażjoni tat-taxxa, il-protezzjoni tal-konsumatur u kummerċ responsabbli u ġust";

B.   billi l-UE u ċ-Ċilì huma sħab li huma qrib ta' xulxin, b'valuri komuni u impenn kondiviż biex jippromwovu governanza kummerċjali multilaterali effettiva u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll prosperità u sigurtà kondiviżi fi ħdan sistema globali bbażata fuq ir-regoli; billi l-UE hija t-tielet l-akbar sieħba kummerċjali taċ-Ċilì; billi ċ-Ċilì min-naħa tiegħu huwa attur reġjonali importanti, b'waħda mill-aktar ekonomiji li qed jikbru malajr fl-Amerka t'Isfel f'dawn l-aħħar deċennji, filwaqt li l-isforzi ta' riforma tiegħu għadhom għaddejjin;

C.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni attwali, inkluż il-pilastru kummerċjali tiegħu, ġie konkluż fl-2002 u kien ta' benefiċċju kbir għaż-żewġ partijiet mindu ġie implimentat mill-2003 'l hawn, irdoppja il-kummerċ fil-prodotti u rreġistra żieda fil-kummerċ fis-servizzi u l-investimenti(15); filwaqt li jitqies, madankollu, li kemm l-UE u kemm iċ-Ċilì ffirmaw ftehimiet kummerċjali aktar moderni ambizzjużi minn dak iż-żmien 'l hawn;

D.  billi fl-2016 l-UE esportat prodotti għaċ-Ċilì b'valur ta' aktar minn EUR 8,6 biljun, filwaqt li ċ-Ċilì esporta prodotti lill-UE b'valur ta' EUR 7,4 biljun; billi fl-2015 il-valur tal-kummerċ tal-UE fis-servizzi maċ-Ċilì ammonta għal EUR 3,8 biljun u dak taċ-Ċilì għal EUR 2 biljuni; billi l-istokks tal-UE ta' investiment dirett barrani fiċ-Ċilì ammontaw għal EUR 42,8 biljun(16);

E.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni attwali ma jinkludix, fost oħrajn, kapitoli separati dwar l-investiment, l-SMEs, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR), l-enerġija u l-ġeneru, u lanqas ma jinkludi kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSDC), inklużi obbligi għall-infurzar tal-istandards tax-xogħol u l-ambjent, u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki f'oqsma bħalma huma r-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) u l-assigurazzjoni tas-sostenibbiltà;

F.  billi kwalunkwe negozjar kummerċjali tal-UE jrid jippreserva d-dritt u l-kapaċità tal-gvernijiet li jirregolaw fl-interess pubbliku, bħalma huma l-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, il-ħarsien soċjali u tal-konsumatur, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, il-benesseri tal-annimali, il-moralità pubblika, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali;

G.  billi kwalunkwe negozjar kummerċjali tal-UE jrid jiggarantixxi l-ogħla livelli ta' protezzjoni soċjali, tax-xogħol u ambjentali milħuqa mill-partijiet, u jista' jservi bħala għodda għall-promozzjoni ta' aġenda tal-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll madwar id-dinja; billi l-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jenħtieġ li titqies bħala opportunità għall-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jippromwovu standards u impenji komuni u għoljin fil-ftehimiet kummerċjali tagħhom, b'mod partikolari fl-oqsma tad-drittijiet tax-xogħol, il-protezzjoni ambjentali, id-drittijiet tal-konsumatur u l-benesseri pubbliku; billi l-Kummissjoni ħabbret riflessjoni dwar modi differenti biex tinforza dawn l-impenji, li se tikkunsidra wkoll mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet;

H.  billi l-KKK UE-Ċilì, li jinkludi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ partijiet, kellu l-ewwel laqgħa tiegħu fl-4 u l-5 ta' Ottubru 2016 bil-ħsieb li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni eżistenti, kif ukoll in-negozjati għall-aġġornament tiegħu, billi jidderieġi l-kontribut mis-soċjetà ċivili u jippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì lil hinn mill-kanali governattivi; billi d-dewmien sinifikanti fl-istabbiliment tal-KKK ma jridx jiġi ripetut fir-rigward tal-ftehim modernizzat; billi ladarba il-ftehim modernizzat jidħol fis-seħħ, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili trid tkun ibbażata fuq strutturi ċari, bilanċ ta' sħubija u mandati ta' rappurtar;

I.  billi l-UE u ċ-Ċilì kienu impenjati f'negozjati plurilaterali biex ikomplu jilliberalizzaw il-kummerċ fis-servizzi (TiSA);

J.  billi ċ-Ċilì mhux parti, iżda osservatur għall-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi, u mhux qed jipparteċipa f'negozjati plurilaterali b'rabta ma' Ftehim dwar il-Beni Ambjentali;

K.  billi l-Artikolu 45 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2002 bejn l-UE u ċ-Ċilì jinkludi dispożizzjonijiet fil-kapitolu dwar il-kooperazzjoni li jispeċifikaw li għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-politiki u l-programmi li jtejbu, jiggarantixxu u jestendu l-parteċipazzjoni ugwali tal-irġiel u tan-nisa fis-setturi kollha tal-ħajja politika, ekonomika, soċjali u kulturali;

L.  billi ċ-Ċilì huwa firmatarju tal-Ftehim ta' Sħubija Trans Paċifika (TPP), li bħalissa l-futur tiegħu jidher inċert, u ffirma Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles mal-firmatarji kollha tat-TPP u huwa ġeneralment meqjus bħala sieħeb stabbli u affidabbli;

M.  billi fl-2010 iċ-Ċilì kien l-ewwel pajjiż tal-Amerka t'Isfel li sar membru tal-OECD, u għandu qafas makroekonomiku sod;

N.  billi huwa importanti li jiġu massimizzati l-opportunitajiet offruti mill-modernizzazzjoni tal-pilastru kummerċjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bl-iktar mod inklużiv għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, u għaċ-ċittadini kemm fl-UE u kemm fiċ-Ċilì; billi jista' jsir aktar f'dan ir-rigward, inkluż, fost l-oħrajn it-tixrid ta' informazzjoni aċċessibbli, li jista' jwassal għal effett ta' multiplikazzjoni importanti tal-benefiċċji għall-partijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

O.  billi ċ-Ċilì għandu trattati bilaterali ta' investiment (BITs) ma' 17-il Stat Membru tal-UE, li l-kontenut tagħhom ma jirriflettux l-aħħar żviluppi u l-aħjar prattika fil-politika ta' investiment, u li se jiġu sostitwiti u jieqfu japplikaw ladarba jidħol fis-seħħ ftehim li jkun fih kapitolu ta' investiment bejn l-Unjoni u ċ-Ċilì;

P.  billi l-kundizzjonijiet sproporzjonalment stretti tal-leġiżlazzjoni Ċilena, li l-bastimenti tas-sajd tal-UE jridu jikkonformaw magħhom, jimpedixxu lil dawk il-bastimenti meta jużaw il-faċilitajiet tal-port fiċ-Ċilì sabiex jiżbarkaw, jittrażbordaw, jerġgħu jieħdu l-fjuwil jew biex jiksbu apparat għas-sajd;

Q.  billi x-xejra attwali tal-esportazzjoni taċ-Ċilì hija f'kuntrast qawwi ma' dik tal-UE, peress li hija ddominata bil-kbir mill-esportazzjonijiet ta' materja prima, bħar-ram, frott u ħaxix;

1.  Jirrakkomanda lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dan li ġej:

   (a) jiżguraw li l-Parlament Ewropew jirċievi informazzjoni sħiħa, immedjata u preċiża matul in-negozjati, fid-dawl tar-rwol tiegħu biex jiddeċiedi jekk jagħtix jew le l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat maċ-Ċilì, inkluż il-ftehim dwar il-pilastru kummerċjali; iżommu f'moħħhom li, filwaqt li l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni li jintlaħqu skont l-Artikolu 217 TFUE huma tradizzjonalment ta' natura mħallta u jkopru oqsma lil hinn mill-politika kummerċjali komuni, b'segwitu għall-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore, hemm bżonn ta' riflessjoni profonda dwar it-triq 'il quddiem tal-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì, biex b'hekk jiġu separati u salvagwardjati l-oqsma ta' kompetenza esklużiva kif ukoll kondiviża fil-kummerċ, u jiġi rispettat bis-sħiħ it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha matul il-proċess ta' negozjar, kif ukoll bil-ħsieb li jiġu ffirmati u konklużi l-ftehimiet; biex jikkonkludu, għalhekk, żewġ ftehimiet separati, li jiddistingwu b'mod ċar bejn ftehim ta' kummerċ u ta' investiment li fih biss kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u ftehim ieħor li jkopri s-suġġetti li l-kompetenzi tagħhom huma maqsumin ma' Stati Membri oħrajn;
   (b) jinnutaw li kemm l-UE u kemm iċ-Ċilì kkonkludew ftehimiet kummerċjali aktar moderni, ambizzjużi u komprensivi mindu daħal fis-seħħ il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bilaterali tagħhom, u li għadd ta' oqsma għadhom ma ġewx indirizzati minnu, li huma importanti biex niżguraw li dan iwassal għal tkabbir kondiviż, opportunitajiet ugwali, impjiegi deċenti u żvilupp sostenibbli, inkluż ir-rispett u l-promozzjoni tal-istandards tax-xogħol u ambjentali, il-benesseri tal-annimali, u l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-benefiċċju taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat;
   (c) iqisu importanti u meħtieġ li jfittxu li jimmodernizzaw il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì biex iqisu l-iżvilupp ekonomiku u politiku tul dawn l-aħħar ħmistax-il sena, b'mod partikolari l-komponent kummerċjali tiegħu, fi spirtu ta' reċiproċità, benefiċċju u bilanċ reċiproku, u jinnutaw l-appoġġ konsistenti għal modernizzazzjoni espress mill-KPK UE-Ċilì, kif ukoll il-fatt li l-KKK laqa' l-passi meħuda lejn aġġornament;
   (d) jiftakru li l-globalizzazzjoni u l-politika kummerċjali dan l-aħħar kienu s-suġġett ta' dibattitu intens fl-Ewropa u bnadi oħra, minħabba d-distribuzzjoni potenzjalment mhux ugwali tal-kisbiet tagħhom; jikkunsidraw neċessarju li jiġu antiċipati xejriet u konsegwenzi possibbli, jiggarantixxu tqassim aktar inklużiv tal-benefiċċji għall-kummerċ u jipprovdu protezzjoni adegwata lil dawk li ma jibbenefikawx minn dan il-ftehim u li jistgħu jkunu żvantaġġati fil-proċess sussegwenti; jiżviluppaw għaldaqstant azzjoni politika f'oqsma oħra, primarjament fil-livell nazzjonali iżda wkoll fil-livell tal-Unjoni, lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kummerċjali nnifishom, minn politiki industrijali u fiskali, għal dawk soċjali;
   (e) jiftakru fl-importanza tal-aġenda multilaterali u li kwalunkwe negozjar bilaterali m'għandux idgħajef l-ambizzjoni li jinkiseb progress multilaterali; iqisu li relazzjonijiet bilaterali msaħħa u kooperazzjoni konġunta bejn l-UE u ċ-Ċilì jenħtieġ li jiffaċilitaw ukoll kollaborazzjoni u sinerġija akbar fost il-partijiet f'kuntesti multilaterali u plurilaterali; iħeġġu f'dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni sħiħa taċ-Ċilì fin-negozjati tad-WTO b'rabta mal-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali u l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi Rivedut tad-WTO;
   (f) biex iqiegħdu l-valuri kondiviżi fil-qalba tal-proċess ta' modernizzazzjoni u jkomplu bil-prattika li jinkludu klawsola tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma jsir fil-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni kollha;
   (g) jiżguraw li Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat jiggarantixxi, fit-test kollu, u jistabbilixxi, b'mod espliċitu u inekwivokabbli, id-dritt u l-abbiltà tal-partijiet li jadottaw u japplikaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom stess fl-interess pubbliku, biex jintlaħqu objettivi leġittimi tal-politika pubblika bħall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-aċċess għall-ilma, is-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, il-moralità pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali; jiżguraw li l-ebda talba min-naħa ta' investitur ma tkun tista' tippreġudika dawn l-objettivi; jissottolinjaw, f'dan ir-rigward, li l-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles tal-UE m'għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-interessi leġittimi tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha jew l-entitajiet subfederali li jirregolaw fl-interess pubbliku;
   (h) biex, b'rabta man-negozjati dwar il-kummerċ ta' prodotti, ifittxu titjib ambizzjuż fl-aċċess għas-suq fost il-linji tariffarji, ineħħu ostakli bla bżonn, inkluż fir-rigward tal-aċċess għall-faċilitajiet tal-port għall-bastimenti tal-UE, filwaqt li jirrispettaw il-fatt li hemm għadd ta' prodotti agrikoli, tal-manifattura u industrijali sensittivi li jenħtieġ li jingħatalhom trattament adatt, pereżempju permezz ta' kwoti tar-rata tariffarja (TRQs), perjodi adegwati ta' tranżizzjoni jew li jiġu esklużi kompletament, jekk neċessarju; jinkludu klawsola ta' salvagwardja bilaterali effettiva u li tista' tintuża li tippermetti s-sospensjoni temporanja ta' preferenzi, jekk, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat, żieda fl-importazzjonijiet tikkawża jew thedded li tikkawża danni serji lil setturi sensittivi;
   (i) jinkludu fid-direttivi ta' negozjati tiegħu, l-objettiv li jiġu semplifikati r-regoli tal-oriġini u l-proċeduri doganali, bl-iskop li jaddattawhom għar-realtà ta' katini tal-valur globali dejjem aktar kumplessi; jiżguraw li Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat jinkludi dispożizzjonijiet u miżuri kontra l-frodi, u impenji biex jistandardizzaw ir-regoli u l-prattiki doganali, bil-għan li jinkisbu aktar trasparenza, effettività, ċertezza ġuridika u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali, filwaqt li jiġu modernizzati u semplifikati l-proċeduri, kif stabbilit fil-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO u l-Konvenzjoni riveduta ta' Kyoto;
   (j) jikkunsidraw, fir-rigward tal-kummerċ fis-servizzi, li l-potenzjal tas-settur tas-servizzi għadu ma ntlaħaqx kompletament fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni attwali, u li Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat jenħtieġ li jindirizza ostakoli mhux neċessarji għall-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali; iqisu li l-impenji meħuda jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) u li r-regoli jenħtieġ li jiġu aġġornati meta jkun neċessarju biex jittieħed kont ta' żviluppi ġodda; jeskludu s-servizzi awdjoviżivi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim; jiżguraw u jipprevedu b'mod espliċitu li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat ma jxekkilx il-kapaċità tal-partijiet li jiddefinixxu, jirregolaw, jipprovdu u jappoġġaw servizzi pubbliċi fl-interess pubbliku, li bl-ebda mod ma jitlob lill-gvernijiet jipprivatizzaw xi servizz, u li lanqas ma jipprevjeni lill-gvernijiet milli jipprovdu servizzi pubbliċi li preċedentement kienu fornuti minn fornituri privati tas-servizz jew milli jinġiebu lura taħt kontroll pubbliku servizzi li l-gvernijiet preċedentement għażlu li jipprivatizzaw, u lanqas mhu se jipprekludi lill-gvernijiet milli jespandu l-firxa ta' servizzi li jipprovdu lill-pubbliku bl-esklużjoni ta' xi klawsoli, dispożizzjonijiet jew impenji li jimminaw il-flessibbiltà meħtieġa biex servizzi attwali u futuri ta' interess ekonomiku ġenerali jerġgħu jiġu taħt kontroll pubbliku;
   (k) jiżguraw li ftehim modernizzat jistabbilixxi l-passi meħtieġa għal aktar trasparenza regolatorja u rikonoxximent reċiproku, inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw l-imparzjalità u r-rispett tal-ogħla standards ta' protezzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti, kwalifiki u liċenzji, u jipprevedu, f'dan ir-rigward, mekkaniżmi istituzzjonali għal konsultazzjoni li tinvolvi lill-atturi kollha kkonċernati bħall-SMEs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
   (l) jiżguraw li, filwaqt li jittieħdu impenji li jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza ta' persuni fiżiċi għal finijiet ta' negozju, il-fornituri tas-servizz barranin iridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol tal-UE u l-Istati Membri, u ma' ftehimiet kollettivi applikabbli meta l-ħaddiema jibbenefikaw mill-impenji tal-Modalità 4;
   (m) jiżguraw li kooperazzjoni regolatorja ambizzjuża u l-armonizzazzjoni tal-istandards jibqgħu volontarji, jirrispettaw l-awtonomija tal-awtoritajiet regolatorji, ikunu bbażati fuq skambju msaħħaħ ta' informazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva, bil-għan li jiġu identifikati ostakli żejda u piżijiet amministrattivi, u jiġi protett il-prinċipju ta' prekawzjoni; jiftakru li l-kooperazzjoni regolatorja trid timmira li tibbenefika l-governanza tal-ekonomija globali permezz ta' konverġenza u kooperazzjoni intensifikati dwar l-istandards internazzjonali, biex b'hekk jiġi garantit l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll dak ambjentali, soċjali u tax-xogħol;
   (n) iqisu li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat jinkludi konċessjoni prudenzjali għas-servizzi finanzjarji li tibni fuq dik li tinsab fil-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada (CETA) biex jiġi stabbilit l-ispazju politiku għall-partijiet biex jirregolaw is-setturi finanzjarji u bankarji tagħhom bil-ħsieb li tiġi żgurata l-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja; jinkludu miżuri ta' salvagwardja u eċċezzjonijiet ġenerali fir-rigward ta' movimenti tal-kapital u pagamenti, li għandhom japplikaw meta dawn jistgħu jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji għat-tħaddim bla xkiel tal-unjoni ekonomika u monetarja jew tal-bilanċ tal-pagamenti tal-UE;
   (o) jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u l-istandards ta' trasparenza li jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-partijiet li jimplimentaw standards internazzjonali fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt, inklużi rekwiżiti għal skambji awtomatiċi tal-informazzjoni u l-istabbiliment ta' reġistri pubbliċi tas-sjieda benefiċjarja għal trusts tan-negozju u dispożizzjonijiet konkreti fil-kapitoli dwar is-servizzi finanzjarji, il-moviment tal-kapital u l-istabbiliment, għall-esklużjoni ta' ppjanar tat-taxxa bil-moħbi minn korporazzjonijiet;
   (p) jiftakru li l-korruzzjoni ddgħajjef id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, il-kummerċ u l-kompetizzjoni ġodda, u b'hekk ixekkel it-tkabbir ekonomiku; jorbtu espliċitament lill-partijiet permezz tal-inklużjoni ta' taqsima speċifika li telenka impenji u miżuri ċari u b'saħħithom, li jiġġieldu l-korruzzjoni fis-suriet kollha tagħha u li jimplimentaw standards internazzjonali u konvenzjonijiet multilaterali kontra l-korruzzjoni;
   (q) iqisu li dispożizzjonijiet b'saħħithom dwar il-ftuħ tal-akkwist pubbliku, li jippromwovu l-prinċipju tal-aktar offerta vantaġġuża li jinkludi kriterji soċjali, ambjentali u innovattivi, proċeduri semplifikati u trasparenza għall-offerenti, inkluż aċċess effettiv għal dawk minn pajjiżi oħra, jistgħu wkoll ikunu għodda effettivi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u titrawwem l-integrità fl-amministrazzjoni pubblika, filwaqt li jiġi pprovdut valur għall-flus għall-kontribwenti; biex il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat jagħti aċċess imtejjeb għas-swieq tal-akkwist pubbliku, inkluż fil-livell subċentrali, u proċeduri trasparenti bbażati fuq it-trattament nazzjonali, l-imparzjalità u l-ekwità;
   (r) jiżguraw li l-politika ta' investiment tinkludi l-governanza tajba u l-iffaċilitar tal-investiment, u jiżviluppaw u jistabbilixxu l-obbligi tal-investituri filwaqt li titjieb il-protezzjoni tal-investituri;
   (s) jiżguraw li d-direttivi ta' negozjati jagħtu istruzzjonijiet lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja kapitolu modern ta' investiment, b'kont meħud tal-aħjar prattiki internazzjonali, bħall-Qafas ta' Politika ta' Investiment għal Żvilupp Sostenibbli tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u l-aħħar opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u Singapore;
   (t) biex isir progress lejn riforma internazzjonali meħtieġa għas-sistema tas-soluzzjoni tat-tilwim; ifittxu li jkun hemm impenn mill-partijiet kollha biex jagħtu prijorità lill-użu ta' qrati kompetenti u jibdlu s-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat (ISDS) b'sistema ta' qorti tal-investiment pubblika (ICS), b'mekkaniżmu ta' appell, regoli stretti dwar il-kunflitt ta' interess u kodiċi ta' kondotta infurzabbli; jikkunsidraw l-obbligi tal-investituri u jżommu d-dritt li jirregolaw biex jinkisbu objettivi leġittimi ta' politika pubblika bħal dawk relatati mas-saħħa u d-distribuzzjoni tal-ilma, kif ukoll il-protezzjoni tax-xogħol u tal-ambjent; jimmiraw li jevitaw kunflitti frivoli u li jinkludu l-garanziji proċedurali demokratiċi kollha, bħad-dritt għal aċċess nondiskriminatorju għall-ġustizzja (b'attenzjoni partikolari għall-SMEs), indipendenza ġudizzjarja, u trasparenza u responsabbiltà, filwaqt li jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' qorti tal-investiment multilaterali (MIC);
   (u) jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat ikun fih TSDC solidu u ambizzjuż li jinkludi dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli li huma suġġetti għal mekkaniżmi adegwati u effettivi għas-soluzzjoni tat-tilwim, li jqisu, fost diversi metodi ta' infurzar, mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet, u li jippermetti lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili jipparteċipaw b'mod xieraq; iqisu li t-TSDC jenħtieġ li jkopri, fost affarijiet oħra, l-impenn tal-partijiet li jadottaw u jżommu fil-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tagħhom, il-prinċipji stabbiliti f'konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u li jimplimentaw b'mod effettiv strumenti tal-ILO aġġornati, speċjalment il-konvenzjonijiet dwar il-governanza, l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti, il-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO dwar id-drittijiet ta' popli indiġeni, il-Konvenzjoni dwar l-Opportunitajiet Indaqs u t-Trattament Ugwali għall-Ħaddiema Rġiel u Nisa, il-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema Domestiċi u l-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema b'Responsabbilitajiet tal-Familja, kif ukoll standards tax-xogħol għall-ħaddiema migranti u s-CSR, inkluża l-inkorporazzjoni tal-linji gwida settorjali tal-OECD u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem u proċedura li fiha s-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili miġbura fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv Konġunt ikunu jistgħu jappellaw għat-tnedija ta' konsultazzjonijiet tal-gvern;
   (v) jiżguraw, b'referenza għall-progress miksub miċ-Ċilì fin-negozjati kummerċjali bilaterali mal-Urugwaj u l-Kanada, li l-partijiet jinkludu kapitolu speċifiku dwar il-kummerċ u l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa, lil hinn mill-konformità tal-partijiet u r-rispett tagħhom għall-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u soċjali, li jipprevedi miżuri attivi bil-għan li jitjiebu l-opportunitajiet għan-nisa biex jibbenefikaw mill-opportunitajiet ipprovduti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jipprovdu miżuri mmirati fost l-oħrajn biex jitjieb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja u għall-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa; jiżguraw, fost oħrajn, li l-partijiet jimpenjaw ruħhom li jiġbru data diżaggregata li tippermetti analiżi ex ante u ex post bir-reqqa dwar l-impatt tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi; ifittxu parteċipazzjoni ikbar ta' intrapriżi mmexxija min-nisa (b'mod partikolari mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)) fl-akkwist pubbliku, abbażi tal-esperjenza tal-Ministeru taċ-Ċilì tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi li, fl-2015, stabbilixxa programm ta' appoġġ biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-imprendituri nisa bħala fornituri fis-suq tal-akkwist pubbliku ta' ''Chile Compras''; jappoġġaw l-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi mmexxija min-nisa u l-parteċipazzjoni tan-nisa f'opportunitajiet ta' Modalità 4; jiżguraw l-inklużjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fit-timijiet tan-negozjati u f'diskussjonijiet perjodiċi dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-kapitolu fi ħdan il-KKK, li jenħtieġ li jintegra wkoll organizzazzjonijiet li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi;
   (w) jinkludu wkoll kapitolu ddedikat lill-mikrointrapriżi u l-SMEs li jipprevedi progress sostanzjali f'termini ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ, l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ u piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, kif ukoll miżuri attivi mmirati li jiżguraw li l-opportunitajiet li jirriżultaw jistgħu jintużaw u jiġu kkomunikati b'mod suffiċjenti lill-atturi ewlenin u potenzjali kollha (jiġifieri permezz tal-istabbiliment ta' punti uniċi ta' kuntatt, siti web iddedikati u l-pubblikazzjoni ta' gwidi settorjali b'informazzjoni dwar proċeduri u opportunitajiet ġodda għall-kummerċ u l-investiment);
   (x) jinkludu kapitolu tal-enerġija li jkun ikopri, fost l-oħrajn, l-enerġija rinnovabbli u l-materja prima; jirrikonoxxu l-importanza tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet ambjentali multilaterali, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, jinkludu dispożizzjonijiet u impenji li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ biex jinvolvu ruħhom fi strumenti u negozjati internazzjonali kif ukoll f'politiki kummerċjali u ambjentali ta' sostenn reċiproku li jirrispondu għall-objettivi tal-ekonomija ċirkolari, inklużi impenji dwar it-tkabbir ekoloġiku, u jappoġġaw u jkomplu jippromwovu l-kummerċ u l-investiment fi prodotti u servizzi ambjentali u enerġiji rinnovabbli, kif ukoll teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima;
   (y) jadottaw direttivi ta' negozjati li jsaħħu d-dispożizzjonijiet dwar il-benesseri tal-annimali inklużi fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni attwali, permezz tal-istabbiliment ta' kooperazzjoni bilaterali effettiva dwar il-kwistjoni u l-liberalizzazzjoni kundizzjonali għal meta jkun qed jitqiegħed f'riskju l-benesseri tal-annimali fil-produzzjoni ta' ċerti prodotti;
   (z) jadottaw direttivi ta' negozjati li jiddefinixxu rekwiżiti biex jiġi indirizzat l-infurzar tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, dispożizzjonijiet dwar miżuri sanitarji u fitosanitarji, u jiġu riflessi l-prinċipji ta' trasparenza, ġustizzja proċedurali u n-nondiskriminazzjoni kif ukoll regoli rigward is-sussidji;
   (aa) iżommu f'moħħhom li kull ftehim kummerċjali jrid jinkludi l-benesseri tal-konsumatur bħala wieħed mill-objettivi ġenerali u jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jimpenja lill-partijiet biex jilħqu livell għoli ta' sikurezza u protezzjoni tal-konsumatur, u ż-żamma tal-ogħla standards internazzjonali, u jiżviluppaw l-aħjar prattika koerenti, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji, it-tikkettar tal-prodotti u l-kummerċ elettroniku;
   (ab) jaċċettaw li n-negozjati jridu jwasslu għal dispożizzjonijiet b'saħħithom u infurzabbli li jkopru r-rikonoxximent u l-protezzjoni ta' kull tip ta' dritt tal-proprjetà intellettwali, fosthom dispożizzjonijiet ambizzjużi dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi, billi jibnu fuq dawk eżistenti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jibnu fuqhom, biex b'hekk jiżguraw aċċess aħjar tas-suq, infurzar imsaħħaħ u l-possibbiltà ta' indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda; jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni rivedut jinkludi kapitolu dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jiggarantixxi l-flessibbiltà meħtieġa u li d-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jnaqqsux l-aċċess għal mediċini essenzjali bi prezzijiet raġonevoli u kura medika fi programmi nazzjonali tas-saħħa pubblika; jiżguraw li dan il-kapitolu jmur lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS);
   (ac) jiżguraw li l-partijiet jiggarantixxu l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza u parteċipazzjoni, filwaqt li jiżguraw li l-objettivi tan-negozjati jiġu sodisfatti, u li dan jinvolvi djalogi kostanti u debitament infurmati mal-partijiet kollha kkonċernati, li jinkludu kemm il-partijiet interessati, bħalma huma n-negozji u t-trade unions, kif ukoll is-soċjetà ċivili, inklużi r-rappreżentanti indiġeni; jinvolvu sistematikament, f'dan ir-rigward, kemm lill-korpi parlamentari kompetenti, partikolarment il-KPK UE-Ċilì, kif ukoll il-KKK, matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, min-negozjati sal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni, u jappoġġaw fir-rigward tal-fażi ta' implimentazzjoni, il-ħolqien ta' korp parteċipattiv tas-soċjetà ċivili Ċilen uffiċjali li jirrifletti l-pluraliżmu tas-soċjetà ċivili Ċilena, b'attenzjoni partikolari lill-popli indiġeni tiegħu; jiżguraw, għal dan l-għan, flimkien maċ-Ċili, mingħajr ma tiġi mminata l-istrateġija tan-negozjati tal-UE, li l-informazzjoni rilevanti kollha tiġi ppubblikata bl-aktar mod aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, inklużi skedi ta' informazzjoni tradotti għall-Ispanjol bħala l-lingwa uffiċjali komuni;
   (ad) iżommu f'moħħhom l-appelli tal-Parlament sabiex il-mandati għal negozjati kummerċjali jsiru aċċessibbli għall-pubbliku, u biex jippubblikaw id-direttivi ta' negozjati għall-modernizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom;
   (ae) jiżguraw li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprovdi l-mekkaniżmi neċessarji sabiex jiġi rispettat fil-prattika matul l-implimentazzjoni, inkluż mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn stat u stat modern u effettiv;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika taċ-Ċilì.

(1) ĠU L 352, 30.12.2002, p. 3.
(2) Stqarrija għall-Istampa tal-Kunsill 197/15, 21.4.2015.
(3) http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-eu-chile-jcc-01-declaration
(4) https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/reflection-paper-globalisation_mt.pdf
(5) https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/reflection-paper-social-dimension-europe_mt.pdf
(6) https://www.ombudsman.europa.eu/en/cases/decision.faces/en/58668/html.bookmark
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0041.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0284.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0298.
(10) ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 94.
(11) http://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document.html?reference=EPRS_STU%282017%29558764
(12) http://unfccc.int/files/essential_background/convention/application/pdf/english_paris_agreement.pdf
(13) http://www.europarl.europa.eu/cmsdata/113103/1107500EN.pdf
(14) http://www.iwgia.org/publications/search-pubs?publication_id=740
(15) http://ec.europa.eu/trade/policy/countries-and-regions/countries/chile/
(16) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2006/september/tradoc_113364.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza