Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2041(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0133/2017

Testi mressqa :

A8-0133/2017

Dibattiti :

PV 11/09/2017 - 23
CRE 11/09/2017 - 23

Votazzjonijiet :

PV 14/09/2017 - 8.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0358

Testi adottati
PDF 653kWORD 60k
Il-Ħamis, 14 ta' Settembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
It-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE
P8_TA(2017)0358A8-0133/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Settembru 2017 dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fl-istituzzjonijiet tal-UE (2015/2041(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar il-modifika tal-ftehim interistituzzjonali dwar ir-Reġistru tat-Trasparenza(1);

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 9 u 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 dwar l-iżvilupp tal-qafas għall-attivitajiet tar-rappreżentanti ta' interessi (lobbyists) fl-istituzzjonijiet Ewropej(2),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2014 li ma tiltaqax ma' lobbisti mhux irreġistrati u li tippubblika informazzjoni dwar laqgħat ma' lobbisti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (l-Artikolu 104(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2011-2013(3),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji dwar it-Trasparenza u l-Integrità fl-attivitajiet tal-lobbying tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar ir-reviżjoni ġenerali tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0133/2017),

A.  billi l-Unjoni "għandha tirrispetta l-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tagħha, li għandhom jingħataw attenzjoni ndaqs mill-istituzzjonijiet [...] tagħha" (l-Artikolu 9 tat-TUE); billi "kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni" u "d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin" (l-Artikolu 10(3) tat-TUE u espressi b'mod simili fit-13-il premessa għal tali Artikolu u l-Artikoli 1(2) u 9 tiegħu); billi "l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ" (l-Artikolu 15(1) tat-TFUE);

B.  billi l-istituzzjonijiet tal-UE diġà għamlu progress biex isiru aktar miftuħa u, fil-biċċa l-kbira, diġà jinsabu quddiem l-istituzzjonijiet politiċi nazzjonali u reġjonali f'dak li jikkonċerna t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità tagħhom

C.  billi d-djalogu bejn dawk li jfasslu l-liġijiet u s-soċjetà huwa parti essenzjali tad-demokrazija, bħalma hija r-rappreżentanza ta' gruppi ta' interess, u billi r-rappreżentanza adegwata tal-interessi differenti fil-proċess leġiżlattiv tipprovdi lill-membri bl-informazzjoni u l-għarfien espert u hija kruċjali għall-funzjonament xieraq tas-soċjetajiet pluralistiċi;

D.  billi, fid-dawl tad-distanza li kulma jmur qiegħda tikber bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha, u l-ħtieġa li jiżdied l-interess tal-mezzi tax-xandir fl-affarijiet tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom ifittxu l-ogħla standards possibbli ta' trasparenza, responsabbiltà u integrità; billi dawn il-prinċipji huma komponenti essenzjali u komplementari fil-promozzjoni ta' governanza tajba fl-istituzzjonijiet tal-UE u fl-impenn biex tiġi żgurata aktar trasparenza fil-funzjonament tal-UE u l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha, u billi dawn għandhom ikunu l-prinċipji ewlenin tal-kultura fl-istituzzjonijiet;

E.  billi l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE hi fundamentali għad-demokrazija, għall-governanza t-tajba u għat-tfassil effikaċi tal-politika; billi jeħtieġ li jitnaqqsu l-lakuni li jeżistu fir-responsabbiltà politika fl-UE u li jsir avvanz lejn modi aktar kollaborattivi ta' skrutinju li jikkombinaw is-sorveljanza demokratika u l-attivitajiet ta' kontroll u awditjar filwaqt li tiġi pprovduta aktar trasparenza;

F.  billi, rappreżentanza ta' gruppi ta' interess mhux trasparenti u unilaterali jaf twassal għal riskju ta' korruzjoni u jaf tikkostitwixxi theddida sinifikanti u sfida serja għall-integrità ta' dawk li jfasslu l-politika u l-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet tal-UE; billi l-korruzzjoni għandha konsegwenzi finanzjarji sinifikattivi u tikkostitwixxi theddida serja għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għall-investiment pubbliku;

G.  billi att legali bħala bażi ġdida għal Reġistru tat-Trasparenza obbligatorju jeħtieġ definizzjoni legali tal-attivitajiet li jaqgħu taħt l-ambitu tar-reġistru, li tgħin biex jiġu ċċarati d-definizzjonijiet u l-interpretazzjonijiet ambigwi eżistenti tat-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà;

H.  billi f'xi Stati Membri diġà ġew stabbiliti reġistri ta' trasparenza nazzjonali;

I.  billi, skont ir-rekwiżit ta' trasparenza stabbilit fl-Artikolu 15(3) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u aġenziji oħra tal-Unjoni(5);

Impenn biex ir-Reġistru tat-Trasparenza jkun kemm jista' jkun obbligatorju

1.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Bureau tiegħu li jitlob lill-amministrazzjoni tiegħu tiżviluppa mudell biex ir-rapporteurs u r-rapporteurs għal opinjoni jipproduċu impronta leġiżlattiva volontarja, li tistabbilixxi liema kienu r-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess u l-organizzazzjonijiet li kkonsultaw; il-mudell għandu jiġi pprovdut ukoll bħala għodda tal-IT;

2.  Ifakkar fir-reviżjoni tiegħu tar-Regoli ta' Proċedura tat-13 ta' Diċembru 2016, li jistabbilixxu li l-Membri għandhom jadottaw il-prattika sistematika li jiltaqgħu biss ma' rappreżentanti ta' gruppi ta' interess li rreġistraw fir-Reġistru tat-Trasparenza, u jappella biex jiġu inklużi l-laqgħat bejn ir-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess u s-Segretarji Ġenerali, id-Diretturi Ġenerali u s-Segretarji Ġenerali tal-gruppi politiċi; jitlob lill-Membri u lill-persunal tagħhom jiċċekkjaw jekk ir-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess li biħsiebhom jiltaqgħu magħhom humiex irreġistrati u, jekk le, jitlobhom jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli qabel il-laqgħa; iħeġġeġ lill-Kunsill idaħħal dispożizzjoni simili li tinkludi r-rappreżentanzi permanenti; iqis li hu neċessarju li r-reġistranti fir-Reġistru tat-Trasparenza jkunu obbligati jipproduċu dokumenti li juru li l-informazzjoni ppreżentata hija preċiża;

3.  Ifakkar fid-definizzjonijiet ta' x'jikkostitwixxi "laqgħa mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess" stabbilita fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2014 dwar il-pubblikazzjoni tal-laqgħat; ifakkar fid-dispożizzjonijiet dwar x'informazzjoni tista' tinżamm taħt ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001; jemmen li d-dispożizzjonijiet dwar tali laqgħat m'għandhomx ikunu ristretti għal laqgħat "bilaterali", u għandhom jinkludu dawk ma' organizzazzjonijiet internazzjonali;

4.  Jemmen li r-rapporteurs, ix-shadow rapporteurs u l-presidenti tal-kumitati jeħtieġu jippubblikaw il-laqgħat tagħhom mar-rappreżentanti ta' interess li jaqgħu taħt l-ambitu tar-Reġistru ta' Trasparenza fir-rigward tal-fajls li jjinsabu taħt ir-responsabbiltà tagħhom permezz ta' impronta leġiżlattiva u li kull eċċezzjoni għandha tipproteġi l-ħajja u l-libertà ta’ informaturi li jaġixxu b'rieda tajba;

5.  Jistieden lill-Bureau tiegħu joħloq il-mezzi neċessarji sabiex jippermetti lill-Membri biex fuq il-profili Parlamentari tagħhom online jippubblikaw il-laqgħat tagħhom mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess jekk jixtiequ jagħmlu dan;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex lill-persunal tal-Kummissjoni rilevanti kollu (mil-livell ta' Kap ta' Unità 'l fuq) testendilu l-prattika li jiltaqa' biss ma' organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom li huma rreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika l-laqgħat tal-persunal tal-Kummissjoni rilevanti kollha involuti fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE ma' organizzazzjonijiet esterni, filwaqt li tqis ir-regoli tal-protezzjoni tad-data meħtieġa; għall-persunal l-ieħor preżenti f'dawn il-laqgħat għandha tiġi ppubblikata r-referenza għall-unità jew is-servizz;

8.  Jappoġġa l-appell tal-Kummissjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-persunal tagħhom, kif ukoll lill-aġenziji tagħha, sabiex iżommu lura milli jistiednu rappreżentanti ta' gruppi ta' interess mhux irreġistrati bħala kelliema, li jaqgħu fl-ambitu tar-Reġistru ta' Trasparenza, milli jagħtu patroċinju lill-avvenimenti ta' tali rappreżentanti jew jospitawhom fil-bini tal-UE u milli jħalluhom jipparteċipaw fil-korpi konsultattivi tal-Kummissjoni;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel mezz li l-informazzjoni kollha dwar ir-rappreżentanza ta' gruppi ta' interess lejn l-istituzzjonijiet tal-UE, id-dikjarazzjonijiet ta' interess, il-kunflitti ta' interess ikkonfermati u l-gruppi ta' esperti ikunu faċilment aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta' punt uniku ta' servizz online;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri biex jinkiseb bilanċ aħjar billi tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-interessi ssottorappreżentati;

11.  Iqis li, fost il-Membri tal-Parlament Ewropew, dawk maħtura bħala rapporteur, shadow rapporteur jew presidenti ta' kumitati għandhom responsabbiltà speċjali li jkunu trasparenti dwar il-kuntatti tagħhom mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess fid-dawl tar-rwol tagħhom fil-leġiżlazzjoni tal-UE;

12.  Jemmen li l-entitajiet irreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza għandhom, b'mod opportun, idaħħlu aġġornamenti obbligatorji fir-reġistru dwar in-nefqa għal attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tar-reġistru min-naħa tar-reġistranti tiegħu meta din in-nefqa taqbeż il-livell stabbilit għall-kategorija ikkonċernata;

13.  Jemmen li l-entitajiet irreġistrati kollha għandhom ikunu obbligati jippubblikaw fir-Reġistru tat-Trasparenza lista tad-donaturi kollha u d-donazzjonijiet rispettivi tagħhom li jaqbżu it-EUR 3 000, u jindikaw kemm in-natura kif ukoll il-valur tad-donazzjonijiet individwali ta' kull sena; id-donazzjonijiet singoli ta' valur li jaqbeż it-EUR 12 000 għandhom jiġu rrappurtati minnufih;

14.  Itenni t-talba li ilu jagħmel żmien twil biex ir-Reġistru tat-Trasparenza jkun appoġġat permezz ta' att legali, jekk ma jkunx possibbli li jingħalqu l-lakuni kollha u jkun hemm reġistru obbligatorju għalkollox għar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess permezz ta' ftehim interistituzzjonali; iqis li l-proposta għal dan l-att legali tista' tqis il-progress miksub bis-saħħa tal-bidliet fil-ftehim interistituzzjonali u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Parlament; ifakkar lill-Kummissjoni dwar it-talba tiegħu fid-deċiżjoni-tiegħu tal-15 ta' April 2014 għal proposta leġiżlattiva adatta dwar reġistru tat-trasparenza obbligatorju li għandu jiġi ppreżentat skont l-Artikolu 352 tat-TFUE sa tmiem l-2016;

15.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill, inklużi l-korpi preparatorji tiegħu, biex jingħaqad mar-Reġistru tat-Trasparenza mill-aktar fis possibbli; jistieden lill-Istati Membri kollha jdaħħlu leġiżlazzjoni li tippromwovi t-trasparenza tar-rappreżentanza ta' gruppi ta' interess; jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu regoli li permezz tagħhom ir-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess għandhom juru trasparenza meta l-kuntatti tagħhom mal-politiċi nazzjonali u l-amministrazzjoni pubblika jkollhom l-għan li jinfluwenzaw il-leġiżlazzjoni Ewropea;

It-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità fir-relazzjonijiet mar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess

16.  Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 li jirtira l-privileġġi minn dawk li mhumiex lesti li jikkooperaw mal-inkjesti jew seduti u laqgħat tal-kumitati li għandhom missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tkompli temenda l-kodiċi ta' kondotta għal entitajiet irreġistrati biex tinċentivahom ħalli ma jipprovdux, bl-aktar rieda tajba, informazzjoni insuffiċjenti jew qarrieqa tul dawn is-seduti ta' smigħ jew laqgħat tal-kumitati; iqis li l-entitajiet irreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza m'għandhomx jitħallew, skont il-kodiċi ta' kondotta, jimpjegaw individwi jew organizzazzjonijiet li jaħbu l-interessi jew il-partijiet jservu;

17.  Iqis li s-servizzi ta' konsulenza professjonali, id-ditti legali u l-konsulenti li jaħdmu għal rashom għandhom jindikaw il-volum eżatt ta' attivitajiet koperti mir-reġistru, filwaqt li jirrikonoxxi li ċerti individwi jaf jiġu ostakolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali f'xi Stati Membri milli jilħqu r-rekwiżiti tar-Reġistru tat-Trasparenza;

18.  Jinsisti li l-entitajiet irreġistrati, inklużi d-ditti legali u s-servizzi ta' konsulenza, għandhom jiddikjaraw fir-Reġistru tat-Trasparenza l-klijenti kollha li f'isimhom iwettqu attivitajiet ta' rappreżentanza ta' gruppi ta' interess li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Reġistru tat-Trasparenza; jilqa' d-deċiżjonijiet reċenti meħuda mid-diversi għaqdiet tal-avukati li jirrikonoxxu d-differenzi bejn l-attivitajiet tal-avukati relatati mal-qorti u attivitajiet oħra li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Reġistru tat-Trasparenza; jistieden, barra minn hekk, lill-Kunsill tal-Għaqdiet Ewropej tal-Avukati jħeġġeġ lill-membri tiegħu jadottaw miżuri simili, filwaqt li jirrikonoxxi li ċerti individwi jaf jiġu ostakolati minn leġiżlazzjoni nazzjonali f'xi Stati Membri milli jilħqu r-rekwiżiti tar-Reġistru tat-Trasparenza;

19.  Jinnota li f'ċerti Stati Membri jeżistu dispożizzjonijiet statutorji dwar ir-regoli tal-eżerċizzju tal-professjonijiet, li oġġettivament jimpedixxu, b'mod speċjali lid-ditti legali, li jirreġistraw lilhom infushom fir-Reġistru tat-Trasparenza u fil-proċess jiżvelaw l-informazzjoni dwar il-klijenti tagħhom kif mitlub mir-reġistru; jara wkoll, madankollu, riskju konsiderevoli fejn il-tali d-dispożizzjonijiet statutorji jaf jintużaw ukoll b'mod qarrieq sabiex jevitaw li jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa biex tiddaħħal kif suppost fir-reġistru; jilqa' b'rabta ma' dan il-fatt li l-organizzazzjonijiet professjonali tal-avukati huma mid-dehra lesti li jaħdmu fi sħubija biex jiżguraw li, fl-interess tal-professjoni, dan l-irtirar ta' informazzjoni jkun limitat esklużivament għal dak li tippermetti l-liġi b'mod oġġettiv; jistieden lill-Kummissjoni u lill-President tal-Parlament Ewropew jiżguraw li din id-disponibbiltà twassal għal riżultat prattiku fil-ftehim modifikat malajr kemm jista' jkun;

20.  Jitlob lill-Bureau, f'konformità mal-Artikolu 15 tat-TFUE u l-Artikolu 11 tat-TUE, jirrikjedi li ssir reġistrazzjoni qabel l-aċċess għall-bini tal-Parlament għal organizzazzjonijiet jew individwi mhux irreġistrati li jwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tar-Reġistru tat-Trasparenza; iqis li l-gruppi ta' viżitaturi għandhom ikunu eżentati minn dan; jenfasizza li l-Parlament, bħala r-rappreżentant taċ-ċittadini Ewropej, għandu jħaddan politika miftuħa fil-konfront taċ-ċittadini u li m'għandu jinħoloqu ebda ostaklu li jista' jaqta' qalb iċ-ċittadini milli jżuru l-bini tiegħu;

21.  Jiddispjaċih li, skont l-organizzazzjoni Transparency International, aktar minn nofs l-entrati fir-reġistru tal-lobbisti tal-UE fl-2015 kienu ineżatti, inkompluti jew mingħajr tifsira;

22.  Jitlob lill-Bureau u lis-Segretarju Ġenerali tiegħu jħaffu l-proċess ta' riattivazzjoni meħtieġ għat-titoli ta' aċċess għall-lobbisti permezz tat-twaqqif ta' faċilità ta' riattivazzjoni magħżula bil-għan li jiġu evitati ħinijiet ta' stennija eċċessiva biex dak li jkun jikseb aċċess għall-bini; jitlob li titneħħa r-restrizzjoni li tipprevedi d-dħul ta' mhux aktar minn erba' detenturi tal-"pass" fil-bini tal-Parlament fl-istess ħin;

23.  Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 fir-rigward tat-titoli ta' aċċess għall-membri tal-akkumpanjament, u jistieden lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jemenda r-regoli li jirregolaw it-titoli u l-awtorizzazzonijiet li jagħtu aċċess għall-binjiet tal-Parlament Ewropew mit-13 ta' Diċembru 2013, biex jobbligaw lil kull min għandu aktar minn 18-il sena biex huwa u japplika għal "pass" bħala membru tal-akkumpanjament jiffirma dokument li jiggarantixxi li dan mhux se jipparteċipaw f'attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Reġistru tat-Trasparenza;

24.  Jemmen li huwa meħtieġ, b'urġenza, li tiġi introdotta sistema xierqa ta' monitoraġġ tal-informazzjoni mogħtija sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni li jipprovdu r-reġistranti tkun sodisfaċenti, preċiża, aġġornata u komprensiva; jappella, f'dan ir-rigward, li jiżdiedu b'mod sostanzjali r-riżorsi tal-Unità tat-Trasparenza fil-Parlament Ewropew u s-segretarjat komuni tar-reġistru tat-trasparenza

25.  Jemmen li d-dikjarazzjonijiet tal-entitajiet irreġistrati għandhom jiġu vverifikati mill-Unità tat-Trasparenza u s-segretarjat komuni tar-reġistru tat-trasparenza ta' kull sena u abbażi ta' kampjun aleatorju f'għadd suffiċjenti bil-għan li tiġi pprovduta data sodisfaċenti, preċiża, aġġornata u komprensiva;

26.  Jemmen, b'referenza għall-Artikoli 4(2) u 5(2) tat-TUE, li l-istituzzjonijiet statali eletti demokratikament u kkontrollati fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali u r-rappreżentanti tagħhom lejn l-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll fil-korpi interni tagħhom u l-assoċjazzjonijiet formali u informali u l-organizzazzjonijiet umbrella li huma komposti esklużivament minnhom, m'għandhomx jaqgħu fl-ambitu tar-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE jekk dawn jaġixxu fl-interess pubbliku, peress li huma parti mis-sistema ta' governanza tal-UE magħmula minna diversi livelli;

Id-difiża tal-integrità kontra l-kunflitti ta' interess

27.  jitlob lil dawk l-istituzzjonijiet u korpi tal-UE li għad m'għandhomx kodiċi ta' kondotta illi jiżviluppaw tali dokument kemm jista' jkun malajr; iqis li huwa ta' dispjaċir li l-Kunsill u l-Kunsill Ewropew għadhom ma addottawx kodiċi ta' kondotta għall-membri tagħhom; iħeġġeġ lill-Kunsill idaħħal kodiċi speċifiku ta' etika, inklużi s-sanzjonijiet, li jindirizza r-riskji speċifiċi għad-delegati nazzjonali; jinsisti li l-Kunsill irid ikun politikament responsabbli u trasparenti bħalma huma l-istituzzjonijiet l-oħrajn; jitlob ukoll li jitfassal kodiċi ta' kondotta għall-membri u l-persunal taż-żewġ korpi konsultattivi tal-UE, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew; jistieden lill-Aġenziji tal-UE jadottaw linji gwida għal politika koerenti dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija u d-Diretturi, esperti f'kumitati xjentifiċi, u l-membri ta' bordijiet ta' appell u biex tadotta u timplimenta politika ċara dwar il-kunflitti ta' interess, f'konformità mal-Pjan Direzzjonali dwar is-segwitu għall-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE;

28.  Jemmen li l-uffiċjali kollha tal-UE, inklużi l-aġenti temporanji, l-assistenti parlamentari akkreditati, l-aġenti kuntrattwali u l-esperti nazzjonali, jenħtieġ li jiġu inkoraġġiti jattendu taħriġ dwar kif jiġu ttrattati r-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess u l-kunflitti ta' interess;

29.  Jissottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ l-integrità u jittejjeb il-qafas etiku permezz ta' kodiċijiet ta' mġiba u prinċipji etiċi ċari u msaħħa, ħalli jkun hemm l-iżvilupp ta' kultura komuni u effikaċi ta' integrità għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE;

30.  Jirrikonoxxi li l-effett "revolving door" jista' jkun ta' ħsara għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u r-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżviluppaw approċċ sistematiku u proporzjonali għal din l-isfida; iqis li r-regolamentazzjoni kollha rigward l-effett "revolving door" għandha tiġi applikata wkoll għall-President tal-Kunsill;

31.  Jitlob sabiex jissaħħu r-restrizzjonijiet fuq il-Kummissarji preċedenti billi "l-perjodu ta' preklużjoni" (cooling-off) jiġi estiż għal tliet snin u billi dan isir vinkolanti minn tal-anqas għall-attivitajiet kollha li jaqgħu taħt il-mandat tar-Reġistru tat-Trasparenza;

32.  Jemmen li d-deċiżjonijiet dwar ir-rwoli l-ġodda tal-uffiċjali għoljin u tal-ex Kummissarji għandhom jittieħdu minn awtorità maħtura b'mod indipendenti kemm jista' jkun minn dawk milquta mid-deċiżjonijiet tagħha;

33.  Jitlob li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom jiddivulgaw, fuq bażi annwali, f'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, l-informazzjoni dwar l-funzjonarji anzjani li telqu mill-amministrazzjoni tal-UE u dwar ir-rwoli li jkunu ħadu;

34.  Huwa tal-fehma li għandu jitqies perjodu ta' preklużjoni ta' 18-il xahar fi tmiem l-inkarigu tal-membri esterni u ad hoc tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fil-kuntest ta' regolamentazzjoni aħjar u tal-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment, perjodu li matulu m'għandhomx jagħmlu attivitajiet ta' lobbying immirati lejn il-membri tal-korpi governattivi tal-BEI u l-persunal tal-Bank għan-negozju, il-klijent jew l-impjegatur tagħhom;

L-integrità u l-kompożizzjoni bilanċjata tal-gruppi ta' esperti

35.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman kontra l-kunflitti ta' interess fil-gruppi ta' esperti, u tappoġġa b'mod espliċitu l-pubblikazzjoni ta' CV ddettaljat biżżejjed ta' kull wieħed mill-esperti maħtura fil-kapaċità personali tiegħu jew tagħha fuq ir-reġistru tal-gruppi ta' esperti, flimkien ma' dikjarazzjoni tal-interessi ta' kull wieħed mill-esperti maħtura fil-kapaċità personali tiegħu jew tagħha fuq ir-reġistru tal-gruppi tal-esperti;

36.  Jappoġġa t-talba tal-Ombudsman biex id-dħul fir-Reġistru tat-Trasparenza isir rekwiżit għall-ħatra fi gruppi ta' esperti għal dawk il-Membri li ma jkunux uffiċjali governattivi u ma jirċevux it-totalità jew il-parti l-kbira tad-dħul l-ieħor tagħhom minn istituzzjonijiet tal-istat, bħall-universitajiet, jekk wieħed jassumi li dawn tal-aħħar ma jirċevux finanzjament minn rappreżentanti ta' gruppi ta' interess u partijiet ikkonċernati ekonomiċi u kummerċjali;

37.  Jemmen li dispożizzjoni li fiha l-kriterji ġenerali għad-delimitazzjoni taż-żoni ekonomiċi u mhux ekonomiċi, kif irrakkomandat mill-Ombudsman u abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta' interessi tal-esperti għandha tgħin lill-Kummissjoni biex tagħżel esperti li jirrappreżentaw interessi b'ekwilibriju aħjar;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika l-minuti kollha tal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti fuq il-website tagħha, inkluża d-diversità tal-opinjonijiet rappreżentati;

39.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsultazzjonijiet jesploraw mistoqsijiet miftuħa minflok sempliċiment jippruvaw jikkonfermaw id-direzzjoni politika magħżula;

L-integrità tal-elezzjonijiet Ewropej

40.  Jemmen li, fil-qafas tal-liġi elettorali Ewropea, in-nomini tal-kandidati fil-partiti jridu jitwettqu b'mod demokratiku, b'mod sigriet u bil-parteċipazzjoni xierqa tal-Membri, u li persuni li nstabu ħatja b'sentenza finali ta' korruzzjoni kontra l-interessi finanzjarji tal-UE jew fl-Istati Membri għandhom jitilfu d-dritt li joħorġu għall-elezzjoni għal perjodu proporzjonat mas-serjetà tar-reat; jinnota li din l-proċedura ta' skwalifika diġà hija stabbilita f'xi Stati Membri; iqis li strument ġdid, bħal direttiva, jista' jistabbilixxi standards minimi komuni għal prattiki u oqfsa legali differenti fl-Istati Membri differenti rigward l-iskwalifika minħabba l-korruzzjoni;

It-tisħiħ tar-responsabbiltà legali tal-Kummissarji

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tislet mill-prassi t-tajba tal-Istati Membri bil-liġijiet għall-ministri billi tippreżenta proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi ta' trasparenza tal-Kummissarji, skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni;

42.  Jitlob li d-deċiżjoni li tistabbilixxi r-remunerazzjoni tal-Kummissarji, inklużi s-salarji tagħhom, li kienet ittieħdet esklużivament mill-Kunsill mindu twaqqfu l-Komunitajiet Ewropej, tiġi ttrasferita fil-proċedura ta' kodeċiżjoni;

43.  Jirrimarka li xi Stati Membri m'għandhomx liġijiet dwar ministri li jeskludu l-possibbiltà għad-detenturi ta' kariga milli jkunu proprjetarji uniċi jew proprjetarji parzjali ta' negozji;

Il-kunflitti ta' interess fil-ġestjoni kondiviża u f'pajjiżi terzi b'rabta mal-ġestjoni tal-fondi tal-UE

44.  Jemmen li jeżisti kunflitt serju ta' interess fil-possibbiltà li negozji li jkunu proprjetà ta' uffiċjali tal-UE jistgħu japplikaw għal fondi tal-UE jew jistgħu jirċievu tali fondi bħala subkuntratturi, filwaqt li s-sidien u d-detenturi ta' kariga stess huma responsabbli kemm għalk-użu xieraq tal-fondi kif ukoll għall-kontroll tal-użu tagħhom;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora klawsola f'liġijiet futuri kollha tal-UE dwar il-pagamenti li jindikaw li n-negozji li huma proprjetà ta' detenturi ta' kariga fl-Istati Membri tal-UE u f'pajjiżi terzi ma jistgħu jitolbu jew jirċievu l-ebda finanzjament mill-UE;

It-twettiq tal-objettiv ta' aċċess sħiħ għad-dokumenti u t-trasparenza għall-finijiet tar-responsabbiltà fil-proċess leġiżlattiv

46.  Ifakkar fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti għas-snin 2014-2015(6), li fihom huwa:

   talab biex il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, jitwessa' biex jinkludi l-istituzzjonijiet Ewropej kollha li bħalissa mhumiex koperti, bħall-Kunsill Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE,
   appella wkoll biex ikun hemm konformità sħiħa mal-obbligu li għandhom l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u korpi oħra li jżommu reġistri kompluti ta' dokumenti, kif stabbilit fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001,
   qies li d-dokumenti li nħolqu fit-trilogi, bħall-aġendi, is-sommarji tar-riżultati, il-minuti u l-approċċi ġenerali fil-Kunsill, huma marbuta ma' proċeduri leġiżlattivi u, fil-prinċipju, m'għandhomx jiġu ttrattati b'mod differenti minn dokumenti leġiżlattivi oħra u għandhom ikunu direttament aċċessibbli fuq il-website tal-Parlament,
   appella biex ikun hemm reġistru interistituzzjonali komuni, li jinkludi databażi konġunta maħsuba apposta dwar l-istat attwali tal-fajls leġiżlattivi li għalihom għaddejjin ix-xogħlijiet kif maqbul fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet,
   appella lill-Kunsill biex jippubblika l-minuti tal-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill u dokumenti oħra,
   stieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi reġistru li jiġbor il-leġiżlazzjoni kollha tat-tieni livell, b'mod partikolari għal atti delegati, u nnota li l-ħidma dwar il-ħolqien tiegħu kienet għaddejja kif maqbul fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet,
   esprima t-twemmin tiegħu fil-ħtieġa li tiġi introdotta awtorità ta' sorveljanza indipendenti għall-klassifikazzjoni u d-deklassifikazzjoni tad-dokumenti,
   appella biex isiru disponibbli l-aġendi u n-noti ta' feedback tal-Koordinaturi tal-Kumitati tal-Parlament, il-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti, u, fil-prinċipju, biex id-dokumenti kollha msemmija f'dawn l-aġendi jkunu disponibbli wkoll, billi jiġu ppubblikati fuq il-website tal-Parlament;

It-trasparenza tar-rappreżentanza esterna u tan-negozjati tal-UE

47.  Jilqa' l-każistika reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ssaħħaħ id-dritt tal-Parlament għall-informazzjoni dwar il-ftehimiet internazzjonali, u l-impenn min-naħa tal-istituzzjonijiet li jagħtu segwitu għall-paragrafu 40 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet billi jinnegozjaw kooperazzjoni msaħħa u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni; jieħu nota li n-negozjati bdew fi tmiem l-2016 u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimpenjaw ruħhom b'mod ġenwin u jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex jintlaħaq ftehim kemm jista' jkun malajr mal-Parlament dwar kooperazzjoni mtejba u l-kondivizjoni tal-informazzjoni mal-Parlament tul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-ftehimiet internazzjonali, peress li dan jgħin biex tiżdied il-leġittimità u l-iskrutinju demokratiku tal-azzjoni esterna tal-UE;

48.  Jinnota li, għad li hemm ftehim ta' kooperazzjoni interistituzzjoniali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, m'hemm l-ebda arranġament ekwivalenti bejn il-Parlament u l-Kunsill;

49.  jisħaq fuq l-isforzi reċenti tal-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza fin-negozjati kummerċjali; jemmen, madankollu, li l-Kunsill u l-Kummisjoni xorta waħda għandhom itejbu l-metodi ta' ħidma tagħhom biex jikkooperaw aħjar mal-Parlament rigward l-aċċess għad-dokumenti, għall-informazzjoni u għat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet u n-negozjati kollha relatati mal-politika kummerċjali komuni (bħall-informazzjoni relatata man-negozjati – inklużi t-tfassil tal-ambitu, il-mandati u l-andament tan-negozjati – in-natura mħallta jew esklużiva tal-ftehimiet kummerċjali u l-applikazzjoni proviżorja tagħhom, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi stabbiliti mill-ftehimiet kummerċjali u/jew ta' investiment, il-laqgħat tal-esperti, u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni); jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li l-Kunsill ma qegħedx il-mandati ta' negozjati għall-ftehimiet kollha li attwalment qegħdin jiġu nnegozjati għad-dispożizzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-pubbliku, iżda jilqa' l-fatt li fl-aħħar, wara sena ta' negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Parlament dwar l-aċċess għad-dokumenti relatati man-negozjati dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), intlaħaq ftehim operattiv sabiex jingħata aċċess lill-Membri kollha tal-PE, b'mod li issa n-negozjati dwar it-TTIP saru aktar trasparenti milli qatt kienu; jilqa', f'dan ir-rigward, l-ambizzjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni li juża l-inizjattiva għat-trasparenza attwali dwar it-TTIP bħala mudell għan-negozjati kummerċjali kollha, kif ġie spjegat fl-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd u li jimplimentaha;

50.  Jenfasizza li, kif osservat il-QtĠ-UE, l-imperattivi għat-trasparenza jirriżultaw min-natura demokratika tal-governanza fl-UE, u li, meta infomazzjoni kunfidenzjali mhijiex aċċessibbli għall-pubbliku, bħal fil-każ ta' negozjati kummerċjali, din għandha tkun disponibbli għall-Membri Parlamentari li jwettqu skrutinju fuq il-politika kummerċjali f'isem iċ-ċittadini; iqis għalhekk li l-aċċess għall-informazzjoni klassifikata huwa essenzjali għall-iskrutinju mill-Parlament, li min-naħa tiegħu għandu jirrispetta l-obbligu tiegħu li jiġġestixxi l-infomazzjoni ta' dan it-tip b'mod xieraq; iqis li għandu jkun hemm kriterji ċari sabiex dokumenti jitqiesu bħala "klassifikati" biex jiġu evitati l-ambigwità u deċiżjonijiet arbitrarji, u wkoll li d-dokument għandu jiġi deklassifikat hekk kif il-klassifikazzjoni ma tibqax meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk jistax jiġi ppubblikat dokument tan-negozjati hekk kif id-dokument imsemmi jkun ġie finalizzat internament; jinnota li l-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE hija ċara dwar il-fatt li, meta dokument li joriġina minn istituzzjoni tal-UE jkun kopert minn eċċezzjoni għad-dritt ta' aċċess pubbliku, l-istituzzjoni għandha tispjega b'mod ċar għalfejn l-aċċess għal dan id-dokument jista', b'mod konkret u effikaċi, jippreġudika l-interess protett mill-eċċezzjoni, u li dan ir-riskju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew ta' Lulju 2014, b'mod partikolari rigward l-aċċess għad-dokumenti għan-negozjati kollha u dwar il-pubblikazzjoni tal-aġendi tal-laqgħat u r-rekords tal-laqgħat miżmuma ma' individwi u organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tar-Reġistru tat-Trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament u lill-pubbliku dwar l-abbozzi tal-aġendi għaċ-ċikli ta' negozjati qabel in-negozjati, u l-aġendi u r-rapporti finali wara n-negozjati;

51.  Jemmen li l-UE trid tassumi rwol ta' tmexxija fit-tisħiħ tat-trasparenza fin-negozjati, mhux biss għall-proċessi bilaterali, iżda wkoll għall-proċessi plurilaterali u multilaterali fejn possibbli, bl-istess livell ta' trasparenza daqs dik tan-negozjati organizzati fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); jenfasizza, madankollu, li l-Kummissjoni tird ukoll tikkonvinċi lis-sħab tagħha fin-negozjati jżidu t-trasparenza min-naħa tagħhom, sabiex tiżgura li dan ikun proċess reċiproku fejn il-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE ma tiġix ippreġudikata, u tinkludi l-livell mixtieq ta' trasparenza fl-eżerċizzji tagħha ta' tfassil tal-ambitu ma' sħab fin-negozjati potenzjali; jisħaq fuq il-punt li żieda fit-trasparenza hija fl-interess tas-sħab fin-negozjati u tal-partijiet interessati madwar id-dinja tal-UE kollha, u tista' ssaħħaħ l-appoġġ globali għal kummerċ ibbażat fuq ir-regoli;

52.  Ifakkar l-importanza li l-proċess leġiżlattiv għall-politika kummerċjali komuni tistrieħ fuq statistika tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 338(2) tat-TFUE u fuq valutazzjonijiet tal-impatt u valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà li jkunu konformi mal-ogħla standards ta' imparzjalità u affidabbiltà, prinċipju li għandu jkun ta' gwida għar-reviżjonijiet rispettivi kollha fil-qafas tal-politika "Regolamentazzjoni Aħjar" tal-Kummissjoni; iqis li valutazzjonijiet tal-impatt għal kull settur individwali kieku jagħtu livell ogħla ta' affidabbiltà u leġittimità lill-ftehimiet kummerċjali tal-UE;

53.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016(7) biex tfassal abbozz ta' Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar it-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà, maħsub biex jagħti direzzjoni lill-azzjonijiet tar-rappreżentanti tal-UE f'organizzazzjonijiet/korpi internazzjonali; jitlob koerenza u koordinament aħjar tal-politika fost l-istituzzjonijiet globali permezz tal-introduzzjoni ta' standards komprensivi ta' leġittimità demokratika, trasparenza, responsabbiltà u integrità; huwa tal-fehma li l-UE għandha tissemplifika u tikkodifika r-rappreżentanza tagħha f'organizzazzjonijiet/korpi multilaterali bil-għan li żżid it-trasparenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-involviment tal-Unjoni f'dawn il-korpi, l-influwenza tagħha u l-promozzjoni tal-leġiżlazzjoni li adottat permezz ta' proċess demokratiku; jitlob l-adozzjoni ta' ftehim interistituzzjonali bil-għan li jiġu fformalizzati d-djalogi bejn ir-rappreżentanti tal-UE u l-Parlament, li għandhom jiġu organizzati mal-Parlament Ewropew bil-għan li jiġu stabbiliti l-linji gwida rigward l-adozzjoni u l-koerenza tal-pożizzjonijiet Ewropej qabel in-negozjati internazzjonali ewlenin;

It-trasparenza u r-responsabbiltà fil-qasam tan-nefqa pubblika

54.  Jemmen li d-data dwar il-baġit u l-infiq fl-UE għandha tkun trasparenti u ġustifikabbli permezz tal-pubblikazzjoni, inkluż fil-livell tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża;

It-trasparenza u r-responsabbiltà tal-governanza ekonomika fiż-żona tal-euro

55.  Jemmen li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-Grupp tal-Euro, fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, fil-laqgħat "informali" tal-Kunsill ECOFIN u f'summits taż-Żona tal-Euro jeħtieġ jiġu istituzzjonalizzati u, fejn meħtieġ, isiru trasparenti u responsabbli, fosthom permezz tal-pubblikazzjoni tal-aġendi u l-minuti tagħhom, billi jinstab bilanċ tajjeb bejn it-trasparenza awspikabbli u l-protezzjoni meħtieġa tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta' Stat Membru;

It-trasparenza u r-responsabbiltà f'dak li jikkonċerna l-baġit tal-UE

56.  Jinnota li fis-sena 2014, ġie konkluż total ta' 40 każ dwar persunal tal-UE u membri tal-istituzzjonijiet; jissottolinja li din iċ-ċifra hija baxxa u turi li l-frodi u l-korruzzjoni mhumiex endemiċi fl-istituzzjonijiet tal-UE(8);

57.  Jenfasizza li fl-2014, l-ogħla numru ta' każijiet potenzjali ta' frodi rrappurtati lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) kellhom x'jaqsmu mal-użu tal-Fondi Strutturali Ewropej (549 minn 1 417 allegazzjoni); jissottolinja li l-OLAF irrakkomanda l-irkupru finanzjarju ta' EUR 476.5 miljun f'fondi strutturali fl-2014; jinnota li EUR 22.7 miljun ġew irkuprati mill-awtoritajiet relevanti wara r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF fl-2014; jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw l-allokazzjoni xierqa tal-fondi tal-UE u jimmassimizzaw l-isforzi tagħhom biex jirkuprawhom meta dawn ma jiġux allokati kif imiss(9);

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq reviżjoni tal-hekk imsejħa "six-pack" u "two-pack" b'tali mod li tagħti lill-Parlament setgħat ta' skrutinju akbar fuq tal-adozzjoni tad-dokumenti ewlenin tas-Semestru Ewropew, u mezzi partikolarment effikaċi li jiggarantixxu r-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

59.  Jistieden lill-Grupp tal-Euro jinkludi lill-Parlament fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet kuntrattwali miftiehma mal-benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà;

Il-protezzjoni tal-informaturi (whistleblowers) u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni

60.  Jilqa' l-investigazzjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar jekk l-Istituzzjonijiet tal-UE humiex qegħdin jirrispettaw l-obbligu tagħhom li jdaħħlu regoli interni għall-iżvelar ta' informazzjoni protetta (whistleblowing); jiddispjaċih dwar is-sejbiet tal-Ombudsman li wħud mill-istituzzjonijiet tal-UE għadhom ma implimentawx b'mod xieraq regoli għall-protezzjoni tal-informaturi; jinnota li, s'issa, il-Parlament, il-Kummissjoni, l-Uffiċju tal-Ombudsman u l-Qorti tal-Awdituri biss adottaw tali regoli; jitlob lill-Parlament iwettaq studju dwar mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-Assistenti Parlamentari Akkreditati f'każ li dawn isiru informaturi;

61.  Iqis li l-protezzjoni effikaċi tal-informaturi hija arma importanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u, għaldaqstant, itenni l-appell tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015(10) indirizzat lill-Kummissjoni “biex, sa Ġunju 2016, tipproponi qafas leġiżlattiv tal-UE għall-protezzjoni effettiva tal-informaturi u simili”(11), b'kont meħud tal-valutazzjoni tar-regoli fil-livell nazzjonali sabiex jipprovdu għal regoli minimi għall-protezzjoni tal-informaturi;

62.  Jitlob lill-Kummissjoni tapplika miżuri stretti fir-rigward tad-diskrezzjoni u l-esklużjoni f'dak li jikkonċerna l-akkwist pubbliku, b'verifiki xierqa kwantu għall-isfond f'kull każ, u jitlobha wkoll tapplika l-kriterji tal-esklużjoni ħalli l-kumpanniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitt ta' interess, billi dan hu essenzjali għall-ħarsien tal-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet;

63.  Jemmen li l-informaturi iżjed sabu prosekuzzjoni milli appoġġ, anki fl-istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi emenda għar-regolament li jirregola l-Uffiċċju tal-Ombudsman u żżid il-kompetenzi tagħha peress li hu punt fokali għall-informaturi li jispiċċaw vittmi ta' trattament ħażin; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi żieda xierqa fil-baġit tal-Uffiċċju tal-Ombudsman biex dan il-kompitu ġdid u impenjattiv ikun jista' jsir.

64.  Jitlob li l-UE tagħmel progress fl-applikazzjoni tagħha għal sħubija fil-Grupp tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Istati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) kemm jista' jkun malajr, u li l-Parlament jinżamm aġġornat bil-progress f'din l-applikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapport ħarsa ġenerali lejn l-akbar problemi ta' korruzzjoni fl-Istati Membri, ir-rakkomandazzjonijiet tal-politika biex jiġu indirizzati u l-miżuri ta' segwitu li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, filwaqt li tqis speċifikament l-impatt negattiv tal-attivitajiet korrotti fuq il-funzjonament tas-suq intern;

65.  Jemmen li persuni misjuba ħatja permezz ta' sentenza finali ta' korruzzjoni fl-UE jew kumpaniji mmexxija jew ta' proprjetà ta' persuni li wettqu atti ta' korruzzjoni jew miżapproprijazzjoni ta' fondi pubbliċi għall-benefiċċju tal-kumpanija tagħhom u li jkunu nstabu ħatja permezz ta' sentenza finali għal dawn ir-raġunijiet, għal minn tal-anqas tliet snin, għandhom jiġu pprojbiti milli jidħlu f'kuntratti pubbliċi mal-Unjoni Ewropea u milli jibbenefikaw mill-fondi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi s-sistema ta' esklużjoni tagħha; jenfasizza li l-kumpaniji esklużi mis-sejħa għall-offerti għal fondi tal-UE mill-Kummissjoni għandha għandhom jitniżżlu pubblikament b'mod awtomatiku f'lista għal protezzjoni aħjar tal-interessi finanzjarji tal-UE u b'hekk ikun jista' jsir skrutinju mill-pubbliku ġenerali;

66.  Jinnota li mindu saret membru approvat tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) fit-12 ta' Novembru 2008, l-Unjoni Ewropea ma pparteċipatx fil-mekkaniżmu tar-reviżjoni prevista mill-Konvenzjoni, u lanqas ma ħadet l-ewwel pass lejn it-tlestija ta' awtovalutazzjoni ta' kif qed timplimenta l-obbligi tagħha taħt il-Konvenzjoni; jistieden lill-Unjoni Ewropea tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) billi twettaq awtovalutazzjoni ta' kif qed timplimenta l-obbligi tagħha taħt il-Konvenzjoni u tipparteċipa fil-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni bejn il-pari; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika r-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni tagħha li jmiss malajr kemm jista' jkun, u jistedinha biex fir-Rapporti tal-UE Kontra l-Korruzzjoni tinkludi kapitolu dwar l-istituzzjonijiet tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni twettaq aktar analiżi f'livell kemm ta' istituzzjonijiet tal-UE kemm tal-Istati Membri tal-ambjent li fih jiġu implementati l-politiki, ħalli jkunu identifikati fatturi kritiċi inerenti, oqsma vulernabbli u fatturi ta' riskju li jwasslu għall-korruzzjoni;

67.  Ifakkar fil-pożizzjonitiegħu tas-16 ta' April 2014 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali(12), u jitlob li tittieħed deċiżjoni rapida f'dan ir-rigward;

L-integrità fir-regolamentaazjoni tal-UE

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora salvagwardji sistemiċi bil-ħsieb li jiġu evitati kunflitti ta' interess fil-qasam tar-regolamentazzjoni ta' prodotti industrijali u tal-infurzar tal-politika; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kunflitt strutturali attwali ta' interessi fil-valutazzjoni pubblika tar-riskju ta' prodotti regolati, jiġifieri li l-valutazzjoni ta' dawn il-prodotti hi fil-parti l-kbira jew unikament ibbażata fuq l-istudji mwettqa mill-applikanti jew partijiet terzi mħallsa minnhom, filwaqt li r-riċerka indipendenti ta' spiss tiġi injorata jew miċħuda; jinsisti li l-produtturi xorta għandhom jipprovdu studji, b'kondiviżjoni tal-ispejjeż bejn il-kumpaniji l-kbar u l-SMEs abbażi tas-sehem relattiv fis-suq biex tiġi żgurata l-ġustizzja, iżda l-assessuri kollha għandhom ikunu obbligati jikkunsidraw bis-sħiħ ix-xjenza indipendenti, evalwata bejn il-pari, fil-valutazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod partikolari tirrevedi l-komunikazzjoni tagħha tal-2002 dwar il-prinċipji ġenerali u l-istandards minimi għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati; jissuġġerixxi li, sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet li jitqajmu mit-trażżin selettiv tas-sejbiet tar-riċerka mhux favorevoli, bħala kondizzjoni għal parteċipazzjoni fil-proċessi regolatorji u ta' politika, għandu jkun hemm reġistrazzjoni minn qabel tal-istudji u tal-provi xjentifiċi, li tispeċifika l-ambitu u d-data tal-konklużjoni mistennija; jenfasizza, fl-interess ta' konsulenza xjentifika soda u indipendenti għat-tfassil tal-politika, l-importanza ta' riżorsi adegwati għall-iżvilupp ta' kompetenzi interni fl-aġenziji speċjalizzati tal-UE, inkluża l-opportunità li jsiru riċerka u ttestjar li jistgħu jiġu ppubblikati, u b'hekk is-servizz pubbliku ikun aktar attraenti fi rwoli ta' konsulenza regolatorja mingħajr tfixkil fil-progress tal-karrieri akkademiċi tax-xjentisti;

It-tisħiħ tar-responsabbiltà parlamentari tal-Kummissjoni u l-aġenziji tagħha

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal regolament għall-aġenziji kollha tal-UE, li fl-ambitu tiegħu il-Parlament Ewropew se jingħata setgħat ta' kodeċiżjoni fil-ħatra jew it-tkeċċija tad-diretturi ta' tali aġenziji u dritt dirett li jagħmlulhom mistoqsijiet u jisimgħuhom;

70.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' esperti indipendenti fl-aġenziji tal-UE u l-ħtieġa li tingħata aktar importanza lill-eliminazzjoni tal-kunflitti ta' interess fil-bordijiet tal-aġenziji; jinnota li, attwalment, l-esperti minn għadd ta' aġenziji, inkluża l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), ma jitħallsux; jappella biex l-esperti fl-aġenziji regolatorji li jirrappreżentaw, pereżempju, lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ jew lill-akkademiċi jirċievu kumpens adegwat; jenfasizza l-importanza li jkun hemm riżorsi adegwati għall-iżvilupp tal-kompetenzi interni fl-aġenziji speċjalizzati tal-UE;

71.  Jappella lill-EFSA, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) jirrevedu b'mod urġenti il-politiki ta' indipendenza tagħhom bil-għan li jiggarantixxu b'mod espliċitu l-indipendenza stretta tagħhom mis-setturi ekonomiċi kollha li huma jirregolaw u bil-għan li jevitaw il-kunflitti ta' interess fost il-membri tal-persunal u l-esperti tagħhom;

72.  Jappoġġa l-prattika li l-parlamenti nazzjonali jistiednu lill-Kummissarji biex jagħmlulhom mistoqsijiet;

73.  Ifakkar li s-setgħa li jitwaqqfu l-kumitati ta' inkjesta hija karatteristika intrinsika tas-sistemi parlamentari fid-dinja kollha, u li t-Trattat ta' Lisbona jipprevedi proċedura leġiżlattiva speċjali għall-adozzjoni ta' regolament dwar id-dritt ta' inkjesta fl-Artikolu 226(3) tat-TFUE; jisħaq fuq il-punt li, f'konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jaqblu dwar l-adozzjoni ta' regolament ġdid;

74.  Jitlob deċiżjoni rapida min-naħa tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-proposta tal-Parlament tat-23 ta' Mejju 2012 għal regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament(13);

o
o   o

75.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0376.
(2) ĠU C 271 E, 12.11.2009, p. 48.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0203.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0484.
(5) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Settembru 2010, ir-Renju tal-Iżvezja vs Association de la presse internationale ASBL (API) u Il-Kummissjoni Ewropea (C-514/07 P), Association de la presse internationale ASBL (API) vs Il-Kummissjoni Ewropea (C-528/07 P) u Il-Kummissjoni Ewropea v Association de la presse internationale ASBL (API) (C-532/07 P), Kawżi Magħquda C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, ECLI:EU:C:2010:541.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0202.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0108.
(8) Ir-rapport tal-OLAF 2014, il-15-il rapport tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, l-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2014.
(9) Ibid.
(10) Ara r-riżoluzzjoni tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa u miżuri oħra simili fin-natura jew fl-effett (Testi adottati, P8_TA(2015)0408).
(11) Ibid. par 144.
(12) Testi adottati, P7_TA(2014)0427.
(13) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p.41.

Avviż legali