Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2002(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0276/2017

Testi mressqa :

A8-0276/2017

Dibattiti :

PV 14/09/2017 - 3
CRE 14/09/2017 - 3

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0360

Testi adottati
PDF 582kWORD 86k
Il-Ħamis, 14 ta' Settembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa
P8_TA(2017)0360A8-0276/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Settembru 2017 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa (2017/2002(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 14 u 15 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, irratifikata mill-UE fl-2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020")(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istatus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-19 ta' Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta' titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti(3),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ(5),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(6),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel(7),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2011 dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ġunju 2011 dwar il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta' għada,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2007 dwar ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel u l-promozzjoni tas-suċċess fl-iskola(10),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2013 dwar l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ – reazzjoni għar-Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013(11),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja(12)(EQF-LLL),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja u dik tax-xogħol(13),

–  wara li kkunsidra r-referenzi li saru għall-ħiliet diġitali fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 intitolata "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea – Ingawdu l-benefiċċji kolha ta' Suq Uniku Diġitali"(COM(2016)0180),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar" (COM(2012)0669),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar il-programm Erasmus+ u strumenti oħra sabiex titrawwem il-mobilità fl-ETV – approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi(18),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020)(19),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni primarja fit-trawwim tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenza diġitali,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2017 dwar "Intejbu l-Ħiliet tan-Nisa u l-Irġiel fis-Suq tax-Xogħol tal-UE"(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE(21),

–  wara li kkunsidra l-gwida Social Europe tal-Kummissjoni ta' Marzu 2013 dwar "Social Economy and Social Entrepreneurship"(22),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2014-2020(23),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew SOC/546 tat-22 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Interni u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0276/2017),

A.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tnaqqax id-dritt tal-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u għat-tagħlim tul il-ħajja;

B.  billi l-ħiliet għandhom importanza strateġika għall-impjegabbiltà, għat-tkabbir, għall-innovazzjoni u għall-koeżjoni soċjali, u billi l-kumplessità tal-impjiegi qed tiżdied fis-setturi u l-impjiegi kollha u hemm inflazzjoni fid-domanda relattiva għall-ħiliet, anki għal impjiegi li jirrikjedu livell baxx ta' ħiliet;

C.  billi l-prosperità u s-sigurtà tal-kisbiet soċjali tagħna huma bbażati biss fuq il-ħiliet u l-għarfien espert tas-soċjetajiet tagħna;

D.  billi popolazzjoni b'livell baxx ta' ħiliet tiffaċċja riskju akbar ta' qgħad u esklużjoni soċjali;

E.  billi, pajjiżi bl-ogħla proporzjon ta' adulti b'livell baxx ta' profiċjenza f'ħiliet bażiċi u f'ħiliet diġitali għandhom livelli aktar baxxi ta' produttività tax-xogħol u, fl-aħħar mill-aħħar, prospetti aktar baxxi għat-tkabbir u l-kompetittività;

F.  billi l-Parlament Ewropew jikkondividi u jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinvesti fil-kapital uman bħala riżorsa ewlenija għall-kompetittività tal-UE, u billi l-kwalità tal-għalliema hija prerekwiżit għall-kwalità tal-edukazzjoni;

G.  billi ħafna impjiegi li jirrikjedu livell baxx ta' ħiliet issa jirrikjedu livelli ogħla ta' litteriżmu, numeriżmu u ħiliet bażiċi oħrajn, u anki impjiegi li jirrikjedu livell baxx ta' ħiliet fis-settur tas-servizzi qed jinkludu dejjem aktar kompiti mhux ta' rutina(24);

H.  billi skont l-aħħar studju tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Kompetenzi tal-Adulti (PIAAC) imwettaq mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), madwar 70 miljun Ewropew ma għandhomx ħiliet bażiċi bħall-qari, il-kitba u n-numeriżmu, u dan jirrappreżenta ostaklu għal dawk il-persuni biex isibu impjieg u standard tal-għajxien diċenti;

I.  billi sal-2025, 49 % tal-opportunitajiet ta' impjieg kollha (inklużi kemm impjiegi ġodda kif ukoll impjiegi ta' sostituzzjoni) fl-UE se jirrikjedu kwalifiki ta' livell għoli, 40 % – kwalifiki ta' livell medju, filwaqt li 11 % biss – kwalifiki ta' livell baxx jew ebda kwalifika(25);

J.  billi t-twessigħ tal-aċċess għall-edukazzjoni tul il-ħajja jista' joħloq possibilitajiet ġodda għal inklużjoni attiva u parteċipazzjoni soċjali msaħħa, speċjalment għal persuni b'livell baxx ta' ħiliet, dawk bla xogħol, il-persuni bi bżonnijiet speċjali, il-persuni anzjani, u l-migranti;

K.  billi l-Istati Membri jeħtieġ li jsibu modi biex jipproteġu jew jippromwovu investiment fuq terminu itwal fl-edukazzjoni, fir-riċerka, fl-innovazzjoni, fl-enerġija u fl-azzjoni b'rabta mal-klima u jinvestu fil-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja;

L.  billi l-UE hija pjattaforma ppożizzjonata l-aħjar biex tikkondividi l-aħjar prattiki u tappoġġa t-tagħlim reċiproku fost l-Istati Membri;

M.  billi l-Artikoli 165 u 166 tat-TFUE jassenjaw lill-Istati Membri r-responsabbiltà għall-edukazzjoni ġenerali, inklużi l-edukazzjoni għolja u t-taħriġ vokazzjonali;

N.  billi l-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni fil-livell tal-UE hija proċess volontarju, u dan jevidenzja differenza fundamentali bejn il-qasam tal-edukazzjoni u dak tal-impjiegi, li huwa qasam ta' politika b'bażi Komunitarja aktar soda;

O.  billi l-ħiliet u l-kompetenzi jmorru id f'id u għalhekk ir-rabta bejniethom għandha tissaħħaħ aktar fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet;

P.  billi l-iżvilupp ta' setturi orjentati lejn il-futur għandu rwol determinanti fuq it-tipi ta' ħiliet meħtieġa;

Q.  billi stħarriġ Ewropew dwar il-ħiliet u l-impjiegi wera li madwar 45 % tal-ħaddiema adulti tal-UE jemmnu li l-ħiliet tagħhom jistgħu jintużaw jew jiġu żviluppati aħjar fuq il-post tax-xogħol;

R.  billi, skont l-ILO, bejn 25 u 45 fil-mija tal-forza tax-xogħol Ewropea mhumiex kwalifikati biżżejjed jew huma kwalifikati żżejjed għax-xogħlijiet li jagħmlu; billi din is-sitwazzjoni hija dovuta l-aktar għall-bidla b'ritmu mgħaġġel fl-istruttura tal-ekonomiji tal-Istati Membri;

S.  billi n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet huwa fenomenu inkwetanti li jolqot lill-individwi u lin-negozji, joħloq diskrepanzi fil-ħiliet u nuqqas ta' ħiliet u huwa waħda mill-kawżi tal-qgħad(26); billi 26 % tal-impjegati adulti tal-UE m'għandhomx il-ħiliet li jeħtieġu għall-impjieg tagħhom;

T.  billi aktar minn 30 % taż-żgħażagħ bi kwalifiki għoljin jinsabu f'impjiegi li ma jikkorrispondux għat-talenti u l-aspirazzjonijiet tagħhom, filwaqt li 40 % tal-impjegaturi Ewropej jirrimarkaw li ma jistgħux isibu persuni bil-ħiliet xierqa biex ikunu innovattivi u jkunu jistgħu jikbru;

U.  billi, attwalment, kważi 23 % tal-popolazzjoni fl-età ta' bejn 20 u 64 sena għandhom livell baxx ta' edukazzjoni (ta' qabel il-primarja, primarja jew sekondarja); billi l-individwi b'livell baxx ta' kwalifiki għandhom anqas opportunitajiet ta' impjieg u huma wkoll aktar suxxettibbli li jkunu f'impjiegi mhux siguri, u l-probabilità li jesperjenzaw qgħad fit-tul hija d-doppju meta mqabbla ma' dik ta' persuni b'livell għoli ta' kwalifiki(27);

V.  billi l-individwi bi kwalifiki baxxi mhux biss għandhom opportunitajiet ta' impjieg imnaqqsa, iżda huma wkoll aktar vulnerabbli għal qgħad fit-tul u jkollhom aktar diffikultajiet biex jiksbu aċċess għal servizzi u biex jipparteċipaw b'mod sħiħ fis-soċjetà;

W.  billi ta' spiss l-individwi jkollhom ħiliet li mhumiex identifikati, sfruttati jew imħallsa kif suppost; billi l-ħiliet miksuba barra minn ambjenti formali, permezz ta' esperjenza ta' xogħol, volontarjat, impenn ċiviku jew esperjenzi rilevanti oħrajn mhumiex neċessarjament irreġistrati fi kwalifika jew iddokumentati u għalhekk qed jiġu sottovalutati;

X.  billi l-industriji kulturali u kreattivi (CCIs) jikkontribwixxu għall-benessri soċjali, l-innovazzjoni, l-impjieg u jistimulaw l-iżvilupp ekonomiku tal-UE filwaqt li jimpjegaw aktar minn 12-il miljun persuna fl-UE, li jammontaw għal 7,5 % tal-persuni kollha impjegati fl-ekonomija totali u jikkontribwixxu għall-ekonomija b'5,3 % tal-Valur Miżjud Gross totali tal-UE u 4 % oħra tal-Prodott Domestiku Gross Nominali tal-UE ġġenerat minn industriji ta' livell għoli(28);

Y.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-UE minqux fit-Trattati u hija objettiv u responsabilità tal-Unjoni; billi l-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħha, bħall-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, hija missjoni speċifika tal-Unjoni;

Z.  billi, fil-livell tal-UE, in-NEETs (persuni barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ) huma meqjusa bħala wieħed mill-aktar gruppi vulnerabbli fil-kuntest tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; billi, bħala medja, il-probabilità li n-nisa jsiru NEET hija 1,4(29) darbiet aktar minn dik tal-irġiel, u dan ikompli jenfasizza l-kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni sesswali u ta' ugwaljanza bejn is-sessi minn età żgħira;

AA.  billi l-ħiliet soċjali u emozzjonali flimkien mal-ħiliet konjittivi huma importanti għall-benessri u s-suċċess individwali;

AB.  billi l-aċċess għal edukazzjoni formali, informali u mhux formali ta' kwalità għolja, kif ukoll għall-opportunitajiet ta' tagħlim u ta' taħriġ, irid ikun dritt għal kulħadd f'kull stadju tal-ħajja, biex b'hekk ikunu jistgħu jinkisbu ħiliet trasversali bħal pereżempju n-numeriżmu, il-litteriżmu medjatiku u diġitali, il-ħsieb kritiku, il-ħiliet soċjali, il-profiċjenza f'lingwa barranija u l-ħiliet għall-ħajja rilevanti; billi, f'dan ir-rigward, hemm bżonn li l-ħaddiema jingħataw ħin liberu għall-iżvilupp personali u tat-taħriġ fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja;

AC.  billi huwa essenzjali li l-ħiliet jimmiraw mhux biss li jżidu l-impjegabbiltà iżda wkoll li jsaħħu l-kapaċità għall-parteċipazzjoni ċivika u l-istima għall-valuri demokratiċi u t-tolleranza, b'mod partikolari bħala għodda biex jiġu evitati r-radikalizzazzjoni u l-intolleranza ta' kwalunkwe tip;

AD.  billi f'dinja li qed tinbidel b'rata mgħaġġla, aktar globalizzata u diġitali, il-ħiliet trasversali u trasferibbli bħall-ħiliet soċjali, il-ħiliet interkulturali, il-ħiliet diġitali, is-soluzzjoni tal-problemi, l-intraprenditorija u l-ħsieb kreattiv huma kruċjali;

AE.  billi t-trasformazzjoni diġitali għadha għaddejja u l-ħtiġijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol qed jevolvu kontinwament;

AF.  billi, l-awtonomizzazzjoni diġitali u l-awtostima huma prerekwiżit essenzjali għall-bini ta' soċjetajiet b'saħħithom u jsaħħu l-unità u l-integrazzjoni fi ħdan l-UE;

AG.  billi, illum il-ġurnata, is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħna qed jiffaċċjaw trasformazzjoni diġitali sinifikanti, li qed ikollha impatt fuq il-proċessi ta' tagħlim; billi l-provvista effettiva ta' ħiliet diġitali hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-forza tax-xogħol tkun ippreparata għall-bidliet teknoloġiċi attwali u futuri;

AH.  billi, minkejja żieda reċenti fin-numru ta' nies li jipparteċipaw fl-edukazzjoni jew it-taħriġ diġitali fl-UE, għad hemm ħafna xi jsir biex l-ekonomija Ewropea tiġi allinjata mal-era diġitali ġdida u titnaqqas id-differenza bejn in-numru ta' persuni li qed ifittxu impjieg u n-numru ta' postijiet ta' xogħol battala;

AI.  billi hemm bżonn li jiġu inkorporati trasformazzjonijiet diġitali ġodda fis-sistemi edukattivi sabiex tkompli tingħata għajnuna lin-nies biex dawn isiru kritiċi, kunfidenti u indipendenti; billi madankollu dan irid isir b'mod simbjotiku mas-suġġetti li diġà qed jiġu mgħallma;

AJ.  billi għandha tiġi inkluża aġenda għall-ħiliet valida għall-futur b'riflessjoni usa' fuq il-litteriżmu fuq il-post tax-xogħol fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni li qed jikbru tas-soċjetajiet Ewropej;

AK.  billi kompetenzi trasversali bħall-kompetenzi ċiviċi u soċjali kif ukoll l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza, għandhom jiġu enfasizzati flimkien mal-ħiliet lingwistiċi, diġitali u intraprenditorjali;

AL.  billi l-ħiliet intraprenditorjali jeħtieġ li jiġu mifhuma f'kuntest usa', minħabba li jġibu magħhom kemm spirtu ta' inizjattiva f'termini ta' parteċipazzjoni f'azzjonijiet soċjali kif ukoll mentalità intraprenditorjali, u billi dawn għandhom għalhekk jiġu enfasizzati b'mod ulterjuri fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet bħala ħiliet għall-ħajja ta' benefiċċju għal individwi fil-ħajja personali u professjonali tagħhom, filwaqt li huma ta' benefiċċju wkoll għall-komunitajiet;

AM.  billi sabiex jiġu żgurati tkabbir ekonomiku u impjiegi intelliġenti, sostenibbli u inklużivi għaż-żgħażagħ, trid titrawwem profiċjenza fix-Xjenza, fit-Teknoloġija, fl-Inġinerija u fil-Matematika (STEM) fl-UE;

AN.  billi d-domanda għall-professjonisti u professjonisti assoċjati STEM mistennija tikber b'madwar 8 % minn issa sal-2025, rata ferm ogħla mill-medja mbassra ta' tkabbir ta' 3 % għall-impjiegi kollha; billi l-impjiegi f'setturi relatati max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) wkoll mistennija jiżdiedu b'madwar 6,5 % minn issa sal-2025(30);

AO.  billi l-impressjoni ħażina u l-attrazzjoni li qed tiżvinta tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) flimkien ma' ETV ta' kwalità baxxa f'ċerti Stati Membri jiskoraġġixxu lill-istudenti milli jibdew karriera f'oqsma u setturi promettenti b'nuqqas ta' forza tax-xogħol;

AP.  billi, meta jiġu ttrattati l-kwistjonijiet tal-ħiliet, b'mod partikolari n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u l-opportunitajiet ta' xogħol, iridu jitqiesu l-isfidi speċifiċi ffaċċjati miż-żoni rurali;

AQ.  billi s-settur ekoloġiku kien wieħed mill-kreaturi netti prinċipali ta' impjiegi fl-Ewropa matul ir-reċessjoni u għandu jiġi promoss aktar permezz tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet;

AR.  billi t-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-Ewropa jżid id-domanda għall-professjonisti fil-kura medika, għall-kura soċjali u għas-servizzi mediċi;

AS.  billi l-familji għandhom rwol ewlieni biex jgħinu lit-tfal jitgħallmu l-ħiliet bażiċi;

L-iżvilupp tal-ħiliet għall-ħajja u tal-ħiliet għall-impjiegi

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa – Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" adottata f'Ġunju 2016;

2.  Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma kompetenzi tal-Istat Membru u li l-UE tista' biss tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri;

3.  Iqis li l-UE teħtieġ bidla fundamentali fl-għanijiet u fil-funzjonament tas-settur tal-edukazzjoni; jaqbel li tingħata attenzjoni partikolari rigward l-ammeljorament tas-sistemi Ewropej tal-edukazzjoni u tat-taħriġ b'konformità mal-ambjent ekonomiku, teknoloġiku u soċjetali li qed jinbidel b'rata mgħaġġla, filwaqt li jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità fl-istadji kollha;

4.  Jinnota li, filwaqt li l-ħtiġijiet ta' ħiliet huma dinamiċi, il-pakkett tal-ħiliet jiffoka prinċipalment fuq il-ħtiġijiet immedjati tas-suq tax-xogħol; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' ħidma f'kollaborazzjoni stretta maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali (Cedefop), sabiex jiġu antiċipati l-ħiliet meħtieġa u għall-iżvilupp ta' għodda pan-Ewropea ta' tbassir tal-ħiliet meħtieġa u sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja, bl-għan li jkun jista' jsir adattament għal sitwazzjonijiet ġodda fis-suq tax-xogħol u jkun hemm tisħiħ tal-adattabilità tal-individwu, taċ-ċittadinanza attiva u tal-inklużjoni soċjali;

5.  Jistieden lill-Istati Membri biex ma jiffokawx biss fuq il-ħiliet ta' impjegabbiltà, il-litteriżmu, in-numeriżmu, u l-litteriżmu diġitali u medjatiku, iżda jiffokaw ukoll fuq il-ħiliet li huma ġeneralment aktar rilevanti għas-soċjetà, bħall-ħiliet trasversali, trasferibbli jew personali (it-tmexxija, il-ħiliet soċjali u interkulturali, il-maniġment, l-edukazzjoni intraprenditorjali u finanzjarja, il-volontarjat, il-profiċjenza f'lingwi barranin, in-negozjazzjoni) fil-programmi edukattivi u ta' taħriġ tagħhom u jagħtu prijorità wkoll lill-iżvilupp ulterjuri ta' dawk il-kapaċitajiet fil-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV), flimkien mat-tisħiħ tal-artiġjanat Ewropew;

6.  Jitlob li kulħadd ikollu d-dritt ta' aċċess veru għall-ħiliet, f'kull stadju tal-ħajja, sabiex kulħadd ikun jista' jikseb il-ħiliet fundamentali għas-seklu 21;

7.  Jirrikonoxxi l-valur tal-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni u n-numru dejjem jikber ta' studenti u membri tal-persunal li jipparteċipaw fil-programmi ta' mobilità; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-valur ta' Erasmus+;

8.  Jinnota, barra minn hekk, li diversi studji juru li l-mobilità tagħti lin-nies ħiliet professjonali speċifiċi kif ukoll settijiet ta' ħiliet trasversali u trasferibbli, bħalma huma l-ħsieb kritiku u l-intraprenditorija, u tipprovdilhom opportunitajiet ta' karriera aħjar; jirrikonoxxi li l-baġit attwali tal-UE ddedikat għall-mobilità għal skopijiet edukattivi jaf ma jkunx suffiċjenti biex sal-2020 tintlaħaq il-mira ta' 6 % ta' mobilità għal skopijiet edukattivi;

9.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżviluppaw aktar il-possibilità ta' mobilità intersettorjali fost l-iskejjel b'mod kumplessiv; jenfasizza li l-mobilità tat-tagħlim fl-ETV teħtieġ aktar appoġġ u promozzjoni u li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni transkonfinali fil-kuntest tal-mobilità;

10.  Jirrimarka li l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali u l-iżvilupp taż-żgħażagħ sabiex jagħmluhom ċittadini proattivi u responsabbli lesti biex jgħixu u jaħdmu f'ekonomija teknoloġikament avvanzata u globalizzata u għandhom jipprovdulhom sett ta' kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja, definit bħala kombinazzjoni ta' għarfien, ħiliet u attitudnijiet meħtieġa għall-milja u l-iżvilupp personali, għaċ-ċittadinanza attiva u għall-impjieg;

11.  Jenfasizza li l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC) ta' kwalità huma prerekwiżiti kruċjali għall-iżvilupp tal-ħiliet;

12.  Filwaqt li jinnota li r-responsabbiltà għall-għoti tal-edukazzjoni u tal-kura hija f'idejn l-Istati Membri, jitlobhom isaħħu l-kwalità u jwessgħu l-aċċess għall-ECEC u jindirizzaw in-nuqqas ta' infrastruttura suffiċjenti li toffri kura tat-tfal ta' kwalità u aċċessibbli għal-livelli kollha ta' dħul kif ukoll biex iqisu l-għoti ta' aċċess bla ħlas għal familji li jgħixu fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali;

13.  Jenfasizza li l-kreattività u l-innovazzjoni qed isiru l-fatturi motivaturi fl-ekonomija tal-UE u għandhom jiġu integrati fl-istrateġiji ta' politika nazzjonali u Ewropej;

14.  Jilqa' l-objettiv tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet li l-ETV jkunu l-ewwel għażla għall-istudenti, u jkunu reattivi għad-domanda tas-suq u relatati mal-ħtiġijiet ta' xogħol futuri permezz tal-parteċipazzjoni tal-impjegaturi fit-tfassil u l-għoti tal-korsijiet;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jmorru lil hinn mill-promozzjoni tal-"ħiliet okkupazzjonali xierqa" u jiffokaw ukoll fuq dawk l-aspetti tal-edukazzjoni li huma aktar ibbażati fuq ix-xogħol u aktar prattiċi, u li jrawmu mentalità intraprenditorjali, l-innovazzjoni u l-kreattività, jgħinu lin-nies jaħsbu b'mod kritiku, jifhmu l-kunċett ta' sostenibilità, filwaqt li jkun stmati valuri u drittijiet fundamentali bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, it-tolleranza u r-rispett, u jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess demokratiku u fil-ħajja soċjali bħala ċittadini b'moħħhom miftuħ;

16.  Huwa tal-fehma, madankollu, li hemm bżonn li jiġi adottat approċċ olistiku għall-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet, li jqiegħed lill-istudenti fiċ-ċentru tal-proċess, kif ukoll li jiġi żgurat investiment suffiċjenti fil-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja; jemmen ukoll li l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd u li huma meħtieġa iktar sforzi biex jiġu inklużi l-gruppi l-aktar vulnerabbli;

17.  Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li s-soċjetà ċivili, l-esperti, u l-familji, li għandhom esperjenza tar-realtà fuq il-post, ikunu involuti b'mod iktar attiv fid-dibattitu dwar il-ħiliet meħtieġa għall-ħajja;

18.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffokaw ukoll fuq l-indirizzar tal-istereotipi tas-sessi peress li n-nisa jirrappreżentaw 60 % tal-gradwati reċenti; jenfasizza li r-rata ta' impjieg tagħhom madankollu għadha taħt dik tal-irġiel u li f'ħafna setturi dawn mhumiex rappreżentati biżżejjed;

19.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jqabblu aħjar il-ħiliet mal-impjiegi fis-suq tax-xogħol u, b'mod partikolari, jistabbilixxu apprendistati ta' kwalità li jgħinu lin-nies ikunu aktar flessibbli fil-perkorsi edukattivi tagħhom u aktar 'il quddiem fis-suq tax-xogħol;

20.  jirrikonoxxi l-valur tas-sistemi ta' edukazzjoni doppja(31), iżda jirrimarka li sistema użata fi Stat Membru partikolari ma tistax tiġi kkupjata bl-għama fi Stat Membru ieħor; jitlob l-iskambju tal-mudelli tal-aħjar prattika li jinvolvu s-sħab soċjali;

21.  Ifakkar, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' kooperazzjoni mtejba fost l-Istati Membri sabiex jinsiltu l-lezzjonijiet mill-aħjar prattiki li jwasslu għal rati aktar baxxi ta' qgħad, bħal pereżempju l-apprendistati u t-tagħlim tul il-ħajja;

22.  Jinnota r-rwol tas-Cedefop, li waħda mill-missjonijiet ewlenin tiegħu hija li jlaqqa' lill-mexxejja politiċi, lis-sħab soċjali, lir-riċerkaturi u lill-prattikanti sabiex jaqsmu l-ideat u l-esperjenzi tagħhom, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' pjattaformi speċifiċi skont is-settur;

23.  Jenfasizza li l-kultura, il-kreattività u l-arti jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-iżvilupp personali, l-impjieg u t-tkabbir fl-UE kollha, peress li jġibu magħhom l-innovazzjoni, jistimulaw il-koeżjoni, isaħħu r-relazzjonijiet interkulturali, il-fehim reċiproku u jippreservaw l-identità, il-kultura u l-valuri Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-appoġġ tagħhom għas-CCIs sabiex jiġi sfruttat u esplorat bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom;

24.  Jenfasizza li l-wasliet attwali ta' migranti, rifuġjati u dawk li jfittxu l-asil fl-UE jirrikjedu l-istabbiliment ta' approċċ aktar sostnut fir-rigward taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi, inkluża l-valutazzjoni tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien tagħhom, li jeħtieġ li jkunu viżibbli, kif ukoll l-istabbiliment ta' mekkaniżmu għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet;

25.  Ifakkar li dawk li jkunu għadhom jaslu jġibu magħhom għarfien u ħiliet ġodda, u jitlob l-iżvilupp ta' għodod li jipprovdu informazzjoni multilingwi dwar l-opportunitajiet eżistenti ta' tagħlim formali u informali, taħriġ professjonali, traineeships u ħidma volontarja; jemmen li huwa importanti li jitrawwem djalogu interkulturali sabiex tkun aktar faċli li l-migranti, ir-rifuġjati u dawk li jfittxu l-asil jidħlu fis-suq tax-xogħol u jintegraw fis-soċjetà;

26.  Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-Għodda għat-Tfassil tal-Profil tal-Ħiliet għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi u jittama li jkun hemm progress rapidu b'rabta ma' dan l-isforz; jirrakkomanda li l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, fl-approċċ tagħha rigward il-ħiliet tal-migranti, tkun konsistenti mal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi; jenfasizza li għandu jittieħed approċċ iktar komprensiv fir-rigward tat-titjib tal-ħiliet tal-migranti, inkluż permezz tal-intrapreditorija soċjali, l-edukazzjoni ċivika u t-tagħlim informali, u li l-enfasi m'għandhiex tkun limitata għat-trasparenza, il-komparabbiltà u t-tfassil komprensiv fir-rigward tat-titjib tal-ħiliet tal-migranti, inkluż permezz tal-intrapreditorija soċjali, l-edukazzjoni ċivika u t-tagħlim informali, u li l-enfasi m'għandhiex tkun limitata għat-trasparenza, il-komparabbiltà u t-tfassil bikri tal-profili tal-ħiliet u l-kwalifiki tal-migranti;

27.  Jemmen li hemm bżonn ta' azzjoni kkoordinata sabiex jiġi miġġieled l-eżodu tal-imħuħ billi jiġu identifikati mezzi xierqa għall-użu tal-ħiliet disponibbli, bl-għan li l-Istati Membri jiġu protetti kontra t-telf ta' kapital uman;

28.  Ifakkar li l-investiment fil-kapaċità tal-edukazzjoni tal-lum se jiddetermina l-kwalità tal-impjiegi fil-preżent u fil-futur, il-kwalifiki tal-ħaddiema, il-benessri soċjali u l-parteċipazzjoni demokratika fis-soċjetà;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjoni tat-tixjiħ tal-popolazzjoni, billi jħeġġu l-iżvilupp ta' ħiliet relatati mas-saħħa, mal-benessri u mal-prevenzjoni tal-mard;

Ir-rwol tal-edukazzjoni fl-indirizzar tal-qgħad, l-esklużjoni soċjali u l-faqar

30.  Iqis li l-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-UE jiddependu ħafna fuq sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ li ma jħallux li n-nies jaqgħu lura;

31.  Jinsisti li l-edukazzjoni u t-taħriġ mhumiex biss fatturi ewlenin fit-tisħiħ tal-impjegabbiltà, iżda anki fit-trawwim tal-iżvilupp personali, tal-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali u taċ-ċittadinanza attiva u għalhekk jemmen li l-aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità u l-investiment adegwat fil-ħiliet u l-kompetenzi huma kruċjali biex tiġi indirizzata r-rata għolja ta' qgħad u esklużjoni soċjali, speċjalment fost l-aktar gruppi vulnerabbli u żvantaġġati (in-NEETs, il-persuni qiegħda fit-tul, il-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet, ir-rifuġjati u l-persuni b'diżabilità); ifakkar li t-tbassir ġenwin tal-ħiliet meħtieġa għall-ġejjieni huwa kruċjali f'dan ir-rigward;

32.  Jiddispjaċih bi tħassib li l-investiment fl-edukazzjoni għadu lura u li t-tnaqqis suċċessiv fil-baġits tal-edukazzjoni jaffettwa l-aktar lil dawk l-istudenti u dawk l-adulti li ġejjin minn sfond soċjoekonomiku żvantaġġat;

33.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li bejn l-2010 u l-2014 l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE kumplessivament naqas bi 2,5 %(32); jenfasizza li sabiex l-edukazzjoni taqdi r-rwol tagħha fl-indirizzar tal-qgħad, tal-esklużjoni soċjali u tal-faqar, huwa essenzjali li jkun hemm sistemi pubbliċi tal-edukazzjoni b'riżorsi xierqa;

34.  Jenfasizza, kif iddikjarat mill-OECD(33), li n-nies b'aktar edukazzjoni jikkontribwixxu għal soċjetajiet iktar demokratiċi u ekonomiji iktar sostenibbli u jiddependu inqas fuq l-għajnuna pubblika u huma anqas vulnerabbli għal tnaqqis fir-ritmu ekonomiku; jirrimarka għalhekk li l-investiment fl-edukazzjoni u fl-innovazzjoni ta' kwalità mhuwiex biss kruċjali għall-ġlieda kontra l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, iżda huwa kruċjali wkoll sabiex l-UE tkun tista' tikkompeti b'suċċess fis-swieq globali; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex, permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew, ireġġgħu lura l-investiment pubbliku, tal-inqas, għal-livelli ta' qabel il-kriżi, fl-edukazzjoni bikrija, primarja u sekondarja għal kulħadd, u b'mod partikolari għal tfal minn sfondi żvantaġġati;

35.  Jirrimarka li l-aċċess għal opportunitajiet ta' tagħlim u ta' taħriġ għandu jkun dritt għal kulħadd, f'kull stadju tal-ħajja, biex b'hekk ikunu jistgħu jinkisbu ħiliet trasversali bħal pereżempju n-numeriżmu, il-litteriżmu diġitali u medjatiku, il-ħsieb kritiku, il-ħiliet soċjali u l-ħiliet għall-ħajja rilevanti; huwa tal-fehma li l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet hija pass fid-direzzjoni t-tajba li jħeġġeġ impenn kondiviż lejn viżjoni komuni dwar l-importanza kruċjali tal-politiki ta' tagħlim tul il-ħajja;

36.  Jenfasizza r-rwol tal-assoċjazzjonijiet esterni u tal-NGOs biex jipprovdu lit-tfal b'ħiliet u kompetenzi soċjali oħra, bħall-arti, l-attivitajiet manwali, biex jgħinu l-integrazzjoni tagħhom, il-fehim aħjar tal-ambjent tagħhom, is-solidarjetà fit-tagħlim u fl-għajxien, u t-titjib tal-kompetenzi ta' tagħlim ta' klassijiet sħaħ;

37.  Ifakkar li l-persuni b'diżabilità għandhom rekwiżiti speċjali, u għaldaqstant jeħtieġu appoġġ xieraq sabiex jiksbu l-ħiliet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex meta jkunu qed jimplimentaw l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet jadottaw approċċ inklużiv fit-tfassil tal-politiki ta' edukazzjoni u taħriġ tagħhom, inkluż permezz ta' persunal ta' appoġġ għat-tagħlim kif ukoll billi jagħmlu l-informazzjoni dwar il-ħiliet, it-taħriġ u l-għażliet ta' finanzjament, disponibbli u aċċessibbli għall-akbar numru ta' gruppi ta' nies possibbli, filwaqt li jqisu l-varjetà wiesgħa ta' diżabilità; isostni li, bl-għan li tiġi appoġġata l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, l-intraprenditorija hija għażla fattibbli għal ħafna persuni b'diżabilità; jinnota, f'dan ir-rigward, l-importanza li jitjiebu kemm il-ħiliet diġitali tal-persuni b'diżabilità kif ukoll ir-rwol kruċjali tat-teknoloġiji aċċessibbli;

38.  Jinnota li filwaqt li hemm rikonoxximent ikbar tal-potenzjal tal-edukazzjoni u l-kura bikrija ta' kwalità fit-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u fit-tqegħid ta' pedament sod għal tagħlim ulterjuri, l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet ma għandhiex viżjoni li tħares 'il quddiem fir-rigward tal-istadji aktar bikrin tal-edukazzjoni; jistieden lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jinvestu fl-ECEC sabiex itejbu l-kwalità u jwessgħu l-aċċess għaliha, kif ukoll biex jadottaw miżuri mmirati lejn it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola;

39.  Jistieden lill-Istati Membri japprovaw b'mod partikolari l-qafas ta' kwalità dwar l-ECEC tal-2014(34) u jinsisti li għandhom ikunu disponibbli programmi rilevanti sabiex iż-żgħażagħ kollha li ma komplewx l-iskola primarja jew sekondarja jingħataw opportunità oħra; iqis l-ikkompletar tal-edukazzjoni sekondarja bħala xi ħaġa utli;

40.  Jinnota li l-edukazzjoni għandha mhux biss tipprovdi ħiliet u kompetenzi rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, iżda għandha tikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir u l-iżvilupp personali taż-żgħażagħ sabiex tagħmilhom ċittadini proattivi u responsabbli;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jidderieġu l-investimenti fl-edukazzjoni inklużiva li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà u li tiżgura opportunitajiet u aċċess ugwali għal kulħadd, inkluż għaż-żgħażagħ minn sfondi soċjoekonomiċi differenti, kif ukoll għall-gruppi vulnerabbli u żvantaġġati;

42.  Jistieden lill-Istati Membri jespandu l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ li jagħtu ċans ieħor sabiex il-gruppi f'riskju jiġu integrati aħjar fis-suq tax-xogħol;

43.  Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni dwar azzjonijiet rigward l-iżvilupp tal-ħiliet sabiex jitnaqqsu d-disparità fl-edukazzjoni u l-iżvantaġġi matul il-ħajja ta' persuna, b'tali mod li ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jiġġieldu b'mod effettiv il-qgħad u jiżguraw il-kompetittività u l-innovazzjoni fl-Ewropa, iżda jiġbed l-attenzjoni għal għadd ta' ostakli amministrattivi li qed ixekklu l-progress fil-kisba ta' dawk l-objettivi f'dak li għandu x'jaqsam mal-mobilità tal-professjonisti, mar-rikonoxximent tal-kwalifiki u mat-tagħlim ta' kwalifiki professjonali;

44.  Jitlob, għal dak l-għan, li l-Istati Membri jiżguraw li s-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern tiffunzjona tajjeb, tiffaċilita skambji aħjar ta' data u tippromwovi kooperazzjoni amministrattiva aħjar bla ma toħloq piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, jintroduċu proċeduri aktar sempliċi u aktar rapidi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u tar-rekwiżiti fir-rigward tal-iżvilupp professjonali kontinwu tal-professjonisti kkwalifikati li jkunu qed jippjanaw li jaħdmu fi Stat Membru ieħor, u jevitaw kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, b'mod partikolari, jiffaċilitaw l-aċċess taċ-ċittadini vulnerabbli għall-iżvilupp tal-ħiliet billi jivvalutaw il-ħtieġa li jiġu stabbiliti għodod speċifiċi, bħal ċentri lokali ta' informazzjoni tal-UE u indikaturi speċifiċi fi ħdan il-Qafas ta' Kompetenzi Ewlenin sabiex jitqiesu l-bżonnijiet tal-gruppi żvantaġġati;

It-tisħiħ tal-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja

46.  Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja għall-awtożvilupp tal-ħaddiema, inkluż li jżommu lilhom infushom aġġornati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol li dejjem jinbidlu(35), u li jinħolqu opportunitajiet għal kulħadd bil-ħsieb li titrawwem kultura ta' tagħlim f'kull età fl-Ewropa; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jinvestu f'tagħlim tul il-ħajja partikolarment f'pajjiżi b'rata ta' parteċipazzjoni inqas mill-punt ta' riferiment ta' 15 %;

47.  Jinnota bi tħassib is-sitwazzjoni inaċċettabbli ta' 70 miljun Ewropew mingħajr ħiliet bażiċi; jilqa' għalhekk il-ħolqien tal-inizjattiva "Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet" u jinsisti fuq l-implimentazzjoni rapida u l-monitoraġġ tagħha; jistieden barra minn hekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu approċċ kontinwu fir-rigward tat-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid u t-tagħlim tul il-ħajja, permezz tal-introduzzjoni ta' skemi varjati favur motivazzjoni u aċċess ikbar imfassla għall-ħtiġijiet individwali ta' kull Stat Membru, kemm għall-individwi qiegħda kif ukoll għal dawk li huma impjegati;

48.  Iqis li l-inizjattiva "Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet" għandha tinvolvi l-valutazzjoni individwalizzata tal-ħtiġijiet ta' tagħlim, offerta ta' tagħlim ta' kwalità u validazzjoni sistematika tal-ħiliet u l-kompetenzi miskuba, li tippermetti r-rikonoxximent faċli tagħhom fis-suq tax-xogħol; jindika l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess wiesa' għall-broadband sabiex jiġi permess il-litteriżmu diġitali; jiddispjaċih li l-Parlament Ewropew ma kienx involut fit-tiswir tal-inizjattiva;

49.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' ħiliet settorjali u speċifiċi jrid ikun responsabbiltà kondiviża bejn dawk li jipprovdu l-edukazzjoni, l-impjegaturi u t-trade unions u għalhekk l-Istati Membri għandhom jiżguraw djalogu mill-qrib mas-sħab soċjali; jinsisti li l-atturi rilevanti kollha fis-suq tax-xogħol għandhom ikunu involuti fil-proċess, fit-tfassil u fit-twassil tat-taħriġ sabiex in-nies ikunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa tul il-karriera tagħhom, u sabiex in-negozji jkunu kompetittivi filwaqt li fl-istess ħin jingħata impetus lill-iżvilupp personali, lill-kwalità tal-impjiegi u lill-iżvilupp u l-perspettivi ta' karriera;

50.  Jenfasizza li hemm bżonn li jiġu żviluppati sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ kumplessi biex l-istudenti jiġu pprovduti tipi differenti ta' ħiliet: ħiliet bażiċi (il-litteriżmu, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali); ħiliet ġeneriċi avvanzati (bħal soluzzjoni tal-problemi u tagħlim); ħiliet professjonali, tekniċi, speċifiċi għax-xogħol jew speċifiċi għas-settur; u ħiliet soċjoemozzjonali;

51.  Jenfasizza li l-fehim tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' individwi b'livell baxx ta' ħiliet u li dawn jiġu pprovduti taħriġ imfassal apposta huma pass essenzjali fit-tfassil ta' programmi ta' taħriġ iktar effettivi; ifakkar li l-kapaċità ta' reazzjoni u l-adattabilità fid-dawl tal-esperjenza miksuba u ċ-ċirkostanzi li dejjem jinbidlu huma elementi kruċjali ta' proċess ta' edukazzjoni effikaċi;

52.  Jinsisti li l-ħidma ta' sensibilizzazzjoni u gwida għan-nies f'sitwazzjonijiet żvantaġġati, inklużi dawk b'diżabilità, għall-persuni qiegħda fit-tul u għall-gruppi sottorappreżentati, li jistgħu ma jkunux konxji mill-benefiċċji li ġġib magħha żieda fil-livelli tal-ħiliet tagħhom jew mill-opportunitajiet ta' taħriġ mill-ġdid jew titjib tal-ħiliet, hija ta' importanza ewlenija għas-suċċess ta' tali inizjattiva;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni mmirata f'termini ta' taħriġ mill-ġdid u l-validazzjoni tal-ħiliet tal-ġenituri li jerġgħu jidħlu lura għax-xogħol wara perjodu li fih jkunu ħadu ħsieb membri tal-familja dipendenti;

54.  Jitlob l-involviment attiv tal-partijiet rilevanti kollha kif ukoll djalogu magħhom, mhux biss fil-livell Ewropew u nazzjonali, iżda wkoll fil-livell lokali u reġjonali sabiex jiġu ssodisfati s-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet reali tas-suq tax-xogħol;

55.  Ifakkar fil-ħtieġa li jkun inkluż it-tagħlim tul il-ħajja fil-kuntest usa' tal-litteriżmu okkupazzjonali;

It-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-edukazzjoni u l-impjiegi

56.  Ifakkar li sabiex jintemmu d-diskrepanza fil-ħiliet u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol u jiġu promossi opportunitajiet ta' mobilità soċjali, inkluż għat-taħriġ vokazzjonali u għall-apprendistati, huwa essenzjali li jiġu promossi t-tkabbir sostenibbli, il-koeżjoni soċjali, il-ħolqien tal-impjiegi, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija, b'mod partikolari għall-SMEs u s-settur tal-artiġjanat; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim professjonali skont id-domanda ekonomika;

57.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsiru sforzi favur approċċ aktar flessibbli, individwali u personalizzat(36) għall-iżvilupp tal-karriera u t-taħriġ u l-edukazzjoni tul il-ħajja matul il-karriera personali u l-perkors ta' żvilupp ta' individwu, u jirrikonoxxi r-rwol li kemm il-partijiet interessati pubbliċi kif ukoll dawk privati jista' jkollhom sabiex dan jiġi pprovdut, filwaqt li jirrikonoxxi li l-gwida u l-konsulenza li jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-preferenzi individwali u jiffokaw fuq l-evalwazzjoni u l-espansjoni tal-ħiliet individwali jridu jkunu element ċentrali tal-politiki tal-edukazzjoni u l-ħiliet minn stadju bikri;

58.  Jistieden lill-Istati Membri flimkien mas-sħab soċjali biex jiżviluppaw u jimplimentaw politiki li jipprovdu għal liv edukattiv u ta' taħriġ, kif ukoll għal taħriġ fuq il-post tax-xogħol; jistedinhom jagħmlu t-tagħlim ġewwa u barra l-post tax-xogħol, inkluż il-liv imħallas għat-taħriġ, aċċessibbli għall-ħaddiema kollha u b'mod partikolari għal dawk li jinsabu f'sitwazzjonijiet żvantaġġati u b'enfasi fuq l-impjegati nisa;

59.  Jenfasizza li kwalunkwe politika dwar il-ħiliet għandha mhux biss tqis it-trasformazzjonijiet li għaddejjin fis-suq tax-xogħol iżda tiżgura wkoll li l-politika tkun universali biżżejjed fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni sabiex tiġi żviluppata l-kapaċità tal-ħaddiema biex jitgħallmu u sabiex jiġi ffaċilitat l-adattament tagħhom għall-isfidi fil-ġejjieni;

60.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-ħiliet irid ikun responsabbiltà kondiviża bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u l-impjegaturi; jinsisti li l-industrija/l-impjegaturi għandhom ikunu involuti fil-forniment u t-taħriġ tan-nies bil-ħiliet meħtieġa sabiex in-negozji jkunu kompetittivi u fl-istess ħin tissaħħaħ il-kunfidenza tan-nies;

61.  Itenni li sabiex l-impjegabbiltà, l-innovazzjoni u ċ-ċittadinanza attiva, inklużi l-ekoċittadinanza, jitjiebu, il-ħiliet bażiċi jridu jimxu id f'id ma' kompetenzi u orjentazzjonijiet ewlenin oħra: il-kreattività, is-sensibilizzazzjoni dwar in-natura, is-sens ta' inizjattiva, il-kompetenzi fil-lingwi barranin, il-ħsieb kritiku, inkluż permezz tal-litteriżmu elettroniku u l-litteriżmu medjatiku, u l-ħiliet li jirriflettu setturi li qed jikbru;

62.  Jenfasizza l-potenzjal enormi ta' innovazzjoni u impjiegi li għandhom is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u t-tfittxija għal effiċjenza ikbar fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fid-dawl tal-opportunitajiet ta' edukazzjoni u ta' impjieg, iqisu l-kwistjonijiet ambjentali u tal-enerġija fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet;

63.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat appoġġ imfassal skont il-ħtiġijiet għall-impjegati, l-apprendisti u l-istudenti fuq il-post tax-xogħol sabiex tiġi żgurata l-inklużjoni tal-individwi kollha fis-suq tax-xogħol;

64.  Jirrikonoxxi l-importanza tat-trawwim ta' internships u apprendistati ta' tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol bħala waħda mill-għodod biex tiġi ffaċilitata aktar l-integrazzjoni ta' individwi fis-suq tax-xogħol, jiġifieri billi jiġu stabbiliti pontijiet/skambji ta' kompetenza bejn il-ġenerazzjonijiet;

65.  Jinnota li l-apprendistati, it-traineeships u t-taħriġ ta' ħiliet speċifiċi huma meqjusa bħala l-aktar tipi effettivi ta' taħriġ biex iż-żgħażagħ ma jerġgħux jispiċċaw fl-istatus ta' NEET; jinnota li ġie enfasizzat li meta jkun hemm sistema doppja ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u akkademiċi dan inaqqas il-grupp ta' NEET minħabba li jippermetti li jinżammu aktar żgħażagħ fl-edukazzjoni/fit-taħriġ u minħabba li jgħin biex jagħmilhom aktar impjegabbli u aktar probabbli li jagħmlu progress b'mod aktar mexxej f'impjieg/karriera; jenfasizza li l-analiżi makroekonomika tirrapporta li l-kombinazzjoni ta' sistema doppja ta' edukazzjoni u taħriġ u politiki attivi tas-suq tax-xogħol jagħtu l-aqwa riżultati;

66.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ għat-taħriġ interkorporattiv imsejjes fuq ix-xogħol u l-żvilupp tal-ħiliet għall-SMEs;

67.  Jitlob l-implimentazzjoni ta' miżuri konkreti sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għax-xogħol billi jiġu żgurati internships u apprendistati ta' kwalità u mħallsa li jipprovdulhom taħriġ prattiku fuq il-post, kif ukoll programmi ta' skambju transfruntier bħal Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ, sabiex iż-żgħażagħ jingħataw il-possibbiltà li jipprattikaw it-talenti tagħhom u jkollhom sett adegwat ta' drittijiet soċjali u eknomiċi u aċċess għal impjieg u protezzjoni soċjali adegwati, kif definit skont il-prattiki u l-leġiżlazzjoni nazzjonali, b'mod ugwali għall-ħaddiema adulti; jitlob lill-Istati Membri jappoġġaw b'mod partikolari lill-SMEs sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jospitaw interns u trainees li jkunu studenti ħaddiema (b'alternanza);

68.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw qafas ta' kwalità li ma jħallix li l-internships u l-apprendistati jintużaw bħala xogħol bl-irħis jew bla ħlas; jinnota li l-fehim tal-istandards u d-drittijiet ċentrali tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huwa importanti wkoll fl-iżvilupp ta' impjieg ta' kwalità u biex jiġi evitat l-isfruttament; jistieden, għal dan l-għan, lill-Istati Membri biex jistabbilixxu oqfsa ta' kwalità legali nazzjonali dwar l-internships u l-apprendistati, filwaqt li jiġu żgurati b'mod partikolari l-protezzjoni tal-impjieg u l-kopertura adegwata tas-sigurtà soċjali;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati, u lill-Istati Membri biex japprovawh(37);

70.  Jemmen li, sabiex jiġu antiċipati l-ħiliet meħtieġa għall-ġejjieni, is-soċjetà ċivili, speċjalment iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet komunitarji, is-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll is-servizzi ta' appoġġ speċjalizzati jridu jkunu involuti b'mod attiv fil-livelli kollha, b'mod partikolari fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-programmi ta' kwalifiki vokazzjonali, li jipprovdu tranżizzjoni reali u effettiva mill-edukazzjoni formali għat-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u l-impjieg ta' kwalità;

71.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kwalifiki jkunu sinifikanti għall-impjegaturi permezz tal-involviment tal-atturi tas-suq tax-xogħol fit-tfassil tagħhom;

Ir-rwol ewlieni tat-tagħlim mhux formali u informali

72.  Jinsisti fuq l-importanza tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali sabiex l-istudenti jkunu involuti u awtonomizzati; jirrikonoxxi li dan huwa partikolarment evidenti għal dawk f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jew żvantaġġati, bħalma huma l-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet jew ir-refuġjati li jeħtieġu aċċess prijoritarju għal arranġamenti ta' validazzjoni;

73.  Jiddispjaċih li l-impjegaturi u l-fornituri tal-edukazzjoni formali ma jirrikonoxxux biżżejjed il-valur u r-rilevanza tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li ssir ħidma biex jingħeleb in-nuqqas ta' għarfien dwar il-validazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha;

74.  Jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' komparabbiltà u koerenza bejn l-approċċi ta' validazzjoni tal-pajjiżi tal-UE, speċjalment għall-ETV, jirrappreżenta ostaklu addizzjonali; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-għoti ta' aċċess reali, rikonoxximent u appoġġ finanzjarju jibqa' sfida reali speċjalment għall-gruppi żvantaġġati, bħall-individwi b'livell baxx ta' ħiliet li jeħtieġu aċċess prijoritarju għall-validazzjoni;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' validazzjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, il-progress li sar f'dawn l-aħħar snin fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali sal-2018; hu tal-fehma, madankollu, li hemm bżonn aktar sforzi fit-tfassil ta' oqfsa legali rilevanti u l-ħolqien ta' strateġiji ta' validazzjoni komprensivi sabiex il-validazzjoni tkun tista' ssir;

76.  Ifakkar li ħafna għodod tat-trasparenza Ewropej eżistenti, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) u s-sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET), ġew żviluppati f'iżolament; jenfasizza li, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jkejlu aħjar il-progress u l-opportunitajiet u jikkapitalizzaw fuq ir-riżultati tat-tagħlim miksuba f'kuntesti differenti, hemm bżonn li jkunu kkoordinati u appoġġati aħjar permezz ta' sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità u inkorporati f'qafas ta' kwalifiki nazzjonali sabiex tinbena fiduċja fost is-setturi u l-atturi, inklużi l-impjegaturi;

77.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li terġa' ssir enfasi fuq ir-rwol tal-edukazzjoni mhux formali, li hija kruċjali għall-awtonomizzazzjoni tal-persuni, speċjalment għal dawk il-persuni li huma aktar vulnerabbli u żvantaġġati, inklużi persuni bi bżonnijiet speċjali u b'diżabilità, dawk b'livell baxx ta' ħiliet u li għandhom opportunitajiet limitati ta' aċċess għall-edukazzjoni formali; jemmen li l-fornituri tal-edukazzjoni mhux formali u l-NGOs huma f'pożizzjoni tajba biex jilħqu lill-gruppi żvantaġġati li huma barra mis-sistema tal-edukazzjoni formali u għandhom jingħataw appoġġ akbar fir-rwol tagħhom, sabiex jiġi żgurat li dawk li huma l-aktar fil-bżonn jibbenefikaw mill-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet;

78.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-volontarjat bħala waħda mill-għodod biex jinkisbu l-għarfien, l-esperjenza u l-ħiliet għat-titjib tal-impjegabbiltà u l-kisba tal-kwalifiki professjonali;

79.  Jenfasizza li t-tagħlim mhux formali, anke permezz tal-volontarjat, għandu rwol kruċjali biex jistimula l-iżvilupp ta' għarfien trasferibbli, kompetenzi interkulturali u ħiliet għall-ħajja bħal xogħol f'tim, kreattività u sens ta' inizjattiva, filwaqt li jsaħħaħ l-awtostima u l-motivazzjoni għat-tagħlim;

80.  Jenfasizza wkoll l-importanza tal-programmi edukattivi informali, l-attivitajiet artistiċi u sportivi u d-djalogu interkulturali, bl-għan li ċ-ċittadini jiġu involuti b'mod attiv fil-proċessi soċjetali u demokratiċi u jsiru inqas vulnerabbli għall-propaganda li twassal għar-radikalizzazzjoni; Jenfasizza li t-tagħlim informali u mhux formali għandhom rwol ewlieni fl-inklużjoni ta' dawk li għandhom l-akbar diffikultà biex isibu x-xogħol u għalhekk huma vulnerabbli; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jimplimentaw b'mod sħiħ u f'waqtu r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali;

81.  Jenfasizza l-valur tal-ħiliet trasversali miksuba permezz tal-isport bħala parti mit-tagħlim mhux formali u informali, u jenfasizza ulterjorment ir-rabta bejn l-isport, l-impjegabbiltà, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

82.  Jenfasizza li l-ambjenti informali u mhux formali jipprovdu wkoll opportunitajiet għall-promozzjoni attiva tal-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni, u għat-tagħlim dwar iċ-ċittadinanza, is-sostenibbiltà u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa u t-tfal;

83.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu proċeduri għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni informali u mhux formali, billi jirrikorru għall-aħjar prattika tal-Istati Membri li diġà introduċew għodod ta' dan it-tip, sabiex jiġi żgurat li l-perkorsi ta' titjib tal-ħiliet ikunu suċċess(38); jinnota f'dan ir-rigward l-importanza ta' reazzjoni ta' politika mmirata lejn l-aktar gruppi mbiegħda mis-suq tax-xogħol;

84.  Jenfasizza li l-ambjenti informali u mhux formali, użati b'mod wiesa' fil-kuntest tal-edukazzjoni u x-xogħol fil-komunità ma' gruppi sottorappreżentati fil-forniment ta' edukazzjoni akkademika u tal-adulti ġenerali, għandhom rwol ewlieni fl-inklużjoni ta' persuni emarġinati u vulnerabbli; jafferma l-ħtieġa, f'dan il-kuntest, li jitqiesu l-perspettiva u l-bżonnijiet tan-nisa u l-bniet, il-persuni b'diżabilità, il-persuni LGBTI, il-migranti u r-refuġjati u l-persuni minn minoranzi etniċi;

85.  Jenfasizza l-importanza ta' gwida għall-karriera fl-appoġġ għall-individwi b'livell baxx ta' ħiliet; jinnota, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-kapaċità u l-kwalità tas-servizzi tal-impjiegi pubbliċi u privati tal-Istati Membri;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' għodod komuni għall-valutazzjoni tal-ħiliet bħala parti mill-iskema tal-Europass;

87.  Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw is-sistemi ta' validazzjoni tagħhom u jżidu l-għarfien dwar is-servizzi ta' validazzjoni disponibbli; iħeġġiġhom jibnu perkorsi aktar aċċessibbli, attraenti u miftuħa għal edukazzjoni ulterjuri, eż. bit-tkomplija tal-ETV;

It-trawwim tal-ħiliet diġitali, il-ħiliet fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), u l-ħiliet intraprenditorjali

88.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fis-soċjetà tal-lum, l-iżgurar ta' ħiliet diġitali bażiċi huwa prerekwiżit essenzjali biex persuna tilħaq il-milja personali u professjonali tagħha, iżda huwa tal-fehma li hemm bżonn aktar sforzi biex in-nies ikunu mgħammra b'aktar kompetenzi diġitali speċifiċi sabiex ikunu jistgħu jużaw it-teknoloġiji diġitali b'mod innovattiv u kreattiv;

89.  Jirrimarka l-ħtieġa li jiġu identifikati l-ħiliet meħtieġa għat-teknoloġiji l-ġodda u li jitrawwem l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali xierqa mfittxija min-negozji midcap, mikro, żgħar u medji; jinnota, b'mod partikolari, li l-iżvilupp tal-ħiliet fl-era diġitali jseħħ f'kuntest ta' bidliet rapidi li jistgħu jiddestabbilizzaw is-swieq tal-impjiegi, u li għal din ir-raġuni hemm bżonn taħriġ tul il-ħajja li jgħin lin-nies jadattaw ruħhom għall-bidla;

90.  Jemmen li għandha tingħata aktar importanza lill-edukazzjoni STEM bl-għan li jitjieb it-tagħlim diġitali; jenfasizza r-rabta stretta bejn il-kreattività u l-innovazzjoni, u għaldaqstant jappella għall-inklużjoni tal-arti u t-tagħlim kreattiv fl-aġenda tat-tagħlim tal-iSTEM, u jqis ukoll li l-bniet u t-tfajliet għandhom ikunu mħeġġa minn età żgħira biex jistudjaw is-suġġetti STEM;

91.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li fil-proċess tat-tagħlim jiġu inkorporati t-teknoloġiji l-ġodda, kif ukoll li tiġi ffaċilitata l-edukazzjoni permezz ta' esperjenzi prattiċi u reali, filwaqt li jitqiesu kurrikuli tal-midja u tal-ICT li jkunu adattati skont l-età u li jirrispettaw l-iżvilupp u l-benessri tat-tfal, u li tingħata gwida minn kmieni fl-użu responsabbli tat-teknoloġija u jitrawwem il-ħsieb kritiku sabiex il-persuni jkunu mgħammra bil-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien xierqa, u jiġi żgurat l-iżvilupp tal-firxa sħiħa ta' ħiliet diġitali li l-individwi u l-kumpaniji għandhom bżonn f'ekonomija li qed issir dejjem aktar diġitali; ifakkar fil-ħtieġa li l-bniet u t-tfajliet jiġu mħeġġa jsegwu l-istudji fl-ICT;

92.  barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ aktar kollaborattiv, ikkoordinat u mmirat għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji dwar il-ħiliet diġitali;

93.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għal dak l-għan, iżżid il-finanzjament taħt il-Programmi Qafas Ewropej, kif ukoll il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), sabiex jitrawmu soċjetajiet Ewropej inklużivi, innovattivi u riflessivi biex iċ-ċittadini kollha, b'mod partikolari dawk bi sfondi soċjoekonomiċi prekarji jew li jgħixu f'żoni remoti, il-persuni b'diżabilità, l-anzjani u dawk qiegħda, jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol;

94.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex l-Istati Membri jiġu mħeġġa jiżviluppaw strateġiji nazzjonali komprensivi għall-ħiliet diġitali, b'attenzjoni partikolari għat-tnaqqis tad-distakk diġitali, b'mod partikolari fost l-anzjani; jirrimarka, madankollu, li sabiex dawn l-istrateġiji jkunu effikaċi, jeħtieġ ikun hemm opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għall-persunal edukattiv, tmexxija pedagoġika b'saħħitha u innovazzjoni fil-livelli edukattivi kollha, adattati għal kull livell u bbażati fuq viżjoni ċara għal pedagoġija medjatika adatta skont l-età u l-iżvilupp, kif ukoll taħriġ u titjib inizjali u kontinwu tal-ħiliet tal-għalliema u skambju tal-aħjar prattiki;

95.  Jenfasizza li l-litteriżmu medjatiku jippermetti liċ-ċittadini jkollhom fehim kritiku ta' forom differenti tal-midja, u b'hekk jiżdiedu u jitjiebu r-riżorsi u l-opportunitajiet offruti mil-"litteriżmu diġitali";

96.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-litteriżmu medjatiku fil-kurrikuli skolastiċi u fl-istituzzjonijiet edukattivi kulturali, u jiżviluppaw inizjattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali li jkopru l-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali, informali u mhux formali;

97.  Itenni li s-sett ta' ħiliet diġitali jeħtieġ jinkludi l-litteriżmu diġitali u medjatiku, kif ukoll il-ħsieb kritiku u kreattiv, sabiex l-istudenti mhux biss jużaw it-teknoloġiji iżda jsiru kreaturi attivi, innovaturi u ċittadini responsabbli f'dinja diġitalizzata;

98.  Jistieden lill-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni opportunitajiet għal taħriġ fl-ICT u għall-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku fil-livelli edukattivi kollha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' riżorsi edukattivi miftuħa (OER) li jiżguraw aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd;

99.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi elementi ta' tagħlim intraprenditorjali, inkluża l-intraprenditorija soċjali, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u f'diversi suġġetti, peress li t-trawwim ta' spirtu intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ fi stadju bikri jżid l-impjegabbiltà, jgħin fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, kif ukoll iħeġġeġ il-kreattività, il-ħsieb kritiku u l-ħiliet ta' tmexxija li huma utli biex jinħolqu proġetti soċjali u jingħata kontribut lill-komunitajiet lokali; jenfasizza wkoll l-importanza tat-tagħlim mill-esperjenza u l-kunċett ta' "fallimenti pożittivi" f'dan il-kuntest;

100.  Iqis li l-edukazzjoni intraprenditorjali għandha tinkludi dimensjoni soċjali peress li din tagħti spinta lill-ekonomija filwaqt li fl-istess ħin ittaffi l-privazzjoni, l-esklużjoni soċjali, u problemi soċjetali oħrajn, u tindirizza suġġetti bħall-kummerċ ġust, l-intrapriża soċjali u mudelli kummerċjali alternattivi, bħall-kooperattivi, sabiex isiru sforzi lejn ekonomija aktar soċjali, inklużiva u sostenibbli;

101.  Ifakkar li l-industriji kreattivi huma fost l-aktar setturi intraprenditorjali u li jikbru malajr, u li l-edukazzjoni kreattiva tiżviluppa ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni tal-problemi, is-sens ta' kollaborazzjoni f'tim u l-inġenjożità; jirrikonoxxi li s-setturi tal-arti u tal-midja jiġbdu partikolarment liż-żgħażagħ;

102.  Jirrimarka li l-intraprenditorija tirrikjedi l-iżvilupp ta' ħiliet trasversali bħalma huma l-kreattività, il-ħsieb kritiku, is-sens ta' kollaborazzjoni f'tim u sens ta' inizjattiva, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tagħhom għas-suq tax-xogħol; jemmen li hemm bżonn, għalhekk, li tiġi ffaċilitata u mħeġġa l-parteċipazzjoni tal-imprendituri fil-proċess edukattiv;

103.  Iħeġġeġ djalogu attiv, kondiviżjoni ta' data u kooperazzjoni bejn il-komunità akkademika, istituzzjonijiet jew atturi edukattivi u tat-taħriġ oħrajn, is-sħab soċjali u d-dinja tax-xogħol, immirati lejn l-iżvilupp ta' programmi edukattivi li jagħtu liż-żgħażagħ il-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien meħtieġa;

Il-modernizzazzjoni tal-ETV u l-enfasi fuq il-valur tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol

104.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jiżviluppaw u jimplimentaw politiki li jipprevedu liv għall-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll taħriġ vokazzjonali waqt ix-xogħol u tagħlim tul il-ħajja, inkluż fi Stati Membri oħrajn; jistedinhom jaraw li t-tagħlim kemm ġewwa kif ukoll barra mix-xogħol, li jinkludi esperjenzi ta' studju mħallsa, ikun aċċessibbli għall-ħaddiema kollha, partikolarment dawk f'sitwazzjonijiet żvantaġġati, b'enfasi fuq l-impjieg tan-nisa f'setturi fejn in-nisa huma strutturalment sottorappreżentati(39);

105.  Itenni l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), bħala tip rilevanti ta' edukazzjoni mhux biss għat-titjib tal-impjegabbiltà u għat-tħaffif tal-ksib tal-kwalifiki professjonali iżda anke biex iwassal għal opportunitajiet ugwali għaċ-ċittadini kollha, inkluż għal dawk li jkunu ġejjin minn gruppi soċjalment vulnerabbli u żvantaġġati;

106.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw investiment xieraq fl-ETV, jiggarantixxu li dawn ikunu aktar rilevanti għall-istudenti, l-impjegaturi u s-soċjetà f'approċċ edukattiv olistiku u parteċipattiv, u jfassluhom għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom parti integrali mis-sistema edukattiva permezz ta' approċċ parteċipattiv, integrat u kkoordinat, u jiggarantixxu standards ta' kwalifiki għoljin u garanzija tal-kwalità f'dan ir-rigward; jenfasizza l-bżonn ta' kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn l-ETV u l-fornituri tal-edukazzjoni għolja sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni b'suċċess tal-gradwati tal-ETV għall-edukazzjoni għolja;

107.  Iqis li huwa essenzjali li jsiru sforzi sabiex it-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni akkademika u vokazzjonali tkun aktar faċli;

108.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-prattiki vokazzjonali u ta' gwida għall-karriera kemm fis-sistema edukattiva kif ukoll fl-edukazzjoni tal-adulti b'rabta mal-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa fil-fergħat u s-setturi tal-pajjiżi b'valur miżjud u b'potenzjal ta' investiment għoli;

109.  Jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni biex tippromwovi l-edukazzjoni ETV; jirrikonoxxi li l-mobilità tal-ETV għadha ma laħqetx il-potenzjal tagħha; iqis li fondi addizzjonali għall-istituzzjonijiet tal-ETV jistgħu jikkontribwixxu biex tissaħħaħ il-mobilità ta' dan it-tip ta' edukazzjoni kif ukoll biex tiżdied il-kwalità, ir-rilevanza u l-inklużività tagħha;

110.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi investigata l-possibbiltà ta' mobilità intersettorjali mhux biss fil-professjoni ta' għalliem fil-qafas tal-ETV iżda anke fost l-iskejjel b'mod kumplessiv;

111.  Hu tal-fehma li r-responsabbiltà ewlenija għal edukazzjoni ETV ta' kwalità qiegħda fil-livell tal-Istati Membri u f'dak reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-ETV u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki;

112.  Jistieden lill-Istati Membri jirrinnovaw l-ETV, b'investiment xieraq u persunal kwalifikat, biex b'hekk tissaħħaħ ir-rabta mas-suq tax-xogħol u l-impjegaturi, u jinħoloq l-għarfien tal-ETV bħala perkors siewi għall-edukazzjoni u l-karriera;

113.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-attraenza u l-istatus tal-ETV u l-mobilità ta' dan it-tip ta' edukazzjoni bħala għażla importanti fil-perkors personali tal-karriera, billi jiżguraw li ż-żgħażagħ u l-familji tagħhom ikollhom aċċess għal informazzjoni u gwida dwar il-possibbiltajiet fil-qasam tal-ETV, li jsiru investimenti suffiċjenti biex tiżdied il-kwalità u r-rilevanza ta' dan it-tip ta' edukazzjoni, li tkun aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd, u li jkun hemm aktar rabtiet bejn l-edukazzjoni akkademika u l-ETV kif ukoll promozzjoni tal-bilanċ bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni fil-programmi tal-ETV;

114.  Jitlob miri speċifiċi bħall-implimentazzjoni ta' sistema ta' trasferiment u rikonoxximent ta' kredits kompletament operattiva permezz tal-ECVET;

115.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bl-għan li jitnaqqas l-għadd ta' nies li jabbandunaw l-edukazzjoni jew it-taħriġ u l-għadd ta' NEETs, jiżviluppaw u jqabblu l-aqwa esperjenzi ta' sħubijiet bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali; jirrakkomanda li dan isir permezz ta' kooperazzjoni bejn l-iskejjel sekondarji u l-impriżi, inkluż permezz ta' apprendistati, sabiex jinħolqu opportunitajiet li jagħtu ċans ieħor, tinkiseb integrazzjoni akbar bejn is-sistemi u jkun hemm adattament aħjar tal-ħiliet għall-ħtiġijiet reali;

116.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi doppji ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità b'koordinazzjoni mal-atturi ekonomiċi lokali u reġjonali, wara skambju tal-aħjar prattiki u skont in-natura speċifika ta' kull sistema edukattiva, sabiex jingħeleb l-ispariġġ, attwali u futur, fil-ħiliet;

117.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-ġbir tad-data li jimmappja l-perkorsi tal-karriera tal-istudenti tal-ETV biex ikunu indirizzati aħjar il-prospetti ta' impjieg, tkun ivvalutata l-kwalità tal-edukazzjoni ETV u l-istudenti jagħmlu għażliet tal-karriera infurmati;

118.  Ifakkar li huwa meħtieġ aktar appoġġ għall-mobilità tal-istudenti u l-għalliema; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jinkludu l-appoġġ għall-mobilità fil-programmi nazzjonali tagħhom sabiex proporzjon kbir ta' żgħażagħ jingħataw l-għajnuna biex jibbenefikaw minn esperjenza barra minn pajjiżhom;

L-għalliema u min iħarreġ

119.  Jemmen li l-għalliema u min iħarreġ jiżvolġu rwol ewlieni fir-rendiment tal-istudenti; jenfasizza l-bżonn, għaldaqstant, ta' investiment u appoġġ fl-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-għalliema fis-setturi edukattivi kollha, kif ukoll il-bżonn li jiġu żgurati impjiegi ta' kwalità u li jiġu stabbiliti servizzi ta' gwida għall-karriera tul il-ħajja, li jeħtieġ tkun prijorità kontinwa fl-UE kollha;

120.  Jenfasizza li t-titjib tal-istatus u t-titjib tal-ħiliet tal-għalliema, ta' dawk li jipprovdu t-taħriġ, tal-mentors u tal-edukaturi kollha – bl-għan li jespandu l-kapaċitajiet tagħhom – ikun prerekwiżit għas-suċċess tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet u li jridu jsiru aktar sforzi li jattiraw liż-żgħażagħ lejn ix-xogħol fis-sistema edukattiva u jimmotivaw lill-għalliema biex jibqgħu fil-professjoni, inkluż billi jitjiebu l-politiki taż-żamma tal-persunal; jinnota li dan jesiġi l-kunsiderazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-għalliema, remunerazzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti, aċċess aħjar għal aktar taħriġ matul il-ħin tax-xogħol speċjalment fid-didattika diġitali, kif ukoll miżuri ta' protezzjoni u prevenzjoni kontra l-vjolenza u l-fastidju fl-istituzzjonijiet edukattivi; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu aktar ugwaljanza bejn is-sessi fil-professjoni ta' għalliem; jenfasizza li t-titjib ta' prattiki ta' tagħlim innovattivi u l-iffaċilitar tal-mobilità u l-iskambju tal-aħjar prattiki jistgħu jkunu pass lejn dan l-objettiv;

121.  Ifakkar li f'xi Stati Membri l-edukazzjoni tal-għalliema ġiet affettwata sew mill-kriżi ekonomika u finanzjarja; jenfasizza l-importanza li jsir investiment fl-għalliema, f'min iħarreġ u fl-edukaturi u li dawn jiġu mgħammra b'ħiliet u tekniki ta' tagħlim ġodda f'konformità mal-iżviluppi fit-teknoloġija u fis-soċjetà;

122.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu b'mod qawwi fit-tagħlim tul il-ħajja tal-għalliema, anke permezz ta' esperjenza prattika barra l-pajjiż, jiżguraw l-iżvilupp professjonali kontinwu tagħhom u jgħinuhom jiżviluppaw ħiliet ġodda bħal ħiliet fl-ICT, ħiliet intraprenditorjali u għarfien dwar l-edukazzjoni inklużiva; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li għandhom jingħataw jiem ta' taħriġ suffiċjenti mħallsa għat-titjib tal-ħiliet tal-persunal edukattiv kollu;

123.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati l-kompetenzi tal-għalliema tal-ETV sabiex jgħaddu l-ħiliet intraprenditorjali lill-istudenti f'kooperazzjoni mill-qrib mal-SMEs; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-promozzjoni ta' prattiki ta' reklutaġġ flessibbli (eż. għalliema b'esperjenza fl-industrija);

124.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi għar-reklutaġġ ta' kandidati għall-professjoni ta' għalliem b'kompetenzi ta' livell għoli u jippremjaw l-għalliema effikaċi;

L-implimentazzjoni tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet: sfidi u rakkomandazzjonijiet

125.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mas-Cedefop, sabiex tistma u tantiċipa aħjar il-ħiliet meħtieġa fil-ġejjieni u tadattahom aħjar għall-impjiegi disponibbli fis-suq tax-xogħol;

126.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet tkun elaborata, implimentata u sorveljata ulterjorment f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-fornituri tal-edukazzjoni mhux formali, is-servizzi tal-impjiegi u l-awtoritajiet lokali; jistieden lill-Kummissjoni trawwem il-promozzjoni ta' sħubijiet usa' ma' dawn il-partijiet ikkonċernati;

127.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva jenfasizzaw b'mod qawwi l-koordinazzjoni tad-diversi organizzazzjonijiet involuti direttament jew indirettament fl-iżvilupp tal-ħiliet, bħal ministeri, awtoritajiet lokali, aġenziji tal-impjieg pubbliku u oħrajn, istituzzjonijiet edukattivi u tat-taħriġ, u organizzazzjonijiet mhux governattivi;

128.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jżidu l-viżibilità tal-ETV u jsaħħu l-kwalità u l-attraenza ta' dan it-tip ta' edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu miri ulterjuri biex iħeġġu t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fil-programmi tal-ETV;

129.  Jitlob kollaborazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-ETV u l-fornituri tal-edukazzjoni għolja sabiex jimtela l-vojt eżistenti u tkun żgurata tranżizzjoni b'suċċess tal-gradwati tal-ETV għall-edukazzjoni ogħla; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li jinsiltu lezzjonijiet mill-aħjar prattiki f'diversi Stati Membri li għandhom sistemi effiċjenti ta' edukazzjoni doppja;

130.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw approċċ koordinat u intregrat għall-politiki soċjali, edukattivi u tal-impjieg sabiex ikun jista' jsir żvilupp u aġġustament kostanti tal-ETV u l-persuni li jkunu lestew dan il-perkors ikunu jistgħu jagħmlu t-tranżizzjoni għal livelli ogħla ta' edukazzjoni u taħriġ;

131.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu l-fehim u l-komparabilità tal-kwalifiki differenti fl-Istati Membri; jilqa' l-proposta għar-reviżjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-QEK u jitlob kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati kollha; jitlob konsistenza akbar bejn l-istrumenti ta' kwalifiki tal-UE, jiġifieri l-QEK, l-ECVET u l-EQAVET;

132.  Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jiffukaw fuq l-għoti ta' opportunitajiet liċ-ċittadini tagħhom, ta' kull età, ħalli jiżiluppaw il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali tagħhom, filwaqt li jrawmu t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà u jibdlu l-mod kif in-nies jitgħallmu, jaħdmu u jagħmlu n-negozju, b'attenzjoni għall-implikazzjonijiet li dawn il-bidliet għandhom fuq is-soċjetà; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jieħdu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffoka fuq l-aspetti pożittivi ta' din it-trasformazzjoni permezz tal-istrateġija tal-UE dwar il-ħiliet elettroniċi; jitlob involviment akbar tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali fil-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali;

133.  Jaqbel mal-Pjan ta' Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet ipprovdut mill-Kummissjoni fil-qafas tal-programm pilota għal sitt setturi u jinkoraġġixxi t-tkomplija tiegħu;

134.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiffukaw fuq il-ħiliet diġitali, b'mod partikolari fuq it-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u t-tibdil tal-mod kif in-nies jaħdmu u jagħmlu n-negozju, u jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffoka fuq l-aspetti pożittivi ta' din it-trasformazzjoni permezz tal-istrateġija tal-UE dwar il-ħiliet elettroniċi;

135.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu l-edukazzjoni bikrija dwar l-intraprenditorija(40), inkluża l-intraprenditorija soċjali, bħala parti mill-kurrikulu sabiex tiġi żviluppata mentalità intraprenditorjali individwali fiċ-ċittadini tagħhom bħala kompetenza ewlenija li tappoġġa l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u l-impjegabbiltà;

136.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa oqsfa ta' kompetenza ekwivalenti għal kompetenzi ewlenin oħrajn bħall-kompetenza tal-litteriżmu finanzjarju bl-istess mod bħall-ħiliet diġitali u intraprenditorjali;

137.  Huwa tal-fehma li, sabiex il-proposta ta' "Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet" tagħmel differenza tanġibbli, huwa importanti li titqies l-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jemmen, b'mod partikolari, li għandha taspira li tiżgura implimentazzjoni aktar mgħaġġla, ikollha approċċ integrat mas-servizzi soċjali rilevanti u trawwem kooperazzjoni aħjar mas-sħab soċjali, bħat-trade unions u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi, u partijiet ikkonċernati oħra;

138.  Jemmen li huwa importanti li n-nies ikunu mgħammra b'sett minimu ta' ħiliet, iżda dan mhuwiex biżżejjed peress li hu kruċjali li jiġi żgurat li kull individwu jkun imħeġġeġ jikseb kompetenzi u ħiliet avvanzati sabiex jadatta ruħu aħjar għall-futur, speċjalment fil-każ ta' gruppi vulnerabbli li huma f'riskju ta' impjieg prekarju;

139.  Jiddeplora n-nuqqas ta' finanzjament dedikat għall-implimentazzjoni tal-proposti, li jista' jkun ostaklu kbir biex jittieħdu azzjonijiet li jagħmlu differenza reali fil-livell nazzjonali, iżda huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jieħdu vantaġġ sħiħ mis-sorsi ta' finanzjament eżistenti li huma disponibbli biex jingħata appoġġ fl-implimentazzjoni tal-Aġenda, speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew; jenfasizza li s-sorsi proposti ta' finanzjament, jiġifieri l-FSE u l-Erasmus+, diġà qed ikunu impenjati fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu aktar fi nfiq effiċjenti fil-ħiliet, u jinkoraġġuh, bħala investiment importanti fil-kapital uman li jirriżulta f'vantaġġi mhux biss soċjali iżda anke ekonomiċi;

140.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqiegħdu fondi għad-dispożizzjoni sabiex jitnaqqas id-distakk teknoloġiku u diġitali eżistenti bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u tat-taħriġ li huma mgħammra tajjeb u dawk li mhumiex u sabiex it-titjib tal-ħiliet fit-teknoloġija tal-għalliema u ta' min iħarreġ jiġi appoġġat biex jinżamm il-pass mad-dinja dejjem aktar diġitali tal-lum, bħala parti mill-istrateġiji nazzjonali għall-ħiliet diġitali;

141.  Jirrakkomanda bil-qawwa li jiġi indirizzat id-distakk diġitali, u li kulħadd jingħata opportunitajiet ugwali ta' aċċess għat-teknoloġiji diġitali, kif ukoll il-kompetenzi, l-attitudnijiet u l-motivazzjoni meħtieġa għall-parteċipazzjoni diġitali;

142.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu, ukoll, fuq kwistjonijiet bħan-nuqqas ta' progress tal-istudenti f'ċerti oqsma ta' studju, ir-rati baxxi ta' parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti, it-tluq bikri mill-iskola, l-inklużjoni soċjali, l-involviment ċiviku, id-disparità bejn is-sessi u r-rati ta' impjegabbiltà tal-gradwati;

143.  Jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-kooperazzjoni u jsaħħu s-sinerġiji bejn il-fornituri tal-edukazzjoni formali, mhux formali u informali, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, l-impjegaturi u s-soċjetà ċivili, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, bil-ħsieb li jintlaħaq grupp usa' ta' persuni b'livell baxx ta' ħiliet sabiex jiġu kkunsidrati aħjar il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom;

144.  Jitlob li tkun possibbli flessibbiltà akbar fit-tagħlim, f'dak li għandu x'jaqsam mal-lokalizzazzjoni, it-twassil u l-metodi tat-tagħlim li jservu biex jattiraw u jilħqu l-ħtiġijiet ta' firxa varjata ta' studenti, biex b'hekk jitjiebu l-opportunitajiet ta' tagħlim għal kulħadd;

145.  Jilqa' r-reviżjoni li ġiet proposta għall-qafas tal-kompetenzi ewlenin, li joffri parametru ta' referenza siewi u jipprovdi fehim komuni għall-iżvilupp ta' ħiliet trasversali, u jitlob li l-impatt tiegħu jissaħħaħ fil-livell nazzjonali, inkluż fil-kurrikuli u t-taħriġ tal-għalliema; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-qafas tal-kompetenzi ewlenin ikun akkoppjat mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar ir-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali;

146.  Jilqa' r-reviżjoni ppjanata għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, li għandha tgħin sabiex titjieb il-leġġibbiltà tal-ħiliet u l-kwalifiki eżistenti fil-pajjiżi differenti tal-UE; jenfasizza li għodda bħal din hija essenzjali għall-iżvilupp tal-mobilità professjonali, partikolarment fiż-żoni tal-fruntiera, u jenfasizza l-bżonn li tiġi żgurata viżibilità akbar tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali;

147.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw approċċ wiesa' fl-implimentazzjoni tal-perkorsi ta' titjib tal-ħiliet, billi jipprovdu opportunitajiet varjati li jqisu l-ħtiġijiet konkreti fil-livelli lokali, reġjonali u settorjali (pereżempju ħiliet fl-oqsma interkulturali, ċiviċi, ekoloġiċi, lingwistiċi, tas-saħħa, tal-familja) u jmorru lil hinn mill-forniment ta' ħiliet bażiċi;

148.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri permezz ta' attivitajiet ta' tagħlim reċiproku u l-iskambju ta' prattiki ta' politika tajba;

149.  Jilqa' u jinkoraġġixxi r-reviżjoni tal-Qafas Europass, b'mod partikolari l-bidla mill-użu tal-Europass bħala faċilità bbażata fuq id-dokumenti għal pjattaforma bbażata fuq is-servizzi, u l-isforz biex tiżdied il-viżibilità tat-tipi differenti ta' tagħlim u ħiliet, b'mod partikolari dawk miksuba barra l-edukazzjoni formali;

150.  Jemmen li din ir-reviżjoni għandha tiżgura li l-gruppi żvantaġġati, bħall-persuni b'diżabilità, il-persuni b'livell baxx ta' ħiliet, l-anzjani jew il-persuni qiegħda fit-tul, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għodod u jqis li hija kruċjali li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabilità;

151.  Jemmen li d-differenzi bejn il-ġeneri f'rabta mal-iżvilupp tal-ħiliet għandhom jiġu riflessi aħjar fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet;

152.  Jilqa' l-inizjattiva li tiddaħħal sistema ta' traċċar tal-gradwati sabiex jiġi pprovdut approċċ aktar rilevanti u bbażat fuq l-evidenza għat-tfassil tal-kurrikuli u tal-offerti tat-tagħlim; jitlob sistema simili għat-traċċar fuq skala kbira tal-gradwati tal-ETV;

153.  Jitlob appoġġ kontinwu u miżjud għall-programm ta' mobilità Erasmus+ li joffri u jippromwovi opportunitajiet ta' tagħlim u taħriġ inklużivi għaż-żgħażagħ, l-edukaturi, il-voluntiera, l-apprendisti, l-istagiaires u l-ħaddiema żgħażagħ;

154.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-iskemi tal-kwalifiki nazzjonali u jissuġġerixxi li dawn jiġu aġġustati sabiex ikunu adatti għall-bżonnijiet dejjem jinbidlu tal-professjonijiet emerġenti l-ġodda; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jappoġġaw il-professjoni ta' għalliem billi jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni fuq teknoloġiji bl-ogħla livell ta' żvilupp tekniku u jfakkar, f'dan ir-rigward, fil-pjattaforma eTwinning żviluppata mill-Kummissjoni;

155.  Jistieden lill-Kummissjoni tħabbar Sena Ewropea tat-Tagħlim tal-Adulti, li tgħin biex titqajjem kuxjenza dwar il-valur tat-tagħlim tal-adulti u t-"tixjiħ attiv" fl-Ewropa kollha, u tħalli biżżejjed żmien għat-tħejjija tagħha fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali;

156.  Jistieden lill-Kummissjoni torganizza "Forum dwar il-Ħiliet Ewropej" darba fis-sena sabiex l-awtoritajiet rilevanti, l-istituzzjonijiet edukattivi, il-prattikanti, l-istudenti, l-impjegaturi u l-impjegati jkunu jistgħu jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-previżjoni, l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet;

o
o   o

157.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(2) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
(3) ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.
(4) ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.
(5) ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
(6) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(7) ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.
(8) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.
(9) ĠU C 290, 4.12.2007, p. 1.
(10) ĠU C 417, 15.12.2015, p. 36.
(11) ĠU C 64, 5.3.2013, p. 5.
(12) ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.
(13) Testi adottati, P8_TA(2016)0338.
(14) Testi adottati, P8_TA(2016)0107.
(15) Testi adottati, P8_TA(2016)0008.
(16) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 48.
(17) Testi adottati, P8_TA(2015)0292.
(18) Testi adottati, P8_TA(2015)0321.
(19) https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/lsa/119628.pdf
(20) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6268-2017-INIT/mt/pdf
(21) Testi adottati, P8_TA(2016)0005.
(22) Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (ISBN: 978-92-79-26866-3); http://www.euricse.eu/wp-content/uploads/2015/03/social-economy-guide.pdf.
(23)Testi adottati, P8_TA(2015)0411.
(24) Kummissjoni Ewropea (2016) Analytical underpinning for a New Skills Agenda for Europe (Bazi analitika għal Aġenda għall-Ħiliet Ġodda għall-Ewropa) (SWD(2016)0195).
(25) Cedefop, edizzjoni li jmiss tal-KE, 2016b.
(26) http://www.cedefop.europa.eu/mt/events-and-projects/projects/assisting-eu-countries-skills-matching
(27) Ikkonsulta SWD(2016)0195.
(28) Boosting the competitiveness of cultural and creative industries for growth and jobs (Nagħtu spinta lill-kompetittività tal-industriji kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi), 2015.
(29) Society at a Glance 2016 – OECD Social Indicators (Daqqa t'Għajn lejn is-Soċjetà 2016 – Indikaturi Soċjali tal-OECD).
(30) Cedefop, Rising STEMs Database (Bażi ta' Data ta' STEMs li qed jiżdiedu), Marzu 2014
(31) Sistema ta' edukazzjoni doppja tikkombina l-apprendistati f'kumpanija ma' edukazzjoni vokazzjonali fi skola vokazzjonali f'kors wieħed.
(32) Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2016.
(33) https://www.oecd.org/education/school/50293148.pdf
(34) Eurofound (2015), Early childhood care: working conditions, training and quality of services – A systematic review (Kura bikrija tat-tfal: kondizzjonijiet tax-xogħol, taħriġ u kwalità tas-servizzi – Analiżi sistematika).
(35) Testi adottati, P8_TA(2016)0338.
(36) Il-bidla lejn eżiti tat-tagħlim - Politiki u Prattiki fl-Ewropa Cedefop.
(37) Li għandu jinbena fuq l-Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali dwar "Viżjoni Komuni għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi u Tagħlim Ibbażat fuq ix-Xogħol" adottata fit-2 ta' Diċembru 2016.
(38) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2016.
(39) Ikkonsulta testi adottati, P8_TA(2016)0338.
(40) Il-Kummissjoni Ewropea/EACEA/Eurydice, 2016. Entrepreneurship Education at School in Europe (L-Edukazzjoni dwar l-Intraprenditorija fl-Iskejjel fl-Ewropa). Rapport Eurydice.

Avviż legali