Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2324(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0283/2017

Testi mressqa :

A8-0283/2017

Dibattiti :

PV 02/10/2017 - 16
CRE 02/10/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 03/10/2017 - 4.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0365

Testi adottati
PDF 328kWORD 64k
It-Tlieta, 3 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
L-indirizzar tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
P8_TA(2017)0365A8-0283/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar l-indirizzar tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2016/2324(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-TFUE, li jafferma mill-ġdid li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottati fi New York fis-16 ta' Diċembru 1966, u l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra s-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument finali adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"(1),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-"Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea - Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha" li ġiet ippreżentata f'Ġunju 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ)(2),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015(3),

–  wara li kkunsidra l-Pjanijiet Direzzjonali tal-Pajjiżi tal-UE għall-Impenn mas-Soċjetà Ċivili,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-"Ftehim ta' Cotonou"), u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u l-2010,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika Tajba għall-Parteċipazzjoni Ċivili fil-Proċess tat-Teħid tad-Deċiżjoni, li ġie adottat mill-Konferenza tal-INGOs fl-1 ta' Ottubru 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Berlin tal-laqgħa annwali tal-Grupp Ristrett tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili għall-Bini tal-Paċi u tal-Istat, li saret mis-6 sad-9 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020(4) u r-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli ghall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp(6) kif ukoll id-Dikjarazzjoni I tal-Ftehim ta' Cotonou ("Dikjarazzjoni Konġunta tal-atturi fis-sħubija"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 187(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(7),

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2020 tad-DCI għall-"Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali"(8),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2012 bit-titolu "L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni" (COM(2012)0492),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-27 ta' Ġunju 2016 dwar l-ispazju tas-soċjetà ċivili(9),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja, u l-politika tal-UE għall-2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020(11),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi l-linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll il-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tar-reliġjon jew it-twemmin, adottati mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida għad-Delegazzjonijiet Interparlamentari tal-PE dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija waqt iż-żjarat tagħhom f'pajjiżi mhux membri tal-UE(12),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "Responsabbilizzazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-24 ta' Frar 2015 bit-titolu "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-11 ta' April 2016 għall-ħolqien u ż-żamma ta' ambjent sigur u abilitanti għas-soċjetà ċivili, abbażi ta' prattiki tajbin u tagħlimiet meħuda(13), u r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u d-dritt ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2017 dwar ir-Riskji Globali tal-Forum Ekonomiku Dinji(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(17),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili: l-involviment tal-Ewropa b'appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli(19),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0283/2017),

A.  billi l-Artikolu 21 tat-TUE jiddikjara li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali, li tinkludi fiha l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, trid tiġi ggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

B.  billi s-soċjetà ċivili tirrappreżenta t-tielet settur ta' soċjetà b'saħħitha u diċenti, flimkien mas-setturi pubbliċi u privati; billi s-soċjetà ċivili hija magħmula minn organizzazzjonijiet nongovernattivi u dawk mingħajr skop ta' qligħ li għandhom posthom fil-ħajja pubblika, li jesprimu l-interessi u l-valuri tal-membri tagħhom jew oħrajn, ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet etiċi, kulturali, politiċi, xjentifiċi, reliġjużi jew filantropiċi;

C.  billi s-soċjetà ċivili tiżvolġi rwol importanti fil-bini u t-tisħiħ tad-demokrazija, fil-monitoraġġ tas-setgħa tal-istat u fil-promozzjoni tal-governanza tajba, it-trasparenza u r-responsabbiltà; billi l-preżenza ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) bħala forza vitali fis-soċjetà hija kruċjali, peress li jirrappreżentaw kontrobilanċ neċessarju għall-eżerċizzju tas-setgħat billi jiżvolġu r-rwol ta' intermedjarju u ta' medjatur bejn il-popolazzjoni u l-istat, u fil-kapaċità tagħhom bħala gwardjani tad-demokrazija; billi bosta gruppi tas-soċjetà ċivili bdew ifittxu li jinvolvu ruħhom fi proċessi ta' riforma kostituzzjonali sabiex jiġu mħarsa l-prinċipji u l-istituzzjonijiet demokratiċi;

D.  billi l-OSĊ ikopru firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-iżvilupp, l-edukazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll it-twettiq ta' attivitajiet fl-oqsma soċjali u ambjentali; billi s-soċjetà ċivili tkopri firxa wiesgħa u eteroġena ta' gruppi u għanijiet, inkluż mhux biss OSĊ, iżda anke NGOs, gruppi għad-drittijiet tal-bniedem u ta' komunitajiet, dijaspori, knejjes, assoċjazzjonijiet u komunitajiet reliġjużi, il-ħarsien tal-interessi tal-persuni b'diżabbiltà, movimenti soċjali u trade unions, popli indiġeni u fondazzjonijiet, u r-rappreżentanza ta' persuni vulnerabbli, diskriminati u emarġinati;

E.  billi l-Ftehim ta' Cotonou jirrikonoxxi lis-soċjetà ċivili bħala attur ewlieni fi ħdan il-kooperazzjoni AKP-UE; billi l-iskadenza tal-Ftehim fl-2020 tirrappreżenta opportunità biex isir rieżami tas-sħubija u tkompli tiżdied il-parteċipazzjoni tal-OSĊ;

F.  billi l-OSĊ saru atturi importanti fl-assistenza globali għall-iżvilupp, b'mod partikolari fit-twettiq tas-servizzi soċjali bażiċi, is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, il-promozzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba, is-soċjetajiet paċifiċi u inklużivi, it-trawwim tar-reżiljenza ta' individwi, familji u komunitajiet lokali, il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u r-rispons għal kriżijiet umanitarji;

G.  billi, kif rikonoxxut minn organizzazzjonijiet internazzjonali fil-protokolli u l-prattiki tagħhom, il-knejjes, il-komunitajiet u l-assoċjazzjonijiet reliġjużi, flimkien mal-organizzazzjonijiet oħra bbażati fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin jinsabu fost l-atturi prinċipali operazzjonali lokali li ilhom jeżistu u li jinsabu fuq quddiem nett fil-qasam tal-għoti ta' assistenza umanitarja u tal-iżvilupp;

H.  billi l-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2020 tad-DCI għall-programm tematiku "Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali" jinkludi l-promozzjoni ta' ambjent abilitanti għall-OSĊ u l-awtoritajiet lokali bħala element trasversali; billi l-programm għandu l-għan li jsaħħaħ il-vuċi u l-parteċipazzjoni tal-OSĊ fil-proċess ta' żvilupp ta' pajjiżi sħab u li jsir progress fid-djalogu politiku, soċjali u ekonomiku;

I.  billi l-UE hija l-akbar donatur għall-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u kienet attur minn ta' quddiem fil-protezzjoni tal-atturi tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) permezz tal-użu u l-implimentazzjoni ta' firxa ta' strumenti u politiki, inklużi l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), il-programm tematiku tad-DCI għall-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali, il-Fond Ewropew għad-Demokrazija, il-Pjanijiet Direzzjonali tas-Soċjetà Ċivili implimentati f'105 pajjiżi u dokumenti ta' strateġija tal-pajjiż;

J.  billi kien hemm żieda fid-daqs, fl-ambitu, fil-kompożizzjoni u fl-influwenza tas-soċjetà ċivili madwar id-dinja tul dawn l-aħħar għaxar snin; billi, fl-istess ħin, ir-restrizzjonijiet kontra l-atturi u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili saru dejjem aktar repressivi u qawwija f'għadd dejjem jikber ta' pajjiżi madwar id-dinja, kemm dawk li qed jiżviluppaw kif ukoll dawk żviluppati;

K.  billi, barra minn hekk, l-aġenda stabbilita minn donaturi istituzzjonali tista' f'ċerti każijiet ma tipprijoritizzax il-ħtiġijiet reali tal-atturi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam;

L.  billi r-Rapport 2016 dwar l-Istat tas-Soċjetà Ċivili kkunsidra l-2015 bħala sena diżastruża għas-soċjetà ċivili hekk kif id-drittijiet ċiviċi jinsabu taħt theddida serja f'iktar minn mitt pajjiż; billi r-reġjuni tal-Afrika sub-Saħarjana u tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA) huma partikolarment ikkonċernati minn dan ir-rapport, peress li jħabbtu wiċċhom aktar spiss ma' sitwazzjonijiet ta' tensjoni politika, kunflitt u fraġilità;

M.  billi għadd dejjem jikber ta' gvernijiet qed irażżnu, b'mod legali jew amministrattiv, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż billi jimponu liġijiet restrittivi, limiti fuq il-finanzjament, proċeduri ta' liċenzjar stretti u taxxi punittivi;

N.  billi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw żdied b'mod preokkupanti l-għadd ta' rapporti dwar attivisti, membri tal-persunal tal-OSĊ, DDB, trade unionists, avukati, intellettwali, ġurnalisti u kapijiet reliġjużi li qed jiġu ppersegwitati, intimidati, stigmatizzati bħala "aġenti barranin", u arrestati jew miżmuma b'mod arbitrarju, u fl-għadd ta' vittmi ta' abbuż u vjolenza f'dawn l-aħħar snin; billi f'għadd ta' pajjiżi, dan qiegħed isir b'impunità sħiħa, u xi drabi bl-appoġġ jew f'konformità tal-awtoritajiet;

O.  billi d-drittijiet tal-bniedem huma universali u inaljenabbli, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; billi l-ħila tas-soċjetà ċivili li taġixxi tiddependi fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni, ta' għaqda paċifika, ta' espressjoni, tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin u l-aċċess liberu għall-informazzjoni;

P.  billi hemm rabta bejn soċjetà ċivili dgħajfa, spazju politiku u ċiviku mnaqqas, livell ogħla ta' korruzzjoni, inugwaljanza soċjali u bejn is-sessi u livell baxx ta' żvilupp tal-bniedem u dak soċjoekonomiku, kif ukoll fraġilità u kunflitti;

Q.  billi kwalunkwe rispons kredibbli u effettiv tal-UE fl-indirizzar ta' spazju ċiviku dejjem jiċkien jirrikjedi valutazzjoni eżatta u fil-ħin u fehim tat-theddid u l-fatturi li joħolqu restrizzjonijiet; billi dan ir-rispons jirrikjedi wkoll approċċ koordinat bejn l-iżvilupp u l-kooperazzjoni politika, sabiex tiġi żgurata koerenza bejn l-istrumenti esterni u interni kollha tal-UE billi jixħtu messaġġ komuni dwar l-importanza ta' soċjetà ċivili li tiffunzjona liberament, kif ukoll kooperazzjoni fil-livelli lokali, reġjonali u internazzjonali;

R.  billi l-Aġenda 2030, u l-SDGs 16 u 17 b'mod partikolari, jipprevedu kooperazzjoni msaħħa mas-soċjetà ċivili bħala sieħeb ewlieni u faċilitatur fir-rigward tal-promozzjoni, l-implimentazzjoni, is-segwitu u r-rieżami tal-SDGs;

1.  Jemmen li soċjetà ċivili ġenwinament indipendenti, diversa, pluralistika u vibranti hija kruċjali fl-iżvilupp u l-istabbiltà ta' pajjiż, sabiex tiżgura l-konsolidazzjoni demokratika, il-ġustizzja soċjali, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u sabiex jinbnew soċjetajiet inklużivi sabiex ħadd ma jitħalla barra; ifakkar barra minn hekk li soċjetà ċivili hija attur ewlieni biex jintlaħqu l-SDGs;

2.  Jenfasizza r-rwol ċentrali li tiżvolġi s-soċjetà ċivili madwar id-dinja fl-appoġġ tad-demokrazija, fil-garanzija tas-separazzjoni tas-setgħat u fil-promozzjoni tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-governanza tajba, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-estremiżmu vjolenti, u l-impatt dirett fuq l-iżvilupp tal-bniedem u dak ekonomiku tal-pajjiżi, kif ukoll fuq is-sostenibbiltà ambjentali;

3.  Jinsab ferm imħasseb li l-limitazzjonijiet tal-ispazju tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi li qed jiżviluppaw qed isir dejjem aktar b'modi kumplessi u sofistikati, li huma aktar diffiċli biex jiġu indirizzati u jvarjaw minn leġiżlazzjoni, tassazzjoni, limitazzjonijiet finanzjarji, aktar burokrazija, rekwiżiti ta' rappurtar u bankarji, il-kriminalizzazzjoni u l-istigmatizzazzjoni tar-rappreżentanti tal-OSĊ, il-malafama, il-forom kollha ta' fastidju, ir-repressjoni online, il-limitazzjonijiet għall-aċċess għall-internet, iċ-ċensura, id-detenzjoni arbitrarja, il-vjolenza bbażata fuq is-sess, it-tortura u l-qtil, b'mod partikolari fi Stati milquta mill-kunflitti; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu indirizzati t-tattiċi governattivi u nongovernattivi ta' marġinalizzazzjoni ta' vuċijiet kritiċi;

4.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, meta l-OSĊ ikunu jistgħu legalment jirċievu finanzjament barrani, dawn jistgħu jiġu mlaqqma bħala ''aġenti barranin'', fatt li jistigmatizzahom u jżid b'mod sinifikanti r-riskji li jiffaċċjaw; jappella lill-UE ssaħħaħ l-istrumenti u l-politiki tagħha li jindirizzaw il-bini tal-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt u tinkludi punti ta' riferiment b'saħħithom għall-obbligu ta' rendikont u l-ġlieda kontra l-impunità għal arresti arbitrarji, abbuż mill-pulizija, tortura u trattament ħażin ieħor tad-DDB, filwaqt li tqis li n-nisa u l-irġiel jesperjenzaw dawn l-atti b'mod differenti;

5.  Jissottolinja li t-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili huwa fenomenu globali, li mhuwiex ristrett għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżda qed iseħħ ukoll dejjem iżjed f'demokraziji stabbiliti u f'pajjiżi bi dħul medju u għoli, inklużi Stati Membri tal-UE u wħud mill-alleati l-aktar stretti tal-UE; jappella lill-UE u l-Istati Membri tagħha jagħtu l-eżempju billi jħarsu b'mod strett id-drittijiet fundamentali tas-soċjetà ċivili u jindirizzaw kwalunkwe tendenza negattiva f'dan il-qasam;

6.  Jinsisti li l-Istati għandhom ir-responsabbiltà primarja u huma taħt obbligu li jipproteġu d-drittijiet kollha tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-persuni kollha, u għandhom id-dmir li jipprovdu ambjent politiku, ġuridiku u amministrattiv li jwassal għal soċjetà ċivili libera u li tiffunzjona, fejn l-operazzjoni u l-aċċess liberu u sigur għall-finanzjament huwa sigur, inkluż permezz ta' sorsi barranin;

7.  Jappella lill-UE tirrikonoxxi l-ħtieġa li tipprovdi gwida lill-gvernijiet, lill-partiti politiċi, lill-parlamenti u lill-amministrazzjonijiet fil-pajjiżi benefiċjarji dwar l-iżvilupp ta' strateġiji biex jiġi stabbilit l-ambjent legali, amministrattiv u politiku adegwat biex l-OSĊ ikunu jistgħu jaħdmu b'mod effiċjenti;

8.  Jinsab profondament imħasseb dwar l-attakki dejjem jiżdiedu kontra d-DDB madwar id-dinja; jistieden lill-UE, u lill-VP/RGħ, b'mod partikolari, jadottaw politika biex jiddenunzjaw, b'mod sistematiku u mingħajr ekwivoku, il-qtil ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) u kwalunkwe tentattiv biex ikunu suġġetti għal kull forma ta' vjolenza, persekuzzjoni, theddid, fastidju, għajbien furzat, priġunerija jew arrest arbitrarju, jikkundannaw lil dawk li jwettqu jew jittolleraw tali atroċitajiet, u jintensifikaw id-diplomazija pubblika f'appoġġ miftuħ u ċar għad-DDB; iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE u lir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw b'mod attiv lid-DDB, partikolarment billi jimmonitorjaw il-proċessi b'mod sistematiku, iżuruhom fil-ħabs u joħorġu dikjarazzjonijiet dwar każijiet individwali, meta jkun xieraq;

9.  Iqis li, f'każijiet ta' tnaqqis rapidu u drammatiku tal-ispazju għas-soċjetà ċivili, l-Istati Membri jenħtieġu li jagħtu livell għoli ta' rikonoxximent pubbliku lill-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem/lid-DDB individwali affettwati għal xogħolhom, pereżempju billi jsirulhom żjarat waqt żjarat uffiċjali;

10.  Iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa linji gwida dwar il-libertà ta' għaqda paċifika u l-libertà ta' assoċjazzjoni; jappella lill-UE tagħmel użu sħiħ mill-Istrateġiji tal-Pajjiżi li l-UE telabora fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, biex tistabbilixxi għodod ta' monitoraġġ għall-implimentazzjoni konġunta effettiva tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u biex tiżgura li ma jkun hemm ebda lakuna fil-protezzjoni u li abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jiġu ssodisfati permezz ta' sanzjonijiet;

11.  Ifakkar li s-soċjetà ċivili tiżvolġi rwol importanti fil-promozzjoni tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, u jtenni l-appoġġ tiegħu għall-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin;

12.  Jenfasizza li huwa essenzjali li r-relazzjoni tal-OSĊ maċ-ċittadini u mal-istat hija msaħħa, sabiex il-komunitajiet u l-kostitwenzi, inklużi n-nisa u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u l-gruppi vulnerabbli kollha, ikunu verament rappreżentati, u sabiex tgħin tagħmel l-istat aktar effettiv u responsabbli fl-implimentazzjoni tal-iżvilupp u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kollha;

13.  Jilqa' l-impenn u l-appoġġ li l-UE ilha tagħti għal żmien twil lis-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jtenni t-talba inekwivoka tiegħu għal appoġġ kontinwu u dejjem ikbar u finanzjament mill-UE fil-ħolqien ta' ambjent liberu u abilitanti għas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u dak lokali, inkluż permezz tal-programmar annwali; jistieden lill-UE tiddiversifika u timmassimizza modalitajiet u mekkaniżmi ta' finanzjament għall-atturi tas-soċjetà ċivili, billi jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet tagħhom u jiġi żgurat li ma jiġix limitat il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom għal azzjoni jew in-numru ta' interlokuturi potenzjali;

14.  Jappella lill-UE tiżgura li l-finanzjament tal-UE jintuża kemm għal sostenn fuq perjodu ta' żmien twil kif ukoll għal interventi ta' emerġenza, sabiex jgħin lil attivisti tas-soċjetà ċivili f'riskju b'mod partikolari;

15.  Ifakkar li l-parteċipazzjoni ċivika u s-saħħa tas-soċjetà ċivili jentieġ li jiġu meqjusa bħala indikatur għad-demokrazija; iħeġġeġ bil-qawwa kwalunkwe dibattitu interparlamentari dwar id-demokrazija biex jinkludi l-membri tal-OSĊ u s-soċjetà ċivili jkunu involuti fil-proċess ta' konsultazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni kollha li taffettwa dan;

16.  Jappella lill-UE tkompli taħdem lejn iktar awtonomija tal-ispazju ċiviku mhux biss permezz tal-politiki tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp u tad-drittijiet tal-bniedem, iżda anke billi tintegra l-politiki interni u esterni l-oħra kollha tal-UE, inklużi l-ġustizzja, l-affarijiet interni, il-politiki kummerċjali u ta' sigurtà, f'konformità mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

17.  Iwissi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha rigward approċċ iktar rilassat dwar it-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili u kwistjonijiet oħra rigward id-drittijiet tal-bniedem meta huma kkonċernati pajjiżi li magħhom l-UE tikkoopera dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni; jissottolinja l-fatt li l-ispazju tas-soċjetà ċivili li qed jiċkien u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jistgħu jikkontribwixxu l-migrazzjoni furzata;

18.  Jenfasizza l-fatt li l-indirizzar tal-ispazju tas-soċjetà ċivili li qed jiċkien jirrikjedi approċċ unifikat u konsistenti fir-relazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex b'mod proattiv jindirizzaw il-kawżi tal-fatt li qed jiċkien l-ispazju tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari permezz tal-integrazzjoni tal-impenn u l-parteċipazzjoni min-naħa tal-OSĊ fil-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali bħala sħab fi djalogu politiku, ekonomiku u soċjali; jappella, f'dan ir-rigward, lill-UE tqis id-daqsijiet differenti, il-kapaċitajiet u l-għarfien espert tal-OSĊ;

19.  Iħeġġeġ lill-UE ssir faċilitatur attiv u tippromwovi mekkaniżmi istituzzjonali u inizjattivi ta' bosta partijiet interessati sabiex jissaħħu d-djalogi u jiġu żviluppati koalizzjonijiet u sħubiji aktar b'saħħithom u usa' fost il-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-OSĊ, l-awtoritajiet lokali u s-settur privat dwar ambjent għas-soċjetà ċivili abilitanti; jissottolinja l-importanza ta' spazji siguri għal dawn id-djalogi;

20.  Jappella lill-UE timmonitorja miżuri kontra t-terroriżmu u l-aspetti ta' kontra l-ħasil tal-flus u l-leġiżlazzjoni dwar it-trasparenza, u biex tieħu azzjoni biex tiżgura li dawn ma jqegħdux limiti illeġittimi fuq il-finanzjament u l-attivitajiet tal-OSĊ; itenni, f'dan il-kuntest, li r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) jenħtieġ li ma jiġux interpretati u applikati b'mod li jirrestrinġi bla bżonn l-ispazju għas-soċjetà ċivili;

21.  Ifakkar li s-settur privat huwa sieħeb ewlieni biex jintlaħqu l-SDGs, u għandu rwol importanti fit-trawwim ta' spazju ċiviku u l-promozzjoni ta' ambjent abilitanti għall-OSĊ u t-trade unions, b'mod partikolari billi jafferma mill-ġdid ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-obbligi tad-diliġenza dovuta fil-ktajjen tal-provvista, u permezz tal-użu ta' sħubijiet pubbliċi-privati;

22.  Itenni l-obbligu impost fuq is-settur privat biex jirrispetta kemm id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-ogħla standards soċjali u ambjentali; jappella lill-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fil-ħidma tan-NU sabiex jistabbilixxu trattat internazzjonali li jżomm responsabbli lill-korporazzjonijiet involuti fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u billi jintroduċu valutazzjonijiet tar-riskju dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-akkwist pubbliku u l-investiment;

23.  Jemmen li ftehimiet kummerċjali u ta' investiment konklużi mill-UE u l-Istati Membri tagħha ma jridux jikkompromettu, direttament jew indirettament, il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-ispazju ċiviku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis li klawsoli vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet kummerċjali huma għodda influwenti għall-ftuħ ta' spazju ċiviku; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-ftehimiet kummerċjali tal-istituzzjonijiet, inklużi Gruppi Konsultattivi Domestiċi u Kumitati Konsultattivi tal-FSE;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas ta' monitoraġġ ta' strumenti ta' finanzjament estern tal-UE, b'enfasi speċjali fuq id-drittijiet tal-bniedem;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jistabbilixxu l-aħjar prattiki u jiżviluppaw punti ta' riferiment u indikaturi ċari relatati mat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-kuntest tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u tar-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-EIDHR, sabiex ikejlu l-progress tanġibbli;

26.  Jistieden lill-atturi kollha tal-UE jħeġġu b'mod aktar effettiv fil-fora multilaterali t-tisħiħ tal-qafas ġuridiku internazzjonali li jirfed id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, fost l-oħrajn billi jinvolvu ruħhom ma' organizzazzjonijiet multilaterali bħalma huma n-NU, inkluż il-mekkaniżmu tal-Proċeduri Speċjali tan-NU u tar-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UPR), u ma' organizzazzjonijiet reġjonali bħalma huma l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), l-Unjoni Afrikana (UA), l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), il-Lega Għarbija u l-Grupp ta' Ħidma tal-Komunità tad-Demokraziji dwar l-abilitazzjoni u l-protezzjoni tas-soċjetà ċivili; ifakkar fl-importanza għall-Unjoni li jiġi stabbilit djalogu inklużiv dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-istati sħab kollha billi jiġu inklużi l-OSĊ; jistieden kemm lill-Unjoni u kemm lill-Istati Membri tagħha jħaffu l-programmi ta' governanza tajba tagħhom ma' pajjiżi terzi, u jippromwovu l-iskambju ta' prattiki tajba fir-rigward tal-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tal-OSĊ fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; iqis li jeħtieġ li jiġu promossi djalogi tripartitiċi bejn il-gvernijiet, l-UE u l-OSĊ, inkluż dwar kwistjonijiet diffiċli ħafna bħalma huma s-sigurtà u l-migrazzjoni;

27.  Jitlob l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Twissija Bikrija għat-Tnaqqis tal-Ispażju tas-Soċjetà Ċivili, bl-involviment tal-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE, li jkun kapaċi jimmonitorja t-theddid kontra l-ispazju tas-soċjetà ċivili u d-DDB u joħroġ twissija kull meta jkun hemm evidenza li pajjiż li qed jiżviluppa qed iħejji restrizzjonijiet ġodda serji kontra s-soċjetà ċivili, jew meta l-gvern ikun qed juża organizzazzjonijiet mhux governattivi organizzati mill-gvern (GONGOs) b'tali mod li joħloq l-apparenza qarrieqa li teżisti soċjetà ċivili indipendenti, biex b'hekk l-UE tkun tista' tirrispondi b'mod aktar f'waqtu, koordinat u tanġibbli;

28.  Jappella lill-UE ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-parteċipazzjoni sħiħa u l-emanċipazzjoni ta' minoranzi u gruppi vulnerabbli oħra, bħal persuni b'diżabbiltà, popli indiġeni u popolazzjonijiet iżolati fi proċessi kulturali, soċjali, ekonomiċi u politiċi; jistieden lill-Istati, f'dan ir-rigward, li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni u l-politiki tagħhom ma jdgħajfux t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom jew l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili li jiddefendu d-drittijiet tagħhom;

29.  Jiddeplora n-nuqqas ta' organizzazzjonijiet li jgħinu lill-vittmi ta' terroriżmu f'pajjiżi terzi fi żmien meta t-terroriżmu globali qed jiżdied; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita klima sigura għal tali organizzazzjonijiet sabiex jipproteġu lill-vittmi tat-terroriżmu;

30.  Jissottolinja r-rwol kritiku tan-nisa u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fil-qasam tal-progress soċjali, inklużi l-movimenti mmexxija miż-żgħażagħ; jistieden lill-UE tinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-ħolqien ta' ambjent sigur u abilitanti għall-OSĊ tan-nisa u tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, u li jiġu indirizzati l-forom speċifiċi ta' repressjoni bbażati fuq is-sess, partikolarment f'reġjuni milquta minn kunflitti;

31.  Jenfasizza l-importanza li tingħata kontribuzzjoni b'mod attiv għall-appoġġ ta' politiki u azzjonijiet relatati mad-drittijiet tan-nisa, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

32.  Itenni kemm huwa importanti li l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet jiġi integrat fil-politika tal-iżvilupp tal-UE, bl-għan li jiġu integrati l-prinċipji dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fl-attivitajiet ta' żvilupp tal-UE u li jiġu sinkronizzati l-attivitajiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

33.  Ifakkar fl-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali fit-tisħiħ ta' ambjenti abilitanti għas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jippromwovu d-djalogu u l-aħjar prattika għall-protezzjoni u l-impenn mas-soċjetà ċivili;

34.  Jilqa' l-Pjanijiet Direzzjonali tal-Pajjiżi tal-UE għall-Impenn mas-Soċjetà Ċivili bħala għodda effikaċi u bħala l-qafas tal-UE possibbli ġdid għall-impenn mas-soċjetà ċivili; iqis li huwa ta' importanza fundamentali li l-OSĊ jiġu involuti mhux biss fil-proċess ta' konsultazzjoni li jwassal għall-abbozzar tal-pjanijiet direzzjonali, iżda anke fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fir-rieżami tagħhom;

35.  Jimpenja ruħu li jistabbilixxi, fuq bażi annwali u permezz ta' konsultazzjoni fil-fond ma' atturi istituzzjonali u NGOs rilevanti, lista ta' pajjiżi fejn l-ispazju għas-soċjetà ċivili jinsab l-aktar taħt theddida;

36.  Jistieden lill-VP/RGħ biex tqiegħed regolarment fuq l-aġenda tal-Kunsill Affarijiet Barranin, għal diskussjoni u segwitu, l-isforzi tal-UE biex ikomplu jiġu rilaxxati d-DDB, il-ħaddiema umanitarji, il-ġurnalisti, l-attivisti politiċi, il-persuni arrestati minħabba t-twemmin reliġjuż jew morali tagħhom, u oħrajn li ntbagħtu l-ħabs riżultat tat-tnaqqis fl-ispazju tas-soċjetà ċivili;

37.  Jilqa' l-ħatra ta' punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili fid-Delegazzjonijiet tal-UE ddedikati biex titjieb il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili lokali, b'mod partikolari fl-għoti ta' għajnuna lil gruppi u individwi vulnerabbli u marġinalizzati; jitlob lid-Delegazzjonijiet tal-UE biex b'mod sistematiku jqajmu kuxjenza dwar l-ispazju tas-soċjetà ċivili li qed jiċkien u l-protezzjoni tal-attivisti mal-membri nazzjonali tal-parlamenti, il-gvernijiet u l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali, u biex ikomplu jimpenjaw ruħhom mal-OSĊ fiċ-ċiklu ta' programmar tal-fondi tal-UE u għall-monitoraġġ sussegwenti tagħhom, anke meta l-kooperazzjoni bilaterali tkun qed titneħħa gradwalment; jistieden, barra minn hekk, lid-Delegazzjonijiet tal-UE biex, b'mod regolari u trasparenti, jipprovdu informazzjoni lis-soċjetà ċivili dwar il-fondi u l-opportunitajiet ta' finanzjament;

38.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex b'mod sistematiku jinkludu spazju ċiviku dejjem jiċkien fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom u biex jagħmlu użu mill-istrumenti u l-għodod disponibbli kollha, inkluż fl-oqsma tal-iżvilupp u tal-kummerċ, sabiex ikun żgurat li l-pajjiżi sħab jirrispettaw l-impenn tagħhom li jipproteġu u jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-UE timmonitorja mill-qrib l-involviment tal-atturi tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi sħab u jħeġġeġ lill-gvernijiet jirrevokaw il-liġijiet kollha li jiksru d-drittijiet għal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; iqis, f'dan ir-rigward, li l-UE jenħtieġ li tintroduċi kundizzjonalità pożittiva fl-appoġġ baġitarju fir-rigward ta' kwalunkwe restrizzjoni ta' spazju ċiviku;

39.  Jenfasizza li s-soċjetà ċivili tal-Punent jenħtieġ li tappoġġja l-ħolqien u t-tisħiħ ta' NGOs permezz tat-trasferiment tal-għarfien sabiex tgħinhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-pajjiżi tagħhom stess;

40.  Iħeġġeġ bil-qawwa s-sinerġiji bejn l-Istrumenti ta' Finanzjament Estern tal-UE b'appoġġ għas-soċjetà ċivili, u jitlob li jsir eżerċizzju ta' mmappjar komprensiv fil-livell tal-pajjiżi tal-finanzjament kollu tal-UE għas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet u trikkib, u biex jgħinu jiġu identifikati nuqqasijiet u ħtiġijiet ta' finanzjament possibbli;

41.  Iħeġġeġ lill-UE tadotta linji gwida dwar sħubijiet ma' knejjes u organizzazzjonijiet reliġjużi u mexxejja reliġjużi f'kooperazzjoni għall-iżvilupp, abbażi tal-esperjenzi ta' organizzazzjonijiet u programmi internazzjonali (bħall-UNICEF, il-Bank Dinji, id-WHO jew il-Programm ta' Żvilupp tan-NU), u prattiki tajba fl-Istati Membri tal-UE u lil hinn minnha;

42.  Jirrakkomanda bil-qawwa protezzjoni aħjar għar-rappreżentanti tal-OSĊ f'pajjiżi terzi sabiex tiġi indirizzata kwalunkwe ostilità diretta lejhom;

43.  Jilqa' l-flessibbiltà akbar pprovduta minn għadd ta' strumenti ta' finanzjament tal-UE rilevanti għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, billi, inter alia, tippermetti reġistrazzjoni eħfef għall-applikanti tal-għotjiet u l-kunfidenzjalità tar-riċevituri fejn meħtieġ; iqis, madankollu, li jista' jsir aktar biex jingħata l-aktar rispons xieraq u mfassal għal sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, inkluża informazzjoni aktar avvanzata dwar sejħiet għal proposti, aktar opportunitajiet ta' finanzjament, aktar aġġornamenti regolari tal-pjanijiet direzzjonali, l-armonizzazzjoni u s-semplifikazzjoni ta' modalitajiet ta' finanzjament, u appoġġ għal OSĊ fil-proċeduri amministrattivi tagħhom;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-Programm Indikattiv Pluriennali 2018-2020 tad-DCI, sejħa tematika globali għal proposti li tindirizza speċifikament il-kwistjoni tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-fondi tal-EIDHR biex tindirizza t-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili u s-sitwazzjoni tad-DDB; jiddeplora l-fatt li f'xi pajjiżi s-somom annwali jinsabu f'livell baxx ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika forom ġodda ta' attiviżmu li għandhom jiġu ffinanzjati mill-EIDHR, billi tadotta approċċ komprensiv għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tistabbilixxi proċedura aktar flessibbli u semplifikata ta' aċċess għall-finanzjament mill-EIDHR, speċjalment għaż-żgħażagħ, inklużi aktar eċċezzjonijiet sinifikanti għal dawk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jinsabu f'riskju partikolari u appoġġ lil gruppi mhux reġistrati li eventwalment għandhom jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet; iqis li għandha ssir aktar enfasi fuq gruppi u atturi lokali, peress li l-kwistjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem spiss huma esperjenzati b'mod aktar reali u profond fil-livell lokali; itenni l-importanza tal-EIDHR fl-għoti ta' appoġġ finanzjarju u materjali dirett urġenti għad-DDB li jinsabu f'riskju, kif ukoll tal-fond ta' emerġenza li jippermetti lid-delegazzjonijiet tal-UE jagħtuhom għotjiet diretti ad hoc; jirrikonoxxi l-importanza ta' koalizzjonijiet jew konsorzji ta' atturi tas-soċjetà ċivili internazzjonali u nazzjonali biex jiffaċilitaw u jipproteġu x-xogħol tal-NGOs lokali kontra miżuri ripressivi; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni konġunta effettiva tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-pajjiżi terzi kollha fejn is-soċjetà ċivili tinsab f'riskju, u dan billi jadottaw strateġiji lokali għall-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tagħhom;

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E
(2) Dokument tal-Kunsill 10715/16.
(3) Dokument tal-Kunsill 10897/15.
(4) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.
(5) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 1.
(6) ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17.
(7) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(8) C(2014)4865 finali.
(9) A/HRC/32/L.29.
(10) Testi adottati, P8_TA(2016)0405.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0371.
(12) http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201203/20120329ATT42170/20120329ATT42170EN.pdf
(13)A/HRC/32/20.
(14) http://www3.weforum.org/docs/GRR17_Report_web.pdf
(15) Testi adottati, P8_TA(2017)0026.
(16) Testi adottati, P8_TA(2016)0437.
(17) Testi adottati, P8_TA(2016)0246.
(18) Testi adottati, P8_TA(2016)0224.
(19) ĠU C 208, 10.6.2016, p. 25.

Avviż legali