Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2068(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0272/2017

Testi mressqa :

A8-0272/2017

Dibattiti :

PV 02/10/2017 - 17
CRE 02/10/2017 - 17

Votazzjonijiet :

PV 03/10/2017 - 4.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0366

Testi adottati
PDF 442kWORD 76k
It-Tlieta, 3 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità
P8_TA(2017)0366A8-0272/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità (2017/2068(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 16, 67, 70, 72, 73, 75, 82, 83, 84, 85, 87 u 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 7, 8, 11, 16, 17, 21, 24, 41, 47, 48, 49, 50 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (KDF),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, tal-25 ta' Mejju 2000,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Stokkolma u l-Aġenda ta' Azzjoni, adottati fl-Ewwel Kungress Dinji kontra l-Isfruttament Sesswali Kummerċjali tat-Tfal, l-Impenn Globali ta' Yokohama adottat fit-Tieni Kungress Dinji kontra l-Isfruttament Sesswali Kummerċjali tat-Tfal, u l-Impenn u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Budapest, adottati fil-Konferenza Preparatorja għat-Tieni Kungress Dinji kontra l-Isfruttament Sesswali Kummerċjali tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali, tal-25 ta' Ottubru 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 dwar il-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar l-abbuż sesswali tat-tfal online(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti(3),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta' Novembru 2001(4) u l-Protokoll Addizzjonali għaliha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 460/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(8),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tas-7 ta' Frar 2013 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni mill-Kummissjoni u mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bit-titolu "L-Istrateġija ta' Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea:t: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur" (JOIN(2013)0001),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali(10)(id-Direttiva tal-OIE),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tat-8 ta' April 2014(11) li tinvalida d-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà: Ċiberspazju miftuħ u sikur(12),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 bit-titolu "L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà" (COM(2015)0185) u r-rapporti ta' progress sussegwenti bit-titolu "Lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina",

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Konferenza dwar il-ġurisdizzjoni fiċ-ċiberspazju li saret fis-7 u fit-8 ta' Marzu 2016, f'Amsterdam,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data - GDPR)(13),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(14),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)(15),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-iffirmar ta' arranġament kuntrattwali dwar sħubija pubblika-privata għar-riċerka industrijali u l-innovazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà bejn l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-organizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati (C(2016)4400),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tas-6 ta' April 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill- Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà bit-titolu "Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu: reazzjoni tal-Unjoni Ewropea" (JOIN(2016)0018),

–  wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal" (COM(2012)0196) u r-rapport tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Evalwazzjoni finali tal-programm multiannwali tal-UE dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni (Internet Aktar Sikur)" (COM(2016)0364),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Europol u l-ENISA tal-20 ta' Mejju 2016 dwar investigazzjoni kriminali legali li tirrispetta l-protezzjoni tad-data tas-Seklu 21;

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni(16),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Opinjoni tal-ENISA ta' Diċembru 2016 dwar il-Kriptaġġ - Il-kriptaġġ b'saħħtu jissalvagwardja l-identità diġitali tagħna,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Cloud Evidence Group T-CY tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titolu "Criminal justice access to electronic evidence in the cloud: Recommendations for consideration by the T-CY" (Aċċess tal-ġustizzja kriminali għall-evidenza elettronika fil-cloud: Rakkomandazzjonijiet għal kunsiderazzjoni mit-T-CY) tas-16 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-ħidma tat-Taskforce Konġunta għall-Azzjoni kontra ċ-Ċiberkriminalità (J-CAT)

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tat-Theddid tal-Kriminalità Organizzata u tal-Forom Serji tal-Kriminalità (SOCTA tal-UE) tat-28 ta' Frar 2017 u l-Valutazzjoni tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata fuq l-Internet (IOCTA) tat-28 ta' Settembru 2016, magħmula mill-Europol,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-203/15 (sentenza TELE2) tal-21 ta' Diċembru 2016(17),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI(18),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0272/2017),

A.  billi ċ-ċiberkriminalità qed tikkawża ħsara soċjali u ekonomika dejjem iżjed sinifikanti li taffettwa d-drittijiet fundamentali tal-individwi, toħloq theddid għall-istat tad-dritt fiċ-ċiberspazju u tipperikola l-istabbiltà ta' soċjetajiet demokratiċi;

B.  billi ċ-ċiberkriminalità hija problema li qed tikber fl-Istati Membri;

C.  billi l-IOCTA 2016 tiżvela li ċ-ċiberkriminalità qed tiżdied fl-intensità, fil-kumplessità u fil-kobor, li ċ-ċiberkriminalità rrapportata taqbeż il-kriminalità tradizzjonali f'xi pajjiżi tal-UE, li testendi għal oqsma oħra tal-kriminalità, bħat-traffikar tal-bnedmin, l-użu tal-kriptaġġ u tal-għodod tal-anonimizzazzjoni għal skopijiet kriminali qed jiżdied u li l-attakki tat-tip ransomware jaqbżu t-theddid mill-malware tradizzjonali bħat-Trojans;

D.  billi kien hemm żieda ta' 20 % fl-attakki fuq is-servers tal-Kummissjoni fl-2016 meta mqabbel mal-2015;

E.  billi l-vulnerabbiltà tal-kompjuters toriġina kemm mill-mod uniku ta' kif it-teknoloġija tal-informazzjoni żviluppat matul is-snin, kif ukoll mill-veloċità tat-tkabbir tan-negozju online u n-nuqqas ta' azzjoni mill-gvern;

F.  billi hemm suq klandestin li dejjem qed jikber fl-estorsjoni kompjuterizzata, l-użu ta' botnets mikrija u l-hacking u l-beni diġitali misruqa;

G.  billi l-fokus ewlieni tal-attakki ċibernetiċi jibqa' fuq il-malware, bħal pereżempju t-trojans bankarji, iżda l-attakki fuq is-sistemi u n-netwerks ta' kontroll industrijali mmirati biex jeqirdu l-infrastruttura kritika u l-istrutturi ekonomiċi kif ukoll biex jiddestabbilizzaw is-soċjetajiet, bħalma kien il-każ tal-attakk tat-tip ransomware "WannaCry" ta' Mejju 2017, qed jiżdiedu wkoll fin-numru u fl-impatt u b'hekk jirrapreżentaw theddida dejjem akbar għas-sigurtà, id-difiża u setturi importanti oħra; billi l-maġġoranza tat-talbiet internazzjonali għad-data mill-awtoritajiet ta' infurzar huma relatati mal-frodi u l-kriminalità finanzjarja, segwiti minn forom serji u vjolenti ta' kriminalità;

H.  billi, filwaqt li l-interkonnessjoni, li qed tikber b'mod kostanti, tan-nies, tal-postijiet u tal-oġġetti ġġib magħha ħafna benefiċċji, din iżżid ir-riskju taċ-ċiberkriminalità; billi t-tagħmir konness mal-Internet tal-Oġġetti (IoT), li jinkludi grilji intelliġenti, friġis, karozzi, għodod mediċi jew apparat mediku, ta' spiss ma jkunx protett sew daqs tagħmir tal-internet tradizzjonali u għaldaqstant, jikkostitwixxi mira ideali għaċ-ċiberkriminali, speċjalment minħabba r-reġim għall-aġġornament tas-sigurtà għal tagħmir konness ħafna drabi jkun frammentat jew inkella nieqes għal kollox; billi t-tagħmir tal-IoT li jġarrbu hacking li għandhom attwaturi fiżiċi jew jistgħu jikkontrollawhom jistgħu jirrapreżentaw theddida konkreta għall-ħajjet il-bnedmin;

I.  billi qafas legali effettiv għall-protezzjoni tad-data huwa essenzjali għall-bini tas-sens ta' sikurezza u ta' fiduċja fid-dinja online, u jippermetti lill-konsumaturi kif ukoll lin-negozji jibbenefikaw bis-sħiħ mill-benefiċċji tas-suq uniku diġitali u fl-istess ħin se jindirizza ċ-ċiberkriminalità;

J.  billi l-kumpaniji waħedhom ma jistgħux jindirizzaw l-isfida li jagħmlu d-dinja konnessa aktar sigura, u jenħtieġ li l-gvern jikkontribbwixxi għaċ-ċibersigurtà permezz ta' regolamentazzjoni u l-provvediment ta' inċentivi li jħeġġu aġir aktar sigur mill-utenti;

K.  billi d-differenzi bejn iċ-ċiberkriminalità, l-ispjunaġġ ċibernetiku, il-gwerra ċibernetika, is-sabotaġġ ċibernetiku u t-terroriżmu ċibernetiku qegħdin isiru dejjem inqas ċari; billi d-delitti ċibernetiċi jista' jkollhom fil-mira tagħhom individwi, entitajiet privati jew pubbliċi u jkopru firxa wiesgħa ta' reati, inkluż il-ksur ta' privatezza, l-abbuż sesswali tat-tfal online, l-inċitament pubbliku għall-vjolenza u l-mibegħda, is-sabotaġġ, l-ispjunaġġ, ir-reati finanzjarji u l-frodi, bħal pereżempju l-frodi tal-ħlas, is-serq u s-serq tal-identità kif ukoll l-interferenza illegali fis-sistemi;

L.  billi r-Rapport tal-2017 tal-Forum Ekonomiku Dinji dwar ir-Riskji Globali jelenka inċident massiv ta' frodi u serq ta' data bħala wieħed mill-ħames riskji globali ewlenin f'termini ta' probabbiltà;

M.  billi numru konsiderevoli ta' delitti ċibernetiċi jibqgħu mhux proċessati u mhux ikkastigati; billi għad hemm nuqqas sinifikanti ta' rapportar, perjodi twal ta' detezzjoni, li jagħtu liċ-ċiberkriminali ż-żmien biex jiżviluppaw dħul/ħruġ multiplu jew backdoors, aċċess diffiċli għall-evidenza elettronika, problemi biex tinkiseb din tal-aħħar u problemi relatati mall-ammissibbiltà tagħha fil-qorti, kif ukoll proċeduri kumplessi u sfidi ġurisdizzjonali relatati man-natura transfruntiera tad-delitti ċibernetiċi;

N.  billi l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2016 enfasizza li, minħabba n-natura transfruntiera taċ-ċiberkriminalità kif ukoll it-theddid komuni ta' ċibersigurtà li qed taffaċċja l-UE, il-kooperazzjoni msaħħa u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji u l-esperti taċ-ċiberkriminalità huma essenzjali biex l-investigazzjonijiet fiċ-ċiberspazju jsiru b'mod effettiv u tinkiseb evidenza elettronika;

O.  billi l-annullament tad-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data mill-QtĠ fis-sentenza tagħha tat-8 ta' April 2014 kif ukoll il-projbizzjoni taż-żamma ġeneralizzata, indifferenzjata u mhux immirata ta' data kif ikkonfermata mid-deċiżjoni tal-QtĠ fis-sentenza tagħha TELE2 tal-21 ta' Diċembru 2016 jimponu limiti strinġenti fuq l-ipproċessar fi kwanititajiet kbar ta' data relatata mat-telekomunikazzjonijiet kif ukoll l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għal tali data;

P.  billi s-sentenza Maximillian Schrems tal-QtĠ(19) tirrileva li s-sorveljanza tal-massa tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali;

Q.  billi l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità trid tirrispetta l-istess garanziji proċedurali u sostantivi u d-drittijiet fundamentali, jiġifieri fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u l-libertà ta' espressjoni, bħall-ġlieda kontra kwalunkwe qasam ieħor tal-kriminalità;

R.  billi t-tfal qed jużaw l-internet minn età dejjem aktar bikrija u huma partikolarment vulnerabbli għall-grooming online u għal forom oħra ta' sfruttament sesswali online (il-bullying ċibernetiku, l-abbuż sesswali, l-isfurzar u l-estorsjoni sesswali), l-użu ħażin ta' data personali kif ukoll kampanji perikolużi maħsuba biex jippromwovu diversi tipi ta' awtoleżjoniżmu, bħal pereżempju fil-każ tal-"blue whale", u għalhekk jeħtieġu protezzjoni speċjali; billi l-awturi online jistgħu jsibu u jħejju vittmi għall-abbuż sesswali b'mod aktar rapidu permezz ta' chat rooms, posta elettronika, logħob online u siti ta' netwerking soċjali u n-netwerks "peer-to-peer" (P2P) moħbija għadhom il-pjattaformi ċentrali għall-pedofili biex jaċċedu, jikkomunikaw, jaħżnu u jaqsmu materjal ta' sfruttament sesswali tat-tfal u biex jitraċċaw vittmi ġodda mingħajr ma jinqabdu;

S.  billi t-tendenza li qed tikber ta' koerċizzjoni u estorsjoni sesswali għadha mhux qed tiġi studjata u rapportata biżżejjed, l-aktar minħabba n-natura tad-delitt, li joħloq sens ta' mistħija u ħtija fil-vittmi;

T.  billi l-abbuż tat-tfal live mill-bogħod qed jiġi rrapportat bħala theddida li qed tikber; billi l-abbuż tat-tfal live mill-bogħod għandu r-rabtiet l-aktar ovvji mad-distribuzzjoni kummerċjali ta' materjali ta' sfruttament sesswali tat-tfal;

U.  billi minn studju riċenti mill-Aġenzija Nazzjonali kontra l-Kriminalità fir-Renju Unit irriżulta li żgħażagħ li jipparteċipaw f'attivitajiet ta' hacking huma inqas motivati mill-flus u ta' sikwit jattakkaw netwerks tal-kompjuters biex jimpressjonaw lil sħabhom jew biex jisfidaw sistema politika;

V.  billi s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji maħluqa miċ-ċiberkriminalità żdiedet, iżda l-miżuri ta' prekawzjoni meħuda mill-utenti individwali, l-istituzzjonijiet pubbliċi u n-negozji għadhom mhux biżżejjed, partikolarment minħabba nuqqas ta' għarfien u riżorsi;

W.  billi jenħtieġ li l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u kontra l-attivitajiet illegali online ma ttellifx l-aspetti pożittivi ta' ċiberspazju ħieles u miftuħ, li joffri possibilitajiet ġodda għall-kondiviżjoni tal-għarfien u l-promozzjoni tal-inklużjoni politika u soċjali madwar id-dinja kollha;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jenfasizza li ż-żieda qawwija fir-ransomware, fil-botnets u fl-indeboliment mhux awtorizzat tas-sistemi tal-kompjuter għandha impatt fuq is-sigurtà ta' individwi, id-disponibbiltà u l-integrità tad-data personali tagħhom, kif ukoll fuq il-protezzjoni tal-privatezza u l-libertajiet fundamentali u l-integrità tal-infrastruttura kritika inkluż, fost oħrajn, l-enerġija u l-provvista tal-elettriku u l-istrutturi finanzjarji bħall-Borża; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità hija prijorità rikonoxxuta fil-qafas tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tat-28 ta' April 2015;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati d-definizzjonijiet komuni taċ-ċiberkriminalità, il-gwerra ċibernetika, iċ-ċibersigurtà, il-fastidju ċibernetiku u l-attakki ċibernetiċi biex jiġi żgurat l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tal-UE jkollhom definizzjoni ġuridika waħda;

3.  Jissottolinja li l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità jenħtieġ li tirrigwarda l-ewwel u qabel kollox is-salvagwardja u t-tisħiħ tal-infrastrutturi kritiċi u ta' apparati oħra konnessi f'netwerk, u mhux biss it-twettiq ta' miżuri ripressivi;

4.  Itenni l-importanza tal-miżuri legali meħuda fil-livell Ewropew biex jarmonizzaw id-definizzjoni tar-reati marbuta mal-attakki kontra sistemi ta' informazzjoni kif ukoll mal-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal online u biex jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u l-forniment ta' data statistika dwar dawn ir-reati, bl-għan li dawn it-tipi ta' reati jiġu miġġielda b'mod aktar effikaċi;

5.  Iħeġġeġ bil-qawwa lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jittrasponu fi żmien utli u b'mod adegwat id-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tiżgura b'mod strett l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħha, u tirrapporta lura lill-Parlament u lill-Kumitat responsabbli tiegħu l-konstatazzjonijiet tagħha fi żmien utli, filwaqt li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI; jisħaq fuq il-punt li l-Eurojust u l-Europol għandhom jingħataw riżorsi adegwati sabiex itejbu l-identifikazzjoni tal-vittmi, jiġġieldu kontra n-netwerks organizzati ta' dawk li jabbużaw sesswalment minn oħrajn u jaċċelleraw is-sejba, l-analiżi u l-indikazzjoni ta' materjal ta' abbuż tat-tfal kemm online kif ukoll offline;

6.  Jiddeplora l-fatt li 80 % tal-kumpaniji fl-Ewropa ġarrbu tal-inqas inċident wieħed ta' sigurtà ċibernetika u li l-attakki ċibernetiċi kontra n-negozji spiss jibqgħu mhux identifikati jew mhux irrapportati; ifakkar li bosta studji jikkalkolaw li l-ispiża annwali ta' attakki ċibernetiċi hija sinifikanti għall-ekonomija dinjija; jemmen li l-obbligu li jiġi żvelat ksur tas-sigurtà u li tiġi kondiviża informazzjoni dwar ir-riskji introdott permezz tar-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR)) u d-Direttiva (UE) 2016/1148 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (id-Direttiva dwar is-sigurtà tas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni (Direttiva NIS)), se jgħin biex tiġi indirizzata din il-problema billi jingħata appoġġ għall-intrapriżi, speċjalment l-SMEs;

7.  Jenfasizza li n-natura dejjem tinbidel tax-xenarju ta' theddid ċibernetiku toħloq sfidi legali u teknoloġiċi serji għall-partijiet ikkonċernati kollha; jemmen li teknoloġiji ġodda m'għandhomx jitqiesu bħala theddida u jirrikonoxxi li l-avvanzi teknoloġiċi fil-kriptaġġ se jtejbu s-sigurtà ġenerali tas-sistemi ta' informazzjoni tagħna, fosthom billi jippermettu lill-utenti aħħarin jipproteġu aħjar id-data u l-komunikazzjonijiet tagħhom; jinnota, madankollu, li għad hemm nuqqasijiet notevoli f'dak li jikkonċerna s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet u li tekniki bħal pereżempju onion routing u netwerks moħbija jistgħu jintużaw minn utenti malintenzjonati, fosthom terroristi u pedofili, hackers sponsorjati minn Stati barranin ostili jew minn organizzazzjonijiet politiċi jew reliġjużi estremisti għal skopijiet kriminali, b'mod partikolari biex jaħbu l-attivitajiet kriminali tagħhom jew l-identitajiet tagħhom, u dan qed joħloq sfidi serji fl-investigazzjonijiet;

8.  Jinsab ferm ikkonċernat dwar l-attakk globali tat-tip ransomware li sar dan l-aħħar u li deher li affettwa eluf u eluf ta' kompjuters fi kważi mitt pajjiż u f'bosta organizzazzjonijiet, fosthom in-National Health Service (NHS) fir-Renju Unit, il-vittma bl-ogħla profil milquta minn dan l-attakk estensiv tat-tip malware; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, il-ħidma importanti tal-inizjattiva No More Ransom (NMR) li tipprovdi 'l fuq minn 40 għodda ta' deċiframent b'xejn li jippermettu lill-vittmi tar-ransomware fid-dinja kollha jiddekriptaw l-apparat milqut tagħhom;

9.  Jissottolinja li n-netwerks moħbija u l-onion routing jipprovdu wkoll spazju liberu għall-ġurnalisti, l-attivisti politiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'ċerti pajjiżi biex jevitaw li jinkixfu minn awtoritajiet statali repressivi;

10.  Jinnota li r-rikors, min-naħa tan-netwerks kriminali u terroristiċi, għall-għodda u s-servizzi informatiċi għadu limitat; jenfasizza, madankollu, li dan aktarx jinbidel fid-dawl tar-rabtiet dejjem jikbru bejn it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u d-disponibbiltà wiesgħa tal-armi tan-nar u tal-prekursuri tal-isplussivi fuq in-netwerks moħbija;

11.  Jikkundanna b'qawwa kwalunkwe interferenza fis-sistema mwettqa jew immexxija minn nazzjon barrani jew l-aġenti tiegħu bil-għan li tħarbat il-proċess demokratiku f'pajjiż ieħor;

12.  Jissottolinja li t-talbiet transfruntiera għas-sekwestru tad-dominji, it-tneħħija tal-kontenut u l-aċċess għad-data tal-utenti jikkostitwixxu sfidi serji li jirrikjedu azzjoni urġenti, peress li r-riskji involuti huma għoljin; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-punt li l-oqfsa tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, li japplikaw kemm online kif ukoll offline, jirrappreżentaw punt ta' riferiment sostantiv fil-livell globali;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi ta' attakki ċibernetiċi jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mid-drittijiet kollha li jinsabu fid-Direttiva 2012/29/UE, u jżidu l-isforzi tagħhom fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-vittmi u s-servizzi mibnija madwar il-vittmi, inkluż bl-appoġġ kontinwu għat-taskforce tal-Europol għall-identifikazzjoni tal-vittma; jistieden lill-Istati Membri f'kooperazzjoni mal-Europol jistabbilixxu b'urġenza pjattaformi relatati l-għan li jiġi żgurat li l-utenti kollha tal-internet ikunu jafu kif jitolbu għajnuna f'każ li jsibu ruħhom fil-mira ta' attivitajiet illegali online; jistieden lill-Kummissjoni tniedi studju dwar l-implikazzjonijiet taċ-ċiberkriminalità transfruntiera fuq il-bażi tad-Direttiva 2012/29/UE;

14.  Jissottolinja li r-rapport IOCTA 2014 tal-Europol jirreferi għall-ħtieġa għal strumenti ġuridiċi aktar effiċjenti u effikaċi, filwaqt li jitqiesu l-limitazzjonijiet attwali tal-proċess tat-Trattat ta' Għajnuna Legali Reċiproka (MLAT), u jirrakkomanda li l-leġiżlazzjoni fl-UE tiġi armonizzata ulterjorment fejn xieraq;

15.  Jissottolinja li ċ-ċiberkriminalità ddgħajjef serjament il-funzjonament tas-suq uniku diġitali peress li tnaqqas il-fiduċja fil-fornituri ta' servizz diġitali, u b'hekk timmina t-tranżazzjonijiet transfruntiera u tagħmel ħsara kbira lill-interessi tal-konsumaturi tas-servizzi diġitali;

16.  Jisħaq fuq il-punt li l-istrateġiji u l-miżuri f'dak li jikkonċerna ċ-ċibersigurtà jistgħu jkunu sodi u effikaċi biss jekk ikunu bbażati fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-valuri fundamentali tal-UE;

17.   Jisħaq fuq il-fatt li teżisti ħtieġa leġittima u qawwija li jiġu protetti l-komunikazzjonijiet bejn l-individwi u bejn l-individwi u l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati bil-għan li tiġi impedita ċ-ċiberkriminalità; jenfasizza li kriptografija b'saħħitha tista' tgħin biex tiġi ssodisfata din il-ħtieġa; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-punt li l-limitazzjoni tal-użu ta' jew id-dgħajfien tas-saħħa tal-għodod kriptografiċi se joħolqu vulnerabbiltajiet li jistgħu jiġu sfruttati għal skopijiet kriminali u jnaqqsu l-fiduċja fis-servizzi elettroniċi, fattur li mbagħad jissarraf fi ħsara kemm għas-soċjetà ċivili kif ukoll għall-industrija;

18.  Jappella għal pjan ta' azzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal online u offline fl-ispazju ċibernetiku, u jfakkar li fil-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ li jagħtu attenzjoni speċjali lid-delitti kontra t-tfal; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fost l-Istati Membri, u mal-Europol u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3), għall-prevenzjoni taċ-ċiberkriminalità u l-ġlieda kontriha , u b'mod partikolari l-isfruttament sesswali online tat-tfal;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-miżuri ġuridiċi kollha għall-ġlieda kontra l-fenomenu tal-vjolenza online kontra n-nisa u l-bullying ċibernetiku; jitlob, b'mod partikolari, lill-UE u lill-Istati Membri jgħaqqdu l-forzi sabiex joħolqu qafas ta' reati kriminali li jobbliga lill-korporazzjonijiet online jħassru jew iwaqqfu d-distribuzzjoni ta' kontenut degradanti, offensiv u umiljanti; jitlob ukoll li jiġi offrut appoġġ psikoloġiku għal nisa vittmi ta' vjolenza online u bniet li huma vittmi ta' bullying ċibernetiku;

20.  Jisħaq fuq il-punt li l-kontenut illegali online għandu jitneħħa minnufih fuq il-bażi tal-proċess dovut tal-liġi; jenfasizza r-rwol tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, il-fornituri tas-servizz tal-internet u l-fornituri ta' servizzi ta' hosting fl-iżgurar tat-tneħħija rapida u effiċjenti ta' kontenut illegali online fuq talba tal-awtorità responsabbli għall-infurzar tal-liġi;

Prevenzjoni

21.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-istrateġija Ewropea dwar iċ-ċibersigurtà, tkompli tidentifika l-vulnerabbiltajiet tan-netwerks u s-sigurtà tal-informazzjoni tal-infrastruttura kritika Ewropea, tinċentiva l-iżvilupp ta' sistemi reżiljenti, u tivvaluta s-sitwazzjoni rigward il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità fl-UE u fl-Istati Membri, sabiex jinkiseb fehim aħjar tax-xejriet u l-iżviluppi fir-rigward tar-reati fiċ-ċiberspazju;

22.  Jenfasizza li r-reżiljenza ċibernetika hija essenzjali għall-prevenzjoni taċ-ċiberkriminalità u jenħtieġ li għalhekk tingħata l-ogħla prijorità; jistieden lill-Istati Membri jadottaw politiki u azzjonijiet proattivi favur id-difiża tan-netwerks u l-infrastruttura kritika u jitlob li jkun hemm approċċ Ewropew komprensiv fir-rigward tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità li jkun kompatibbli mad-drittijiet fundamentali, il-protezzjoni tad-data, iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-kummerċ elettroniku;

23.  Jilqa', f'dan ir-rigward, l-investiment tal-fondi tal-UE fi proġetti ta' riċerka bħas-sħubija pubblika-privata dwar iċ-ċibersigurtà, intiża sabiex titrawwem ir-reżiljenza ċibernetika Ewropea permezz tal-innovazzjoni u l-bini ta' kapaċità; jirrikonoxxi, b'mod partikolari, l-isforzi li saru min-naħa tas-Sħubija Pubblika-Privata dwar iċ-Ċibersigurtà biex jiġi stabbilit rispons adegwat għall-ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet "zero-day";

24.  Jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' software liberu u open source; jappella biex isiru disponibbli aktar fondi tal-UE speċifikament għal software liberu u open source bbażat fuq ir-riċerka fil-qasam tas-sikurezza informatika;

25.  Jinnota bi tħassib li jeżisti nuqqas ta' professjonisti kkwalifikati fil-qasam tal-informatika li jaħdmu fuq iċ-ċibersigurtà; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fl-edukazzjoni;

26.  Iqis li r-regolamentazzjoni għandu jkollha rwol akbar fil-ġestjoni tar-risjki marbuta maċ-ċibersigurtà permezz ta' standards imtejba fejn jidħlu d-disinn u l-aġġornamenti sussegwenti tal-prodotti u s-software, kif ukoll standards minimi fuq l-ismijiet tal-utenti u l-passwords prestabbiliti;

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-iskambji tal-informazzjoni permezz tal-Eurojust, l-Europol u l-ENISA, kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki permezz tan-Netwerk Ewropew tal-CSIRT (Skwadra ta' Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters ) u l-CERTs (Skwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters) dwar l-isfidi li jiffaċċjaw fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, kif ukoll dwar soluzzjonijiet konkreti, legali u tekniċi biex ikunu indirizzati u tiżdied ir-reżiljenza ċibernetika; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tippromwovi kooperazzjoni effikaċi u tiffaċilità l-iskambju tal-informazzjoni bil-għan li jiġu antiċipati u ġestiti r-riski postenzjali, kif previst mid-Direttiva NIS;

28.  Huwa mħasseb mill-konstatazzjonijiet tal-Europol li l-maġġoranza tal-attakki b'suċċess fuq individwi huma attribwibbli għal nuqqas ta' iġjene diġitali u ta' sensibilizzazzjoni tal-utenti, kif ukoll għal nuqqas ta' attenzjoni mogħtija lill-miżuri tekniċi ta' sigurtà bħal pereżempju sigurtà bbażata fuq id-disinn; jissottolinja li l-utenti huma l-ewwel vittmi ta' hardware u software b'livell baxx ta' sigurtà;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal kampanja ta' sensibilizzazzjoni, bl-involviment tal-atturi u l-partijiet ikkonċernati kollha relevanti, biex jagħtu s-setgħa lit-tfal u jappoġġjaw lill-ġenituri, lill-persuni li għandhom tfal fil-kura tagħhom u lill-edukaturi biex jifhmu u jittrattaw ir-riskji online u jipproteġu s-sikurezza tat-tfal online, jagħtu appoġġ lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu programmi ta' prevenzjoni tal-abbuż sesswali online, jippromwovu kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar imġiba responsabbli fil-midja soċjali, u jħeġġu l-magni tat-tiftix ewlenin u n-netwerks tal-midja soċjali biex jieħdu approċċ proattiv fil-protezzjoni tas-sikurezza tat-tfal online;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni ta' informazzjoni u prevenzjoni u li jippromowovu l-prattiki t-tajba sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini, b'mod partikolari t-tfal u utenti vulnerabbli oħra, iżda wkoll il-gvernijiet ċentrali u l-awtoritajiet lokali, l-operaturi vitali u l-atturi tas-settur privat, b'mod partikolari l-SMEs, ikunu konxji ta' kif ikunu sikuri online u ta' kif jipproteġu l-apparat tagħhom; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu miżuri prattiċi ta' sigurtà bħall-kriptaġġ jew sigurtà oħra u teknoloġiji li jsaħħu l-privatezza u għodod ta' anonimizzazzjoni;

31.  Jenfasizza li kampanji ta' sensibilizzazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn programmi ta' edukazzjoni dwar l-"użu informat" ta' strumenti tal-informatika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu ċ-ċibersigurtà, kif ukoll ir-riskji u l-konsegwenzi tal-użu tad-data personali online, fil-kurrikuli skolastiċi tal-informatika; jenfasizza f'dan il-kuntest l-isforzi li saru fil-qafas ta' strateġija Ewropea għal Internet aħjar għat-tfal (Internet Aħjar għat-Tfal (l-Istrateġija BIK) 2012);

32.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti, fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, għal aktar sforzi fil-qasam edukattiv u tat-taħrig dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, billi jiġi introdott it-taħriġ dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, dwar l-iżvilupp ta' software sigur u l-protezzjoni tad-data personali għall-istudenti tal-informatika, kif ukoll taħriġ bażiku dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni għal membri tal-persunal li jaħdmu fl-amministrazzjonijiet pubbliċi;

33.  Iqis li l-assigurazzjoni kontra l-hacking ċibernetiku tista' tkun waħda mill-għodod li tixpruna l-azzjoni f'dak li jikkonċerna s-sigurtà, kemm mill-kumpaniji li huma responsabbli mid-disinn tas-software, kif ukoll mill-utenti mħeġġa li jużaw is-software kif suppost;

34.  Jenfasizza li n-negozji għandhom jidentifikaw il-vulnerabbiltajiet u r-riskji permezz ta' valutazzjonijiet regolari, jipproteġu l-prodotti u s-servizzi tagħhom billi jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet immedjatament, inkluż permezz ta' politiki ta' ġestjoni ta' patch u aġġornamenti tal-protezzjoni tad-data, itaffu l-effett ta' attakki tat-tip ransomware billi jwaqqfu sistemi ta' back-up robusti, u jirrapportaw b'mod konsistenti l-attakki ċibernetiċi;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu CERTs sabiex in-negozji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jirrappurtaw lilhom dwar posta elettronika u siti web malintenzjonati kif previst mid-Direttiva NIS, sabiex l-Istati Membri jiġu infurmati regolarment dwar inċidenti ta' sigurtà u miżuri biex jiġi miġġieled u mtaffi r-riskju għas-sistemi tagħhom stess; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkunsidraw li jistabbilixxu bażi ta' data li tirreġistra t-tipi kollha ta' ċiberkriminalità u jissorveljaw l-iżvilupp tal-fenomeni relevanti;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu biex jagħmlu l-infrastruttura kritika tagħhom u d-data assoċjata aktar sigura sabiex tirreżisti għall-attakki ċibernetiċi;

Tisħiħ tar-responsabbiltà tal-fornituri ta' servizz

37.  Iqis il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri ta' servizz bħala fattur ewlieni għall-aċċellerazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-assistenza legali reċiproka u tal-proċeduri ta' rikonoxximent reċiproku, fi ħdan il-mandati previsti permezz tal-qafas ġuridiku Ewropew; jistieden lill-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika mhux stabbiliti fl-Unjoni jaħtru bil-miktub rappreżentanti fl-Unjoni;

38.  Itenni, fir-rigward tal-IoT, li l-produtturi huma l-punt inizjali ewlieni biex ikun hemm sistemi ta' responsabbiltà iktar stretti li jwasslu għal kwalità aħjar ta' prodotti u ambjent iktar sikur f'termini ta' aċċess estern u servizz dokumentat ta' aġġornamenti;

39.  Jemmen li, fid-dawl tat-tendenzi ta' innovazzjoni u l-aċċessibbiltà li kulma jmur qiegħda tiżdied tal-apparat tal-IoT, għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-sigurtà tal-apparat kollu, anki dawk li huma sempliċi għall-aħħar; iqis li huwa fl-interess tal-produtturi tal-hardware u l-iżviluppaturi ta' software innovattiv li jinvestu f'soluzzjonijiet li jimpedixxu ċ-ċiberkriminalità u li jiskambjaw informazzjoni dwar theddid għaċ-ċibersigurtà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu s-sigurtà permezz ta' approċċ ta' sigurtà bbażata fuq id-disinn u jħeġġeġ lill-industrija tinkludi soluzzjonijiet ta' sigurtà bbażata fuq id-disinn f'dan l-apparat kollu; jinkoraġġixxi, f'dan il-kuntest, lis-settur privat jimplimenta miżuri volontarji żviluppati abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE bħad-Direttiva NIS u allinjati ma' standards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali bl-għan li jrawwmu l-fiduċja fis-sigurtà tas-software u tal-apparat, bħat-tikketta ta' fiduċja tal-IoT;

40.  Iħeġġeġ lill-fornituri tas-servizzi jaderixxu mal-Kodiċi ta' Kondotta dwar id-Diskors Illegali ta' Mibegħda Onlajn, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-kumpaniji parteċipanti jkomplu jikkooperaw fuq dik il-kwistjoni;

41.  Ifakkar li d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern(20) teżenta lill-intermedjarji mir-responsabbiltà għall-kontenut biss jekk dawn ikollhom biss rwol newtrali u passiv fir-rigward tal-kontenut trażmess u/jew ospitat, iżda tirrikjedi wkoll rispons fil-pront biex jitneħħa jew jitwaqqaf l-aċċess għall-kontenut meta intermedjarju jkollu għarfien reali ta' ksur jew attività jew informazzjoni illegali;

42.  Jissottolinja l-bżonn assolut li l-bażijiet tad-data tal-infurzar tal-liġi jitħarsu minn inċidenti tas-sigurtà u l-aċċess illegali, peress li din hija kwistjoni ta' tħassib għall-individwi; jesprimi tħassib rigward l-ilħuq extraterritorjali mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-aċċess għad-data fil-kuntest ta' investigazzjonijiet kriminali, u jenfasizza l-bżonn li jiġu implimentati regoli sodi dwar il-kwistjoni;

43.  Jemmen li l-kwistjonijiet relatati ma' attività illegali fuq l-internet għandhom jiġu indirizzati b'mod rapidu u bl-aktar mod effiċjenti, inkluż permezz ta' proċeduri ta' tneħħija jekk il-kontenut ma jkunx jew ma jkunx għadu meħtieġ għall-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni; ifakkar li, meta t-tneħħija ma tkunx fattibbli, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri meħtieġa u proporzjonati biex jimblukkaw l-aċċess mit-territorju tal-Unjoni għal tali kontenut; jenfasizza li dawn il-miżuri għandhom jikkonformaw mal-proċeduri leġiżlattivi u ġudizzjarji eżistenti, kif ukoll mal-Karta, u għandhom ukoll ikunu soġġetti għal salvagwardji xierqa, inkluża l-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju;

44.  Jenfasizza r-rwol tal-fornituri ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni diġitali li jiżguraw it-tneħħija rapida u effiċjenti ta' kontenut illegali fuq l-Internet fuq talba ta' awtorità responsabbli mill-infurzar tal-liġi, u jilqa' l-progress li sar f'dan ir-rigward, inkluż permezz tal-kontribut tal-Forum tal-Internet tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal impenn u kooperazzjoni aktar qawwija min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni biex tinkiseb tneħħija malajr u effettiva mill-industrija u biex jiġi evitat l-imblukkar tal-kontenut illegali permezz ta' miżuri tal-gvern; jistieden lill-Istati Membri iżommu bħala responsabbli legalment il-pjattaformi mhux konformi; itenni li kwalunkwe miżura biex jitneħħa kontenut illegali online li tistipula termini u kundizzjonijiet għandha tkun permessa biss jekk ir-regoli proċedurali nazzjonali jipprovdu l-possibbiltà lill-utenti li jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem qorti wara li jsiru jafu dwar dawn il-miżuri;

45.  Jissottolinja li, b'mod konformi mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Jannar 2016, "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(21), ir-responsabbiltà limitata tal-intermedjarji hija essenzjali għall-protezzjoni ta' internet miftuħ, id-drittijiet fundamentali, iċ-ċertezza tad-dritt u l-innovazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi gwida dwar il-proċeduri, ta' notifika u ta' tneħħija, biex jgħinu lill-pjattaformi online jikkonformaw mar-responsabilitajiet tagħhom u r-regoli dwar ir-responsabbiltà definiti fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (2000/31/KE), sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt u tiżdied il-fiduċja tal-utenti; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi dwar din il-kwistjoni;

46.  Jitlob li jkun applikat l-approċċ "segwi l-flus", kif deskritt fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar "Lejn kunsens imġedded dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Pjan ta' Azzjoni tal-UE"(22), abbażi tal-qafas regolatorju tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u d-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRED);

47.  Jenfasizza l-importanza kruċjali li jiġi provdut taħriġ kontinwu u speċifiku u appoġġ psikoloġiku lill-moderaturi tal-kontenut f'entitajiet privati u pubbliċi li huma responsabbli mill-valutazzjoni ta' kontenut oġġezzjonabbli jew illegali online, għax dawn jenħtieġ li jitqiesu bħala dawk li jagħti l-ewwel rispons f'dan il-qasam;

48.  Jistieden lill-fornituri tas-servizzi jipprevedu tipi ċari ta' riferiment u infrastruttura ta' servizz amministrattiv definita sew, li jagħmilha possibbli li tittieħed azzjoni malajr u xierqa f'każ ta' riferiment;

49.  Jistieden lill-fornituri tas-servizzi jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex iżidu l-kuxjenza tar-riskju inerenti tal-internet, b'mod partikolari għat-tfal, billi jiżviluppaw għodod u materjal ta' informazzjoni interattivi;

Tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja

50.  Huwa mħasseb li numru konsiderevoli ta' reati ċibernetiċi jibqgħu mhux ikkastigati; jiddeplora l-fatt li l-użu mill-fornituri ta' servizzi tal-internet ta' teknoloġiji bħal NAT CGN qed ifixkel ħafna l-investigazzjonijiet billi jagħmilha teknikament impossibbli li jiġi identifikat b'mod preċiż min ikun qed juża indirizz IP, u għaldaqstant min hu responsabbli għal delitti online; jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-infurzat tal-liġi jitħallielhom l-aċċess legali għal informazzjoni rilevanti fiċ-ċirkostanzi limitati fejn dan l-aċċess huwa meħtieġ u proporzjonat għal raġunijiet ta' sigurtà u ġustizzja; jenfasizza li l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi għandhom ikunu mgħammra b'kapaċitajiet suffiċjenti biex iwettqu investigazzjonijiet leġittimi;

51.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri ma jimponux obbligi fuq il-fornituri ta' kriptaġġ li jwasslu biex tiddgħajjef jew tiġi pperikolata s-sigurtà tan-netwerks jew tas-servizzi tagħhom, bħall-ħolqien jew il-faċilitazzjoni ta' "back doors"; jenfasizza li soluzzjonijiet fattibbli għandhom jiġu offruti, kemm permezz ta' leġiżlazzjoni kif ukoll evoluzzjoni teknoloġika kontinwa, fejn is-sejba tagħhom hija imperattiva għall-ġustizzja u s-sigurtà; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw, f'konsultazzjoni mal-ġudikatura u l-Eurojust, fl-allinjament tal-kundizzjonijiet għall-użu legali ta' għodod investigattivi online;

52.  Jenfasizza li l-interċezzjonijiet legali jista' jkun miżura effettiva ħafna biex jiġi miġġieled il-hacking illegali, sakemm ikun meħtieġ, proporzjonat, ibbażat fuq proċess ġuridiku dovut u f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u mal-liġi u mal-każistika dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE; jistieden lill-Istati Membri kollha jagħmlu użu mill-possibilitajiet ta' interċezzjoni legali mmirata lejn individwi sospettati, jistabbilixxu regoli ċari rigward il-proċess ta' awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel għall-attivitajiet tal-interċezzjoni legali, inklużi restrizzjonijiet fuq l-użu u fuq d-durata tal-għodod tal-hacking legali, jistabbilixxu mekkaniżmu ta' sorveljanza, u jipprovdu rimedji legali effettivi għall-miri tal-attivitajiet ta' hacking;

53.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvolvu lill-komunità tas-sigurtà tal-ICT u jħeġġuha tieħu rwol aktar attiv fl-hekk imsejjaħ "white hat hacking" u fl-irrappurtar ta' kontenut illegali, bħal materjal dwar l-abbuż sesswali tat-tfal;

54.  Iħeġġeġ lill-Europol jistabbilixxi sistema ta' rappurtar anonimu fi ħdan netwerks moħbija, li tippermetti lill-individwi jirrappurtaw lill-awtoritajiet kontenut illegali, bħal immaġnijiet ta' abbuż sesswali tat-tfal, bl-użu ta' salvagwardji tekniċi simili għal dawk implimentati minn ħafna organizzazzjonijiet tal-istampa li jużaw sistemi simili biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' data sensittiva mal-ġurnalisti b'mod li jippermetti grad ogħla ta' anonimità u sigurtà minn dak li toffri e-mail konvenzjonali;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mminimizzati r-riskji maħluqa għall-privatezza tal-utenti tal-Internet minħabba l-iżvelar ta' sfruttamenti jew għodod użati mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bħala parti mill-investigazzjonijiet leġittimi tagħhom;

56.  Jenfasizza li l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi għandhom ikunu mgħammra b'kapaċitajiet u finanzjament suffiċjenti biex ikunu jistgħu jwieġbu b'mod effettiv għaċ-ċiberkriminalità;

57.  Jissottolinja li l-frammentazzjoni ta' ġuriżdizzjonijiet nazzjonali separati, iddefiniti b'mod territorjali tikkawża diffikultajiet fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli f'interazzjonijiet transnazzjonali u tagħti lok għal inċertezza tad-dritt, biex b'hekk tipprevjeni l-kooperazzjoni transfruntiera, li hija meħtieġa biex tiġi ttrattata b'mod effiċjenti ċ-ċiberkriminalità;

58.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata l-bażi prattika għal approċċ komuni tal-UE rigward il-kwistjoni ta' ġurisdizzjoni fiċ-ċiberspazju, kif enfasizzat fil-laqgħa informali tal-ministri tal-ġustizzja u l-affarijiet interni li saret fis-26 ta' Jannar 2016;

59.  Jenfasizza f'dan ir-rigward il-bżonn li jiġu żviluppati standards proċedurali komuni li jistgħu jiddeterminaw il-fatturi territorjali li jipprovdu raġunijiet għal-liġi applikabbli fiċ-ċiberspazju u jiddefinixxu miżuri investigattivi li jistgħu jintużaw irrispettivament mill-fruntieri ġeografiċi;

60.  Jirrikonoxxi li tali approċċ Ewropew komuni, li jeħtieġ li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-privatezza, se jibni l-fiduċja fost partijiet interessati, inaqqas id-dewmien fit-trattament ta' talbiet transkonfinali, jistabbilixxi l-interoperabbiltà fost l-atturi eteroġeni u jagħti l-opportunità li jiġu inkorporati rekwiżiti debiti tal-proċess f'oqfsa operattivi;

61.  Jemmen li, fuq perjodu ta' żmien twil, standards proċedurali komuni dwar il-ġurisdizzjoni ta' infurzar fil-qasam taċ-ċiberspazju għandhom jiġu żviluppati wkoll fil-livell globali; jilqa', f'dan ir-rigward, il-ħidma tal-Cloud Evidence Group tal-Kunsill tal-Ewropa;

Evidenza elettronika

62.  Jissottolinja li approċċ Ewropew komuni għall-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju huwa kwistjoni ta' prijorità, għaliex għandu jtejjeb l-infurzar tal-istat tad-dritt fiċ-ċiberspazju u jiffaċilita l-kisba tal-evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali, kif ukoll se jikkontribwixxi biex il-konklużjoni tal-każijiet tkun ħafna iktar mgħaġġla mil-lum;

63.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinstabu mezzi biex tiġi żgurata u tinkiseb l-evidenza elettronika aktar malajr, kif ukoll l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluż permezz ta' użu akbar tat-timijiet ta' investigazzjoni konġunti, pajjiżi terzi u fornituri tas-servizzi attivi fit-territorju Ewropew, bi qbil mal-GDPR ((UE) 2016/679), id-Direttiva (UE) 2016/680 (id-Direttiva tal-Pulizija) eżistenti u l-ftehimiet tal-assistenza legali reċiproka (MLA); jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti punti ta' kuntatt fl-Istati Membri kollha u li jiġi ottimizzat l-użu ta' punti ta' kuntatt eżistenti, billi dan se jiffaċilita l-aċċess għal evidenza elettronika kif ukoll il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, itejjeb il-kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizzi, u jħaffef il-proċedimenti MLA;

64.  Jirrikonoxxi li l-oqsfa ġuridiċi Ewropej u nazzjonali attwali jistgħu joħolqu sfidi għall-fornituri tas-servizzi li jippruvaw jikkonformaw mat-talbiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tressaq qafas ġuridiku Ewropew għall-evidenza elettronika, inklużi regoli armonizzati li jiddeterminaw l-istatus ta' fornitur bħala nazzjonali jew barrani, u li jimponu obbligu fuq il-fornituri ta' servizzi li jirrispondu għal talbiet minn Stati Membri oħra bbażati fuq il-proċess ġuridiku dovut u bi qbil mal-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew (OIE), filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipju ta' proporzjonalità biex ikunu evitati effetti negattivi fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u biex jiġi żgurati s-salvagwardji xierqa, bl-għan li tiġi stabbilita ċ-ċertezza tad-dritt kif ukoll li tittejjeb il-ħila tal-fornituri tas-servizzi u tal-intermedjarji li jirrispondu għal talbiet ta' infurzar tal-liġi;

65.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kwalunkwe qafas ta' evidenza elettronika li jinkludi biżżejjed salvagwardji għad-drittijiet u l-libertajiet ta' dawk kollha kkonċernati; jenfasizza li dan għandu jinkludi rekwiżit li t-talbiet għal evidenza elettronika jitressqu fl-ewwel istanza lill-kontrolluri jew is-sidien tad-data, sabiex jiġi żgurat rispett tad-drittijiet tagħhom — kif ukoll tad-drittijiet ta' dawk li d-data tkun dwarhom (pereżempju d-dritt tagħhom li jinvokaw privileġġ legali, u jfittxu rimedju legali fil-każ ta' aċċess sproporzjonat jew illegali b'xi mod ieħor); jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li kwalunkwe qafas legali li jipproteġi l-fornituri u l-partijiet l-oħra kollha minn talbiet li jistgħu joħolqu kunflitti ta' liġi jew b'mod ieħor jaffettwaw is-sovranità ta' stati oħra;

66.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali (id-Direttiva tal-OIE) għall-finijiet tal-iżgurar effettiv u l-kisba tal-evidenza elettronika fl-UE, kif ukoll biex jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi relatati maċ-ċiberspazju fil-kodiċijiet penali nazzjonali tagħhom biex jiffaċilitaw l-ammissibbiltà tal-evidenza elettronika fil-qorti u biex l-imħallfin ikunu jistgħu jingħataw gwida aktar ċara rigward il-penalizzazzjoni taċ-ċiberkriminalità;

67.  Jilqa' x-xogħol li għaddej tal-Kummissjoni lejn pjattaforma ta' kooperazzjoni b'mezz ta' komunikazzjoni sikur għal skambji diġitali tal-OIEs għal evidenza elettronika u t-tweġibiet bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, l-Eurojust u l-fornituri tas-servizzi, jeżaminaw u jallinjaw il-forom, għodod u proċeduri biex jitolbu l-iżgurar u l-kisba tal-evidenza elettronika sabiex tiġi ffaċilitata l-awtentikazzjoni, biex jiġu żgurati proċeduri rapidi u biex jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-proċess tal-iżgurar u l-kisba ta' evidenza elettronika; jitlob li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) tiżviluppa moduli ta' taħriġ dwar l-użu effettiv tal-oqfsa attwali li jintużaw biex tiġi żgurata u tinkiseb evidenza elettronika; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li s-simplifikazzjoni tal-politiki tal-fornituri tas-servizzi se tgħin biex tnaqqas l-eteroġeneità tal-approċċi, b'mod partikolari dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet biex jingħata aċċess għad-data mitluba;

Bini tal-kapaċità fil-livell Ewropew

68.  Jinnota li inċidenti reċenti wrew biċ-ċar il-vulnerabbiltà akuta tal-UE, u b'mod partikolari tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, il-kumpaniji ewlenin Ewropej, l-infrastrutturi u netwerks tal-IT Ewropej, fir-rigward tal-attakki sofistikati permezz ta' software u malware kumplessi; jistieden lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) biex kontinwament tivvaluta l-livell tat-theddida, u lill-Kummissjoni sabiex tinvesti aktar il-kapaċità tal-IT kif ukoll tad-difiża u r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika tal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-UE għal attakki ċibernetiċi serji li joriġinaw minn organizzazzjonijiet kriminali kbar, attakki sponsorjati mill-istat jew gruppi terroristiċi;

69.  Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni importanti taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) tal-Europol u tal-Eurojust, kif ukoll tal-ENISA, fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

70.  Jistieden lill-Europol jappoġġja lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi nazzjonali fl-istabbiliment ta' kanali tat-trażmissjoni siguri u adegwati;

71.  Jiddeplora l-fatt li attwalment ma jeżisti l-ebda standard tal-UE għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni; jirrikonoxxi li x-xejriet futuri fiċ-ċiberkriminalità jeħtieġu livell akbar ta' għarfien espert mill-prattikanti; jilqa' l-fatt li l-inizjattivi eżistenti bħal pereżempju l-Grupp Ewropew għat-Taħriġ u l-Edukazzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità (l-ECTEG), il-Proġett tat-Taħriġ tal-Ħarrieġa (TOT) u l-attivitajiet ta' taħriġ taħt iċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE huma diġà qafas li witta t-triq lejn l-indirizzar tad-diskrepanza ta' għarfien espert fil-livell tal-UE;

72.  Jistieden lis-CEPOL u lin-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju biex jestendu l-offerta tagħhom ta' korsijiet ta' taħriġ iddedikati għal suġġetti relatati maċ-ċiberkriminalità lil korpi tal-infurzar tal-liġi kompetenti u lill-awtoritajiet ġudizzjarji madwar l-Unjoni;

73.  Jenfasizza li l-għadd ta' reati taċ-ċiberkriminalità riferuti lill-Eurojust żdied b'30 %; Jitlob li l-finanzjament jiġi riallokat b'aktar postijiet li jsiru disponibbli jekk ikun meħtieġ biex l-Eurojust tkun tista' tlaħħaq max-xogħol dejjem jiżdied tagħha rigward iċ-ċiberkriminalità, kif ukoll biex tiżviluppa u ssaħħaħ aktar l-appoġġ tagħha għall-prosekuturi nazzjonali taċ-ċiberkriminalità f'każijiet transfruntiera, inkluż permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità;

74.  Jitlob ir-reviżjoni tal-mandat tal-ENISA u t-tisħiħ tal-aġenziji nazzjonali taċ-ċibersigurtà; jitlob biex l-ENISA tiġi msaħħa f'termini tal-kompiti tagħha, il-persunal u r-riżorsi; jenfasizza li l-mandat il-ġdid għandu jinkludi wkoll rabtiet aktar b'saħħithom mal-Europol u l-partijiet interessati tal-industrija, biex l-aġenzija tkun tista' tappoġġa aħjar lill-awtoritajiet kompetenti fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

75.  Jitlob lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) biex tfassal gwida prattika u ddettaljata li tipprovdi linji gwida dwar il-kontrolli superviżorji u ta' skrutinju għall-Istati Membri;

Kooperazzjoni mtejba ma' pajjiżi terzi

76.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi terzi fil-ġlieda globali kontra ċ-ċiberkriminalità, inkluż permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki, investigazzjonijiet konġunti, bini ta' kapaċità u assistenza legali reċiproka;

77.  Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw u jimplimentaw b'mod sħiħ il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar taċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta' Novembru 2001 (“il-Konvenzjoni ta' Budapest”) kif ukoll il-protokolli addizzjonali tagħha, u f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, jippromwovuha fil-fora internazzjonali xierqa;

78.  Jenfasizza t-tħassib sejru tiegħu fir-rigward tax-xogħol li qed isir fi ħdan il-Kumitat tal-Konvenzjoni għaċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta' Budapest dwar l-aċċess transkonfinali għal data informatika maħżuna ("evidenza tal-cloud"), u jopponi kwalunkwe konklużjoni ta' protokoll jew gwida addizzjonali maħsuba biex jestendu l-ambitu ta' din id-dispożizzjoni lil hinn mir-reġim attwali stabbilit minn din il-Konvenzjoni, li diġà hija eċċezzjoni maġġuri għall-prinċipju ta' territorjalità għaliex dan jista' jwassal għal aċċess mill-bogħod mingħajr ebda xkiel għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'servers u kompjuters li jinsabu f'ġurisdizzjonijiet oħra mingħajr rikors għal MLAs jew strumenti oħra ta' kooperazzjoni ġudizzjarja implimentati sabiex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tal-individwu, inkluża l-protezzjoni tad-data u l-proċess ġust, inkluża b'mod partikolari l-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa;

79.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li m'hemm l-ebda liġi internazzjonali vinkolanti dwar iċ-ċiberkriminalità u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Istituzzjonijiet Ewropej biex jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' konvenzjoni dwar il-kwistjoni;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi għażliet għal inizjattivi biex titjieb l-effiċjenza u jkun promoss l-użu ta' Trattati ta' Għajnuna Legali Reċiproka ( MLATs) sabiex tiġi miġġielda l-preżunzjoni ta' ġurisdizzjoni estraterritorjali minn pajjiżi terzi.

81.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw biżżejjed kapaċità biex jiġu ttrattati talbiet għal Assistenza Legali Reċiproka marbutin ma' investigazzjonijiet fiċ-ċiberspazju u jiżviluppaw programmi rilevanti ta' taħriġ għall-persunal responsabbli għat-trattament ta' dawn it-talbiet;

82.  Jissottolinja li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni strateġika u operattiva bejn il-Europol u pajjiżi terzi jiffaċilitaw kemm l-iskambju ta' informazzjoni kif ukoll il-kooperazzjoni prattika;

83.  Jieħu nota tal-fatt li l-ogħla numru ta' talbiet għall-infurzar tal-liġi jintbagħat lill-Istati Uniti u lill-Kanada; huwa mħasseb li r-rata ta' divulgazzjoni ta' fornituri tas-servizzi kbar tal-Istati Uniti b'rispons għal talbiet minn awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali Ewropea ma tilħaqx is-60 %, u jfakkar li skont il-Kapitolu V tal-GDPR, l-MLATs u ftehimiet internazzjonali oħra huma l-mekkaniżmu preferut biex jippermettu l-aċċess għal data personali miżmuma barra mill-pajjiż;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri konkreti biex tħares id-drittijiet fundamentali tal-persuni ssuspettati jew akkużati meta jsir skambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi Ewropej u l-pajjiżi terzi, b'mod partikolari s-salvagwardji fir-rigward tal-ksib ta' malajr, fuq deċiżjoni tal-qorti, ta' evidenza rilevanti, informazzjoni relatata mal-abbonat jew metadata u kontenut tad-data dettaljati (jekk ma jkunux kriptati) mingħand awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u/jew fornituri ta' servizz bil-għan li tittejjeb l-assistenza legali reċiproka;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-korpi Ewropej assoċjati u, fejn meħtieġ, pajjiżi terzi biex iqisu modi ġodda biex jiżguraw u jiksbu evidenza elettronika b'mod effiċjenti ospitata f'pajjiżi terzi, f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u l-liġi tal-protezzjoni tad-data tal-UE, billi jitħaffef u jiġi ssimplifikat l-użu ta' proċedimenti ta' assistenza legali reċiproka u, fejn applikabbli, rikonoxximent reċiproku;

86.  Jenfasizza l-importanza ta' Ċentru ta' Rispons għal Inċidenti Ċibernetiċi tan-NATO;

87.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw fil-Forum Globali dwar l-Għarfien Espert Ċibernetiku (GFCE) sabiex jiġi ffaċilitat it-twaqqif ta' sħubijiet sabiex tinbena l-kapaċità;

88.  Jappoġġa l-assistenza fil-bini ta' kapaċità pprovduta mill-UE lill-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant, minħabba li ħafna attakki ċibernetiċi joriġinaw f'dawk il-pajjiżi;

o
o   o

89.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 33.
(2) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 109.
(3) ĠU L 149, 2.6.2001, p. 1.
(4) Kunsill tal-Ewropa, Sensiela tat-Trattati Ewropej, Nru 185, 23.11.2001.
(5) ĠU L 77, 13.3.2004, p. 1.
(6) ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75.
(7) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(8) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(9) ĠU L 218, 14.8.2013, p.8.
(10) ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1.
(11) ECLI:UE:C:2014:238.
(12) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 112.
(13) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(14) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(15) ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53
(16) ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.
(17) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016, Tele2 Sverige AB vs Post- och telestyrelsen u Secretary of State for the Home Department vs Tom Watson et, C-203/15, ECLI:EU:C:2016:970.
(18) ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.
(19) ECLI:UE:C:2015:650.
(20) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
(21) Testi adottati, P8_TA(2016)0009.
(22) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 25.

Avviż legali