Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2026(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0243/2017

Testi mressqa :

A8-0243/2017

Dibattiti :

PV 02/10/2017 - 18
CRE 02/10/2017 - 18

Votazzjonijiet :

PV 03/10/2017 - 4.7
CRE 03/10/2017 - 4.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0367

Testi adottati
PDF 318kWORD 65k
It-Tlieta, 3 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-ASEAN
P8_TA(2017)0367A8-0243/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-ASEAN (2017/2026(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) fit-8 ta' Awwissu 1967,

–  wara li kkunsidra l-qafas ġuridiku prinċipali għar-relazzjonijiet UE-ASEAN, jiġifieri l-Ftehim ta' Kooperazzjoni ASEAN-KEE, iffirmat f'Marzu 1980(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-ASEAN, iffirmata f'Novembru 2007, li tistabbilixxi personalità ġuridika u qafas ġuridiku u istituzzjonali għall-ASEAN, inkluż il-ħolqien tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (KRP) li jappoġġa u jikkoordina l-ħidma tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra l-Forum Reġjonali tal-ASEAN (ARF) stabbilit fl-1993 sabiex irawwem djalogu u konsultazzjoni dwar il-kwistjonijiet politiċi u ta' sigurtà u sabiex jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja u d-diplomazija preventiva fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku,

–  wara li kkunsidra d-diversi oqfsa tal-ASEAN favur it-tisħiħ tal-fiduċja reġjonali: l-ARF, il-Laqgħa tal-Ministri tad-Difiża tal-ASEAN (ADMM-Plus), is-Summit tal-Asja tal-Lvant (EAS), l-ASEAN Plus Three (ASEAN flimkien maċ-Ċina, il-Ġappun u l-Korea ta' Isfel) u l-ASEAN Plus Six (l-ASEAN flimkien maċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel, l-Indja, l-Awstralja u New Zealand),

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet kummerċjali fis-seħħ bejn l-ASEAN u l-Ġappun, iċ-Ċina, il-Korea t'Isfel, l-Indja, l-Awstralja u New Zealand,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin u/jew il-konklużjoni tas-seba' Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti Stati Membri tal-ASEAN, jiġifieri l-Brunei Darussalam, l-Indoneżja, il-Malasja, il-Filippini, Singapore, it-Tajlandja u l-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles li għaddejjin mal-Indoneżja u mal-Filippini, in-negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles mal-Malasja u mat-Tajlandja, attwalment it-tnejn sospiżi, il-konklużjoni mistennija tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ma' Singapore u mal-Vjetnam fix-xhur li ġejjin u n-negozjati għal ftehim ta' investiment mal-Myanmar;

–  wara li kkunsidra l-laqgħa bejn il-Kummissarju għall-Kummerċ, Cecilia Malmström, u l-ministri tal-finanzi tal-ASEAN li saret f'Manila fl-10 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra d-9 Laqgħa ta' Sħubija Parlamentari bejn l-Asja u l-Ewropa (ASEP9) li saret f'Ulan Bator, fil-Mongolja, bejn il-21 u t-22 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nuremberg dwar Sħubija Msaħħa UE-ASEAN ta' Marzu 2007 u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha ta' Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' Bandar Seri Begawan sabiex tissaħħaħ is-Sħubija Msaħħa UE-ASEAN (2013-2017), li ġie adottat fil-Brunei Darussalam fis-27 ta' April 2012,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Mejju 2015 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "L-UE u l-ASEAN: sħubija b'għan strateġiku" (JOIN(2015)0022),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN tat-22 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Bangkok dwar il-Promozzjoni ta' Sħubija Globali bejn l-UE u l-ASEAN għal Għanijiet Strateġiċi Komuni tal-14 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mat-Trattat ta' Ħbiberija u Kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Asja (TAC) fi Phnom Penh fit-12 ta' Lulju 2012(2),

–  wara li kkunsidra l-11-il Summit tal-Laqgħa bejn l-Asja u l-Ewropa (ASEM11) li saret f'Ulan Batar, fil-Mongolja, bejn il-15 u s-16 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEF), stabbilita fi Frar 1997, sabiex tipprovdi forum għal djalogu mhux governattiv,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Appoġġ għall-Integrazzjoni Reġjonali UE-ASEAN (APRIS), il-Programm ta' Appoġġ għall-Integrazzjoni Reġjonali tal-ASEAN (ARISE) u l-Istrument ta' Djalogu Reġjonali bejn l-UE u l-ASEAN (READI) favur l-armonizzazzjoni tal-politiki u tar-regolamenti fis-setturi mhux relatati mal-kummerċ,

–  wara li kkunsidra l-Proġett (Blueprint) tal-Komunità Ekonomika tal-ASEAN miftiehem fl-2007,

–  wara li kkunsidra l-14-il summit tal-ASEAN li sar fl-2009 u l-istabbiliment ta' pjan direzzjonali għas-suq uniku tal-Komunità Ekonomika tal-ASEAN (AEC), tal-Komunità Politika u ta' Sigurtà tal-ASEAN (APSC) u tal-Komunità Soċjokulturali tal-ASEAN (ASCC),

–  wara li kkunsidra t-28 u d-29 Summit tal-ASEAN li saru f'Vientiane, fil-Laos, fis-6 u fis-7 ta' Settembru 2016 u t-30 Summit tal-ASEAN li sar f'Manila, fil-Filippini, mis-26 sad-29 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra l-24 laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni UE-ASEAN li saret f'Jakarta, fl-Indoneżja, fit-2 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Viżjoni tal-Komunità tal-ASEAN għall-2025, li ġiet adottata fis-27 Summit tal-ASEAN li sar fi Kuala Lumpur fil-Malasja, bejn it-18 u t-22 ta' Novembru 2015 u t-tħabbira tal-istabbiliment, fil-31 ta' Diċembru 2015, tal-Komunità Ekonomika tal-ASEAN, li għandha l-għan li toħloq suq intern għal aktar minn 600 miljun ruħ,

–  wara li kkunsidra l-11-il Summit tal-Asja tal-Lvant (EAS) li sar fi Vientiane, fil-Laos, fit-8 ta' Settembru 2016, li laqqa' lill-mexxejja ta' 18-il pajjiż – l-Istati Membri tal-ASEAN, iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel (ASEAN+3), l-Indja, l-Awstralja u New Zealand (ASEAN+6) kif ukoll ir-Russja u l-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-ewwel Dikjarazzjoni tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-18 ta' Novembru 2012 u l-istabbiliment tal-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem (AICHR) fl-2009,

–  wara li kkunsidra l-assoċjazzjoni tal-Parlamentari għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN (APHR), imwaqqfa fl-2013 bl-għan li tippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra l-Istitut tal-ASEAN għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni (AIPR),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, li ġew irratifikati mill-Istati Membri kollha tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra l-"Guiding Principles on Business and Human Rights: Implementing the United Nations "Protect, Respect and Remedy" Framework" (Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: Implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti "Protezzjoni, Rispett u Rimendju"), adottati mill-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-16 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ASEAN kontra t-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, iffirmata mill-Istati Membri kollha tal-ASEAN f'Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Eżamijiet Perjodiċi Universali (EPU) tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li fihom ipparteċipaw l-Istati Membri kollha tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar l-ASEAN, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Jannar 2014 dwar il-ġejjieni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar l-Istati Membri tal-ASEAN, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Vjetnam(4), tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-UE u l-Vjetnam (riżoluzzjoni)(5), tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-UE u l-Vjetnam (approvazzjoni)(6), tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Filippini (approvazzjoni)(7) u tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Filippini (riżoluzzjoni)(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar l-Istati Membri tal-ASEAN, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Settembru 2017 Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya(9), tal-21 ta' Mejju 2015 dwar il-qagħda ta' rifuġjati Rohingya, inklużi l-oqbra tal-massa fit-Tajlandja(10), tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya fil-Myanmar(11), tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya(12), tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Kambodja: b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha(13), tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Kambodja(14), tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja(15), tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-abbozzi ta' liġijiet tal-Kambodja dwar l-NGOs u t-trade unions(16), tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar it-Tajlandja, b'mod partikolari s-sitwazzjoni ta' Andy Hall(17), tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar is-sitwazzjoni fit-Tajlandja(18), tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-Malasja(19), tad-19 ta' Jannar 2017 dwar l-Indoneżja(20), tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar l-Indoneżja(21), tal-15 ta' Settembru 2016(22) u tas-16 ta' Marzu 2017(23) dwar il-Filippini, u tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Laos, b'mod partikolari l-każijiet ta' Somphone Phimmasone, Lod Thammavong u Soukane Chaithad(24);

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0243/2017),

A.  billi din is-sena qegħdin niċċelebraw il-50 anniversarju tal-ASEAN, is-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma u l-40 anniversarju tar-relazzjonijiet formali bejn l-UE u l-ASEAN;

B.  billi r-reġjun l-ASEAN evolva bħala wieħed mill-aktar reġjuni dinamiċi u li qed jikbru malajr tad-dinja, partikolarment f'termini tal-ekonomija, tat-teknoloġija u tar-riċerka, għandu pożizzjoni ġeopolitika u ġeoekonomika strateġika, b'riżorsi rikki, qiegħed isegwi objettiv ta' integrazzjoni ekonomika miżjuda u aġenda ambizzjuża f'dawk li huma Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari dwar l-edukazzjoni, u jsostni b'konvinzjoni l-multilateraliżmu; billi l-għeluq tad-distakk ta' żvilupp bejn il-pajjiżi tal-ASEAN se jkun essenzjali biex tkun approfondita ulterjorment l-integrazzjoni u biex jiġu garantiti s-sigurtà, l-istabilità u l-ħarsien tad-drittijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi;

C.  billi l-proċessi ta' integrazzjoni tal-UE u tal-ASEAN huma differenti peress li nibtu minn kuntesti differenti u għandhom viżjonijiet u missjonijiet differenti; billi kull waħda minnhom issegwi l-loġika tagħha iżda huma paragunabbli inkwantu ż-żewġ organizzazzjonijiet ilhom deċennji sħaħ ibbażati fuq regoli u jrawmu l-koeżistenza paċifika, l-integrazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni u l-iżvilupp internazzjonali, u jimmiraw li jsaħħu l-fiduċja fost il-membri tagħhom; billi, għaldaqstant, l-UE hija sieħba ideali għall-ASEAN;

D.  billi ż-żewġ reġjuni laħqu livell ta' interazzjoni konsiderevoli u r-relazzjonijiet UE-ASEAN huma komprensivi u jkopru firxa wiesgħa ta' setturi, fosthom il-kummerċ u l-investimenti, l-iżvilupp, il-kwistjonijiet ekonomiċi u l-affarijiet politiċi; billi l-ASEAN hija t-tielet sieħba kummerċjali tal-UE u l-UE t-tieni sieħba kummerċjali tal-ASEAN, bil-kummerċ bilaterali annwali ta' merkanzija bejniethom jammonta għal EUR 200 biljun, u l-UE hija l-ewwel fornitur ta' investiment dirett barrani (IDB) fir-reġjun ASEAN; billi għall-impriżi Ewropej l-ASEAN tirrappreżenta triq li twassal f'reġjun akbar; billi fil-perjodu mill-2014 sal-2020 l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-fornituri prinċipali ta' għajnuna għall-iżvilupp fir-reġjun u l-UE pprevediet impenn ta' aktar minn EUR 3 biljun biex tnaqqas il-faqar u tegħleb id-distakki ta' żvilupp fil-pajjiżi b'introjtu baxx tal-ASEAN;

E.  billi l-esperjenza tal-UE fl-imgħoddi serviet bħala sors ta' ispirazzjoni għal proċessi ta' integrazzjoni reġjonali oħrajn;

F.  billi l-UE appoġġat b'mod konsistenti l-ħidma tal-ASEAN u, b'mod partikolari, is-Segretarjat tal-ASEAN, u, b'rikonoxximent tal-importanza tal-ASEAN, ħatret Kap tad-Delegazzjoni tal-UE ddedikat għall-ASEAN, li daħal fil-kariga fl-2015;

G.  billi bħalissa l-proċessi ta' integrazzjoni fiż-żewġ reġjuni qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet iżda fl-istess ħin joffru opportunitajiet ġodda; billi l-UE għaddejja minn bosta kriżijiet; billi l-ASEAN, minkejja l-objettiv li trawwem iċ-ċentralità tagħha, irreġistrat tnaqqis fil-kummerċ intra-ASEAN fl-2016 u tinsab miżgħuda bil-problemi, fosthom orjentamenti diverġenti fil-qasam tal-politika estera u l-effetti konsegwenzjali minħabba kwistjonijiet interni marbuta ma' theddid għad-demokrazija u għall-Istat tad-dritt, mar-relazzjonijiet interreliġjużi, mal-minoranzi etniċi, mal-inugwaljanzi soċjali u mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, anki b'implikazzjonijiet transfruntieri;

H.  billi l-UE stabbiliet li se tpoġġi d-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi;

I.  billi, f'Diċembru 2014, l-UE tat lill-Filippini l-istatus SPĠ+, b'hekk il-pajjiż sar l-ewwel pajjiż ASEAN li bbenefika minn dawn il-preferenzi kummerċjali; billi b'tali mod il-Filippini jistgħu jesportaw lejn l-UE 66 % tal-prodotti tagħhom f'eżenzjoni totali ta' dazji;

J.  billi l-irtirar tal-Istati Uniti mis-Sħubija Trans-Paċifika (TPP) jista' jagħti spinta ġdida lin-negozjati għal Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP); billi Ċina aktar assertiva qiegħda tniedi inizjattivi, bħall-proġett "One Belt, One Road", li tippreżenta sfida lill-pajjiżi kollha tal-madwar u lil hinn;

K.  billi t-tensjonijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar jikkostitwixxu theddida u riskju għas-sigurtà u l-istabilità tar-reġjun; billi t-tendenza l-aktar preokkupanti hija rappreżentata mill-militarizzazzjoni tal-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; billi d-Djalogu bejn l-ASEAN u ċ-Ċina dwar Kodiċi ta' Kondotta għadu l-mekkaniżmu primarju tal-ASEAN għall-iskambji maċ-Ċina dwar il-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; billi l-attivitajiet Ċiniżi – minn rondi u eżerċizzji militari għal attivitajiet tal-kostruzzjoni li ma josservawx il-prinċipji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni dwar l-Imġiba tal-Partijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar tal-2002 – għadhom kwistjoni ta' tħassib;

1.  Jawgura lill-Istati Membri tal-ASEAN fil-50 anniversarju tal-ASEAN u jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi kollha għall-integrazzjoni reġjonali; jesprimi bl-istess mod l-apprezzament tiegħu għall-40 sena ta' relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN, u jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li jenħtieġ li r-relazzjonijiet jiġu ammeljorati fi Sħubija Strateġika bbażata fuq azzjonijiet konkreti, riżultati tanġibbli u kooperazzjoni sostanzjali u aktar b'saħħitha; jissottolinja l-interess tal-UE biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' dan l-operatur ċentrali f'reġjun ta' importanza strateġika; jisħaq fuq il-fatt li s-sħubija strateġika se tagħti lill-UE l-opportunità li tikkonsolida l-kontribut tagħha fl-implimentazzjoni tal-objettivi komuni fl-isfera Indo-Paċifika;

2.  Jenfasizza l-valur politiku ta' relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment b'saħħithom bejn l-ASEAN u l-UE u jħeġġeġ liż-żewġ sħab sabiex isaħħu ulterjorment ir-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li jeżisti potenzjal notevoli ta' żvilupp f'dawk li huma r-relazzjonijiet kummerċjali UE-ASEAN; jenfasizza li l-UE hija l-ewwel investitur barrani fl-ASEAN; jenfasizza wkoll l-opportunitajiet għal kooperazzjoni fl-implimentazzjoni tal-SDGs; jitlob l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni biex jingħalaq id-distakk ta' żvilupp li jeżisti fi ħdan l-ASEAN; jemmen li huwa possibbli li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jinqasmu l-prattiki tajbin f'bosta oqsma, bħall-ġestjoni tal-isfidi globali, fosthom it-tibdil fil-klima, il-kriminalità organizzata transnazzjonali u t-terroriżmu, il-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà marittima, l-iżvilupp tas-settur finanzjarju, it-trasparenza u l-politiki makroekonomiċi; jenfasizza fuq it-tiftix ta' livell għoli ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN fl-istituzzjonijiet multilaterali, bħan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll id-WTO, għaż-żamma, it-tisħiħ u l-iżvilupp ulterjuri tal-arkitettura kummerċjali internazzjonali multilaterali u ta' relazzjonijiet kummerċjali ġusti;

3.  Ifaħħar lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni talli adottaw Komunikazzjoni Konġunta, approvata mill-Istati Membri, li tistabbilixxi pjan direzzjonali għall-approfondiment tas-sħubija fi kwistjonijiet politiċi, ta' sigurtà u ekonomiċi, kif ukoll fil-konnettività, fl-ambjent, fir-riżorsi naturali u f'oqsma oħrajn, bħall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq l-importanza biex jissaħħaħ id-djalogu politiku bejn l-UE u l-ASEAN; ifakkar li s-sostenn attiv tal-UE biex titqawwa l-integrazzjoni tal-ASEAN jikkontribwixxi għar-reżiljenza tagħha u għall-istabilità tar-reġjun; jenfasizza li l-UE tagħti assistenza teknika u tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-ħolqien ta' suq intern;

4.  Jilqa' favorevolment il-ħatra ta' Kap tad-Delegazzjoni tal-UE għall-ASEAN u l-ftuħ ta' missjoni tal-UE għall-ASEAN fl-2015, fil-qafas ta' żvilupp li jirrikonoxxi l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN;

5.  Jinnota li, billi matul is-snin ir-Renju Unit kellu rwol importanti u prezzjuż fit-trawwim ta' rabtiet bejn l-UE u l-ASEAN, se jkun hemm bżonn u opportunità għall-ASEAN u għall-UE u għall-Istati Membri tagħha biex jinfurzaw b'mod attiv ir-relazzjonijiet tagħhom fid-dawl tar-realtà ġdida tal-Brexit; jistieden lir-Renju Unit ikompli jikkoopera strettament mas-sħubija UE-ASEAN; jitlob involviment akbar tal-UE fil-fora attwalment immexxija mill-ASEAN; jikkunsidra li l-UE għandha ttejjeb u tintensifika l-isforzi diplomatiċi tagħha mal-ASEAN bil-għan li tikkontribwixxi għal aktar stabilità u sigurtà fiż-żoni ta' kunflitt fejn ikunu ħraxu t-tensjonijiet, f'ħidma mill-qrib mas-sħab fir-reġjun u fir-rispett tad-dritt internazzjonali;

6.  Jiddispjaċih bir-reazzjoni tard u kawta tal-UE għad-deċiżjoni arbitrali maħruġa skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) dwar it-tilwima marbuta mal-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u jistieden lill-UE tippromwovi r-rispett u l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS; itenni li l-UE ssostni soluzzjonijiet paċifiċi negozjati għat-tilwim internazzjonali; jinsisti fuq il-libertà tan-navigazzjoni; jistieden liċ-Ċina taċċetta d-deċiżjoni tat-tribunal; iħeġġeġ lill-partijiet sabiex ifittxu li tinstab soluzzjoni paċifika tat-tilwimiet abbażi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali skont l-UNCLOS; isostni l-isforzi tal-Stati Membri tal-ASEAN biex jaħdmu favur il-konklużjoni rapida ta' Kodiċi ta' Kondotta effikaċi fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar;

7.  Jiddispjaċih bl-azzjonijiet bħar-rivendikazzjoni estensiva tal-artijiet u t-tqegħid ta' installazzjonijiet militari u arsenali militari fuq artijiet rivendikati, li joħolqu r-riskji ta' militarizzazzjoni tal-kunflitt; jesprimi tħassib serju bl-infiq dejjem ikbar għad-difiża fir-reġjun u fil-żona tal-madwar tiegħu u bil-militarizzazzjoni dejjem ikbar tal-kunflitti, partikolarment fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fil-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant; josserva li l-UE jmissha tkompli ssostni l-żvilupp ta' relazzjonijiet paċifiċi bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi ġirien fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar permezz ta' mekkaniżmi multilaterali inklużivi; isostni l-azzjonijiet kollha intiżi biex il-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar isir "baħar tal-paċi u tal-kooperazzjoni"; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw rigorożament il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi; jinsisti fuq l-importanza tan-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva, speċjalment fid-dawl tal-aħħar żviluppi fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea;

8.  Isostni s-sħubija UE-ASEAN fil-qasam tas-sigurtà u l-kondiviżjoni ta' esperjenzi u l-aħjar prattiki fuq kotra ta' kwistjonijiet ta' sigurtà prinċipalment mhux konvenzjonali fid-dawl tal-intensifikazzjoni tal-kapaċitajiet reġjonali, b'attenzjoni partikolari tingħata lit-tisħiħ tad-djalogu u tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima, il-piraterija, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u s-sostenn favur il-kooperazzjoni bejn l-Europol u l-Pulizija Inter-ASEAN (l-Aseanapol), il-ġlieda kontra t-terroriżmu, iċ-ċibersigurtà, is-sigurtà tal-klima, il-miżuri ta' tisħiħ tal-fiduċja, id-diplomazija preventiva u l-medjazzjoni, il-ġestjoni tal-kriżijiet, l-attività ta' preparazzjoni għad-diżastri u s-sokkors kif ukoll l-assistenza umanitarja; isostni kontribut u involviment akbar min-naħa tal-UE fl-ARF;

9.  Jilqa' favorevolment l-iżvolġiment tat-Tielet Djalogu ta' Livell Għoli UE-ASEAN dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tas-Sigurtà Marittima fit-Tajlandja tal-15 u s-16 ta' Settembru 2016, li matulu ġew identifikati u proposti l-oqsma ta' kooperazzjoni konkreta futuri bejn l-ASEAN u l-UE fis-settur tas-sigurtà marittima u tad-diplomazija preventiva; jistenna b'interess il-konvokazzjoni tar-Raba' Djalogu ta' Livell Għoli UE-ASEAN dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tas-Sigurtà Marittima previst fl-2017 fil-Filippini;

10.  Itenni s-sostenn tal-UE għaċ-ċentralità tal-ASEAN u għar-rwol importanti tagħha fil-promozzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni għall-paċi, is-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità fir-reġjun Asja-Paċifiku u lil hinn; jappella li jinħolqu mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim operattivi u effiċjenti, kif previst fil-Kapitolu 8 tal-Karta tal-ASEAN u fil-Protokoll tagħha tal-2010, inklużi miżuri u regolamentazzjonijiet ġuridikament vinkolanti; jiġbed l-attenzjoni fuq l-esperjenza miksuba f'40 sena fil-kontinent Ewropew bis-saħħa ta' approċċ rigward is-sigurtà li, flimkien mad-dimensjoni politika u militari, ħaddan anki d-dimensjoni ekonomika, ambjentali u umana; jinsab konvint li din l-esperjenza tista' tiġi sfruttata fil-qafas tal-isforzi tal-ASEAN għal żvilupp paċifiku tar-reġjun; jissottolinja l-interess tal-UE f'involviment aktar qawwi fir-reġjun fil-qafas tal-proċessi kollha mmexxija mill-ASEAN;

11.  Jissottolinja l-esperjenza partikolari tal-UE fl-iżvilupp istituzzjonali, fis-suq uniku, fil-konverġenza regolatorja, fil-ġestjoni tal-kunflitti u tal-kriżijiet, fis-sigurtà marittima, fil-medjazzjoni, fl-assistenza umanitarja u fis-sokkors f'każ ta' diżastri, kif ukoll il-progress reċenti tagħha fil-qasam tal-integrazzjoni fis-settur tad-difiża u l-esperjenza pożittiva tagħha f'dik li hija definizzjoni ta' normi f'livell reġjonali u ta' arkitettura reġjonali soda fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, flimkien mar-rieda tagħha li taqsam din l-esperjenza meta tkun ta' siwi; jenfasizza n-negozjati bejn l-UE u l-ASEAN dwar il-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru (CATA) u l-aġenda ta' konnettività usa'; josserva li fil-perjodu 2014-2020 nofs l-assistenza finanzjarja tal-UE għall-ASEAN hija ddedikata għas-sostenn tal-konnettività tal-ASEAN;

12.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' impenn f'livell multilaterali mal-ġurisdizzjonijiet l-oħrajn tar-reġjun, fosthom il-pajjiżi osservaturi tal-ASEAN jiġifieri Papua New Guinea u Timor Leste, kif ukoll iċ-Ċina, il-Ġappun u t-Tajwan;

13.  Jemmen li mil-lat ġeopolitiku hemm raġunijiet tajbin ħafna biex ikun sostnut l-issuktar tan-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles reġjonali UE-ASEAN u jilqa' favorevolment il-konklużjonijiet tal-laqgħa reċenti bejn il-Kummissarji Ewropew għall-Kummerċ, Cecilia Malmström, u l-Ministri tal-Ekonomija tal-pajjiżi tal-ASEAN li saret biex tivvaluta din il-possibilità, kif ukoll il-miżuri li ttieħdu bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv finali ta' ftehim interreġjonali; jinkoraġġixxi, mil-lat strateġiku, l-isforzi kollha intiżi li jeżaminaw l-għażliet biex ikunu konklużi ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-pajjiżi kollha tal-ASEAN; ifakkar li l-ASEAN tirrappreżenta t-tielet sieħeb kummerċjali tal-UE li jinsab barra mill-Ewropa u li l-UE hija t-tieni sieħeb kummerċjali tal-ASEAN;

14.  Jisħaq fuq il-fatt li l-impriżi nazzjonali u barranin li joperaw fil-pajjiżi tal-ASEAN jeħtiġilhom japplikaw il-prinċipji tar-responsabilità soċjali tal-kumpaniji (CSR); iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-ASEAN jaċċertaw li d-drittijiet soċjali, ambjentali u tal-ħaddiema jkunu totalment rispettati; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-konvenzjonijiet tal-ILO u r-rispett tal-istandards fundamentali fil-qasam tax-xogħol; jistieden lill-ASEAN u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw b'mod effettiv il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, jippromwovu ħarsien xieraq tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet ta' xogħol dinjitużi kif ukoll joħolqu ambjent li jkun aktar favorevoli għall-iżvilupp tat-trade unions; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jużaw l-istrumenti kollha disponibbli biex isaħħu r-rispett ta' dak imsemmi hawn fuq; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-bżonn li tkun garantita l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' xogħol furzat jew obbligatorju u ta' tħaddim tat-tfal;

15.  Jistieden lill-kumpaniji Ewropej jinvestu fir-reġjun tal-ASEAN biex jibqgħu leali għar-responsabilitajiet soċjali tal-kumpaniji u jirrispettaw l-istandards Ewropej fil-qasam tad-drittijiet tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u ambjentali, kif ukoll isostnu d-drittijiet tal-popolazzjonijiet indiġeni;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw djalogu soċjali istituzzjonalizzat bejn il-Forum taċ-Ċittadini Asja-Ewropa (AEPF) u l-istrutturi korrispondenti tas-soċjetà ċivili fl-UE;

17.  Josserva li l-ASEAN iddikjarat li adottat approċċ orjentat u inċentrat fuq il-persuni, u li l-leġittimità u r-rilevanza tal-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali, kemm fl-UE kif ukoll fl-ASEAN, jiddependu mill-kapaċità li jkunu assoċjati ma' dan il-proċess l-ogħla numru possibbli ta' partijiet interessati u li jkunu kkomunikati r-riżultati miksuba minnu; Iqis il-kuntatti interpersonali, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, bħala strument importanti ħafna ta' skambju kulturali, u jitlob tkabbir konsiderevoli tal-faċilità ta' Erasmus+ għall-ASEAN; jissottolinja li hemm ħafna lok fil-pajjiżi tal-ASEAN għat-taħriġ professjonali u jenfasizza l-prospettivi ta' kooperazzjoni fl-ambitu tas-sistema ta' taħriġ dupliċi adottat minn ċerti Stati Membri tal-UE; iħeġġeġ ukoll l-iżvilupp ta' attivitajiet ta' diplomazija kulturali konformement mal-komunikazzjoni ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali" u mar-rapport reċenti tal-Parlament dwar is-suġġett; jenfasizza l-funzjoni importanti tal-Fondazzjoni Asja-Ewropa u jemmen li jenħtieġ li jiġi estiż l-appoġġ għall-ħidma tagħha;

18.  Jissottolinja l-kunċett skont liema l-iskambji u l-kooperazzjoni strutturati f'livell reġjonali u lokali (ġemellaġġi bejn bliet) joffru strument interessanti biex tissaħħaħ l-esperjenzi prattiċi reċiproċi u jiġbed l-attenzjoni fuq inizjattivi konkreti bħall-Patt tas-Sindki u l-memorandum ta' qbil Under2, li jenħtieġ li jkunu promossi attivament;

19.  Jissuġġerixxi li l-anniversarju tar-relazzjonijiet ASEAN-UE ta' din is-sena jiġi ċċelebrat b'inizjattiva tal-UE għal programm ta' skambju ta' mexxejja żgħażagħ bejn l-UE u l-ASEAN, li għandha ssir taħt il-presidenza tal-ASEAN ta' Singapore fl-2018; jissuġġerixxi, f'każ li tirnexxi, li jinħoloq forum annwali biex jippermetti lill-mexxejja żgħażagħ tal-UE u tal-ASEAN jiskambjaw ideat u jibnu relazzjonijiet biex jkunu sostnuti r-relazzjonijiet UE-ASEAN fil-futur; jissuġġerixxi wkoll li tkun eżaminata, flimkien mas-sħab tal-ASEAN, il-possibilità prattika ta' finanzjament reċiproku tal-istituti ta' riċerka jew tal-programmi akkademiċi, li l-iskop tagħhom ikun dak li jistudjaw il-proċessi ta' integrazzjoni u l-esperjenzi ta' dawn il-proċessi fir-reġjuni sħab rispettivi;

20.  Jissottolinja l-bżonn li jkunu promossi l-ugwaljanza tal-ġeneru u l-emanċipazzjoni tan-nisa kif ukoll li titjieb il-ħajja tan-nisa u tal-bniet; jenfasizza li l-aċċess għall-edukazzjoni hija għaldaqstant essenzjali u jaf iwassal għal trasformazzjoni soċjali u ekonomika;

21.  Jisħaq fuq il-fatt li l-UE jmissha wkoll tintensifika d-djalogi politiċi u l-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet bħad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi etniċi u reliġjużi, u fuq kwistjonijiet ta' interess komuni fosthom l-Istat tad-dritt u s-sigurtà, il-ħarsien tal-libertà ta' espressjoni u taċ-ċirkolazzjoni libera tal-informazzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali, il-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni, id-diżarm, is-sigurtà marittima u ċ-ċibersigurtà;

22.  Jilqa' favorevolment l-iżvolġiment tal-ewwel djalogu politiku UE-ASEAN dwar id-drittijiet tal-bniedem f'Ottubru 2015 u jistenna b'interess djalogi ulterjuri ta' dan it-tip; huwa mħasseb ħafna bil-fatt li d-demokrazija qiegħda titnaqqar u d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi qegħdin jinkisru u bir-repressjoni u bid-diskriminazzjoni kontinwi fil-pajjiżi tar-reġjun, kif ukoll minħabba l-inkapaċità li jingħata spazju suffiċjenti lir-rifuġjati u lill-apolidi jew lis-soċjetà ċivili, partikolarment lill-attivisti għad-difiżi tal-ambjent, tad-drittijiet għall-art u tad-drittijiet tal-ħaddiema, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-operaturi tal-mezzi tal-komunikazzjoni; iwissi li l-inkapaċità li jkunu affrontati dawn il-kwistjonijiet marbuta mal-emarġinazzjoni tal-minoranzi taf tipperikola s-sostenibilità u s-suċċess fit-tul tal-ASEAN; jiddeplora l-fatt li l-atteġġjament repressiv fil-konfront ta' min jagħmel użu ta' droga rriżulta f'telf kbir ta' ħajjiet u qtil extraġudizzjarji; jenfasizza l-bżonn li tkun responsabilizzata s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-ASEAN billi tkun żgurata konsultazzjoni sinifikattiva tal-NGOs u tal-movimenti ta' bażi fil-kuntest tad-definizzjoni tal-politiki reġjonali;

23.  Huwa mħasseb bl-intoppi fir-rigward tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fir-reġjun u jistieden lill-pajjiżi kollha tal-ASEAN jastjenu milli jerġgħu jdaħħlu l-piena tal-mewt u jirrispettaw l-obbligi internazzjonali; jilqa' pożittivament l-isforzi li saru fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u x-xogħol furzat u jistieden lill-gvernijiet kollha jintensifikaw il-protezzjoni tal-vittmi u l-kooperazzjoni transnazzjonali;

24.  Jistieden lill-ASEAN tgħammar lill-AICHR b'riżorsi adegwati; jittama li fil-pjan ta' ħidma ta' ħames snin tal-AICHR ikunu inklużi objettivi u miżuri speċifiċi u verifikabbli u li l-mandat tagħha tissaħħaħ biex tkun tista' attivament timmonitorja, tinvestiga, tistitwixxi proċedimenti ġudizzjarji kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tipprevenihom; jinkoraġġixxi l-AICHR tqis u tiddiskuti t-twaqqif ta' Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem komplementari fl-ambitu tal-ASEAN, fuq il-falzariga ta' dawk eżistenti f'reġjuni oħrajn tad-dinja;

25.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jfittxu l-opportunitajiet kollha ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-ASEAN għat-tisħiħ tad-demokrazija; isostni l-ħidma tal-uffiċċju responsabbli mill-Inizjattiva għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-ambitu tal-Istrument ta' Djalogu Reġjonali UE-ASEAN, li timmira li tagħmel pubbliċi l-kwistjonijiet u l-azzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem u tissensibilizza dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-ASEAN jirratifikaw il-konvenzjonijiet tan-NU l-oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi relatati kif ukoll l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u jsostnu inizjattivi għall-ġustizzja tranżizzjonali, ir-rikonċiljazzjoni u l-ġlieda kontra l-impunità fir-reġjun kollu;

26.  Huwa mħasseb bil-fatt li miljun apolidu jirrisjedu fl-Istati Membri tal-ASEAN; josserva li r-Rohingya tal-Myanmar/Burma jikkostitwixxu l-akbar grupp ta' apolidi tad-dinja, bi 'l fuq minn miljun persuna fil-qafas tal-mandat tal-UNHCR dwar l-apolidija, u li komunitajiet imdaqqsin ta' apolidi jinsabu wkoll fil-Brunei, fil-Vjetnam, fil-Filippini, fit-Tajlandja, fil-Malasja u fi bnadi oħra; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-ASEAN jikkollaboraw bejniethom u jikkondividu l-eżempji u l-isforzi tajbin biex itemmu l-apolidija fir-reġjun kollu kemm hu;

27.  Jirrikonoxxi l-importanza tar-rwol tal-UE fil-progress li sar s'issa mill-pajjiżi tal-ASEAN u jistieden lill-UE żżomm dejjem miftuħ id-djalogu bil-għan li r-reġjun jiġi sostnut fi triqtu lejn id-demokratizzazzjoni, l-iżvilupp u l-integrazzjoni;

28.  Huwa mħasseb li t-tibdil fil-klima se jkollu impatt kbir fuq l-ASEAN; ifakkar li r-reġjun tal-ASEAN jibqa' wieħed mill-aktar vulnerabbli għal dawn il-fenomeni; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-ASEAN iħaffu t-tranżizzjoni lejn ekonomiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u jnaqqsu malajr id-deforestazzjoni, irażżnu b'mod effikaċi n-nirien fil-foresti u jadottaw teknoloġiji aktar ekoloġiċi għat-trasport u l-bini; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-UE dwar djalogu speċifiku ġdid bejn l-UE u l-ASEAN dwar l-iżvilupp sostenibbli; josserva, f'dan il-kuntest, is-sostenn tal-UE għall-attività ta' tneħħija tal-munizzjon mhux splodut f'ċerti pajjiżi tar-reġjun; iħeġġeġ kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN fil-qasam tat-turiżmu sostenibbli, tas-sigurtà tal-ikel u tal-ħarsien tal-bijodiversità, partikolarment l-iskolji tal-qroll u l-mangrovji, kif ukoll azzjonijiet li jindirizzaw b'mod effikaċi l-isfruttament eċċessiv tas-sajd fir-reġjun; jenfasizza l-bżonn li tingħata assistenza lill-pajjiżi tal-ASEAN biex itejbu l-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità u r-riabilitazzjoni sistematika tal-ekosistemi forestali; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-ASEAN jagħmlu sforzi biex itejbu l-kapaċità tagħha ta' reazzjoni f'każ ta' diżastru naturali, fil-qafas tal-Ftehim tal-ASEAN dwar il-Ġestjoni tad-Diżastri u r-Reazzjoni għal Emerġenza (AADMER);

29.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħtu prijorità adegwata lill-frekwenza intensiva tal-kuntatti politiċi, primarjament fil-livell ministerjali, u jisfruttaw totalment l-opportunitajiet billi jikkollaboraw mal-Istat Membru tal-ASEAN responsabbli mill-koordinament tar-relazzjonijiet ta' djalogu tal-ASEAN mal-UE u tal-presidenza tal-ASEAN; ifakkar fit-talbiet li saru għal assemblea parlamentari UE-ASEAN interreġjonali u jħeġġeġ li jsir rikors akbar għad-diplomazija pubblika parlamentari f'diversi ambitu politiċi; jinsisti, sadanittant, fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-Assemblea Interparlamentari tal-ASEAN (AIPA) permezz tal-iskambji strutturati u perjodiċi; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jisfruttaw ukoll l-opportunitajiet ta' skambji intensivi dwar il-kwistjonijiet reġjonali li joffri l-forum ta' djalogu annwali ta' Shangri-La;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Assemblea Interparlamentari ASEAN, lis-Segretarjat tal-ASEAN u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-ASEAN.

(1) ĠU C 85, 8.4.1980, p. 83.
(2)ĠU L 154, 15.6.2012, p. 1.
(3)ĠU C 482, 23.12.2016, p. 75.
(4)Testi adottati, P8_TA(2016)0276.
(5)Testi adottati, P8_TA(2015)0468.
(6)Testi adottati, P8_TA(2015)0467.
(7)Testi adottati, P8_TA(2016)0262.
(8)Testi adottati, P8_TA(2016)0263.
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0351.
(10) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 52.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0506
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0316.
(13) Testi adottati, P8_TA(2017)0348
(14) Testi adottati, P8_TA(2016)0274.
(15) Testi adottati, P8_TA(2015)0413.
(16) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 144.
(17) Testi adottati, P8_TA(2016)0380.
(18) Testi adottati, P8_TA(2015)0343
(19) Testi adottati, P8_TA(2015)0465.
(20) Testi adottati, P8_TA(2017)0002.
(21) Testi adottati, P8_TA(2017)0269
(22) Testi adottati, P8_TA(2016)0349.
(23) Testi adottati, P8_TA(2017)0088.
(24) Testi adottati, P8_TA(2017)0350.

Avviż legali