Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2801(RPS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0542/2017

Testi mressqa :

B8-0542/2017

Dibattiti :

PV 03/10/2017 - 15
CRE 03/10/2017 - 15

Votazzjonijiet :

PV 04/10/2017 - 9.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0376

Testi adottati
PDF 346kWORD 53k
L-Erbgħa, 4 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Oġġezzjoni għal att ta' implimentazzjoni: Kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni ta' proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali
P8_TA(2017)0376B8-0542/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali (D048947/06 – 2017/2801(RPS))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 billi jistabbilixxi l-kriterji xjentifiċi biex jiġu ddeterminati sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali (D048947/06) ("abbozz ta' regolament"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 78(1)(a) tiegħu, it-tieni paragrafu tal-punt 3.6.5. u l-punt 3.8.2 tal-Anness II tiegħu,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2015(2), u b'mod partikolari l-paragrafi 71 u 72 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar interferenti endokrinali: is-sitwazzjoni attwali wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2015(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar l-interferenti endokrinali u l-abbozz tal-atti tal-Kummissjoni li jistabbilixxu l-kriterji xjentifiċi sabiex dawn jiġu ddeterminati fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u l-prodotti bijoċidali (COM(2016)0350),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf li saret fi Brussell fit-28 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-interferenti endokrinali(4).

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(5),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, bi qbil mal-punt 3.8.2 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, sustanza attiva għandha tiġi approvata biss jekk ma titqiesx li għandha sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali li jistgħu jikkawżaw effetti negattivi fuq organiżmi mhux fil-mira, ħlief jekk l-espożizzjoni tal-organiżmi mhux fil-mira għal dik is-sustanza attiva fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti f'kondizzjonijiet proposti realistiċi ta' użu tkun negliġibbli (il-kriterju ta' limitu għall-ambjent);

B.  billi, bi qbil mat-tieni paragrafu tal-punt 3.6.5 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali abbozz tal-miżuri li jirrigwardaw kriterji xjentifiċi speċifiċi biex ikunu ddeterminati dawk is-sustanzi li jħarbtu s-sistema endokrinali sal-14 ta' Diċembru 2013;

C.  billi l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali esprima opinjoni pożittiva dwar l-abbozz ta' regolament fl-4 ta' Lulju 2017, bi tliet Stati Membri jivvotaw kontra u erba' Stati Membri jastjenu;

D.  billi l-aħħar paragrafu tal-abbozz ta' regolament jistipula li "jekk il-modalità tal-azzjoni għall-protezzjoni tal-pjanti prevista tas-sustanza attiva li tkun oġġett tal-valutazzjoni, tkun tikkonsisti fil-kontroll tal-organiżmi fil-mira għajr il-vertebrati permezz tas-sistemi endokrinali tagħhom, l-effetti fuq l-organiżmi tal-istess filu tassonomiku bħal dak fil-mira, ma għandhomx jiġu kkunsidrati għall-identifikazzjoni tas-sustanza bħala li għandha sustanzi li jħarbtu s-sistema endokrinali fir-rigward tal-organiżmi mhux fil-mira";

E.  billi l-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha fil-kawża T-521/14 b'mod ċar iddikjarat li ‘la spécification des critères scientifiques pour la détermination des propriétés perturbant le système endocrinien ne peut se faire que de manière objective, au regard de données scientifiques relatives audit système, indépendamment de toute autre considération, en particulier économique’(6) (punt 71);

F.  billi mhuwiex xjentifiku li teskludi sostanza b'modalità ta' azzjoni endokrinali intenzjonata milli tkun identifikata bħala interferent endokrinali għal organiżmi mhux fil-mira;

G.  billi l-abbozz ta' regolament ma jistax għalhekk jitqies li hu bbażat fuq data xjentifika oġġettiva relatata mas-sistema endokrinali, kif rikjest mill-Qorti; billi l-Kummissjoni għalhekk marret lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha;

H.  billi l-intenzjoni attwali ta' dan l-aħħar paragrafu hu spjegat b'mod ċar fir-rapport ta' sinteżi tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf li saret fi Brussell fit-28 ta' Frar 2017, li jiddikkjara li "barra minn hekk, ġiet spjegata r-raġuni għad-dispożizzjoni dwar sustanzi attivi b'modalità ta' azzjoni endokrinali intenzjonata (aktar 'l isfel imsejħa regolaturi tat-tkabbir (GR)). [...] Id-dispożizzjoni dwar il-GR tippermetti li kriterji ta' limitu mhux se jkunu applikati għal sustanzi b'modalità ta' azzjoni endokrinali intenzjonata [...]";

I.  billi dan l-aħħar paragrafu effettivament joħloq deroga mill-kriterju ta' limitu imniżżel fil-punt 3.8.2 tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

J.  billi jidher ċar mill-premessi 6 sa 10 u mill-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 li l-leġiżlatura, meta kienet qed tindirizza l-kwistjoni kumplessa tal-iffissar tar-regoli dwar l-approvazzjoni ta' sustanzi attivi, kellha tfittex bilanċ delikat bejn l-objettivi differenti u potenzjalment kunfliġġenti fosthom il-produzzjoni agrikola u s-suq intern, fuq naħa waħda, u l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent, fuq in-naħa l-oħra;

K.  billi l-Qorti Ġenerali ddikjarat dan li ġej fis-sentenza msemmija hawn fuq: ‘Dans ce contexte, il importe de relever que, en adoptant le règlement n° 528/2012, le législateur a procédé à une mise en balance de l’objectif d’amélioration du marché intérieur et de celui de la préservation de la santé humaine, de la santé animale et de l’environnement, que la Commission se doit de respecter et ne saurait remettre en cause [...]. Or, dans le cadre de la mise en œuvre des pouvoirs qui lui sont délégués par le législateur, la Commission ne saurait remettre en cause cet équilibre, ce que cette institution a d’ailleurs en substance admis lors de l’audience’(7) (punt 72);

L.  billi dan kien rikonfermat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016, fejn enfasizza li "l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ispeċifikazzjoni ta' kriterji xjentifiċi jistgħu biss jitwettqu b'mod oġġettiv abbażi ta' data xjentifika rigward is-sistema endokrinali, indipendentement minn kwalunkwe konsiderazzjoni oħra, b'mod partikolari konsiderazzjonijiet ekonomiċi, u li l-Kummissjoni ma tistax tbiddel il-bilanċ regolatorju stipulat f'att bażiku permezz tal-applikazzjoni tas-setgħat delegati lilha skont l-Artikolu 290 [tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)]";

M.  billi l-istess limitazzjonijiet ta' setgħa japplikaw għall-Kummissjoni fil-kuntest ta' att ta' implimentazzjoni skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju;

N.  billi, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2016, "il-kwistjoni li qed tiffaċċja l-Kummissjoni waqt dan l-eżerċizzju hija li tistabbilixxi kriterji għad-determinazzjoni ta' x'inhu jew x'mhuwiex interferent endokrinali għall-finijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-prodotti bijoċidali — mhux li tiddeċiedi kif tirregola dawn is-sustanzi. Il-konsegwenzi regolatorji diġà ġew stabbiliti mil-leġiżlatur fil-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (2009) u tal-prodotti bijoċidali (2012)";

O.  billi l-kriterju ta' limitu stabbilit fil-punt 3.8.2. tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jikkostitwixxi element essenzjali tar-regolament;

P.  billi, skont il-każistika li ilha teżisti, l-adozzjoni ta' elementi regolatorji li huma essenzjali għal kwistjoni partikolari hija riżervata għal-leġiżlatur tal-Unjoni u ma tistax tiġi ddelegata lill-Kummissjoni;

Q.  billi l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha billi mmodifikat element regolatorju fundamentali tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, kontra r-rikonoxximent tal-limiti tas-setgħat tagħha fis-smigħ quddiem il-Qorti fil-Kawża T-521-14, kontra l-asserzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2016 u kontra l-prinċipju fundamentali tal-Unjoni tal-istat tad-dritt.

R.  billi, anke li kieku l-iżviluppi fl-għarfien xjentifiku u tekniku kellhom jipprovdu raġunijiet validi biex tiddaħħal deroga f'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta' sustanzi b'modalità ta' azzjoni endokrinali intenzjonata, tali deroga tista' tiddaħħal biss permezz ta' proċedura leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 bi qbil mal-Artikolu 294 tat-TFUE;

1.  Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

2.  Iqis li dan l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni pprovduti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament tagħha u tippreżenta wieħed ġdid lill-kumitat mingħajr dewmien;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni temenda l-abbozz ta' regolament billi tħassar l-aħħar paragrafu tiegħu;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2015, L-Iżvezja vs Il-Kummissjoni, T-521/14, ECLI:EU:T:2015:976.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0270.
(4)4 ĠU C 36, 29.1.2016, p. 85.
(5) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(6) Minħabba li l-kawża tal-Qorti T-521/14 hija disponibbli biss bil-Franċiż u bl-Iżvediż, il-verżjoni Maltija tat-test hi pprovduta mis-servizzi tat-traduzzjoni tal-Parlament Ewropew: "l-ispeċifikazzjoni tal-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tas-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali ma tistax issir ħlief b'mod oġġettiv, fid-dawl ta' data xjentifika relattiva għal dik is-sistema, indipendentement minn kull kunsiderazzjoni oħra, partikolarment dik ekonomika".
(7) Minħabba li l-kawża tal-Qorti T-521/14 hija disponibbli biss bil-Franċiż u bl-Iżvediż, il-verżjoni Maltija tat-test hi provduta mis-servizzi tat-traduzzjoni tal-Parlament Ewropew:"F'dan il-kuntest hu importanti li jiġi nnutat li, meta kien qed jadotta r-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-leġiżlatur kkunsidra l-objettiv li ttejjeb is-suq intern u li jipproteġi s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent, li l-Kummissjoni jeħtieġ li tirrispetta u ma tistax tikkontesta [...]. Fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur, il-Kummissjoni ma tistax tikkuntesta dak il-bilanċ, fatt li, barra minn hekk, dik l-istituzzjoni kienet aċċettat fis-sustanza matul is-smigħ".

Avviż legali