Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2620(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0534/2017

Testi mressqa :

B8-0534/2017

Dibattiti :

PV 03/10/2017 - 13
CRE 03/10/2017 - 13

Votazzjonijiet :

PV 04/10/2017 - 9.13
CRE 04/10/2017 - 9.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0380

Testi adottati
PDF 428kWORD 68k
L-Erbgħa, 4 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu
Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2017 f'Bonn, il-Ġermanja
P8_TA(2017)0380B8-0534/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2017 f'Bonn, il-Ġermanja (COP 23) (2017/2620(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21 u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-UNFCCC, kif ukoll il-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra t-18-il Konferenza tal-Partijiet (COP18) tal-UNFCCC u t-8 Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP8), li saru f'Doha, il-Qatar, mis-26 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2012, u l-adozzjoni ta' emenda għall-Protokoll li tistabbilixxi t-tieni perjodu ta' impenn li jibda fl-1 ta' Jannar 2013 u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020,

–  wara li kkunsidra li l-perjodu tal-ftuħ għall-iffirmar tal-Ftehim ta' Pariġi fil-kwartieri ġenerali tan-NU fi New York infetaħ fit-22 ta' April 2016, u l-fatt li dan baqa' miftuħ sal-21 ta' April 2017, u l-fatt li 195 Stat iffirmaw il-Ftehim ta' Pariġi filwaqt li 160 Stat iddepożitaw l-istrumenti għar-ratifika tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-22 Konferenza tal-Partijiet (COP22) tal-UNFCCC u l-1 Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMA1) li saru f'Marrakech, il-Marokk, mill-15 ta' Novembru sat-18 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Konferenza 2016 tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima f'Marrakech, il-Marokk (COP22)(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2016 bit-titolu "L-aċċelerazzjoni tat-transizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju" (COM(2016)0500),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu"Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Frar 2016, tat-30 ta' Settembru 2016 u tat-23 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Kontributi Maħsubin Determinati fil-Livell Nazzjonali (INDCs) tal-UE u l-Istati Membri tagħha, ippreżentati lill-UNFCCC fis-6 ta' Marzu 2015 mil-Latvja u l-Kummissjoni Ewropea f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha,

–  wara li kkunsidra l-ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) u r-Rapport ta' Sinteżi tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Programm tan-NU għall-Ambjent (UNEP) ta' Novembru 2016 bit-titolu "The Emissions Gap Report 2016" (Ir-Rapport tal-2016 dwar id-Distakk f'Termini ta' Emissjonijiet) u l-"Adaptation Gap Report 2016" (Rapport tal-2016 dwar id-Distakk f'Termini ta' Adattament) tiegħu;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja adottata fis-Summit tal-G7 li sar fi Schloss Elmau, il-Ġermanja, mis-7 sat-8 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Think ahead. Act together " (Naħsbu 'l quddiem. Naġixxu flimkien), li fih il-mexxejja tal-G7 tennew l-intenzjoni tagħhom li jżommu mal-impenn li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'40 - 70 % sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-2010, minħabba li dan hu neċessarju biex jiġi żgurat li t-tnaqqis ikun eqreb lejn is70 % milli lejn l-40 %,

–  wara li kkunsidra l-Communiqué tal-Mexxejja tal-G7 tal-2017, u b'mod partikolari l-Communiqué tal-Ministri tal-Ambjent tal-G7 ta' Bologna,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni mħabbra mill-President tal-Istati Uniti dwar l-irtirar tal-Istati Uniti mill-Ftehim ta' Pariġi,

–  wara li kkunsidra l-enċiklika tal-Papa Franġisku "Laudato Si",

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-Konferenza tan-NU tal-2017 dwar it-Tibdil fil-Klima (COP23) f'Bonn , il-Ġermanja (O-0000068/2017 – B8-0329/2017 u O-000069/2017 – B8-0330/2017,)

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ftehim ta' Pariġi daħal fis-seħħ fl-4 ta' Novembru 2016 u billi 160 mill-197 Parti għall-Konvenzjoni ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni man-NU (sat-8 ta' Settembru 2017);

B.  billi l-proposta għal riforma ta' Lulju 2015 dwar l-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (ETS) u l-proposti tal-pakkett dwar il-klima ta' Lulju 2016 (li jkopru l-kondiviżjoni tal-isforz, l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) kif ukoll l-istrateġija Ewropea għal mobilità b'emissjonijiet baxxi) huma l-istrumenti prinċipali biex jintlaħqu dawn l-impenji u tkun riaffermata l-pożizzjoni tal-UE bħala mexxej dinji fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

C.  billi l-isforzi biex jittaffa t-tisħin globali m'għandhomx jitqiesu bħala ostakolu biex jinkiseb tkabbir ekonomiku, iżda, anzi, għandhom jitqiesu bħala forza ewlenija fit-twettiq ta' tkabbir u ta' impjieg ġodda u sostenibbli;

D.  billi l-aktar effetti gravi tat-tibdil fil-klima se jinħassu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, li ma għandhomx biżżejjed riżorsi biex jippreparaw ruħhom u jadattaw għat-tibdil li qed iseħħ; billi skont il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), l-Afrika hija partikolarment vulnerabbli għall-isfida maħluqa mit-tibdil fil-klima u hi partikolarment esposta għall-istress idriku, għall-fenomeni meteoroloġiċi estremament vjolenti u għall-insigurtà alimentari kaġun tan-nixfa u tad-deżertifikazzjoni;

E.  billi t-tibdil fil-klima jista' jżid il-kompetizzjoni għar-riżorsi, bħall-ikel, l-ilma, il-mergħat u jiggrava d-diffikultajiet ekonomiċi u l-instabbiltà politika, u aktarx jista', fil-ġejjieni mhux daqshekk imbiegħed, isir il-kawża prinċipali ta' spostamenti tal-popolazzjonijiet, kemm ġewwa kif ukoll lil hinn mill-fruntieri nazzjonali; billi l-kwistjoni tal-migrazzjoni minħabba l-klima għandha għalhekk titpoġġa fuq nett fl-aġenda internazzjonali;

F.  billi fis-6 ta' Marzu 2015, l-UE ppreżentat l-INDC tal-UE u tal-Istati Membri tagħha lill-UNFCCC, u b'hekk impenjat ruħha favur mira vinkolanti ta' mill-inqas 40 % ta' tnaqqis domestiku fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990;

G.  billi politika ambizzjuża ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima tista' toħloq tkabbir u impjiegi; billi, madankollu, xi setturi speċifiċi b'intensità għolja ta' karbonju u b'intensità kummerċjali għolja jistgħu jsofru minn rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju jekk swieq oħra ma jikkondividux l-istess l-ambizzjoni; billi hija għalhekk meħtieġa protezzjoni xierqa kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju biex ikunu protetti l-impjiegi f'dawn is-setturi speċifiċi;

1.  Ifakkar li t-tibdil fil-klima jikkostitwixxi waħda mill-aktar sfidi importanti għall-umanità u li l-Istati u l-atturi kollha madwar id-dinja jeħtieġ jagħmlu l-almu tagħhom biex jillimitaw il-problemi assoċjati; jenfasizza li l-Ftehim ta' Pariġi huwa pass importanti f'dik id-direzzjoni għalkemm għad fadal ħafna aktar xi jsir;

Bażi xjentifika għall-azzjoni klimatika

2.  Ifakkar li, skont il-provi xjentifiċi ppreżentati fir-Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC AR5 tal-2014, it-tisħin tas-sistema klimatika huwa inekwivoku, it-tibdil fil-klima qiegħed tabilħaqq iseħħ u l-attivitajiet tal-bniedem kienu l-kaġun dominanti tat-tisħin li ġie osservat minn-nofs is-seklu 20; jinsab imħasseb li l-impatti mifruxa u sostanzjali tat-tibdil fil-klima huma diġà evidenti fis-sistemi naturali u umani fil-kontinenti kollha u fl-oċeani;

3.  Jieħu nota tal-baġits globali tal-karbonju kif ippreżentati mill-IPCC fil-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni tiegħu, u jikkonkludi li l-issoktar bil-livelli attwali ta' emissjonijiet globali ta' gassijiet serra se jikkonsma l-baġit tal-karbonju li fadal li huwa konsistenti mal-limitazzjoni għal 1,5 °C ta' żieda fit-temperatura medja fid-dinja fl-erba' snin li ġejjin; jisħaq li l-pajjiżi kollha għandhom jaċċeleraw it-tranżizzjoni lejn emissjonijiet żero netti ta' gassijiet serra u ta' reżiljenza klimatika bi qbil mal-Ftehim ta' Pariġi sabiex jiġu evitati l-agħar impatti tat-tisħin globali;

4.  Itenni l-importanza li l-azzjoni klimatika globali tkun ibbażata fuq l-aqwa xjenza disponibbli u jilqa' d-Djalogu Faċilitattiv tal-2018 li jippreċedi l-iskadenza tal-UNFCCC 2020 qabel it-tressiq mill-ġdid tal-Kontributi Determinati fil-Livell Nazzjonali (NDCs) tal-2030, kif ukoll l-ewwel eżerċizzju ta' rendikont globali fl-2023 bħala opportunitajiet biex dan il-prinċipju jitqiegħed fil-prattika;

5.  Iħeġġeġ id-djalogu bejn l-esperti u l-partijiet tal-IPCC hekk kif qed jitħejjew u jiġu ppubblikati r-riżultati tas-sitt ċiklu ta' valutazzjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni li fl-2018 jiġi ppubblikat rapport speċjali tal-IPCC dwar l-impatti tat-tisħin globali ta' 1,5 ºC 'il fuq mil-livelli preindustrijali u l-perkorsi relatati mal-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra;

Il-Ftehim ta' Pariġi ratifika u implimentazzjoni tal-impenji

6.  Jilqa' l-pass mgħaġġel bħal qatt qabel tar-ratifiki u d-dħul fis-seħħ rapidu tal-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll id-determinazzjoni globali favur l-implimentazzjoni sħiħa u rapida tiegħu kif espress fil-Proklamazzjoni ta' Azzjoni ta' Marrakech; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jirratifikaw il-Ftehim malajr kemm jista' jkun;

7.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li fil-COP22 f'Marrakech il-partijiet kollha impenjaw ruħhom favur ħidma kontinwa abbażi tal-impenji ta' Pariġi indipendentement mill-bidliet fiċ-ċirkustanzi politiċi;

8.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu għad-dikjarazzjoni li saret mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump dwar l-intenzjoni tal-Istati Uniti tal-Amerika li jirtiraw mill-Ftehim ta' Pariġi; jiddispjaċih għaliex din id-deċiżjoni tirrappreżenta pass lura; jirrimarka li l-irtirar formali jista' jidħol fis-seħħ biss wara l-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti li jmiss fl-2020; jilqa' r-reazzjonijiet b'saħħithom mill-gvernijiet madwar id-dinja u l-appoġġ kontinwu u msaħħaħ favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Pariġi; jinnota b'sodisfazzjon l-impenji li ħadu xi stati, bliet u negozji tal-Istati Uniti biex ikomplu jonoraw l-impenji tal-Istati Uniti skont il-Ftehim ta' Pariġi;

9.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-partijiet ewlenin kollha kkonfermaw l-impenn tagħhom għall-Ftehim ta' Pariġi wara t-tħabbira tal-President Trump;

10.  Jisħaq li l-Ewropa trid issa tieħu r-riedni f'idejha fid-difiża tal-Ftehim ta' Pariġi sabiex jiġi żgurat il-futur kemm tal-ambjent kif ukoll tal-industriji tagħna; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-UE ser issaħħaħ is-sħubiji eżistenti u tfittex alleanzi ġodda;

11.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-progress rapidu li sar s'issa biex jiġi tradott l-impenn internazzjonali tal-UE f'leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi sistema robusta ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u jenfasizza l-intenzjoni tiegħu li jikkonkludi dan il-proċess leġiżlattiv sa tmiem l-2017;

12.  Jinsisti li, b'mod partikolari wara l-aħbar tal-President Trump, huwa importanti li jkun hemm dispożizzjonijiet xierqa fis-seħħ kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u li jkun żgurat li l-kumpaniji li huma fost dawk bl-aqwa prestazzjoni u li għandhom intensità għolja ta' karbonju u intensità kummerċjali għolja ser jiksbu l-kwoti li jeħtieġu mingħajr ħlas; jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-effikaċja u l-legalità ta' miżuri addizzjonali biex tipproteġi l-industrija f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, pereżempju l-aġġustament tat-taxxa fuq il-karbonju fil-fruntieri u t-tariffa tal-konsum, b'mod partikolari fir-rigward ta' prodotti li ġejjin minn pajjiżi li ma jissodisfawx l-impenji tagħhom skont il-Ftehim ta' Pariġi;

13.  Jisħaq l-impenji meħuda skont il-Ftehim ta' Pariġi biex tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura medja globali għal ferm inqas minn 2 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u li jitkomplew l-isforzi biex din tkun limitata għal 1,5 °C, kif ukoll jenfasizza li l-għan li jintlaħaq bilanċ bejn l-emissjonijiet antropoġeniċi mis-sorsi u l-assorbimenti ta' gassijiet serra mill-bjar ("emissjonijiet netti żero") fit-tieni nofs ta' dan is-seklu, abbażi tal-prinċipju ta' ekwità, jikkostitwixxi pass deċiżiv fl-isforz globali kollettiv lejn tranżizzjoni għal ekonomija globali reżiljenti u newtrali għat-tibdil fil-klima;

14.  Ifakkar li l-limitazzjoni taż-żieda fit-temperatura globali medja għal ferm inqas minn 2 °C mhijiex garanzija li se jiġu evitati impatti klimatiċi negattivi sinifikanti; jirrikonoxxi li l-wegħdiet attwali għadhom mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq, għalhekk, li l-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra għandhom jilħqu l-ogħla livell tagħhom mill-aktar fis possibbli u li l-partijiet kollha, speċjalment in-nazzjonijiet tal-G20 kollha, għandhom iżidu l-isforzi tagħhom u jaġġornaw l-NDCs tagħhom sal-2020 wara d-Djalogu Faċilitattiv tal-2018; ifakkar li l-emissjonijiet globali tal-karbonju jeħtieġ jiġu eliminati b'mod gradwali sal-2050; iqis li l-implimentazzjoni ta' politiki u miżuri biex ikunu ssodisfati u eventwalment superati l-NDCs għandha tkun prijorità nazzjonali għall-pajjiżi kollha u li dawn għandhom ikunu evalwati mill-ġdid kull ħames snin skont il-mekkaniżmu ta' ambizzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jirrikonoxxi, madankollu, li r-rigorożità u l-livell tal-ambizzjoni ta' strateġiji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ma jiddependux fuq il-preżentazzjoni ta' NDC aġġornat;

15.  Jistieden lill-partijiet kollha jiżguraw li l-NDCs tagħhom ikunu konsistenti ma' miri fit-tul skont l-għan fuq terminu twil dwar it-temperatura tal-Ftehim ta' Pariġi; jisħaq li l-ħidma fil-kuntest tar-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar l-impatt ta' 1,5 °C u l-perkorsi relattivi, kif ukoll il-konklużjonijiet tad-Djalogu ta' Faċilitazzjoni 2018, għandhom jiġu kkunsidrati; f'dan il-kuntest, ifakkar l-impenn tal-G7 biex tippreżenta sa nofs is-seklu, strateġiji ta' żvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' gassijiet serra ferm qabel l-iskadenza maqbula tal-2020; jesprimi r-rieda tiegħu li jipparteċipa bis-sħiħ fl-iżvilupp tal-istrateġija tal-UE fuq il-bażi tal-analiżi tal-Kummissjoni kif imħabbar fil-komunkazzjoni tagħha "Wara Pariġi" tat-2 ta' Marzu 2016 (COM(2016)0110);

16.  Jissottolinja r-responsabilità partikolari tal-ekonomiji prinċipali kollha li flimkien jammontaw għal tliet kwarti tal-emissjonijiet tad-dinja, u jqis li l-azzjoni klimatika għandha tkompli tkun suġġett ċentrali fil-G7 u l-G20, b'mod partikolari f'oqsma bħalma huma l-implimentazzjoni tal-NDC, strateġiji ta' nofs is-seklu, ir-riforma tas-sussidji fuq fjuwils fossili, id-divulgazzjoni dwar il-karbonju, l-enerġija nadifa u oħrajn; jenfasizza l-ħtieġa li jitkompla l-impenn ministerjali ta' ekonomiji ewlenin f'fora bħall-Forum Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa;

17.  Jistieden lill-UE timpenja lilha nnifisha favur aktar tnaqqis fl-emissjonijiet fl-NDC tagħha għall-2030 wara d-Djalogu ta' Faċilitazzjoni 2018;

18.  Jisħaq l-importanza li tintwera l-aderenza tal-UE mal-Ftehim ta' Pariġi, fost l-oħrajn bl-implimentazzjoni tal-ftehim permezz ta' leġislazzjoni tal-UE, inklużi l-adozzjoni rapida mill-koleġiżlaturi tal-UE tar-Regolament dwar l-Azzjoni Klimatika u r-reviżjoni tad-Direttiva tal-EU ETS, kif ukoll it-tisħiħ tal-għanijiet u tal-strumenti ta' politika tal-UE fil-ħin; ifakkar li l-partijiet kollha huma mistiedna jikkomunikaw mas-segretarjat UNFCCC, sal-2020, l-istrateġiji tal-iżvilulpp fuq terminu twil u sa nofs is-seklu ta' emissjonijiet baxxi ta' gassijiet serra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, sabiex tirrispetta l-obbligu tal-ftehim, biex tħejji permezz tal-COP24 strateġija għal emissjonijiet żero sa nofs is-seklu għall-UE, tipprovdi passaġġ kosteffikaċi lejn l-ilħuq tal-għan ta' emissjonijiet żero netti adottat fil-Ftehim ta' Pariġi, bl-għan li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew inqas minn 2 °C u li jitkomplew l-isforzi biex dan jiġi limitat għal 1,5 °C; iqis li dan il-proċess għandu jinbeda malajr kemm jista' jkun sabiex ikun jista' jsir dibattitu komprensiv, li fih il-Parlament Ewropew għandu jaqdi rwol kruċjali, fi sħubija mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll mas-soċjetà ċivili u mas-settur kummerċjali; ifakkar, madankollu, li azzjoni fil-livell tal-UE biss mhux se tkun sodisfaċenti u, għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jintensifikaw l-attivitajiet tagħhom maħsuba biex jinkoraġġixxu lis-sħab l-oħra jagħmlu l-istess;

19.  Jilqa' l-impenn tal-Ftehim ta' Pariġi li l-emissjonijiet globali netti jitnaqqsu għal żero matul it-tieni nofs tas-seklu; jirrikonoxxi li dan ifisser li ħafna mis-setturi fl-UE jridu jilħqu dan l-objettiv ferm qabel;

20.  Jemmen li għandu jsir progress fin-negozjati dwar l-elementi prinċipali tal-Ftehim ta' Pariġi, inkluż qafas ta' trasparenza msaħħaħ, dettalji dwar il-bilanċ globali, gwida ulterjuri fil-qasam tal-INDCs, fehim tad-differenzjazzjoni, tat-telf u tad-danni, il-finanzjament għall-klima u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, governanza inklużiva f'diversi livelli u mekkaniżmu maħsub biex jaġevola l-implimentazzjoni u jippromwovi l-konformità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrispettaw l-impenji maqbula fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi, speċjalment rigward il-kontribut tal-UE għall-mitigazzjoni u l-adattament kif ukoll l-appoġġ tagħha fl-oqsma tal-finanzjament, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-bini tal-kapaċità;

21.  Jisħaq li m'hemmx żmien x'jintilef fl-isforzi konġunti biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u jiġi onorat il-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza li l-UE għandha kemm il-kapaċità kif ukoll ir-responsabbiltà li tmexxi bl-eżempju u tibda minnufih il-ħidma ta' allinjament tal-objettivi tagħha dwar il-klima u l-enerġija mal-objettiv maqbul internazzjonalment dwar il-limitazzjoni taż-żieda fit-temperatura medja tal-pjaneta għal inqas minn 2 °C, filwaqt li tkompli bl-isforzi sabiex tillimita dik iż-żieda għal 1,5 °C;

22.  Ifakkar li tenħtieġ dekarbonizzazzjoni bikrija biex tintlaħaq il-mira ta' din it-temperatura medja globali u li l-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra jeħtieġ jilħqu l-livell massimu tagħhom mill-aktar fis possibbli; ifakkar li l-emissjonijiet globali għandhom jiġu eliminati b'mod gradwali sal-2050 jew ftit wara, sabiex id-dinja tinżamm fuq perkors kosteffikaċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kompatibbli mal-miri tat-temperatura stabbiliti fil-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-partijiet kollha li huma f'pożizzjoni li jagħmlu dan biex jaħdmu ħalli jintlaħqu l-miri u l-istrateġiji ta' dekarbonizzazzjoni nazzjonali billi jagħtu prijorità lill-eliminazzjoni gradwali tal-emissjonijiet mill-faħam, li huwa l-aktar sors niġġies tal-enerġija, u jistieden lill-UE taħdem mas-sħab internazzjonali tagħha għal dan l-għan, bl-għoti ta' eżempji ta' prattika tajba;

23.  Jilqa' l-inklużività tal-proċess tal-UNFCCC; iqis li sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni effikaċi jeħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kunflitti ta' interessi jew tal-interessi moħbija; f'dan il-kuntest, jitlob lill-parteċipanti kollha fil-proċess biex jistabbilixxu linji gwida jew proċeduri li jsaħħu l-ftuħ, it-trasparenza u l-inklużività mingħajr ma jkunu kompromessi l-għanijiet u l-objettivi tal-UNFCCC u l-Ftehim ta' Pariġi;

24.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jirratifikaw l-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto;

Il-COP 23 f'Bonn

25.  Jilqa' l-impenn li ttieħed f'Marrakech biex sal-2018 jitlesta l-programm ta' ħidma għat-tfassil ta' regoli ta' implimentazzjoni dettaljati dwar il-Ftehim ta' Pariġi; iqis li l-COP23 tikkostitwixxi pass fundamentali f'din il-ħidma teknika;

26.  Jistenna kjarifika dwar l-istruttura tad-Djalogu Faċilitattiv tal-2018 matul il-COP23, li se tkun opportunità importanti biex isir rendikont tal-progress magħmul lejn il-mira ta' mitigazzjoni tal-ftehim u jiġu indirizzati t-tħejjija u r-reviżjoni tal-NDCs tal-Partijiet sal-2020, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-ftehim; jemmen li l-UE għandha tiżvolġi rwol proattiv f'dan l-ewwel djalogu faċilitattiv sabiex isir rendikont tal-ambizzjoni kollettiva u tal-progress fit-twettiq tal-impenji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, ferm qabel id-djalogu faċilitattiv, jipproponu impenji ulterjuri ta' tnaqqis fil-gassijiet serra li jmorru lil hinn mill-impenji attwali fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi u jikkontribwixxu b'mod xieraq sabiex jingħalaq id-distakk fir-rigward tal-mitigazzjoni skont il-kapaċitajiet tal-UE;

27.  Ifakkar li t-tisħiħ tal-azzjoni ta' mitigazzjoni fil-perjodu ta' qabel l-2020 huwa prerekwiżit assolut sabiex jintlaħqu l-għanijiet fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi, u jistieden lill-UE tiżgura li l-azzjoni fl-immedjat tibqa' fuq l-aġenda tal-COP23;

Il-finanzjament għall-klima u mezzi oħra ta' implimentazzjoni

28.  Jilqa' l-"pjan direzzjonali għal USD 100 biljun" biex jintlaħaq l-objettiv li sal-2020 jiġu mobilizzati USD 100 biljun għall-azzjoni klimatika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li l-objettiv tal-mobilizzazzjoni ġie estiż sal-2025 kif maqbul fil-COP 21;

29.  Jilqa' l-impenn tal-partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi sabiex il-flussi finanzjarji kollha jkunu konsistenti ma' perkors lejn emissjonijiet baxxi ta' gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għall-klima; iqis, għaldaqstant, li l-UE jeħtieġ tindirizza b'urġenza l-flussi finanzjarji għall-fjuwils fossili u l-infrastruttura b'livell għoli ta' karbonju;

30.  Jirrikonoxxi l-importanza li jiġi indirizzat il-mekkaniżmu ta' telf u danni mdaħħal fil-Ftehim ta' Pariġi u jappoġġja bis-sħiħ id-diskussjoni dwar il-mekkaniżmu fil-COP23 f'Bonn;

31.  Jenfasizza l-importanza li d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu fil-qalba tal-azzjoni klimatika, u jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li n-negozjati dwar il-miżuri ta' adattament jirrikonoxxu l-bżonn tar-rispett, tal-protezzjoni u tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu, fost l-oħrajn, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-parteċipazzjoni sħiħa u ndaqs tan-nisa u l-promozzjoni attiva ta' tranżizzjoni ġusta tal-forza tax-xogħol li toħloq xogħol dinjituż u impjiegi ta' kwalità għal kulħadd;

32.  Jilqa' t-tkabbir kostanti fil-livell ta' finanzjament għall-klima mill-UE, iżda jinsisti li hemm bżonn isiru aktar sforzi; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li partijiet żviluppati oħra jirrispettaw il-kontributi mmirati tagħhom għall-objettiv ta' USD 100 biljun; jitlob impenji konkreti fil-livell internazzjonali u tal-UE sabiex jinstabu sorsi ta' finanzjament addizzjonali;

33.  Jitlob lill-gvernijiet u lill-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati, fosthom il-banek, il-fondi tal-pensjonijiet u d-ditti tal-assigurazzjoni, jimpenjaw ruħhom b'mod ambizzjuż favur l-allinjament tal-prattiki ta' self u investiment mal-mira ta' temperatura medja globali ta' "ferm inqas minn 2 °C", f'konformità mal-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta' Pariġi, u l-abbandun tal-fjuwils fossili, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-krediti għall-esportazzjoni għall-investimenti fil-qasam tal-fjuwils fossili; jitlob garanziji pubbliċi speċifiċi li jippromwovu investimenti u tikketti ekoloġiċi u joffru ta' vantaġġi fiskali għall-fondi tal-investimenti ekoloġiċi u għall-ħruġ ta' bonds ekoloġiċi;

34.  Jirrikonoxxi li bidliet fis-sistemi tat-taxxa nazzjonali u internazzjonali, inkluż it-trasferiment tal-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal fuq il-kapital, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili u l-iffissar ta' prezz xieraq għall-karbonju, huma essenzjali sabiex jinħoloq ambjent ekonomiku favorevoli li jinkoraġġixxi l-investiment pubbliku u privat u jippermetti t-twettiq ta' objettivi ta' żvilupp sostenibbli fil-qafas tal-politiki industrijali;

35.  Jinkoraġġixxi tisħiħ fil-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, inkluż fil-qafas tas-Sħubija dwar l-NDCs, b'tali mod li l-pajjiżi jkollhom aċċess aktar effikaċi għall-għarfien tekniku u l-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex jimplimentaw politiki li jirrispettaw u jeċċedu l-NDCs tagħhom;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-konsegwenzi li l-Ftehim ta' Pariġi jista' jkollu fuq il-baġit tal-UE u tiżviluppa mekkaniżmu ta' finanzjament awtomatiku ddedikat fil-livell tal-UE li jipprovdi finanzjament addizzjonali sabiex jiġi żgurat li l-UE tagħti s-sehem ġust tagħha biex jintlaħaq l-objettiv internazzjonali ta' finanzjament ta' USD 100 biljun għall-klima;

37.  Jitlob impenji konkreti sabiex jinstabu sorsi ta' finanzjament addizzjonali għall-klima, inkluż bl-introduzzjoni ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, it-twarrib ta' xi kwoti ta' emissjonijiet tal-EU ETS fil-perjodu 2021-2030 u l-allokazzjoni ta' dħul mill-UE u miżuri internazzjonali dwar l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u mit-tbaħħir għall-finanzjament internazzjonali tal-klima u l-Fond Ekoloġiku għall-Klima;

Ir-rwol tal-atturi mhux statali

38.  Jenfasizza l-isforzi min-naħa ta' firxa dejjem usa' ta' atturi mhux statali biex jeliminaw il-karbonju u jsiru aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza ta' djalogu strutturat u kostruttiv bejn il-gvernijiet, il-komunità kummerċjali, il-bliet, ir-reġjuni, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet akkademiċi u li jiġi żgurat l-involviment tagħhom fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet klimatiċi skalabbli biex titrawwem azzjoni robusta u globali għall-ħolqien ta' soċjetajiet reżiljenti u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u jintwera progress biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

39.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha, flimkien ma' partijiet oħra tal-UNFCCC, jippromwovu proċess li jinvolvi b'mod attiv lill-atturi mhux statali fin-negozjati għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, jappoġġja l-isforzi tagħhom biex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-NDC ta' Stat minkejja t-trasformazzjonijiet politiċi nazzjonali, u jippermettilhom jesploraw forom ġodda ta' parteċipazzjoni u assoċjazzjoni fil-qafas tal-UNFCCC;

40.  Jenfasizza r-rwol importanti taż-Żona tal-Atturi Mhux Statali għall-Azzjoni Klimatika (NAZCA) fil-promozzjoni u s-segwitu tal-azzjoni min-naħa ta' atturi mhux statali, bħall-Patt Globali tas-Sindki, Missjoni Innovazzjoni, InsuResilience, Enerġija Sostenibbli għal Kulħadd u s-Sħubija dwar l-NDCs;

41.  Jilqa' l-isforzi tal-promoturi tal-klima fil-qafas tas-Sħubija ta' Marrakech għall-Azzjoni Klimatika;

42.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu mal-atturi kollha tas-soċjetà ċivili (l-istituzzjonijiet, is-settur privat, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-komunitajiet lokali) biex jiżviluppaw inizjattivi ta' tnaqqis f'setturi ewlenin (l-enerġija, it-teknoloġija, l-ibliet, it-trasport) u inizjattivi ta' adattament u reżiljenza bi tweġiba għal kwistjonijiet ta' adattament, partikolarment rigward l-aċċess għall-ilma, is-sigurtà alimentari u l-prevenzjoni tar-riskji; jistieden lill-gvernijiet kollha u lill-atturi kollha tas-soċjetà ċivili jappoġġjaw u jsaħħu din l-aġenda ta' azzjoni;

43.  Ifakkar lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet għall-UNFCCC li l-azzjoni individwali hija importanti daqs l-azzjoni tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet; jitlob, għalhekk, spinta akbar biex jiġu organizzati kampanji u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u informazzjoni għall-pubbliku dwar il-ġesti – żgħar u kbar – li jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-pajjiżi żviluppati u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

Sforz komprensiv fis-setturi kollha

44.  Jilqa' l-iżvilupp ta' skemi għan-negozjar ta' emissjonijiet madwar id-dinja, inklużi 18-il skema għan-negozjar ta' emissjonijiet li qed jitħaddmu f'erba' kontinenti, u li jammontaw għal 40 % tal-PDG globali; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tippromwovi rabtiet bejn l-EU ETS u skemi oħrajn għan-negozjar ta' emissjonijiet bil-għan li jinħolqu mekkaniżmi internazzjonali tas-suq tal-karbonju biex tiżdied l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima filwaqt li jingħata kontribut biex jonqos ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju permezz ta' kundizzjonijiet ekwi; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi salvagwardji li jiżguraw li r-rabtiet mal-EU ETS jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni b'mod permanenti u ma jtellfux il-mira tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-emissjonijiet ta' gassijiet serra;

45.  Jenfasizza l-bżonn ta' aktar ambizzjoni u azzjoni ħalli jinżammu biżżejjed inċentivi sabiex jinkiseb it-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra biex jintlaħqu l-miri tal-UE fir-rigward tal-klima u l-enerġija għall-2050; jissottolinja li ma sarx biżżejjed progress fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fis-setturi tat-trasport u l-agrikoltura fir-rigward tal-objettivi tal-2020 u li jridu jiżdiedu l-isforzi biex dawn is-setturi jkunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030;

46.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-integrità ambjentali ta' kwalunkwe approċċ għas-suq fil-futur, kemm fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi kif ukoll lil hinn minnu, billi jitqiesu r-riskji bħal lakuni li jippermettu għadd doppju, problemi fir-rigward tal-permanenza u l-addizzjonalità tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-effetti negattivi li jista' jkun hemm għall-iżvilupp sostenibbli, u inċentivi perversi biex titbaxxa l-ambizzjoni għal-livell tal-NDCs;

47.  Jenfasizza li l-miri 20-20-20 għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra, għall-enerġija rinnovabbli u għall-iffrankar tal-enerġija żvolġew rwol fundamentali biex dan il-progress jingħata spinta u biex jiġu sostnuti l-impjiegi ta' aktar minn 4,2 miljun persuna f'diversi ekoindustriji, bi tkabbir kontinwu rreġistrat matul il-kriżi ekonomika;

48.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Assemblea tal-ICAO tal-2016 dwar it-twaqqif ta' Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA);

49.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu, madankollu, dwar il-fatt li l-ICAO ma qablitx dwar tnaqqis ta' emissjonijiet bl-introduzzjoni tal-CORSIA u, minflok, iffukat prinċipalment fuq il-kumpens; jiddispjaċih li l-kwalità tat-tpaċijiet mhija garantita bl-ebda mod, li l-applikazzjoni tal-CORSIA hija legalment vinkolanti mill-2027 'il quddiem biss, u li l-membri tal-ICAO għadhom ma tawx l-impenn tagħhom biex jipparteċipaw fil-fażi volontarja, filwaqt li emittenti kbar oħrajn ma impenjawx ruħhom favur tkabbir newtrali fil-karbonju, u dan iqajjem għadd kbir ta' mistoqsijiet dwar l-effett reali fuq il-klima, peress li r-riżultat għadu ma laħaqx l-aspettattivi li kellha l-UE meta ddeċidiet li "twaqqaf l-arloġġ" fir-rigward tal-EU ETS; jitlob il-finalizzazzjoni rapida ta' sett robust ta' regoli għat-tħaddim tal-CORSIA, l-implimentazzjoni f'waqtha tagħha fil-livell nazzjonali u reġjonali, u l-infurzar xieraq min-naħa tal-partijiet kollha; jitlob, barra minn hekk, it-tisħiħ tal-innovazzjoni teknoloġika kollha relatata mal-prestazzjoni tal-magni u l-kwalità tal-fjuwil;

50.  Ifakkar li filwaqt li t-titjiriet intra-Ewropej se jkomplu jkunu koperti mill-EU ETS, kwalunkwe tibdil fil-leġiżlazzjoni eżistenti u fit-tħaddim skedat tal-CORSIA jista' jiġi kkunsidrat biss fid-dawl tal-livell ta' ambizzjoni tas-sistema u l-miżuri ta' implimentazzjoni li għad iridu jiġu żviluppati;

51.  Jieħu nota tal-pjan direzzjonali għall-iżvilupp ta' strateġija komprensiva tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-vapuri adottata fis-70 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI; iħeġġeġ lill-OMI tiżviluppa mekkaniżmu globali f'konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi billi tistabbilixxi mira ambizzjuża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u tfassal skeda konkreta, bħala parti mill-istrateġija inizjali tal-OMI dwar il-gassijiet sera li għandha tiġi adottata fir-rebbiegħa tal-2018;

52.  Jilqa' l-emenda ta' Kigali dwar tnaqqis gradwali globali fl-idrofluworokarburi (HFCs), li jikkontribwixxu għat-tisħin tal-klima; iqis li dan jirrappreżenta pass konkret fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, li jista' jevita emissjonijiet ta' 'l fuq minn 70 biljun tunnellata ta' CO2 ekwivalenti sal-2050, jiġifieri 11-il darba l-emissjonijiet annwali tal-Istati Uniti, u għalhekk iħeġġeġ lill-partijiet kollha għall-Protokoll ta' Montreal jieħdu l-passi meħtieġa lejn ratifika rapida; ifakkar li l-UE adottat leġiżlazzjoni ambizzjuża biex telimina gradwalment l-HFCs b'79 % sal-2030, peress li l-alternattivi li jirrispettaw il-klima huma disponibbli b'mod mifrux u l-potenzjal tagħhom għandu jiġi sfruttat b'mod sħiħ;

Ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima bis-saħħa tal-adattament

53.  Jinnota li l-prijoritajiet tal-Presidenza ta' Fiġi għall-COP23 jinkludu oqsma kkaratterizzati b'mod prominenti minn azzjonijiet ta' adattament u reżiljenza; ifakkar li l-azzjoni ta' adattament hija neċessità inevitabbli għall-pajjiżi kollha jekk iridu jnaqqsu l-effetti negattivi u jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet għal tkabbir reżiljenti għall-klima u żvilupp sostenibbli;

54.  Jappella biex jiġu stabbiliti kif suppost objettivi ta' adattament fit-tul ; ifakkar li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-istati gżejjer iż-żgħar li qed jiżviluppaw, huma l-anqas li kkontribwew għat-tibdil fil-klima, iżda huma l-aktar vulnerabbli għall-effetti negattivi tiegħu u huma l-anqas kapaċi li jadattaw;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-adattament għat-tibdil fil-klima jiġi tassew integrat fl-istrateġiji nazzjonali dwar l-iżvilupp, inkluż l-ippjanar finanzjarju, filwaqt li jitjiebu l-kanali ta' koordinament bejn il-livelli differenti ta' governanza u l-partijiet ikkonċernati; iqis li l-koerenza mal-istrateġiji u l-pjanijiet dwar it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri hija importanti wkoll;

56.  Jenfasizza l-importanza li jiġu vvalutati b'mod speċifiku l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq il-bliet u l-adattament uniku tagħhom u l-isfidi u l-opportunitajiet tal-mitigazzjoni; iqis li t-tisħiħ tal-bliet u l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali li jimpenjaw ruħhom u jaħdmu lejn ir-reżiljenza tal-komunità tagħhom huma essenzjali biex tiġi indirizzata d-dimensjoni lokali tal-impatti tat-tibdil fil-klima;

57.  Iqis li l-politiki dwar il-klima jkunu jistgħu jgawdu minn appoġġ suffiċjenti, sakemm dawn ikunu akkumpanjati minn miżuri soċjali, inkluża tranżizzjoni ġusta tal-fondi li jorbtu l-isfidi eżistenti li jirriżultaw mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fl-isforzi għall-ġlieda kontra l-qgħad u l-impjieg prekarju;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid l-Istrateġija ta' Adattament tal-UE għall-2013 sabiex tintroduċi aktar enfasi u valur miżjud fil-ħidma ta' adattament fil-livell globali tal-UE billi ssaħħaħ ir-rabtiet mal-Ftehim ta' Pariġi u tappoġġja l-iżvilupp ulterjuri ta' kondiviżjoni effikaċi ta' prattiki tajba, eżempji u informazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħidma ta' adattament; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati sistemi u għodod għall-monitoraġġ tal-progress u l-effikaċja tal-pjanijiet u l-azzjonijiet ta' adattament nazzjonali;

59.  Ifakkar li l-artijiet agrikoli, l-artijiet mistagħdra u l-foresti, li jkopru aktar minn 90 % tas-superfiċje tal-art tal-UE, se jkunu affettwati ħafna mit-tibdil fil-klima; jenfasizza li dan is-settur – magħruf bħala użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) – huwa kemm bir kif ukoll sors tal-emissjonijiet u huwa kruċjali għall-mitigazzjoni u t-tisħiħ tar-reżiljenza;

60.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 2 tiegħu, il-Ftehim ta' Pariġi tal-4 ta' Novembru 2016 għandu l-għan, fost l-oħrajn, li jżid il-kapaċità ta' adattament għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u li jrawwem ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp ta' emissjonijiet baxxi ta' gassijiet serra, b'mod li ma jheddidx il-produzzjoni tal-ikel, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-flussi finanzjarji konsistenti ma' dan il-għan;

61.  Jissottolinja l-konsegwenzi negattivi serji, u sikwit irreversibbli, ta' nuqqas ta' azzjoni, filwaqt li jfakkar li t-tibdil fil-klima jaffettwa lir-reġjuni kollha tad-dinja b'modi differenti, iżda lkoll dannużi ħafna, li jirriżultaw fi flussi migratorji u mwiet, kif ukoll telf mil-lat ekonomiku, ekoloġiku u soċjali; jisħaq li spinta politika u finanzjarja globali u konġunta għal innovazzjoni f'enerġija nadifa u rinnovabbli hija kruċjali biex nilħqu l-għanijiet tagħna dwar il-klima u sabiex jiġi ffaċilitat it-tkabbir;

62.  Jirrikonoxxi l-ħafna diffikultajiet involuti fl-istabbiliment ta' definizzjoni aċċettata b'mod universali ta' "rifuġjat minħabba l-klima", iżda jappella għal rikonoxximent serju tan-natura u l-firxa tal-ispostament u l-migrazzjoni minħabba l-klima bħala riżultat tad-diżastri kkawżati mit-tisħin globali; jinnota bi tħassib li bejn l-2008 u l-2013, madwar 166 miljun ruħ kienu sfurzati jħallu djarhom minħabba diżastri naturali, livelli tal-baħar li qed jogħlew, fenomeni ta' temp estrem, deżertifikazzjoni, nuqqas ta' ilma, u t-tixrid ta' mard tropikali u mard li jinġarr minn vettur; ifakkar b'mod partikolari li l-iżviluppi relatati mal-klima f'partijiet tal-Afrika u tal-Lvant Nofsani jistgħu jikkontribwixxu għal instabbiltà politika, diffikultà ekonomika u intensifikazzjoni tal-kriżi tar-rifuġjati fil-Mediterran;

63.  Josserva li d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni forestali huma responsabbli għal 20 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra, u jenfasizza r-rwol tal-foresti u tal-ġestjoni sostenibbli attiva tagħhom fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet adattivi u r-reżistenza tal-foresti għat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi ta' mitigazzjoni ffukati fuq is-settur tal-foresti tropikali (REDD+); jisħaq li mingħajr dawn l-isforzi ta' mitigazzjoni x'aktarx ikun impossibbli li jintlaħaq l-għan li t-tisħin globali jiġi limitat għal inqas minn 2 °C; jistieden lill-UE, barra minn hekk, issaħħaħ il-finanzjament internazzjonali għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

L-appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw

64.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol li għandhom ukoll il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-bżonn li dawk il-pajjiżi jiġu megħjuna jimplimentaw il-pjanijiet klimatiċi tagħhom, b'mod li jisfruttaw bis-sħiħ is-sinerġiji mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli rilevanti tal-miżuri klimatiċi implimentati u mal-Pjan ta' Azzjoni ta' Addis Ababa u l-Aġenda 2030;

65.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi promoss aċċess universali għall-enerġija sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fl-Afrika, permezz tal-użu aħjar tal-enerġija rinnovabbli; ifakkar li l-Afrika għandha riżorsi naturali enormi li jistgħu jissalvagwardjaw is-sigurtà tal-enerġija tagħha; jenfasizza li jekk, maż-żmien, jiġu stabbiliti b'suċċess interkonnessjonijiet tal-elettriku, parti mill-enerġija tal-Ewropa tista' tiġi mill-Afrika;

66.  Jenfasizza li l-UE għandha l-esperjenza, il-kapaċità u d-dimensjoni globali li jkollha rwol ta' tmexxija fil-bini ta' infrastruttura iktar intelliġenti, iktar nadifa u iktar reżiljenti meħtieġa biex titwassal it-tranżizzjoni globali mnedija mill-Ftehim ta' Pariġi; jappella lill-UE biex tappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fit-tranżizzjoni lejn soċjetajiet ikkaratterizzati minn livelli baxxi ta' karbonju li jkunu aktar inklużivi, soċjalment u ambjentalment sostenibbli, prosperużi u sikuri;

L-industrija u l-kompetittività

67.  Jilqa' l-isforzi kontinwi u l-progress li sar mill-industrija Ewropea biex tonora l-obbligi tagħha u tieħu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet li jirriżultaw mill-Ftehim ta' Pariġi, li jistgħu jirriżultaw f'azzjoni klimatika ta' suċċess u kosteffikaċi;

68.  Jissottolinja li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija prijorità globali u għandha tiġi segwita bħala sforz ġenwin madwar id-dinja kollha filwaqt li jiġu żgurati s-sigurtà tal-enerġija u ekonomija sostenibbli;

69.  Jenfasizza li qafas ġuridiku stabbli u prevedibbli u sinjali ċari ta' politika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak globali ser jiffaċilitaw u jsaħħu investiment relatat mal-klima;

70.  Jissottolinja li impenn kontinwu, speċjalment min-naħa tal-emittenti globali ewlenin, huwa kruċjali għall-azzjoni klimatika u l-Ftehim ta' Pariġi; jiddispjaċih ħafna dwar l-aħbar min-naħa tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti rigward il-pożizzjoni tagħha dwar il-Ftehim ta' Pariġi; jilqa' bil-qawwa, madankollu, l-appoġġ kontinwu tal-industriji ewlenin tal-Istati Uniti li jifhmu b'mod ċar ir-riskji tat-tibdil fil-klima u l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-azzjoni klimatika;

71.  Iqis li, jekk ekonomiji ewlenin oħra jonqsu milli jieħdu impenji komparabbli ma' dawk tal-UE dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, ser ikun meħtieġ li jinżammu d-dispożizzjonijiet dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, b'mod partikolari dawk immirati lejn is-setturi esposti kemm għal intensità kummerċjali għolja kif ukoll għal sehem għoli ta' spejjeż tal-karbonju fil-produzzjoni, sabiex tiġi żgurata l-kompetittività globali tal-industrija Ewropea;

72.  Jilqa' l-fatt li ċ-Ċina u kompetituri kbar oħrajn tal-industriji intensivi fl-enerġija tal-UE qegħdin jintroduċu mekkaniżmi ta' negozjar ta' kwoti tal-karbonju jew mekkaniżmi oħrajn ta' pprezzar; iqis li, sakemm jintlaħqu kundizzjonijiet ekwi, l-UE għandha żżomm miżuri adegwati u proporzjonati sabiex tkun żgurata l-kompetittività tal-industrija tagħha, u, fejn hemm bżonn, tiġi evitata rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, b'kunsiderazzjoni għall-fatt li l-enerġija, l-industrija u l-politiki klimatiċi jimxu id f'id;

73.  Jissottolinja l-importanza li jiżdiedu l-ammonti ta' ħaddiema kompetenti fl-industrija kif ukoll il-promozzjoni tal-għarfien u tal-aqwa prattiki biex jiġi stimulat il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, filwaqt li tkun sostnuta tranżizzjoni ġusta għall-forza tax-xogħol fejn meħtieġ;

Politika enerġetika

74.  Jistieden lill-UE sabiex tisħaq mal-komunità internazzjonali ħalli din tadotta miżuri konkreti mingħajr dewmien, inkluża skeda ta' żmien, għall-eliminazzjoni progressiva ta' sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent, inklużi dawk għall-fjuwils fossili, li jxekklu l-kompetizzjoni, jiskoraġġixxu l-kooperazzjoni internazzjonali u jostakolaw l-innovazzjoni;

75.  Jisħaq fuq l-importanza tal-iffrankar enerġetiku, l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, kif ukoll għall-iffrankar finanzjarju, is-sigurtà tal-enerġija u biex jiġi evitat u mtaffi l-faqar enerġetiku b'tali mod li jiġu protetti u megħjuna l-familji vulnerabbli u foqra; jitlob li ssir promozzjoni globali ta' miżuri tal-effiċjenza u l-iffrankar enerġetiċi u l-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli (pereżempju billi jiġu stimulati l-awtoproduzzjoni u l-konsum ta' enerġija rinnovabbli) kif ukoll l-iskjerament effikaċi tagħhom; ifakkar li l-prijoritizzazzjoni tal-effiċjenza enerġetika u t-tmexxija globali fl-enerġija rinnovabbli huma tnejn mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE;

76.  Jissottolinja l-importanza li jiġu żviluppati teknoloġiji għall-ħżin tal-enerġija, grilji intelliġenti u rispons tad-domanda li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-iskjerament effikaċi tal-enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-enerġija u s-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ tad-djar;

Ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji diġitali

77.  Jissottolinja l-fatt li riċerka u innovazzjoni kontinwi u msaħħa fl-oqsma tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-politika tal-adattament, l-użu effiċjenti tar-riżorsi, it-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi u l-użu sostenibbli ta' materja prima sekondarja ("ekonomija ċirkolari") huma kruċjali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima b'mod kosteffikaċi, kif ukoll għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili; jappella, għalhekk, għal impenji globali biex tingħata spinta u attenzjoni għall-investiment f'dan il-qasam;

78.  Jisħaq li avvanzi fit-teknoloġiji meħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni ser jimplikaw sinjali politiċi ċari, inkluż it-tnaqqis tal-ostakli regolatorji u tas-suq għal teknoloġiji u mudelli kummerċjali ġodda, kif ukoll nefqa pubblika mmirata tajjeb;

79.  Ifakkar li r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività huma fost il-ħames pilastri tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE; jinnota li l-UE hija determinata li tibqa' mexxej dinji f'dawn l-oqsma, filwaqt li fl-istess ħin tiżviluppa kooperazzjoni xjentifika mill-qrib mas-sħab internazzjonali; jisħaq fuq l-importanza tal-bini u ż-żamma ta' kapaċità ta' innovazzjoni b'saħħitha kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk emerġenti għall-varar ta' teknoloġiji tal-enerġija nodfa u sostenibbli;

80.  Ifakkar fir-rwol fundamentali tat-teknoloġiji diġitali sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-enerġija, jinħolqu mudelli kummerċjali sostenibbli ġodda u tissaħħaħ l-effiċjenza u l-iffrankar enerġetiċi; jenfasizza l-benefiċċji ambjentali li jistgħu jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea permezz tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u t-tnaqqis tal-intensità tal-materjali;

81.  Jissottolinja l-importanza li jsir użu sħiħ mill-programmi u l-istrumenti eżistenti tal-UE bħal Orizzont 2020 li jkunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli;

82.  Jappella għal użu aħjar tat-teknoloġiji bħas-satelliti spazjali, għall-ġbir preċiż ta' data dwar l-emissjonijiet, it-temperatura u t-tibdil fil-klima; jirrimarka b'mod partikolari l-kontribut tal-programm Copernicus; jappella wkoll għal kooperazzjoni trasparenti u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-pajjiżi kif ukoll data miftuħa għall-komunità xjentifika;

Id-diplomazija klimatika

83.  Jappoġġja bil-qawwa l-enfasi kostanti tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mad-diplomazija klimatika, li hija essenzjali biex tgħolli l-profil tal-azzjoni klimatika fil-pajjiżi sħab u l-opinjoni pubblika globali; jisħaq fuq il-ħtieġa li t-tibdil fil-klima jinżamm bħala prijorità strateġika fid-djalogi diplomatiċi, filwaqt li jitqiesu l-aħħar żviluppi u t-tibdil fix-xenarju ġeopolitiku; jissottolinja l-fatt li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri għandhom kapaċità enormi ta' politika barranija u jridu juru sens ta' tmexxija fil-fora dwar il-klima; jisħaq li azzjoni klimatika ambizzjuża u urġenti, flimkien mal-implimentazzjoni tal-impenji tal-COP21 iridu jibqgħu waħda mill-prijoritajiet tal-UE fid-djalogi bilaterali u bireġjonali ta' livell għoli mal-pajjiżi sħab, il-G7, il-G20, in-NU u f'fora internazzjonali oħra;

84.  Itenni l-fehma tiegħu li l-għanijiet tal-politika klimatika għandhom jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-politika barranija tal-UE u l-aġenda globali; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex juru tmexxija fl-azzjoni globali dwar il-klima permezz ta' impenn kontinwu għall-Ftehim ta' Pariġi u billi b'mod attiv jinvolvu lis-sħab strateġiċi, kemm fil-livell nazzjonali u f'dak subnazzjonali, sabiex jiffurmaw jew isaħħu l-alleanzi klimatiċi b'tali mod li jżommu l-momentum lejn reġim tal-protezzjoni tal-klima ambizzjuż;

85.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu biex jiksbu sensibilizzazzjoni, analiżi u mmaniġġjar usa' tar-riskji klimatiċi u jgħinu lis-sħab tal-UE madwar id-dinja fl-isforzi tagħhom biex jifhmu, jintegraw, jantiċipaw u jimmaniġġjaw aħjar l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-istabbiltà fil-livell nazzjonali, is-sigurtà internazzjonali u l-ispostament tal-persuni;

86.  Jimpenja ruħu li juża r-rwol internazzjonali tiegħu u s-sħubija f'netwerks parlamentari internazzjonali sabiex ifittex konsistentement progress lejn l-implimentazzjoni rapida tal-Ftehim ta' Pariġi;

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

87.  Jemmen, peress li l-Parlament irid jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehimiet internazzjonali u għandu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni domestika tal-Ftehim ta' Pariġi bħala koleġiżlatur, li hu jeħtieġ ikun integrat tajjeb fid-delegazzjoni tal-UE; jistenna, għalhekk, li jitħalla jattendi l-laqgħat ta' koordinament tal-UE f'Bonn u li jiġi garantit aċċess għad-dokumenti preparatorji kollha hekk kif jinfetħu n-negozjati;

o
o   o

88.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC, u jitlob li tintbagħat lill-partijiet kontraenti kollha li mhumiex membri tal-UE.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0383.

Avviż legali - Politika tal-privatezza