Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2905(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0568/2017

Testi mressqa :

B8-0568/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2017 - 5.11

Testi adottati :

P8_TA(2017)0396

Testi adottati
PDF 304kWORD 57k
It-Tlieta, 24 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu
Qamħirrum ġenetikament modifikat 1507
P8_TA(2017)0396B8-0568/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D052754 – 2017/2905(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D052754),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-14 ta' Settembru 2017, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fid-19 ta' Jannar 2005, u ppubblikata fit-3 ta' Marzu 2005(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fit-30 ta' Novembru 2016, u ppubblikata fit-12 ta' Jannar 2017(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta'organiżmi ġenetikament modifikati(5), b'kunsiderazzjoni partikolari tar-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar "L-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507" tas-6 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-27 ta' Frar 2015 Pioneer Overseas Corporation u Dow AgroSciences Ltd. flimkien ressqu applikazzjoni quddiem il-Kummissjoni, skont l-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507; billi l-kamp ta' applikazzjoni tat-tiġdid ikopri wkoll prodotti oħra għajr ikel u għalf li fihom jew jikkonsistu mill-qamħirrum 1507;

B.  billi fit-30 ta' Novembru 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fit-12 ta' Jannar 2017;

C.  billi r-Regolament (UE) Nru 1829/2003 jgħid li ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent u jesiġi li l-Kummissjoni tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha;

D.  billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 jesprimi l-proteina Cry1F, li hija proteina Bt (derivata mill-Bacillus thuringiensis subsp. Kurstaki) li tagħti reżistenza għall-European corn borer (Ostrinia nubilalis) u għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani, bħall-pink borer (Sesamia spp.), l-armyworm tal-ħarifa (Spodoptera frugiperda), ix-xagħat iswed (Agrotis ipsilon) u s-south-western corn borer (Diatraea grandiosella), u l-proteina Pat, li tagħti tolleranza għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju;

E.  billi l-pjanti ġenetikament modifikati Bt jesprimu t-tossina insettiċida f'kull ċellola tul ħajjithom, anke fil-partijiet li jittieklu mill-bnedmin u mill-annimali; billi l-esperimenti fl-għalf tal-annimali juru li l-pjanti ġenetikament modifikati Bt jista' jkollhom effetti tossiċi(6); billi ntwera li t-tossina Bt fi pjanti ġenetikament modifikati hija differenti ħafna mit-tossina Bt li teżisti b'mod naturali(7);

F.  billi l-awtorizzazzjoni għall-kultivazzjoni tal-qamħirrum 1507 fl-Unjoni hija pendenti; billi l-Parlament oġġezzjona għal din l-awtorizzazzjoni minħabba tħassib dwar, fost oħrajn, possibbiltà ta' evoluzzjoni ta' reżistenza għall-proteina Cry1F fl-organiżmi ta' ħsara lepidopteri fil-mira li tista' twassal għal prattiki mibdula għall-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara(8);

G.  billi l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur għall-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA dwar l-awtorizzazzjoni inizjali; billi l-biċċa l-kbira tal-kummenti kritiċi jirrigwardaw l-osservazzjonijiet li d-dokumentazzjoni mhijiex biżżejjed biex titwettaq valutazzjoni tar-riskju, li l-pjan ta' monitoraġġ mhuwiex konformi mal-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE, u li d-data u l-valutazzjonijiet tar-riskju pprovduti mill-applikant mhumiex adegwati(9);

H.  billi l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur għall-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni(10); billi l-biċċa l-kbira tal-kummenti kritiċi jirrigwardaw l-osservazzjonijiet li l-pjan ta' monitoraġġ mhuwiex meqjus xieraq biex jindirizza l-kwistjonijiet rilevanti tal-monitoraġġ ambjentali ta' wara l-introduzzjoni fis-suq tal-qamħirrum ĠM 1057 u ma jistax jitqies bħala elaborat biżżejjed għall-monitoraġġ ta' esponiment ambjentali mill-qamħirrum ĠM 1057, li l-monitoraġġ kif imwettaq min-notifikatur ma ġġenerax data affidabbli li tikkonferma l-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskju li l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jkunu negliġibbli, u li l-evidenza li turi storja ta' użu sikur tal-proteina Pat, kif mitlub mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2013, mhijiex dokumentata kif xieraq min-notifikatur;

I.  billi l-persistenza tal-proteini Cry rilaxxati fl-ambjent minħabba l-użu tal-qamħirrum ĠM 1507 fl-għalf ma ġietx immonitorjata, minkejja li l-proteini Cry jistgħu jippersistu fil-ħamrija għal xhur sħaħ mingħajr ma jitilfu l-attività insettiċida tagħhom, kif muri fit-tossina Cry1Ab(11);

J.  billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-"kriterji ta' tneħħija" stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018;

K.  billi l-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari hija parti minn prattika agrikola regolari fil-kultivazzjoni ta' pjanti reżistenti għall-erbiċidi u għalhekk jista' jkun mistenni li r-residwi mit-tbexxix dejjem se jkun preżenti fil-ħsad u huma kostitwenti inevitabbli; billi ntwera li għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jwasslu għal użu akbar ta' erbiċidi komplementari minn dawk tal-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom(12);

L.  billi r-residwi mill-bexx bil-glufosinat ma ġewx ivvalutati; billi, għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li l-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 huwa sikur għall-użu fl-ikel u fl-għalf;

M.  billi l-qamħirrum 1507 huwa awtorizzat għall-kultivazzjoni fl-Arġentina, il-Brażil, il-Kanada, il-Kolombja, il-Honduras, il-Ġappun, il-Panama, il-Paragwaj, il-Filippini, l-Afrika t'Isfel, l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Urugwaj; billi studju rieżaminat bejn il-pari riċenti jsib li l-fatt li insetti fil-mira li jiżviluppaw reżistenza għall-proteini Cry huwa theddida maġġuri għas-sostenibbiltà tat-teknoloġija Bt(13); billi tipi ta' ħaxix selvaġġ reżistenti għall-glufosinat ġew osservati mill-2009;

N.  billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fl-14 ta' Settembru 2017 ma rriżultat fl-ebda opinjoni; billi 12-il Stat Membru vvutaw kontra, 12-il Stat Membru, li jirrappreżentaw 38,75 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni, ivvutaw favur, u erba' Stati Membri astjenew;

O.  billi f'diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kellhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li hija verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati; billi anke l-President Juncker iddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika(14);

P.  billi l-Parlament ċaħad l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fit-28 ta’ Ottubru 2015 fl-ewwel qari(15) u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq proposta ġdida;

Q.  billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tgħid li l-Kummissjoni għandha, kemm jista' jkun, timxi b'mod li tevita l-kunflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tqum fil-kumitat ta' appell kontra l-idoneità ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment dwar kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;

R.  billi l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 mhijiex biżżejjed biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' demokrazija fil-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-OĠM;

S.  billi l-leġittimità demokratika tista' tiġi żgurata biss billi jiġi previst, tal-inqas, li meta l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni, il-proposta tal-Kummissjoni tiġi rtirata; billi din il-proċedura diġà teżisti għal xi kumitati permanenti oħrajn;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jmur lil hinn mis-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sa ma l-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li wriet li mhix adegwata;

5.  Jistieden lil-leġiżlaturi responsabbli jkomplu b'urġenza l-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 u jiżguraw li, fost l-oħrajn, jekk il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni fir-rigward ta' approvazzjonijiet ta' OĠM, sew għall-kultivazzjoni u sew għall-ikel u l-għalf, il-Kummissjoni tirtira l-proposta;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizzax xi pjanti ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċida (HT GMP) mingħajr valutazzjoni sħiħa tar-residwi minn tbexxix b'erbiċidi komplementari u l-formulazzjonijiet kummerċjali tagħhom kif applikati fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġiji għall-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa u t-tossikoloġija, kif ukoll għal sorveljanza ta' wara l-introduzzjoni fis-suq, li jkollhom fil-mira l-katina tal-ikel u tal-għalf kollha kemm hi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskji tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskji tal-HT GMP, irrispettivament minn jekk il-pjanta ġenetikament modifikata tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni għall-ikel u l-għalf;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/182
(4) https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4659
(5)————————————————— - Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110).Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu (Testi adottati, P8_TA(2015)0456).Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (Testi adottati, P8_TA(2016)0040).Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (Testi adottati, P8_TA(2016)0039).Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) (Testi adottati, P8_TA(2016)0038).Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta minn dawk l-eventi (Testi adottati, P8_TA(2016)0271).Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (Testi adottati, P8_TA(2016)0272).Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0388).Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (Testi adottati, P8_TA(2016)0389).Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (Testi adottati, P8_TA(2016)0386).Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (Testi adottati, P8_TA(2016)0387).Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (Testi adottati, P8_TA(2016)0390).Ir-Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 ×  1507 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA(2017)0123).Ir-Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0215).Ir-Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P8_TA(2017)0214).Ir-Riżoluzzjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0341).Ir-Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata FG72 × A5547-127, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0377).Ir-Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-44406-6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0378).
(6) Ara, pereżempju, El-Shamei ZS, Gab-Alla AA, Shatta AA, Moussa EA, Rayan AM, Histopathological Changes in Some Organs of Male Rats Fed on Genetically Modified Corn (Ajeeb YG). J Am Sci. 2012; 8(9):1127-1123. https://www.researchgate.net/publication/235256452_Histopathological_Changes_in_Some_Organs_of_Male_Rats_Fed_on_Genetically_Modified_Corn_Ajeeb_YG
(7) Székács A, Darvas B. Comparative aspects of Cry toxin usage in insect control. In: Ishaaya I, Palli SR, Horowitz AR, eds. Advanced Technologies for Managing Insect Pests. Dordrecht, Netherlands: Springer; 2012:195-230. https://link.springer.com/chapter/10.1007/978-94-007-4497-4_10
(8)Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (Testi adottati, P8_TA(2016)0387).
(9) http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2004-08
(10) Anness F – Kummenti tal-Istati Membri u tweġibiet tal-Bord tal-OĠM, http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2015-00342
(11) Anness F – Kummenti tal-Istati Membri u tweġibiet tal-Bord tal-OĠM http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2015-00342 p7
(12) https://link.springer.com/article/10.1007%2Fs00267-015-0589-7
(13) https://drive.google.com/file/d/0B7H5dHXeodSCc2RjYmwzaUIyZWs/view
(14) Pereżempju, fid-dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014), jew fid-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).
(15) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 165.
(16) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza