Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2224(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0295/2017

Testi mressqa :

A8-0295/2017

Dibattiti :

PV 23/10/2017 - 19
CRE 23/10/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2017 - 5.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0402

Testi adottati
PDF 422kWORD 65k
It-Tlieta, 24 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku
P8_TA(2017)0402A8-0295/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku meta jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali dwar kumpaniji u korpi pubbliċi (2016/2224(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

–  wara li kkunsidraw il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1729(2010) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-informaturi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2060(2015) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-titjib tal-protezzjoni tal-informaturi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Unjoni Ewropea (COM(2011)0308),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 dwar miżuri ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (COM(2016)0451),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Kontra l-Korruzzjoni tal-G20 u, b'mod partikolari, il-gwida tiegħu dwar leġiżlazzjoni li tipproteġi l-informaturi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD ta' Marzu 2016 bit-titolu “Sforzi għal protezzjoni effikaċi tal-informaturi",

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħlaq l-inkjesta fuq inizjattiva proprja OI/1/2014/PMC dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2014)7 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-30 ta' April 2014 dwar il-protezzjoni tal-informaturi, kif ukoll il-linji gwida konċiżi tiegħu dwar l-implimentazzjoni ta' qafas nazzjonali ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2171(2017) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-27 ta' Ġunju 2017 fejn il-parlamenti nazzjonali ntalbu jirrikonoxxu dritt għal sinjalazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-prinċipju nru 4 tar-rakkomandazzjoni tal-OECD dwar it-titjib tal-kondotta etika fis-servizz pubbliku,

–  wara li kkunsidra l-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta' uffiċjali pubbliċi barranin fl-operazzjonijiet kummerċjali internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0295/2017),

A.  billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet bħala għan tagħha r-rispett għad-demokrazija u l-istat tad-dritt u, b'hekk tiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni taċ-ċittadini tagħha; billi l-iżvelar ta' informazzjoni huwa aspett fundamentali tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, it-tnejn minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li l-konformità magħhom u l-applikazzjoni tagħhom hija garantita mill-UE; billi l-UE tippromwovi l-protezzjoni tal-ħaddiema u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol;

B.  billi l-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-koperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'rispett sħiħ tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kif ukoll tas-sovranità ta' kull pajjiż;

C.  billi, skont l-Artikolu 67(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni Ewropea għandha kompetenza f'dak li jirrigwarda l-politika Ewropea komuni dwar l-asil;

D.  billi t-trasparenza u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini jagħmlu parti mill-iżviluppi u l-isfidi li għandhom jiġu indirizzati mid-demokraziji tas-seklu XXI;

E.  billi sa mill-kriżi ekonomika, tad-dejn u finanzjarja, rajna mewġa ta' azzjoni kontra l-evitar u l-evażjoni internazzjonali tat-taxxa; billi hemm bżonn ta' aktar trasparenza fl-isfera tas-servizzi finanzjarji sabiex il-prattika ħażina tiġi skoraġġita, u xi Stati Membri diġà għandhom esperjenza ma' repożitorji ċentrali għar-rappurtar ta' ksur reali jew possibbli tar-regoli prudenzjali fis-settur finanzjarju; billi n-Nazzjonijiet Uniti adottat il-Konvenzjoni tagħha kontra l-Korruzzjoni fl-2003(6); billi wara dawn ir-rivelazzjonijiet, il-Parlament Ewropew stabbilixxa żewġ kumitati speċjali u kumitat ta' inkjesta; billi diġà talab għall-ħarsien tal-informaturi f'diversi riżoluzzjonijiet(7); billi l-inizjattivi diġà maqbula sabiex isaħħu l-iskambju ta' informazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet ta' taxxa kienu tassew utli u billi l-informazzjoni żvelata differenti relatata mat-taxxa kixfet ammonti kbar ta' informazzjoni importanti dwar prattiki ħżiena li kieku ma kinux jiġu skoperti;

F.  billi l-informaturi għandhom rwol importanti fir-rappurtar ta' imġiba illegali jew mhux xierqa li ddgħajjef l-interess pubbliku u l-funzjonament tas-soċjetajiet tagħna, u li sabiex dan isir, huma jesponu lil min iħaddimhom, lill-awtoritajiet pubbliċi jew lil entitajiet pubbliċi, informazzjoni dwar tali aġir li jimmina l-interess pubbliku;

G.  Iqis li bhekk l-informaturi jgħinu lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ewlenin kif ukoll lill-korpi tal-Unjoni biex dawn jevitaw u jiġġieldu b'mod partikolari kull tentattiv ta' ksur tal-prinċipju ta' integrità u kull abbuż ta' poter li jhedded jew jikser is-saħħa u s-sikurezza pubblika, l-integrità finanzjarja, l-ekonomija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent jew l-istat tad-dritt, jew li jżid il-qgħad, jirrestrinġi jew ixekkel il-kompetizzjoni ġusta u jimmina l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi fuq skala nazzjonali u Ewropea;

H.  billi l-korruzzjoni hija problema serja li qed tħabbat wiċċha magħha llum l-Unjoni Ewropea, peress li tista' twassal li l-gvernijiet jonqsu milli jipproteġu l-popolazzjoni, il-ħaddiema, l-istat tad-dritt u l-ekonomija, f'deterjorament tal-istituzzjonijiet pubbliċi u tas-servizzi, tat-tkabbir ekonomiku u tal-kompetittività f'diversi oqsma, u għal telf tal-fiduċja fit-trasparenza u r-responsabilità demokratika tal-istituzzjonijiet pubbliċi u privati u tal-industriji; billi huwa stmat li l-korruzzjoni tiswa EUR 120 biljun lill-ekonomija tal-UE kull sena jew 1 % tal-PDG tal-UE;

I.  billi l-fokus tal-isforzi globali kontra l-korruzzjoni s'issa kien ikkonċentrat prinċipalment fuq imġiba ħażina tas-settur pubbliku, iżda informazzjoni żvelata riċentement enfasizzat ir-rwol tal-istituzzjonijiet finanzjarji, il-konsulenti u kumpaniji privati oħra fil-faċilitazzjoni tal-korruzzjoni;

J.  billi għadd ta' każijiet tal-infurmar reklamati wrew li l-iżvelar ta' informazzjoni jwassal informazzjoni ta' interess pubbliku, bħalma huma imġiba illegali jew mhux xierqa jew imġiba ħażina serja oħra fis-setturi privati u pubbliċi għall-attenzjoni tal-pubbliku u tal-awtoritajiet lokali; billi xi wħud minn dawn in-nuqqasijiet b'hekk kienu s-suġġett ta' miżuri korrettivi;

K.  billi s-salvagwardja tal-kunfidenzjalità tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' mezzi aktar effettivi għar-rapportar ta' frodi, il-korruzzjoni jew ksur ieħor, u billi, minħabba s-sensittività tal-informazzjoni, ġestjoni ħażina tal-kunfidenzjalità tista' twassal għal tixrid mhux awtorizzat ta' informazzjoni u ksur tal-interess pubbliku tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

L.  billi l-introduzzjoni ta' reġistri pubbliċi ta' sjieda benefiċjarja għat-trusts tal-kumpanija u arranġamenti legali simili u miżuri oħra tat-trasparenza għall-istrumenti ta' investiment tista' taġixxi bħala kontro-deterrent kontra l-imġiba ħażina li l-informaturi ġeneralment jindirizzaw;

M.  billi s-salvagwardja tal-kunfidenzjalità tal-identitajiet tal-infurmaturi u l-informazzjoni li jiżvelaw tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' aktar mezzi effettivi għar-rapportar ta' frodi, korruzzjoni, għemil ħażin, imġiba ħażina jew ksur ieħor serju, u billi, minħabba s-sensittività tal-informazzjoni, ġestjoni ħażina ta' kunfidenzjalità tista' twassal għal żvelar mhux mixtieq ta' informazzjoni u ksur tal-interess pubbliku fl-Unjoni; billi fis-settur pubbliku, il-protezzjoni tal-informaturi tista' tagħmilha eħfef biex jiġi skopert l-użu ħażin ta' fondi pubbliċi, frodi u forom oħra ta' korruzzjoni transkonfinali relatati mal-interessi nazzjonali jew tal-Unjoni;

N.  billi huwa ta' dispjaċir li l-mezzi eżistenti sabiex isiru lmenti formali dwar il-kondotta ħażina ta' kumpaniji multinazzjonali rarament jirriżultaw f'xi kastigi konkreti għal imġiba ħażina;

O.  billi l-azzjoni tal-informaturi rriżulta utli f'ħafna oqsma, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, fosthom is-saħħa pubblika, it-tassazzjoni, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-rispett tad-drittijiet soċjali;

P.  billi l-każijiet għandhom jiġu definiti tajjeb, fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, is-serjetà tal-fatti jew ir-riskji identifikati;

Q.  billi huwa essenzjali li wieħed ma tinqabisx il-linja bejn tagħrif malizzjuż u provvista ta' informazzjoni; li ma jkunx każ li wieħed ikun jaf kollox dwar kulħadd, iżda li jiġi identifikat dak li jaqa' taħt in-nuqqas ta' assistenza lil demokrazija f'periklu;

R.  billi f'ħafna każijiet, l-informaturi jkunu assuġġettati għal miżuri ta' rappreżalji, ta' intimidazzjoni, ta' tentattivi ta' pressjoni, bil-ħsieb li dawn jiġu impediti jew skoraġġuti milli jiżvelaw jew bil-ħsieb li jiġu sanzjonati minħabba l-iżvelar tagħhom; billi pressjoni bħal din hija saħansitra iktar spiss frekwenti fuq il-post tax-xogħol billi informaturi li jkunu żvelaw informazzjoni fl-interess tal-pubbliku, fil-kuntest tar-relazzjoni ta' xogħol tagħhom, jistgħu jsibu ruħhom f'pożizzjoni dgħajfa fil-konfront ta' min iħaddimhom;

S.  billi sikwit tqajjem tħassib serju li l-informaturi li jaġixxu fl-interess pubbliku jistgħu jiffaċċjaw ostilità, fastidju, intimidazzjoni u l-esklużjoni fil-post tax-xogħol tagħhom, ostakli għall-impjieg fil-futur, telf tal-mezzi tal-għajxien u ta' sikwit anki theddidiet serji lill-membri tal-familja u l-kollegi tagħhom; billi l-biża' ta' ritaljazzjoni tista' tħalli effett ta' deterrent fuq l-informaturi, u b'hekk hija ta' periklu għall-interess pubbliku;

T.  billi l-protezzjoni tal-informaturi għandha tiġi garantita mil-liġi u msaħħa madwar l-UE kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, sakemm ikunu qed jaġixxu fuq bażi raġonevoli; billi dawn il-mekkaniżmi ta' protezzjoni għandhom ikunu bbilanċjat u għandhom jiggarantixxu rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet legali ta' persuni li kontrihom ikunu qed isiru rapporti; billi tali mekkaniżmi ta' protezzjoni għandhom japplikaw għal ġurnalisti investigattivi, li għadhom vulnerabbli fil-kuntest ta' żvelar ta' informazzjoni sensittiva u jipproteġu lill-informaturi f'isem tas-sigriet tas-sorsi tagħhom;

U.  billi l-protezzjoni tal-informaturi mhijiex iggarantita b'mod adegwat f'bosta Stati Membri, filwaqt li ħafna oħrajn introduċew programmi avvanzati għall-protezzjoni tagħhom li, madankollu, ħafna drabi, ikollhom nuqqas ta' konsistenza u għalhekk joffru grad insuffiċjenti ta' protezzjoni; billi dan wassal għal frammentazzjoni tal-protezzjoni tal-informaturi fl-Ewropa li tagħmilha diffiċli għal dawn tal-aħħar li jkunu jafu dwar id-drittijiet tagħhom u l-modalitajiet tar-rapportar, u toħloq ukoll inċertezza legali speċjalment f'sitwazzjonijiet transkonfinali;

V.  billi l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew għandu kompetenza ċara biex jinvestiga lmenti minn ċittadini tal-UE dwar amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet tal-UE, iżda fih innifsu ma għandu l-ebda rwol fil-protezzjoni tal-informaturi;

W.  billi l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ħafna drabi mhuwiex ristrett għal kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji; billi n-nuqqas ta' ħarsien adegwat jista' jiskoraġġixxi lill-informaturi potenzjali milli jirrappurtaw kondotta ħażina sabiex jevitaw ir-riskju ta' rappreżalja u/jew ritaljazzjoni; billi l-OECD rappurtat li fl-2015, 86 % tal-kumpaniji kellhom mekkaniżmu biex jirrappurtaw każijiet suspettati ta' kondotta ħażina korporattiva serja, iżda li aktar minn terz minnhom ma kellhomx politika miktuba dwar il-ħarsien tal-informaturi minn rappreżalja, jew ma kinux jafu jekk tali politika kinitx teżisti; billi diversi informaturi li żvelaw imġiba ħażina, kondotta ħażina jew attivitajiet illegali fil-qasam ekonomiku u finanzjarju kienu soġġetti għal prosekuzzjoni; billi l-persuni li jirrappurtaw jew jiżvelaw informazzjoni fl-interess pubbliku, kif ukoll il-membri tal-familja u l-kollegi, ħafna drabi jsofru rappreżalji, li jirriżultaw, pereżempju, fit-telf tal-karrieri tagħhom; billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għandha ġurisprudenza stabbilita sew dwar l-informaturi, iżda l-ħarsien tal-informaturi jenħtieġ li jiġi garantit mil-liġi; billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tiżgura l-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal amministrazzjoni tajba;

X.  billi l-protezzjoni tal-informaturi fl-Unjoni Ewropea m'għandhiex tkun limitata għal każijiet Ewropej biss, iżda għandha tapplika wkoll għal każijiet internazzjonali;

Y.  billi l-postijiet tax-xogħol jinħtieġ li jikkultivaw ambjent tax-xogħol li fih il-persuni jħossuhom kunfidenti jqajmu kwistjonijiet dwar għemil ħażin potenzjali, bħal nuqqasijiet, kondotta ħażina, ġestjoni ħażina, frodi jew azzjonijiet illegali; billi huwa estremament importanti li titrawwem il-kultura ideali li tippermetti li l-persuni jħossuhom li jistgħu jqajmu kwistjonijiet mingħajr biża' ta' ritaljazzjoni li tista' taffettwa s-sitwazzjoni tal-impjiegi attwali u futura tagħhom;

Z.  billi f'ħafna ġurisdizzjonijiet, u b'mod partikolari fis-settur privat, l-impjegati huma marbuta b'ġurament għal kunfidenzjalità fir-rigward ta' ċerta informazzjoni, bir-riżultat li l-informaturi jistgħu jkunu suġġetti għal azzjoni dixxiplinarja minħabba r-rappurtar barra l-qafas tar-relazzjoni professjonali tagħhom;

AA.  billi skont l-OECD aktar minn terz tal-organizzazzjonijiet b'mekkaniżmu ta' rappurtar ma kellhomx jew ma kinux jafu b'politika bil-miktub dwar il-protezzjoni tal-informaturi minn kwalunkwe ritaljazzjoni;

AB.  billi l-liġi tal-UE diġà tipprovdi għal ċerti regoli li jipproteġu l-informaturi minn ċerti forom ta' ritaljazzjoni f’oqsma differenti, il-Kummissjoni għadha ma pproponietx miżuri leġiżlattivi adegwati għall-protezzjoni effettiva u uniformi tal-informaturi u tad-drittijiet tagħhom fl-UE;

AC.  billi mill-1 ta' Jannar 2014, l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni huma obbligati jintroduċu regoli interni dwar il-protezzjoni tal-informaturi li huma uffiċjali tal-Unjoni, bi qbil mal-Artikoli 22a, 22b u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal;

AD.  billi l-Parlament Ewropew talab ripetutament miżuri orizzontali dwar il-protezzjoni tal-informaturi fl-Unjoni;

AE.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu, ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni favur it-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza tal-politiki dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji fi ħdan l-Unjoni, u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi programm Ewropew effettiv u komprensiv dwar il-protezzjoni tal-informaturi, li jipproteġi lil dawk li jirrappurtaw każijiet suspetti ta' frodi jew attivitajiet illegali li jaffettwaw l-interess pubbliku jew l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea;

AF.  billi kull persuna f'pajjiż terz, li ġiet rikonoxxuta bħala informatur mill-Unjoni Ewropea jew minn wieħed mill-Istati Membri tagħha, jeħtieġ li tibbenefikaw mill-miżuri kollha ta' protezzjoni applikabbli jekk, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu jew tagħha jew le, hija jew huwa kienu jafu — u żvelaw —informazzjoni dwar aġir illegali jew ta' fatti ta' spjunaġġ, imwettqa minn pajjiż terz jew minn kumpannija nazzjonali jew multinazzjonali u li jaffettwaw lil Stat, nazzjon jew liċ-ċittadini tal-Unjoni, u jipperikolaw mingħajr l-għarfien tagħhom l-integrità ta' gvern, is-sigurtà nazzjonali jew il-libertajiet kollettivi jew individwali;

AG.  billi mill-1 ta' Lulju 2014 'l hawn, kważi l-istituzzjonijiet u l-aġenziji Ewropej kollha inkorporaw fir-regoli ta' proċedura interni tagħhom, kif inhu obbligatorju, miżuri għall-protezzjoni tal-informaturi, skont l-Artikoli 22(b) u (c) tar-Regolamenti tal-Persunal;

AH.  billi diġà jeżistu prinċipji stabbiliti sew ma' korpi internazzjonali bħalma huma l-Kunsill tal-Ewropa u l-OECD, kif ukoll ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

AI.  billi l-importanza tal-protezzjoni tal-informaturi ġiet rikonoxxuta mill-istrumenti internazzjonali ewlenin kollha dwar il-korruzzjoni filwaqt li l-istandards tal-informaturi ġew stabbiliti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2014)7 u r-Rakkomandazzjoni tal-OECD tal-2009 kontra t-Tixħim;

AJ.  billi hemm bżonn li jitwaqqaf b'urġenza qafas orizzontali ġenerali li, filwaqt li jistabbilixxi drittijiet u obbligi, effettivament jipproteġi l-informaturi fl-Istati Membri tal-Unjoni, kif ukoll fi ħdan l-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet u l-korpi tal-Unjoni;

Ir-rwol tal-informaturi u l-ħtieġa li jkunu protetti

1.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, wara li twettaq valutazzjoni tal-bażi legali xierqa li tippermetti lill-UE tieħu azzjoni ulterjuri, tippreżenta qabel tmiem is-sena proposta leġiżlattiva orizzontali li tistabbilixxi qafas regolatorju komuni komprensiv li se jiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni kullimkien, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat kif ukoll fl-istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej, inkluż il-korpi rilevanti nazzjonali u Ewropej, l-uffiċċji u l-aġenziji, għall-informaturi fl-UE, filwaqt li jqisu l-kuntest nazzjonali u mingħajr ma jillimitaw il-possibbiltà għall-Istati Membri biex jieħdu miżuri ulterjuri; jissottolinja li s'issa hemm diversi possibbiltajiet ta' bażijiet ġuridiċi li jippermettu li l-UE taġixxi f'dan il-qasam; jitlob lill-Kummissjoni tqishom biex tipproponi mekkaniżmu wiesa', koerenti u effikaċi; ifakkar lill-Kummissjoni fid-duttrina elaborata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-ġurisprudenza li ilha teżisti, fuq il-kunċett ta' kompetenzi implikati tal-Unjoni, li jippermetti l-użu ta' diversi bażijiet legali;

2.  Jenfasizza l-fatt mhux raġonevoli u inkwetanti li ċ-ċittadini u l-ġurnalisti qed ikunu soġġetti għal prosekuzzjoni pjuttost milli ħarsien legali meta jkunu qed jiżvelaw informazzjoni fl-interess pubbliku, inkluża informazzjoni dwar suspetti ta' kondotta ħażina, imġiba ħażina, frodi jew attività illegali, b'mod partikolari fir-rigward ta' kondotta li tikser il-prinċipji fundamentali tal-UE, bħall-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus;

3.  jissuġġerixxi li l-ftehimiet internazzjonali li jirrigwardaw is-servizzi finanzjarji, it-tassazzjoni u l-kompetizzjoni jenħtieġ li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-ħarsien tal-informaturi;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa għal ċertezza tad-dritt rigward id-dispożizzjonijiet protettivi mogħtija lill-informaturi, għaliex in-nuqqas kontinwu ta' ċarezza u approċċ frammentat jiskoraġġixxu lill-informaturi potenzjali milli jersqu 'l quddiem; jindika għalhekk li l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE għandha tistabbilixxi proċedura ċara biex id-divulgazzjonijiet jiġu trattati kif xieraq u biex l-informaturi jiġu protetti b'mod effettiv;

5.  Ifakkar li kwalunkwe qafas normattiv futur għandu jikkunsidra r-regoli, id-drittijiet u d-dmirijiet li jmexxu u jħallu effett fuq l-impjiegi; jenfasizza wkoll li dan għandu jsir f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f'konformità mal-ftehimiet ta' negozjar kollettiv;

6.  jitlob li din il-leġiżlazzjoni tiżgura li l-kumpaniji li jagħmlu azzjonijiet ta' ritaljazzjoni vverifikati bis-sħiħ kontra l-informaturi la jkunu jistgħu jirċievu fondi tal-UE u lanqas jagħmlu kuntratti ma' korpi pubbliċi;

7.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw data, parametri ta' riferiment u indikaturi dwar il-politiki tal-informaturi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat;

8.  Jitlob lill-Istati Membri jqisu l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-korruzzjoni, li jqiegħed enfasi fuq ir-rwol tal-informaturi fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

9.  jiddeplora li kienu biss ftit l-Istati Membri li introduċew sistemi avvanzati biżżejjed ta' protezzjoni tal-informaturi; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma adottawx sistemi bħal dawn jew prinċipji konnessi fil-leġiżlazzjoni tagħhom biex jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun;

10.  Jenfasizza l-bżonn li tingħata aktar attenzjoni fir-rigward tal-etika tan-negozju fil-kurrikuli edukattivi ta' studji tan-negozju u dixxiplini relatati;

11.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jippromwovu kultura ta' rikonoxximent tar-rwol importanti li jaqdu l-informaturi fis-soċjetà, inkluż bl-użu ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, toħroġ bi pjan komprensiv dwar din il-kwistjoni; iqis li huwa meħtieġ li titrawwem kultura etika fis-settur pubbliku u fuq il-postijiet tax-xogħol, sabiex tkun enfasizzata l-importanza li titqajjem kuxjenza fost l-impjegati dwar oqfsa legali eżistenti rigward l-iżvelar ta' informazzjoni, b'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet tat-trade unions;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-informaturi bil-għan li tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki, li se jgħin fl-iżgurar ta' ħarsien aktar effiċjenti għall-informaturi fuq livell nazzjonali;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi pjan komprensiv sabiex tiskoraġġixxi t-trasferimenti tal-assi lejn pajjiżi barra l-UE li jservu bħala protetturi tal-anonimità għal persuni korrotti;

14.  Jifhem b' "informatur" kwalunkwe persuna li tirrapporta jew tiżvela informazzjoni dwar fatt illegali, illeċitu jew li jagħmel ħsara lill-interess pubbliku, fil-kuntest tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom, kemm jekk ikun fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, fil-kuntest ta' relazzjoni kuntrattwali jew f'dak tal-attività sindakali jew assoċjattiva tagħhom; jenfasizza li dan jinkludi individwi li huma barra r-relazzjoni tradizzjonali bejn l-impjegat u min iħaddmu, bħall-konsulenti, kuntratturi, apprentisti, voluntiera, studenti, ħaddiema temporanji, ħaddiema impjegati preċedenti li jkollhom evidenza ta' tali atti b'raġunijiet raġonevoli li jemmen li l-informazzjoni rrappurtata hija vera;

15.  huwa tal-fehma li persuni li mhumiex parti minn relazzjoni tradizzjonali bejn min iħaddem u l-impjegat, bħal konsulenti, kuntratturi, apprendisti, voluntiera, studenti, ħaddiema temporanji, ħaddiema preċedenti kif ukoll ċittadini, għandhom jingħataw ukoll aċċess għal mezzi ta' għoti ta' informazzjoni u jibbenefikaw minn protezzjoni adegwata meta jiżvelaw informazzjoni dwar aġir illegali jew illeċitu, jew dwar att li jippreġudika l-interess pubbliku;

16.  Jiddikjara li hija meħtieġa soluzzjoni ċara għall-informaturi li jaħdmu f'kumpaniji rreġistrati fl-UE iżda li huma bbażati barra mill-UE;

17.  Jikkunsidra li ksur kontra l-interess pubbliku jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal, atti ta' korruzzjoni, reati kriminali, il-ksur ta' obbligi legali, żbalji ġudizzjarji, abbuż tal-awtorità, kunflitti ta' interess, l-użu illegali ta' fondi pubbliċi, abbuż ta' poter, flussi finanzjarji illegali, it-theddid għall-ambjent, is-saħħa pubblika, is-sikurezza pubblika, nazzjonali u globali, is-sigurtà, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, l-evitar tat-taxxa, id-drittijiet tal-konsumaturi, id-drittijiet tal-ħaddiema u drittijiet soċjali oħra u attakki fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll fuq l-istat tad-dritt, u atti maħsubin biex jgħattu xi waħda minn dawn il-vjolazzjonijiet;

18.  Iqis li l-interess tal-pubbliku ġenerali għandu jieħu preċedenza fuq il-valur privat jew ekonomiku tal-informazzjoni żvelata, u li għandu jkun possibbli li tiġi żvelata informazzjoni dwar theddid serju għall-interess pubbliku anke meta huwa legalment protett; huwa, madankollu, tal-fehma li proċeduri speċjali għandhom japplikaw għal informazzjoni rigward l-etika professjonali u informazzjoni klassifikata relatata mas-sigurtà nazzjonali u d-difiża; iqis li f'dawn il-każijiet, ir-rapport għandu jkun disponibbli lil awtorità kompetenti;

19.  jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata kontinwament il-protezzjoni effettiva tal-informaturi, anke jekk ir-rivelazzjonijiet tagħhom ma jikkonċernawx aġir illeċitu, sakemm ir-rivelazzjonijiet għandhom bħala għan li jiġi evitat riskju possibbli għall-interess pubbliku ġenerali;

20.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi;

21.  Jenfasizza li r-rwol tal-informaturi li jikxfu attakki serji fuq l-interess pubbliku wera l-importanza tiegħu f'diversi okkażjonijiet matul numru ta' snin u l-informaturi jikkontribwixxu għad-demokrazija, it-trasparenza fil-politika u l-ekonomija u l-informazzjoni pubblika, u huma għandhom jiġu rikonoxxuti bħala neċessarji biex jipprevjenu l-aġir illeġittimu; jenfasizza li l-informaturi wrew li jikkostitwixxu riżors kruċjali għall-ġurnaliżmu investigattiv u għal midja indipendenti; jirrimarka li l-garanzija tal-kunfidenzjalità tas-sorsi hija fundamentali għal-libertà tal-istampa; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-dritt tal-ġurnalisti li ma jiżvelawx l-identità ta' sors ikun protett b'mod effikaċi; huwa tal-fehma li l-ġurnalisti huma wkoll vulnerabbli u għalhekk għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni legali;

22.  Jinnota l-fatt li, f'dawn l-aħħar snin, xi Stati Membri ħadu passi biex issaħħu d-drittijiet tal-informaturi; jiddeplora madankollu l-fatt li l-informaturi għadhom jiġu assuġġettati għal proċeduri ċivili u kriminali f'diversi Stati Membri, speċjalment fejn il-mezzi eżistenti għad-difiża, l-appoġġ u l-protezzjoni tagħhom huma neqsin jew mhux effikaċi; josserva barra minn hekk li d-differenzi bejn l-Istati Membri jwasslu għal inċertezza legali, forum shopping u riskji ta' trattament inġust;

23.  Jemmen li n-nuqqas ta' protezzjoni adegwata tal-informaturi għandu impatt negattiv fuq il-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-UE;

24.  Iqis li l-implimentazzjoni ta' regolamenti legali komprensivi dwar il-protezzjoni tal-informaturi tinkoraġġixxi kultura li fiha n-nies jitkellmu u li l-informaturi għandhom jiġu promossi bħala att ta' ċittadinanza tajba; iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippromwovu r-rwol pożittiv li għandhom l-informaturi, kif ukoll it-tħassib serju meta titqies il-pożizzjoni tagħhom li spiss hija vulnerabbli u mingħajr difiża, b'mod partikolari permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' protezzjoni, komunikazzjoni u sforzi ta' taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, toħroġ bi pjan komprensiv dwar din il-kwistjoni; jitlob f'dan il-kuntest li jitnieda sit web fejn għandha tiġi pprovduta informazzjoni utli dwar il-protezzjoni tal-informaturi, kif ukoll fejn jistgħu jitressqu l-ilmenti; jenfasizza li dan is-sit web għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku b'mod faċli u għandu jaħżen id-data tagħhom b'mod anonimu;

25.  Jitlob li tittieħed azzjoni biex tinbidel il-perċezzjoni pubblika tal-informaturi, b'mod partikolari mill-politiċi, l-impjegaturi u l-midja, billi jiġi enfasizzat ir-rwol pożittiv tagħhom bħala mekkaniżmu ta' twissija bikrija u bħala deterrent li jidentifikaw u jimpedixxu l-abbużi u l-korruzzjoni, u bħala mekkaniżmu ta' responsabilità li jippermetti l-iskrutinju pubbliku tal-gvernijiet u tal-kumpaniji;

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu proattivi fil-promozzjoni ta' kultura miftuħa fil-post tax-xogħol, kemm jekk ikun pubbliku kif ukoll jekk ikun privat, u dan jippermetti lill-organizzazzjonijiet joperaw bi standards etiċi għoljin, jagħti lill-impjegati l-fiduċja biex jitkellmu u għalhekk jippermetti li tittieħed azzjoni sabiex tiġi evitata jew rimedjata kwalunkwe theddida jew ħsara;

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jevalwaw regolarment l-effettività tal-miżuri li jimplimentaw, b'kont meħud tal-opinjoni pubblika dwar l-attitudnijiet lejn l-att ta' żvelar ta' informazzjoni protetta u lejn l-informaturi, l-istħarriġiet transsettorjali tal-maniġers superjuri maħtura biex jirċievu u jipproċessaw ir-rapporti u studji ta' riċerka indipendenti dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta fil-postijiet tax-xogħol;

28.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma adottawx il-leġiżlazzjoni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta biex jagħmlu dan fil-futur qrib u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam bejn l-Istati Membri, iżda wkoll bl-inklużjoni ta' pajjiżi terzi;

29.  jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-iskambju ta' prattiki tajba sabiex jinkoraġġixxu protezzjoni aħjar tal-informaturi fil-livell Ewropew;

30.  Iħeġġeġ lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew biex jippubblikaw, it-tnejn li huma, sa tmiem l-2017: 1) rapporti speċjali li fihom statistika u rekords ċari ta' każijiet ta' żvelar ta' informazzjoni protetta identifikati fl-istituzzjonijiet Ewropej, in-negozji, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u korpi oħra rreġistrati fl-Unjoni; 2) is-segwitu tal-istituzzjonijiet ikkonċernati b'rabta mal-każijiet żvelati, abbażi tal-linjigwida attwali u r-regoli tal-Kummissjoni; 3) ir-riżultat ta' kull investigazzjoni miftuħa bħala riżultat tal-informazzjoni li tasal mingħand informaturi; 4) il-miżuri previsti f'kull każ għall-protezzjoni tal-informaturi;

Mekkaniżmu ta' rapportar

31.  Jinnota li n-nuqqas ta' mezzi identifikati b'mod ċar u ta' rapportar sikur kif ukoll in-nuqqas potenzjali ta' segwitu jikkostitwixxu ostakolu għall-attivitajiet tal-informaturi, jista' jiddisswadihom milli jiżvelaw informazzjoni protetta u jwassal biex għadd ta' informaturi li jibqgħu siekta; jinsab imħasseb dwar ritaljazzjoni u pressjonijiet fuq l-informaturi meta dawn jaffaċjaw lill-persuna jew l-entità żbaljata fi ħdan l-organizzazzjoni tagħhom;

32.  Iqis li hu meħtieġ li tiġi stabbilita sistema koerenti, kredibbli u affidabbli li tippermetti li r-rapporti jiġu kkunsinnati ġewwa l-organizzazzjoni, lill-awtoritajiet kompetenti u barra mill-organizzazzjoni; hu tal-fehma li sistema bħal din tiffaċilita l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà u l-validità ta' rapport li sar fi ħdan dan il-qafas;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra sistema li tippermetti r-rapportar ġewwa u barra l-organizzazzjoni; jenfasizza li, biex isir dan, proċeduri ċari, ġusti u ekwi għandhom jiġu stabbiliti li jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u ġuridiċi tal-informatur u tal-ħati allegat; jemmen li min iħaddem għandu jitħeġġeġ jintroduċi proċeduri għar-rappurtar intern, u li fi ħdan kull organizzazzjoni għandha tinħatar persuna jew entità waħda indipendenti u imparzjali li tkun responsabbli milli tiġbor ir-rapporti; iqis li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom ikunu involuti fil-ħatra ta' din il-persuna; jenfasizza li dak li jirċievi twissija għandu jagħti segwitu xieraq għal kull rapport riċevut u jżomm lill-informatur informat bis-segwitu fi żmien raġonevoli;

34.  Jemmen li kull organizzazzjoni għandha tistabbilixxi mezzi ta' rappurtar ċari li jippermettu li informaturi jinforma ġewwa l-organizzazzjoni tiegħu jew tagħha; jenfasizza li kull impjegat għandu jiġi infurmat dwar il-proċedura ta' rapportar rilevanti, li għandha tiggarantixxi l-kunfidenzjalità u trattament tat-twissija fi żmien raġonevoli; jenfasizza li l-informatur għandu jibqa' jkollu l-fakultà li jdur lejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi xierqa jew il-midja, b'mod partikolari fin-nuqqas ta' risposta favorevoli mill-organizzazzjoni, jew jekk ir-rappurtar intern jew lill-awtoritajiet kompetenti jdgħajjef b'mod ovvju l-effiċjenza tat-twissija, jekk l-informatur ikun f'riskju jew jeħtieġ b'mod urġenti li jirrapporta l-informazzjoni;

35.  ifakkar fid-dritt li l-pubbliku jkun infurmat bi kwalunkwe mġiba li tista' tippreġudika l-interess pubbliku, u jenfasizza, f'dan ir-rigward, li għandu jibqa' possibbli li informatur jippubblika informazzjoni dwar att illegali jew illeċitu jew att li jippreġudika l-interess pubbliku;

36.  Ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, il-Parlament jitlob ukoll lill-istituzzjonijiet tal-UE, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha, jintroduċu u jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex iħarsu l-kunfidenzjalità tas-sorsi ta' informazzjoni, u jitlob għalhekk li jinħoloq sit web ikkontrollat fejn jistgħu jitressqu l-ilmenti b'mod purament kunfidenzjali;

37.  Iqis li r-rapportar barra l-organizzazzjoni, inkluż direttament lill-pubbliku mingħajr ma jgħaddi minn fażi interna, ma jistax jikkostitwixxi raġuni għal invalidazzjoni tar-rapportar, għal prosekuzzjoni jew għal rifjut tal-benefiċċju tal-protezzjoni; jemmen li din il-protezzjoni għandha tingħata b'mod indipendenti mill-kanal magħżul ta' rappurtaġġ u abbażi tal-informazzjoni żvelata u l-fatt li l-informatur kellu raġunijiet raġonevoli biex jitwemmen li kien minnu;

Protezzjoni mogħtija f'każ ta' rapportar

38.  Jinsab imħasseb dwar ir-riskji għall-informaturi fuq il-post tax-xogħol tagħhom, u b'mod partikolari r-riskju ta' rappreżalji diretti jew indiretti min-naħa tal-impjegatur tagħhom u minn persuni li jaħdmu f'isem jew għan-nom ta' dan tal-aħħar; jenfasizza li tali rappreżalji jwasslu ħafna drabi għal esklużjoni, għal tnaqqis jew waqfien tal-progress fil-karriera, u saħansitra tkeċċija, kif ukoll għal sitwazzjonijiet ta' fastidju psikoloġiku; jenfasizza li tali rappreżalji huma ostakli għall-azzjoni tal-informaturi; iqis li huwa neċessarju li jiġu żviluppati miżuri ta' protezzjoni kontra tali tpattija; huwa tal-fehma li r-rappreżalji għandhom jiġu sanzjonati u jkunu s-suġġett ta' sanzjonijiet effettivi; jenfasizza li, meta xi ħadd ikun rikonoxxut bħala informatur, għandhom jittieħdu miżuri biex jipproteġu lilu jew lilha, li jtemmu kwalunkwe miżuri ta' ritaljazzjoni meħuda kontrih jew kontriha kif ukoll jagħtu lil-informatur kumpens sħiħ għall-preġudizzju u d-danni mġarrba; huwa tal-fehma li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva orizzontali dwar il-protezzjoni tal-informatur;

39.  iqis li l-informaturi għandhom jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw applikazzjoni għal miżuri provviżorji bl-għan li tipprevjeni atti ta' intimidazzjoni bħal sensji, u dan sakemm tintemm il-proċedura amministrattiva ġudizzjarja jew oħra kollha kemm hi;

40.  Jenfasizza li l-ebda relazzjoni ta' impjieg m'għandha tillimita d-dritt ta' persuna għal-libertà tal-espressjoni u ħadd m'għandu jiġi diskriminat f'każijiet tal-eżerċizzju ta' dan id-dritt.

41.  Ifakkar li kwalunkwe qafas normattiv futur jenħtieġ li jikkunsidra r-regoli, id-drittijiet u d-dmirijiet li jirregolaw u jħallu effett fuq l-impjiegi; jenfasizza wkoll li dan jenħtieġ li jsir bl-involviment tas-sħab soċjali u f'konformità mal-ftehimiet ta' negozjar kollettiv;

42.  Jenfasizza li l-informaturi u l-membri tal-familja tagħhom kif ukoll kull min jassistihom u li ħajjithom jew is-sigurtà tagħhom ikunu f'periklu għandhom ikunu intitolati għal protezzjoni xierqa u effettiva, l-integrità fiżika, morali u soċjali u l-għajxien tagħhom billi jingħataw l-ogħla livell possibbli ta' kunfidenzjalità;

43.  Jenfasizza li dawn il-miżuri ta' protezzjoni għandhom japplikaw ukoll meta informatur jirrapporta attivitajiet li jinvolvu Stati Membri;

44.  Jinnota li l-ġurnalisti investigattivi u l-istampa indipendenti jwettqu xogħol solitarju u spiss iħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet multipli li jistgħu jseħħu u li għalhekk huwa ta' importanza vitali li jkunu protetti minn kull forma ta' intimidazzjoni;

45.  Jissuġġerixxi li talba għal miżuri provviżorji fl-istennija tar-riżultat ta' proċedimenti ċivili tkun possibbli għall-persuni li kienu vittmi ta' ritaljazzjoni talli rrapportaw jew żvelaw informazzjoni fl-interess pubbliku, b'mod partikolari f'każ ta' telf ta' impjieg;

46.  Jikkundanna l-prattika ta' azzjonijiet ġudizzjarji bil-ħsieb ta' ċensura, li hija prattika li tinvolvi l-ftuħ jew it-theddida ta' ftuħ ta' proċedimenti ġudizzjarji kontra l-informatur bil-għan mhux li jkun titfittex ġustizzja, iżda bil-għan li tali azzjonijiet ġudizzjarji jwasslu għall-awtoċensura jew l-eżawriment finanzjarju, emozzjonali u psikoloġiku; jemmen li tali abbuż ta' proċedura għandu jkun soġġett għal pieni kriminali u sanzjonijiet;

47.  Ifakkar fir-riskju ta' proċedimenti kriminali u ċivili mġarrba mill-informaturi; jissottolinja li dawn ta' spiss huma l-aktar parti dgħajfa f'kawża; iqis, għalhekk, li f'każ ta' azzjonijiet ta' ritaljazzjoni allegati meħudin kontra informatur, min iħaddem għandu jipprovdi evidenza li dawn l-azzjonijiet mhumiex relatati mar-rapport li sar mill-informatur; iqis li l-protezzjoni tal-informaturi għandha tingħata abbażi tal-informazzjoni żvelata u mhux fuq l-intenzjoni tal-informatur; jenfasizza, madankollu, li l-informatur għandu jkun irrapporta informazzjoni li hu jew hi maħsuba li tkun vera; huwa tal-fehma li l-kunfidenzjalità għandha tkun iggarantita matul il-proċedimenti u li l-identità tal-informatur m'għandhiex tiġi żvelata mingħajr il-kunsens tiegħu jew tagħha; jissottolinja li ksur tal-kunfidenzjalità tal-identità tal-informatur mingħajr il-kunsens għandu jkun soġġett għal pieni kriminali u sanzjonijiet;

48.  Iqis li l-informaturi m'għandhomx jiġu soġġetti għal prosekuzzjoni penali, ċivili jew għal sanzjonijiet amministrattivi jew dixxiplinarji minħabba sinjalazzjonijiet li jkunu għamlu;

49.   Iqis li l-possibbiltà għal informatur li jirrapporta b'mod anonimu tista' tippermetti t-trażmissjoni ta' informazzjoni li altrimenti l-informatur ma kienx jirrapporta; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li mezzi ta' rapportar anonimu regolati b'mod ċar lill-korp nazzjonali jew Ewropew indipendenti responsabbli mill-ġbir ta' tali rapporti, li jivverifikaw il-kredibbiltà tagħhom, b'segwitu għat-tweġiba li ngħatat u jipprovdu gwida għal informaturi anki fl-ambjent diġitali, għandhom jiġu introdotti, li jistabbilixxu eżattament il-każijiet li fihom mezzi ta' rappurtar japplikaw b'mod anonimu, jenfasizza li l-identità tal-informatur kif ukoll kwalunkwe informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tiegħu jew tagħha ma għandhomx jiġu żvelati mingħajr il-kunsens tiegħu jew tagħha; iqis li kwalunkwe ksur tal-anonimat għandu jiġi soġġetti għal sanzjonijiet;

50.  Jenfasizza li persuna ma għandhiex titlef il-benefiċċju tal-protezzjoni tagħha għar-raġuni biss li hija wettqet żball ta' evalwazzjoni tal-fatti jew li t-theddida għall-interess pubbliku ma seħħitx, kemm-il darba li fil-mument tar-rapportar, hija kienet tiddisponi minn motivi raġonevoli biex temmen l-awtentiċità tal-fatti; ifakkar li, fil-każ ta' akkużi foloz, dawk responsabbli għandhom jagħtu kont ta' għemilhom u mgħandhomx jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija lill-informaturi; jenfasizza li kwalunkwe persuna li tiġi preġudikata, kemm direttament kif ukoll indirettament, mill-persuna li qed tirrapporta jew mill-iżvelar ta' informazzjoni ineżatta jew qarrieqa għandu jkollha d-dritt li tfittex rimedji effettivi kontra rappurtar malizzjuż jew abbużiv;

51.  Ifakkar fl-importanza li jitfasslu strumenti li jipprojbixxu kwalunkwe forma ta' ritaljazzjoni, kemm jekk din tkun sensja passiva kif ukoll miżuri passivi; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex ma jibqgħux jikkriminalizzaw bħala reati l-attivitajiet tal-informaturi fil-qasam tal-iżvelar ta' informazzjoni dwar atti illegali jew illeċiti jew dwar atti li jdgħajfu jew jheddu l-interess pubbliku;

52.  Iqis li, sadattant, il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE trid tiġi applikata b'mod xieraq, kemm mill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mill-Istati Membri, u li jenħtieġ li tiġi interpretata b'tali mod li toffri l-aħjar protezzjoni lill-informaturi li jaġixxu fl-interess pubbliku; jenfasizza li l-protezzjoni tal-informaturi diġà ġiet rikonoxxuta bħala mekkaniżmu importanti biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex joqogħdu lura milli jikkriminalizzaw l-azzjonijiet tal-informaturi li jiżvelaw informazzjoni fl-interess pubbliku;

Sostenn għall-informaturi

53.  Jenfasizza r-rwol li għandhom l-awtoritajiet pubbliċi, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-appoġġ u fl-għajnuna lill-informaturi fin-negozjar tagħhom fl-organizzazzjoni tagħhom;

54.  Jissottolinja li, minbarra r-riskji professjonali, l-informaturi u l-persuni li jassistuhom jiffaċċaw ukoll riskji personali, psikoloġiċi, soċjali u finanzjarji; jemmen li, fejn ikun applikabbli, għandu jkun ipprovdut appoġġ psikoloġiku speċjalizzat, għandha tingħata għajnuna legali lill-informaturi li jitolbuha u li m'għandhomx biżżejjed riżorsi, li għajnuna soċjali u finanzjarja għandha tingħata lil dawk li jesprimu l-ħtieġa għaliha b'mod debitament ġustifikat, u bħala miżura protettiva jekk proċedimenti ċivili jew ġudizzjarji jkunu mressqa kontra informatur, f’konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali; iżid li għandu jingħata kumpens, tkun xi tkun in-natura tad-dannu subit mill-informatur, bħala riżultat tal-fatt li jagħmlu rapport;

55.  Jirreferi, f'dan ir-rigward, għall-fatt li l-Ombudsman Ewropew indikat fil-Parlament li hija lesta li teżamina l-possibbiltà li toħloq korp bħal dan fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tistudja l-fattibbiltà li tafda lill-Ombudsman Ewropew, li diġà għandha kompetenza biex tinvestiga lmenti ta' abbużi fl-istituzzjonijiet tal-UE, b'dawn il-kompiti;

56.  jistieden lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej biex, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti kollha, jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jipproteġu l-kunfidenzjalità tas-sorsi ta' informazzjoni sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew theddida, kif ukoll biex iwaqqfu mezzi trasparenti ta' żvelar tal-informazzjoni, biex jiġu stabbiliti awtoritajiet nazzjonali u Ewropej indipendenti għall-protezzjoni tal-informaturi, kif ukoll biex iqisu li jagħtu lil dawn l-awtoritajiet fondi ta' appoġġ speċifiċi; jitlob, barra minn hekk, il-ħolqien ta' awtorità Ewropea ċentralizzata għall-protezzjoni effettiva tal-informaturi u tal-persuni li jgħinuhom fl-isforzi tagħhom, abbażi tal-mudell li diġà jeżisti bis-sistema tal-awtoritajiet inkarigati mill-protezzjoni tad-data;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex dawn il-miżuri jkunu effettivi, biex tiżviluppa strumenti li jiffokaw fuq il-provvista ta' protezzjoni kontra proċedimenti ġudizzjarji inġustifikati, sanzjonijiet ta' natura ekonomika u diskriminazzjoni;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu korpi indipendenti, b'biżżejjed riżorsi baġitarji, kompetenza adegwata u speċjalisti xierqa, responsabbli li jiġbru r-rapporti, jivverifikaw il-kredibilità tagħhom, jagħtu segwitu għat-tweġiba li ngħatat u jipprovdu gwida lill-informaturi, partikolarment fin-nuqqas ta' reazzjoni pożittiva min-naħa tal-organizzazzjoni tagħhom, kif ukoll jorjentawhom lejn l-għajnuna finanzjarja xierqa, speċjalment f'sitwazzjonijiet transfruntiera jew f'każijiet li jinvolvu b'mod dirett l-Istati Membri jew l-Istituzzjonijiet tal-UE; jissuġġerixxi li din tippubblika rapport annwali dwar twissijiet riċevuti u t-trattament tagħhom, filwaqt li tirrispetta r-rekwiżit tal-kunfidenzjalità ta' investigazzjonijiet li potenzjalment għadhom għaddejjin;

59.  Jenfasizza l-fatt li għandu jiġi permess l-aċċess għal informazzjoni u pariri kunfidenzjali mingħajr ħlas għal persuni li jixtiequ jagħmlu rapport fl-interess pubbliku jew jikxfu azzjonijiet illegali jew illeċiti li jippreġudikaw jew jheddu l-interess pubbliku; josserva li strutturi li jkunu kapaċi jipprovdu din l-informazzjoni u dawn i-pariri għandhom ikunu identifikati u d-dettalji ta' kuntatt tagħhom għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali;

60.  Jenfasizza li, minbarra l-benefiċċju tal-miżuri kollha ta' protezzjoni mogħtija lill-informaturi, huwa indispensabbli li jiġu garantiti b'mod speċifiku lil dawn l-informaturi l-akkoljenza, l-akkomodazzjoni u s-sigurtà tagħhom fi Stat Membru li ma jkollu l-ebda ftehim ta' estradizzjoni mal-pajjiż li jkun ikkommetta l-aġir; jitlob lill-Kummissjoni biex, f'każijiet ta' ftehimiet ta' estradizzjoni eżistenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiż terz inkriminat, u b'applikazzjoni tal-Artikolu 67(2) tat-Trattat FUE dwar il-politika Ewropea dwar l-asil, taġixxi fil-qafas tal-kompetenzi tagħha u tieħu l-miżuri ta' sigurtà kollha meħtieġa fir-rigward ta' dawn l-informaturi partikolarment vulnerabbli għal rappreżalji kbar fil-pajjiżi li huma jkunu żvelaw prattiki illeċiti jew frawdolenti tagħhom;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-istabbiliment ta' korp simili fil-livell tal-UE, b'riżorsi baġitarji xierqa, kompetenza adegwata u speċjalisti xierqa, inkarigat mill-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Istati Membri, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet transfruntiera; iqis li dan il-korp Ewropew għandu wkoll ikun jista' jirċievi r-rapporti, jivverifika l-kredibbiltà tagħhom, joħroġ rakkomandazzjonijiet vinkolanti u jiggwida lill-informaturi meta r-risposta mogħtija mill-Istat Membru jew mill-korpi nazzjonali lill-informatur ma tkunx xierqa b'mod manifest; jissuġġerixxi li din tippubblika rapport annwali dwar twissijiet riċevuti u t-trattament tagħhom, filwaqt li tirrispetta r-rekwiżit tal-kunfidenzjalità ta' investigazzjonijiet li potenzjalment għadhom għaddejjin; iqis li l-mandat tal-Ombudsman Ewropew jista' jiġi estiż biex iwettaq din il-funzjoni;

62.  Jemmen li, ladarba twissija tiġi rikonoxxuta bħala serja, dan għandu jwassal għal investigazzjoni xierqa u għandha tiġi segwita minn miżuri xierqa; jenfasizza li, matul l-investigazzjoni, l-informatur għandu jkun jista' jiċċara l-ilment tiegħu jew tagħha u jipprovdi informazzjoni jew evidenza addizzjonali;

63.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw data, parametri ta' riferiment u indikaturi dwar il-politiki tal-informaturi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat;

64.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE jindirizzaw l-inizjattiva proprja tal-Ombudsman tal-24 ta' Lulju 2014, f'konformità mal-Artikolu 22(c) tar-Regolament tal-Persunal il-ġdid, filwaqt li jistieden lill-korpi kollha tal-UE biex jadottaw mekkaniżmi ta' twissija etiċi u oqfsa legali dwar l-informaturi direttament ibbażati fuq ir-regoli interni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman; itenni d-determinazzjoni tiegħu li dan iseħħ;

65.  Iqis li l-informaturi għandu jkollhom ukoll id-dritt li jistudjaw u jikkummentaw dwar ir-riżultati tal-istħarriġ imwettaq fuq il-bażi tal-iżvelar tagħhom;

66.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE jagħtu eżempju billi japplikaw, mingħajr dewmien, il-linji gwida tal-Ombudsman Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ, kemm għaliha kif ukoll għall-aġenziji tal-UE, il-linji gwida tagħha stess dwar il-ħarsien tal-informaturi skont ir-regolamenti tal-persunal tagħha tal-2012; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera u tikkoordina b'mod effettiv l-isforzi ma' istituzzjonijiet oħra, inkluż l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, sabiex tipproteġi lill-informaturi;

67.  Jirrimarka l-bżonn li tinkiseb sistema li taħdem aħjar għar-rappurtar tal-prattiki ħżiena korporattivi li tikkomplementa u tfittex li ttejjeb l-effiċjenza tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali attwali għal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali;

68.  Jenfasizza li investigazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet imqajma minn informaturi għandhom isiru b'mod indipendenti u fl-iqsar żmien possibbli, filwaqt li jiġu protetti wkoll id-drittijiet ta' individwi li jistgħu jiġu implikati minn tali żvelar. jenfasizza li kemm l-informatur kif ukoll kull persuna implikata mill-iżvelar għandhom ikunu kapaċi jipprovdu argumenti addizzjonali u evidenza matul l-investigazzjoni, u għandhom jinżammu infurmati dwar l-ipproċessar tal-iżvelar.

69.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni fl-aħħar introduċiet mezz għall-informaturi sabiex jirrappurtaw jew jiżvelaw informazzjoni dwar il-kompetizzjoni u l-akkordji, iżda jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu semplifikati l-proċeduri u li m'għandux ikun hemm għadd eċċessiv ta' mezzi;

o
o   o

70.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2015)0408.
(2) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2016)0310.
(3) ĠU C 208, 10.6.2016, p. 89.
(4) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2015)0457.
(5) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2017)0022
(6) https://www.unodc.org/documents/treaties/UNCAC/Publications/Convention/08-50027_F.pdf
(7) Ara pereżempju r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni.

Avviż legali