Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2270(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0292/2017

Testi mressqa :

A8-0292/2017

Dibattiti :

PV 23/10/2017 - 20
CRE 23/10/2017 - 20

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2017 - 5.18
CRE 24/10/2017 - 5.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0403

Testi adottati
PDF 431kWORD 72k
It-Tlieta, 24 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar
P8_TA(2017)0403A8-0292/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar (2016/2270(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 4, 9, 14, 19, 151 u 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, li ġiet ikkonfermata mill-ġdid mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1993, u b'mod partikolari l-Artikoli 3, 23 u 25 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fosthom id-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet soċjali, b'mod partikolari, l-Artikoli 34, 35 u 36 li jiddefinixxu b'mod speċifiku d-dritt għall-assistenza soċjali u għall-akkomodazzjoni, id-dritt għal livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u d-dritt għal aċċess għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Karta Soċjali Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 1, 4, 6, 12, 14, 17, 19, 30 u 31 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet Nri 29 u 150 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-abolizzjoni tax-xogħol furzat, il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 102 dwar is-Sigurtà Soċjali u r-Rakkomandazzjoni tal-ILO Nru 202 tal-ILO dwar pjattaformi ta' protezzjoni soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti u l-Patt Globali għall-Impjiegi tal-ILO, kif adottati b'kunsens dinji waqt il-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol fid-19 ta' Ġunju 2009,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO ta' Ġunju 2013 "Towards social investment for growth and jobs" (Lejn investiment soċjali għat-tkabbir u l-impjiegi),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tal-24 ta' Ġunju 1992, dwar kriterji komuni relatati mar-riżorsi u l-assistenza soċjali suffiċjenti fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali(1)(rakkomandazzjoni dwar l-introjtu minimu),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/442/KEE tas-27 ta' Lulju 1992, dwar il-konverġenza tal-objettivi u tal-politiki tal-protezzjoni soċjali(2),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/112/EU tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "L-Investiment fit-Tfal: jinkiser iċ-ċiklu tal-iżvantaġġ"(3);

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020" (COM(2013)0083) u d-dokument li jakkumpanjah (SWD(2013)0038),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies li huma esklużi mis-suq tax-xogħol(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu"Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2015 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida tal-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (COM(2015)0098),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-aġenda soċjali mġedda(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Il-Patt dwar l-Investiment Soċjali – bħala reazzjoni għall-kriżi"(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-ilħuq tal-mira tal-ġlieda kontra l-faqar fid-dawl tal-ispejjeż li qed jiżdiedu għall-familji(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 bit-titolu "Il-Faqar: perspettiva tas-sessi"(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(12),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-15 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali – Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar "Introjtu minimu Ewropew u indikaturi tal-faqar",

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Towards adequate and accessible minimum income schemes in Europe" (Lejn skemi ta' introjtu mimimu adegwati u aċċessibbli fl-Ewropa), ippubblikat fl-2015 min-Netwerk Ewropew dwar l-Introjtu Miminu (EMIN),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2015 bit-titolu "Access to social benefits: reducing non-take-up" (Aċċess għall-benefiċċji soċjali: jitnaqqas l-għadd ta' dawk li ma jieħdux benefiċċji),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2017 dwar "Income inequalities and employment patterns in Europe before and after the great Recession" (Inugwaljanzi fl-introjtu u xejriet tal-impjiegi fl-Ewropa qabel u wara r-Reċessjoni l-kbira),

–  wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku A tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Minimum income policies in EU Member States" (Politiki dwar l-introjtu minimu fl-Istati Membri tal-UE) ippubblikat fil-forma finali f'April 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Minimum Income Schemes in Europe - A study of national policies 2015" (Skemi dwar l-Introjtu Minimu fl-Ewropa - Studju dwar il-politiki nazzjonali 2015) imfassal għall-Kummissjoni Ewropea min-Netwerk Ewropew dwar il-Politika Soċjali (ESPN) fl-2016,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija għal tweġiba orali O-000087/2016 – B8-0710/2016 tal-15 ta' Ġunju 2016 imressqa mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija għal tweġiba bil-miktub P-001004/2016 tat-2 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(13),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Schuman tad-9 ta' Mejju 1950, li sejħet għal "l-ugwalizzazzjoni u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0292/2017),

A.  billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li l-kawżi u d-durata tagħhom ma jiddependux mir-rieda ta' dawk li jġarrbuhom, jikkostitwixxu ksur tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; billi fl-2010 l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li sal-2020 inaqqsu n-numru ta' persuni f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali b'20 miljun; billi l-faqar u l-esklużjoni soċjali mhumiex biss kwistjonijiet ta' responsabbiltà individwali u jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod kollettiv;

B.  billi l-Ewropa hija wieħed mill-aktar reġjuni sinjuri fid-dinja, għalkemm data reċenti dwar il-faqar abbażi tal-introjtu enfasizzat żieda fil-faqar kif ukoll privazzjoni materjali gravi fl-Ewropa u inugwaljanzi li qed jiżdiedu bejn l-Istati Membri;

C.  billi ekonomija b'saħħitha b'qgħad baxx għadha l-aktar għodda effikaċi għall-ġlieda kontra l-faqar;

D.  billi l-faqar abbażi tal-introjtu huwa biss parti mill-kunċett globali tal-faqar, u għalhekk il-faqar ma jirreferix biss għal riżorsi materjali, iżda wkoll għal riżorsi soċjali, b'mod partikolari l-edukazzjoni, is-saħħa u l-aċċess għas-servizzi;

E.  billi t-terminu "faqar relattiv" mhuwiex indikattiv tal-ħtiġijiet reali, iżda, minflok, sempliċement jiddeskrivi l-introjtu ta' persuna meta mqabbel ma' dak ta' oħrajn;

F.  billi, skont il-metodoloġija żviluppata mill-Eurostat, il-limitu minimu ta' riskju ta' faqar huwa stabbilit għal 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tal-medjan nazzjonali (għal kull entità domestika wara trasferimenti soċjali); billi, minħabba d-diverġenzi eżistenti bejn l-Istati Membri u l-politiki soċjali nazzjonali differenti, dan il-perċentwal għandu jitqies flimkien ma' indikaturi oħrajn bħalma huma baġits ta' referenza; billi l-introjtu huwa indikatur indirett tal-istandard tal-għajxien filwaqt li baġit ta' referenza jirrifletti d-diversità ta' xejriet ta' konsum u l-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri;

G.  billi ma għandux ikun hemm ebda konfużjoni bejn "differenzi tal-introjtu" u "faqar";

H.  billi skont il-Kummissjoni(14), 119-il miljun persuna fl-UE – madwar 25 % tat-total tal-popolazzjoni – jinsabu f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali minkejja l-benefiċċji soċjali; billi, f'xi Stati Membri, dan il-fatt hu akkumpanjat minn rati għolja u persistenti ta' qgħad u billi din is-sitwazzjoni taffettwa b'mod partikolari liż-żgħażagħ, li għalihom iċ-ċifri huma saħansitra aktar allarmanti; billi, minkejja li n-numri juru tnaqqis żgħir, għad hemm iktar persuni f'riskju ta' faqar milli fl-2008; billi l-UE u l-Istati Membri għadhom 'il bogħod milli jilħqu l-mira tal-Ewropa 2020 dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali peress li l-livell għadu ogħla minn dik il-mira;

I.  billi d-data disponibbli tissuġġerixxi li ċerti gruppi ta' persuni, bħat-tfal, in-nisa, dawk li huma qiegħda, il-familji b'ġenitur wieħed u persuni b'diżabilità, huma partikolarment vulnerabbli għall-faqar, il-privazzjoni u l-esklużjoni soċjali;

J.  billi l-faqar jolqot b'mod partikolari lill-familji;

K.  billi r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol, speċjalment għall-ġenituri waħedhom, hija ta' importanza assoluta sabiex wieħed joħroġ mill-faqar;

L.  billi għandha tittieħed konsiderazzjoni tal-bżonn li tiġi inkorporata l-azzjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali f'kull qasam ta' politika rilevanti, b'hekk jiġi żgurat aċċess universali għas-servizzi pubbliċi, għal impjiegi deċenti u introjtu li jippermettu lin-nies jgħixu b'dinjità;

M.  billi, skont il-Kummissjoni, ir-rati għoljin tal-qgħad, il-faqar u l-inugwaljanza jibqgħu tħassib ewlieni f'uħud mill-Istati Membri; billi l-inugwaljanzi fl-introjtu mhux biss huma ta' detriment għall-koeżjoni soċjali, iżda jfixklu wkoll it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, kif ġie nnutat mill-Kummissarju Thyssen; billi, skont il-Eurofound, l-impatt tal-kriżi kien ġeneralment aktar qawwi fost individwi b'introjtu aktar baxx, u dan żied l-inugwaljanzi fl-introjtu fost is-soċjetajiet Ewropej(15);

N.  billi l-persuni mingħajr dar jirrappreżentaw l-aktar forma estrema ta' faqar u privazzjoni u fis-snin reċenti dawn żdiedu prattikament fl-Istati Membri kollha, partikolarment f'dawk l-aktar milquta mill-kriżi ekonomika u finanzjarja; billi, skont il-Federazzjoni Ewropea tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali li jaħdmu mal-persuni mingħajr dar (FEANTSA), kull sena ikun hemm madwar 4 miljun persuna fl-UE li jgħaddu minn esperjenza ta' mingħajr dar, aktar minn 10,5 miljun unità domestika jsofru minn privazzjoni gravi ta' akkomodazzjoni u 22,3 miljun unità domestika jiffaċċjaw piż eċċessiv fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, li jindika li dawn jonfqu aktar minn 40 % tal-introjtu disponibbli fuq l-akkomodazzjoni;

O.  billi s-sitwazzjoni attwali titlob miżuri li jippromwovu skemi nazzjonali ta' introjtu minimu, sabiex dawk kollha mingħajr introjtu suffiċjenti u dawk il-persuni kollha li jissodisfaw kundizzjonijiet speċifiċi għall-eliġibbiltà jkunu assigurati kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti, filwaqt li jittejbu l-inklużjoni soċjali u dik fis-suq tax-xogħol u jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs fit-tgawdija tad-drittijiet fundamentali; billi l-edukazzjoni, it-trasferimenti u l-benefiċċji soċjali ridistributtivi, il-politika fiskali ġusta u politika tal-impjieg soda huma fatturi importanti biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-introjtu, titnaqqas ir-rata tal-qgħad u jonqos il-faqar; billi l-fatt li wieħed ikollu impjieg deċenti jipproteġi lil dak l-individwu mir-riskju ta' faqar u jista' jitqies bħala mezz ewlieni u indispensabbli ta' integrazzjoni soċjali;

P.  billi skont ħarsa ġenerali mwettqa mill-Eurofound, ħafna persuni fl-UE ma jirċevux il-benefiċċji li huma intitolati għalihom, inklużi l-benefiċċji fuq ix-xogħol, pereżempju minħabba l-kumplessità tas-sistemi tal-benefiċċji jew il-proċeduri ta' applikazzjoni, jew minħabba li ma jkunux konxji mid-drittijiet ta' intitolamenti tagħhom;

Q.  billi l-kunċett ta' "introjtu minimu" ma jridx jitħallat ma' dak ta' "paga minima", li hija stabbilita permezz ta' ftehim kollettiv jew permess tal-leġiżlazzjoni fil-livell nazzjonali;

R.  billi l-iffissar tal-pagi huwa kompetenza tal-Istat Membru;

S.  billi l-introduzzjoni u t-tisħiħ tal-iskemi tal-introjtu minimu adegwat fl-Istati Membri kollha, b'biżżejjed riżorsi baġitarji, umani u materjali, flimkien ma' politiki attivi fis-suq tal-impjieg għal nies li jistgħu jaħdmu, hija miżura importanti u effikaċi fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanza, li tiżgura koeżjoni ekonomika u territorjali, tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-individwi, filwaqt li jiġi żgurat bilanċ bejn l-objettivi ekonomiċi u soċjali u appoġġ favur integrazzjoni soċjali u aċċess għas-suq tax-xogħol;

T.  billi l-provvista u l-ġestjoni ta' sistemi tas-sigurtà soċjali hija kompetenza tal-Istat Membri li l-Unjoni tikkoordina iżda ma tarmonizzax;

U.  billi skont l-Osservatorju Soċjali Ewropew (OSE), diġà jeżistu xi forom ta' appoġġ għall-introjtu f'26 Stat Membru(16);

V.  billi hemm bosta differenzi bejn l-Istati Membri fit-trattament tal-politiki dwar l-introjtu minimu, peress li d-dritt għal ħajja dinjituża ma jitqiesx bħala dritt universali u soġġettiv fl-Istati Membri kollha; billi jeżistu livelli għoljin ta' persuni li ma jirċevux benefiċċji, kif ukoll nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-appoġġ għall-introjtu, politiki attivi tas-suq tax-xogħol u servizzi soċjali; billi fi ftit każijiet biss, l-iskemi ta' introjtu minimu huma kapaċi joħorġu lill-persuni mill-faqar;

W.  billi xi wħud mill-persuni l-aktar vulnerabbli huma persuni mingħajr dar li jesperjenzaw diffikultajiet biex jaċċessaw l-iskemi ta' introjtu minimu;

X.  billi l-garanzija ta' forniment ta' introjtu minimu adegwat għal dawk li għandhom nuqqas tar-riżorsi meħtieġa sabiex jiksbu standard ta' għajxien deċenti, kif ukoll miżuri ta' (ri)integrazzjoni fis-suq tax-xogħol li jissalvagwardjaw l-aċċess għall-impjiegi u l-motivazzjoni sabiex wieħed ifittex xogħol huma dispożizzjonijiet li huma inklużi fl-ewwel pilastru Ewropew dwar id-drittijiet soċjali(17); billi, matul il-konferenza ta' livell għoli li saret fi Brussell fit-23 ta' Jannar 2017, wara konsultazzjoni pubblika dwar din il-kwistjoni, il-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, tenna li dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri kollha;

Y.  billi, skont il-Eurostat, fl-2015 ir-rata tal-qgħad taċ-ċittadini tal-UE li għandhom bejn l-20 u l-64 sena kienet ta' 70,1 % u kienet ferm 'il bogħod mill-għan tal-istrateġija UE 2020 stabbilit għal 75 %;

Z.  billi l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2015 dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi ttenni l-importanza ta' appoġġ għall-introjtu biex jiġi miġġieled il-faqar (linja gwida 8);

AA.  billi sistemi ta' appoġġ għall-introjtu mfassla tajjeb, xierqa u disponibbli b'mod wiesa' m'għandhomx jipprevjenu jew jiskoraġġixxu ritorn għas-suq tax-xogħol u jgħinu wkoll biex tingħata spinta lid-domanda interna;

AB.  billi r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva ġustament tirrikonoxxi li minbarra l-iffaċilitar tal-aċċess għall-impjieg ta' kwalità għal dawk li jistgħu jaħdmu, il-politiki ta' inklużjoni attiva jenħtieġ li barra minn hekk "[j]ipprovd[u] riżorsi li huma biżżejjed biex jgħixu b'dinjità, flimkien ma' għajnuna għall-parteċipazzjoni soċjali, għal dawk li ma jistgħux";

AC.  billi fil-5 ta' Ottubru 2015, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-adegwatezza tal-pensjonijiet, filwaqt li qies bħala essenzjali l-fatt li l-pensjoni pubblika jew skemi oħra ta' protezzjoni soċjali jinkludu salvagwardji adegwati għall-persuni li l-opportunitajiet ta' xogħol tagħhom ma jħalluhomx jew ma ħallewhomx jakkumulaw biżżejjed intitolamenti għall-pensjoni u li tali salvagwardji jinkludu b'mod partikolari pensjonijiet minimi jew dispożizzjonijiet oħra ta' introjtu minimu għall-persuni anzjani;

AD.  billi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE l-Kunsill talab lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu d-dritt bażiku ta' kull persuna għal assistenza soċjali u għal riżorsi suffiċjenti biex tgħix b'mod dinjituż; billi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/442/KEE tas-27 ta' Lulju 1992, l-Istati Membri huma mħeġġa jibbażaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom fuq dawk il-prinċipji;

AE.  billi fil-konklużjonijiet tas-17 ta' Diċembru 1999 il-Kunsill approva l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali bħala wieħed mill-objettivi lejn il-modernizzazzjoni u t-titjib tal-protezzjoni soċjali;

AF.  billi r-Rakkomandazzjoni dwar l-inklużjoni attiva tidentifika l-appoġġ adegwat għall-introjtu bħala wieħed mit-tliet oqsma ugwalment importanti għal strateġija ta' inklużjoni attiva u tenfasizza li dan irid ikun akkumpanjat minn aċċess għal servizzi ta' kwalità u swieq tax-xogħol inklużivi; billi, bl-istess mod, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali tirrikjedi miżuri kkoordinati li jindirizzaw lill-individwu u d-dipendenti tiegħu jew tagħha, flimkien ma' azzjoni li tippromwovi xogħol stabbli;

AG.  billi f'ħafna pajjiżi, l-ostakoli ewlenin għall-iżvilupp ta' rabtiet effikaċi bejn l-oqsma differenti ta' inklużjoni attiva jinkludu nuqqas ta' kapaċità, ta' ħiliet u riżorsi fis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u fl-istituzzjonijiet tal-għajnuna soċjali, nuqqas ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn is-servizzi, u tendenza li tingħata prijorità lil gruppi differenti fil-bżonn ta' appoġġ bil-ħsieb li jistgħu jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol b'mod aktar faċli(18);

AH.  billi l-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-Kummissjoni 2013 tenna mill-ġdid l-importanza ta' approċċ ta' inklużjoni attiva u, fi ħdan dan il-Pakkett, enfasizza l-importanza ta' appoġġ adegwat għal introjtu minimu; billi ġie ddikjarat li l-adegwatezza tal-iskemi nazzjonali eżistenti ta' introjtu minimu tista' tittejjeb sabiex jiġi żgurat li l-livell ikun għoli biżżejjed li jippermetti ħajja deċenti; billi kien stabbilit li "l-Kummissjoni se tissorvelja, bħala parti mis-Semestru Ewropew, l-adegwatezza tal-appoġġ għall-introjtu u se tuża għal dan l-għan il-baġits ta' referenza ġaladarba dawn jiġu żviluppati flimkien mal-Istati Membri",

AI.  billi r-Rakkomandazzjoni Nru 202 tal-ILO dwar il-pjattaformi ta' protezzjoni soċjali tiddikjara li jenħtieġ li l-pajjiżi "jistabbilixxu mill-aktar fis possibbli u jżommu l-pjattaformi ta' protezzjoni soċjali tagħhom li jinkludu garanziji bażiċi tas-sigurtà soċjali" u ddikkjarat wkoll: "Jenħtieġ li l-garanziji tal-inqas jiżguraw li, matul iċ-ċiklu tal-ħajja, dawk il-persuni kollha fil-bżonn ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa essenzjali u għas-sigurtà bażika tal-introjtu li flimkien jiżguraw aċċess effettiv u sigur għall-prodotti u s-servizzi";

AJ.  billi l-Kunsill irrikonoxxa l-ħtieġa għal inklużjoni attiva b'appoġġ adegwat għall-introjtu u l-importanza ta' approċċ integrat taċ-ċiklu tal-ħajja sabiex jiġi indirizzat il-faqar(19);

AK.  billi dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, li fi tmiem l-2015 kienu jammontaw għal 48,1 % tat-total ta' persuni qiegħda fl-UE, ekwivalenti għal 10,9 miljun persuna, isibuha aktar diffiċli li jidħlu fis-suq tax-xogħol;

AL.  billi f'diversi każijiet, bħala riżultat tat-trobbija tat-tfal u ta' perjodi ta' żmien utilizzat għal dan il-għan, hemm ħafna telf ta' introjtu u żvantaġġi finanzjarji kontinwi ("distakk fil-pagi tal-familja");

AM.  billi l-ommijiet u l-missirijiet li jrabbu t-tfal qed jagħmlu xogħol daqs kull xogħol ieħor li jrid jiġi rikonoxxut bħala tali;

AN.  billi, fi tmiem l-2015, 5,1 % tal-persuni inattivi fl-UE kienu persuni skuraġġiti, li xtaqu jaħdmu imma li waqfu jfittxu impjieg, u billi dawn in-nies ma jingħaddux b'mod sistematiku mal-istatistika dwar il-qgħad;

AO.  billi l-qgħad iwassal għal deterjorament rapidu u kostanti tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-ħaddiema u tal-istat mentali u emottiv tagħhom, li jxekkel il-prospetti tagħhom li jaġġornaw ħiliethom u konsegwentement, il-possibbiltà ta' (ri)integrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

AP.  billi ċerti programmi pubbliċi ta' impjieg jistgħu jkunu għodda effikaċi li tista' tiffunzjona flimkien ma' skemi ta' introjtu minimu bħala mezz ta' inklużjoni soċjali u vokazzjonali ta' kategoriji partikolari, bħal żgħażagħ qiegħda, dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil u gruppi vulnerabbli oħra; billi programmi bħal dawn jistgħu jkunu effikaċi f'kuntesti u żoni ġeografiċi depressi fejn hu meħtieġ taħriġ mill-ġdid; billi persuni li jżommu lilhom infushom attivi jaħdmu fi programm pubbliku soċjali tal-impjiegi isibuha eħfef li jsibu impjieg; billi dawn il-programmi jeħtieġ li jipprovdu paga deċenti u jinkludu itinerarju personalizzat, u għandhom iwasslu għal xogħol deċenti;

AQ.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2017 adottati mill-Kunsill EPSCO fit-3 ta' Marzu 2017(20) it-tnejn li huma jistiednu lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jipprovdu appoġġ adegwat għall-introjtu u li r-riformi jkomplu jiffokaw, fost l-oħrajn, fuq il-provvista ta' appoġġ adegwat għall-introjtu u servizzi ta' abilitazzjoni u attivazzjoni ta' kwalità għolja;

AR.  billi t-taħriġ vokazzjonali, b'mod partikolari permezz ta' skemi ta' taħriġ relatat max-xogħol, jipprovdi l-ħiliet neċessarji sabiex wieħed iwettaq attività professjonali u jibni netwerk professjonali, b'hekk jgħin sabiex tinkiseb integrazzjoni sostenibbli tas-suq tax-xogħol u jitnaqqas ir-riskju ta' faqar;

AS.  billi l-Iskemi ta' introjtu minimu jirrappreżentaw perċentwal żgħir ħafna tal-infiq soċjali tal-Gvern, filwaqt li jipprovdu qligħ kbir fuq l-investiment, u l-konsegwenza tan-nuqqas ta' investiment għandha impatti immedjati kbar ħafna fuq l-individwi kkonċernati u konsegwenzi fit-tul għas-soċjetà;

AT.  billi l-iskemi ta' introjtu minimu huma tajbin għas-soċjetà kollha kemm peress li dawn huma indispensabbli biex jinkisbu soċjetajiet aktar ugwali u soċjetajiet aktar ugwali jiffunzjonaw aħjar fuq bosta indikaturi soċjali u ekonomiċi;

AU.  billi l-iskemi ta' introjtu minimu huma forma effikaċi ta' ġabra ta' stimulu ekonomiku effikaċi, peress li l-flus jintużaw biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti u jerġgħu jidħlu mill-ġdid b'mod immedjat fl-ekonomija reali;

AV.  billi d-dritt għal standard ta' għajxien adegwat huwa rikonoxxut fl-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u jirreferi għal-livell limitu li fih il-benefiċċji jipprovdi biżżejjed riżorsi lill-persuni biex jiġi żgurat "standard ta' għajxien adegwat għas-saħħa u l-benesseri tagħhom"; billi l-kopertura tirreferi għal-limitu li permezz tiegħu l-persuni kollha fil-bżonn ta' appoġġ huma koperti mill-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà li għandhom x'jaqsmu ma' skema ta' introjtu minimu; billi t-teħid tal-benefiċċji jirreferi għal-limitu li fih dawk li huma eliġibbli biex jirċievu benefiċċju ta' introjtu minimu, jirċevuh tassew;

AW.  billi n-nuqqas ta' pagamenti adegwati, flimkien ma' kopertura limitata u rikors dgħajjef għall-benefiċċji minħabba fost l-oħrajn amministrazzjoni dgħajfa, aċċess inadegwat għall-informazzjoni, burokrazija żejda u l-istigmatizzazzjoni, ta' spiss ifisser li l-pagamenti kkonċernati għadhom ferm 'il bogħod milli jiżguraw ħajja deċenti għal dawk il-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà(21);

AX.  billi għadd ta' Stati Membri jeħtiġilhom jindirizzaw id-defiċits baġitarji gravi u żieda fil-livelli tad-dejn u konsegwentement qed jissikkaw il-kontroll fuq l-infiq soċjali, u dan affettwa s-saħħa pubblika, l-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali u s-sistemi ta' protezzjoni u tad-djar tagħhom, u b'mod partikolari, l-aċċess għas-servizzi relatati u l-adegwatezza, id-disponibbiltà u l-kwalità ta' dawk is-servizzi, li jwassal għal impatt negattiv b'mod speċjali fuq dawk l-aktar fil-bżonn f'dawk l-Istati Membri;

AY.  billi skemi ta' introjtu minimu jistgħu jaġixxu bħala stabbilizzaturi awtomatiċi makroekonomiċi b'rispons għal xokkijiet ekonomiċi;

AZ.  billi l-effikaċja tal-iskemi ta' introjtu minimu b'mod li jtaffu l-faqar, irawmu l-integrità tas-suq tax-xogħol speċjalment għaż-żgħażagħ, u jaġixxu bħala stabbilizzaturi awtomatiċi jvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri;

BA.  billi l-politiki dwar l-introjtu minimu jaġixxu bħala stabbilizzatur awtomatiku; billi r-reċessjoni kienet inqas gravi fil-pajjiżi li għandhom sistemi solidi ta' appoġġ għall-introjtu disponibbli għall-unitajiet domestiċi;

BB.  billi l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa joħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi fi ħdan l-UE u qed iċaħħdu lill-Istati Membri minn għadd kbir ta' dħul li jista' kieku jikkontribwixxi bħala finanzjament suffiċjenti għal politiki soċjali b'saħħithom u l-benesseri taċ-ċittadini, kif ukoll inaqqas id-dħul tal-gvern meta tali dħul jista' jiffinanzja kundizzjonijiet aħjar għat-tkabbir ekonomiku, għal introjti ogħla u għall-politiki soċjali; billi dan il-fenomenu għadu problema serja għall-UE;

BC.  billi għadd ta' studji wrew kif il-faqar qed jaffettwa b'mod negattiv it-tkabbir ekonomiku(22);

BD.  billi xi Stati Membri qed iniedu proġetti pilota għall-ittestjar tal-politiki ta' introjtu bażiku, fosthom il-Finlandja, fejn kampjun aleatorju ta' 2 000 persuna qiegħda se jirċievu somma inkondizzjonata ta' EUR 560 fix-xahar, li għandha tipproduċi inċentiv xieraq sabiex jiġi aċċettat xogħol temporanju jew part-time;

BE.  billi l-implimentazzjoni ta' skemi ta' introjtu bażiku qed tiġi diskussa f'diversi Stati Membri;

Skemi ta' introjtu minimu:

1.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jintroduċu skemi adatti ta' introjtu minimu, akkumpanjati minn miżuri ta' appoġġ għad-dħul mill-ġdid għax-xogħol għal dawk li jistgħu jaħdmu kif ukoll programmi ta' edukazzjoni u taħriġ adattati għas-sitwazzjoni personali u tal-familja tal-benefiċjarju, bil-ħsieb li jgħinu lill-unitajiet domestiċi b'introjtu insuffiċjenti u jippermettulhom li jkollhom livell ta' għajxien deċenti; jisħaq fuq il-fatt li dan l-introjtu minimu għandu jkun l-aħħar netwerk ta' protezzjoni soċjali u għandu jikkonsisti f'appoġġ finanzjarju adegwat flimkien ma' aċċess garantit għal servizzi ta' kwalità u għal politiki attivi tas-suq tax-xogħol, bħala mod effikaċi biex jiġi miġġieled il-faqar u tiġi żgurata eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti; jenfasizza f'dan ir-rigward li d-dritt għal assistenza soċjali huwa dritt fundamentali u li jenħtieġ li introjtu minimu adegwat jgħin lill-persuni jgħixu ħajja dinjituża, jappoġġja l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà u jiżgura l-indipendenza tagħhom tul iċ-ċiklu tal-ħajja;

2.  Huwa tal-fehma li l-promozzjoni ta' soċjetajiet inklużivi u ħielsa mill-faqar trid tkun ibbażata fuq it-tisħiħ tal-istatus tax-xogħol bi drittijiet tax-xogħol abbażi ta' negozjar kollettiv u fuq il-provvista ta' servizzi ta' kwalità tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà soċjali u tal-edukazzjoni li jkissru ċ-ċikli ta' esklużjoni u jippromwovu l-iżvilupp;

3.  Jenfasizza l-importanza ta' finanzjament pubbliku adegwat sabiex jiġu ffinanzjati l-iskemi ta' introjtu minimu; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja speċifikament l-użu ta' 20 % tal-allokazzjoni totali tal-FSE ddedikata għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll biex teżamina, fir-rieżami li jmiss tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-Fondi Strutturali (ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013), u b'mod partikolari fil-qafas tal-Fond Soċjali Ewropew u l-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), il-possibbiltajiet ta' finanzjament li jgħin lil kull Stat Membru jistabbilixxi skema ta' introjtu minimu fejn ma jeżistix jew itejjeb it-tħaddim u l-effikaċja tas-sistemi eżistenti;

4.  Jirrikonoxxi li huwa diffiċli għall-Istati Membri biex imorru minn ebda skema ta' introjtu minimu jew ta' kwalità baxxa għal skemi ta' livell għoli; jitlob għalhekk li l-Istati Membri jaħdmu għar-realizzazzjoni progressiva ta' skemi adegwati ta' introjtu minimu li jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-adegwatezza, tal-kopertura u tal-użu tal-iskemi;

5.  Jenfasizza li l-istabbiliment ta' skemi ta' introjtu minimu jistgħu jnaqqsu l-inugwaljanzi u l-impatt soċjali tal-kriżi kif ukoll ikollhom impatt kontroċikliku billi jipprovdu riżorsi sabiex tittejjeb id-domanda fis-suq intern;

6.  Jenfasizza li huwa essenzjali għal dawk kollha li jeħtiegu aċċess għal skemi ta' introjtu minimu suffiċjenti li jkunu jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom, inkluż għal dawk l-aktar esklużi bħalma huma persuni mingħajr dar; iqis li introjtu minimu adegwat huwa introjtu indispensabbli għal dawk fil-bżonn biex jgħixu ħajja dinjituża, u li dan għandu jiġi kkunsidrat flimkien mad-dritt tal-aċċess universali għas-servizzi pubbliċi u soċjali; huwa tal-fehma li l-iskemi ta' introjtu minimu jridu jiżguraw li jispiċċa ċ-ċiklu ta' dipendenza soċjali u jiffaċilitaw l-inklużjoni fis-soċjetà; ifakkar li r-Rakkomandazzjoni dwar l-inklużjoni attiva tirrikonoxxi l-ħtieġa għal strateġija integrata fl-implimentazzjoni tat-tliet oqsma tal-inklużjoni soċjali (appoġġ adegwat għall-introjtu, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta' kwalità);

7.  Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni tal-istabbilizzazzjoni awtomatika tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali sabiex jiġu ammortizzati l-mewġ ta' xokkijiet soċjali kkawżati minn effetti esterni bħalma huma r-reċessjonijiet; jistieden għalhekk lill-Istati Membri, fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni Nru 202 tal-ILO, jiddefinixxu l-pjattaformi ta' protezzjoni soċjali, biex jiżguraw u jżidu l-investiment fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali sabiex tiġi ggarantita l-prestazzjoni tagħhom fl-indirizzar u fil-prevenzjoni tal-faqar u tal-inugwaljanzi filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom;

8.  Jiġbed l-attenzjoni – b'rabta mad-dibattitu dwar l-introjtu minimu – għall-pożizzjoni partikolari tal-familji u tal-ġenituri waħedhom u kemm dawn huma partikolarment affettwati;

9.  Jenfasizza li l-persuni għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija u li dan id-dritt jiġi rikonoxxut bis-sħiħ u jsir viżibbli fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni billi jiġu żgurati sistemi universali ta' protezzjoni soċjali ta' kwalità tajba li jinkludu fihom skemi effikaċi u adegwati ta' introjtu minimu;

10.  Iqis li l-protezzjoni soċjali, inklużi l-pensjonijiet u s-servizzi bħall-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal u l-kura fit-tul, jibqgħu essenzjali għal tkabbir bilanċjat u inklużiv, għaliex dawn jikkontribwixxu wkoll għal ħajja tax-xogħol itwal, joħolqu l-impjiegi u jnaqqsu l-inugwaljanzi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki li jiżguraw is-suffiċjenza, l-adegwatezza, l-effiċjenza kif ukoll il-kwalità tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' persuna, b'hekk jiggarantixxu ħajja deċenti, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u t-tisħiħ tal-inklużjoni bl-għan li jeqirdu l-faqar, speċjalment għal dawk esklużi mis-suq tax-xogħol u għall-gruppi l-aktar vulnerabbli;

11.  Jenfasizza li introjtu adegwat tul iċ-ċiklu tal-ħajja huwa fundamentali biex jgħin lin-nies li għandhom livelli insuffiċjenti ta' introjtu jiksbu ħajja deċenti;

12.  Jenfasizza li skemi adegwati ta' introjtu minimu bħala għodda ta' inklużjoni attiva jippromwovu l-parteċipazzjoni u l-inklużjoni soċjali;

13.  Ifakkar li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 huwa t-tnaqqis tal-għadd ta' dawk affettwati mill-faqar u l-esklużjoni soċjali b'tal-inqas 20 miljun u li hemm bżonn ta' aktar sforzi biex jintlaħaq dak l-għan; jemmen li l-iskemi ta' introjtu minimu jistgħu jkunu mod utli biex jintlaħaq dan l-objettiv;

14.  Jenfasizza li l-impjiegi deċenti huma l-aħjar mod biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali; ifakkar f'dan il-kuntest fl-importanza li tingħata spinta lit-tkabbir, l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol;

15.  Jiddispjaċih ħafna li xi Stati Membri jidhru li mhumiex jirrispettaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE li tirrikonoxxi "id-dritt bażiku ta' persuna li jkollha riżorsi adegwati u assistenza soċjali biex tgħix b'mod li jkun kompatibbli mad-dinjità tal-bniedem";

16.  Jenfasizza li, minkejja li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom skemi nazzjonali ta' introjtu minimu, għadd ta' dawn l-iskemi ma jipprovdux appoġġ adegwat għall-introjtu għall-persuni kollha li jeħtiġuhom(23); jistieden lill-Istati Membri kollha jipprevedu l-introduzzjoni u, jekk meħtieġ, l-aġġornament ta' skemi ta' introjtu minimu garantiti biex jgħinu jimpedixxu l-faqar u jinkoraġġixxu l-inklużjoni soċjali;

17.  Jenfasizza li l-introduzzjoni ta' skema nazzjonali ta' introjtu minimu jenħtieġ li ma tnaqqasx il-protezzjoni mogħtija minn skemi reġjonali ta' introjtu minimu;

18.  Jenfasizza l-importanza tas-Semestru Ewropew biex dawk l-Istati Membri li s'issa għad m'għandhomx skemi ta' introjtu minimu jiġu mħeġġa jintroduċu sistemi ta' appoġġ għal introjtu adegwat;

19.  Jinnota li f'xi Stati Membri, l-intitolament għall-benefiċċji ta' introjtu minimu huwa soġġett għall-parteċipazzjoni f'miżuri attivi tas-suq tax-xogħol; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol importanti tal-UE bħala mezz li jippermetti lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki;

20.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-rwol tal-introjtu minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta' soċjetà inklużiva fl-Ewropa,

21.  Jieħu nota tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar id-direttiva qafas dwar introjtu minimu adegwat fl-Unjoni Ewropea li għandha tistabbilixxi regoli u indikaturi komuni, tipprovdi metodi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha u ttejjeb id-djalogu bejn l-individwi kkonċernati, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni; ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jivvalutaw il-mod u l-mezzi li bihom jipprovdu introjtu minimu adegwat fl-Istati Membri kollha;

22.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li s-Semestru Ewropew issa qed jitfa' enfasi aktar b'saħħitha fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali iżda jemmen li hemm bżonn aktar sforzi biex jintlaħaq dan l-għan u biex tiġi żgurata koerenza globali, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-investiment soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tivvaluta b'mod regolari l-progress li sar mill-Istati Membri fir-rigward tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) fl-għoti ta' servizzi aċċessibbli, affordabbli u ta' kwalità, kif ukoll fl-implimentazzjoni ta' skemi adegwati u effiċjenti ta' introjtu minimu;

23.  Jenfasizza l-importanza tas-Semestru Ewropew fil-monitoraġġ tal-adegwatezza tal-iskemi eżistenti ta' introjtu minimu u l-impatt tagħhom fuq it-tnaqqis tal-faqar, b'mod speċifiku permezz tas-CSRs, iżda jenfasizza wkoll l-importanza tar-rapport konġunt dwar l-impjiegi u tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir;

24.  Jenfasizza li l-iskemi ta' introjtu minimu għandhom jiżguraw introjtu li huwa ogħla mis-soll tal-faqar, li jimpedixxi privazzjoni materjali severa, u li jerfa' l-familji minn sitwazzjonijiet bħal dawn, u għandu jkun akkumpanjat mill-għoti ta' servizzi pubbliċi bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-kura tat-tfal;

25.  Iqis li skemi nazzjonali ta' introjtu minimu għandhom ikunu integrati f'approċċ strateġiku dwar l-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali, li jinvolvi kemm il-politiki ġenerali kif ukoll miżuri mmirati – f'dak li jirrigwarda l-akkmodazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-servizzi soċjali u servizzi oħra ta' interess ġenerali – u b'hekk jgħin lin-nies joħorġu mill-faqar filwaqt li jipprovdi appoġġ personalizzat, kif ukoll assistenza biex jinkiseb aċċess għas-suq tax-xogħol għal dawk li jistgħu jaħdmu; jemmen li l-objettiv reali tal-iskemi ta' introjtu minimu mhuwiex biss li jgħin lill-benefiċjarji, imma fuq kollox biex jakkumpanjahom ħalli minn sitwazzjonijiet ta' esklużjoni soċjali jgħaddu għal ħajja attiva, b'hekk jevitaw dipendenza fuq terminu twil;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni u l-ippjanar integrat bejn l-amministrazzjonijiet u s-servizzi li jindirizzaw oqsma differenti ta' inklużjoni attiva, billi jiżviluppaw punt uniku ta' kuntatt għall-klijenti u jtejbu l-kapaċità tar-riżorsi u d-disponibbiltà għalihom, sabiex jiżdied l-aċċess għas-servizzi u titjieb il-kwalità tagħhom;

27.  Iqis li huwa kruċjali li jiġi ggarantit introjtu adegwat anki għall-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli li għalihom ritorn lejn ix-xogħol mhuwiex possibbli jew ma għadux għażla, kif rikonoxxut mir-Rakkomandazzjoni dwar l-inklużjoni attiva;

28.  Jitlob li jsir progress sinifikanti u verifikat dwar l-adegwatezza tal-iskemi tal-introjtu minimu sabiex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali partikolarment fost dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà u jgħin biex jiġi garantit id-dritt ta' ħajja dinjituża;

29.  Jinnota bi tħassib li f'ħafna Stati Membri, pereżempju, l-ispejjeż tal-kura fit-tul saħansitra jaqbżu l-introjtu medju tal-pensjonijiet; jenfasizza l-importanza li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-ispejjeż tal-għajxien tal-gruppi ta' etajiet differenti;

30.  Jenfasizza l-importanza li jiġu definiti kriterji ta' eliġibbiltà xierqa adattati għas-sitwazzjoni soċjoekonomika fl-Istati Membri sabiex ikun possibbli li wieħed jista' jibbenefika minn skema ta' introjtu minimu adegwat; jemmen li dawn il-kriterji għandhom jinkludu l-fatt li persuna ma tkunx qed tibbenefika minn benefiċċju tal-qgħad, jew il-fatt li tkun benefiċjarju ma jkunx biżżejjed biex jiġu evitati l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u għandhom iqisu wkoll l-għadd ta' tfal u dipendenti oħra; jenfasizza, barra minn hekk, li dawn il-kriterji jenħtieġ li ma joħolqux ostakoli amministrattivi għall-aċċess għall-iskemi ta' introjtu minimu għall-persuni li diġà jinsabu f'sitwazzjoni vulnerabbli ħafna, (eż.ma għandux ikun rikjest indirizz fiss għall-persuni mingħajr dar);

31.  Itenni l-importanza ta' aċċess ugwali għall-iskemi ta' introjtu minimu mingħajr ebda diskriminazzjoni fir-rigward tal-etniċità, is-sess, il-livell tal-edukazzjoni, in-nazzjonalità, l-orjentazzjoni sesswali, ir-reliġjon, id-diżabilità, l-età, l-opinjoni politika jew l-isfond soċjoekonomiku;

32.  Jinsab imħasseb dwar ir-rata għolja ta' persuni li ma jeħdux il-benefiċċji fost dawk li huma intitolati għal introjtu minimu; iqis li n-nuqqas ta' teħid tal-benefiċċji huwa wieħed mill-ostakoli ewlenin għall-inklużjoni soċjali tal-persuni kkonċernati; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jagħmlu aktar riċerka dwar il-problema tan-nuqqas ta' teħid tal-benefiċċji u jiżviluppaw rakkomandazzjonijiet u linji gwida sabiex tiġi indirizzata din il-problema; jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu n-nuqqas ta' teħid ta' benefiċċji, anki billi jżidu l-għarfien pubbliku dwar l-eżistenza ta' skemi ta' introjtu minimu, jipprovdu linji gwida xierqa dwar l-aċċess għal dawk l-iskemi u jtejbu l-organizzazzjoni amministrattiva tagħhom;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jieħdu miżuri li jiddefinixxu l-kriterji ta' introjtu minimu, abbażi ta' indikaturi rilevanti, inklużi baġits ta' referenza, li jiggarantixxu l-koeżjoni ekonomika u soċjali u jnaqqsu r-riskju tal-faqar fl-Istati Membri kollha; huwa tal-fehma li din l-informazzjoni għandha tkun ippreżentata kull sena fil-Jum Internazzjonali għall-Qerda tal-Faqar (is-17 ta' Ottubru);

34.  Jinnota li ħafna Stati Membri diġà jużaw l-Indikaturi tal-Protezzjoni tal-Introjtu Minimu (MIPI); jitlob l-użu tad-data tal-MIPI mill-Istati Membri kollha, li tippermetti wkoll paragun aħjar bejn is-sistemi nazzjonali;

35.  Jemmen li l-introjtu minimu jenħtieġ li jitqies fuq bażi temporanja u għandu dejjem ikun akkumpanjat b'politiki ta' inklużjoni attiva fis-suq tax-xogħol;

36.  Jargumenta li skemi ta' introjtu minimu huma strumenti tranżitorji biex jitnaqqas u jiġu miġġielda l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza u li dawn għandhom jitqiesu bħala investiment soċjali; jinnota l-effetti kontroċikliċi ta' skemi ta' introjtu minimu;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa, meta jiġu determinati l-livelli ta' introjtu minimu, li jittieħed kont xieraq tad-dipendenti, b'mod partikolari t-tfal u persuni b'dipendenza għolja, bil-għan li jinkiser iċ-ċirku vizzjuż tal-faqar, b'mod partikolari tal-faqar fost it-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni rapida tar-rakkomandazzjoni tal-2013 dwar "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ", barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tfassal rapport annwali tal-progress li jkun sar fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni bl-għajnuna tal-indikaturi inklużi fih;

38.  Jirrimarka li l-baġits ta' referenza jistgħu jgħinu jistabbilixxu l-livell tal-introjtu minimu meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet fundamentali tal-persuni, inklużi wkoll aspetti mhux monetarji, bħall-aċċess għall-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, akkomodazzjoni deċenti, servizzi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità, attivitajiet soċjali jew parteċipazzjoni ċivika, filwaqt li jqisu l-kompożizzjoni tal-familja u l-etajiet, kif ukoll il-kuntest ekonomiku u soċjali ta' kull Stat Membru; ifakkar li l-Kummissjoni, fil-Pakkett ta' Investiment Soċjali tagħha ta' komunikazzjoni, tħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu baġits ta' referenza li jgħinu fit-tfassil ta' appoġġ għal introjtu effiċjenti u xieraq li jqis il-ħtiġijiet soċjali identifikati fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex titjieb il-koeżjoni territorjali; jitlob, barra minn hekk, l-użu tal-baġits ta' referenza bħala għodda biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-iskemi ta' introjtu minimu pprovduti mill-Istati Membri;

39.  Jemmen li l-Istati Membri, meta jistabbilixxu l-iskemi ta' introjtu minimu adegwati għandhom iqisu il-limitu minimu tar-riskju ta' faqar tal-Eurostat, stabbilit għal 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat tal-medjan nazzjonali (wara t-trasferimenti soċjali), flimkien ma' indikaturi oħra bħal baġits ta' referenza; iqis li l-baġits ta' referenza jistgħu jintużaw biex jindirizzaw aħjar il-faqar u biex jittestjaw ir-robustezza tal-livell tal-introjtu minimu u tal-limitu minimu msemmi hawn fuq, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

40.  Jemmen li n-nuqqas ta' ċifri aġġornati dwar l-introjtu u l-kundizzjonijiet tal-għajxien huwa ostakolu għall-implimentazzjoni u l-paragun ta' baġit ta' referenza u ta' introjtu minimu meta jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki mill-iskemi ta' introjtu minimu;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jiddokumentaw u jxerrdu eżempji ta' strateġiji ta' suċċess u jippromwovu evalwazzjonijiet bejn il-pari u metodi oħra għall-iskambju ta' prattiki tajba dwar skemi ta' introjtu minimu; jirrakkomanda li dawn l-isforzi jiffukaw fuq kwistjonijiet ewlenin bħall-iżgurar ta' rivalutazzjoni regolari, titjib fil-kopertura u t-teħid, l-indirizzar tad-diżinċentivi u t-tisħiħ fir-rabtiet bejn it-taqsimiet differenti ta' inklużjoni attiva;

43.  Jemmen li, minħabba l-ħafna mistoqsijiet li jirriżultaw mill-iskemi ta' introjtu minimu, bħall-aċċessibbiltà, il-kopertura, il-finanzjament, il-kundizzjonijiet tal-intitolament u t-tul ta' żmien, kunċett għall-iskemi nazzjonali ta' introjtu minimu jista' jkun ta' għajnuna fil-kontribut ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn l-Istati Membri; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt ta' skemi ta' introjtu minimu fl-UE biex titlob sorveljanza u rappurtar regolari u tqis li tieħu azzjoni ulterjuri billi tikkunsidra ċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali ta' kull Stat Membru u l-ħtiġijiet tal-gruppi l-aktar affettwati, kif ukoll tivvaluta jekk l-iskemi jippermettux lill-familji jilħqu l-ħtiġijiet personali bażiċi tagħhom u jonqos il-faqar;

44.  Jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fl-ammont u/jew fit-tul tal-benefiċċji tal-qgħad kif ukoll fir-restrizzjoni tal-kriterji ta' eliġibbiltà li seħħew f'ħafna Stati Membri fis-snin reċenti, li rriżultaw f'aktar persuni jkollhom jiddependu aktar fuq l-iskemi ta' introjtu minimu u jikkawżaw b'hekk pressjoni żejda fuq dawn l-iskemi(24);(

45.  Jenfasizza li l-inugwaljanzi qegħdin jikbru fi ħdan kull Stat Membru u fi ħdan l-UE;

46.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li f'ħafna Stati Membri l-livell ta' benefiċċji u l-kopertura ta' skemi ta' introjtu minimu jidhru li tnaqqsu fis-snin reċenti; iqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jżidu l-kopertura bi skemi ta' introjtu minimu tal-persuni li jeħtieġu l-appoġġ, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ESPN(25):

   (a) jistieden lill-Istati Membri b'sistemi kumplessi u frammentati ħafna, jissimplifikaw dawn is-sistemi u jiżviluppaw oħrajn aktar komprensivi;
   (b) jistieden lill-Istati Membri, li attwalment għandhom livelli baxxi ta' kopertura, jeżaminaw mill-ġdid il-kundizzjonijiet tagħhom sabiex jiżguraw li l-persuni kollha fil-bżonn ikunu koperti;
   (c) jistieden lill-Istati Membri, li attwalment l-iskemi tagħhom ta' introjtu minimu jeskludu gruppi sinifikanti li jesperjenzaw il-faqar, jemendaw l-iskemi tagħhom biex ikopruhom aħjar;
   (d) jistieden lill-Istati Membri, b'livelli għolja ta' diskrezzjoni amministrattiva fis-sistemi ewlenin ta' introjtu tagħhom, jippruvaw jillimitaw din id-diskrezjoni u jiżguraw li jkun hemm kriterji ċari u konsistenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet marbuta ma' proċess effikaċi tal-appelli;

47.  Jenfasizza l-importanza li tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja tal-ħaddiema, dawk li huma qiegħda u l-gruppi soċjali vulnerabbli kollha kif ukoll il-ħtieġa li jitjieb il-livell tal-kwalifiki professjonali u l-ksib ta' ħiliet ġodda, li huma għodda fundamentali biex titħaffef l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, tiżdied il-produttività u biex in-nies jiġu megħjuna jsibu impjieg;

48.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-iżviluppi demografiċi b'rabta mal-ġlieda kontra l-faqar fl-Ewropa;

49.  Jenfasizza li jeħtieġ jittieħdu passi prattiċi urġenti biex jinqerdu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, jiġu promossi xbieki ta' sikurezza soċjali effikaċi, b'tali mod li jassiguraw koeżjoni ekonomika u territorjali; jenfasizza li dawn il-passi jridu jitwettqu fil-livell xieraq, b'azzjonijiet kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew skont it-tqassim tal-kompetenzi għall-politiki rilevanti;

50.  Jappoġġja l-approċċ ta' investiment soċjali tal-Kummissjoni li jikkunsidra l-politiki soċjali mfassla sew bħala li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, filwaqt li jipproteġu l-persuni mill-faqar u jaġixxu bħala stabbilizzaturi ekonomiċi(26);

51.  Jilqa' r-riflessjonijiet u l-istudji dwar kif tista' tinkiseb distribuzzjoni aktar ġusta ta' introjtu u ġid fi ħdan is-soċjetajiet tagħna;

52.  Jenfasizza li fatturi ewlenin li jxekklu l-iżvilupp ta' approċċ ta' investiment soċjali mill-Istati Membri jinkludu l-impatt tal-kriżi ekonomika(27);

53.  Jitlob li tingħata attenzjoni xierqa minn issa, fit-tfassil ta' politiki makroekonomiċi, sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u jiġi garantit aċċess għall-gruppi soċjali kollha b'finanzjament kif xieraq mis-servizzi soċjali pubbliċi, b'hekk jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

54.  Jitlob li tittieħed azzjoni biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali, billi l-persuni jitħallew jagħmlu l-aħjar użu mid-doni u l-kapaċitajiet tagħhom; jitlob ukoll appoġġ soċjali li jkun iffokat fuq dawk li huma fqar u ma jkunux jistgħu jaqilgħu biżżejjed flus permezz tal-isforzi proprji tagħhom;

55.  Jinnota li l-esperjenzi reċenti ta' riformi bbażati fuq eżenzjonijiet mit-taxxa juru li jaqbel aktar li l-politiki ta' introjtu minimu jiġu ffinanzjati bl-appoġġ tal-baġit milli b'inċentivi fiskali;

56.  Jissottolinja l-fatt li l-edukazzjoni, it-trasferimenti soċjali u sistemi ta' taxxa progressivi, ġusti u ridistributtivi, flimkien ma' miżuri prattiċi li jsaħħu l-kompetittività u jiġġieldu l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, kollha għandhom il-potenzjal sabiex jikkontribwixxu għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

57.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-adattament tal-iskemi eżistenti ta' introjtu minimu sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

Programmi pubbliċi tal-Impjieg

58.  Jieħu nota ta' ċerti programmi pubbliċi tal-impjieg, li jikkonsistu fl-għażla, għal dawk li jixtiequ u jistgħu jaħdmu, ta' impjieg tranżizzjonali fis-settur pubbliku jew f'entitajiet mingħajr skop ta' qligħ u f'intrapriżi tal-ekonomija soċjali; jenfasizza, madankollu, li huwa importanti li dawn il-programmi jippromwovu xogħol bi drittijiet, abbażi ta' negozjar kollettiv u l-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol;

59.  Huwa tal-fehma li programmi pubbliċi tal-impjieg għandhom jgħinu biex itejbu l-impjegabbiltà tal-ħaddiema u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom fis-suq tax-xogħol regolari; ifakkar li dawn il-programmi għandhom jinkludu itinerarju personalizzat u għandhom jipprovdu pagi deċenti u jwasslu għal xogħol deċenti;

60.  Jemmen li l-ħolqien ta' impjiegi deċenti għandu jkun prijorità għall-UE, bħala pass importanti biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet ikkonċernati kollha, b'mod partikolari s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' politiki u programmi dwar l-introjtu minimu;

o
o   o

62.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 245, 26.8.1992, p. 46.
(2) ĠU L 245, 26.8.1992, p. 49.
(3) ĠU L 59, 2.3.2013, p. 5.
(4)ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11.
(5) ĠU C 212E, 5.8.2010, p. 11.
(6) ĠU C 70E, 8.3.2012, p. 8.
(7) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 5.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0401.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0136.
(10) Testi adottati, P8_TA(2016)0235.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0355.
(12) Testi adottati, P8_TA(2017)0010.
(13) Testi adottati, P8_TA(2016)0317.
(14) "2017 Semestru Ewropew: Valutazzjoni tal-progress dwar riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi, u riżultati tal-analiżijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011" (COM(2017)0090)
(15) https://www.eurofound.europa.eu/publications/report/2017/income-inequalities-and-employment-patterns-in-europe-before-and-after-the-great-recession
(16) "Towards a European minimum income", Novembru 2013: http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/revenu-minimum_-etude-ose_-vfinale_en--2.pdf
(17) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ESPN) u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2016)0127) – Anness I
(18) Netwerk Ewropew dwar il-Politika Soċjali, "Minimum Income Schemes in Europe: A study of national policies 2015"(Skemi ta' introjtu miminu fl-Ewropa: studju tal-politiki nazzjonali 2015), Jannar 2016
(19) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Combating Poverty and Social Exclusion: An integrated approach" (Il-ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Approċċ integrat), 16 ta' Ġunju 2016
(20) Dokument tal-Kunsill 6885/17: "L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2017: Gwida politika dwar il-politika tal-impjiegi u dik soċjali - Konklużjonijiet tal-Kunsill (3 ta' Marzu 2017)"; u d-dokument tal-Kunsill 6887/17: ‘Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mill-Kummissjoni u l-Kunsill li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni fuq l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017 (3 ta' Marzu 2017)’.
(21) ESPN, "Minimum Income Schemes in Europe: A study of national policies 2015"(Skemi ta' introjtu minimu fl-Ewropa: Studju tal-politiki nazzjonali 2015),
(22) Ara: Bank Dinji ,"Poverty Reduction and Growth: The Virtuous and Vicious Circle" (Tnaqqis fil-Faqar u Tkabbir: Iċ-Ċirku Virtuż u Vizzjuż), 2006; OECD, "Trends in Income Inequality and its Impact on Economic Growth" (Xejriet fl-Inugwaljanza fl-Introjtu u l-Impatti tagħha fuq it-Tkabbir Ekonomiku), 2014.
(23) ESPN ‘Minimum Income Schemes in Europe - A study of national policies 2015’ (Skemi ta' Introjtu Minimu fl-Ewropa - Studju dwar il-politiki nazzjonali 2015)
(24) ESPN, "Social Investment in Europe: A study of national policies 2015"(Investiment Soċjali fl-Ewropa: Studju tal-politiki nazzjonali 2015), 2015.
(25) ESPN, "Minimum Income Schemes in Europe: A study of national policies 2015"(Skemi ta' introjtu minimu fl-Ewropa: Studju tal-politiki nazzjonali 2015), Jannar 2016
(26) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020" (COM(2013)0083), 20 ta' Frar 2013; u: ESPN, "Social Investment in Europe: A study of national policies 2015"(L-Investiment Soċjali fl-Ewropa: Studju tal-politiki nazzjonali 2015).
(27) ESPN, "Social Investment in Europe: A study of national policies 2015"(L-Investiment Soċjali fl-Ewropa: Studju tal-politiki nazzjonali 2015).

Avviż legali