Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2044(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0299/2017

Testi mressqa :

A8-0299/2017

Dibattiti :

PV 24/10/2017 - 13
CRE 24/10/2017 - 13

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2017 - 7.2
CRE 25/10/2017 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0408

Testi adottati
PDF 478kWORD 79k
L-Erbgħa, 25 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2018 - it-taqsimiet kollha
P8_TA(2017)0408A8-0299/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018 (11815/2017 – C8-0313/2017 – 2017/2044(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) (Regolament QFP),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2018(6),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, adottat mill-Kummissjoni fid-29 ta' Ġunju 2017 (COM(2017)0400),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018, adottata mill-Kunsill fl-4 ta' Settembru 2017 u li ntbagħtet lill-Parlament fit-13 ta' Settembru 2017 (11815/2017 – C8-0313/2017),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2018(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 88 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A8-0299/2017),

Taqsima III

Ħarsa ġenerali

1.  Jenfasizza li l-qari tal-Baġit 2018 min-naħa tal-Parlament jirrifletti bis-sħiħ il-prijoritajiet politiċi adottati b'maġġoranza kbira fir-riżoluzzjonijiet tiegħu msemmija hawn fuq tal-15 ta' Marzu 2017 u tal-5 ta' Lulju 2017; ifakkar li t-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ, is-sigurtà u t-tibdil fil-klima huma fil-qalba ta' dawn il-prijoritajiet;

2.  Jenfasizza li l-Unjoni tkompli tħabbat wiċċha ma' għadd ta' sfidi u jinsab konvint li, filwaqt li tinżamm id-dixxipplina baġitarja, ir-riżorsi finanzjarji neċessarji jridu jiġu allokati mill-baġit tal-Unjoni, sabiex jiġu sodisfatti l-prijoritajiet politiċi u sabiex l-Unjoni tkun tista' tipprovdi tweġibiet konkreti u tirrispondi b'mod effikaċi għal dawk l-isfidi; jissottolinja li l-infiq tal-Unjoni jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-prinċipju tal-valur miżjud Ewropew u jenħtieġ li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà;

3.  Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jiffinanzja l-politiki tal-Unjoni li jsaħħu l-impjiegi u t-tkabbir fir-reġjuni kollha tagħha permezz ta' investimenti fl-oqsma tar-riċerka, tal-edukazzjoni, tal-infrastruttura, tal-SMEs u tal-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ; ma jistax jifhem kif l-Unjoni tista' tikseb progress f'dawn l-oqsma meta wieħed iqis it-tnaqqis propost mill-Kunsill taħt is-subintestatura 1a; jiddeċiedi minflok li, barra minn hekk, isaħħaħ programmi ta' riċerka u innovazzjoni li għandhom rata ta' implimentazzjoni għolja ħafna u li, minħabba eċċess imdaqqas fid-domanda, qed iħabbtu wiċċhom ma' rata ta' suċċess partikolarment baxxa għall-applikazzjonijiet;

4.  Jibqa' impenjat ma' wegħdiet li għamel il-Parlament matul in-negozjati tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), jiġifieri li jimminimizza l-impatt tat-tnaqqis relatat mal-FEIS fuq Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali; jipproponi, għalhekk, li jiġi kkumpensat dak it-tnaqqis billi l-profil annwali oriġinali ta' dawn iż-żewġ programmi jerġa' jiġi kif kien, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu kompletament l-objettivi miftiehma matul l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

5.  Jesprimi l-appoġġ politiku tiegħu għall-istabbiliment tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (ESC) u jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta leġiżlattiva mressqa f'dan ir-rigward min-naħa tal-Kummissjoni; iqis, madankollu, li sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-finanzjament tal-ESC u l-adozzjoni tar-regolament rilevanti permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jenħtieġ li l-ebda dispożizzjoni finanzjarja ma tiddaħħal għal dan l-iskop fil-Baġit 2018; jiddeċiedi, għalhekk, li jenħtieġ li l-approprjazzjonijiet u r-riallokazzjonijiet rilevanti li l-Kummissjoni daħħlet fl-Abbozz ta' Baġit 2018 (AB) għalissa jiġu invertiti, peress li d-deċiżjoni dwar il-Baġit 2018 jenħtieġ li ma tippreġudika bl-ebda mod l-eżitu tan-negozjati leġiżlattivi; jibqa' impenjat bis-sħiħ biex jintegra d-deċiżjoni dwar il-finanzjament tal-ESC fil-baġit tas-sena d-dieħla immedjatament permezz ta' baġit emendatorju, f'każ li n-negozjati dwar ir-regolament rilevanti ma jiġux konklużi qabel tmiem il-proċedura baġitarja tal-2018;

6.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu f'livelli mingħajr preċedent u huwa konvint li, sabiex il-futur ta' ġenerazzjoni sħiħa ta' żgħażagħ Ewropej ma jiġix ipperikolat, jeħtieġ li jittieħdu azzjonijiet addizzjonali; jiddeċiedi għalhekk li jsaħħaħ l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) lil hinn mil-livell propost mill-Kummissjoni għall-2018; jenfasizza li dan it-tisħiħ jenħtieġ li jitqies bħala addizzjonali għall-allokazzjoni kumplessiva li ġiet approvata politikament għall-YEI fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, u mhux biss bħala antiċipazzjoni ta' dik l-allokazzjoni fil-Baġit 2018;

7.  Ifakkar li politika ta' koeżjoni tiżvolġi rwol ewlieni fil-kisba ta' konverġenza ekonomika u soċjali fl-Unjoni, u b'hekk tiżgura l-iżvilupp u t-tkabbir; jisħaq fuq il-fatt li huwa mistenni li, fl-2018, il-programmi tal-politika ta' koeżjoni se jaċċeleraw u jilħqu r-ritmu operattiv tagħhom; jenfasizza l-impenn li ħa l-Parlament biex jiżgura approprjazzjonijiet adegwati għal dawk il-programmi li jirrappreżentaw waħda mill-politiki fil-qalba tal-Unjoni; huwa mħasseb, madankollu, dwar id-dewmien inaċċettabbli fl-implimentazzjoni ta' programmi operattivi fil-livell nazzjonali; jappella lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-deżinjazzjoni tal-awtoritajiet ta' ġestjoni, awditjar u ċertifikazzjoni tiġi konkluża u dik l-implimentazzjoni titħaffef; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tkompli bis-semplifikazzjoni tal-proċeduri relatati;

8.  Huwa mħasseb ħafna bit-tiżdid fl-instabilità u fl-inċertezza kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi bilanċjat mill-ġdid l-approċċ tal-Unjoni għall-koeżjoni, l-integrazzjoni, il-paċi, l-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkomunikaw u jagħtu spinta lill-isforzi lejn aktar żamma tal-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti; ifakkar l-ispirazzjoni mad-dinja kollha dovuta għall-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira filwaqt li jirrikonoxxi l-isfidi bla preċedent u l-pressjonijiet fuq il-perjodu ta’ wara r-Referendum tar-Renju Unit tal-2016; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-appoġġ tagħhom lejn ir-rikonċiljazzjoni biex tiġi żgurata l-paċi u l-istabbiltà fl-Irlanda;

9.  Jemmen li, filwaqt li bħalissa l-quċċata tal-kriżi migratorja u tar-rifuġjati tidher li għaddiet, l-Unjoni trid tkun lesta biex twieġeb għal kwalunkwe eventwalità futura f'dan il-qasam u tfittex approċċ aktar proattiv fil-qasam tal-migrazzjoni; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli timmonitorja l-adegwatezza tal-allokazzjonijiet taħt l-Intestatura 3 u tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti disponibbli kollha taħt il-QFP attwali biex iwieġbu fil-ħin għal kwalunkwe eventwalità mhux prevista li jista' jkun jeħtieġ finanzjament addizzjonali; ifakkar li, filwaqt li l-Unjoni rnexxielha tistabbilixxi xi mekkaniżmi li jgħinu biex jinstab tarf din is-sitwazzjoni, xorta waħda s'issa waslu aktar minn mitt elf f'rifuġjati u migranti fl-Ewropa bil-baħar fl-2017, skont il-UNHCR; jiddeċiedi għalhekk li jsaħħaħ b'mod limitat il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna, kif ukoll l-aġenziji b'responsabbiltajiet fil-qasam tal-asil, bħall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), li jeħtieġ li jiġi pprovdut b'riżorsi finanzjarji u umani adegwati; jinnota għal darb'oħra li l-limitu massimu tal-Intestatura 3 hu wisq insuffiċjenti biex jipprevedi finanzjament xieraq għad-dimensjoni interna tal-kriżi migratorja u tar-rifuġjati, kif ukoll għal programmi prijoritarji oħrajn, bħall-programmi fil-qasam tal-kultura u ċ-ċittadinanza;

10.  Jissottolinja l-fatt li l-Intestatura 3 fil-parti l-kbira tagħha ġiet mobilizzata f'dawn l-aħħar snin biex tindirizza l-kriżi migratorja u tar-rifuġjati u li tali azzjonijiet jenħtieġ li jitkomplew għal kemm ikun meħtieġ; jinnota madankollu li l-finanzjament ipprovdut s'issa mhuwiex biżżejjed; għal din ir-raġuni jiddeċiedi li jsaħħaħ l-aġenziji fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li kawża ta' żieda fix-xogħol u kompiti addizzjonali, f'dawn l-aħħar snin kienu qed iħabbtu wiċċhom ma' skarsezza ta' persunal u finanzjament;

11.  Jissottolinja li, li fid-dawl tat-tħassib reċenti ta' sigurtà madwar l-Unjoni, il-finanzjament taħt l-Intestatura 3 jenħtieġ ukoll li jqis lil miżuri li se jwasslu biex tissaħħaħ is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni;

12.  Itenni li parti mis-soluzzjoni essenzjali tal-kriżi migratorja u tar-rifuġjati kif ukoll tat-tħassib dwar is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni tinsab fl-indirizzar tal-kawżi profondi tal-migrazzjoni u fl-allokazzjoni ta' biżżejjed mezzi finanzjarji għal strumenti esterni li għandhom l-għan li jindirizzaw kwistjonijiet bħall-faqar, in-nuqqas ta' impjiegi, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ekonomiċi, l-instabbiltà, il-kunflitt u t-tibdil fil-klima li huwa wieħed mill-kawżi sottostanti wara l-flussi migratorji li qed jiżdiedu; huwa tal-fehma li l-Unjoni jenħtieġ li tagħmel użu ottimali ta' mezzi finanzjarji taħt l-Intestatura 4 li wrew li huma insuffiċjenti biex jindirizzaw ukoll l-isfidi esterni kollha, minħabba li r-riżorsi huma b'mod ċar insuffiċjenti u jenħtieġu li jiżdiedu b'mod aktar organiku;

13.  Jiddispjaċih li, filwaqt li jħejji l-pożizzjoni tiegħu, il-Parlament ma ġiex infurmat biżżejjed dwar l-impatt baġitarju tal-possibbiltà ta' deċiżjoni politika sabiex testendi l-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija; itenni l-pożizzjoni tiegħu, li ilu jħaddan, li inizjattivi ġodda m'għandhomx jiġu ffinanzjati għad-detriment ta' proġetti esterni eżistenti tal-UE; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex f'każ ta' estensjoni tal-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, tipproponi l-finanzjament tagħha permezz ta' mezzi ġodda u tinvolvi aktar lill-NGOs lokali fl-implimentazzjoni tagħha; jinnota li l-limitu massimu tal-Intestatura 4 hu wisq insuffiċjenti biex jipprovdi rispons sostenibbli u effikaċi għall-isfidi esterni attwali, inklużi dawk tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati;

14.  Ifakkar li l-baġit tal-Unjoni jrid jappoġġa t-twettiq tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-miri tal-klima fit-tul tal-UE billi tintlaħaq il-mira ta' nfiq ta' 20 % għall-klima fil-QFP 2014-2020; jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset milli tressaq proposti konkreti u realistiċi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet; għaldaqstant jipproponi żidiet lil hinn mil-livell tal-AB għal azzjonijiet relatati mal-klima; jinnota madankollu li dawn iż-żidiet mhumiex biżżejjed u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti neċessarji kollha sabiex jintlaħqu l-għanijiet fl-abbozzi tal-baġits li jmiss; jinnota, f'dan il-kuntest, li 8,2 % tal-approprjazzjonijiet ta' impenn totali proposti fl-AB huma relatati mal-protezzjoni tal-bijodiversità; jenfasizza li żieda annwali ta' 0,1 % tinsab f'kuntrast mat-tnaqqis inkwetanti u li qed jaċċelera fl-ispeċijiet u l-ħabitats;

15.  Japprezza li l-approċċ il-ġdid ta' "Baġit Iffukat fuq ir-Riżultati" għall-ewwel darba ġie integrat fit-tħejjija baġitarja interna tal-Kummissjoni sabiex tiġi rieżaminata n-nefqa bbażata fuq l-esperjenza miksuba s'issa u jiġu identifikati aġġustamenti possibbli;

16.  Ireġġa' t-tnaqqis li ppropona l-Kunsill għall-AB lura għal li kien; ma jistax jifhem ir-raġunament wara t-tnaqqis propost, pereżempju għall-Orizzont 2020 u CEF, żewġ programmi li diġà huma affettwati minn riallokazzjonijiet għall-FEIS, kif ukoll dawk għall-politiki esterni; jikkontesta, f'kull każ, l-intenzjoni ddikjarata tal-Kunsill li jiffoka fuq linji baġitarji b'rata ta' eżekuzzjoni jew kapaċità ta' assorbiment baxxi, peress li din mhijiex sostanzjata minn ċifri ta' implimentazzjoni reali u tinjora x-xejriet ta' implimentazzjoni differenti ta' ċerti programmi;

17.  Jikkonkludi li, bl-iskop li jiġu ffinanzjati kif xieraq il-ħtiġijiet urġenti kollha, u meta jitqiesu l-marġnijiet stretti ħafna tal-QFP fl-2018, ikun meħtieġ li jintużaw il-mezzi kollha disponibbli fir-Regolament dwar il-QFP f'termini ta' flessibbiltà; jistenna li l-Kunsill jikkondividi dan l-approċċ u li jkun faċli jintlaħaq ftehim fil-fażi tal-konċiljazzjoni, biex b'hekk l-Unjoni tkun tista' taħtaf l-opportunità u tirrispondi b'mod effikaċi għall-isfidi li ġejjin; jissottolinja li d-devjazzjoni ta' kull sena baġitarja mill-programmazzjoni inizjali skont il-QFP attwali hija favur aġġustament 'il fuq mil-limiti massimi fil-QFP wara l-2020;

18.  Jistabbilixxi l-livell globali tal-approprjazzjonijiet għall-2018 għal EUR 162 597 930 901 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 146 712 004 932 f'approprjazzjonijiet ta' pagament;

Subintestatura 1a – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

19.  Jirrespinġi t-tnaqqis inġustifikat min-naħa tal-Kunsill ta' EUR 750 miljun għas-subintestatura 1a, li waħedha tirrappreżenta kważi żewġ terzi tat-tnaqqis kumplessiv tal-Kunsill f'impenji fl-intestaturi tal-QFP; jinnota li dan it-tnaqqis jikkontradixxi l-prijoritajiet politiċi li ddikkjara l-Kunsill stess;

20.  Jinsisti fuq il-fatt li sabiex jinkiseb t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni, huwa kruċjali li jissaħħu l-investimenti fl-oqsma tar-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-infrastruttura u l-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju; iwissi li dan it-tnaqqis propost mill-Kunsill jipperikola programmi b'valur miżjud Ewropew reali u b'impatt dirett fuq il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir, bħal Orizzont 2020 jew is-CEF; jirrimarka, b'mod partikolari, li huwa essenzjali li jkun hemm biżżejjed finanzjament għal Orizzont 2020 biex jippermetti l-iżvilupp tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-tmexxija fid-diġitalizzazzjoni u l-appoġġ tal-SMEs fl-Ewropa; ifakkar li dan il-programm ta prova ta' valur miżjud Ewropew qawwi bi 83 % tal-proġetti ffinanzjati minn Orizzont 2020 li ma kinux iseħħu kieku ma kienx għall-appoġġ fil-livell tal-Unjoni; itenni l-importanza tal-istrument ta' finanzjament tas-CEF biex jitlesta n-netwerk TEN-T u biex titwettaq iż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport; konsegwentement jiddeċiedi li jreġġa' lura kull tnaqqis li għamel il-Kunsill u, barra minn hekk, ireġġa' lura kompletament il-profil oriġinali ta' Orizzont 2020 u l-linji tas-CEF li tnaqqsu għall-proviżjonament tal-Fond ta' Garanzija tal-FEIS;

21.  Jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jissaħħu kemm l-aspetti tal-edukazzjoni u tat-taħriġ kif ukoll dak taż-żgħażagħ ta' Erasmus+ bħala parti minn investiment strateġiku fiż-żgħażagħ Ewropej;

22.  Jenfasizza li l-prijorità ewlenija għall-Unjoni jenħtieġ li tkun li jkun hemm biżżejjed appoġġ finanzjarju għall-mikroimpriżi, l-imprendituri u l-SMEs peress li dawn huma s-sors ewlieni tal-ħolqien ta' impjiegi fl-Ewropa kollha; jenfasizza li l-iżgurar ta' aċċess tajjeb għall-finanzi huwa essenzjali biex l-SMEs jibqgħu kompetittivi u biex jiġu megħjuna jegħlbu l-isfidi marbuta mal-aċċess għas-suq intern kif ukoll għas-suq globali;

23.  Jiddeċiedi, għalhekk, li jkompli jsaħħaħ lil hinn mill-AB u l-profili inizjali ta' qabel il-FEIS u l-ESC, dawk il-programmi li huma essenzjali biex jagħtu spinta lit-tkabbir u l-impjiegi u li jirriflettu b'mod wiesa' l-prijoritajiet tal-Unjoni li ntlaħaq qbil dwarhom, jiġifieri Erasmus+, Orizzont 2020 (Marie Curie, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, l-Istrument għall-SMEs), COSME u EaSI (Progress u Eures); jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi finanzjament suffiċjenti għal-linji baġitarji relatati mal-WIFI4EU u żżomm l-impenn ta' investiment tagħha bejn l-2017 u l-2020;

24.  Jilqa' l-inklużjoni tal-linja baġitarja tal-Avvenimenti Annwali Speċjali fil-Baġit tal-2018, li tippermetti l-iżvilupp ta' sens ta' appartenenza Ewropea fost iċ-ċittadini; jinnota li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Avvenimenti Annwali Speċjali jenħtieġ li jservi b'mod ċar il-valur miżjud liċ-ċittadini Ewropej fl-Istati Membri kollha;

25.  Jisħaq fuq l-importanza li titqanqal ir-riċerka dwar difiża kooperattiva fl-Ewropa biex tindirizza n-nuqqasijiet kruċjali tal-kapaċitajiet fi żmien meta l-iżviluppi u l-inċertezzi internazzjonali jirrikjedu dejjem aktar li l-Ewropa tintensifika l-isforzi tagħha fil-qasam tad-difiża; jappoġġa ż-żieda fl-allokazzjoni għall-Azzjoni Preparatorja għar-riċerka dwar id-difiża; jappella li jkun hemm programm ta' riċerka dwar id-difiża fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss; madankollu, itenni l-pożizzjoni tiegħu li ilu jħaddan li inizjattivi ġodda għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda u mhux għad-detriment ta' programmi eżistenti tal-Unjoni; jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa li jittejbu l-kompetittività u l-innovazzjoni fl-industrija tad-difiża Ewropea;

26.  Huwa tal-opinjoni li jenħtieġ li jiġu allokati aktar riżorsi fil-qafas tal-Baġit 2018 sabiex titwettaq valutazzjoni komprensiva u imparzjali tar-riskju maħluq minn pajjiżi terzi f'termini tan-nuqqasijiet strateġiċi tagħhom fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, abbażi ta' kriterji definiti fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849(8) u sabiex titfassal lista ta' ġurisdizzjonijiet "b'riskju għoli";

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura livell adegwat ta' allokazzjonijiet li jippermetti lil-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea għal Alternattivi għall-Ittestjar fuq l-Annimali (EURL ECVAM) iwettaq b'mod effikaċi d-dmirijiet u l-kompiti elenkati fl-Anness VII tad-Direttiva 2010/63/UE(9), b'referenza partikolari għall-koordinazzjoni u l-promozzjoni tal-iżvilupp u l-użu ta' alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali, inkluż fl-oqsma tar-riċerka bażika u applikata u l-ittestjar regolatorju;

28.  B'riżultat ta' dan, iżid il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn għas-subintestatura 1a lil hinn mill-AB b'EUR 143,9 miljun (minbarra t-treġġigħ lura għal-livell preċedenti tal-FEIS u tal-ESC, il-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji), biex jiġu ffinanzjati fi ħdan il-marġni disponibbli kif ukoll mobilizzazzjoni ulterjuri tal-Marġni Globali għall-Impenji;

Subintestatura 1b – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

29.  Ma jaqbilx mat-tnaqqis propost mill-Kunsill ta' EUR 240 miljun f'pagamenti taħt is-subintestatura 1b, inkluż dwar linji ta' appoġġ, u jannullah sakemm ikun hemm previżjonijiet aġġornati mill-Kummissjoni;

30.  Jinnota bi tħassib dejjem akbar li d-dewmien inaċċettabbli fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej dgħajjef l-effikaċja tagħhom u poġġa pressjoni fuq l-awtoritajiet amministrattivi u l-benefiċjarji; itenni għal darb'oħra r-riskju li d-dewmien attwali jista' jkollu fuq l-akkumulazzjoni ta' kontijiet mhux imħallsa matul it-tieni nofs ta' dan il-QFP u l-bidu ta' dak li jmiss; itenni bil-qawwa l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex ifittxu parir u għajnuna mingħand il-Kummissjoni sabiex jindirizzaw id-dewmien fil-ħatra ta' awtoritajiet maniġerjali, taċ-ċertifikazzjoni u tal-awditjar; jinsab aktar allarmat mit-tendenza għat-tnaqqis u n-nuqqas ta' preċiżjoni tal-istimi tal-Istati Membri;

31.  Ifakkar li r-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ għadhom għoljin b'mod inaċċettabbli fl-Unjoni; jenfasizza li, sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, hu ferm importanti li jkun żgurat finanzjament adegwat ta' skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) u l-FSE; jilqa' l-ftehim dwar il-ħtieġa li jingħata finanzjament ġdid għall-YEI, u l-inklużjoni tal-approprjazzjonijiet korrispondenti fl-AB tal-2018; iqis madankollu li, fid-dawl tal-isfidi u r-riskji kkawżati mill-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-YEI jenħtieġ li tibbenefika minn żieda fl-approprjazzjonijiet u għaldaqstant jiddeċiedi li jżid l-impenji għall-YEI għal EUR 600 miljun fl-2018; barra minn hekk, iqis li l-azzjonijiet ta' taħriġ professjonali, lejn iż-żgħażagħ u b'mod partikolari tal-apprendistat jenħtieġu li jkunu eleġibbli għall-finanzjament skont il-politika ta' koeżjoni;

32.  Jilqa' l-pakkett finanzjarju l-ġdid ta' EUR 142,8 miljun li nħoloq biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali bejn l-2017 u l-2020;

Intestatura 2 – Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali

33.  Ifakkar li l-proposta tal-Kummissjoni għal żieda fl-approprjazzjonijiet sabiex jiġu ffinanzjati l-ħtiġijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) tirriżulta l-aktar minn ammont ħafna iktar baxx ta' dħul assenjat mistenni li jkun disponibbli fl-2018; jinnota t-tnaqqis tal-Kunsill ta' EUR 275 miljun, iżda jqis li l-Ittra Emendatorja tal-Kummissjoni jenħtieġ li tibqa' l-bażi għal kwalunkwe reviżjoni affidabbli tal-approprjazzjonijiet tal-FAEG u jreġġa' lura l-livelli tal-AB skont dan, sakemm isir eżami ta' din l-Ittra Emendatorja fil-fażi tal-konċiljazzjoni;

34.  Jenfasizza li programmi ta' ħażna wrew li huma effikaċi fi żminijiet ta' kriżi u li tnaqqis fir-riżorsi finanzjarji allokati fil-proċess tal-ippjanar ikun kontroproduċenti;

35.  Jissottolinja li parti mis-soluzzjoni biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ tinsab fl-għoti ta' appoġġ b'mod adegwat liż-żgħażagħ f'żoni rurali; għalhekk, jipproponi żieda ta' EUR 50 miljun aktar mil-livell tal-AB għal pagamenti għall-bdiewa żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-aċċess taż-żgħażagħ għall-impjiegi fl-industrija tas-sajd permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u skemi ta' finanzjament oħra tal-Unjoni;

36.  Jiddeċiedi, f'konformità mal-miri tagħha tal-Ewropa 2020 u mal-impenji internazzjonali tagħha biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, li jipproponi żieda ta' EUR 21,2 miljun aktar mil-livell tal-AB għal azzjonijiet relatati mal-klima; itenni li kemm il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) kif ukoll il-Kunsill ECOFIN żguraw li l-baġit tal-Unjoni mhuwiex skont il-miri klimatiċi tagħha;

37.  Ifakkar li flus il-kontribwenti m'għandhomx jintużaw biex jappoġġaw it-tnissil jew it-trobbija ta' barrin li jintużaw għal attivitajiet ta' tawromakija; jemmen li t-tnissil jew it-trobbija għal dawn l-iskopijiet m'għandhomx ikunu eliġibbli għal pagamenti bażiċi u jitlob li l-Kummissjoni tressaq proposta sabiex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni attwali dwar din il-kwistjoni;

38.  Iżid, għalhekk, l-approprjazzjonijiet ta' impenn bi EUR 78,1 miljun, f'approprjazzjonijiet ta' impenn, b'hekk iħalli marġni ta' EUR 619,7 miljun taħt il-limitu massimu għall-impenji fl-Intestatura 2 ladarba jkunu esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji;

39.  Jenfasizza, b'dispjaċir, li d-diżastri ġeneralment jolqtu li dawk li għandhom inqas mezzi biex jipproteġu ruħhom, kemm fil-każ ta' persuni individwali kif ukoll fil-każ tal-Istati; jikkunsidra li r-rispons għad-diżastri naturali u magħmula mill-bniedem jrid ikun rapidu kemm jista' jkun biex il-ħsara tkun minima u n-nies u l-proprjetà jiġu salvati; jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa ta' żieda addizzjonali fil-fondi, b'mod partikolari fil-linji baġitarji marbuta mal-prevenzjoni tad-diżastri u l-istat ta' tħejjija fl-Unjoni, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, in-nirien fi Spanja u l-Portugall (li rriżultaw fit-telf traġiku ta' ħajjiet), li għandhom impatt drammatiku u sostanzjali fuq in-nies;

40.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatturi ta' theddida li huma ta' piż fuq diversi ekosistemi forestali, pereżempju, fost oħrajn, it-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi, ta' organiżmi ta' ħsara (bħan-nematodu tal-injam tal-arżnu u oħrajn) u ta' nirien forestali; jikkunsidra li jkun tajjeb li jiġu indirizzati biżżejjed riżorsi finanzjarji permezz ta' programmi u miżuri ta' appoġġ komunitarju għall-evalwazzjoni tal-istat ta' saħħa ekoloġika u tal-pjanti tal-foresti u għar-riabilitazzjoni tagħhom, inkluża r-riforestazzjoni; jinnota li dawn ir-riżorsi huma partikolarment importanti u urġenti għal xi Stati Membri, partikolarment għall-Portugall u Spanja wara nirien suċċessivi preċedenti fit-territorju nazzjonali kollu;

Intestatura 3 - Sigurtà u Ċittadinanza

41.  Jenfasizza li, għall-Parlament, l-indirizzar tal-migrazzjoni u s-sigurtà jridu jibqgħu prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni u jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-limitu massimu tal-Intestatura 3 wera li huwa ferm insuffiċjenti biex jiffinanzja b'mod adegwat id-dimensjoni interna ta' dawk l-isfidi;

42.  Jinnota li, filwaqt li l-għadd ta' migranti li jużaw ir-rotot tal-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant biex jidħlu fl-Unjoni naqas fl-ewwel disa' xhur tal-2017, tibqa' l-pressjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran tal-Punent; jinnota li aktar minn mitt elf migrant u rifuġjat daħlu l-Ewropa bil-baħar fl-ewwel disa' xhur tal-2017, b'aktar minn 75 % waslu fl-Italja u l-bqija maqsuma bejn il-Greċja, Ċipru u Spanja; huwa tal-fehma li żieda fil-finanzjament hija meħtieġa biex jiġu koperti bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni, b'mod partikolari permezz tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jtejbu l-miżuri u l-prattiki ta' integrazzjoni għal dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, speċjalment minorenni mhux akkumpanjati, u, fejn meħtieġ, it-twettiq ta' operazzjonijiet ta' ritorn għal dawk li ma jkollhomx dritt għal protezzjoni filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement; f'dan il-kuntest jinsisti wkoll li l-EASO għandu jkun mgħammar b'riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex jippermetti lill-aġenzija twettaq il-kompiti assenjati lilha;

43.  Huwa favur il-ħolqien ta' linja baġitarja ġdida għal Fond għat-Tiftix u s-Salvataġġ biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-obbligi tagħhom skont id-dritt marittimu internazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva biex jinħoloq dan il-Fond tal-UE għat-Tiftix u s-Salvataġġ;

44.  Jinsab konvint li, biex jiġi indirizzat b'mod effikaċi t-tħassib dwar is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni, il-baġit tal-Fond għas-Sigurtà Interna jeħtieġ fondi addizzjonali sabiex l-Istati Membri jiġu attrezzati aħjar fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata transkonfinali, ir-radikalizzazzjoni u ċ-ċiberkriminalità; jissottolinja, b'mod partikolari, li riżorsi suffiċjenti jridu jkunu previsti għat-tisħiħ tal-infrastrutturi tas-sigurtà u sabiex tingħata spinta lill-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet nazzjonali, inkluż permezz ta' titjib tal-interoperabilità tas-sistemi tal-informazzjoni filwaqt li fl-istess ħin jiġi garantit ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet individwali;

45.  Jenfasizza r-rwol kruċjali li jiżvolġu l-aġenziji tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni biex jindirizzaw tħassib urġenti taċ-ċittadini tal-Unjoni; jiddeċiedi għaldaqstant li jżid l-approprjazzjonijiet baġitarji u l-persunal tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), inkluż il-ħolqien ta' 7 postijiet tal-persunal għal unità operattiva ġdida magħrufa bħala l-unità operattiva tal-Europol għat-tfal neqsin, kif ukoll biex tissaħħaħ l-Unità ta' Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea (Eurojust), l-EASO u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL); itenni l-kontribut ta' dawn l-aġenziji biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam;

46.  Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-progress reali li sar fin-negozjati interistituzzjonali li għaddejjin, tipprovdi informazzjoni aġġornata dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji fl-2018 ta' proposti leġiżlattivi pendenti bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, b'mod partikolari r-riforma fis-sistema ta' Dublin, is-sistema ta' Dħul/Ħruġ, is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar u l-EASO, sabiex ikun jista' jittieħed inkunsiderazzjoni fil-fażi ta' konċiljazzjoni;

47.  Jiddispjaċih bit-tnaqqis arbitrarju li għamel il-Kunsill li ammonta għal aktar minn EUR 30 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn f'bosta programmi fil-qasam tal-kultura, taċ-ċittadinanza, tal-ġustizzja, tas-saħħa pubblika, tad-drittijiet tal-konsumatur u tal-protezzjoni ċivili, mingħajr ma ta kas ir-rati ta' implimentazzjoni eċċellenti ta' dawn il-programmi u minkejja livelli diġà insuffiċjenti ta' finanzjament li jħallu ħafna proġetti ta' kwalità għolja mingħajr finanzjamenti; ireġġa' l-linji kollha lura għal-livell tal-AB u jipproponi żidiet addizzjonali lil-linji rilevanti;

48.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li wasal iż-żmien li jitqawwa l-finanzjament favur programmi importanti tal-Unjoni fl-oqsma tal-kultura u taċ-ċittadinanza, b'mod partikolari l-programmi "Ewropea Kreattiva" u "L-Ewropa għaċ-ċittadini" li għandhom rwol importanti fl-appoġġ tal-industriji kulturali u kreattivi, kif ukoll bħala ċittadinanza parteċipattiva, in vista tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2019; itenni li l-istituzzjonijiet kollha jeħtiġilhom jonoraw il-ftehim politiku li ntlaħaq dwar il-finanzjament 2018 tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali permezz tal-għoti ta' approprjazzjonijiet suffiċjenti għaliha bis-saħħa tas-sottoprogramm "Kultura" tal-programm "Ewropa Kreattiva", fl-assenza ta' linja baġitarja separata għas-Sena; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-inizjattivi taħt il-linja baġitarja tal-"azzjonijiet multimedjali" biex tiżgura li l-baġit jappoġġa b'mod effeikaċi kopertura indipendenti u ta' kwalità għolja tal-affarijiet tal-Unjoni;

49.  Huwa favur żieda fit-trasparenza u viżibbiltà għall-objettiv Daphne tal-Programm ta' Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza, bħala strument ewlieni tal-UE għall-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fil-konfront ta' tfal, żgħażagħ, nisa, persuni LGBTI u gruppi oħrajn f'riskju; isostni l-ħolqien ta' ċentru ta' monitoraġġ Ewropew dwar il-vjolenza sessista fi ħdan l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

50.  Isaħħaħ l-Intestatura 3 b'EUR 108,8 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mill-abbozz ta' baġit, għajr għall-proġetti pilota u għall-azzjonijiet preparatorji, u jipproponi li din iż-żieda tkun iffinanzjata bis-saħħa ta' mobilizzazzjoni ulterjuri tal-Istrumenti ta' Flessibbiltà;

Intestatura 4 – Ewropa Globali

51.  Jisħaq għal darb'oħra fuq il-fatt li l-azzjoni esterna tal-Unjoni qiegħda tħabbat wiċċha ma' bżonnijiet ta' finanzjament dejjem akbar li jaqbżu bil-kbir id-daqs attwali tal-Intestatura 4; iqis li l-mobilizzazzjoni tal-baġit tal-Unjoni biex tindirizza l-isfida tal-migrazzjoni se tkompli tirrikjedi risposti dinamiċi fis-snin li ġejjin; jisħaq li ma jistax jiġi kkunsidrat li żieda ad hoc ta' sena, bħal dik tal-2017, hija suffiċjenti fid-dawl tal-isfidi kumplessi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni u tal-ħtieġa urġenti għal preżenza esterna aktar qawwija min-naħa tal-Unjoni fid-dinja globali tal-lum;

52.  Huwa tal-fehma li għandha tingħata prijorità lill-ġirien immedjati tal-Unjoni u lill-miżuri mmirati biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom, jiġifieri l-kriżi migratorja u tar-rifuġjati u l-isfidi umanitarji korrispondenti fil-Viċinat tan-Nofsinhar, u l-aggressjoni Russa fil-Viċinat tal-Lvant; jemmen li l-istabbiltà u l-prosperità tal-Viċinat tal-Unjoni huma ta' ġid kemm għar-reġjuni kkonċernati kif ukoll għall-Unjoni fl-intier tagħha; itenni l-appell tiegħu biex jiżdied l-appoġġ għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, għall-Awtorità Palestinjana u għall-UNRWA sabiex jinstab tarf l-isfidi li qegħdin jikbru, bil-għan li jinkiseb l-objettiv iddikjarat tal-Unjoni li tippromwovi l-iżvilupp u l-istabbiltà fir-reġjun u tappoġġa r-reżiljenza tal-Palestinjani; itenni li l-appoġġ għall-pajjiżi li qed jimplimentaw ftehimiet ta' assoċjazzjoni mal-Unjoni huwa kruċjali biex jiġu ffaċilitati r-riformi politiċi u ekonomiċi, iżda jisħaq li dan l-appoġġ għandu japplika sakemm dawn il-pajjiżi jissodisfaw il-kriterji ta' eleġibbiltà, speċjalment fir-rigward tal-istat tad-dritt u tal-infurzar tal-istituzzjonijiet demokratiċi; jiddeċieda għaldaqstant li jżid ir-riżorsi għall-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) u għall-Assistenza Makrofinanzjarja (MFA);

53.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol li l-Ewropa għandha fil-livell globali biex jinqered il-faqar u jiġi żgurat l-iżvilupp tal-aktar reġjuni żvantaġġati, skont l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; għalhekk, jalloka riżorsi finanzjarji addizzjonali għall-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u għall-Għajnuna Umanitarja; ifakkar li, peress li proporzjon sinifikanti tal-migranti li jaqsmu l-Baħar Mediterran huma mill-Afrika sub-Saħarjana, l-appoġġ tal-Unjoni f'dan ir-reġjun huwa kruċjali biex jiġu indirizzati l-kawżi profondi tal-migrazzjoni;

54.  Jopponi t-tnaqqis drastiku fil-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-istrumenti għal finanzjament estern (ENI, IPA, PI u DCI) għall-Erasmus+, minkejja l-fatt li l-programmi għall-iskambji ta' żgħażagħ huma wieħed mill-investimenti fit-tul fid-diplomazija kulturali u l-fehim reċiproku li l-aktar irnexxew, u jiddeċiedi għalhekk li jżid dawn il-kontribuzzjonijiet;

55.  Jiddeċiedi li jnaqqas l-appoġġ għar-riformi politiċi fit-Turkija fid-dawl tad-deterjorament inkwetenti tas-sitwazzjoni fejn tidħol id-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem; jiddeċiedi li jqiegħed parti mill-approprjazzjonijiet li jifdal f'riżerva li għandha tkun żblukkata meta t-Turkija tagħmel titjib li jista' jitkejjel fl-oqsma tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-istampa, bl-għan li dawn il-fondi jiġu diretti mill-ġdid lill-atturi tas-soċjetà ċivili għall-implimentazzjoni ta' miżuri li jappoġġaw dawn l-objettivi.

56.  Huwa tal-fehma li sabiex jiġu indirizzati b'mod adegwat il-kampanji ta' diżinformazzjoni u tiġi promossa dehra oġġettiva tal-Unjoni barra mill-konfini tagħha, jenħtieġu mezzi finanzjarji addizzjonali; jappella għaldaqstant li jitqawwa l-finanzjament biex jiġu miġġielda l-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-attakki ċibernetiċi; jiddeċiedi, għalhekk, li jżid ir-riżorsi għall-azzjonijiet ta' komunikazzjoni strateġika li jitwettqu fil-Viċinat kif ukoll fil-Balkani tal-Punent; ifakkar fl-importanza li jsir investiment fil-viżibbiltà tal-azzjoni esterna tal-Unjoni b'mod li jissaħħaħ l-impatt tal-finanzjament f'dak il-qasam u tissaħħaħ d-diplomazija pubblika tal-Unjoni bi qbil mal-ambizzjonijiet tal-Istrateġija Globali;

57.  Iqis li hemm bżonn jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għal-linja baġitarja għall-Komunità Turko-Ċiprijotta bl-iskop li jingħataw kontribut deċiżiv għall-kontinwazzjoni u l-intensifikazzjoni tal-missjoni tal-Kumitat għall-Persuni Nieqsa f'Ċipru, il-benessri ta' Maroniti li jkunu jixtiequ risistemazzjoni u dik tal-persuni enklavati kif miftiehem fit-tielet Ftehim ta' Vjenna, u appoġġ għall-Kumitat Tekniku bikomunali għall-Patrimonju Kulturali, biex b'hekk jiġu promossi l-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ komunitajiet;

58.  Jenfasizza li t-tendenza tal-Kummissjoni li tuża mekkaniżmi baġitarji satellita bħal fondi fiduċjarji u strumenti simili oħra mhux dejjem urew li kienu ta' suċċess; jinsab imħasseb li l-istabbiliment ta' strumenti finanzjarji barra mill-baġit tal-Unjoni jista' jkun ta' theddida għall-unità u jaħrab mill-proċeduri baġitarji, u fl-istess ħin jimmina l-ġestjoni trasparenti tal-baġit u jxekkel id-dritt tal-Parlament li jeżerċita skrutinju effettiv tal-infiq; iqis, għaldaqstant, li l-istrumenti esterni li tnedew fis-snin reċenti jridu jiġu inkorporati fil-baġit tal-Unjoni, bil-Parlament ikollu skrutinju sħiħ fuq l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti; jinnota li sa tmiem Settembru 2017 total ta' EUR 795,4 miljun ġie impenjat għal Fondi Fiduċjarji tal-UE fil-Baġit 2017; jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill l-ammont li biħsiebha timpenja fl-2018 għall-Fondi Fiduċjarji; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għal dawn il-Fondi Fiduċjarji għandhom tendenza li jkunu inferjuri għall-wegħdiet tagħhom; jieħu nota tar-Rapport Speċjali Nru 11/2017 tal-QEA dwar il-Fond Fiduċjarju Bêkou tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana; jinsab imħasseb dwar in-nuqqasijiet identifikati mill-QEA, bħan-nuqqas ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet globali u l-mekkaniżmi ta' koordinament li ma jiffunzjonawx sew ma' donaturi oħra; jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jivvaluta l-valur miżjud tal-Fondi Fiduċjarji tal-UE bħala strument tal-politika esterna tal-Unjoni;

59.  Ifakkar li skont l-Artikolu 24 tar-Regolament dwar il-QFP, l-infiq u d-dħul kollu tal-Unjoni u tal-Euratom għandu jiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Finanzjarju; jistieden lill-Kummissjoni tippreżerva l-unità tal-baġit u tikkunsidraha bħala prinċipju gwida meta tintroduċi inizjattivi ġodda;

60.  Jenfasizza l-importanza tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi u fil-bini tal-fiduċja pubblika tal-proċessi elettorali, li min-naħa tagħhom jippromwovu l-bini tal-paċi u l-istabbiltà; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati riżorsi finanzjarji suffiċjenti għal dan l-objettiv;

61.  Jirrimarka li finanzjament tad-DCI ma għandux jiġu trasferiti biex jiffinanzja l-inizjattiva ġdida Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp (CBSD) taħt l-istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi; jiddeplora l-proposta tal-AB li tittrasferixxi EUR 7,5 miljun mid-DCI għall-CBSD, u jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jinstabu soluzzjonijiet alternattivi biex timtela din il-lakuna;

62.  Itenni t-talba tiegħu li l-linja baġitarja għar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE tiġi ttrasferita, b'mod li ma tħallix impatt fuq il-baġit, mill-baġit tal-PESK għall-baġit amministrattiv tas-SEAE sabiex l-attivitajiet diplomatiċi tal-Unjoni jiġu kkonsolidati ulterjorment;

63.  Jiddeċiedi, b'konsegwenza ta' dan, li jannulla l-kważi totalità tat-tnaqqis li għamel il-Kunsill u jqawwi l-Intestatura 4 bl-ammont ta' EUR 299,7 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn 'il fuq mill-abbozz ta' baġit (esklużi l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji, it-trasferiment tar-RSUE u t-tnaqqis adottat);

Intestatura 5 - Amministrazzjoni; Intestaturi oħra - nefqa amministrattiva u ta' sostenn għar-riċerka

64.  Iqis li t-tnaqqis tal-Kunsill ma jirriflettix il-ħtiġijiet reali u b'hekk jipperikola n-nefqa amministrattiva li diġà hija sostanzjalment razzjonalizzata; ireġġa' l-abbozz ta' baġit lura għal li kien fir-rigward tan-nefqa amministrattiva kollha tal-Kummissjoni, inklużi n-nefqa amministrattiva u dik ta' sostenn għar-riċerka fl-Intestaturi 1 sa 4;

65.  Jiddeċiedi, konformement mal-konklużjoni tal-"Opinjoni Konġunta tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar tliet aspetti tar-relazzjoni bejn l-OLAF u l-Kumitat Superviżorju tiegħu" tat-12 ta' Settembru 2016, li jkun hemm proviżjonament ta' 10 % tal-approprjazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) sakemm il-Kumitat Superviżorju jingħata aċċess għall-fajls tal-każijiet tal-OLAF, filwaqt li jiżdiedlu kemm kemm il-baġit tiegħu, konformement mal-kompetenzi miżjuda;

66.  Jieħu nota li, fil-bidu tal-2017, l-OLAF investiga każ serju ta' frodi doganali fir-Renju Unit li kien ikkawżat minn sottovalutazzjoni ta' prodotti importati u li kkawża telf ta' introjtu ta' kważi EUR 2 biljun għall-baġit tal-Unjoni fil-perjodu 2013-2016; jinsab imħasseb dwar il-fatt li din il-frodi għadha ma twaqqfitx sal-lum u li t-telf għall-baġit tal-Unjoni għadu għaddej; jitlob lill-Kummissjoni tqis ir-reazzjoni kajmana tal-amministrazzjoni tar-Renju Unit għar-rakkomandazzjonijiet tagħha f'dan ir-rigward fin-negozjati dwar il-Brexit; jitlob lil dawk l-Istati Membri li oġġezzjonaw għall-qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet biex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom sabiex jippermettu soluzzjoni rapida għal din il-problema;

Aġenziji deċentralizzati

67.  Japprova, bħala regola ġenerali, l-estimi tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet baġitarji tal-aġenziji; jikkunsidra, għaldaqstant, li kwalunkwe tnaqqis ulterjuri li jipproponi l-Kunsill jippreġudika l-funzjonament korrett tal-aġenziji u ma jippermettilhomx iwettqu l-kompiti assenjati lilhom; iqis li l-postijiet il-ġodda adottati fil-pożizzjoni tiegħu huma neċessarji biex jitwettqu l-kompiti addizzjonali li ġejjin minn żviluppi strateġiċi ġodda u leġiżlazzjoni ġdida; itenni l-impenn tiegħu li jissalvagwardja r-riżorsi u fejn meħtieġ jipprovdi riżorsi addizjonali biex jiġi żgurat l-funzjonament tajjeb tal-aġenziji;

68.  Jiddeċiedi, fil-kuntest tal-isfidi li l-Unjoni għadha qiegħda taffaċċja f'termini ta' migrazzjoni u ta' sigurtà, kif ukoll fid-dawl tal-ħtieġa ta' risposta koordinata fuq livell Ewropew, li jżid l-approprjazzjonijiet għall-Europol, l-Eurojust, is-CEPOL, l-EASO u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA);

69.  Ifakkar fl-importanza li l-Unjoni tenfasizza fuq il-kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi; ifakkar fil-prijorità strateġika għall-Unjoni li tiżviluppa bis-sħiħ u timplimenta l-proġetti tagħha Galileo u EGNOS, li tagħhom hija parzjalment kompetenti l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea (GSA); ifakkar li l-GSA għandha defiċit ta' riżorsi għaċ-ċibersigurtà u għas-servizz pubbliku regolat u jiddeċiedi, għalhekk, li jżid il-livell tal-approprjazzjonijiet għaliha;

70.  Iqis li huma meħtieġa approprjazzjonijiet u persunal supplementari għall-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) biex tkun tista' twettaq il-missjoni estiża tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kodiċijiet u l-linji gwidi tan-netwerks tal-elettriku u tal-gass u l-monitoraġġ tagħha;

71.  Ifakkar b'mod partikolari li l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tgħin lill-Unjoni tieħu deċiżjonijiet infurmati dwar it-titjib tal-ambjent, l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-politiki ekonomiċi u l-progress lejn is-sostenibbiltà, u li, fil-kuntest tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija 2030, il-Kummissjon pproponiet ħidma ġdida għall-EEA dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, mingħajr ebda żieda korrispondenti fl-organigramma;

72.  Jisħaq li filwaqt li r-riżorsi baġitarji u n-numru ta' karigi għal Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta jidhru li huma adegwati għalissa, il-ħtiġijiet futuri tal-Aġenzija fejn jidħlu r-riżorsi operattivi u l-persunal se jkollhom jiġu mmonitorjati mill-qrib;

73.  Jilqa' l-inklużjoni ta' riżorsi adegwati previsti fil-baġit tal-2018 biex ikunu appoġġati l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE); jissottolinja li r-rwol tal-ASE huwa essenzjali biex titħeġġeġ l-applikazzjoni konsistenti tad-dritt tal-Unjoni u jkun hemm koordinament aħjar fost l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll jiġu żgurati stabbiltà finanzjarja, swieq finanzjarji integrati aħjar u protezzjoni tal-konsumatur u konverġenza superviżorja; jenfasizza li, fl-interess tal-użu prudenti tal-baġits tagħhom, l-ASE jridu jibqgħu konformi mal-kompiti u mal-mandat assenjati lilhom mil-leġiżlatur tal-Unjoni;

74.  Itenni li, kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tat-2 ta' Diċembru 2013, is-sena 2018 hija l-aħħar waħda ta' implimentazzjoni tal-approċċ relatat mat-tnaqqis tal-persunal b'5 % u mar-riżerva ta' tqassim mill-ġdid fir-rigward tal-persunal tal-aġenziji; itenni l-oppożizzjoni tiegħu għal kwalunkwe kontinwazzjoni ta' approċċ globali fir-rigward tar-riżorsi tal-aġenziji wara l-2018; jafferma mill-ġdid id-disponibbiltà tiegħu billi jinkisbu gwadanji fl-effiċjenza bejn l-aġenziji permezz ta' żieda fil-kooperazzjoni amministrattiva jew saħansitra fużjonijiet fejn ikun xieraq, u billi ċerti funzjonijiet jiġu akkomunati mal-Kummissjoni jew ma' aġenzija oħra; jilqa' f'dan ir-rigward l-inizjattiva biex l-attivitajiet tal-aġenziji jkomplu jiġu kkoordinati permezz tat-twaqqif tas-Segretarjat Permanenti tan-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE (minn issa 'l quddiem l-Uffiċċju ta' Appoġġ Komuni) u jappoġġa l-allokazzjoni ta' post addizzjonali fit-tabella tal-persunal għall-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel li l-ispejjeż tagħha se jiġu mutwalizzati mill-baġits eżistenti tal-Aġenziji tal-Unjoni u ssekondati lil dak l-uffiċċju;

Proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji (PP-AP)

75.  Jiddeċiedi, wara li wettaq analiżi bir-reqqa tal-proġetti pilota u tal-azzjonijiet preparatorji mressqa fir-rigward tar-rata ta' suċċess ta' dawk attwali, u apparti l-inizjattivi diġà koperti mill-bażijiet ġuridiċi eżistenti, u filwaqt li jqis kompletament il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentabbiltà tal-proġetti, li jadotta pakkett ta' kompromess li jikkonsisti minn għadd limitat ta' PP-AP, anke fid-dawl tal-marġnijiet limitati disponibbli u l-limiti massimi għall-PP-AP;

76.  Jenfasizza, għalhekk, l-isforzi li saru mill-Parlament f'dan ir-rigward u jitlob lill-Kummissjoni turi rieda tajba fl-implimentazzjoni tal-PP-AP adottati fit-tmiem tal-proċedura baġitarja, indipendentement mill-valutazzjoni tal-implimentabbiltà tagħha, kif ukoll għal kwalunkwe deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

Strumenti speċjali

77.  Ifakkar fl-utilità tal-istrumenti speċjali biex tingħata flessibbiltà oltre l-livelli massimi estremament stretti tal-QFP attwali u jilqa' favorevolment it-titjib introdott mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tar-Regolament dwar il-QFP; jitlob użu estensiv tal-Istrument ta' Flessibbiltà, tal-Marġni Globali għall-Impenji u tal-Marġni ta' Kontinġenza bil-għan li tiġi ffinanzjata l-firxa wiesgħa ta' sfidi ġodda u responsabbiltajiet addizzjonali li tagħhom il-baġit tal-Unjoni jrid isib tarf;

78.  Jappella għal żieda fir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza (EAR) u l-Fond ta' Solidarjetà tal-UE (FSUE) fid-dawl tad-diżastri l-aktar riċenti u traġiċi, partikolarment in-nirien u n-nixfa estrema fil-Portugall u fi Spanja;

79.  Ifakkar ukoll fl-importanza tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), tal-EAR u tal-FSUE; isostni l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi mobilizzazzjoni aktar rapida tal-FSUE billi tqiegħed il-maġġor parti tal-ammont f'riżerva fil-baġit tal-Unjoni, oltre l-ammont diġà mniżżel fil-baġit għall-antiċipi; jiddispjaċih għat-tnaqqis li għamel il-Kunsill f'dak ir-rigward u jreġġa' lura, parzjalment, għal-livell tal-AB, b'eċċezzjoni għall-ammont li ġie fornut minn qabel fl-2017 permezz tal-Baġit Emendatorju Nru 4/2017 u l-mobilizzazzjoni tal-FSUE għall-Italja; jappella għall-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-FSUE biex jipprovdi assistenza lill-vittmi ta' atti terroristiċi u lill-familji tagħhom;

Pagamenti

80.  Jinsab imħasseb bit-tendenza attwali għas-sottoeżekuzzjoni tal-pagamenti fil-baġit tal-Unjoni kollu kemm hu, mhux biss fis-subintestatura 1b, iżda wkoll fl-Intestaturi 3 u 4, minkejja l-ħtieġa li tingħata risposta għaż-żieda fl-isfidi ġodda u l-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' finanzjament flessibbli; ifakkar li għal dawn l-aħħar sentejn il-livell tal-pagamenti tal-baġit tal-Unjoni naqas notevolment, flimkien ma' livell għoli ta' surplus baġitarju; jesprimi, għaldaqstant, it-tħassib tiegħu minħabba l-fatt li l-AB għadu jħalli marġni mingħajr preċedent ta' EUR 10 biljun taħt il-limitu massimu tal-pagamenti, li jirrifletti tendenza għall-eżekuzzjoni skarsa li taf issarraf fi pressjoni intensa fuq il-pagamenti fi tmiem il-QFP attwali;

81.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jreġġa' l-AB lura għal li kien fir-rigward tal-pagamenti fuq il-linji kollha li naqqas il-Kunsill u jżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament b'mod immirat, partikolarment fuq dawk il-linji li ġew emendati fl-approprjazzjonijiet ta' impenn;

Taqsimiet oħrajn

82.  Jiddispjaċih bil-konswetudni tal-Kunsill li jżid it-tnaqqis b'rata fissa standard għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jemmen li dan għandu effett partikolarment distorsiv fuq il-baġits ta' istituzzjonijiet b'rati ta' tnaqqis storikament preċiżi; iqis li dan l-approċċ ma jikkostitwixxi la tnaqqis immirat u lanqas ġestjoni finanzjarja tajba; għaldaqstant, ireġġa' r-rata ta' tnaqqis lura għal-livell tal-AB;

Taqsima I – Il-Parlament Ewropew

83.  Iħalli kif kien il-livell kumplessiv tal-baġit tiegħu, jiġifieri EUR 1 953 483 373, għall-2018, adottat fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-5 ta' April 2017; jinkorpora xi aġġustamenti tekniċi mingħajr impatt fuq il-baġit biex titqies informazzzjoni aġġornata mhux disponibbli fil-bidu ta' din is-sena;

84.  Jinnota li l-livell tal-estimi għall-2018 jikkorrispondi għal 18,88 %, li huwa inqas minn dak li nkiseb fl-2017 (19,25 %) u l-iktar parti baxxa mill-Intestatura V f'dawn l-aħħar ħmistax-il sena; jinsisti madankollu li l-ispinta għall-inqas nefqa possibbli għall-Parlament Ewropew jenħtieġ li ma ssirx għad-detriment ta' kapaċità mnaqqsa tal-Parlament għall-ħidma leġiżlattiva ordinarja tiegħu;

85.  Itenni l-prijoritajiet tiegħu għas-sena finanzjarja li jmiss, jiġifieri l-konsolidament tal-miżuri ta' sigurtà diġà adottati u t-titjib tar-reżiljenza tal-Parlament għall-attakki ċibernetiċi, it-titjib tat-trasparenza tal-proċedura interna tal-baġit tal-Parlament, u l-enfasi fuq il-baġit tal-Parlament fuq il-funzjonijiet fundamentali tiegħu tal-leġiferazzjoni, bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja, ir-rappreżentanza taċ-ċittadini u l-iskrutinju ta' ħidmet l-istituzzjonijiet l-oħra;

86.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' Grupp ta' Ħidma tal-Bureau tal-Parlament rigward l-allowance għan-nefqa ġenerali; ifakkar fl-aspettattivi ta' aktar trasparenza dwar l-allowance għan-nefqa ġenerali u ħtieġa biex issir ħidma dwar definizzjoni ta' regoli aktar preċiżi fir-rigward tar-responsabbiltà tan-nefqa awtorizzata skont din l-allowance, mingħajr ma jkunu ġġenerati spejjeż addizzjonali għall-Parlament;

87.  Jistieden lill-Bureau jagħmel il-bidliet konkreti li ġejjin fir-rigward tal-allowance għan-nefqa ġenerali:

   l-allowance tan-nefqa ġenerali għandha f'kull każ tiġi mitfugħa f'kont tal-bank separat;
   l-irċevuti kollha li għandhom x'jaqsmu mall-allowance tan-nefqa ġenerali għandhom jinżammu mill-Membri;
   il-parti li ma tintefaqx mill-allowance tan-nefqa ġenerali għandha tingħata lura ma' tmiem il-mandat;

88.  Inaqqas 60 post mit-tabella tal-persunal tas-Segretarjat Ġenerali tiegħu għall-2018 (objettiv li jitnaqqas il-persunal b'1 %), bi qbil mal-ftehim tal-14 ta' Novembru 2015 li ntlaħaq mal-Kunsill rigward il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016; ifakkar li l-35 post mogħtija lill-Parlament fl-2016 kienu jirrigwardaw l-attivitajiet ta' tisħiħ tas-sigurtà l-ġodda u, bħala tali, kienu eżentati mill-objettiv tat-tnaqqis tal-persunal, kif ikkonfermat fl-okkażjoni tal-adozzjoni tal-Baġit Emendatorju Nru 3/2016 u tal-baġit ġenerali għall-2017(10); jistieden lill-Kummissjoni tadegwa konsegwentement it-tabelli ta' monitoraġġ tagħha biex tforni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni preċiża fil-fażijiet kollha tal-proċedura;

89.  Jilqa' pożittivament l-iskambju ta' fehmiet dwar il-politika immobiljari tal-Parlament li sar fil-11 ta' Lulju 2017 bejn il-Kumitat għall-Baġits, is-Segretarju Ġenerali u l-Viċi Presidenti responsabbli għall-politika immobiljari tal-Parlament; iqis li dan id-djalogu jixraq li jkun proċess kostanti, b'mod partikolari fid-dawl tat-taħditiet li ġejjin tal-Bureau dwar ir-rinnovazzjoni tal-bini Paul-Henri Spaak;

90.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu kif espressa fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-5 ta' April 2017, skont liema jeżisti aktar lok għal titjib tal-mekkaniżmi ta' kontroll relatati mal-partiti politiċi Ewropej u mal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej; josserva, f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014(11) u jilqa' favorevolment kull sforz biex jitjiebu l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza tal-infiq;

91.  Ifakkar fl-analiżi tal-QEA għall-2014 ġie stmat li l-ispejjeż tad-dispersjoni ġeografika tal-Parlament huma EUR 114-il miljun fis-sena; barra minn hekk, jinnota s-sejba mir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2013 dwar is-siti tas-sedi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea(12) li 78 % tal-missjonijiet kollha li jsiru mill-persunal statutorju tal-Parlament huma kkawżati minn riżultat dirett tad-dispersjoni ġeografika tal-Parlament; jenfasizza li, skont ir-rapport, huwa stmat ukoll li l-impatt ambjentali tad-dispersjoni ġeografika huwa bejn il-11 000 u d-19 000 tunnellata ta' emissjonijiet ta' CO2; itenni l-perċezzjoni pubblika negattiva li tikkawża din id-dispersjoni, u għaldaqstant, jappella għal pjan direzzjonali lejn sede unika u tnaqqis fil-linji baġitarji rilevanti;

Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja

92.  Ireġġa' lura għall-AB lill-partiti kollha tal-baġit imnaqqsa mill-Kunsill li huma essenzjali għall-funzjonament tal-Qorti u jreġġa' lura għall-estimi liż-żewġ partiti tal-baġit bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Qorti biex tlaħħaq mad-domanda dejjem ogħla ta' traduzzjonijiet;

93.  Jesprimi l-istagħġib tiegħu rigward id-dikjarazzjoni unilaterali tal-Kunsill u l-appendiċi relatat dwar it-tnaqqis tal-persunal b'5 % fil-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit 2018, skont liema għad hemm bżonn li l-Qorti tnaqqas it-tabella tal-persunal tagħha bi 19-il post; jissottolinja l-fatt li dawn id-19-il post jikkorrispondu għat-12-il post u s-7 postijiet konċessi kif dovut mill-Parlament u mill-Kunsill fil-proċeduri baġitarji tal-2015 u l-2016 rispettivament biex jindirizzaw bżonnijiet addizzjonali, u jinsisti għalhekk li ma jkunx tajjeb li dawn id-19-il post jingħataw lura, peress li l-Qorti diġà kisbet kif dovut ir-rekwiżit li tnaqqas il-persunal tagħha b'5 % billi eliminat 98 post matul il-perjodu 2013-2017;

Taqsima V - Il-Qorti tal-Awdituri

94.  Ireġġa' l-partiti kollha li naqqas il-Kunsill lura għal li kienu, bil-għan li jkun implimentat il-programm ta' ħidma tal-Qorti tal-Awdituri u jkunu elaborati ir-Rapporti tal-Awditjar ippjanati;

95.  Iqiegħed riżerva fuq il-linja "Konsultazzjonijiet, studji u stħarriġiet limitati", fi stennija tal-eżitu tan-negozjati li għaddejjin dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju u dwar ir-reviżjoni li se tidħol fis-seħħ fl-2018;

Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

96.  Ireġġa' l-AB dwar il-partiti kollha li naqqas il-Kunsill lura għal li kienu;

97.  Iżid żewġ linji 'l fuq mill-AB fir-rigward tal-ħidma tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi fi ftehimiet kummerċjali;

Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni

98.  Ireġġa' l-AB dwar il-partiti kollha li naqqas il-Kunsill lura għal li kienu;

99.  Iżid numru ta' linji 'l fuq mill-AB konformement mal-estimi tal-Kumitat tar-Reġjuni;

Taqsima VIII - L-Ombudsman Ewropew

100.  Jifraħ lill-Ombudsman tax-xogħol li għamlet biex tiffranka f'termini ta' effiċjenza fil-baġit tagħha meta mqabbel mas-sena preċedenti;

Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

101.  Jistaqsi r-raġuni għala l-Kunsill kieku jnaqqas il-baġit tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fid-dawl tal-kompiti addizzjonali fdati lilu mill-Parlament u mill-Kunsill; ireġġa' għaldaqstant il-linji baġitarji kollha li naqqas il-Kunsill lura għal li kienu biex il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jkun jista' jonora l-obbligi u l-impenji tiegħu;

Taqsima X - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

102.  Ireġġa' l-linji kollha li naqqas il-Kunsill lura għal li kienu;

103.  Joħloq partita baġitarja għal Kapaċità ta' Komunikazzjoni Strateġika bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2015, u li jagħti lis-SEAE l-persunal u l-għodda adegwati biex jaffronta l-isfida ta' diżinformazzjoni minn stati terzi u atturi mhux statali;

104.  Jiddeċiedi, barra minn hekk, li jittrasferixxi r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE mill-kapitolu dwar il-PESK għall-baġit tas-SEAE biex tissaħħaħ il-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni;

105.  Iforni ammont addizzjonali 'l fuq mill-estimi tas-SEAE għat-trainees fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, bi tweġiba għall-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Ombudsman Ewropew dwar it-traineeships mhux imħallsa(13);

o
o   o

106.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' Franza u tal-Lussemburgu annessa mal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit għall-2018, kif adottata fl-4 ta' Settembru 2017; ifakkar li r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni qablu dwar il-kalendarju prammatiku għat-tmexxija tal-proċedura baġitarja, inklużi d-dati għall-perjodu ta' konċiljazzjoni, fit-trilogu baġitarju tar-Rebbiegħa tas-27 ta' Marzu 2017; ifakkar li l-Kunsill Affarijiet Ġenerali approva dak il-kalendarju prammatiku fil-laqgħa tiegħu tal-25 ta' April 2017, b'għarfien sħiħ tal-kalendarju tas-sessjonijiet parzjali tal-Parlament għall-2017; jinnota, għalhekk, li l-proċedura baġitarja qed tipproċedi f'konformità mal-kalendarju prammatiku maqbul bejn it-tliet istituzzjonijiet;

107.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-emendi għall-abbozz tal-baġit ġenerali, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(2) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2017)0085.
(6) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2017)0114.
(7) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2017)0302.
(8) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
(9) Id-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33).
(10) Testi adottati, P8_TA(2016)0401 / P8_TA(2016)0411.
(11) COM(2017)0481.
(12) ĠU C 436, 24.11.2016, p. 2.
(13) Ombudsman Ewropew, 454.2014/PMC.

Avviż legali