Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2153(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0291/2017

Testi mressqa :

A8-0291/2017

Dibattiti :

PV 24/10/2017 - 15
CRE 24/10/2017 - 15

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2017 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2017)0409

Testi adottati
PDF 350kWORD 52k
L-Erbgħa, 25 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2015: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill
P8_TA(2017)0409A8-0291/2017
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2016/2153(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015 (COM(2016)0475 – C8-0271/2016)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2015, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2015 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017(5) li tipposponi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2015, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li takkumpanjaha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0291/2017),

1.  Jiċħad il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2015;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 69, 13.3.2015.
(2) ĠU C 380, 14.10.2016, p. 1.
(3) ĠU C 375, 13.10.2016, p. 1.
(4) ĠU C 380, 14.10.2016, p. 147.
(5) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2017)0147.
(6) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2017 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2016/2153(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0291/2017),

A.  billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni;

B.  billi l-effett kombinat ta' amministrazzjoni tal-Unjoni miftuħa u trasparenti, u l-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jeħtieġu proċedura ta' kwittanza miftuħa u trasparenti fejn kull istituzzjoni tal-Unjoni hi responsabbli tal-baġit li teżegwixxi,

C.  billi l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom ikunu soġġetti għar-responsabbiltà demokratika fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni peress li huma benefiċjarji tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

1.  Ifakkar ir-rwol tal-Parlament speċifikat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ir-"Regolament Finanzjarju") fir-rigward tal-kwittanza baġitarja;

2.  Jirrimarka li, skont l-Artikolu 335 tat-TFUE, "[…] l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa tal-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom", u li, għaldaqstant, filwaqt li jitqies l-Artikolu 55 tar-Regolament Finanzjarju, l-istituzzjonijiet huma responsabbli b'mod individwali għall-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

3.  Jinnota r-rwol tal-Parlament u ta' istituzzjonijiet oħra fi ħdan il-proċedura ta' kwittanza, kif regolat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari mill-Artikolu 162 sal-Artikolu 166 tiegħu;

4.  Jinnota li, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, "Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta' għoti ta' kwittanza lill-Kummissjoni bi qbil mal-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għandhom japplikaw bl-istess mod għall-proċedura ta' għoti ta' kwittanza: [...] lill-persuni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġits ta' istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni Ewropea bħal ma huma l-Kunsill [...]";

5.  Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu sieket fir-rigward tar-rimarki magħmula mill-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu tas-27 ta' April 2017(1) dwar ix-xejra mis-snin preċedenti;

6.  Jinnota b'sodisfazzjon li, għall-ewwel darba, il-Kunsill ipprovda lill-Parlament ir-rapporti ta' attività annwali 2015 tad-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni, tas-Servizz Legali u tad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni u Ġestjoni tad-Dokumenti; jinnota li l-bqija tad-direttorati m'għandhomx uffiċjali awtorizzanti b'delega li jistgħu jimplimentaw il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill;

7.  Jinnota li, f'Marzu 2017, il-koordinaturi tal-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit iddeċidew li jistabbilixxu grupp ta' ħidma b'rappreżentanza ta' kull grupp politiku, għall-abbozz ta' proposta dwar il-proċedura għall-eżerċizzju ta' kwittanza tal-Kunsill; jisħaq li din il-proposta issa ġiet approvata mill-Kumitat għall-Kontrol tal-Baġit u se tintbagħat lill-Konferenza tal-Presidenti, li hi l-korp responsabbli għar-relazzjonijiet interistituzzjonali tal-Parlament;

Kwistjonijiet pendenti

8.  Jiddispjaċih li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u l-baġit tal-Kunsill għadhom ma ġewx separati, skont ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament f'ħafna mir-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar il-kwittanza;

9.  Jinnota li l-informazzjoni dwar il-politika immobiljari tal-Kunsill li tinsab fuq is-sit web tiegħu ma tinkludix dettalji dwar l-ispejjeż imġarrba b'rabta mal-binjiet tal-Kunsill; huwa konxju li xi kultant ikun hemm skambju ta' informazzjoni bejn id-dipartimenti tal-bini tal-Parlament u tal-Kunsill; jipproponi li dan l-iskambju jsir regolari u li tingħata informazzjoni dettaljata lill-Parlament fir-rapport finanzjarju annwali tal-Kunsill;

10.  Itenni l-appell tiegħu għal rapporti ta' progress dwar proġetti ta' bini u għal analiżi dettaljata tal-ispejjeż imġarrba s'issa; jappella għal informazzjoni dwar l-ispejjeż relatati mad-dewmien fit-tlestija tal-bini Europa;

11.  Jinnota li l-linji gwida ġodda dwar l-etika tal-Kunsill ġew ippubblikati fl-2015 u għandhom jiġu segwiti b'attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni dwar l-etika u l-integrità; jiddispjaċih li r-regoli dwar l-iżvelar ta' informazzjoni (whistleblowing) tal-Kunsill għadhom mhumiex disponibbli għall-pubbliku;

12.  Jilqa' t-titjib li għamel il-Kunsill fir-rigward tal-politiki korporattivi, b'mod partikolari dwar it-trasparenza; jiddispjaċih, madankollu, li l-Kunsill għadu ma nkitibx fir-reġistru ta' trasparenza tal-Unjoni;

13.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jiżviluppa linji gwida dettaljati kontra l-korruzzjoni u politiki indipendenti fi ħdan l-istrutturi tiegħu;

14.  Jiddispjaċih bid-diffikultajiet li tfaċċaw b'mod ripetut sal-lum fil-proċeduri ta' kwittanza, li kienu r-riżultat ta' nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill; jirrimarka li l-Parlament ċaħad l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009, 2010, 2011, 2012 u 2014 għar-raġunijiet stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Mejju 2011(2), tal-25 ta' Ottubru 2011(3), tal-10 ta' Mejju 2012(4), tat-23 ta' Ottubru 2012(5), tas-17 ta' April 2013(6), tad-9 ta' Ottubru 2013(7), tat-3 ta' April 2014(8), tat-23 ta' Ottubru 2014(9), tad-29 ta' April 2015(10), tas-27 ta' Ottubru 2015(11), tat-28 ta' April 2016(12) u tas-27 ta' Ottubru 2016(13) u ppospona d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-sena finanzjarja 2015 għar-raġunijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017;

15.  Jinnota li ċ-ċaħda tal-għoti tal-kwittanza ma wasslet għall-ebda konsegwenza; iqis madankollu, li s-sitwazzjoni għandha tiġi solvuta malajr kemm jista' jkun, primarjament fl-interess taċ-ċittadini tal-Unjoni;

16.  Jinsisti li eżerċizzju ta' kontroll baġitarju effikaċi jeħtieġ il-kooperazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' April 2017; jikkonferma li l-Parlament mhuwiex fil-qagħda li jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza;

17.  Ifakkar lill-Kunsill dwar il-fehma tal-Kummissjoni, kif espressa fl-ittra tagħha ta' Jannar 2014, li l-istituzzjonijiet għandhom kollha jiffurmaw parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-kummenti magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza, u li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza;

18.  Jinnota li l-Kummissjoni sostniet li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġit tal-istituzzjonijiet l-oħra u li tagħti tweġiba għal mistoqsijiet indirizzati lil istituzzjoni oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni li timplimenta t-taqsima tagħha stess tal-baġit;

19.  Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu qiegħed jonqos milli jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Parlament;

20.  Jinsisti li n-nefqa tal-Kunsill għandha tgħaddi minn skrutinju bl-istess mod bħal tal-istituzzjonijiet l-oħra u li l-elementi fundamentali ta' dan l-iskrutinju huma stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tiegħu tas-snin li għaddew;

21.  Jenfasizza l-prerogattiva tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-TFUE, f'konformità mal-interpretazzjoni u l-prassi preżenti, speċifikament li jagħti l-kwittanza għal kull intestatura tal-baġit b'mod individwali sabiex jinżammu t-trasparenza u l-obbligu demokratiku li jingħata rendikont lill-kontribwenti tal-Unjoni;

22.  Iqis in-nuqqas ta' koperazzjoni tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill mal-awtorità ta' kwittanza bħala sinjal negattiv fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(1) Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2017)0147.
(2) ĠU L 250, 27.9.2011, p. 25.
(3) ĠU L 313, 26.11.2011, p. 13.
(4) ĠU L 286, 17.10.2012, p. 23.
(5) ĠU L 350, 20.12.2012, p. 71.
(6) ĠU L 308, 16.11.2013, p. 22.
(7) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 97.
(8) ĠU L 266, 5.9.2014, p. 26.
(9) ĠU L 334, 21.11.2014, p. 95.
(10) ĠU L 255, 30.09.2015, p. 22.
(11) ĠU L 314, 1.12.2015, p. 49.
(12) ĠU L 246, 14.9.2016, p. 21.
(13) ĠU L 333, 8.12.2016, p. 51.

Avviż legali