Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2897(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0576/2017

Dibattiti :

PV 25/10/2017 - 4
CRE 25/10/2017 - 4

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2017 - 10.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0417

Testi adottati
PDF 379kWORD 60k
Il-Ħamis, 26 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE
P8_TA(2017)0417RC-B8-0576/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE (2017/2897(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 19 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009, u b'mod partikolari l-Artikoli 20, 21, 23 u 31 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tal-2014 bit-titlu "Violence against women" (Il-vjolenza fuq in-nisa)(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(3) li tiddefinixxi u tikkundanna l-fastidju u l-fastidju sesswali,

–  wara li kkunsidra l-"Gender Equality Index Report" (Rapport dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi) tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titlu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019) (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-Triju ta' Presidenzi tal-UE ta' Lulju 2017 mill-Estonja, il-Bulgarija u l-Awstrija dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1993 dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015), u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta' kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(4) ("Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi"),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Fastidju u l-Vjolenza fil-Post tax-Xogħol (2007) bejn ETUC/CES, BUSINESSEUROPE, UEAPME u CEEP,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-netwerk Ewropew tal-Korpi għall-Ugwaljanza bit-titlu "The Persistence of Discrimination, Harassment and Inequality for Women. The work of equality bodies informing a new European Commission Strategy for Gender Equality" (Il-Persistenza ta' Diskriminazzjoni, Fastidju u Inugwaljanza għan-Nisa. Il-Ħidma tal-Korpi għall-Ugwaljanza li tinforma Strateġija ġdida tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi"), ippubblikat fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(5), partikolarment l-Artikoli 2 u 40 tagħha, u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Settembru 2001 dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol(7), tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa(8), tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(9), tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-istrateġija Ewropea 2007–2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(10), tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(11) u l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew li takkumpanjah ta' Novembru 2013, u tal-24 ta' Novembru 2016 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2014-2015(13), tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(14), u tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku meta jiżvelaw l-informazzjoni kunfidenzjali ta' kumpaniji u korpi pubbliċi(15),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-gwida għall-Membri tal-Parlament Ewropew bit-titlu "Zero Harassment at the Work Place" (Żero Fastidju fil-post tax-xogħol), ippubblikata f'Settembru 2017, u l-pjan ta' azzjoni tal-amministrazzjoni tal-Parlament dwar din il-kwistjoni kruċjali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 123(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur ċentrali tal-UE – kif rikonoxxut fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – li l-UE tat l-impenn tagħha li tintegra fl-attivitajiet kollha tagħha;

B.  billi l-UE hija komunità ta' valuri, ibbażata fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-prinċipji u l-objettivi fundamentali fl-ewwel artikoli tat-TUE, u fil-kriterji għall-adeżjoni mal-Unjoni;

C.  billi l-fastidju sesswali huwa definit fid-dritt tal-UE bħala "meta titwettaq kwalunkwe forma ta' mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta' natura sesswali, bl-iskop jew bl-effett li tmur kontra d-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv"(16);

D.  billi l-fastidju sesswali huwa forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u huwa l-aktar forma estrema, iżda persistenti, ta' diskriminazzjoni abbażi tas-sess; billi madwar 90 % tal-vittmi ta' fastidju sesswali huma nisa, waqt li madwar 10 % huma rġiel; billi skont studju li sar fl-UE kollha mill-FRA fl-2014 bit-titlu "Violence against Women" (Vjolenza fuq in-Nisa) terz tan-nisa esperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali matul il-ħajja adulta tagħhom; billi sa 55 % tan-nisa ġarrbu fastidju sesswali fl-UE; billi 32 % tal-vittmi kollha fl-UE qalu li t-trasgressur kien superjur, kollega jew klijent; billi 75 % tan-nisa fi professjonijiet li jirrikedu kwalifiki jew f'karigi maniġerjali tal-ogħla livell esperjenzaw fastidju sesswali; billi 61 % tan-nisa impjegati fis-settur tas-servizzi ġew soġġetti għall-fastidju sesswali; billi 20 % tan-nisa żgħażagħ (ta' etajiet bejn 18-il sena u 29 sena) fl-UE-28 esperjenzaw fastidju ċibernetiku; billi mara waħda minn kull għaxra kienet soġġetta għal fastidju sesswali jew stalking bl-użu ta' teknoloġija ġdida;

E.  billi każijiet ta' fastidju sesswali u bullying spiss jibqgħu ma jiġux irrappurtati lill-awtoritajiet minħabba li l-kuxjenza soċjali dwarhom baqgħet, b'mod pjuttost persistenti, relattivament baxxa, minħabba l-insuffiċjenza tal-mezzi għall-appoġġ tal-vittmi, kif ukoll minħabba l-perċezzjoni li dan huwa suġġett sensittiv għas-soċjetà, minkejja li jeżistu proċeduri formali biex jindirizzawh fil-post tax-xogħol u f'oqsma oħra;

F.  billi l-vjolenza sesswali u l-fastidju fil-post tax-xogħol huma kwistjonijiet ta' saħħa u sikurezza u għandhom jiġu indirizzati u prevenuti bħala tali;

G.  billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali hija pprojbita mid-dritt tal-UE;

H.  billi l-vjolenza sesswali u l-fastidju jmorru kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi u ta' trattament ugwali u jikkostitwixxu diskriminazzjoni abbażi tas-sess, u għalhekk huma pprojbiti fl-impjieg, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, għat-taħriġ vokazzjonali u għall-promozzjoni;

I.  billi l-persistenza tal-isterjotipi sesswali, is-sessiżmu, il-fastidju u l-abbuż sesswali hija problema strutturali u mifruxa fl-Ewropa u fid-dinja kollha, u hi fenomenu li tinvolvi vittmi u trasgressuri ta' kull età, sfondi edukattivi, dħul finanzjarju u pożizzjoni soċjali, u billi dan għandu konsegwenzi fiżiċi, sesswali, emozzjonali u psikoloġiċi għall-vittma; billi d-distribuzzjoni inugwali tas-setgħa bejn l-irġiel u n-nisa, l-isterjotipi sesswali u s-sessiżmu, inkluż diskors ta' mibegħda sessista, kemm offline kif ukoll online, huma l-kawżi prinċipali tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u wasslu għal dominazzjoni fuq in-nisa u għal diskriminazzjoni kontrihom mill-irġiel u għall-prevenzjoni tal-avvanz sħiħ tan-nisa;

J.  billi d-definizzjoni ta' vjolenza fuq in-nisa tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tħaddan, iżda mhijiex limitata għal, vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika li sseħħ fi ħdan il-komunità ġenerali, inkluż stupru, abbuż sesswali, fastidju sesswali u intimidazzjoni fil-post tax-xogħol, f'istituzzjonijiet edukattivi u fi bnadi oħra(17);

K.  billi d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tiddefinixxi l-vjolenza abbażi tas-sess bħala forma ta' diskriminazzjoni u ksur tal-libertajiet fundamentali tal-vittma u tinkludi vjolenza f'relazzjonijiet intimi, vjolenza sesswali (inkluż stupru, attakk u fastidju sesswali), traffikar tal-bnedmin, skjavitù u forom differenti ta' prattiki li jagħmlu l-ħsara, bħal żwiġijiet furzati, mutilazzjoni ġenitali femminili u l-hekk imsejħa "reati tal-unur"; billi n-nisa vittmi ta' vjolenza sessista u t-tfal tagħhom ta' spiss ikunu jeħtieġu appoġġ u protezzjoni speċjali minħabba r-riskju għoli ta' vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, ta' intimidazzjoni u ta' ritaljazzjoni marbuta ma' tali vjolenza(18);

L.  billi d-dritt tal-UE jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li jkun stabbilit korp għall-ugwaljanza biex jipprovdi assistenza indipendenti lill-vittmi ta' fastidju u ta' fastidju sesswali, iwettaq stħarriġiet indipendenti, jippubblika rapporti indipendenti u jagħmel rakkomandazzjonijiet fi kwistjonijiet ta' impjieg u taħriġ vokazzjonali, fl-aċċess għal prodotti u servizz u fil-provvista tagħhomi, u għal dawk li jaħdmu għal rashom;

M.  billi l-fastidju u l-abbuż sesswali, b'mod predominanti mill-irġiel fuq in-nisa, huwa problema strutturali u mifruxa mal-Ewropa u mad-dinja kollha , u huwa fenomenu li jinvolvi vittmi u trasgressuri ta' kull età, sfondedukattiv, dħul finanzjarju u pożizzjoni soċjali, u jorbot mad-distribuzzjoni inugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà tagħna;

N.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija r-responsabilità tal-individwi kollha fis-soċjetà u tirrikjedi l-kontribut attiv kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel; billi l-awtoritajiet għandhom jimpenjaw ruħhom għall-iżvilupp ta' kampanji edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni mmirati lejn l-irġiel u l-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, bil-għan li l-irġiel u s-subien jiġu involuti bħala sħab, biex b'hekk gradwalment jipprevjenu u jeliminaw kull xorta ta' vjolenza abbażi tas-sess u jippromwovu jew jabilitaw lin-nisa;

O.  billi n-nisa fl-Unjoni Ewropea mhumiex protetti b'mod indaqs kontra l-vjolenza abbażi tas-sess, il-fastidju u l-abbuż sesswali minħabba politiki u leġiżlazzjonijiet differenti fl-Istati Membri; billi s-sistemi ġudizzjarji ma jipprovdux biżżejjed appoġġ lin-nisa; billi dawk li jwettqu vjolenza abbażi tas-sess spiss ikunu persuni li l-vittma diġà tafhom u billi f'ħafna każijiet il-vittma tkun f'pożizzjoni ta' dipendenza, fattur li jagħmilhom aktar beżgħana li jirrapportaw il-vjolenza;

P.  billi l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, iżda rratifikawha biss 15 minnhom; billi l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ma teżonerax lill-Istati Membri mir-ratifika fil-livell nazzjonali; billi l-Artikolu 40 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul jistipula li "l-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa jew miżuri oħra biex ikun żgurat li kull forma ta' mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta' natura sesswali, bil-għan jew bl-effett li tmur kontra d-dinjità ta' persuna, b'mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv, tkun soġġetta għal sanzjonijiet kriminali jew oħrajn legali";

Q.  billi l-vjolenza u l-fastidju fil-ħajja politika huma diretti lejn in-nisa b'mod sproporzjonat; billi dan it-tip ta' vjolenza jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, inkluż l-obbligu li jiġi żgurat li n-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw liberament fir-rappreżentanza politika;

R.  billi l-fastidju sesswali huwa definit fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni;

S.  billi l-fastidju sesswali jew l-imġiba sessista mhuwiex mingħajr ħsara u billi t-trivjalizzazzjoni tal-fastidju sesswali jew tal-vjolenza sesswali bl-użu ta' lingwaġġ li jimminimizza l-gravità tagħhom tirrifletti attitudnijiet sessisti lejn in-nisa u tikkomunika messaġġi ta' kontroll u poter fir-relazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa, b'mod li jħalli impatt fuq id-dinjità, l-awtonomija u l-libertà tan-nisa;

T.  billi l-Parlament stabbilixxa strutturi speċifiċi u regoli interni biex jindirizza l-fastidju sesswali fl-istituzzjoni, b'mod partikolari l-Kumitat Konsultattiv li jitratta l-ilmenti ta' fastidju bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati (APA) u l-Membri tal-Parlament Ewropew, filwaqt li Kumitat Konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol jittratta proċeduri formali oħra relatati ma' membri tal-persunal tal-amministrazzjoni tal-Parlament u tal-gruppi politiċi sabiex jivvaluta każijiet possibbli u jipprevjeni l-fastidju u l-abbuż sesswali;

U.  billi l-politiċi, bħala rappreżentanti eletti taċ-ċittadini, għandhom responsabilità kruċjali li jaġixxu bħala eżempji pożittivi fil-prevenzjoni tal-fastidju sesswali fis-soċjetà u fil-ġlieda kontrih;

Tolleranza żero u l-ġlieda kontra l-fastidju sesswali u l-abbuż sesswali fl-UE

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-forom kollha ta' vjolenza sesswali u ta' fastidju fiżiku jew psikoloġiku u jiddeplora l-fatt li dawn l-atti jiġu ttollerati wisq faċilment, mentri fil-fatt jikkostitwixxu ksur sistemiku tad-drittijiet fundamentali u delitt serju li jrid jiġi kkastigat bħala tali; jenfasizza li l-impunità trid tintemm billi jiġi żgurat li t-trasgressuri jitressqu quddiem il-qrati;

2.  Jinsisti fuq l-implimentazzjoni effikaċi tal-qafas legali eżistenti li jindirizza l-fastidju u l-abbuż sesswali, u fl-istess waqt iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, kif ukoll lill-kumpaniji pubbliċi u privati, biex jieħdu miżuri ulterjuri ħalli effettivament jipprevjenu u jtemmu l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol u fi bnadi oħra; jenfasizza li l-proċeduri legali ddedikati stabbiliti biex jindirizzaw każijiet ta' fastidju sesswali fil-post tax-xogħol għandhom jiġu segwiti;

3.  Jilqa' inizjattivi bħall-moviment #Metoo li għandhom l-għan li każijiet ta' fastidju sesswali u vjolenza fuq in-nisa jiġu rrappurtati; jappoġġja bil-qawwa lin-nisa u 'l-bniet li ħadu sehem fil-kampanja, inklużi dawk li ddenunzjaw lit-trasgressuri tagħhom;

4.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jissorveljaw b'mod adegwat l-implimentazzjoni korretta tad-direttivi tal-UE li jipprojbixxu l-fastidju abbażi tas-sess u l-fastidju sesswali, u jiżguraw li l-Istati Membri tal-UE jsaħħu r-riżorsi umani tal-korpi għall-ugwaljanza li jissorveljaw prattiki diskriminatorji, u jiżguraw li dawn il-korpi jingħataw mandat ċar u riżorsi adegwati biex ikopru t-tliet oqsma tal-impjiegi, ix-xogħol indipendenti u l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi;

5.  Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta, tiskambja u tqabbel l-aħjar prattiki eżistenti fil-ġlieda kontra l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol, u li xxerred ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni f'dak li jirrigwarda l-miżuri effikaċi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu biex jinkoraġġixxu lill-kumpaniji, lis-sħab soċjali u lill-organizzazzjonijet involuti fit-taħriġ vokazzjonali biex jipprevjenu kull forma ta' diskriminazzjoni abbażi tas-sess, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-fastidju u l-fastidju sesswali fil-post tax-xogħol;

6.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-irġiel kollha biex jimpenjaw ruħhom għall-bidla u għat-tmiem ta' kull sura ta' fastidju u vjolenza sesswali, billi jikkumbattu ċ-ċirkustanzi u l-istrutturi li jabilitaw, anke b'mod passiv, l-imġiba li twassal għalihom u billi jikkontestaw kwalunkwe mġiba ħażina jew barra minn lokha; jitlob li l-Istati Membri jinvolvu lill-irġiel b'mod attiv f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni u prevenzjoni;

7.  Jemmen li azzjonijiet ewlenin fil-ġlieda kontra l-fastidju sesswali jinkludu l-indirizzar tal-kwistjonijiet tas-sottorappurtar u tal-istigma soċjali, l-istabbiliment ta' proċeduri ta' rendikont għall-imġiba fil-post tax-xogħol, l-involviment attiv tal-irġiel u tas-subien fil-prevenzjoni tal-vjolenza, u l-azzjoni kontra forom emerġenti ta' vjolenza, eż. fiċ-ċiberspazju;

8.  Jinsab allarmat li l-fastidju online fuq in-nisa u speċjalment fil-midja soċjali, li jvarja minn kuntatt mhux mixtieq, trolling u bullying ċibernetiku għal fastidju sesswali u theddidiet ta' stupru u ta' qtil, qed isir mifrux fis-soċjetà diġitali tagħna, hekk li jagħti lok ukoll għal forom ġodda ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, bħall-bullying ċibernetiku, il-fastidju ċibernetiku, l-użu ta' immaġnijiet degradanti online u d-distribuzzjoni fil-midja soċjali ta' ritratti u filmati privati mingħajr il-kunsens tal-persuni involuti;

9.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-mekkaniżmi ta' finanzjament għall-programmi maħsuba biex jikkumbattu l-vjolenza fuq in-nisa jkunu jistgħu jintużaw għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni u għall-appoġġ ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jindirizzaw il-vjolenza fuq in-nisa, inkluż il-fastidju sesswali;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaċċeleraw ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul; jitlob li l-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni ta' Istanbul, inkluż billi jistabbilixxu sistema ta' ġbir ta' data diżaggregata, li tinkludi data analizzata skont l-età u s-sess tat-trasgressuri u skont ir-relazzjoni bejn it-trasgressur u l-vittma, u li tinkludi l-fastidju sesswali;

11.  Jitlob li l-Kummissjoni tressaq proposta għal direttiva kontra l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u ta' vjolenza abbażi tas-sess; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tippreżenta strateġija komprensiva tal-UE kontra l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tas-sess, inklużi l-fastidju sesswali u l-abbuż sesswali fuq in-nisa u l-bniet;

12.  Jitlob li l-Kunsill jattiva l-klawsola "passerelle" billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (u forom oħrajn ta' vjolenza abbażi tas-sess) bħala qasam ta' kriminalità skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

13.  Jitlob li n-nisa jkunu aktar inklużi fi proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, fil-unions u f'karigi għolja f'organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u ta' dak privat; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, flimkien ma' NGOs, sħab soċjali u korpi għall-ugwaljanza, jintensifikaw miżuri ta' sensibilizzazzjoni sinifikanti rigward id-drittijiet tal-vittmi ta' fastidju sesswali u ta' diskriminazzjoni abbażi tas-sess; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u t-trade unions iġibu 'l quddiem kuxjenza dwar il-fastidju sesswali u jappoġġjaw lin-nisa u jinkoraġġuhom biex jirrappurtaw inċidenti minnufih;

14.  Jisħaq fuq l-importanza ta' taħriġ speċifiku u ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni rigward il-proċeduri formali eżistenti dwar ir-rappurtar ta' fastidju sesswali fil-post tax-xogħol kif ukoll dwar id-drittijiet tal-vittmi, biex b'hekk jiġi infurzat il-prinċipju ta' dinjità fil-post tax-xogħol u jinġieb 'il quddiem approċċ ta' tolleranza żero bħala n-norma;

Il-fastidju sesswali fil-parlamenti, inkluż fil-Parlament Ewropew

15.  Jikkundanna bil-qawwa l-każijiet ta' fastidju sesswali li ġew żvelati fil-midja u jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għall-vittmi ta' fastidju u ta' abbuż sesswali; jenfasizza li, biex jittieħdu bis-serjetà, huwa kruċjali li l-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu pożizzjoni soda kontra kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni abbażi tas-sess jew kwalunkwe azzjoni li xxekkel l-ugwaljanza bejn is-sessi;

16.  Jirrikonoxxi l-fatt li, permezz ta' deċiżjoni tal-Bureau tal-14 ta' April 2014, il-Parlament Ewropew adotta regoli ġodda li inkludew il-ħolqien ta' korpi speċjalizzati bħall-Kumitat Konsultattiv li jittratta l-ilmenti ta' fastidju bejn l-Assistenti Parlamentari Akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol, u Kumitat Konsultattiv preċedenti li kien jittratta l-ilmenti ta' fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fil-post tax-xogħol għall-membri tal-persunal tal-PE; jinnota b'sodisfazzjon l-introduzzjoni ta' rappurtar kunfidenzali u t-tnedija ta' kampanja ta' qawmien ta' kuxjenza maħsuba biex jikkumbattu l-fastidju sesswali fl-istituzzjoni; jilqa' l-fatt li istituzzjonijiet oħra tal-UE ħolqu korpi simili;

17.  Jitlob li l-President tal-Parlament u l-amministrazzjoni tal-Parlament:

   b'mod urġenti u eżawrjenti jeżaminaw rapporti riċenti fil-midja dwar fastidju u abbuż sesswali fil-Parlament Ewropew, filwaqt li jirrispettaw il-privatezza tal-vittmi, jikkondividu s-sejbiet mal-Membri tiegħu u jipproponu miżuri adegwati biex jipprevjenu każijiet ġodda;
   jevalwaw u, jekk ikun meħtieġ, jirrevedu l-kompożizzjoni tal-korpi kompetenti biex jiżguraw l-indipendenza u l-bilanċ bejn is-sessi, u jkomplu jsaħħu u jippromwovu l-ħidma tal-Kumitat Konsultattiv tal-Parlament li jittratta l-ilmenti ta' fastidju bejn l-assistenti parlamentari akkreditati u l-Membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll tal-Kumitat Konsultattiv tal-Persunal għall-persunal tal-Parlament dwar il-prevenzjoni tal-fastidju, filwaqt li jirrikonoxxu l-ħidma importanti tagħhom;
   jirrevedu r-regoli tal-Parlament biex jinkludu wkoll lit-trainees fil-Kumitati Konsultattivi kollha dwar il-prevenzjoni tal-fastidju u jssaħħu l-miżuri pożittivi tagħhom, u jevitaw kunflitti ta' interess rigward il-membri ta' dawk l-istrutturi importanti tal-kumitati; jinvestigaw każijiet formali, iżommu reġistru kunfidenzjali tal-każijiet matul iż-żmien, u jadottaw l-aħjar mod biex jiżguraw tolleranza żero fil-livelli kollha tal-istituzzjoni;
   jistabbilixxu task force ta' esperti indipendenti li għandha titlaqqa' bil-mandat li teżamina l-qagħda tal-fastidju u l-abbuż sesswali fil-Parlament, li twettaq evalwazzjoni tal-istrutturi eżistenti tal-Parlament, jiġifieri l-Kumitat Konsultattiv li jittratta l-ilmenti ta' fastidju sesswali bejn l-assistenti parlamentari akkreditati u l-Membri tal-Parlament u l-Kumitat Konsultattiv tal-Persunal għall-persunal tal-Parlament dwar il-prevenzjoni tal-fastidju, u tipproponi bidliet adegwati;
   jagħtu appoġġ sħiħ lill-vittmi fi proċeduri fi ħdan il-Parlament u/jew mal-pulizija lokali; jattivaw protezzjoni ta' emerġenza jew miżuri ta' salvagwardja meta dan ikun meħtieġ u jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, hekk li jiżguraw li l-każijiet jiġu investigati bir-reqqa u li jiġu applikati l-miżuri ta' dixxiplina;
   jiżguraw l-implimentazzjoni ta' pjan ta' azzjoni b'saħħtu u effikaċi kontra l-fastidju sesswali fl-interess tal-prevenzjoni u tal-appoġġ, kif ukoll ta' taħriġ obbligatorju għall-persunal u għall-Membri kollha dwar ir-rispett u d-dinjità fil-post tax-xogħol bil-għan li jiżguraw li approċċ ta' tolleranza żero jsir in-norma; jinvolvu ruħhom bis-sħiħ f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jinvolvu lill-Membri kollha u lis-servizzi kollha tal-amministrazzjoni, b'enfasi speċjali fuq il-gruppi fl-aktar pożizzjonijiet vulnerabbli, bħat-trainees, l-assistenti parlamentari akkreditati u l-aġenti kuntrattwali;
   jistabbilixxu netwerk istituzzjonali ta' counsellors konfidenzjali adattati għall-istrutturi tal-Parlament bil-għan li jappoġġaw, jagħtu pariri u jitkellmu f'isem il-vittmi, meta jkun meħtieġ, kif inhi l-prattika għall-persunal tal-Kummissjoni;

18.  Jappella lill-kollegi kollha biex jappoġġjaw lill-vittmi u jinkoraġġuhom jitkellmu u jirrappurtaw każijiet ta' fastidju sesswali permezz ta' proċeduri formali mtejba fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Parlament u/jew lill-pulizija;

19.  Jirriżolvi li jadotta regoli interni dwar id-denunzji ta' irregolaritajiet biex jissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi tal-informaturi u jipprovdi rimedji adegwati jekk dawn ma jiġux ittrattati b'mod korrett u ġust b'rabta mad-denunzja li jkunu għamlu;

20.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-fatt li, ta' spiss, l-assistenti tal-Membri (APA) jibżgħu jitkellmu f'każijiet ta' fastidju sesswali, peress li l-klawsola ta' "telf ta' fiduċja" prevista mill-istatut tal-APA tfisser li dawn jistgħu jitkeċċew bi preavviż qasir ħafna; jitlob il-parteċipazzjoni ta' esperti indipendenti fil-proċeduri ta' tkeċċija, flimkien mar-rappreżentanti tal-amministrazzjoni, bil-għan li tittieħed deċiżjoni imparzjali;

21.  Jirrakkomanda li, darba fis-sena, l-Ombudsman Ewropew jipprovdi lill-Grupp ta' Livell Għoli tal-Parlament dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità data rigward ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina relatata mal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament, bir-rispett debitu għad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman;

22.  Jitlob li l-Istati Membri jeżaminaw il-qagħda tal-fastidju u tal-abbuż sesswali fil-parlamenti nazzjonali tagħhom, jieħdu miżuri attivi ħalli jikkumbattuhom, u jimplimentaw u jinfurzaw b'mod adegwat politika ta' rispett u dinjità fil-post tax-xogħol għall-membri eletti u għall-persunal; jitlob li jsir monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' tali politika;

23.  Jitlob li l-Istati Membri jipprovdu appoġġ protettiv lill-membri parlamentari li jkunu f'kuntatt mal-pubbliku, b'mod partikolari lil dawk li jġarrbu abbuż sesswali u theddidiet ta' vjolenza abbażi tas-sess, anki online;

24.  Jitlob li jiġu organizzati skambji tal-aħjar prattika fil-livelli kollha ma' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra bħall-UN Women, il-Kunsill tal-Ewropa, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati involuti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

25.  Jappella biex il-politiċi kollha jġibu ruħhom bħala eżempji responsabbli fil-prevenzjoni tal-fastidju sesswali u fil-ġlieda kontrih fil-parlamenti u lil hinn minnhom;

o
o   o

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) http://fra.europa.eu/en/publication/2014/violence-against-women-eu-wide-survey-main-results-report
(2) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(3) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(4) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(5) https://rm.coe.int/168008482e
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0329.
(7) ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 138.
(8) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.
(9) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.
(10) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 102.
(11) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 2.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0451.
(13) Testi adottati, P8_TA(2017)0073.
(14) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 2.
(15) Testi adottati, P8_TA(2017)0402.
(16) http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/your_rights/final_harassement_en.pdf
(17) http://www.un.org/womenwatch/daw/beijing/platform/violence.htm
(18) Ara l-premessa 17 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi.

Avviż legali