Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2114(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0310/2017

Testi mressqa :

A8-0310/2017

Dibattiti :

PV 25/10/2017 - 13
CRE 25/10/2017 - 13

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2017 - 10.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0418

Testi adottati
PDF 493kWORD 70k
Il-Ħamis, 26 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro
P8_TA(2017)0418A8-0310/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro (2017/2114(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 136 tiegħu, u għall-Protokolli Nru 1 u Nru 2,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2017 dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2017 (COM(2017)0500),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2017 bit-titolu "Semestru Ewropew 2017: Valutazzjoni tal-progress dwar riformi strutturali, il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi, u riżultati tal-analiżijiet fil-fond skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 (COM(2017)0090),

–  wara li kkunsidra l-kommunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2017" (COM(2016)0725), lir-rapporti intitolati "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2017 (COM(2016)0728) " u "Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2017 mill-Kummissjoni u l-Kunsill" (COM(2016)0729), u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2015)0692),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Lejn pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro" (COM(2016)0727),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Fiskali Ewropew dwar "Il-valutazzjoni tal-pożizzjoni fiskali prospettiva xierqa għaż-żona tal-euro" tal-20 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dokument Okkażjonali Nru 182 dwar "Pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro" mill-Bank Ċentrali Ewropew ta' Jannar 2017,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2017 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2017 dwar analiżijiet fil-fond u implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2017 dwar l-għeluq ta' proċeduri ta' defiċit eċċessiv għal żewġ Stati Membri u dwar politiki ekonomiċi u fiskali,

–  wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni – Rebbiegħa 2017 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra d-dettalji tas-sett tad-data tal-Eurostat dwar il-PDG reali per capita, ir-rata ta' tkabbir u t-totali tal-31 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-istatistika tal-OECD dwar id-dħul totali mit-taxxa tat-30 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja,

–  wara li kkunsidra l-ftehim COP 21 adottat fil-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima fit-12 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0310/2017),

A.  billi, skont il-previżjonijiet tal-Kummissjoni, ir-rata ta' tkabbir tal-PDG għaż-żona tal-euro kienet ta' 1,8 % fl-2016 u hija mistennija li tibqa' stabbli fil-livell ta' 1,7 % fl-2017 u ta' 1,9 % fl-UE kollhabiex b'hekk taqbeż il-livelli ta' qabel il-kriżi, imma xorta tibqa' insuffiċjenti b'differenzi sinifikanti fir-rati ta' tkabbir fl-UE kollha; billi l-konsum privat kien il-mutur ta' tkabbir ewlieni f'dawn l-aħħar ftit snin, filwaqt li hemm possibbiltà li din is-sena tkun aktar moderata minħabba ż-żieda temporanja fl-inflazzjoni tal-konsum, għalkemm id-domanda domestika mistennija li tagħti spinta lill-perspettiva ta' tkabbir fuq terminu medju; billi t-tkabbir fl-UE baqa' kajman biex joħloq impjiegi ġodda fl-Istati Membri u ferm iktar kajman mit-tkabbir proġettat għad-dinja kollha;

B.  billi r-rati tal-qgħad taż-żona tal-euro u tal-UE28 kienu ta' 9,3 % u ta' 7,8 % rispettivament f'April 2017, l-aktar rati baxxi tagħhom sa minn Marzu 2009 u Diċembru 2008; imma xorta waħda 'l fuq mil-livelli ta' qabel il-kriżi; billi fl-UE għad hemm differenzi sinifikanti fir-rati tal-qgħad, li jvarjaw bejn it-3,2 % u t-23,2 %; billi ż-żona tal-euro u r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ tal-UE28 kienu għadhom f'livelli ferm għoljin f'April 2017, speċifikament 18,7 % u 16,7 %;

C.  billi d-defiċit ġenerali tal-gvern fiż-żona tal-euro hi proġettata li tkun 1,4 % fl-2017 u 1,3 % fl-2018, filwaqt li l-prestazzjoni tal-Istati Membri individwali hi mistennija li tkun eteroġena; billi d-dejn ġenerali tal-gvern fi proporzjon tal-PDG fiż-żona tal-euro huwa mbassar li jonqos għal 90,3% fl-2017 u għal 89,0% fl-2018;

D.  billi t-tkabbir ekonomiku globali għadu fraġli u l-ekonomija taż-żona tal-euro qed tiffaċċja żieda fl-inċertezza u sfidi politiċi interni u esterni importanti;

E.  billi l-produttività u l-kompetittività globali eċċessivament baxxi tal-UE jitolbu riformi strutturali soċjalment bilanċjati, sforzi fiskali u investiment kontinwi fl-Istati Membri sabiex iwasslu għal tkabbir sostenibbli u inklużiv kif ukoll impjiegi, u jiksbu konverġenza 'l fuq ma' ekonomiji globali oħra u fl-UE;

F.  billi r-rata tal-impjieg fiż-żona tal-euro kibret b'1,4 % fl-2016; billi f'Marzu 2017, ir-rata tal-qgħad niżlet għal 9,5 %, meta mqabbla ma' 10,2 % f'Marzu 2016; billi, minkejja t-titjib riċenti, ir-rati tal-qgħad għadhom ma rritornawx lura għal-livelli ta' qabel il-kriżi;

G.  billi r-rata tal-impjieg kibret b'1,2 % fl-2016 fl-UE-28, filwaqt li kien hemm 234,2 miljun persuna fl-impjieg fl-ewwel kwart tal-2017, l-ogħla numru li qatt ġie rreġistat(11); billi, madankollu, in-numru konsiderevoli ta' impjiegi maħluqa b'rabta mat-tkabbir ekonomiku jaħbi ċerti sfidi, bħall-irkupru mhux komplut f'sigħat maħduma u tkabbir modest tal-produttività. billi jekk jippersistu, dawn il-fatturi jistgħu joħolqu pressjoni addizzjonali fuq l-aspetti fit-tul tat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fl-UE(12);

H.  billi r-rati ta' impjieg huma ġeneralment aktar baxxi fost in-nisa: fl-2015, ir-rata ta' impjieg għall-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena kienet ta' 75,9 % fl-UE-28, meta mqabbla ma' 64,3 % għan-nisa;

I.  billi f'Marzu 2017, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fiż-żona tal-euro kienet ta' 19,4 %, meta mqabbla ma' 21,3 % f'Marzu 2016; billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu għoli b'mod inaċċettabbli; billi fl-2015 is-sehem ta' persuni NEET baqa' għoli u kien jirrappreżenta 14,8 % ta' dawk fl-età ta' bejn il-15 u d-29 sena, jiġifieri 14-il miljun persuna; billi n-NEET huma stmati li jiswew lill-Unjoni EUR 153 biljun (1,21 % tal-PDG) fis-sena, f'benefiċċji u fi qligħ u taxxi mitlufin(13), filwaqt li l-istima tal-ispiża totali biex jiġu stabbiliti skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ fiż-żona tal-euro hija ta' EUR 21 biljun fis-sena, jew 0,22 % tal-PDG; billi attwalment hemm ammont ta' EUR 1 biljun allokat għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, ammont li miegħu se jiżdied EUR 1 biljun mill-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu 2017-2020;

J.  billi minkejja li l-qgħad fit-tul fl-UE-28 naqas minn 5 % fl-2014 għal 4 % fl-2016, dan għadu problema u jirrappreżenta kważi nofs il-qgħad totali; jinnota bi tħassib li r-rata tal-qgħad fit-tul ħafna ta' 2,5 % fl-2016 għadha 1 % ogħla miċ-ċifra tal-2008; billi għad hemm diskrepanzi kbar fost l-Istati Membri;

K.  billi f'ħafna Stati Membri, id-daqs tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol u l-forza tax-xogħol qed ikomplu jinxtorbu, b'mod partikolari minħabba rati baxxi ta' twelid; billi kemm l-impjegabbiltà tan-nisa kif ukoll il-wasla kontinwa ta' migranti, rifuġjati u applikanti għall-asil huma opportunitajiet għall-Istati Membri biex jindirizzaw din il-kwistjoni u jsaħħu l-forza tax-xogħol fl-UE;

L.  billi waħda mill-ħames miri tal-Ewropa 2020 għandha l-għan li tnaqqas b'mill-inqas 20 miljun in-numru ta' persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali; billi l-faqar qed jonqos, b'4,8 miljun persuni inqas f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali fl-2015 milli fl-2012; billi din iċ-ċifra tal-2015 għadha teċċedi ċ-ċifra tal-2008 b'1,6 miljun; billi 32,2 miljun persuna b'diżabbiltà kienu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali fl-UE fl-2012; billi fl-2013, 26,5 miljun tifel u tifla fl-UE-28 kienu f'riskju li jispiċċaw fil-faqar jew f'esklużjoni soċjali; billi r-rata ta' riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni għadha inaċċettabbilment għolja f'livell ta' 23,7 %, b'ċifri li jibqgħu għoljin ħafna f'xi Stati Membri; billi, barra minn hekk il-faqar enerġetiku tant għadu kbir li għall-11 % tal-popolazzjoni tal-UE ikkonċernata dan iwassal għal ċiklu ta' żvantaġġ ekonomiku;

M.  billi l-kundizzjonijiet u l-prestazzjonijiet tas-suq tax-xogħol juru differenzi sostanzjali fost l-Istati Membri, għalkemm dawn id-differenzi qed jonqsu;

N.  billi forom ġodda ta' impjieg u xogħol qed isiru iktar komuni bir-rivoluzzjoni diġitali tas-suq tax-xogħol;

1.  Jilqa' l-prestazzjoni mtjeba tal-ekonomija Ewropea, li qed ikollha dejjem bażi usa', appoġġjata minn tkabbir moderat fil-PDG, li jaqbeż il-livell ta' qabel il-kriżi, u minn tnaqqis fir-rati tal-qgħad, li xorta għadhom għoljin; iqis li din it-tendenza pożittiva hija dovuta għall-politiki ta' dawn l-aħħar ftit snin; jinnota li l-irkupru moderat, madankollu, għadu fraġli u mhux uniformi fis-soċjetajiet u r-reġjuni kollha, filwaqt li l-iżvilupp tal-PDG per capita huwa qrib l-istaġnar; jiddispjaċih li l-iżviluppi ekonomiċi għadhom mgħobbija bil-piż tal-konsegwenzi tal-kriżi; jinnota li minkejja l-progress sostanzjali li sar il-livelli ta' dejn f'ħafna Stati Membri għadhom għoljin ħafna iktar mil-livell limitu kif speċifikat fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

2.  Jinnota bi tħassib li r-rati ta' tkabbir tal-PDG u tal-produttività għadhom ma laħqux il-potenzjal sħiħ u jenfasizza li għalhekk ma għandu jkun hemm l-ebda lok għal kompjaċenza, u li dan l-irkupru moderat jirrikjedi sforzi bla waqfien sabiex tinkiseb reżiljenza u sostenibbiltà akbar fuq terminu medju sa twil permezz ta' livell ogħla ta' tkabbir u impjiegi;

3.  Jinnota li l-portijiet tal-Ewropa ma sfruttawx il-potenzjal ekonomiku hekk kif it-tkabbir u l-impjiegi qed javvanzaw b'mod inkonsistenti; jissottolinja li dan huwa r-riżultat tal-prestazzjoni eteroġenea tal-ekonomiji tal-Istati Membri; jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali soċjalment ibbilanċjati u żieda fl-investiment privat u pubbliku kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE tista' tiffaċilita mill-inqas 1 % aktar tkabbir; ifakkar li l-koordinazzjoni ekonomika u fiskali għandha tibqa' prijorità ewlenija tas-Semestru Ewropew sabiex tikkontribwixxi biex tiżgura konverġenza u stabbiltà fl-UE ;

4.  Huwa tal-opinjoni li se jkun meħtieġ livell akbar ta' konverġenza 'l fuq u ta' kompetittività ġenerali biex ikun sostnut l-irkupru ekonomiku fl-UE u fiż-żona tal-euro fuq terminu twil; iqis li l-indikaturi eżistenti ekonomiċi u tal-impjieg huma kruċjali biex jiżguraw sostenibbiltà u tkabbir inklużiv;

5.  Iqis li biex dan jimmaterjalizza jeħtieġ li jitjiebu l-kundizzjonijiet strutturali għat-tkabbir; huwa tal-opinjoni li t-tkabbir potenzjali tal-Istati Membri kollha għandu jiżdied fuq terminu twil għal mill-inqas 3 %; biex dan jiġri, jeħtieġ jingħata fokus akbar fuq il-konverġenza ekonomika, fejn l-istabbiliment ta' valuri referenzjarji ċari ta' kif jittejjeb it-tkabbir potenzjali tal-Istati Membri jista' jipprovdi l-gwida meħtieġa għal azzjonijiet politiċi; jindika li dan l-eżerċizzju ta' valutazzjoni komparattiva regolari għandu jqis kif xieraq is-saħħa u d-dgħufijiet strutturali individwali tal-Istati Membri u jsegwi tkabbir inklużiv u sostenibbli; dan għandu jinkludi oqsma bħall-ekonomija diġitali, is-settur tas-servizzi, is-suq tal-enerġija, imma wkoll il-kwalità tas-servizzi, kundizzjonijiet għall-investiment, l-inklussività u t-tħejjija tas-sistemi edukattivi;

6.  Jenfasizza li dan jikkomplementa l-isforzi kontinwi biex titjieb il-kwalità u l-ġestjoni tal-baġits nazzjonali billi jindirizza l-iskattaturi għat-tkabbir f'konformità mar-regoli fiskali tal-Unjoni u b'rispett sħiħ tal-flessibbiltà tagħhom;

Politiki strutturali

7.  Iqis li s-sitwazzjoni inkonsistenti tat-tkabbir u tal-impjiegi fiż-żona tal-euro teħtieġ koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi partikolarment permezz ta' sjieda nazzjonali mtejba u konsistenti u implimentazzjoni soda tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSR), ukoll bl-għan li tiġi promossa l-konverġenza 'l fuq, u billi tinkludi implimentazzjoni aħjar u rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza li r-riformi għandhom bżonn jikkunsidraw sew is-sitwazzjoni u l-isfidi speċifiċi f'kull Stat Membru; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura l-konsistenza bejn ir-riformi strutturali u n-nefqa tal-UE; ifakkar ukoll f'din il-perspettiva l-importanza tal-assistenza teknika sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jibnu l-kapaċità u jikkonverġu lejn approċċ abbażi tas-sħubija li jista' jiżgura dover ta' rendikont u r-riżultat tal-implimentazzjoni tas-CSRs;

8.   Jinnota li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' ferm għoli fil-pajjiżi taż-żona tal-euro u jirrimarka li qgħad elevat u persistenti taż-żgħażagħ jirrapreżenta riskju strutturali fuq terminu twil; jaqbel li l-indirizzar tal-konsegwenzi tal-kriżi, minn qgħad fit-tul, impjiegi li ma jisfruttawx b'mod komplet il-ħiliet u l-abilitajiet, u soċjetajiet li qed jixjieħu għal livelli għolja ta' dejn privat u pubbliku, jibqa' prijorità urġenti li titlob l-implimentazzjoni ta' riformi sostenibbli u inklużivi;

9.  Huwa tal-opinjoni li l-konsegwenzi tal-kriżi, bħal-livell għoli ta' dejn u ta' qgħad f'xi setturi tal-ekonomija, għadhom ta' xkiel għat-tkabbir sostenibbli u joħolqu riskji potenzjali ta' tnaqqis fit-tkabbir; jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu l-livelli eċċessivi ta' dejn; jinsab imħasseb f'dan ir-rigward li l-livell persistentement għoli ta' self improduttiv (NPL) f'xi Stati Membri jista' jkolli effetti konsegwenzjali sinifikattivi minn Stat Membru għall-ieħor, u bejn il-banek u s-sovrani u b'hekk jippreżenta risjku għall-istabbilità finanzjarja fl-Ewropa; jinnota li l-bafers kapitali fis-settur finanzjarju ssaħħu imma profittabilità baxxa, flimkien ma' livelli għolja ta' NPLs qed joħolqu sfidi ġodda; jinsab konvint li strateġija tal-UE li tindirizza l-NPLs tista' tipprovdi soluzzjoni komprensiva li tiġbor flimkien azzjonijiet ta' politika kumplimentari, f'livell nazzjonali u, fejn xieraq, f'livell Ewropew;

10.  Huwa tal-opinjoni li huma meħtieġa riformi u inizjattivi li jtejbu l-klima kummerċjali biex jagħtu spinta lill-produttività, lill-kompetittività marbuta mal-prezzijiet u dik mhux marbuta mal-prezzijiet, lill-investiment u l-impjiegi fiż-żona tal-euro; jemmen li huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jissaħħaħ l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, li huwa fattur kruċjali sabiex in-negozji jiġġeddu u jespandu; jissottolinja f'dan il-kuntest l-importanza ta' riformi orjentati lejn il-futur li jkunu adattati lejn il-provvista u d-domanda;

11.  Iqis li swieq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb u produttivi, flimkien ma' livell adegwat ta' protezzjoni soċjali u ta' djalogu, jgħinu biex jiżdiedu l-impjiegi u jiżguraw tkabbir sostenibbli; jissottolinja l-importanza li jinżammu rati tal-impjieg għoljin fejn dawn diġà intlaħqu; jinnota li n-nuqqas ta' ħiliet, is-soċjetajiet li qed jixjieħu kif ukoll għadd ta' sfidi oħra, jitfgħu wkoll piż fuq tkabbir ulterjuri tal-impjiegi u fuq it-tnaqqis tal-livelli tal-qgħad fl-Istati Membri;

12.  Jenfasizza l-importanza ta' żviluppi tal-pagi responsabbli u favur it-tkabbir, li jipprovdu standard tal-għajxien tajjeb, bi qbil mal-produttività filwaqt li jqisu l-kompetittività; jieħu nota tal-fatt li hu mbassar li t-tkabbir fil-pagi se jkun relattivament moderat; huwa tal-fehma li t-tkabbir fil-produttività għandu jkun għan prijoritarju tar-riformi strutturali; jaqbel mal-Kummissjoni li hemm lok għal żidiet fil-pagi li jista' jkollhom effetti pożittivi relatati mal-konsum aggregat;

13.  Jenfasizza li l-livelli ta' tassazzjoni għandhom ukoll jappoġġjaw il-kompetittività, l-investimenti u l-ħolqien tal-impjiegi; jitlob riformi fit-tassazzjoni bl-għan li jitjieb il-ġbir tat-taxxa, jiġi evitat l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, kif ukoll ikun indirizzat il-piż għoli tat-taxxa fuq ix-xogħol fl-Ewropa, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi ta' ħarsien soċjali; jemmen li jekk il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol jitnaqqas, jiżdiedu l-impjiegi u jitħeġġeġ it-tkabbir; jissottolinja li l-istimolu fiskali, fejn ikun possibbli, inkluż permezz ta' taxxi aktar baxxi, jista' jappoġġja d-domanda domestika, is-sigurtà soċjali u l-provvista ta' investimenti u ta' xogħol;

Investiment

14.  Jaqbel li ż-żieda ekonomika jeħtieġ li tkun appoġġjata mill-investiment pubbliku u privat, partikolarment fl-innovazzjoni, u jinnota li għad hemm distakk fl-investiment fiż-żona tal-euro; jilqa' l-fatt li f'ċerti Stati Membri l-investimenti diġà jaqbżu l-livell ta' qabel il-kriżi, u jiddispjaċih li fi Stati Membri oħrajn l-investiment għadu lura jew mhuwiex għaddej bir-rata meħtieġa; jissottolinja l-fatt li jenħtieġ ukoll miżuri ulterjuri biex jiġi indirizzat id-"distakk fl-investiment" akkumulat minn meta bdiet il-kriżi;

15.  Iqis li r-riformi li jeliminaw l-ostakli għall-investiment privat u pubbliku jippermettu appoġġ immedjat għall-attività ekonomika u fl-istess ħin jgħinu jistabbilixxu kundizzjonijiet għat-tkabbir fit-tul; jirrimarka li l-investimenti fl-edukazzjoni, fl-innovazzjoni u fir-R&Ż jippermettu li jsir adattament aħjar għall-ekonomija bbażata fuq l-għarfien; jenfasizza barra minn hekk li t-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija fattur kruċjali biex jiġi attirat u jiżdied l-investiment, u biex jitjieb il-finanzjament tat-tkabbir u l-impjiegi;

16.  Iqis li r-riċerka, it-teknoloġija u l-edukazzjoni huma ta' importanza vitali għall-iżvilupp ekonomiku fit-tul taż-żona tal-euro; jenfasizza d-disparitajiet bejn l-Istati Membri fl-investiment f'dawn l-oqsma u jirrimarka li l-investiment jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-innovazzjoni u jippermetti li jsir adattament aħjar għall-ekonomija bbażata fuq l-għarfien, f'konformità mal-Ewropa 2020;

17.  Jilqa' l-fatt li l-qbil f'waqtu dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jista' jgħin biex tittejjeb l-effikaċja ta' dan l-istrument u biex jiġu indirizzati nuqqasijiet esperjenzati fl-implimentazzjoni tiegħu sa issa billi jiffaċilita l-finanzjament ta' aktar proġetti li jkollhom potenzjal qawwi filwaqt li jiżgura infurzar strett tal-addizzjonalità, tisħiħ tal-kopertura ġeografika, filwaqt li jappoġġja l-investimenti li kieku ma kienux jiġu realizzati;

18.  Jinnota l-objettivi differenti tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) meta mqabbla mal-FEIS u għalhekk bl-istess mod l-importanza kontinwa tal-FSIE, inkluż biex ikunu appoġġjati riformi strutturali sostenibbli;

19.  Jenfasizza li Unjoni tas-Swieq Kapitali li tiffunzjona kompletament tista', fuq perjodu ta' żmien itwal, tipprovdi finanzjament ġdid għall-SMEs, filwaqt li tikkumplimenta dak tas-settur bankarju; jenfasizza li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, u jqis għalhekk li żieda fl-aċċess tagħhom għall-finanzi u l-ġlieda kontra l-inċertezza tan-negozji marbuta mal-attivitajiet tagħhom għandhom ikunu żewġ prijoritajiet ewlenin, b'mod li jtejbu l-kompetittività fiż-żona tal-euro; jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas il-burokrazija żejda, ikunu allinjati s-servizzi governattivi u jsiru aktar effiċjenti;

Politiki fiskali

20.  Iqis li l-politiki fiskali prudenti u mmirati lejn il-futur għandhom rwol fundamentali għall-istabbiltà taż-żona tal-euro u tal-Unjoni b'mod globali; jissottolinja li koordinazzjoni b'saħħitha tal-politiki fiskali, l-implimentazzjoni xierqa u l-konformità mar-regoli tal-Unjoni, inkluż rispett sħiħ għall-klawżoli flessibbli eżistenti, f'dan il-qasam huma rekwiżiti legali u essenzjali għall-funzjonament xieraq tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM);

21.  Jilqa' f'dan ir-rigward il-fatt li l-finanzi pubbliċi jidhru li qed jitjiebu hekk kif id-defiċits tal-gvernijiet fiż-żona tal-euro huma projettati li jonqsu; madankollu, sforzi biex jitnaqqas il-piż tad-dejn jeħtieġ li jitkompla filwaqt li jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku sabiex ikun evitat li l-Istati Membri jkunu vulnerabbli għal xokkijiet esterni;

22.  Jaqbel mal-Kummissjoni li d-dejn tal-gvern għadu għoli f'xi Stati Membri u li hemm bżonn li l-finanzi pubbliċi jsiru sostenibbli, filwaqt li jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi; jirrimarka f'dan il-kuntest li l-ħlasijiet ta' rati tal-imgħax baxxi, politiki monetarji akkomodanti, miżuri ta' darba u fatturi oħra li jtaffu l-piż attwali tad-dejn huma biss temporanji u jenfasizza għalhekk li l-finanzji pubbliċi jeħtieġ li jkunu sostenibbli filwaqt li jittieħed kont ukoll tal-obbligazzjonijiet futuri u jkun fil-mira tkabbir fuq terminu twil; jirrimarka li hemm il-possibbiltà ta' żieda fl-ispejjeż tas-servizz tad-dejn; jissottolinja l-importanza li jitniżżlu l-livelli ġenerali tad-dejn;

23.  Jissottolinja li l-pożizzjonijiet fiskali fil-livell nazzjonali u taż-żona tal-euro jridu jibbilanċjaw is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi f'konformità sħiħa mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li jkunu rispettati d-dispożizzjonijiet imfassla għall-flessibbiltà, bi stabbilizzazzjoni makroekonomika fuq terminu qasir;

24.  Jindika li l-pożizzjoni fiskali aggregata attwali għall-euro baqgħet fil-biċċa l-kbira newtrali fl-2016 u mistennija li tibqa' hekk fl-2017; ifakkar li l-Kummissjoni talbet, fil-komunikazzjoni tagħha, għal approċċ fiskali pożittiv, filwaqt li l-grupp tal-euro wara li kkonkluda l-pożizzjoni fiskali newtrali fl-2017 ddeċieda favur bilanċ xieraq biex jissottolinja l-importanza ta' bilanċ xieraq bejn il-ħtieġa li tkun żgurata s-sostenibbiltà u l-ħtieġa li jkun appoġġjat l-investiment biex jissaħħaħ l-irkupru u b'hekk jingħata kontribut għal taħlita bilanċjata ta' politika; f'dan il-kuntest, jieħu nota tal-ewwel valutazzjoni tal-pożizzjoni fiskali xierqa għaż-żona tal-euro mill-Bord Fiskali Ewropew (EFB) indipenenti tal-20 ta' Ġunju 2017; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprevedu pożizzjoni fiskali xierqa skont iċ-ċirkustanzi rispettivi;

25.  Jenfasizza li l-opinjoni aggregata għandha tikkunsidra s-sitwazzjoni eteroġenea fost l-Istati Membri u l-ħtieġa li ssir differenzjazzjoni fil-politiki fiskali meħtieġa minn kull Stat Membru; jenfasizza li l-kunċett ta' pożizzjoni fiskali aggregata ma timplikax li s-surpluses u d-defiċits fi Stati Membri differenti jistgħu jibbilanċjaw lil xulxin;

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi

26.  Jinnota li bil-mgħodija taż-żmien, l-Istati Membri għamlu tal-inqas xi progress f'żewġ terzi tar-rakkomandazzjonijiet għall-2016; hu tal-fehma, madankollu, li l-implimentazzjoni tas-CSRs għada lura u b'hekk tfixkel il-proċess ta' konverġenza fiż-żona tal-euro; hu tal-fehma li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà għall-konsegwenzi tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tas-CSRs u jistenna għalhekk impenn akbar mill-Istati Membri biex jieħdu l-azzjonijiet ta' politika meħtieġa abbażi tas-CSRs maqbula;

27.  Jirrikonoxxi li l-Istati Membri għamlu progress fl-implimentazzjoni tas-CSRs fil-qasam tal-politika fiskali u fil-politiki attivi fis-suq tax-xogħol, filwaqt li ma sarx progress biżżejjed f'oqsma bħall-kompetizzjoni fis-servizzi u fl-ambjent tan-negozju; jistenna impenn akbar min-naħa tal-Istati Membri biex jieħdu l-azzjonijiet politiċi meħtieġa abbażi tas-CSRs, li l-implimentazzjoni tagħhom hi kruċjali biex ikunu indirizzati l-iżbilanċi fiż-żona tal-euro;

28.  Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex jingħalqu l-Proċeduri ta' Defiċit Eċċessiv għal bosta Stati Membri; jilqa' l-isforzi fiskali u ta' riforma tal-passat u dawk attwali li wasslu lil dawk l-Istati Membri joħorġu mill-EDP, imma jinsisti li dawn l-isforzi se jkunu meħtieġ li jitkomplew biex jiżguraw finanzi pubbliċi sostenibbli wkoll fuq terminu twil, filwaqt li jippromwovu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni xierqa tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir billi jiġu applikati r-regoli tiegħu b'mod konsistenti;

29.  Jinnota li 12-il Stat Membru qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi ta' natura u severità differenti, filwaqt li jeżistu żbilanċi eċċessivi f'sitt Stati Membri; jieħu nota tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li fil-preżent ma hemm l-ebda raġuni sabiex tiġi msaħħa l-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku għall-ebda wieħed mill-Istati Membri;

30.  Jenfasizza li l-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku hija mmirata biex tipprevjeni l-iżbilanċi fl-Istati Membri bil-għan li jiġu evitati effetti kollaterali negattivi fuq Stati Membri oħra;

31.  Iqis li hija essenzjali, għalhekk, li l-Istati Membri kollha jieħdu l-azzjoni politika meħtieġa biex jindirizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi, b'mod partikolari l-livelli għolja ta' dejn, is-surpluses fil-kontijiet kurrenti u żbilanċi fil-kompetittività, u jimpenjaw ruħhom għal riformi strutturali soċjalment ibbilanċjati u inklużivi li jiżguraw is-sostenibbiltà ekonomika ta' kull Stat Membru individwali, biex b'hekk jiżguraw il-kompetittività globali u r-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea;

Kontribuzzjonijiet settorjali għar-Rapport dwar il-politiki Ekonomiċi taż-żona tal-euro

Politiki Soċjali u tal-Impjieg

32.  Huwa tal-fehma li huma meħtieġa sforzi kontinwi biex jinkiseb bilanċ bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-proċess tas-Semestru Ewropew u biex jiġu promossi riformi strutturali soċjalment u ekonomikament ibbilanċjati li jnaqqsu l-inugwaljanzi u jippromwovu impjiegi deċenti li jwasslu għal impjieg ta' kwalità, tkabbir sostenibbli u investiment soċjali; jappoġġja l-użu tat-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew; jitlob li tingħata attenzjoni ikbar fir-rigward tal-iżbilanċi strutturali fis-suq tax-xogħol fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs);

33.  Itenni t-talba biex it-tliet indikaturi ewlenin il-ġodda fil-qasam tal-impjieg jingħataw l-istess importanza bħall-indikaturi ekonomiċi eżistenti, sabiex b'hekk jiġi żgurat li l-iżbilanċi interni jkunu vvalutati aħjar filwaqt li r-riformi strutturali jsiru iktar effettivi; jipproponi l-introduzzjoni ta' proċedura nonpunittiva ta' żbilanċi soċjali fit-tfassil tas-CSRs sabiex tiġi evitata ġirja lejn l-iktar livell baxx f'termini ta' standards soċjali, filwaqt li nibnu fuq l-użu effikaċi tal-indikaturi soċjali u tal-impjieg fis-sorveljanza makroekonomika; jinnota li l-inugwaljanza intensifikat f'madwar għaxar Stati Membri u hija waħda mill-isfidi soċjoekonomiċi ewlenin fl-UE(14);

34.  Jenfasizza li riformi soċjalment u ekonomikament responsabbli jridu jkunu bbażati fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni u l-ġustizzja soċjali; jenfasizza li r-riformi għandhom iqisu wkoll appoġġ sostnut għall-irkupru soċjali u ekonomiku, joħolqu impjiegi ta' kwalità, isaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali, jipproteġu lill-gruppi vulnerabbli u jtejbu l-istandards tal-għajxien għaċ-ċittadini kollha;

35.  Jemmen li l-proċess tas-Semestru Ewropew għandu jindirizza mhux biss l-isfidi soċjetali eżistenti iżda anki dawk emerġenti sabiex tiġi żgurata effiċjenza ekonomika ikbar flimkien ma' Unjoni Ewropea iktar soċjalment koeżiva; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-politiki tal-UE;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura finanzjament adegwat biex jiġi missielet il-qgħad fost iż-żgħażagħ li fl-UE għadu għoli b'mod inaċċettabbli, u biex titkompla l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) lil hinn minn tmiem il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) attwali, filwaqt li fl-istess ħin jitjiebu l-funzjonament u l-implimentazzjoni tagħha u b'kont meħud tal-aħħar sejbiet tar-rapport speċjal tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-impjieg taż-żgħażagħ u l-użu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u jiżguraw li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tkun kompletament aċċessibbli; jiddispjaċih dwar ċaqliq fil-baġits mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), inkluża l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, lejn Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li minflok jinħtieġ li jkunu ffinanzjati mill-mezzi finanzjarji kollha disponibbli taħt ir-Regolament QFP eżistenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva tal-impjiegi maħluqa; jenfasizza li l-fondi tal-UE m'għandhomx jintużaw biex jieħdu post il-pagamenti tas-servizzi soċjali nazzjonali;

37.  Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jinħtieġ li tissaħħaħ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u jenfasizza l-importanza tagħha għat-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol; jindika li għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u l-bniet, li jistgħu jiffaċċjaw ostakoli relatati mal-ġeneru biex jiksbu offerta ta' kwalità tajba ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tilħaq liż-żgħażagħ li qed jiffaċċjaw esklużjonijiet multipli u faqar estrem;

38.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw il-proposti li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol(15);

39.  Iqis li l-ambitu, l-effiċjenza u l-effettività ta' politiki tas-suq tax-xogħol attivi u sostenibbli għandhom jiżdiedu b'finanzjament xieraq u adegwat b'enfasi fuq il-protezzjoni ambjentali, ta' min iħaddem, tal-ħaddiema, tas-saħħa u tal-konsumatur; huwa tal-fehma li l-fenomenu tal-faqar fost dawk li jaħdmu jrid jiġi indirizzat;

40.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-ekonomija soċjali ġiet injorata mill-Kummissjoni fil-pakkett tagħha ta' valutazzjonijiet/rakkomandazzjonijiet; jirrimarka li dan is-settur jinkludi 2 miljun impriża li jimpjegaw aktar minn 14-il miljun persuna u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-miri 2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu lill-impriżi tal-ekonomija soċjali rikonoxximent u viżibbiltà akbar, permezz ta' Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-ekonomija soċjali; iqis li dan in-nuqqas ta' rikonoxximent jagħmilha aktar diffiċli għalihom li jaċċessaw il-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal statut Ewropew għall-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-impriżi mutwi;

41.  Ifakkar fil-bżonn li jiġu appoġġjati u msaħħa d-djalogu soċjali, in-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema f'sistemi tal-iffissar tal-pagi li jiżvolġu rwol kritiku fil-kisba ta' kundizzjonijiet ta' xogħol ta' livell għoli; jenfasizza li l-liġi tax-xogħol u l-istandards soċjali għoljin għandhom rwol kruċjali fl-ekonomija tas-suq soċjali, is-sostenn tad-dħul, u l-inkoraġġiment tal-investiment fil-kapaċità; jenfasizza li d-dritt tal-UE għandu jirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet tat-trejdjunjins, jikkonforma mal-ftehimiet kollettivi bi qbil mal-prattiki tal-Istati Membri u jiddefendi t-trattament ugwali fl-impjieg u x-xogħol;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament billi tressaq proposti ambizzjużi għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali b'saħħtu u billi tikseb għal kollox l-għanijiet soċjali tat-Trattati sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol ta' kulħadd u jiġu pprovduti opportunitajiet tajbin għal kulħadd;

43.  Iwissi dwar it-tnaqqis fis-sehem tal-pagi fl-UE, it-twessigħ tal-inugwaljanzi fil-pagi u d-dħul u ż-żieda tal-faqar fost dawk li jaħdmu; ifakkar li kemm id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll il-Kostituzzjoni tal-1919 tal-ILO jirrikonoxxu l-bżonn li l-ħaddiema jaqilgħu paga, u li d-dikjarazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem jaqblu li r-rimunerazzjoni għandha tkun suffiċjenti biex issostni familja;

44.  Jenfasizza li l-pagi jridu jippermettu lill-ħaddiema jlaħħqu mal-ħtiġijiet tagħhom u ma' dawk tal-familji tagħhom u li kull ħaddiem fl-Unjoni Ewropea għandu jirċievi paga li tiggarantixxi l-għajxien li mhux biss tipprevedi għas-sempliċi neċessitajiet tal-ikel bażiku, il-kenn u l-ħwejjeġ, iżda li tkun ukoll suffiċjenti biex tkopri l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport, ir-rikreazzjoni u xi ftit tfaddil li jgħin biex jipprevedi avvenimenti mhux previsti, bħal mard u aċċidenti; jenfasizza li dan huwa l-istandard ta' għajxien deċenti li l-pagi li jiggarantixxu l-għajxien għandhom jipprovdu għall-ħaddiema u l-familji tagħhom fl-UE;

45.  Jitlob lill-Kummissjoni tistudja dwar kif jiġi identifikat x'tinkludi paga li tiggarantixxi l-għajxien u kif jinħtieġ li titkejjel, bil-għan li tistabbilixxi għodda ta' referenza għas-sħab soċjali u tgħin biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

46.  Ifakkar li pagi deċenti huma importanti mhux biss għall-koeżjoni soċjali, iżda wkoll għaż-żamma ta' ekonomija b'saħħitha u ta' forza tax-xogħol produttiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi u titnaqqas id-dispersjoni tal-pagi;

47.  Jirrimarka l-ħtieġa kontinwa ta' koordinazzjoni aħjar fil-livell Ewropew tas-sistemi ta' sigurtà soċjali, li huma responabbli għalihom l-Istati Membri; jenfasizza li hi prijorità assoluta li jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-ġustizzja tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, minħabba li dawn huma pilastri ċentrali tal-mudell soċjali Ewropew; jenfasizza li l-pensjonijiet adegwati u sostenibbli huma dritt universali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw pensjonijiet adegwati u sostenibbli fid-dawl ta' bidla demografika kontinwa; jissottolinja l-fatt li s-sistemi tal-pensjonijiet għandhom jiżguraw dħul ta' rtirar adegwat ferm ’il fuq mil-limitu tal-faqar u għandhom jippermettu lill-pensjonanti jżommu livell ta' għajxien xieraq; jemmen li l-aħjar mod biex jiġu żgurati pensjonijiet sostenibbli, sikuri u adegwati għan-nisa u l-irġiel huwa li jiżdiedu kemm ir-rata ġenerali tal-impjiegi kif ukoll in-numru ta' impjiegi deċenti disponibbli għall-etajiet kollha, u li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg; jirrimarka li diskrepanzi fil-pensjonijiet bejn is-sessi għadhom sinifikanti u għandhom konsegwenzi soċjali u ekonomiċi negattivi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u ta' miżuri adegwati oħrajn kontra d-differenza fil-paga bejn is-sessi u l-faqar fix-xjuħija; jemmen li r-riformi tas-sistemi tal-pensjoni u l-età tal-irtirar b'mod partikolari għandhom jirriflettu wkoll ix-xejriet tas-suq tax-xogħol, ir-rati tat-twelid, is-sitwazzjoni tas-saħħa u tal-ġid, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija;

48.  Iqis li dawn ir-riformi jridu jqisu wkoll is-sitwazzjoni ta' miljuni ta' ħaddiema fl-Ewropa, b'mod partikolari n-nisa, iż-żgħażagħ u dawk li jaħdmu għal rashom, li jsofru minn impjiegi mhux sikuri, perjodi ta' qgħad involontarju u ħin tax-xogħol imnaqqas;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħti attenzjoni partikolari għat-titjib tas-servizzi ta' kura tat-tfal u tal-arranġamenti flessibbli fil-ħinijiet tax-xogħol, u għall-bżonnijiet ta' nisa u rġiel li qed jixjieħu u persuni dipendenti oħra fir-rigward ta' kura fuq perjodu twil ta' żmien;

50.  Jenfasizza l-fatt li investiment insuffiċjenti u ffukat b'mod inadegwat fl-iżvilupp tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, partikolarment il-ħiliet u l-ipprogrammar diġitali u ħiliet oħrajn bżonnjużi f'setturi li qed jikbru, bħall-ekonomija ekoloġika, jista' jdgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw skambju aħjar ta' għarfien, tal-aħjar prattiki u tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE, biex b'hekk jgħinu fit-trawwim tal-iżvilupp fil-ħiliet permezz tal-aġġornament ta' kwalifiki u edukazzjoni, programmi ta' taħriġ u kurrikuli korrispondenti; jinnota l-importanza ta' ħiliet u kompetenzi miksuba f'ambjenti ta' tagħlim mhux formali u informali; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-ħolqien ta' sistema ta' validazzjoni għal forom ta' għarfien mhux formali u informali, speċjalment dawk miksuba permezz ta' attivitajiet volontarji;

51.  Huwa tal-fehma li t-tqabbil aħjar tal-ħiliet u għarfien reċiproku mtejjeb tal-kwalifiki huma meħtieġa biex jindirizzaw in-nuqqas ta' ħiliet u d-diskrepanzi fihom; jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom f'dan ir-rigward l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) u l-apprendistati; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa għodda pan-Ewropea li tbassar il-ħtiġijiet tal-ħiliet, inklużi l-ħiliet meħtieġa fis-setturi li qed jikbru; jemmen li, sabiex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet ta' ħiliet futuri, il-partijiet ikkonċernati kollha tas-suq tax-xogħol iridu jkunu involuti b'mod qawwi fil-livelli kollha;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-mekkaniżmi xierqa kollha għal aktar mobbiltà fost iż-żgħażagħ, inklużi apprendistati; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-apprendistati u jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-Erasmus+ li huma disponibbli għall-apprendisti sabiex jiġu ggarantiti l-kwalità u l-attraenza ta' dan it-tip ta' taħriġ; jitlob implimentazzjoni aħjar tar-Regolament EURES; jenfasizza li kollaborazzjoni aħjar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-partijiet interessati fil-livell lokali u sinerġiji aħjar bejn il-livelli tal-gvernijiet iżidu l-firxa u l-impatt tal-programmi;

53.  Huwa tal-fehma li għandhom jitjiebu l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kwalità tal-edukazzjoni; ifakkar li r-rwol tal-Istati Membri hu li jiżguraw aċċess affordabbli għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità, minkejja l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fl-UE kollha; jinnota li f'ħafna Stati Membri jinħtieġ sforz akbar biex il-forza tax-xogħol tiġi edukata, inklużi l-edukazzjoni għall-adulti u l-opportunitajiet ta' taħriġ vokazzjonali; ipoġġi enfasi partikolari fuq it-tagħlim tul il-ħajja, inkluż għan-nisa, billi dan jagħti l-opportunità li l-ħaddiema jitħarrġu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol li dejjem qed jinbidel; jitlob promozzjoni mmirata ulterjuri tas-suġġetti tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM) għall-bniet sabiex jiġu indirizzati l-isterjotipi tal-edukazjoni eżistenti u jiġu miġġielda d-diskrepanzi bejn is-sessi fl-impjiegi, il-pagi u l-pensjonijiet;

54.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fin-nies minn kmieni kemm jista' jkun fiċ-ċiklu tal-ħajja sabiex titnaqqas l-inugwaljanza u titrawwem l-inklużjoni soċjali minn età żgħira; jitlob għalhekk aċċess għal edukazzjoni bikrija tat-tfal li tkun ta' kwalità, inklużiva u affordabbli u servizzi ta' indukrar għat-tfal kollha fl-Istati Membri kollha; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa tal-ġlieda kontra l-isterjotipi mill-aktar età bikrija fl-iskola billi tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni dwar l-Investiment fit-Tfal u jissorveljaw mill-qrib il-progress tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jintroduċu inizjattivi bħall-Garanzija għat-Tfal li tpoġġi lit-tfal fiċ-ċentru tal-politiki eżistenti għat-tnaqqis tal-faqar;

55.  Jisħaq fuq il-bidliet kbar fis-suq tax-xogħol tal-futur b'segwitu għall-emerġenza tal-intelliġenza artifiċjali; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw strumenti u inizjattivi ta' kooperazzjoni, filwaqt li jinvolvu lis-sħab soċjali, biex itejbu l-ħiliet f'dan is-settur permezz ta' taħriġ preliminari, inizjali u kontinwu;

56.  Jitlob, għal dan il-għan kif ukoll bħala mezz ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li tingħata kunsiderazzjoni għal arranġamenti ta' flessigurtà, inklużi t-telexogħol u l-ħinijiet flessibbli tax-xogħol, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali;

57.  Jenfasizza l-importanza ta' investiment fil-kapital uman – bħala l-ixprun wara l-iżvilupp, il-kompetittività u t-tkabbir;

58.  Jenfasizza li bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u tisħiħ tal-ugwaljanza bejn is-sessi huma essenzjali biex tkun appoġġjata l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-fatt li hu ferm importanti għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa li s-suq tax-xogħol u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali jkunu trasformati u adattati b'mod li jitqiesu ċ-ċikli tal-ħajja tan-nisa;

59.  Jilqa' l-proposta għal direttiva dwar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jqisha bħala l-ewwel pass pożittiv ’il quddiem kemm sabiex jiġi żgurat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għal dawk in-nisa u l-irġiel li jieħdu ħsieb uliedhom jew persuni dipendenti oħra, kif ukoll sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jinsisti li l-iżgurar ta' remunerazzjoni xierqa u ta' sigurtà soċjali u protezzjoni b'saħħithom huwa essenzjali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki ta' trasformazzjoni u jinvestu f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni biex jegħlbu l-isterjotipi tas-sessi u jippromwovu kondiviżjoni aktar ugwali tal-attivitajiet ta' kura u x-xogħol domestiku, filwaqt li jiffokaw ukoll fuq id-dritt u l-ħtieġa li l-irġiel jerfgħu responsabbiltajiet tal-kura mingħajr ma jiġu stigmatizzati u ppenalizzati;

61.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki proattivi u investiment xieraq immirati u mfassla b'mod li jkunu ta' appoġġ għan-nisa u l-irġiel li jidħlu, jirritornaw, u jibqgħu fis-suq tax-xogħol wara perjodi ta' liv relatat mal-familja u l-kura, b'impjieg sostenibbli u ta' kwalità, b'konformità mal-Artikolu 27 tal-Karta Soċjali Ewropea;

62.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u t-tkeċċija illegali relatata mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproponu politiki li jtejbu l-infurzar tal-miżuri kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, inkluż billi jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet legali rigward it-trattament ugwali permezz tat-twettiq ta' kampanji ta' informazzjoni, it-treġġigħ lura tal-oneru tal-provi u l-għoti tas-setgħa lil korpi ta' ugwaljanza nazzjonali biex iwettqu, fuq inizjattiva tagħhom stess, investigazzjonijiet formali ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza u tingħata għajnuna lill-vittmi potenzjali ta' diskriminazzjoni;

63.  Jenfasizza l-fatt li l-integrazzjoni ta' individwi qiegħda fuq terminu twil permezz ta' miżuri mfasslin individwalment hija fattur ewlieni għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u fl-aħħar mill-aħħar se tikkontribwixxi lejn is-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali; iqis din l-integrazzjoni neċessarja, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi soċjali ta' dawn iċ-ċittadini u l-ħtiġijiet tagħhom f'termini ta' introjtu suffiċjenti, akkomodazzjoni adegwata, trasport pubbliku, saħħa u kura tat-tfal; jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ aħjar fuq skala Ewropea tal-politiki implimentati fil-livell nazzjonali;

64.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu mifhuma forom ġodda ta' impjieg u xogħol, u li tinġabar data kumparabbli dwar din il-kwistjoni, sabiex il-leġiżlazzjoni tas-suq tax-xogħol issir aktar effiċjenti, u biex finalment jiżdiedu l-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli;

65.  Jitlob strateġija integrata kontra l-faqar sabiex tintlaħaq il-mira tal-faqar ta' Ewropa 2020; jenfasizza r-rwol tal-iskemi tad-dħul minimu tal-Istati Membri fil-ħidma biex jitnaqqas il-faqar, speċjalment meta mqabbel ma' miżuri ta' inklużjoni soċjali li jinvolvu l-benefiċjarji; jitlob li l-Istati Membri jaħdmu favur l-istabbiliment progressiv ta' skemi ta' dħul minimu li mhux biss ikunu adegwati iżda li jiżguraw ukoll kopertura u użu suffiċjenti; iqis li dħul minimu adegwat huwa dħul li huwa indispensabbli biex wieħed jgħix ħajja dinjituża u jipparteċipa b'mod sħiħ fis-soċjetà tul ħajtu kollha; jinnota li sabiex dħul minimu ikun adegwat, irid ikun ’il fuq mis-soll tal-faqar sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet fundamentali tal-persuni, inklużi aspetti mhux monetarji, bħall-aċċess għall-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, l-akkomodazzjoni diċenti, is-servizzi tal-kura tas-saħħa ta' kwalità, l-attivitajiet soċjali u l-parteċipazzjoni ċivika;

66.  Jitlob użu aktar effiċjenti, immirat u mmonitorjat b'mod aktar bil-għaqal tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jippromwovu investiment f'servizzi soċjali, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-impjiegi ta' kwalità u sabiex jiġġieldu l-faqar fl-enerġija, l-ispejjeż tal-għajxien li qed jiżdiedu, l-esklużjoni soċjali, il-privazzjoni ta' abitazzjoni u l-kwalità insuffiċjenti ta' unitajiet residenzjali;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-Istati Membri ħalli jistabbilixxu programmi ta' investiment speċifiċi għar-reġjuni tagħhom li fihom ir-rati tal-qgħad, tal-qgħad taż-żgħażagħ u tal-qgħad fuq terminu twil jaqbżu t-30 %;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika l-Kunsill tar-Rebbiegħa li jmiss għal investiment soċjali fis-setturi fejn teżisti evidenza qawwija li tissuġġerixxi li dan jippromwovi redditu ekonomiku u soċjali (pereżempju l-edukazzjoni bikrija u l-indukrar tat-tfal, l-edukazzjoni primarja u sekondarja, it-taħriġ u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, l-akkomodazzjoni affordabbli u soċjali kif ukoll il-kura tas-saħħa);

69.  Jitlob aġenda li tagħti prominenza akbar lill-pożizzjoni tal-Parlament u li tikkunsidraha qabel ma tittieħed deċiżjoni; jitlob li jissaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill EPSCO fis-Semestru Ewropew;

70.  Jitlob sforzi konġunti addizzjonali biex titjieb l-integrazzjoni tal-migranti u tal-persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

Politiki reġjonali

71.  Jilqa' l-fatt li l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni jirrappreżenta EUR 454 biljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu 2014-2020; jenfasizza, madankollu, li l-politika ta' koeżjoni mhijiex sempliċement strument, iżda politika strutturali fuq medda twila ta' żmien li l-għan tagħha huwa li jitnaqqsu d-disparitajiet ta' żvilupp reġjonali u jiġu promossi l-investiment, l-impjiegi, il-kompetittività, l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir, u li hija l-aktar politika importanti u komprensiva għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Istati Membri kollha, mingħajr ebda distinzjoni bejn dawk li qegħdin fiż-żona tal-euro u barra minnha; ifakkar li l-baġit tal-UE huwa 50 darba iżgħar mit-total tan-nefqa tal-gvernijiet tal-UE-28, billi jammonta għal madwar 1 % tal-PDG tal-UE-28; jenfasizza, għalhekk, li għandhom jiġu stabbiliti sinerġiji bejn il-baġits tal-UE u tal-Istati Membri, il-prijoritajiet politiċi u l-azzjonijiet u l-proġetti li jimmiraw li jissodisfaw il-miri tal-UE, filwaqt li jinżammu bbilanċjati d-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-qafas ta' politika tal-UE; jirrimarka li r-rekwiżiti għall-kofinanzjament taħt il-Fondi SIE huma mekkaniżmi importanti biex jiġu stabbiliti sinerġiji; huwa tal-fehma li l-unità tal-baġit tal-UE għandha tiġi preservata; jilqa' l-miżuri introdotti fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali sabiex jallinjaw aħjar il-politika ta' koeżjoni mal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

o
o   o

72.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0038.
(2) ĠU C 92, 24.3.2017, p. 1.
(3) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.
(4) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.
(5) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.
(6) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.
(7) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(8) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
(9) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.
(10) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(11) Employment and Social Developments in Europe (Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa), Rieżami Annwali 2017, p. 11.
(12) Ibid, p. 46.
(13) Ir-rapport Eurofound dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ.
(14) Employment and Social Developments in Europe (Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa), Rieżami Annwali 2017, p. 47.
(15) ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.

Avviż legali