Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2192(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0311/2017

Testi mressqa :

A8-0311/2017

Dibattiti :

PV 25/10/2017 - 15
CRE 25/10/2017 - 15

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2017 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0419

Testi adottati
PDF 373kWORD 57k
Il-Ħamis, 26 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-mandat ta' negozjar għal negozjati kummerċjali mal-Awstralja
P8_TA(2017)0419A8-0311/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2017 li fiha r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-mandat ta' negozjar propost għal negozjati kummerċjali mal-Awstralja (2017/2192(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-15 ta' Novembru 2015 tal-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, u tal-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, u tal-Prim Ministru tal-Awstralja, Malcolm Turnbull,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sħubija UE-Awstralja tad-29 ta' Ottubru 2008 kif ukoll il-Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Awstralja konkluż fil-5 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra ftehimiet bilaterali oħra UE-Awstralja, b'mod partikolari l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità, iċ-ċertifikati u l-immarkar u l-Ftehim dwar il-kummerċ tal-inbid,

–  wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Kummerċ tal-Kummissjoni ppubblikat fl-14 ta' Settembru 2017 li fih il-Kummissjoni impenjat ruħha li tagħmel il-mandati kollha futuri ta' negozjar kummerċjali pubbliċi;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tal-25 ta' Frar 2016 fir-rigward tal-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles (FTA) mal-Awstralja u New Zealand(1), u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta' Settembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja li jemenda l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku(2),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa wara l-laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-G20 li saret fi Brisbane fil-15 u s-16 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-22 ta' April 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Awstraljan bit-titolu "Lejn sħubija aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Awstralja",

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tas-16 ta' Mejju 2017 dwar il-kompetenza tal-Unjoni biex tiffirma u tikkonkludi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ma' Singapore(3),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2016 dwar l-effetti kumulattivi ta' ftehimiet kummerċjali futuri dwar l-agrikoltura tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207(3) u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0311/2017),

A.  billi l-UE u l-Awstralja jaħdmu flimkien biex jaffrontaw l-isfidi komuni f'firxa wiesgħa ta' oqsma u jikkooperaw f'diversi fora internazzjonali, inkluż dwar kwistjonijiet ta' politika kummerċjali fl-arena multilaterali;

B.  billi l-UE hija t-tielet l-akbar sieħba kummerċjali tal-Awstralja, b'kummerċ bilaterali annwali li jammonta għal aktar minn EUR 45,5 biljun fl-2015, b'bilanċ kummerċjali pożittiv ta' aktar minn EUR 19 biljun fuq in-naħa tal-UE;

C.  billi fl-2015, l-istokk tal-investiment dirett barrani tal-UE fl-Awstralja ammonta għal EUR 145,8 biljun;

D.  billi l-Awstralja tinsab fil-proċess tal-adeżjoni fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi;

E.  billi l-UE kkonkludiet negozjati dwar il-Ftehim Qafas UE-Awstralja (FA) fit-22 ta' April 2015;

F.  billi s-settur agrikolu Ewropew u ċerti prodotti agrikoli, bħal-laħam taċ-ċanga, il-laħam tal-ħaruf, il-prodotti tal-ħalib, iċ-ċereali u z-zokkor – inkluż tipi speċjali ta' zokkor – huma partikolarment kwistjonijiet sensittivi f'dawn in-negozjati;

G.  billi l-Awstralja hija t-tielet l-akbar esportatur tad-dinja kemm tal-laħam taċ-ċanga kif ukoll taz-zokkor, u hija attur ewlieni fis-suq tal-esportazzjoni globali għall-prodotti tal-ħalib u ċ-ċereali;

H.  billi l-UE u l-Awstralja huma impenjati f'negozjati plurilaterali biex jilliberalizzaw aktar il-kummerċ fil-prodotti ekoloġiċi (il-Ftehim dwar il-Prodotti Ambjentali) u l-kummerċ fis-servizzi (il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi);

I.  billi l-Awstralja hija parti min-negozjati konklużi għal Sħubija Trans-Paċifika (TPP), li l-futur tagħha jibqa' inċert, u n-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP) fir-reġjun Asja-Paċifiku, li tgħaqqad flimkien lill-aktar sħab kummerċjali importanti tal-Awstralja; billi l-Awstralja kellha ftehim ta' kummerċ ħieles maċ-Ċina sa mill-2015;

J.  billi l-Awstralja għamlet impenji sinifikanti fit-TPP biex tippromwovi l-konservazzjoni fit-tul ta' ċerti speċijiet u fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-organiżmi selvaġġi permezz ta' miżuri msaħħa ta' konservazzjoni, u billi stabbiliet ir-rekwiżiti għall-infurzar effikaċi tal-protezzjoni ambjentali u biex tinvolvi ruħha f'kooperazzjoni reġjonali mtejba; billi dawn l-impenji għandhom iservu bħala punt ta' riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-FTA UE-Awstralja;

K.  billi l-Awstralja hija fost l-eqdem u l-eqreb sħab tal-UE, u t-tnejn jikkondividu valuri komuni u impenn favur il-promozzjoni tal-prosperità u s-sigurtà fi ħdan sistema bbażata fuq ir-regoli;

L.  billi l-Awstralja rratifikat u implimentat il-patti internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem, soċjali u tax-xogħol u dwar il-protezzjoni ambjentali u tirrispetta bis-sħiħ l-istat tad-dritt;

M.  billi l-Awstralja hija waħda minn sitt membri biss tad-WTO li għad m'għandhiex aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE jew negozjati li għaddejjin għal dan il-għan;

N.  billi, wara d-dikjarazzjoni konġunta tal-15 ta' Novembru 2015, tnieda eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija biex jinvestiga l-fattibilità u l-ambizzjoni komuni lejn it-tnedija ta' negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Awstralja; billi l-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija tal-elementi ewlenija ta' tħassib kien konkluż;

O.  billi l-Parlament ser jintalab jiddeċiedi jekk għandux jagħti l-kunsens tiegħu għall-FTA UE-Awstralja potenzjali;

Il-kuntest strateġiku, politiku u ekonomiku

1.  Jenfasizza l-importanza li jiġu approfonditi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-reġjun Asja-Paċifiku, fost affarijiet oħra, għat-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa u jenfasizza li dan għandu jkun rifless fil-politika kummerċjali tal-UE; jirrikonoxxi li l-Awstralja hija komponent fundamentali ta' din l-istrateġija u li t-twessigħ u l-approfondiment tar-relazzjonijiet kummerċjali jistgħu jgħinu biex jintlaħaq dan l-objettiv;

2.  Ifaħħar lill-Awstralja għall-impenn b'saħħtu u konsistenti tagħha favur l-aġenda kummerċjali multilaterali;

3.  Iqis li l-potenzjal sħiħ tal-istrateġiji ta' kooperazzjoni bilaterali u reġjonali tal-Unjoni jista' jiġi realizzat biss permezz ta' aderenza ma' kummerċ ibbażat fuq ir-regoli u l-valuri u li l-konklużjoni ta' FTA ta' kwalità għolja, ambizzjuż u ġust mal-Awstralja fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku, filwaqt li taħt l-ebda ċirkostanza ma jiġu mdgħajfa l-ambizzjoni li jinkiseb progress multilaterali jew l-implimentazzjoni ta' ftehimiet multilaterali u bilaterali diġà konklużi, hija parti kruċjali ta' dawk l-istrateġiji; jemmen li kooperazzjoni bilaterali aktar fil-fond tista' tkun pass 'il quddiem għal aktar kooperazzjoni multilaterali u plurilaterali;

4.  Jemmen li n-negozjar ta' FTA modern, fil-fond, ambizzjuż, ibbilanċjat, ġust u komprensiv ikun mod xieraq ta' approfondiment tas-sħubija bilaterali u tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bilaterali eżistenti u diġà maturi; hu tal-fehma li dawn in-negozjati jistgħu jservu ta' eżempju għal ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles, filwaqt li jenfasizza l-importanza li jiżdiedu aktar l-ambizzjonijiet, jitwessgħu l-limiti ta' dak li jinvolvi FTA modern, meta wieħed iqis l-ekonomija u l-ambjent regolatorju żviluppati ferm tal-Awstralja;

L-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija

5.  Jinnota l-konklużjoni tal-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija UE-Awstralja fis-6 ta' April 2017 għas-sodisfazzjon reċiproku tal-Kummissjoni u tal-Gvern tal-Awstralja;

6.  Jilqa' l-konklużjoni u l-pubblikazzjoni f'waqthom tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-valutazzjoni, bil-ħsieb li tkun tista' tiġi pprovduta evalwazzjoni komprensiva tal-gwadann u t-telf possibbli li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ta' kummerċ u ta' investiment imsaħħa bejn l-UE u l-Awstralja għall-benefiċċju tal-popolazzjoni u n-negozji fuq iż-żewġ naħat, inkluż l-aktar reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-impatti soċjali u ambjentali, inkluż is-suq Ewropew tax-xogħol u biex ikun antiċipat u mitqies l-impatt li l-Brexit jista' jkollu fuq il-kummerċ u l-flussi tal-investiment mill-Awstralja lejn l-UE, b'mod partikolari meta jkunu qed isiru l-preparamenti tal-iskambju tal-offerti u l-kalkolu tal-kwoti;

Mandat għan-negozjati

7.  Jistieden lill-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati għal ftehim ta' kummerċ u ta' investiment mal-Awstralja abbażi tal-eżitu tal-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija, ir-rakkomandazzjonijiet stipulati f'din ir-riżoluzzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt u miri ċari;

8.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tenfasizza li l-pagamenti tal-kaxxa ħadra ma jxekklux il-kummerċ u m'għandhomx ikunu fil-mira ta' miżuri anti-dumping jew kontra s-sussidji;

9.  Jistieden lill-Kunsill jirrispetta bis-sħiħ id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif jista' jinsilet mill-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE tas-16 ta' Mejju 2017, fid-deċiżjoni tiegħu dwar l-adozzjoni tad-direttivi ta' negozjati;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iressqu proposta malajr kemm jista' jkun dwar l-arkitettura futura ġenerali ta' ftehimiet ta' kummerċ li jqisu l-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapor, u biex jiddistingwu b'mod ċar bejn kummerċ u liberalizzazzjoni ta' ftehim tal-investiment dirett barrani (FDI), li jkun fih biss kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE, u tat-tieni ftehim potenzjali li jkopri suġġetti li l-kompetenzi tagħhom huma maqsumin mal-Istati Membri; jenfasizza li distinzjoni bħal din jista' jkollha implikazzjonijiet fuq il-proċess ta' ratifikazzjoni parlamentari u li mhijiex maħsuba biex jiġu evitati proċessi demokratiċi nazzjonali, iżda hija kwistjoni ta' delega demokratika tar-responsabbiltajiet ibbażati fuq it-trattati Ewropej; jitlob li l-Parlament ikun involut mill-qrib f'kull negozjati attwali u futuri dwar l-FTA fl-istadji kollha tal-proċess;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tippreżenta l-ftehimiet iffinalizzati għall-iffirmar u l-konklużjoni, u lill-Kunsill, meta jiddeċiedi dwar il-firma u l-konklużjoni, biex jirrispettaw bis-sħiħ it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi n-negozjati bl-iktar mod trasparenti possibbli, filwaqt li ma tiġix imminata l-pożizzjoni tan-negozjar tal-Unjoni, tiggarantixxi mill-inqas il-livell ta' trasparenza u konsultazzjoni pubblika implimentat għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) mal-Istati Uniti tal-Amerka permezz ta' djalogu kostanti mas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, u li tirrispetta bis-sħiħ l-aħjar prattiki kif stabbilit f'negozjati oħra; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippubblika r-rakkomandazzjonijiet kollha tagħha għad-direttivi ta' negozjati għal ftehimiet ta' kummerċ u jqis li dan jikkostitwixxi preċedent pożittiv; iħeġġeġ lill-Kunsill isegwi dan l-eżempju u jippubblika d-direttivi ta' negozjati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom;

13.  Jenfasizza li l-FTA jrid iwassal għal aċċess aħjar għas-suq u għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fil-post, joħloq impjiegi deċenti, jiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-benefiċċju taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat, jinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli, jirrispetta l-istandards tal-UE, jissalvagwardja s-servizzi ta' interess ġenerali, u jirrispetta proċeduri demokratiċi filwaqt li jagħti spinta lill-opportunitajiet ta' esportazzjoni tal-UE;

14.  Jenfasizza li ftehim ambizzjuż irid jindirizza, b'mod sinifikanti, l-investiment, il-kummerċ fi prodotti u servizzi (abbażi tar-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-ispazju politiku u s-setturi sensittivi), id-dwana u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, id-diġitalizzazzjoni, il-kummerċ elettroniku u l-protezzjoni tad-data, ir-riċerka teknoloġika u l-appoġġ għall-innovazzjoni, l-akkwist pubbliku, l-enerġija, l-intrapriżi tal-Istat, il-kompetizzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-kwistjonijiet regolatorji, bħalma huma l-istandards sanitarji u fitosanitarji ta' kwalità għolja u normi oħra fi prodotti agrikoli u tal-ikel mingħajr ma jiddgħajfu l-istandards għolja tal-UE, l-impenji soda u infurzabbli dwar l-istandards tax-xogħol u ambjentali, u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni, filwaqt li jibqa' fi ħdan l-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u dan kollu fl-istess waqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tal-mikrointrapriżi u l-SMEs;

15.  Jistieden lill-Kunsill jirrikonoxxi b'mod espliċitu l-obbligi tal-parti l-oħra lejn il-popli indiġeni fid-direttivi ta' negozjati u jippermetti riżervazzjonijiet għal skemi ta' preferenza domestika f'dan ir-rigward; jenfasizza li l-Ftehim għandu jafferma mill-ġdid l-impenn taż-żewġ partijiet għall-Konvenzjoni 169 tal-ILO dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

16.  Jenfasizza li ġestjoni mhux adegwata tas-sajd u sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jista' jkollhom impatti negattivi sinifikanti fuq il-kummerċ, l-iżvilupp u l-ambjent, u li l-partijiet iridu jieħdu impenji serji biex jipproteġu l-klieb il-baħar, ir-rajja, il-fkieren tal-baħar u l-mammiferi marini u sabiex jiġi evitat is-sajd żejjed, il-kapaċità żejda, u s-sajd IUU;

17.  Jenfasizza li l-prinċipju tat-Tliet Rs (3R), biex nissostitwixxu, innaqqsu u nirraffinaw l-użu tal-annimali għal skopijiet xjentifiċi, huwa ankrat sew fil-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza li huwa essenzjali li l-miżuri eżistenti tal-UE dwar l-ittestjar fuq l-annimali u r-riċerka ma jiġux żarmati jew imnaqqsa, li r-regolamenti futuri dwar l-użu tal-annimali mhumiex ristretti u li l-istabbilimenti tar-riċerka tal-UE ma jitpoġġewx fi żvantaġġ kompetittiv; iqis li l-partijiet iridu jfittxu allinjament regolatorju tal-aħjar prassi tat-3R sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-ittestjar, jitnaqqsu l-ispejjeż u titnaqqas il-ħtieġa tal-użu tal-annimali;

18.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu inklużi miżuri maħsuba biex jeliminaw il-falsifikazzjoni ta' prodotti agroalimentari;

19.  Jenfasizza li, biex FTA jkun verament vantaġġjuż għall-ekonomija tal-UE, l-aspetti li ġejjin għandhom jiġu inklużi fid-direttivi ta' negozjati:

   (a) il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fi prodotti u servizzi u opportunitajiet ta' aċċess għas-suq reali għaż-żewġ naħat fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi ta' xulxin permezz tal-eliminazzjoni ta' ostakli regolatorji bla bżonn, filwaqt li jkun żgurat li xejn fil-ftehim ma jipprevjeni lil kwalunkwe naħa milli jirregolaw, b'mod proporzjonat, bil-għan li jinkisbu objettivi leġittimi ta' politika; dan il-ftehim (i) ma jridx jimpedixxi l-partijiet milli jiddefinixxu, jirregolaw, jipprovdu u jappoġġjaw servizzi fl-interess ġenerali u jrid jinkludi dispożizzjonijiet espliċiti dwar dan; (ii) lanqas ma jeħtieġ lill-gvernijiet jipprivatizzaw xi servizz jew iwaqqaf lill-gvernijiet milli jespandu l-firxa ta' servizzi li jipprovdu lill-pubbliku; (iii) ma jwaqqafx lill-gvernijiet milli jerġgħu jġibu taħt is-servizzi tal-kontroll pubbliku li l-gvernijiet kienu għażlu minn qabel biex jipprivatizzaw bħall-ilma, l-edukazzjoni, is-saħħa u s-servizzi soċjali, jew inaqqas l-istandards għolja tas-saħħa, l-ikel, tal-konsumatur, ambjentali, tax-xogħol u tas-sikurezza fl-UE jew jillimita l-finanzjament pubbliku tal-arti u l-kultura, l-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa u soċjali bħalma kien il-każ bi ftehimiet ta' kummerċ preċedenti; l-impenji għandhom isiru abbażi tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS); jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-istandards meħtieġa mill-produtturi Ewropej iridu jiġu ppreżervati;
   (b) sa fejn il-ftehim jista' jinkludi kapitolu dwar ir-regolamentazzjoni domestika, in-negozjaturi m'għandhomx jinkludu testijiet tan-neċessità;
   (c) l-impenji dwar il-miżuri ta' anti-dumping u kompensatorji li jmorru lil hinn mir-regoli tad-WTO f'dan il-qasam, li possibbilment jeskludu l-applikazzjoni tagħhom meta jkun hemm fis-seħħ biżżejjed standards komuni dwar il-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni;
   (d) it-tnaqqis bla bżonn ta' ostakli mhux tariffarji u t-tisħiħ u l-estensjoni tad-djalogi regolatorji ta' kooperazzjoni fuq bażi volontarja kull meta jkun fattibbli u ta' benefiċċju reċiproku, filwaqt li ma tiġix limitata l-kapaċità ta' kull parti li twettaq l-attivitajiet regolatorji, leġiżlattivi u ta' politika tagħha, peress li l-kooperazzjoni regolatorja jrid ikollha l-għan li tkun ta' benefiċċju għall-governanza tal-ekonomija globali permezz tal-konverġenza u l-kooperazzjoni intensifikati dwar l-istandards internazzjonali u l-armonizzazzjoni regolatorja, pereżempju, permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istandards stabbiliti mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE), filwaqt li jkun garantit l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumatur (eż. is-sikurezza tal-ikel), ambjentali (eż. is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti), soċjali u tax-xogħol;
   (e) konċessjonijiet sinifikanti dwar l-akkwist pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern, inklużi l-intrapriżi tal-Istat u l-intrapriżi bi drittijiet speċjali jew esklużivi li jiggarantixxu lill-kumpaniji Ewropej aċċess għas-suq f'setturi strateġiċi u l-istess livell ta' ftuħ bħal dak tas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE, minħabba li l-proċeduri ssimplifikati u t-trasparenza għall-offerenti, inklużi dawk minn pajjiżi oħra, jistgħu wkoll ikunu għodda effikaċi għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u t-trawwim tal-integrità fl-amministrazzjoni pubblika filwaqt li jingħata valur għall-flus lill-kontribwenti, f'termini ta' kwalità tal-konsenja, l-effiċjenza, l-effikaċja u r-responsabbiltà; jiggarantixxi li l-kriterji ekoloġiċi u soċjali jiġu applikati fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku;
   (f) kapitolu separat li jqis il-ħtiġijiet u l-interessi tal-mikrointrapriżi u tal-SMEs b'rabta ma' kwistjonijiet li jirrigwardaw l-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq inkluż, iżda mhux limitat għal, kompatibilità miżjuda ta' standards tekniċi, u proċeduri doganali razzjonalizzati, bil-għan li jiġġenera opportunitajiet kummerċjali konkreti u jrawwem l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom;
   (g) fid-dawl tal-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapor li l-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-UE u li l-iżvilupp sostenibbli huwa parti integrali mill-politika kummerċjali komuni tal-UE, kapitolu solidu u ambizzjuż dwar l-iżvilupp sostenibbli huwa parti indispensabbli minn kwalunkwe ftehim potenzjali; id-dispożizzjonijiet għal għodod effikaċi għad-djalogu, il-monitoraġġ u l-kooperazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli li huma soġġetti għal mekkaniżmi xierqa u effikaċi għas-soluzzjoni ta' tilwim, u jqis, fost diversi metodi ta' infurzar, mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet, filwaqt li jippermetti lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw b'mod xieraq, kif ukoll il-kooperazzjoni mill-qrib ma' esperti minn organizzazzjonijiet multilaterali rilevanti; id-dispożizzjonijiet f'dan il-kapitolu jkopru l-aspetti tax-xogħol u dawk ambjentali tal-kummerċ u tar-rilevanza tal-iżvilupp sostenibbli f'kuntest ta' kummerċ u ta' investiment, li jinkludi dispożizzjonijiet li jippromwovu l-adeżjoni għal, u l-implimentazzjoni effikaċi ta', regoli u prinċipji rilevanti miftehma internazzjonalment, bħalma huma l-istandards fundamentali tax-xogħol, l-erba' konvenzjonijiet prijoritarji tal-ILO dwar il-governanza kif ukoll il-ftehimiet ambjentali multilaterali, inklużi dawk marbuta mat-tibdil fil-klima;
   (h) ir-rekwiżit li l-partijiet iridu jippromwovu r-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), inkluż f'dak li għandu x'jaqasm ma' strumenti rikonoxxuta internazzjonalment, u l-adozzjoni ta' linji gwida settorjali tal-OECD u l-Prinċipji ta' Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.
   (i) dispożizzjonijiet komprensivi dwar il-liberalizzazzjoni tal-investiment fi ħdan il-kompetenza tal-Unjoni filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi reċenti fil-politika, pereżempju, l-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapor tas-16 ta' Mejju 2017;
   (j) miżuri b'saħħithom u infurzabbli li jkopru r-rikonoxximent u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) għall-inbejjed u l-ispirti u prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel oħra, billi jittieħdu bħala punt ta' riferiment id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim UE-Awstralja dwar is-settur tal-inbid, filwaqt li jkun hemm sforz biex jittejjeb il-qafas ġuridiku eżistenti u jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għall-indikazzjonijiet ġeografiċi kollha; proċeduri doganali ssimplifikati u sempliċi u regoli ta' oriġini flessibbli li huma adatti għal dinja kumplessa ta' katini ta' valur mondjali (GVCs), inkluż f'termini ta' tisħiħ fit-trasparenza u r-responsabbiltà fi ħdanhom, u jkunu applikati kemm jista' jkun regoli ta' oriġini multilaterali jew f'każijiet oħra regoli ta' oriġini bħal "bidla fis-subintestatura tariffarja";
   (k) riżultat ibbilanċjat u ambizzjuż fil-kapitoli tal-agrikoltura u s-sajd li jista' jagħti spinta biss lill-kompetittività u jkun ta' benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi, jekk iqis b'mod xieraq l-interessi tal-produtturi u tal-konsumaturi Ewropej kollha, filwaqt li jirrispetta l-fatt li hemm għadd ta' prodotti agrikoli sensittivi li għandhom jingħataw trattament adatt, pereżempju, permezz ta' kwoti tar-rati tariffarji allokati jew perjodi adegwati ta' tranżizzjoni, filwaqt li jitqies b'mod xieraq l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet kummerċjali fuq l-agrikoltura u potenzjalment jeskludi mill-ambitu tan-negozjati l-aktar setturi sensittivi; l-inklużjoni ta' klawżola ta' salvagwardja bilaterali li tista' tintuża, effikaċi, adatta u rapida li tippermetti s-sospensjoni temporanja ta' preferenzi, jekk, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' kummerċ, żieda fl-importazzjonijiet tikkawża jew thedded ħsara serja għas-setturi sensittivi;
   (l) dispożizzjonijiet ambizzjużi li jippermettu l-funzjonament sħiħ tal-ekosistema diġitali, u jiġu promossi flussi transfruntiera tad-data, inklużi prinċipji bħalma huma kompetizzjoni ġusta u regoli ambizzjużi għal trasferimenti transfruntieri tad-data, f'konformità sħiħa u mingħajr preġudizzju għar-regoli attwali u futuri tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, peress li l-flussi tad-data huma muturi kruċjali tal-ekonomija tas-servizzi u huma element essenzjali tal-GVC tal-kumpaniji ta' manifattura tradizzjonali, u għalhekk rekwiżiti ta' lokalikazzjoni mhux ġustifikati għandhom ikunu limitati kemm jista' jkun; il-protezzjoni tad-data u l-privatezza mhumiex ostakli għall-kummerċ, iżda drittijiet fundamentali, minquxa fl-Artikolu 39 tat-TUE u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
   (m) dispożizzjonijiet speċifiċi u ċari dwar it-trattament li jingħata lil pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCTs) u l-aktar reġjuni ultraperiferiċi (ORs) sabiex fin-negozjati jkun żgurat li tingħata kunsiderazzjoni biżżejjed lill-interessi partikolari tagħhom;

Ir-rwol tal-Parlament

20.  Jenfasizza li, skont l-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapor, il-Parlament għandu jara r-rwol tiegħu jissaħħaħ f'kull stadju tan-negozjati UE-FTA mill-adozzjoni tal-mandat għall-konklużjoni finali tal-ftehim; jistenna bil-ħerqa li jitniedu n-negozjati mal-Awstralja, u li jsegwihom mill-qrib u jagħti l-kontribut tiegħu għal eżitu ta' suċċess; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li tinforma lill-Parlament immedjatament u b'mod sħiħ fil-fażijiet kollha tan-negozjati (qabel u wara ċ-ċikli ta' negozjati); huwa impenjat li jittratta l-kwistjonijiet leġiżlattivi u regolatorji li jafu jinqalgħu fil-kuntest tan-negozjati u tal-ftehim futur mingħajr preġudizzju għal prerogattivi tiegħu bħala koleġiżlatur; itenni r-responsabbiltà fundamentali tiegħu li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE u jistenna b'ħerqa li jiffaċilita diskussjonijiet inklużivi u miftuħa matul il-proċess tan-negozjati;

21.  Ifakkar li l-Parlament se jintalab jagħti l-kunsens tiegħu għall-ftehim futur, kif stipulat mit-TFUE, u li l-pożizzjonijiet tiegħu għandhom għalhekk jitqiesu kif jixraq fil-fażijiet kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jitolbu l-kunsens tal-Parlament qabel l-applikazzjoni tiegħu, filwaqt li jintegra wkoll din il-prattika ta' ftehim interistituzzjonali;

22.  Ifakkar li l-Parlament ser jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-ftehim futur;

o
o   o

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament Awstraljan.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0064.
(2) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 210.
(3) ECLI:EU:C:2017:376.

Avviż legali