Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2193(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0312/2017

Testi mressqa :

A8-0312/2017

Dibattiti :

PV 25/10/2017 - 15
CRE 25/10/2017 - 15

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2017 - 10.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0420

Testi adottati
PDF 376kWORD 58k
Il-Ħamis, 26 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-mandat ta' negozjar għal negozjati kummerċjali ma' New Zealand
P8_TA(2017)0420A8-0312/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2017 li fiha r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar il-mandat ta' negozjar propost għal negozjati kummerċjali ma' New Zealand (2017/2193(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tad-29 ta' Ottubru 2015 mill-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, mill-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, u mill-Prim Ministru ta' New Zealand, John Key,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u New Zealand dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni tal-21 ta' Settembru 2007 u l-Ftehim ta' Sħubija bejn l-UE u New Zealand dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni (PARC) iffirmat fil-5 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Kummerċ tal-Kummissjoni ppubblikat fl-14 ta' Settembru 2017 li fih il-Kummissjoni impenjat ruħha li tagħmel il-mandati kollha futuri ta' negozjar kummerċjali pubbliċi;

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-UE u New Zealand dwar il-Kooperazzjoni u l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka f'Materji Doganali ffirmat fit-3 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra ftehimiet bilaterali oħra bejn l-UE u New Zealand, b'mod partikolari l-Ftehim dwar miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ fl-annimali ħajjin u l-prodotti tal-annimali u l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) mal-Awstralja u New Zealand(1), u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta' Settembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand li jemenda l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku(2),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa wara l-laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-G20 li saret fi Brisbane fil-15 u s-16 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-25 ta' Marzu 2014 mill-President Van Rompuy, il-President Barroso u l-Prim Ministru Key dwar l-approfondiment tas-sħubija bejn New Zealand u l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tas-16 ta' Mejju 2017 dwar il-kompetenza tal-Unjoni biex tiffirma u tikkonkludi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ma' Singapore(3),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2016 dwar l-effetti kumulattivi ta' ftehimiet kummerċjali futuri dwar l-agrikoltura tal-UE, ippubblikat mill-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tiegħu dwar strateġija għall-kummerċ diġitali (2017/2065(INI)),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207(3) u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0312/2017),

A.  billi l-UE u New Zealand jaħdmu flimkien biex jaffrontaw l-isfidi komuni f'firxa wiesgħa ta' oqsma u jikkooperaw f'diversi fora internazzjonali, inkluż dwar kwistjonijiet ta' politika kummerċjali fl-arena multilaterali;

B.  billi fl-2015, l-UE kienet it-tieni l-ikbar imsieħba kummerċjali ta' New Zealand fi prodotti wara l-Awstralja, bil-kummerċ f'merkanzija bejn l-UE u New Zealand jammonta għal EUR 8,1 biljun, u l-kummerċ fis-servizzi jammonta għal EUR 4,3 biljun;

C.  billi fl-2015, l-istokk tal-investiment dirett barrani tal-UE fi New Zealand ammonta għal kważi EUR 10 biljun;

D.  billi New Zealand huwa parti mill-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi;

E.  billi l-UE kkonkludiet negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija bejn l-UE u New Zealand dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni (PARC) fit-30 ta' Lulju 2014;

F.  billi s-settur agrikolu Ewropew u ċerti prodotti agrikoli, bħal-laħam taċ-ċanga, tal-vitella, tan-nagħaġ, il-prodotti tal-ħalib, iċ-ċereali u z-zokkor – inklużi zokkrijiet speċjali – huma partikolariment kwistjonijiet sensittivi f'dawn in-negozjati;

G.  billi New Zealand huwa l-esportatur ewlieni tal-butir fid-dinja, it-tieni l-akbar esportatur tal-ħalib tat-trab u huwa wkoll attur ewlieni fis-suq dinji tal-esportazzjonijiet għal prodotti oħrajn tal-ħalib kif ukoll għal-laħam taċ-ċanga, tal-vitella u tan-nagħaġ;

H.  billi l-UE u New Zealand huma impenjati f'negozjati plurilaterali biex ikomplu jilliberalizzaw iktar il-kummerċ fi prodotti ekoloġiċi (Ftehim dwar il-Beni Ambjentali) u l-kummerċ fis-servizzi (Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi);

I.  billi l-UE tirrikonoxxi l-adegwatezza tal-protezzjoni tad-data personali fi New Zealand;

J.  billi New Zealand huwa parti min-negozjati konklużi għal Sħubija Trans-Paċifika (TPP), li l-futur tagħha għadu inċert, u min-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP) fil-Lvant tal-Asja, li tgħaqqad flimkien lill-aktar sħab kummerċjali importanti tiegħu; billi New Zealand kellu ftehim ta' kummerċ ħieles maċ-Ċina sa mill-2008;

K.  billi New Zealand ħa impenji sinifikanti fit-TPP biex jippromwovi l-konservazzjoni fit-tul ta' ċerti speċijiet u fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' organiżmi selvaġġi permezz ta' miżuri msaħħa ta' konservazzjoni, u billi stabbilixxa wkoll rekwiżiti għall-infurzar effikaċi tal-protezzjoni ambjentali u biex jinvolvi ruħu f'kooperazzjoni reġjonali msaħħa; billi dawn l-impenji jenħtieġ li jservu bħala punt ta' riferiment għall-FTA bejn l-UE u New Zealand;

L.  billi New Zealand huwa fost l-eqdem u l-eqreb sħab tal-UE, u t-tnejn jikkondividu valuri komuni u impenn favur il-promozzjoni tal-prosperità u s-sigurtà fi ħdan sistema globali bbażata fuq ir-regoli;

M.  billi New Zealand irratifika u implimenta l-patti internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem, dwar id-drittijiet soċjali u tax-xogħol u dwar il-protezzjoni ambjentali u jirrispetta bis-sħiħ l-istat tad-dritt;

N.  billi New Zealand huwa wieħed minn sitt membri biss tad-WTO li sa issa m'għandhom l-ebda aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE jew negozjati li għaddejjin għal dak l-għan;

O.  billi, wara d-dikjarazzjoni konġunta tad-29 ta' Ottubru 2015, tnedew eżerċizzji ta' identifikazzjoni bikrija sabiex jiġu investigati l-fattibilità ta' u l-ambizzjoni komuni tat-tnedija ta' negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u New Zealand; billi dan l-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija ġie konkluż;

P.  billi l-Parlament ser jintalab jiddeċiedi jekk għandux jagħti l-kunsens tiegħu għall-FTA potenzjali bejn l-UE u New Zealand;

Il-kuntest strateġiku, politiku u ekonomiku

1.  Jenfasizza l-importanza li jiġu approfonditi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku, fost affarijiet oħra, sabiex jitrawwem tkabbir ekonomiku fi ħdan l-Ewropa, u jenfasizza li dan għandu jkun rifless fil-politika kummerċjali tal-UE; jirrikonoxxi li New Zealand huwa komponent fundamentali ta' din l-istrateġija u li t-twessigħ u l-approfondiment tar-relazzjonijiet kummerċjali jistgħu jgħinu biex jintlaħaq dan l-objettiv;

2.  Ifaħħar lil New Zealand għall-impenn b'saħħtu u konsistenti tiegħu favur l-aġenda kummerċjali multilaterali;

3.  Iqis li l-potenzjal sħiħ tal-istrateġiji ta' kooperazzjoni bilaterali u reġjonali tal-Unjoni jista' jiġi realizzat biss permezz ta' aderenza ma' kummerċ ibbażat fuq ir-regoli u l-valuri, u li l-konklużjoni ta' FTA ta' kwalità għolja, ambizzjuż u ġust ma' New Zealand fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku, filwaqt li taħt l-ebda ċirkostanza ma jiġu mdgħajfa l-ambizzjoni li jinkiseb progress multilaterali jew l-implimentazzjoni ta' ftehimiet multilaterali u bilaterali diġà konklużi, hija parti kruċjali minn dawk l-istrateġiji; jemmen li kooperazzjoni bilaterali aktar profonda tista' tkun pass 'il quddiem lejn kooperazzjoni multilaterali u plurilaterali ulterjuri;

4.  Jemmen li n-negozjar ta' FTA modern, profond, ambizzjuż, ibbilanċjat, ġust u komprensiv huwa mod xieraq għall-approfondiment tas-sħubija bilaterali u għat-tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bilaterali eżistenti u diġà maturi; hu tal-fehma li dawn in-negozjati jistgħu jservu ta' eżempju għal ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles, filwaqt li jenfasizza l-importanza li jiżdiedu aktar l-ambizzjonijiet, u jitwessgħu l-limiti ta' dak li jinvolvi FTA modern, fid-dawl tal-ekonomija u l-ambjent regolatorju żviluppati ferm ta' New Zealand;

5.  Jenfasizza li l-UE u New Zealand huma fost ta' quddiem fid-dinja fil-qasam tal-politiki ambjentali sostenibbli, u li f'dan ir-rigward huma għandhom l-opportunità li jinnegozjaw u jimplimentaw kapitolu ambizzjuż ħafna fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli;

6.  Iwissi kontra l-periklu ta' żbilanċ kbir fid-dispożizzjonijiet agrikoli tal-ftehim għad-detriment tal-UE, u kontra t-tentazzjoni li l-agrikoltura tintuża bħala munità ta' skambju biex jiġi żgurat aċċess akbar għas-suq ta' New Zealand għal servizzi u prodotti industrijali;

L-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija

7.  Jinnota l-konklużjoni tal-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija bejn l-UE u New Zealand fis-7 ta' Marzu 2017 għas-sodisfazzjon reċiproku tal-Kummissjoni u tal-Gvern ta' New Zealand;

8.  Jilqa' l-konklużjoni u l-pubblikazzjoni f'waqthom mill-Kummissjoni tal-valutazzjoni tal-impatt, bil-ħsieb li tkun tista' tiġi pprovduta evalwazzjoni komprensiva tal-gwadann u t-telf possibbli li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ta' kummerċ u investiment imsaħħa bejn l-UE u New Zealand għall-benefiċċju tal-popolazzjoni u tan-negozji fuq iż-żewġ naħat, inklużi l-aktar reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-impatti soċjali u ambjentali, inkluż fuq is-suq tax-xogħol Ewropew u sabiex jiġi antiċipat u kkunsidrat l-impatt li l-Brexit jista' jkollu fuq il-flussi kummerċjali u ta' investiment minn New Zealand lejn l-UE, b'mod partikolari meta jkunu qed isiru l-preparamenti tal-iskambju tal-offerti u l-kalkolu tal-kwoti;

Mandat għan-negozjati

9.  Jistieden lill-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati għal ftehim ta' kummerċ u investiment ma' New Zealand abbażi tal-eżitu tal-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija, ir-rakkomandazzjonijiet stipulati f'din ir-riżoluzzjoni, il-valutazzjoni tal-impatt u miri ċari;

10.  Jistieden lill-Kunsill jirrispetta bis-sħiħ id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, kif jista' jinsilet mill-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE tas-16 ta' Mejju 2017, fid-deċiżjoni tagħha dwar l-adozzjoni tad-direttivi ta' negozjati;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iressqu proposta malajr kemm jista' jkun dwar l-arkitettura ġenerali futura ta' ftehimiet kummerċjali li jqisu l-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapore, u biex jiddistingwu b'mod ċar bejn kummerċ u liberalizzazzjoni ta' ftehim tal-investiment dirett barrani (IDB) li jkun fih biss kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE, u tat-tieni ftehim potenzjali li jkopri suġġetti li l-kompetenzi tagħhom ikunu kondiviżi mal-Istati Membri; jenfasizza li distinzjoni bħal din jista' jkollha implikazzjonijiet fuq il-proċess ta' ratifika parlamentari u li mhijiex maħsuba biex jiġu evitati proċessi demokratiċi nazzjonali, iżda hija kwistjoni ta' delega demokratika tar-responsabbiltajiet abbażi tat-trattati Ewropej; jitlob li l-Parlament ikun involut mill-qrib f'kull negozjati attwali u futuri dwar FTA fl-istadji kollha tal-proċess;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tippreżenta l-ftehimiet iffinalizzati għall-iffirmar u l-konklużjoni, u lill-Kunsill, meta jiddeċiedi dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, biex jirrispettaw b'mod sħiħ id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi n-negozjati bl-iktar mod trasparenti possibbli, bla ma timmina l-pożizzjoni tan-negozjar tal-Unjoni, u filwaqt li jiġi garantit mill-inqas il-livell ta' trasparenza u konsultazzjoni pubblika implimentat għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment mal-Istati Uniti tal-Amerka permezz ta' djalogu kostanti mas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, u tirrispetta bis-sħiħ l-aħjar prattiki kif stabbilit f'negozjati oħra; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippubblika r-rakkomandazzjonijiet kollha tagħha għad-direttivi ta' negozjati għal ftehimiet ta' kummerċ, u jqis li dan jikkostitwixxi preċedent pożittiv; iħeġġeġ lill-Kunsill isegwi dan l-eżempju u jippubblika d-direttivi ta' negozjati immedjatament wara l-adozzjoni tagħhom;

14.  Jenfasizza li l-FTA jrid iwassal għal aċċess aħjar għas-suq u għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fil-post, joħloq impjiegi deċenti, jiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-benefiċċju taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat, u jinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli, jirrispetta l-istandards tal-UE, jissalvagwardja s-servizzi ta' interess ġenerali, u jirrispetta proċeduri demokratiċi filwaqt li jagħti spinta lill-opportunitajiet ta' esportazzjoni tal-UE;

15.  Jenfasizza li ftehim ambizzjuż irid jindirizza, b'mod sinifikattiv, l-investiment, il-kummerċ fi prodotti u servizzi (abbażi tar-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-ispazju politiku u s-setturi sensittivi), id-dwana u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, id-diġitalizzazzjoni, il-kummerċ elettroniku u l-protezzjoni tad-data, ir-riċerka dwar it-teknoloġija u l-appoġġ għall-innovazzjoni, l-akkwist pubbliku, l-enerġija, l-intrapriżi tal-Istat, il-kompetizzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, kwistjonijiet regolatorji, bħalma huma l-istandards sanitarji u fitosanitarji ta' kwalità għolja u normi oħrajn fi prodotti agrikoli u tal-ikel mingħajr ma jiddgħajfu l-istandards għoljin tal-UE, l-impenji soda u infurzabbli dwar l-istandards tax-xogħol u ambjentali, u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni, filwaqt li jibqgħu fi ħdan l-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u dan kollu fl-istess waqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tal-mikrointrapriżi u l-SMEs;

16.  Jistieden lill-Kunsill biex jirrikonoxxi b'mod espliċitu l-obbligi tal-parti l-oħra lejn il-popli indiġeni;

17.  Jenfasizza li l-UE hija mexxej globali fil-promozzjoni tal-politika tal-benessri tal-annimali tal-irziezet u minħabba li l-FTA bejn l-UE u New Zealand se jkollu impatt fuq miljuni ta' annimali tal-irziezet, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-partijiet jieħdu impenji robusti li jtejbu l-benessri u l-protezzjoni tal-annimali tal-irziezet;

18.  Jenfasizza li l-kummerċ illeċitu tal-organiżmi selvaġġi għandu impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali sinifikanti, u li ftehim ambizzjuż irid jippromwovi l-konservazzjoni tal-ispeċi ta' organizmu selvaġġi kollha u tal-ħabitats tagħhom, u jiġġieled bil-qawwa kontra t-teħid illegali, il-kummerċ u t-trasbord ta' organiżmi selvaġġi

19.  Jenfasizza li l-ġestjoni mhux adegwata tas-sajd u s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (sajd IUU) jista' jkollhom impatti negattivi sinifikanti fuq il-kummerċ, l-iżvilupp u l-ambjent, u li l-partijiet iridu jieħdu impenji sinifikattivi biex jipproteġu l-klieb il-baħar, ir-rajja, il-fkieren tal-baħar u l-mammiferi marini u biex jevitaw is-sajd żejjed, il-kapaċità żejda, u s-sajd IUU;

20.  Jenfasizza li, biex Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ikun verament vantaġġjuż għall-ekonomija tal-UE, l-aspetti li ġejjin għandhom jiġu inklużi fid-direttivi ta' negozjati:

   (a) il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fi prodotti u servizzi u l-opportunitajiet ta' aċċess għas-suq reali għaż-żewġ naħat fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi ta' xulxin permezz tal-eliminazzjoni ta' ostakli regolatorji bla bżonn, filwaqt li jkun żgurat li xejn fil-ftehim ma jipprevjeni lil kwalunkwe naħa milli tirregola, b'mod proporzjonat, bl-għan li jinkisbu objettivi ta' politika leġittimi; dan il-ftehim (i) ma jridx jimpedixxi l-partijiet milli jiddefinixxu, jirregolaw, jipprovdu u jappoġġjaw servizzi fl-interess ġenerali u jrid jinkludi dispożizzjonijiet espliċiti dwar dan; (ii) ma jridx jitlob lill-gvernijiet jipprivatizzaw xi servizz jew iwaqqaf lill-gvernijiet milli jespandu l-firxa ta' servizzi li jipprovdu lill-pubbliku; (iii) ma jridx iwaqqaf lill-gvernijiet milli jerġgħu jġibu taħt kontroll pubbliku dawk is-servizzi li gvernijiet kienu għażlu li jipprivatizzaw preċedentement bħall-ilma, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u tas-saħħa, jew inaqqas l-istandards għolja tas-saħħa, tal-ikel, tal-konsumatur, tal-ambjent, tax-xogħol u tas-sikurezza fl-UE jew jillimita l-finanzjament pubbliku tal-arti u l-kultura, tal-edukazzjoni, tas-servizzi soċjali u tas-saħħa bħalma ġara bi ftehimiet ta' kummerċ preċedenti; jenħtieġ li l-impenji jsiru abbażi tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS); jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-istandards meħtieġa mill-produtturi Ewropej iridu jiġu ppreżervati;
   (b) sa fejn il-ftehim jista' jinkludi kapitolu dwar ir-regolamentazzjoni domestika, in-negozjaturi ma jridux jinkludu testijiet tan-neċessità;
   (c) impenji dwar miżuri kompensatorji u ta' antidumping li jmorru lil hinn mir-regoli tad-WTO f'dan il-qasam, li possibbilment jeskludu l-applikazzjoni tagħhom meta jkun hemm fis-seħħ standards komuni dwar il-kompetizzjoni u kooperazzjoni suffiċjenti;
   (d) it-tnaqqis bla bżonn ta' ostakli mhux tariffarji u t-tisħiħ u l-estensjoni tad-djalogi regolatorji ta' kooperazzjoni fuq bażi volontarja kull meta jkun fattibbli u ta' benefiċċju reċiproku, filwaqt li ma tiġix limitat l-kapaċità ta' kull parti li twettaq l-attivitajiet regolatorji, leġiżlattivi u ta' politika tagħha, peress li l-kooperazzjoni regolatorja jrid ikollha l-għan li tkun ta' benefiċċju għall-governanza tal-ekonomija globali permezz ta' kooperazzjoni u konverġenza msaħħa dwar l-istandards internazzjonali u l-armonizzazzjoni regolatorja, pereżempju, permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istandards stabbiliti mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), filwaqt li jiġi garantit l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumatur (eż. is-sikurezza tal-ikel), ambjentali (eż. is-saħħa u l-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti), soċjali u tax-xogħol;
   (e) konċessjonijiet sinifikanti dwar l-akkwist pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern, inklużi l-intrapriżi tal-Istat u l-intrapriżi bi drittijiet speċjali jew esklużivi li jiggarantixxu lill-kumpaniji Ewropej aċċess għas-suq f'setturi strateġiċi u l-istess livell ta' ftuħ bħal dak tas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE, minħabba li l-proċeduri ssimplifikati u t-trasparenza għall-offerenti, inklużi dawk minn pajjiżi oħra, jistgħu wkoll ikunu għodda effikaċi għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u t-trawwim tal-integrità fl-amministrazzjoni pubblika filwaqt li jingħata valur għall-flus lill-kontribwenti, f'termini ta' kwalità tal-konsenja, l-effiċjenza, l-effikaċja u r-responsabbiltà; garanziji li l-kriterji ekoloġiċi u soċjali huma applikati fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku;
   (f) kapitolu separat li jqis il-ħtiġijiet u l-interessi tal-mikrointrapriżi u tal-SMEs b'rabta ma' kwistjonijiet li jirrigwardaw l-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq inkluż, iżda mhux limitat għal, kompatibilità miżjuda ta' standards tekniċi, u proċeduri doganali razzjonalizzati, bl-għan li jiġu ġġenerati opportunitajiet kummerċjali konkreti u titrawwem l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom;
   (g) fid-dawl tal-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapore li l-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-UE u li l-iżvilupp sostenibbli huwa parti integrali mill-politika kummerċjali komuni tal-UE, kapitolu solidu u ambizzjuż dwar l-iżvilupp sostenibbli huwa parti indispensabbli minn kwalunkwe ftehim potenzjali; dispożizzjonijiet għal għodod effikaċi għad-djalogu, il-monitoraġġ u l-kooperazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli soġġetti għal mekkaniżmi xierqa u effikaċi għas-soluzzjoni ta' tilwim, u jqis, fost diversi metodi ta' infurzar, mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet, filwaqt li jippermetti lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw b'mod xieraq, kif ukoll il-kooperazzjoni mill-qrib ma' esperti minn organizzazzjonijiet multilaterali rilevanti; dispożizzjonijiet fil-kapitolu li jkopri l-aspetti tax-xogħol u dawk ambjentali tal-kummerċ u r-relevanza tal-iżvilupp sostenibbli f'kuntest ta' kummerċ u ta' investiment, li jinkludu dispożizzjonijiet li jippromwovu l-adeżjoni għal, u l-implimentazzjoni effikaċi ta', regoli u prinċipji relevanti miftiehma internazzjonalment, bħalma huma l-istandards fundamentali tax-xogħol, l-erba' konvenzjonijiet prijoritarji tal-ILO dwar il-governanza kif ukoll il-ftehimiet ambjentali multilaterali, inklużi dawk relatati mat-tibdil fil-klima;
   (h) ir-rekwiżit li l-partijiet iridu jippromwovu r-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), inkluż f'dak li għandu x'jaqasm ma' strumenti rikonoxxuti internazzjonalment, u l-adozzjoni ta' linji gwida settorjali tal-OECD u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;
   (i) dispożizzjonijiet komprensivi dwar il-liberalizzazzjoni tal-investiment fi ħdan il-kompetenza tal-Unjoni filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi reċenti fil-politika, pereżempju, l-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapore tas-16 ta' Mejju 2017;
   (j) miżuri b'saħħithom u infurzabbli li jkopru r-rikonoxximent u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbejjed u x-xorb spirituż u għal prodotti agrikoli u tal-ikel oħrajn; proċeduri doganali simplifikati u regoli ta' oriġini sempliċi u flessibbli adatti għal dinja kumplessa ta' ktajjen ta' valur mondjali, inkluż f'termini ta' tisħiħ fit-trasparenza u r-responsabbiltà fi ħdanhom, u filwaqt li jkunu applikati kulmeta jkun possibbli regoli ta' oriġini multilaterali jew f'każijiet oħra regoli ta' oriġini mhux ta' piż bħal "bidla fis-subintestatura tariffarja";
   (k) eżitu bbilanċjat u ambizzjuż fil-kapitoli tal-agrikoltura u s-sajd li jista' biss jagħti spinta lill-kompetittività u jkun ta' benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi, jekk iqis b'mod xieraq l-interessi tal-produtturi u tal-konsumaturi Ewropej kollha, filwaqt li jiġi rispettat il-fatt li hemm għadd ta' prodotti agrikoli sensittivi li jenħtieġ li jingħataw trattament adatt, pereżempju, permezz ta' kwoti tar-rati tariffarji allokati jew perjodi adegwati ta' tranżizzjoni, filwaqt li jitqies b'mod xieraq l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet kummerċjali fuq l-agrikoltura u filwaqt li potenzjalment jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tan-negozjati l-aktar setturi sensittivi; l-inklużjoni ta' klawżola ta' salvagwardja bilaterali li tista' tintuża, effikaċi, adatta u rapida li tippermetti s-sospensjoni temporanja ta' preferenzi, jekk, b'riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' kummerċ, żieda fl-importazzjonijiet tikkawża jew thedded li tikkawża ħsara serja lil setturi sensittivi;
   (l) dispożizzjonijiet ambizzjużi li jippermettu l-funzjonament sħiħ tal-ekosistema diġitali, u li jippromwovu flussi transfruntiera tad-data, inklużi prinċipji bħall-kompetizzjoni ġusta u regoli ambizzjużi għat-trasferimenti transfruntiera tad-data, b'konformità sħiħa u mingħajr preġudizzju għar-regoli attwali u futuri tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, peress li l-flussi tad-data huma muturi kruċjali tal-ekonomija tas-servizzi u huma element essenzjali tal-katina ta' valur mondjali tal-kumpaniji ta' manifattura tradizzjonali, u għalhekk ir-rekwiżiti ta' lokalikazzjoni mhux ġustifikati jenħtieġ li jkunu limitati kemm jista' jkun; il-protezzjoni tad-data u l-privatezza mhumiex ostakli għall-kummerċ, iżda huma drittijiet fundamentali minquxa fl-Artikolu 39 tat-TUE u fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
   (m) dispożizzjonijiet speċifiċi u mhux ambigwi dwar it-trattament mogħti lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (OCTs) u lir-reġjuni ultraperiferiċi (ORs) sabiex ikun żgurat li fin-negozjati tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lill-interessi partikolari tagħhom;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, bħala element essenzjali ta' ftehim ibbilanċjat, protezzjoni fir-rigward tat-tikkettar, it-traċċabilità u l-oriġini ġenwina tal-prodotti agrikoli, bl-għan li jiġi evitat li l-konsumaturi jingħataw impressjoni falza jew qarrieqa;

22.  Jenfasizza d-differenza fid-daqs bejn is-suq uniku Ewropew u s-suq ta' New Zealand, li għandha titqies fil-kuntest ta' ftehim potenzjali ta' kummerċ ħieles bejn iż-żewġ pajjiżi;

Ir-rwol tal-Parlament

23.  Jenfasizza li, skont l-Opinjoni 2/15 tal-QtĠ-UE dwar l-FTA UE-Singapore, il-Parlament jenħtieġ li jara r-rwol tiegħu jissaħħaħ f'kull stadju tan-negozjati ta' FTA tal-UE mill-adozzjoni tal-mandat sal-konklużjoni finali tal-ftehim; jistenna bil-ħerqa t-tnedija tan-negozjati ma' New Zealand, u li jsegwihom mill-qrib u jikkontribwixxi għall-eżitu ta' suċċess tagħhom; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li tinforma lill-Parlament immedjatament u b'mod sħiħ fil-fażijiet kollha tan-negozjati (kemm qabel kif ukoll wara ċ-ċikli ta' negozjati); huwa impenjat li jeżmina l-kwistjonijiet leġiżlattivi u regolatorji li jafu jinqalgħu fil-kuntest tan-negozjati u tal-ftehim futur mingħajr preġudizzju għal prerogattivi tiegħu bħala koleġiżlatur; itenni r-responsabbiltà fundamentali tiegħu li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE, u jistenna bil-ħerqa li jiffaċilita diskussjonijiet inklużivi u miftuħa matul il-proċess tan-negozjati;

24.  Ifakkar li l-Parlament se jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-ftehim futur, kif stipulat mit-TFUE, u li l-pożizzjonijiet tiegħu għandhom għalhekk jitqiesu kif dovut fl-istadji kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jitolbu l-approvazzjoni tal-Parlament qabel l-applikazzjoni tiegħu, filwaqt li jintegraw ukoll din il-prattika fil-ftehim interistituzzjonali;

25.  Ifakkar li l-Parlament ser jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-ftehim futur;

o
o   o

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u l-parlament ta' New Zealand.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0064.
(2) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 210.
(3) ECLI:EU:C:2017:376.

Avviż legali