Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2011(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0265/2017

Testi mressqa :

A8-0265/2017

Dibattiti :

PV 26/10/2017 - 6
CRE 26/10/2017 - 6

Votazzjonijiet :

PV 26/10/2017 - 10.10
CRE 26/10/2017 - 10.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0421

Testi adottati
PDF 405kWORD 62k
Il-Ħamis, 26 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2015
P8_TA(2017)0421A8-0265/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-2015 (2017/2011(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-32 Rapport Annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni (2014) (COM(2015)0329),

–  wara li kkunsidra t-33 Rapport Annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea (2015) (COM(2016)0463),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni intitolat "Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Proġett "EU Pilot"" (COM(2010)0070),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar "Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni: Rapport Annwali 2014"(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni intitolat "It-Tieni Rapport ta' Evalwazzjoni dwar l-EU Pilot" (COM(2011)0930),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet mal-kwelerant fil-qasam tal-ksur tad-dritt Komunitarju (COM(2002)0141),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2012 intitolata "L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni" (COM(2012)0154),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE", (COM(2015)0215),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2016 intitolata "Id-Dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta' applikazzjoni aħjar"(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta' Mejju 2001 li tistabbilixxi Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar it-30 u l-31 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE (2012-2013)(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2016 għal amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 267 u 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0265/2017),

A.  billi l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jiddefinixxi r-rwol fundamentali tal-Kummissjoni bħala "gwardjan tat-Trattati";

B.  billi skont l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 288(3) u 291(1) TFUE l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità primarja li jittrasponu, japplikaw u jimplimentaw id-dritt tal-UE b'mod korrett u fiż-żmien previst, kif ukoll li jipprovdu rimedji suffiċjenti biex jiżguraw il-protezzjoni legali effikaċi fl-oqsma koperti mid-dritt tal-UE;

C.  billi, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ), l-Istati Membri huma obbligati jinfurmaw lill-Kummissjoni, b'ċarezza u bi preċiżjoni, dwar il-miżuri li jieħdu biex jittrasponu d-direttivi tal-Unjoni fid-dritt nazzjonali tagħhom(9);

D.  billi, skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni(10) u d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tas-27 ta' Ottubru 2011 tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni(11), l-Istati Membri, meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali, jistgħu jiġu obbligati, f'każijiet ġustifikati, jipprovdu wkoll informazzjoni ta' evidenza fil-forma ta' "dokumenti ta' spjegazzjoni", li jispjegaw il-miżuri li jieħdu biex jittrasponu d-direttivi tal-Unjoni fid-dritt nazzjonali tagħhom(12);

E.  billi, skont l-Artikolu 6(1) TUE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta") għandha l-istess valur legali tat-Trattati, u hija intiża għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji u għall-aġenziji tal-Unjoni u l-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 51(1) tal-Karta);

F.  billi l-UE għandha diversi strumenti u proċessi biex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa u korretta tal-prinċipji u tal-valuri minquxa fit-Trattati, iżda fil-prattika dawn l-istrumenti jidhru li huma limitati fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, inadegwati jew ineffikaċi;

G.  billi, għalhekk, huwa meħtieġ li jitwaqqaf mekkaniżmu ġdid, li jipprovdi qafas uniku u koerenti msejjes fuq l-istrumenti u l-mekkaniżmi eżistenti, li jenħtieġ li jiġi applikat b'mod uniformi għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE u għall-Istati Membri kollha;

H.  billi, skont l-Artikolu 258(1) u (2) TFUE, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni motivata lil Stat Membru meta tikkunsidra li dan ikun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skont it-Trattati, u tista' ġġib il-materja quddiem il-QtĠ-UE jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mal-opinjoni fi żmien skadenza stabbilita mill-Kummissjoni;

I.  billi l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea jipprevedi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-proċeduri ta' ksur kollha bbażati fuq l-avviżi ta' tqegħid fil-mora, iżda ma jkoprix il-proċedura informali tal-EU Pilot li tippreċedi l-ftuħ tal-azzjonijiet għal ksur formali;

J.  billi l-proċeduri tal-EU Pilot huma maħsuba għal kooperazzjoni eqreb u aktar koerenti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex ikun hemm rimedju,permezz ta' djalogu bilaterali, għall-ksur tad-dritt tal-UE fi stadju bikri sabiex, kulfejn ikun possibbli, tiġi evitata l-ħtieġa li jsiru azzjonijiet għal ksur formali;

K.  billi fl-2015 il-Kummissjoni rċeviet 3 450 ilment li rrapportaw dwar possibilitajiet ta' ksur tad-dritt tal-UE, u l-Istati Membri li kontrihom tressqu l-aktar ilmenti kienu l-Italja (637), Spanja (342) u l-Ġermanja (274);

L.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta Ewropea jiddefinixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala d-dritt ta' kull persuna li jkollha l-kwistjonijiet tagħha indirizzati b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli min-naħa tal-istituzzjonijiet, u billi l-Artikolu 298 tat-TFUE jistipula li, fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport annwali tal-Kummissjoni tal-2015 dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, li jiffoka fuq l-infurzar tal-acquis tal-UE, u jinnota li, skont dan ir-rapport, it-tliet oqsma li fihom l-Istati Membri kienu l-aktar soġġetti għal azzjonijiet għal ksur tat-traspożizzjoni fl-2015 kienu l-mobilità u t-trasport, l-enerġija u l-ambjent; jindika li dawn l-oqsma kienu wkoll is-suġġett tal-parti l-kbira tal-investigazzjonijiet li saru bis-sistema tal-EU Pilot fl-2015, fejn l-Istati Membri prinċipali kkonċernati kienu l-Italja, il-Portugall u l-Ġermanja; jitlob lill-Kummissjoni telabora fid-dettall il-kawżi partikolari għal dan;

2.  Jinnota, b'mod partikolari, li l-Kummissjoni affrontat il-problema tal-kwalità skarsa tal-arja fl-Ewropa billi fetħet azzjonijiet għal ksur għall-vjolazzjoni tad-Direttiva 2008/50/KE minħabba li l-limiti massimi ta' emissjonijiet ta' NO2 inqabżu ripetutament; madankollu jiddispjaċih li, fl-2015, il-Kummissjoni ma użatx l-istess setgħat ta' kontroll biex tevita t-tqegħid fis-suq ta' karozzi li jniġġsu u li jaħdmu bid-diżil, li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għar-rilaxx ta' NO2 fl-atmosfera b'livelli ogħla minn dawn il-limiti u li ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tip u l-emissjonijiet ta' vetturi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief;

3.  Iqis li l-għadd kbir ta' proċeduri ta' ksur fl-2015 juri li l-iżgurar tal-applikazzjoni f'waqtha u korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri għadha sfida kbira u prijorità fl-UE; isostni li ċ-ċittadini tal-UE jħossuhom aktar kunfidenti dwar id-dritt tal-UE meta dan jiġi implimentat fl-Istati Membri b'mod effikaċi; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jittrasponu u jimplimentaw id-dritt tal-UE b'mod effikaċi u puntwali;

4.  Jinnota li, fl-aħħar tal-2015, 1 368 kawża ta' ksur baqgħu pendenti, li jirrappreżentaw żieda żgħira fuq is-sena preċedenti iżda xorta waħda huma inqas mil-livell tal-2011;

5.  Jirrikonoxxi li r-responsabilità primarja għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE hija tal-Istati Membri, iżda jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li dan ma jeżonerax lill-istituzzjonijiet tal-UE mid-dmir tagħhom li jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE meta jkunu qed jistabbilixxu d-dritt sekondarju tal-UE; jenfasizza, madankollu, li l-Kummissjoni tpoġġi numru ta' strumenti għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri biex isibu soluzzjonijiet komuni, bħal pereżempju, manwali, gruppi ta' esperti u paġni speċjali fl-internet, minn djalogu dwar pjanijiet ta' traspożizzjoni sa dokumenti ta' spjegazzjoni għal rikonoxximent u s-soluzzjoni bikrija tal-problemi tal-implimentazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jirrispettaw l-impenji tagħhom kif miftiehem fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta' spjegazzjoni, inkluż billi jiġu pprovduti tabelli ta' korrelazzjoni li jkun fihom informazzjoni ċara u preċiża dwar il-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-direttivi fl-ordinament ġuridiku domestiku tagħhom;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni għal darb'oħra ġġib il-portali, il-punti ta' aċċess u s-siti web differenti kollha f'portal uniku li jipprovdi liċ-ċittadini b'aċċess faċli għall-formoli għall-ilmenti online u informazzjoni faċilment komprensibbli għall-utenti rigward il-proċeduri ta' ksur;

7.  Jinnota li l-Kummissjoni tinsisti li l-Istati Membri jinnotifikawha jekk jiddeċiedu, meta jkunu qed jittrasponu d-direttivi fid-dritt nazzjonali, li jżidu elementi li jiċċarawha lill-pubbliku liema liġijiet huma r-responsabilità tal-Unjoni Ewropea u liema liġijiet huma r-responsabilità tal-Istat Membru; ifakkar, madankollu, li dan ma għandu l-ebda impatt fuq id-dritt tal-Istati Membri li, fil-livell nazzjonali, pereżempju, jadottaw standards soċjali u ambjentali ogħla;

8.  Jenfasizza n-neċessità li l-Parlament ikun jista' jissorvelja wkoll l-infurzar tar-regolamenti mill-Kummissjoni bl-istess mod li hu jagħmel fir-rigward tad-direttivi; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li d-data dwar l-implimentazzjoni ta' regolamenti tiġi pprovduta fir-rapporti annwali futuri tagħha dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jressqu leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi jew timplimenta regolamenti lill-Kummissjoni bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità korretta tagħha u jispeċifikaw liema partijiet joriġinaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE u liema partijiet huma żidiet nazzjonali;

9.  Jenfasizza l-opbbligu li jiġu rrispettati l-iskadenzi għat-traspożizzjoni; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jiffissaw dati ta' skadenza realistiċi għall-infurzar;

10.  Jenfasizza li l-UE twaqqfet bħala Unjoni msejsa fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (l-Artikolu 2 tat-TUE); jenfasizza li l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE huma s-sies tal-pedamenti tal-Unjoni u li, għalhekk, l-osservanza tagħhom mill-Istati Membri għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni kostanti; itenni li monitoraġġ bir-reqqa tal-atti u l-ommissjonijiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huwa ta' importanza estrema, u jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tan-numru ta' petizzjonijiet u lmenti indirizzati rispettivament lill-Parlament u lill-Kummissjoni;

11.  Jirrimarka li l-informaturi jistgħu jinfurmaw b'mod utli lill-UE kif ukoll lill-istituzzjonijiet nazzjonali dwar każijiet ta' applikazzjoni ħażina tad-dritt tal-Unjoni; itenni li jenħtieġ li huma jitħeġġu jagħmlu dan minflok ma jkunu mxekkla;

12.  Jirrikonoxxi li l-petizzjonijiet huma sors importanti ta' informazzjoni diretta, mhux biss dwar ksur u nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri, iżda wkoll dwar lakuni potenzjali fil-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll suġġerimenti taċ-ċittadini dwar leġiżlazzjoni ġdida li tista' tiġi adottata, jew titjib possibbli fit-testi leġiżlattivi li hemm fis-seħħ; jikkonferma li t-trattament effikaċi tal-petizzjonijiet jikkostitwixxi sfida għall-Kummissjoni u għall-Parlament, iżda, fl-aħħar mill-aħħar, itejjeb il-kapaċità tagħhom biex jirreaġixxu għall-problemi relatati mat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni ħażina u biex isolvuhom; jinnota li l-Kummissjoni tqis l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE bħala prijorità, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw minnha fil-ħajja tagħhom ta' kuljum; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-proċessi deċiżjonali u l-amministrazzjoni jkunu trasparenti, imparzjali u indipendenti;

13.  Jiddispjaċih li l-ebda statistika preċiża dwar l-għadd ta' petizzjonijiet li wasslu għat-tnedija ta' EU Pilot jew proċedura ta' ksur ma hija pprovduta; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tibgħat rapporti regolari dwar każijiet marbuta ma' azzjonijiet u/jew proċeduri li għaddejjin, sabiex jiġi ffaċilitat djalogu strutturat u jitnaqqas iż-żmien biex jiġi solvut it-tilwim; jistieden lill-Kummissjoni tiddiskuti dawk ir-rapporti mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, billi jiġi involut proattivament il-Viċi President responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt u s-simplifikazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi lill-petizzjonanti fil-proċeduri EU Pilot mibdija fir-rigward tal-petizzjonijiet tagħhom, bil-ħsieb, fost l-oħrajn, li jiġi ffaċilitat id-djalogu bejn il-petizzjonanti u l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati;

14.  Jiddispjaċih minħabba d-dewmien dejjem itwal fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Protezzjoni u t-Trattament Xieraq tal-Annimali 2012-2015, li qiegħed effettivament jipprevjeni t-tnedija ta' strateġija ġdida għall-UE kollha li hija bżonnjuża sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni sħiħa u effikaċi tat-trattament xieraq tal-annimali permezz ta' qafas leġiżlattiv aġġornat, komprensiv u ċar li jikkonforma għal kollox mar-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tat-TFUE;

15.  Jinnota li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva ħafna petizzjonijiet dwar każijiet tal-benesseri tat-tfal, u jispera li r-rieżami attwali tar-Regolament Brussell IIA se jgħin biex jiġu rettifikati n-nuqqasijiet tar-regolament u jiġu indirizzati l-fallimenti fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu;

16.  Jinnota li ġew identifikati nuqqasijiet fl-applikazzjoni ta' miżuri li jiġġieldu kontra l-frodi u l-ħasil tal-flus fis-snin reċenti; jitlob lill-Kummissjoni tirdoppja l-isforzi tagħha ħalli tiżgura li r-regoli rilevanti tal-UE jiġu applikati b'mod rigoruż;

17.  Jinnota li traspożizzjoni u implimentazzjoni korretti u f'waqthom tad-dritt tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll qafas leġiżlattiv nazzjonali ċar, b'rispett sħiħ għall-valuri, il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali mnaqqxa fit-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, għandhom ikunu prijorità għall-Istati Membri bl-għan li jiġi evitat ksur tad-dritt tal-UE, filwaqt li jingħataw il-benefiċċji kollha maħsuba li saru possibbli permezz tal-applikazzjoni effiċjenti u effikaċi tad-dritt tal-UE; jenfasizza f'dan il-kuntest li atti jew ommissjonijiet mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE huma marbuta mit-Trattati tal-UE u l-Karta(13);

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw infurzar strett tar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tal-persuni, b'mod partikolari billi jiżguraw il-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali relatati; ifakkar li, minbarra li jikkostitwixxi waħda mil-libertajiet fundamentali tal-UE u jifforma parti integrali miċ-ċittadinanza tal-UE, il-moviment liberu tal-persuni, f'kuntest li fih id-drittijiet fundamentali huma salvagwardati bis-sħiħ, huwa ta' importanza kbira għaċ-ċittadini tal-UE u għall-familji tagħhom, speċjalment f'termini ta' aċċess għas-sigurtà soċjali, kif ukoll għall-perċezzjonijiet tagħhom dwar l-UE, u jitfaċċa bħala suġġett frekwenti fil-petizzjonijiet;

19.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 u jitlob lill-Kummissjoni tagħti segwitu għar-rakkomandazzjonijiet magħmula fiha;

20.  Jirrikonoxxi li l-Parlament jaqdi wkoll rwol kruċjali billi jeżerċita sorveljanza politika fuq l-azzjonijiet ta' infurzar tal-Kummissjoni, iwettaq skrutinju tar-rapporti annwali dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u jadotta riżoluzzjonijiet parlamentari dwar dan is-suġġett; jissuġġerixxi li huwa jista' jikkontribwixxi ulterjorment għat-traspożizzjoni preċiża u f'waqtha tal-leġiżlazzjoni tal-UE billi jaqsam mal-parlamenti nazzjonali l-għarfien espert li kiseb fil-proċess deċiżjonali leġiżlattiv permezz ta' kollegamenti stabbiliti minn qabel magħhom;

21.  Jenfasizza r-rwol importanti tas-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u partijiet ikkonċernati oħra fil-ħolqien ta' leġiżlazzjoni u fil-monitoraġġ u fir-rappurtar ta' nuqqasijiet fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-prinċipju tat-trasparenza kif minqux fit-Trattati tal-UE kif ukoll id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-ġustizzja u l-amministrazzjoni tajba, kif stipulat fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta; ifakkar li dawk id-drittijiet u l-prinċipji, fost oħrajn, suppost ikunu wkoll ta' importanza fundamentali għall-Istati Membri meta jipproponu abbozzi ta' atti li jimplimentaw id-dritt tal-UE;

22.  Jilqa' t-tnaqqis ta' madwar 30 % fin-numru ta' fajls ġodda tal-EU Pilot miftuħin fl-2015 (881 meta mqabbel ma' 1 208 fl-2014); jinnota, madankollu, li r-rata ta' soluzzjoni medja tibqa' stabbli fl-2015, peress li hija l-istess bħal dik tal-2014 (75 %);

23.  Jilqa' l-fatt li għall-ewwel darba mill-2011 'l hawn, l-għadd ta' lmenti ġodda naqas b'madwar 9 % meta mqabbel mal-2014, għal total ta' 3 450 ilment ġdid; iqis, madankollu, bi tħassib kbir, il-fatt li fis-settur tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni, ġie rreġistrat l-akbar numru ta' lmenti ġodda; jinnota li fl-oqsma tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni, is-suq intern, l-industrija, l-intraprenditorija u l-SMEs, il-ġustizzja u l-konsumatur, it-tassazzjoni u l-unjoni doganali, u l-ambjent flimkien jammontaw għal 72 % tal-ilmenti kollha sottomessi kontra l-Istati Membri fl-2015;

24.  Jiddispjaċih li, fl-2015, l-Istati Membri ma rrispettawx dejjem l-impenn tagħhom li jippreżentaw dokumenti ta' spjegazzjoni flimkien mal-miżuri nazzjonali tagħhom ta' traspożizzjoni tad-direttivi fl-ordinament ġuridiku tagħhom; iqis li l-Kummissjoni jenħtieġ li toffri aktar appoġġ lill-Istati Membri fil-proċess tat-tfassil ta' dawn id-dokumenti ta' spjegazzjoni u t-tabelli ta' korrelazzjoni; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tkompli tirrapporta fir-rigward tad-dokumenti ta' spjegazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill fir-rapporti annwali dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE;

25.  Huwa tal-fehma li l-penali finanzjarji għal nuqqas ta' konformità mad-dritt tal-UE jenħtieġ li jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi, u jikkunsidraw il-każijiet ripetuti ta' nuqqas ta' konformità fl-istess qasam u li d-drittijiet ġuridiċi tal-Istati Membri jridu jiġu rrispettati;

26.  Jenfasizza li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, huma marbuta mit-Trattati tal-UE u l-Karta(14);

27.  Itenni li l-kompiti allokati lill-Kummissjoni jew lil istituzzjonijiet oħra tal-UE mit-Trattat MES (jew trattati rilevanti oħra) jobbligawhom, kif provdut fl-Artikolu 13(3) u (4) tiegħu, biex jiżguraw li l-Memoranda ta' Qbil konklużi taħt it-trattati msemmija iktar 'il fuq ikunu konsisteni mad-dritt tal-Unjoni; jenfasizza li b'riżultat ta' dan, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom joqogħdu lura milli jiffirmaw memorandum ta' qbil li huma jiddubitaw il-konsistenza tiegħu mad-dritt tal-UE(15);

28.  Jisħaq fuq l-importanza tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni prattika nazzjonali ta' standards tal-asil fil-livell tal-UE (pereżempju rigward l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-direttiva dwar il-kondizzjonijiet ta' akkoljenza (id-Direttiva 2013/33/UE(16)))(17); jiddeplora l-implimentazzjoni u l-użu dgħajfa min-naħa tal-Istati Membri tal-mekkaniżmuta' rilokazzjoni propost mill-Kummissjoni biex tindirizza l-kriżi tar-rifuġjati; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni tal-miżuri adottati fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni sabiex tiżgura li jikkonformaw mal-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u biex tniedi l-azzjonijiet għal ksur meħtieġa meta jkun rilevanti;

29.  Jinnota bi tħassib li ċerti Stati Membri qed jevitaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-asil u l-migrazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni soda li ħadet il-Kummissjoni fil-konfront tal-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni; ifakkar li, minħabba l-flussi migratorji lejn l-Ewropa, l-UE qiegħda tiffaċċja sfida politika, umanitarja u legali bla preċedent; jistieden lill-Istati Membri jqisu wkoll il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem meta jaċċettaw u jallokaw ir-rifuġjati; jesprimi t-tama li l-Kummissjoni se tissorvelja b'mod sistematiku l-applikazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni mill-Istati Membri; ifakkar li politika effikaċi tal-migrazzjoni tal-UE teħtieġ li tkun ibbażata fuq bilanċ bejn ir-responsabilità u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri;

30.  Jiddispjaċih li ċerti Stati Membri qed jippersistu b'nuqqasijiet sinifikanti fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ambjent; jinnota li dan huwa partikolarment il-każ fl-immaniġġjar tal-iskart, l-infrastruttura tat-trattament tal-ilma mormi u l-konformità mal-valuri ta' limitu tal-kwalità tal-arja; iqis, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni jenħtieġ li tfittex li tidentifika l-kawżi ta' din is-sitwazzjoni fl-Istati Membri;

31.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex f'kull waqt jassumu d-dmir tagħhom li jirrispettaw id-dritt primarju tal-UE meta jkunu qed joħolqu regoli tad-dritt sekondarju tal-UE, meta jiddeċiedu l-politiki jew meta jiffirmaw ftehimiet jew trattati ma' istituzzjonijiet minn barra l-UE, u wkoll biex jassumu d-dmir tagħhom li jassistu lill-Istati Membri tal-UE bil-mezzi kollha disponibbli fl-isforzi tagħhom biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma kollha u biex jirrispettaw il-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni, b'mod speċjali fir-rigward tal-iżviluppi riċenti fl-Istati Membri;

32.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li għadu ma jirċevix informazzjoni trasparenti u disponibbli fi żmien utli dwar l-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-UE; ifakkar li, fil-Ftehim ta' Qafas rivedut dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni timpenja ruħha biex "tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament informazzjoni fil-qosor dwar il-proċeduri kollha ta' ksur mill-ittra ta' tqegħid fil-mora, inkluż, jekk il-Parlament jitlob li jsir hekk, [...] dwar kwistjonijiet li tirrigwardahom il-proċedura ta' ksur" u jistenna li din il-klawżola tiġi applikata in bona fede fil-prattika;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-konformità mad-dritt tal-UE prijorità politika reali li għandha tfittex li tilħaq b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Parlament, li għandu d-dmir li jobbliga lill-Kummissjoni tagħti rendikont ta' għemilha u, bħala koleġiżlatur, li jiżgura li huwa stess ikun informat għalkollox sabiex itejjeb b'mod kostanti l-ħidma leġiżlattiva tiegħu; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tippreżenta segwitu għal kull riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew relattiva għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE;

34.  Ifakkar li, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013(18) u tad-9 ta' Ġunju 2016, il-Parlament talab l-adozzjoni ta' regolament dwar amministrazzjoni miftuħa, effiċjenti u indipendenti tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 298 tat-TFUE, u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra ulterjorment il-proposta għal regolament mehmuża fl-anness fl-aħħar riżoluzzjoni;

35.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' ġabra koerenti u komprensiva ta' regoli kodifikati dwar l-amministrazzjoni tajba madwar l-Unjoni jagħmilha diffiċli biex iċ-ċittadini jifhmu faċilment u b'mod sħiħ id-drittijiet amministrattivi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni, u jikkontribwixxi wkoll għad-deterjorament tal-protezzjoni ġuridika tagħhom; jenfasizza, għalhekk, li l-kodifikazzjoni tar-regoli dwar l-amministrazzjoni tajba fil-forma ta' regolament li jistabbilixxi d-diversi aspetti tal-proċedura amministrattiva - inklużi n-notifiki, il-limiti ta' żmien vinkolanti, id-dritt għal smigħ, u d-dritt ta' kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha - tirriżulta fit-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini u tat-trasparenza; jikkjarifika li dawn ir-regoli ser ikunu supplimentari għad-dritt eżistenti tal-Unjoni, meta jitfaċċaw distakki ġuridiċi jew problemi ta' interpretazzjoni, u jwasslu għal aktar aċċessibilità; itenni it-talba tiegħu lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tressaq proposta leġiżlattiva komprensiva għal liġi Ewropea dwar il-proċedura amministrattiva, filwaqt li tqis il-passi kollha li diġà ttieħdu mill-Parlament f'dan il-qasam, kif ukoll l-iżviluppi kontemporanji fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha;

36.  Ifakkar li d-deċiżjonijiet preliminari jikkontribwixxu biex jiġi ċċarat il-mod kif id-dritt tal-Unjoni Ewropea jrid jiġi applikat; jemmen li l-użu ta' din il-proċedura jagħmel possibbli interpretazzjoni u implimentazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni Ewropea; iħeġġeġ, għalhekk, lill-qrati nazzjonali jirrefuru l-mistoqsijiet tagħhom lill-QtĠ-UE fil-każ ta' dubju u, b'hekk, jevitaw l-azzjonijiet għal ksur;

37.  Jemmen li l-applikazzjoni korretta tal-acquis tal-UE tikkostitwixxi element ċentrali sabiex l-individwi u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-politiki tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-infurzar tad-dritt tal-UE fuq il-bażi ta' verifiki strutturati u sistematiċia tat-traspożizzjoni u tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, f'konformità sħiħa mat-Trattati tal-UE u l-Karta; jindika li l-leġiżlazzjoni tal-UE hija r-riżultat ta' proċess ħieles u demokratiku; jilqa' bi pjaċir il-prattika mill-Kummissjoni li tieħu kont debitu tal-prinċipji ta' tfassil aħjar tal-liġijiet meta tkun qed timmonitorja l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri;

38.  Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fit-tfassil u l-applikazzjoni tad-dritt mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri; jindika li kemm biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri u kemm biex dan isir aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE, il-leġiżlazzjoni tal-UE trid tkun ċara, tinftiehem, konsistenti u preċiża, filwaqt li tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, li tinsisti fuq il-ħtieġa tal-prevedibilità tar-regoli tal-UE(19);

39.  Jemmen li l-inklużjoni tal-parlamenti nazzjonali fi djalogu dwar il-kontenut tal-proposti leġiżlattivi, fejn ikun rilevanti, se trawwem l-applikazzjoni effikaċi tad-dritt tal-UE; jirrimarka li skrutinju aktar rigoruż mill-parlamenti nazzjonali tal-gvernijiet rispettivi tagħhom meta dawn tal-aħħar ikunu involuti fil-proċess leġiżlattiv se jippromwovi applikazzjoni aktar effikaċi tad-dritt tal-UE kif previst fit-Trattati; jenfasizza, għal dik ir-raġuni, il-bżonn li l-parlamenti nazzjonali jkunu involuti fl-istadji bikrin tal-proċeduri leġiżlattivi Ewropej, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal dibattitu dwar il-Protokoll Nru. 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea u Protokoll Nru 2 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, possibbilment billi tiġi kkunsidrata reviżjoni tal-hekk imsejħa sistema ta' twissija bikrija, u b'hekk tkun żgurata applikazzjoni aħjar tal-proċedura ta' karta safra;

40.  Iħeġġeġ kooperazzjoni aktar mill-qrib u t-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; ifakkar fil-funzjoni ta' skrutinju tal-parlamenti nazzjonali fir-rigward tal-involviment tal-gvernijiet tagħhom fil-proċess deċiżjonali fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u jenfasizza l-ħtieġa għal konsultazzjonijiet u skambju regolari ta' fehmiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, b'mod speċjali fil-fażijiet inizjali tal-proċess leġiżlattiv;

41.  Ifakkar li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol essenzjali x'jaqdu fl-iskrutinju tal-implimentazzjoni korretta tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri; jistedinhom jeżerċitaw dan ir-rwol b'mod proattiv; jiġbed l-attenzjoni fuq ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali li jevitaw prattiki ta' regolamentazzjoni żejda fil-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali, u b'hekk jevitaw regolamentazzjoni eċċessiva u piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa; jistenna li l-Istati Membri jindikaw u jiddokumentaw b'mod ċar l-obbligi nazzjonali meta dawn jiżdiedu mal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-proċess ta' implimentazzjoni; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-miżuri nazzjonali eċċessivi li jiddaħħlu fil-leġiżlazzjoni tal-UE jżidu mingħajr ħtieġa l-ewroxettiċiżmu;

42.  Jinnota li s-sistema ta' skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni bejn il-kumitati tal-parlamenti nazzjonali li jaħdmu mal-UE tista' tgħin fil-ksib ta' leġiżlazzjoni effiċjenti u għandha tintuża wkoll bħala appoġġ għal applikazzjoni aktar effikaċi tad-dritt tal-UE mill-Istati Membri; jippromwovi l-użu tal-pjattaforma IPEX bħala għodda għall-iskambju reċiproku ta' informazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew; iħeġġeġ ukoll lill-parlamenti nazzjonali biex jieħdu sehem attiv fil-Laqgħat Interparlamentari tal-Kumitati organizzati regolarment mill-Parlament Ewropew;

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0385.
(2) ĠU C 18, 19.1.2017, p. 10.
(3) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(4) ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.
(5) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(6) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 246.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0409.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0279.
(9) Ara l-Kawża C-427/07, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, paragrafu 107.
(10) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(11) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 15.
(12) F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni b'dokument wieħed jew aktar, li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali.
(13) Ara, inter alia: Sentenza tal-QtĠ-UE tal-20 ta' Settembru 2016 - Ledra Advertising Ltd (C-8/15 P), Andreas Eleftheriou (C-9/15 P), Eleni Eleftheriou (C-9/15 P), Lilia Papachristofi (C-9/15 P), Christos Theophilou (C-10/15 P), Eleni Theophilou (C-10/15 P) vs il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (Kawżi Magħquda C-8/15 P sa C-10/15 P), ECLI:EU:C:2016:701, punti 67 et seq.
(14) Sentenza tal-QtĠ-UE tal-20 ta' Settembru 2016 Kawżi Magħquda C-8/15 P sa C-10/15 P, paragrafi 67 et seq.
(15) Ibid., punti 58 et seq.; ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta' Novembru 2012, Pringle, C-370/12, EU:C:2012:756, punt 164).
(16) Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).
(17) Ara, inter alia: S. Carrera, S. Blockmans, D. Gross, E. Guild, "The EU's Response to the Refugee Crisis Taking Stock and Setting Policy Priorities" (Ir-rispons tal-UE għall-Kriżi tar-Rifuġjati - Nieħdu kont tal-Iffissar ta' Prijoritajiet tal-Politika), Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS), esej Nru 20, 16 ta' Diċembru 2015 https://www.ceps.eu/system/files/EU%20Response%20to%20the%202015%20Refugee%20Crisis_0.pdf
(18) Riżoluzzjoni tal-15 ta’ Jannar 2013 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Liġi ta' Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 440, 30.12.2015, p.17).
(19) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Settembru 2009, Plantanol GmbH & Co.KG vs Hauptzollamt Darmstadt, C-201/08 ECLI:EU:C:2009:539, punt 46.

Avviż legali - Politika tal-privatezza