Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2200(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0346/2017

Testi mressqa :

A8-0346/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2017 - 5.1

Testi adottati :

P8_TA(2017)0422

Testi adottati
PDF 418kWORD 50k
It-Tlieta, 14 ta' Novembru 2017 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2017/004 IT/Almaviva
P8_TA(2017)0422A8-0346/2017
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Italja – EGF/2017/004 IT/Almaviva) (COM(2017)0496 – C8-0322/2017 – 2017/2200(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0496 – C8-0322/2017),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0346/2017),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu;

C.  billi l-Italja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/004 IT/Almaviva għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont il-kriterji ta' intervent stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG b'segwitu għall-1 646 sensja f'Almaviva Contact SpA li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 82 ta' NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet ta' servizz ta' amministrazzjoni ta' uffiċċji, sostenn għal uffiċċji u negozju ieħor) fir-reġjun tal-Lazio tal-livell NUTS 2 fl-Italja (ITI4); billi 1 610 ħaddiema li ngħataw is-sensja huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, l-Italja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 347 370 skont dan ir-Regolament, ammont li jirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 5 578 950;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-applikazzjoni fid-9 ta' Mejju 2017, u li wara informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Italja, il-valutazzjoni tagħha ġiet konkluża mill-Kummissjoni fis-26 ta' Settembru 2017 u l-Parlament ġie avżat fl-istess ġurnata;

3.  Ifakkar li l-kriżi ekonomika poġġiet pressjoni sinifikanti fuq il-prezz tas-servizzi tal-kummerċjalizzazzjoni u l-assistenza lix-xerrejja ta' prodotti u ta' servizzi, li wassal għal tnaqqis tal-fatturat u l-profittabbiltà tal-fornituri tas-servizzi; filwaqt li jitqies il-fatt li l-kost lavorattiv huwa bil-bosta l-ogħla spiża tal-produzzjoni fis-settur taċ-ċentri telefoniċi, jinnota li n-negozji rreaġixxew għal dawn il-kundizzjonijiet ħżiena billi rrilokaw, u b'hekk bidlu l-kost lavorattiv jew għalqu; jiddispjaċih li, bejn l-2009 u l-ewwel tliet xhur tal-2014, terz mill-intrapriżi Taljani kollha fis-settur waqqfu l-attività tagħhom;

4.  Jirrikonoxxi li dawn is-sensji huma direttament marbuta ma' tnaqqis ta' 45 % fid-dħul taċ-ċentru Almaviva f'Ruma bejn l-2011 u l-2016; jiddispjaċih li ma kienx possibbli li jintlaħaq ftehim mar-rappreżentanza tat-trade unions magħqudin (RSU) dwar pjan biex jiġi allinjat il-kost lavorattiv ta' Almaviva f'Ruma ma' ċentri ta' xogħol oħrajn ta' Almaviva fl-Italja, li kien ikun jissarraf effettivament fi tnaqqis tal-paga bir-riżultat li jagħlaq iċ-ċentru li jinsab Ruma;

5.  Jinnota li l-ħaddiema tas-settur taċ-ċentri telefoniċi għandhom ikunu aktar protetti, dan jimplika li għandu jiġi evitat ċaqliq ta' persunal minn ċentru għal ieħor, li jintuża bħala strateġija partikolari għal sensji massivi furzati;

6.  Jirrikonoxxi li l-ekonomija reġjonali u lokali qiegħda tirkupra bil-mod il-mod il-vitalità biss wara d-diffikultajiet kbar li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika u finanzjarja u li s-sensji tal-massa jirriskjaw li jwaqqfu jew jinterrompu dan l-irkupru; jenfasizza l-importanza kruċjali ta' miżuri tas-suq tax-xogħol attiv, bħal dawk kofinanzjati mill-FEG, biex dan jiġi evitat;

7.  Jinnota li 79 % tal-benefiċjarji fil-mira huma nisa u li l-maġġoranza kbira minnhom għandhom bejn 30 u 55 sena; jiddispjaċih li ma kienx possibbli li tinstab soluzzjoni vijabbli biex tiġi evitata s-sensja tagħhom, b'mod partikolari minħabba l-fatt li n-nisa f'din il-faxxa ta' età diġà huma inqas probabbli li jibqgħu u javvanzaw fis-suq tax-xogħol minħabba d-diffikultà li jsibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bħala riżultat tar-responsabbiltajiet tagħhom bħala dawk li jagħtu l-kura b'mod informali, kif ukoll nuqqas ta' opportunitajiet indaqs fuq il-post tax-xogħol;

8.  Jisħaq li t-taħriġ u tipi oħra ta' servizzi personalizzati għandhom iqisu b'mod sħiħ tal-karatteristiċi ta' dan il-grupp ta' ħaddiema, b'mod partikolari, il-proporzjon għoli ta' nisa; jilqa' l-inklużjoni tal-ammont stmat ta' EUR 680 000 għar-rimborż tal-ispejjeż għal dawk li jieħdu ħsieb persuni dipendenti;

9.  Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Taljani bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji indirizzati fis-6 ta' April 2017, qabel l-applikazzjoni għal appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

10.  Jinnota li l-Italja qiegħda tippjana tmien tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) orjentazzjoni individwali, (ii) għajnuna għat-tfittxija għal impjieg, (iii) taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, (iv) vawċers għall-impjieg mill-ġdid, (v) appoġġ għall-intraprenditorija, (vi) kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju, (vii) rimborż tal-ispejjeż għal dawk li jieħdu ħsieb persuni dipendenti, u (viii) rimborż tal-ispejjeż għall-mobbiltà; jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jkunu 17,4 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, perċentwal li huwa sew taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' xogħol jew ta' taħriġ;

11.  Jilqa' l-istabbiliment ta' kumitat (magħmul mill-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku (MiSE(4), ANPAL(5), ir-Reġjun tal-Lazio u t-trade unions) biex jiddefinixxi l-istrateġija u l-interventi b'appoġġ għall-ħaddiema li kienu jaħdmu ma' Almaviva kif ukoll ifassal pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati;

12.  Jifhem li l-użu tal-vawċers għar-reimpjegabbiltà huwa ġdid, li kien użat biss f'każ wieħed preċedenti; jenfasizza l-importanza ta' evalwazzjoni b'mod sħiħ tal-effikaċja ta' tali miżuri ladarba jkun għadda biżżejjed żmien biex id-data tkun disponibbli;

13.  Jenfasizza li l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, iżda li dawn se jkunu kkumplementati minn azzjonijiet li jkunu ffinanzjati mill-FSE jew permezz tal-fondi nazzjonali biss;

14.  Ifakkar li t-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati bl-appoġġ tal-FEG għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol għall-ġejjieni u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla f'ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;

15.  Ifaħħar l-impenn tal-gvern Taljan fid-definizzjoni ta' qafas ġuridiku ġdid għal ħaddiema fit-telekomunikazzjoni sabiex jiġu evitati każijiet oħra bħal dak li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni EGF/2017/004 IT/Almaviva;

16.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi l-azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, jew il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-prospettivi ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw, kif ukoll jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' reintegrazzjoni miksuba mill-FEG;

18.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Ministero dello Sviluppo Economico (MiSE)
(5) Agenzia Nazionale per le Politiche Attive del Lavoro (ANPAL)


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni ppreżentata mill-Italja – EGF/2017/004 IT/Almaviva

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2017/2192.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza