Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2085(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0330/2017

Testi mressqa :

A8-0330/2017

Dibattiti :

PV 13/11/2017 - 16
CRE 13/11/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2017 - 5.2
CRE 14/11/2017 - 5.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0423

Testi adottati
PDF 453kWORD 62k
It-Tlieta, 14 ta' Novembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Insalvaw il-ħajjiet: Insaħħu s-Sikurezza tal-Karozzi fl-UE
P8_TA(2017)0423A8-0330/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2017 dwar insalvaw il-ħajjiet: insaħħu s-sikurezza tal-karozzi fl-UE (2017/2085(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni intitolat "Insalvaw il-ħajjiet: Insaħħu s-sikurezza tal-karozzi fl-UE – Rapport dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-karatteristiċi avvanzati tas-sikurezza tal-vetturi, tal-kosteffettività u tal-fattibbiltà tagħhom għar-reviżjoni tar-regolamenti dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi u dwar il-protezzjoni tal-persuni bil-mixi u ta' persuni oħrajn li jużaw it-triq (COM(2016)0787) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SWD(2016)0431),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 78/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Jannar 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-ħarsien tal-persuni mexjin u ta' utenti vulnerabbli oħra tat-triq, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE u jħassar id-Direttivi 2003/102/KE u 2005/66/KE(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/47/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-ispezzjonijiet tekniċi waqt it-traġitt tal-affidabilità stradali ta' vetturi kummerċjali li jiċċirkolaw fl-Unjoni u li jirrevoka d-Direttiva 2000/30/KE(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/719 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "L-Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli"(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar it-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar "is-Sikurezza fit-toroq 2011-2020 – L-ewwel stadji lejn strateġija dwar korrimenti"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar is-sikurezza fit-toroq 2011-2020(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-"Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti"(11),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata" (COM(2016)0766),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Lejn Żona Ewropea ta' sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020" (COM(2010)0389),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "CARS 2020: Pjan ta' azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa" (COM(2012)0636),

–  wara li kkunsidra l-white paper tal-Kummissjoni bl-isem "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni intitolat "Benefit and feasibility of a range of new technologies and unregulated measures in the field of vehicle occupant safety and protection of vulnerable road users" (Benefiċċji u l-fattibbiltà ta' firxa ta' teknoloġiji ġodda u miżuri mhux regolati fil-qasam tas-sikurezza u l-ħarsien ta' utenti vulnerabbli tat-triq), li ġie mħejji mit-Transport Research Laboratory, u ppubblikat fil-26 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "On the implementation of objective 6 of the European Commission's policy orientations on road safety 2011-2020 – First milestone towards an injury strategy" (Dwar l-implimentazzjoni tal-objettiv 6 tal-orjentazzjonijiet ta' politika tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sikurezza tat-toroq 2011-2020 – L-ewwel pass lejn strateġija dwar korrimenti) (SWD(2013)0094),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar is-sikurezza tat-traffiku fit-toroq b'appoġġ għad-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta, ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-pakkett "Ewropa Attiva", ippubblikat mill-Kummissjoni fil-31 ta' Mejju 2017, li jinkludi sett ta' tmien inizjattivi leġiżlattivi b'attenzjoni speċjali fuq it-trasport bit-triq,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 70/260 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU "Improving global road safety" (Titjib fis-sikurezza tat-toroq fuq livell globali) tal-15 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0330/2017),

A.  billi, kull sena jmutu madwar 25 500 ruħ fit-toroq tal-Ewropa, u madwar 135 000 ruħ ikorru serjament, tant li hu meħtieġ li jittieħdu aktar miżuri, u anki miżuri aktar effettivi, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri, jekk il-mira ta' "żero fatalitajiet" għandha tintlaħaq;

B.  billi s-sikurezza fit-toroq tiddependi fuq tliet fatturi: il-vetturi, l-infrastruttura u l-imġiba tas-sewwieqa, u għalhekk huma meħtieġa l-miżuri fit-tliet oqsma kollha sabiex tiżdied is-sikurezza fit-toroq, u jenħtieġ li jittieħdu miżuri effettivi fil-qasam tas-sikurezza attiva u passiva tal-vetturi;

C.  billi l-età medja tal-karozzi tal-passiġġieri, vetturi ħfief u vetturi heavy-duty fl-UE qed tiżdied il-ħin kollu u issa taqbeż l-10 snin; billi l-età ta' vettura għandha impatt dirett fuq il-konsegwenzi ta' inċident stradali u fuq il-korrimenti mġarrba f'dawn l-inċidenti;

D.  billi s-sistemi ta' għajnuna tas-sewwieqa jagħmlu l-vetturi aktar sikuri kif ukoll jgħinu fil-parteċipazzjoni sikura u attiva tal-persuni b'mobbiltà mnaqqsa u tal-anzjani fit-traffiku tat-toroq;

E.  billi sistemi ta' sewqan intelliġenti jnaqqsu l-konġestjoni, iwissu lis-sewwieqa dwar il-perikli fuq ir-rotta tagħhom, u b'hekk jgħinu biex jitnaqqas ir-riskju li wieħed jikkaġuna inċident;

F.  billi t-tranżizzjoni lejn vetturi li jinstaqu b'mod awtonomu miexja b'pass imgħaġġel, u s-sikurezza tat-toroq hija b'mod ġenerali kwistjoni urġenti, b'tali mod li reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali trid titressaq quddiem il-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-ewwel tliet xhur tal-2018; billi f'kull każ kwalunkwe dewmien ieħor ikun inaċċettabbli;

G.  billi 38 % tal-fatalitajiet kollha jseħħu f'żoni urbani u spiss jinvolvu utenti vulnerabbli tat-toroq, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu in kunsiderazzjoni l-utenti tat-toroq vulnerabbli fl-ippjanar tat-traffiku urban, billi jitjieb it-trattament tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam ma' modi ta' trasport bħal karozzi u xarabanks; billi l-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta r-rieżami tagħha ta' regolamentazzjoni dwar il-protezzjoni tal-persuni bil-mixi;

H.  billi hemm rabta ċara bejn is-sikurezza fit-toroq u l-kundizzjonijiet ta' xogħol għall-utenti tat-toroq professjonali;

Rekwiżiti ġenerali

1.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli effiċjenti u regolari tas-sewwieqa fit-toroq, peress li l-kawżi ewlenin tal-inċidenti, għadhom sal-lum, il-livelli ta' veloċità li huma sproporzjonati u eċċessivi għall-kundizzjonijiet tas-sewqan ikkonċernati, id-distrazzjoni u s-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol jew id-droga, u l-għaja eċċessiva, u għaldaqstant:

   (a) jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi perċentwali għall-għadd ta' vetturi li għandom jiġu eżaminati fil-kategoriji M1 u N1;
   (b) jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi kontrolli aktar stretti biex tinforza b'mod xieraq il-limiti tal-ħin tax-xogħol u l-perjodi ta' mistrieħ obbligatorji għal sewwieqa li huma utenti professjonali tat-toroq;
   (c) jistieden lill-Istati Membri jżidu skambji tal-aħjar prattiki, speċjalment fir-rigward ta' strateġiji ta' infurzar intelliġenti, u biex jintroduċu sanzjonijiet li jservu ta' deterrent għal min jikser il-liġi;

2.  Jinnota li madwar 25 % tal-imwiet tat-traffiku annwali kollha fl-UE huma kkawżati mill-konsum tal-alkoħol; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tevalwa l-valur miżjud possibbli tal-armonizzazzjoni tal-limiti ta' konċentrazzjoni tal-alkoħol fid-demm tal-UE fil-livell ta' 0.0 % għal sewwieqa ġodda matul l-ewwel sentejn u għal sewwieqa professjonali, u jilqa' l-politika ta' tolleranza żero ta' ċerti Stati Membri għal sewqan taħt l-influwenza tax-xorb;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta wieħed iżomm f'moħħu d-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta dwar it-titjib tas-sikurezza fit-toroq maħruġa mill-Presidenza Maltija fid-29 ta' Marzu 2017, li tinkludi miri ġodda biex jitnaqqas bin-nofs l-għadd ta' korrimenti serji fit-toroq tal-UE fl-istrateġija l-ġdida tagħha għas-sikurezza tat-toroq għall-għaxar snin bejn l-2020 u l-2030;

4.  Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu b'mod sinifikanti s-sitwazzjoni tal-infrastruttura tat-toroq tagħhom permezz ta' manutenzjoni regolari u effettiva, inkluż ta' sinjali tat-traffiku u s-sistemi ta' sinjali, u titjib xieraq biex jittrattaw il-volumi tat-traffiku, u biex idaħħlu miżuri innovattivi li jipprovdu funzjonalità sħiħa u titjib tal-interoperabbiltà ta' sistemi ta' assistenza għas-sewwieqa, li tirriżulta f'dak li jissejjaħ infrastruttura intelliġenti; jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf mekkaniżmu biex jiġi żgurat li l-infrastruttura tat-toroq Ewropej tibqa' f'kundizzjoni adegwata;

5.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tibdiliet infrastrutturali (pereżempju ċerti tipi ta' apparat għall-ilqugħ kontra l-ħbit u li jtaffu t-traffiku) kultant jistgħu jikkawżaw inċidenti jew jagħmluhom agħar, speċjalment meta jkunu involuti vetturi b'żewġ roti li jaħdmu bil-mutur; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tipproponi kwalunkwe miżura ta' standardizzazzjoni li tista' tirrimedja dawn l-iżvantaġġi;

6.  Josserva li ħafna sewwieqa mhumiex konxji tal-ħtieġa ta' jew kif jinħoloq kuritur għal aċċess tal-vettura ta' emerġenza fl-awtostradi, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi standards komuni għall-ħolqien ta' dawn il-kurituri u biex tniedi kampanja ta' sensibilizzazzjoni Ewropea;

7.  Josserva li kważi nofs l-imwiet kollha fit-toroq ta' persuni mexjin fit-triq u ċiklisti jikkonċernaw persuni li għandhom aktar minn 65 sena, u li l-inċidenti tat-toroq huma l-akbar kawża ta' mwiet fost iż-żgħażagħ; jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex jagħmluha possibbli li l-anzjani u ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jużaw it-toroq b'sikurezza billi jiżviluppaw programmi rreklamati biżżejjed għall-prevenzjoni ta' inċidenti relatati mal-età;

8.  Josserva li f'51 % tal-każijiet il-vittmi tal-inċidenti fatali fit-toroq f'żoni urbani huma persuni mexjin jew ċiklisti, u għalhekk iħeġġeġ l-ibliet biex jinkludu miri fil-pjanijiet tagħhom ta' mobbiltà ħalli jnaqqsu n-numru ta' inċidenti stradali u tat-traffiku; barra minn hekk, jitlob lill-Istati Membri biex jagħtu kunsiderazzjoni akbar lil utenti iktar vulnerabbli tat-toroq, billi jindirizzaw hotspots kritiċi tal-inċidenti u billi tinbena u tinżamm infrastruttura aktar sikura bil-mixi u bir-rota jew billi tiżdied u tiġi mmodernizzata l-infrastruttura eżistenti filwaqt li jiġu żgurati wkoll indikazzjonijiet aħjar; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni ulterjuri fuq il-livell tal-UE apparti d-disponibbiltà tal-iskemi ta' finanzjament eżistenti, sabiex tiffaċilita l-progress kbir miksub għal infrastruttura taċ-ċikliżmu u biex jingħata mandat lit-teknoloġiji ġodda tas-sikurezza attiva u passiva tal-vetturi li jipproteġu b'mod partikolari lill-utenti vulnerabbli tat-toroq;

9.  Jinnota li minħabba li xi ċiklisti ma jafux ir-regolamenti tat-traffiku u/jew jonqsu milli josservawhom, xi kultant jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn is-sikurezza tagħhom stess u dik ta' utenti oħra tat-toroq ikunu pperikolati; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra liema tip ta' proposta tista' tagħmel biex tippromwovi l-użu tar-roti, u b'hekk jingħaqad mingħajr xkiel mal-mezzi l-oħra ta' mobbiltà urbana;

10.  Jinkoraġġixxi sistema ta' trasport intelliġenti (ITS) u operaturi tat-trasport pubbliku biex jiġu żviluppati aktar it-teknoloġiji għall-vetturi li jħeġġu lix-xufiera sabiex jaqilbu għal modi tat-trasport iktar sikuri meta jidħlu f'żoni urbani;

11.  Josserva li mezzi ġodda ta' trasport, bħal roti elettriċi u apparati elettriċi oħra, qed isiru dejjem aktar popolari; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni teżamina mingħajr dewmien ir-rekwiżiti ta' sikurezza għal tali vetturi, u biex tagħmel proposti dwar l-integrazzjoni sikura tagħhom fit-trasport bit-toroq, filwaqt li tqis is-sussidjarjetà;

12.  Jinnota li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-sistemi ta' sikurezza għandhom joffru s-sikurezza fit-toroq, u li dan il-proċess se jeħtieġ xi xorta ta' perjodu ta' adattament; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tippermetti ż-żmien meħtieġ biex jiġu żviluppati dawn is-sistemi qabel ma l-leġiżlazzjoni teknika speċifika tidħol fis-seħħ;

13.  Ifakkar li l-frodi tal-odometru tibqa' problema mhux trattata, b'mod speċjali fis-suq tal-karozzi użati, kif innutat il-Kummissjoni fl-istudju tagħha dwar il-funzjonament tas-suq tal-karozzi użati minn perspettiva tal-konsumatur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwistjoni ta' manipulazzjoni jew ta' tbagħbis tal-odometri permezz ta' miżuri u leġiżlazzjoni effettivi;

14.  Jinnota li aktar ma jkun hemm vetturi fit-triq, aktar ikun probabbli li jseħħu l-inċidenti; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu l-mobbiltà kollettiva u kondiviża, speċjalment f'żoni urbani, sabiex jitnaqqas l-ammont ta' vetturi fiċ-ċirkolazzjoni, kif ukoll miżuri biex jiżdied il-proporzjon ta' roti u vetturi misjuqa b'mod professjonali;

15.  Jirrimarka li t-tagħmir li għandu jinġarr b'mod obbligatorju f'vettura jvarja minn Stat Membru għal ieħor, u jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tfassal lista vinkolanti madwar l-UE ta' oġġetti li għandhom jaqgħu taħt ir-rekwiżit li jinġarru;

16.  Isostni li l-UE u ċ-ċentri tar-riċerka tagħha għandu jkollhom rwol ta' tmexxija fl-iżvilupp ta' vetturi awtonomi, peress li se jirrivoluzzjonaw is-settur awtomobilistiku, b'mod speċjali f'termini ta' sikurezza tat-toroq, billi dawn mistennija jsalvaw eluf ta' ħajjiet kull sena, kif ukoll jikkontribwixxu għad-diġitalizzazzjoni tas-suq intern;

Sistemi ta' assistenza għas-sewwieqa biex tiżdied is-sikurezza tat-traffiku fit-toroq;

17.  Jenfasizza li madwar 92 % tal-inċidenti kollha jistgħu jiġu attribwiti għal żbalji tal-bniedem jew l-interazzjoni tal-iżball tal-bniedem mal-vetturi u/jew l-infrastruttura, u li għalhekk għandu jkun obbligatorju li jiġu inkorporati biss dawk is-sistemi ta' assistenza tas-sewwieqa li jtejbu b'mod sinifikanti s-sikurezza tat-triq kif muri mill-evidenza xjentifika, li jkollhom proporzjon kost-benefiċċju favorevoli, u li jkunu kisbu maturità tas-suq; iqis li, barra minn hekk, iż-żidiet li jirriżultaw fil-prezz tax-xiri ma għandhomx ikunu tant eċċessivi li l-klijenti għal dawn il-vetturi ma jkunux jifilħu jixtruhom, u li sistemi ta' assistenza għas-sewwieqa, li huma ta' rilevanza għas-sikurezza fit-toroq, għandhom ikunu kkontrollati regolarment;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tittestja l-apparati ta' sikurezza msemmija hawn fuq meta twettaq is-sorveljanza tas-suq tal-vetturi;

19.  Iqis li l-benefiċċji ta' standards imtejba tas-sikurezza u tat-tagħmir jistgħu jinkisbu biss jekk id-dispożizzjonijiet eżistenti u futuri jiġu implimentati u infurzati b'mod effikaċi; jappella, f'dan ir-rigward, għal sorveljanza akbar fil-livell Ewropew tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip u s-servizzi tekniċi fl-Unjoni; jappella, barra minn hekk, għal sorveljanza akbar u aktar indipendenti wara t-tqegħid fis-suq ta' vetturi fit-toroq madwar l-Unjoni biex ikun żgurat li jibqgħu jikkonformaw mal-kriterji tas-sikurezza;

20.  Jenfasizza li, meta jiġu identifikati nuqqasijiet ta' konformità, il-konsumaturi Ewropej jenħtieġ li jkunu jistgħu joqogħdu fuq miżuri korrettivi rapidi, xierqa u koordinati, inkluża s-sejħa lura ta' vetturi fl-Unjoni kollha meta jkun meħtieġ; iqis li l-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jkunu responsabbli għal kwalunkwe ħsara kkawżata lis-sidien ta' vetturi affettwati b'riżultat ta' nuqqas ta' konformità jew wara sejħa lura;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-livell tas-sikurezza tal-vetturi eżistenti li jkunu qed jintużaw u biex jappoġġjaw l-iżviluppi u l-innovazzjonijiet li se jżidu s-sikurezza tal-karozzi diġà użati billi jinċentivizzaw u jippromwovu r-retrofitting ta' vetturi b'sistemi ta' sikurezza fit-triq kosteffikaċi li jgħinu lis-sewwieqa jirreaġixxu aħjar f'sitwazzjoni perikoluża;

22.  Jistieden lill-manifatturi u l-operaturi:

   (a) jagħmluha ċara għas-sewwieqa x'inhu l-istatus ta' attivazzjoni ta' kull waħda mis-sistemi ta' assistenza għas-sewwieqa;
   (b) fil-każ ta' sistemi li jistgħu jintfew, jintroduċu mekkaniżmu ta' tifi li jikkonsisti f'żewġ stadji, fejn bl-ewwel azzjoni s-sewwieq jitfi biss is-sinjal ta' twissija, u fit-tieni azzjoni jkun jista' jiddiżattiva s-sistema nnifisha;
   (c) jaraw li kull darba li s-sewwieq jerġa' jixgħel il-vettura, is-sistema ta' assistenza għas-sewwieqa terġa' tiġi attivata; and
   (d) jintroduċu politika tal-prezzijiet li tħeġġeġ lill-konsumaturi jagħżlu l-vetturi mgħammra b'tagħmir ta' sikurezza u sistemi ta' assistenza għas-sewwieqa;

23.  Jenfasizza li twissijiet evidenti għandhom ikunu distinti b'mod suffiċjenti minn xulxin biex jiżguraw li intuwittivament jagħmluha ċara għal liema sistema tappartjeni l-assistenza, u li t-twissijiet għandhom ikunu viżibbli bla ebda diffikultà għal persuni akbar fl-età, persuni b'diżabbiltà, bħal smigħ u/jew viżta batuti, u persuni b'mobbiltà mnaqqsa; jitlob, għalhekk, lill-partijiet ikkonċernati biex jadottaw standards uniformi xierqa li jippermettu l-possibbiltà ta' soluzzjonijiet li jkunu speċifiċi għall-operaturi;

24.  Jilqa' l-fatt li kważi l-karozzi kollha ttestjati mill-Programm Ewropew ta' Ttestjar tal-Karozzi Ġodda għall-konsumaturi (Euro NCAP) jingħataw ħames stilel u li l-biċċa l-kbira tal-manifatturi tal-karozzi wieġbu b'suċċess għall-isfida li jissodisfaw ir-rekwiżiti Euro NCAP il-ġodda; jinnota, madankollu li mhux il-mudelli kollha ta' karozzi mibjugħa fl-Ewropa huma ttestjati mill-Euro NCAP, u mhux dawk kollha tal-istess tip jinbiegħu bl-istess speċifikazzjoni, u dan jista' joħloq nuqqas ta' ċarezza għall-konsumaturi u għalhekk jista' jagħti livell falz ta' fiduċja fil-vettura fir-rigward tal-prestazzjoni reali tal-mudell li jkun inxtara; għalhekk, ifakkar fl-importanza ta' standard sottostanti sod ta' rekwiżiti tas-sikurezza mandatorji li jiżguraw li t-tagħmir tas-sikurezza meħtieġ kollu jkun preżenti fil-flotta kollha użata u mibjugħa fl-UE;

25.  Huwa tal-opinjoni li l-Euro NCAP għandu dejjem jirrifletti s-sikurezza tal-karozza attwali ta' mudell speċifiku, u jħeġġu biex ikun aktar ambizzjuż fl-evalwazzjoni tas-sikurezza ta' vetturi ġodda minn dawk li jġiegħluh l-ħtiġijiet statutorji minimi, u biex jieħu kont tal-ħtiġijiet statutorji minimi aġġornati, sabiex jippromwovi aktar l-iżvilupp ta' vetturi li jiżguraw livell għoli ta' standards ta' sikurezza tat-triq u biex l-Ewropa tibqa' ambizzjuża u taġixxi bħala mexxej globali tas-sikurezza tal-karozzi;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġusta d-definizzjoni tal-istandards mal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), sabiex ikun hemm koerenza fil-livell internazzjonali u, fl-istess ħin, tillimita għall-minimu l-eċċezzjonijiet għall-obbligu tal-installazzjoni ta' sistemi ta' assistenza għas-sewwieqa, sabiex tittejjeb is-sikurezza tat-traffiku fit-toroq fuq firxa wiesgħa ħafna; jenfasizza, barra minn hekk, li l-produtturi għandhom joħolqu materjali ta' informazzjoni ċara biex is-sewwieqa jiġu megħjuna jifhmu aħjar id-diversi sistemi ta' assistenza għas-sewwieqa u l-funzjonalitajiet tagħhom;

27.  Jitlob li jkun hemm approċċ Ewropew armonizzat li jqis il-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali eżistenti kollha u jiżgura l-komplementarjetà tiegħu;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-involviment ta' vetturi bi skopijiet speċifiċi f'inċidenti f'żoni urbani, u jekk ikun hemm bżonn, tneħħi l-eċċezzjonijiet eżistenti mir-rekwiżit tal-installazzjoni ta' sistemi ta' assistenza għas-sewwieqa;

29.  Jenfasizza li t-tagħlim tas-sewwieqa għandu jinkludi taħriġ perjodiku u addizzjonali fl-użu tal-mekkaniżmi ta' assistenza għas-sewwieq obbligatorji, b'attenzjoni speċjali għall-anzjani u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa; iħeġġeġ l-iskejjel tas-sewqan, minn naħa waħda, biex jinkorporaw kwistjonijiet marbuta mal-operat ta' dawn is-sistemi fit-taħriġ tagħhom ta' dawk li jkunu qed jitgħallmu, u, min-naħa l-oħra, li jabbinaw l-akkwist tal-liċenzja tas-sewqan mal-fatt li jkunu rċevew taħriġ prattiku professjonali fit-triq;

30.  Jinnota li inċentivi finanzjarji, pereżempju, għal miżuri bbażati fuq it-taxxa jew l-assigurazzjoni bħalma hija l-installazzjoni ta' sistemi addizzjonali ta' assistenza għas-sewwieqa li għandhom x'jaqsmu mas-sikurezza f'karozzi ġodda u karozzi użati jew l-inklużjoni tagħhom f'taħriġ għas-sewwieqa, jistgħu jiffaċilitaw it-tqegħid fis-suq ta' vetturi b'elementi ta' sikurezza avvanzata; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi bħal dawn;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tesiġi li l-operaturi tas-suq jipprevedu l-użu ta' standards miftuħa u punti ta' interazzjoni (interfaces) li jkomplu jtejbu l-interoperabbiltà, biex b'hekk ikunu jistgħu jitwettqu testijiet indipendenti billi jaċċessaw data rilevanti tal-vettura u tas-sistema, inklużi l-aġġornamenti tagħhom, u jkunu jistgħu jsiru minn kwalunkwe professjonist ikkwalifikat, filwaqt li tiġi rrispettata data riżervata u l-proprjetà intellettwali;

32.  Jenfasizza li għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni u ritenzjoni tad-data kif previst fir-Regolament (UE) 2016/679 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali, kif ukoll tiġi ggarantita s-sikurezza tal-IT, sabiex il-possibbiltà ta' riskji ta' inċidenti ġodda minħabba manipulazzjoni mill-bogħod ta' sistemi installati fil-vettura jew kunflitti ta' kompatibbiltà jiġu eliminati; jirrakkomanda li l-prinċipju ta' sjieda tad-data jiġi esplorat;

33.  Jisħaq fuq l-importanza li jsir użu minn informazzjoni affidabbli dwar il-pożizzjoni u l-ħin minn sistemi ta' lokalizzazzjoni bis-satellita u li tiġi applikata s-sistema EGNOS/GNSS għal sikurezza attiva fit-toroq; jitlob biex ikun hemm aktar sforzi sabiex tinkiseb preċiżjoni tas-sikurezza attiva fit-toroq EGNOS/GNSS ta' anqas minn metru wieħed, bl-għan li jkun hemm bidla mill-kapaċità tas-sistema biex tnaqqas il-veloċità tal-vettura għall-kapaċità tagħha li tintervjeni awtomatikament, u tiddevja t-trajettorja tal-vettura; jitlob li ssir promozzjoni ta' sikurezza msaħħa fit-toroq billi tintegra d-data EGNOS/GNSS attrezzat b'sistemi ta' kontroll fil-karozza;

Miżuri ta' sikurezza biex jiġu evitati l-inċidenti

34.  Jilqa' l-fatt li l-ibbrejkjar ta' emerġenza diġà huwa obbligatorju, sa minn Novembru 2015, għat-trakkijiet u x-xarabanks il-ġodda kollha fl-UE, imma jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmilha obbligatorja li jiġu installati fil-karozzi assistenti tal-ibbrejkjar ta' emerġenza awtomatiku bid-detezzjoni ta' persuni bil-mixi, ċiklisti, vetturi fuq żewġ roti u motoċiklisti, f'vetturi partikolari, vetturi kummerċjali ħfief, xarabanks, kowċis u, speċjalment, vetturi tqal tal-merkanzija, peress li dawn għandhom potenzjal qawwi li jevitaw l-inċidenti fit-toroq permezz ta' bbrejkjar b'saħħtu awtonomu u b'riżultat, distanzi għall-waqfien iqsar;

35.  Jitlob li jkun hemm disinn aktar sikur tal-parti ta' quddiem ta' vetturi tqal li jġorru l-merkanzija marbuta ma' viżjoni aħjar ta' persuni bil-mixi u ċiklisti, kif ukoll ostakli biex jiġu evitati kolliżjonijiet u jittaffew il-konsegwenzi ta' kolliżjonijiet;

36.  Jitlob l-installazzjoni obbligatorja ta' sistemi ta' assistenza intelliġenti tal-veloċità li jindikaw il-limiti tal-veloċità, is-sinjali tal-waqfien u s-sinjali tad-dawl tat-traffiku u jintervjenu biex jgħinu lis-sewwieqa biex jibqgħu taħt il-limiti tal-veloċità; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-sinjali tat-toroq jinżammu fi stat eċċellenti u b'marki tat-toroq li jinqraw b'mod ċar; jenfasizza li għat-tħaddim xieraq tas-sistemi ta' assistenza intelliġenti, jeħtieġ li jkun hemm mapep tat-toroq aġġornati online b'indikazzjonijiet tal-limiti ta' veloċità attwali;

37.  Jenfasizza li biex tittejjeb is-sikurezza tat-traffiku fit-toroq, id-deċelerazzjoni ta' vetturi għandha tiġi ssenjalata lil sewwieqa oħra fit-toroq b'mod aktar evidenti permezz ta' sinjali ċari tad-dawl fuq il-vetturi, u jistenna li jiġi introdott l-użu obbligatorju ta' indikatur tal-brejk ta' emerġenza fil-forma ta' dawl ta' bbrejkjar li jteptep jew ta' hazard lights li jteptpu;

38.  Jenfasizza li, minħabba r-rilevanza tagħha għas-sikurezza tat-traffiku fit-toroq, għandha ssir obbligatorja assistenza biex tinżamm id-direzzjoni, li tista' tiġi diżattivata, li mhux biss tagħti sinjal ta' twissija iżda tintervjeni b'mod xieraq, mingħajr ma timpedixxi l-intervent tas-sewwieq b'mod dirett; jinnota li bl-użu ta' din is-sistema ta' twissija huwa meħtieġ li marki fit-toroq jinżammu f'kondizzjoni li tiżgura li dawn ikunu jingħarfu b'mod ċar;

39.  Jenfasizza li t-twessigħ tal-viżjoni diretta għas-sewwieqa tat-trakkijiet tqal tal-merkanzija, ix-xarabanks u l-kowċis, kif ukoll it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-blind spots huma vitali biex tiżdied is-sikurezza tat-traffiku fit-toroq ta' dawn il-vetturi, jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tagħti mandat għal standards ta' viżjoni diretta differenzjati ambizzjużi u biex tagħmilha obbligatorja li jiġu installati kameras u sensors fuq quddiem, mal-ġnub u fuq wara u sistemi ta' assistenza fid-dawrien, filwaqt li tosserva li tali miżuri jkunu f'konformità mad-Direttiva (UE) 2015/719 u ma jwasslux għal xi estensjoni tal-perjodi ta' skadenzi għall-implimentazzjoni stipulati hemmhekk;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pprovduti kundizzjonijiet għall-istallazzjoni ta' tagħmir ta' interlocks tal-alkoħol u sistemi li jidentifikaw li s-sewwieq jkunu distratti jew għajjenin, u jħeġġeġ l-użu ta' interlocks tal-alkoħol għas-sewwieqa professjonali u għas-sewwieqa li jkunu kkawżaw inċident tat-traffiku taħt l-influwenza tal-alkoħol u għalhekk ikunu ġew ikkundannati għar-reat ta' sewqan taħt l-effett tal-alkoħol, bħala miżura ta' rijabilitazzjoni;

41.  Josserva li t-trakkijiet huma involuti fi 15 % tal-inċidenti fatali tat-traffiku, u li l-utenti vulnerabbli tat-triq jammontaw għal bejn wieħed u ieħor 1 000 fatalità kull sena li jkunu relatati mat-trakkijiet; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni taċċelera l-introduzzjoni mandatorja għat-trakkijiet ta' standards ambizzjużi ta' viżjoni diretta differenzjata, ta' assistenza tal-veloċità intelliġenti, u ta' sistemi awtomatiċi ta' bbrejkjar f'każ ta' emerġenza bid-detezzjoni taċ-ċiklisti u ta' persuni bil-mixi;

Miżuri ta' sikurezza bl-iskop li jittaffew il-konsegwenzi ta' inċidenti

42.  Josserva li l-pressjoni tat-tajers għandha implikazzjonijiet sinifikanti għas-sikurezza tat-traffiku fit-toroq u l-konsum tal-fjuwil kif ukoll għall-emissjonijiet; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tagħmel is-sistemi diretti ta' monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers obbligatorji; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tittrasponi fil-liġi tal-UE l-emendi tas-sistemi ta' kejl tal-pressjoni tat-tajers immirati għat-tħaddim tajjeb ta' dawn is-sistemi f'kundizzjonijiet tad-dinja reali miftiehma fil-UNECE;

43.  Iqis li huwa neċessarju li jsir obbligatorju li jiġu installati sistemi intelliġenti ta' tfakkira taċ-ċinturin tas-sikurezza għas-sedili kollha ta' quddiem għall-vetturi kollha u għal sedili fuq wara għal vetturi M1 u N1;

44.  Iqis li huwa importanti li ssir obbligatorja li jiġu installati sistemi ta' aġġustament taċ-ċintorini tas-sikurezza għas-sedili ta' wara biex jiġi evitat dannu għall-għonq;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, mill-2019, testendi r-rekwiżit tal-istallazzjoni eCall fil-muturi, vetturi tqal tal-merkanzija u x-xarabanks u l-kowċis, u wkoll biex is-sistema ssir disponibbli għar-retrofitting sabiex ikun żgurat li tkun tista' tkopri l-ogħla numru possibbli ta' vetturi fit-toroq;

46.  Jitlob statistika preċiża u affidabbli dwar l-inċidenti madwar l-UE, inkluż statistika dwar il-kawżi tal-inċidenti, data tal-espożizzjoni u lista ta' korrimenti u persuni involuti fl-inċidenti, u josserva li data recorder tal-inċidenti jista' jkun utli ħafna għal dan l-iskop, fejn id-data trid tibqa' anonima u tintuża esklussivament għal raġunijiet ta' riċerka tal-inċidenti;

47.  Jitlob li tinġabar data fl-UE kollha fuq persuni fil-vetturi maqtula jew midruba minn kawża oħra ħlief dik ta' kolliżjonijiet; jinnota li ma hemm l-ebda data disponibbli dwar persuni midruba minħabba xemxati fil-karozzi;

48.  Jitlob li jkun hemm regoli aħjar dwar is-sikurezza min-nar għax-xarabanks u l-kowċis b'tipi differenti ta' enerġija, inklużi xarabanks imħaddma bis-CNG, biex tiġi mmassimizzata l-protezzjoni tas-sikurezza tal-passiġġieri;

49.  Josserva li protezzjoni tal-underrun ta' quddiem tat-trakkijiet iddisinnjata mill-ġdid tista' tnaqqas b'20 % l-kolliżjonijiet ta' ras imb'ras bejn karozzi u trakkijiet; jistieden lill-Kummissjoni tagħti mandat għal protezzjoni mtejba tal-underrun ta' quddiem li jassorbi l-enerġija għat-trakkijiet il-ġodda kollha;

50.  Jitlob testijiet ta' kolliżjoni obbligatorji għan-naħa ta' quddiem, il-ġenb u wara tal-vetturi għal:

   (a) vetturi off-road (SUVs) b'pożizzjoni elevata tas-sedili u piż massimu ta' aktar minn 2 500 kg, and
   (b) vetturi li jaħdmu bl-elettriku u vetturi b'sistemi ta' propulsjoni oħra ġodda;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna wkoll r-rekwiżiti ta' ttestjar għal sistemi ta' sikurezza passivi ta' vetturi bil-mutur sabiex tiġi inkluża l-protezzjoni tal-utenti kollha vulnerabbli tat-toroq f'impatti fuq quddiem u fuq wara, li jinkludu mhux biss persuni bil-mixi iżda wkoll iċ-ċiklisti;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li s-suq ikollu perjodu ta' żmien realistiku u twil biżżejjed biex jiġu adottati dawn il-miżuri;

53.  Jenfasizza li d-Direttiva (UE) 2015/719 dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet ta' vetturi tqal tal-merkanzija għandha potenzjal kbir biex ittejjeb is-sikurezza tat-trakkijiet; jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef il-ħidma fuq din id-direttiva u tressaq il-valutazzjoni tagħha mingħajr dewmien;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1.
(2) ĠU L 35, 4.2.2009, p. 1.
(3) ĠU L 127, 29.4.2014, p. 134.
(4) ĠU L 68, 13.3.2015, p. 9.
(5) ĠU L 115, 6.5.2015, p. 1.
(6) ĠU L 123, 19.5.2015, p. 77.
(7) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 155.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0228.
(9) ĠU C 75, 26.2.2016, p. 49.
(10) ĠU C 56E, 26.2.2013, p. 54.
(11) ĠU C 168E, 14.6.2013, p. 72.

Avviż legali