Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2245(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0329/2017

Testi mressqa :

A8-0329/2017

Dibattiti :

PV 13/11/2017 - 19
CRE 13/11/2017 - 19

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2017 - 5.6
CRE 14/11/2017 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0427

Testi adottati
PDF 487kWORD 66k
It-Tlieta, 14 ta' Novembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
L-użu ta' strumenti tal-politika ta' koeżjoni mir-reġjuni biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku
P8_TA(2017)0427A8-0329/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2017 dwar l-użu ta' strumenti tal-politika ta' koeżjoni mir-reġjuni biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku (2016/2245(INI))

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-Artikoli 174 u 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni speċjali tal-gżejjer(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali(8),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 dwar il-politika ta' koeżjoni fir-reġjuni muntanjużi tal-Unjoni Ewropea(9),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet(10),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 dwar għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni 2014–2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)(11),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar it-tibdil demografiku u l-konsegwenzi tiegħu għall-politika ta' koeżjoni futura tal-UE(12),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2010 dwar l-isfida demografika u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(13),

—  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar l-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni muntanjużi, tal-gżejjer u ta' żoni li fihom ma tantx jgħixu nies(14),

—  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa(15),

—  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-isfidi demografiċi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(16),

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni intitolat "The 2015 Ageing Report. Economic and budgetary projections for the 28 EU Member States (2013-2060)" (Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2015. Tbassir ekonomiku u baġitarju għat-28 Stat Membru tal-UE) (European Economy 3|2015),

—  wara li kkunsidra s-Sitt Rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bit-titolu "Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir: Il-promozzjoni tal-iżvilupp u tal-governanza tajba fir-reġjuni u l-ibliet tal-UE" tat-23 ta' Lulju 2014,

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 intitolata "Inizjattiva ta' appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu" (COM(2017)0252),

—  wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2009 bit-titolu "Kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjieħ tal-popolazzjoni fl-UE (Ir-Rapport dwar it-Tixjieħ 2009)" (COM(2009)0180),

—  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2007 bit-titolu ''Il-Promozzjoni tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet'' (COM(2007)0244),

—  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2006 intitolata "Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa, il-bidla ta' sfida f'opportunità" (COM(2006)0571),

—  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Marzu 2005 bit-titolu "Green Paper: "Quddiem it-tibdiliet demografiċi: solidarjetà ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet"" (COM(2005)0094),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

—  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar Ir-rispons tal-UE għall-isfida demografika(17),

—  wara li kkunsidra l-istudju datat Settembru 2013 tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, intitolat "Il-politiki reġjonali u ta' koeżjoni kif jistgħu jindirizzaw l-isfidi demografiċi?",

—  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni ESPON dwar "Niżvelaw il-potenzjalitajiet territorjali u t-tiswir ta' politiki ġodda f'tipi speċifiċi ta' territorji fl-Ewropa: gżejjer, muntanji, żoni b'popolazzjoni baxxa u reġjuni kostali"(18),

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0329/2017),

A.  billi t-tibdil demografiku huwa problema reali fl-Ewropa u madwar id-dinja u jikkostitwixxi sfida ewlenija, mhux biss b'mod ġenerali iżda wkoll għall-iżvilupp lokali u territorjali u t-titjib tal-politiki fl-UE llum, flimkien ma' kwistjonijiet relatati mal-impjieg, il-globalizzazzjoni bla kontroll, it-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni lejn ekonomiji b'livell baxx ta' karbonju u l-isfidi li ġġib magħha l-bidla industrijali u teknoloġika u l-inklużjoni soċjali u ekonomika;

B.  billi, kif inhu l-każ f'ħafna soċjetajiet postindustrijali, il-popolazzjoni tal-Ewropa kienet ikkaratterizzata minn żieda fil-lonġevità u rati ta' fertilità baxxi għal diversi għexieren ta' snin, u dan huwa suxxettibbli li jibdel l-istruttura tal-popolazzjoni u l-piramida tal-età, u jista' jwassal għal effetti sekondarji ta' popolazzjoni ta' età tax-xogħol li dejjem qiegħda tonqos u ta' popolazzjoni li qed tixjiħ; billi l-kriżi ekonomika li laqtet lill-Unjoni Ewropea kollha kellha impatt kbir fuq ħafna setturi u reġjuni, partikolarment fuq il-kampanja, u b'mod partikolari ġġenerat faqar u depopolazzjoni; billi d-differenza persistenti bejn il-pagi u fil-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa tfixkel b'mod qawwi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

C.  billi t-tkabbir rapidu tal-popolazzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u t-tnaqqis demografiku fil-popolazzjoni tal-UE huwa mbassar li jiġu tradotti fi tnaqqis tal-persentaġġ tal-Unjoni Ewropea tal-popolazzjoni dinjija minn 6.9 % fl-2015 għal 5.1 % fl-2060(19);

D.  billi huwa mbassar li 132 minn 273 reġjun tal-livell NUTS 2 se jaraw tnaqqis fil-popolazzjoni bejn l-2015 u l-2050(20); billi dan it-tnaqqis se jolqot lill-Unitajiet Amministrattivi Lokali (LAUs) b'mod partikolari;

E.  billi l-prijorità ewlenija tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri kollha hija li jiġi promoss tkabbir li jkun fl-istess waqt intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

F.  billi fatturi ġeografiċi u demografiċi jservu biex jitħarrxu l-problemi tal-iżvilupp; billi, għal din ir-raġuni, it-Trattat ta' Lisbona żied il-koeżjoni territorjali mal-miri tal-koeżjoni ekonomika u soċjali;

G.  billi t-tibdil demografiku ma jaffettwax lill-pajjiżi u r-reġjuni kollha b'mod uniformi, kemm minħabba d-dinamika naturali tiegħu kif ukoll minħabba l-movimenti migratorji li dan jinvolvi, fejn il-biċċa l-kbira taż-żoni urbani u, b'mod partikolari, l-inħawi metropolitani qed jesperjenzaw żieda fil-popolazzjoni u l-parti l-kbira taż-żoni rurali u ż-żoni mbiegħda qed jesperjenzaw deklin, filwaqt li l-istampa hija waħda mħallta ħafna fir-reġjuni ultraperiferiċi; billi dawn l-iżbilanċi qed jippreżentaw sfidi kbar kemm għal territorji li jsofru minn depopolazzjoni kif ukoll għal dawk li jesperjenzaw influss ta' popolazzjoni; billi ż-żoni iżolati u ż-żoni li għalihom l-aċċess huwa limitat huma dawk l-aktar esposti għal tnaqqis demografiku; billi, mill-banda l-oħra, jenħtieġ li jiġu enfasizzati l-effetti tas-"suburbanizzazzjoni", li, bħala konsegwenza ta' movimenti kbar tal-popolazzjoni mill-bliet kbar għar-reġjuni ta' madwarhom, li jitfgħu pressjoni fuq l-awtoritajiet kemm lokali kif ukoll reġjonali;

H.  billi r-reġjuni Ewropej mhumiex meded uniformi ta' territorju; billi dawn jistgħu jinkludu żoni ta' qgħad u faqar u jiffaċċjaw sfidi partikolari, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mat-tibdil demografiku, li jagħmilha essenzjali li jitwaqqfu strumenti mmirati li jnaqqsu d-differenzi subreġjonali u jġibu bilanċ territorjali aħjar f'termini ta' żoni urbani, periurbani u rurali;

I.  billi n-nisa, u b'mod partikolari l-ommijiet waħedhom, huma aktar esposti għall-faqar u l-esklużjoni;

J.  billi t-tibdil demografiku jippreżenta sfida fl-iżgurar tal-koeżjoni soċjali u l-benesseri tal-popolazzjoni kollha, u fil-promozzjoni ta' żvilupp ekonomiku bilanċjat; billi t-tibdil demografiku għandu riperkussjonijiet fuq l-infrastruttura, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi, u dan ifisser problemi ta' konnettività jew iżolament mediku, u huwa spiss riżultat ta' konnessjonijiet insuffiċjenti bejn il-popolazzjonijiet urbani u rurali;

K.  billi t-tibdil demografiku jinvolvi sfidi ewlenin ta' strateġija politika f'oqsma differenti marbuta ma' firxa wiesgħa ta' oqsma tal-politika ta' koeżjoni; billi l-politika reġjonali u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), inkluż il-Fond ta' Koeżjoni, huma strumenti ewlenin għal dan it-tibdil;

L.  billi f'żoni mhux urbanizzati fl-Unjoni Ewropea jgħixu 113-il miljun ruħ, hemm 12-il miljun ażjenda agrikola u 172 miljun ettaru ta' art agrikola u jagħmlu kontribut estensiv għall-ekonomiji, il-kulturi u l-ekosistemi Ewropej;

M.  billi infrastruttura adegwata u livell adegwat ta' servizzi huma fatturi importanti fil-ġestjoni tal-istruttura tal-popolazzjoni f'reġjuni li huma ftit li xejn popolati jew li jbatu minn emigrazzjoni, fejn l-importanza tal-investiment u l-impjiegi hija ikbar;

N.  billi infrastruttura adegwata u l-aċċess għal servizzi pubbliċi u impjiegi ta' kwalità huma fatturi importanti li jinfluwenzaw id-deċiżjoni ta' jekk wieħed joqgħodx f'żona partikolari;

O.  billi n-nisa huma aktar esposti għall-faqar u l-esklużjoni soċjali mill-irġiel – aktar u aktar meta jkollhom aktar minn 60 sena;

P.  billi t-tibdil demografiku għandu impatt ikbar fuq reġjuni li qed jaqgħu lura;

Q.  billi t-tibdil demografiku li qed jaffettwa ż-żoni rurali għandu konsegwenzi ekonomiċi u soċjali, jikkawża frammentazzjoni territorjali u jaffettwa l-kwalità tal-ħajja u tal-ambjent, minbarra l-konsegwenzi demografiċi serji tiegħu;

R.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija dritt fundamentali, valur komuni tal-UE, u kundizzjoni meħtieġa għall-kisba tal-għanijiet tal-UE tat-tkabbir, l-impjieg u l-koeżjoni soċjali;

S.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi tirrappreżenta għodda importanti għall-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali;

T.  billi t-tibdil demografiku negattiv iżid id-domanda għal solidarjetà aktar qawwija bejn il-ġenerazzjonijiet;

Ġenerali

1.  Jenfasizza li t-tibdil demografiku jġib miegħu diffikultajiet ekonomiċi, soċjali, fiskali u pressjonijiet ambjentali fuq il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali f'dak li għandu x'jaqsam mal-għoti tas-servizzi pubbliċi, b'mod partikolari s-servizzi soċjali u tal-benessri, il-bini u l-ġestjoni ta' infrastruttura, u l-iżgurar tal-preżervazzjoni tal-ekosistemi permezz ta' ġestjoni sostenibbli tat-territorju; jenfasizza li dawn il-pressjonijiet se jiħraxu minħabba l-popolazzjoni attiva li qed tonqos u l-proporzjon ta' dipendenza ogħla; jenfasizza r-rwol kruċjali tas-servizzi pubbliċi u privati ta' kwalità għolja; jenfasizza l-importanza ta' servizzi pubbliċi u privati aċċessibbli ta' kwalità għolja u affordabbli bħala għodda biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Iqis li t-tibdil demografiku għandu jiġi indirizzat b'mod koordinat permezz tal-azzjoni tal-awtoritajiet kollha Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali u billi jiġu segwiti strateġiji ta' adattament li jirriflettu r-realtajiet lokali u reġjonali u joffru governanza f'diversi livelli li tkun effettiva kemm fl-istruttura ta' dawn il-politiki speċifiċi mmirati lejn reġjuni partikolari kif ukoll fl-implimentazzjoni tagħhom; huwa tal-fehma li tali reazzjoni kkoordinata u integrata għandha timmira li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u tipprovdilhom opportunitajiet ekonomiċi aħjar, u għandha tfittex li tinvesti fil-kwalità, id-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta' servizzi pubbliċi u soċjali fir-reġjuni kkonċernati; iqis, barra minn hekk, li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra għandhom ikunu involuti wkoll; jirrimarka li kwalunkwe approċċ komprensiv għandu jirrifletti r-rwol tal-bliet, iż-żoni rurali, iż-żoni tas-sajd u ż-żoni kostali, kif ukoll żoni li jiffaċċjaw problemi speċifiċi minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew demografika tagħhom, u li, għaldaqstant, l-imsemmi approċċ se jkollu wkoll iqis l-isfidi speċifiċi tal-aktar reġjuni mbiegħda, ir-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi, kif espressament rikonoxxut fit-Trattat ta' Lisbona; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu l-effetti ta' politiki differenti fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tibdil demografiku;

3.  Jirrikonoxxi li l-tibdil demografiku, filwaqt li jġib miegħu sfidi ġodda, joffri wkoll opportunitajiet ta' żvilupp fil-livell lokali, bħala riżultat tal-bidliet fid-domanda f'soċjetajiet urbani, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-ikel, id-divertiment u l-mistrieħ, permezz tal-potenzjal tal-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd li jipproduċu prodotti ta' kwalità għolja, sikuri u distintivi; iqis li t-turiżmu rurali b'mod ġenerali u l-ekoturiżmu, il-kummerċ elettroniku, is-servizzi bbażati fuq il-komunità u l-ekonomija tal-anzjani b'mod partikolari jipprovdu wkoll opportunitajiet għall-iżvilupp fil-livell lokali, filwaqt li jivvalorizzaw prodotti domestiċi agrikoli jew mhux agrikoli, bħalma huma l-prodotti magħmula bl-idejn, ir-rakkmu u ċ-ċeramika, permezz ta' sistema Ewropea ta' protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti biex jingħata appoġġ lir-reġjuni u t-territorji fl-identifikazzjoni ta' attivitajiet b'valur miżjud għoli u attraenti biex jinbnew ekosistemi ta' innovazzjoni fuq il-bażi ta' strateġija ta' żvilupp rurali ġenwina multifunzjonali li tinkorpora l-ekonomija ċirkolari fl-ippjanar reġjonali; jinnota li l-agroturiżmu, li jgħin biex iżomm stil ta' ħajja dinamiku fiż-żoni rurali, ukoll huwa settur sinifikanti; jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali u li s-sħab soċjali jiġu inklużi flimkien ma' partijiet interessati u awtoritajiet lokali oħra fil-fażijiet kollha tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE biex jiġu antiċipati l-effetti tat-tibdil demografiku fuq is-swieq tax-xogħol lokali u jiġu żviluppati strateġiji ġodda li jindirizzaw dawn l-isfidi;

Karatteristiċi tat-tibdil demografiku fl-UE

4.  Jinnota li l-problemi prinċipali marbuta mat-tibdil demografiku li qed jesperjenzaw bħalissa ħafna partijiet tal-UE huma marbuta mat-tixjiħ dovut għat-taqlib tal-piramida tal-etajiet, tnaqqis fir-rati ta' twelid u tnaqqis drastiku sussegwenti fil-popolazzjonijiet ta' trabi u żgħażagħ, depopolazzjoni kostanti, skarsezzi ta' forza tax-xogħol b'ħiliet, nuqqas ta' impjiegi, żgħażagħ li jitilqu miż-żona minħabba nuqqas ta' opportunitajiet ta' xogħol u bidliet fl-istruttura demografika; jirrikonoxxi li l-politika attwali dwar l-agrikoltura, it-telf tal-attivitajiet tradizzjonali, prodotti, sistemi ta' produzzjoni, il-forza tax-xogħol u l-għarfien espert lokali, ix-xogħol inviżibbli mwettaq min-nisa, in-nuqqas ta' intraprenditorija, reġjuni li waqgħu lura jew li ma jistgħux jikkompetu minħabba nuqqas ta' investiment, jew telf ta' bijodiversità, u t-telf ta' msaġar għall-arbuxelli u r-riskju ta' nirien, huma problemi sinifikanti ulterjuri konnessi mat-tibdil demografiku; jenfasizza li l-impatt ta' dawn it-tendenzi jvarja b'mod sinifikanti minn reġjun għall-ieħor, parzjalment minħabba ċ-ċaqliq tal-persuni lejn ċentri urbani kbar sabiex isibu x-xogħol;

5.  Jenfasizza li wieħed mill-objettivi ewlenin ta' politika demografika tal-UE għandu jkun li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-territorji bi żbilanċi demografiċi u l-karatteristiċi speċifiċi ta' dawk it-territorji, fatturi li l-politika ta' koeżjoni ilha tfittex li tadatta għalihom, u li se jkollha tagħmel ħafna iktar sabiex tadatta għalihom wara l-2020; jenfasizza l-fatt li filwaqt li t-tibdil demografiku jaffettwa ż-żoni kollha, kemm dawk rurali kif ukoll dawk urbani, l-implikazzjonijiet tiegħu jvarjaw u jiddependu fuq fatturi differenti bħall-intensità u r-ritmu li bih iseħħ it-tibdil jew jekk dan jolqotx ir-reġjuni b'immigrazzjoni netta jew ir-reġjuni b'popolazzjoni li qed tiċkien;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi u appoġġati l-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju rurali u fil-muntanji li, bl-użu ta' tekniki u metodi ta' produzzjoni tradizzjonali li jisfruttaw ir-riżorsi naturali, bħall-mergħat u tipi differenti ta' għelejjel li jintużaw għall-għalf tal-annimali — b'mod integrat u sostenibbli, jipproduċu prodotti b'karatteristiċi speċifiċi ta' kwalità u jistgħu jservu biex ireġġgħu lura jew tnaqqas id-depopolazzjoni f'dawk l-oqsma;

7.  Jenfasizza li l-fenomeni demografiċi li qed jolqtu lill-Unjoni mhumiex ġodda, iżda issa żdiedu b'intensità mingħajr preċedent, b'mod partikolari bħala riżultat ta' pressjonijiet soċjali u ekonomiċi; jiġbed l-attenzjoni dwar iż-żieda kostanti fl-għadd ta' persuni anzjani — madwar 2 miljuni kull sena jilħqu l-età ta' 60 sena — li tħalli impatt fuq l-ippjanar spazjali, l-akkomodazzjoni u t-trasport u fuq tipi oħra ta' infrastruttura u servizzi; jinnota bi tħassib li r-reġjuni kkaratterizzati minn tnaqqis sinifikanti fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol se jintlaqtu b'mod partikolarment ħażin mill-isfidi demografiċi; jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' investiment, l-infrastruttura fqira, ir-rati baxxi ta' konnettività, l-aċċess limitat għal servizzi soċjali u n-nuqqas ta' impjiegi huma fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għad-depopolazzjoni; jenfasizza li l-bidliet demografiċi jista' jkollhom impatt konsiderevoli fuq il-pensjonijiet u fuq is-sostenibbiltà ambjentali b'mod partikolari, peress li d-depopolazzjoni taż-żoni rurali u ż-żieda fl-urbanizzazzjoni jolqtu l-ekosistemi, il-konservazzjoni tan-natura u l-użu tar-riżorsi naturali, b'riperkussjonijiet partikolari fuq l-użu tal-art urbana, l-infrastruttura, is-swieq tad-djar u ż-żoni ħodor;

8.  Iqis li d-dimensjoni tal-ġeneru tat-tibdil demografiku għandha tiġi kkunsidrata b'mod trażversali, billi r-reġjuni li qed jesperjenzaw deklin demografiku qed isofru wkoll minn żbilanċi tal-ġeneri u tal-etajiet minħabba l-emigrazzjoni ('l barra???); jemmen li l-isfidi ppreżentati mit-tibdil demografiku jistgħu u jeħtieġ jiġu indirizzati fi ħdan qafas ta' politika li jiffavorixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi, u huwa għalhekk li l-ugwaljanza bejn is-sessi trid tiġi kkunsidrata fid-dibattiti dwar il-kwistjonijiet kollha marbuta ma' kwistjonijiet demografiċi; iqis, għalhekk, li l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fi ħdan il-Fondi SIE kollha għandha tkompli tissaħħaħ fil-ġejjieni;

9.   Ifakkar li l-Istrateġija Ewropa 2020 tindirizza l-isfidi demografiċi f'ħafna mis-seba' inizjattivi ewlenin tagħha, li kienu ddiżinjati biex jingħelbu l-problemi u jiġu stabbiliti l-prijoritajiet vitali għall-UE fl-oqsma tal-impjieg, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, it-tnaqqis tal-faqar, u l-klima u l-enerġija; jinnota li parti fundamentali mill-implimentazzjoni tal-istrateġija u tal-inizjattivi ewlenin tagħha hija bbażata fuq appoġġ finanzjarju permezz tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni, inklużi dispożizzjonijiet biex jindirizzaw it-tibdil u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, u li dawn id-dimensjonijiet jeħtieġ li jiġu enfasizzati fl-istrumenti kollha tal-Unjoni Ewropea;

10.  Iqis li l-isfidi tal-popolazzjonijiet li qed jonqsu u jixjieħu se jkollhom bżonn objettiv, rivalutazzjonijiet dettaljati u komprensivi ta' ħafna politiki u programmi ekonomiċi, soċjali u politiċi stabbiliti, li se jeħtieġu li jinkorporaw perspettiva fit-tul;

Il-koordinazzjoni tal-politiki tal-UE

11.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni akbar bejn l-istrumenti tal-UE, b'mod partikolari l-Politika Agrikola Komuni, il-Fondi SIE inkluż il-Fond ta' Koeżjoni, il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, biex jiġi żgurat approċċ aktar komprensiv għat-tibdil demografiku; jissuġġerixxi li, minħabba li l-mekkaniżmi użati s'issa ma żammewx lura l-avvanż tal-iżbilanċi demografiċi, jeħtieġ isir rieżami tal-politiki eżistenti u tal-funzjonament tal-mekkaniżmi kollha ta' dan it-tip; jilqa', f'dan il-kuntest, l-isforzi li saru biex jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn il-Fondi SIE u l-FEIS; jistieden lill-Kummissjoni għal darb' oħra biex tipproponi strateġija dwar it-tibdil demografiku li tipprijoritizza l-oqsma li ġejjin: xogħol deċenti u relazzjonijiet industrijali ta' kwalità tajba, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għal forom ġodda ta' impjiegi u r-rwol soċjali tagħhom; l-aspett territorjali tal-politiki li jippromwovu l-attività ekonomika u l-impjieg; il-promozzjoni tal-infrastruttura bħala fattur li jinfluwenza l-lok ta' negozju, biex it-territorji li qed jiffaċċjaw sfidi demografiċi isiru aċċessibbli u kompetittivi; kopertura mifruxa tal-ICT, kompetittiva fir-rigward kemm tal-kwalità kif ukoll tal-prezz, f'territorji fejn id-densità tal-popolazzjoni hija aktar baxxa; il-provvediment ta' servizzi tas-sigurtà soċjali bażiċi f'territorji li qed jiffaċċjaw sfidi demografiċi; it-trasport pubbliku lokali biex jiġi żgurat l-aċċess għas-servizzi pubbliċi; politiki mfassla biex jiżguraw bilanċ aħjar bejn l-impenji tal-familja u dawk professjonali, tiġdid ġenerazzjonali sostenibbli u kura adegwata għall-persuni dipendenti; politiki dwar l-akkoljenza, l-integrazzjoni u r-ritorn ta' migranti u rifuġjati taħt protezzjoni internazzjonali; u l-użu estensiv ta' ambjenti ġodda u aktar attraenti biex titwassal l-informazzjoni dwar il-ħajja rurali; jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi eżistenti bħas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu, Għajxien Megħjun Kuntestwalment (AAL) u l-Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni Diġitali u Saħħa tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT); jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-soluzzjonijiet żviluppati diġà minn dawn l-inizjattivi meta jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi li jiffaċċjaw ir-reġjuni Ewropej; jenfasizza l-importanza tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-Tagħlim tul il-Ħajja bħala mezz ta' appoġġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ f'żoni fejn jeżisti r-riskju ta' depopolazzjoni; iqis li l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar għandha teħtieġ li l-analiżi tal-impatt imwettqa qabel kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva tal-UE tinkludi l-effetti li dawn l-inizjattivi jista' jkollhom fuq id-demografija;

12.  Jenfasizza l-importanza li l-UE tinkorpora kunsiderazzjonijiet demografiċi fl-ispettru politiku kollu, fosthom fl-intestaturi baġitarji tagħha, sabiex ikun possibbli l-iżvilupp ta' dawn il-politiki, b'mod partikolari fir-rigward tal-koeżjoni, l-impjieg, l-agrikoltura, l-ambjent, is-soċjetà tal-informazzjoni, ir-RŻI (riċerka, żvilupp u innovazzjoni), l-edukazzjoni, il-politika soċjali, u t-trasport; jikkunsidra li s-sejbiet fir-rapporti dwar l-impatt demografiku jridu jiġu inkorporati fit-tfassil tal-politiki tagħha u l-kriterji demografiċi meqjusa fil-valutazzjonijiet tal-eżiti u tal-effetti mhux mixtieqa ta' dawk il-politiki bl-għan li jiġi ffavorit approċċ lejn it-tibdil demografiku li jinkludi l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali; huwa tal-opinjoni li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil żoni rurali li qed iħabbtu wiċċhom ma' dawn il-problemi demografiċi b'mod partikolarment qawwi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-potenzjal tal-inizjattiva għal Irħula Intelliġenti, li permezz ta' teknoloġiji moderni bħall-5G u l-innovazzjoni, komunitajiet rurali jistgħu jingħataw ħajja ġdida; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' kooperazzjoni msaħħa bejn żoni rurali u dawk urbani; jenfasizza l-importanza li jiġi pprovdut aċċess universali għal servizzi pubbliċi u infrastrutturi ta' kwalità għolja u bi prezz aċċessibbli, inklużi s-servizzi pubbliċi u infrastrutturi diġitali, b'mod partikolari għat-tfal, iż-żgħażagħ u l-anzjani, sabiex titrawwem l-inklużjoni soċjali, tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi u jittaffew il-konsegwenzi tat-tibdil demografiku; jenfasizza l-importanza li jiġu pprovduti opportunitajiet ġodda ta' impjieg bi ħlas, b'mod partikolari f'żoni fejn jeżisti r-riskju ta' depopolazzjoni, sabiex jiġu ppreservati l-komunitajiet u jinħolqu l-kundizzjonijiet li jiffaċilitaw bilanċ sodisfaċenti bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; iqis li huwa importanti li ssir enfasi fuq viżjoni ġeografika globali taż-żoni urbani u rurali bħala spazji funzjonali komplementari; jenfasizza li hi meħtieġa integrazzjoni akbar bejn id-diversi fondi, sabiex ikun hemm ġenwinament parteċipattiv u sostenibbli; jindika li l-politika demografika tal-UE għandha timmira li tkun aktar kompluta u aktar koordinata mal-Istati Membri u orizzontalment; ifakkar li l-Unjoni Ewropea mhux biss tikkontribwixxi fondi għall-iżvilupp reġjonali iżda wkoll tifforma, fil-parti l-kbira, il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jużaw il-fondi tagħhom stess biex jiġġieldu l-inugwaljanzi territorjali soċjali; jenfasizza li anki jekk, bħala riżultat tal-immodernizzar tal-għajnuna mill-Istat, dawk l-eċċezzjonijiet li għalihom notifika mhix meħtieġa ġew simplifikati u se jiżdiedu fin-numru, il-qafas attwali għadu kumpless u peżanti ħafna għal awtoritajiet reġjonali u lokali iżgħar; iqis li minkejja li r-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku ġew simplifikati fl-2014, xorta għad hemm wisq ostakli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali żgħar biex dawn ikunu jistgħu itejbu l-ekonomija ta' dawn iż-żoni sensittivi;

13.  Iqis li l-UE għandha tappoġġja l-politiki tal-immigrazzjoni u l-inklużjoni fl-Istati Membri, billi jiġu rrispettati d-drittijiet u l-kompetenzi ta' dawk l-Istati Membri, kif ukoll il-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun ix-xejriet demografiċi negattivi; jenfasizza r-rwol sinifikanti tal-politiki favur il-ħolqien u l-appoġġ tal-familji; jemmen li l-entitajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu awtorizzati jimplimentaw b'suċċess politiki ta' integrazzjoni fil-post; huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jipparteċipaw b'mod attiv fil-miżuri meħuda biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi; jitlob li l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż iqisu d-disparitajiet u l-iżbilanċi reġjonali bejn ir-reġjuni fi ħdan l-Istati Membri; iqis li f'reġjuni konfinali, tali kooperazzjoni trid tirrifletti kemm id-domandi kif ukoll l-ambitu għall-inizjattivi transkonfinali; jissuġġerixxi l-iżvilupp ta' programmi ta' taħriġ f'dan il-qasam, biex il-kwistjonijiet involuti jinftiehmu aħjar u tinħoloq kuxjenza akbar dwarhom; iqis li l-indirizzar ta' problemi demografiċi jrid ikun parti integrali fl-Ewropa kollha u li s-soluzzjoni ta' problema f'parti mill-kontinent m'għandhiex ikollha effetti negattivi fuq bnadi oħra tal-Ewropa; jappella għall-ħolqien, f'livell pan-Ewropew, ta' netwerks għall-iskambju ta' prattiki tajba u esperjenzi li permezz tagħhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll l-atturi tas-soċjetà ċivili, jistgħu jedukaw lil xulxin dwar l-indirizzar ta' kwistjonijiet maħluqa mit-tibdil demografiku;

Tissaħħaħ l-effikaċja tal-fondi Ewropej

14.  Jenfasizza li l-Fondi SIE jridu jindirizzaw it-tibdil demografiku b'mod aktar effettiv fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, permezz ta': fokus akbar u iktar immirat fuq it-tibdil demografiku bħala qasam ta' prijorità fir-regolamenti finali u fil-linji gwida biex jiġu appoġġati l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-gvernijiet lokali, u l-esplorazzjoni tal-potenzjal tal-Fondi SIE bl-għan li jiġi indirizzat it-tibdil demografiku u li jitfasslu u jiġu implimentati ftehimiet ta' assoċjazzjoni u programmi operazzjonali; approċċ proattiv iktar fit-tfassil tal-politika demografika u l-iskambju ta' prattiki u esperjenzi tajba għat-tagħlim istituzzjonali; appoġġ tekniku għall-awtoritajiet ta' ġestjoni u l-partijiet interessati lokali fl-implimentazzjoni ta' politiki effettivi li jindirizzaw it-tibdil demografiku fil-livell nazzjonali kif ukoll reġjonali; u l-parteċipazzjoni attiva obbligatorja tal-awtoritajiet lokali fit-tfassil, fil-ġestjoni u fl-evalwazzjoni interna tal-programmi li jimplimentaw il-fondi u l-identifikazzjoni meħtieġa ta' reġjuni li qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi demografiċi fil-livell ta' NUTS 3 u tal-unitajiet amministrattivi lokali (LAUs); iħeġġeġ l-għoti ta' appoġġ tekniku u taħriġ lill-partijiet interessati lokali u lill-awtoritajiet ta' ġestjoni biex jiġu implimentati politiki effettivi li jindirizzaw it-tibdil demografiku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; huwa tal-fehma li f'xi Stati Membri, is-sussidji fil-livell NUTS 2 sikwit jaħbu inugwaljanzi soċjoterritorjali, intrareġjonali u saħansitra suprareġjonali; jitlob li l-mapep tal-UE jużaw skala suffiċjenti biex tirrifletti l-problemi relatati mat-territorju, sabiex ikunu jistgħu jgħinu biex l-appoġġ ikun iffukat fuq iż-żoni l-aktar żvantaġġati;

15.  Jitlob li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jagħti kontribut ikbar u jipprovdi aktar appoġġ biex jiġu megħjuna żoni b'indiċijiet għoljin ta' tixjiħ, ruralità u depopolazzjoni biex titejjeb l-infrastruttura tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet tagħhom, jiċċekken id-distakk diġitali (inkluż bejn il-ġenerazzjonijiet) u jgawdu servizzi pubbliċi aqwa; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-qasam tas-saħħa elettronika; jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jimmiraw aħjar l-investimenti disponibbli għall-indirizzar tal-bidliet demografiċi u l-impatt tagħhom;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-miżuri tal-politika ta' koeżjoni biex trażżan il-proċess ta' migrazzjoni minn reġjuni b'popolazzjoni skarsa, fejn infrastruttura adegwata u livell adegwat ta' servizzi huma prekondizzjonijiet essenzjali, b'mod partikolari biex jinżammu familji bi tfal;

17.  Jenfasizza li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għandu jżid il-ħidma tiegħu fit-taħriġ u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, u għandu jippromwovi l-impjegabilità, jgħin lin-nies jilħqu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jiġġieled l-esklużjoni soċjali u diġitali ta' persuni anzjani; jenfasizza, barra minn hekk, li dan il-fond għandu jtejjeb il-prospetti tal-impjieg permezz ta' programmi ta' tħejjija għall-abitanti ta' reġjuni li qed jesperjenzaw deklin, u billi jagħti spinta lill-inklużjoni soċjali u diġitali tan-nisa, iż-żgħażagħ u l-anzjani f'dawn l-inħawi; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li se tingħata attenzjoni, meta l-FSE jintuża biex jiġu appoġġati r-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tistabbilixxi pakkett speċifiku, fl-ambitu tal-fondi eżistenti, dedikat biex jindirizza l-inħawi li qed jesperjenzaw żvantaġġi demografiċi gravi u permanenti; jitlob biex il-fond jiġi żborżat skont arranġamenti li jagħtu prijorità lil linji ta' azzjoni fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil; jenfasizza l-importanza li l-Fond ta' Koeżjoni jiġi inkluż fi strateġiji ġejjiena biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku, filwaqt li jfakkar li l-fond ġie stabbilit bil-ħsieb li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE; iqis li huwa importanti ħafna li jkun hemm aktar appoġġ provdut permezz tal-FSE għal organizzazzjonijiet żgħar li jiżviluppaw u jmexxu proġetti soċjali innovattivi, kif ukoll proġetti pilota transnazzjonali pan-UE li jindirizaw kwistjonijiet soċjali u tal-impjieg, sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni reġjonali, transfruntiera, transnazzjonali u makroreġjonali innovattiva u b'hekk jiġu mwieġba l-isfidi maħluqa minħabba t-tibdil demografiku;

18.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li, kif enfasizzat mir-Rapport Speċjali Nru 5/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE, li għandha l-għan li tgħin liż-żgħażagħ bla impjieg, taħriġ jew edukazzjoni, għamlet progress limitat, u r-riżultati tagħha ma laħqux l-aspettattivi inizjali;

19.  Huwa tal-fehma li, bl-għan li jiġu evitati distakki territorjali, il-FEIS għandhom igawdu minnu r-reġjuni li għandhom l-aktar dinamiki demografiċi sfavorevoli permezz ta' investiment akbar f'oqsma ta' prijorità tal-UE bħall-enerġija, it-trasport, l-edukazzjoni, in-negozju, l-innovazzjoni, ir-riċerka, il-SMEs, l-edukazzjoni u l-infrastruttura soċjali; huwa tal-fehma li l-kunsiderazzjoni ta' status speċjali għal reġjuni demografikament żvantaġġati għandha tiġi diskussa fl-iżvilupp tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020;

Il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku

20.  Jemmen li l-politika ta' koeżjoni tipprovdi l-għodod it-tajba għall-indirizzar tat-tibdil demografiku, speċjalment b'rabta ma' politiki oħra nazzjonali, reġjonali u tal-UE, fir-rigward kemm tat-tixjiħ kif ukoll tat-telf tal-popolazzjoni, u għaldaqstant għandu jkollha rwol aktar prominenti biex tappoġġa r-reġjuni u tipprovdi flessibbiltà fl-adattament għat-tibdil demografiku; jemmen li dan għandu jkun rifless ukoll fir-regolamenti speċifiċi għall-fondi fl-indirizzar tat-tibdil demografiku, bħala parti mill-mandat espliċiti tiegħu skont l-Artikolu 174 tat-TFUE; jappella għal definizzjoni preċiża tal-kunċett ta' żvantaġġi demografiċi gravi u permanenti msemmi fl-Artikolu 174 tat-TFUE u l-Artikolu 121 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, billi dan jippermetti li l-isfidi demografiċi jiġu kwantifikati statistikament; jenfasizza l-importanza tar-rabtiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali, u jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar l-opportunità biex tikkomplementa strateġiji ta' żvilupp urban sostenibbli u integrat ma' sħubijiet għal żvilupp sostenibbli urban-rurali; iqis li l-Kummissjoni għandha tieħu miżuri proattivi biex tipprevjeni l-effetti negattivi tat-tibdil demografiku u tipprovdi assistenza teknika lir-reġjuni l-aktar milquta mid-depopolazzjoni;

21.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni għandha tippromwovi l-impjegabilità u l-inklużjoni tan-nisa, speċjalment l-ommijiet li jsibiha diffiċli biex isibu impjieg; jitlob, għalhekk, li n-nisa jingħataw aċċess għal programmi ta' tagħlim u ta' taħriġ; jirrimarka, madankollu, li l-kwalifiki miksuba għandhom iwieġbu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-importanza li l-ommijiet żgħażagħ jiġu megħjuna jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol billi jiġu pprovduti servizzi ta' ndukrar tat-tfal affidabbli u għall-jum kollu għat-tfal ta' kull età, inklużi faċilitajiet għal tagħlim qabel l-iskola, sabiex titwaqqaf id-depopolazzjoni;

22.  Jemmen li sabiex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi, ir-reġjuni għandhom jużaw il-Fondi SIE b'mod aktar proattiv sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u sabiex iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jibdew karriera sew; jinnota li dan jista' jinkiseb billi jkunu appoġġati l-programmi ta' taħriġ u intraprenditorija għaż-żgħażagħ;

23.  Jitlob li jiġi stabbilit qafas legali fi ħdan ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni futur, sabiex jiġu rikonoxxuti reġjuni li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi demografiċi gravi u permanenti; jenfasizza l-bżonn ta' approċċ aktar proattiv u dedikat għat-tfassil tal-politika demografika, għax id-diverġenza reġjonali fit-tendenzi demografiċi probabbilment se tipproduċi impatt soċjoekonomiku inugwali sostanzjali fuq it-territorji Ewropej, li jaf ikompli jżid id-disparitajiet reġjonali fl-UE; jitlob għat-tisħiħ u r-razzjonalizzazzjoni amministrattiva tal-istrumenti ġodda għat-titjib tal-approċċ minn isfel għal fuq u l-governanza f'diversi livelli — bħalma huma l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) u l-investiment territorjali integrat (ITI) — sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni lokali u reġjonali bħala parti minn approċċ integrat u olistiku għall-iżvilupp reġjonali; jitlob li jinħolqu servizzi bbażati fuq portal, li se jgħinu lin-negozji rurali eżistenti biex jikkomunikaw aħjar mal-kontropartijiet tagħhom ibbażati f'żoni urbani; jenfasizza l-importanza li jitqiesu aktar, fl-ambitu tal-politika ta' koeżjoni tal-futur, il-karatteristiċi territorjali speċifiċi li jimmanifestaw ruħhom fil-livelli subreġjonali; jenfasizza li nuqqas ta' kapaċità u ta' governanza robusta fi ħdan ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali hu ostaklu maġġuri għas-suċċess tal-programmi tal-FEIS u jitlob, f'dan ir-rigward, li jitfasslu strumenti għall-bini tal-kapaċitajiet;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiddefinixxi kriterji ġodda li bihom tiddistingwi bejn territorji li jiffaċċaw sfidi demografiċi permezz ta' varjabbli demografiċi, ekonomiċi, tal-impatt ambjentali u tal-aċċessibbiltà, u biex twettaq studji dwar l-indikaturi soċjoekonomiċi u ambjentali potenzjali biex jikkomplementaw l-indikatur tal-PDG bi kriterji li jinkludu l-kapital soċjali, l-istennija tal-ħajja u l-kwalità tal-ambjent; iqis li l-PDG u d-densità tal-popolazzjoni mhumiex indikaturi suffiċjenti fihom infushom sabiex jiġu kklassifikati territorji bi żvantaġġi demografiċi gravi u permanenti; jitlob lill-Kummissjoni biex tinkorpora fil-politika ta' koeżjoni, minbarra l-indikatur tal-PDG, indikaturi ġodda u dinamiċi, bħal pereżempju indikatur demografiku u, b'mod partikolari l-Indiċi tal-Progress Soċjali Reġjonali tal-UE, sabiex tingħata stampa aktar sħiħa tal-isfidi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom dawn ir-reġjuni, jew biex tiġi kkunsidrata allokazzjoni addizzjonali għal dawn ir-reġjuni, simili għal dik għal żoni li għandhom rata' ta' popolazzjoni baxxa fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali (Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, Anness VII, punt 9); jenfasizza l-ħtieġa ta' għodda speċifiċi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt potenzjali u reali tal-Fondi SIE fl-indirizzar tat-tibdil demografiku billi jiġu abbozzati linji gwida għall-iżvilupp sussegwenti tal-indikaturi demografiċi rilevanti; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm statistiki diżaggregati, affidabbli u aġġornati għall-finijiet ta' amministrazzjoni politika aktar effiċjenti u oġġettiva, b'mod partikolari għal komprensjoni aktar dettaljata tal-karatteristiċi intrinsiċi tad-diversi żoni b'popolazzjoni skarsa fl-UE; jitlob, għalhekk, li l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat) jipprovdi aktar dettall fi statistiki ta' rilevanza għat-tfassil ta' politika demografika Ewropea xierqa, speċjalment indikaturi demografiċi, soċjali, ekonomiċi u relatati mal-familja, u għalhekk iħeġġeġ li dawn jiġu maqsuma tal-inqas fil-livell subreġjonali, jiġifieri NUTS 3;

25.  Iqis li l-politika ta' koeżjoni tal-ġejjieni għandha tinkludi miżuri speċifiċi għaż-żoni l-aktar milquta mill-isfidi demografiċi, u tippermetti aktar flessibbiltà fl-iffissar tal-objettivi tematiċi jew tar-rati ta' kofinanzjament, bil-ħsieb li jiġu kkoordinati strateġiji interreġjonali u intrareġjonali fi ħdan l-istess Stat Membru, b'parteċipazzjoni lokali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra strateġija nazzjonali għall-iżvilupp demografiku bħala kondizzjonalità ex-ante ġdida;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora inizjattiva ewlenija dwar id-demografija fl-Istrateġija Ewropa 2020, iffinanzjata minn fondi SIE eżistenti u li tinkludi sensiela ta' miżuri fi tliet kategoriji: tkabbir intelliġenti, permezz ta' azzjoni biex tgħin lir-reġjuni milquta minn sfidi denografiċi fl-oqsma tal-ICT, ir-RŻI, u l-SMEs; tkabbir inklużiv, permezz ta' azzjoni speċifika li tinkoraġġixxi ż-żgħażagħ jibqgħu fir-reġjun tagħhom, tiżgura t-tiġdid ġenerazzjonali sostenibbli, l-impjieg indipendenti u miżuri ta' inklużjoni soċjali għall-migranti u rifuġjati taħt protezzjoni internazzjonali; u t-tkabbir sostenibbli, permezz ta' miżuri biex jgħinu lil dawn ir-reġjuni jinvestu fl-ekonomija ekoloġika, inklużi sistemi tat-trasport sostenibbli; jilqa' l-Azzjoni tal-UE għal Irħula Intelliġenti, li titlob li jkun hemm politiki li jagħtu attenzjoni partikolari biex tingħeleb il-qasma diġitali bejn iż-żoni rurali u dawk urbani u biex jiġi sfruttat il-potenzjal offrut mill-konnettività u d-diġitalizzazzjoni ta' żoni rurali, u li tappoġġja l-Inizjattiva Gżejjer Intelliġenti bħala sforz minn isfel għal fuq min-naħa tal-awtoritajiet u tal-komunitajiet ta' gżejjer Ewropej li qed ifittxu li jtejbu l-ħajja fuq il-gżejjer permezz ta' soluzzjonijiet sostenibbli u integrati;

27.  Jikkunsidra li l-qafas finanzjarju pluriennali ta' wara l-2020 għandu jagħti spinta deċiżiva u qawwija lill-isforzi biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi, filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjoni u t-tendenzi demografiċi attwali, u jridu jinkorporaw il-promozzjoni ta' soluzzjonijiet li jużaw miżuri mmirati bħal pereżempju linja baġitarja fil-finanzjament, fejn ikun xieraq; jappella għat-tisħiħ ta' servizzi u infrastruttura li jsaħħu l-inklużjoni soċjali u diġitali taħt it-tieni pilastru tal-PAK, maħsuba biex irawmu l-iżvilupp rurali u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u għat-treġġigħ lura ta' xejriet lejn telqa ekonomika u soċjali u depopolazzjoni f'żoni bi żvantaġġi demografiċi gravi u permanenti; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jiskambjaw esperjenzi, l-aħjar prattiki u approċċi ġodda għall-prevenzjoni tal-konsegwenzi negattivi tat-tibdil demografiku; jemmen li n-netwerks Trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T) u l-awtostradi tal-baħar (MoS) għandhom iservu żoni bi żvantaġġi demografiċi gravi u permanenti;

28.  Jenfasizza l-valur miżjud tal-unika metodoloġija ta' żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) għall-Fondi SIE kollha għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet minn isfel għal fuq (bootm-up) integrati u magħmula apposta; jiddispjaċih, madankollu, li l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità huwa obbligatorju biss għall-FAEŻR u li l-approċċi lokali u parteċipattivi qed jonqsu fl-FEŻR, l-FSE u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS); jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tagħmel l-użu tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità obbligatorju fil-Fondi SIE kollha;

o
o   o

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0049.
(7) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0099.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0213.
(10) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 145.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0211.
(12) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 9.
(13) ĠU C 74 E, 13.3.2012, p. 19.
(14) ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 55.
(15) ĠU C 184E, 6.8.2009, p. 75.
(16) ĠU C 292E, 1.12.2006, p. 131.
(17) ĠU C 17, 18.1.2017, p. 40.
(18) Dokument ta' Ħidma ESPON. Il-Lussemburgu, ESPON EGTC, Marzu 2017.
(19) Eurostat, "L-UE fid-Dinja", edizzjoni tal-2016.
(20) Eurostat, "L-Annwarju Reġjonali tal-Eurostat", edizzjoni tal-2016.

Avviż legali