Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2066(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0326/2017

Testi mressqa :

A8-0326/2017

Dibattiti :

PV 13/11/2017 - 20
CRE 13/11/2017 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2017 - 5.7
CRE 14/11/2017 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0428

Testi adottati
PDF 469kWORD 62k
It-Tlieta, 14 ta' Novembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur
P8_TA(2017)0428A8-0326/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Novembru 2017 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur: (2017/2066(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2007 dwar "Is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni" (COM(2007)0226),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE(1) (id-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà(2) (id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001(3),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-11 ta' Jannar 2012 bit-titolu "Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl" (COM(2011)0941),

–  wara li kkunsidra r-"Report on Good Practices on Comparison Websites" (Rapport dwar Prattiki Tajbin fuq Siti Web ta' Tqabbil) tal-2014 mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni indirizzata lill-istituzzjonijiet tal-UE f'April 2016 mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol dwar "A Common Framework for Risk Assessment and Transparency for IORPs" (Opinjoni għall-Istituzzjonijiet tal-UE dwar Qafas Komuni għall-Valutazzjoni tar-Riskju u t-Trasparenza għall-IORPs),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar kuntratti ta' kreditu għall-konsumaturi marbutin ma' proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010(4) (id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b'karatteristiċi bażiċi(7) (id-Direttiva dwar il-Kontijiet ta' Pagament),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Awwissu 2014 dwar il-ħidma tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u s-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF) (COM(2014)0509),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta' pagament permezz ta' kard(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni)(10) ) (id-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2015 dwar "Is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur: Prodotti aħjar, aktar għażla u opportunitajiet akbar għall-konsumaturi u għan-negozji" (COM(2015)0630),

–  wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Awtorità Bankarja Ewropea tal-21 ta' Marzu 2016 għall-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur,

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali 446 ta' Lulju 2016 dwar il-Prodotti u s-Servizzi Finanzjarji,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur(11),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2016 ta' Better Finance bit-titolu: "Pension Savings: The Real Return" (Tfaddil għall-pensjoni: Il-Profittabbiltà Reali),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Mejju 2017 dwar "FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju"(12),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-ASE tal-21 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2017 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur: Prodotti Aħjar, Aktar Għażla" (COM(2017)0139),

–   wara li kkunsidra l-Istudju tas-Suq għall-Ġestjoni tal-Assi tal-Financial Conduct Authority tar-Renju Unit ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0326/2017),

A.  billi s-suq tal-UE fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur għadu pjuttost sottożviluppat u frammentat ħafna, filwaqt li x-xogħol għadu għaddej fi Stati Membri differenti; billi, għalhekk, hemm bżonn ta' azzjoni urġenti u effiċjenti li tiffaċilita innovazzjoni li tkun ta' benefiċċju għall-utenti finali filwaqt li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, u li tista' tagħti spinta lill-kompetittività, tnaqqas il-prezzijiet u żżid l-għażla u d-diversità tal-prodotti;

B.  billi għandna nibqgħu ambizzjużi fir-rigward tat-tneħħija tal-ostakli nazzjonali u t-trażżin tat-tendenzi eżistenti li jwaqqfu l-innovazzjoni fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ikunu aktar ambizzjużi fil-qasam tal-investimenti għall-konsumaturi transkonfinali fil-qafas tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), billi jindirizzaw mhux biss il-kwistjonijiet l-aktar faċli iżda wkoll l-ostakli l-aktar importanti li jaffettwaw dan is-suq li jinkludu l-lingwa, it-tħassib dwar il-frodi jew il-kriminalità, l-inċertezza dwar l-implikazzjonijiet tat-taxxa, id-differenzi fit-titoli u l-liġi korporattiva, ir-rimedju mhux magħruf u l-proċedimenti ta' insolvenza, u n-nuqqas ta' fiduċja fl-oqfsa tal-protezzjoni tal-konsumatur;

C.  billi suq Ewropew tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur ikun vijabbli biss jekk jirrappreżenta valur miżjud reali għall-konsumaturi u għall-fornituri tas-servizzi finanzjarji billi jiżgura kompetizzjoni u protezzjoni tal-konsumatur effikaċi, l-aktar fir-rigward ta' prodotti li huma neċessarji għall-parteċipazzjoni fil-ħajja ekonomika u għall-konsumaturi vulnerabbli;

D.  billi l-Ewrobarometru Speċjali 446 jikkonkludi li, fir-rigward ta' prodotti jew servizzi finanzjarji, l-Ewropej għadhom qed jixtru l-aktar f'pajjiżhom stess u spiss lanqas biss jesprimu l-ħtieġa jew ix-xewqa li jkollhom aċċess għal dawn is-servizzi barra mill-pajjiż, għalkemm xi ostakli attwali qed jipprevjenuhom ukoll milli jagħmlu dan; billi anke fi ħdan l-Istat Membru tagħhom stess, parti żgħira biss tfittex aktar offerti attraenti u jbiddel il-fornituri tiegħu; billi n-nuqqas ta' kompetizzjoni (transkonfinali) li tirriżulta tista' tipprevjeni lill-konsumaturi u lill-investituri ż-żgħar milli jiksbu l-aħjar offerta fil-prodotti u s-servizzi finanzjarji li jixtru;

E.  billi d-definizzjoni tal-FinTech hija stabbilita fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Mejju 2017, li tiddikjara li l-FinTech għandha tinftiehem bħala attività finanzjarja magħmula possibbli b'teknoloġiji ġodda jew ipprovduta permezz ta' dawn it-teknoloġiji, li taffettwa lill-komponenti kollha tas-settur finanzjarju, mit-tranżazzjonijiet bankarji għall-assigurazzjoni, u l-fondi tal-pensjoni, il-konsulenza dwar l-investiment, is-servizzi ta' ħlas u l-infrastrutturi tas-swieq; billi l-applikazzjoni tat-teknoloġiji għall-għoti ta' servizzi finanzjarji għall-konsumatur għandha potenzjal tali li tgħin biex jingħelbu wħud mill-ostakli għas-suq uniku u biex ittejjeb l-effiċjenza operattiva tas-settur; billi d-diġitalizzazzjoni waħedha mhix biżżejjed biex jingħelbu dawn l-ostakli; billi integrazzjoni akbar tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur fuq livell transkonfinali u komunikazzjoni aħjar tal-opportunitajiet li joffri dan is-suq jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ ta' domanda infurmata li tippromwovi l-kisba ta' standards ta' kwalità aħjar f'dan il-qasam;

1.  Jinnota li l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur ikkunsidra b'mod sħiħ parti mit-tħassib imqajjem mill-Parlament fir-rapport tiegħu dwar il-Green Paper dwar is-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, bil-għan li tkun żgurata protezzjoni għall-konsumatur fil-kuntest li jsir sforz favur suq uniku sod iffaċilitat mit-teknoloġija għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, filwaqt li jkun hemm protezzjoni tal-konsumaturi, inkoraġġiment tal-kompetizzjoni, garanzija tal-protezzjoni tad-data, roħs fil-prezzijiet u ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus; jemmen, madankollu, li l-Pjan ta' Azzjoni ma jilħaqx l-ambizzjoni li jinħoloq ambjent regolatorju li jwassal għat-trasparenza, it-tkabbir u l-innovazzjoni, b'livell għoli ta' fiduċja min-naħa tan-negozji u l-konsumaturi fil-prodotti finanzjarji għall-konsumaturi; jinnota l-livelli u l-opaċità tat-tariffi u tal-kummissjonijiet b'rabta mal-pensjonijiet privati, il-fondi ta' investiment u prodotti għall-konsumatur oħrajn għadhom għoljin, u dan inaqqas ir-redditu reali għall-investituri fil-livell tal-konsumaturi b'mod sinifikanti; jikkondividi, madankollu, il-fehma tal-Kummissjoni li t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-atti leġiżlattivi li tfasslu f'dawn l-aħħar snin fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, inkluż MiFID2 u IDD, għandhom jinżammu u jingħataw prijorità, filwaqt li, jekk meħtieġ, għandhom jiġu ppreżentati inizjattivi leġiżlattivi ġodda;

2.  Jilqa' l-iżvilupp ta' servizzi u ta' istituzzjonijiet finanzjarji ġodda li jikkontribwixxu għall-kompetizzjoni fis-swieq finanzjarji u għal opportunitajiet ġodda għall-konsumaturi; jinnota, madankollu, li fl-2016, il-finanzjament tal-FinTech fl-Ewropa ammonta għal USD 2,2 biljun biss meta mqabbel mat-USD 12,8 biljun fl-Istati Uniti u mat-USD 8,6 biljun fiċ-Ċina, li juri l-ħtieġa urġenti għal bidla rapida fil-mentalità u rispons regolatorju adegwat għall-iżviluppi teknoloġiċi sabiex l-Ewropa ssir suq ewlieni għall-innovazzjoni; jenfasizza li suq uniku ġenwin għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur fejn jiġu żgurati livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur u kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ġodda fis-suq jagħmel l-UE attraenti bħala ċentru għas-servizzi finanzjarji innovattivi u jipprovdi lill-konsumaturi għażla akbar u aħjar b'rati aktar baxxi; jenfasizza li għalkemm it-teknoloġiji l-ġodda jippreżentaw sfidi regolatorji, huma joffru wkoll opportunitajiet kbar għall-innovazzjoni li minnhom jibbenefikaw l-utenti finali u jirrappreżentaw stimolu għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi;

3.  Iqis li huwa essenzjali li servizzi finanzjarji ta' kull tip – inklużi iżda mhux limitati għall-ftuħ ta' kontijiet kurrenti u tat-tfaddil u l-forniment ta' kards bankarji, self għall-konsum u self ipotekarju, assigurazzjoni u dejn sovran – ikunu jistgħu jiġu pprovduti fuq bażi transkonfinali;

4.  Iqis li jmur kontra l-prinċipji tas-suq intern tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur li jintalab li konsumatur ikun residenti fl-Istat Membru, jew li jkollu dokument nazzjonali ta' identità maħruġ mill-Istat Membru fejn jiġi offrut is-servizz finanzjarju, inkluż dejn sovran, għall-forniment effikaċi tiegħu;

5.  Jemmen li huwa pożittiv li jiġi ffaċilitat l-akkwist transkonfinali ta' dejn sovran min-naħa ta' investituri individwali;

6.  Huwa tal-fehma li, f'konformità mal-paragrafu 135 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rapport annwali dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE(13), il-kontijiet kurrenti u ta' tfaddil m'għandhomx jiġġeneraw kummissjoni għall-utenti sakemm dawn huma marbuta ma' servizzi speċifiċi;

7.  Jenfasizza li l-aċċess għall-flus kontanti permezz tal-ATMs huwa servizz pubbliku essenzjali li jrid jiġi pprovdut mingħajr ebda prattika diskriminatorja jew inġusta u għalhekk, ma jridx iġarrab kostijiet eċċessivi;

8.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-istituzzjonijiet finanzjarji għadhom jikkanċellaw il-kards ta' pagament jekk id-detentur imur jgħix fi Stat Membru ieħor, u jitlob li tittieħed azzjoni f'dan ir-rigward, inkluż billi l-awtoritajiet nazzjonali jiġu mwissija;

9.  Jilqa' l-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni jindirizza għadd ta' kwistjonijiet importanti u li f'ċerti oqsma jistabbilixxi l-miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, bi skadenzi ċari;

10.  Jemmen li l-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar proattiv fl-użu tas-CMU, filwaqt li tinvolvi mill-qrib lill-Parlament bħala parti mill-implimentazzjoni tal-ftehim ta' Pariġi, biex tappoġġja s-suq tal-investiment sostenibbli u responsabbli (SRI) li qed jikber permezz tal-promozzjoni ta' investimenti sostenibbli, bl-għoti ta' informazzjoni Ambjentali, Soċjali u ta' Governanza (ESG) effikaċi u standardizzata minn kumpaniji elenkati u intermedjarji finanzjarji u r-riflessjoni adegwata ta' tali kriterji fis-sistemi ta' ġestjoni tal-investiment u l-istandards ta' divulgazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tippromwovi "servizzi ta' klassifikazzjoni" ambjentali, soċjali u ta' governanza (ESG) u qafas konsistenti għas-suq tal-bonds ekoloġiċi, billi tibni fuq l-istudju tal-Kummissjoni rilevanti u l-ħidma tal-grupp ta' studju tal-G20 dwar il-finanzjament ekoloġiku; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-ħolqien ta' "kont ta' tfaddil tal-UE" sabiex jinfetaħ il-finanzjament fit-tul u tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni ekoloġika fl-Ewropa;

11.  Jissottolinja l-importanza ta' ċentri finanzjarji vitali li jipprovdu swieq dinamiċi għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur;

12.  Iqis li livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u trasparenza huwa essenzjali għall-iżvilupp ta' suq uniku fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur; jinsisti, b'mod partikolari, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli permezz tal-implimentazzjoni effiċjenti tad-Direttiva dwar il-Kont Bażiku ta' Pagament u li miżuri ulterjuri huma wkoll meħtieġa, bħall-politiki ta' edukazzjoni finanzjarja; jemmen li l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE u nazzjonali dwar il-konsumaturi ta' prodotti finanzjarji jeħtieġ jissaħħaħ u, fejn meħtieġ, jiġi armonizzat ulterjorment fl-Istati Membri kollha;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "l-istess servizz, l-istess riskju, l-istess regola, l-istess superviżjoni" sabiex ma tinħoloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni, l-aktar bil-ħolqien ta' atturi ġodda; jenfasizza li dawn ir-regoli ma għandhomx jostakolaw l-innovazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara l-użu ta' dispożizzjonijiet ġenerali tajba, li attwalment jistgħu jintużaw b'mod indirett mill-Istati Membri biex jimblukkaw prodotti ġodda li jkunu deħlin fis-suq tagħhom, u tagħti s-setgħa lill-ASE jkunu medjaturi attivi bejn l-Istati Membri meta jkun hemm interpretazzjonijiet kunfliġġenti dwar l-użu ta' tali dispożizzjonijiet;

14.  Jinsisti li suq Ewropew tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur irid ikun ta' benefiċċju għall-SMEs f'termini kemm tal-provvista kif ukoll tad-domanda; jispeċifika li f'termini ta' provvista, dan ifisser garanzija ta' titjib fl-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs, filwaqt li f'termini ta' domanda, dan ifisser li l-SMEs ikunu jistgħu jaċċessaw swieq transkonfinali b'mod aktar faċli; jenfasizza li kompetizzjoni ikbar ma għandhiex tippenalizza lill-SMEs li jipprovdu servizzi finanzjarji għall-konsumatur li joperaw fuq bażi lokali;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li s-superviżuri finanzjarji Ewropej (l-EBA, l-ESMA u l-EIOPA) jingħataw is-setgħat u r-riżorsi xierqa biex iwettqu l-firxa sħiħa ta' dmirijiet regolatorji u superviżorji tagħhom fl-interessi tal-ħarsien tal-konsumatur;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà li tintroduċi d-29 reġim għal prodotti finanzjarji għall-konsumatur; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li toħloq qafas ġuridiku armonizzat għall-għażliet predefiniti standardizzati għall-prodotti finanzjarji komunement l-aktar użati fl-UE fuq il-mudell tal-Kont Bankarju Bażiku u l-PEPP;

Azzjoni 1 – Imposti orħos fuq tranżazzjonijiet mhux f'euro

17.  Ifakkar li t-tariffi għall-pagamenti transkonfinali barra ż-żona tal-euro għadhom għoljin; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tipproponi malajr kemm jista' jkun emenda tar-Regolament (KE) Nru 924/2009 sabiex jitnaqqsu t-tariffi għat-tranżizzjonijiet transkonfinali fl-Istati Membri kollha; jiddeplora, f'dan il-kuntest, in-nuqqas ta' strument komuni Ewropew ta' pagamenti bankarji online, bħal karta tal-kreditu jew tad-debitu fil-livell tal-UE u ta' proprjetà Ewropea;

Azzjoni 2 – Trasparenza fil-konverżjoni tal-munita

18.  Jenfasizza li l-infurzar tal-leġiżlazzjoni attwali hija ċentrali għall-indirizzar tan-nuqqas ta' trasparenza "tal-konverżjoni dinamika tal-munita"; ifakkar li d-Direttiva (UE) 2015/2366 tistabbilixxi obbligu għan-negozjanti li jenfasizzaw b'mod ċar u jippreżentaw il-kost finali tal-konverżjoni dinamika tal-munita għall-konsumaturi, anke meta dawk il-konsumaturi jagħmlu ġbid ta' flus mill-ATM li jinvolvi konverżjoni tal-munita; jenfasizza, madankollu, li l-konsumaturi jridu jkunu jistgħu jagħżlu l-aħjar rati u għandhom ikunu konxji mit-tariffi u l-kostijiet addizzjonali meta jagħmlu tranżazzjonijiet, pagamenti barra minn pajjiżhom jew ġbid ta' flus mill-ATM, anke meta tintuża l-konverżjoni dinamika tal-munita; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-fornituri jiżvelaw kwalunkwe valwazzjoni pożittiva tar-rata tal-kambju, bħala ħlas bħala parti mid-divulgazzjoni tal-kostijiet u tal-ħlasijiet meħtieġa taħt il-PSD2, u li r-rati offruti minn fornituri differenti ta' servizzi finanzjarji jiġu ppreżentati b'mod trasparenti; jinnota li t-titjib fil-litteriżmu finanzjarju tal-konsumaturi huwa essenzjali sabiex ikun jista' jinkiseb dan l-għan; jirrakkomanda t-twettiq ta' eżerċizzji ta' "xiri bil-moħbi" fil-livell tal-UE, bil-għan li jiġu vvalutati u rrapportati pubblikament l-ostakli għall-aċċess transkonfinali, il-kwalità tas-servizz u l-konformità mad-dritt tal-Unjoni u jsir monitoraġġ tal-iżviluppi fil-prodotti u s-servizzi;

Azzjoni 3 – Tibdil tal-prodotti aktar faċli

19.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huma ftit il-konsumaturi li jaqilbu minn prodott għal ieħor f'dak li għandu x'jaqsam mal-biċċa l-kbira tal-prodotti bankarji u tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja, u dan hu ta' ostaklu għad-dħul fis-swieq transkonfinali tal-konsumaturi, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi li jaqilbu għal servizzi finanzjarji aktar vantaġġużi madwar l-UE kif ukoll li jitterminaw il-kuntratti finanzjarji, u sabiex is-self u prodotti finanzjarji oħra jkunu disponibbli lil hinn mill-fruntieri; jenfasizza l-potenzjal kbir għall-provvista ta' prodotti tal-assigurazzjoni fil-livell transkonfinali, bħall-assigurazzjoni tal-vetturi; jinnota, madankollu, li l-prinċipju tal-libertà kuntrattwali jippermetti lill-istituzzjonijiet finanzjarji jiddeċiedu ma' min jidħlu f'kuntratt; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tirrikonoxxi l-importanza tal-kontroll tas-self predatorju u s-self ta' ammonti żgħar (payday loans), li rriżultaw fl-isfruttament tal-konsumaturi vulnerabbli u l-SMEs;

20.  Japprova l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tinkorpora l-kisbiet tad-Direttiva dwar il-Kontijiet ta' Pagament sabiex ikun aktar faċli li jinbidlu l-fornituri tas-servizzi finanzjarji u l-prodotti; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta inizjattivi leġiżlattivi, imfassla speċifikament għas-settur finanzjarju, biex jintemm l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat sabiex jiġi ffaċilitat it-tibdil mill-klijenti għal servizzi finanzjarji għall-konsumatur aktar vantaġġużi fi Stati Membri oħra; jinnota li divulgazzjoni u protezzjoni tal-konsumatur adegwati se jkunu essenzjali sabiex dan ikun jista' jinkiseb;

Azzjoni 4 – Siti web tat-tqabbil tal-kwalità

21.  Jenfasizza l-utilità ta' portal ta' tqabbil tal-UE li jkun strutturat sew u faċli biex jintuża u li jkopri s-swieq finanzjarji għall-konsumatur Ewropej fl-intier tagħhom; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni teżamina l-firxa ta' portali indipendenti eżistenti fl-Istati Membri għal dan il-għan; jenfasizza li l-għodod ta' tqabbil iridu jkunu preċiżi u ta' rilevanza għall-konsumaturi u jridu jiffukaw mhux biss fuq il-prezz tal-prodotti iżda anke fuq il-kwalità tagħhom, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oħra bħad-disponibbiltà ta' netwerks f'fergħat, kuntatt wiċċ imb wiċċ u sostenibbiltà ta' prattiki tan-negozju u filwaqt li jitqies li jistgħu jitqabblu biss prodotti simili; ifakkar li l-prodotti simili biss jistgħu jitqabblu bejniethom sabiex il-konsumaturi ma jitħawdux;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi għodod bħall-Punti ta' Kuntatt Uniku, li jtejbu l-kompetizzjoni u jassistu lill-kumpaniji tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi;

Azzjoni 5 – Assigurazzjoni aħjar ta' vetturi bil-mutur

23.  Huwa tal-fehma li wara r-rieżami REFIT tal-Kummissjoni fir-rigward tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur, l-emendi għad-Direttiva ser ikunu kruċjali biex jiġi żgurat kumpens għall-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku u biex jiġu ffaċilitati l-portabbiltà transkonfinali u r-rikonoxximent tal-bonus fin-nuqqas ta' talbiet, anke fid-dawl tas-sentenzi tal-QtĠ-UE fis-sens li l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur għandu jiġi rieżaminat malajr kemm jista' jkun sabiex jindirizza n-nuqqas ta' rikonoxximent tal-bonus fin-nuqqas ta' talbiet u jiġi żgurat li japplika għaċ-ċirkostanzi li kien maħsub għalihom mill-koleġiżlaturi;

Azzjoni 6 – Ipprezzar trasparenti tal-kiri tal-karozzi

24.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk humiex meħtieġa aktar inizjattivi dwar il-kiri tal-karozzi li jbigħu assigurazzjoni supplimentari, bil-għan li jiġi żgurat l-ipprezzar trasparenti li jkopri l-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi kollha madwar l-Istati Membri kollha;

Azzjoni 7 – Suq Uniku aktar profond għall-kreditu għall-konsumatur

25.  Jenfasizza li, jekk il-Kummissjoni biħsiebha tesplora modi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess transkonfinali għas-self, l-indirizzar tad-dejn eċċessiv tal-konsumaturi jrid jingħata prijorità; jitlob li tittieħed azzjoni dwar modi kif għandha tiġi kkoordinata l-informazzjoni dwar id-dejn, abbażi ta' konformità sħiħa mad-dritt tal-UE, inklużi l-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data u l-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, sabiex il-kredituri individwali jkunu jafu kemm konsumatur għandu dejn qabel ma jagħtuh aktar kreditu, li jwassal għal suq aktar effiċjenti fejn il-fornituri tal-kreditu jistgħu jikkompetu ma' xulxin; jitlob, f'dan il-kuntest, li ssir evalwazzjoni komprensiva tal-kawżi ta' dejn eċċessiv tal-konsumaturi; ifakkar li l-edukazzjoni finanzjarja hija mezz effikaċi għall-protezzjoni tal-konsumaturi li huma f'riskju ta' dejn eċċessiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tippromwovi l-edukazzjoni finanzjarja u trawwem kollaborazzjoni ma' diversi partijiet ikkonċernati f'dan il-qasam importanti; ifakkar, fil-kuntest taż-żieda fl-użu tad-data tal-klijent jew tal-big data mill-istituzzjonijiet finanzjarji, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), li jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb spjegazzjoni ta' deċiżjoni meħuda mill-ipproċessar awtomatizzat u li jikkontesta din id-deċiżjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit li d-data mhux korretta tista' tinbidel u li tista' tintuża biss data verifikabbli u rilevanti; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex iżidu l-isforzi sabiex jiggarantixxu l-infurzar ta' dawn id-drittijiet; huwa tal-fehma li l-kunsens li jingħata għall-użu tad-data personali jeħtieġ li jkun dinamiku u li s-suġġetti tad-data jeħtiġilhom ikunu kapaċi jbiddlu u jadattaw il-kunsens tagħhom;

Azzjoni 8 – Regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur ġusti

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa jekk ir-regoli u l-prattiki nazzjonali tal-protezzjoni tal-konsumatur jaġixxux bħala ostakli inġusti għall-investiment transkonfinali u jekk, f'konformità mal-leġiżlazzjoni tas-suq intern u l-każistika stabbiliti sew, humiex iġġustifikati minn raġunijiet prevalenti relatati mal-interess pubbliku li huma meħtieġa u proporzjonati fid-dawl tal-objettivi li għandhom jintlaħqu; jenfasizza li r-regoli rilevanti dwar il-kondotta u l-protezzjoni tal-konsumaturi fid-dritt tal-Unjoni ta' spiss jippermettu deliberatament xi flessibbiltà għat-traspożizzjoni nazzjonali, sabiex il-leġiżlazzjoni Ewropea tkun tista' tiġi inkluża f'rekwiżiti nazzjonali eżistenti; jissottolinja madankollu li t-tneħħija tal-ostakli nazzjonali ma tridx tinkiseb għad-detriment tal-protezzjoni tal-konsumatur u li l-protezzjoni tal-konsumatur għandha tibqa' prijorità ta' gwida fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni; huwa mħasseb li ħafna mid-dokumentazzjoni li ssir b'risposta għal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-fornituri tal-prodotti u tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi fil-fatt mhijiex strettament meħtieġa bil-liġi u hija ta' ftit benefiċċju prattiku jew xejn għall-konsumaturi filwaqt li timponi piż li jista' jirriżulta f'kostijiet għoljin mhux meħtieġa għal dawk il-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi tali dokumentazzjoni bl-għan li tissimplifikaha mingħajr ma tissagrifika l-benefiċċji tal-protezzjoni tal-konsumatur; jenfasizza li l-aċċess għal informazzjoni pproċessata, rilevanti u komprensiva huwa kruċjali sabiex il-klijenti jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati; jinnota, madankollu, li l-fattur deċiżiv huwa l-kwalità u mhux il-kwantità tal-informazzjoni mogħtija; jenfasizza li r-rekwiżiti tal-informazzjoni fir-rigward tal-klijenti, stabbiliti f'diversi atti ġuridiċi Ewropej, iridu jiġu kkoordinati flimkien bl-aħjar mod possibbli; jenfasizza li jridu jiġu evitati rekwiżiti dwar divulgazzoni doppja jew kontradittorja, sabiex ma tinħoloqx burokrazija żejda kif ukoll spejjeż mhux meħtieġa u sabiex il-klijenti ma jitħawdux;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-leġiżlazzjoni omnibus biex timxi mill-frammentazzjoni attwali bbażata fuq is-silos għall-MiFID, l-IDD, l-AIFMD, eċċ, u lejn it-tlestija ta' qafas konsistenti u solidu ta' trasparenza għall-konsumaturi, it-tneħħija ta' kumplessità mhux meħtieġa għall-fornituri tas-servizzi finanzjarji, inkluża konverġenza superviżorja bejn l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi użu estiż tal-mandat għall-protezzjoni tal-konsumatur tal-ASE fil-leġiżlazzjoni settorjali u tqis il-qafas tar-rieżami li jmiss tal-finanzjament u l-governanza tal-ASE; jistieden lill-Kummissjoni tinkariga lill-ASE biex imexxu l-ħidma dwar il-konverġenza tal-prattiki ta' superviżjoni għat-twettiq tan-negozju bejn Stat Membru u ieħor;

28.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tħejji kampanja biex titqajjem kuxjenza dwar FIN-NET li huwa netwerk li jgħin lill-konsumaturi jinfurzaw id-drittijiet tagħhom, mingħajr ma jkollhom għalfejn imorru l-qorti, billi jsibu korp kompetenti għal soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR); jemmen li FIN-NET għandu jtejjeb aktar il-kopertura tiegħu, jiċċara r-rwol tiegħu u jtejjeb is-sit web tiegħu;

Azzjoni 9 – Valutazzjonijiet aħjar tal-affidabbiltà kreditizja

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi standards u prinċipji tal-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja, armonizzati u transkonfinali sabiex jitnaqqas aħjar ir-riskju li jiżdied id-dejn eċċessiv meta jiġi ffaċilitat il-kreditu online pan-Ewropew, billi l-konklużjonijiet tar-rapporti ppubblikati dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju u d-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur jitqiesu b'mod komprensiv;

Azzjoni 10 – FinTech għal servizzi finanzjarji għall-konsumatur

30.  Jirrikonoxxi d-dritt tal-konsumaturi li jużaw softwer biex jibdew jagħmlu pagamenti u jikkondividu informazzjoni dwarhom;

31.  Jappoġġja x-xewqa tal-Kummissjoni li tippreżenta Pjan ta' Azzjoni globali għall-FinTech fil-qafas tal-istrateġiji tagħha tas-CMU u s-suq uniku diġitali (DSM), u b'hekk tikkontribbwixxi għal suq uniku għas-servizzi finanzjarji effikaċi u li jiffunzjona sew, integrat u mmexxi mit-teknoloġija li minnu jibbenefikaw l-utenti finali Ewropej kollha, filwaqt li jiżgura livell ekwu; jappoġġja l-ħolqien ta' Task force dwar il-FinTech min-naħa tal-Kummissjoni; jinnota li x-xenarju l-ġdid li jirriżulta mill-iżvilupp tal-FinTechs jitlob l-istabbiliment ta' varjetà ta' salvagwardji ġodda xierqa bħal, fost l-oħrajn, edukazzjoni tal-konsumaturi rigward prodotti jew regoli ġodda kontra l-ħasil tal-flus u l-ingranaġġ fuq pjattaformi ta' kreditu tal-FinTech;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina r-riżoluzzjoni tagħha dwar il-"FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju", biex tippromwovi l-ħarsien tal-konsumaturi, is-sigurtà, l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta, u tiżgura li l-prinċipju ta' "l-istess servizzi, l-istess riskji, l-istess regoli" japplika għall-kumpaniji kollha irrispettivament mis-settur tagħhom jew minn fejn jinsabu; jenfasizza li l-FinTech għandha titqies bħala attività finanzjarja ffaċilitata jew fornuta permezz ta' teknoloġiji ġodda u dan jaffettwa s-settur finanzjarju kollu fil-komponenti kollha tiegħu, mis-settur bankarju għal dak tal-assigurazzjoni, il-fondi tal-pensjonijiet, il-konsulenza dwar l-investiment, is-servizzi ta' pagament u l-infrastrutturi tas-suq;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq ambjent li jwassal għal soluzzjonijiet innovattivi; jinnota li l-kumpaniji innovattivi bħall-FinTechs jipprovdu l-kompetizzjoni meħtieġa biex jinħoloq suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi effikaċi;

34.  Jissottolinja li istituzzjonijiet finanzjarji ġodda differenti taħt l-isem ta' FinTech għandhom l-istess responsabbiltajiet fil-konfront tal-klijenti u għall-istabbiltà finanzjarja daqs istituzzjonijiet u servizzi tradizzjonali korrispondenti oħrajn;

Azzjoni 11 – Kontrolli tal-identità diġitali

35.  Jenfasizza l-potenzjal tal-firma elettronika u l-identifikazzjoni elettronika għal tranżazzjonijiet aktar faċli u jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-ħidma marbuta mar-Regolament eIDAS; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-persuni li mhumiex kapaċi jew ma jkunux jixtiequ jużaw il-firma elettronika jew l-identifikazzjoni elettronika; jippromwovi l-interoperabbiltà tal-identifikazzjoni elettronika transkonfinali fis-settur tas-servizzi finanzjarji u jitlob li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-Istati Membri kollha (u possibbilment lil hinn, fil-pajjiżi taż-ŻEE u fl-Iżvizzera); jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tivvaluta b'urġenza l-ostakli regolatorji attwali għat-tekniki ta' identifikazzjoni elettronika u jenfasizza li kwalunkwe inizjattiva li tittieħed għandha tkun teknoloġikament newtrali;

36.  Itenni l-ħtieġa li l-Kummissjoni tidentifika u tneħħi l-ostakli regolatorji għall-użu ta' sistemi ta' firem elettroniċi pan-Ewropej għall-abbonament ta' servizzi finanzjarji, u b'hekk tiffaċilita l-onboarding diġitali transkonfinali madwar l-UE, mingħajr ma taffettwa l-livell ta' sigurtà ta' sistemi eżistenti jew il-kapaċità tagħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus;

Azzjoni 12 – Bejgħ online ta' servizzi finanzjarji

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-qafas ġuridiku eżistenti tal-UE jiġi adattat għad-dinja diġitali sabiex jitneħħew ir-riskji tal-protezzjoni tal-konsumatur marbuta ma' bejgħ online u mill-bogħod, u b'hekk jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' negozju għal kumpaniji ġodda u FinTechs Ewropej; jinnota r-riskji għall-konsumatur assoċjati mal-logħob tal-azzard online ppreżentati bħala prodotti finanzjarji, jiġifieri għażliet b'żewġ possibbiltajiet; jemmen li hemm bżonn superviżjoni Ewropea b'saħħitha u armonizzata biex il-konsumaturi jkunu protetti u jiġu evitati n-nuqqasijiet regolatorji; jenfasizza li l-istandards Ewropej dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi japplikaw kemm għall-kanali kummerċjali tradizzjonali kif ukoll għal dawk moderni;

38.  Jissottolinja l-importanza taċ-ċibersigurtà u jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tindirizzax kwistjonijiet relatati maċ-ċibersigurtà fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura li dawn il-kwistjonijiet jiġu inklużi fil-ħidma tat-task force tagħha;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li jibqa' jkun hemm banek li joffru servizzi għall-konsumaturi, li jipprovdu servizz pubbliku essenzjali u huma ta' benefiċċju partikolari għall-SMEs, l-anzjani u l-konsumaturi vulnerabbli, li huwa inqas probabbli li jużaw is-servizzi bankarji elettroniċi u li jippreferu l-interazzjoni wiċċ imb wiċċ; jirrikonoxxi li l-għeluq tal-fergħat bankarji jiddegrada l-infrastruttura finanzjarja fil-livell lokali u jista' jkun ta' ħsara kbira ħafna għall-komunitajiet;

40.  Jinnota li ż-żieda fl-użu tad-data tal-klijent jew tal-big data mill-istituzzjonijiet finanzjarji tista' twassal għal benefiċċji għall-konsumaturi, bħall-iżvilupp ta' offerti aktar personalizzati, issegmentati u orħos ibbażati fuq allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riskju u tal-kapital; huwa mħasseb, min-naħa l-oħra, dwar l-iżvilupp tal-ipprezzar dinamiku u l-potenzjal tiegħu li jwassal għal riżultati agħar għall-konsumaturi fir-rigward tal-komparabbiltà tal-offerti u b'hekk kompetizzjoni effikaċi u ppuljar tar-riskji u mutwalizzazzjoni fis-settur tal-kreditu u tal-assigurazzjoni;

o
o   o

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66.
(2) ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11.
(3) ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11.
(4) ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34.
(5) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.
(6) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.
(7) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214.
(8) ĠU L 123, 19.5.2015, p. 1.
(9) ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35.
(10) ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0434.
(12) Testi adottati, P8_TA(2017)0211.
(13) Testi adottati, P8_TA(2017)0027.

Avviż legali