Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0597/2017

Testi mressqa :

B8-0597/2017

Dibattiti :

PV 14/11/2017 - 11
CRE 14/11/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2017 - 13.12
CRE 15/11/2017 - 13.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0438

Testi adottati
PDF 357kWORD 52k
L-Erbgħa, 15 ta' Novembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Istat tad-Dritt f'Malta
P8_TA(2017)0438B8-0597/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2017 dwar l-istat tad-dritt f'Malta (2017/2935(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 4, 5, 6, 9 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 7, 8, 10, 11, 12 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati numerużi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, li huma vinkolanti għall-Istati Membri kollha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titlu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja dwar il-libertà tal-midja f'Malta tal-24 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers u tal-Malta Files magħmula mill-International Consortium of Investigative Journalists (il-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi) u min-netwerk tal-European Investigative Collaborations (il-Kollaborazzjonijiet Investigattivi Ewropej),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE rigward id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku meta jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali dwar kumpaniji u korpi pubbliċi(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga allegati kontravvenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (il-Kumitat PANA), kif ukoll l-anness mar-rapport dwar il-missjoni tal-Kumitat f'Malta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija komunità bbażata fuq il-valuri tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u billi dawn il-valuri huma universali u komuni għall-Istati Membri kollha;

B.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija parti mid-dritt primarju tal-UE; billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja huma minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 10 tal-KEDB; billi, f'konformità mal-Artikolu 2, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 7 tat-TUE, l-Unjoni għandha l-possibbiltà li taġixxi sabiex tipproteġi l-valuri komuni li fuqhom hija msejsa; billi l-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt għandu jiġi applikat b'saħħa ugwali għall-Istati Membri kollha;

C.  billi l-UE hija sistema kostituzzjonali li tiffunzjona fuq il-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka, jiġifieri li kull Stat Membru jaġixxi f'konformità mad-demokrazija, mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali;

D.  billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija minquxa fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, u hija rekwiżit essenzjali tal-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tal-poteri;

E.  billi l-ġurnalista investigattiva u blogger Maltija Daphne Caruana Galizia, li ħaditha kontra l-korruzzjoni, sfat assassinata f'attakk b'karozza bomba fis-16 ta' Ottubru 2017;

F.  billi dan l-assassinju wassal għal dimostrazzjonijiet fit-toroq u protesti mis-soċjetà ċivili f'Malta li talbu ġustizzja, rispett tal-obbligu ta' rendikont, u rispett tal-istat tad-dritt;

G.  billi r-Rapport dwar Malta tal-2016 tal-Media Pluralism Monitor identifika livelli medji (kważi għoljin) ta' riskju rigward il-pluralità fis-suq u l-indipendenza politika, u identifika fatturi li jkattru r-riskju bi rbit ma' nuqqas ta' data dwar is-suq medjatiku, nuqqas ta' protezzjoni u awtoregolazzjoni tal-ġurnalisti u awtonomija editorjali, sjieda politika diretta fuq mezzi tal-midja u nuqqas ta' politika dwar il-litteriżmu medjatiku(4),

H.  billi l-World Press Freedom Index (l-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa, ippubblikat minn Reporters Without Borders) jidentifika l-liġijiet ta' Malta dwar il-malafama, li jimponu sanzjonijiet ta' multi jew ħabs u li jintużaw ta' spiss kontra l-ġurnalisti, speċjalment mill-politiċi, bħala fattur ewlieni li jillimita l-libertà tal-espressjoni f'Malta(5),

I.  billi l-Parlament Malti bħalissa qiegħed jiddiskuti abbozz ta' liġi propost mill-Gvern Malti li jabolixxi l-libell kriminali u jintroduċi projbizzjoni ad hoc tar-rikors għal kwalunkwe forma ta' mandati kawtelatorji jew mandati ta' qbid jew ta' sekwestru f'kawżi għal libell jew malafama skont kwalunkwe liġi(6);

J.  billi Daphne Caruana Galizia kienet qed tiffaċċja diversi kawżi ta' libell istitwiti minn rappreżentanti politiċi minn partijiet differenti tal-ispettru politiku f'Malta;

K.  billi l-kontijiet tal-bank tas-Sinjura Caruana Galizia ġew iffriżati din is-sena b'inġunzjoni għall-ħruġ ta' mandati kawtelatorji relatati ma' kawża ta' libell istitwita minn ministru tal-gvern, qabel ma l-kawża waslet għall-eżitu tagħha;

L.  billi mezzi tal-midja f'Malta rrappurtaw li saritilhom pressjoni qawwija min-naħa ta' Pilatus Bank, li jinsab fiċ-ċentru ta' allegazzjonijiet ta' ħasil tal-flus, biex jirtiraw jew ineħħu rapporti li jikkonċernaw lil dak il-bank; billi Pilatus Bank qed jieħu passi legali fl-Istati Uniti tal-Amerka kontra mezzi tal-midja f'Malta talli ċappsulu r-reputazzjoni tiegħu; billi rapport ta' konformità mill-Korp għall-Analiżi ta' Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit - FIAU) li nħareġ b'mod mhux uffiċjali jiżvela li l-klijenti ta' Pilatus Bank huma predominantement Persuni Esposti Politikament mill-Ażerbajġan, iżda l-bank ma applikax diliġenza dovuta msaħħa fil-konfront ta' dawn il-klijenti, kif tirrikjedi d-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus (Anti-Money Laundering Directive - AMLD); billi deputat parlamentari tal-gvern talab li ssir inkjesta dwar l-informatur tal-FIAU;

M.  billi, qabel ma seħħ l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, informatriċi fiċ-ċentru tal-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus li jinvolvu lil Persuni Esposti Politikament ħarbet mill-pajjiż;

N.  billi l-Gvern ta' Malta implimenta l-Att dwar il-Protezzjoni ta' Informatur, 2013(7), u billi huwa wieħed minn minoranza ta' Stati Membri tal-UE li daħħlu miżuri ddedikati dwar il-protezzjoni tal-informaturi fid-dritt tagħhom;

O.  billi, skont il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta' Malta, il-Kummissarju tal-Pulizija jinħatar mill-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali jinħatar mill-President fuq il-parir tal-Prim Ministru, u l-membri tal-ġudikatura, mill-2017, jinħatru wara li kumitat ikun skrutinizza lill-persuni nnominati għall-ġudikatura qabel il-ħatra tagħhom(8); billi l-indipendenza tal-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura f'Malta tista' tkun kompromessa mill-fatt li l-gvern għandu s-setgħa li jaħtar lill-Kummissarju tal-Pulizija, lill-kap tal-FIAU u lill-Avukat Ġenerali;

P.  billi diversi rapporti fil-midja jinnotaw li għadd kbir ta' impjiegi f'kumpaniji pubbliċi Maltin inħolqu ftit ġimgħat qabel l-elezzjonijiet ta' Ġunju 2017, b'mod li jqajjem tħassib dwar jekk dan sarx għal raġunijiet elettorali;

Q.  billi Malta rrifjutat li tieħu sehem fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (European Public Prosecutor’s Office - EPPO), il-korp indipendenti tal-Unjoni bl-awtorità li jinvestiga u jipprosegwixxi każijiet ta' frodi kontra l-Unjoni u reati oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

R.  billi r-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers ta' April 2016 urew li total ta' 714-il kumpanija marbuta ma' Malta huma elenkati fid-database tal-Panama Papers tal-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi; billi dawn id-dokumenti kienu jinkludu rivelazzjonijiet rigward ministru fil-gvern kurrenti u eks ministru mill-amministrazzjoni preċedenti, u dwar uffiċjali ta' livell għoli;

S.  billi l-Parlament Ewropew organizza żjara ta' delegazzjoni f'Malta fi Frar 2017 fil-qafas tal-inkjesta tiegħu dwar il-Panama Papers; billi din id-delegazzjoni kkonkludiet, fir-rapport dwar il-missjoni tagħha, li hemm raġunijiet għall-konvinzjoni li l-forza tal-pulizija Maltija mhijiex mgħammra sew biex twettaq il-kompitu tagħha bl-aħjar mod, hekk li dan possibbilment jissuġġerixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina; billi din id-delegazzjoni rrimarkat li l-għadd ta' kundanni u konfiski relatati mal-ħasil tal-flus f'Malta jidher estremament baxx f'relazzjoni mal-għadd ta' rapporti, li huwa fil-medja, mibgħuta lill-pulizija mill-FIAU; billi uffiċjal tal-gvern u eks ministru rrifjutaw it-talba tal-Kumitat PANA li jiltaqgħu miegħu matul din il-missjoni;

T.  billi żewġ rapporti kunfidenzjali mill-FIAU f'Malta, ta' data fl-2016, ġew ippubblikati f'Mejju 2017 u kkonkludew li kien hemm suspett raġonevoli ta' ħasil tal-flus relatat ma' uffiċjal tal-gvern; billi t-tielet rapport, ippubblikat fl-istess żmien, ta dettalji tal-ispezzjoni fil-post imwettqa mill-FIAU f'Pilatus Bank, u allegatament sab li l-bank kien qed jikser il-leġiżlazzjoni Maltija kontra l-ħasil tal-flus; billi l-proċess tal-għoti ta' liċenzja lil Pilatus Bank kien imħaffef meta mqabbel maż-żmien medju meħtieġ biex tkun żgurata l-konformità mal-istandards stabbiliti fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali;

U.  billi l-kap tal-FIAU u l-Kummissarju tal-Pulizija, it-tnejn li huma persuni f'karigi maħtura direttament mill-gvern, irriżenjaw ftit wara l-ikkompletar ta' dawn ir-rapporti; billi ma ġiet varata l-ebda investigazzjoni tal-pulizija ta' dawn l-allegazzjonijiet serji ta' ħasil tal-flus minn Persuni Esposti Politikament, inkluż minn membru tal-gvern; billi nħatru maġistrati biex jindagaw il-każijiet imsemmija hawn fuq; billi żewġ membri tal-persunal tal-FIAU tkeċċew minn xogħolhom wara li r-rapporti tal-FIAU ġew żvelati lill-istampa b'mod mhux uffiċjali;

V.  billi l-Kummissjoni Ewropea kienet infurmata b'dawn l-allegazzjonijiet tal-anqas f'Ġunju 2017, bit-talba li tagħmel inkjesta ulterjuri dwar Malta u r-rispett ta' din tal-aħħar għat-tielet AMLD u għad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali u l-adegwatezza tal-implimentazzjoni tagħhom fil-pajjiż;

W.  billi ċ-ċittadinanza tal-UE hija waħda mill-kisbiet ewlenin tal-UE u billi, skont it-Trattati, kwistjonijiet ta' residenza u ċittadinanza huma kompetenza esklussiva tal-Istati Membri; billi l-UE għandha s-setgħa li tissorvelja prattiki kontra l-korruzzjoni min-naħa tal-Istati Membri;

X.  billi l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkonferma li huwa kompitu ta' kull Stat Membru li, filwaqt li jirrispetta debitament id-dritt tal-Unjoni, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ksib u t-telf taċ-ċittadinanza tiegħu; billi, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Maastricht, l-għoti ta' ċittadinanza ta' Stat Membru jfisser ukoll l-għoti ta' ċittadinanza tal-UE u b'hekk ta' drittijiet addizzjonali qawwija, hekk li d-deċiżjonijiet ta' naturalizzazzjoni minn Stat Membru wieħed mhumiex newtrali fir-rigward tal-Istati Membri l-oħra u tal-UE;

Y.  billi l-Gvern Malti fl-2014 ħoloq Programm tal-Investitur Individwali li jbigħ iċ-ċittadinanza Maltija u tal-UE lil ċittadini ta' pajjiżi terzi bi prezz ta' EUR 650 000; billi l-lista ta' dawk li ngħataw din iċ-ċittadinanza tibqa’ mhux ċara minħabba li mhumiex identifikati fil-lista ppubblikata ta' ċittadini naturalizzati; billi rapport tal-FIAU li ġie żvelat b'mod mhux uffiċjali fl-2016 iqajjem tħassib dwar il-possibbiltà ta' korruzzjoni fl-amministrazzjoni ta' dan il-programm;

Z.  billi l-ġestjoni ta' dan il-Programm tal-Investitur Individwali ngħatat mill-gvern lil Nexia BT, ditta intermedjarja li ssemmiet fil-Panama Papers bħala inizjatriċi ta' trusts u kumpaniji offshore għal Persuni Esposti Politikament minn Malta, inkluż membru tal-gvern; billi l-Panama Papers jissuġġerixxu li Nexia BT aġixxiet b'nuqqas ta' diliġenza dovuta fl-għoti tal-informazzjoni sħiħa meħtieġa għall-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji;

AA.  billi r-rapport tal-Grupp tal-Intelligence Finanzjarja tal-Europol, bit-titlu "From suspicion to action – converting financial intelligence into greater operational impact" (Mis-suspett għall-azzjoni – it-tisrif tal-intelligence finanzjarja f'impatt operazzjonali akbar), jenfasizza li ċerti partijiet, fosthom organizzazzjonijiet kriminali, abbużaw minn aspetti tal-industriji Maltin ibbażati fuq l-internet biex jaħslu r-rikavat tal-kriminalità; billi dan m'għandux jiġi interpretat li jirrifletti fuq l-industrija kollha kemm hi;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u jistieden lill-Gvern Malti jimmobilizza r-riżorsi kollha meħtieġa biex iressaq lil min qatilha quddiem il-ġustizzja;

2.  Jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia; jirrikonoxxi l-azzjonijiet tal-awtoritajiet Maltin li stiednu l-parteċipazzjoni f'dan ir-rigward ta' korpi internazzjonali tal-infurzar tal-liġi, inklużi l-Federal Bureau of Investigation tal-Istati Uniti u speċjalisti tal-forensika Olandiżi; jitlob li l-Europol ikun involut bis-sħiħ matul l-investigazzjoni kollha;

3.  Jinnota li l-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi u tal-informaturi hija fl-interess vitali tas-soċjetà; jistieden lill-awtoritajiet Maltin, u lill-Istati Membri kollha tal-UE, biex jiżguraw il-protezzjoni tas-sikurezza personali u tal-għajxien tal-ġurnalisti u tal-informaturi;

4.  Jitlob li l-Konferenza tal-Presidenti toħloq "Premju Ewropew Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu Investigattiv", li għandu jingħata kull sena għal ġurnaliżmu investigattiv li jispikka fl-Ewropa;

5.  Jiddispjaċih li żviluppi f'Malta f'dawn l-aħħar snin wasslu għal tħassib serju dwar l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-midja u l-indipendenza tal-pulizija u tal-ġudikatura;

6.  Jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi djalogu mal-Gvern Malti dwar il-funzjonament tal-istat tad-dritt f'Malta u tiżgura r-rispett tal-valuri Ewropej; jitlob li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat bis-sħiħ dwar il-valutazzjoni tagħha; itenni l-ħtieġa li jkun hemm proċess regolari ta' monitoraġġ u ta' djalogu li jinvolvi lill-Istati Membri kollha, sabiex jissalvagwardja l-valuri fundamentali tal-UE ta' demokrazija, drittijiet fundamentali u stat tad-dritt, bl-involviment tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament, kif dan tal-aħħar ippropona fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt DRF);

7.  Jiddispjaċih li diversi allegazzjonijiet serji ta' korruzzjoni u ta' ksur tal-obbligi rigward il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u rigward is-superviżjoni bankarja ma ġewx investigati mill-pulizija f'Malta, fatt li jirrappreżenta theddida għall-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru; jirrikonoxxi li hemm diversi inkjesti maġisterjali għaddejjin rigward uħud minn dawn l-allegazzjonijiet; jiddispjaċih, bmod speċifiku, għall-fatt li sal-lum ma saret l-ebda investigazzjoni mill-pulizija f'Malta dwar ir-rivelazzjonijiet rigward il-Panama Papers u Persuni Esposti Politikament f'rapporti tal-FIAU li ġew żvelati b'mod mhux uffiċjali, u jinnota li wħud mill-persuni msemmija b'isimhom fir-rapporti tal-FIAU għadhom membri tal-gvern; jistieden lill-Kummissarju tal-Pulizija ta' Malta jiftaħ tali investigazzjoni;

8.  Jinnota l-kummenti magħmula mill-Prim Imħallef ta' Malta dwar l-istat tad-dritt, u jappoġġja l-affermazzjoni tiegħu li, mingħajr infurzar tal-liġi sod, l-istat tad-dritt f'Malta ma jistax ikun salvagwardat(9);

9.  Jesprimi tħassib dwar ir-rapport tal-Kumitat PANA wara ż-żjara tiegħu f'Malta, li jsostni li l-istituzzjonijiet pubbliċi responsabbli għall-konformità u għall-ġlieda kontra l-frodi u l-kriminalità finanzjarja huma politiċizzati bil-kbir;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni tivverifika jekk Malta hijiex konformi mat-tielet AMLD u mad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali; jinnota li Malta hija waħda minn diversi Stati Membri li il-Kummissjoni ħadet azzjoni inizjali ta' ksur kontrihom talli naqsu milli jittrasponu r-raba' AMLD sal-iskadenza tat-26 ta' Ġunju 2017; jirrikonoxxi li din it-traspożizzjoni qiegħda ssir;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Maltin jieħdu sehem fl-EPPO bil-għan li jaħdmu flimkien ma' Stati Membri oħra parteċipanti biex jikkumbattu l-frodi kontra l-UE u reati oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet superviżorji u ġudizzjarji Maltin jinvestigaw il-proċess tal-għoti ta' liċenzja lil Pilatus Bank, b'mod partikolari rigward l-issodisfar ta' rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità għall-korp maniġerjali ta' istituzzjonijiet finanzjarji, kif imsemmi fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali, u jistedinhom jinvestigaw il-konformità ta' Nexia BT mal-AMLD;

13.  Itenni t-tħassib li Membri ta' din il-Kamra sikwit esprimew dwar iċ-Ċittadinanza permezz ta' Skemi ta' Investiment inġenerali, inkluż f'Malta u fi Stati Membri oħra tal-UE; jistieden lil Malta tagħmilha ċara min xtara passaport Malti u d-drittijiet kollha li jmorru miegħu, u x'salvagwardji huma implimentati biex jiżguraw li dawn iċ-ċittadini jkunu effettivament qattgħu sena f'Malta qabel ma seħħ ix-xiri; jitlob li l-Kummissjoni tissorvelja tali programmi ta' ċittadinanza fl-Istati Membri, peress li dawn tal-aħħar għandhom l-obbligu li jqisu debitament id-dritt tal-UE huma u jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam taċ-ċittadinanza;

14.  Jistieden lil Malta u lill-Istati Membri l-oħra kollha jiżguraw li l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa tingħata prijorità u li jkunu allokati għal din il-kawża r-riżorsi kollha neċessarji;

15.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tippubblikax ir-rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni fl-2017;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President tar-Repubblika ta' Malta.

(1) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 117.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0409.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0402.
(4) Nenadic, Iva, 2016. "Media Pluralism Monitor 2016 – Monitoring Risks for Media Pluralism in the EU and Beyond. Country report: Malta". (Monitoraġġ tal-Pluraliżmu Medjatiku 2016 – Monitoraġġ tar-Riskji għall-Pluraliżmu Medjatiku fl-UE u lil hinn minnha. Rapport dwar il-Pajjiż: Malta) Centre for Media Pluralism and Media Freedom. Disponibbli għat-tniżżil fl-indirizz http://cmpf.eui.eu/media-pluralism-monitor/mpm-2016-results/malta/
(5) Ara https://rsf.org/en/malta
(6) Il-Gvern ta' Malta, "Abbozz ta' Liġi bit-titlu 'Att biex jipprovdi għall-aġġornar tar-regolamentazzjoni ta' ħwejjeġ li jikkonċernaw il-midja u l-malafama u għal ħwejjeġ konsegwenzjali jew anċillari għal dan'", Artikolu 26(6). Ara http://justiceservices.gov.mt/DownloadDocument.aspx?app=lp&itemid=28292&l=2
(7) Ara http://www.justiceservices.gov.mt/DownloadDocument.aspx?app=lp&itemid=25151&l=2
(8) L-Att Nru XLIV tal-2016, Artikolu 5 (96A) http://www.justiceservices.gov.mt/DownloadDocument.aspx?app=lp&itemid=27835&l=2
(9) http://www.independent.com.mt/articles/2017-10-02/local-news/Chief-Justice-boldly-speaks-out-about-rule-of-law-need-for-proper-law-enforcement-6736179695

Avviż legali