Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2130(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0308/2017

Testi mressqa :

A8-0308/2017

Dibattiti :

PV 14/11/2017 - 14
CRE 14/11/2017 - 14

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2017 - 13.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0440

Testi adottati
PDF 451kWORD 62k
L-Erbgħa, 15 ta' Novembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-Sħubija tal-Lvant: Is-Summit ta' Novembru 2017
P8_TA(2017)0440A8-0308/2017

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2017 dwar lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017 (2017/2130(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Parti Ħamsa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009 bħala sforz komuni tal-UE u s-sħab tal-Lvant tagħha l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits dwar is-Sħubija tal-Lvant tal-2011 f'Varsavja, tal-2013 f'Vilnius u tal-2015 f'Riga,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-mexxejja ta' 27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea adottata f'Ruma fil-25 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra rakkomandazzjonijiet minn u l-attivitajiet tal-Assemblea Parlamentari Euronest, tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, u tal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), b'mod partikolari r-rapport tal-2017 dwar l-implimentazzjoni tar-rieżami tal-PEV (JOIN(2017)0018) u d-dokument ta' ħidma rivedut tal-2017, bit-titolu "Is-Sħubija tal-Lvant – 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli" (SWD(2017)0300), kif ukoll il-Komunikazzjoni tal-2016 dwar l-"Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-PEV u s-Sħubija tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017 dwar it-72 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(1), għar-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-każ ta' Afgan Mukhtarli u s-sitwazzjoni tal-midja fl-Ażerbajġan(2), tas-6 ta' April 2017(3) u tal-24 ta' Novembru 2016(4) dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja, tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017(5), tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Istati tas-Sħubija tal-Lvant(6), tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni/iż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(7) u tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(8),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlamenti tal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna tat-3 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0308/2017),

A.  billi s-Sħubija tal-Lvant hija bbażata fuq impenn kondiviż bejn l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova, l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea bil-għan li japprofondixxu r-relazzjonijiet tagħhom u jaderixxu mad-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll l-ekonomija tas-suq soċjali, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba;

B.  billi s-Sħubija tal-Lvant tfittex li tikseb l-għanijiet komuni tal-promozzjoni tal-istabbiltà, il-bini ta' fiduċja u l-kooperazzjoni, l-appoġġ għal riformi demokratiċi, ir-relazzjonijiet tajba mal-viċinat, is-soluzzjoni paċifika tal-kunflitt u l-kooperazzjoni reġjonali, it-tisħiħ tal-kuntatti bejn in-nies u l-ixprunar tal-kummerċ, sabiex jitkattar id-djalogu u l-assoċjazzjoni politika kif ukoll il-kooperazzjoni ekonomika u l-integrazzjoni;

C.  billi permezz tal-Istrateġija Globali u, l-PEV riveduta tagħha, l-UE tfittex li tqarreb is-sħab tagħha permezz ta' assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika mħaffa mal-UE, waqt li fl-istess ħin għandha l-għan li tippromwovi l-istabbilizzazzjoni politika, ir-reżiljenza tas-soċjetà u l-prosperità ekonomika fil-viċinat tagħha, u toffri opportunitajiet għal relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi privileġġati skont il-livell ta' ambizzjoni ta' kull pajjiż imsieħeb;

D.  billi, minħabba li l-UE tikkunsidra l-kooperazzjoni bħala valur fiha nnifisha u temmen bis-sħiħ li din twassal għal sitwazzjonijiet ta' benefiċċju reċiproku għall-partijiet kollha kkonċernati, hemm impenn min-naħa tal-UE biex tkompli taħdem mal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant sakemm il-valuri ewlenin Ewropej ma jiġux dubitati jew imxekkla;

E.  billi l-UE u s-sħab tagħha jinħtieġu li jqabblu r-riżorsi u l-istrumenti mal-impenji magħmula u billi s-sħab għandhom jiffokaw aktar fuq l-implimentazzjoni tal-ftehimiet eżistenti;

F.  billi l-parteċipanti fis-Summit ta' Riga fl-2015 talbu li jsir progress sas-Summit li jmiss fl-oqsma ta': (1) it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza tajba, (2) il-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni, (3) l-iżvilupp ekonomiku u l-opportunitajiet tas-suq, u (4) il-konnettività, l-effiċjenza tal-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima;

G.  billi twettaq progress sinifikanti mill-aħħar Summit, partikolarment bil-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ ta' tliet Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni inkluża Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv (DCFTA) mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, kif ukoll reġimi mingħajr viża mal-Georgia u l-Ukrajna sa mill-2017 (u mal-Moldova sa mill-2014), il-konklużjoni ta' negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija Imtejba u Komprensiva mal-Armenja (li jservi bħala eżempju ta' kif is-sħubija tal-Unjoni Ekonomika Ewroasjatika u l-parteċipazzjoni fl-istrateġiji tal-viċinat tal-UE jistgħu jgħixu flimkien), it-tnedija ta' negozjati dwar ftehim komprensiv ġdid mal-Ażerbajġan, l-adozzjoni ta' riformi kbar f'għadd minn dawn il-pajjiżi bl-appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju tal-Unjoni Ewropea, u t-tkomplija tal-politika ta' parteċipazzjoni kritika fil-konfront tal-Belarussja;

H.  billi mit-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga, xi membri fundaturi esperjenzaw deterjorament ġenerali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u t-treġġigħ lura ta' xejriet ta' demokratizzazzjoni; billi l-iffaċilitar ta' tranżizzjoni kontinwa għal tkabbir inklużiv, responsabbli, demokraziji stabbli u vijabbli hi waħda mill-isfidi ewlenin;

I.  billi żieda fil-mobbiltà u t-tisħiħ tal-kuntatti bejn il-persuni bejn il-pajjiżi sħab u l-UE tibqa' strument indispensabbli għall-promozzjoni tal-valuri Ewropej;

J.  billi pjan ġdid ta' ħidma strateġika propost mill-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE li jgħaqqad flimkien il-kooperazzjoni bilaterali u dik reġjonali għandu l-għan li jiggwida l-ħidma futura mill-UE u s-sitt pajjiżi sħab billi jiffoka fuq għoxrin riżultat li jistgħu jinkisbu sal-2020;

K.  billi l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tas-sħab tal-Lvant tal-UE għadhom mhedda minn kunflitti reġjonali mhux solvuti, inklużi wħud li tnedew u li għadhom attivament sostnuti mill-Federazzjoni Russa f'kontradizzjoni mal-impenji internazzjonali tagħha li tiddefendi l-ordni ġuridiku internazzjonali; billi l-UE għandha twettaq rwol aktar attiv fis-soluzzjoni paċifika tal-konflitti kollha li għadhom għaddejjin fil-viċinat tagħha; billi l-aggressjoni Russa fil-konfront tal-Ukrajna, l-annessjoni tal-peniżola tal-Krimea u l-okkupazzjoni kontinwa taż-żewġ reġjuni tal-Georgia, kif ukoll it-theddid ibridu Russu inklużi l-attivitajiet ta' destabilizzazzjoni u propaganda, jheddu s-sigurtà Ewropea kollha kemm hi;

L.  billi l-politika tas-Sħubija tal-Lvant hija bbażata fuq id-dritt sovran ta' kull wieħed mis-sħab li jagħżel il-livell ta' ambizzjoni u l-miri li jaspira għalihom fir-relazzjonijiet tiegħu mal-UE; billi s-sħab li jfittxu relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-UE għandhom ikunu kapaċi li jaċċedu għal aktar appoġġ u assistenza biex jinkisbu miri stipulati reċiproċi, jekk dawn jissodisfaw l-impenji ta' riforma eżistenti, bi qbil mal-prinċipju ta' "aktar għal aktar";

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna:

Dwar il-futur tas-Sħubija tal-Lvant

Dwar l-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant

   (a) li jiżguraw li s-summit ta' Novembru 2017 ikun wieħed li jħares 'il quddiem, li jinjetta dinamiżmu ġdid u li jfassal viżjoni politika ċara għall-futur tas-sħubija tal-Lvant bħala politika fuq il-perjodu twil; li jiżguraw li r-riżultati ta' dan is-Summit ta' Novembru 2017 ikollhom bħala l-ewwel prijorità, il-provviżjoni ta' bażi għad-difiża tal-valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari r-rispett tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, id-drittijiet ċivili, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi, li fuqhom hija bbażata s-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li jenfasizza li dawn il-valuri jinsabu fil-qalba tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni u jirrikonoxxi l-impenji tas-sħab ikkonċernati biex jimplimentaw u jippromwovu dawn il-valuri;
   (b) li jissodisfaw l-aspettattivi għolja taċ-ċittadini fil-pajjiżi sħab kollha rigward il-qerda tal-korruzzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba; li jfittxu għalhekk l-impenn imġedded tas-sħab biex jadottaw u jimplimentaw b'mod sħiħ ir-riformi relatati mal-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, skont pjani direzzjonali b'objettivi u skadenzi definiti biċ-ċar;
   (c) li jsaħħu s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi sħab u r-rwol tagħha fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant, kemm bħala attur dispensabbli fil-proċess ta' konsolidazjoni demokratika u bħala pjattaforma għal kooperazzjoni reġjonali billi topponi mingħajr kompromess kull tip ta' leġiżlazzjoni u miżuri li jfittxu li jnaqqsu l-attivitajiet leġittimi tagħha u billi jħeġġu l-involviment aktar profond tagħha fit-tfassil, fl-iskrutinju u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' riformi marbuta mas-Sħubija kif ukoll bil-promozzjoni tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet pubbliċi;
   (d) li jinkoraġġixxu r-riformi elettorali li jiżguraw li l-oqfsa legali jkunu konformi mal-istandards internazzjonali, mar-rakkomandazzjonijiet minn missjonijiet ta' osservazzjoni internazzjonali mmexxija mill-OSKE u mal-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u li jistgħu jinkisbu permezz ta' proċess trasparenti, u jkunu s-suġġett ta' konsultazzjoni wiesgħa u, sa fejn ikun possibbli, kunsens mal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, sabiex jittejbu l-oqfsa elettorali mingħajr l-ebda preġudizzju lejn il-partiti fil-gvern; li jiżguraw l-applikazzjoni stretta mill-UE tal-kundizzjonalità eżistenti fir-rigward tar-riforma elettorali;
   (e) li jiżguraw li l-eżitu tas-Summit ta' Novembru 2017 jieħu kont tar-riżultati tanġibbli li diġà nkisbu, li jenfasizza l-bżonn li jiġu ssodisfatti l-impenji kollha diġà magħmula u li jipprovdi impetu ġdid għall-futur tas-Sħubija, inkluż it-twassil ta' riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini, partikolarment f'termini ta' impjiegi, it-tnaqqis tad-diskrepanzi soċjoekonomiċi, it-trasport u l-konnettività, l-indipendenza tal-enerġija, il-mobbiltà u l-edukazzjoni, filwaqt li tittieħed nota tal-fatt li Pjan ġdid ta' Investiment Estern Ewropew (PIE) huwa strument importanti f'dan ir-rigward;
   (f) li jkomplu bl-isforzi mmirati lejn l-indirizzar tal-qgħad, speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ, inkluż permezz ta' pakkett ta' miżuri ta' appoġġ għaż-żgħażagħ bħall-programm EU4Youth, u bl-iżvilupp ta' ħiliet adattati għall-ħtiġijiet li qed jevolvu tas-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, it-trawwim tal-intraprenditorija u l-industriji lokali, l-appoġġ għal agrikoltura sostenibbli, l-iżvilupp tat-turiżmu u l-ekonomija diġitali, u l-espansjoni tal-infrastruttura soċjali u tas-setturi tas-servizzi pubbliċi u privati, inter alia fil-qasam tas-saħħa u tal-indukrar tas-saħħa;
   (g) li jippromwovu u jappoġġaw b'mod attiv l-implimentazzjoni ta' politiki kontra d-diskriminazzjoni fis-setturi kollha tas-soċjetà; li jiżguraw l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki pubbliċi u l-appoġġ għall-impjegabbiltà u l-intraprenditorija tan-nisa, bil-garanzija tal-kontinwità ta' politika lil hinn mid-data fil-mira tal-2020;
   (h) li jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu flimkien fuq mobbiltà akbar bejn l-UE u l-pajjiżi sħab; li jappoġġaw lill-Moldova, lill-Georgia u lill-Ukrajna fl-implimentazzjoni tal-ftehim ta' liberalizzazzjoni tal-viża u li jiżguraw li l-mekkaniżmi ta' sospensjoni ma jiskattawx fil-futur, partikolarment permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib fl-oqsma tal-pulizija u tad-dwana sabiex issir salvagwardja kontra t-theddid għas-sigurtà, il-kriminalità u l-qbiż tas-soġġorn awtorizzat; li jiftħu djalogi dwar il-viża mal-Armenja, li jinkoraġġixxu l-progress mill-Ażerbajġan fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet għall-Faċilitazzjoni tal-Viża u ta' Riammissjoni (VFA/RA) bil-ħsieb li jinfetaħ djalogu dwar il-viża fil-ġejjieni, u biex jiġu ffinalizzati n-negozjati tal-VFA/RA mal-Belarussja għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħha, jekk dawn il-pajjiżi jagħmlu progress sinifikanti fil-qasam tal-valuri fundamentali u jissodisfaw il-kondizzjonijiet preċiżi definiti fi pjanijiet direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża;
   (i) li jkomplu jżidu l-opportunitajiet għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-oqsma tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, partikolarment permezz ta' programmi bħal Erasmus+, Spreading excellence and widening participation (it-Tixrid tal-eċċellenza u firxa tal-parteċipazzjoni) u EU4Innovation kif ukoll l-għoti ta' garanziji ta' self mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment bħala parti mill-programm InnovFin tiegħu; li jipprovdu appoġġ sabiex issir ir-riforma tal-edukazzjoni u li jindirizzaw id-distakk fl-edukazzjoni u l-innovazzjoni;
   (j) li jiżguraw li r-riżultati tas-Summit ta' Novembru 2017 jipprovdu wkoll impetu mġedded sabiex jiġi xprunati t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-immodernizzar tas-setturi eżistenti, l-opportunitajiet ta' kummerċ u investiment, inklużi l-opportunitajiet intrareġjonali għal kooperazzjoni transfruntiera u b'enfasi partikolari fuq l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs);
   (k) li jitolbu appoġġ tal-UE kalibrat mill-ġdid għall-aġendi ta' Assoċjazzjoni u r-riformi strutturali relatati, b'mod partikolari dawk li jippermettu titjib fil-kompetittività, ambjent tan-negozju iktar favorevoli u aċċess adegwat għas-sorsi ta' finanzjament, inkluż permezz tal-inizjattiva EU4business; li jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni tad-DCFTAs sabiex ikun evitat id-dumping soċjali u ambjentali; li jfassalu assistenza mmirata għall-SMEs biex jgħinuhom jassorbu bis-sħiħ il-potenzjal tad-DCFTAs; li jippromwovu u jappoġġaw riforma ġenwina tas-sistema ekonomika li għandha l-għan li telimina gradwalment il-monopolji u li ddgħajjef ir-rwol tal-oligarki bl-introduzzjoni ta' liġijiet adegwati, kif ukoll permezz ta' riforma ewlenija tas-settur bankarju u finanzjarju bil-għan li jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-evażjoni fiskali;
   (l) li jappoġġaw l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport u l-konnettività meħtieġa, inkluż permezz ta' pjan ta' investiment ambizzjuż għan-netwerk ewlieni tat-TEN-T, u anke sabiex jippromwovu l-kummerċ intrareġjonali; li jappoġġaw proġetti infrastrutturali li se jipprovdu opportunitajiet ġodda għall-kummerċ u li jippermettu aktar komunikazzjoni u skambji bejn l-UE u l-pajjiżi sħab kif ukoll fost is-sħab infushom;
   (m) li jtejbu kemm l-indipendenza enerġetika kif ukoll l-effiċjenza permezz ta' investimenti speċifiċi u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, partikolarment fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, permezz ta' kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma prijoritarji kollha koperti mill-Unjoni tal-Enerġija tal-UE u bl-integrazzjoni aktar mill-qrib tas-swieq tal-enerġija tas-sħab mas-suq tal-enerġija Ewropew, u b'enfasi partikolari fuq l-interkonnettività u l-infrastruttura; li jiżguraw li s-sezzjonijiet onshore u offshore tal-infrastruttura ta' pipeline il-ġdida fir-reġjun, inkluż il-pipeline Nord Stream 2, jikkonformaw bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE u mal-istrateġija tal-Unjoni tal-enerġija u li dawn ma jipperikolawx is-sigurtà enerġetika reġjonali; li jaħdmu mas-sħab tal-Lvant biex jappoġġaw l-unitajiet domestiċi l-iktar milquta mill-prezzijiet dejjem ogħla tal-enerġija;
   (n) li jiżguraw ir-rispett sħiħ tas-sigurtà nukleari internazzjonali u l-ftehimiet u l-obbligi tal-protezzjoni ambjentali; li jżidu l-isforzi lejn it-twettiq tal-impenji tat-tibdil fil-klima inkluż permezz tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u permezz tat-tneħħija gradwali tal-impjanti tal-enerġija qodma fl-Armenja u fl-Ukrajna; li jsegwu mill-qrib l-iżvilupp ta' proġetti ġodda bħall-impjant tal-enerġija nukleari f'Ostrovets, il-Belarussja;
   (o) li jiżguraw li r-riżultati tas-Summit ta' Novembru 2017 jindirizzaw ukoll it-theddid għas-sigurtà u l-kunflitti li jaffettwaw is-sovranità, l-integrità territorjali, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-istabbiltà politika, soċjali u ekonomika u l-iżvilupp tas-sħab u tar-reġjun kollu kemm hu;
   (p) li jimpenjaw ruħhom biex isostnu l-unità ta' azzjoni fost l-Istati Membri tal-UE sabiex iżommu pressjoni kollettiva fuq ir-Russja, li minkejja kollox il-preżenza militari tagħha fir-reġjun kompliet tikber matul dawn l-aħħar snin, partikolarment permezz tat-tisħiħ ta' miżuri restrittivi mmirati, biex jissolva l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna billi jikkonformaw b'mod sħiħ u ġenwin l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk u biż-żamma ta' missjoni ta' monitoraġġ tal-OSKE, biex jissolva l-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia permezz ta' riżultati tanġibbli għad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra u l-implimentazzjoni sħiħa min-naħa tar-Russja tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tal-2008, li terġa' tiġi stabbilita s-sovranità sħiħa tal-Ukrajna fil-Krimea, u dik tal-Georgia fit-territorji okkupati tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar tal-Moldova fit-Transnistrija, biex tingħata attenzjoni adegwata dwar is-sitwazzjoni ekoloġika perikoluża fil-Lvant tal-Ukrajna, li tappoġġa s-sħab tagħha fit-tisħiħ tar-reżiljenza tagħhom, u biex itemmu t-theddid addizzjonali ta' qtil, attakki ċibernetiċi, diżinformazzjoni u tipi oħra ta' destabilizzazzjoni sponsorizzati mill-istat;
   (q) li jenfasizzaw li l-parteċipazzjoni ta' sieħeb tal-Lvant f'eżerċizzji militari fil-konfront tal-UE u/jew ta' xi wħud mis-sħab, bħall-eżerċizzju Zapad 2017 immexxi mir-Russja, mhijiex aċċettabbli; li jiżguraw li wieħed mis-sħab ma jerġax jieħu sehem f'eżerċizzji bħal dawn fil-futur;
   (r) li jsejħu għal waqfien immedjat tal-ostilitajiet militari bejn il-forzi tal-Armenja u l-Ażerbajġan, li wasslu għall-mewt mhux meħtieġa ta' persuni ċivili u suldati filwaqt xekklu l-iżvilupp soċjoekonomiku; li jaffermaw mill-ġdid l-appoġġ għall-isforzi tal-Kopresident tal-Grupp ta' Minsk tal-OSKE biex jiġi solvut il-kunflitt ta' Nagorno-Karabakh, u għall-Prinċipji Bażiċi 2009 tagħhom, li jinkludu l-integrità territorjali, l-awtodeterminazzjoni u n-nuqqas ta' użu tal-forza; li jistiednu lill-Armenja u lill-Ażerbajġan biex jerġgħu jniedu mill-ġdid in-negozjati in bona fede bil-għan li jimplimentaw dawn il-prinċipji biex jissolva l-kunflitt, li ma jistax jiġi solvut bl-użu tal-forza militari; li jappellaw lill-Gvernijiet tal-Armenja u tal-Ażerbajġan biex jorganizzaw taħdidiet ta' livell għoli u jimpenjaw ruħhom għal miżuri ta' bini ta' kunfidenza u ta' djalogu ġenwin bejn is-soċjetà ċivili Armena u tal-Ażerbajġan; li jirratifikaw ftehimiet ġodda bejn l-UE u kull waħda mill-partijiet bil-kondizzjoni li jittieħdu impenji serji u jitwettaq progress sostanzjali lejn is-soluzzjoni tal-konflitt bħal biż-żamma tal-waqfien mill-ġlied u bl-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Prinċipji Bażiċi tal-2009;
   (s) li jappellaw għal appoġġ kontinwu għall-ħidma mwettqa mill-missjonijiet tal-UE u l-OSKE fil-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajnatal-Lvant bħala operazzjonijiet essenzjali fl-iżgurar tal-paċi u s-sigurtà, l-ewwel u qabel kollox, għall-benefiċċju taċ-ċittadini fuq il-post; li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-mandati ta' dawn il-missjonijiet u jħeġġu lir-Russja tiggarantixxi l-aċċess mingħajr xkiel tagħhom; li jikkunsidraw li jappoġġaw l-iskjerament ta' missjoni armata tal-pulizija tal-OSKE fil-Lvant tal-Ukrajna; li jirriflettu, b'mod konġunt mal-pajjiżi sħab, dwar il-prospett ta' rwol imsaħħaħ għall-UE f'termini li tinstab soluzzjoni għal dawn il-kunflitti, inkluż billi jitniedu missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) ambizzjużi u żviluppati bil-kompitu li jtejbu s-sigurtà u l-istabbiltà;
   (t) li jistiednu lis-sħab tal-UE biex jikkoperaw bis-sħiħ mal-UE biex jiġu indirizzati sfidi bħalma huma l-migrazzjoni illegali, it-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità, it-traffikar tal-bnedmin, il-kuntrabandu u l-kummerċ illeċitu;
   (u) li jikkunsidraw, fi ħdan il-politika tal-EaP, mudell ta' "EaP+" attraenti fuq medda itwal ta' żmien għal pajjiżi assoċjati li jkunu wettqu progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-AA/DCFTA, li eventwalment jistgħu jwasslu biex huma jingħaqdu mal-unjoni doganali, mal-unjoni tal-enerġija, mal-unjoni diġitali u maż-żona Schengen, jitkattar aktar l-aċċess għas-suq intern tal-UE, l-integrazzjoni fin-netwerks tat-trasport tal-UE, sħubijiet industrijali, żieda fil-parteċipazzjoni fi programmi u aġenziji oħra tal-UE, kooperazzjoni ulterjuri fil-qasam tal-PSDK, u aktar miżuri immedjati bħal preferenzi tariffarji unilaterali addizzjonali, qafas ta' żmien konkret għall-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming bejn is-sħab u l-UE, u l-iżvilupp ta' broadband b'kapaċita għolja; li jwessgħu l-mudell "EaP+" għal pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant ladarba jkunu lesti għal tali impenji msaħħa u jkunu wettqu progress sinifikanti lejn l-implimentazzjoni ta' riformi maqbula b'mod reċiproku;
   (v) li jikkunsidraw, għal pajjiżi mhux assoċjati, mezzi ġodda ta' appoġġ għas-soċjetà ċivili, in-negozji, il-komunitajiet tal-midja akkademika u indipendenti u ż-żgħażagħ, inkluż permezz ta' finanzjament addizzjonali u sħubijiet ta' mobbiltà;
   (w) li jiżguraw li, fiż-żewġ każijiet, l-għanijiet komuni huma kemm fuq perjodu medju u fit-tul meta meħtieġ, li jinkoraġġixxu lil xi wħud mill-pajjiżi sħab biex imorru lil hinn mil-loġika ta' ċikli elettorali lejn viżjonijiet aktar strateġiċi;
   (x) li jtennu l-prinċipju tad-differenzjazzjoni u li l-ambitu u l-profondità tal-kooperazzjoni mal-UE jiġu determinati mill-ambizzjonijiet tagħha u minn dawk tas-sħab, kif ukoll ir-ritmu u l-kwalità tar-riformi li għandhom jiġu evalwati abbażi tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom, partikolarment fir-rigward tar-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba;
   (y) li jenfasizzaw li s-Sħubija tal-Lvant għandha l-għan li toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għal assoċjazzjoni politika mill-qrib u integrazzjoni ekonomika, inkluża l-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE; li jtennu li l-ftehimiet ta' assoċjazzjoni mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna ma jirrappreżentawx l-għan aħħari tar-relazzjonijiet tagħhom mal-UE; li jirrikonoxxu għal darb'oħra l-aspirazzjonijiet Ewropej ta' dawn il-pajjiżi; li jirrimarkaw, li skont l-Artikolu 49 tat-TUE u bi qbil mad-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017, kwalunkwe Stat Ewropew jista' japplika biex isir membru tal-UE, dment li jaderixxi mal-kriterji ta' Copenhagen u l-prinċipji tad-demokrazija, u li jirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem inklużi dawk tal-gruppi ta' minoranzi u li jiżgura l-istat tad-dritt; li jħeġġu lill-Istati Membri sabiex f'dan ir-rigward, jilħqu ftehim dwar dikjarazzjoni ambizzjuża għas-Summit tal-2017, li tistabbilixxi miri rilevanti fuq il-perjodu ta' żmien twil;
   (z) li jistiednu lill-Georgia, lill-Moldova u lill-Ukrajna biex jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-aġendi ta' Assoċjazzjoni sabiex jisfruttaw l-opportunitajiet kollha disponibbli permezz tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, li jimpenjaw ruħhom ukoll fid-diskussjonijiet konġunti dwar il-progress, l-opportunitajiet u l-isfidi relatati ma' riformi marbuta ma' AA/DCFTA; li jtennu l-importanza ta' implimentazzjoni ġenwina tar-riformi msemmija hawn fuq għall-istabbiltà futura u l-iżvilupp tal-pajjiżi u l-benesseri tas-soċjetajiet tagħhom; li jaffermaw mill-ġdid li l-approfondiment tar-relazzjonijiet fi ħdan il-mudell "EAP+" kif ukoll kull prospettiva ta' sħubija fl-UE tirrikjedi progress sostanzjali f'termini tal-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi, speċjalment fir-rigward tal-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba;
   (aa) li jiżguraw li l-livelli ta' kooperazzjoni attwali u ulterjuri jkunu marbuta b'kundizzjonalità stretta u b'appoġġ għas-sħab, u li tiġi rispettata wkoll; li jenfasizzaw li l-appoġġ finanzjarju tal-UE lis-sħab tagħha se jkun jiddependi fuq passi konkreti ta' riforma, u l-implimentazzjoni effettika tagħhom, u li l-approċċ ibbażat fuq l-inċentivi tal-UE se jkompli jibbenefika lil dawk is-sħab l-iktar involuti f'riformi ambizzjużi; li jipprevedu l-ħlas ta' għotjiet f'pagamenti iżgħar sabiex l-UE tkun tista' tirrispondi aħjar għal kriżiijiet mhux mistennija jew għal nuqqas ta' riformi; li jenfasizzaw b'mod partikolari li mhu se jkun ratifikat l-ebda ftehim komprensiv ma' pajjiż li ma jirrispettax il-valuri tal-UE, partikolarment permezz tan-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u bil-fastidju, l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-NGOs u tal-ġurnalisti; li jenfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jintlaħqu punti ta' riferiment ċari qabel ma jinbeda u jiġi konkluż kull djalogu ġdid dwar reġimi mingħajr viża; li jtennu li r-rigress fuq kisbiet preċedenti b'mod sistematiku se jwassal għas-sospensjoni ta' ftehimiet, inkluż fil-qasam ta' reġimi mingħajr viża u l-finanzjament tal-UE;
   (ab) li jappoġġaw id-dimensjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant bħala mezz kif tiżdied il-bini ta' fiduċja multilaterali, partikolarment f'żoni milquta mill-kunflitti, u l-ħolqien ta' opportunitajiet għal kooperazzjoni reġjonali, inkluż permezz ta' pjattaformi tas-soċjetà ċivili transnazzjonali, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-proġetti transfruntiera bħall-programmi bejn il-persuni li jinvolvu d-djalogu interkulturali u l-ġenerazzjoni żgħażugħa bħala fatturi għall-bidla;
   (ac) li jenfasizzaw l-importanza tal-komunikazzjoni ta' politiki relatati mas-Sħubija tal-Lvant b'mod koerenti u effikaċi, kemm internament kif ukoll esternament, u li jiġu pprovduti attivitajiet ta' komunikazzjoni mfassla għal reġjuni speċifiċi, partikolarment sabiex jimtela' d-distakk tal-għarfien fir-rigward tal-UE u r-relazzjonijiet mas-sħab tagħha; li jirrikonoxxu l-ħidma eċċellenti mwettqa s'issa mit-Task Force East StratCom u li jappoġġaw l-attivitajiet tagħha b'finanzjament addizzjonali; li jindirizzaw l-isfida ta' informazzjoni aħjar dwar il-benefiċċji konkreti u l-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant, li jdaħlu fil-mira d-diżinformazzjoni permezz ta' informazzjoni ta' kwalità msejsa fuq il-fatti u aċċessibbli bil-lingwi kollha tal-pajjiżi sħab u li jiżguraw ir-rispett sħiħ għal-libertà tal-espressjoni;
   (ad) li jsostnu li l-appoġġ tal-UE jinħtieġ ikun imfassal apposta biex jilħaq il-livell ta' ambizzjoni komuni rigward il-kooperazzjoni ma' kull sieħeb skont il-prinċipji ta' "aktar għal aktar" u "anqas għal anqas"; li jappellaw b'mod partikolari biex l-UE tallinja l-istrumenti baġitarji bħalma huma l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli mal-kompiti politiċi u mal-istrateġiji ta' implimentazzjoni b'mod partikolari fi ħdan il-proċeduri baġitarji annwali u pluriennali tagħha;
   (ae) li jilqgħu l-proposti tal-Kummissjoni biex is-sħab jiġu pprovduti b'assistenza makrofinanzjarja (MFA), filwaqt li ssir insistenza fuq kundizzjonalità stretta u effettiva mehmuża mal-proposti, notevolment f'termini tar-rispett għall-istat tad-dritt (inkluża ġudikatura indipendenti u sistema parlamentari multipartitika), l-iżgurar ta' governanza tajba (inkluża l-ġlieda kontra l-korruzzjoni b'mod effettiv) u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-midja; li jipprovdu lill-Parlament u lill-Kunsill b'rapport bil-miktub dettaljat kull sitt xhur dwar il-progress li jkun sar f'dawn it-tliet oqsma għal sħab li diġà jibbenefikaw minn tali assistenza; li jappellaw lill-Kummissjoni tfassal programmi MFA ġodda għall-pajjiżi sħab li temmew b'suċċess il-programmi tal-passat, sabiex ikun hemm dispożizzjoni sistematika għall-kundizzjonalità msemmija aktar 'il fuq fi proposti futuri għal assistenza simili, u li jiżguraw li tiġi applikata b'mod strett, partikolarment fil-każ tal-Moldova;
   (af) li jitlobu lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali oħrajn biex jaħdmu lejn l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u ta' mekkaniżmu ta' appoġġ speċifiku għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant impenjati li jimplimentaw il-ftehimiet ta' assoċjazzjoni; li jitlobu l-istabbiliment ta' fond fiduċjarju għall-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova bbażat fuq l-aħjar prattiki ta' strumenti b'diversi donaturi, filwaqt li jisħqu li dan il-fond fiduċjarju jinħtieġ li jiffoka fuq investimenti privati u pubbliċi, b'mod partikolari dawk fl-infrastruttura soċjali u ekonomika u li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità ta' assorbiment ta' investiment, u fuq il-koordinazzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-appoġġ ta' donaturi internazzjonali fil-post; li jikkunsidraw iż-żamma ta' konferenza tad-donaturi għall-Ukrajna b'appoġġ għall-bżonnijiet umanitarji tal-pajjiż kaġun tal-kunflitt fil-Lvant u tal-annessjoni tal-Krimea; li jiżguraw li l-użu tal-fondi kollha jkun mifli b'mod strett sabiex tiġi evitata kull miżapproprjazzjoni;
   (ag) li jtennu l-appoġġ qawwi tagħhom għal kontribut tal-parlament lejn il-politka tas-Sħubija tal-Lvant u l-iskrutinju tagħha, partikolarment fir-rigward tal-impatt tal-politika fuq il-ħajja taċ-ċittadini; li jsaħħu f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-Assemblea Parlamentari Euronest fi ħdan l-arkitettura ġdida multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll tal-Kumitati ta' Assoċjazzjoni jew ta' Kooperazzjoni Parlamentari (PAC/PCC) fi ħdan il-Kunsilli ta' Assoċjazzjoni jew Kooperazzjoni; li jilqgħu l-programmi ta' Approċċ Komprensiv ta' Appoġġ għad-Demokrazija (CDSA) li qed jiġu implimentati; li jistiednu lill-membri parlamentari mill-pajjiżi sħab biex jaħdmu flimkien biex jiskrutinizzaw l-implimentazzjoni u jiskambjaw l-aħjar prattiki; li jkabbru f'dan il-proċess, il-parteċipazzjoni tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant;
   (ah) li jieħdu nota tar-riżoluzzjoni tal-Parlament biex jiżdied il-monitoraġġ tiegħu tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali mas-sħab tal-Lvant u biex jiżdied l-iskrutinju tiegħu ta' appoġġ tal-UE f'dan ir-rigward; li jirrispondu għat-talba tal-Parlament lis-sħab u lill-Kummissjoni biex iżidu t-trasparenza tal-benefiċjarji kollha ta' finanzjament tal-UE; li jitlobu lill-Kummissjoni u lis-SEAE jibagħtu rapport dettaljat bil-miktub dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet kull sitt xhur lill-Parlament u lill-Kunsill;
   (ai) li jieħdu nota tar-riżoluzzjoni tal-Parlament biex jiżdied l-iskrutinju tiegħu tan-negozjati ta' ftehimiet internazzjonali futuri mas-sħab tal-lvant; li jappellaw lill-Kunsill biex mingħajr dewmien jipprovdi lill-Parlament bid-direttivi ta' negozjati kollha rilevanti f'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali rilevanti(9); li jilqgħu l-kooperazzjoni effettiva mill-Kummissjoni u s-SEAE mal-Parlament fl-għoti ta' informazzjoni dwar dawn in-negozjati, iżda li jintalbu jipprovdu wkoll, mingħajr dewmien, l-abbozz ta' testi ta' negozjati u ftehimiet inizjalati, f'konformità mal-Ftehim Qafas rilevanti(10);

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, lill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0304.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0267.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0126.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0456.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0089.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0487.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0018.
(8) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 110.
(9) ĠU C 95, 1.4.2014, p. 1.
(10) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

Avviż legali