Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2819(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0589/2017

Testi mressqa :

B8-0589/2017

Dibattiti :

PV 14/11/2017 - 17
CRE 14/11/2017 - 17

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2017 - 13.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0441

Testi adottati
PDF 430kWORD 57k
L-Erbgħa, 15 ta' Novembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija
P8_TA(2017)0441B8-0589/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija (2017/2819(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu "Pjan ta' Azzjoni għan-natura, għaċ-ċittadini u għall-ekonomija" (COM(2017)0198),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità(1),

–  wara li kkunsidra l-Kontroll tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-Natura (id-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats)) (SWD(2016)0472 finali),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 1/2017 intitolat "Jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex il-potenzjal sħiħ tan-netwerk Natura 2000 jiġi implimentat",

–  wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni intitolat "Reporting under the EU Habitats and Birds Directives 2007-2012: The State of Nature in the EU" (Ir-rapportar skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats u dik dwar l-Għasafar 2007-2012: l-Istat tan-Natura fl-UE),

–  wara li kkunsidra l-istatistika tal-EUROSTAT dwar il-bijodiversità, ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għan-natura, in-nies u l-ekonomija(2),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija (O-000067/2017 – B8-0608/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, bejn wieħed u ieħor, madwar nofs l-ispeċijiet biss tal-għasafar protetti u għadd iżgħar ta' speċijiet u ħabitats protetti oħra fl-Unjoni bħalissa għandhom status ta' konservazzjoni tajjeb u billi 50 % biss tas-siti Natura 2000 għandhom pjanijiet ta' ġestjoni b'objettivi u miżuri ta' konservazzjoni;

B.  billi d-Direttivi dwar in-Natura għandhom rwol importanti biex jintlaħqu l-miri tal-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima;

C.  billi l-valutazzjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent intitolata "L-istat tan-Natura fl-UE fl-2015" tgħid li l-pressjonijiet u t-theddidiet ewlenin għall-ekosistemi terrestri rrapportati mill-Istati Membri huma l-agrikoltura u l-modifika tal-kundizzjonijiet naturali, filwaqt li fil-każ tal-ekosistemi tal-baħar huma l-użu ta' riżorsi ħajjin (is-sajd) u t-tniġġis; billi dawn kollha huma attivitajiet tal-bniedem u għandhom impatt profond u ta' ħsara fuq in-natura;

D.  billi l-istatistika tal-EUROSTAT dwar il-bijodiversità għall-2016 turi tnaqqis ġenerali tal-167 speċi kollha ta' għasafar komuni tal-UE mill-1990 sal-2014(3);

Rimarki ġenerali

1.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija bħala pass fid-direzzjoni t-tajba sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttivi dwar in-Natura;

2.  Madankollu, jinnota bi tħassib li l-miri tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità tal-2020 u s-CBD mhux se jintlaħqu jekk ma jsirux sforzi immedjati, sostanzjali u addizzjonali; jenfasizza li l-miri tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità tal-2010 ma ntlaħqux;

3.  Josserva li l-ekosistemi b'saħħithom u reżiljenti huma aktar kapaċi li jimmitigaw l-effetti li jġib miegħu t-tibdil fil-klima u jadattaw rwieħhom għalih u, għaldaqstant, li jillimitaw it-tisħin globali; jinnota li dawn huma aktar reżistenti għal avvenimenti estremi ta' temp u jirkupraw minnhom aktar faċilment, u b'hekk jipprovdu għadd ta' benefiċċji li fuqhom jistgħu jiddependu n-nies;

4.  Josserva li fl-Ewropa, kważi kwart tal-ispeċijiet selvaġġi bħalissa jinsabu mhedda bl-estinzjoni u l-biċċa l-kbira tal-ekosistemi tant iddeterjoraw li m'għadhomx jistgħu jaqdu l-funzjonijiet fejjieda tagħhom; jinnota li dan qed jikkawża telf ekonomiku u soċjali kbir ħafna għall-UE, peress li l-kawżi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità, jiġifieri d-deterjorament tal-ħabitats, l-isfruttar esaġerat tar-riżorsi naturali, l-introduzzjoni u t-tkattir ta' speċijiet aljeni invażivi u t-tibdil fil-klima, qed jiżdiedu u qed imewtu l-effetti pożittivi tal-inizjattivi maħsuba biex jipprevjenu dan kollu;

5.  Jinnota li l-Pjan ta' Azzjoni għandu l-għan li "jħaffef il-progress lejn il-mira tal-UE 2020 li jieqaf u jitreġġa' lura t-telfien tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema"; madankollu jqis li huwa ta' dispjaċir li ma saret l-ebda referenza oħra għall-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-2020 jew mal-konklużjonijiet tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tagħha;

6.  Itenni l-ħtieġa li jsiru sforzi addizzjonali, sostanzjali u kontinwi biex jilħqu l-miri tal-2020, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtuhom prijorità politika akbar;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u stretta tal-leġiżlazzjoni dwar in-natura tal-Unjoni;

8.  Jenfasizza li progress sostanzjali fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, sustanzi li jniġġsu l-arja u sustanzi oħra li jniġġsu, u fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika u dik materjali, irid jiġi ikkumplimentat b'azzjonijiet ulterjuri mill-Istati Membri biex jiġu applikati b'mod sħiħ il-politiki biex jipproteġu aħjar il-bijodiversità, ir-riżorsi naturali, u s-saħħa pubblika;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu integrati b'mod ulterjuri l-politiki u l-għarfien sabiex jintlaħaq l-għan li ngħixu tajjeb fil-limiti tal-pjaneta tagħna, li hija l-viżjoni fit-tul tas-7 Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent;

10.  Jiddispjaċih dwar il-perjodu ta' żmien limitat tal-Pjan ta' Azzjoni u jistieden lill-Kummissjoni biex tibda taħdem fuq l-istrateġija għall-bijodiversità li jmiss mingħajr dewmien għall-perjodu ta' wara l-2020;

L-involviment tal-atturi kollha

11.  Jilqa' l-erba' oqsma ta' prijorità identifikati mill-Pjan ta' Azzjoni u jenfasizza l-ħtieġa għall-involviment attiv tal-atturi rilevanti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex l-azzjonijiet konkreti li jridu jittieħdu jkunu jistgħu jindirizzaw b'mod effikaċi n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats;

12.  Ifakkar li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fir-Rapport Speċjali Nru 1/2017 tagħha, ikkonkludiet li l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli u partijiet interessati oħra fl-Istati Membri ma kinitx żviluppata biżżejjed;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ effikaċi lill-atturi nazzjonali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar in-natura u fit-titjib tal-ispezzjonijiet ambjentali, inkluż permezz tal-kompetenza u l-bini tal-kapaċità u l-allokazzjoni aħjar tar-riżorsi;

14.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni bi ħsiebha taġġorna u tkompli tiżviluppa dokumenti ta' gwida fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE sabiex tippromwovi fehim akbar tal-leġiżlazzjoni fil-post u biex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi japplikawha aħjar u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea f'dan ir-rigward biex tinvolvi u tikkonsulta lill-partijiet interessati kollha f'dan il-proċess;

15.  Jenfasizza r-rwol tas-soċjetà ċivili fl-iżgurar ta' implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-natura, u l-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus f'dan ir-rigward;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva ġdida dwar standards minimi dwar l-aċċess għal reviżjoni ġudizzjarja, u reviżjoni tar-Regolament ta' Aarhus li jimplimenta l-Konvenzjoni għal azzjoni tal-Unjoni, bil-għan li tqis ir-rakkomandazzjoni reċenti tal-Kumitat ta' Konformità tal-Konvenzjoni ta' Aarhus;

17.  Jilqa' l-fatt li, mingħajr ma jiġu pperikolati l-objettivi u r-rekwiżiti ta' konservazzjoni stabbiliti fid-Direttivi dwar in-Natura, l-approċċi flessibbli għall-implimentazzjoni li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi jikkontribwixxu għat-tnaqqis u l-eliminazzjoni progressiva ta' kunflitti u problemi bla bżonn li nqalgħu bejn il-ħarsien tan-natura u l-attivitajiet soċjoekonomiċi, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-isfidi prattiċi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-annessi għad-Direttivi;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara r-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-involviment lokali u l-iskambji tal-għarfien;

L-ispeċijiet u l-ħabitats protetti

19.  Jissottolinja li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda deterjorament taż-żoni ta' Natura 2000 u jieħdu miżuri ta' konservazzjoni sabiex iżommu jew jirrestawraw l-ispeċijiet u l-ħabitats protetti għal stat ta' konservazzjoni favorevoli;

20.  Jitlob biex id-Direttivi dwar in-Natura jiġu għal kollox implimentati sabiex jiżguraw li l-azzjonijiet ta' konservazzjoni jittieħdu skont l-aħħar progress tekniku u xjentifiku;

21.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni ma jistabbilixxix strateġija ta' prijorità u azzjonijiet konkreti bil-għan li jissaħħu: l-protezzjoni tal-insetti dakkara, partikolarment fil-ġlieda kontra r-riskji għas-saħħa u l-ispeċijiet parassiti (speċjalment il-Varroa), il-koordinazzjoni tal-ħidma ta' riċerka, l-armonizzazzjoni tal-metodi ta' analiżi u l-iskambju ta' data xjentifika dwar id-dakkara fuq livell Ewropew, kif kien diġà ntalab f'riżoluzzjoni preċedenti tal-Parlament Ewropew;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni għal darb'oħra biex tippreżenta strateġija tal-UE li tipproteġi u tikkonserva dakkara mhedda li tindirizza b'mod komprensiv u trasversali l-kwistjoni fundamentali tar-rata ta' mortalità għolja tal-insetti dakkara fl-Ewropa, b'mod partikolari tan-naħal, li jipprovdu servizz ambjentali u ekonomiku imprezzabbli;

23.  Jipproponi li l-miżuri kontra l-Varroa jkunu obligatorji fil-livell tal-UE, li t-taħriġ għal dawk li jrabbu n-naħal f'metodi biex jipproteġu n-naħal ikun appoġġjat, u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll il-bdiewa u ċ-ċittadini l-oħrajn kollha jitħeġġu jippromwovu l-iżvilupp ta' speċijiet ta' pjanti, speċjalment pjanti tal-fjuri, f'żoni rurali u urbani, sabiex tiżdied id-disponibilità ta' pjanti li bihom jiġi prodott l-għasel;

24.  Ifakkar li l-qtil illegali tal-għasafar u partikolarment tal-ispeċijiet migratorji fil-Mediterran, iżda wkoll ta' għasafar tal-priża f'xi Stati Membri, għadu kawża ta' tħassib; jenfasizza l-ħtieġa ta' pjan ikkoordinat fuq livell Ewropew, ibbażat fuq data xjentifika, biex jiġu mmaniġġjati l-ispeċijiet tal-għasafar tal-passa li jtiru minn fuq aktar minn Stat Membru wieħed;

25.  Jitlob biex ir-Regolament dwar l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi (IAS) jiġi implimentat b'mod sħiħ u effikaċi u biex il-baġit tal-UE għal dan ikun iffinanzjat b'mod adegwat; jenfasizza li l-inklużjoni ta' speċijiet fil-Lista tal-Unjoni ta' Speċijiet Aljeni Invażivi għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju armonizzata u standardizzata; iqis li ġestjoni tal-IAS hija prijorità urġenti, speċjalment fis-siti tan-Natura 2000; jilqa' l-pjattaforma online tan-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni dwar Speċijiet Aljeni (EASIN), li tiffaċilita l-aċċess għal data dwar l-ispeċijiet aljeni;

26.  Jenfasizza li l-ħarsien tal-ambjent naturali komuni tagħna fl-Ewropa huwa essenzjali kemm għall-ekonomiji kif ukoll għall-benessri tagħna, li n-netwerk Natura 2000 huwa stmat li għandu valur ekonomiku ta' EUR 200-300 biljun fis-sena u jista' jiġġenera dħul għall-komunitajiet lokali permezz tat-turiżmu u r-rikreazzjoni u li ekosistemi b'saħħithom jipprovdu servizzi essenzjali bħall-ilma ħelu, il-ħżin tal-karbonju, insetti dakkara, u l-protezzjoni kontra l-għargħar, il-valangi u l-erożjoni kostali(4); għalhekk jirrimarka li l-investiment fin-netwerk Natura 2000 jagħmel sens ekonomiku tajjeb;

27.  Ifakkar li s-siti tal-baħar tan-netwerk Natura 2000 huma ferm inqas stabbiliti mis-siti terrestri; jistieden lill-Istati Membri kkonċernati biex jindirizzaw din il-kwistjoni u lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-kooperazzjoni meħtieġa ma' pajjiżi terzi sabiex titjieb il-protezzjoni tal-ambjent f'żoni tal-baħar;

28.  Jilqa' l-azzjoni bil-għan li tintegra s-servizzi tal-ekosistemi fit-teħid tad-deċiżjonijiet; jiddispjaċih, madankollu, għan-nuqqas ta' Inizjattiva tal-Ebda Telf Nett tal-Bijodiversità konkreta fil-Pjan ta' Azzjoni;

Ir-rabtiet ma' oqsma ta' politika oħra

29.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità, jiġifieri l-qerda u d-degradazzjoni tal-ħabitats, li jirriżultaw primarjament mill-konsum eċċessiv tal-art, mit-tniġġis, mill-agrikoltura intensiva, l-użu ta' pestiċidi kimiċi sintetiċi, it-tifrix ta' speċijiet invażivi u mit-tibdil fil-klima, u jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata koerenza fost il-politiki varji tal-UE;

30.  Jenfasizza li l-"Kontroll tal-Idoneità" jisħaq fuq il-ħtieġa li tittejjeb il-koerenza mal-politika agrikola komuni (PAK), u jissottolinja t-tnaqqis inkwetanti fi speċijiet u ħabitats marbuta mal-agrikoltura; jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-impatt tal-PAK fuq il-bijodiversità;

31.  Itenni li waħda mis-sitt prijoritajiet ewlenin għall-iżvilupp rurali fl-UE hija r-restawr, il-preservazzjoni u t-titjib tal-ekosistemi relatati mal-agrikoltura u l-forestrija, inkluż fiż-żoni tan-Natura 2000; ifakkar fl-għadd ta' sforzi magħmula minn dawk involuti fl-agrikoltura, b'mod partikolari b'rabta mal-implimentazzjoni tal-miżuri ekoloġiċi introdotti meta l-PAK ġiet riveduta fl-2013;

32.  Jafferma mill-ġdid l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-fondi taħt il-PAK jiġu riallokati mis-sussidjar ta' attivitajiet assoċjati mat-tnaqqis tal-bijodiversità għall-finanzjament ta' prattiki agrikoli ambjentalment sostenibbli u għaż-żamma tal-bijodiversità konnessa;

33.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, b'kooperazzjoni mas-sidien u l-utenti tal-art, jinvestigaw il-possibbiltà ta' "servizzi ħodor u blu" (ġestjoni tal-pajsaġġ, tan-natura u tal-ilma) bi ħlas b'termini bbażati fuq ir-rati tas-suq;

34.  Jinnota li l-ispeċijiet li huma deżinjati bħala li jeħtieġu protezzjoni speċjali fid-Direttiva dwar il-Ħabitats f'xi reġjuni tal-Ewropa kisbu status ta' konservazzjoni tajjeb u għalhekk jistgħu jipperikolaw speċijiet selvaġġi u annimali domestiċi oħra, u b'hekk jiddisturbaw il-bilanċ naturali tal-ekosistema; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proċedura ta' valutazzjoni li tkun tista' tbiddel l-istatus ta' protezzjoni ta' speċijiet f'reġjuni partikolari hekk kif jintlaħaq l-istatus ta' konservazzjoni mixtieq tagħhom;

35.  Ifakkar li l-koeżistenza ta' bnedmin u karnivori kbar, b'mod partikolari il-volpijiet, jista' jkollha impatti negattivi f'ċerti reġjuni fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-ekosistemi u l-inħawi rurali mhux abitati, b'mod partikolari fir-rigward ta' agrikoltura tradizzjonali u turiżmu sostenibbli, u fuq attivitajiet oħra soċjoekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, sabiex ma jipperikolawx l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali, filwaqt li jirrikonoxxi l-flessibbiltà disponibbli fi ħdan id-Direttiva dwar il-Ħabitats;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja miżuri bħat-taħriġ għall-bdiewa dwar il-protezzjoni tal-bhejjem minn karnivori kbar u l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki dwar il-protezzjoni tal-bhejjem fost l-Istati Membri;

37.  Jiddispjaċih li l-PAK għadha ma ġietx żviluppata biex tipproteġi l-prattika agrikola tradizzjonali tar-ragħa li qed tisparixxi, li hija għodda storika importanti għall-ġestjoni tal-ħabitats u l-konservazzjoni tan-natura; jitlob li l-Pjan ta' Azzjoni jappoġġja qafas ta' żvilupp għar-ragħa fin-netwerk Natura 2000;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, b'mod partikolari, ġestjoni adattiva tal-ħsad bħala għodda tal-aħjar prattika, għall-ġestjoni sostenibbli tal-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-ilma li huma suffiċjentement abbundanti fi ħdan l-UE u tikkonserva dawk li qed jonqsu;

39.  Jenfasizza li fiż-żoni tal-baħar iseħħ telf sinifikanti tal-bijodiversità u jemmen li l-politika komuni tas-sajd (PKS) għandha tippromwovi l-bijodiversità u xejriet ta' konsum u ta' produzzjoni sostenibbli; jitlob li ssir evalwazzjoni tal-impatt tal-PKS fuq il-bijodiversità;

Il-finanzjament

40.  Jilqa' r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar in-netwerk Natura 2000 u jaqbel mal-valutazzjoni tagħha li l-fondi tal-UE ma ġewx mobilizzati biżżejjed biex jappoġġjaw il-ġestjoni tan-netwerk;

41.  Jissottolinja li l-finanzjament taż-żoni ta' Natura 2000 huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu responsabbiltà tal-Istati Membri u jenfasizza l-fatt li, aktarx, in-nuqqas ta' finanzjament huwa l-aktar element li kkaġuna lakuni fl-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar in-Natura, kif jiddikjara l-"Kontroll tal-Idoneità";

42.  Jissottolinja li l-possibbiltà li jiġu stabbiliti mekkaniżmi finanzjarji ġodda għall-konservazzjoni tal-bijodiversità biex jintlaħqu l-miri tal-2020 hija waħda minima meta wieħed iqis il-perjodu ta' żmien tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) attwali; jitlob li jsir użu massimu tal-mezzi eżistenti, inkluż l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE), il-PAK u l-fondi strutturali;

43.  Jilqa' l-proposta prevista tal-Kummissjoni li żżid l-allokazzjoni għall-pakkett tan-natura u l-bijodiversità b'10 % taħt il-programm LIFE;

44.  Jistqarr li jeħtieġ li ssir aktar ħidma preparatorja bil-ħsieb tal-QFP li jmiss f'termini kemm ta' rieżami kif ukoll ta' tbassir, sabiex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-konservazzjoni tan-natura, il-bijodiversità u l-agrikoltura sostenibbli f'siti ta' Natura 2000; iqis li rieżami komprensiv ta' nfiq li sar fil-passat, b'enfasi fuq it-tagħlimiet miksuba f'termini tal-prestazzjoni mill-miżuri preċedenti, se jkun kruċjali f'dan ir-rigward;

45.  Jappella għal mekkaniżmi finanzjarji ġodda għall-konservazzjoni tal-bijodiversità biex jiġu inklużi fil-QFP li jmiss; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrumenti finanzjarji futuri għall-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u reġjonali jkun fihom pakketti ddedikati għall-bijodiversità u l-ġestjoni tan-netwerk Natura 2000, li huma ġestiti b'mod konġunt minn awtoritajiet ambjentali fil-livell nazzjonali u dak reġjonali;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal skemi ta' finanzjament b'mod aktar effikaċi għall-obbjettivi ta' Natura 2000 u tistabbilixxi indikaturi trasversali ta' Natura 2000 dwar il-prestazzjoni tal-fondi tal-UE kollha rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi wkoll mekkaniżmu ta' traċċar tal-infiq għal Natura 2000 biex ittejjeb it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-effikaċja, u tintegrahom fil-QFP li jmiss;

47.  Itenni li l-programm Natura 2000 normalment jiġi ffinanzjat permezz ta' kofinanzjament; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-finanzjament tagħhom għal Natura 2000 b'mod sostanzjali, b'tali mod li l-kofinanzjament jiġi stabbilit b'rati aktar attraenti u bħala riżultat ta' dan, il-fond jintuża aktar, u li jittieħdu miżuri biex inaqqsu l-piż amministrattiv fuq l-applikanti u l-benefiċjarji tal-proġetti;

48.  Jenfasizza l-potenzjal ta' finanzjament pubbliku-privat fl-iżvilupp tas-servizzi tal-ekosistemi, l-infrastruttura ekoloġika u oqsma oħra relatati mal-kapital naturali, u jilqa' l-fatt li l-Faċilità ta' Finanzjament tal-Kapital Naturali (NCFF) ser tkompli tappoġġja l-proġetti marbutin mal-bijodiversità għall-perjodu ta' implimentazzjoni 2017-2019;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tipproponi mezzi għall-finanzjament u l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' ġestjoni transkonfinali għal speċijiet karnivori kbar, u jitlob ukoll li jsir eżami dettaljat tar-rwol tal-karnivori kbar u l-possibbiltà tal-introduzzjoni ta' miżuri ta' aġġustament biex jiġi żgurat li l-bijodiversità, il-pajsaġġ agrikolu u l-prattika ta' mijiet ta' snin fejn l-annimali jitħallew jirgħu f'reġjuni muntanjużi jinżammu;

L-infrastruttura ekoloġika

50.  Jilqa' l-impenn li sar fil-Pjan ta' Azzjoni biex tiġi pprovduta gwida għall-appoġġ ta' żviluppi ta' infrastruttura ekoloġika għall-konnettività aħjar taż-żoni ta' Natura 2000, iżda jtenni l-appell tiegħu għal proposta ġenwina għall-iżvilupp ta' Netwerk Trans-Ewropew għall-Infrastruttura Ekoloġika (TEN-G);

51.  Jistqarr li huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, bl-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha, jagħmlu użu aħjar mill-proċessi integrati tal-ġestjoni territorjali, itejbu l-fehim orizzontali ta' TEN-G b'għarfien speċifiku għas-settur, u jippermettu il-finanzjament ta' aktar konnettività, u tal-infrastruttura ekoloġika b'mod ġenerali, permezz ta' fondi għall-iżvilupp rurali u għall-iżvilupp reġjonali; jinnota li dawn il-kriterji għandhom jiggwidaw il-QFP għal wara l-2020 fir-rigward tal-ippjanar ta' xogħlijiet ta' infrastruttura; josserva li l-kunċett ta' infrastruttura ekoloġika jikkontribwixxi wkoll għat-twaqqif ta' ekonomija sostenibbli billi jżomm il-benefiċċji tal-ekosistemi filwaqt li jtaffi l-effetti negattivi tal-infrastrutturi tat-trasport u l-enerġija;

52.  Josserva li jeħtieġ li jiġi studjat ir-rwol tal-infrastruttura ekoloġika biex jittaffu l-effetti tad-diżastri naturali marbuta mat-tibdil meteoroloġiku u tal-klima, b'mod partikolari kundizzjonijiet meteoroloġiċi u klimatiċi estremi li huma l-kawża ta' wħud mid-diżastri naturali l-aktar qerrieda u fatali fl-Ewropa u fid-dinja;

o
o   o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0034.
(2) http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2017/06/19/conclusions-eu-action-plan-nature/pdf
(3) http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Biodiversity_statistics
(4) http://ec.europa.eu/environment/nature/pdf/state_of_nature_en.pdf

Avviż legali