Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2931(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0595/2017

Testi mressqa :

B8-0595/2017

Dibattiti :

PV 15/11/2017 - 7
CRE 15/11/2017 - 7

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2017 - 13.16
CRE 15/11/2017 - 13.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0442

Testi adottati
PDF 363kWORD 59k
L-Erbgħa, 15 ta' Novembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja
P8_TA(2017)0442B8-0595/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2017 dwar il-qagħda tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja (2017/2931(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattati tal-UE u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 dwar qafas tal-UE ġdid biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar l-iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016(3) li tikkomplementa r-rakkomandazzjoni tagħha tas-27 ta' Lulju 2016, li tqis l-aħħar żviluppi fil-Polonja fid-dawl tal-ħatra ta' President ġdid tat-Tribunal Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra t-tielet Rakkomandazzjoni dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni tas-26 ta' Lulju 2017(4), fejn tesprimi t-tħassib serju tagħha dwar ir-riforma ppjanata tal-ġudikatura fil-Polonja, li, skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, tkabbar it-theddida sistemika għall-istat tad-dritt fil-Polonja li diġà ġiet identifikata fil-proċedura tal-istat tad-dritt li nbdiet mill-Kummissjoni f'Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Gvern Pollakk tal-20 ta' Frar 2017 fejn irrifjuta l-idea li fil-Polonja kien hemm theddida sistemika għall-istat tad-dritt u dik tad-29 ta' Awwissu 2017 fejn irrifjuta l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni għar-riformi tal-ġudikatura u kkontesta l-kompetenza tagħha li tivvaluta s-sistema ġudizzjarja,

–  wara li kkunsidra l-proċeduri ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni kontra l-Polonja, fosthom il-proċedura tad-29 ta' Lulju 2017 u l-opinjoni motivata tat-12 ta' Settembru 2017 rigward il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, li ddikjarat li l-Liġi Pollakka mhijiex kompatibbli mad-dritt tal-UE, speċjalment l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Direttiva 2006/54/KE dwar it-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol u l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jinqara f'konnessjoni mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-iskambji ta' fehmiet li saru fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu mal-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, Frans Timmermans, fit-22 ta' Marzu, il-31 ta' Awwissu u s-6 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-iskambji ta' fehmiet li saru fil-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-16 ta' Mejju 2017 u l-25 ta' Settembru 2017 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-14 ta' Ottubru 2016 tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali u d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Jannar 2017 mill-President tal-Kummissjoni ta' Venezja fejn esprima t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorament tal-qagħda fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra t-tneħħija fit-18 ta' Mejju 2017 mis-sit web tat-Tribunal Kostituzzjonali u mill-bażi tad-data legali online tiegħu tat-tliet verdetti li jikkonċernaw dawn is-sentenzi li ġejjin: 9 ta’ Marzu 2016, K 47/15 (li tiddikjara li l-bidliet adottati mill-Parlament Pollakk għall-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali mhumiex kostituzzjonali), 11 ta’ Awissu 2016, K 39/16 (li tikkontesta l-legalità tad-dispożizzjonijiet ewlenin tat-tieni att li jemenda l-funzjonament tat-Tribunal Kostituzzjonali) u 7 ta’ Novembru 2016 K 44/16 (dwar il-legalità tal-ħatra tal-President u l-Viċi President tat-Tribunal Kostituzzjonali),

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Parlament Pollakk f'Ġunju u f'Lulju 2017 ta' erba' liġijiet li jirriformaw il-ġudikatura, jiġifieri: il-liġi li temenda l-liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura u l-Prosekuzzjoni Pubblika, il-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u ċerti liġijiet oħra ("il-liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura"); il-liġi li temenda l-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u ċerti liġijiet oħra ("il-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura"); il-liġi li temenda l-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji ("il-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji"); u l-liġi dwar il-Qorti Suprema, li qajmet tħassib serju dwar il-ksur tas-separazzjoni tas-setgħat u t-tmiem tal-indipendenza tal-ġudikatura,

–  wara li kkunsidra l-ittra mill-President tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Lulju 2017 li tesprimi t-tħassib tal-maġġoranza kbira tal-mexxejja tal-gruppi politiċi fil-Parlament dwar il-liġijiet adottati li jirriformaw il-ġudikatura,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-President Pollakk tas-27 ta' Lulju 2017 li jeżerċita veto kontra żewġ liġijiet kontroversjali li ġew approvati mill-Parlament Pollakk aktar kmieni dak ix-xahar u li kienu jheddu serjament l-indipendenza ġudizzjarja fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra ż-żewġ proposti mill-President Pollakk dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u l-Qorti Suprema, li jqajmu tħassib dwar jekk humiex konformi mal-Kostituzzjoni Pollakka u li ma jindirizzawx il-problemi relatati mas-separazzjoni tas-setgħat jew l-indipendenza tal-ġudikatura,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk tal-24 ta' Ottubru 2017 li ddikjarat li r-regoli għall-elezzjoni tal-Presidenti tal-Qorti Suprema u tal-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin tat-Tribunal Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema mhumiex kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra d-digriet ratione temporis maħruġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fis-27 ta' Lulju 2017 fil-Kawża C-441/17 li jitwaqqaf il-qtugħ tas-siġar fuq skala kbira fil-Foresta ta' Białowieża, li ma kienx implimentat mill-Gvern Pollakk, u l-biżgħat li l-qtugħ tas-siġar kontinwu jikkawża dannu gravi u irreparabbli lill-foresta filwaqt li l-qorti qed taħdem fuq dan il-każ,

–  wara li kkunsidra d-digrieti għal miżuri provviżorji tat-8 ta' Ġunju 2017 maħruġa mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jintemmu r-ripatrijazzjonijiet sommarji lejn il-Belarussja; wara li kkunsidra l-proposti mressqa f'Jannar 2017 mill-Ministru għall-Intern tal-Polonja biex tiġi emendata l-Liġi dwar il-Barranin , li jqajmu tħassib dwar il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt Ewropew u internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Liġi dwar l-Assemblej Pubbliċi, kif emendata f'Diċembru 2016, li tippermetti limitazzjonijiet eċċessivi fuq id-dritt ta' għaqda, inkluż l-għoti ta' preċedenza tal-hekk imsejħa assemblej regolari/ċikliċi ddedikati għal avvenimenti patrijottiċi, reliġjużi u storiċi u l-possibbiltà li l-awtoritajiet jipprojbixxu kontrodimostrazzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Liġi dwar l-Istitut tal-Libertà Nazzjonali ­– iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili tal-15 ta’ Settembru 2017, li tpoġġi taħt il-kontroll tal-gvern l-aċċess għall-finanzjament pubbliku min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, anke f'dak li jirrigwarda l-fondi tal-UE, u b'hekk tqajjem tħassib dwar il-finanzjament adegwat tal-NGOs, inklużi, fost oħrajn, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa,

–  wara li kkunsidra r-rapporti minn NGOs internazzjonali dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-Polonja, fosthom ir-rapport tal-Amnesty International tad-19 ta' Ottubru 2017 intitolat "Poland: On the streets to defend human rights"(Il-Polonja: Fit-triq biex niddefendu d-drittijiet tal-bniedem) u r-rapport tal-Human Rights Watch tal-24 ta' Ottubru 2017 intitolat "Eroding Checks and Balances ­– Rule of Law and Human Rights Under Attack in Poland" (L-erożjoni tal-Kontroll Demokratiku ­– L-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet tal-Bniedem Qed Jiġu Attakkati fil-Polonja),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-OSKE/ODIHR tal-5 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' emendi għall-att dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u ċerti atti oħra tal-Polonja; dik tat-22 ta' Awwissu 2017 dwar l-Abbozz ta' Att tal-Polonja dwar l-Istitut tal-Libertà Nazzjonali ­– iċ-Ċentru għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili; u dik tat-30 ta' Awwissu 2017 dwar ċerti dispożizzjonijiet tal-Abbozz ta' Att dwar il-Qorti Suprema tal-Polonja, li rrimarkaw li d-dispożizzjonijiet proposti kienu inkompatibbli b'mod inerenti mal-istandards internazzjonali u mal-impenji tal-OSKE,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi dwar is-seba' rapport perjodiku tal-Polonja, adottat mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-31 ta' Ottubru 2016, fejn il-Polonja hija mħeġġa tieħu passi biex tipproteġi l-indipendenza tat-Tribunal Kostituzzjonali u l-ġudikatura, u tiddefinixxi b'mod aktar preċiż ir-reat tat-terroriżmu, sabiex tiġġieled kontra l-abbuż,

–  wara li kkunsidra l-intervent tal-Kanada tad-9 ta' Mejju 2017 fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-kuntest tal-Eżami Perjodiku Universali tal-Polonja, u l-ittra tat-23 ta' Ottubru 2017 indirizzata mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet preliminari dwar iż-żjara uffiċjali fil-Polonja tas-27 ta' Ottubru 2017 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, fejn esprima tħassib dwar l-istat tal-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2188(2017) tal-11 ta' Ottubru 2017 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, intitolata "New threats to the rule of law in Council of Europe member States: selected examples" (Theddid ġdid għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropea: eżempji magħżula),

–  wara li kkunsidra l-protesti ripetuti tal-massa kontra l-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-gvern, fosthom "il-Protesta s-Sewda" ta' Ottubru 2016 li impediet bidla fil-liġi attwali dwar l-abbort, "il-Marċa favur il-Libertà" tas-6 ta' Mejju 2017 u l-protesti f'Lulju 2017 wara l-adozzjoni tal-liġijiet li jirriformaw il-ġudikatura,

–  wara li kkunsidra l-liġi li tillimita l-aċċess għall-pillola kontraċettiva ta' emerġenza għan-nisa u l-bniet ta' Ġunju 2017; wara li kkunsidra l-iskeda informattiva tad-WHO ta' Ġunju 2017, li tqis il-pillola kontraċettiva ta' emerġenza bħala sikura u tirrakkomanda li tkun disponibbli bħala parti minn kura tas-saħħa riproduttiva meħtieġa; wara li kkunsidra d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Jannar 2015 li temenda l-awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni mogħtija bid-Deċiżjoni C(2009)4049 għal "ellaOne - ulipristal acetate", bħala prodott mediċinali għall-użu mill-bniedem;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-konformità ma' dawn il-valuri ġiet approvata mill-poplu Pollakk fir-referendum li sar fl-2003;

B.  billi l-Artikolu 9 tal-Kostituzzjoni Pollakka jiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja tirrispetta d-dritt internazzjonali li huwa vinkolanti għaliha;

C.  billi l-UE topera abbażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka, jiġifieri li l-Istati Membri jaġixxu f'konformità mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-KEDB u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

D.  billi l-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-UE, u billi l-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament u l-Kunsill, hija responsabbli skont it-Trattati biex tiggarantixxi r-rispett għall-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni u biex tiżgura li d-dritt, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati;

E.  billi dawn il-prinċipji jinkludu: il-legalità, li timplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku għall-promulgazzjoni tal-liġijiet; iċ-ċertezza tad-dritt; il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; qrati indipendenti u imparzjali; kontroll ġudizzjarju effettiv, inkluż ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali; u l-ugwaljanza quddiem il-liġi;

F.  billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija minquxa fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 6 tal-KEDB u hija rekwiżit essenzjali tal-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tas-setgħat, li huwa wkoll rifless fl-Artikolu 10 tal-Kostituzzjoni Pollakka;

G.  billi l-libertà ta' assoċjazzjoni għandha tkun protetta; billi soċjetà ċivili attiva u midja pluralistika jiżvolġu rwol essenzjali fil-promozzjoni ta' soċjetà miftuħa u pluralistika, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku u t-tisħiħ tar-responsabbiltà tal-gvernijiet; billi l-NGOs għandhom jiġu ffinanzjati b'mod adegwat;

H.  billi r-rifjut tal-Gvern Pollakk li jimplimenta d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar il-qtugħ tas-siġar fil-Foresta ta' Białowieża u li jirrispetta d-digriet għal miżuri provviżorji maħruġa mill-QEDB dwar ir-ripatrijazzjonijiet lejn il-Belarussja huwa turija ċara tal-fatt li l-Polonja mhijiex issegwi t-Trattati tal-UE;

I.  billi għexieren ta' dimostranti ffaċċjaw proċedimenti skont il-Kodiċi ta' Reati Żgħar u f'xi każijiet skont il-Kodiċi Kriminali; billi huwa rrapportat li aktar minn 300 ruħ sfaw imħarrka mill-pulizija b'rabta mal-parteċipazzjoni tagħhom fi protesti f'Ottubru 2017;

J.  billi, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-QEDB, is-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa hija relatata ma' diversi drittijiet tal-bniedem, inklużi d-dritt għall-ħajja u għad-dinjità, il-libertà minn trattament inuman u degradanti, id-dritt ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-edukazzjoni u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, kif huwa rifless ukoll fil-Kostituzzjoni Pollakka;

K.  billi ċ-ċaħda għal aċċess għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, inkluż abort sikur u legali, hi ksur tad-drittijiet fundamentali tan-nisa; billi l-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU talab lill-Polonja biex ma tadotta ebda riforma leġiżlattiva li tkun tfisser rigress minn leġiżlazzjoni diġà restrittiva dwar l-aċċess għan-nisa għal abort sikur u legali; billi l-QEDB tat deċiżjoni kontra l-Polonja f'diversi każijiet minħabba l-interpretazzjoni restrittiva ta' dan id-dritt mill-Polonja;

1.  Jisħaq li huwa ta' importanza fundamentali li l-valuri komuni Ewropej elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Kostituzzjoni Pollakka jiġu rispettati bis-sħiħ u li d-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiġu garantiti;

2.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 u f'dik tal-14 ta' Settembru 2016; itenni, b'mod partikolari, it-tħassib tiegħu dwar l-iżviluppi leġiżlattivi li qed isiru b'pass mgħaġġel f'ħafna oqsma mingħajr konsultazzjonijiet xierqa jew il-possibbiltà ta' rieżami kostituzzjonali indipendenti u leġittimu, bir-riskju li dan jimmina sistematikament id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, il-kontrolli u l-ekwilibriji demokratiċi u l-istat tad-dritt; itenni, b'mod partikolari, it-tħassib tiegħu dwar tali bidliet fl-oqsma tal-midja pubblika, il-liġi kriminali, il-liġi dwar il-pulizija, il-liġi dwar is-servizz ċivili, il-liġi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-liġi dwar l-NGOs, il-liġi dwar l-asil, il-libertà ta' għaqda u d-drittijiet tan-nisa;

3.  Jiddispjaċih ħafna u bi tħassib dejjem jikber dwar il-fatt li ma nstabet l-ebda soluzzjoni ta' kompromess għall-problema fundamentali tal-funzjonament xieraq tat-Tribunal Kostituzzjonali (l-indipendenza u l-leġittimità tiegħu, kif ukoll il-pubblikazzjoni u l-implimentazzjoni tas-sentenzi kollha tiegħu), fatt li jimmina serjament il-Kostituzzjoni Pollakka u d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Polonja; jirrimarka b'dispjaċir kbir li l-Gvern Pollakk jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-kritika kostruttiva li ġejja miċ-ċittadini Pollakki u minn istituzzjonijiet nazzjonali, internazzjonali u tal-UE, u li ma tħabbret l-ebda azzjoni biex tindirizza dan it-tħassib;

4.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-leġiżlazzjoni abbozzata mill-ġdid dwar il-ġudikatura Pollakka, f'dak li jirrigwarda b'mod speċifiku l-potenzjal tagħha li timmina strutturalment l-indipendenza ġudizzjarja u ddgħajjef l-istat tad-dritt fil-Polonja;

5.  Jinnota li, fis-27 ta' Lulju 2017, il-President Duda uża l-veto tiegħu kontra żewġ liġijiet kontroversjali li kienu ġew approvati mill-Parlament Pollakk u li huwa qies bħala inkompatibbli mal-Kostituzzjoni Pollakka, filwaqt li ddikjara li kienu jheddu serjament l-indipendenza ġudizzjarja fil-Polonja; jappella għal dibattitu estensiv fil-livell nazzjonali mal-partijiet interessati rilevanti kollha rigward ir-riforma ġudizzjarja, li għandha tiddefendi l-istat tad-dritt u tikkonforma mad-dritt tal-UE u l-istandards Ewropej ta' indipendenza ġudizzjarja; jistieden lill-President Pollakk ma jiffirmax liġijiet ġodda sakemm dawn ma jiggarantux għalkollox l-indipendenza tal-ġudikatura;

6.  Jappoġġa r-Rakkomandazzjonijiet dwar l-Istat tad-Dritt maħruġa mill-Kummissjoni, kif ukoll il-proċedimenti ta' ksur li din nediet kontra l-Polonja għal ksur tad-dritt tal-UE; jirrikonoxxi d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li, bħala gwardjana tat-Trattati, tissorvelja s-sitwazzjoni fil-Polonja u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tagħha min-naħa tal-awtoritajiet Pollakki, filwaqt li tkompli toffri appoġġ sħiħ lill-Polonja biex issib soluzzjonijiet adegwati għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt;

7.  Iħeġġeġ lill-Parlament u lill-Gvern tal-Polonja biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni u tal-Kummissjoni ta' Venezja, u biex joqogħdu lura milli jwettqu kwalunkwe riforma li taf tpoġġi f'riskju r-rispett għall-istat tad-dritt, u b'mod partikolari l-indipendenza tal-ġudikatura; jappella, f'dan ir-rigward, għall-posponiment tal-adozzjoni ta' kwalunkwe liġi sakemm il-Kummissjoni u l-Kummissjoni ta' Venezja jwettqu valutazzjoni xierqa;

8.  Jistieden lill-Gvern Pollakk biex jikkonforma mad-digriet ratione temporis tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tas-27 ta' Lulju 2017 fil-Kawża C-441/17 u biex jissospendi minnufih il-qtugħ ta' siġar fuq skala kbira fil-Foresta ta' Białowieża, li qed jissogra li jikkawża dannu serju u irriversibbli lil dan is-sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO; jistieden lill-Gvern Pollakk biex iwaqqaf ir-ripatrijazzjonijiet sommarji lejn il-Belarussja bil-għan li jikkonforma mad-digriet għal miżuri provviżorji tal-QEDB tat-8 ta’ Ġunju 2017, li huwa vinkolanti, u biex jiżgura li kwalunkwe persuna li tesprimi l-intenzjoni li tfittex asil jew protezzjoni internazzjonali fuq il-fruntieri tal-Polonja tgawdi aċċess sħiħ għall-proċedura Pollakka tal-asil f'konformità mal-obbligi internazzjonali u d-dritt tal-UE;

9.  Jistieden lill-Gvern Pollakk jirrispetta d-dritt għal-libertà ta' għaqda billi jneħħi mil-liġi attwali dwar l-għaqda dawk id-dispożizzjonijiet li jagħtu preċedenza lill-assemblej "ċikliċi" approvati mill-gvern; iħeġġeġ lill-awtoritajiet joqogħdu lura milli japplikaw sanzjonijiet kriminali kontra persuni li jipparteċipaw f'assemblej jew kontradimostrazzjonijiet paċifiċi u jwaqqgħu l-akkużi kriminali kontra dimostranti paċifiċi;

10.  Jistieden lill-Gvern Pollakk biex jirrevoka l-liġi dwar it-twaqqif ta' Istitut tal-Libertà Nazzjonali ­– Ċentru Nazzjonali għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili, li tostakola l-aċċess għal finanzjament mill-Istat min-naħa ta' gruppi kritiċi tas-soċjetà ċivili, u biex jiżgura li d-distribuzzjoni tal-fondi pubbliċi lis-soċjetà ċivili titwettaq b'mod ġust, imparzjali u trasparenti u b'hekk jiggarantixxi rappreżentanza pluralistika;

11.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti tal-midja dwar sorveljanza mill-pulizija fil-konfront ta' mexxejja tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Pollakki jinvestigaw dawn ir-rapporti u jirrispettaw bis-sħiħ il-privatezza taċ-ċittadini kollha;

12.  Jitlob lill-gvern tal-Polonja jieħu pożizzjoni ferma favur id-drittijiet tan-nisa u l-bniet billi jipprovdi l-kontraċezzjoni libera u aċċessibbli mingħajr diskriminazzjoni, filwaqt li jagħmel disponibbli mingħajr riċetta medika l-kontraċezzjoni ta' emerġenza; jitlob, f'dan il-kuntest, it-tneħħija tal-liġi li tillimita l-aċċess għall-pillola ta' kontraċezzjoni ta' emerġenza għan-nisa u l-bniet;

13.  Jikkriktika bil-qawwa kull proposta leġiżlattiva li tipprojbixxi l-abort f'każijiet ta' problemi severi u fatali tal-fetu; jenfasizza li l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa, inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u għad-drittijiet assoċjati, huwa dritt fundamentali tal-bniedem; jirriafferma bil-qawwa l-appoġġ tiegħu għall-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa, minħabba li reċentement kienu l-mira ta' prosekuzzjoni legali;

14.  Jistieden lill-Gvern Pollakk biex jikkonforma mad-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali minquxa fit-Trattati, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fil-KEDB u fl-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jinvolvi ruħu direttament fi djalogu mal-Kummissjoni;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat regolarment u mill-qrib, b'mod trasparenti, dwar il-progress li jkun sar u l-azzjoni meħuda;

16.  Jemmen li s-sitwazzjoni attwali fil-Polonja tirrappreżenta riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE; jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu biex ifassal rapport speċifiku f'konformità mal-Artikolu 83(1)(a) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, bil-għan li ssir votazzoni plenarja dwar proposta motivata li tistieden lill-Kunsill jaġixxi skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE;

17.  Itenni l-ħtieġa li jkun hemm proċess regolari ta' monitoraġġ u ta' djalogu li jinvolvi lill-Istati Membri kollha, sabiex jissalvagwarda l-valuri fundamentali tal-UE ta' demokrazija, drittijiet fundamentali u stat tad-dritt, bl-involviment tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament, kif dan tal-aħħar ippropona fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 b’rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(5) (il-Patt DRF);

18.  Jistieden lill-Gvern Pollakk biex jieħu azzjoni xierqa dwar il-marċa ksenofobika u faxxista li saret f'Varsavja nhar is-Sibt, 11 ta' Novembru 2017, u biex jikkundannaha bil-qawwa;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Polonja, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0123.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0344.
(3) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/146 tal-21 ta’ Diċembru 2016 rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja kumplimentari għar-Rakkomandazzjoni (UE) 2016/1374 (ĠU L 22, 27.1.2017, p. 65).
(4) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1520 tas-26 ta’ Lulju 2017 rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja kumplimentari għar-Rakkomandazzjoni (UE) 2016/1374 u (UE) 2017/146 (ĠU L 228, 2.9.2017, p. 19).
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

Avviż legali