Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2849(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0649/2017

Dibattiti :

PV 29/11/2017 - 22
CRE 29/11/2017 - 22

Votazzjonijiet :

PV 30/11/2017 - 8.22
CRE 30/11/2017 - 8.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0473

Testi adottati
PDF 294kWORD 57k
Il-Ħamis, 30 ta' Novembru 2017 - Brussell Verżjoni finali
Sitwazzjoni fil-Jemen
P8_TA(2017)0473RC-B8-0649/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2017/2849(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Ġunju 2017(1) u tal-25 ta' Frar 2016(2) dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, u dik tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-8 ta' Ottubru 2016 dwar l-attakk fil-Jemen, tad-19 ta' Ottubru 2016 dwar il-waqfien mill-ġlied fil-Jemen u tal-21 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, tal-11 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali(4) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati(5),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni tal-Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 2342 (2017), 2266 (2016), 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, tat-30 ta' Jannar, tat-12 ta' Lulju, tad-19 ta' Awwissu u tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' Lulju 2017 ta' dak li kien is-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji, Stephen O'Brien, quddiem il-KSNU;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Programm Dinji tal-Ikel (WFP), il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tas-16 ta' Novembru 2017 li tappella għat-tneħħija immedjata tal-imblokk umanitarju fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi tan-NU għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen, tal-25 ta' April 2017, li matulha ġew imwiegħda USD 1,1 biljun biex titnaqqas diskrepanza fil-finanzjament ta' USD 2,1 biljun għall-2017,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ta' Settembru 2017 li jiġu investigati l-allegazzjonijiet kollha ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen matul il-kunflitt;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet presidenzjali maħruġa mill-KSNU fil-15 ta' Ġunju 2017 li appellaw lill-partijiet fil-Jemen biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fi sforz bona fide favur ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt, u fid-9 ta' Awwissu 2017 dwar it-theddida tal-karestija fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi diversi ċikli ta' negozjati organizzati min-NU għadhom ma wasslux għal progress sinifikanti lejn soluzzjoni politika fil-Jemen; billi l-partijiet involuti fil-kunflitt u s-sostenituri reġjonali u internazzjonali tagħhom, inklużi l-Arabja Sawdija u l-Iran, ma rnexxilhomx jilħqu ftehim ta' waqfien mill-ġlied jew xi tip ta' soluzzjoni u billi l-ġlied u l-bumbardamenti indiskriminati qed ikomplu bla waqfien; billi l-ebda naħa ma kisbet rebħa militari u billi mhuwiex probabbli li xi naħa minnhom tagħmel dan fil-ġejjieni; billi s-sejbien ta' soluzzjoni politika għall-kunflitt taħt il-patroċinju tal-inizjattiva għall-paċi tan-NU fil-Jemen għandu jkun prijorità għall-UE u għall-komunità internazzjonali inġenerali;

B.  billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen għadha waħda katastrofika; billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO) iddikjarat is-sitwazzjoni fil-Jemen bħala "l-akbar emerġenza tas-sigurtà tal-ikel fid-dinja"; billi, skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), 20,7 miljun ruħ fil-Jemen jeħtieġu assistenza, speċjalment assistenza għall-ikel, u minn dawn 7 miljuni qed jiffaċċjaw "emerġenza tas-sigurtà tal-ikel"; billi 2,2 miljun tifel u tifla qegħdin isofru malnutrizzjoni akuta u gravi u billi tifel jew tifla jmutu kull għaxar minuti minħabba kawżi prevenibbli; billi hemm 2,9 miljun ruħ li sfaw spustati internament u miljun ruħ li ġew rimpatrijati;

C.  billi, skont in-NU, aktar minn 8 000 ruħ, li 60 % minnhom kienu persuni ċivili, inqatlu u aktar minn 50 000 indarbu, fosthom numru kbir ta' tfal, f'attakki mill-ajru u ġlied fuq l-art minn meta l-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija intervjeniet fil-gwerra ċivili tal-Jemen f'Marzu 2015; billi l-ġlied, kemm fuq l-art kif ukoll fl-ajru, għamilha impossibbli li l-osservaturi fuq il-post tal-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem ikollhom aċċess għaż-żona biex jivverifikaw in-numru ta' vittmi ċivili; billi dawn iċ-ċifri, għalhekk, jirriflettu biss il-persuni maqtula u midruba li l-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) irnexxielu jikkorrobora u jikkonferma;

D.  billi l-gruppi vulnerabbli, in-nisa u t-tfal huma partikolarment affettwati mill-ostilitajiet li għaddejjin bħalissa u mill-kriżi umanitarja; billi l-għadd ta' vittmi ċivili qed ikompli jiżdied;

E.  billi, skont l-organizzazzjoni Save the Children, 130 tifel u tifla jmutu kuljum fil-Jemen; billi minn tal-anqas 1,8 miljun tifel u tifla kellhom jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, flimkien mal-1,6 miljun li ma kinux imorru skola qabel ma beda l-kunflitt;

F.  billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tirrapporta li "aktar minn nofs il-faċilitajiet tas-saħħa kollha għalqu minħabba ħsara, qerda jew nuqqas ta' fondi" u li hemm nuqqas serju ta' provvisti mediċi; billi 30 000 ħaddiem tas-saħħa essenzjali ilhom ma jitħallsu 'l fuq minn sena;

G.  billi l-qerda tal-infrastruttura u l-kollass tas-servizzi pubbliċi aċċeleraw it-tifqigħa tal-kolera; billi, fit-2 ta' Novembru 2017, l-OCHA ħabbar li mis-27 ta' April 2017 'il quddiem kienu ġew rappurtati kważi 895 000 każ suspettat ta' kolera, li wasslu għall-mewt ta' 2 200 ruħ; billi aktar min-nofs il-każijiet suspettati jinvolvu lit-tfal; billi huwa diffiċli li jiġi aċċertat b'eżattezza n-numru veru tal-każijiet ta' kolera, peress li hemm aċċess limitat għal ħafna reġjuni u ħafna pazjenti suspettati li għandhom il-kolera jiġu ttrattati qabel ma jiġu dijanjostikati kompletament;

H.  billi kważi 90 % tal-ikel bażiku fil-pajjiż jiġi importat; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-impatt negattiv tal-miżuri koerċittivi unilaterali diġà enfasizza fil-passat li l-imblokk mill-ajru u mill-baħar impost fuq il-Jemen mill-forzi tal-koalizzjoni huwa fost il-kawżi ewlenin tal-katastrofi umanitarja li għaddejja bħalissa; billi dan l-imblokk irrestrinġa u ħarbat l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-ikel, il-fjuwil u l-provvisti mediċi, kif ukoll tal-għajnuna umanitarja; billi d-dewmien mhux raġonevoli u/jew iċ-ċaħda tad-dħul tal-bastimenti fil-portijiet tal-Jemen jirrappreżentaw miżura koerċittiva unilaterali, skont id-dritt internazzjonali;

I.  billi s-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen kompliet tiggrava minħabba l-fatt li fis-6 ta' Novembru 2017 il-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija imponiet imblokk fuq il-fruntieri tal-art, tal-baħar u tal-ajru tal-pajjiż; billi l-port marittimu ta' Aden u l-punt ta' qsim tal-fruntiera tal-art bejn l-Arabja Sawdija u l-Jemen f'al-Wadea reġgħu nfteħu; billi, madankollu, il-portijiet ta' Hodeida u Saleef, kif ukoll l-ajruport ta' Sana'a, meħuda mir-ribelli Houthi f'Marzu 2015, li permezz tagħhom madwar 80 % tal-importazzjonijiet – inklużi prodotti kummerċjali u provvisti umanitarji – jidħlu fil-Jemen, għadhom suġġetti għall-imblokk; billi l-aġenziji tal-għajnuna wissew li, jekk l-imblokk ma jitneħħiex, il-Jemen se jiffaċċja l-akbar karestija li rat id-dinja għal għexieren ta' snin u li dan se jikkaġuna miljuni ta' vittmi;

J.  billi r-Riżoluzzjoni 2216 tal-KSNU tipprevedi espliċitament li individwu jiġi kklassifikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala li jkun qed "jostakola t-twassil tal-għajnuna umanitarja fil-Jemen";

K.  billi l-attakki mill-ajru mmexxija mill-koalizzjoni ġewwa u madwar Sana'a intensifikaw f'dawn l-aħħar ġimgħat u qed jikkaġunaw vittmi ċivili u l-qerda tal-infrastruttura; billi għexieren ta' attakki mill-ajru mmexxija mill-Arabja Sawdija ġew meqjusa responsabbli għall-qtil u l-feriment indiskriminat ta' persuni ċivili bi ksur tal-liġijiet tal-gwerra, anke permezz ta' munizzjon dispersiv li huwa pprojbit internazzjonalment; billi fl-4 ta' Novembru 2017 ir-ribelli Houthi sparaw missili ballistiċi fuq l-ajruport internazzjonali ċivili prinċipali ta' Riyadh; billi għexieren oħra ta' missili ġew sparati lejn it-territorju tal-Arabja Sawdija din is-sena; billi l-liġijiet tal-gwerra jipprojbixxu l-attakki intenzjonati u indiskriminati fuq il-persuni ċivili; billi tali attakki huma kkunsidrati bħala delitti tal-gwerra u l-individwi li jwettquhom jistgħu jittellgħu quddiem il-ġustizzja għal dawn id-delitti;

L.  billi s-sitwazzjoni fil-Jemen iġġorr magħha riskji serji għall-istabbiltà tar-reġjun, b'mod partikolari dik tal-Qarn tal-Afrika, tal-Baħar l-Aħmar u tar-reġjun usa' tal-Lvant Nofsani; billi l-grupp Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) irnexxielu japprofitta mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà fil-Jemen, hekk li firex il-preżenza tiegħu u kabbar l-għadd u l-iskala tal-attakki terroristiċi tiegħu; billi l-AQAP u l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (ISIS/Daesh) stabbilew il-preżenza tagħhom fil-Jemen u wettqu attakki terroristiċi, li qatlu mijiet ta' persuni;

M.  billi hemm embargo internazzjonali fuq l-armi fis-seħħ kontra l-forzi Houthi/Saleh, li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Iran; billi, skont it-18-il Rapport Annwali tal-UE dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi, l-Istati Membri tal-UE komplew jawtorizzaw it-trasferimenti tal-armi lejn l-Arabja Sawdija wara l-eskalazzjoni tal-kunflitt, bi ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi; billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen appellat lill-VP/RGħ biex tniedi inizjattiva maħsuba biex l-UE timponi embargo fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija, bi qbil mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK;

N.  billi, skont il-UNICEF, l-edukazzjoni ta' 2 miljun tifel u tifla waqfet għalkollox; billi, skont l-OCHA, "aktar minn 1 700 skola fil-preżent mhumiex f'qagħda li jintużaw minħabba ħsarat relatati mal-kunflitt, minħabba li qed jospitaw lil persuni spostati internament, jew minħabba li huma okkupati minn gruppi armati"; billi ġew iddokumentati każijiet ta' reklutaġġ u użu ta' tfal biex jiġġieldu jew jaqdu dmirijiet militari; billi eluf ta' għalliema, wara li ma tħallsux għal aktar minn sena, ma kellhomx għażla oħra għajr li jitilqu minn xogħolhom biex isibu mezz ta' dħul ieħor; billi, minħabba l-qerda ta' infrastruttura kritika, huwa diffiċli li jintlaħqu l-perċentwal żgħir ta' skejjel li għadhom qed jiffunzjonaw;

O.  billi l-ġurnalisti ripetutament mhumiex jitħallew jidħlu fil-Jemen, b'mod partikolari mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, anke billi jiġu pprojbiti minn titjiriet ta' għajnuna tan-NU lejn il-belt kapitali Sana'a, li tinsab ikkontrollata mir-ribelli Houthi;

P.  billi d-deċiżjoni biex ċerti individwi jiżdiedu fil-lista tal-objettivi tal-operazzjonijiet bid-drones spiss tittieħed mingħajr mandati tal-qorti jew inġunzjonijiet; billi l-attakki fuq ċerti individwi u l-qtil sussegwenti tagħhom qed isiru mingħajr proċess ġust;

Q.  billi, mill-bidu tal-kunflitt, l-Unjoni Ewropea allokat EUR 171,7 miljun f'għajnuna umanitarja; billi l-għajnuna umanitarja tal-UE tagħti prijorità lis-saħħa, lin-nutrizzjoni, lis-sigurtà tal-ikel, lill-protezzjoni, lill-kenn, kif ukoll lill-ilma u lis-servizzi sanitarji;

R.  billi minkejja l-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen li saret f'Ġinevra f'April 2017, li matulha bosta pajjiżi u organizzazzjonijiet wiegħdu donazzjonijiet b'valur ta' USD 1,1 biljun, sal-21 ta' Novembru 2017 id-donaturi kienu taw fondi li jammontaw biss għal 56,9 % mill-USD 2,3 biljun li n-NU talbet f'għajnuna umanitarja għall-Jemen għall-2017;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Jemen u l-attakki kollha kontra l-persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili, li jikkostitwixxu delitti tal-gwerrra; jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen; jiddispjaċih ferm għat-telf ta' ħajja kkawżat mill-kunflitt u għat-tbatija estrema ta' dawk li huma mċaħħda mill-għajnuna umanitarja u mill-prodotti bażiċi, u li nqabdu fil-ġlied, li ġew spustjati jew li tilfu l-mezzi tal-għajxien tagħhom, u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u lill-poplu Jemenit;

2.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Jemen sabiex in-negozjati jaqbdu mill-ġdid; jenfasizza li hija biss soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt li tista' ġġib lura l-paċi u żżomm l-għaqda, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen; jistieden lill-atturi internazzjonali u reġjonali kollha jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv mal-partijiet preżenti fil-Jemen sabiex tkun tista' tittaffa l-intensità tal-kunflitt u tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata; iħeġġeġ lill-Arabja Sawdija u lill-Iran jaħdmu biex itemmu l-ġlied fil-Jemen u biex itejbu r-relazzjonijiet bilaterali; jistieden lill-Iran jieqaf minnufih jagħti appoġġ lill-forzi Houthi fil-Jemen, kemm direttament kif ukoll permezz ta' intermedjarji;

3.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jilħqu ftehim b'urġenza dwar waqfien tal-ostilitajiet immonitorjat min-NU, bħala l-ewwel pass lejn il-qbid mill-ġdid tat-taħdidiet ta' paċi taħt it-tmexxija tan-NU; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex, b'bona fide u mingħajr prekundizzjonijiet, jimpenjaw ruħhom mill-aktar fis possibbli f'ċiklu ġdid ta' negozjati ta' paċi mmexxija min-NU; jiddispjaċih għad-deċiżjoni tal-ġellieda Houthi u tal-alleati tagħhom li jirrifjutaw lil Ismail Ould Cheikh Ahmed bħala negozjatur tal-paċi;

4.  Jistieden lill-VP/RGħ tipproponi b'urġenza strateġija integrata tal-UE għall-Jemen u ġġedded l-isforzi favur inizjattiva ta' paċi għall-Jemen taħt il-patroċinju tan-NU; isostni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jiffaċilita l-qbid mill-ġdid tan-negozjati, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jirreaġixxu għal dawn l-isforzi b'mod kostruttiv u mingħajr ma jiffissaw prekundizzjonijiet; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' bini ta' fiduċja – bħar-rilaxx tal-priġunieri politiċi, passi immedjati lejn waqfien mill-ġlied sostenibbli, mekkaniżmu għall-irtirar tal-forzi taħt is-superviżjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, l-iffaċilitar tal-aċċess umanitarju u kummerċjali, inizjattivi Track II li jinvolvu parteċipanti fil-livell tal-politika, tas-sigurtà u tas-soċjetà ċivili – hija essenzjali biex jiġi ffaċilitat ritorn għad-direzzjoni politika t-tajba;

5.  Jiddeplora l-fatt li l-Arabja Sawdija u s-sħab tal-koalizzjoni tagħha għalqu l-portijiet marittimi, l-ajruporti u l-punti ta' qsim tal-fruntiera fil-Jemen, li wassal biex is-sitwazzjoni fil-pajjiż kompliet tmur għall-agħar; iqis li l-miżuri meħudin mill-koalizzjoni intiżi biex jerġgħu jinbdew l-operazzjonijiet fil-port ta' Aden u biex jinfetaħ il-punt ta' qsim tal-fruntiera f'al-Wadea huma pass fid-direzzjoni t-tajba; iħeġġeġ lill-koalizzjoni tiżgura li l-attivitajiet tal-portijiet ta' Hodeida u Saleef jerġgħu jinbdew minnufih, li l-fruntieri tal-art jinfetħu għall-għajnuna umanitarja u li l-prodotti kummerċjali bażiċi jkunu jistgħu jitwasslu fil-pajjiż;

6.  Jenfasizza li l-KSNU, bil-ħsieb li jindirizza l-emerġenza umanitarja kif ukoll li jibni l-fiduċja bejn in-naħat b'mod li jwassal għal negozjati politiċi, qed iħeġġeġ li jintlaħaq ftehim malajr dwar l-użu ta' kontrolli addizzjonali fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta' Verifika u Spezzjoni tan-NU, biex b'hekk tiżdied il-kapaċità tal-portijiet kollha tal-Jemen u jkun hemm aċċess akbar għall-ajruport ta' Sana'a;

7.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti jagħtu aċċess umanitarju sħiħ u immedjat għaż-żoni milquta mill-kunflitt sabiex dawk fil-bżonn ikunu jistgħu jintlaħqu u jappella biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji; jistieden lill-Kunsill u lill-KSNU biex, waqt l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 2216 tal-KSNU, jidentifikaw l-individwi li qed jostakolaw it-twassil tal-għajnuna umanitarja fil-Jemen u jimponu fuqhom sanzjonijiet immirati;

8.  Jikkundanna l-attakki indiskriminati mill-ajru mmexxija mill-koalizzjoni li qed iħallu vittmi ċivili, inklużi tfal, u li jed jeqirdu l-infrastruttura ċivili u medika; jikkundanna l-attakki tant ieħor indiskriminati mill-Houthis u l-forzi alleati li kkaġunaw il-mewt ta' persuni ċivili u wasslu biex dawn il-gruppi jużaw l-isptarijiet u l-iskejjel bħala bażijiet biex minnhom iwettqu l-attakki tagħhom;

9.  Jikkundanna l-attakki indiskriminati bil-missili li twettqu fl-4 ta' Novembru 2017 mill-forzi Houthi/Saleh fuq bliet tal-Arabja Sawdija, b'mod partikolari fuq l-ajruport internazzjonali ċivili ewlieni ta' Riyadh (l-Ajruport Internazzjonali King Khaled);

10.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jagħtu l-aċċess għall-pajjiż lill-ġurnalisti, inkluż fit-territorji kollha u fiż-żoni kollha ta' kunflitt fil-pajjiż; jinnota li l-imblokk impost mill-Jemen biex il-ġurnalisti ma jidħlux fil-pajjiż huwa l-kaġun tan-nuqqas ta' rappurtaġġ tal-kriżi, u dan qed ixekkel l-isforzi tal-ħaddiema umanitarji milli jiġbdu l-attenzjoni tal-komunità internazzjonali u tad-donaturi rigward is-sitwazzjoni katastrofika; jilqa' l-ħelsien riċenti ta' Yahya Abdulraqeeb al-Jubeihi, Abed al-Mahziri u Kamel al-Khozani u jħeġġeġ il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ġurnalisti kollha li għadhom il-ħabs;

11.  Jistieden lin-naħat kollha jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-persuni ċivili u sabiex iżommu lura milli jkollhom fil-mira diretta tagħhom l-infrastrutturi ċivili, b'mod partikolari l-faċilitajiet mediċi u s-sistemi tal-ilma;

12.  Ifakkar li l-attakki intenzjonati kontra l-persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili, inklużi l-isptarijiet u l-persunal mediku, jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tieħu provvedimenti għall-prosekuzzjoni kriminali internazzjonali tal-persuni responsabbli għal każijiet ta' ksur tad-dritt internazzjonali mwettqa fil-Jemen; jappoġġa bis-sħiħ, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li twettaq investigazzjoni komprensiva dwar id-delitti mwettqa fil-kunflitt fil-Jemen;

13.  Jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi biex jistabbilixxu mekkaniżmi internazzjonali bil-għan li jiġbru l-provi u li jitolbu rendikont lil dawk responsabbli għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u għall-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali; jisħaq li, biex tinkiseb soluzzjoni fit-tul għall-kunflitt, huwa indispensabbli li min wettaq vjolazzjonijiet jagħti kont ta' għemilu; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' Grupp ta' Esperti Internazzjonali u Reġjonali Eminenti tan-NU li jkollu l-mandat li jimmonitorja u jirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen u li jwettaq eżami komprensiv tal-allegazzjonijiet kollha ta' ksur u abbużi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u ta' oqsma rilevanti u applikabbli oħra tad-dritt internazzjonali mwettqa mill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt sa minn Marzu 2015; jiddeplora l-fatt li l-isforzi biex issir inkjesta indipendenti ġew imblukkati;

14.  Jesprimi tħassib serju li l-instabbiltà fil-Jemen ġiet sfruttata minn organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħalma huma l-ISIS/Daesh u l-AQAP; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Jemen jerfa' r-responsabbiltajiet tiegħu fil-ġlieda kontra l-ISIS/Daesh u l-AQAP; jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jieħdu azzjoni deċiża kontra tali gruppi, li l-attivitajiet tagħhom jirrappreżentaw theddida serja għal soluzzjoni nnegozjata u għas-sigurtà fir-reġjun u lil hinn minnu; itenni l-impenn tal-UE li topponi l-gruppi estremisti u l-ideoloġiji tagħhom u jisħaq fuq il-bżonn li l-partijiet fir-reġjun jagħmlu l-istess;

15.  Jistieden lill-Kunsill jippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; itenni, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE japplikaw strettament ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, li tistieden lill-VP/RGħ tniedi inizjattiva bil-għan li l-UE timponi embargo fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija, fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji ta' vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-Arabja Sawdija fil-Jemen u tal-fatt li, jekk ikomplu jinħarġu l-liċenzji għall-bejgħ tal-armi lill-Arabja Sawdija, dan ikun għalhekk qed jikser il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

16.  Jappoġġja l-appell tal-UE lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa ħalli jipprevjenu u jiġġieldu l-forom kollha ta' vjolenza, inklużi l-vjolenza sesswali u dik ibbażata fuq il-ġeneru, f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat; jikkundanna bil-qawwa l-ksur tad-drittijiet tat-tfal u jinsab preokkupat dwar l-aċċess limitat tat-tfal anki għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni bażiċi; jikkundanna r-reklutaġġ u l-użu ta' suldati tfal fit-taqbid, kemm mill-forzi tal-gvern kif ukoll mill-gruppi armati tal-oppożizzjoni;

17.  Jilqa' l-impenji meħuda waqt il-Konferenza ta' Livell Għoli tad-Donaturi għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen u jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU biex tittaffa t-tbatija tal-poplu tal-Jemen; jitlob il-mobilizzazzjoni immedjata tal-fondi mwiegħda lill-Jemen u l-finanzjament sħiħ tal-Pjan ta' Rispons Umanitarju 2017 tan-NU għall-Jemen;

18.  Jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma lesti jintensifikaw l-għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni fil-pajjiż kollu bil-għan li jindirizzaw il-ħtiġijiet dejjem jiżdiedu u li jimmobilizzaw l-assistenza tagħhom għall-iżvilupp sabiex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati proġetti f'setturi kruċjali;

19.  Jappoġġja bil-qawwa l-ħidma tas-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza, Mark Lowcock – u tal-predeċessur tiegħu, Stephen O'Brien – biex tittaffa t-tbatija tal-popolazzjoni Jemenita;

20.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex, flimkien mal-isforzi umanitarji u politiċi tagħhom, jappoġġjaw l-azzjonijiet ta' bini tal-paċi u ta' reżiljenza, inkluż bl-appoġġ għall-atturi tas-soċjetà ċivili u għall-istrutturi lokali ekonomiċi u ta' governanza, sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment mill-ġdid tas-servizzi u tal-infrastrutturi bażiċi, tiġi stimulata l-ekonomija lokali u jiġu promossi l-paċi u l-koeżjoni soċjali;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern tal-Jemen.

(1) Testi adottati: P8_TA(2017)0273.
(2) Testi adottati: P8_TA(2016)0066.
(3) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 93.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0201.
(5) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 110.

Avviż legali