Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2127(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0339/2017

Testi mressqa :

A8-0339/2017

Dibattiti :

PV 30/11/2017 - 4
PV 30/11/2017 - 6
CRE 30/11/2017 - 4
CRE 30/11/2017 - 6

Votazzjonijiet :

PV 30/11/2017 - 8.23
CRE 30/11/2017 - 8.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0474

Testi adottati
PDF 555kWORD 71k
Il-Ħamis, 30 ta' Novembru 2017 - Brussell Verżjoni finali
L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità
P8_TA(2017)0474A8-0339/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità (2017/2127(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 9, 10, 19, 168 u 216(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 15, 21, 23, 25 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (is-CRPD) u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà(1),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta bejn il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni li jistabbilixxi arranġamenti interni għall-implimentazzjoni mill-Unjoni Ewropea kif ukoll għar-rappreżentanza tagħha relatati mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tat-2 ta' Ottubru 2015 dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (Sensiela tat-Trattati Ewropej, Nru 5, 1950), u l-protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea (ETS Nru 35, 1961, riveduta fl-1996; ETS Nru 163),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Rec(2002)5 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-protezzjoni tan-nisa kontra l-vjolenza, u r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2007)17 dwar l-istandards u l-mekkaniżmi ta' ugwaljanza bejn is-sessi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979 u l-Protokoll Fakultattiv tagħha tas-6 ta' Ottubru 1999,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (COM(2015)0615),

–  wara li kkunsidra l-kunsens Ewropew il-ġdid għall-iżvilupp bit-titolu "Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-ġejjieni tagħna", dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea u l-impenn f’dan ir-rigward li jitqiesu l-bżonnijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2017 bit-titolu "Rapport ta' Progress dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020" (SWD(2017)0029),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2010 bit-titolu "Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-ġdid għal Ewropa mingħajr ostakoli" (COM(2010)0636),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ("Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi")(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, b'riferiment partikolari għall-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-Lista ta' Kwistjonijiet adottata mill-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol(10),

–  wara li kkunsidra t-tgħarrif tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu "The European Disability Strategy 2010-2020" (L-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020),

–  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament bit-titolu "Discrimination Generated by the Intersection of Gender and Disability" (Diskriminazzjoni Ġġenerata mill-Intersezzjoni tas-Sessi u d-Diżabilità),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2016 tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2016 u l-2017 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tematiċi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-istatistika tal-Eurostat tal-2014 dwar id-diżabilità fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-faqar u l-inugwaljanzi fid-dħul,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjoni tal-Kunsill dwar "Ġejjieni Ewropew sostenibbli: It-tweġiba tal-UE għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli" li ġiet ippubblikata fl-20 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Ewropew Volontarju għall-Kwalità għas-Servizzi Soċjali (SPC/2010/10/8),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Urbana Ġdida (A/RES/71/256),

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, il-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0339/2017),

A.  billi, bħala ċittadini sħaħ(11), il-persuni b'diżabilità kollha għandhom drittijiet ugwali fl-oqsma kollha tal-ħajja u huma intitolati għal dinjità inaljenabbli, trattament ugwali, għajxien indipendenti, awtonomija u parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà;

B.  billi huwa stmat li fl-Unjoni Ewropea hemm 80 miljun persuna b'diżabilità, li 46 miljun minnhom huma nisa;

C.  billi t-TFUE jirrikjedi li l-Unjoni tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha (l-Artikolu 10) u jagħtiha s-setgħa li tadotta leġiżlazzjoni sabiex tindirizza tali diskriminazzjoni (l-Artikolu 19);

D.  billi l-Artikoli 21 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprojbixxu b'mod espliċitu d-diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità u jipprevedu l-parteċipazzjoni ugwali tal-persuni b'diżabilità fis-soċjetà;

E.  billi l-UNCRPD hija l-ewwel trattat internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem irratifikat mill-UE, u ġie ffirmat ukoll mit-28 Stat Membru u rratifikat minn 27; billi l-UE hija l-akbar donatur ta' għajnuna għall-iżvilupp u waħda mill-aktar partijiet interessati influwenti fil-livell internazzjonali;

F.  billi l-UE hija impenjata favur l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) fi ħdan l-UE u fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma' pajjiżi sħab;

G.  billi l-UNCRPD tiddikjara li l-persuni b'diżabilità jinkludu dawk li għandhom indeboliment fiżiku, mentali, intellettwali jew sensjorju fit-tul li, meta f'interazzjoni ma' diversi ostakoli, jista' jxekkel il-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà bħal ħaddieħor; filwaqt li l-Artikolu 9 tal-UNCRPD, huwa ta’ importanza partikolari f'dak ir-rigward;

H.  billi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ssaħħaħ il-fatt li l-UNCRPD hija vinkolanti fuq l-UE u l-Istati Membri tagħha fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, peress li hija strument ta' leġiżlazzjoni sekondarja(12); billi huwa imperattiv li l-għodod ta' politika u d-dritt tal-UE eżistenti jiġu infurzati sabiex tiġi mmassimizzata l-implimentazzjoni tal-UNCRPD;

I.  billi l-persuni b'diżabilità jikkostitwixxu grupp varjat, u billi n-nisa, it-tfal, il-persuni iktar anzjani, u l-individwi bi ħtiġijiet ta' appoġġ kumplessi jew b'diżabilità temporanja jew li ma tidhirx iħabbtu wiċċhom ma' ostakoli addizzjonali u forom multipli ta' diskriminazzjoni;

J.  billi l-persuni b'diżabilità jħabbtu wiċċhom ma' spejjeż addizzjonali, dħul iktar baxx u livell ogħla ta' qgħad; billi l-benefiċċji relatati mad-diżabilità jenħtieġ li jitqiesu bħala għajnuna mill-istat immirata biex tgħin lin-nies jeliminaw l-ostakoli bl-għan li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà, inkluż permezz tal-impjieg;

K.  billi t-tfal b'diżabilità għandhom id-dritt li jgħixu mal-familja tagħhom jew f'ambjent tal-familja li jkun konformi mal-aħjar interess tagħhom; billi l-membri tal-familja ta' spiss ikollhom inaqqsu jew iwaqqfu l-attivitajiet professjonali tagħhom biex jindukraw membri tal-familja b'diżabilità;

L.  billi l-prinċipji tal-UNCRPD jmorru ferm lil hinn mid-diskriminazzjoni, u juru t-triq lejn it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni kollha b'diżabilità u mill-familji tagħhom f'soċjetà inklużiva;

M.  billi għadha qed tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida u reveduta mingħajr ebda referenza għall-UNCRPD u l-aċċessibilità; billi l-aċċessibilità hija prerekwiżit għall-parteċipazzjoni; billi l-UE, bħala parti għall-UNCRPD, għandha d-dmir li tiżgura l-involviment mill-qrib u l-parteċipazzjoni attiva tal-persuni b'diżabilità u tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki filwaqt li tirrispetta l-kunċetti diversi ta' diżabilità;

N.  billi l-istereotipi, il-kunċetti żbaljati u l-preġudizzji huma parti mill-għeruq ta' dak li jikkawża d-diskriminazzjoni, l-istigma u l-inugwaljanza;

O.  billi l-persuni b'diżabilità ta' spiss isofru minn nuqqas ta' appoġġ, protezzjoni, komunikazzjoni u informazzjoni dwar id-drittijiet u s-servizzi ta' kura tas-saħħa, protezzjoni kontra l-vjolenza u kura tat-tfal, u m'għandhom l-ebda aċċess jew ftit għandhom aċċess għal tali servizzi u informazzjoni; billi l-persunal tas-servizzi tas-saħħa jenħtieġ li jkun imħarreġ b'mod xieraq dwar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni b'diżabilità;

P.  billi parti konsiderevoli mill-4 miljun persuna li ta' kull sena jispiċċaw mingħajr dar għandhom diżabilità, u billi dawn ġew injorati bħala grupp fil-mira tal-UNCRPD u l-Istrateġija tal-UE dwar id-Diżabilità;

Q.  billi, minkejja l-bosta konvenzjonijiet internazzjonali, leġiżlazzjonijiet u strateġiji tal-UE u nazzjonali, il-persuni b'diżabilità xorta għadhom mhux jipparteċipaw fis-soċjetà u jgawdu drittijiethom b'mod sħiħ; billi l-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilità tista' tinkiseb biss jekk ikunu inklużi fil-ħajja politika u pubblika, fejn ta' spiss mhumiex rappreżentati biżżejjed, bi qbil mal-Artikolu 29 tal-UNCRPD;

R.  billi r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni juri li hemm dewmien evidenti fl-implimentazzjoni tal-obbligi li jidderivaw mill-UNCRPD kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri; billi għad hemm sfidi u diskrepanzi fil-qafas tal-istrateġija u hemm bżonn ta' perspettiva fit-tul għall-allinjament tal-politiki, il-liġijiet u l-programmi tal-UE mal-UNCRPD;

S.  billi l-mudell ta' għajxien indipendenti, kif enfasizzat mll-UNCRPD, jissalvagwardja l-ogħla livell ta' aċċessibilità possibbli; billi l-aċċess għal servizzi oħrajn bħat-trasport aċċessibbli, u l-aċċess għall-attivitajiet kulturali u rikreattivi, huma wkoll komponent ta' għajxien ta' kwalità u jistgħu jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilità;

T.  billi huwa imperattiv li jkun hemm aċċess għas-suq tax-xogħol inklużiv u attiv peress li dan huwa wieħed mill-mezzi prinċipali għall-promozzjoni tal-indipendenza għall-persuni b'diżabilità; billi l-aċċess għas-suq tax-xogħol attwalment jammonta għal 58,5 % meta mqabbel ma' 80,5 % fost persuni mingħajr diżabilità, b'ċerti gruppi jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni addizzjonali abbażi tat-tip ta' diżabilità, u billi l-ekonomija soċjali tipprovdi għadd kbir ta' opportunitajiet ta' impjieg għall-persuni b'diżabilità;

U.  billi linji gwida aktar b'saħħithom fil-livell Ewropew u riżorsi adegwati, kif ukoll taħriġ fi kwistjonijiet ta' diżabilità jistgħu jsaħħu l-effikaċja u l-indipendenza tal-korpi li jippromwovu l-ugwaljanza fil-livell nazzjonali;

V.  billi waħda mill-erba' prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni wara d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni ta' libertà, tolleranza u nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, hija li trawwem l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ żvantaġġati, billi jiġi żgurat li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħna jindirizzaw il-bżonnijiet tagħhom;

W.  billi l-ispiża kumplessiva li tirriżulta jekk il-persuni b'diżabilità jinżammu barra mis-suq tax-xogħol hija ogħla minn dik li tirriżulta jekk ikunu inklużi fil-post tax-xogħol; billi dan jgħodd aktar u aktar għall-persuni bi ħtiġijiet ta' appoġġ multipli fejn il-membri tal-familja jafu jiġu sfurzati jsiru ndokraturi;

X.  billi l-għadd ta' persuni b'diżabilità b'impjieg jaf hu aktar baxx minn dak li tindika d-data, meta wieħed iqis li ħafna jaqgħu fil-kategorija ta' "mhux impjegabbli" jew jaħdmu fis-settur protett jew f'ambjenti aktar protetti, m'għandhomx l-istatus ta' impjegat u għaldaqstant ma jidhrux fid-data u l-istatistika uffiċjali;

Y.  billi l-impjegaturi jridu jiġu appoġġati u mħeġġa jiżguraw li l-persuni b'diżabilità jkunu awtonomizzati tul it-traġitt sħiħ mill-edukazzjoni sal-impjieg; billi, għal dan l-għan, is-sensibilizzazzjoni tal-imjegaturi hija mezz wieħed biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fir-reklutaġġ ta' persuni b'diżabilità;

Z.  billi l-miżuri fuq il-post tax-xogħol huma kruċjali kemm għall-promozzjoni ta' saħħa mentali pożittiva kif ukoll għall-prevenzjoni tal-mard mentali u d-diżabilitajiet psikosoċjali;

AA.  billi l-UE hija l-akbar donatur ta' għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja, u għandha rwol ewlieni fil-programmi ta' inklużjoni tal-persuni b'diżabilità;

AB.  billi d-diskriminazzjoni fl-impjieg mhijiex kwistjoni iżolata; billi d-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni, fit-taħriġ vokazzjonali u fl-akkomodazzjoni, u n-nuqqas ta' aċċess għat-trasport ifissru diskriminazzjoni fl-impjieg;

AC.  billi 75 % tal-persuni b'diżabilità serja fl-UE ma għandhomx l-opportunità li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol; billi kemm is-sottoimpjieg kif ukoll il-qgħad jistgħu jikkostitwixxu problema b'mod partikolari għall-persuni li jbatu minn disturbi fl-ispettru awtistiku jew dawk li huma torox u li għandhom problemi ta' smigħ kif ukoll il-persuni għomja jew dawk torox-għomja;

AD.  billi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali jafu jkunu mezzi potenzjali għall-implimentazzjoni tal-UNCRPD;

AE.  billi n-nuqqas ta' kapaċità ġuridika jikkostitwixxi ostakolu sinifikanti għall-eżerċitar tad-dritt tal-vot, inkluż fl-elezzjonijiet Ewropej;

AF.  billi 34 % tan-nisa bi problema tas-saħħa jew diżabilità esperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali mwettqa minn sieħeb tul ħajjithom;

AG.  billi l-Artikolu 168(7) tat-TFUE jagħti lill-Istati Membri r-responsabilità li jiddefinixxu l-politiki tas-saħħa tagħhom u jipprovdu s-servizzi tas-saħħa, u dan juri l-importanza vitali tal-konsultazzjoni u l-involviment tal-Istati Membri sabiex l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità tirnexxi;

AH.  billi l-Artikolu 25 tal-UNCRPD jsaħħaħ id-dritt ta' persuni b'diżabilità li jiksbu l-ogħla standard tal-kura tas-saħħa li jista' jintlaħaq, mingħajr diskriminazzjoni;

AI.  billi l-persuni b'diżabilità huma partikolarment vulnerabbli għan-nuqqasijiet fis-servizzi tal-kura tas-saħħa, u dan iwassal għal imġiba ta' riskju għas-saħħa u rati ogħla ta' mwiet prematuri;

L-oqsma ewlenin ta' azzjoni

L-aċċessibilità

1.  Jirrikonoxxi l-importanza li l-aċċessibilità tiġi definita u applikata b'mod olistiku, u l-valur tagħha bħala bażi għall-persuni b'diżabilità biex igawdu minn opportunitajiet ugwali u inklużjoni soċjali u parteċipazzjoni ġenwini fis-soċjetà, kif rikonoxxut fil-UNCRPD u b'konformità mal-Kumment Ġenerali Nru 2 tal-UNCRPD, b'kont meħud tad-diversità tal-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità u l-promozzjoni tal-importanza dejjem tikber ta' disinn għal kulħadd bħala prinċipju tal-UE;

2.  Ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li tintegra d-diżabilità u tiżviluppa u tippromwovi l-aċċessibilità fl-oqsma ta' politika kollha kemm fis-setturi pubbliċi kif ukoll f'dawk privati, u jirrakkomanda li jitwaqqfu unitajiet b'għarfien espert b'rabta mal-aċċessibilità fi ħdan il-ġerarkija tal-Kummissjoni bl-għan li jiġi vverifikat li dan id-dmir qed jitwettaq;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji dwar l-aċċessibilità tal-ispazji pubbliċi u speċjalment tal-ambjent mibni;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ u jimmonitorjaw b'mod kontinwu l-leġiżlazzjoni kollha relatata mal-aċċessibilità, inklużi d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, il-Pakkett tat-Telekomunikazzjonijiet u d-Direttiva dwar l-Aċċessibilità għall-Web, kif ukoll ir-regolamenti rilevanti dwar it-trasport u d-drittijiet tal-passiġġieri; jistieden lill-UE, f'dan il-kuntest, tikkoordina u timmonitorja tali implimentazzjoni minbarra li tippromwovi r-ratifika tal-UNCRPD internament u esternament;

5.  Jittama li l-koleġiżlaturi tal-UE jadottaw, mingħajr dewmien, l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità; jirrakkomanda li, sabiex il-UNCRPD tiġi implimenta bis-sħiħ, it-test finali jenħtieġ li jtejjeb l-aċċessibilità tal-prodotti u s-servizzi għall-persuni b'diżabilità u l-persuni b'limitazzjonijiet funzjonali; jenfasizza li huma meħtieġa regoli Ewropej komprensivi kemm dwar l-aċċessibilità tal-ambjent mibni kif ukoll dwar l-aċċess għall-mezzi kollha tat-trasport;

6.  Jinsab imħasseb li l-monitoraġġ ta' xi atti leġiżlattivi, bħad-Direttiva dwar l-Aċċessibilità għall-Web(13) jew ir-Regolament dwar l-Aċċessibilità Ferrovjarja(14), isir permezz ta' awtovalutazzjoni mill-industrija u l-Istati Membri u ma jitwettaqx minn entità indipendenti; jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-Kummissjoni ttejjeb il-valutazzjoni tal-konformità tagħha u tqis l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni dwar il-monitoraġġ sabiex ikun żgurat li d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità jiġu rrispettati, inkluż, pereżempju, fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004(15);

7.  Ifakkar li l-implimentazzjoni tal-obbligi kollha relatati mal-aċċessibilità tirrikjedi finanzjament suffiċjenti fil-livell tal-UE, fil-livell nazzjonali u fil-livell lokali; jistieden lill-UE tiżgura li l-programmi ta' finanzjament kollha huma aċċessibbli, jimxu fuq approċċ ta' disinn għal kulħadd u jinkludu baġit separat għall-aċċessibilità; jistieden lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-investiment pubbliku sabiex tiġi żgurata l-aċċessibilità tal-persuni b'diżabilità kemm għall-ambjent fiżiku kif ukoll għal dak diġitali;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-aċċessibilità permezz ta' appoġġ għall-iżvilupp tal-ICT u billi jappoġġaw l-inizjattivi relatati kollha, inklużi n-negozji l-ġodda li joperaw fil-qasam tas-sikurezza tal-persuni b'diżabilità;

9.  Huwa favur l-istudju u l-użu tal-aħjar prattiki f'dak li għandu x'jaqsam ma' għajxien indipendenti fl-UE;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li n-numru ta' emerġenza 112 ikun aċċessibbli totalment għall-persuni kollha b'kull tip ta' diżabilità, u li l-aspetti kollha tal-politiki u l-programmi għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri jkunu inklużivi u aċċessibbli għall-persuni kollha b'diżabilità;

11.  Jinsab imħasseb minħabba li l-kundizzjonalità ex ante tal-akkwist pubbliku ta' xiri aċċessibbli qabel l-iffirmar ta' kuntratt pubbliku mhux qed tiġi implimentata biżżejjed fil-livell nazzjonali; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li jinħoloq portal, b'mod simili għall-akkwist pubbliku ekoloġiku, bil-linji gwida kollha dwar l-aċċessibilità;

12.  Jirrakkomanda bil-qawwa li l-proċeduri għat-tressiq tal-ilmenti b'rabta mad-drittijiet tal-passiġġieri jsiru għalkollox aċċessibbli u adatti għall-persuni b'diżabilità, u li jingħataw numru ikbar ta' responsabilitajiet ta' infurzar daqstant b'saħħithom lill-Korpi Nazzjonali tal-Infurzar;

13.  Jenfasizza, b'mod partikolari, li l-aċċessibilità hija prinċipju ċentrali tal-UNCRPD, u prekundizzjoni għall-eżerċizzju ta' drittijiet oħra minquxa fil-Konvenzjoni; jissottolinja li għadd konsistenti ta' petizzjonijiet imressqa minn ċittadini Ewropej jilmentaw dwar in-nuqqas ta' aċċessibilità jew il-preżenza ta' ostakoli arkitettoniċi; jenfasizza li d-dritt għall-aċċessibilità, kif definit fl-Artikolu 9 tal-UNCRPD, irid jiġi implimentat b'mod komprensiv sabiex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jaċċessaw l-ambjent tagħhom, it-trasport, il-faċilitajiet u s-servizzi pubbliċi, kif ukoll it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-aċċessibilità tkun prijorità għolja u tiġi integrata aħjar fl-oqsma ta' politika kollha marbuta mad-diżabilità;

14.  Jinnota li l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali jenħtieġ li tiġi implimentata b'tali mod li jiġi żgurat aċċess sħiħ għall-aspetti kollha tagħha għall-persuni b'diżabilità;

Il-parteċipazzjoni

15.  Jilqa' l-proġett tal-Karta tad-Diżabilità tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, jinkludu lill-pajjiżi kollha f'inizjattiva fit-tul futura bil-ħsieb li jinkiseb kamp ta' applikazzjoni identiku għall-kard Ewropea għall-parkeġġ, u jinkludu aċċess għas-servizzi li jagħti lok għal parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali u t-turiżmu;

16.  Jinsab imħasseb dwar l-użu kontinwu tal-mudell mediku ta' diżabilità li aktar jiffoka fuq id-dijanjożi medika tal-persuni b'diżabilità milli fuq l-ostakoli ambjentali li jħabbtu wiċċhom magħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti bidu għal reviżjoni ta' dan l-approċċ, b'mod partikolari fil-qasam tal-ġbir tad-data; jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw modi kif issir ħidma lejn definizzjoni komuni ta' diżabilità;

17.  Jilqa' l-progress miksub fir-rigward tat-Trattat ta' Marrakexx; josserva li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fl-opinjoni tagħha tal-14 ta' Frar 2017, indikat li l-UE għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-konklużjoni tat-Trattat ta' Marrakexx, peress li l-korp tal-obbligi tat-Trattat ta' Marrakexx jaqa' f'qasam li fil-biċċa l-kbira diġà huwa kopert minn regoli komuni tal-UE; jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri jistabbilixxu pjan ta' azzjoni biex jiżguraw li dan jiġi implimentat bis-sħiħ; jistieden lill-UE ma tirratifikax l-opzjoni li tikkonċerna l-piż ekonomiku;

18.  Huwa tal-fehma li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, b'mod partikolari fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, iridu jirrispettaw il-UNCRPD u jenħtieġ li jkomplu jrawmu d-deistituzzjonalizzazzjoni bħala kwistjoni ta' prijorità u li jenħtieġ li, barra minn hekk, jiffinanzjaw servizzi ta' appoġġ biex jippermettu li l-persuni b'diżabilità jgawdu d-dritt li jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità; jemmen li l-Kummissjoni jenħtieġ li timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-kundizzjonalitajiet ex ante dwar it-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal servizzi bbażati fil-komunità, li jridu jkunu konkreti u vverifikati fir-rigward tal-kwalità b'mod kontinwu u trasparenti; jemmen li l-proposti għal proġetti ffinanzjati mill-UE, inklużi dawk fil-qafas tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u s-self mill-Bank Ewropew tal-Investiment, jenħtieġ li jirrispettaw ir-regoli tal-aċċessibilità permezz ta' approċċ ta' disinn għal kulħadd; iqis li wieħed ma jistax jiddependi biss fuq l-istrumenti finanzjarji sabiex jinkisbu dawn l-objettivi;

19.  Jenfasizza li hemm ħtieġa li jiġi żgurat aċċess liberu għal komunikazzjoni li tkun adatta għat-tip ta' diżabilità, u jenfasizza li dan huwa ta' importanza vitali f'dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni ċivika tal-persuni b'diżabilità;

20.  Jinsab imħasseb dwar l-ostakoli għall-parteċipazzjoni li l-persuni taħt tutela u dawk li jgħixu f'istituzzjonijiet iħabbtu wiċċhom magħhom fl-Ewropa, u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-persuni mċaħħda mill-kapaċità ġuridika tagħhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha minquxa fit-trattati u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-parteċipazzjoni billi jaċċelleraw il-proċess tad-deistituzzjonalizzazzjoni u jissostitwixxu t-teħid ta' deċiżjonijiet sostituttiv b'teħid ta' deċiżjonijiet appoġġat;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mis-serje ta' rapporti regolari tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-Kunsill 93/109/KE(16) u 94/80/KE(17), tinkludi valutazzjoni ta' jekk humiex qed jiġu interpretati b'mod konsistenti mal-Artikolu 29 tal-UNCRPD;

22.  Jenfasizza l-fatt li n-nisa u l-bniet b'diżabilità jsofru minn diskriminazzjoni doppja minħabba l-intersezzjoni tal-ġeneru u d-diżabilità, u ħafna drabi jistgħu saħansitra jkunu esposti għal diskriminazzjoni multipla li tirriżulta mill-intersezzjoni tal-ġeneru u d-diżabilità mal-orjentazzjoni sesswali, l-età, ir-reliġjon jew l-etniċità;

23.  Itenni li n-nisa b'diżabilità ta' spiss ikunu f'pożizzjoni aktar żvantaġġata mill-kontropartijiet irġiel tagħhom u jkunu aktar ta' spiss f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali;

24.  Iqis li l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jenħtieġ li jipprovdi gwida f'livell Ewropew u tal-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tan-nisa u l-bniet b'diżabilità, u jenħtieġ li jkollu rwol attiv fil-ħidma ta' promozzjoni biex jiġu żgurati drittijiet ugwali u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni;

25.  Ifakkar li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost il-persuni b'diżabilità hija marbuta mill-qrib mal-kwistjoni tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-membri tal-familja li ta' sikwit jaġixxu ta' ndokraturi mhux imħallsa u ma jitqisux bħala persuni impjegati; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jippreżentaw strateġiji nazzjonali ta' appoġġ għall-indokraturi informali, li fil-maġġoranza tagħhom huma nisa qraba ta' persuni b'diżabilità;

26.  Jenfasizza li l-għadd ta' anzjani qiegħed jikber u li, skont id-WHO, il-prevalenza tad-diżabilità hija ogħla fost in-nisa, li huma affettwati b'mod partikolari minn dan il-fenomenu minħabba li l-istennija tal-għomor tagħhom hija itwal; jenfasizza li, għalhekk, se jkun hemm żieda proporzjonali fin-numru ta' nisa b'diżabilità;

27.  Jenfasizza l-valur tal-istrumenti mikrofinanzjarji għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu dawn l-istrumenti disponibbli aktar faċilment għan-nisa b'diżabilità;

28.  Jenfasizza li, bl-għan li jiġi żgurat għajxien indipendenti għall-persuni b'diżabilità, huwa meħtieġ li jingħata appoġġ lil riċerka u innovazzjoni mmirati lejn l-iżvilupp ta' prodotti li jgħinu lill-persuni b'diżabilità fl-attivitajiet ta' kuljum tagħhom;

L-ugwaljanza

29.  Jenfasizza li l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni jinsabu fil-qalba tal-Istrateġija dwar id-Diżabilità;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza d-diżabilità fl-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 tagħha;

31.  Jiddispjaċih ħafna dwar l-imblokk prolongat fil-Kunsill Ewropew rigward il-progress lejn id-direttiva kontra d-diskriminazzjoni, u jistieden lill-Istati Membri jikkontribwixxu għall-adozzjoni tad-Direttiva Orizzontali kontra d-Diskriminazzjoni(18), sabiex isir progress lejn soluzzjoni prammatika, li jenħtieġ li tinkludi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha tal-ħajja għall-persuni b'diżabilità, inkluż ir-rikonoxximent taċ-ċaħda ta' akkomodazzjoni raġonevoli bħala forma ta' diskriminazzjoni, u ta' diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali;

32.  Jinsab allarmat bid-data eżistenti dwar id-diskriminazzjoni u l-abbuż ta' persuni b'diżabilità; għadu mħasseb bil-każijiet ta' sottorappurtar minħabba l-inaċċessibilità ta' mekkaniżmi ta' lment u ta' rappurtar, u nuqqas ta' fiduċja u sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-drittijiet; jinsisti li jenħtieġ li tinġabar data diżaggregata skont il-ġeneru u jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, l-iżvilupp ta' metodu ġdid għall-ġbir tad-data, b'mod partikolari fir-rigward ta' każijiet ta' imbark miċħud u rifjut ta' assistenza jew assistenza mhux disponibbli;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza kollha għandhom mandat fil-qasam tad-diżabilità, riżorsi adegwati u l-indipendenza biex jipprovdu l-assistenza meħtieġa lill-vittmi ta' diskriminazzjoni, u jiżguraw li kwalunkwe estensjoni tal-mandat tagħhom tkun akkumpanjata minn żieda fir-riżorsi umani;

34.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiffinanzjaw taħriġ u jiżviluppaw mudelli ta' prattika tajba minn u għall-persuni b'diżabilità, l-organizzazzjonijiet tagħhom, it-trejdjunjins, il-federazzjonijiet tal-impjegaturi, il-korpi tal-ugwaljanza u l-impjegati taċ-ċivil dwar il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali, u akkomodazzjoni raġonevoli;

35.  Jistieden lill-UE tiżviluppa programmi ta' riċerka li jindirizzaw il-prinċipji tal-ugwaljanza meta tkun qed tfassal il-qafas post Orizzont 2020 għar-Riċerka u l-Iżvilupp;

L-impjieg

36.  Jenfasizza li l-aċċess għas-suq tax-xogħol huwa kwistjoni olistika li tirrikjedi l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' appoġġ li jirriżultaw f'sitwazzjoni favorevoli kemm għall-individwu kif ukoll għall-impjegatur, filwaqt li tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali u li jenħtieġ li jinkludu proċeduri ta' reklutaġġ aċċessibbli, trasport aċċessibbli minn u lejn il-post tax-xogħol, progress fil-karriera, taħriġ kontinwu, kif ukoll akkomodazzjoni raġonevoli u postijiet tax-xogħol aċċessibbli; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-Kompendju ta' prattiki tajbin dwar l-impjieg appoġġat għall-persuni b'diżabilità fl-UE u fl-EFTA-ŻEE;

37.  Jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' miżuri ta' diskriminazzjoni pożittiva, inkluża l-adozzjoni ta' perċentwali minimi rigward l-impjieg ta' persuni b'diżabilità fis-setturi pubbliċi u privati;

38.  Jiddispjaċih li ċ-ċaħda ta' akkomodazzjoni raġonevoli ma tikkostitwix diskriminazzjoni fi ħdan il-qafas tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi(19), u dan ġie kkritikat mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; ifakkar li l-ewwel artikolu tad-Direttiva dwar it-trattament ugwali fl-impjieg jipprojbixxi kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni fuq bażi ta' diżabilità;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li n-nases tal-benefiċċji ma jikkostitwux ostakolu għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, u jitlob is-separazzjoni tal-benefiċċji relatati mad-diżabilità mill-appoġġ għad-dħul b'kont meħud tal-kura addizzjonali u l-ħtiġijiet l-oħra li l-persuni b'diżabilità jista' jkollhom, sabiex ikunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża u jgawdu minn aċċess għas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jiżguraw li l-benefiċċji relatati mad-diżabilità ma jiġux irtirati minħabba raġunijiet ta' impjieg;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-intrapriżi soċjali f'konformità mal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta' Bratislava u tad-Dikjarazzjoni ta' Madrid dwar l-Ekonomija Soċjali bħala sors importanti ta' opportunitajiet ta' impjieg għal persuni b'diżabilità;

41.  Jistieden lill-Istati Membri, b'konformità mal-UNCRPD, jikkunsidraw li jneħħu l-ostakoli ġuridiċi kollha għall-impjegabilità, inklużi, pereżempju, il-miżuri li jmorru kontra l-Artikolu 12 tal- UNCRPD, li ma jħallux lill-persuni b'diżabilità jiffirmaw kuntratti tax-xogħol, jiftħu kont bankarju u jkollhom aċċess għal flushom, u b'hekk jispiċċaw finanzjarjament esklużi, jew il-klawżoli nazzjonali li jiddikjaraw ċerti kategoriji ta' persuni b'diżabilità bħala "mhux kapaċi jaħdmu";

42.  Jenfasizza l-importanza tar-riintegrazzjoni u r-riabilitazzjoni effettivi kif ukoll tal-miżuri ta' attivazzjoni u żamma f'soċjetà li qed tixjieħ, li jagħtu lok sabiex in-nies jerġgħu lura x-xogħol jew jibqgħu jaħdmu wara marda jew diżabilità fiżika, mentali jew emozzjonali;

43.  Ifakkar li t-tfigħ tal-piż finanzjarju tal-assistenza fuq il-persuni b'diżabilità u s-sħab tagħhom inaqqas mhux biss id-dħul attwali tagħhom imma anki l-prospetti ta' impjieg u d-dħul tagħhom meta jixjieħu;

44.  Jifhem li l-miżuri ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inklużi l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli, bħax-xogħol intelliġenti, it-telexogħol u s-sigħat tax-xogħol flessibbli jistgħu jkunu ta' ġid għall-persuni b'diżabilità u pożittivi għas-saħħa mentali, filwaqt li jiżguraw sigurtà u stabilità għal kulħadd, iżda jinsab imħasseb minħabba li l-ambjenti tax-xogħol diġitali jaf joħolqu ostakoli ġodda jekk ma jkunux aċċessibbli u jekk ma tkunx provduta akkomodazzjoni raġonevoli;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-prattiki tajbin u ħżiena f'rapporti futuri biex tippermetti lil min iħaddem jimplimenta b'mod effettiv il-leġiżlazzjoni dwar id-diżabilità;

46.  Jinsab imħasseb minħabba li f'xi Stati Membri, il-persuni b'diżabilità li jaħdmu f'workshops protetti mhumiex rikonoxxuti formalment bħala ħaddiema skont il-liġi, jitħallsu inqas mill-paga minima u mhumiex intitolati għall-istess vantaġġi soċjali li jgawdu l-ħaddiema regolari;

47.  Jinsab partikolarment imħasseb dwar iż-żgħażagħ b'diżabilità u dawk li ilhom qiegħda għal perjodu itwal ta' żmien; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu favur l-inklużjoni taż-żgħażagħ b'diżabilità fis-suq tax-xogħol bħala kwistjoni ta' prijorità, pereżempju, billi jistabbilixxu ċentri ta' konsulenza għall-karriera speċjali sabiex jagħtu pariri lill-istudenti u ż-żgħażagħ qiegħda dwar il-karrieri futuri tagħhom, jew bħala parti mill-programm ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jippromwovu d-diversità bħala argument għall-vijabilità u jinkoraġġixxu karti tad-diversità li jippromovu l-valur miżjud tal-persuni b'diżabilità fuq il-post tax-xogħol;

49.  Jistieden lill-UE tiżgura li d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità u l-familji tagħhom ikunu inklużi fil-pakkett propost dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

L-edukazzjoni u t-taħriġ

50.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li ħafna tfal b'diżabilità fi Stati Membri differenti tal-UE għadhom esklużi mill-edukazzjoni inklużiva ta' kwalità minħabba, pereżempju, politiki ta' segregazzjoni kif ukoll minħabba numru ta' ostakoli arkitettoniċi, li jikkostitwixxu forma ta' diskriminazzjoni kontra t-tfal u ż-żgħażagħ b'diżabilità;

51.  Jenfasizza li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma essenzjali għall-impjegabilità tal-persuni b'diżabilità u li l-impjegaturi jenħtieġ li jkunu involuti fil-proċess sabiex jintegraw il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità, anki, iżda mhux esklużivament, billi jitqiesu l-benefiċċji possibbli tat-teknoloġiji l-ġodda f'oqsma bħalma huma t-tiftix ta' impjieg, l-iżvilupp personali u t-tisħiħ tal-indipendenza;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu l-ostakoli ġuridiċi, fiżiċi u organizzattivi għall-persuni b'diżabilità kollha sabiex jiġu garantiti s-sistemi ta' edukazzjoni inklużiva u tagħlim tul il-ħajja;

53.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jiżguraw akkomodazzjoni raġonevoli għat-trainees, u jesiġi li l-proċeduri tal-applikazzjoni għat-traineeships ikunu aċċessibbli u li jiġu offruti traineeships speċifiċi għall-persuni b'diżabilità, inklużi traineeships abbażi ta' inċentivi għall-impjegaturi;

54.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li Erasmus + u programmi oħra għaż-żgħażagħ, bħalma huma l-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, ikunu kompletament aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità permezz ta' akkomodazzjoni raġonevoli individwalizzata u li l-informazzjoni dwar id-drittijiet ta' aċċessibilità tagħhom tkun disponibbli għall-persuni b'diżabilità sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom; jirrakkomanda, għal dan l-għan, li l-għodod eżistenti, bħalma huma dawk previsti, pereżempju, fil-pjattaforma ta' mobilità inklużiva MappED! jiġu mmassimizzati;

55.  Jiddispjaċih li l-aġenda l-ġdida għall-ħiliet ma tinkludix mira speċifika għall-persuni b'diżabilità; jenfasizza li s-sottoimpjieg u d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol attwali tal-persuni b'diżabilità wkoll huma ħela ta' ħiliet siewja; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tqis il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità fl-inizjattivi futuri kollha relatati mal-ħiliet;

56.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri effettivi mmirati biex jindirizzaw is-segregazzjoni u r-rifjut tal-istudenti b'diżabilità fl-iskejjel u fl-ambjenti tat-tagħlim, u jiżviluppaw, f'dan il-kuntest, programmi nazzjonali ta' tranżizzjoni biex jiġu żgurati edukazzjoni inklużiva u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità, kemm formali kif ukoll mhux formali, inkluż għall-persuni b'diżabilità li jeħtieġu livell għoli ta' appoġġ, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-UNCRPD;

57.  Jenfasizza l-importanza tat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-persunal edukattiv, b'mod partikolari biex jingħata appoġġ lill-persuni bi ħtiġijiet kumplessi;

58.  Jirrakkomanda li jsir użu aħjar mill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva sabiex il-mandat eżistenti tagħha jiġi mmassimizzat;

59.  Jenfasizza li huwa essenzjali li l-għalliema u dawk li jħarrġu jiġu mħejjija biex jaħdmu mat-tfal b'diżabilità u li jingħataw appoġġ adegwat; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jfasslu edukazzjoni inklużiva, taħriġ u żvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema u għal dawk li jħarrġu, b'kontribut mingħand varjetà ta' partijiet interessati, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabilità u l-professjonisti b'diżabilità;

60.  Jitlob, fid-dawl tar-rata għolja ta' tluq bikri mill-iskola fost iż-żgħażagħ b'diżabilità u/jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali, l-esplorazzjoni ulterjuri tal-opportunitajiet offruti mit-tagħlim tul il-ħajja u l-għoti ta' alternattivi attraenti; iqis li l-promozzjoni ta' programmi ta' tagħlim tul il-ħajja għall-persuni b'diżabilità hija parti vitali mill-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità;

61.  Jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-edukazzjoni inklużiva u t-tagħlim tul il-ħajja bejn l-għalliema, il-persunal, il-korpi governattivi, l-istudenti u t-tfal tal-iskola b'diżabilità;

62.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li, minkejja t-titjib, il-persuni b'diżabilità għadhom f'riskju għoli ta' qgħad u li inqas minn 30 % spiċċaw l-edukazzjoni terzjarja jew edukazzjoni ekwivalenti, meta mqabbla ma' madwar 40 % għall-persuni mingħajr diżabilità; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu attenzjoni speċjali lid-diffikultajiet li ż-żgħażagħ b'diżabilità u/jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali jiltaqgħu magħhom matul it-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni sekondarja u universitarja u/jew mit-taħriġ vokazzjonali għall-impjieg;

63.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet pubbliċi u lill-kumpaniji tal-UE jimplimentaw politiki favur id-diversità u l-Karti tad-Diversità nazzjonali;

64.  Jenfasizza li ż-żgħażagħ b'diżabilità jipparteċipaw inqas fl-attività fiżika minn żgħażagħ bħalhom mingħajr diżabilità u li l-iskejjel għandhom rwol importanti fl-adozzjoni ta' stil ta' ħajja san; jenfasizza, għalhekk, kemm hu importanti li titrawwem il-parteċipazzjoni ikbar taż-żgħażagħ b'diżabilità fl-attivitajiet fiżiċi; jistieden lill-Istati Membri biex ineħħu b'ħeffa l-ostakoli kollha eżistenti li jxekklu l-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilità jew tal-persuni bi bżonnijiet speċjali fl-attivitajiet sportivi;

65.  Ifakkar fil-ħtieġa li jitnaqqas id-distakk diġitali u li jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità jibbenefikaw bis-sħiħ mill-Unjoni Diġitali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, kemm hu importanti li jittejbu l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali tal-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari permezz ta' proġetti finanzjati mill-programm Erasmus+, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċittadini vulnerabbli – inklużi l-persuni b'diżabilità – online, permezz ta' miżuri effiċjenti kontra d-diskors ta' mibegħda, il-bullying ċibernetiku u l-forom kollha ta' diskriminazzjoni online u billi jipprovdu aktar edukazzjoni fil-litteriżmu diġitali u medjatiku bħala parti mill-edukazzjoni kemm mhux formali kif ukoll formali; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jagħmlu l-għodda teknoloġiċi edukattivi adegwati disponibbli mingħajr ħlas għat-tfal b'diżabilità, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fl-attivitajiet edukattivi u ta' taħriġ;

Il-protezzjoni soċjali

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istrateġija tal-UE tad-Diżabilità 2030 tinkludi azzjonijiet speċifiċi għall-promozzjoni ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali inklużivi fl-UE kollha, li jiggarantixxu l-aċċess għall-benefiċċji u s-servizzi għall-persuni b'diżabilità tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu bażi ta' protezzjoni soċjali għal persuni b'diżabilità, li tiżguralhom standard ta' għajxien adegwat;

67.  Jistieden lill-koleġiżlaturi jikkunsidraw l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità bħala grupp fil-mira speċifiku fir-Regolament dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali(20);

68.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri japplikaw il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku meta jwettqu l-valutazzjoni u d-determinazzjoni tagħhom ta' diżabilità, u dan jenħtieġ li jsegwi u ma jridx jikkomprometti l-mudell ta' diżabilità tal-UNCRPD bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jitqiesu l-ostakoli ambjentali u soċjetali li persuna tiltaqa' magħhom u bl-involviment tal-partijiet interessati rilevanti kollha sabiex jiġi żgurat li l-istandards tal-għajxien tal-persuni b'diżabilità ma jiġux ipperikolati, pereżempju, mill-programmi ta' aġġustament ekonomiku;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jintegra d-diżabilità fl-aspetti kollha;

70.  Jirrakkomanda li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-fondi soċjali futuri tal-UE jintużaw mhux biss għal miżuri ta' attivazzjoni tal-impjieg, iżda anki għall-inklużjoni soċjali; jenfasizza l-importanza tar-riabilitazzjoni bħala mezz ta' inklużjoni soċjali biex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità jibqgħu attivi fi ħdan il-komunità;

71.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi, bħall-għoti ta' assistenza finanzjarja u kura ta' serħan, għall-promozzjoni ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali inklużivi madwar l-UE li jiggarantixxu standard ta' għajxien adegwat, benefiċċji u aċċess għas-servizzi għall-persuni kollha b'diżabilità tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja;

72.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li d-deistituzzjonalizzazzjoni qatt ma twassal biex il-persuni b'diżabilità jispiċċaw bla dar minħabba nuqqas ta' akkomodazzjoni adegwata u/jew aċċessibbli biex tingħata l-kura fil-komunità;

Is-saħħa

73.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva tal-2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali(21); jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkludi komponent qawwi ta' diżabilità fit-traspożizzjoni tad-Direttiva sabiex jiġi garantit l-aċċess għal kura tas-saħħa transkonfinali affordabbli u ta' kwalità għall-persuni b'diżabilità; jistieden, b'rabta ma' dan, lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tad-Direttiva bl-għan li tirrevediha sabiex issir konformi mal-UNCRPD u tħejji gwida għall-UE kollha dwar l-integrazzjoni tad-diżabilità fil-ħidma tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali bi kriterji komuni ta' prestazzjoni, inklużi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għad-diżabilità; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu edukazzjoni u taħriġ xierqa lill-professjonisti fil-kura tas-saħħa dwar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-pazjenti b'diżabilità;

74.  Huwa mħasseb dwar il-ksur, inkluż ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fis-servizzi tas-saħħa mentali u tal-kura, li f'ħafna każijiet kellu impatt sinifikanti fuq il-kwalità tas-servizzi pprovduti, u jinnota li dawk is-servizzi jridu jkunu ffokati fuq l-irkupru, iffinanzjati b'mod xieraq u pprovduti skont mudell ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem;

75.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw servizzi tas-saħħa mentali li jirrikjedu li tkun il-persuna b'diżabilità nfisha, u mhux persuna oħra li tieħu d-deċiżjonijiet minflokha, li tagħti l-kunsens infurmat għat-trattament u għall-ammissjoni fl-isptar, filwaqt li jitqiesu wkoll miżuri ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'mod assistit;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-saħħa elettronika u s-servizzi tas-saħħa u tal-kura jkunu kompletament aċċessibbli u jkunu jistgħu jintużaw b'mod sikur mill-persuni kollha b'diżabilità, inklużi dawk b'diżabilitajiet intellettwali u ħtiġijiet kumplessi, u mill-membri tal-familja tagħhom;

77.  Jiġbed l-attenzjoni lejn kemm hu urġenti li jiġi indirizzat in-nuqqas ġenerali ta' aċċess għal kura speċjalizzata multidixxiplinari għall-persuni b'diżabilità u, fejn din teżisti, li jiġi indirizzat ukoll iż-żmien twil li l-pazjenti jkollhom jistennew, bħala ostakolu mill-akbar għall-aċċess ugwali għall-prevenzjoni u t-trattament għall-kura tas-saħħa, li spiss jirriżulta fid-deterjorament tal-kundizzjoni tal-pazjent b'diżabilità u f'piż li jkun seta' jiġi evitat fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa;

78.  Jirrimarka li s-sistemi tal-kura tas-saħħa għandhom jiżguraw id-detezzjoni, ir-rappurtar u l-prevenzjoni tal-vjolenza sesswali u/jew l-abbuż sesswali;

79.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-għadd ta' servizzi ta' valutazzjoni u ta' valutazzjoni mill-ġdid multidixxiplinari għall-adulti b'diżabilità, bil-għan li jiġu żviluppati pjanijiet imfassla apposta li jkunu jistgħu jiġu implimentati billi jintużaw riżorsi territorjali (bħal servizzi tad-djar/ta' kura matul il-jum/residenzjali) li jissodisfaw ir-rekwiżiti bijopsikosoċjali identifikati;

80.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-qafas tan-Netwerks Ewropej ta' Referenza sabiex jiżviluppaw kura tas-saħħa multidixxiplinari u speċjalizzata għall-persuni b'diżabilità b'mod ġenerali u, b'mod partikolari, għal dawk b'diżabilità rari, u sabiex jespandu l-aċċess għal tali kura tas-saħħa;

81.  Jenfasizza n-nuqqas ta' attenzjoni fir-rigward tad-diżabilitajiet min-naħa tal-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Forza tax-Xogħol tal-UE fil-Qasam tal-Kura tas-Saħħa u l-aġenda tal-UE dwar sistemi tas-saħħa effettivi, aċċessibbli u reżiljenti, peress li mhumiex trattati b'mod speċifiku fiż-żewġ testi;

82.  Jenfasizza s-suċċess tat-tieni Azzjoni Konġunta dwar id-Demenzja, filwaqt li jittama li, għall-perjodu tat-tliet snin li jmiss, se jiġu żborżati fondi addizzjonali mill-kumpaniji farmaċewtiċi li jieħdu sehem fl-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq strateġija rigward l-assistenza ta' persuni b'diżabilità serja wara l-mewt ta' qraba tagħhom li kienu jieħdu ħsieb il-kura ta' kuljum tagħhom (ara l-liġi Taljana adottata reċentement "dopo di noi");

84.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq analiżi bir-reqqa tal-lakuni li jeżistu bejn l-Osservazzjonijiet Konklużivi tan-Nazzjonijiet Uniti u r-rapport ta' progress tagħha stess, speċifikament fir-rigward tal-qasam tal-prijorità tas-saħħa tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità;

85.  Jitlob promozzjoni konsistenti tal-għoti ta' kura ostetrika lokali bħala servizz pubbliku fl-Istati Membri, sabiex jitnaqqsu l-każijiet ta' diżabilità li jirriżultaw minn kumplikazzjonijiet fit-twelid u jkun żgurat twelid sikur kemm għall-ommijiet kif ukoll għat-trabi, b'konformità mal-Lista ta' Kontroll tat-Twelid Sikur tal-WHO;

86.  Huwa kuntent bil-progress li sar fis-settur Ewropew tat-telemediċina li għandu l-potenzjal jibdel b'mod fundamentali l-kapaċità ta' persuni b'diżabilità biex jaċċedu għas-servizzi; jemmen, barra minn hekk, li l-użu tat-teknoloġija 4G, l-introduzzjoni tal-5G u l-firxa tal-Internet tal-Oġġetti se jwasslu għal titjib fl-għoti tal-kura tas-saħħa għall-persuni b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-settur Ewropew tat-teknoloġija tas-saħħa ma jkunx mgħobbi b'regolamentazzjoni eċċessiva u jkollu aċċess adegwat għall-finanzjament;

L-azzjoni esterna

87.  Jitlob li l-azzjoni esterna tal-UE tkun konformi bis-sħiħ mal-UNCRPD;

88.  Jistieden lill-UE tiżgura li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-azzjoni umanitarja jkunu kompletament aċċessibbli u inklużivi fir-rigward tal-persuni b'diżabilità;

89.  Jistieden lill-UE tintroduċi indikatur tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fir-rappurtar uffiċjali tal-assistenza għall-iżvilupp;

90.  Jistieden lill-UE tiżgura li jkollha rwol ewlieni fl-iżgurar li l-persuni b'diżabilità ma jitħallewx jaqgħu lura fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja, skont l-impenn meħud fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, u tinkludi l-indirizzar tad-diskriminazzjoni multipla li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni vulnerabbli u l-gruppi emarġinati;

91.  Jistieden lill-Kummissjoni tkun minn ta' quddiem nett fil-kisba ta' implimentazzjoni b'mod li jkun jinkludi lill-persuni b'diżabilità tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fl-azzjoni esterna, indipendentement minn strateġija Ewropea ġdida dwar id-diżabilità, permezz tal-adozzjoni ta' pjan direzzjonali ċar, trasparenti u inklużiv biex jinkisbu l-għanijiet;

92.  Jiddispjaċih li l-indikatur tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-UE dwar l-impjieg mhuwiex diżaggregat skont id-diżabilità; jistieden lill-UE tħeġġeġ id-diżaggregazzjoni tad-data skont it-tip ta' diżabilità b'kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab;

93.  Jistieden lill-UE u s-sħab tagħha jinkludu lill-persuni b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fl-istadji kollha tal-iżvilupp tal-politiki u tal-proġetti, inkluż fuq il-post fil-pajjiżi sħab bil-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità;

94.  Itenni li n-nisa b'diżabilità ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma' sfidi u perikli saħansitra ikbar f'pajjiżi involuti f'kunflitt u f'żoni ta' kunflitt; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li n-nisa b'diżabilità jkunu protetti fil-politiki esterni tal-UE;

L-obbligi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE

95.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħmlu l-funzjonalità, il-kontenut, id-dokumenti, il-vidjows u s-servizzi tal-web tas-siti web esterni u interni tagħhom aċċessibbli, inklużi l-konsultazzjonijiet pubbliċi, u jippubblikaw ir-rapporti ta' osservanza u konformità fir-rigward tal-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-obbligi dwar l-aċċessibilità għall-web;

96.  Jiddispjaċih li l-proġett INSIGN li jippermetti komunikazzjoni indipendenti għall-persuni torox u dawk neqsin mis-smigħ matul l-interazzjoni tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-UE billi jiġu konnessi ma' interpreti tal-lingwa tas-sinjali u persuni responsabbli mid-didaskalija fl-Istati Membri għadu ma ġiex implimentat, minkejja li l-Kummissjoni ffinanzjat l-iżvilupp tal-prototip tal-pjattaforma ta' servizz, li ġie ttestjat b'suċċess fil-Parlament Ewropew fl-2014;

97.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex, fuq talba sempliċi, jagħmlu l-laqgħat pubbliċi kollha tagħhom aċċessibbli, inkluż permezz ta' provvediment ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali, didaskalija mid-diskors għat-test u dokumenti pprovduti bil-Braille, kif ukoll permezz ta' metodi ta' komunikazzjoni awmentattivi u alternattivi oħrajn u l-aċċessibilità fiżika tal-bini tagħhom; jirrikonoxxi d-diffikultajiet biex jiġu pprovduti sottotitoli għax-xandir bi streaming kollu u l-vidjows kollha tal-laqgħat; jitlob, madankollu, lill-istituzzjonijiet ikomplu jimmonitorjaw l-iżviluppi teknoloġiċi f'dan il-qasam sabiex tittejjeb l-aċċessibilità fil-futur;

98.  Jagħti parir lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jagħtu prijorità lill-interpretazzjoni minn u għal-lingwa/lingwi nazzjonali tas-sinjali pjuttost milli l-Lingwa Internazzjonali tas-Sinjali, b'konformità mal-politika tal-UE dwar il-multilingwiżmu;

99.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-elezzjonijiet tagħhom tal-Parlament Ewropew ikunu aċċessibbli u jkunu jinkludu lil dawk li attwalment qed jgħixu f'istituzzjoni u/jew taħt tutela;

100.  Jirrikonoxxi n-nuqqas ta' proċessi elettorali aċċessibbli u inklużivi għall-persuni b'diżabilità, speċjalment għall-persuni b'diżabilitajiet mentali/intellettwali, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri; Iħeġġeġ lill-Parlament Ewropew jiżgura li l-materjali ta' komunikazzjoni tagħhom dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ikunu kompletament aċċessibbli;

101.  Jistieden lill-iskejjel, il-faċilitajiet għall-indukrar tat-trabi u ċ-ċentri ta' wara l-iskola Ewropej jipprovdu edukazzjoni ta' kwalità, inklużiva u konformi mal-UNCRPD għat-tfal kollha tal-persunal tal-UE, inklużi dawk bi bżonnijiet ta' appoġġ kumplessi jew ta' livell għoli;

102.  Jistieden lill-UE tiffaċilita il-provvediment ta' akkomodazzjoni raġonevoli u forom oħra ta' appoġġ għall-impjieg, bħax-xogħol intelliġenti għall-impjegati, inkluż għall-assistenti parlamentari b'diżabilità fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

103.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli konġunti, id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni, il-kamp ta' applikazzjoni, ir-rappreżentanza tal-persuni b'diżabilità, l-aċċessibilità u l-prattiki tar-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard tagħha biex iġġibu konformi mal-UNCRPD;

104.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi kollha tal-UE jistabbilixxu punti fokali, u jenfasizza l-ħtieġa ta' mekkaniżmu ta' koordinament interistituzzjonali orizzontali fid-Direttorati Ġenerali u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE; jitlob li l-arranġamenti meħtieġa sabiex dan jinkiseb, ikunu jiffurmaw parti minn strateġija ta' implimentazzjoni tal-UNCRPD;

105.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jadottaw politiki komprensivi ta' reklutaġġ, żamma u promozzjoni, inklużi miżuri pożittivi temporanji, biex iżidu b'mod attiv u sostanzjali l-għadd ta' uffiċjali jew persunal u trainees b'diżabilità, inklużi diżabilitajiet psikosoċjali u intellettwali b'konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78/KE;

106.  Ifakkar fir-rwol tal-Intergrupp dwar id-Diżabilità tal-Parlament Ewropew għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità, skont il-Konvenzjoni tan-NU, bħala pjattaforma li ġġib flimkien membri parlamentari Ewropej u nazzjonali u rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet u tas-soċjetà ċivili, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali; jinnota li l-Intergrupp huwa forum privileġġat għat-tħeġġiġ tad-diskussjonijiet u d-dibattiti sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-istrateġija;

107.  Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jikkonsultaw bis-sħiħ u jinvolvu b'mod effettiv lill-membri tal-persunal u lill-Membri b'diżabilità fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-prattiki, tal-politiki u tar-regoli interni tagħhom, inklużi r-Regolamenti tal-Persunal u d-dispożizzjonijiet dwar l-akkommodazzjoni raġonevoli u l-aċċessibilità;

Il-lakuni fir-rapport ta' progress vis-à-vis l-Osservazzjonijiet Konklużivi

108.  Jiddispjaċih li s-siti web tal-istituzzjonijiet tal-UE ma jikkonformawx mal-istandards tal-aċċessibilità tal-livell AAA; jistieden lill-Istituzzjonijiet jikkonformaw kemm jista' jkun malajr;

109.  Jiddispjaċih li l-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri dwar it-trasport għadha mhijiex implimentata bis-sħiħ fil-livell nazzjonali; jirrakkomanda, għal dan l-għan, li jiġu stabbiliti korpi nazzjonali tal-infurzar f'kull Stat Membru;

110.  Jinnota l-progress li sar f'dik li hi aċċessibilità ferrovjarja; jitlob l-istess livell ta' regolamenti tal-aċċessibilità għall-modi tat-trasport l-oħra kollha, inkluż l-ivvjaġġar bl-ajru, bl-għan li jissolvew il-kunflitti bejn is-sikurezza u l-aċċessibilità;

111.  Jinnota li d-Direttiva Orizzontali dwar it-Trattament Ugwali ma ġietx indirizzata fir-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni;

112.  Jiddispjaċih li ftit li xejn sar progress fir-rigward tar-ratifika min-naħa tal-Unjoni Ewropea tal-Protokoll Fakultattiv għall-UNCRPD;

113.  Jinnota li sa issa l-Kummissjoni għadha ma wettqitx rieżami komprensiv u trasversali tal-leġiżlazzjoni tagħha sabiex tiżgura l-armonizzazzjoni sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-UNCRPD;

114.  Jilqa' l-lista aġġornata ta' strumenti, inklużi l-istrumenti li ġew adottati reċentement, iżda jiddispjaċih li d-dikjarazzjoni tal-kompetenzi ma ġietx riveduta u li l-lista ta' strumenti ma tinkludix strumenti li ma jirreferux b'mod speċifiku għall-persuni b'diżabilità, iżda huma xorta waħda rilevanti għall-persuni b'diżabilità;

115.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni m'għamlitx progress fl-integrazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet b'diżabilità fil-politiki u l-programmi kollha tagħha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, u fl-inklużjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fl-istrateġiji tad-diżabilità tagħha;

116.  Ifaħħar l-iffirmar min-naħa tal-UE tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), u jistieden lill-Kunsill biex jirratifikaha malajr;

117.  Jiddispjaċih li l-politiki Ewropej attwali dwar id-drittijiet tat-tfal ma jinkludux b'mod suffiċjenti strateġija komprensiva bbażata fuq id-drittijiet għas-subien u l-bniet b'diżabilità jew salvagwardji biex jipproteġu d-drittijiet tagħhom, u li l-istrateġiji tad-diżabilità ma jindirizzawx u ma jintegrawx biżżejjed id-drittijiet tas-subien u l-bniet b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni, b'konformità mal-UNCRPD u mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC), tagħti attenzjoni partikolari lit-tfal b'diżabilità; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa ta' mudelli eżemplari għan-nisa u l-bniet b'diżabilità;

118.  Jinnota li l-UE għadha ma organizzatx kampanja komprensiva biex trawwem sensibilizzazzjoni għall-UNCRPD u biex tiġġieled il-preġudizzju kontra l-persuni b'diżabilità;

Lejn Strateġija tad-Diżabilità 2030 komprensiva u effettiva

Il-kwistjonijiet orizzontali

119.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istrateġija tad-Diżabilità futura timmira li timplimenta bis-sħiħ il-UNCRPD fl-oqsma ta' politika kollha tal-UE u li tintegra l-aċċessibilità, il-parteċipazzjoni, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza, filwaqt li tqis l-artikoli kollha tal-UNCRPD u tinkludi baġit adegwat, skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni u mekkaniżmu ta' monitoraġġ, u jkollha wkoll l-istess valur legali bħall-istrateġija attwali; huwa konxju li din l-istrateġija tista' tkun ta' suċċess biss jekk il-partijiet interessati kollha, inkluża s-soċjetà ċivili, ikunu involuti;

120.  Jenfasizza li l-istrateġija 2020-2030 jenħtieġ li tkun ibbażata fuq rieżami trasversali u komprensiv tal-leġiżlazzjoni u l-politiki kollha tal-UE sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-UNCRPD, u li jenħtieġ li tinkludi dikjarazzjoni tal-kompetenzi riveduta;

121.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi miżuri relatati mal-integrazzjoni mill-ġdid u r-riabilitazzjoni effettivi biex jitnaqqsu jew jiġu eliminati l-effetti ta' marda jew diżabilità fiżika, mentali jew emozzjonali fuq il-kapaċità tal-qligħ ta' persuna;

122.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe strateġija futura u l-proċess ta' konsultazzjoni relatata magħha jenħtieġ li jkunu trasparenti, jinftiehmu u aċċessibbli għalkollox, u jinkludu indikaturi u punti ta' riferiment ċari;

123.  Jinnota li s-sett ta' indikaturi tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-UE mhumiex inklużivi għall-persuni b'diżabilità f'dak li għandu x'jaqsam mal-għan numru 4 (l-edukazzjoni), l-għan numru 5 (l-ugwaljanza bejn is-sessi) u l-għan numru 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku); jitlob li l-istrateġija futura tuża l-indikaturi globali tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u l-politiki ewlenin tal-UE fil-qasam tal-impjieg;

124.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-Istrateġija tad-Diżabilità futura tkun koerenti ma' inizjattivi u strateġiji oħrajn tal-UE, sabiex jitrawmu l-impjiegi u l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari n-nisa;

125.  Jirrakkomanda li l-istrateġija post 2020 tinkludi l-akkwist pubbliku u l-istandardizzazzjoni bħala kwistjonijiet orizzontali li jżidu l-impjegabilità tal-persuni b'diżabilità, kif ukoll sabiex jiġu promossi l-ġbir u l-iskambju ta' prattiki tajba fost l-Istati Membri;

126.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti ffinanzjati mill-UE jkunu konformi mal-approċċ tal-UNCRPD bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, u ma jiffinanzjaw l-ebda proġett li joħloq riżultati li ma jkunux aċċessibbi, li jeskludi l-persuni b'diżabilità, jew li ma jirrispettawx l-istandards ta' aċċessibilità;

127.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi għodda ta' valutazzjoni tal-aċċessibilità b'monitoraġġ kontinwu, inklużi indikaturi speċifiċi u objettivi tanġibbli;

128.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, b'segwitu għar-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul mill-UE, jadottaw miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet b'diżabilità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal strateġija Ewropea komprensiva għall-ġlieda kontra l-vjolenza fil-konfront tan-nisa, b'enfasi partikolari fuq in-nisa u l-bniet b'diżabilità;

129.  Jirrikonoxxi li n-nisa b'diżabilità, speċjalment diżabilità intellettwali, huma aktar vulnerabbli għall-vjolenza sessista, għall-fastidju sesswali jew għal forom oħra ta' abbuż; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li minħabba l-pożizzjoni tagħhom ta' dipendenza għandhom imnejn ma jkunux kapaċi jidentifikaw jew jirrappurtaw l-abbuż; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi akkomodata aktar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità li tipprevedi miżuri preventivi intiżi biex jiġi evitat kull tip ta' abbuż u biex il-vittmi tal-vjolenza jingħataw appoġġ ta' kwalità għolja, aċċessibbli u mfassal apposta;

130.  Jistieden lill-UE tintegra l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità fil-firxa kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE u fil-proċess tas-Semestru Ewropew; Jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm djalogu strutturat u ġenwin bejn l-UE u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabilità għat-tfassil tal-istrateġija post 2020;

131.  Jirrakkomanda li l-istrateġija futura tinkludi r-rwol essenzjali tas-servizzi ta' appoġġ għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni b'diżabilità;

132.  Jirrakkomanda li l-istrateġija futura tinkludi kwistjonijiet li jirrigwardaw it-taħriġ tal-persunal, li huma fundamentali sabiex jingħata appoġġ skont il-prinċipji tal-UNCRPD;

Oqsma addizzjonali ta' azzjoni

133.  Iħeġġeġ li l-ugwaljanza, il-perspettiva tal-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni, inkluż, pereżempju, fir-rigward tal-persuni LGBTQI b'diżabilità li huma esposti għal diskriminazzjoni multipla, jiġu integrati fl-oqsma kollha tal-istrateġija futura; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu kampanji u korsijiet ta' taħriġ favur is-sensibilizzazzjoni għall-UNCRPD u għall-ħtieġa li d-diversità tiġi rispettata sabiex jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni, l-istigma u l-preġudizzji kontra l-persuni b'diżabilità, il-persuni b'diżabilitajiet psikosoċjali u dawk b'diżabilità relatata mat-tagħlim jew bl-awtiżmu;

134.  Jenfasizza li jrid isir aktar biex jingħelbu l-isterjotipi u l-preġudizzji dwar id-diżabilità fil-midja sabiex jinbidlu n-normi soċjali prevalenti ta' esklużjoni; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jinvestu f'inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku sabiex jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità jkunu rappreżentati bħala ċittadini ugwali sabiex jiġu miġġielda l-isterjotipi dwar id-diżabilità;

135.  Jinnota l-intersezzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u d-diżabilità, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-kunsens infurmat dwar l-użu tal-kontraċettivi, l-isterilizzazzjoni furzata u l-aċċess għad-drittijiet riproduttivi; jistieden lill-Istati Membri jqisu l-ħtieġa li jevalwaw il-leġiżlazzjoni tagħhom f'dan ir-rigward;

136.  Iħeġġeġ lill-UE tintegra d-drittijiet tat-tfal b'diżabilità fl-oqsma kollha tal-istrateġija futura;

137.  Jirrikonoxxi li l-kapaċità ġuridika hija wieħed mill-prerekwiżiti għat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt tal-vot, u li kwalunkwe strateġija ġdida trid tirsisti sabiex ħadd ma jiġi mċaħħad mill-kapaċità ġuridika abbażi tad-diżabilità fl-oqsma kollha tal-ħajja; jenfasizza, għal dan l-għan, li l-UE jenħtieġ li tiżgura li l-persuni kollha b'diżabilità jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha minquxa fit-trattati u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, bħall-aċċess għall-ġustizzja, il-prodotti u s-servizzi, inklużi s-servizzi bankarji, l-impjiegi u l-kura tas-saħħa, kif ukoll il-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej u d-drittijiet tal-konsumatur b'konformità mal-Konvenzjoni, u tinkoraġġixxi miżuri nonkoerċittivi u teħid ta' deċiżjonijiet b'appoġġ bi qbil mal-UNCRPD;

138.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tinkludi l-miżuri kollha possibbli fl-istrateġija l-ġdida biex tiżgura l-libertà u s-sigurtà tal-persuni kollha b'kull tip ta' diżabilità b'konformità mal-Konvenzjoni u l-Kumitat tal-UNCRPD;

139.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni żżomm il-prinċipju tas-sħubija fir-regolamenti futuri dwar il-finanzjament u tiżgura li dan jiġi rispettat bis-sħiħ;

140.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-involviment strutturali tal-persuni b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fil-proċessi kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, u tiffinanzja l-bini ta' kapaċità tal-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità sabiex il-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod strutturali fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernawhom; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jagħtu taħriġ dwar l-UNCRPD biex jiżguraw li l-persuni b'diżabilità jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom sabiex id-diskriminazzjoni tkun tista' tiġi evitata;

141.  Ifakkar li l-Kumitat tal-UNCRPD esprima t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni prekarja tal-persuni b'diżabilità fil-kriżi tal-migrazzjoni attwali fl-UE; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tintegra d-diżabilità fil-politiki tagħha dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati u tiżgura li l-finanzjament kollu tal-UE ddirezzjonat biex tiġi affrontata din il-kriżi umanitarja jkun inklużiv fir-rigward tad-diżabilità;

142.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jiddiżaggregaw id-data skont it-tipi ta' diżabilità, u jaħdmu mill-qrib mal-Eurostat biex jiġbru data komparabbli dwar id-diżabilità f'oqsma differenti, li tkun tinkludi l-persuni li jgħixu fl-istituti, filwaqt li l-istrateġija dwar id-diżabilità tiġi konnessa mal-proċess tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

143.  Jenfasizza l-bżonn ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi, miżurabbli u komparabbli, inkluż dwar l-aċċessibilità, l-ugwaljanza, l-impjieg, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa, l-eżiti tal-iskejjel u l-għadd ta' studenti fl-edukazzjoni inklużiva, sabiex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tal-UNCRPD min-naħa tal-UE u l-Istati Membri, u jħeġġeġ bil-qawwa li tinġabar id-data biex jiġu applikati dawn l-indikaturi;

144.  Iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa sistema ta' indikaturi abbażi tad-drittijiet tal-bniedem b'kooperazzjoni mal-persuni b'diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, kif ukoll sistema ta' ġbir komprensiv ta' data komparabbli, b'data diżaggregata skont il-ġeneru, l-età, il-popolazzjoni rurali jew urbana u t-tip ta' indeboliment;

145.  Jirrikonoxxi li l-persuni b'diżabilità intellettwali huma partikolarment vulnerabbli għad-diskriminazzjoni u l-abbuż, u ta' sikwit jitpoġġew f'istituti, mingħajr ebda aċċess għall-edukazzjoni u mingħajr ebda awtodeterminazzjoni;

146.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri addizzjonali biex jilħqu lil dawk l-aktar vulnerabbli, bħalma huma l-persuni b'diżabilità mingħajr saqaf fuq rashom;

147.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tal-UNCRPD b'konformità mal-Artikolu 33 tagħha u b'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità;

148.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza b'rabta mat-titjib tar-reġistrar u l-ġbir ta' data dwar reati ta' mibegħda tirrifletti għalkollox ir-reati ta' mibegħda kontra l-persuni b'diżabilità;

149.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jallokaw riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti u stabbli għall-oqfsa ta' monitoraġġ stabbiliti skont l-Artikolu 33(2) tal-UNCRPD sabiex dawn iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'mod indipendenti;

150.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi riżorsi adegwati lill-Qafas ta' Monitoraġġ tal-UE, sabiex dan ikun jista' jaqdi l-funzjonijiet tiegħu b'mod indipendenti u adegwat;

151.  Ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (PETI) kull sena jirċievi għadd konsiderevoli ta' petizzjonijiet li jkunu jirreferu għad-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni b'diżabilità madwar l-UE kollha fl-attivitajiet tagħhom ta' kuljum f'dak li għandu x'jaqsam mat-tmien oqsma prinċipali ta' azzjoni identifikati fl-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità u kwistjonijiet oħra tal-aċċessibilità, bħalma huma l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, l-ambjent mibni u t-trasport, l-oġġetti u s-servizzi, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-parteċipazzjoni fil-ħajja politika, pubblika u kulturali;

152.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jirratifikaw il-UNCRPD u jiffirmaw il-Protokoll Fakultattiv;

153.  Jenfasizza r-rwol ta' protezzjoni li jiżvolġi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet permezz tal-proċess tal-petizzjonijiet (flimkien mal-Ombudsman Ewropew, maħtur biex jipproteġi liċ-ċittadini f'każ ta' amministrazzjoni ħażina) fil-kuntest tal-qafas tal-UE għall-UNCRPD, li jippermetti li l-petizzjonanti jressqu lment kontra ksur tad-drittijiet tagħhom min-naħa tal-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u lokali; jenfasizza li l-petizzjonijiet li jirċievi l-Kumitat juru l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ effettiv, orizzontali, nondiskriminatorju u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-politiki tad-diżabilità; jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali fit-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-persuni b'diżabilità fl-UE u fl-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-UNCRPD min-naħa tal-UE;

154.  Jenfasizza li l-maġġoranza tal-petizzjonijiet imressqa miċ-ċittadini Ewropej jikkonċernaw id-diffikultajiet involuti fil-proċeduri ta' applikazzjoni, fil-ksib ta' rikonoxximent u fir-rigward ta' ħlasijiet tardivi tal-pensjoni tal-invalidità min-naħa tal-amministrazzjonijiet rilevanti; jissottolinja li, fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità u l-qasam ta' azzjoni tagħha ddedikat għall-protezzjoni soċjali, jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lil dawn il-kwistjonijiet, b'konformità mal-Artikolu 28 tal-UNCRPD dwar standard ta' għajxien adegwat u protezzjoni soċjali;

o
o   o

155.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.
(2) UNCRPD/C/EU/CO/1.
(3) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
(4) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0485.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0360.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0318.
(8) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 41.
(9) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.
(10) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.
(11) Fil-kuntest ta' din ir-riżoluzzjoni, "ċittadini sħaħ" jenħtieġ li tinftiehem fis-sens tal-UNCRPD – jiġifieri li kull persuna b'diżabilità jenħtieġ li tibbenefika b'mod sħiħ mid-drittijiet tal-bniedem kollha.
(12) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' April 2013, HK Danmark, Kawżi Konġunti C-335/11 u C-337/11, ECLI:EU:C:2013:222, paragrafi 29-30; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta' Marzu 2014, Z, C-363/12, ECLI:EU:C:2014:159, paragrafu 73; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Mejju 2014, Glatzel, C-356/12, , ECLI:EU:C:2014:350, paragrafu 68.
(13) Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).
(14) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1300/2014 tat-18 ta' Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-interoperabbiltà relatati mal-aċċessibbiltà tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni għall-persuni b'diżabbiltà u għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 110).
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ ta' imbark miċħud u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1).
(16) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU L 329, 30.12.1993, p. 34).
(17) Id-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE tad-19 ta' Diċembru 1994 li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f'elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini ĠU L 368, 31.12.1994, p. 38).
(18) Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426).
(19) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għal trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
(20) Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 200, 7.6.2004, p. 1).
(21) Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

Avviż legali