Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2035(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0335/2017

Testi mressqa :

A8-0335/2017

Dibattiti :

PV 11/12/2017 - 20
CRE 11/12/2017 - 20

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2017 - 5.12

Testi adottati :

P8_TA(2017)0485

Testi adottati
PDF 409kWORD 61k
It-Tlieta, 12 ta' Diċembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan (Riżoluzzjoni)
P8_TA(2017)0485A8-0335/2017

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, ta' Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra (12409/2016 – C8-0469/2016 – 2016/0166(NLE)2017/2035(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12409/2016),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Każakistan, min-naħa l-oħra (09452/2015),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 31(1) u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 91, 100(2), 207 u 209 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(6)(a) tagħha, (C8-0469/2016),

–  wara li kkunsidra l-iffirmar tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni fil-21 ta' Diċembru 2015 f'Astana, fil-preżenza tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini,

–  wara li kkunsidra l-applikazzjoni provviżorja tal-partijiet tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE mill-1 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra l-implimentazzjoni kontinwa tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) UE-Każakistan, iffirmat fit-23 ta' Jannar 1995, mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta' Lulju 1999,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati għal ftehim imsaħħaħ ta' sħubija u kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Każakistan, fosthom dawk tal-10 ta' Marzu 2016(2), tat-18 ta' April 2013(3), tal-15 ta' Marzu 2012(4) u tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-każ ta' Yevgeny Zhovtis fil-Każakistan(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(6) u tat-13 ta' April 2016 dwar implimentazzjoni u rieżami tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' kontinwazzjoni taċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija(8), stabbilit f'Astana fil-Każakistan,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar abbozz ta' deċiżjoni(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 u tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar l-istrateġija għall-Asja Ċentrali,

–  wara li kkunsidra r-raba' rapport ta' progress tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u tas-servizzi tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali, adottat fl-2007,

–  wara li kkunsidra d-Djalogi annwali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Każakistan,

–  wara li kkunsidra d-diversi laqgħat UE-Asja Ċentrali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0335/2017),

A.  billi l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni għandu jwassal għall-approfondiment u t-tisħiħ perċettibbli tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bejn iż-żewġ partijiet, filwaqt li jirrispettaw u jitqiesu d-differenzi eżistenti u ċ-ċirkustanzi politiċi, ekonomiċi u soċjali speċifiċi tal-partijiet, għall-benefiċċju tan-nies kemm tal-Każakistan kif ukoll tal-UE;

B.  billi l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni (Artikolu 1) jista' jsaħħaħ il-qafas għat-twettiq ta' elementi essenzjali, bħar-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji ta' ekonomija tas-suq, li diġà huwa previst fil-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni, sakemm l-implimentazzjoni tal-klawsoli kollha hija soġġetta għal mekkaniżmu ta' monitoraġġ strett u effikaċi bbażat fuq parametri referenzjarji u skadenzi ċari; billi l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva ġiet miżjuda bħala element essenzjali ġdid (Artikolu 11);

C.  billi l-Każakistan huwa l-ewwel pajjiż tal-Asja Ċentrali li ffirma Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni mal-UE; billi l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni, ladarba ratifikat mill-Istati Membri kollha u mill-Parlament Ewropew, se jissostitwixxi l-FSK tal-1999 u billi t-test tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni sar pubbliku fil-15 ta' Lulju 2015;

D.  billi l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni jistabbilixxi firxa wiesgħa ta' oqsma ġodda ta' kooperazzjoni, li huma mhux biss fl-interess politiku u ekonomiku tal-UE, iżda huma adattati wkoll sabiex jappoġġaw lill-Każakistan fl-istadju li jmiss ta' modernizzazzjoni li jaspira għalih, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-kooperazzjoni fl-indirizzar ta' sfidi globali, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam ma' żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli għaċ-ċittadini kollha, il-preservazzjoni tad-diversità kulturali, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġestjoni tal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima f'konformità mar-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Pariġi, kif ukoll iż-żamma tal-paċi u l-kooperazzjoni reġjonali;

E.  billi, minn Mejju 2016, żewġ terzi tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġew applikati b'mod provviżorju;

F.  billi l-Parlament Ewropew huwa lest li, fil-qafas tal-kompetenzi tiegħu, jinvolvi ruħu attivament fl-iżvilupp u li jsir xogħol konkret fl-oqsma speċifiċi ta' kooperazzjoni mal-Każakistan, inklużi r-relazzjonijiet parlamentari;

G.  billi l-Każakistan ingħaqad mad-WTO fl-1 ta' Jannar 2016;

H.  billi l-Każakistan ingħaqad mal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi (Il-Kummissjoni ta' Venezja), f'Marzu 2012;

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Każakistan u dwar il-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni

1.  Jenfasizza li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali bejn l-UE u l-Każakistan irid ikun ibbażat fuq impenn komuni għall-valuri universali, b'mod partikolari, tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u ggwidat minn interessi reċiproċi;

2.  Josserva l-istrateġija konsistenti ta' riavviċinament tal-Każakistan mal-UE; jissottolinja l-kontribut fundamentali tal-pajjiż għall-implimentazzjoni tal-istrateġija UE-Asja Ċentrali li sejra tkun suġġetta għal rieżami sostanzjali fl-2019;

3.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni jistabbilixxi bażi soda għall-approfondiment tar-relazzjonijiet; josserva l-fatt li l-Każakistan huwa l-ewwel pajjiż sieħeb tal-Asja Ċentrali li miegħu l-UE nnegozjat u ffirmat Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni; iqis li dan il-ftehim ta' ġenerazzjoni ġdida huwa mudell tajjeb li fil-ġejjieni jista' jiġi applikat ukoll għal pajjiżi oħra fir-reġjun;

4.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-ambizzjoni espressa fil-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni biex tittejjeb il-kooperazzjoni u sabiex jittejbu b'mod sinifikanti r-rabtiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Każakistan f'diversi oqsma ta' tħassib u ta' interess komuni, bħalma huma d-demokrazija u l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-iżvilupp sostenibbli, il-politika barranija u ta' sigurtà, il-kummerċj, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà kif ukoll f'29 qasam ta' politika settorjali ewlieni ieħor, bħalma huma l-kooperazzjoni ekonomika u finanzjarja, l-enerġija, it-trasport, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, il-kultura, l-edukazzjoni u r-riċerka; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex b'mod attiv jissodisfaw l-impenji tagħhom;

5.  Jistenna li l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni ser jippromwovi t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini kollha, xena politika aktar varjata, ġudikatura li tiffunzjona aħjar, indipendenti u imparzjali, żieda fit-trasparenza u l-akkontabilità tal-gvern, titjib tal-liġijiet tax-xogħol f'konformità mar-rekwiżiti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), aktar opportunitajiet ta' negozju għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, l-iżvilupp sostenibbli tal-ambjent, il-ġestjoni tal-ilma u ta' riżorsi oħrajn, bħal użu effiċjenti tal-enerġija u l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

6.  Jissottolinja l-importanza u l-validità kontinwa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar in-negozjati għal Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Każakistan;

7.  Ifakkar li l-Parlament enfasizza li l-progress fin-negozjati dwar il-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni jrid ikun marbut mal-progress fir-riforma politika u progress reali fil-qasam tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt, governanza tajba u demokratizzazzjoni, fejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja jista' jkollha rwol pożittiv; jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li d-drittijiet tal-libertà ta' espressjoni, tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni, għadhom limitati; iħeġġeġ lill-pajjiż jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet formulati mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni fir-rapport dwar il-missjoni tiegħu fil-Każakistan f'Jannar 2015;

8.  Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn jittieħdu aktar passi bbażati fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju "aktar għal aktar";

9.  Jilqa' l-fatt li l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni introduċa l-possibbiltà li jiġi nnegozjat ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viża bejn l-UE u l-Każakistan b'mod parallel man-negozjati possibbli ta' ftehim li jirregola l-obbligi speċifiċi f'dak li jirrigwarda r-riammissjonijiet; jirrimarka dwar l-importanza li jiġu intensifikati l-iskambji, b'mod partikolari fil-livell taż-żgħażagħ u dak akkademiku, u jitlob, f'dan ir-rigward, għal espansjoni sostanzjali tal-programm Erasmus + għall-Każakistan;

10.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex:

   jiżguraw li ż-żewġ naħat jirrispettaw l-elementi fundamentali tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni, inkwantu li n-nuqqas ta' osservanza jwassal għal riżoluzzjoni ta' tilwim (Artikolu 278) jew saħansitra s-sospensjoni fl-eventwalità ta' ksur serju (Artikolu 279),
   jiżviluppaw parametri ta' riferiment u termini għall-implimentazzjoni tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni;
   jipprevedu mekkaniżmu komprensiv ta' monitoraġġ bejn il-Parlament u s-SEAE ladarba l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni jidħol totalment fis-seħħ, inklużi l-elementi kif speċifikati fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012;

11.  Ifakkar fl-Artikolu 218(10) tat-TFUE u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li jirrigwardaw l-aċċess immedjat u sħiħ, min-naħa tal-Parlament, għad-dokumenti kollha tan-negozjati u għall-informazzjoni relatata u li għadhom biss parzjalment rispettati mill-VP/RGħ, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni;

12.  Jitlob lill-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni UE-Każakistan jaġġorna r-Regoli ta' Proċedura tiegħu bil-għan li jipprevedu skrutinju demokratiku tal-applikazzjoni provviżorja f'dawn l-oqsma li diġà daħlu fis-seħħ u tuża l-prerogattivi tagħha biex tadotta rakkomandazzjonijiet u tipprepara għall-iskrutinju tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni sħiħ ladarba jidħol totalment fis-seħħ;

Id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, governanza tajba u l-libertajiet fundamentali

13.   Jistieden lill-UE tipprijoratizza, b'mod konsistenti, fid-djalogu politiku tagħha mal-Każakistan il-kwistjonijiet relatati mal-istat tad-dritt u mad-demokrazija, mal-libertajiet fundamentali u mad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jinkoraġġixxi lill-Każakistan, fid-dawl tal-protesti soċjali, uħud minnhom vjolenti, jieħu passi proattivi u konkreti, fl-implimentazzjoni tal-programm 'Każakistan 2050' dwar riformi politiċi, demokratiċi u soċjali, inkluża separazzjoni ċara tal-poteri bejn il-poter eżekuttiv u dak leġiżlattiv, kif ukoll l-introduzzjoni ta' aktar kontrolli u kontrokontrolli fi ħdan is-sistema kostituzzjonali, f'konformità mal-impennji internazzjonali li assuma l-pajjiż fl-ambitu tad-diversi strumenti tan-NU, tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa; itenni l-konvinzjoni tiegħu li t-tranżizzjoni li l-Każakistan qed ifittex, lejn tip ġdid ta' tkabbir b'iffukar xjentifiku intensiv, ma tidhirx li tkun possibbli mingħajr edukazzjoni ta' kwalità għolja, aċċess għal parti kbira tal-popolazzjoni għal servizzi moderni essenzjali, politika soċjali inklussiva u sistema ta' relazzjonijiet soċjali regolati, partikolarment fl-ekonomija; jilqa' l-programm fuq '100 pass' bħala tentattiv biex tiġi indirizzata l-ħtieġa għal riformi urġenti fil-pajjiż;

15.  Jilqa' ċerti żviluppi pożittivi li kien hemm dan l-aħħar fil-qasam tar-riformi kostituzzjonali u amministrattivi kif ukoll il-ħolqien ta' pjattaforma ta' konsultazzjoni għas-soċjetà ċivili; huwa, madankollu, serjament imħasseb dwar l-effetti restrittivi fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tagħhom tal-Kodiċijiet Kriminali u Amministrattiv li daħlu fis-seħħ fl-2015;

16.  Jistieden lill-Każakistan jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet formulati mill-missjoni ta' osservazzjoni elettorali OSKE/ODIHR għall-elezzjonijiet tal-20 ta' Marzu 2016 skont liema l-pajjiż għad fadallu ħafna biex jissodisfa l-impenji mal-OSKE għal elezzjonijiet demokratiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Każakistan biex jevitaw li jirrestrinġu l-attività ta' kandidati indipendenti; iħeġġeġ, barra minn hekk, li d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini jiġu rispettati;

17.  Jilqa' pożittivament il-kooperazzjoni min-naħa tal-Każakistan mal-Kummissjoni ta' Venezja u jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti magħmula minnha b'mod partikolari fil-qasam tar-riformi demokratiċi u ġudizzjarji;

18.  Jilqa' r-riformi amministrattivi attwali u jirrakkomanda aktar riformi li jiggarantixxu ġudikatura tassew indipendenti u imparzjali u sforzi aktar effiċjenti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha; jappella, madankollu, għal governanza msaħħa u riformi, b'ġudikatura verament indipendenti, ħielsa mill-korruzzjoni u li tiżgura d-dritt għal proċess ġust u d-dritt għal difiża, u għal sforzi ikbar u iktar effiċjenti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-drogi; jitlob it-titjib u l-modernizzazzjoni u l-investimenti f'setturi soċjali bażiċi; jenfasizza li aktar attenzjoni għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali f'reġjuni periferiċi u lil hinn mill-ibliet prinċipali ser tkun importanti għall-istabbiltà fit-tul tal-pajjiż;

19.  Josserva l-eżistenza ta' pjattaformi ta' djalogu mas-soċjetà ċivili; itenni t-tħassib tiegħu rigward il-leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li timmina l-indipendenza tagħhom u l-kapaċità li joperaw; ifakkar fl-importanza ta' soċjetà ċivili attiva u indipendenti għall-futur sostenibbli tal-Każakistan; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Każakistani jiggarantixxu, f'kull ċirkostanza, li l-attivisti u l-NGOs kollha li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom ta' drittijiet tal-bniedem mingħajr il-biża' ta' rappreżalji, u ħielsa minn kwalunkwe restrizzjoni u b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-soċjetà u t-tisħiħ tad-demokrazija; huwa tal-fehma li l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni jimplika wkoll appoġġ imsaħħaħ għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Każakistan biex jaġixxu kif xieraq, u lill-Kummissjoni biex iżżid programmi bl-għan li tissaħħaħ u tiġi kkonsolidata l-azzjoni ta' NGOs indipendenti;

20.  Jitlob għat-tmiem tal-persekuzzjoni ġudizzjarja, tal-fastidju u tal-priġunerija ta' ġurnalisti indipendenti, tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, tal-mexxejja ta' trejdjunjins, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ta' figuri politiċi fl-oppożizzjoni u ta' individwi oħra skjetti b'ritaljazzjoni għall-eżerċizzju tagħhom tal-libertà tal-espressjoni u ta' libertajiet fundamentali oħra, fenomenu li intensifika ruħu matul dawn l-aħħar ftit snin; jitlob għar-riabilitazzjoni sħiħa u għall-ħelsien immedjata tal-attivisti u l-priġunieri politiċi kollha li bħalissa jinsabu l-ħabs, kif ukoll għat-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-oħrajn; jitlob tmiem tal-abbuż tal-proċeduri tiegħu ta' estradizzjoni tal-Interpol u l-waqfien tal-fastidju lill-oppożizzjoni politika barra mill-pajjiż;

21.  Jilqa' favorevolment il-libertà kondizzjonali mill-ħabs tal-attivist tal-Każakistan u kap tal-partit tal-oppożizzjoni Alga! Vladimir Kozlov f'Awwissu 2016;

22.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjoni tal-libertà tal-midja, tal-libertà tal-espressjoni, u tal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, u l-libertà tar-reliġjon, inkluż permezz ta' leġiżlazzjoni restrittiva, pressjoni, ċensura u l-prosekuzzjoni kriminali ta' attivisti; josserva li l-libertà tal-espressjoni għall-mezzi tax-xandir indipendenti, il-bloggers u ċ-ċittadini individwali hija valur universali li jrid jiġi rispettat; jirrakkomanda lill-Każakistan japplika l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa fis-sistema leġali tiegħu; jieħu nota tal-isforzi tal-Każakstan biex itejjeb l-immaġni internazzjonali tal-pajjiż, kif muri mill-ftuħ reċenti tal-Expo-2017 f'Astana; jirrimarka, madankollu, li dawn l-isforzi huma kontradetti mit-trażżin ta' vuċijiet ta' kritika u pressjoni fuq is-soċjetà ċivili matul l-aħħar ftit xhur;

23.  Jinsab imħasseb li wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali u tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, riformati dan l-aħħar, jillimitaw il-libertà ta' espressjoni; jinkoraġġixxi lill-Każakistan jerġa' jdurhom partikolarment fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni tal-malafama;

24.  Jenfasizza li l-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni huma essenzjali fil-ħolqien u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih li l-ambjent għal mezzi tax-xandir indipendenti sar aktar ostili; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-abbozz ta' leġiżlazzjoni dwar il-midja mmirata lejn l-implimentazzjoni ta' regoli għall-ġurnalisti li jinvolvihom fil-verifika tal-informazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet tal-istat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Każakistan biex ineħħu tali emendi mill-abbozzi leġiżlattivi tagħhom u biex tiġi żgurata indipendenza sħiħa ta' investigazzjoni u rappurtar għall-ġurnalisti; barra minn hekk, jistieden lill-awtoritajiet tal-Każakistan biex jibqgħu lura milli jirrestrinġu l-aċċess għall-mezzi tal-informazzjoni, onlajn u offlajn, li huma kritiċi tal-istat, fil-pajjiż u barra mill-pajjiż; jiddispjaċih li l-malafama tibqa' kriminalizzata fil-Każakistan, u jenfasizza li dan sar problematiku fid-dawl tal-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż; jinsab imħasseb dwar in-numru kbir ta' każijiet ta' malafama, fosthom kawżi kontra xi xandara tal-aħbarijiet u websajts oħra li jirrappurtaw b'mod sfavorevoli fuq il-politiki tal-gvern u li huma wkoll ta' spiss imblukkati, li jinfetħu minn uffiċjali pubbliċi u persuni pubbliċi oħra li jgawdu minn protezzjoni speċjali u li jeżiġu ammonti kbar ta' kumpens morali bħala riżultat ta' artikli li jkun fihom allegazzjonijiet ta' korruzzjoni, imġiba ħażina jew kwistjonijiet oħra li ma jogħġbuhomx;

25.  Iħeġġeġ li jitreġġgħu lura t-tendenzi negattivi f'termini ta' libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, libertà ta' espressjoni u tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, u libertà ta' reliġjon; jirrakkomanda li l-Każakistan japplika l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa fil-liġijiet tiegħu; jieħu nota, f'dan il-kuntest, li, mill-2016, l-NGOs kollha tal-Każakistan kienu obbligati bil-liġi li jirreġistraw mal-awtoritajiet u biex jipprovdu annwalment informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom għal inklużjoni f'bażi tad-data tal-gvern dwar l-NGOs; jenfasizza li dan il-pass jista' jiġi dirett lejn it-tisħiħ tat-trasparenza fis-settur; jinsab imħasseb, madankollu, li r-rekwiżiti l-ġodda jżidu mal-obbligi ta' rappurtar lill-istat li huma diġà estensivi ferm għas-settur non-governattiv, filwaqt li l-politika ta' trasparenza hija applikata b'mod sproporzjonat għas-setturi non-governattivi, mingħajr skop ta' qligħ, peress li ma tapplikax għal entitajiet legali oħra; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-involviment f'assoċjazzjonijiet mhux reġistrati jiġi kkriminalizzat u li wieħed jonqos milli jipprovdi informazzjoni għall-bażi tad-data l-ġdida jew li wieħed jipprovdi informazzjoni "żbaljata" jistgħu jirriżultaw f'sanzjonijiet għall-organizzazzjonijiet; jiddispjaċih li l-attivitajiet ta' assoċjazzjonijiet pubbliċi rreġistrati jistgħu jiġu sospiżi jew itterminati mill-qrati għal kwalunkwe ksur tal-liġi nazzjonali, żgħira kemm hi żgħira;

26.  Josserva bi tħassib li l-adozzjoni tal-liġijiet reċenti kontra t-terroriżmu, fosthom abbozz ta' liġi li jipproponi li ċ-ċittadinanza tiġi rtirata għal dawk suspettati ta' terroriżmu jista' jwassal għas-soppressjoni tal-oppożizzjoni politika paċifika u leġittima; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Każakistan jevitaw li jużaw din il-leġiżlazzjoni minħabba l-effetti possibbli ta' limitazzjoni tal-libertà tal-espressjoni, l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, l-indipendenza tal-ġudikatura jew il-projbizzjoni tal-attività tal-oppożizzjoni;

27.  Jieħu nota li, fl-osservazzjonijiet ta' konklużjoni tiegħu dwar il-Każakistan adottati fis-sajf tal-2016, il-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem esprima tħassib dwar id-dispożizzjonijiet ifformulati b'mod ġenerali tal-Artikolu 174 tal-Kodiċi Kriminali, li jipprojbixxi "l-inċitament" soċjali, nazzjonali jew ta' kunflitt ieħor, u l-Artikolu 274 li jipprojbixxi t-"tixrid ta' informazzjoni li hija magħrufa li hija falza", u l-użu ta' dawn l-artikoli sabiex tiġi ristretta bla bżonn il-libertà tal-espressjoni u drittijiet oħra mħarsa mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR); jiddispjaċih li għadd ta' attivisti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti ġew akkużati u mibgħuta l-ħabs fuq il-bażi tal-artikoli msemmija hawn fuq tal-Kodiċi Kriminali; jinnota li l-lista tinkludi Maks Bokayev u Talgat Ayan li qed jiskontaw sentenzi ta' ħabs ta' ħames snin għar-rwol tagħhom fi protesti paċifiċi, li seħħew fil-Każakistan fir-rebbiegħa tal-2016; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Każakistan biex jeħlishom kollha u biex jiġu rtirati l-akkużi kontrihom;

28.  Jistieden lill-Każakistan jirrevedi l-Liġi dwar it-Trade Unions tiegħu tal-2014 u l-Kodiċi tax-Xogħol tal-2015 biex iġibhom konformi mal-istandards tal-ILO; ifakkar lill-Każakistan fl-obbligi tiegħu li jikkonforma bis-sħiħ mal-konklużjonijiet adottati mill-Kumitat tal-ILO dwar l-Applikazzjoni tal-Istandards (fl-2017, fl-2016 u fl-2015);

29.  Jikkundanna l-għeluq tal-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Indipendenti tal-Każakistan (CITUK) permezz ta' digriet tal-qorti f'Jannar 2017 talli allegatament naqset milli tikkonferma l-istejtus tagħha skont il-liġi restrittiva tal-pajjiż dwar it-Trejdjunjins tal-2014; ifakkar lill-awtoritajiet tal-Każakistan dwar il-ħtieġa li jiggarantixxu ġudikatura indipendenti u imparzjali u li jippermettu djalogu soċjali reali billi trawwem ukoll l-eżistenza u l-funzjonament ta' trejdjunjins indipendenti, bħall-CITUK u l-affiljati tagħha; jirreferi għall-Konklużjonijiet tal-Kumitat tal-ILO dwar l-Applikazzjoni tal-Istandards dwar is-sitwazzjoni fil-Każakistan f'Ġunju 2017; jiddispjaċih li Larisa Kharkova, President tal-CITUK, instabet ħatja minn qorti fil-25 ta' Lulju 2017 ta' akkużi ta' approprjazzjoni indebita u frodi relatati mal-użu ta' fondi tat-trejdjunjins, li huma meqjusa li huma motivati politikament; jiddeplora l-fatt li ġiet arbitrarjament ikkundannata għal erba' snin ta' restrizzjonijiet imposti mill-qorti fuq il-moviment liberu tagħha, flimkien ma' 100 siegħa ta' xogħol fil-komunità u projbizzjoni għal ħames snin fuq iż-żamma ta' pożizzjonijiet ta' tmexxija f'assoċjazzjonijiet pubbliċi; jistieden lill-Każakistan biex jannulla l-kundanna u jitwaqqu l-akkużi li nġiebu kontriha;

30.  Jiddispjaċih li, f'April u f'Mejju 2017, żewġ mexxejja oħra ta' trejdjunjins, Nurbek Kushakbayev u Amin Yeleusinov, kienu ikkundannati għal sentejn u nofs u sentejn ħabs, rispettivament, fuq akkużi kriminali wkoll ikkunsidrati bħala motivati politikament; jinnota li s-sentenzi kontra t-tliet mexxejja tat-trejdjunjins huma daqqa ta' ħarta lill-attività indipendenti tat-trejdjunjins fil-pajjiż;

31.  Josserva n-natura multietnika u multireliġjuża tal-Każakistan u jisħaq fuq il-bżonn tal-protezzjoni tal-minoranzi u ta' drittijiethom, partikolarment fir-rigward tal-użu tal-lingwi, tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, tan-nondiskriminazzjoni u tal-opportunitajiet indaqs; jilqa' l-koeżistenza paċifika ta' komunitajiet differenti fil-Każakistan;

32.  Jitlob għal reviżjoni sostanzjali tad-Djalogu annwali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Każakistan, sabiex dan issir aktar effettiv u orjentat lejn ir-riżultati; jistieden lill-awtoritajiet Każakistani jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ f'dan, kif ukoll fil-fora l-oħra kollha, sabiex jinkiseb progress tanġibbli dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dan il-pajjiż filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-każijiet individwali; ifakkar li l-involviment tas-soċjetà ċivili f'dawn id-djalogi u l-konsultazzjonijiet għandhom ikunu garantiti;

33.  Jissottolinja l-bżonn ta' impenn kontinwu fi ħdan iċ-ċiklu tal-mekkaniżmu tal-Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC), b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni effikaċi tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

34.  Jinsisti li l-Każakistan jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura u r-rakkomandazzjonijiet tal-2009 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura;

35.  Jiddispjaċih li l-Każakistan sal-lum irrifjuta investigazzjoni internazzjonali indipendenti f'dak li ġara f'Zhanaozen fl-2011 minkejja l-appelli tal-UNHRC;

36.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-applikazzjoni tal-pajjiż biex isir parti minn bosta konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa;

37.  Jiddispjaċih li l-Każakistan ma huwa la parti, u lanqas stat firmatarju tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u jappella lill-Każakistan sabiex jiffirma u jaderixxi miegħu;

Relazzjonijiet internazzjonali, kooperazzjoni reġjonali, u sfidi globali

38.  Jilqa' l-kooperazzjoni kostruttiva tal-Każakistan fir-relazzjonijiet internazzjonali bħala fattur importanti li jikkontribwixxi għall-paċi u l-istabbiltà kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f'dak globali, pereżempju, permezz tal-iffaċilitar tat-taħdidiet dwar il-ftehim nukleari Iranjan, in-negozjati bejn il-partijiet f'Astana għal soluzzjoni komprensiva sabiex tintemm il-gwerra fis-Sirja, l-isforzi diplomatiċi tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam mal-kunflitt fl-Ukrajna u l-inizjattiva tiegħu dwar il-Konferenza dwar l-Interazzjoni u l-Miżuri għall-Bini tal-Fiduċja fl-Asja; iħeġġeġ lill-Każakistan ikomplu jimpenja ruħu u jieħu rwol kostruttiv fix-xena internazzjonali; jilqa', f'dan ir-rigward, l-appell tiegħu għal qerda gradwali tal-kunflitti armati permezz tan-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm, u l-inizjazzjoni tiegħu tad-Dikjarazzjoni Universali dwar il-Kisba ta' Dinja Ħielsa mill-Armi Nukleari; jilqa', b'mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Każakistan li ma jisseħibx fil-projbizzjoni Russa tal-prodotti agrikoli tal-UE, u jqis li dan huwa sinjal inkoraġġanti u konkret ta' rieda ta' dan il-pajjiż biex jintensifika d-djalogu u l-kooperazzjoni tiegħu mal-UE;

39.  Jinnota l-importanza ġeostrateġika tal-Każakistan u jirrikonoxxi politika barranija multidimensjonali tal-pajjiż, bil-għan tagħha li trawwem relazzjonijiet amikevoli u prevedibbli, inkluż, bħala prijorità, il-bini u l-ibbilanċjar ta' relazzjonijiet tajba ta' viċinat mar-Russja, iċ-Ċina, l-istati tal-Asja Ċentrali li magħhom jaqsam il-fruntieri, u msieħba oħrajn, inkluż l-Istati Uniti u l-UE;

40.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Każakistan huwa attur importanti fil-politika estera u ta' sigurtà mhux inqas minħabba r-rwol konsistenti li żvolġa fid-diżarm nukleari u fis-sigurtà globali, kif ukoll bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2017-2018;

41.  Jirrikonoxxi l-isfida tas-sigurtà fil-konfront tal-Każakistan mid-Daesh u minn organizzazzjonijiet oħra indikati bħala terroristiċi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jinnota n-numru kbir ta' ċittadini tal-Każakistan fost il-ġellieda barranin fil-Lvant Nofsani; jirrikonoxxi l-potenzjal għal destabbilizzazzjoni ulterjuri tal-Każakistan li tirriżulta mill-konflitt li għaddej fl-Afganistan, inkluż permezz ta' estremiżmu reliġjuż, it-traffikar tad-drogi u t-terroriżmu; jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jirrimarka li l-prijorità għandha tkun li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tar-radikalizzazzjoni; jinnota li l-Artikolu 13 tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija jiffoka fuq il-miżuri tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u jaqdi rwol kruċjali, speċjalment fl-ambjent internazzjonali preżenti;

42.  Jinnota li l-Każakistan jappartjeni għall-organizzazzjonijiet reġjonali ewlenin kollha; iqis il-profil internazzjonali li l-Każakistan kiseb reċentement, permezz tal-presidenza ta' organizzazzjonijiet internazzjonali varji bħalma huma l-OSKE, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC), il-Commonwealth ta' Stati Indipendenti (CIS), l-Organizzazzjoni ta' Kooperazzjoni ta' Shanghai u l-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva, bħala punt ta' tluq tajjeb għal attivitajiet konġunti biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun tal-Asja Ċentrali u sabiex jinstabu soluzzjonijiet multilaterali għal sfidi globali; jilqa', f'dan il-kuntest, id-dikjarazzjonijiet ċari tal-Każakistan li s-sħubija tiegħu fl-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika (EAEU) mhux se taffettwa t-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-UE;

43.  Jirrakkomanda li l-UE tkompli s-sostenn tagħha favur il-kooperazzjoni reġjonali fl-Asja Ċentrali, partikolarment għall-Istat tad-dritt, il-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, il-ġestjoni tal-ilma u tar-riżorsi, il-ġestjoni tal-fruntieri, l-istabilità u s-sigurtà; isostni, f'dan ir-rigward, l-isforzi tal-Każakistan fil-promozzjoni tar-relazzjonijiet ta' bon viċinat u li jsir garanti ta' stabilità fir-reġjun; jitlob li jkun hemm soluzzjoni sostenibbli tal-Asja Ċentrali fir-rigward il-kwistjonijiet marbuta mal-ġestjoni tal-ilma, l-enerġija u tas-sigurtà li tissodisfa l-interessi kollha;

44.  Jirrikonoxxi li l-Każakistan huwa setgħa ewlenija fir-reġjun tal-Asja Ċentrali; iħeġġeġ lill-Każakistan biex din il-pożizzjoni tintuża bħala bażi għal impenn pożittiv mal-ġirien reġjonali tiegħu u li jieħu passi biex jimxi 'l quddiem fil-kooperazzjoni reġjonali;

L-iżvilupp sostenibbli, l-enerġija u l-ambjent

45.  Jilqa' t-tielet strateġija ta' modernizzazzjoni tal-Kazakistan, imħabbra f'Jannar 2017, bil-għan li jsir wieħed mit-30 l-iktar pajjiżi żviluppati fid-dinja;

46.  Jilqa' pożittivament il-kapitolu msaħħaħ dwar il-materja prima u l-kooperazzjoni fil-qasam enerġetiku, li għandu potenzjal kbir biex jikkontribwixxi għas-sigurtà enerġetika tal-UE; ifakkar li l-Każakistan għandu rwol importanti bħala fornitur tal-enerġija lill-UE; jistieden lill-UE biex timpenja ruħha b'mod iktar attiv fil-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija u biex issaħħaħ id-djalogu tagħha mal-Każakistan u ma' pajjiżi oħra tal-Asja Ċentrali biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-UE;

47.  Jilqa' l-inklużjoni fil-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni tal-kapitolu dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tat-tibdil fil-klima; jitlob lill-UE biex tkompli tikkoopera mal-gvern tal-Każakistan, u tassistih fl-identifikazzjoni u l-iżvilupp innovattiv u sostenibbli tal-politiki ambjentali u ekoloġiċi; ifakkar li l-Każakistan huwa partikolarment milqut mill-konsegwenzi ta' tnejn mill-akbar diżastri ambjentali fid-dinja kkawżati mill-bniedem, jiġifieri n-nixfa tal-Baħar Aral u tat-testijiet nukleari fl-era Sovjetika fis-sit ta' Semey/Semipalatinsk; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-għajnuna tagħha lill-awtoritajiet tal-Każakistan, kemm fuq bażi teknika u kemm fuq livell finanzjarju, sabiex jitjiebu b'mod sostanzjali l-ġestjoni tal-ilma u l-konservazzjoni tal-ilma f'baċir tal-baħar Aral fil-qafas tal-programm ta' azzjoni tal-Fond Internazzjonali għas-Salvataġġ tal-Baħar Aral, u biex jiġi żviluppat pjan ta' azzjoni effettiv għat-tindif ta' dik li kienet iż-żona nukleari "Polygon"; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Każakistan fil-Programm ta' Sħubija volontarja magħruf bħala "Green Bridge"; jemmen li dan ser jipprovdi bażi stabbli u fit-tul għall-investiment ekoloġiku, għat-trasferiment ta' teknoloġiji u innovazzjonijiet ġodda, u sabiex tinkiseb soċjetà ħielsa mill-emissjonijiet tal-karbonju;

48.  Jissottolinja l-bżonn ta' applikazzjoni tal-prinċipji ta' żvilupp sostenibbli mil-lat ambjentali fil-Każakistan fir-rigward tal-estrazzjoni u tal-ipproċessar tar-riżorsi naturali vasti tiegħu; japprezza, f'dan ir-rigward, il-fatt li l-pajjiż jikkonforma mal-istandards tal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi (EITI);

Kummerċ u ekonomija

49.  Ifakkar li l-UE hija l-ewwel sieħba kummerċjali u ta' investiment tiegħu u li l-Każakistan huwa s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-UE fl-Asja Ċentrali; jittama li dawn ir-relazzjonijiet se jkunu msaħħa iktar; jinnota li 80 % tal-esportazzjonijiet tal-Każakistan lejn l-UE tikkonsisti f'żejt u gass; itenni l-importanza ta' diversifikazzjoni ikbar tal-kummerċ tiegħu mal-UE; jenfasizza li l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jsaħħu lil xulxin b'mod pożittiv meta joperaw f'ambjent tal-istat tad-dritt; ifakkar li l-komunità kummerċjali għandha rwol importanti biex jiġu offruti inċentivi pożittivi f'termini ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, u tar-responsabilità korporattiva; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-katini ta' valur globali jikkontribwixxu għat-titjib internazzjonali fundamentali tax-xogħol, l-istandards ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-istabbiliment u l-infurzar ta' miżuri tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-opportunitajiet edukattivi, istituzzjonijiet imparzjali, u t-tnaqqis tal-korruzzjoni;

50.  Jilqa' l-adeżjoni tal-Każakistan mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fl-1 ta' Jannar 2016, li rawmet il-modernizzazzjoni ekonomika u amministrattiva tal-pajjiż; jinnota li l-ekonomija tal-Każakistan hija, fil-biċċa l-kbira tagħha, ibbażata fuq l-isfruttament u l-esportazzjoni tal-materja prima u tal-idrokarburi; jittama li l-programm ambizzjuż għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija, li fiha l-UE tista' taqdi rwol importanti, kif ukoll għar-riforma tal-pajjiż, li tinkludi, inter alia, il-professjonalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u l-introduzzjoni ta' miżuri kontra l-korruzzjoni, fil-prattika jiġu eżegwiti bis-sħiħ; jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tkompli tassisti lill-Każakistan biex l-ekonomija tiegħu jiffavorixxi l-ambjent u jkun sostenibbli;

51.  Jieħu nota tal-impenn tal-Każakistan biex jilliberalizza kompletament il-moviment tal-kapital fil-forma ta' investiment dirett, u jiddispjaċih li t-titolu tal-Kummerċ u n-Negozju tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni ma jinkludix dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni; huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet ta' governanza korporattiva u ta' korruzzjoni waqt li tkun qed tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-ftehim, sabiex jiġi evitat li jiżdied ir-riskju tal-ħasil tal-flus;

52.  Jilqa' d-determinazzjoni tal-Każakistan, kif jidher matul l-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni, li jonora u jissodisfa l-impenji tiegħu tal-Ftehim Imsaħħaħ u tad-WTO; jistieden lill-Każakistan jonora l-impenji tiegħu skont il-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni rigward id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, abbażi ta' reġim ta' eżawriment reġjonali;

53.  Jistieden lill-Każakistan jallinja kompletament it-tariffi tiegħu għall-importazzjonijiet mal-impenji tad-WTO u tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni, irrispettivament mill-parteċipazzjoni tiegħu fl-Unjoni Ekonomika Ewroasjatika (EAEU), sabiex jevita ħlas kumpensatorju għali lis-sħab kummerċjali tad-WTO;

54.  Jistieden lill-Każakistan jissieħeb mas-sistema kompjuterizzata veterinarja integrata (TRACES), biex jippermetti l-kontrolli sanitarji u fitosanitarji (SPS) effikaċi, u sabiex jintużaw iċ-ċertifikati bilaterali tal-SPS bejn l-UE u l-Każakistan;

55.  Jieħu nota tal-perjodu tranżitorju ta' ħames snin għall-akkwist pubbliku u l-perjodu tranżitorju ta' tmien snin għall-kostruzzjoni stabbiliti fil-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni, u jistenna b'interess għaż-żieda tal-kummerċ ladarba dawn il-perjodi jkunu għaddew; jinnota li l-akkwist pubbliku huwa strument ta' politika pubblika sinifikanti għall-Każakistan;

o
o   o

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u lill-parlament tal-Każakistan.

(1) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 159.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0083.
(3) ĠU C 45, 5.2.2016, p. 85.
(4) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 93.
(5) ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 30.
(6) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 91.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0121.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0007.
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0484.

Avviż legali