Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2964(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0677/2017

Testi mressqa :

B8-0677/2017

Dibattiti :

PV 13/12/2017 - 8
CRE 13/12/2017 - 8

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2017 - 13.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0490

Testi adottati
PDF 347kWORD 53k
L-Erbgħa, 13 ta' Diċembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit
P8_TA(2017)0490B8-0677/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit (2017/2964(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea(1) u tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit(2),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tad-29 ta' April 2017 maħruġa wara n-notifika mir-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-TUE u l-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tistabbilixxi direttivi għan-negozjar ta' ftehim mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tan-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit tat-8 ta' Diċembru 2017 dwar il-progress matul l-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE dwar il-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-għan tan-negozjati li qed isiru bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) huwa li jipprovdu għall-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-UE, fil-qies tal-qafas għar-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-Unjoni ladarba dan ma jibqax Stat Membru;

B.  billi l-ksib ta' ħruġ ordinat jirrikjedi li n-negozjati jsiru f'sekwenza stretta b'tali mod li l-kwistjonijiet tas-separazzjoni li jinħolqu minħabba l-ħruġ mistenni tar-Renju Unit jiġu ttrattati fl-ewwel fażi qabel ma n-negozjati jkunu jistgħu jgħaddu għat-tieni fażi;

C.  billi t-tliet oqsma li huma bil-wisq l-aktar kwistjonijiet importanti jikkonċernaw id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE residenti fir-Renju Unit u dawk taċ-ċittadini tar-Renju Unit residenti fl-UE-27, il-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq u ċ-ċirkostanzi uniċi u speċjali li tiffaċċja l-gżira tal-Irlanda, u s-saldu tal-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit mal-UE;

D.  billi jrid isir progress suffiċjenti fuq dawn it-tliet kwistjonijiet ta' separazzjoni kollha qabel ma n-negozjati jkunu jistgħu jgħaddu għat-tieni fażi, u billi dan irid jintlaħaq mill-aktar fis biex ikun hemm biżżejjed żmien għat-tieni fażi tan-negozjati;

E.  billi r-Rapport Konġunt tan-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit jindika li sar progress suffiċjenti;

F.  billi, f'dak li jirrigwarda d-drittijiet taċ-ċittadini, ir-Renju Unit:

   aċċetta li ċ-ċittadini kollha tal-UE li jirrisjedu legalment fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu legalment fi Stat Membru tal-UE-27, kif ukoll il-membri tal-familji rispettivi tagħhom fil-waqt tal-ħruġ, sejrin igawdu d-drittijiet kollha kif huma stabbiliti fid-dritt tal-UE u kif huma interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), abbażi ta' protezzjonijiet li se jkunu stipulati fil-Ftehim ta' Ħruġ,
   aċċetta, barra minn hekk, li l-membri tal-qalba tal-familja taċ-ċittadini u persuni li huma f'relazzjoni fit-tul magħhom li bħalissa jgħixu barra l-istat ospitanti sejrin ikunu protetti bil-Ftehim ta' Ħruġ, u li dan se jkun jgħodd ukoll għat-tfal li għad jitwieldu fil-futur u barra mill-istat ospitanti,
   aċċetta li l-kontinwazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini se tkun iggarantita tul il-ħajja permezz ta' proċedura proporzjonata, li se tkun soġġetta għal salvagwardji xierqa, f'konformità ma' kunċetti tad-dritt tal-UE. Din il-proċedura u dawn is-salvagwardji se jkunu stipulati fil-Ftehim ta' Ħruġ,
   aċċetta li l-proċeduri amministrattivi se jkunu trasparenti, bla intoppi u effiċjenti, li l-formoli se jkunu qosra, sempliċi u ta' użu faċli, u li l-applikazzjonijiet li jsiru fl-istess ħin minn membri ta' familja sejrin jiġu kkunsidrati flimkien,
   aċċetta li d-drittijiet rilevanti kollha bbażati fuq id-dritt tal-UE sejrin ikunu salvagwardjati u se jkunu stipulati fid-dettall fil-Ftehim ta' Ħruġ,
   aċċetta li l-jeddijiet kollha tas-sigurtà soċjali skont id-dritt tal-UE sejrin jinżammu. Dan jinkludi l-esportazzjoni ta' kull benefiċċju esportabbli,
   aċċetta li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Ħruġ dwar id-drittijiet taċ-ċittadini se jiġu inkorporati f'att legali speċifiku tar-Renju Unit b'tali mod li dawn id-drittijiet ikollhom effett dirett;

G.  billi, f'dak li jirrigwarda l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, ir-Renju Unit ħa l-impenji rekwiżiti biex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda twebbis tal-fruntiera, permezz ta' allinjament regolatorju li jipprevedi:

   jekk ikun meħtieġ, soluzzjonijiet speċifiċi għall-Irlanda ta' Fuq,
   impenn li l-Ftehim tal-1998 jiġi mħares fil-partijiet kollha tiegħu,
   l-iżgurar li ma jseħħ l-ebda tnaqqis tad-drittijiet għall-persuni fl-Irlanda ta' Fuq;

H.  billi, f'dak li jirrigwarda s-saldu finanzjarju, ir-Renju Unit iċċara b'mod adegwat liema obbligi finanzjarji se jonora bħala Stat Membru li ħiereġ;

I.  billi dan ma jfissirx li l-kwistjonijiet pendenti kollha ġew solvuti, u lanqas ma jindika x'pożizzjoni se jieħu l-Parlament meta jasal il-waqt tal-proċedura ta' approvazzjoni dwar ftehim ta' ħruġ finali;

J.  billi t-tieni fażi ta' negozjati għandha, fuq il-bażi ta' prinċipji sodi u mingħajr ambigwità, tkun iddedikata għall-finalizzazzjoni tal-arranġamenti għall-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni, inklużi arranġamenti tranżizzjonali possibbli meħtieġa għall-ħruġ tar-Renju Unit; billi, f'dan il-kuntest, għandu jiġi identifikat fehim kumplessiv dwar il-qafas għar-relazzjonijiet futuri;

K.  billi r-Renju Unit u l-UE sejrin jibqgħu ġirien imqarrba u se jibqa' jkollhom ħafna interessi komuni, anki jekk ir-Renju Unit ma jibqax Stat Membru;

L.  billi relazzjoni mqarrba ta' dan it-tip fil-forma ta' ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit tista' titqies bħala qafas adegwat li permezz tiegħu dawn l-interessi komuni jistgħu jiġu mħarsa u promossi, inkluża relazzjoni kummerċjali ġdida;

M.  billi l-vantaġġ ta' ftehim ta' assoċjazzjoni huwa li dan ikun strument flessibbli li jippermetti kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika;

N.  billi arranġamenti tranżizzjonali se jkunu meħtieġa biex nevitaw xenarju ta' xifer l-irdum meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE, u biex in-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit ikunu jistgħu jinnegozjaw relazzjoni futura;

O.  billi, irrispettivament mill-eżitu tan-negozjati dwar ir-relazzjoni futura, ma jista' jkun hemm l-ebda kompromess bejn is-sigurtà interna u esterna, inkluża l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, minn naħa waħda, u r-relazzjoni ekonomika futura, min-naħa l-oħra;

P.  billi kummenti bħal dak li għamel David Davis, li ddeskriva l-eżitu tal-ewwel fażi tan-negozjati bħala xejn aktar minn "dikjarazzjoni ta' intenzjoni", jistgħu jimminaw il-bona fede li nbniet matul in-negozjati;

1.  Jilqa' r-rapport konġunt ippreżentat min-negozjaturi tal-UE u dawk tar-Renju Unit, li jikkonkludi li sar progress suffiċjenti fin-negozjati għal Ftehim ta' Ħruġ, u jifraħ lin-negozjatur tal-Unjoni dwar il-proċess tan-negozjati s'issa;

2.  Huwa tal-fehma li r-rapport jippermetti li n-negozjati jgħaddu għat-tieni fażi, u jirrakkomanda li l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi f'dan is-sens, iżda jemmen li n-negozjati jridu jsiru in bona fede u huwa tal-fehma li n-negozjati jistgħu javvanzaw matul it-tieni fażi biss jekk il-Gvern tar-Renju Unit huwa wkoll jirrispetta bis-sħiħ l-impenji li ħa fir-Rapport Konġunt, u jekk dawn l-impenji jissarrfu bis-sħiħ fl-abbozz tal-Ftehim ta' Ħruġ;

3.  Jirrimarka, madankollu, li għad hemm kwistjonijiet pendenti rigward arranġamenti għal ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-UE, li jridu jiġu solvuti qabel ma jkun jista' jiġi ffinalizzat il-Ftehim ta' Ħruġ, u jinnota li, ladarba jkun ġie ffinalizzat, il-Ftehim ta' Ħruġ jeħtieġ li jkun ifformulat f'test legali ċar u mhux ambigwu; jirrimarka li dawn il-kwistjonijiet pendenti jikkonċernaw:

   l-estensjoni tal-kopertura tad-drittijiet taċ-ċittadini għas-sħab futuri,
   l-iżgurar li l-proċedura amministrattiva tkun ħafifa, ta' natura dikjarattiva u bla ħlas, li tqiegħed l-oneru tal-prova fuq l-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jikkontestaw id-dikjarazzjoni, u li tippermetti lill-familji jibdew il-proċedura permezz ta' formola waħda,
   il-provvediment għall-karattru vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-QtĠ-UE rigward l-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, kif ukoll għar-rwol tal-awtorità nazzjonali indipendenti futura (ombudsman) maħluqa biex tieħu azzjoni fuq l-ilmenti taċ-ċittadini,
   il-garanzija tad-drittijiet tal-moviment liberu madwar l-UE kollha għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li bħalissa jirrisjedu fi Stat Membru tal-UE-27,
   l-iżgurar li l-impenji li saru rigward l-Irlanda ta' Fuq/l-Irlanda jkunu infurzabbli bis-sħiħ;

4.  Jirriserva, għalhekk, id-drittijiet kollha tiegħu rigward il-Ftehim ta' Ħruġ finali, li l-Parlament, f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-TUE, ikun jeħtieġlu japprovah biex dak il-Ftehim jidħol fis-seħħ;

Il-qafas għal relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit

5.  Ifakkar li l-Artikolu 50(2) tat-TUE jipprevedi li l-Unjoni tikkunsidra l-qafas għar-relazzjonijiet futuri tagħha mal-Istat Membru li jkun ħiereġ meta tinnegozja u tikkonkludi ftehim ta' ħruġ;

6.  Jipproponi li, jekk l-UE u r-Renju Unit jilħqu qbil dwar fehim ġenerali dwar dan il-qafas għar-relazzjonijiet futuri bejniethom, dan għandu jieħu l-forma ta' dikjarazzjoni politika annessa mal-Ftehim ta' Ħruġ;

7.  Jinnota li l-ftehim li jistabbilixxi r-relazzjoni l-ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit, u li jkun ibbażat fuq il-qafas imsemmi hawn fuq, jista' jiġi nnegozjat formalment biss ladarba r-Renju Unit ikun ħareġ mill-UE u jkun pajjiż terz;

8.  Jissottolinja li sejjer jaċċetta qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit bħala parti mill-Ftehim ta' Ħruġ biss jekk il-qafas ikun fi qbil strett mal-prinċipji li ġejjin:

   li pajjiż terz li ma jaqdix l-istess obbligi ta' Stat Membru ma jistax igawdi l-istess benefiċċji bħal Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew membru taż-ŻEE,
   li l-integrità tas-suq intern u l-erba' libertajiet ikunu protetti, bla ma jkun permess approċċ li jittratta s-setturi wieħed wieħed,
   li t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE jkun awtonomu,
   li l-ordinament ġuridiku tal-UE u r-rwol tal-QtĠ-UE jkunu salvagwardjati,
   li r-Renju Unit jaderixxi mal-istandards previsti mill-obbligi internazzjonali, inklużi d-drittijiet fundamentali, u mal-leġiżlazzjoni u mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, il-kompetizzjoni ġusta, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, il-kummerċ, u d-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema, b'mod speċjali s-salvagwardji kontra d-dumping soċjali, b'mekkaniżmu ta' infurzar li jiżgura l-konformità,
   li l-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi u organizzazzjonijiet terzi, inkluż il-Ftehim taż-ŻEE, ikunu salvagwardjati,
   li l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u l-konformità mas-sistema regolatorja u superviżorja tagħha u mal-istandards tagħha, kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom, ikunu salvagwardjati,
   li jkun hemm bilanċ korrett bejn drittijiet u obbligi, inklużi kontribuzzjonijiet finanzjarji proporzjonati;

9.  Jitlob li l-qafas għar-relazzjoni futura, filwaqt li jibqa' konsistenti mal-prinċipji msemmija hawn fuq, jagħmel provvediment għal relazzjoni kemm jista' jkun imqarrba bejn l-UE u r-Renju Unit;

10.  Itenni li ftehim ta' assoċjazzjoni nnegozjat u maqbul bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-ħruġ ta' dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 217 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jista' jipprovdi qafas xieraq għar-relazzjoni futura; jipproponi li ftehim ta' dan it-tip, flimkien mal-qafas ta' governanza tiegħu li għandu jinkludi mekkaniżmu b'saħħtu u indipendenti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim, għandu jkopri l-erba' pilastri li ġejjin:

   ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi,
   il-kooperazzjoni tematika,
   is-sigurtà interna,
   il-kooperazzjoni fil-qasam tal-politika barranija u ta' sigurtà;

11.  Ifakkar li bosta ċittadini tar-Renju Unit esprimew oppożizzjoni qawwija għat-telfien tad-drittijiet li jgawdu bħalissa skont l-Artikolu 20 tat-TFUE; jipproponi li l-UE-27 teżamina kif tista' ttaffi dan it-telfien fil-limiti tad-dritt primarju tal-Unjoni filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji ta' reċiproċità, ekwità, simetrija u nondiskriminazzjoni;

Arranġamenti tranżizzjonali

12.  Itenni li l-arranġamenti tranżizzjonali li jiżguraw iċ-ċertezza u l-kontinwità ġuridiċi jistgħu jinqablu biss jekk ikun fihom il-bilanċ ġust bejn drittijiet u obbligi, ikunu ta' żmien limitat, ta' mhux aktar minn tliet snin, u jkunu jikkonsistu mill-estensjoni tal-acquis tal-UE, inklużi d-drittijiet taċ-ċittadini, u b'hekk jirrikjedu li l-istrumenti u l-istrutturi eżistenti tal-Unjoni fil-kamp regolatorju, baġitarju, superviżorju, ġudizzjarju u ta' infurzar jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit; jinnota li r-Renju Unit mhux se jibqa' parti mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-UE;

13.  Jafferma li kwalunkwe bidla fl-acquis tal-UE li jkollha effett matul il-perjodu tranżizzjonali trid japplika awtomatikament fir-Renju Unit fi qbil mal-arranġamenti tranżizzjonali maqbula bejn l-UE u r-Renju Unit;

14.  Jinsisti li kwalunkwe ftehim kummerċjali futur li r-Renju Unit jista' jinnegozja ma' pajjiżi terzi wara li joħroġ mill-UE jista' jidħol fis-seħħ biss fi tmiem il-perjodu li matulu japplikaw l-arranġamenti tranżizzjonali;

15.  Jirrimarka li perjodu tranżizzjonali kif maqbul bejn l-UE u r-Renju Unit bħala parti mill-Ftehim ta' Ħruġ jista' jibda biss ladarba dak il-ftehim ikun fis-seħħ;

o
o   o

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Gvern tar-Renju Unit.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0102.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0361.

Avviż legali