Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/3001(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0685/2017

Dibattiti :

PV 14/12/2017 - 5.1
CRE 14/12/2017 - 5.1

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2017 - 8.1

Testi adottati :

P8_TA(2017)0496

Testi adottati
PDF 336kWORD 52k
Il-Ħamis, 14 ta' Diċembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-libertà ta' espressjoni fil-Vjetnam, b'mod partikolari l-każ ta' Nguyen Van Hoa
P8_TA(2017)0496RC-B8-0685/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-libertà ta' espressjoni fil-Vjetnam, b'mod partikolari l-każ ta' Nguyen Van Hoa (2017/3001(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra s-Seba' Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam tal-1 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam iffirmat fis-27 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi li l-Vjetnam aderixxa miegħu fl-1982,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tat-26 ta' Frar 2016 fil-każ 1409/2014/MHZ dwar in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq minn qabel valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE tqis li l-Vjetnam huwa sieħeb importanti fl-Asja; billi fl-2015 seħħ il-25 anniversarju tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Vjetnam; billi l-ambitu ta' dawn ir-relazzjonijiet twessa' bil-ħeffa, mill-kummerċ u l-għajnuna għal sħubija aktar komprensiva;

B.  billi l-vidjografu u blogger ta' 22 sena Nguyen Van Hoa ġie rrappurtat nieqes mill-familja tiegħu fil-11 ta' Jannar 2017, u wara ħareġ li kien ġie detenut mill-pulizija mingħajr mandat uffiċjali;

C.  billi Nguyen Van Hoa inizjalment ġie arrestat taħt l-Artikolu 258 tal-Kodiċi Penali tal-Vjetnam u mixli li kien "abbuża mil-libertajiet demokratiċi biex imur kontra l-interessi tal-istat"; billi f'April 2017, dawn l-akkużi tqawwew għal ksur tal-Artikolu 88; billi l-Artikolu 88 tal-Kodiċi Penali ntuża ħafna kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li kixfu abbużi fil-Vjetnam;

D.  billi, fis-27 ta' Novembru 2017, Nguyen Van Hoa ġie kkundannat għal seba' snin ħabs talli xerred informazzjoni online, inklużi filmati, dwar id-diżastru ambjentali li ġara f'April 2016 fil-Provinċja ta' Ha Tinh, meta Formosa Ha Tinh, kumpanija tal-azzar Tajwaniża, ikkawżat skariku illegali ta' skart industrijali tossiku fil-baħar, li ħalla effetti ambjentali devastanti tul 200 km ta' kosta, qatel organiżmi tal-baħar u għamel ħsara lill-bnedmin;

E.  billi dan id-diżastru qajjem għadab wiesa' fost il-popolazzjoni Vjetnamiża, u wassal għall-mobilizzazzjoni ta' netwerks soċjali u għal dimostrazzjonijiet paċifiċi enormi fl-ibliet il-kbar kollha tal-Vjetnam; billi l-arrest ta' Nguyen Van Hoa kien wieħed minn sensiela ta' arresti mill-awtoritajiet Vjetnamiżi fil-jiem ta' qabel il-festa ta' Tet;

F.  billi l-Qorti Popolari tal-Provinċja ta' Ha Tinh sabet lil Nguyen Van Hoa ħati li pproduċa propaganda kontra l-istat taħt l-Artikolu 88 tal-Kodiċi Penali, wara proċess li dam sagħtejn u nofs; billi Nguyen Van Hoa ma tħalliex ikollu aċċess għal avukat li jirrappreżentah waqt il-proċess;

G.  billi, fit-30 ta' Novembru 2017, qorti Vjetnamiża kkonfermat is-sentenza ta' 10 snin ħabs ta' blogger oħra, Nguyen Ngoc Nhu Quynh, għal propaganda kontra l-istat wara li kitbet kontributi online kritiċi fuq id-degradazzjoni tal-ambjent, il-politika u l-imwiet waqt id-detenzjoni mill-pulizija;

H.  billi l-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-proċeduri u l-mekkaniżmi speċjali tiegħu iddenunzjaw ripetutament l-Artikolu 88 tal-Kodiċi Penali, flimkien ma' diversi dispożizzjonijiet oħra tal-Kodiċi, bħala ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

I.  billi l-biċċa l-kbira tal-midja huma proprjetà tal-istat u huma kkontrollati minnu; billi l-libertà tal-istampa hija ristretta bil-kbir; billi l-Vjetnam huwa kklassifikat fil-175 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa 2017 ta' Reporters Without Borders; billi, b'reazzjoni għall-għadab wiesa' fost il-popolazzjoni Vjetnamiża wara d-diżastru fil-Provinċja ta' Ha Tinh, l-awtoritajiet għal ftit żmien ibblukkaw l-aċċess għan-netwerks soċjali, irreprimew id-dimostrazzjonijiet bil-vjolenza u arrestaw lil dimostranti;

J.  billi, f'April 2016, il-Vjetnam adotta Liġi dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni u Liġi dwar l-Istampa emendata, li tirrestrinġi l-libertà ta' espressjoni u ssaħħaħ iċ-ċensura, kif ukoll regolamenti li jipprojbixxu d-dimostrazzjonijiet barra l-qrati waqt li jkunu għaddejjin il-proċessi;

K.  billi l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin hija ripressa fil-Vjetnam, u billi l-Knisja Kattolika u reliġjonijiet mhux rikonoxxuti, bħall-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, bosta knejjes Protestanti u oħrajn, inklużi membri tal-minoranza etnika tal-Montagnards, għadhom iġarrbu persekuzzjoni reliġjuża ħarxa;

L.  billi, matul is-Seba' Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam, ġew diskussi l-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni, ta' għaqda, ta' reliġjon u twemmin, u l-aċċess għall-informazzjoni; billi l-UE ssottolinjat id-deterjorament tad-drittijiet ċivili u politiċi fil-Vjetnam; billi ħeġġet lill-Vjetnam biex joħroġ stediniet permanenti lill-Proċeduri Speċjali tan-NU;

1.  Jikkundanna s-sentenza ta' seba' snin ħabs mogħtija lil Nguyen Van Hoa; jissottolinja li Nguyen Van Hoa eżerċita d-dritt tiegħu tal-libertà ta' espressjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jeħilsu lil Nguyen Van Hoa minnufih u mingħajr kundizzjonijiet;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fl-għadd ta' detenzjonijiet, arresti u kundanni ta' ċittadini Vjetnamiżi bi rbit mal-espressjoni tal-opinjonijiet tagħhom;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-approċċ dejjem aktar restrittiv meħud mill-awtoritajiet rigward il-libertà ta' espressjoni u libertajiet oħra; jikkundanna, f'dan ir-rigward, l-użu mill-awtoritajiet ta' fastidju psikoloġiku u fiżiku, id-detenzjoni domiċiljari extraġudizzjarja, pressjoni fuq avukati, impjegaturi, sidien tal-kera u membri tal-familji ta' attivisti, u sorveljanza intrużiva; jesprimi tħassib, barra minn hekk, dwar ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-libertà ta' moviment biex ma jħallux lil bloggers u attivisti jieħdu sehem f'avvenimenti pubbliċi bħalma huma diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jżommuhom milli jattendu proċessi ta' attivisti oħra;

4.  Jappella lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jeħilsu liċ-ċittadini kollha li sfaw arrestati għaliex eżerċitaw paċifikament il-libertà ta' espressjoni tagħhom;

5.  Jappella lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex itemmu r-restrizzjonijiet kollha fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-atti ta' fastidju kontrihom, u li jiggarantixxu f'kull ċirkostanza li dawn ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem mingħajr biża' ta' rappreżalji, u ħielsa minn kwalunkwe restrizzjoni, inkluż mill-fastidju ġudizzjarju;

6.  Jesprimi tħassib serju dwar l-applikazzjoni estensiva tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà nazzjonali fil-Kodiċi Penali tal-Vjetnam;

7.  Jiddenunzja l-użu tal-piena tal-mewt mill-Vjetnam għal ċerti reati ta' sigurtà nazzjonali, kif jippreskrivi l-Kodiċi Penali emendat tal-pajjiż, u l-fatt li l-Vjetnam għadu jagħti sentenzi tal-mewt; itenni l-oppożizzjoni qawwija tal-UE għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jistabbilixxu moratorju fuq il-piena tal-mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali għar-reati kollha;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Vjetnam biex jemenda ċerti Artikoli tal-Kodiċi Penali tiegħu, fosthom l-Artikolu 88 dwar il-propaganda u l-Artikolu 79 dwar attivitajiet maħsuba biex iwaqqgħu l-amministrazzjoni, li ġew iddenunzjati mill-OHCHR bħala ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u biex jiżgura li kwistjonijet ta' sigurtà nazzjonali ma jintużawx bħala pretest għas-soppressjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' reliġjon u twemmin; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-Liġi l-ġdida dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Liġi dwar it-Twemmin u r-Reliġjon, li mhumiex kompatibbli man-normi internazzjonali;

9.  Iħeġġeġ lill-Vjetnam biex joħroġ stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali tan-NU, b'mod partikolari lir-Rapporteur Speċjali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni u lir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jagħtihom aċċess liberu u mingħajr restrizzjonijiet għall-partijiet kollha li jkunu jixtiequ jikkonsultaw;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifika mill-Vjetnam tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u jħeġġu biex jimpenja ruħu fiha b'mod sinifikattiv, inkluż billi jagħmel sottomissjonijiet regolari u dettaljati skont id-dispożizzjonijiet tagħha; jinsisti li l-ebda dikjarazzjoni li tkun saret taħt it-tortura jew trattament ħażin ieħor mhi ta' min jorbot fuqha bħala evidenza għall-kundanna ta' individwi mixlija bi propaganda jew b'akkużi oħra motivati politikament;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tas-sħubija u d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam, u jfakkar fl-importanza tad-Djalogu bħala strument kruċjali li għandu jintuża b'mod effiċjenti biex jakkumpanja u jinkoraġġixxi lill-Vjetnam fl-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-UE qajmet il-kwistjonijiet tal-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni u taż-żieda fl-għadd ta' detenzjonijiet, arresti u kundanni matul is-Seba' Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni bil-qawwa biex tissorvelja l-progress taħt id-Djalogu permezz tal-introduzzjoni ta' parametri referenzjarji u mekkaniżmi ta' sorveljanza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex jibqgħu iqajmu l-kwistjoni tal-libertà ta' espressjoni fid-djalogu regolari tagħhom mal-Vjetnam, inkluż waqt Is-Summit Asja-Ewropa (ASEM) li jmiss fi Brussell fl-2018;

13.  Jappella lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jindirizzaw id-diżastru ambjentali fil-Provinċja ta' Ha Tinh, li kkawża l-mewt ta' mases ta' ħut fir-reġjun u affettwa l-ħajjiet ta' eluf ta' persuni, permezz ta' miżuri leġiżlattivi għar-restawr u r-riabilitazzjoni tal-ekonomija lokali;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), kif ukoll lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam.

Avviż legali