Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0668/2017

Dibattiti :

PV 12/12/2017 - 11
CRE 12/12/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2017 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0500

Testi adottati
PDF 349kWORD 56k
Il-Ħamis, 14 ta' Diċembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Sitwazzjoni tar-Rohingya
P8_TA(2017)0500RC-B8-0668/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya (2017/2973(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Settembru 2017(1), tas-7 ta' Lulju 2016(2) u tal-15 ta' Diċembru 2016(3), u tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Asja(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Myanmar/Burma tas-16 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rimarki tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, f'Cox's Bazar, il-Bangladesh, tad-19 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Settembru 2017 tal-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fl-Istat ta' Rakhine, id-dikjarazzjoni tal-11 ta' Settembru 2017 tal-VP/RGħ dwar l-aħħar żviluppi fl-Istat ta' Rakhine, fil-Myanmar u fir-reġjun tal-fruntiera fil-Bangladesh, id-dikjarazzjoni tal-20 ta' Novembru 2017 tal-VP/RGħ f'isem l-Unjoni Ewropea dwar il-Myanmar/Burma, u d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Novembru 2017 tal-VP/RGħ dwar l-iffirmar ta' ftehim bilaterali ta' ripatrijazzjoni bejn il-gvernijiet tal-Myanmar u l-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, lejn it-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine f'Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-1 ta' Ġunju 2016 mill-Kummissjoni u mill-VP/RGħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Elementi għal Strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar/Burma: Sħubija Speċjali għad-Demokrazija, il-Paċi u l-Prosperità" (JOIN(2016)0024),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa dwar it-tielet Djalogu bejn l-UE u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-apolidija tal-4 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil bejn il-Myanmar u l-Bangladesh dwar ir-ripatrijazzjoni tar-Rohingya mill-Bangladesh lejn il-Myanmar, iffirmat fit-23 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza fl-Istat ta' Rakhine, tas-6 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, approvat mit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titolu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar", tal-20 ta' Ġunju 2016 u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, tat-18 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra s-27 sessjoni speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjoni minoritarja tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fl-Istat ta' Rakhine, il-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali tal-UNHCR biex Tintemm l-Apolidija 2014-2024,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar jgħixu madwar miljun Rohingya, grupp ta' minoranza fil-biċċa l-kbira Musulman li qed jiffaċċja ripressjoni u ksur serju kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi theddid għall-ħajja u s-sigurtà, ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, nutrizzjoni ħażina u nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, xogħol furzat, vjolenza sesswali u limitazzjonijiet fuq id-drittijiet politiċi tagħhom;

B.  billi r-Rohingya huma fost l-aktar minoranzi ppersegwitati fid-dinja, u billi l-Liġi taċ-Ċittadinanza tal-Myanmar tal-1982 ċaħħdithom mid-drittijiet taċ-ċittadinanza sħiħa u ġabithom apolidi; billi r-Rohingya fil-biċċa l-kbira tagħhom huma miżmuma f'kampijiet b'restrizzjonijiet ħorox fuq il-moviment liberu fl-Istat ta' Rakhine u barra minnu;

C.  billi l-aktar attakki reċenti fuq il-postijiet tal-għassiesa tas-sigurtà f'Awwissu 2017 pprovokaw rispons sproporzjonat ħafna mill-militar tal-Myanmar, li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya;

D.  billi minn Awwissu 2017 'l hawn, aktar minn 646 000 Rohingya ħarbu għas-sikurezza lejn il-pajjiż ġar tal-Bangladesh, fejn iffaċċjaw kundizzjonijiet atroċi; billi l-għadd totali ta' rifuġjati Rohingya fil-Bangladesh huwa mistenni li jaqbeż il-miljun sa tmiem l-2017; billi għexieren ta' persuni, fosthom nisa u tfal, mietu matul ir-rotta u aktar minn 400 000 ruħ jeħtieġu kura tas-saħħa u assistenza tal-ikel; billi l-qtil, l-istupru u t-tortura tar-Rohingya u l-ħruq tal-irħula tagħhom ji ntużawbħala għodda biex ssir ħsara b'mod permanenti lill-istruttura soċjali tar-Rohingya u tiġi trawmatizzata l-popolazzjoni;

E.  billi l-fruntiera bejn il-Myanmar u l-Bangladesh ġiet militarizzata u tqiegħdu mini tal-art biex jipprevjenu lin-nies milli jaqsmuha;

F.  billi, skont l-aġenziji tan-NU, l-aċċess għall-organizzazzjonijiet umanitarji għadu restrittiv ħafna, inkluż għall-konsenja tal-ikel, l-ilma u l-mediċina lir-Rohingya;

G.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, fl-10 ta' Settembru 2017 ħabbar li s-sitwazzjoni fil-Myanmar "tidher eżempju klassiku ta' tindif etniku" u fil-5 ta' Diċembru 2017 li ma jistax jiġi eskluż att ta' ġenoċidju kontra l-Musulmani Rohingya mill-forzi statali fil-Myanmar; billi l-Amnesty International iddeskriviet is-sitwazzjoni għall-minoranzi fl-Istat ta' Rakhine bħala waħda ta' "apartheid" u billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU kkundanna "l-probabilità kbira ħafna ta' delitti kontra l-umanità" fil-Myanmar;

H.  billi fit-23 ta' Ottubru 2017 il-konferenza tad-donaturi li saret f'Ġinevra bejn l-UNHCR, l-OCHA, l-IOM, l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Kuwajt żgurat wegħdiet għall-għajnuna li jammontaw għal USD 344 miljun, li aktar minn nofshom ġew mill-UE;

I.  billi l-Gvernijiet tal-Myanmar u tal-Bangladesh iffirmaw memorandum ta' qbil mhux vinkolanti li għandu jiggarantixxi r-ritorn sikur tar-rifuġjati Rohingya li ħarbu lejn il-Bangladesh; billi l-VP/RGħ iddeskriviet l-iffirmar tal-memorandum ta' qbil bħala pass importanti lejn li tiġi indirizzata waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem ta' żmienna; billi mhuwiex ċar kemm ripatrijati potenzjali Rohingya ser ikunu akkomodati f'kampijiet u f'żoni ta' akkoljenza temporanja; billi ma teżisti l-ebda skeda ta' żmien ċara għal ritorn għal sigurtà adegwata u akkomodazzjoni sikura jew għar-rikonoxximent tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tagħhom;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-qtil li għadhom għaddejja, l-użu sistematiku tal-forza, u t-telf tal-ħajjiet, l-għajxien u l-kenn fl-Istat ta' Rakhine; jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem u jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu u l-appoġġ sħiħ għar-Rohingya; ifakkar li l-awtoritajiet tal-Myanmar għandhom id-dmir li jipproteġu lill-persuni ċivili kollha mill-abbuż, mingħajr diskriminazzjoni, li jinvestigaw il-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u li jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja, skont l-istandards u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jappella għal tmiem immedjat tal-vjolenza, tal-qtil, tal-intimidazzjoni u tal-istupru tar-Rohingya u tal-qerda tad-djar tagħhom mill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Myanmar jaħdmu flimkien mal-aġenziji internazzjonali tal-għajnuna, l-UE u n-NU biex jippermettu aċċess umanitarju immedjat u mingħajr xkiel għall-Istat ta' Rakhine, inkluż appoġġ iddedikat għall-gruppi vulnerabbli bħat-tfal, l-anzjani u l-vittmi ta' vjolenza sesswali; iħeġġeġ lill-gvern jimplimenta miżuri f'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2106 (2013) biex jipprevjeni inċidenti ta' vjolenza sesswali u jirreaġixxi għalihom;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar jagħtu aċċess lill-osservaturi indipendenti, b'mod partikolari lill-Missjoni ta' Ġbir ta' Informazzjoni tan-NU stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Marzu 2017, biex jiżguraw investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali tal-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li, fejn hemm evidenza ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, l-individwi jridu jiġu mressqa quddiem qrati ċivili indipendenti, imparzjali u mingħajr l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt; jinsisti fuq il-ħtieġa għal azzjoni kontinwa min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluż riferiment lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, jekk il-Myanmar mhuwiex kapaċi jew ma jixtieqx iħarrek jew jagħmel awtoriferiment;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar jagħti aċċess sħiħ u mingħajr xkiel lill-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tal-midja għall-Istat ta' Rakhine, u biex jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tal-persunal tal-midja;

6.  Itenni l-appell tiegħu lill-Gvern tal-Myanmar biex b'mod immedjat iwaqqaf l-użu tiegħu ta' mini tal-art u jneħħi l-mini kollha li diġà qiegħed, inklużi dawk imqiegħda dan l-aħħar matul il-fruntiera mal-Bangladesh; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tipprovdi assistenza teknika f'dan ir-rigward; ifaħħar l-isforzi magħmula mill-Bangladesh quddiem kriżi umanitarja f'wieħed mill-pajjiżi ġirien tiegħu; jilqa' bis-sħiħ il-protezzjoni li l-Bangladesh ipprovda lir-Rohingya li qed jaħarbu mill-Myanmar u jħeġġu jkompli joffri appoġġ f'kooperazzjoni mal-UNHCR; jistieden lill-Bangladesh jiffaċilita aktar l-operazzjonijiet umanitarji mill-NGOs internazzjonali billi jissimplifika l-piż burokratiku, il-proċess ta' reġistrazzjoni u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment;

7.  Jinnota l-memorandum ta' qbil miftiehem bejn il-Myanmar u l-Bangladesh dwar ir-ripatrijazzjoni; iħeġġeġ lill-partijiet jirrispettaw għalkollox ir-ritorn volontarju, sikur u dinjituż tar-Rohingya lejn il-postijiet ta' oriġini tagħhom mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni, u bis-superviżjoni sħiħa tan-NU; jinsisti li l-awtoritajiet tal-Myanmar joffru assigurazzjonijiet kredibbli li l-persuni rimpatrijati ma jiġux persegwitati jew furzati f'kampijiet segregati abbażi ta' raġunijiet etniċi jew reliġjużi u jiggarantixxu monitoraġġ indipendenti u imparzjali mill-korpi tad-drittijiet tal-bniedem; jerġa' jafferma l-prinċiplu ta' non-refoulement u jaqbel mal-valutazzjoni tal-UNHCR tal-24 ta' Novembru 2017 li "fil-preżent, fl-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar ma jeżistux il-kundizzjonijiet li jippermettu ritorn sikur u sostenibbli"; jistieden lill-UE tmexxi l-isforzi internazzjonali permezz ta' summit intergovernattiv flimkien man-NU; jipproponi li dan is-summit jagħmel rieżami tal-progress dwar il-proċess ta' ripatrijazzjoni tar-Rohingya u r-radd lura tad-drittijiet taċ-ċittadinanza u li tinbeda l-proċedura għal investigazzjoni indipendenti ta' delitti kontra l-umanità;

8.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ finanzjarju u materjali għall-akkomodazzjoni tar-rifuġjati filwaqt li jiżguraw li l-assistenza ma tissarrafx f'soluzzjonijiet inaċċettabbli għar-rifuġjati u l-persuni rimpatrijati; jistieden lill-atturi internazzjonali jistabbilixxu appoġġ fil-forma ta' finanzjament li joffri rispons sostenibbli għall-ħtiġijiet tar-Rohingya spostati u l-komunitajiet ospitanti permezz ta' aċċess għal servizzi xierqa u mtejba; jiġbed attenzjoni partikolari lejn il-ħtieġa urġenti għall-finanzjament, li huwa stmat li jammonta għal USD 10 miljun, biex jingħataw servizzi mediċi speċjalizzati u servizzi tas-saħħa mentali għas-superstiti tal-istupru u tal-vjolenza sessista; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja investigazzjoni sħiħa tal-firxa tal-vjolenza sesswali u delitti oħra kontra r-Rohingya;

9.  Jesprimi tħassib kbir dwar ir-rapporti ta' traffikar ta' nisa u bniet Rohingya fil-Myanmar u fil-Bangladesh u jħeġġeġ lill-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi biex jaħdmu mal-UNHCR u mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem biex jintemm it-traffikar u biex in-nisa u l-bniet affettwati jingħataw il-protezzjoni u l-appoġġ;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jindirizza d-diskriminazzjoni sistematika u li ilha ħafna għaddejja; jenfasizza li mingħajr ma jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali huwa impossibbli li tintemm is-sitwazzjoni ta' tbatija tagħhom; jinnota f'dan ir-rigward li ċ-ċaħda tad-drittijiet tal-minoranzi fil-Myanmar testendi lil hinn mir-Rohingya u tolqot ukoll lil gruppi etniċi oħra, fosthom fl-Istati ta' Kachin u Shan;

11.  Jilqa' r-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine, li ġiet stabbilita fuq it-talba tal-Kunsilliera tal-Istat; iħeġġeġ b'qawwa lill-awtoritajiet tal-Myanmar biex jaħtru korp ta' implimentazzjoni malajr kemm jista' jkun, biex jidħlu fis-seħħ għalkollox ir-rakkomandazzjonijiet ta' Annan; jinkoraġġixxi lill-UE, lin-NU u atturi internazzjonali oħra biex jappoġġjaw il-proċess;

12.  Jenfasizza r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet legali dwar iċ-ċittadinanza jiġu allinjati mal-istandards u t-trattati internazzjonali li l-Myanmar huwa stat parti tagħhom; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jemenda l-Liġi taċ-Ċittadinanza u jipprovdi dokumentazzjoni taċ-ċittadinanza rikonoxxuta legalment lir-residenti Rohingya ħalli huma jiġu aċċettati bħala minoranza etnika u biex id-dritt tagħhom għall-awtoidentifikazzjoni jiġi rispettat; iħeġġeġ lill-gvern joħroġ karti tal-identità li ma jelenkawx l-affiljazzjoni reliġjuża;

13.  Jinsisti li s-segregazzjoni tal-popolazzjoni Rohingya fil-Myanmar trid tintemm; jitlob li jitneħħa l-curfew impost fuq ir-Rohingya u li jingħalqu l-punti ta' kontroll kollha għajr dawk li huma meħtieġa; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jiżgura li r-residenti Rohingya jkunu jistgħu jivvjaġġaw liberament fl-Istat ta' Rakhine u fil-bqija tal-pajjiż u li, b'mod partikolari, ikunu rrispettati d-drittijiet tagħhom ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ikel, l-edukazzjoni u l-impjiegi;

14.  Jistieden lill-partijiet kollha jappoġġjaw il-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi effikaċi u soċjetà ċivili b'saħħitha, ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet bażiċi, u l-promozzjoni tal-governanza tajba, l-istat tad-dritt u ġudikatura indipendenza u imparzjali;

15.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex b'urġenza jadottaw sanzjonijiet punittivi mmirati kontra individwi fis-servizzi militari u tas-sigurtà responsabbli għall-kontinwazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mifruxa fil-Myanmar;

16.  Jiddeplora n-nuqqas tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jaqbel fuq miżuri deċiżivi u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-pressjoni fuq dawk li qed jostakolaw azzjoni sinifikanti, inklużi ċ-Ċina u r-Russja;

17.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jestendu l-ambitu tal-embargo eżistenti fuq l-armi kontra l-Myanmar; barra minn hekk jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jimponi embargo fuq l-armi globali u komprensiv fuq il-Myanmar, jissospendi l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment kollu, kemm jekk dirett kif ukoll jekk indirett, inkluż it-tranżitu u t-trasbord tal-armi, il-munizzjon u t-tagħmir militari u ta' sigurtà ieħor kollu, kif ukoll il-forniment ta' taħriġ jew assistenza militari jew ta' sigurtà oħra;

18.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar, inkluża l-Kunsilliera tal-Istat, Aung San Suu Kyi b'mod partikolari, jikkundanna b'mod ċar kull inċitament għall-mibegħda razzjali jew reliġjuża u jiġġieldu d-diskriminazzjoni soċjali u l-ostilità fil-konfront tal-minoranza Rohingya, u jirrispetta d-dritt universali għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin;

19.  Jistieden lill-ASEAN u lill-gvernijiet reġjonali biex ikomplu jieħdu azzjoni u biex iżidu l-pressjoni fuq il-Gvern tal-Myanmar u fuq il-militar tal-pajjiż sabiex iwaqqfu l-abbużi tad-drittijiet u jipproteġu liċ-ċivili kollha fl-Istat ta' Rakhine u fil-Myanmar;

20.  Ifakkar li l-Premju Sakharov jingħata lil dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, iħarsu d-drittijiet tal-minoranzi u jirrispettaw id-dritt internazzjonali, fost kriterji oħra; jiġbed l-attenzjoni għall-kunsiderazzjoni ta' jekk il-Premju Sakharov jistax jiġi revokat f'każijiet fejn ir-rebbieħa jiksru dawn il-kriterji wara li l-premju jkun ingħata;

21.  Iħeġġeġ lill-atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin, u b'mod partikolari liċ-Ċina, biex jużaw il-pjattaformi bilaterali, multilaterali u reġjonali kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jesiġu li jintemmu l-atroċitajiet u tinstab soluzzjoni paċifika;

22.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex b'mod sinifikanti jkomplu jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet tal-Myanmar u s-servizzi tas-sigurtà biex itemmu l-vjolenza u d-diskriminazzjoni mwettqa kontra r-Rohingya, u jinvolvu ruħhom man-NU, l-ASEAN u l-gvernijiet reġjonali biex iwaqqfu s-segregazzjoni fil-Myanmar;

23.  Jitlob li l-VP/RGħ tinforma lill-Parlament dwar l-azzjoni meħuda mid-delegazzjoni tal-UE fil-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-ASEM f'Nay Pyi Taw fil-21 ta' Novembru 2017; iħeġġeġ li d-Djalogu bejn il-Myanmar u l-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jingħata nifs ġdid sabiex jiġu indirizzati speċifikament il-kwistjonijiet li jirrigwardaw lill-komunità Rohingya;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-konsegwenzi fil-kuntest tal-preferenzi kummerċjali li jgawdi l-Myanmar, fosthom li tikkunsidra li tniedi investigazzjoni fl-ambitu tal-mekkaniżmi previsti fid-dispożizzjoni "Kollox Ħlief Armi";

25.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-Pjan ta' Azzjoni Globali biex Tintemm l-Apolidija 2014-2024, tal-UNHRC;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0351.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0316.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0506.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0247.

Avviż legali