Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 12 ta' Settembru 2017 - StrasburguVerżjoni finali
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marie-Christine Boutonnet
 Ħatra ta' Simon Busuttil bħala membru tal-kumitat skont l-Artikolu 255 tat-TFUE
 Ftehim bejn l-UE u l-Iżlanda dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel ***
 Ftehim bejn l-UE u l-Iżlanda li jikkonċerna preferenzi kummerċjali addizzjonali fi prodotti agrikoli ***
 L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni
 Il-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut
 Strateġija Spazjali għall-Ewropa
 Edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod bħala parti mill-istrateġija Ewropea għat-tagħlim tul il-ħajja
 Tħassir ta’ regolamenti obsoleti rigward is-setturi tal-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport tal-merkanzija bit-triq ***I
 Il-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali ***I
 Miżuri biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà tal-provvista tal-gass ***I
 Il-kaċċa għall-balieni fin-Norveġja
 L-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika
 L-impatt tal-kummerċ internazzjonali u tal-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-katini ta' valur mondjali

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marie-Christine Boutonnet
PDF 336kWORD 44k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marie-Christine Boutonnet (2017/2063(IMM))
P8_TA(2017)0317A8-0259/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Marie-Christine Boutonnet mibgħuta fl-14 ta' April 2017 mill-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika Franċiża, fuq il-bażi ta' talba mill-Prosekutur Ġenerali fil-Qorti tal-Appell ta' Pariġi, u mħabbra fis-seduta plenarja tas-26 ta' April 2017 b'rabta ma' każ pendenti quddiem il-Maġistrati Inkwirenti tal-Qorti Reġjonali ta' Pariġi (“pôle financier”) li jirrigwarda investigazzjoni ġudizzjarja fuq il-bażi ta', inter alia, ksur ta' fiduċja b'rabta ma' fondi mogħtija bis-saħħa ta' kuntratt ta' assistent parlamentari ta' individwu speċifiku,

–  wara li sema' lil Jean-François Jalkh, li ssostitwixxa lil Marie-Christine Boutonnet skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0259/2017),

Α.  billi l-Maġistrati Inkwirenti tal-Qorti Reġjonali ta' Pariġi talbu t-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Marie-Christine Boutonnet sabiex tinstema' b'rabta ma' reat kriminali suspettat;

Β.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lid-deputati tal-parlament nazzjonali tagħhom;

C.  billi l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża jgħid li fil-qasam kriminali jew penali, Membru tal-Parlament jista' jiġi arrestat jew suġġett għal kull miżura li ċċaħħad jew li tirrestrinġi l-libertà biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kumitat tal-Assemblea li jagħmel parti minnu. Din l-awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa fil-każ ta' flagranza tar-reat jew ta' kundanna definittiva;

D.  billi l-maġistrati inkwirenti jqisu li l-investigazzjonijiet imwettqa matul l-inkjesta preliminari u l-investigazzjoni ġudizzjarja jissuġġerixxu li s-suspetti inizjali mqajma mill-Parlament Ewropew fir-rigward ta' ċertu għadd ta' assistenti parlamentari tal-Membri tal-Parlament Ewropew affiljati mal-Front Nazzjonali jistgħu jiġu ġġustifikati;

E.  billi, b'mod partikolari, jidher li l-organigramma tal-Front Nazzjonali, ippubblikata fi Frar 2015, uriet li l-Front elenka 15-il Membru tal-Parlament Ewropew, 21 assistent parlamentari lokali u 5 assistenti parlamentari akkreditati; billi ċertu għadd ta' assistenti parlamentari ddikjaraw li l-post tal-impjieg tagħhom kien il-kwartieri ġenerali tal-Front Nazzjonali f'Nanterre, u f'xi każijiet indikaw li huma kienu impjegati hemm full-time; billi l-parti l-kbira tal-kuntratti ta' impjieg tal-assistenti parlamentari ddeskrivew kompiti identiċi u ġenerali mingħajr ma daħlu fl-ebda dettall;

F.  billi l-investigazzjonijiet żvelaw ukoll tliet sitwazzjonijiet li għamluha tidher improbabbli li l-assistenti kkonċernati kienu ġenwinament qed jaħdmu fuq dmirijiet marbuta mal-Parlament Ewropew:

   il-kuntratti ta' impjieg tal-assistenti parlamentari Ewropej kienu mqassma bejn żewġ kuntratti ta' impjieg għall-Front Nazzjonali;
   il-kuntratti ta' impjieg tal-assistenti parlamentari Ewropej għall-Parlament Ewropew u l-kuntratti ta' impjieg għall-Front Nazzjonali kienu fis-seħħ fl-istess ħin;
   il-kuntratti ta' impjieg għall-Front Nazzjonali kienu konklużi għal perjodi immedjatament wara perjodi koperti minn kuntratti ta' impjieg tal-assistenti parlamentari Ewropej;

G.  billi waqt perkwiżizzjoni mwettqa fil-kwartieri ġenerali tal-Front Nazzjonali fi Frar 2016, ġew issekwestrati għadd ta' dokumenti fl-uffiċċju tat-teżorier tal-Front Nazzjonali, li taw/ipprovdew prova tax-xewqa ta' dan il-partit li "inaqqas l-ispejjeż" bis-saħħa tal-ħlas mill-Parlament Ewropew tar-remunerazzjoni tal-impjegati tal-partit permezz tal-kariga tagħhom bħala assistenti parlamentari;

H.  billi l-maġistrati inkwirenti jikkunsidraw neċessarju li jisimgħu l-ispjegazzjonijiet ta' Marie-Christine Boutonnet b'rabta mal-fondi li rċeviet skont il-kuntratt ta' assistent parlamentari msemmi individwalment; billi fis-6 ta' Marzu 2017 tressaq att ta' akkuża kontra dak l-assistent għal ħabi ta' ksur ta' fiduċja bejn Settembru 2014 u Frar 2015; billi meta ġie interrogat miż-żewġ maġistrati inkwirenti, l-assistent invoka d-dritt tiegħu li jibqa' sieket;

I.  billi Marie-Christine Boutonnet rrifjutat li tissottometti ruħha li tidher skont it-taħrikiet mill-investigaturi u l-maġistrati inkwirenti maħruġa bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk jenħtieġx li hi tiġi akkużata bi ksur ta' fiduċja bejn Settembru 2014 u Frar 2015;

J.  billi jidher li Marie-Christine Boutonnet minn dakinhar ġiet mismugħa mill-maġistrati inkwirenti f'Pariġi;

K.  billi huwa madankollu xieraq li titneħħa l-immunità tal-Membru kkonċernat, peress li l-Parlament biss huwa intitolat ineħħi l-immunità ta' Membru;

L.  billi huwa ċar li hemm kawża sabiex tingħata risposta għat-talba għat-tneħħija tal-immunità u billi ma hemm l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, partikolarment minħabba l-fatt li hemm proċedimenti pendenti fuq il-bażi ta' akkużi simili kontra Membri li jappartjenu għal Gruppi Politiċi oħra u ta' ċittadinanzi oħra;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Marie-Christine Boutonnet;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Franċiża u lil Marie-Christine Boutonnet .

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


Ħatra ta' Simon Busuttil bħala membru tal-kumitat skont l-Artikolu 255 tat-TFUE
PDF 238kWORD 42k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-ħatra ta' Simon Busuttil fil-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2017/2132(INS))
P8_TA(2017)0318B8-0503/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 255 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 120 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tiegħu (B8-0503/2017),

A.  billi Simon Busuttil jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 255 tat-TFUE;

1.  Jipproponi li Simon Busuttil jinħatar fil-kumitat;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja.


Ftehim bejn l-UE u l-Iżlanda dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel ***
PDF 244kWORD 41k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (11782/2016 – C8-0123/2017– 2016/0252(NLE))
P8_TA(2017)0319A8-0254/2017

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11782/2016),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (12124/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0123/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0254/2017),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Iżlanda.


Ftehim bejn l-UE u l-Iżlanda li jikkonċerna preferenzi kummerċjali addizzjonali fi prodotti agrikoli ***
PDF 242kWORD 41k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda li jikkonċerna preferenzi kummerċjali addizzjonali fi prodotti agrikoli (12146/2016 – C8-0129/2017 – 2016/0293(NLE))
P8_TA(2017)0320A8-0256/2017

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12146/2016),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar preferenzi kummerċjali addizzjonali għal prodotti agrikoli (12147/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0129/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0256/2017),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Iżlanda.


L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni
PDF 343kWORD 48k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar ċerti aspetti tal-medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (id-"Direttiva dwar il-Medjazzjoni") (2016/2066(INI))
P8_TA(2017)0321A8-0238/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' Mejju 2008 dwar ċerti aspetti tal-medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (1)(id-"Direttiva dwar il-Medjazzjoni"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali (COM(2016)0542),

–  wara li kkunsidra l-kumpilazzjoni ta' analiżi fid-dettall mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni bit-titolu "L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni – 29 ta' Novembru 2016"(2),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni bit-titolu "Study for an evaluation and implementation of Directive 2008/52/EC – the 'Mediation Directive'" ("Studju għal evalwazzjoni u implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KE – id-"Direttiva dwar il-Medjazzjoni"") tal-2014(3),

–  wara li kkunsidra l-istudju mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni bl-isem "Rebooting the Mediation Directive: Assessing the limited impact of its implementation and proposing measures to increase the number of mediations in the EU" ("Il-varar mill-ġdid tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni: Valutazzjoni tal-impatt limitat tal-implimentazzjoni tagħha u proposti għal miżuri biex jiżdied l-għadd ta' medjazzjonijiet fl-UE")(4),

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea dwar id-Direttiva dwar il-Medjazzjoni permezz tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ex Post tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS)(5),

–  wara li kkunsidra l-istudju mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni bit-titolu "Quantifying the cost of not using mediation – a data analysis" ("Kwantifikazzjoni tal-ispejjeż f'kull każ meta ma tintużax il-medjazzjoni – analiżi tad-data")(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 67 u 81(2)(g) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0238/2017),

A.  billi d-Direttiva 2008/52/KE kienet pass importanti 'l quddiem fir-rigward tal-introduzzjoni u l-użu tal-proċeduri ta' medjazzjoni fl-Unjoni Ewropea; billi, madankollu, l-implimentazzjoni tagħha kienet tvarja ħafna fost l-Istati Membri, skont l-eżistenza preċedenti jew le ta' sistemi ta' medjazzjoni nazzjonali, b'uħud mill-Istati Membri jagħżlu li jmorru għal implimentazzjoni relattivament litterali tad-dispożizzjonijiet tagħha, oħrajn għal reviżjoni fil-fond ta' modi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim (bħal pereżempju l-Italja li tuża l-medjazzjoni sitt darbiet aktar mill-bqija tal-Ewropa), u oħrajn li qiesu l-liġijiet eżistenti tagħhom bħala diġà konformi mad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni;

B.  billi l-maġġoranza tal-Istati Membri estendew il-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali tagħhom għal każijiet nazzjonali wkoll – bi tliet Stati Membri biss jagħżlu li jittrasponu d-Direttiva fir-rigward ta' każijiet transfruntiera biss(7) – liema traspożizzjoni, b'mod deċiżiv, kellha impatt pożittiv fuq il-liġijiet tal-Istati Membri u l-kategoriji ta' tilwim ikkonċernat;

C.  billi d-diffikultajiet li ħarġu fl-istadju tat-traspożizzjoni tad-direttiva ġeneralment jirriflettu d-differenzi fil-kultura ġuridika fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali; billi jenħtieġ li, għalhekk, tingħata prijorità għal bidla fil-mentalità ġuridika permezz tal-iżvilupp ta' kultura ta' medjazzjoni bbażata fuq soluzzjoni amikevoli ta' tilwim – kwistjoni li tqajmet diversi drabi min-netwerks Ewropej tal-professjonisti legali mill-konċepiment tad-direttiva tal-Unjoni u sussegwentement waqt it-traspożizzjoni tagħha fl-Istati Membri;

D.  billi l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni pprovdiet valur miżjud tal-UE billi qajmet sensibilizzazzjoni fost il-leġiżlaturi nazzjonali dwar il-vantaġġi tal-medjazzjoni u ġabet magħha grad ta' allinjament fir-rigward tal-liġi proċedurali u l-prattiki diversi fl-Istati Membri;

E.  billi l-medjazzjoni, bħala proċedura barra l-qrati alternattiva, volontarja u kunfidenzjali, tista' tkun għodda utli sabiex jitnaqqas il-piż tax-xogħol fuq il-qrati f'ċerti każijiet u soġġett għas-salvagwardji meħtieġa, peress li tista' tippermetti lil persuni fiżiċi u ġuridiċi jsibu soluzzjoni barra l-qrati għat-tilwim b'mod rapidu u rħis – filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li proċedimenti tal-qorti twal wisq jiksru l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – filwaqt li jiġi żgurat aċċess aħjar għall-ġustizzja u kontribuzzjoni għat-tkabbir ekonomiku;

F.  billi l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni mmirati biex jinkoraġġixxu l-użu tal-medjazzjoni u b'mod partikolari biex jiksbu "relazzjoni bilanċjata bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti ġudizzjarji" ma ntlaħqux b'mod ċar, peress li l-medjazzjoni hija użata f'inqas minn 1 % tal-każijiet fil-qorti bħala medja fil-maġġoranza tal-Istati Membri(8);

G.  billi d-Direttiva dwar il-Medjazzjoni ma ħolqitx sistema tal-Unjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qrati fl-aktar sens strett, bl-eċċezzjoni tal-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-iskadenza tal-perjodi ta' limitazzjoni u ta' preskrizzjoni fi proċedimenti ġuridiċi meta jkun hemm tentattiv ta' medjazzjoni u fil-qasam tal-obbligi ta' kunfidenzjalità għall-medjaturi u l-persunal amministrattiv tagħhom;

Konklużjonijiet ewlenin

1.  Jilqa' l-fatt li f'ħafna Stati Membri, is-sistemi ta' medjazzjoni reċentament kienu soġġetti għal bidliet u reviżjonijiet, u f'oħrajn hemm previsti emendi għal-leġiżlazzjoni applikabbli(9);

2.  Jiddeplora l-fatt li tliet Stati Membri biss għażlu li jittrasponu d-direttiva fir-rigward ta' każijiet transfruntiera biss, u jinnota li jeżistu ċerti diffikultajiet fir-rigward tal-funzjonament tas-sistemi nazzjonali ta' medjazzjoni fil-prattika, fil-biċċa l-kbira relatati mat-tradizzjoni tal-kontradittorja u n-nuqqas ta' kultura ta' medjazzjoni fl-Istati Membri, il-livell baxx ta' sensibilizzazzjoni dwar il-medjazzjoni fil-maġġoranza tal-Istati Membri, in-nuqqas ta' għarfien dwar kif jiġu indirizzati każijiet transfruntiera, u l-funzjonament tal-mekkaniżmi ta' kontroll tal-kwalità għall-medjaturi(10);

3.  Jenfasizza li l-Istati Membri kollha jipprevedu l-possibbiltà li l-qrati jistiednu lill-partijiet biex jirrikorru għall-medjazzjoni jew, tal-inqas, biex jattendu sessjonijiet ta' informazzjoni dwar il-medjazzjoni; jinnota li f'ċerti Stati Membri l-parteċipazzjoni f'sessjonijiet ta' informazzjoni bħal dawn hija obbligatorja fuq l-inizjattiva tal-imħallef(11) jew f'ċerti tipi ta' tilwim previsti mill-liġi, b'mod partikolari fil-kawżi relatati ma' kwistjonijiet tal-familja(12); jindika, bl-istess mod, li ċerti Stati Membri jimponu fuq l-avukati d-dmir li jinformaw lill-klijenti tagħhom dwar il-possibbiltà tal-użu tal-medjazzjoni, jew jeħtieġu li r-rikorsi preżentati lill-qrati jikkonfermaw li kien hemm tentattiv għall-medjazzjoni jew li hemm motivi li jimpedixxu din il-medjazzjoni; jinnota, madankollu, li l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni jiżgura li l-partijiet li jkunu għażlu l-medjazzjoni sabiex jippruvaw isolvu tilwim ma jkunux sussegwentement imwaqqfa milli jitilgħu l-qorti minħabba ż-żmien li huma qattgħu fil-medjazzjoni; jenfasizza li l-ebda problema partikolari ma tqajmet mill-Istati Membri fir-rigward ta' dan il-punt;

4.  Jinnota wkoll li ħafna Stati Membri jipprovdu inċentivi finanzjarji lill-partijiet biex jużaw il-medjazzjoni, jew fil-forma ta' tnaqqis fl-ispejjeż, għajnuna legali, jew sanzjonijiet għal rifjut mhux ġustifikat għall-possibbiltà ta' medjazzjoni; josserva li r-riżultati miksuba f'dawn il-pajjiżi juru li l-medjazzjoni tista' tipprovdi soluzzjoni tat-tilwim extra ġudizzjarja rapida u kosteffikaċi permezz ta' proċessi mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-partijiet;

5.  Iqis li l-adozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta tikkostitwixxi għodda importanti biex tiġi żgurata l-kwalità tal-medjazzjoni; josserva f'dan ir-rigward li l-Kodiċi ta' Kondotta Europew għall-medjaturi huwa jew direttament użat mill-partijiet ikkonċernati jew jikkostitwixxi referenza għall-kodiċi nazzjonali jew settorjali; josserva wkoll li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom proċeduri ta' akkreditazzjoni vinkolanti għall-medjaturi u/jew għandhom reġistri ta' medjaturi;

6.  Jiddispjaċih li hemm diffikultà f'li tinkiseb data statistika komprensiva dwar il-medjazzjoni, inkluż in-numru ta' każijiet li saru bil-medjazzjoni, it-tul medju u r-rati ta' suċċess tal-proċessi ta' medjazzjoni; jinnota li fl-assenza ta' bażi ta' data affidabbli huwa diffiċli ħafna li wieħed ikompli jippromwovi l-medjazzjoni u tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini fl-effikaċja tagħha; jissottolinja, min-naħa l-oħra, ir-rwol dejjem jikber tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fit-titjib tal-ġbir tad-data nazzjonali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Medjazzjoni;

7.  Jilqa' l-importanza partikolari tal-medjazzjoni fil-qasam tal-liġi tal-familja (b'mod partikolari fi proċedimenti li jirrigwardaw il-kustodja tal-minuri, id-drittijiet ta' aċċess u l-każijiet ta' ħtif ta' minuri), fejn din tista' toħloq atmosfera kostruttiva għal diskussjonijiet u tiżgura t-trattament ekwu bejn il-ġenituri; jinnota, barra minn hekk, li soluzzjonijiet amikevoli jkunu x'aktarx aktar dejjiema u fl-aħjar interessi tal-minuri peress li jistgħu jindirizzaw ukoll, flimkien mar-residenza ewlenija tal-minuri, l-arranġamenti taż-żjajjar jew il-ftehimiet li jikkonċernaw il-manteniment tal-minuri; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol importanti li jaqdi n-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f'kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fl-abbozzar ta' rakkomandazzjonijiet immirati li jsaħħu l-użu tal-medjazzjoni tal-familja f'kuntest transfruntier, b'mod partikolari f'każijiet ta' ħtif ta' minuri;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp u l-manutenzjoni ta' taqsima separata fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika ddedikata għall-medjazzjoni transfruntiera fi kwistjonijiet tal-familja u li tipprovdi informazzjoni dwar is-sistemi nazzjonali ta' medjazzjoni;

9.  Jilqa' d-dedikazzjoni tal-Kummissjoni, għalhekk, li tikkofinanzja diversi proġetti mmirati lejn il-promozzjoni tal-medjazzjoni u t-taħriġ tal-imħallfin u l-prattikanti fl-Istati Membri;

10.  Jenfasizza li, minkejja n-natura volontarja tal-medjazzjoni, iridu jittieħdu aktar passi biex jassiguraw l-eżegwibbiltà ta' ftehimiet bil-medjazzjoni malajr u b'mod affordabbli, b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali, kif ukoll id-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-infurzar nazzjonali ta' ftehim milħuq mill-partijiet fi Stat Membru għandu, bħala regola ġenerali, ikun ikkonfermat minn awtorità pubblika, u dan jagħti lok għal spejjeż addizzjonali, jieħu ħafna żmien għall-partijiet fil-ftehim u jista' b'hekk jaffetwa b'mod avvers il-prattika ta' medjaturi esterni, b'mod partikolari fil-każ ta' tilwim b'talbiet żgħar;

Rakkomandazzjonijiet

11.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jinkoraġġixxu l-użu tal-medjazzjoni f'tilwim ċivili u kummerċjali, inkluż permezz ta' kampanji ta' informazzjoni xierqa li jipprovdu liċ-ċittadini u lill-persuni ġuridiċi b'informazzjoni xierqa u komprensiva rigward l-impatt tal-proċedura u l-vantaġġi tagħha f'termini ta' frankar ta' ħin u flus u jiżguraw kooperazzjoni mtejba bejn il-professjonisti ġuridiċi għal dak il-għan; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' skambju tal-aħjar prattiki fil-ġurisdizzjonijiet nazzjonali diversi, bl-appoġġ tal-miżuri xierqa fil-livell tal-Unjoni, b'tali mod li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar is-siwi tal-medjazzjoni;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' standards ta' kwalità mal-UE kollha għall-forniment ta' servizzi ta' medjazzjoni, speċjalment fil-forma ta' standards minimi biex tiġi żgurata l-konsistenza, filwaqt li jitqies id-dritt fundamentali ta' aċċess għall-ġustizzja kif ukoll id-differenzi lokali f'kulturi ta' medjazzjoni, bħala mezz biex tkompli tippromwovi l-użu tal-medjazzjoni;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, barra minn hekk, tivvaluta l-ħtieġa għall-Istati Membri biex joħolqu u jżommu reġistri nazzjonali ta' proċedimenti ta' medjazzjoni, li jistgħu jkunu sors ta' informazzjoni għall-Kummissjoni iżda jistgħu jintużaw ukoll mill-medjaturi nazzjonali b'tali mod li jibbenefikaw mill-aħjar prattiki fl-Ewropa; jenfasizza li kwalunkwe reġistru bħal dan irid jiġi stabbilit f'konformità sħiħa mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (ir-Regolament (UE) 2016/679)(13);

14.  Jitlob li l-Kummissjoni twettaq studju dettaljat dwar l-ostakli għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' ftehimiet ta' medjazzjoni barranin fl-Unjoni u dwar l-għażliet varji biex tippromwovi l-użu tal-medjazzjoni bħala mod sod, affordabbli u effikaċi biex jissolvew kunflitti f'tilwim intern u transfruntier fl-Unjoni, filwaqt li jitqies l-istat tad-dritt u l-iżviluppi internazzjonali għaddejja f'dan il-qasam;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-rieżami tagħha tal-leġiżlazzjoni, issib soluzzjonijiet biex testendi b'mod effikaċi l-kamp ta' applikazzjoni tal-medjazzjoni anke għal kwistjonijiet oħra ċivili jew amministrattivi, fejn possibbli; jenfasizza, madankollu, li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-implikazzjonijiet li l-medjazzjoni jista' jkollha fuq ċerti kwistjonijiet soċjali, bħal-liġi tal-familja; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri japplikaw u jimplimentaw salvagwardji xierqa fil-proċessi tal-medjazzjoni sabiex jillimitaw ir-riskji għall-partijiet aktar dgħajfa u tipproteġihom kontra kull abbuż ta' proċedura jew pożizzjoni abbużiva mwettqa mill-partijiet aktar b'saħħithom, u tipprovdi data rilevanti bi statistika komprensiva; jissottolinja wkoll l-importanza li jiġi żgurat ir-rispett ta' kriterji ta' ekwità f'termini ta' spejjeż, speċjalment biex tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tal-interessi ta' gruppi żvantaġġati; jinnota madankollu li l-medjazzjoni tista' titlef l-attraenza u l-valur miżjud tagħha jekk jiġu introdotti standards eċċessivament stretti għall-partijiet;

o
o   o

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 136, 24.5.2008, p. 3.
(2) PE 571.395.
(3) http://bookshop.europa.eu/mt/study-for-an-evaluation-and-implementation-of-directive-2008-52-ec-the-mediation-directive--pbDS0114825/
(4) PE 493.042.
(5) PE 593.789.
(6) PE 453.180.
(7) ‏Ara COM(2016)0542, p. 5.
(8) PE 571.395, p. 25.
(9) Il-Kroazja, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja.
(10) Ara COM(2016)0542, p. 4.
(11) Pereżempju fir-Repubblika Ċeka.
(12) Pereżempju fil-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ingilterra u Wales.
(13) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.


Il-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut
PDF 351kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut (2016/2244(INI))
P8_TA(2017)0322A8-0199/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi għall-benefiċċju tal-atturi kollha(1), u b'mod partikolari l-paragrafu 29 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel(2),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' April 2016 ikkummissjonat mill-Kumitat IMCO dwar il-franchising(3),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Settembru 2016 ikkummissjonat mill-Kumitat IMCO bit-titolu "Legal Perspective of the Regulatory Framework and Challenges for Franchising in the EU"(4),

–  wara li kkunsidra l-briefing bit-titolu "Future Policy Options in Franchising in the EU: Confronting Unfair Trading Practices"(5),

–  wara li kkunsidra l-workshop bit-titolu "Relations between franchisors and franchisees: regulatory framework and current challenges", organizzat għall-Kumitat IMCO fit-12 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0199/2017),

A.  billi m'hemm ebda definizzjoni Ewropea komuni ta' franchising u l-ftehimiet ta' franchising ivarjaw minn negozju għal ieħor, iżda karatteristika essenzjali ta' tali relazzjonijiet hija sħubija kuntrattwali konkluża fuq bażi volontarja bejn imprendituri jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu legalment u finanzjarjament indipendenti minn xulxin, fejn parti waħda (il-franchisor) tagħti lill-parti l-oħra (il-franchisee) id-dritt li topera l-formula tal-franchising, l-isem u t-trademarks tiegħu, u taqsam l-għarfien, abbażi tal-għarfien espert u l-assistenza tekniċi u organizzattivi tal-franchisor għal kemm idum fis-seħħ il-ftehim, fejn il-klijenti jiddependu fuq l-għaqda tas-sistema ta' franchising, fejn l-intenzjoni kemm tal-franchisor kif ukoll tal-franchisee tkun li jippermettu l-kisba rapida ta' swieq ġodda b'investiment limitat u bi probabbiltà akbar ta' suċċess;

B.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013, il-Parlament laqa' l-franchising bħala mudell kummerċjali li jappoġġja n-negozji ġodda u s-sjieda ta' negozji żgħar, iżda nnota l-eżistenza ta' termini kuntrattwali inġusti f'ċerti każijiet u appella għal termini kuntrattwali trasparenti u ġusti; barra minn hekk, ġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, b'mod partikolari, għall-problemi li jiffaċċjaw franchisees li jkunu jixtiequ jbigħu n-negozju tagħhom jew jibdlu l-formula kummerċjali tagħhom, filwaqt li jibqgħu attivi fl-istess settur u talab li l-Kummissjoni teżamina l-projbizzjoni ta' mekkaniżmi ta' ffissar tal-prezzijiet fis-sistemi tal-franchising u l-effetti tal-klawżoli tal-kompetizzjoni fit-tul, l-opzjonijiet ta' xiri u l-projbizzjoni tal-multi-franchising;

C.  billi l-franchising għandu l-potenzjal sħiħ li jkun mudell kummerċjali li jista' jgħin biex jiġi kkompletat is-suq uniku fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, peress li jista' jkun mezz konvenjenti biex jiġi stabbilit negozju permezz ta' investiment kondiviż mill-franchisor u l-franchisee; għalhekk huwa diżappuntat li bħalissa l-prestazzjoni tiegħu mhijiex daqshekk tajba fl-UE, u jirrappreżenta biss 1, 89 % tal-PDG, meta mqabbel ma' 5,95 % fl-Istati Uniti u 10,83 % fl-Awstralja, bi 83,5 % tal-fatturat tal-franchising ikun ikkonċentrat f'seba' Stati Membri biss(6), u għalhekk huwa importanti li jitħeġġeġ tixrid usa' ta' dan il-mudell kummerċjali fl-UE kollha;

D.  billi l-franchising għandu dimensjoni transfruntiera potenzjali sinifikanti, huwa importanti għall-funzjonament tas-suq intern u b'hekk jista' jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi, l-iżvilupp tal-SMEs u l-imprenditorija kif ukoll il-kisba ta' kapaċitajiet u ħiliet ġodda;

E.  billi l-leġiżlazzjoni eżistenti li tkopri l-franchising bħala mudell kummerċjali tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor, u dan joħloq ostakli tekniċi u jista' jiskoraġġixxi kemm lill-franchisors kif ukoll lill-franchisees milli jespandu l-attivitajiet tagħhom bejn il-fruntieri; billi dan, min-naħa tiegħu, jista' jkollu impatt fuq il-konsumaturi finali billi jillimita l-għażla tagħhom;

F.  billi hemm differenzi bejn franchising "hard" u "soft", skont il-kundizzjonijiet tal-ftehim ta' franchising; u, barra minn hekk, mudelli kummerċjali alternattivi bħal "gruppi ta' bejjiegħa bl-imnut indipendenti" għandhom karatteristiċi speċjali u għandhom jiġu affettwati biss mir-regoli li jirregolaw il-franchising, sakemm dawn jissodisfaw id-definizzjoni ta' franchising;

G.  billi hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar il-funzjonament tal-franchising fis-setturi varji, peress li l-informazzjoni rilevanti mhijiex miktuba jew sikwit tista' tinstab biss fl-ittri ta' akkumpanjament għal ftehim ta' franchising, li huma kunfidenzjali, għalhekk mhux pubbliċi, u fil-livell tal-UE m'hemm l-ebda mekkaniżmu għall-ġbir ta' informazzjoni dwar termini kuntrattwali potenzjalment inġusti jew l-implimentazzjoni inġusta ta' kuntratti, u għalhekk tinħtieġ pjattaforma li tinkludi din l-informazzjoni importanti sabiex tittejjeb is-sensibilizzazzjoni fost il-franchisors u l-franchisees dwar id-dmirijiet u d-drittijiet tagħhom;

H.  billi l-kummerċ elettroniku qed jespandi u qed jintuża aktar u aktar mill-konsumaturi u jenħtieġ għalhekk li jiġi rifless aħjar fil-ftehimiet ta' franchising; billi, fil-kuntest tat-twettiq tas-suq uniku diġitali jenħtieġ għalhekk li tingħata attenzjoni speċifika lil kwalunkwe tensjoni li tirriżulta bejn il-franchisors u l-franchisees fir-rigward tal-kummerċ elettroniku, pereżempju, b'rabta mad-dritt ta' esklużività tal-franchisee għal żona ġeografika speċifika, u r-rilevanza tiżdied ta' data tal-konsumatur għas-suċċess ta' mudelli kummerċjali tal-franchising, b'mod partikolari peress li l-ftehimiet ta' franchising attwalment ma jinkludux dispożizzjonijiet dwar dawn is-suġġetti, u jitħalla lok għal inċertezza u kunflitti mhux meħtieġa;

I.  billi l-Kummissjoni ddefiniet il-prattiki kummerċjali żleali bħala "prattiki li jitbiegħdu b'mod serju minn imġiba kummerċjali tajba, imorru kontra l-bona fide u n-negozjar ġust u huma imposti unilateralment minn sieħeb kummerċjali wieħed fuq l-ieħor"(7);

1.  Iqis li, meta jitqies li mhux qed jintuża daqshekk fl-UE meta mqabbel ma' ekonomiji żviluppati oħra, għat-tlestija tas-suq uniku fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, il-franchising jista' jiżvolġi rwol saħansitra aktar importanti;

2.  Iqis li huwa importanti li l-Istati Membri japplikaw miżuri effikaċi kontra kwalunkwe prattika kummerċjali żleali fil-qasam tal-franchising, iżda jinnota li għad hemm livell għoli ta' diverġenza u diversifikazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward; iqis li huwa importanti, għalhekk, li jiġu stabbiliti linji gwida omoġenji mhux leġiżlattivi, li jirriflettu l-aħjar prattiki, dwar il-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi linji gwida dwar il-kuntratti ta' franchising, sabiex tifforma aħjar l-ambjent normattiv tal-kuntratti ta' franchising billi tiżgura konformità mal-istandards tax-xogħol u servizz deċenti u ta' kwalità għolja;

4.  Huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-element transfruntier qawwi tal-franchising, huwa rakkomandat approċċ uniformi biex jiġu kkoreġuti prattiki kummerċjali żleali fil-livell tal-UE;

5.  Jirrikonoxxi li, fil-livell nazzjonali, ġiet adottata leġiżlazzjoni li tipproteġi l-franchisees, iżda l-enfasi kienet fuq l-istadju prekuntrattwali, biex jiġu imposti obbligi ta' divulgazzjoni fuq il-franchisor; jiddispjaċih li s-sistemi nazzjonali ma pprevedewx mekkaniżmi ta' infurzar li jkunu effiċjenti fl-iżgurar tal-kontinwazzjoni tar-relazzjoni ta' franchising;

6.  Jinnota li l-franchisees sikwit ikunu l-parti kontraenti l-iktar dgħajfa, speċjalment meta jkunu SMEs, peress li l-formula tal-franchising normalment tkun ġiet żviluppata mill-franchisor u l-franchisees għandhom it-tendenza li jkunu finanzjarjament aktar dgħajfa u konsegwentement jistgħu jkunu inqas infurmati tajjeb mill-franchisor u għalhekk ikunu dipendenti fuq l-għarfien espert tal-franchisor; jenfasizza l-fatt li sistemi ta' franchising huma dipendenti immens fuq il-funzjonament tal-kooperazzjoni bejn il-franchisor u l-franchisees, filwaqt li jitqies li sistema ta' franchising tiddependi fuq implimentazzjoni tajba mill-partijiet kollha;

7.  Ifakkar li l-franchising huwa relazzjoni kuntrattwali bejn żewġ negozji legalment indipendenti;

8.  Jenfasizza li r-regolamentazzjoni jenħtieġ li żżomm u żżid il-fiduċja tas-suq fil-franchising bħala mod li bih isir in-negozju, billi tinkoraġġixxi l-intraprenditorija mhux biss fil-mikrointrapriżi u fl-intrapriżi żgħar u medji li jsiru franchisors, iżda anke għal individwi li jsiru franchisees;

9.  Jiddikjara li l-franchisors organizzaw ruħhom kemm f'livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew għar-rappreżentanza tal-interessi tagħhom, filwaqt li l-franchisees sikwit ma jkollhomx tali organizzazzjonijiet rappreżentattivi li jiddefendu l-interessi kollettivi tagħhom, u jkomplu joperaw fil-parti l-kbira tagħhom fuq bażi individwali;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu d-djalogu bejn il-franchisors, il-franchisees u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-franchisees, u biex jiġi żgurat li l-vuċijiet tagħhom jinstemgħu, kull meta jitħejjew politiki jew leġiżlazzjoni li jistgħu jaffettwawhom, sabiex tiġi żgurata rappreżentanza iktar ugwali tal-partijiet, filwaqt li jiġi enfasizzat li s-sħubija f'dawn l-organizzazzjonijiet għandha tibqa' fakultattiva;

11.  Jenfasizza li hemm nuqqas persistenti ta' informazzjoni dwar il-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, punti ta' kuntatt għal informazzjoni dwar il-problemi li jiltaqgħu magħhom il-franchisors u l-franchisees, kull meta jkunu disponibbli, u jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-ġbir ta' informazzjoni fil-livell tal-UE, abbażi, inter alia, ta' informazzjoni minn dawn il-punti ta' kuntatt, filwaqt li tiggarantixxi l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni hekk miksuba;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, inkluża l-eżistenza ta' termini kuntrattwali inġusti jew prattiki kummerċjali żleali oħra, u titlob lill-Eurostat jagħti attenzjoni lil dan il-mudell meta jiġbor informazzjoni statistika dwar is-settur, mingħajr kwalunkwe piż amministrattiv addizzjonali jew piżijiet oħra għall-imprendituri;

13.  Jieħu nota tal-Kodiċi ta' Etika Ewropew għall-Franchising żviluppat mill-Federazzjoni Ewropea tal-Franchising (EFF), bħala għodda potenzjalment effiċjenti biex jiġu promossi l-aħjar prattiki fis-settur tal-franchising fuq bażi awtoregolatorja, iżda jinnota wkoll li l-Kodiċi kien soġġett għal kritika fundamentali minn franchisees li indikaw, inter alia, il-fatt li l-Kodiċi ġie redatt b'mod aktar b'saħħtu fir-rigward tal-impenji tal-franhcisor qabel ir-reviżjoni tiegħu fl-2016; iħeġġeġ lill-franchisors u lill-franchisees jiżguraw ir-rappreżentanza bilanċjata u ġusta taż-żewġ naħat sabiex tinstab soluzzjoni xierqa;

14.  Jiddispjaċih, madankollu, li l-Kodiċi jkopri biss minoranza żgħira ta' franchises li joperaw fl-UE, minħabba li l-maġġoranza tal-franchises la jappartjenu għall-EFF u lanqas għall-assoċjazzjonijiet nazzjonali li adottawh, u diversi Stati Membri m'għandhomx assoċjazzjonijiet nazzjonali ta' franchising;

15.  Jinnota li hemm tħassib dwar in-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' infurzar indipendenti li jakkumpanja l-Kodiċi ta' Etika Ewropew u jinnota li f'xi Stati Membri dan in-nuqqas ta' infurzar indipendenti wassal għall-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni li tipprevjeni u tindirizza l-prattiki kummerċjali żleali fil-franchising;

16.  Ifakkar li l-Kodiċi ta' Etika huwa ġabra ta' regoli aċċettati minn franchisors flimkien ma' regoli meħtieġa legalment; jemmnen li jenħtieġ li l-Kodiċi ta' Etika dejjem jibqa' bħala valur miżjud għal kull min ikun lest li jikkonforma ma' dawn ir-regoli;

17.  Iqis li hemm bżonn evalwazzjoni tal-effikaċja tal-qafas awtoregolatorju u tal-inizjattiva tal-katina ta' provvista tal-UE, peress li s-sħubija tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-franchising hija kundizzjoni essenzjali għall-parteċipazzjoni f'din l-inizjattiva;

18.  Jiddikjara li l-ftehimiet tal-franchising jenħtieġ li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji ta' sħubija bbilanċjata, skont liema il-franchisor u l-franchisee jridu jkunu raġonevoli u ġusti fil-konfront ta' xulxin u jirrisolvu l-ilmenti u t-tilwim permezz ta' komunikazzjoni sinċiera, trasparenti, raġonevoli u diretta;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jippreżentaw lill-Kummissjoni l-ilmenti u informazzjoni rilevanti oħra li jirċievu permezz ta' punt ta' kuntatt jew b'xi mod ieħor; jistieden lill-Kummissjoni tfassal, abbażi ta' dik l-informazzjoni, lista mhux eżawrjenti ta' prattiki kummerċjali żleali li jenħtieġ li jiġu ppubblikati u jkunu aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi, jekk ikun meħtieġ, pjattaforma ta' esperti sabiex tinkiseb aktar informazzjoni dwar il-prattika tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u, b'mod partikolari, dwar kull tip ta' prattika kummerċjali żleali;

20.  Jirrimarka, b'mod partikolari, dwar il-ħtieġa ta' prinċipji speċifiċi biex jiġu żgurati d-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali bilanċjati tal-partijiet, bħal li informazzjoni prekuntrattwali ċara, korretta u komprensiva, inkluża informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-formula tal-franchising, kemm ġenerali kif ukoll immirata lejn is-sit previst tal-franchisee, u limiti ċari li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, tkun disponibbli bil-miktub u b'avviż suffiċjenti qabel l-iffirmar tal-ftehim, u l-introduzzjoni ta' perjodu ta' riflessjoni wara l-iffirmar tal-ftehim, meta jkun xieraq; jirrimarka, ukoll, dwar il-ħtieġa ta' assistenza teknika u kummerċjali kontinwa mill-franchisor lill-franchisee għat-tul ta' żmien tal-ftehim, jekk ikun meħtieġ;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' taħriġ inizjali speċjalizzat, meta jkun meħtieġ, u gwida xierqa u informazzjoni mill-franchisor għall-franchisees matul it-terminu tal-ftehim;

22.  Ifakkar fl-obbligu tal-franchisees li jagħmlu ħilithom favur it-tkabbir tan-negozju tal-franchising u favur iż-żamma tal-identità u r-reputazzjoni komuni tan-netwerk tal-franchising, u għal dan l-għan, li jikkollaboraw lealment mas-sħab kollha fin-netwerk u li jirrispettaw id-drittijiet industrijali u tal-proprjetà intellettwali involuti fil-formula tal-franchising, kif ukoll ir-regoli tal-kompetizzjoni;

23.  Iżid, madankollu, li xi drabi l-franchisors jeżiġu li l-franchisees jixtru prodotti u servizzi li ma jkunux relatati mal-formula tal-franchising; tali rekwiżit m'għandux jitqies bħala parti mill-obbligu tal-franchisees relatat maż-żamma tal-identità u r-reputazzjoni komuni tan-netwerk tal-franchising, iżda jista' jikkostitwixxi faċilment prattika kummerċjali żleali;

24.  Jenfasizza li l-klawżoli ta' nonkompetizzjoni jenħtieġ li jkunu fformulati b'mod ċar, raġonevoli u proporzjonat u m'għandhomx japplikaw għal perjodu itwal minn dak strettament meħtieġ, meta titqies, b'mod partikolari, il-ħtieġa potenzjali li l-franchisees ibiddlu l-formula tal-franchising tagħhom, jekk il-viċinat tagħhom, u għalhekk id-domanda għall-prodotti jew is-servizzi, jinbidlu;

25.  Jinnota l-kwistjonijiet li qed jinħolqu dwar il-bejgħ online, peress li jikkostitwixxi parti dejjem aktar importanti tal-mudell kummerċjali tal-franchising, iżda mhuwiex kopert fi ftehimiet tradizzjonali tal-franchising, li ma jqisux l-effett li l-bejgħ fuq l-internet jista' jkollu fuq id-dispożizzjonijiet stabbiliti fihom; jissuġġerixxi, għalhekk, l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet relatati mal-bejgħ online fil-ftehimiet ta' franchising, meta jkun xieraq, b'mod partikolari f'dawk il-każijiet fejn is-setgħa tal-franchisor u l-franchisee tkun żbilanċjata, b'mod partikolari meta l-franchisee jkun SME;

26.  Jitlob lill-Kummissjoni tiftaħ konsultazzjoni pubblika sabiex tikseb informazzjoni imparzjali dwar is-sitwazzjoni reali fil-franchising u tabbozza linji gwida mhux leġiżlattivi, li jirriflettu l-aħjar prattiki, dwar il-funzjonament tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, b'mod partikolari b'rabta mal-aħħar żviluppi teknoloġiċi u tas-suq, bħall-bejgħ fuq l-internet, u li dawn jintbagħtu lill-Parlament sa mhux aktar tard minn Jannar 2018; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tagħmel analiżi tal-istrumenti awtoregolatorji eżistenti kif ukoll tal-prattiki leġiżlattivi tal-Istati Membri fil-qasam tal-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u biex tippreżenta s-sejbiet tagħha lill-Parlament, inklużi rakkomandazzjonijiet dwar kif is-settur tal-franchising jiġi żviluppat aktar fl-UE;

27.  Jenfasizza li l-Parlament jenħtieġ li jkun involut b'mod attiv fil-ħidma kollha dwar il-franchising fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, anke meta r-regolamenti u d-direttivi dwar il-franchising jiġu adattati sabiex ikun hemm qafas regolatorju aktar konsistenti u koerenti;

Liġi tal-kompetizzjoni

28.  Jenfasizza li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta' April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta' akkordji vertikali u prattiċi miftiehma(8) jrid jiġi applikat b'mod uniformi fl-Istati Membri u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni rigward l-applikazzjoni tiegħu;

29.  Iqis li jenħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika jekk l-effikaċja ta' dak ir-Regolament hux qed tiġi mminata b'riżultat ta' applikazzjoni mhux uniformi fl-Istati Membri u jekk hijiex konformi mal-iżviluppi reċenti tas-suq, b'mod partikolari l-klawżoli postkuntrattwali eżentati u l-kundizzjonijiet tax-xiri;

30.  Iqis li jenħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika sa liema punt l-applikazzjoni tar-Regolament tista' tittejjeb permezz ta' mekkaniżmu ta' valutazzjoni fi ħdan in-netwerk Ewropew tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni; jisħaq li l-azzjoni ta' segwitu inkonsistenti min-naħa tal-Kummissjoni timpedixxi l-attività transfruntiera tal-bejgħ bl-imnut u tonqos milli toħloq kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku;

31.  Jemmen li implimentazzjoni aħjar tar-Regolament fil-livell nazzjonali ttejjeb id-distribuzzjoni, iżżid l-aċċess għas-suq għan-negozji ta' Stati Membri oħra u eventwalment tipprovdi aktar vantaġġi għall-konsumatur aħħari;

32.  Jemmen li jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza wkoll l-impatt mhux intenzjonat tal-liġi tal-kompetizzjoni f'kull wieħed mill-Istati Membri;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda konsultazzjonijiet pubbliċi u tinforma lill-Parlament dwar l-adegwatezza tal-mudell li fuqu r-regolament futur ta' eżenzjoni ta' kategorija se jkun ibbażat;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura wkoll l-irkupru ta' kwalunkwe għajnuna illegali mill-istat permezz ta' benefiċċji fuq it-taxxa fil-qasam tal-franchising u turi fermezza fit-twettiq tal-inkjesti li jkunu għaddejjin; jenfasizza, barra minn hekk, li l-UE jeħtieġ ikollha leġiżlazzjoni aktar ċara dwar deċiżjonijiet tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni tirrettifika kwalunkwe ksur fil-qasam tal-franchising, bil-ħsieb li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku kollu;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoreġi l-fallimenti tas-suq u tiżgura ġlieda effikaċi kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fil-qasam tal-franchising;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk hijiex meħtieġa reviżjoni tar-Regolament u, b'rabta ma' dan, tivverifika u tinforma lill-Parlament dwar (1) l-impatt tal-approċċ orizzontali fuq il-funzjonament tal-franchising; (2) jekk il-mudell ta' franchising adottat fir-Regolament jirriflettix ir-realtà tas-suq; (3) kemm l-hekk imsejħa "restrizzjonijiet vertikali permessi", jiġifieri l-kundizzjonijiet li fihom il-franchisees jistgħu jixtru, ibigħu jew jerġgħu jbigħu ċerti prodotti u servizzi, huma proporzjonati u jħallu effett negattiv fuq is-suq u l-konsumaturi; (4) liema sfidi ġodda l-franchisors u l-franchisees iridu jiffaċċjaw fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku u d-diġitalizzazzjoni b'mod ġenerali; u (5) tiġbor informazzjoni dwar is-suq f'termini ta' tendenzi ġodda, żviluppi tas-suq fir-rigward tal-organizzazzjoni tan-netwerk u avvanzi teknoloġiċi;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tirrevedi r-regoli dwar l-infurzar tar-Regolament min-naħa tal-Istati Membri, filwaqt li l-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li tiġi aġġustata b'mod proporzjonali biex jintlaħaq l-għan previst;

o
o   o

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 140.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0250.
(3) IP/A/IMCO/2015-05, PE 578.978.
(4) IP/A/IMCO/2016-08, PE 587.317.
(5) PE 587.325.
(6) "Legal perspective of the regulatory framework and challenges for franchising in the EU", studju għall-Kumitat IMCO, Settembru 2016, p. 12.
(7) "L-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji", COM(2014)0472.
(8) ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1.


Strateġija Spazjali għall-Ewropa
PDF 405kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar Strateġija Spazjali għall-Ewropa (2016/2325(INI))
P8_TA(2017)0323A8-0250/2017

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 4 u l-Artikolu 189 tat-Titolu XIX tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-26 ta' Ottubru 2016 intitolata "Strateġija Spazjali għall-Ewropa" (COM(2016)0705),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Frar 2013 intitolata "Il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE" (COM(2013)0108),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' April 2011 intitolata "Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini" (COM(2011)0152),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 intitolata "Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv – Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits" (COM(2016)0587) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0300),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 intitolata "5G għall-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni" (COM(2016)0588) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0306),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (COM(2016)0590),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta' Ġunju 2010 intitolata "Pjan ta' Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)" (COM(2010)0308),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21 u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saret f'Pariġi, Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 911/2010(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2),

—  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tistabbilixxi Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 512/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 912/2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u d-Dikjarazzjoni ministerjali ta' Amsterdam tal-14 ta' April 2016 dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sewqan konness u awtomatizzat,

–  wara li kkunsidra l-l-Manifest tal-Aja dwar il-Politika Spazjali ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Unjoni Ewropea u mill-Aġenzija Spazjali Ewropea dwar il-viżjoni u l-għanijiet kondiviżi għall-futur tal-Ewropa fl-ispazju, iffirmata mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija fis-26 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar kapaċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża Ewropea(5),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-iżvilupp tas-suq spazjali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE, ir-rilaxx tal-Potenzjal għat-Tkabbir fis-Settur Spazjali(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012 dwar strateġija tal-Ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar applikazzjonijiet għat-trasport tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita – il-politika tal-UE għal perjodu qasir u medju ta' żmien(9),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Jannar 2016 dwar l-Iżvilupp tas-Suq Spazjali fl-Ewropa(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0250/2017),

A.  billi l-benefiċċji tal-ispazju għas-soċjetà huma ħafna u jistgħu jwasslu għal ekonomija aktar kompetittiva għall-Ewropa, billi jiġi stimulat l-iżvilupp ta' ħafna prodotti u servizzi ġodda u jiġu appoġġjati l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd u t-trasport marittimu; billi t-teknoloġija satellitari tista' twassal għal aċċess aħjar għat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, għal sistemi ta' osservazzjoni tad-Dinja b'riżoluzzjoni għolja li jippermettu l-iskambju tal-informazzjoni f'ħin reali, rispons rapidu għal diżastri naturali u kontrolli fil-fruntieri u tas-sigurtà aktar effettivi;

B.  billi t-teknoloġiji, id-data u s-servizzi spazjali jistgħu jappoġġjaw varjetà ta' politiki pubbliċi u prijoritajiet politiċi ewlenin tal-UE, bħat-titjib tas-Suq Uniku Diġitali, l-istimular tal-ekonomija Ewropea u l-indirizzar tat-tibdil fil-klima;

C.  billi l-ispazju mhuwiex spiża għaċ-ċittadini Ewropej iżda huwa investiment, u billi strateġija spazjali ambizzjuża tista' tiżgura l-awtonomija u l-pożizzjonament tal-UE fil-qasam strateġiku tal-ispazju, filwaqt li tagħti wkoll spinta lit-tkabbir, lill-kompetittività u lill-ħolqien tal-impjiegi fl-industrija tal-manifattura u fl-operazzjonijiet u fis-servizzi downstream relatati mal-ispazju;

D.  billi d-deċiżjonijiet politiċi meħuda mill-Parlament u mill-Kunsill fl-2007 rriżultaw fl-allokazzjoni ta' baġit għall-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita – is-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) u Galileo – u pprevedew ftehim dwar l-istruttura ta' governanza tal-programmi;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "Strateġija Spazjali għall-Ewropa" u jappoġġja l-impenn sħiħ tal-Kummissjoni biex timmassimizza l-benefiċċji ekonomiċi u soċjetali tal-ispazju, iżżid l-użu tat-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet spazjali biex jiġu appoġġjati l-politiki pubbliċi, filwaqt li trawwem settur spazjali Ewropew globalment kompetittiv u innovattiv, issaħħaħ l-awtonomija tal-Ewropa fl-ispazju kif ukoll ir-rwol tal-Ewropa bħala attur globali u l-kooperazzjoni internazzjonali fl-ispazju;

2.  Ifakkar lill-Kummissjoni li huwa ferm importanti li tiżgura l-kontinwità tal-programmi spazjali tal-UE u li tirrifletti fuq l-evoluzzjoni futura ta' Galileo u Copernicus, partikolarment sabiex jinħoloq ambjent ta' investiment pożittiv u prevedibbli fis-settur downstream; iqis li dan jista' jintlaħaq biss jekk ikunu garantiti fondi pubbliċi għall-programmi emblematiċi spazjali u tkun garantita infrastruttura ta' data downstream fuq terminu twil filwaqt li tkun rikonoxxuta l-ħtieġa ta' involviment sinifikanti tas-settur privat;

3.  Jenfasizza l-kisbiet fl-ispazju tal-Istati Membri, tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u tal-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni ta' Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT) bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, missjonijiet ta' esplorazzjoni, u l-kapaċitajiet ta' meteoroloġija u osservazzjoni tad-Dinja;

4.  Jemmen li huwa meħtieġ li jiġu evalwati l-programmi Galileo u Copernicus qabel ma l-Kummissjoni tippreżenta l-proposti leġiżlattivi ġodda tagħha bħala parti mill-QFP li jmiss; iqis li din l-evalwazzjoni għandha tindirizza, fost affarijiet oħra: ir-rwol futur tal-Aġenzija Ewropea GNSS (GSA) f'Galileo u l-irwol potenzjali tagħha f'Copernicus; il-mod li bih tiġi ssimplifikata r-relazzjoni tal-GSA mal-ESA; kif ukoll il-qasma preżenti bejn il-kompiti ċentrali u dawk iddelegati tal-aġenzija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiżgura li l-GSA jkollha l-kapaċità li twettaq kompiti ġodda qabel ma dawn ikunu kkonferiti lilha;

5.  Jenfasizza li r-riżultat tal-evalwazzjoni għandu wkoll jiddaħħal f'diskussjonijiet futuri dwar ir-relazzjoni bejn l-UE u l-ESA, filwaqt li titqies id-dikjarazzjoni konġunta bejn l-UE u l-ESA ffirmata fis-26 ta' Ottubru 2016; jitlob lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-ESA, tistudja l-possibilitajiet differenti li jistgħu jwasslu biex ix-xenarju istituzzjonali kkumplikat fil-governanza tal-ispazju Ewropew jista' jiġi ssimplifikat, sabiex b'hekk tittejjeb l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet fl-interess ta' effettività u kosteffiċjenza akbar;

6.  Jenfasizza li l-GSA jenħtieġ li jkollha persunal adegwat sabiex tissalvagwardja l-funzjonament bla xkiel u l-isfruttar tal-programmi Ewropej tal-GNSS; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi l-adegwatezza tar-riżorsi allokati lill-GSA, filwaqt li tqis il-kompiti attwali u futuri tagħha; iqis li l-politika u l-proċedura b'rabta mar-reklutaġġ tal-persunal jenħtieġ li jiġu adattati fid-dawl tal-kompiti l-ġodda li ġew ikkonferiti lill-GSA, f'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013;

7.  Jenfasizza li sabiex jiffaċċja l-isfidi attwali u futuri, il-baġit li jmiss tal-UE jenħtieġ li jinkludi baġit spazjali akbar minn dak attwali biex tiġi appoġġjata l-katina tal-valur sħiħa (segment spazjali u terrestri, osservazzjoni tad-Dinja, navigazzjoni u komunikazzjonijiet) u li jeħtieġ ikun żgurat matul ir-rieżami tal-QFP li jmiss; itenni li l-iżvilupp ta' swieq downstream b'suċċess jiddependi b'mod partikolari fuq l-implimentazzjoni f'waqtha u l-iżvilupp kontinwu tal-programmi Galileo u Copernicus, u li l-finanzjament adegwat tagħhom jingħata prijorità; jenfasiżża l-bżonn li jiġu ppreservati u żviluppati l-valur miżjud Ewropew u l-kontribuzzjoni unika tal-programmi spazjali tal-UE meta jittieħdu deċiżjonijiet baġitarji fil-QFP li jmiss;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltà li tieħu vantaġġ mis-sinerġiji bejn il-programmi spazjali tal-UE, sabiex jiżdiedu l-effikaċja u l-kosteffiċjenza; jemmen ukoll li l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-aġenziji tal-UE involuti fil-politika spazjali tal-UE jenħtieġ li jiġi intensifikat sabiex jintlaħqu aktar l-effetti ta' sinerġija; jindika l-konverġenza dejjem akbar tal-oqsma ta' attività differenti; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport annwali dwar in-natura u l-estent tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-UE;

9.  Jenfasizza l-importanza li jiġi identifikat u indirizzat kwalunkwe ostakolu eżistenti għall-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tal-prodotti u s-servizzi bbażati fuq l-ispazju;

L-isfruttament totali tal-benefiċċji tal-ispazju għas-soċjetà u għall-ekonomija tal-UE

10.  Jenfasizza li l-programmi spazjali u s-servizzi tagħhom huma assi ewlenin f'oqsma politiċi u f'setturi tal-ekonomija bħall-enerġija, il-klima, l-ambjent, is-sigurtà u d-difiżà, is-saħħa, l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, it-trasport, it-turiżmu, is-suq diġitali u l-komunikazzjoni mobbli, il-politika reġjonali u l-ippjanar lokali; jemmen li hemm potenzjal enormi biex jiġu indirizzati sfidi bħalma huma l-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntiera u l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza wkoll l-importanza ta' strateġija spazjali Ewropea għal politika marittima komprensiva tal-UE; jinnota wkoll il-benefiċċji sinifikanti għas-soċjetà li jġib miegħu l-użu ekonomiku tas-satelliti u tas-sistemi ta' telerilevament;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni taċċellera l-isfruttament ekonomiku sħiħ tal-programmi Galileo, EGNOS u Copernicus permezz ta': l-istabbiliment ta' miri adegwati għall-kummerċjalizzazzjoni; it-titjib tal-aċċess għal, u l-ipproċessar ta', data ta' Copernicus sabiex l-intrapriżi, partikolarment l-SMEs u n-negozji ġodda, ikunu jistgħu jiżviluppaw applikazzjonijiet abbażi tad-data spazjali; l-iżgurar ta' integrazzjoni aħjar ma' servizzi diġitali oħra – bħal sistemi ta' trasport intelliġenti, is-sistema Ewropea tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju, is-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar, SafeSeaNet, kif ukoll sistemi ta' navigazzjoni konvenzjonali – u t-twessieh tal-potenzjal tas-soluzzjonijiet spazjali; jenfasizza l-benefiċċji għaċ-ċittadini u n-negozji tan-navigazzjoni bis-satellita u ta' data u ta' servizzi ta' osservazzjoni tad-Dinja;

12.  Jilqa' l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fl-akkwist ta' pjattaformi cloud għad-data dwar l-osservazzjoni tad-Dinja, biex jiġi żgurat li l-Ewropa tgawdi l-benefiċċju ekonomiku sħiħ tal-programmi emblematiċi tagħha tal-ispazju u biex jiġu stabbiliti aċċess tal-utent u bini ta' kompetenza sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħaffef il-ħidma tagħha f'dan il-qasam sabiex l-ewwel pjattaformi tad-data jistgħu jsiru operattivi fl-2018; jemmen li s-sejħiet għal offerti kollha għal dawn il-pjattaformi jenħtieġ li jkunu miftuħin għall-atturi privati;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-funzjonament tal-Entitajiet Fdati ta' Copernicus, b'mod partikolari bil-għan li jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta' offerti tagħhom, sabiex ikun eħfef għall-SMEs biex japplikaw;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-leġiżlazzjoni tkun "reżistenti għall-ispazju", u jtenni t-talba tiegħu, magħmula fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq dwar il-kummerċjalizzazzjoni tas-suq spazjali, lill-Kummissjoni biex twettaq "verifika spazjali" b'mod sistematiku qabel ma tressaq kwalunkwe proposta leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva ġdida; jistieden lill-Kummissjoni biex tneħħi l-ostakoli għall-użu ta' teknoloġiji spazjali mis-settur pubbliku, eż. għall-monitoraġġ tal-konformità ma' leġiżlazzjoni Ewropea ġdida u eżistenti; jemmen li l-politika pubblika tista' titjieb b'mod konsiderevoli bl-użu ta' teknoloġija spazjali, filwaqt li tibni fuq eżempji bħal l-eCall u t-takografu diġitali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistimulaw il-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġija spazjali mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali Ewropej, pereżempju permezz ta' xiri ta' data jew servizzi Ewropej ta' osservazzjoni tad-Dinja biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika;

15.  Jiġbed l-attenzjoni għall-proġett pilota dwar spazju aktar nadif bl-irtirar mill-orbita ta' apparat spazjali jew bl-introduzzjoni ta' apparat innovattiv, li jkun imfassal biex jittestja l-fattibbiltà u l-effettività ta' Inizjattiva Teknoloġika Konġunta (JTI) futura applikata għas-settur spazjali; jirrikonoxxi li riżorsi adegwati, kemm pubbliċi kif ukoll privati, huma essenzjali sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-settur spazjali Ewropew, u biex jiġi żviluppat ir-rwol tal-UE bħala attur globali fl-ispazju;

16.  Jemmen li l-kontribut ta' Copernicus fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jenħtieġ li jkompli jiġi żviluppat; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mill-aktar fis possibbli l-kapaċitajiet ibbażati fuq Copernicus biex tissorvelja l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, inklużi l-emissjonijiet ta' CO2, li attwalment qed jiġu żviluppati taħt Orizzont 2020(11), bil-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet minquxa fil-ftehim tal-COP 21 u biex tkun possibbli l-implimentazzjoni effiċjenti tiegħu; jappoġġja l-iżvilupp ta' satelliti futuri ddedikati għall-monitoraġġ tas-CO2 u tal-metan;

17.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tas-servizzi inizjali ta' Galileo tal-15 ta' Diċembru 2016; jenfasizza li l-użu mifrux tas-sinjal Galileo huwa prekundizzjoni għall-iżvilupp ta' suq downstream b'saħħtu għal applikazzjonijiet u servizzi b'bażi spazjali u li jenħtieġ li jittieħdu miżuri adegwati – inkluż, fejn xieraq, miżuri regolatorji – sabiex il-kumpatibbiltà sħiħa ma' Galileo u EGNOS issir l-istandard għal apparati mibjugħa fl-UE u biex jiġi nkoraġġit l-użu ta' apparat predispost għal Galileo u Egnos fis-suq globali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri biex issaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea downstream tal-GNSS;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-arloġġi bbażati fuq il-GNSS fi strutturi kritiċi jkunu predispost għas-sistemi Galileo u EGNOS, peress li dan hu ferm rilevanti minn perspettiva ta' sigurtà;

19.  Jenfasizza l-abilità tas-satelliti li jipprovdu kapaċità kbira ħafna ta' konnettività bla interruzzjoni, partikolarment f'żoni remoti u fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, u dan hu essenzjali biex jingħeleb id-distakk diġitali, għall-iżvilupp ta' netwerks ta' veloċitajiet għolja u għall-espansjoni tan-netwerks tal-Internet tal-Oġġetti, li jagħtu lok għal servizzi bħal dawk ta' sewqan awtonomu, flotta intelliġenti u ġestjoni tal-merkanzija, applikazzjonijiet ta' governanza elettronika, ta' tagħlim elettroniku u ta' saħħa elettronika; jenfasizza l-komplementarjetà tat-teknoloġiji terrestri u bbażati fuq l-ispazju għat-twassil ta' netwerks ta' kapaċità għolja ħafna; jinsisti li l-Kummissjoni tirrikonoxxi dan u tqis kif xieraq il-kontribut tas-satelliti f'dan il-qasam; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jkunu riservati meded ta' frekwenza adegwati għall-operat ta' dawn is-servizzi satellitari; jitlob li dan jiġi indirizzat fil-ħidma leġislattiva attwali dwar in-netwerks tat-telekomunikazzjoni u b'investimenti xierqa fl-R&Ż; huwa tal-fehma wkoll li l-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa jenħtieġ li tiġi implimentata f'koordinazzjoni mal-istrateġiji diġitali tal-Kummissjoni, u bl-appoġġ tal-Istati Membri u tal-industrija, sabiex jiġi promoss użu effettiv u mmexxi mid-domanda tal-komunikazzjonijiet bis-satellita u tiġi nkoraġġita konnettività minn kullimkien fl-UE kollha;

20.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-Fond Strutturali u ta' Investiment Ewropew (FSIE) biex jistimula swieq spazjali downstream, l-aktar importanti permezz tal-akkwist pubbliku, inkluż f'pajjiżi li għad ma għandhomx settur spazjali kbir, filwaqt li jinnota li dan jenħtieġ li jkun indirizzat fid-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni; jappoġġja l-introduzzjoni ta' miżuri tal-bini ta' kapaċità mmirati biex jassistu lill-Istati Membri u lir-reġjuni b'kapaċitajiet spazjali emerġenti; jenfasizza l-fatt li d-dimensjoni reġjonali hija essenzjali biex il-benefiċċji tal-ispazju jaslu għand iċ-ċittadini u li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jista' joħloq sinerġiji ma' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti u mal-Aġenda Urbana tal-UE; jappoġġja, għalhekk, involviment akbar tal-awtoritajiet reġjonali u lokali f'politika spazjali tal-UE ta' suċċess, li tinkludi r-Reġjuni l-Iktar Imbiegħda u l-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej; jenfasizza l-fatt li l-Kumitat tar-Reġjuni jenħtieġ li jkun membru sħiħ tal-forum tal-utenti ta' Copernicus sabiex tiġi enfasizzata l-importanza tal-atturi reġjonali u lokali bħala utenti tad-data ta' Copernicus;

21.  Jenfasizza li utenti bħall-SMEs u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għad mhumiex konxji biżżejjed tal-opportunitajiet inklużi dawk offruti mill-Bank Ewropew tal-Investiment, għal proġetti b'rabtiet ma' Galileo jew Copernicus, u li d-disseminazzjoni mmirata ta' informazzjoni dwar dawn l-opportunitajiet jeħtieġ li tkun imtjeba mingħajr dewmien;

22.  Jirrikonoxxi r-rwol ta' teknoloġiji spazjali, u taż-żewġ programmi spazjali emblematiċi tal-UE, sabiex it-trasport fuq l-art, dak marittimu, bl-ajru u fl-ispazju jkunu aktar intelliġenti, aktar sikuri u aktar siguri u sostenibbli, u integrati f'setturi strateġiċi futuri bħalma huma l-karozzi konnessi u misjuqa awtomatikament, u l-vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ; jemmen li l-Istrateġija Spazjali tista' tikkontribwixxi għall-ħtiġijiet ġodda tat-trasport ta' konnettività sigura u bla xkiel, u pożizzjonament, intermodalità u interoperabilità aktar sodi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinkludi lill-partijiet interessati tat-trasport fid-djalogu mas-settur spazjali sabiex tiżgura t-trasparenza, u tiffaċilita l-introduzzjoni tat-teknoloġija spazjali fis-suq tat-trasport bil-għan li ssaħħaħ il-kompetittività tas-servizzi tat-trasport tal-UE fis-suq Ewropew u f'dak globali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni lill-iżvilupp tat-turiżmu spazjali:

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-inżul bi proċedura EGNOS kemm għal ajruporti iżgħar, kif wkoll għal ajruporti akbar; itenni l-vantaġġi finanzjarji u l-preċiżjoni, ir-reżiljenza u s-sikurezza miżjuda li EGNOS tista' tipprovdi għall-użu ta' applikazzjonijiet kritiċi għas-sikurezza bħall-inżul tal-inġenji tal-ajru, u jtenni l-importanza li tiżdied il-kopertura ta' EGNOS għax-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa, bħala prijorità kif ukoll ulterjorment lejn l-Afrika u l-Lvant Nofsani; iqis ukoll li Galileo jista' jkollu rwol ewlieni fil-kontroll tat-traffiku tal-ajru bħala l-bażi għat-tranżizzjoni minn sorveljanza bbażata fuq ir-radar għal waħda bbażata fuq is-satellita;

24.  Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' inġenji tal-ajru attrezzati b'teknoloġija tax-Xandir ta' Sorveljanza Awtomatika Dipendenti (ADS-B) bbażati fl-ispazju u ta' operaturi li jiġu obbligati jgħammru l-inġenji tal-ajru bl-ADS-B sabiex jiżguraw il-preċiżjoni u l-affidabilità ta' insegwiment f'ħin reali tal-inġenju tal-ajru, u biex jiffrankaw il-fjuwil;

25.  Jenfasizza l-importanza tal-programmi spazjali tal-UE għall-kwistjonijiet relatati mal-baħar u dawk marittimi, għall-attivitajiet tas-sajd u għall-ekonomija blu b'mod ġenerali, pereżempju: fl-indirizzar tas-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux regolat; fis-sorveljanza u l-valutazzjoni tal-istat u tas-saħħa tal-oċeani u tal-istokkijiet tal-ħut; fl-appoġġ tal-produttività tal-farms tal-ħut; fl-iffaċilitar tar-riċerka marittima; u fl-għoti ta' servizzi ta' tiftix u salvataġġ kif ukoll tal-konnessjonijiet satellitari għal tagħmir mediku abbord; jinnota, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' kapaċitajiet ta' sorveljanza oċejanika u ta' koordinazzjoni tajba bbażati fl-ispazju bejn is-servizzi ta' Galileo, EGNOS u Copernicus;

It-trawwim ta' settur tal-ispazju Ewropew globalment kompetittiv u innovattiv

26.  Jenfasizza li s-suċċess u l-kompetittività tas-settur spazjali, u tal-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi huwa dipendenti ħafna fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni; jitlob it-tisħiħ u l-estensjoni tal-linja baġitarja ddedikata għall-ispazju taħt il-Programm Qafas 9; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni sħiħa bejn l-UE, l-ESA u l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza u jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, b'mod partikolari f'oqsma fejn diversi atturi jipprovdu finanzjament għar-riċerka; jemmen li r-riċerka u l-innovazzjoni jenħtieħ li jkunu mħeġġa u ffinanzjati biex jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta' teknoloġiji spazjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex testendi l-użu tal-istrument għall-SMEs għaż-żieda ta' opportunitajiet ta' negozju fi prodotti u servizzi bbażati fuq l-ispazju kemm fi ħdan Orizzont 2020 kif ukoll fi Programmi Qafas futuri;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-akkwist pubbliku, rtiżgura trattament ġust tal-intrapriżi tal-UE fil-konfront ta' intrapriżi minn pajjiżi terzi, speċjalment billi tqis il-prezzijiet li l-kumpanijiet jitolbu lil klijenti oħra fid-dinja kollha fi sforz biex tiżgura li jiġu rrispettati r-regoli u li l-parteċipanti ewlenin tas-suq jimxu ma' prattiki ġusti, bil-għan li jkunu żgurati kundizzjonijiet ugwali; jinnota li l-industrija spazjali Ewropea qiegħda tħabbat wiċċha ma' kompetizzjoni internazzjonali dejjem aktar ħarxa; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-użu ta' skemi innovattivi tal-akkwist;

28.  Jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-bażi industrijali Ewropea u tiġi ggarantita l-awtonomija strateġika tal-UE billi jiġu ddiversifikati s-sorsi tal-provvista u jsir l-aħjar użu tal-fornituri multipli tal-UE; iqis, għalhekk, li jeħtieġ li jiġi promoss b'mod bilanċjat l-involviment tal-industrija fil-livelli kollha, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja s-settur spazjali Ewropew tul il-katina kollha tal-valur; jemmen li r-raggruppamenti spazjali jista' jkollhom rwol utli fi strateġija industrijali spazjali;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp fl-Ewropa kollha ta' mudelli u teknoloġiji kummerċjali spazjali ġodda li kapaċi jirrevoluzzjonaw is-settur u jnaqqsu l-ispejjeż (pereżempju, teknoloġiji Ewropej li permezz tagħhom isir possibbli li jintbagħtu satelliti żgħar fl-ispazju, bħal bżieżaq jew lanċjaturi riutilizzabbli);

30.  Jitlob lill-Kummissjoni, bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji, biex tikkunsidra s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-SMEs meta tiddetermina t-tul ta' kuntratti pubbliċi fil-qasam tal-infrastruttura u s-servizzi spazjali;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment b'mod aktar deċiżiv fl-edukazzjoni u t-taħriġ taċ-ċittadini Ewropej fil-qasam tal-ispazju anke sabiex ikunu jistgħu jiġu sfruttati b'mod sħiħ l-opportunitajiet maħluqa matul il-bidla lejn soċjetà diġitali; jenfasizza l-importanza tal-kisbiet tal-politika spazjali fl-ispirazzjoni ta' ġenerazzjonijiet futuri u fit-trawwim ta' sens ta' identità Ewropea; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jitkompla u jkompli jitrawwem approċċ koordinat għal edukazzjoni Ewropea dwar l-spazju li tista' tattira liż-żgħażagħ biex isegwu karrieri fix-xjenza u t-teknoloġija spazjali;

32.  Jenfasizza li l-parteċipazzjoni fil-programmi fakultattivi tal-ESA, li fil-qafas tagħhom in-negozji Ewropej u l-universitajiet jew l-istituti ta' riċerka jistgħu jipparteċipaw fit-tħejjija ta' teknoloġiji avvanzati għal missjonijiet u sistemi spazjali, hija għodda bażika u fundamentali biex tiġi żviluppata l-kapaċità tal-industrija spazjali Ewropea; jenfasizza li l-involviment f'tali programmi jiftaħ it-triq għall-intraprenditorija f'dan il-qasam, u għall-aċċess għal proġetti xjentifiċi intensivi ħafna fit-teknoloġija u fl-għarfien, u dan jista' jkollu wkoll impatt pożittiv fis-settur tat-trasport;

It-tisħiħ tal-awtonomija tal-Ewropa fl-aċċess u fl-użu tal-ispazju f'ambjent mingħajr periklu u sikur

33.  Ifakkar li l-programmi spazjali tal-UE huma ta' natura ċivili u jtenni l-impenn tiegħu biex l-ispazju jibqa' post mhux militarizzat; jirrikonoxxi madankollu d-dimensjoni strateġika tas-settur spazjali għall-Ewropa u l-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji bejn l-aspetti ċivili u ta' sigurtà u tad-difiża u biex jiġu użati l-kapaċitajiet tal-ispazju biex ikunu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' sigurtà u ta' sikurezza, filwaqt li jittieħed kont tal-ambjent ġeografiku u tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni; jemmen li l-Kummissjoni jenħtieġ li tanalizza s-sinerġiji bejn il-programmi spazjali Ewropej u l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża propost f'Novembru 2016 biex tiġi żgurata l-koerenza globali f'dan il-qasam strateġiku;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor flimkien it-talbiet tal-klijenti istituzzjonali mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri biex jiġi żgurat aċċess indipendenti, kosteffettiv u affidabbli għall-ispazju permezz tal-użu tal-lanċjaturi Ewropej Ariane, Vega u l-evoluzzjonijiet futuri tagħhom; jemmen li dan huwa tal-akbar importanza strateġika għal funzjonijiet ta' ġestjoni ta' kontinġenza u ta' kriżijiet kif ukoll għal politika ta' sigurtà u difiża Ewropea reżiljenti;

35.  Jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tivvaluta modi differenti li bihom tappoġġja l-faċilitajiet Ewropej ta' infrastrutturi tal-illanċjar, fejn dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet u l-ħtiġijiet tal-politika tal-UE f'termini ta' awtonomija, sigurtà u kompetittività; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza strateġika tal-Port Spazjali Ewropew ibbażat f'Kourou (il-Guyana Franċiża) u l-ħtieġa li tingħata attenzjoni kbira fir-rigward tal-benefiċċji ekonomiċi u soċjali għat-territorju fejn jinsab;

36.  Ifakkar li l-kunċett ta' aċċess indipendenti għall-ispazju ma jistax jiġi dissoċjat mill-kapaċità indipendenti tal-Ewropa li tiddisinja, tiżviluppa, tillanċja, topera u tisfrutta sistemi spazjali;

37.  Jinnota li hemm nuqqas ta' viżibbiltà dwar il-kontinwazzjoni tal-programm ta' lanċjaturi fl-Ewropa lil hinn mit-tlieta sa erba' snin li ġejjin (Ariane 6 u Vega C), u dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta' dan il-programm; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' programm ta' llanċjar fuq terminu medju sa twil; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta programm ta' ħidma dwar il-lanċjaturi fl-Ewropa għall-20 sena li ġejjin;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġixxi l-iżvilupp ta' tekonoloġiji tal-illanċjar alternattivi u l-inklużjoni ta' prinċipji ta' ekodisinn fil-lanċjaturi u fl-assi spazjali kollha;

39.  Iqis li fil-ġenerazzjoni tas-sistemi tas-satellita li jmiss jenħtieġ li tiġi żviluppata aktar is-sigurtà tal-infrastruttura ta' Galileo, inkluż is-segment tal-art, il-kapaċità ta' użu doppju ta' Galileo u Copernicus, flimkien ma' preċiżjoni u kriptaġġ aħjar; ifakkar li s-Servizz Pubbliku Regolat (PRS) ta' Galileo ristrett għal utenti awtorizzati mill-gvernijiet jista' jkollu rwol importanti fil-futur biex iwieġeb għat-theddid li qed jevolvi, b'mod partikolari fil-każ ta' kriżi;

40.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-vulnerabilità tal-infrastruttura spazjali għal interferenza jew attakk minn atturi statali u mhux statali u għal firxa ta' theddid ieħor, inkluż kolliżjonijiet ma' tifrik spazjali jew satelliti oħra; itenni l-importanza li jiġu żgurati infrastruttura u komunikazzjoni ta' natura kritika kif ukoll l-iżvilupp ta' teknoloġiji reżiljenti; jirrikonoxxi l-importanza dejjem akbar tal-ispazju u t-teknoloġiji bbażati fuq l-ispazju għal użu doppju, b'mod partikolari fil-komunikazzjonijiet, fl-intelligence, fis-sorveljanza u fir-rikonjizzjoni, fir-rispons għad-diżastri u l-kontroll tal-armi, u jissottolinja l-importanza vitali tal-kapaċitajiet spazjali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ aktar investimenti sabiex jitħaffef l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ġodda fil-qasam tal-ispazju u t-teknoloġija; jemmen li huwa neċessarju li jissaħħu l-kapaċitajiet li jindirizzaw theddidiet emerġenti fil-qasam tal-ispazju, li min-naħa tagħhom jistgħu jsaħħu l-kapaċità tas-settur spazjali tal-Ewropa biex jirrispondi għal swieq, atturi u teknoloġiji li jinbidlu;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni timmitiga r-riskji ppreżentati mit-tifrik spazjali billi ssaħħaħ is-servizzi attwali ta' sorveljanza u insegwiment fl-ispazju (SST) bil-ħsieb li tistabbilixxi programm għal sistema indipendenti li kapaċi tirrikonoxxi t-theddid mit-tifrik spazjali, filwaqt li tirfed miżuri li jevitaw kolliżjoni u li fuq terminu twil, attivament tneħħi t-tifrik; jappoġġja l-pjan biex jiġi estiż l-ambitu ta' SST tal-UE li jippermetti tbassir tat-temp mill-ispazju, u jipproponi enfasi addizzjonali fuq oġġetti qrib id-dinja biex jilqa' kontra r-riskju potenzjalment katastrofiku li tali oġġett jaħbtu mad-Dinja; jenfasizza l-fatt li jenħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati u jiġu estiżi l-kapaċitajiet u l-kompetenzi f'dawn l-oqsma, inklużi dawk diġà disponibbli fl-ESA; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi pprovduta kemm jista' jkun data miftuħa sabiex jitħeġġu r-riċerka u l-innovazzjoni;

42.  Ifakkar fl-importanza dejjem tikber taċ-ċibersigurtà għal programmi spazjali, u jinnota li din il-problema hija partikolarment serja peress li parti kbira tal-ekonomija tagħna tiddependi fuq servizzi relatati mal-ispazju; jistieden lill-Kummissjoni biex timmitiga r-riskji għall-assi spazjali tal-UE billi tieħu miżuri adegwati, inkluż fejn xieraq l-użu ta' kriptaġġ, għall-protezzjoni ta' infrastruttura relatata mal-ispazju kontra t-theddid ċibernetiku; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-aġenziji rilevanti kollha jkollhom pjanijiet ta' kontinġenza fis-seħħ għal ċiberattakki possibbli;

43.  Iqis l-inizjattiva Govsatcom ippjanata bħala waħda promettenti ħafna biex jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi siguri, effiċjenti u kosteffettivi għall-atturi istituzzjonali Ewropej, li tindirizza l-ħtiġijiet f'firxa wiesgħa ta' oqsma, filwaqt, li fl-istess ħin, tistimula t-tkabbir, il-kompetittività u l-innovazzjoni fis-settur Ewropew kollu tat-telekomunikazzjonijiet bis-satellita; jistieden lill-Kummissjoni sabiex, jekk il-valutazzjoni tal-impatt tkun suffiċjentement pożittiva, tfassal l-inizjattiva Govsatcom ippjanata b'mod kosteffettivi – li tista' tinkludi l-ġabra u l-qism tal-ħiliet, jew ix-xiri ta' servizzi minn satelliti ta' komunikazzjoni kummerċjali – u biex tiżgura li l-inizjattiva toħloq valur miżjud sinifikanti u tevita li tiddupplika strutturi eżistenti;

44.  Jenfasizza l-importanza ta' politika Ewropea dwar l-ispazju komprensiva, li għandha l-għan li tikkontribwixxi b'mod effettiv għat-titjib tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni billi tipprovdi lill-istituzzjonijiet rilevanti intelligence indipendenti, bħall-għarfien tas-sitwazzjoni f'ħin reali;

It-tisħiħ tar-rwol tal-Ewropa bħala attur globali u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-assi spazjali u l-kapaċitajiet industrijali spazjali tal-UE fl-aspetti rilevanti kollha tar-relazzjonijiet esterni tagħha;

46.  Jemmen li l-iżgurar ta' ambjent spazjali paċifiku u sikur jirrikjedi impenn mas-sħab internazzjonali biex ikunu promossi normi ta' mġiba u sostenibbiltà responsabbli, l-aktar fir-rigward tal-esplorazzjoni tal-ispazju, u jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mas-SEAE u l-Istati Membri f'dan ir-rigward;

47.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni internazzjonali dwar il-ġestjoni tat-tifrik u tat-traffiku spazjali, li se jiżdiedu minħabba l-installazzjoni ppjanata tal-hekk imsejħa "mega-kostellazzjonijiet" u minħabba orbiti qrib id-dinja li jistgħu jirriżultaw minn spejjeż dejjem aktar baxxi ta' llanċjar ta' satelliti;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja l-objettivi eżistenti tas-settur privat f'oqsma bħal-isfruttar tal-ispazju, u biex tikkunsidra l-impatt li dawn jista' jkollhom fuq il-qafas legali attwali u, b'mod partikolari, fuq it-Trattat dwar l-Ispazju Extratmosferiku; iqis li l-prinċipji bażiċi tat-Trattat jenħtieġ li jiġu milqugħa u li jeħtieġ li tiġi evitata ġirja għal riżorsi fl-ispazju li faċilment jispiċċaw; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu favur approċċ Ewropew ikkoordinat, u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu rwol ta' tmexxija fin-negozjati biex jintlaħaq kunsens; jirrikonoxxi li l-ispazju huwa l-wirt komuni tal-umanità;

49.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża d-diplomazija ekonomika biex tiftaħ opportunitajiet ġodda ta' negozju għall-industrija spazjali Ewropea; jenfasizza li l-parteċipanti Ewropej fi swieq ta' pajjiżi terzi jenħtieġ li jkunu appoġġjati mill-Kummissjoni, mill-ESA u, fejn rilevanti, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri b'mod individwali jew permezz tal-ESA, u minn korpi tal-Istati Membri bħall-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA); jirrakkomanda li l-pjanijiet għal tali appoġġ koordinat jitfasslu minn qabel;

L-iżgurar ta' twettiq effettiv

50.  Jenfasizza l-fatt li l-Parlament jenħtieġ li jkollu rwol attiv fl-iżvilupp tal-politika spazjali tal-UE u li jkun għal kollox involut fl-iskambji kollha mmexxija mill-Kummissjoni, il-Kunsill, is-SEAE u l-ESA dwar suġġetti relatati mal-ispazju;

51.  Iqis li l-appoġġ demokratiku huwa importanti għall-investiment fl-ispazju; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ta' komunikazzjoni mfassla sew u komprensiva dwar il-benefiċċji tat-teknoloġiji spazjali għaċ-ċittadini u n-negozji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fl-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija, tibbaża fuq it-tliet pilastri li ġejjin, li kull wieħed minnhom jindirizza grupp ta' udjenza importanti: (a) titqajjem sensibilizzazzjoni mal-pubbliku dwar il-ħtieġa ta' investimenti fl-ispazju; (b) l-SMEs u l-intraprendituri jiġu infurmati dwar l-opportunitajiet tal-programmi emblematiċi spazjali; (c) jiġi inkluż l-ispazju fl-edukazzjoni sabiex jitnaqqas id-distakk fil-ħiliet; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament pjan direzzjonali dwar il-ħolqien ta' din l-istrateġija ta' komunikazzjoni tagħha kemm jista' jkun malajr;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri proposti fl-istrateġija, tirraporta b'mod regolari dwar l-implimentazzjoni tagħhom, fejn meħtieġ, tipproponi leġiżlazzjoni u tfassal azzjonijiet addizzjonali konkreti u tanġibbli meħtieġa biex jintlaħqu f'waqthom l-għanijiet deskritti fl-istrateġija;

o
o   o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Aġenzija Spazjali Ewropea.

(1) ĠU L 122, 24.4.2014, p. 44.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.
(3) ĠU L 158, 27.5.2014, p. 227.
(4) ĠU L 150, 20.5.2014, p. 72.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0267.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0268.
(7) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 12.
(8) ĠU C 227 E, 6.8.2013, p. 16.
(9) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 1.
(10) L-Iżvilupp tas-Suq Spazjali fl-Ewropa, Studju għall-Kumitat ITRE, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku A, 2016, ISBN 978-92-823-8537-1.
(11) https://ec.europa.eu/research/participants/data/ref/h2020/wp/2016_2017/main/h2020-wp1617-leit-space_en.pdf p.48.


Edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod bħala parti mill-istrateġija Ewropea għat-tagħlim tul il-ħajja
PDF 402kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod bħala parti mill-istrateġija Ewropea għat-tagħlim tul il-ħajja (2016/2142(INI))
P8_TA(2017)0324A8-0252/2017

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Copenhagen tat-30 ta' Novembru 2002 dwar il-kooperazzjoni msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020")(1),

–   wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni tal-2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) – "L-Edukazzjoni u t-Taħriġ f'Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklużiva"(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) – "Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ"(3),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti(4),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar" (COM(2012)0669),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2014 dwar l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ – reazzjoni għar-"Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar" u l-"Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013"(5),

–   wara li kkunsidra Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja(6),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, irratifikata mill-UE fl-2010,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(7),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2010 dwar l-edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli(8),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(9),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (10)(EQF-LLL),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ(11),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar il-programm Erasmus+ u strumenti oħra sabiex titrawwem il-mobilità fl-ETV - approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja(12),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar is-segwitu tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)(13),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Niftħu l-Edukazzjoni, tal-31 ta' Jannar 2014(14),

–  wara li kkunsidra r-riċerka tal-Kummissjoni dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ tal-2020: It-titjib tal-Politika u t-Twassil tat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa(15),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi(16),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu 2011-2020(17),

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2017 dwar "Intejbu l-Ħiliet tan-Nisa u l-Irġiel fis-Suq tax-Xogħol tal-UE"(18),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2011 dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0252/2017),

A.  billi s-sistemi tal-edukazzjoni tagħna qed jiffaċċjaw sfidi sinifikanti bħala riżultat tat-trasformazzjoni diġitali, li qed iħallu impatt fuq il-proċessi tat-tagħlim, u l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità għall-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni ċivika kif ukoll l-iżvilupp personali, u li jissaħħu l-valuri demokratiċi Ewropej u t-tolleranza għall-fini li titrawwem mentalità miftuħa u jiġi evitat kwalunkwe tip ta' intolleranza; billi, l-awtonomizzazzjoni diġitali u l-awtostima huma prerekwiżit essenzjali għall-bini ta' soċjetajiet b'saħħithom u biex jiġu megħjuna l-proċessi ta' unità u integrazzjoni fl-UE;

B.  billi jenħtieġ li l-istrateġija Ewropea tat-tagħlim tul il-ħajja tissaħħaħ; billi jenħtieġ li kull persuna, f'kull stadju tal-ħajja jkollha opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja biex takkwista l-għarfien u l-ħiliet li jkollha bżonn kemm għall-iżvilupp personali kif ukoll għall-progress professjonali tagħha; billi t-tagħlim tul il-ħajja, f'kuntesti formali, mhux formali u informali, li jippromwovi ċ-ċittadinanza attiva u l-impjegabilità, huwa aspett ewlieni tal-edukazzjoni affettwat minn dawn il-bidliet;

C.  billi hemm bżonn li jsiru sforzi addizzjonali sabiex jiżdiedu s-sinerġiji bejn l-edukazzjoni u l-impjieg, kemm billi jiġi ffaċilitat id-dħul fis-suq tax-xogħol kif ukoll billi l-individwi jkunu jistgħu jaġġornaw kostantement il-ħiliet tagħhom jew jitgħallmu ħiliet ġodda matul il-karrieri tagħhom; billi jenħtieġ li l-Istati Membri jsibu modi kif jipproteġu jew jippromwovu investiment fit-tul fl-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

D.  billi l-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod jagħtu kontribut sinifikanti għall-iżvilupp personali tal-individwi u għall-formazzjoni ta' kapital uman u jenħtieġ li jsiru parti integrali mill-istrateġija Ewropea ta' tagħlim tul il-ħajja;

E.  billi l-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod għandhom rwol dejjem aktar importanti fil-faċilitazzjoni tal-adattament tal-ħaddiema għall-bidliet ekonomiċi u teknoloġiċi matul il-ħajja professjonali tagħhom; billi sal-2025, 49 % tal-opportunitajiet ta' impjieg kollha fl-UE (inklużi kemm impjiegi ġodda kif ukoll impjiegi ta' sostituzzjoni) se jirrikjedu kwalifiki ta' livell għoli, 40 % se jirrikjedu kwalifiki ta' livell medju, filwaqt li 11 % biss se jirrikjedu kwalifiki ta' livell baxx jew ebda kwalifika;

F.  billi l-edukazzjoni akkademika avvanzata u l-edukazzjoni mill-bogħod huma għodod importanti biex jingħataw opportunitajiet tal-edukazzjoni flessibbli u personalizzati għal kulħadd mingħajr ebda diskriminazzjoni(19); jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jitwessgħu l-istrateġiji ta' aċċess;

G.  billi l-edukazzjoni akkademika avvanzata u l-edukazzjoni mill-bogħod, u l-użu ta' teknoloġiji ġodda, jistgħu jgħinu biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-bniet u n-nisa dwar possibilitajiet professjonali ġodda, b'mod partikolari f'oqsma fejn huma sottorappreżentati; billi minkejja li aktar nisa għandhom diplomi tal-iskola sekondarja avvanzati u lawrji ta' edukazzjoni għolja, hemm bżonn li tiżdied il-preżenza tan-nisa kemm fl-edukazzjoni vokazzjonali kif ukoll f'setturi relatati ma' STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika);

H.  billi l-edukazzjoni mill-bogħod hija approċċ wieħed possibbli, fil-kuntest ta' edukazzjoni akkademika avvanzata, li minħabba l-flessibilità tagħha tiffaċilita b'mod partikolari li jiġi żgurat il-bilanċ bejn l-istudju, ix-xogħol u l-ħajja privata;

I.  billi l-edukazzjoni mill-bogħod(20) tirreferi għal forma organizzattiva għat-tagħlim li toffri livell għoli ta' flessibilità fit-tagħlim permezz tal-użu ta' teknoloġiji tal-edukazzjoni diġitali, mhux bħala sostituzzjoni għall-edukazzjoni fuq il-kampus, iżda li joffri alternattiva għal studenti li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fl-edukazzjoni fuq il-kampus;

J.  billi l-edukazzjoni mill-bogħod tirreferi għal metodu ta' tagħlim li joffri flessibilità permezz tal-użu ta' teknoloġiji emerġenti, mhux bħala sostituzzjoni tal-edukazzjoni fuq il-kampus, iżda li joffri alternattiva għal studenti li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fl-edukazzjoni fuq il-kampus u għal ħaddiema li jixtiequ jikkombinaw ix-xogħol mal-edukazzjoni; għalhekk, id-diġitalizzazzjoni tista' tintuża bħala għodda li tipprovdi mezzi ġodda ta' aċċess għal edukazzjoni ogħla;

K.  billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-UE li hu minqux fit-Trattati u hija wieħed mill-objettivi u l-kompiti tal-Unjoni; billi l-ugwaljanza fl-edukazzjoni toffri lin-nisa opportunitajiet akbar u tikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjali, kulturali u ekonomiku tas-soċjetà; billi l-edukazzjoni tikkostitwixxi għodda fundamentali biex tiġġieled l-istereotipi tas-sessi;

L.  billi r-rata medja tal-impjieg tan-nisa hija marbuta direttament mal-livell ta' edukazzjoni tagħhom, bin-nisa ta' bejn il-25 u d-49 sena li jkunu kkompletaw l-edukazzjoni terzjarja u li għandhom rati ta' impjieg li huma aktar minn 20 % ogħla minn dawk ta' nisa b'edukazzjoni ta' qabel il-primarja, dik primarja u edukazzjoni sekondarja aktar baxxa;

M.  billi l-edukazzjoni mill-bogħod jista' jkollha effett pożittiv fuq il-ħiliet tal-ICT tan-nisa; billi d-dħul ta' aktar nisa fis-settur tal-ICT isaħħaħ suq li fih hija prevista skarsezza ta' ħaddiema u li fih il-parteċipazzjoni indaqs tan-nisa kieku twassal għal żieda ta' madwar EUR 9 biljun fil-PDG tal-UE kull sena; billi n-nisa huma wisq sottorappreżentati fil-korsijiet universitarji tal-ICT, fejn dawn jikkostitwixxu biss madwar 20 % tal-gradwati fil-qasam, bi 3 % biss tal-gradwati kollha nisa li għandhom lawrja fl-ICT;

N.  billi l-programmi mill-bogħod jilħqu numri sostanzjali ta' nisa f'soċjetajiet fejn in-nisa jinsabu nieqsa minn opportunitajiet ugwali għall-parteċipazzjoni fil-forom konvenzjonali ta' edukazzjoni u taħriġ, peress li n-nisa għadhom iqattgħu aktar ħin mill-irġiel fuq xogħol domestiku mhux imħallas u fuq l-indokrar tal-familja; billi tali korsijiet joffrulhom flessibilità fil-ksib ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u billi t-tagħlim mill-bogħod huwa mmirat b'mod partikolari lejn kategorija mhux tradizzjonali ta' studenti;

O.  billi l-edukazzjoni akkademika avvanzata hija waħda mill-kompiti tas-servizz pubbliku tal-edukazzjoni ogħla u tirreferi għal korsijiet fi ħdan istituzzjoni akkademika li tista' tkun segwita b'mod parallel ma' xogħol full-time, ġeneralment billi tibni fuq l-esperjenza professjonali u li normalment tippresupponi lawrja universitarja;

P.  billi l-adattament biex tiġi aċċelerata l-bidla ekonomika u teknoloġika hija sfida ewlenija għal forza tax-xogħol li qed tixjieħ u li rispons għal din l-isfida se jkun waħda miċ-ċwievet li tiżgura l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-UE;

Q.  billi l-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja u tal-iżvilupp tal-karriera jaf jingħataw spinta permezz tar-rikonoxximent ta' tagħlim preċedenti;

R.  billi l-fatt li n-nies jingħataw ħin frank għall-iżvilupp personali u tat-taħriġ fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja jibbenefika l-benesseri tagħhom kif ukoll il-kontribut tagħhom għas-soċjetà billi jawtonomizzahom b'kapaċitajiet personali u professjonali aktar definiti; billi edukazzjoni akkademika mill-bogħod tipprovdi formati ta' studju flessibbli li jgħinu lin-nies jiksbu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; billi t-tagħlim universitarju tul il-ħajja (ULLL) jenħtieġ li jkun parti mill-Istrateġija tad-Diġitalizzazzjoni Ewropea;

S.  billi d-diġitalizzazzjoni tippermetti l-flessibilità u l-interattività tal-proċess edukattiv u hija fattur ewlieni għall-iżvilupp ulterjuri ta' edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod;

T.  billi l-bidla teknoloġika tirrikjedi konnessjonijiet aktar b'saħħithom u aktar kontinwi bejn l-edukazzjoni u l-impjieg;

U.  billi t-tendenza li l-istituzzjonijiet akkademiċi jkunu statiċi toħloq diffikultajiet fir-riforma tal-kurrikuli, ir-regoli li jirregolaw il-korsijiet u l-eżamijiet u r-rekwiżiti tad-dħul;

V.  billi l-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod huma setturi li qed jespandu b'mod rapidu b'potenzjal sinifikanti f'termini ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' impjiegi;

W.  billi għad hemm ħafna ostakoli għall-korsijiet tal-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod(21);

Edukazzjoni avvanzata u mill-bogħod biex jakkumpanjaw il-bidla soċjetali u ekonomika

1.  Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni online u miftuħa qed tbiddel il-mod ta' kif l-edukazzjoni tingħata r-riżorsi, titwassal u kif tiġi assimilata; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza tar-riżorsi edukattivi miftuħa, li jiżguraw l-aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd u jtejbu l-impjegabilità billi jappoġġaw il-proċess ta' tagħlim tul il-ħajja;

2.  Jinnota li ħafna istituzzjonijiet edukattivi u ta' taħriġ qed jissieltu biex jirreaġixxu għall-bidliet kbar u kumplessi li s-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna qegħdin jesperjenzaw u jeħtieġu li jsiru bidliet f'termini ta' governanza, strutturi organizzattivi u mod ta' operat; jenfasizza li forom ġodda, flessibbli u aċċessibbli ta' tagħlim tul il-ħajja, xierqa għal individwi ta' kull età, jistgħu jindirizzaw b'suċċess ftit minn dawk l-isfidi bħall-esklużjoni soċjali, it-tluq bikri mill-iskola u d-diskrepanzi fil-ħiliet;

3.  Jirrikonoxxi li d-diġitalizzazzjoni u l-istabbiliment ta' pjattaformi edukattivi biex ikun hemm kooperazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki huma essenzjali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu aktar azzjoni biex jitnaqqas id-distakk teknoloġiku eżistenti bejn l-istituzzjonijiet edukattivi li huma mgħammra tajjeb u dawk li mhumiex, bħala parti mill-istrateġiji nazzjonali għall-ħiliet diġitali;

5.  Jenfasizza li l-miżuri għat-tagħlim tul il-ħajja huma kruċjali biex in-nisa jingħataw il-ħiliet li bihom ikunu kapaċi jirritornaw fid-dinja tax-xogħol jew itejbu l-impjieg, id-dħul u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' titjib ulterjuri fil-preżenza tan-nisa fil-livelli ogħla fid-dinja akkademika u l-aċċess tagħhom għalihom;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-istereotipi tas-sessi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippromwovi inizjattivi li joffru appoġġ fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' edukazzjoni professjonali mill-bogħod għan-nisa, filwaqt li tiġi inkluża l-edukazzjoni ogħla fl-oqsma tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-informatika, fl-iżvilupp ta' programmi ta' taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-professjonisti fl-edukazzjoni, u fil-prevenzjoni tal-infiltrazzjoni tal-istereotipi mill-kurrikuli u l-materjal pedagoġiku;

7.  Jenfasizza li l-istituzzjonijiet akkademiċi jridu jħejju liċ-ċittadini għal soċjetajiet ibbażati fuq l-għarfien u ekonomiji li jinbidlu b'mod kostanti, jipprovdulhom l-għarfien espert għat-tagħlim indipendenti u attitudni intraprenditorjali u ħiliet trasversali, bħal pereżempju s-soluzzjoni tal-problemi u l-adattabilità, sabiex jesploraw l-alternattivi tagħhom stess u jiksbu l-potenzjali sħiħ tagħhom;

8.  Jenfasizza wkoll li l-istituzzjonijiet akkademiċi għandhom rwol importanti fit-tisħiħ ta' ċittadinanza attiva u jridu wkoll jipprovdu lill-istudenti b'kompetenzi trasversali bħall-kompetenzi ċiviċi, kompetenzi soċjali u ċ-ċittadinanza;

9.  Jirrikonoxxi li approċċ lejn l-edukazzjoni ċċentrat fuq l-istudenti jnaqqas ir-rata ta' tluq bikri mill-iskola u jippermetti lill-istudenti jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom(22); jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza ta' gwida għall-karriera tul il-ħajja għal kulħadd;

10.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-kondiviżjoni tal-għarfien biex jittejbu kemm il-parteċipazzjoni attiva kif ukoll il-fehim internazzjonali taċ-ċittadini f'soċjetajiet li dejjem qed jinbidlu;

11.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiżdied il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet ta' taħriġ u dawk edukattivi, il-komunitajiet lokali u l-ekonomija; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' sinerġiji aħjar bejn il-fornituri tat-tagħlim formali, mhux formali u informali sabiex jissaħħu l-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd;

12.  Huwa tal-fehma li, f'kull stadju tal-ħajja, kulħadd irid ikollu d-dritt għal aċċess għall-opportunitajiet ta' tagħlim u ta' taħriġ biex b'hekk jinkisbu ħiliet trasversali bħal pereżempju n-numeriżmu, il-litteriżmu medjatiku u diġitali, il-ħsieb kritiku, il-ħiliet soċjali u ħiliet għall-ħajja rilevanti oħra sabiex ikun jista' jsir adattament aħjar għall-futur;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat appoġġ imfassal apposta għall-impjegati, l-apprendisti u dawk li jitħarrġu fuq il-post tax-xogħol sabiex tiġi żgurata l-inklużjoni tal-individwi kollha fis-suq tax-xogħol; huwa tal-fehma li huwa ta' importanza kruċjali li jiġu inkorporati teknoloġiji ġodda fil-proċess ta' tagħlim sabiex in-nies ikunu mgħammra bil-ġabra xierqa ta' ħiliet, kompetenzi u għarfien li jippermettulhom li jużaw it-teknoloġiji diġitali b'mod innovattiv u kreattiv;

14.  Jitlob l-inklużjoni u ż-żamma aħjar taċ-ċittadini fis-suq tax-xogħol, flimkien ma' titjib tal-kompetenzi tagħhom permezz ta' edukazzjoni akkademika avvanzata u edukazzjoni mill-bogħod u taħriġ vokazzjonali u edukattiv (ETV); jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied l-attraenza tal-informazzjoni dwar l-alternattivi tal-ETV għaż-żgħażagħ u l-familji tagħhom u l-aċċess għaliha; ifakkar f'dan ir-rigward li l-mira tal-mobilità tat-tagħlim fis-settur tal-ETV fil-programm Erasmus+ għadha 'l bogħod milli tintlaħaq u jenħtieġ li tingħatalha aktar attenzjoni;

15.  Jirrileva l-importanza tal-Erasmus+ u Orizzont 2020 għat-tisħiħ tat-tagħlim tul il-ħajja; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jesploraw bis-sħiħ il-potenzjal ta' dawk il-programmi; u jenfasizza li jenħtieġ li jkun hemm programmi mfassla għal edukazzjoni akkademika avvanzata iffukati fuq il-post tax-xogħol;

16.  Jirrikonoxxi li l-aċċess għal edukazzjoni inklużiva ta' kwalità hija ta' importanza ewlenija u għalhekk hemm bżonn ta' appoġġ għal tagħlim miftuħ u mill-bogħod biex jissodisfaw il-bżonnijiet speċjali ta' dawk li ma jistgħux jintlaħqu permezz tas-sistemi tradizzjonali ta' twassil – b'mod partikolari għal gruppi żvantaġġati; jistieden lill-Istati Membri jidderieġu l-investimenti għal dan l-għan;

L-importanza tal-kwalità u l-flessibilità fl-edukazzjoni

17.  Jipperċepixxi l-kwalità tal-edukazzjoni, kemm formali kif ukoll mhux formali, li dejjem tavvanza, bħala kruċjali għall-isforzi tal-UE biex tiżgura l-koeżjoni soċjali, il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli;

18.  Jenfasizza li biex jibqgħu kompetittivi, u biex il-ħaddiema b'ħiliet kemm ta' livell baxx kif ukoll ta' livell għoli jingħataw l-aħjar ċans ta' suċċess, jenħtieġ li n-negozji flimkien mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ joffru taħriġ u edukazzjoni abbażi tal-karriera matul il-ħajja tax-xogħol tan-nies;

19.  Jenfasizza l-importanza partikolari ta' metodi ta' kwalità għat-tixrid tal-għarfien u tal-ħiliet għall-eżiti tal-edukazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment u appoġġ għall-iżvilupp professjonali u l-aġġornament tal-ħiliet tal-għalliema; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu garantiti standards għoljin fl-edukazzjoni mill-bogħod u l-importanza li jiġu żviluppati mudelli ta' tagħlim ġodda bħala parti mill-proċess ta' innovazzjoni u diġitizzazzjoni gradwali tal-edukazzjoni; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, li r-riżorsi u l-infrastruttura xierqa huma elementi ta' importanza vitali għat-titjib tal-kwalità tat-tagħlim;

20.  Jinnota li dan jesiġi kunsiderazzjoni u valorizzazzjoni tal-għalliema, remunerazzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol attraenti u aċċess aħjar għal taħriġ ulterjuri matul il-ħin tax-xogħol speċjalment fid-didattika diġitali;

21.  Jitlob lill-universitajiet jiffokaw fuq l-edukazzjoni mill-bogħod fuq skala dejjem usa', u jestenduha sabiex tkopri wkoll korsijiet professjonali qosra b'xejn;

22.  Jenfasizza li l-istudenti li jkunu qed jagħmlu kors ta' edukazzjoni mill-bogħod jenħtieġ li jkollhom opportunitajiet garantiti biex jikkomunikaw mal-għalliema u jiġu vvalutati minnhom, sabiex jiġi żgurat li l-istudenti jkollhom l-appoġġ, il-gwida u t-tħeġġiġ xierqa matul l-istudji tagħhom;

23.  Jirrikonoxxi li formati flessibbli ta' tagħlim, bħat-tagħlim mill-bogħod u t-tagħlim imħallat, jippermettu li persuni impjegati jirrikonċiljaw ix-xogħol u/jew l-edukazzjoni mal-ħajja privata u familjari tagħhom;

24.  Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni mill-bogħod għal dawk il-persuni li l-kundizzjonijiet fiżiċi tagħhom ma jħalluhomx jattendu klassijiet fuq il-kampus;

25.  Jippromwovi l-idea ta' tagħlim imfassal apposta u tal-ħolqien ta' rabta bejn korsijiet imfassla għal dawk li jixtiequ jidħlu f'edukazzjoni ta' livell terzjarju li għandhom bżonn jiksbu kwalifiki ulterjuri sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dħul;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa li nistinkaw għal approċċ aktar flessibbli u personalizzat għall-iżvilupp tal-karriera u għall-edukazzjoni tul il-ħajja u t-taħriġ tul il-perkors personali tal-karriera; jirrikonoxxi r-rwol li, primarjament il-partijiet pubbliċi, iżda wkoll dawk privati, jista' jkollhom biex jipprovdu dan, filwaqt li jirrikonoxxi li l-gwida u l-konsulenza li jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-preferenzi individwali u jiffokaw fuq l-evalwazzjoni u l-espansjoni tal-ħiliet individwali jridu jkunu element ewlieni tal-politiki tal-edukazzjoni u l-ħiliet minn stadju bikri;

27.  Jenfasizza l-importanza tal-interattività fit-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni mill-bogħod bl-użu ta' metodi ta' komunikazzjoni moderni li jagħtu lok għal eżerċizzji prattiċi, l-involviment tal-istudenti fil-proċess ta' tagħlim u l-iżvilupp ta' ħiliet ta' komunikazzjoni;

28.  Jippromwovi l-idea li jiġi żgurat l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikolari biex jiġi ffaċilitat id-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, inkluż fir-rigward tan-nisa u dawk li jindukraw;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' monitoraġġ kontinwu tal-edukazzjoni mill-bogħod bħala parti mill-modernizzazzjoni li għaddejja tal-għodda u l-metodi ta' tagħlim;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet ta' tagħlim indipendenti (fosthom l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-ipproċessar tal-informazzjoni, il-ħsieb kritiku u l-motivazzjoni) sabiex, fil-futur, ikunu jistgħu effettivament jużaw teknoloġiji avvanzati sabiex jiżviluppaw ħiliethom permezz tal-edukazzjoni mill-bogħod;

L-edukazzjoni avvanzata u mill-bogħod bħala għodda ta' żvilupp għall-universitajiet

31.  Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod toħloq opportunitajiet ta' żvilupp biex l-istabbilimenti ta' edukazzjoni ogħla jwessgħu il-qasam tal-kompetenzi tagħhom u jiddiversifikaw il-programmi li joffru sabiex jimmiraw lejn udjenzi ġodda u jiddiversifikaw id-dħul tagħhom, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-ispejjeż tal-edukazzjoni mill-bogħod huma orħos minn dawk tal-korsijiet fuq il-kampus;

32.  Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni mill-bogħod tħeġġeġ l-iżvilupp ta' oqsma interdixxiplinari u t-twettiq ta' studji internazzjonali;

33.  Jistieden lill-universitajiet jespandu l-għoti ta' tagħlim mill-bogħod tagħhom;

34.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-istrateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) fl-iżvilupp tal-potenzjal reġjonali ewlieni abbażi tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

L-isfidi teknoloġiċi

35.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinżamm il-pass ma' bidla teknoloġika rapida, b'mod partikolari għall-edukazzjoni mill-bogħod, u li l-importanza tad-dipendenza fuq l-ICT ma tistax ma tiġix enfasizzata biżżejjed; huwa tal-opinjoni li l-ICT hija mezz li permezz tiegħu sfidi tal-iżvilupp u tal-edukazzjoni kbar jistgħu jiġu indirizzati b'mod ottimali u kosteffikaċi; jemmen li jenħtieġ li l-isforzi jiġu wkoll appoġġati minn investiment maġġuri fl-edukazzjoni, inkluż l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew, sabiex jiġu żviluppati l-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku fil-livelli kollha;

36.  Jinnota b'dispjaċir li n-nuqqas ta' litteriżmu fl-ICT huwa kwistjoni ewlenija llum kemm fost l-edukaturi kif ukoll fost l-istudenti; itenni l-importanza tal-profiċjenza teknoloġika sabiex ikun jista' jiġi sfruttat il-potenzjal tat-tagħlim mill-bogħod u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' metodi ġodda ta' tagħlim u taħriġ;

37.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-firda diġitali u li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal kulħadd sabiex jinkiseb aċċess għat-teknoloġiji diġitali, kif ukoll il-kompetenzi, l-attitudnijiet u l-motivazzjoni meħtieġa għal parteċipazzjoni diġitali sinifikanti;

38.  Jirrileva l-fatt li kwart biss tat-tfal tal-iskola fl-Ewropa huma mgħallma minn għalliema diġitalment kunfidenti, li huwa ostakolu kbir li jxekkel l-iżvilupp ta' metodi ġodda ta' tagħlim milli jiffjorixxi; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ aktar b'saħħtu għal opportunitajiet tal-iskola u tat-titjib tal-ħiliet, inkluż permezz tal-IT u taħriġ fil-litteriżmu medjatiku u opportunitajiet ta' karriera tul il-ħajja għall-edukaturi;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm investiment u appoġġ fir-rigward tal-iżvilupp professjonali tal-għalliema fis-setturi edukattivi kollha u li jiġu stabbiliti servizzi ta' gwida dwar il-karriera tul il-ħajja;

40.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' pjattaformi diġitali ġodda fl-edukazzjoni, filwaqt li jenfasizza wkoll il-kwistjonijiet ta' sigurtà u privatezza li kemm l-istituzzjonijiet akkademiċi kif ukoll l-istudenti qegħdin jiffaċċjaw;

41.  Jenfasizza l-importanza tal-ħiliet STEM u mill-ġdid jiddispjaċih minħabba l-iżbilanċ bejn is-sessi f'dan il-qasam;

Sfidi finanzjarji

42.  Jirrikonoxxi n-neċessità ta' finanzjament xieraq għal edukazzjoni ta' kwalità u tagħlim imfassal apposta; jirrileva li l-edukazzjoni mill-bogħod tista' tipprovdi edukazzjoni ċċentrata fuq min jitgħallem u ta' kwalità għolja bi prezz inqas; jenfasizza l-importanza ta' involviment prattiku u finanzjarju akbar tal-industrija u n-negozju fit-taħriġ vokazzjonali;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-infiq fl-edukazzjoni jiġi rikonoxxut bħala investiment fit-tul li jġib benefiċċji dejjiema;

44.  Iqis li l-ispejjeż ma jridux jaġixxu ta' ostakolu għar-reġistrazzjoni u l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni imma wkoll jirrikonoxxi l-problemi sottostanti li jwasslu għal spejjeż għolja u l-inabilità taċ-ċittadini li jħallsu l-miżati għar-reġistrazzjoni f'xi Stati Membri; jinkoraġġixxi, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw u jippromwovu aħjar it-tagħlim mill-bogħod bħala għażla edukattiva ta' kwalità, li wieħed jiflaħ iħallas għaliha, flessibbli u personalizzata;

L-isfidi fir-rigward tal-qafas regolatorju

45.  Jirrikonoxxi d-differenzi fl-oqfsa regolatorji għat-taħriġ vokazzjonali tradizzjonali, l-edukazzjoni akkademika avvanzata u l-edukazzjoni mill-bogħod; jenfasizza li jenħtieġ li l-edukazzjoni mill-bogħod tiġi akkreditata skont l-istess regoli bħall-edukazzjoni fuq il-kampus iżda permezz ta' indikaturi u kriterji differenti aġġustati għaliha;

46.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-governanza attiva u tal-involviment tal-partijiet interessati;

47.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-assigurazzjoni tal-kwalità fit-tagħlim mill-bogħod u l-akkreditazzjoni tal-eżiti tiegħu;

48.  Jiftakar li ħafna għodod tat-trasparenza Ewropej eżistenti, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) u s-sistema Ewropea ta' krediti għall-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ (ECVET), ġew żviluppati f'iżolament; jirrikonoxxi li sabiex l-individwi jkunu jistgħu jkejlu aħjar il-progress u l-opportunitajiet tagħhom u jikkapitalizzaw fuq l-eżiti tat-tagħlim miksuba f'kuntesti differenti, huma jeħtieġu li jkunu aktar koordinati u appoġġati permezz ta' sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità u inkorporati f'qafas ta' kwalifiki nazzjonali sabiex tinbena fiduċja fost is-setturi u l-atturi inklużi l-impjegaturi;

49.  Jirrikonoxxi l-importanza kontinwa kemm tat-tagħlim b'metodoloġiji mħallta kif ukoll ta' tagħlim online, b'mod partikolari fil-kuntest tal-ETV; jenfasizza li l-kombinament ta' teknoloġiji diġitali ta' kwalità għolja u l-opportunitajiet tat-tagħlim wiċċ imb'wiċċ jirriżultaw f'kisbiet akbar għall-istudenti u, għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw u jippromwovu aħjar it-tagħlim b'metodoloġiji mħallta;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istrateġija Ewropea tat-tagħlim tul il-ħajja u tagħmel l-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod parti integrali minnha sabiex tippromwovi l-adattament ta' forza tax-xogħol li qed tixjieħ għall-bidla ekonomika u teknoloġika; jistieden ukoll lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li żżid il-finanzjament tal-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod permezz ta' programmi eżistenti u futuri;

51.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv multisettorjali u multidixxiplinari għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja, u l-ħtieġa ta' kooperazzjoni transsettorjali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki edukattivi;

Rakkomandazzjonijiet fil-livell Ewropew

52.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitrawmu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn is-sistemi edukattivi; jinkoraġġixxi aktar it-tixrid ta' prattiki tajba mill-aġenziji nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-kwalità fl-iżvilupp ta' kriterji dwar ir-rikonoxximent ta' modi ġodda ta' tagħlim u taħriġ;

53.  Jitlob li l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) jiġi rivedut sabiex tiġi promossa l-komparabilità tal-kwalifiki bejn il-pajjiżi koperti fil-QEK u pajjiżi oħra, b'mod partikolari l-pajjiżi tal-viċinat u pajjiżi oħra b'oqfsa ta' kwalifiki maturi, sabiex jinftiehmu aħjar il-kwalifiki miksuba barra mill-pajjiż u sabiex il-persuni bi sfond ta' migrazzjoni u r-rifuġjati jitqiegħdu lura fit-tagħlim tul il-ħajja u fl-impjieg;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ b'mod sinifikanti l-appoġġ għall-edukazzjoni akkademika avvanzata u mill-bogħod permezz tal-Erasmus+ billi tippromwovi l-iżvilupp ta' netwerks Ewropej, u tiffaċilita l-iskambju ta' prattiki tajba, l-istabbiliment ta' proġetti li jinvolvu istituzzjonijiet ibbażati f'diversi Stati Membri, u aċċessibilità miżjuda għall-istudenti minn pajjiżi Ewropej u pajjiżi terzi oħra;

55.  Huwa favur il-ħolqien ta' pjattaforma online faċli biex tintuża bħala punt uniku ta' servizz fejn il-professjonisti tal-edukazzjoni u l-istudenti jkunu jistgħu jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjattaforma sigura u integrata għat-tagħlim imfassla għall-istituzzjonijiet edukattivi Ewropej mingħajr ħlas u offruta lilhom, u b'hekk tagħti spinta lill-użu tat-tagħlim elettroniku fl-UE kollha;

57.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati l-eTwinning u s-School Education Gateway biex jappoġġaw skambji kostruttivi bejn l-għalliema u professjonisti oħra;

58.  Jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' rabtiet aktar b'saħħithom bejn l-edukazzjoni akkademika avvanzata (li mhix biss orjentata lejn ir-riċerka) u t-taħriġ vokazzjonali u edukattiv għall-ksib ta' ħiliet, u jħeġġeġ azzjoni biex ikun żgurat li wieħed ikun jista' jagħmel jew japplika għat-tnejn li huma fi kwalunkwe mument;

59.  Jirrakkomanda l-korroborazzjoni tal-isforzi għat-tagħlim tul il-ħajja mal-Istrateġija Ewropea għad-Diġitalizzazzjoni u li titħejja valutazzjoni tal-impatt fuq il-ġeneri tal-miżuri proposti;

60.  Jilqa' l-pjan ambizzjuż li jiġi provdut internet ultra-veloċi fl-iskejjel primarji u sekondarji u fil-libreriji sal-2025 peress li konnettività aħjar u aktar veloċi tipprovdi opportunitajiet enormi biex jittejbu l-metodi tat-tagħlim, biex titrawwem ir-riċerka u biex jiġu żviluppati servizzi edukattivi online ta' kwalità għolja; jenfasizza li l-mobilizzazzjoni ta' dawn it-teknoloġiji toħloq opportunitajiet aħjar għat-tagħlim mill-bogħod, b'mod partikolari fiż-żoni rurali u fir-reġjuni ultraperiferiċi; jenfasizza l-fatt li tali opportunitajiet se jsaħħu l-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku tat-tfal u tal-istudenti;

61.  Jenfasizza li l-adozzjoni ta' sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ hija essenzjali biex tiġi ssodisfata t-talba li qed tiżdied għal professjonisti b'ħiliet diġitali fl-UE; jenfasizza li, biex jinkiseb suq uniku diġitali reali fl-Ewropa, jeħtieġ ukoll li jsiru sforzi ulterjuri biex jittejjeb il-litteriżmu medjatiku fost iċ-ċittadini, b'mod partikolari fost il-minorenni;

62.  Jirrileva l-importanza li jiżdiedu l-isforzi Ewropej biex l-istrateġija għat-tagħlim tul il-ħajja ssir realtà għal kulħadd, flimkien mal-objettiv li tiġi pprovduta firxa ta' opportunitajiet ta' tagħlim li jistgħu jiġu segwiti għall-iżvilupp u s-sodisfazzjoni personali; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jinvestu fit-tagħlim tul il-ħajja, partikolarment f'pajjiżi b'rata ta' parteċipazzjoni inqas mill-punt ta' riferiment ta' 15 %;

63.  Jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-kooperazzjoni u jsaħħu s-sinerġiji bejn dawk li jipprovdu tagħlim formali, mhux formali u informali bil-ħsieb li jintlaħaq grupp usa' ta' persuni sabiex jiġu kkunsidrati aħjar il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom;

64.  Jirrakkomanda li jenħtieġ li l-għalliema li jagħtu korsijiet ta' tagħlim mill-bogħod ikollhom taħriġ ċertifikat speċifiku;

Rakkomandazzjonijiet fil-Livell tal-Istati Membri

65.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm approċċ olistiku għall-edukazzjoni u li jipprovdu lill-istudenti b'opportunitajiet ta' tagħlim awtentiċi, varjati u ugwali li jiżviluppaw l-aspirazzjonijiet tagħhom u l-ħiliet meħtieġa sabiex jirnexxu f'ekonomija globali li dejjem tinbidel u f'soċjetà demokratika;

66.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jibnu fuq il-mekkaniżmi ta' validazzjoni eżistenti sabiex jivvalutaw u jiċċertifikaw il-ħiliet, miksuba permezz ta' perkorsi ta' titjib tal-ħiliet, u jiżguraw ir-rikonoxximent tagħhom bil-ħsieb li jinkisbu kwalifiki, skont il-qafas u s-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki;

67.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni ulterjuri tal-infrastruttura diġitali speċjalment f'żoni b'anqas densità ta' popolazzjoni tippromwovi l-integrazzjoni soċjali u kulturali, proċessi moderni tal-edukazzjoni u tal-informazzjoni u ekonomija kulturali reġjonali;

68.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli opportunitajiet għal taħriġ fl-ICT u l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

69.  Itenni l-importanza li l-istituzzjonijiet akkademiċi u ta' taħriġ jirreaġixxu aktar rapidament għall-bidliet fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, u li jadattaw u jimmodernizzaw il-mod tal-operat tagħhom u jippermettu lill-istudenti jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom kif xieraq; jenfasizza madankollu li l-edukazzjoni hija proċess ta' emanċipazzjoni tul il-ħajja, li jenħtieġ li jgħin liċ-ċittadini jiksbu żvilupp personali, kreattività u benesseri;

70.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet akkademiċi jantiċipaw il-bidliet fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, u jadattaw il-mod tagħhom kif jaħdmu kif xieraq; jinnota li l-iżvilupp ta' setturi orjentati lejn il-futur, b'mod partikolari l-ekonomija ħadra u ċirkolari, għandu rwol determinanti fuq it-tip ta' ħiliet meħtieġa;

71.  Jistieden, barra minn hekk, lill-istituzzjonijiet akkademiċi joffru korsijiet multilingwi mmirati lejn il-ħiliet tal-migranti, li jiffaċilitaw il-passaġġ għad-dħul fi programmi edukattivi;

72.  Jenfasizza l-ħtieġa għal flessibilità akbar fis-sistemi edukattivi tal-Istati Membri sabiex jippermettu użu aktar effettiv ta' metodi ta' tagħlim miftuħa u online;

73.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu d-disponibilità tad-data dwar is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi tal-gradwati ("traċċar tal-gradwati"), inkluża data dwar l-edukazzjoni vokazzjonali u s-settur tat-taħriġ;

74.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw "kurituri edukattivi" billi jippromwovu ftehimiet ma' universitajiet Ewropej, bħall-Unjoni tal-Universitajiet Mediterranji (UNIMED) u n-netwerks ta' universitajiet tat-tagħlim mill-bogħod li jospitaw studenti rifuġjati minn żoni ta' kunflitt, inkluż permezz ta' programmi ta' taħriġ akkademiku mill-bogħod;

75.  Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ speċjalizzat tal-għalliema fl-iskola u fl-università għat-tagħlim akkademiku avvanzat u mill-bogħod, sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-istudenti tagħhom;

76.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-kompetenzi u l-ħiliet miksuba barra mis-sistema edukattiva formali jiġu rikonoxxuti permezz tal-assigurazzjoni tal-kwalità u tal-akkreditazzjoni speċjalment fid-dawl tal-awtonomizzazzjoni tal-persuni f'sitwazzjoni vulnerabbli u żvantaġġata, bħall-adulti jew ir-rifuġjati b'ħiliet baxxi; jinsisti dwar l-importanza tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali sabiex l-istudenti jkunu involuti u awtonomizzati;

o
o   o

77.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(2) ĠU C 70, 8.3.2012, p. 9.
(3) ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25.
(4) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.
(5) ĠU C 64, 5.3.2013, p. 5.
(6) ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.
(7) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(8) ĠU C 327, 4.12.2010, p. 11.
(9) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(10) ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.
(11) ĠU C 183, 14.6.2014, p. 30.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0107.
(13) Testi adottati, P8_TA(2016)0291.
(14) ĠU C 126, 26.4.2014, p. 20.
(15) http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/repository/education/library/reports/policy-provision-adult-learning_en.pdf
(16) Testi adottati, P8_TA(2015)0321.
(17) https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/lsa/119628.pdf
(18) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6268-2017-INIT/mt/pdf
(19) Kif stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
(20) Fil-pajjiżi fejn jitkellmu bil-Ġermaniż, pereżempju, issir distinzjoni fir-rigward tal-edukazzjoni mill-bogħod, bejn oqsma akkademiċi u mhux akkademiċi.
(21) Kurrikulu ta' tagħlim mill-bogħod dwar l-informatika mifruxa ma' kullimkien https://www.researchgate.net/publication/312312226_A_distance_learning_curriculum_on_pervasive_computing
(22) Economics of Education Editors: Dominic J. Brewer, Patrick J. McEwan Equity and Quality in Education Supporting disadvantaged students and schools https://www.oecd.org/education/school/50293148.pdf.


Tħassir ta’ regolamenti obsoleti rigward is-setturi tal-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport tal-merkanzija bit-triq ***I
PDF 334kWORD 42k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1101/89, u r-Regolamenti (KE) Nru 2888/2000 u (KE) Nru 685/2001 (COM(2016)0745 – C8-0501/2016 – 2016/0368(COD))
P8_TA(2017)0325A8-0228/2017

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0745),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0501/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Marzu 2017(1),

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-5 ta' Lulju 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0228/2017),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tat-12 ta' Settembru 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament (UE) 2017/...li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 2888/2000 u (KE) Nru 685/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1101/89

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2017/1952.)

(1) ĠU C 209, 30.6.2017, p. 58.


Il-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali ***I
PDF 345kWORD 44k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 fejn tidħol il-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali (COM(2016)0589 – C8-0378/2016 – 2016/0287(COD))
P8_TA(2017)0326A8-0181/2017

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0589),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0378/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni motivata ppreżentata mil-Parlament Żvediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li tiddikjara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-26 ta' Jannar 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta’ Frar 2017(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2017, li japprova l-pożizzjoni msemmija, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0181/2017),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tat-12 ta' Settembru 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament (UE) 2017/...tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 fir-rigward tal-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2017/1953.)

ANNESS GĦAR-RESOLUZZJONI LEGISLATTIVA

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA MILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL U IL-KUMMISSJONI

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jenħtieġ li l-inizjattiva WiFi4EU jkollha impatt sinifikanti u skalabilità. Għal dan l-għan, huma jinnotaw li jekk ma tistax tiġi garantita b'mod sħiħ żieda ta' bejn EUR 25 000 000 u EUR 50 000 000 fil-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, il-Kummissjoni tista' tipproponi allokazzjonijiet mill-ġdid ta' EUR 120 000 000 fi ħdan dak il-pakkett biex ikun iffaċilitat il-finanzjament globali għall-promozzjoni tal-konnettività tal-internet fil-komunitajiet lokali.

(1) ĠU C 125, 21.4.2017, p. 69.
(2) ĠU C 207, 30.6.2017, p. 87.


Miżuri biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà tal-provvista tal-gass ***I
PDF 347kWORD 54k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jirrevoka r-Regolament (UE) Nru 994/2010 (COM(2016)0052 – C8-0035/2016 – 2016/0030(COD))
P8_TA(2017)0327A8-0310/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0052),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0035/2016),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Kunsill Federali Awstrijak u l-Parlament Bulgaru, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta’ Settembru 2016(1),

–  wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-10 ta' Mejju 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0310/2016),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tat-12 ta' Settembru 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament (UE) 2017/...dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2017/1938.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 16 tar-Regolament

Il-Kummissjoni tilqa’ l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regolament propost bħala għodda importanti biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-pjanijiet ta’ azzjoni preventiva u l-pjanijiet ta’ emerġenza ma’ Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija.

Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li jiġi żgurat b’mod effettiv li l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija ma jdaħħlu fis-seħħ l-ebda miżura li tista’ taffettwa b’mod negattiv lill-qagħda tas-sigurtà tal-provvista fl-UE u fl-Istati Membri tagħha u vice versa.

F’dan ir-rigward, mingħajr preġudizzju għall-proposta inizjali tagħha tas-16 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni se tikkunsidra li, fi żmien debitu, lill-Kunsill tipproponilu rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 218 tat-TFUE għal negozjati dwar l-emendi tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, bl-għan li jiġu stabbiliti qafas ġuridiku u mekkaniżmi xierqa li jippermettu l-applikabbiltà ta’ dispożizzjonijiet partikolari tar-Regolament u ta’ partijiet rilevanti oħra tal-acquis communautaire fil-qasam tal-enerġija bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija min-naħa l-oħra, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ qafas imsaħħaħ għas-sigurtà tal-provvista tal-gass.

(1)ĠU C 487, 28.12.2016, p. 70.


Il-kaċċa għall-balieni fin-Norveġja
PDF 265kWORD 45k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-kaċċa għall-balieni fin-Norveġja (2017/2712(RSP))
P8_TA(2017)0328B8-0499/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC) dwar limiti żero għall-qbid fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni, li daħal fis-seħħ fl-1986 ("il-moratorju"),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2016-3 tal-IWC dwar iċ-ċetaċji u l-kontribut tagħhom għat-tħaddim tal-ekosistema,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2014-2 tal-IWC dwar iċ-ċetaċji li jpassu ħafna,

–  wara li kkunsidra l-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi, miftiehma fil-qafas tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Diversità Bijoloġika,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 tal-4 ta' Mejju 2006(2) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 791/2012 tat-23 ta' Awwissu 2012(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 792/2012 tat-23 ta' Awwissu 2012 li jistipula regoli għat-tfassil ta' permessi, ċertifikati u dokumenti oħrajn ipprovduti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-objettivi strateġiċi tal-UE għas-17 -il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES)(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni(6),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-kaċċa għall-balieni fin-Norveġja (O‑000058/2017 – B8‑0324/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-1982 il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC) introduċiet moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali kollha għall-balieni, li daħal fis-seħħ fl-1986 u li għadu fis-seħħ sal-lum, sabiex tipproteġi l-ispeċijiet u l-popolazzjonijiet mill-estinzjoni u tippermettilhom jirkupraw;

B.  billi n-Norveġja, minkejja din il-projbizzjoni internazzjonali, baqgħet għaddejja bl-attivitajiet tagħha ta' kaċċa għall-balieni, u fl-1993 reġgħet fetħet għalkollox il-kaċċa kummerċjali għall-balieni bit-tressiq ta' oġġezzjoni formali għall-moratorju u bir-reġistrazzjoni u ż-żamma ta' riżervi dwar il-klassifikazzjoni tas-CITES;

C.  billi n-Norveġja saret parti kontraenti tas-CITES fid-19 ta' Diċembru 1979, u b'hekk kienet wieħed mill-ewwel pajjiżi li qablu li jkunu marbutin b'din il-konvenzjoni;

D.  billi, skont xi mezzi tax-xandir, madwar 90 % tal-balieni maqtula min-Norveġja huma nisa, il-biċċa l-kbira minnhom waqt it-tqala, minħabba r-reattività inqas veloċi tagħhom;

E.  billi, minn meta daħal fis-seħħ il-moratorju fl-1986, in-Norveġja qatlet aktar minn 13 000 baliena(7);

F.  billi l-kaċċa għall-balieni tikkawża tbatija enormi lill-annimali individwali, u dan jhedded kemm l-istrutturi soċjali kumplessi ta' dawn il-mammiferi intelliġenti u kemm l-istatus ta' konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-balieni b'mod ġenerali;

G.  billi l-ispeċijiet kollha tal-balieni kbar huma elenkati fl-Anness A tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97, u dan jirrifletti l-fatt li huma mhedda bl-estinzjoni u li kwalunkwe livell ta' kummerċ jipperikola s-sopravivenza tal-ispeċijiet; billi l-Artikolu 8(1) ta' dak ir-regolament jipprojbixxi x-xiri, l-offerta għax-xiri, l-akkwist għal skopijiet kummerċjali, il-wiri fil-pubbliku għal skopijiet kummerċjali, l-użu għall-qligħ u l-bejgħ kummerċjali, iż-żamma għall-bejgħ, l-offerta għall-bejgħ jew it-trasport għall-bejgħ ta' eżemplari tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness A;

H.  billi hemm evidenza xjentifika dejjem akbar li tissuġġerixxi li l-balieni jsaħħu l-produttività tal-ekosistema u jistgħu jiżvolġu rwol fir-regolamentazzjoni tal-livelli atmosferiċi ta' CO2;

I.  billi n-Norveġja tistabbilixxi unilateralment il-limiti tal-qabdiet tagħha stess; billi għall-istaġun tal-kaċċa għall-balieni tal-2017, in-Norveġja żiedet il-kwota tal-balenottera żgħira għal 999 (minn 880 fl-2016);

J.  billi l-esportazzjoni tal-laħam tal-baliena min-naħa tan-Norveġja żdiedet f'daqqa f'dawn l-aħħar snin; billi parti mil-laħam esportat jgħaddi mill-portijiet tal-UE;

K.  billi nstab li, f'Ottubru 2016 biss, ġew esportati 2 948 kg ta' prodotti tal-laħam tal-baliena Norveġiżi, u li dawn għaddew minn, tal-inqas, tliet portijiet tal-UE(8);

L.  billi t-tranżitu tal-laħam tal-baliena mill-portijiet tal-UE huwa awtorizzat, basta l-konsenji jkunu akkumpanjati minn dokumentazzjoni CITES valida f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97;

M.  billi l-objettiv primarju tas-CITES huwa l-protezzjoni tal-bijodiversità, u b'mod partikolari l-konservazzjoni tal-ispeċijiet; billi d-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats, li tiddefinixxi l-pożizzjoni Komunitarja rigward il-balieni (u d-dniefel), ma tippermettix li l-kaċċa kummerċjali għall-balieni tkompli, u dan għall-ebda stokk ta' balieni fl-ibħra tal-UE;

N.  billi n-Norveġja hija assoċjata mill-qrib mal-Unjoni u mal-politika tagħha permezz tas-sħubija tagħha fiż-Żona Ekonomika Ewropea; billi dan iggarantixxa li l-popli u l-gvernijiet tan-Norveġja u tal-UE jżommu rabtiet kulturali qawwijin, relazzjoni kummerċjali b'saħħitha u impenn lejn il-konservazzjoni;

1.  Jistieden lin-Norveġja twaqqaf l-operazzjonijiet kollha ta' kaċċa kummerċjali għall-balieni u tirrispetta l-moratorju tal-IWC;

2.  Jistieden lin-Norveġja tirtira r-riżervi tagħha dwar il-klassifikazzjoni ta' speċijiet kbar ta' balieni fl-Appendiċi I tas-CITES u twaqqaf kull kummerċ ta' laħam u prodotti tal-baliena;

3.  Jiddispjaċih li n-Norveġja qed tissussidja l-industrija tal-balieni u tippromwovi l-konsum u l-użu ta' prodotti li jirriżultaw mill-kaċċa għall-balieni; iħeġġeġ lin-Norveġja twaqqaf dawn is-sussidji;

4.  Jappoġġja bil-qawwa t-tkomplija tal-moratorju globali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni u projbizzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali tal-prodotti tal-baliena;

5.  Jinnota li l-Istati Membri ffirmaw il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi; ifakkar l-azzjoni 9 ta' dan il-pjan, li tistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżviluppaw strateġiji biex titjieb il-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-organiżmi selvaġġi fil-livell nazzjonali;

6.  Jiddispjaċih li waqt id-dibattitu li għamel il-Parlament fis-sessjoni plenarja tas-6 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni ma kinitx kapaċi jew lesta li tipprovdi statistika lill-Parlament dwar il-konsenji ta' laħam tal-baliena li għaddew mill-portijiet tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġbor u tipprovdi l-istatistika meħtieġa;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltajiet kollha biex tiżgura li l-laħam tal-baliena ma jitħalliex jgħaddi aktar mill-portijiet tal-UE, anke billi tirrakkomanda projbizzjoni fuq tranżiti bħal dawn bħala miżura eċċezzjonali;

8.  Jiddispjaċih li s'issa n-Norveġja għadha ma reġgħetx lura mid-deċiżjoni tagħha, minkejja l-ħidma diplomatika li għaddejja – u dik tal-passat – kif ukoll il-protesti internazzjonali mifruxa; jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kunsill jużaw il-kanali bilaterali u multilaterali biex iħeġġu lin-Norveġja twaqqaf il-kaċċa kummerċjali kollha għall-balieni;

9.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, fil-laqgħat li jmiss tal-IWC-67, jieħdu approċċ komuni għall-kaċċa għall-balieni li jkun, tal-inqas, prekawzjonarju daqs il-pożizzjoni komuni attwali, u jimpenjaw ruħhom ma' pajjiżi terzi sabiex jinkiseb appoġġ maġġoritarju għall-ħolqien ta' santwarji tal-balieni;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tan-Norveġja.

(1) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(2) ĠU L 166, 19.6.2006, p. 1.
(3) ĠU L 242, 7.9.2012, p. 1.
(4) ĠU L 242, 7.9.2012, p. 13.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0356.
(6) ĠU C 76E, 25.3.2010, p. 46.
(7) https://iwc.int/table_objection
(8) http://www.maritime-executive.com/article/norways-whaling-comes-under-fire


L-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika
PDF 380kWORD 61k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, mill-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2016)01092016/0062(NLE))
P8_TA(2017)0329A8-0266/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2016)0109),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li nfetħet għall-iffirmar f'Istanbul fil-11 ta' Mejju 2011 (minn hawn 'il quddiem "Il-Konvenzjoni ta' Istanbul"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u, b'mod partikolari l-Artikoli 8, 19, 157, 216 u 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 23, 24, 25 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-NU fl-isfera tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa, bħall-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-prinċipju ta' non-refoulement, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li l-UE hija Stat Parti tagħha, inklużi l-Osservazzjonijiet Konklużivi tal-2015 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) lill-UE, li jistiednu lill-UE biex taċċedi għall-Konvenzjoni ta' Istanbul bħala mod biex in-nisa u l-bniet b'diżabilità jiġu protetti mill-vjolenza,

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li jistieden lill-UE ssir parti fil-Konvenzjoni ta' Istanbul bħala pass ieħor fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq nisa u bniet b'diżabilità;

–  wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali adottat fis-26 ta' Awwissu 2016 mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità dwar l-Artikolu 6 ("Nisa u Bniet b'Diżabilitajiet") tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa(2), tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(3), u tas-6 ta' Frar 2013 dwar "is-57 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) tan-NU: L-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet"(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa(5) u l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(6),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f'Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" ("Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019") (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-għoti ta' setgħa lill-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-Triju ta' Presidenzi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi tas-7 ta' Diċembru 2015 min-Netherlands, is-Slovakkja u Malta,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni(9) u r-Regolament (UE) Nru 606/2013 tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili(10),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu u tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas 2002/629/JHA(11) u d-Direttiva 2011/93/UE tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(12),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol u d-Direttiva 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi, li jiddefinixxu u jikkundannaw il-fastidju u l-fastidju sesswali,

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni dwar adeżjoni possibbli tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul, ippubblikat f'Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra t-Tielet Rapport tal-Attività Trimestrali tal-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tas-16 ta' Novembru 2016 fir-rigward tad-definizzjoni tal-vjolenza sessista fil-Konvenzjoni ta' Istanbul,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Presidenza, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew li titlob l-adeżjoni malajr tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, adottata f'Malta fit-3 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2014-2015(13), u tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(14),

–  wara li kkunsidra l-istudju tad-Dipartiment Tematiku għall-Politiki tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tiegħu intitolat "Knowledge and Know-How: The Role of Self-Defence in the Prevention of Violence against Women" ("Għarfien u Know-how: Ir-Rwol tad-Difiża Leġittima fil-Prevenzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa"), b'mod partikolari fir-rigward tal-kontribut tat-taħriġ fid-difiża leġittima għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Internu l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0266/2017),

A.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur fundamentali tal-UE; billi d-dritt għat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali stabbilit fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u jenħtieġ li jiġi rrispettat, promoss u applikat fil-leġiżlazzjoni, fil-prattika, fil-ġurisprudenza u fil-ħajja ta' kuljum; billi skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi, l-ebda pajjiż tal-UE għadu ma kiseb l-ugwaljanza totali bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-vjolenza sessista hija kemm kawża kif ukoll konsegwenza ta' inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel;

B.  billi forom moderni ta' skjavitù u traffikar tal-bnedmin, li jaffettwaw l-aktar lin-nisa, għadhom persistenti fl-UE;

C.  billi l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu li ladarba tkun seħħet il-vjolenza, is-soċjetà tkun naqset mill-obbligu tagħha ta' protezzjoni, li jiġi l-ewwel u qabel kollox, u miżuri reattivi bħall-għoti ta' kumpens lill-vittmi u l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri jkunu l-uniku mezz li jkun għad fadal;

D.  billi l-UE jeħtiġilha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri tagħha, biex tippromwovi u tħares id-dritt tan-nisa u l-bniet kollha li jgħixu ħielsa mill-vjolenza, fiżika jew psikoloġika, fl-isfera pubblika kif ukoll f'dik privata;

E.  billi jenħtieġ li l-vjolenza sessista ma titteħidx b'leġġerezza jew tiġi trattata bħala kwistjoni li tista' tiġi posposta u indirizzata aktar tard, peress li fl-UE biss taffettwa 'l fuq minn 250 miljun mara u tifla u għandha effetti tremendi fuq is-soċjetà, filwaqt li żżid il-biża' u l-polarizzazzjoni u tikkontribwixxi għall-istress u l-mard mentali, peress li thedded is-sigurtà ta' nofs il-popolazzjoni; billi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) jistma li l-ispiża li s-soċjetà tħallas għall-vjolenza sessista fl-UE hija EUR 226 biljun fis-sena;

F.  billi l-vjolenza fuq in-nisa(15) u l-vjolenza sessista, kemm fiżika u psikoloġika, huma mifruxa fl-UE u għandhom jitqiesu bħala forma estrema ta' diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem li taffettwa n-nisa fil-livelli kollha tas-soċjetà, irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni, id-dħul finanzjarju, il-pożizzjoni soċjali u l-pajjiż ta' oriġini jew ta' residenza, u li tirrappreżenta xkiel ewlieni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, anki ekonomikament u politikament; billi huma meħtieġa aktar miżuri sabiex jinkoraġġixxu lin-nisa li kienu l-vittmi ta' vjolenza jirrapportaw l-esperjenzi tagħhom u jfittxu l-għajnuna, u sabiex jiżguraw li dawn jirċievu appoġġ xieraq skont il-ħtiġijiet tagħhom, jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, u jkollhom aċċess għall-ġustizzja sabiex it-trasgressuri jiġu pproċessati;

G.  billi r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, ippublikat f'Marzu 2014, bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survey" ("Il-vjolenza fuq in-nisa: stħarriġ madwar l-UE), juri li terz tan-nisa kollha fl-Ewropa esperjenzaw atti ta' vjolenza fiżika jew sesswali tal-anqas darba matul il-ħajja adulta tagħhom, 20 % esperjenzaw fastidju online, waħda minn kull għoxrin ġew stuprati u aktar minn waħda minn kull għaxra sofrew vjolenza sesswali li tinvolvi l-użu tal-forza;

H.  billi waħda minn kull għaxar nisa ġew soġġetti għal fastidju sesswali jew insegwiment malizzjuż (stalking) bl-użu ta' teknoloġija ġdida, filwaqt li 75 % tan-nisa fi rwoli ogħla ta' teħid ta' deċiżjonijiet kellhom jirreżistu fastidju sesswali; billi dan juri li l-ebda mara jew tifla, irrispettivament mill-età u l-pożizzjoni fil-ħajja, mhi sikura minn vjolenza sessista;

I.  billi jridu jittieħdu miżuri biex jiġi indirizzat il-fenomenu emerġenti ta' vjolenza sessista online, inklużi il-bullying, il-fastidju u l-intimidazzjoni b'mod partikolari ta' nisa żgħażagħ u bniet u ta' persuni LGBTI;

J.  billi ċ-ċittadini u r-residenti fl-Unjoni mhumiex protetti bl-istess mod mill-vjolenza sessista, minħabba n-nuqqas ta' strateġija Ewropea, inkluż att leġiżlattiv, u l-eżistenza ta' politiki u leġiżlazzjoni li jvarjaw bejn l-Istati Membri fir-rigward ta', inter alia, id-definizzjoni ta' reati u l-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, u għalhekk jibqgħu vulnerabbli għal vjolenza bħal din; billi jeżistu wkoll differenzi fi ħdan l-UE f'termini ta' informazzjoni, l-għoti ta' kenn, servizzi ta' appoġġ u drittijiet u aċċess għalihom;

K.  billi l-vjolenza fuq in-nisa hija marbuta mad-distribuzzjoni mhux ugwali tal-poter bejn in-nisa u l-irġiel, mas-sessiżmu u l-isterjotipi tas-sess, li wasslu għad-dominazzjoni fuq in-nisa u d-diskriminazzjoni kontrihom mill-irġiel u għall-prevenzjoni tal-avvanz sħiħ tan-nisa;

L.  billi l-vjolenza fuq in-nisa tikkontribwixxi għall-persistenza ta' inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel billi jiġi mfixkel l-aċċess tal-vittmi għall-impjieg, b'effetti negattivi fuq l-indipendenza finanzjarja tagħhom u l-ekonomija b'mod ġenerali;

M.  billi fattur importanti għaliex in-nisa ma jirrappurtawx vjolenza sesswali huwa minħabba d-dipendenza ekonomika tagħhom fuq it-trasgressur;

N.  billi l-faqar estrem iżid ir-riskju tal-vjolenza u forom oħra ta' sfruttament li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja u l-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

O.  billi jrid isir aktar biex tiġi ffaċilitata u mħeġġa l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isferi politiċi, ekonomiċi u soċjali, biex tiżdied il-viżibilità tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija, sabiex tiġi miġġielda l-oġġettifikazzjoni u kultura ta' vjolenza sessista;

P.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tistipula li d-dispożizzjonijiet kollha tagħha, b'mod partikolari l-miżuri biex jiġu protetti d-drittijiet tal-vittmi, għandhom jiġu assigurati mingħajr diskriminazzjoni għal ebda raġuni bħalma huma sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew opinjoni oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma' minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, orjentazzjoni sesswali, identità sesswali, età, stat tas-saħħa, diżabilità, status ċivili, status ta' migrant jew rifuġjat jew status ieħor;

Q.  billi n-nisa b'diżabilità huma bejn 1.5 u għaxar darbiet aktar fil-possibilità li jkunu soġġetti għal vjolenza sessista, u minħabba l-pożizzjoni tagħhom ta' dipendenza huwa saħansitra aktar diffiċli li dawn in-nisa jirrappurtaw il-vjolenza; billi n-nisa u l-bniet b'diżabilità ma jiffurmawx grupp omoġenju, iżda, pjuttost, grupp li jinkludi nisa ta' status differenti u f'diversi sitwazzjonijiet u nisa b'tipi differenti ta' indebolimenti, bħal kundizzjonijiet fiżiċi, psikosoċjali, intellettwali jew sensorji li jistgħu jkunu jew jistgħu ma jkunux akkumpanjati minn limitazzjonijiet funzjonali; billi l-UNCRPD tirrikjedi li l-Istati Partijiet jieħdu miżuri biex jiżguraw it-tgawdija sħiħa u ugwali minn nisa b'diżabilitajiet tad-drittijiet tal-bniedem kollha u tal-libertajiet fundamentali kollha;

R.  billi gruppi ta' nisa u bniet, bħal nisa migranti, nisa rifuġjati u nisa jfittxu asil, nisa u bniet b'diżabilità, nisa LGBTI u nisa Rom, huma f'riskju ta' diskriminazzjoni multipla u huma għalhekk aktar vulnerabbli għall-vjolenza, minħabba motivi mqanqla minn sessiżmu akkoppjat mar-razziżmu, il-ksenofobija, l-omofobija, it-transfobija jew il-fobija intersesswali kif ukoll diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, id-diżabilità, l-etniċità jew ir-reliġjon; billi n-nisa fl-Ewropa jiffaċċjaw forom trasversali u multipli ta' diskriminazzjoni li jżommuhom milli jkollhom aċċess għall-ġustizzja u għal servizzi ta' appoġġ u ta' protezzjoni, u milli jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom; billi n-nisa jenħtieġ li jingħataw servizzi ta' appoġġ speċjalizzati fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' protezzjoni;

S.  billi l-vjolenza fuq in-nisa, inkluża l-vjolenza domestika, spiss wisq titqies bħala kwistjoni privata u tiġi ttollerata wisq faċilment; billi fil-fatt hija tikkostitwixxi ksur sistemiku tad-drittijiet fundamentali u delitt serju li jrid jiġi kkastigat bħal tali; billi l-impunità trid tintemm billi jiġi żgurat li t-trasgressuri jiġu pproċessati u li n-nisa u l-bniet li jissopravvivu l-vjolenza jirċievu l-appoġġ u r-rikonoxximent xierqa mis-sistema ġudizzjarja, sabiex jinkiser iċ-ċirku vizzjuż tas-silenzju u s-solitudni għal dawk li sfaw vittmi ta' vjolenza, independentement mill-oriġini ġeografika jew klassi soċjali tagħhom;

T.  billi jeżistu differenzi kulturali sinifikanti bejn l-Istati Membri dwar kemm in-nisa jkunu lesti jirrappurtaw stupru jew attakk sesswali, u l-istatistika uffiċjali tirrifletti din it-tendenza aktar min-numru fattwali ta' stupri jew attakki sesswali kommessi f'pajjiż;

U.  billi fil-parti l-kbira tal-każijiet ta' qtil ta' nisa, it-trasgressuri jkunu żwieġhom jew is-sħab tagħhom, jew ex żwieġhom jew ex sħab tagħhom, li ma jaċċettawx it-tmiem ta' żwieġ jew relazzjoni;

V.  billi t-trasgressur ta' vjolenza sessista spiss ikun persuna li l-vittma diġà tafha u f'ħafna każijiet il-vittma tkun f'pożizzjoni ta' dipendenza, li jżid il-biża' min-naħa tal-vittma biex tirrapporta l-vjolenza;

W.  billi, l-isterjotipi tas-sessi u s-sessiżmu, inkluż diskors ta' mibegħda sessist, li jseħħu madwar id-dinja, offline u online u fil-ħajja pubblika u privata, huma waħda mill-kawżi ewlenin tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa;

X.  billi l-esponiment għal vjolenza u abbuż fiżiċi, sesswali jew psikoloġiċi jħalli impatt qawwi fuq il-vittmi, li jista' jirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali, emozzjonali jew psikoloġika jew danni ekonomiċi; billi dan l-impatt jinħass ukoll minn familji u l-qraba u mis-soċjetà kollha kemm hi; billi t-tfal ma jeħtiġux li jkunu direttament l-oġġett ta' vjolenza sabiex jitqiesu vittmi, peress li x-xhieda ta' vjolenza domestika hija wkoll trawma minnha nnifisha;

Y.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul, fl-Artikolu 3 tagħha, tiddefinixxi b'mod ċar il-"vjolenza sessista" bħala "vjolenza li hija diretta kontra mara għall-fatt li hija mara jew li taffettwa lin-nisa b'mod sproporzjonat" u tiddefinixxi wkoll "ġeneru" bħala "ir-rwoli , l-imġiba, l-attivitajiet u l-attributi li huma mibnija soċjalment li soċjetà partikolari tqis li huma xierqa għan-nisa u l-irġiel";

Z.  billi sabiex jitnaqqas in-numru stmat ta' każijiet mhux irrappurtati, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed istituzzjonijiet stabbiliti għan-nisa biex iħossuhom sikuri u kapaċi jirrapportaw vjolenza sessista;

AA.  billi hija biss taħlita ta' politiki li jikkombinaw miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, inklużi azzjonijiet infrastrutturali, legali, ġudizzjarji, kulturali, edukattivi, soċjali u tas-saħħa, u miżuri biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-vittmi għall-akkomodazzjoni u l-impjieg, inkluża l-provvista ta' kenn għall-vittmi, kif ukoll parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fl-oqsma kollha tas-soċjetà, li jistgħu jnaqqsu b'mod sinifikanti l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza sessista u l-konsegwenzi tagħha; billi s-soċjetà ċivili u, b'mod partikolari, l-organizzazzjonijiet tan-nisa, jagħtu kontribut importanti ħafna biex jiġu evitati u miġġielda l-forom kollha ta' vjolenza, u x-xogħol tagħhom jenħtieġ li jiġi rikonoxxut, imħeġġeġ u appoġġjat sabiex dawn ikunu jistgħu jwettquh bl-aħjar mod possibbli;

AB.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-bniet u n-nisa huwa valur importanti Ewropew, dritt fundamentali tal-bniedem u element essenzjali tal-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa fil-livelli soċjali, kulturali u professjonali, kif ukoll għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet l-oħra kollha soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi u sussegwentement għall-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet;

AC.  billi l-istati biss jistgħu jipprovdu edukazzjoni universali bla ħlas u obbligatorja, li hija kundizzjoni sine qua non biex jiggarantixxu opportunitajiet indaqs għaż-żewġ sessi;

AD.   billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul tenfasizza l-importanza li jinbidlu l-mentalitajiet u l-attitudnijiet sabiex noħorġu mill-continuum ta' vjolenza sessista; billi l-edukazzjoni fil-livelli kollha, u għall-persuni tal-etajiet kollha, dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, dwar ir-rwoli tas-sessi mhux sterjotipati u dwar ir-rispett għall-integrità personali, hija għalhekk meħtieġa f'dan ir-rigward; billi d-difiża leġittima hija waħda mill-għodod effiċjenti għat-tnaqqis tal-vittimizzazzjoni u l-effetti negattivi tagħha, filwaqt li tisfida l-isterjotipi tas-sessi u tagħti s-setgħa lin-nisa u l-bniet;

AE.  billi l-adeżjoni immedjata tal-Istati Membri kollha mal-Konvenzjoni ta' Istanbul tkun kontribut sostanzjali għall-iżvilupp ta' politika integrata u għall-promozzjoni ta' kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa;

AF.  billi l-UE jeħtiġilha taħdem biex tmexxi 'l quddiem il-ġlieda biex tiġi eliminata l-vjolenza sessista fil-viċinat tagħha u madwar id-dinja, bħala parti mill-isforz globali biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, inkluża l-ġlieda kontra l-użu ta' vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra;

AG.  billi l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija ftehim imħallat li jippermetti l-adeżjoni tal-UE b'mod parallel mal-adeżjoni tal-Istati Membri tagħha;

AH.  billi l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, iżda sa issa 14 biss minnhom irratifikawha; billi l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ma teżonerax lill-Istati Membri mir-ratifika nazzjonali;

AI.  billi r-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul tirrikjedi infurzar xieraq, implimentazzjoni effettiva, u allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji u umani adegwati;

1.  Jilqa' l-fatt li fl-4 ta' Marzu 2016 il-Kummissjoni pproponiet l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul, jiġifieri l-ewwel strument komprensiv legalment vinkolanti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza domestika,(16) f'livell internazzjonali;

2.  Jilqa' l-iffirmar għall-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul fit-13 ta' Ġunju 2017; jiddispjaċih, madankollu, li l-limitazzjoni għal żewġ oqsma, jiġifieri kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u l-asil u n-non-refoulement, tqajjem inċertezzi legali dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-adeżjoni tal-UE, kif ukoll tħassib rigward l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni;

3.  jikkundanna l-forom kollha tal-vjolenza fuq in-nisa, u jiddeplora l-fatt li n-nisa u l-bniet ta' spiss ikunu esposti għal vjolenza domestika, fastidju sesswali, vjolenza psikoloġika u fiżika, insegwiment malizzjuż, vjolenza sesswali, stupru, żwieġ sfurzat, mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), abort sfurzat, sterilizzazzjoni sfurzata, sfruttament sesswali u traffikar tal-bnedmin u forom oħrajn ta' vjolenza, li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tagħhom; jenfasizza li l-Konvenzjoni ta' Istanbul tiżgura li l-kultura, id-drawwiet, ir-reliġjon, it-tradizzjoni u l-hekk imsejjaħ "unur" ma jistgħu jkunu ġustifikazzjoni ta' ebda att ta' vjolenza fuq in-nisa; jiddenunzja l-fatt li aktar u aktar nisa u bniet huma vittmi ta' vjolenza sessista fuq l-internet u fuq il-midja soċjali; jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri konkreti biex jindirizzaw dawn il-forom ġodda ta' delitti, inklużi l-estorsjoni tas-sess, il-grooming, it-tnemmis u l-pornografija ta' vendetta, u biex jipproteġu lill-vittmi, li jistgħu jesperjenzaw trawma serja li xi drabi twassal anki għal suwiċidju;

4.  Jenfasizza bil-qawwa li ċ-ċaħda tas-servizzi tas-saħħa u tad-drittijiet sesswali u riproduttivi, inkluż l-abort sikur u legali, huma forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet; itenni li n-nisa u l-bniet irid ikollhom kontroll fuq ġisimhom u s-sesswalità tagħhom; jistieden lill-Istati Membri kollha jiggarantixxu edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità, aċċess faċli għan-nisa għall-ippjanar tal-familja, u l-firxa sħiħa tas-servizzi tas-saħħa riproduttiva u sesswali, inklużi metodi moderni ta' kontraċezzjoni u abort sikur u legali;

5.  Jenfasizza li t-tqala sfurzata hija definita bħala delitt kontra l-umanità fl-Artikolu 7 tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tas-17 ta' Lulju 1998 u hija forma ta' vjolenza sessista fuq in-nisa li tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tan-nisa u l-bniet;

6.  Jenfasizza li l-Konvenzjoni ta' Istanbul issegwi approċċ olistiku, komprensiv u kkoordinat billi tpoġġi d-drittijiet tal-vittma fiċ-ċentru, billi tindirizza l-kwistjonijiet tal-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza domestika, minn firxa wiesgħa ta' perspettivi, filwaqt li tipprevedi miżuri bħall-prevenzjoni tal-vjolenza, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, miżuri tal-liġi kriminali sabiex tiġi miġġielda l-impunità, il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi, il-protezzjoni tat-tfal, il-protezzjoni tan-nisa li jfittxu asil u tar-rifuġjati nisa, ġbir aħjar ta' data u kampanji jew programmi ta' sensibilizzazzjoni, inkluż b'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u korpi għall-ugwaljanza nazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-NGOs;

7.  Jenfasizza li l-Konvenzjoni ta' Istanbul tipprovdi bażi soda għall-bdil tal-istrutturi soċjali li joħolqu, jilleġittimizzaw u jipperpetwaw il-vjolenza fuq in-nisa, u tipprovdi għodod għall-introduzzjoni ta' miżuri għal dan il-għan; jenfasizza li l-Konvenzjoni tindirizza l-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-prosekuzzjoni b'mod simultanju (approċċ fuq tliet livelli) u tapplika approċċ komprensiv u kkoordinat, li joħroġ mill-prinċipju tad-diliġenza dovuta li jistabbilixxi obbligu pożittiv għall-istati li jirrispondu b'mod effettiv għall-atti kollha ta' vjolenza (l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni);

8.  Jenfasizza li l-adeżjoni tal-UE se tipprovdi qafas legali koerenti Ewropew għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza sessista u għall-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi fil-politiki interni u esterni tal-UE, kif ukoll twassal għal monitoraġġ, interpretazzjoni u implimentazzjoni aħjar tal-liġijiet, programmi u fondi tal-UE rilevanti għall-Konvenzjoni, flimkien ma' ġbir aħjar ta' data diżeggregata komparabbli fil-livell tal-UE; iqis li permezz tal-adezjoni mal-Konvenzjoni, l-UE se ssir attur globali aktar effiċjenti fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa;

9.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

   (a) Li jħeġġu lill-Istati Membri jaċċeleraw in-negozjati dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul; li jikkundannaw bil-qawwa t-tentattivi biex jitreġġgħu lura miżuri diġà meħuda fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;
   (b) Li jitolbu lill-Kummissjoni tibda, mingħajr dewmien jew posponiment, djalogu kostruttiv mal-Kunsill u mal-Istati Membri, b'kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, sabiex tindirizza r-riżervi, l-oġġezzjonijiet u t-tħassib espressi mill-Istati Membri, u b'mod partikolari jiġu ċċarati interpretazzjonijiet żvijanti tal-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar id-definizzjoni tal-vjolenza sessista u d-definizzjoni tal-ġeneru fl-Artikolu 3(c) u (d), f'konformità mar-Rimarki Ġenerali tal-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa;
   (c) Li jżommu lill-Parlament infurmat għalkollox dwar l-aspetti rilevanti tan-negozjati fl-istadji kollha, sabiex b'hekk ikun jista' jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu mit-Trattati f'konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE;
   (d) Li jiżguraw, minkejja l-iffirmar tal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta' Istanbul, adeżjoni wiesgħa tal-UE mal-Konvenzjoni mingħajr ebda limitazzjoni;
   (e) Li jiżguraw li l-Istati Membri jinfurzaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul u jallokaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza domestika, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u lill-bniet, u l-protezzjoni tal-vittmi u li jingħataw kumpens, speċjalment fil-każ ta' dawk li qed jgħixu f'żoni fejn servizzi ta' protezzjoni għall-vittmi ma jeżistux jew huma limitati ħafna;
   (f) Li jitolbu lill-Kummissjoni tfassal strateġija olistika tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza sessista li tinkludi pjan komprensiv għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' inugwaljanzi bejn is-sessi fejn jiġu integrati l-isforzi kollha tal-UE biex tinqered il-vjolenza fuq in-nisa;
   (g) Li jaħtru Koordinatur tal-UE biex jaġixxi bħala rappreżentant tal-UE għall-Kumitat tal-Partijiet fil-Kunsill tal-Ewropa ladarba l-Konvenzjoni ta' Istanbul tiġi ratifikata mill-UE; dan il-koordinatur ikun responsabbli għall-koordinazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki u l-miżuri biex jiġu prevenuti u miġġielda l-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet;
   (h) Li jiżguraw li l-Parlament Ewropew jiġi involut b'mod sħiħ fil-proċess ta' monitoraġġ tal-Konvenzjoni ta' Istanbul wara l-adeżjoni tal-UE; li jipproċedu bi ftehim immedjat dwar kodiċi ta' kondotta rigward kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, li jenħtieġ li jinvolvi wkoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, partikolarment organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa;
   (i) Li jħeġġu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproduċu linji gwida u strateġiji prattiċi għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni u l-infurzar mingħajr xkiel tagħha f'dawk l-Istati Membri li diġà rratifikawha, filwaqt li jirrispondu wkoll għall-preokkupazzjonijiet ta' dawk li għadhom ma rratifikawhiex u jħeġġuhom jagħmlu dan;
   (j) Li jiżguraw taħriġ, proċeduri u linji gwida xierqa għall-professjonisti kollha li jittrattaw mal-vittmi tal-atti kollha ta' vjolenza koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni sabiex jiġu evitati diskriminazzjoni jew rivittimizzazzjoni matul il-proċedimenti ġudizzjarji u mediċi, u dawk immexxija mill-pulizija;
   (k) Li jiżguraw miżuri preventivi sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni vulnerabbli, bħal nisa b'diżabilitajiet, rifuġjati nisa, vittmi tfal, nisa tqal, nisa LBTI u nisa bi ħtiġijiet ta' appoġġ addizzjonali, inklużi servizzi ta' appoġġ speċjalizzat immirat u aċċessibbli faċilment, flimkien ma' servizzi tal-kura tas-saħħa adegwati u akkomodazzjoni sikura għan-nisa li kienu vittmi ta' vjolenza sessista u għal uliedhom;
   (l) Li jqisu inċidenti sinifikanti ta' vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza domestika, meta jiġu determinati d-drittijiet ta' kustodja u ta żjarat; id-drittijiet u l-ħtiġijiet tat-tfal xhieda jenħtieġ li jitqiesu wkoll meta jiġu pprovduti protezzjoni u servizzi ta' appoġġ lill-vittmi;
   (m) Li jippromwovu b'mod attiv bidla fl-attitudnijiet u fl-imġiba u li jiġġieldu s-sessiżmu u r-rwoli sterjotipati tal-ġeneru, inkluż billi jippromwovi lingwa newtrali għall-ġeneru, jagħmlu sforzi konġunti biex jiġi indirizzat ir-rwol ewlieni tal-midja u r-reklamar f'dan il-qasam, u li jinkoraġġixxu lil kulħadd, inklużi l-irġiel u s-subien, jassumu rwol attiv fil-prevenzjoni ta' kull forma ta' vjolenza; li jappellaw lill-Istati Membri, għalhekk, sabiex jadottaw u jimplimentaw politiki attivi għall-inklużjoni soċjali, id-djalogu interkulturali, l-edukazzjoni dwar is-sess u r-relazzjonijiet, l-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u kontra d-diskriminazzjoni, kif ukoll taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għal professjonisti tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji; li jħeġġu lill-Istati Membri jinkludu fis-sistemi edukattivi tagħhom l-eliminazzjoni tal-ostakli kollha għall-ugwaljanza ġenwina bejn in-nisa u l-irġiel u li jippromwovu bis-sħiħ dak l-objettiv;
   (n) Li jħeġġu lill-Istati Membri jimplimentaw politiki li jimmiraw lejn il-bini ta' soċjetajiet ħielsa mill-vjolenza ta' kull tip u li jużaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul b'dan il-mod;
   (o) Li jiżguraw li l-miżuri proattivi kontra l-vjolenza jirrikonoxxu r-realtà sessista fejn il-maġġoranza assoluta tat-trasgressuri huma rġiel; li jħeġġu lill-Istati Membri jaħdmu bi strateġiji li jnaqqsu l-vjolenza bbażati fuq evidenza biex tiġi indirizzata din il-problema;
   (p) Li jieħdu l-miżuri meħtieġa skont l-Artikoli 60 u 61 tal-Konvenzjoni dwar il-migrazzjoni u l-asil, billi jikkunsidraw il-fatt li n-nisa u l-bniet migranti, kemm jekk iddokumentati kif suppost kif ukoll jekk le, kif ukoll in-nisa li jfittxu asil għandhom id-dritt li jgħixu ħielsa mill-vjolenza kemm jekk fl-isfera pubblika kif ukoll privata u huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza sessista, u jfakkru li l-vjolenza sessista, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili, tista' tiġi rikonoxxuta bħala forma ta' persekuzzjoni u li l-vittmi għalhekk jistgħu jiddisponu mill-protezzjoni li toffri l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951; Li jiżguraw li l-Istati Membri jirrispettaw approċċ sensittiiv għall-ġeneru fil-proċeduri kollha tal-asil u tal-akkoljenza u jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulement;
   (q) Li jippromwovu l-ibbaġitjar sensittiv għal kwistjonijiet tal-ġeneru bħala għodda għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza sessista f'oqsma ta' politika rilevanti, kif ukoll jiżguraw riżorsi u finanzjament għall-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi u għal dawk li jissopravvivu l-vjolenza;
   (r) Li jtejbu u jippromwovu l-ġbir ta' data diżaggregata komparabbli rilevanti dwar każijiet ta' vjolenza ta' kull xorta koperti mill-Konvenzjoni ta' Istanbul, b'kooperazzjoni mal-EIGE, inkluża data diżaggregata skont l-età u s-sess tat-trasgressuri u r-relazzjoni bejn it-trasgressur u l-vittma, sabiex tinbena metodoloġija komuni biex jitqabblu d-databases u l-analiżi tad-data, u b'hekk jiġi żgurat li l-problema tinftiehem aħjar, u li jqajmu kuxjenza dwar l-azzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza sessista filwaqt li jivvalutaw u jtejbu dawn l-azzjonijiet;

10.  Jenfasizza li sabiex ikunu aktar effettivi, il-miżuri li jiġġieldu l-vjolenza fuq in-nisa jenħtieġ li jiġu akkumpanjati minn azzjonijiet li jindirizzaw l-inugwaljanzi ekonomiċi sessisti u li jippromwovu l-indipendenza finanzjarja tan-nisa;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta att legali biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u t-trażżin tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u tal-vjolenza sessista;

12.  Jistieden lill-Kunsill jattiva l-klawsola "passerelle" billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (u forom oħra ta' vjolenza sessista) bħala qasam ta' kriminalità skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-deċiżjoni Qafas tal-UE attwalment fis-seħħ dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, bil-għan li jiġu inklużi s-sessiżmu, l-atti kriminali ta' preġudizzju u l-inċitament għall-mibegħda abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-karatteristiċi sesswali;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2011/99/UE dwar l-Ordni Ewropea ta' Protezzjoni, ir-Regolament (UE) Nru 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili u d-Direttiva 2012/29/UE dwar il-protezzjoni tal-vittmi kif ukoll id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u d-Direttiva 2011/93/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal;

15.  Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni twaqqaf Osservatorju Ewropew ta' Monitoraġġ dwar il-vjolenza sessista (fuq il-linji tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi eżistenti);

16.  Iħeġġeġ lill-Presidenza Estonjana taċċelera r-ratifika tal-UE tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.
(2) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 53.
(3) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.
(4) ĠU C 24, 22.1.2016, p. 8.
(5) ĠU C 285, 29.8.2017, p. 2.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0451.
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0312.
(8) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(9) ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.
(10) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.
(11) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(12) ĠU L 335, 17.12.2011, p.1.
(13) Testi adottati, P8_TA(2017)0073.
(14) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 2.
(15) Għall-finijiet tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, it-terminu "nisa" jinkludi l-bniet taħt l-età ta' 18 (Artikolu 3).
(16) Ara d-definizzjonijiet fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul.


L-impatt tal-kummerċ internazzjonali u tal-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-katini ta' valur mondjali
PDF 210kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u l-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-katini ta' valur mondjali (2016/2301(INI))
P8_TA(2017)0330A8-0269/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment" (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabilità korporattiva(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-evalwazzjoni tal-aspetti esterni ta' prestazzjoni u l-ġestjoni doganali bħala għodda biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabilità tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni dwar in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA)(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 li tinkludi r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea dwar in-negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP)(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibilità fil-Bangladesh(10),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina ta' provvista għall-importaturi fl-Unjoni ta' landa, tantalju u tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb li joriġina minn żoni milquta mill-kunflitt u żoni ta' riskju għoli (11)(ir-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (COM(2003)0251) u l-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarji dwar il-FLEGT,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (12)(ir-Regolament dwar l-Injam),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (13)(ir-Regolament tal-SĠP),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (14)(ir-Regolament Brussell I),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (15)(id-Direttiva dwar ir-Rapportar Mhux Finanzjarju),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija konġunta tal-2007 tal-UE u tal-Istati Membri tagħha bit-titolu "Għajnuna għall-Kummerċ: It-tisħiħ tal-appoġġ tal-UE għall-ħtiġijiet relatati mal-kummerċ f'pajjiżi li qed jiżviluppaw",

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2017 dwar katini ta' valur tal-ħwejjeġ sostenibbli permezz ta' azzjoni tal-UE għall-iżvilupp (SWD(2017)0147),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-Rapport IV tal-105 Konferenza tal-ILO dwar xogħol deċenti fil-katini ta' provvista mondjali,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU għall-2030,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO dwar it-tħaddim tat-tfal, ix-xogħol furzat, id-diskriminazzjoni, u l-libertà ta' assoċjazzjoni u negozjar kollettiv,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-UE u dwar il-katini ta' valur mondjali responsabbli,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva (COM(2011)0681),

–  wara li kkunsidra l-Att tar-Renju Unit tal-2015 dwar l-Iskjavitù Moderna u l-liġi Franċiża dwar id-dover tal-kura ta' kumpaniji multinazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt mondjali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll il-ġdid tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2014, li fiha l-UNHRC ddeċieda li jistabbilixxi grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ inkarigat li jelabora strument ġuridikament vinkolanti f'livell internazzjonali dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u bosta linji gwida tal-OECD speċifiċi għas-settur (is-settur finanzjarju, agrikolu, minerali, tal-ħwejjeġ u taż-żraben),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti tal-UNCTAD dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp tal-2013 u l-2016,

–  wara li kkunsidra l-Qafas tal-Politika tal-Investiment tal-UNCTAD tal-2015 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO TBT),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tad-WTO,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u l-Prinċipji tad-Drittijiet tat-Tfal u tan-Negozju żviluppati mill-UNICEF, il-Patt mondjali tan-NU u Save the Children(16),

–  wara li kkunsidra sħubijiet volontarji speċifiċi għall-pajjiżi, bħall-inizjattiva tal-Patt ta' Sostenibilità fil-Bangladesh u l-inizjattiva tad-Drittijiet tax-Xogħol fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar it-Tħaddim tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0269/2017),

A.  billi l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-politika kummerċjali tal-UE trid tkun ibbażata fuq il-prinċipji u l-objettivi tal-politika esterna tal-UE; billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta' koerenza politika għall-iżvilupp u jistabbilixxi l-eradikazzjoni tal-faqar bħala l-objettiv ewlieni; billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Kummerċ għal Kulħadd tibbaża l-politika kummerċjali tal-UE fuq tliet prinċipji ewlenin – l-effettività, it-trasparenza u l-valuri; billi din il-komunikazzjoni għandha taqsima dedikata għar-reazzjoni għaż-żieda ta' katini ta' valur mondjali u għall-ġestjoni responsabbli tal-katini ta' provvista, filwaqt li tfakkar il-kumplessità tagħha, il-ħtieġa fundamentali tal-ħsieb prospettiv, tal-involviment ta' medda wiesgħa ta' atturi pubbliċi, privati u tas-soċjetà ċivili u tal-użu ta' taħlita ta' għodod mhux vinkolanti u innovattivi u bidliet leġiżlattivi;

B.  billi dan l-aħħar il-kummerċ ħieles qed jiġi dejjem iktar taħt skrutinju tal-pubbliku u t-tħassib dwar id-distribuzzjoni inikwa tal-benefiċċji u l-piżijiet ta' kummerċ għamlu viżibbli l-fehma tal-maġġoranza li l-politika tal-kummerċ għandha bżonn tistabbilixxi valuri soċjali u ambjentali, kif ukoll it-trasparenza u r-responsabilità, fil-qalba tagħha;

C.  billi l-katini ta' valur mondjali (GVCs) huma realtà kumplessa, immexxija mit-teknoloġija li qed tinbidel b'ritmu mgħaġġel, li saru karatteristika ewlenija fl-ekonomija mondjali tal-lum u jistgħu jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jintegraw ruħhom fiha b'mod aħjar u biex inaqqsu l-faqar u joħolqu l-impjiegi, u, fl-istess ħin, iżidu l-kapaċità ta' produzzjoni; billi, minn naħa waħda, il-GVCs joffru prospettivi ġodda għat-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, l-involviment tas-soċjetà ċivili, il-ħaddiema u l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi, u għall-ħolqien tal-impjiegi għal kumpaniji fi ħdan il-katina tal-produzzjoni, billi jippermettulhom li jiffukaw fuq kompiti speċifiċi filwaqt li tiżdied l-interdipendenza tagħhom; billi, min-naħa l-oħra, in-natura estremament kumplessa tagħhom, in-nuqqas ta' trasparenza u d-dilwizzjoni tar-responsabilitajiet jistgħu jwasslu għal riskju akbar ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-impunità fattwali għal reati kontra l-ambjent u l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali fuq skala kbira;

D.  billi l-politika kummerċjali trid tikkontribwixxi għal proċess trasparenti ta' produzzjoni tul il-katina tal-valur kollha, kif ukoll konformità mal-istandards fundamentali fl-oqsma ambjentali, soċjali u ta' sikurezza;

E.  billi l-politika kummerċjali u ta' investiment tal-UE trid iżżomm is-sistema multilaterali bħala l-pedament tagħha u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa fil-katini ta' provvista mondjali ġusti, iżda għandha tipprovdi wkoll għodod biex jistabbilixxu regoli ċari u r-responsabilitajiet tal-gvernijiet u l-kumpaniji sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-impenji internazzjonali bħalma huma l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs); billi s-sostenibilità u t-trasparenza mhumiex biss kwistjoni ta' valuri, iżda jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala muturi reali ta' valur miżjud ulterjuri fil-kummerċ u l-investiment mondjali fil-kuntest tal-GVCs;

F.  billi l-SMEs(17) jiffurmaw parti importanti tal-GVCs u jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli u l-impjiegi ta' kwalità u biex iżommu l-popolazzjonijiet lokali milli jitbiegħdu mir-reġjuni tagħhom;

G.  billi l-parteċipazzjoni fil-GVCs tagħmel ġid lill-SMEs f'termini ta' tkabbir u ta' internazzjonalizzazzjoni; billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2015 bit-titolu "Internationalisation of Small and Medium-sized Enterprises" (Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs), 31 % biss tal-SMEs fl-UE huma involuti f'negozju barra s-Suq Intern fit-tliet snin preċedenti; billi ħafna SMEs qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu aċċess għall-GVCs ibbażati fl-UE u dawk internazzjonali; billi l-politika kummerċjali u l-ftehimiet kummerċjali jistgħu jgħinu biex jingħelbu l-ostakli u l-isfidi li l-SMEs qed jiffaċċjaw fil-preżent biex jaċċedu għall-GVCs;

H.  billi d-diliġenza dovuta volontarja u l-iskemi ta' trasparenza tal-GVCs qed jintużaw u jiġu promossi madwar id-dinja minn sħab ekonomiċi u soċjali u NGOs, li jipproduċu riżultati sostanzjali u pożittivi;

I.  billi fil-konklużjonijiet ta' Mejju 2016, il-Kunsill enfasizza "l-ħtieġa li titkompla l-promozzjoni tal-adozzjoni tal-prinċipji, il-linji gwida u l-inizjattivi dwar is-CSR/RBC miftehma f'livell internazzjonali, bħal pereżempju l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-Patt Globali tan-NU, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, inkluż f'pajjiżi li mhumiex membri tal-OECD, li tikkontribwixxi wkoll għall-isforzi kontra l-korruzzjoni billi toħloq ambjenti tan-negozju aktar liberi u trasparenti";

J.  billi ġestjoni mondjali responsabbli tal-GVCs hija essenzjali biex il-politika kummerċjali tiġi allinjata mal-valuri Ewropej minquxa fit-Trattati; billi kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri kienu fuq quddiem nett ta' dawn id-dibattiti madwar id-dinja;

K.  billi bosta konvenzjonijiet internazzjonali, linji gwida u regoli għandhom l-għan li jipprevjenu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-pajjiżi produtturi b'mod partikolari għandhom l-obbligu li jimplimentawhom u li joħolqu l-kundizzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi xierqa li fihom in-negozji jistgħu joperaw u jsibu posthom fil-katini ta' provvista mondjali; billi l-pajjiżi produtturi għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw ukoll standards u normi internazzjonali, inklużi t-tfassil, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' leġiżlazzjoni xierqa, b'mod partikolari fil-qasam tal-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

L.  billi l-UE jenħtieġ li twieġeb b'mod saħansitra aktar effettiv għad-dumping soċjali u ambjentali u għal prattiki kummerċjali u ta' kompetizzjoni inġusti, u tiżgura kondizzjonijiet ta' parità;

M.  billi l-UE hija l-akbar esportatur u importatur mondjali tal-prodotti u tas-servizzi kkalkulati f'daqqa, l-akbar investitur dirett barrani u l-iktar destinazzjoni importanti għall-investiment dirett barrani (IDB); billi l-UE jenħtieġ li tuża din is-saħħa għall-benefiċċju kemm taċ-ċittadini tagħha stess kif ukoll dawk f'partijiet oħra tad-dinja, b'mod partikolari fl-ifqar pajjiżi tad-dinja;

N.  billi l-UE żviluppat regolamenti vinkolanti fil-qasam tad-diliġenza korporattiva dovuta f'setturi speċifiċi fejn hemm riskju għoli ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma s-setturi tal-injam u l-minerali ta' kunflitt; billi xi Stati Membri żviluppaw ukoll leġiżlazzjoni, bħalma huma l-Att dwar l-Iskjavitù Moderna tar-Renju Unit, il-Liġi Franċiża dwar id-dover ta' kura ta' kumpaniji multinazzjonali (MNC), li tapplika għall-kumpaniji Franċiżi l-kbar li jħaddmu iktar minn 5 000 ruħ, u l-Abbozz ta' Liġi Netherlandiża tad-Diliġenza Dovuta dwar it-Tħaddim tat-Tfal; billi l-UE żviluppat inizjattivi biex tippromwovi d-diliġenza dovuta u diversi riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew talbu lill-UE biex tiżviluppa regoli vinkolanti dwar din il-kwistjoni;

O.  billi l-UE diġà ħadet passi importanti lejn ġestjoni iżjed responsabbli tal-GVCs madwar id-dinja bl-iżvilupp ta' sħubijiet speċifiċi, bħalma huma l-Patt għas-Sostenibilità fil-Bangladesh u l-Inizjattiva tad-Drittijiet tax-Xogħol mal-Myanmar, u dwar kwistjonijiet speċifiċi, bħall-inizjattiva dwar il-minerali ta' kunflitt, regolamenti dwar il-qtugħ illegali tas-siġar, kriterji ta' sostenibilità għall-bijokarburanti, ir-rappurtar korporattiv dwar kwistjonijiet dwar il-katina ta' provvista, it-trasparenza korporattiva dwar pagamenti li jsiru lil gvernijiet minn industriji estrattivi u tal-qtugħ tas-siġar, kif issottolinjat fil-komunikazzjoni Kummerċ għal Kulħadd;

P.  billi l-komunikazzjoni "Kummerċ għal Kulħadd" tgħid li l-Kummissjoni se tippromwovi kapitoli dwar kummerċ ambizzjuż u żvilupp sostenibbli (TSD) fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha; billi ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE konklużi reċentement jinkludu kapitoli dwar it-TSD, li fihom il-partijiet tll-ftehim huma mitluba jieħdu impenji dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali u r-responsabilità soċjali korporattiva; billi dawn il-kapitoli wrew differenzi fil-livell tal-ambizzjoni tagħhom fi ftehimiet kummerċjali suċċessivi tal-UE; billi l-istandards fil-qasam tax-xogħol u f'dak ambjentali mhumiex limitati għal kapitoli dwar it-TSD, iżda jridu jkunu effettivi fl-oqsma kollha tal-ftehimiet kummerċjali; billi l-approċċ iffukat fuq id-djalogu ma ppreveniex ksur serju tal-libertà ta' assoċjazzjoni f'xi Ftehimiet ta' kummerċ ħieles;

Q.  billi s-sitwazzjoni partikolari għaż-Żoni għall-Ipproċessar tal-Esportazzjoni (EPZs) hija tali li f'xi pajjiżi huma eżenti minn liġijiet tax-xogħol lokali u jipprojbixxu jew jillimitaw l-attività tat-trade unions, u li l-ħaddiema ma għandhom l-ebda rikors għal rimedju legali hemmhekk, fatt li jikkostitwixxi ksur ċar tal-istandards tal-ILO;

R.  billi n-nuqqas ta' mġiba etika fin-negozju huwa wkoll il-konsegwenza tan-nuqqas ta' governanza tajba, ta' impotenza jew tal-ineżistenza ta' awtoritajiet pubbliċi imparzjali li jaġixxu fl-interess ġenerali taċ-ċittadini; billi l-korruzzjoni, in-nuqqas ta' trasparenza tal-GVCs u l-eżenzjonijiet mil-liġijiet dwar ix-xogħol u t-tassazzjoni fl-EPZs, jista' jkollhom effett negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem, partikolarment billi jimminaw ix-xogħol deċenti u t-trade unions;

S.  billi skont l-ILO, 21 miljun persuna madwar id-dinja huma vittmi ta' xogħol furzat, u ħafna minnhom huma sfruttati fil-GVCs; billi x-xogħol furzat fl-ekonomija privata jiġġenera profitt illegali ta' USD 150 biljun kull sena;

T.  billi, minħabba l-mandat, il-kompetenzi u l-esperjenza mondjali tagħha, l-ILO, f'kollaborazzjoni mal-Membri tagħha, tinsab f'qagħda tajba biex tmexxi l-azzjoni mondjali għal xogħol deċenti fil-katini tal-provvista mondjali; billi l-Kumitat tal-ILO dwar Xogħol Deċenti fi katini tal-Provvista Mondjali talab valutazzjoni tan-nuqqasijiet li jwasslu għal defiċit fix-xogħol deċenti fil-katini tal-provvista mondjali u għal riflessjoni dwar l-inizjattivi u l-istandards meħtieġa għall-promozzjoni ta' xogħol deċenti u għall-faċilitazzjoni tat-tnaqqis tad-defiċits ta' xogħol deċenti fil-katini tal-provvista mondjali;

U.  billi huwa meħtieġ approċċ olistiku, mondjali u multilaterali għar-responsabilità korporattiva għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u s-sostenibilità ambjentali fil-kuntest tal-kummerċ mondjali fil-GVC; billi huwa importanti, għalhekk, li l-UE tkompli tmexxi dawn id-dibattiti madwar id-dinja; billi l-UE poġġiet lilha nfisha fuq quddiem nett f'dak li għandu x'jaqsam mar-riforma tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u stati, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' sistema ġurisdizzjonali multilaterali; billi huwa mistenni progress simili f'oqsma kritiċi oħra ta' tħassib bħal mhuma l-infurzar tal-obbligi tal-investituri b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem;

V.  billi l-produzzjoni fil-GVCs isseħħ f'diversi ġurisdizzjonijiet bi gradi differenti ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni soċjali, tax-xogħol u ambjentali; billi l-vittmi tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu lill-kumpaniji transnazzjonali jistgħu jiffaċċjaw ħafna ostakli fl-aċċess għal rimedji ġudizzjarji;

W.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha tal-UE hija stabbilita sew fl-Artikolu 8 tat-TFUE; billi l-ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment għandhom ħabta jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti minħabba l-inugwaljanzi strutturali bejn is-sessi; billi l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi spiss tiġi injorata fl-analiżi tal-GVCs; billi, skont l-ILO, fl-2012 21 miljun persuna fid-dinja, li 55 % minnhom kienu nisa u bniet, kienu l-vittmi ta' xogħol furzat, fejn 90 % minnhom ġew sfruttati fl-ekonomija privata minn individwi jew impriżi;

X.  billi n-nisa jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-ħaddiema f'ċerti taqsimiet tal-katini tal-provvista mondjali fis-setturi tal-ħwejjeġ, l-ortikultura, it-telefonija mobbli u t-turiżmu iżda, meta mqabbla mal-irġiel, għandhom it-tendenza li jkunu aktar ikkonċentrati f'forom ta' impjieg b'paga baxxa jew bi status baxx, u dan iwassal għal segregazzjoni bejn is-sessi fit-tipi ta' impjiegi u attivitajiet, diskrepanzi fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u restrizzjonijiet speċifiċi għas-sessi fl-aċċess għar-riżorsi produttivi, l-infrastruttura u s-servizzi;

Y.  billi skont l-Artikolu 3(3) tat-TUE, l-Unjoni għandha tipproteġi d-drittijiet tat-tfal; billi l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

Z.  billi s-servizzi qed ikollhom rwol akbar fil-GVCs, b'mod partikolari fil-produzzjoni tas-settur tal-manifattura; billi ż-żieda fl-integrazzjoni tas-servizzi fil-GVCs se teħtieġ ftehimiet li jappoġġaw l-ekonomija diġitali, inkluż il-fluss ħieles ta' data;

AA.  billi l-iżvilupp ta' katini ta' valur mondjali jikkontribwixxi wkoll għall-integrazzjoni tas-servizzi fil-produzzjoni ta' oġġetti; billi ammont sinifikanti mill-valur ta' oġġetti importati żdied permezz ta' servizzi mill-pajjiżi ta' importazzjoni;

AB.  billi l-Istati Membri tal-UE huma l-akbar esportaturi tas-servizzi finanzjarji, u s-settur għandu importanza strateġika fil-politika kummerċjali tal-UE; billi l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar is-servizzi finanzjarji fil-Ftehimiet Esterni tal-UE, inklużi l-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles, qajmet xi tħassib leġittimu dwar l-effetti negattivi potenzjali tagħhom fejn jidħol il-ħasil tal-flus u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u tenfasizza iktar l-importanza li jitqies l-użu tal-għodod li jindirizzawhom; billi l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment joffru opportunità tajba biex tiżdied il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, u l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

AC.  billi tikkettar trasparenti u informattiv jista' jkun għodda utli li tippermetti lill-konsumaturi tal-UE jagħmlu għażliet iktar infurmati u adegwati; billi, barra mill-prezz u l-oriġini ta' prodott, kriterji soċjali u ambjentali għandhom ikunu disponibbli wkoll għall-konsumaturi tal-UE; billi dawn il-kriterji jistgħu teknikament jiġu żviluppati skont il-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-proċess ta' produzzjoni biex ikun permess il-bejgħ ta' prodott;

AD.  billi r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem fil-katina tal-produzzjoni u konformità sħiħa mal-istandards tas-sikurezza tal-ikel ta' oġġetti rilaxxati f'ċirkolazzjoni ħielsa fis-suq Ewropew jenħtieġ li jiġu rrispettati kemm mill-istati kif ukoll mill-impriżi; billi l-piż tar-responsabilità jenħtieġ li ma jinġarx biss mill-konsumaturi, li l-għażla tagħhom hija limitata kemm minn riżorsi individwali (ekonomija, ħin, għarfien) kif ukoll minn elementi esterni (informazzjoni, offerti);

AE.  billi r-Regoli tal-Oriġini (RoO) saru dejjem aktar importanti fil-kuntest tal-GVCs, fejn il-produzzjoni għandha t-tendenza li tkun mifruxa f'bosta pajjiżi; billi r-regoli laxki tal-oriġini jistgħu joħolqu ostakoli addizzjonali biex tiġi stabbilita trasparenza u responsabilità sħiħa tul il-katini tal-provvista;

AF.  billi li proċeduri doganali aħjar, armonizzati u aktar effiċjenti fl-Ewropa u lil hinn minnha jiffaċilitaw il-kummerċ u jissodisfaw ir-rekwiżiti rispettivi ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ, kif ukoll jgħinu biex jevitaw il-falsifikazzjonijiet u l-oġġetti illegali, mormija u kontrafatti milli jidħlu fis-suq uniku, u dan idgħajjef it-tkabbir ekonomiku tal-UE u jikkomprometti lill-konsumaturi tal-UE b'mod serju; billi l-aċċess akbar għad-data doganali dwar l-importazzjonijiet deħlin fl-UE jżid it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-GVCs;

AG.  billi f'dinja ta' netwerks ta' produzzjoni frammentati, id-distinzjoni bejn l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet hija mċajpra, peress li l-elementi produttivi importati jammontaw għal proporzjon sinifikanti ta' esportazzjonijiet, u t-tariffi huma akkumulati kull darba li l-prodotti intermedjarji jiġu negozjati min-naħa għall-oħra tal-fruntieri; billi proċeduri doganali u tal-fruntieri, effiċjenti huma partikolarment importanti f'dan il-kuntest;

AH.  billi l-inċentivi kummerċjali SĠP u l-SĠP+ jipprovdu lill-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp b'aċċess aħjar għas-suq, u dan bi skambju għar-rispett tal-istandards tax-xogħol, ambjentali u soċjali;

AI.  billi l-SĠP+ hija strument importanti tal-politika kummerċjali tal-UE li tipprovdi aċċess aħjar għas-suq u hija akkumpanjata minn mekkaniżmu ta' monitoraġġ strett għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-governanza t-tajba fil-pajjiżi vulnerabbli li qed jiżviluppaw;

AJ.  billi l-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs) jistgħu jipprovdu għal integrazzjoni ulterjuri fil-GVCs;

Il-pożizzjoni tal-UE fil-GVCs

1.  Jenfasizza li l-politika kummerċjali u ta' investiment jenħtieġ li tipprovdi effett ta' lieva, biex toħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għan-negozji Ewropej, tippromwovi l-kompetittività Ewropea u tiffaċilita l-konverġenza 'l fuq tal-istandards; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura koerenza bejn il-politiki ambjentali, tas-saħħa pubblika, kummerċjali, ta' investiment u industrijali tal-UE, u tippromwovi l-istrateġija Ewropea tar-reindustrijalizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

2.  Jemmen li l-integrazzjoni ulterjuri tal-UE fil-katini tal-valur mondjali m'għandhiex tkun ta' detriment għall-mudell soċjali u regolatorju Ewropew u l-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-għarfien u l-adozzjoni ta' skemi ta' kummerċ ġust eżistenti, kif imsemmi fl-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd, kemm fi ħdan il-qafas tal-pjan tal-UE għas-sostenibilità kif ukoll il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp;

4.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw strumenti msaħħa tad-difiża tal-kummerċ sabiex jikkumbattu l-prattiki kummerċjali inġusti, b'kont meħud ta' dumping soċjali u ambjentali;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt tal-użu tal-istrumenti ta' difiża tal-kummerċ, mill-UE u minn pajjiżi terzi, dwar l-integrazzjoni effettiva ta' negozji tal-UE fil-GVCs;

6.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' regoli armonizzati u koordinament u superviżjoni msaħħa tal-UE għall-applikazzjoni ta' dazji fuq l-importazzjoni mill-Istati Membri (inklużi dazji konvenzjonali, ta' anti-dumping u dawk kompensatorji) għat-tipi kollha ta' prodotti bażiċi u merkanzija, speċjalment bl-involviment ta' dikjarazzjonijiet foloz tal-oriġini (fir-reġim preferenzjali u mhux) u s-sottovalutazzjoni u deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija;

Il-GVCs u l-multilateraliżmu

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem b'mod attiv fi ħdan id-WTO sabiex tiżdied it-trasparenza, u biex tiddefinixxi u tippromwovi regoli multilaterali għall-kummerċ, inkluż il-ġestjoni sostenibbli tal-GVCs, li b'mod partikolari, jenħtieġ li jinkludu dan li ġej:

   rekwiżiti tad-diliġenza dovuta u tat-trasparenza obbligatorji fil-katina tal-provvista, fuq il-bażi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;
   standards minimi tas-saħħa u tas-sikurezza, li jirrikonoxxu b'mod partikolari d-dritt tal-ħaddiema li jistabbilixxu kumitati tas-sikurezza,
   bażi ta' protezzjoni soċjali u rispett għall-istandards tax-xogħol tal-ILO;
   id-dritt ta' negozjar kollettiv;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fil-fora multilaterali kollha dwar in-negozju, il-GVC, id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li jippromwovu l-valuri Ewropej minquxa fit-Trattati u b'kont meħud tal-ħtieġa fundamentali li jiġu protetti l-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs;

9.  Jilqa' n-negozjati li għaddejjin dwar Trattat vinkolanti tan-NU għall-Kumpaniji Transnazzjonali u d-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv f'dawn in-negozjati u biex jieħdu sehem attiv u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' proposti konkreti, inkluż l-aċċess għal rimedji, jinvestu l-isforzi kollha tagħhom fil-ksib ta' riżultat pożittiv u t-tħeġġiġ ta' sħab kummerċjali sabiex jiġu involuti b'mod ugwali; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex tikkunsidra l-possibilità ta' diliġenza dovuta obbligatorja estensiva, inkluż fuq il-livell mondjali;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-applikazzjoni u jżidu l-effettività tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali (NAP) li jimplimentaw il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jenfasizza li tmienja mit-13-il NAP li diġà ġew approvati huma minn Stati Membri tal-UE u jilqa' l-fatt li 11-il NAP tal-UE oħrajn qed jiġu abbozzati; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa u tippromwovi l-implimentazzjoni ta' dawn il-Prinċipji Gwida tan-NU;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-konverġenza tal-istandards internazzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari bejn il-Prinċipji Gwida tan-NU u l-Linji Gwida tal-OECD għal Impriżi Multinazzjonali;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni integrali ta' Xogħol Deċenti u l-erba' pilastri tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO dwar l-SDGs tan-NU; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex effettivament japplikaw dawn l-istandards u biex jaħdmu fi ħdan l-ILO lejn l-adozzjoni ta' standard internazzjonali tax-xogħol għal xogħol deċenti dwar il-GVCs, li se teħtieġ, b'mod partikolari, li l-kumpaniji kollha jwettqu ġestjoni tar-riskju kontinwa tal-impatt tal-attivitajiet tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-ħaddiema u tal-komunitajiet u biex jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu u jimmitigaw dawn l-attivitajiet u jipprovdu rimedju lil dawk milquta;

13.  Jappoġġa l-inizjattivi mondjali kollha kontra l-korruzzjoni, inkluża l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI), il-Proċess ta' Kimberley, il-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR), il-prinċipji stabbiliti fil-Patt Mondjali għan-Negozji tan-Nazzjonijiet Uniti, il-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-impriżi multinazzjonali u l-Gwida tal-OECD dwar id-diliġenza dovuta għal katini ta' provvista responsabbli tal-minerali minn żoni milquta minn kunflitt u f'żoni ta' riskju għoli; ifakkar fl-obbligu li l-pajjiżi produtturi, b'mod partikolari, jimplimentaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni xierqa, anke fil-qasam tal-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

14.  Jirrimarka li, f'dan il-qasam, flimkien mal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' minerali u metalli, l-użu ta' arranġamenti trasparenti li jirregolaw id-drittijiet operattivi u d-dazji doganali hu essenzjali għall-iżvilupp ta' żoni ta' kunflitt jew b'riskju għoli; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jitfassal kompendju tal-miżuri eżistenti ta' responsabilità soċjali korporattiva li qed jiġu implimentati min-negozji Ewropej, u l-ħtieġa li jissaħħaħ il-koordinament u l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki, sabiex il-prattiki tajba jkunu jistgħu jiġu identifikati b'effikaċja u biex jingħata kontribut għall-ħolqien ta' qafas ta' azzjoni komuni fil-livell Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-inizjattivi relatati mar-responsabilità soċjali korporattiva u d-diliġenza dovuta tul il-katina tal-provvista kollha;

15.  Jirrimarka li l-aċċess affidabbli għall-materja prima huwa importanti għall-kompetittività mondjali;

16.  Jenfasizza l-importanza li l-liġijiet eżistenti jiġu implimentati, infurzati u trasposti għall-GVCs fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali;

Responsabilità korporattiva

17.  Jenfasizza li l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem isaħħu lil xulxin, u li l-komunità kummerċjali għandha rwol importanti xi twettaq biex toffri inċentivi pożittivi f'termini ta' promozzjoni tad-drittjiet tal-bniedem, id-demokrazija u r-responsabilità korporattiva;

18.  Jilqa' l-bosta inizjattivi promettenti meħuda mis-settur privat, bħall-kodiċijiet ta' kondotta, it-tikkettar, l-awtovalutazzjoni u awditi soċjali, li kkontribwixxew b'mod sinifikanti għal titjib reċenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-katini tal-provvista mondjali;

19.  Jinsab imħasseb sew b'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u bit-theddid għas-sostenibilità ambjentali imwettqa bħala riżultat ta' deċiżjonijiet ta' ġestjoni ta' xi kumpaniji;

20.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-eżistenza ta' regoli internazzjonali ċari dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva (CSR), GVC u d-diliġenza dovuta; jilqa' t-taħlita intelliġenti ("smart mix") ta' azzjonijiet regolatorji u dawk volontarji, li waslet għal xi riżultati pożittivi f'dawn l-aħħar ftit snin u għenet lin-negozji jsibu triqithom lejn miżuri dinamiċi u innovattivi; jenfasizza li l-koordinament, il-qsim tal-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki jistgħu jikkontribwixxu biex iżidu l-effiċjenza tal-inizjattivi tal-katina tal-valur privati u pubbliċi u jiksbu riżultati pożittivi; ifakkar, madankollu, li CSRs fuq bażi volontarja jistgħu wkoll iwasslu għal kompetizzjoni inġusta għall-fornituri li jkunu għażlu li jikkonformaw ma' standards internazzjonali tax-xogħol u tal-ambjent u mhuwiex biżżejjed fih innifsu li jiġi żgurat li kumpaniji li huma kompletament konformi ma' standards u obbligi internazzjonali li tiġi implimentata l-politika tad-diliġenza dovuta; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jitfassal kompendju ta' miżuri eżistenti ta' CSR li qed jiġu implimentati min-negozji Ewropej, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati prattiki tajba b'mod aktar effettiv u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' qafas ta' azzjoni komuni fil-livell Ewropew; jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha, mingħajr dewmien, tfittex modi biex tiżviluppa strateġiji u regoli ta' trasparenza għall-GVCs, inkluż li possibbilment tiġi kkunsidrata azzjoni immedjata lejn l-iżvilupp ta' regoli vinkolanti u infurzabbli, rimedji assoċjati u mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti li jinvolvu lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lis-soċjetà ċivili; jenfasizza li tali obbligi jenħtieġ li jsegwu l-passi rikjesti mill-Prinċipji Gwida tan-NU u l-Linji Gwida tal-OECD relatati mal-identifikazzjoni proattiva tar-riskji għad-drittijiet tal-bniedem, it-tfassil ta' pjanijiet ta' azzjoni rigorużi u verifikabbli li jipprevjenu jew itaffu dawn ir-riskji, reazzjoni adegwata għall-abbużi magħrufa u t-trasparenza;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar prominenza lil dawn id-dispożizzjonijiet u tippromwovi l-adozzjoni ta' linji gwida settorjali tal-OECD u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li s-soċjetà ċivili tiġi involuta b'mod formali fil-proċess ta' implimentazzjoni permezz ta' strutturi stabbiliti taħt il-kapitoli dwar it-TSD; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-ħidma ta' entitajiet ta' standardizzazzjoni internazzjonali bħalma huma l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (inkluż ISO 26000) u l-Inizjattiva Globali ta' Rappurtar, sabiex tinkoraġġixxi lin-negozji jirrapportaw dwar is-sostenibilità u l-ħolqien ta' valur tul il-katina tal-provvista kollha;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konformità tal-kumpaniji Ewropej u internazzjonali mal-linji gwida tal-OECD dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-linji gwida tal-OECD speċifiċi għas-settur bħall-gwida dwar id-diliġenza dovuta għal katini ta' provvista responsabbli ta' minerali minn żoni milquta minn kunflitt; jirrakkomanda li jissaħħaħ ir-rwol tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-OECD u l-kooperazzjoni tagħhom ma' istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem nazzjonali u reġjonali bil-għan li tkompli titjieb il-governanza tal-GVCs;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-approċċ tagħha lejn is-CSR bl-għan li ssaħħaħ l-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali u, b'mod partikolari, tinsisti fuq l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet ta' CSR fi ftehimiet kummerċjali u ta' investiment negozjati mill-UE;

24.  Jenfasizza li l-koordinament u l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki jistgħu jgħinu sabiex l-inizjattivi tal-katina tal-valur privati u pubbliċi jkunu aktar effettivi;

25.  Ifakkar li fl-2010 l-Parlament talab li l-kumpaniji jenħtieġ li jippubblikaw il-bilanċi tagħhom tas-CSR, l-introduzzjoni ta' rekwiżiti ta' diliġenza dovuta għall-impriżi kollha, kif ukoll il-konsolidazzjoni tal-kunċett CSR fuq il-bażi ta' definizzjoni armonizzata tar-relazzjonijiet bejn il-kumpaniji prinċipali sabiex tiġi stabbilita r-responsabilità legali ta' kull waħda minnhom; għalhekk jinnota b'sodisfazzjon li d-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità se tkun rikjesta minn kumpaniji kbar mill-2017, skont id-Direttiva dwar ir-Rappurtar mhux Finanzjarju; Jiddispjaċih, madankollu, li d-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja minn kumpaniji kbar għadha ma ġietx estiża biex tkopri lill-atturi kollha li joperaw fil-GVCs;

26.  Jinnota l-inizjattiva tal-'karta ħadra' mnedija minn xi parlamenti nazzjonali wara l-adozzjoni tal-liġi Franċiża dwar id-dmir ta' diliġenza tal-MNC; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-proposti għal diliġenza dovuta korporattiva għal kumpaniji li joperaw kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE, b'kunsiderazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Franċiża dwar il-liġi Franċiża, jiġifieri dwar il-proporzjonalità tas-sanzjonijiet;

27.  Ifakkar li l-politiki CSR għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi speċjali tal-SMEs, u jkunu flessibbli biżżejjed biex jiġi żgurat li dawn ma jkunux soġġetti għal piżijiet sproporzjonati; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tistabbilixxi helpdesk speċifiku għall-SME, b'attenzjoni speċjali għall-intrapriżi żgħar u mikro, u biex tappoġġahom bi programmi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet imfassla apposta;

28.  Jenfasizza li GVCs ma jintemmux meta l-prodott jasal għand il-konsumatur, iżda jinkludu skart u kif dan jiġi trattat; iħeġġeġ li jitqies iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodotti u t-titwessa' l-perspettiva dwar il-GVCs biex tinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-rimi tal-iskart mingħajr ma ssir ħsara lill-persuni jew lill-ambjent; jistieden lill-UE tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni internazzjonali u l-koerenza leġiżlattiva rigward prodotti u materjali fi tmiem iċ-ċiklu ta' ħajja tagħhom u tgħin lill-pajjiżi sħab biex jiżviluppaw regolamenti nazzjonali u kapaċitajiet ta' infurzar aktar b'saħħithom; jistieden lill-UE biex tiżgura li t-traċċabilità tapplika għal dan l-ispettru tal-ħajja tal-prodotti;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi malajr, f'konformità mal-proposti dettaljati li jinsabu fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabilità tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi;

Il-ħolqien ta' rwol aktar prominenti għall-inizjattivi tas-settur privat

30.  Jenfasizza l-kisbiet ta' involviment tas-settur privat; jenfasizza li l-kumpaniji fis-settur privat għandhom isegwu strateġiji ta' sostenibilità, mhux biss sabiex jevitaw li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tagħhom, iżda wkoll minħabba li dan joffrilhom opportunitajiet ġodda u jnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq riżorsi skarsi;

31.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-konsumaturi (u l-effetti ta' pubbliċità ħażina); ifakkar li l-ebda konsumatur ma jrid ikompli jixtri prodotti magħmula mit-tfal jew minn irġiel u nisa sfruttati, jew prodotti li jkunu kkaġunaw ħsara ambjentali kbira;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni ssib modi ġodda biex tappoġġa l-isforzi tas-settur privat biex il-katini ta' valur mondjali jsiru aktar sostenibbli u jiġu żviluppati mudelli ta' negozju inklużivi u sħubijiet relatati b'diversi partijiet interessati mis-settur privat;

33.  Jenfasizza li taħlita intelliġenti bejn finanzjament pubbliku u privat hija meħtieġa għall-promozzjoni ta' katini ta' valur mondjali sostenibbli; jemmen li dan għandu jibni fuq strutturi u programmi eżistenti li rnexxu fil-promozzjoni ta' mġiba responsabbli fin-negozju;

34.  Jilqa' l-bosta inizjattivi promettenti meħuda mis-settur privat, bħal kodiċijiet ta' kondotta, tikkettar, awtovalutazzjoni u awditi soċjali, u jagħraf il-Patt Mondjali tan-NU, l-istandard ISO 26000 dwar ir-responsabilità soċjali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali bħala strumenti li jistgħu jimmobilizzaw ir-responsabilità fl-attivitajiet ta' negozju tal-impriżi; jistieden lill-kumpaniji, sew jekk Ewropej sew jekk mhux, japplikaw id-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u jintegraw il-konklużjonijiet tagħhom fil-politiki u fil-proċeduri interni, billi jallokaw konsegwentement ir-riżorsi u r-responsabilitajiet u jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li dan jirrikjedi l-allokazzjoni ta' riżorsi suffiċjenti; jenfasizza li t-trasparenza u l-komunikazzjoni dwar il-miżuri meħudin biex jevitaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi huma kruċjali għall-eżerċizzju ta' kontroll demokratiku xieraq u biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla abbażi tal-fatti;

Il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTA) tal-UE u l-GVCs

35.  Jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-kummerċ u l-investiment għall-Unjoni Ewropea, il-Kummerċ għal Kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza, fil-politika kummerċjali u ta' investiment u fl-FTA tagħha, l-isfidi assoċjati maż-żieda fil-GVCs billi tqis il-miżuri li ġejjin:

   a) it-tisħiħ ex ante ta' Valutazzjonijiet tal-Impatt tal-Kummerċ għas-Sostenibilità (TSIAs), billi jiżdiedu r-rekwiżiti ta' valutazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar is-sessi, u jkunu disponibbli għall-pubbliku b'mod obbligatorju TSIAs ex post, bil-kontribut tas-soċjetà ċivili;
   b) l-implimentazzjoni bis-sħiħ tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament tal-2010 u l-2016 fir-rigward tal-kapitoli dwar it-TSD fl-FTA, li jenħtieġ li jinkludu kapitoli dwar it-TSD komprensivi, infurzabbli u ambizzjużi u jitqiesu l-aspetti li ġejjin:
   i) impenn minn kull parti biex jirratifikaw u jimplimentaw it-tmien Konvenzjonijiet ILO fundamentali u l-erba' Konvenzjonijiet ILO ta' prijorità kif ukoll il-ftehimiet ambjentali multilaterali internazzjonali;
   ii) kopertura tal-klawsoli tad-drittijiet tal-bniedem u l-kapitoli dwar it-TSD mill-mekkaniżmi tas-soluzzjoni tat-tilwim ġenerali, b'kundizzjonijiet indaqs mal-partijiet l-oħra tal-ftehim;
   iii) il-possibilità ta' appell u lta' rimedju permezz ta' proċedura għall-ilmenti għas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili;
   iv) miżuri deterrenti effettivi: inkluż fil-forma ta' miżuri korrettivi pekunjarji, fil-każ ta' ksur gravi u ppruvat tad-dispożizzjonijiet dwar it-TSD;
   c) l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet infurzabbli kontra l-korruzzjoni u li jipproteġu lill-informaturi, fi ħdan il-kompetenza tal-UE, fl-FTA u l-ftehimiet ta' investiment futuri kollha; f'dan ir-rigward, jisħaq fuq il-fatt li l-partijiet firmatarji tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment jenħtieġ li jieħdu miżuri biex jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva tas-settur privat, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-gruppi konsultattivi nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-programmi u tal-klawsoli relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ftehmijiet kummerċjali u ta' investiment internazzjonali;
   d) l-inklużjoni tal-klawsoli ta' sospensjoni li jiffissaw livell minimu ta' standards soċjali, ambjentali u ta' sikurezza, inklużi s-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, fl-FTA kollha tal-UE, u b'hekk jiġi prevenut li l-partijiet inaqqsu l-istandards soċjali, ambjentali u ta' sikurezza sabiex jippromwovu l-esportazzjonijiet u jattiraw l-investimenti;
   e) l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza fiskali (inklużi l-istandards ta' trasparenza ewlenin tal-OECD) u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-frodi fiskali u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fl-FTA, li għandhom ikunu riflessi kif xieraq fir-rekwiżiti għall-ftuħ tas-suq għas-servizzi finanzjarji;
   f) is-suppliment għad-dispożizzjonijiet imsemmija kollha b'miżuri ta' sostenn għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-monitoraġġ rigoruż tal-implimentazzjoni tagħhom, inkluż permezz ta' kontributi mill-parlamenti nazzjonali u partijiet interessati inkluża s-soċjetà ċivili;
   g) żieda fir-rabta tal-prijoritajiet maqbula fuq livell bilaterali għall-implimentazzjoni tal-kapitoli dwar it-TSD tal-FTA u appoġġ finanzjarju mill-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE;

36.  Ifakkar fir-rwol ewlieni li jista' jkollhom l-SMEs fil-GVCs minn naħa waħda, u l-benefiċċji ta' iktar integrazzjoni tal-SMEs fil-GVCs min-naħa l-oħra; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitoli dwar l-SMEs fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex tevalwa l-istrutturi ta' appoġġ eżistenti li huma disponibbli għall-SMEs li jixtiequ jkollhom aċċess għall-GVCs, u biex tirrevedi u, jekk meħtieġ, taġġorna l-istrateġija "Negozju Żgħir, Dinja Kbira" mill-2011 sabiex tkompli tiffaċilita l-involviment tal-SMEs fil-GVCs;

37.  Jenfasizza li l-GVCs spiss jinkludu l-produzzjoni u s-servizzi fiż-Żoni għall-Ipproċessar tal-Esportazzjoni (EPZ), fejn l-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali huma differenti mill-bqija tal-pajjiż ikkonċernat u ta' spiss jiġu ristretti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istandards soċjali u ambjentali fl-FTA japplikaw mat-territorju kollu tas-sħab kummerċjali, inkluż f'EPZs;

It-tikkettar, it-traċċabilità u d-data doganali

38.  Jistieden lill-UE biex taħdem favur soluzzjonijiet adegwati u effiċjenti għall-introduzzjoni ta' sistema ta' tikkettar soċjalment u ambjentalment traċċabbli obbligatorja tul il-katina ta' produzzjoni kollha, f'konformità mal-Ftehim TBT tad-WTO, filwaqt li tiġi promossa azzjoni simili fuq livell internazzjonali;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni għal regoli ta' tikkettar dwar l-oriġini tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-UE, jew li tipproponi regoli li jiggarantixxu traċċabilità effettiva;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni u jħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu modi li bihom il-partijiet li jkollhom l-interess pubbliku involut ikollhom aċċess, soġġett għal ġustifikazzjoni xierqa u fuq talba magħmula abbażi tal-interess pubbliku, għad-data doganali miġbura minn partijiet li jinnegozjaw fi prodotti jew oġġetti importati fl-UE;

Il-ġurisdizzjoni u l-aċċess għar-rimedji

41.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati b'mod effettiv l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-kumpaniji transnazzjonali meta jidhru, u li jiġu indirizzati l-problemi ġuridiċi li ġejjin mid-dimensjoni extraterritorjali ta' kumpaniji, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta' responsabilità legali konġunt tul il-katini tal-provvista; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu passi xierqa biex jindirizzaw l-ostakoli finanzjarji u proċedurali li l-vittmi jħabbtu wiċċhom magħhom fil-litigazzjoni ċivili;

42.  Itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrifletti fuq l-estensjoni tar-regoli ġuriżdizzjonali skont ir-Regolament Brussell I għall-konvenuti ta' pajjiż terz f'każijiet imressqa kontra kumpaniji b'rabta ċara ma' xi Stat Membru wieħed jew kontra kumpaniji li għalihom l-UE hija suq essenzjali u jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta malajr, jekk xieraq, proposta lill-Parlament u lill-Kunsill;

43.  Ifakkar li l-impriżi kummerċjali jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmi ta' lment fil-livell operazzjonali għall-ħaddiema milquta mill-operazzjonijiet tagħhom, inkluż fl-EPZ; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri, biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jindirizzaw l-ostakli ġuridiċi, proċedurali u istituzzjonali ffaċċjati fl-aċċess għal rimedji effettivi;

L-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tat-tfal

44.  Ifakkar li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija stabbilita sew fil-politiki kollha tal-UE kif iddikjarat fl-Artikolu 8 tat-TFUE; jiddeplora l-fatt li l-ġeneru mhuwiex imsemmi fl-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd, u jistieden lill-Kummissjoni biex tqis l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-istrateġija; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi inkluża u integrata fil-politika kummerċjali u ta' investiment, fl-istrateġija tal-Għajnuna għall-Kummerċ, u fl-FTA u l-valutazzjonijiet tal-impatt futuri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiddiskuti u tinnegozja fi ħdan id-WTO sabiex jittieħed kont tal-ġeneru fil-politika tal-kummerċ u tal-investiment tad-WTO; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data diżaggregata skont il-ġeneru għal GVC, speċjalment fis-settur agrikolu, b'kont meħud tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa li tmur lil hinn minn kwistjonijiet ta' pagi, fatturi li jwasslu għall-vjolenza kontra n-nisa, u fatturi soċjali bħalma huma l-liv tal-ġenituri u s-saħħa, bl-għan li jinħolqu forom legali biex jingħelbu l-effetti sekondarji negattivi fil-GVC; jilqa' l-fatt li l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi qed tiġi indirizzata fin-negozjati dwar l-aġġornament tal-ftehim bejn l-UE u ċ-Ċilì u ser tiġi indirizzata fil-ftehim aġġornat futur;

45.  Jitlob li ssir analiżi komprensiva tad-differenzi u l-inugwaljanzi fil-qafas tal-GVC, fir-rigward ta': (i) id-differenzi bejn is-sessi fl-użu tal-ħin, li jirriżultaw l-aktar mir-responsabilità primarja tan-nisa għax-xogħol riproduttiv; (ii) id-differenzi bejn is-sessi fl-aċċess għal fatturi u riżorsi produttivi, b'mod partikolari l-art, il-kreditu, it-taħriġ, u n-netwerks; u (iii) id-differenzi bejn is-sessi li jirriżultaw minn fallimenti u d-diskriminazzjoni fil-livell ta' swieq u istituzzjonijiet;

46.  Jisħaq fuq il-punt li n-nisa għandhom it-tendenza li jkunu dawk li jbatu l-aktar, u li spiss, fil-każ tan-nisa, it-traffikar ta' persuni jsir b'mod parallel mat-traffikar għal finijiet sesswali u l-femminiċidju;

47.  Jipproponi li fil-livell tal-kummerċ internazzjonali u tal-politiki kummerċjali tal-UE fuq GVC, jenħtieġ li tiġi żviluppata strateġija speċifika biex formalment tipproteġi lill-individwi li jiddenunzjaw prattiki bħall-femminiċidju, it-traffikar ta' persuni u t-traffikar sesswali, u biex tiddefendi lill-vittmi; jisħaq fuq il-punt li min jiddenunzja jenħtieġ li jingħata rikonoxximent u protezzjoni simili bħal kif inhu mitlub fil-każ tal-informaturi fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali u tal-UE;

48.  Ifakkar ukoll, li hemm aktar nisa jaħdmu iżda xorta jibqgħu rappreżentati żżejjed f'impjiegi b'livell baxx ta' ħiliet u b'pagi baxxi, b'nuqqas ta' aċċess għal miżuri ta' protezzjoni soċjali, inkluża l-protezzjoni tal-maternità, u spiss wisq jiġu soġġetti għal diskriminazzjoni u fastidju sesswali;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jippromwovu akkwist pubbliku sostenibbli, billi jiġu applikati rekwiżiti speċifiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-konformità mad-dritt internazzjonali, partikolarment fir-rigward tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u r-regoli Ewropej dwar il-kompetizzjoni, kif ukoll it-trasparenza għall-fornituri u għall-katini ta' provvista internazzjonali tagħhom;

50.  Jenfasizza l-importanza tar-ratifika tal-Konvenzjonijiet tal-ILO Nru 182 dwar l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal, u Nru 138 dwar l-età minima għall-ammissjoni għal impjieg u xogħol minn dawk il-pajjiżi li għadhom m'għamlux dan; ifakkar li l-UE hija impenjata biex teqred l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal f'livell mondjali, f'konformità mal-valuri tagħha, li jinkludu l-projbizzjoni tat-tħaddim tat-tfal fl-azzjoni esterna tal-UE kif inhi mħaddna fl-Artikolu 21 TUE; itenni t-talba tiegħu għall-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kontrolli tal-katina tal-importazzjoni u tal-provvista biex jiġi żgurat li fis-suq tal-UE jidħlu biss prodotti ħielsa mill-impjieg furzat, mit-tħaddim tat-tfal u mill-iskjavitù moderna; jenfasizza l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi eżistenti li jappoġġaw lill-SME u lill-organizzazzjonijiet żgħar tal-bdiewa bl-għan li jiksbu sehem ikbar ta' valur f'GVC, bħal fil-każ ta' kummerċ ġust; jenfasizza l-importanza tal-inklużjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal fl-FTA kollha tal-UE, permezz ta' kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli, sabiex jiġi żgurat li dan l-objettiv huwa kondiviż minn sħab kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod vigoruż jiddefendu din il-proposta fil-fora internazzjonali kollha, inklużi l-ILO, l-OECD, in-NU u d-WTO, sabiex isir progress fil-ġlieda kontra x-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-objettiv ta' prodotti ħielsa mit-tħaddim tat-tfal jista' jinkiseb biss jekk dan jaħdem flimkien ma' pagi li jippermettu livell ta' għajxien minimu għall-membri tal-familja tat-tifel/tifla;

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw

51.  Jenfasizza li l-GVC jikkostitwixxu opportunità importanti għall-kumpaniji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,b'mod partikolari l-SME, biex tiġi żviluppata rabta mal-ekonomija mondjali; jenfasizza li politiki speċifiċi u l-miżuri ta' akkumpanjament huma kruċjali sabiex jintlaħaq dan l-għan u biex jiġu estiżi l-vantaġġi potenzjali lill-ħaddiema kollha fil-pajjiżi sħab kummerċjali tagħna, b'mod partikolari l-politiki li għanhom l-għan li l-proċeduri amministrattivi jsiru iżjed effiċjenti, jew li l-kumpaniji kkonċernati jiġu mgħejuna biex jiżdied il-valur miżjud u tiġi estiża l-parteċipazzjoni tagħhom f'GVC, filwaqt li jittejbu wkoll l-istandards soċjali u ambjentali tagħhom; jirrimarka li r-rieżami tal-SĠP u l-SĠP+ jenħtieġ li jinkludi regoli vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent; jinnota li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw huma limitati fil-kapaċità tagħhom u r-riżorsi biex effettivament jinfurzaw il-konformità ma' standards u regolamenti soċjali u ambjentali; jistieden lill-UE ssaħħaħ il-bini tal-kapaċità u tipprovdi lill-gvernijiet ta' pajjiżi sħab li qed jiżviluppaw b'għajnuna teknika fejn ikun possibbli u meħtieġ;

52.  Ifakkar fl-aġenda tal-SDG 2030 u fl-approċċi tagħha rigward il-produzzjoni sostenibbli, il-konsum sostenibbli u x-xogħol deċenti, u jappella lill-Kummissjoni biex fir-rappurtar tagħha tikkomunika b'mod trasparenti r-referenza għal kull SDG ikkonċernat; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-kummerċ fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u l-governanza t-tajba skont il-prinċipji tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp; jenfasizza li ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE konklużi mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-SDG; itenni d-dritt tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jirregolaw l-investiment sabiex jiżguraw obbligi u dmirijiet għall-investituri kollha, inklużi l-investituri barranin, bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem, l-impjieg u l-istandards ambjentali;

53.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ li, jekk implimentat sew se jissimplifika u jimmodernizza l-proċeduri doganali, li jagħmilha aktar faċli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li ġeneralment ikollhom aktar limiti konfinali, biex jintegraw fis-sistema tal-kummerċ mondjali;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-parteċipazzjoni effettiva tal-SME f'GVC, billi tappoġġa t-tlaqqigħ u sħubiji bejn l-SME u l-gruppi żgħar ta' bdiewa f'pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom l-għan li jiksbu sehem akbar ta' valur għall-produtturi, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem, bħal fil-każ ta' kummerċ ġust;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem marbutin mal-preferenzi kummerċjali unilaterali mogħtija taħt il-SĠP jiġu infurzati u monitorjati effettivament, u li l-proċeduri previsti għal każijiet ta' nuqqas ta' konformità possibbli ma' dawk il-kundizzjonijiet jiġu implimentati, f'konformità sħiħa mar-Regolament SĠP;

56.  Jistenna r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-SĠP biex jiċċara d-definizzjonijiet u jipprovdi valutazzjoni komprensiva tal-iskema attwali; huwa tal-fehma li l-politika tal-kummerċ għandha tkun mod biex tinkoraġġixxi lis-sħab kummerċjali tal-UE biex jadottaw standards soċjali, tax-xogħol u tal-ambjent ogħla, li jistgħu jinkisbu permezz ta' inċentivi bħal preferenzi tariffarji addizzjonali għal oġġetti prodotti b'mod sostenibbli; jemmen li dan l-għan jeħtieġ reviżjoni tar-Regolament SĠP, u jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward li jiddaħħlu l-kondizzjonijiet tas-CSR fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-korporazzjonijiet transnazzjonali mal-obbligi legali nazzjonali u internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tad-drittijiet tat-trade unions fl-EPZ, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ILO, fir-rieżami tal-SĠP;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li proġetti ta' żvilupp kollha ffinanzjati mill-UE, inklużi l-proġetti ta' taħlit, mhux biss jiġu allinjati totalment mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp maqbula internazzjonalment, iżda wkoll jirrispettaw b'mod sħiħ il-prinċipju ta' kunsens liberu, minn qabel u informat kif stabbilit fil-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO;

Regoli tal-Oriġini (RoO)

58.  Jinnota li r-RoO simplifikati, effettivi u preferenzjali huma element ewlieni fil-kuntest tal-GVC; jirrikonoxxi li l-inflessibilità u l-kumplessità tar-RoO jistgħu jxekklu l-effiċjenza tal-flussi kummerċjali;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, sa fejn hu possibbli, tuża r-RoO multilaterali bħala RoO preferenzjali fl-FTA; jistieden lill-Kummissjoni, biex meta tfassal RoO preferenzjali speċifiċi fl-FTA, tnaqqas ir-rekwiżiti ta' valur miżjud u tippermetti bidla fis-subintestatura tariffarja u ta' 'trasformazzjoni unika' bħala r-RoO;

60.  Jitlob lill-Kummissjoni, b'mod partikolari fil-każ ta' negozjati dwar l-FTA ma' pajjiżi li bħalissa qed jibbenefikaw mill-preferenzi tal-SĠP u l-EBA, biex jiġi żgurat li d-disinn tar-RoO ma jiddevjax il-proċessi ekonomiċi;

61.  Huwa tal-fehma li iżjed akkumulazzjoni fl-FTA m'għandhiex titqies bħala għodda għal-liberazzjoni mill-bieb ta' wara, iżda, pjuttost, bħala għodda li tippermetti lill-pajjiżi biex jispeċjalizzaw f'attivitajiet ekonomiċi skont il-loġika ta' vantaġġ komparattiv;

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali u flussi ta' data

62.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tipproteġi l-ispettru sħiħ ta' DPI inklużi l-privattivi, it-trademarks, id-drittijiet tal-awtur, id-disinji, l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ), l-immarkar tal-oriġini u l-farmaċewtiċi, filwaqt li jiġi żgurat l-aċċess għal mediċini bi prezzijiet aċċessibbli, kemm fil-livell tad-WTO u permezz tal-FTA; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni ulterjuri dwar l-estensjoni possibbli tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika għal prodotti mhux agrikoli, bħalma jiġri diġà f'diversi pajjiżi terzi permezz ta' sistemi ġuridiċi differenti; jitlob għal proċess miftuħ u inklużiv għal kooperazzjoni mtejba ma' sħab terzi biex jiġu miġġielda l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' oġġetti li japprofittaw mill-fiduċja fi trademarks u ismijiet ta' ditti;

63.  Jirrikonoxxi li l-innovazzjoni diġitali u l-flussi tad-data huma muturi kruċjali tal-ekonomija tas-servizzi u huma element essenzjali tal-GVC ta' kumpaniji ta' manifattura tradizzjonali, u li, għaldaqstant, rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni furzati jenħtieġ li jkunu limitati sa fejn huwa possibbli ġewwa u barra l-Ewropa, filwaqt li jkun hemm akkomodazzjoni għal eżenzjonijiet meħtieġa abbażi ta' għanijiet pubbliċi leġittimi bħall-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; ifakkar li l-protezzjoni tal-fluss tad-data u d-dritt għall-privatezza mhumiex ostakli għall-kummerċ iżda drittijiet fundamentali, kif inhuma minquxa fl-Artikolu 39 tat-TUE u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 12 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

o
o   o

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kif ukoll lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċu lill-UNCTAD.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0299.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0298.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0208.
(4) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0405.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0196.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0098.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0041.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0252.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0265.
(11) ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.
(12) ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.
(13) ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.
(14) ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.
(15) ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1.
(16) http://childrenandbusiness.org
(17) ara d-definizzjoni ta' SME: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/HTML/?uri=CELEX:32003H0361&from=EN

Avviż legali