Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 3 ta' Ottubru 2017 - StrasburguVerżjoni finali
Sitwazzjoni attwali tan-negozjati mar-Renju Unit
 Ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku ***I
 Miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll li japplikaw fiż-Żona tal-Konvenzjoni ICCAT ***I
 L-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa fis-setturi privati u pubbliċi fl-UE
 L-indirizzar tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
 Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità
 Relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-ASEAN

Sitwazzjoni attwali tan-negozjati mar-Renju Unit
PDF 340kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit (2017/2847(RSP))
P8_TA(2017)0361B8-0538/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 50) tad-29 ta' April 2017 wara n-notifika tar-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-TUE u l-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2017, li jistabbilixxi direttivi għan-negozjar ta' ftehim mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta' pożizzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2017 dwar "Prinċipji Essenzjali dwar iċ-Ċittadini" u "Prinċipji Essenzjali dwar is-Saldu Finanzjarju" u tal-20 ta' Settembru 2017 dwar "Prinċipji ta' Gwida għad-Djalogu dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq",

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta' pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit dwar il-kwistjonijiet li jorbtu mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari dak tas-26 ta' Ġunju 2017 dwar "Salvagwardja tal-pożizzjoni taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u taċ-Ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE" u dak tas-16 ta' Awwissu 2017 dwar "L-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi bħalissa hemm madwar 3,2 miljun ċittadin tas-27 Stat Membru li jifdal (UE-27) li huma residenti fir-Renju Unit u 1,2 miljun ċittadin tar-Renju Unit li huma residenti fl-UE-27;

B.  billi ċ-ċittadini tal-UE li ħadu residenza fi Stat Membru ieħor għamlu dan abbażi ta' drittijiet li jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea u bil-fehma li kienu se jkomplu jgawdu dawk id-drittijiet tul ħajjithom kollha;

C.  billi l-Parlament Ewropew jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE kollha, inklużi ċ-ċittadini tar-Renju Unit, u sejjer jaħdem biex jipproteġi l-interessi tagħhom matul il-proċess kollu li jwassal għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea;

D.  billi, fir-Renju Unit u anke f'xi Stati Membri oħra, inċidenti amministrattivi reċenti wrew li d-diskriminazzjoni kontra ċittadini tal-UE-27 fir-Renju Unit u kontra ċittadini tar-Renju Unit fl-UE-27 diġà qed isseħħ u qed ikollha impatt fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini kkonċernati, b'mod li jillimita l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tagħhom;

E.  billi ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jirrikjedi li jiġu indirizzati l-pożizzjoni unika u ċ-ċirkostanzi speċjali li tiffaċċja l-gżira tal-Irlanda, li l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira tal-10 ta' April 1998 jinżamm fil-partijiet kollha tiegħu u li "twebbis" tal-fruntiera jiġi evitat;

F.  billi n-nies mill-Irlanda ta' Fuq li eżerċitaw, jew li jistgħu jeżerċitaw, id-dritt tagħhom għaċ-ċittadinanza Irlandiża se jgawdu ċ-ċittadinanza tal-UE u billi m'għandu jiġi implimentat l-ebda ostakolu jew impediment li jista' jżommhom milli jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom skont it-Trattati;

G.  billi l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit it-tnejn għandhom jonoraw bis-sħiħ l-obbligi finanzjarji li jirriżultaw mill-perjodu kollu tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea;

H.  billi, fid-diskors tagħha f'Firenze fit-22 ta' Settembru 2017, il-Prim Ministru tar-Renju Unit tat xi kjarifiki dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, il-kwistjoni tal-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq, is-saldu finanzjarju, il-ħtieġa ta' perjodu tranżizzjonali u l-prospetti għar-relazzjonijiet futuri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit;

1.  Itenni l-elementi kollha mfissra fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea;

2.  Jenfasizza li l-Linji gwida approvati mill-Kunsill Ewropew fid-29 ta' April 2017 u d-direttivi ta' negozjar sussegwenti adottati mill-Kunsill fit-22 ta' Mejju 2017 isegwu l-istess linja tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li n-negozjatur tal-Unjoni Ewropea qed jaħdem f'konformità sħiħa ma' dak il-mandat;

3.  Jinnota, bi qbil mar-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017, li l-Prim Ministru tar-Renju Unit fid-diskors tagħha tat-22 ta' Settembru 2017 ipproponiet perjodu tranżizzjonali ta' żmien limitat; jirrimarka li tranżizzjoni ta' dan it-tip tista' sseħħ biss fuq il-bażi tal-istrumenti u l-istrutturi regolatorji, baġitarji, superviżorji, ġudizzjarji u ta' infurzar eżistenti tal-Unjoni Ewropea; jissottolinja li tali perjodu tranżizzjonali, meta r-Renju Unit ma jkunx aktar Stat Membru, jista' biss ikun il-kontinwazzjoni tal-acquis communautaire kollu, li jimplika l-applikazzjoni sħiħa tal-erba' libertajiet (il-moviment liberu taċ-ċittadini, tal-kapital, tas-servizzi u tal-merkanzija), u li dan irid isir bla ebda limitazzjoni fuq il-moviment liberu tal-persuni permezz tal-impożizzjoni ta' kundizzjonijiet ġodda; jenfasizza li tali perjodu tranżizzjonali jista' jiġi kkuntemplat biss taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("QtĠ"); jinsisti li tali perjodu tranżizzjonali jista' jinqabel biss bil-kundizzjoni li jiġi konkluż ftehim ta' ħruġ komprensiv li jkopri l-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-ħruġ tar-Renju Unit;

Id-drittijiet taċ-ċittadini

4.  Jenfasizza li l-ftehim ta' ħruġ irid jinkorpora l-ġabra sħiħa ta' drittijiet li ċ-ċittadini jgawdu bħalissa, b'tali mod li ma jkun hemm l-ebda bidla materjali fil-pożizzjoni tagħhom, u li jrid jiżgura r-reċiproċità, l-ekwità, is-simetrija u n-nondiskriminazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u għaċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea; jissottolinja b'mod partikolari li ċ-ċittadini tal-UE eliġibbli u residenti u t-tfal li jitwieldu wara l-ħruġ tar-Renju Unit għandhom ikunu koperti bil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim ta' ħruġ bħala membri tal-familja u mhux bħala detenturi ta' drittijiet indipendenti, li membri futuri tal-familja għandhom jibqgħu jibbenefikaw mid-dritt ta' residenza taħt l-istess dispożizzjonijiet bħall-membri tal-familja fil-preżent, li d-dokumenti għandhom ikunu dikjaratorji f'konformità mad-dritt tal-UE, li għandha tiġi evitata kwalunkwe proċedura amministrattiva tqila u li l-benefiċċji kollha definiti fil-leġiżlazzjoni tal-UE għandhom ikunu esportabbli;

5.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-ftehim ta' ħruġ għandu jmantni l-ġabra sħiħa ta' regoli tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet taċ-ċittadini kif definiti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea, iżda huwa tal-fehma li l-proposti tar-Renju Unit imfissra fid-dokument ta' pożizzjoni tiegħu tas-26 ta' Ġunju 2017 mhumiex suffiċjenti f'dak ir-rigward, mhux l-anqas f'dak li jirrigwarda l-proposta li tinħoloq kategorija ġdida ta' "settled status" (status ta' persuna stabbilita) taħt il-liġi tal-immigrazzjoni tar-Renju Unit; jesprimi t-tħassib tiegħu li dawn il-proposti, il-pass kajman tal-proċess tan-negozjati u x-xenarji ta' politika żvelati dwar l-istatus futur taċ-ċittadini tal-UE qed jikkawżaw tbatija u ansjetà bla bżonn fost iċ-ċittadini tal-UE-27 li jgħixu fir-Renju Unit;

6.  Jesprimi tħassib dwar prattiki amministrattivi deplorevoli kontra ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit; ifakkar lir-Renju Unit, barra minn hekk, li sakemm jibqa' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġlu jirrispetta d-dritt tal-Unjoni u jinforzah, u joqgħod lura minn kwalunkwe proċedura amministrattiva jew ta' tip ieħor li tagħti lok għal ostakli u diskriminazzjoni fil-konfront ta' ċittadini tal-UE-27 residenti fir-Renju Unit, inkluż fil-post tax-xogħol tagħhom; jistenna li l-Istati Membri l-oħra kollha, min-naħa tagħhom, jiżguraw li ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-Unjoni Ewropea jiġu ttrattati f'konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, ladarba dawn jibqgħu ċittadini tal-UE sal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea;

7.  Jieħu nota li d-diskors tal-Prim Ministru tar-Renju Unit tat-22 ta' Settembru 2017 ta l-impenn li jiġi żgurat li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE-27 residenti fir-Renju Unit jingħataw effett dirett permezz tal-inkorporazzjoni tal-ftehim ta' ħruġ fid-dritt tar-Renju Unit; jissottolinja li dan għandu jsir b'mod li ma jħallix li jinbidel unilateralment, jippermetti li ċ-ċittadini tal-UE jinvokaw drittijiet skont il-ftehim ta' ħruġ direttament quddiem il-qrati u l-amministrazzjoni pubblika tar-Renju Unit, u li jagħtih supremazija fuq id-dritt tar-Renju Unit; jissottolinja li, biex ikunu ggarantiti l-koerenza u l-integrità tal-ordinament ġuridiku tal-UE, jeħtieġ li l-QtĠ tibqa' l-unika awtorità u l-awtorità kompetenti biex tinterpreta u tinforza d-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-ftehim ta' ħruġ; jistenna proposti konkreti mir-Renju Unit f'dan ir-rigward;

L-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq

8.  Jenfasizza li l-pożizzjoni unika u ċ-ċirkostanzi speċjali li qed tiffaċċja l-gżira tal-Irlanda jridu jiġu indirizzati fil-ftehim ta' ħruġ, u dan b'mod li jkun għalkollox konsistenti mal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira fil-partijiet kollha tiegħu, mal-oqsma ta' kooperazzjoni maqbula, u mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġu żgurati l-kontinwità u l-istabbiltà tal-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq;

9.  Jemmen bis-sod li hija r-responsabbiltà tal-Gvern tar-Renju Unit li jipprovdi soluzzjoni unika, effikaċi u fattibbli li tipprevjeni "twebbis" tal-fruntiera, tiżgura konformità sħiħa mal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira fil-partijiet kollha tiegħu, tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni u tiggarantixxi bis-sħiħ l-integrità tas-suq intern u tal-unjoni doganali; jemmen ukoll li r-Renju Unit jeħtieġlu jkompli jikkontribwixxi s-sehem ġust tiegħu fl-assistenza finanzjarja li ssostni l-Irlanda ta' fuq/l-Irlanda; jiddispjaċih li l-proposti mressqa mir-Renju Unit, esposti fid-dokument ta' pożizzjoni tiegħu dwar "L-Irlanda ta' Fuq u l-Irlanda", mhumiex suffiċjenti f'dan ir-rigward; jieħu nota, min-naħa l-oħra, li l-Prim Ministru tar-Renju Unit fid-diskors tagħha tat-22 ta' Settembru 2017 eskludiet kwalunkwe infrastruttura fiżika fil-fruntiera, fatt li jippreżumi li r-Renju Unit jibqa' fis-suq intern u fl-unjoni doganali, jew li l-Irlanda ta' Fuq tibqa', f'xi forma, fis-suq intern u fl-unjoni doganali;

10.  Itenni li kwalunkwe soluzzjoni li tinstab għall-gżira tal-Irlanda ma tistax isservi biex tiddetermina minn qabel soluzzjonijiet fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit;

Is-saldu finanzjarju

11.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni mill-Prim Ministru tar-Renju Unit, fid-diskors tagħha tat-22 ta' Settembru 2017, dwar is-saldu finanzjarju, iżda jistenna proposti konkreti f'dan ir-rigward mill-Gvern tar-Renju Unit; jissottolinja li, sal-lum, l-assenza ta' kwalunkwe proposta ċara fixklet serjament in-negozjati u li jrid isir progress sostanzjali f'dan il-qasam qabel ma jinbdew diskussjonijiet dwar kwistjonijiet oħra, inkluż il-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit;

12.  Jerġa' jafferma, bi qbil mad-dokument ta' pożizzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ġunju 2017 dwar "Prinċipji Essenzjali dwar Saldu Finanzjarju", li r-Renju Unit jeħtieġlu jirrispetta bis-sħiħ l-obbligi finanzjarji li assuma bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u jinsisti li din il-kwistjoni trid tiġi solvuta kompletament fil-ftehim ta' ħruġ; jirrimarka b'mod partikolari dwar l-obbligi finanzjarji li jirriżultaw mill-qafas finanzjarju pluriennali u mid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji tal-2014(2), li jinkludu, indipendentement minn kwalunkwe perjodu tranżizzjonali, l-impenji pendenti tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll is-sehem tiegħu mill-obbligazzjonijiet, inklużi l-obbligazzjonijiet kontinġenti, u l-ispejjeż tal-ħruġ mill-Unjoni Ewropea, peress li huwa assolutament inaċċettabbli li l-impenji meħuda minn 28 Stat Membru jiġu onorati biss mis-27 li jifdal;

Il-progress fin-negozjati

13.  Ifakkar li, f'konformità mal-approċċ ta' negozjati f'fażijiet differenti li huwa kruċjali għall-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li jsir progress sostanzjali rigward id-drittijiet taċ-ċittadini, l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq u s-saldu tal-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit biex jinbdew negozjati dwar il-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, u dwar il-fażi tranżizzjonali;

14.  Jissottolinja li huwa vitali li l-impenji meħuda mill-Prim Ministru tar-Renju Unit fid-diskors tagħha tat-22 ta' Settembru 2017 jissarrfu f'bidliet tanġibbli fil-pożizzjoni tar-Renju Unit u fi proposti konkreti f'dan ir-rigward, biex jitħaffef il-pass tal-ħidma matul l-ewwel fażi tan-negozjati u jsir possibbli li, fit-tieni fażi, fuq bażi ta' fiduċja reċiproka u kooperazzjoni leali, ikunu jistgħu jinbdew taħditiet dwar sħubija ġdida u mqarrba fil-qafas ta' assoċjazzjoni tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea;

15.  Huwa tal-fehma li, fir-raba' sessjoni ta' negozjati, għadu ma sarx biżżejjed progress fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq, u s-saldu tal-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit; jistieden lill-Kunsill Ewropew, sakemm matul il-ħames fażi ta' negozjati ma ssirx qabża deċiżiva 'l quddiem fit-tliet oqsma kollha bi qbil ma' din ir-riżoluzzjoni, biex fil-laqgħa tiegħu f'Ottubru 2017 jiddeċiedi li jipposponi l-valutazzjoni tiegħu dwar jekk sarx progress suffiċjenti;

o
o   o

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Gvern tar-Renju Unit.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0102.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105).


Ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku ***I
PDF 334kWORD 49k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (COM(2017)0038 – C8-0021/2017 – 2017/0013(COD))
P8_TA(2017)0362A8-0205/2017

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2017)0038),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0021/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2017(1),

–  wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat(i) responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-28 ta’ Ġunju 2017 li japprova l-pożizzjoni msemmija, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0205/2017),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tat-3 ta’ Ottubru 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/...tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Direttiva (UE) 2017/2102.)

(1) Għada mhijiex ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali.


Miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll li japplikaw fiż-Żona tal-Konvenzjoni ICCAT ***I
PDF 350kWORD 58k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Ottubru 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll li japplikaw fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007 (COM(2016)0401 – C8-0224/2016 – 2016/0187(COD))
P8_TA(2017)0363A8-0173/2017

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0401),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 294(2) u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0224/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat(i) responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-4 ta' Ġunju 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0173/2017),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni tiegħu mehmuża ma’ din ir-reżoluzzjoni;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tat-3 ta’ Ottubru 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/...tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-miżuri ta' ġestjoni, ta' konservazzjoni u ta' kontroll li japplikaw fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2017/2107.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI MILL-PARLAMENT EWROPEW

Il-Parlament Ewropew jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-fatt li l-Kummissjoni qed tipproponi li timplimenta, fl-2017, ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) li jmorru lura għall-2008. Dan ifisser li għal kważi 10 snin l-Unjoni ma kinitx qed tkun konformi mal-obbligi internazzjonali tagħha.

Minbarra l-fatt li dan jista' jiġi kkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-Unjoni bħala entità mexxejja fil-qasam tas-sostenibilità fil-fora internazzjonali, hemm kwistjoni oħra li twassal għal inċertezza tad-dritt għall-operaturi u kritika leġittima min-naħa tal-partijiet ikkonċernati: il-fatt li l-istituzzjonijiet waslu biex jadottaw ir-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT - u b'mod partikolari dik dwar il-pixxispad tal-Mediterran, speċi ikonika li għaliha, is-sena l-oħra, l-ICCAT adottat pjan ta' rkupru pluriennali - rakkomandazzjonijiet li huma obsoleti u mhux aġġornati.

Dan iwassal għall-paradoss li l-Unjoni ser tadotta, permezz ta' dan ir-Regolament, miżuri dwar il-pixxispad li sadanittant ġew sostitwiti minn pjan ta' rkupru ġdid, li ilu applikabbli għall-operaturi minn April 2017. Din is-sitwazzjoni hija inaċċettabbli mil-lat ġuridiku u, fuq kollox, mil-lat politiku.

Is-sitwazzjoni hija aktar u aktar inaċċettabbli peress li l-Kummissjoni, kważi sitt xhur wara l-adozzjoni, min-naħa tal-ICCAT, tar-Rakkomandazzjoni 16-05 dwar il-pixxispad tal-Mediterran, ma adottat ebda proposta għat-traspożizzjoni ta' dik ir-Rakkomandazzjoni, minkejja li huwa ġeneralment rikonoxxut li l-istokkijiet jinsabu f'qagħda kritika u li, fi kwalunkwe każ, il-pjan ta' rkupru huwa diġà applikabbli għall-operaturi. Ta' min jinnota li dan l-eżerċizzju ta' traspożizzjoni mhuwiex wieħed ikkumplikat, peress li d-dispożizzjonijiet huma diġà adottati u t-test jeħtieġ biss adattamenti żgħar.

Il-Parlament Ewropew iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibgħat kwalunkwe proposta futura għat-traspożizzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet minn organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd fi żmien massimu ta' sitt xhur mid-data tal-adozzjoni tagħhom.

Dwar il-kontenut tal-pjan ta' rkupru:

Il-Parlament Ewropew jilqa' r-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT li tistabbilixxi pjan pluriennali ta' rkupru għall-pixxispad tal-Mediterran.

Il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi d-dimensjoni soċjo-ekonomika tas-sajd fuq skala żgħira fil-Mediterran u l-ħtieġa għal approċċ aktar gradwali u flessibilità fil-ġestjoni ta' dan it-tip ta' sajd.

Huwa jenfasizza li, biex il-pjan ta' rkupru jkun ta' suċċess, iridu jsiru sforzi wkoll min-naħa ta' pajjiżi terzi ġirien biex issir ġestjoni effiċjenti ta' din l-ispeċi.

Fl-aħħar nett, huwa jisħaq fuq il-punt li l-kwoti għandhom jitqassmu b'mod ekwu bejn l-operaturi, b'kont meħud tal-valuri tal-produzzjoni u l-fatturat. Il-kwoti maqbuda illegalment bl-għażel tat-tisqif m'għandhomx jgħoddu fil-kalkolu tad-drittijiet u l-qabdiet storiċi."

(1) ĠU C 34, 2.2.2017, p. 142.


L-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa fis-setturi privati u pubbliċi fl-UE
PDF 448kWORD 64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa fis-Setturi Privati u Pubbliċi fl-UE (2017/2008(INI))
P8_TA(2017)0364A8-0271/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 10, l-Artikoli 153(1) u 153(2) u l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 23 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu(3) (id-Direttiva dwar il-Leave tal-Maternità),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-leave tal-maternità (COM(2008)0637),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni adottata fl-ewwel qari fl-20 ta' Ottubru 2010 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE dwar l-introduzzjoni ta' mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu u dwar l-introduzzjoni ta' miżuri ta' appoġġ għall-ħaddiema sabiex jilħqu bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik familjari(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2013/62/UE tas-17 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Direttiva 2010/18/UE li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2012 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (Direttiva dwar in-nisa fuq bordijiet) (COM(2012)0614),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fl-20 ta' Novembru 2013 bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati fil-borża u miżuri relatati(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-leave tal-maternità(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-ħaddiema domestiċi nisa u n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura fl-UE(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar "Il-Faqar: perspettiva tas-sessi"(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ('Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi')(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(16),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2017 lill-Kunsill dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-61 Sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta1-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014–2015(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali(19),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2015 dwar 'Opportunitajiet ugwali ta' dħul għan-nisa u l-irġiel: Intemmu d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u l-irġiel',

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn is-sessi għall-perjodu 2011–2020 adottat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011(20),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Marzu 2014 dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza (2014/124/UE)(21),

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2015 bl-isem 'Pjan direzzjonali: Bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-familji ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata', kif ukoll il-konsultazzjonijiet pubbliċi u dawk mal-partijiet konċernati dwaru,

–  wara li kkunsidra Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs), l-ewwel ġabra ta' linji gwida globali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, li ġew approvati mingħajr ambigwità mill-Istati Membri kollha tan-NU waqt il-laqgħa tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-16 ta' Ġunju 2011; wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (COM(2011)0681), li tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jadattaw il-UNGPs għall-kuntest nazzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 intitolata "L-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali" (COM(2017)0250),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 intitolata "Inizjattiva ta' Appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu" (COM(2017)0252),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-Ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 intotalata "L-impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019" (SWD(2015)0278), b'mod partikolari l-Kapitolu 3.1 tagħha, "Inżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tal-impjiegi u l-indipendenza ekonomika ugwali tan-nisa u l-irġiel",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Kapitolu 1 tiegħu dwar iż-żieda tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-indipendenza ekonomika ugwali u l-Kapitolu 2 dwar it-tnaqqis tad-differenzi fil-pagi, il-qligħ u l-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) intitolata 'The gender employment gap: (Id-distakk bejn is-sessi fl-impjiegi:) challenges and solutions' (sfidi u soluzzjonijiet)(2016),'Work-life balance: (Bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata: creating solutions for everyone' (noħolqu soluzzjonjiet għal kulħadd(2016), ‘Social partners and gender equality in Europe' (Imsieħba soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sesi fl-Ewropa) (2014), u ‘Developments in working life in Europe: (L-Iżviluppi fil-ħajja tax-xogħol fl-Ewropa: ) EurWORK annual review' (reviżjoni annwali EurWORK) (2014 u 2015), kif ukoll is-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (EWCS) (2016),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO dwar ir-Remunerazzjoni Indaqs (1951), il-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol Part-Time (1994), il-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol mid-Dar (1996), il-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Protezzjoni tal-Maternità (2000) u l-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Ħaddiema Domestiċi (2011),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet Miftiehma tal-24 ta' Marzu 2017 tal-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tan-Nisa bl-isem 'Women's economic empowerment in the changing world of work' (L-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa fid-dinja tax-xogħol li qed tinbidel),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord ta' Livell Għoli tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar t-tisħiħ tal-pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa ta' Settembru 2016 bl-isem 'Leave no one behind: (Ma nħallu lil ħadd jaqa' lura:) A call to action for gender equality and women's economic empowerment' Talba għal azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa),

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing u l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0271/2017),

A.  billi l-UE hija impenjata li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiżgura l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-azzjonijiet kollha tagħha;

B.  billi l-parteċipazzjoni ndaqs tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi hija prekundizzjoni għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-konsegwenzi tagħha;

C.  billi madwar l-UE n-nisa għadhom konsiderevolment sottorappreżentati fis-suq tax-xogħol u fil-maniġment, b'rata ta' impjieg globali għan-nisa li tibqa' kważi 12 % anqas minn dik tal-irġiel;

D.  billi l-ostakoli ewlenin għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa jinkludu normi soċjali b'effetti negattivi, liġijiet diskriminatorji jew nuqqas ta' protezzjoni legali, in-nuqqas tal-kondiviżjoni ndaqs tax-xogħol domestiku u tal-indukrar bla ħlas bejn l-irġiel u n-nisa, u n-nuqqas ta' aċċess għal assi finanzjarji, diġitali u immobbli; billi dawn l-ostakoli jistgħu jiġu aggravati aktar bl-intersezzjoni tad-diskriminazzjoni(22), abbażi ta' raġunijiet ta' razza u etniċità, reliġjon, diżabbiltà, saħħa, identità tal-ġeneru, orjentazzjoni sesswali u/jew kondizzjonijiet soċjoekonomiċi;

E.  billi l-ostakli strutturali għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa huma r-riżultat ta' forom differenti u trasversali ta' inugwaljanzi, sterjotipi u diskriminazzjoni fl-isferi privati u pubbliċi;

F.  billi t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fl-istess ħin huwa "ġust u intelliġenti", l-ewwel nett peress li din tirrappreżenta dimensjoni essenzjali tal-ugwaljanza bejn is-sessi u għaldaqstant hi kwistjoni ta' drittijiet fundamentali tal-bniedem, u t-tieni nett peress li l-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fil-livelli kollha tas-soċjetà; billi l-kumpaniji li jirrispettaw il-valur tan-nisa u li jippermettulhom jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol u fit-teħid ta' deċiżjonijiet huma aktar prosperużi u jgħinu fit-tisħiħ tal-produttività u t-tkabbir ekonomiku; billi l-evidenza tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) tindika li t-titjib fl-ugwaljanza bejn is-sessi se jiġġenera sa 10,5 miljun impjieg addizzjonali sal-2050 fl-UE, li r-rata ta' impjieg tal-UE tilħaq kważi 80 % u li l-PDG per capita fl-UE jista' jiżdied b'bejn 6,1 % u 9,6 % u jixpruna tkabbir ta' bejn 15 % u 45 % fl-Istati Membri sal-2050;

G.  billi l-istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi fost il-miri tal-UE l-kisba ta' 75 % tal-irġiel u n-nisa f'impjieg sal-2020 u, b'mod partikolari, it-tnaqqis tad-disparità bejn is-sessi fl-impjieg; billi se jenħtieġu sforzi kkoordinati sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol;

H.  billi aktar tard fl-2015, il-Kummissjoni ppubblikat l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020, bid-drittijiet ekonomiċi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa jkunu wieħed minn erba' "oqsma kruċjali" għal azzjoni;

I.  billi "it-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi, il-qligħ u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa u biex b'hekk jiġi miġġieled il-l-faqar fost in-nisa" huwa wieħed mill-prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni fid-dokument tagħha intitolat "L-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019";

J.  billi l-miri għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa huma stabbiliti fost is-17-il-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

K.  billi bilanċ effettiv bejn il-ħajja u x-xogħol għandu impatt pożittiv fuq il-progress lejn il-mudell ta' "qligħ indaqs/indukrar indaqs" (equal earner/equal carer) bejn in-nisa u l-irġiel, kif ukoll fir-rigward ta' aspetti ta' saħħa, u jippromwovi ambjent ekonomiku inklużiv, tkabbir, kompetittività, parteċipazzjoni globali fis-suq tax-xogħol, ugwaljanza bejn is-sessi, riskju mnaqqas ta' faqar, u solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, u jgħin ukoll biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' soċjetà li qed tixjieħ;

L.  billi s-sejbiet tal-Eurostat jindikaw li fl-UE, 31,5 % tan-nisa li jaħdmu jaħdmu f'impjieg part-time, meta mqabbel ma' 8,2 % tal-irġiel li jaħdmu, u billi ftit aktar minn 50 % tan-nisa għandhom impjieg full-time, meta mqabbel mal-71,2 % tal-irġiel, ċifri li jindikaw disparità ta' 25,5 % fir-rata ta' impjieg full-time; billi r-responsabilitajiet ta' ndukrar huma raġuni ta' inattività għal kważi 20 % ta' nisa li huma ekonomikament inattivi, filwaqt li dan jiġri f'anqas minn 2 % tal-irġiel ekonomikament inattivi; billi r-responsabilitajiet ta' ndukrar u d-diffikultajiet li jirriżultaw mill-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata, jindikaw li n-nisa għandhom probabbiltà akbar li jaħdmu part-time jew li jkunu ekonomikament inattivi mill-irġiel, u dan għandu impatt negattiv fuq il-pagi tagħhom u fuq id-dħul relatat mal-pensjoni;

M.  billi l-parti l-kbira tar-riċevituri ta' ndukrar spiss huma tfal, membri anzjani tal-familja jew membri tal-familja b'diżabbiltà li jkollhom persuni li jindukraw mingħajr ħlas;

N.  billi n-nisa jwettqu mill-anqas darbtejn u nofs aktar xogħol ta' ndukrar u tad-dar mill-irġiel;

O.  billi jenħtieġ li l-maternità ma titqiesx bħala ostaklu għall-iżvilupp professjonali tan-nisa, u konsegwentement għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom;

P.  billi n-nisa u l-irġiel għandhom drittijiet u dmirijiet ugwali f'dak li għandu x'jaqsam mal-filjazzjoni (bl-eċċezzjoni tal-irkurpu tan-nisa wara li jwelldu), b'kunsiderazzjoni tal-fatt li t-trobbija tat-tfal jenħtieġ li tiġi kondiviża u għalhekk jenħtieġ li ma tingħatax b'mod esklużiv lill-ommijiet;

Q.  billi fl-2015 ir-rata ta' impjieg medja għan-nisa b'wild wieħed taħt l-età ta' sitt snin kienet ta' kważi 9 % anqas minn dik tan-nisa mingħajr tfal żgħar, u billi f'xi Stati Membri d-differenza taqbeż it-30 %;

R.  billi l-maternità u l-paternità jirrappreżentaw bażi inaċċettabbli għad-diskriminazzjoni kontra n-nisa f'dak li jirrigwarda l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol u l-permanenza tagħhom fih;

S.  billi qafas ta' immappjar tal-pagi aċċessibbli pubblikament, inkluż il-ġbir tad-data, għandu jiġi stabbilit bil-għan li tiġi eliminata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa billi titqiegħed pressjoni kemm fuq is-settur pubbliku kif ukoll fuq dak privat sabiex jevalwaw l-istrutturi tal-pagi tagħhom u joffru rimedju għal kwalunkwe differenza bbażata fuq is-sessi li jsibu, u għandu l-potenzjal li joħloq kultura ta' għarfien, li jagħmilha soċjalment inaċċettabbli li jkun hemm hemm differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa f'settur jew f'kumpanija partikolari;

T.  billi nstab li l-kwoti jtejbu l-prestazzjoni tal-kumpaniji privati u jagħtu spinta lil tkabbir ekonomiku usa', apparti l-fatt li jwasslu għal użu aħjar tat-totalità ta' talenti fil-forza tax-xogħol;

U.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diversità fir-rappreżentanza tal-ħaddiema fil-livell tal-bord tal-kumpaniji huma prinċipju demokratiku ewlieni b'impatti ekonomiċi pożittivi, fosthom it-teħid ta' deċiżjonjiet strateġiċi inklużivi u t-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

V.  billi l-istudji tal-OECD juru li l-kumpaniji li jkollhom aktar nisa fuq il-bordijiet jesperjenzaw profittabbiltà akbar meta mqabbla ma' dawk b'bordijiet komposti minn irġiel biss;

W.  billi s-setturi jew ir-rwoli tipikament dominati min-nisa ġeneralment ikunu kkaratterizzati minn pagi aktar baxxi, meta mqabbel ma' setturi jew rwoli paragunabbli li huma ddominati mill-irġiel, u dan jikkostitwixxi element fid-differenzi bejn il-pagi u l-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel, li bħalissa huma ta' 16 % u 40 % rispettivament;

X.  billi l-ILO żviluppat qafas fejn l-impjiegi jiġu evalwati fuq il-bażi ta' erba' fatturi: il-kwalifiki, l-isforz, ir-responsabbiltà u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u jiġu ppeżati skont l-importanza tagħhom għall-kumpanija jew l-organizzazzjoni kkonċernata;

Y.  billi s-sħab soċjali għandhom il-potenzjal li jsaħħu t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa, permezz ta' negozjar kollettiv, bil-promozzjoni ta' pagi ndaqs bejn in-nisa u l-irġiel, l-investiment fil-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata, billi jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-karrieri tan-nisa fil-kumpaniji, u billi jiġu offruti informazzjoni u edukazzjoni fl-oqsma tad-drittijiet tal-ħaddiema;

Z.  billi l-evidenza turi li l-inugwaljanzi fil-pagi huma iżgħar fejn in-negozjar kollettiv ikun b'saħħtu(23);

AA.  billi skont il-Eurostat, 24,4 % tan-nisa fl-UE jinsabu f'riskju tal-faqar, filwaqt li ommijiet waħedhom, nisa 'il fuq minn 55 sena u nisa b'diżabbiltà b'mod partikolari, jinsabu f'riskju partikolari ta' qgħad u inattività fis-suq tax-xogħol;

AB.  billi l-implimentazjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) huma prerekwiżit għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u għaldaqstant għall-ugwaljanza bejn is-sessi; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hi forma inaċċettabbli ta' diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet fundamentali, li mhux biss taffettwa s-saħħa u l-benesseri tan-nisa, iżda wkoll l-aċċess tagħhom għall-impjieg u għall-indipendenza finanzjarja; billi l-vjolenza kontra n-nisa hi waħda mill-ostakoli ewlenin għall-ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li l-edukazzjoni għandha l-potenzjal li tnaqqas ir-riskju tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru; billi t-tisħiħ tal-pożizzjoni soċjali u ekonomika sussegwenti jista' jwassal lin-nisa biex jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta' vjolenza; billi l-vjolenza u l-fastidju, inkluż is-sessiżmu u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, għandhom konsegwenzi negattivi serji għall-ħaddiema kollha milquta, il-koħaddiema tagħhom u l-familji tagħhom, kif ukoll l-organizzazzjoni li jaħdmu fihom u għas-soċjetà kollha kemm hi, u jistgħu jkunu parzjalment responsabbli biex in-nisa jirtiraw mis-suq tax-xogħol;

AC.  billi l-vjolenza ekonomika hi forma ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru li sseħħ fil-ħajja ta' kuljum tan-nisa, li xxekkel lin-nisa milli jeżerċitaw id-dritt ta' libertà tagħhom, li tirriproduċi l-inugwaljanza bejn is-sessi u tinjora r-rwol tan-nisa fis-soċjetà kollha kemm hi;

AD.  billi bosta studji diġà wrew biċ-ċar li t-tnaqqis fis-settur pubbliku kellu impatt negattiv qawwi fuq in-nisa, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tagħhom u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

AE.  billi l-edukazzjoni, il-kwalifiki u l-kisba ta' ħiliet huma essenzjali għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fil-livell soċjali, kulturali u ekonomiku u għal opportunitajiet edukattivi li huma rikonoxxuti bħala element ewlieni fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzai bħas-sottorappreżentanza fit-teħid ta' deċiżjonijiet u impjiegi maniġerjali u fl-oqsma tal-inġinerija u tax-xjenza, biex b'hekk jissaħħaħ it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tat-tfajliet;

AF.  billi d-diġitalizzazzjoni għandha effetti pożittivi f'termini ta' tiswir ta' opportunitajiet ta' impjieg u twassal għal bidla kostruttiva lejn xejriet ta' xogħol aktar flessibbli, partikolarment għan-nisa li jidħlu jew li jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, u wkoll f'termini ta' kisba ta' bilanċ aħjar bejn l-attività ta' ndukrar u l-ħajja professjonali kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;

I.Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Iqis li l-parteċipazzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa huma kruċjali għat-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom, peress li jippermettulhom jiksbu l-indipendenza ekonomika tagħhom, jeżerċitaw influwenza fis-soċjetà u jkollhom kontroll fuq ħajjithom, filwaqt li jegħlbu l-ostakli mhux rikonoxxuti li jipprevenuhom milli jiġu trattati ndaqs bħall-irġiel fil-ħajja tax-xogħol; iħeġġeġ, għalhekk, it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa permezz ta' mezzi politiċi u finanzjarji;

2.  Jenfasizza li t-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tagħhom ifisser li jenħtieġ li jiġu indirizzati r-relazzjonijiet stabbiliti tal-poter ta' inugwaljanza bejn is-sessi li jwasslu għal diskriminazzjoni u vjolenza kontra n-nisa u t-tfajliet, kif ukoll kontra l-persuni LGBTI, u li l-istrutturi tal-poter tal-ġeneru jinteraġixxu ma' forom oħra ta' diskriminazzjoni u inugwaljanza bħal dawk relatati mar-razza, id-diżabbiltà, l-età u l-identità tal-ġeneru;

3.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw ugwaljanza u nondiskriminazzjoni għal kulħadd fil-post tax-xogħol;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ kemm id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi kif ukoll id-Direttiva 2010/41/UE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura applikazzjoni aħjar ta' dawn id-direttivi;

5.  Jirrimarka li r-rati baxxi ta' impjieg tan-nisa u l-esklużjoni tan-nisa mill-impjieg għandhom impatt negattiv fuq it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa; jenfasizza li l-ispejjeż ekonomiċi annwali totali dovuti għal rata aktar baxxa ta' impjieg tan-nisa, b'kunsiderazzjoni tat-telf fl-introjtu, il-kontribuzzjonijiet mitlufa ta' benefiċċji u spejjeż finanzjarji pubbliċi addizzjonali, jikkorrispondu għal 2,8 % tal-PDG tal-UE, jew EUR 370 biljun, fl-2013, skont stima tal-Eurofound, filwaqt li n-nefqa tal-esklużjoni tan-nisa ġiet stmata mill-EIGE li tlaħħaq bejn EUR 1,2 u 2 miljuni, dejjem skont il-livell ta' edukazzjoni tal-mara;

6.  Jisħaq li t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u l-opportunitajiet ugwali fis-suq tax-xogħol huma l-ewwel nett kruċjali għan-nisa individwalment iżda huma wkoll strumentali għat-tkabbir ekonomiku tal-UE b'impatt pożittiv kemm fuq il-PDG, l-inklużività u l-kompetittività tan-negozji kif ukoll biex jiġu implimentati l-isfidi marbuta mat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE; jirrimarka li skont studju tal-2009, il-PDG tal-UE jista' teoretikament jiżdied bi kważi 27 % dejjem jekk is-suq tax-xogħol ikun jinsab f'bilanċ sħiħ bejn is-sessi;

II.Azzjonijiet u għodod li jsaħħu l-pożizzjoni ekonomika tan-nisa

Bilanċ imtejjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

7.  Jinnota li l-Kummissjoni wieġbet għall-istedina tal-Parlament għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata billi nediet proposti mhux leġiżlattivi u proposta leġiżlattiva li jistabbilixxu tipi differenti ta' leave sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi tas-seklu 21; jisħaq li l-proposti magħmula mill-Kummissjoni huma pass 'il quddiem tajjeb biex jinkisbu l-istennijiet taċ-ċittadini Ewropej, peress li dawn jippermettu lin-nisa u l-irġiel li jikkondividu responsabilitajiet okkupazzjonali, responsabilitajiet ta' familja u soċjali b'mod aktar omoġenju, speċjalment fir-rigward tal-kura tal-persuni dipendenti u tl-kura tat-tfal; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha jwettqu dan il-pakkett kemm jista' jkun malajr;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u t-tkeċċija illegali relatata mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jiżguraw l-aċċess għall-ġustizzja u l-azzjoni legali; jappella lill-Kummissjoni biex iżżid il-monitoraġġ, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, it-tnedija ta' proċeduri ta' ksur fejn meħtieġ u l-promozzjoni tal-konformità bl-użu fost l-oħrajn ta' kampanji ta' informazzjoni u ż-żieda ta' għarfien tad-drittijiet legali għal trattament ugwali;

9.  Jenfasizza li jenħtieġ li r-remunerazzjoni u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jkomplu jitħallsu matul il-leave;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu leave ta' mistrieħ għall-ġenituri ta' tfal b'diżabbiltà, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-ommijiet waħedhom, u dan fuq bażi ta' eżami tal-aħjar prattiki;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu f'faċilitajiet ta' tagħlim informali wara l-ħin tal-iskola, iffokati fuq il-logħob, li jistgħu jipprovdu appoġġ għat-tfal wara l-ħin tal-iskola u tal-crèche b'mod partikulari, bħala mezz kif titnaqqas id-diskrepanza bejn il-ħinijiet tal-iskola u l-ħinijiet tax-xogħol;

12.  Jinsisti li l-ilħiq tal-miri ta' Barċellona u l-introduzzjoni ta' miri ta' kura għall-membri dipendenti u l-membri li qed jixjieħu tas-soċjetà, inkluż l-indukrar tat-tfal u kura oħra, faċilitajiet u servizzi, aċċessibbli, bi prezz raġonevoli u ta' kwalità, kif ukoll politiki għal għajxien indipendenti għall-persuni b'diżabbiltà, huma indispensabbli biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jilħqu l-miri tal-Ewropa 2020; ifakkar li l-investiment fl-infrastruttura soċjali, bħall-indukrar tat-tfal, ma jiġġenerax biss effetti tal-impjieg konsiderevoli, iżda anki dħul addizzjonali sinifikanti għas-settur pubbliku fit-taxxi tal-impjieg u fl-iffrankar fir-rigward tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal faċilitajiet ta' indukrar tat-tfal li jkunu disponibbli f'żoni rurali, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu investiment fil-forniment ta' servizzi ta' kwalità għall-kura tul il-ħajja, bi prezz raġonevoli u aċċessibbli, inklużi servizzi ta' ndukrar tat-tfal, ta' persuni dipendenti u tal-anzjani; jemmen li servizzi adegwati ta' ndukrar tat-tfal għall-kura tat-tfal għandhom ikunu disponibbli u aċċessibbli wkoll biex il-ġenituri jkunu jistgħu jaċċedu għal opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja;

13.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tas-servizzi pubbliċi u privati ta' kwalità għolja, speċjalment għan-nisa; jenfasizza l-importanza ta' aċċess universali għal servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja, bi prezz raġonevoli, lokalizzati b'mod konvenjenti u mfassla skont it-talba bħala għodda biex jiżguraw it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa;

14.  Jinnota n-nuqqas ta' koerenza attwali bejn il-kisbiet tal-Istati Membri u l-għanijiet stabbiliti fi ħdan il-miri ta' Barċellona, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-miżuri meħuda mill-Istati Membri sabiex jiżguraw li jissodisfaw l-obbligi tagħhom;

15.  Huwa konvint li l-involviment tal-irġiel fir-responsabilitajiet ta' indukrar huwa prekundizzjoni biex jinbidlu l-isterjotipi tradizzjonali relatati mar-rwoli tal-ġeneru; jemmen, barra minn hekk, li ż-żewġ sessi u s-soċjetà kollha kemm hi se jibbenefikaw minn tqassim aktar ġust tax-xogħol bla ħlas u minn teħid aktar ugwali tal-leave għall-indukrar; jinsab konvint li l-mudell ta' qligħ indaqs - indukrar indaqs huwa l-aktar mezz effettiv għall-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha tal-ħajja;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu politiki ta' impjieg u taħriġ attivi u speċifiċi sabiex jappoġġaw ir-ritorn lejn ix-xogħol ta' dawk in-nisa li jkunu ssospendew il-karrieri tagħhom biex jieħdu ħsieb id-dipendenti tagħhom;

17.  Jenfasizza li bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u ugwaljanza akbar bejn in-nisa u l-irġiel huma essenzjali għall-kisba tal-għanijiet tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa; jenfasizza li bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata se jiżgura li jkun hemm distribuzzjoni aktar ġusta ta' xogħol bi ħlas u mingħajr ħlas fi ħdan il-familji, biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u biex bl-istess mod titnaqqas id-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa;

18.  Jenfasizza l-importanza ta' kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u sikuri li jippermettu kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel jirrikonċiljaw ix-xogħol u l-ħajja privata, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-tisħiħ tad-drittijiet tax-xogħol, in-negozjar kollettiv u ż-żieda fl-ugwaljanza bejn is-sessi;

19.  Jinkoraġġixxi bil-qawwa l-promozzjoni tal-individwalizzazzjoni tad-dritt għal arranġamenti ta' leave, in-nontrasferibbiltà bejn il-ġenituri tal-intitolamenti tagħhom għal leave tal-ġenituri, u qsim indaqs tal-kompiti ta' ndukrar bejn iż-żewġ ġenituri, bil-ħsieb li jinkiseb il-bilanċ bejn is-sessi fir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja studji dwar l-analiżi tal-kwantità u l-valur tax-xogħol ta' kura tal-familja mhux imħallas imwettaq min-nisa u l-irġiel u l-għadd medju ta' sigħat mgħoddija fuq impjieg bi ħlas u mingħajr ħlas, b'referenza partikolari għall-indukrar tal-anzjani, it-tfal u l-persuni b'diżabbiltà;

21.  Jitlob l-iżvilupp ta' qafas iffokat fuq mudelli ta' impjieg flessibbli għan-nisa u l-irġiel, akkumpanjat minn miżuri adegwati ta' protezzjoni soċjali, sabiex jagħmilha aktar faċli li jinżamm bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet professjonali u dawk personali; jemmen, fl-istess ħin, li d-drittijiet tal-ħaddiema u d-dritt li jiġi żgurat ix-xogħol għandhom jiġu qabel kull żieda fil-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol, sabiex jiġi żgurat li l-flessibbiltà ma żżidx forom ta' xogħol u ta' impjieg prekarji, mhux mixtieqa u mhux sikuri u li ma jdgħajfux l-istandards tax-xogħol li attwalment jikkonċernaw aktar lin-nisa mill-irġiel, filwaqt li l-fehim tal-impjieg prekarju jitqies bħala wieħed li ma jikkonformax mal-istandards internazzjonali, nazzjonali jew tal-UE u l-liġijiet u/jew ma jipprovdix riżorsi biżżejjed għal ħajja diċenti jew għal protezzjoni soċjali xierqa, bħal xogħol mhux kontinwu, il-maġġoranza tal-kuntratti temporanji, kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol jew xogħol part-time involontarju; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa li jiggarantixxu d-dritt għar-ritorn minn xogħol volontarju part-time għal impjieg full-time;

Pagi ugwali għal xogħol ugwali ta' valur ugwali u l-immappjar tal-pagi

22.  Ifakkar li l-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema irġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali huwa stabbilit u ddefinit fl-Artikolu 157 tat-TFUE u jeħtieġ li jiġi applikat b'mod effikaċi mill-Istati Membri; jinsisti, f'dan il-kuntest, li r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza għandu jintuża biex tiġi ssorveljata mill-qrib is-sitwazzjoni fl-Istati Membri u jitfasslu rapporti ta' progress, anke bl-appoġġ tas-sħab soċjali, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jistabbilixxu u jimplimentaw il-politiki rilevanti f'konformità ma' din ir-rakkomandazzjoni bil-ħsieb li tiġi eliminata d-differenza persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

23.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-kumpaniji jirrispettaw l-ugwaljanza tal-pagi u jintroduċu miżuri vinkolanti rigward it-trasparenza tal-pagi sabiex joħolqu metodi kif il-kumpaniji jittrattaw il-kwistjoni tad-differenzi bejn il-pagi tan-nisa u tal-irġiel, inkluż permezz ta' verifiki tal-pagi u l-inklużjoni ta' miżuri ta' pagi ugwali fin-negozjar kollettiv; jenfasizza l-importanza li jiġi pprovdut taħriġ xieraq dwar il-leġiżlazzjoni ta' nondiskriminazzjoni fl-impjieg u l-ġurisprudenza għall-impjegati ta' awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u korpi ta' infurzar tal-liġi u għall-ispetturi tax-xogħol;

24.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut u evalwat mill-ġdid ix-xogħol tipikament iddominat min-nisa, bħal dak fis-setturi tas-saħħa, dak soċjali u tat-tagħlim, kif imqabbla max-xogħol tipikament iddominat mill-irġiel;

25.  Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li sabiex jinkisbu pagi ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali ta' valur ugwali, huwa meħtieġ qafas ċar ta' għodod speċifiċi ta' evalwazzjoni tax-xogħol b'indikaturi komparabbli sabiex jiġi vvalutat il-'valur' fl-impjiegi jew fis-setturi;

26.  Ifakkar li, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-valur tax-xogħol jiġi vvalutat u mqabbel skont kriterji oġġettivi, bħal rekwiżiti edukattivi, professjonali u dawk ta' taħriġ, il-ħiliet, l-isforzi u r-responsabilità, ix-xogħol li wieħed ikun qed jagħmel u n-natura tal-kompiti involuti;

27.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipju tan-newtralità bejn is-sessi fis-sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat; jilqa' l-isforzi tal-Istati Membri biex jippromwovu politiki li jimpedixxu d-diskriminazzjoni fir-reklutaġġ, u jinkoraġġihom jippromwovu CVs mingħajr l-identifikazzjoni tal-ġeneru sabiex il-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiġu skoraġġiti milli joperaw abbażi tas-sessi matul il-proċessi tar-reklutaġġ tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tiġi żviluppata 'Europass CV' anonimizzata; jissuġġerixxi li l-Istati Membri jfasslu programmi biex jikkumbattu l-isterjotipi soċjali u tas-sessi, b'mod partikolari fost il-gruppi iżgħar fl-età, bħala mezz biex tiġi evitata l-kategorizzazzjoni okkupazzjonali tal-iskali tax-xogħol li spiss tillimita l-aċċess tan-nisa għall-karigi u l-impjiegi l-aktar imħallsin;

Il-bilanċ bejn is-sessi fis-setturi pubbliċi u privati

28.  Iqis li l-kwoti fis-settur pubbliku jistgħu jkunu meħtieġa meta istituzzjonijiet pubbliċi ma jissodisfawx ir-responsabilità tagħhom li jiżguraw rappreżentanza ġusta, u b'hekk jistgħu jtejbu l-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet;

29.  Jinnota li l-użu ta' kwoti tas-sessi u ż-zipped lists fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi ddimostraw li huma għodod effettivi ħafna biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u żbilanċi ta' poter bejn is-sessi u biex titjieb ir-rappreżentanza demokratika f'korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-ġbir, l-analiżi u t-tixrid ta' data komprensiva, komparabbli u affidabbli u aġġornata regolarment dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

31.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess elettorali Ewropew billi jinkludu listi bbilanċjati bejn is-sessi fir-reviżjoni li jmiss tal-liġi elettorali Ewropea;

32.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill għal adozzjoni rapida tad-direttiva dwar il-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati fil-borża, bħala l-ewwel pass importanti lejn rappreżentanza indaqs fis-settur pubbliku u f'dak privat, u jinnota li ġie skopert li l-bordijiet korporattivi b'iżjed nisa jtejbu l-prestazzjoni ta' kumpaniji privati; jinnota wkoll li l-progress huwa l-aktar tanġibbli (minn 11,9 % fl-2010 għal 22,7 % fl-2015) fl-Istati Membri li fihom ġiet adottata leġiżlazzjoni vinkolanti dwar il-kwoti għall-bordijiet(24); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri biex jaqblu bejniethom;

Pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi

33.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni tappoġġa l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta' organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka u li jiffinanzjaw ir-riċerka;

34.  Jinnota li l-pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell ta' kumpanija jew f'dak settorjali jistgħu jinkludu diversi miżuri ta' riżorsi umani li jindirizzaw ir-reklutaġġ, il-paga, il-promozzjonijiet, it-taħriġ u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jinnota li dawn spiss jinkludu miżuri konkreti bħall-użu ta' lingwaġġ newtrali fir-rigward tal-ġeneri, il-prevenzjoni tal-fastidju sesswali, il-ħatra tas-sess sottorappreżentat fl-ogħla pożizzjonijiet, ix-xogħol part-time l-parteċipazzjoni tal-missirijiet fl-indukrar tat-tfal, u li teżisti varjetà ta' approċċi fl-Istati Membri rigward l-introduzzjoni obbligatorja ta' tali miżuri;

35.  Jirrikonoxxi li l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi u awditi dwar il-ġeneru fis-settur privat jistgħu jrawwmu stampa favur bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ta' kumpaniji u jgħinu jżidu l-motivazzjoni tal-impjegati u jnaqqsu t-tibdil tal-persunal; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tinkoraġġixxi kumpaniji b'iktar minn 50 impjegat biex jinnegozjaw pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi mas-sħab soċjali bil-ħsieb li jsaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol; jitlob li dawn il-pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi jinkludi strateġija għall-indirizzar, il-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol;

Ftehimiet kollettivi u s-sħab soċjali

36.  Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li s-sħab soċjali u l-ftehimiet kollettivi għandhom il-potenzjal li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa permezz tal-għaqda u biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi fil-pagi bejn is-sessi; jenfasizza li l-iżgurar ta' rappreżentanza ugwali u xierqa tan-nisa u l-irġiel fit-timijiet ta' negozjar kollettiv huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-promozzjoni tat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa, u għalhekk iqis li s-sħab soċjali jenħtieġ li jsaħħu l-pożizzjoni tan-nisa fi ħdan l-istruttura ta' sħubija soċjali tagħhom fi rwoli ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet u jinnegozjaw pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell tal-kumpanija u f'dak settorjali;

37.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili sabiex issaħħaħhom fir-rwol essenzjali tagħhom tal-iżvelar ta' preġudizzji diskriminatorji fuq il-bażi tal-ġeneru fl-iffissar tal-iskali tal-pagi u l-għoti ta' evalwazzjonijiet tal-impjiegi li jkunu ħielsa minn preġudizzji fuq il-bażi tal-ġeneru;

III.Rakkomandazzjonijiet dwar it-titjib tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa

38.  Huwa tal-fehma li mudelli u prattiki ekonomiċi, il-politiki dwar it-taxxa u prijoritajiet ta' nfiq, speċjalment waqt kriżijiet, jenħtieġ li jinkludu perspettiva dwar is-sessi, iqisu lin-nisa bħala atturi ekonomiċi u jimmiraw li jnaqqsu d-distakk bejn is-sessi għall-benefiċċju taċ-ċittadini, in-negozji u s-soċjetà kollha kemm hi, u jtenni f'dan il-kuntest li l-kriżijiet ekonomiċi wasslu biex in-nisa jinsabu f'pożizzjoni żvantaġġata;

39.  Jitlob għal riformi biex tiżdied l-ugwaljanza bejn is-sessi kemm fil-ħajja tal-familja kif ukoll fis-suq tax-xogħol;

40.  Jinnota li n-nisa b'mod ġenerali għandhom karrieri li ma jippermettulhomx jagħmlu progress sinifikanti; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu u jappoġġaw lin-nisa sabiex ikun possibbli li jkollhom karrieri ta' suċċess, u dan permezz ta' azzjonijiet bħal programmi ta' netwerking u ta' tutoraġġ, kif ukoll permezz tal-ħolqien ta' kundizzjonijiet xierqa u jiżguraw li, fejn jidħlu t-taħriġ, il-progress u t-taħriġ mill-ġdid, in-nisa jingħataw l-istess opportunitajiet tal-irġiel, u li n-nisa jkollhom drittijiet għall-pensjonijiet u benefiċċji tal-qgħad ugwali għal dawk applikabbli għall-irġiel;

41.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva  2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku(25), jippromwovu l-użu ta' klawżoli soċjali fl-akkwist pubbliku bħala għodda biex tiżdied l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, fejn teżisti leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u tista tintuża bħala bażi għal klawżoli soċjali;

42.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu miġġielda l-forom kollha ta' vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza domestika, bħal stupru, mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali, il-fastidju sesswali u ż-żwieġ bikri/tat-tfal sfurzat, kif ukoll il-fenomenu tal-vjolenza ekonomika; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt inkwetanti ħafna tal-livelli għoljin ta' fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol(26), u jenfasizza li, sabiex jirnexxi t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, il-post tax-xogħol jeħtieġ li jkun ħieles minn kull forma ta' diskriminazzjoni u vjolenza; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul mingħajr riżervi u jorganizzaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni u informazzjoni pubbliċi dwar il-vjolenza kontra n-nisa, u sabiex jinkoraġġixxu l-iskambju ta' prattiki tajbin; jinnota li l-indipendenza ekonomika tan-nisa għandha rwol kruċjali fl-abbiltà tagħhom biex jaħarbu sitwazzjonijiet ta' vjolenza; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, biex jipprovdu sistemi ta' protezzjoni soċjali biex jappoġġaw lin-nisa li jinsabu f'din is-sitwazzjoni;

43.  Itenni li l-indipendenza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni individwali, soċjali u ekonomika tan-nisa huma interkonnessi mad-dritt li jiddeċiedu dwar ġisimhom u s-sesswalità tagħhom stess; ifakkar li l-aċċess universali għal firxa sħiħa ta' saħħa u drittijiet sesswali u riproduttiva hija xprun kruċjali fit-tisħiħ tal-ugwaljanza għal kulħadd;

44.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-61 sessjoni tas-CSW dwar "It-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa f'dinja tax-xogħol li qed tinbidel", li, għall-ewwel darba, jesprimu rabta espliċita u diretta bejn it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u s-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom u d-drittijiet riproduttivi; jiddispjaċih, madankollu, li edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità tħalliet barra kompletament mill-ftehim;

45.  Jinnota li n-nisa jikkostitwixxu 52 % tal-popolazzjoni totali Ewropea, iżda terz biss tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom jew dawk li jibdew negozju fl-UE; jinnota wkoll li n-nisa jħabbtu wiċċhom ma' aktar diffikultajiet mill-irġiel fejn jidħol l-aċċess għall-finanzi, għat-taħriġ, għan-netwerking u għaż-żamma ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu miżuri u azzjonijiet ta' assistenza u pariri għal dawk in-nisa li jiddeċiedu li jsiru intraprendituri, filwaqt li jenfasizza li l-indipendenza finanzjarja hija essenzjali għall-kisba tal-ugwaljanza; jistieden lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-kreditu, inaqqsu l-burokrazija u jneħħu ostakoli oħra għall startups tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-ħidma tagħha mal-Istati Membri biex tidentifika u tneħħi l-ostakli għall-intraprenditorija tan-nisa, u biex tinkoraġġixxi iktar nisa jibdew in-negozji tagħhom, inkluż permezz ta' aċċess imtejjeb għall-finanzi, ir-riċerka dwar is-suq, it-taħriġ u n-netwerks għal skopijiet ta' negozju, bħal pereżempju l-Pjattaforma WEgate għall-intraprendituri nisa u netwerks Ewropej oħra;

46.  Jenfasizza li t-titjib tal-ħiliet diġitali u l-litteriżmu fl-IT fost in-nisa u l-bniet u titħeġġeġ l-inklużjoni tagħhom fis-settur tal-ICT jista' jikkontribwixxi għall-indipendenza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tagħhom, li jirriżulta fi tnaqqis tad-differenza totali fil-pagi tan-nisa u tal-irġiel; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jmexxu 'l quddiem l-isforzi tagħhom biex tintemm il-qasma diġitali bejn l-irġiel u n-nisa kif imsemmi fl-Istrateġija Diġitali tal-Ewropa 2020, billi jiżdied l-aċċess tan-nisa għas-soċjetà tal-informazzjoni, b'enfasi partikolari fuq viżibbiltà aħjar tan-nisa fis-settur diġitali;

47.  Jindika li n-nisa jirrappreżentaw kważi 60 % tal-persuni gradwati fl-UE iżda, minħabba diversi fatturi ta' ostakolu persisteni, xorta għadhom sottorappreżentati fix-xjenza, fil-matematika, fl-IT, fl-inġinerija u f'karrieri relatati; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex, permezz ta' kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa f'setturi li huma tradizzjonalment meqjusa 'maskili', partikolarment ix-xjenzi u t-teknoloġiji ġodda, fost l-oħrajn, permezz tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-aġenda diġitali għas-snin li ġejjin, kif ukoll il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-irġiel f'setturi li tradizzjonalment huma meqjusa bħala 'femminili', partikolarment il-kura u l-edukazzjoni; jenfasizza l-importanza li l-protezzjoni soċjali tiġi estiża f'setturi fejn in-nisa jiffurmaw il-maġġoranza tal-forza tax-xogħol, bħalma hu l-każ tal-ħaddiema involuti fil-kura personali, fit-tindif u fl-għoti ta' assistenza, il-persunal fl-industrija tal-ikel u l-professjonisti assoċjati mas-saħħa, fost oħrajn; jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) biex jiddiversifikaw l-għażliet ta' karriera u l-introduzzjoni tan-nisa u l-irġiel għal opportunitajiet ta' karrieri mhux tradizzjonali sabiex tingħeleb l-esklużjoni orizzontali u vertikali u jiżdied l-għadd ta' nisa fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-isferi politiċi u ta' negozju;

48.  Jitlob lill-Istati Membri għal miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi sabiex jiġu garantiti d-drittijiet ekonomiċi u soċjali ta' ħaddiema fl-hekk imsejħa setturi ffemminizzati; jenfasizza l-importanza li tiġi evitata s-sovrarappreżentanza tan-nisa f'impjiegi prekarji, u jfakkar fil-ħtieġa li tiġi missielta n-natura prekarja ta' dawn is-setturi, bħal dawk tal-kura jew ix-xogħol domestiku; jirrikonoxxi li x-xogħol domestiku u l-għoti ta' servizzi f'unità domestika, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma ffemminizzati, ta' sikwit jitwettqu bħala xogħol mhux iddikjarat; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jkomplu jiżviluppaw aktar is-settur formali tas-servizzi domestiċi anki permezz tal-Pjattaforma Ewropea li Tindirizza x-Xogħol Mhux Iddikjarat, u jirrikonoxxu s-servizzi domestiċi, l-impjieg tal-familja u l-kura fid-dar bħala li jikkostitwixxu settur ekonomiku ta' valur b'potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi li jeħtieġ li jkun regolat aħjar fi ħdan l-Istati Membri, bil-ħsieb kemm li jinħolqu karigi siguri għall-ħaddiema domestiċi kif ukoll li l-familji jiġu pprovduti bil-kapaċità li jassumu r-rwol tagħhom bħala impjegaturi, kif ukoll b'opportunitajiet ta' rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata u dik professjonali għall-familji li jaħdmu;

49.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-isterjotipi tas-sessi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tippromwovi inizjattivi li jiżviluppaw programmi ta' taħriġ dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għal professjonisti fl-edukazzjoni, u li jimpedixxu l-infiltrazzjoni tal-isterjotipi mill-kurrikuli u materjal pedagoġiku;

50.  Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni tal-ġeneru bħala għodda fundamentali fit-tfassil ta' politiki sensittivi għall-ġeneru u l-leġiżlazzjoni, inkluż fil-qasam tal-impjieg u l-affarijiet soċjali, u għalhekk biex jiġi żgurat it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi valutazzjonijiet tal-impatt sistematiċi abbażi tal-ġeneru; jafferma mill-ġdid is-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-istatus ta' 'Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019' tagħha billi tadottah bħala komunikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi bbaġittjar li jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-ġeneru fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss u biex tinvolvi ruħha fi skrutinju dejjem aktar rigoruż ta' proċessi li jistabbilixxu l-baġit u l-infiq tal-UE, inkluż billi tieħu passi favur it-titjib tat-trasparenza u tar-rapportar dwar il-mod ta' kif il-fondi jintefqu; barra minn hekk jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jintegra l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fl-attivitajiet tiegħu ġewwa u barra l-UE;

51.  Jistieden lill-Istati Membri jintegraw il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar il-ħiliet u s-suq tax-xogħol u jinkludu tali miżuri fi pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u bħala parti mis-Semestru Ewropew, b'konformità mal-linji gwida dwar l-impjiegi;

52.  Jenfasizza l-importanza tal-offerta ta' tagħlim tul il-ħajja għan-nisa f'żoni rurali, inkluż permezz ta', pereżempju, korsijiet ta' taħriġ bejn l-intrapriżi; jenfasizza l-proporzjon għoli ta' persuni li jaħdmu għal rashom f'żoni rurali b'nuqqas ta' protezzjoni soċjali xierqa u l-proporzjon għoli ta' xogħol "inviżibbli", li jolqot b'mod partikolari lin-nisa; jitlob lill-Istati Membri u lir-reġjuni b'setgħat leġiżlattivi, għalhekk, biex jiżguraw sigurtà soċjali kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa li jaħdmu f'żoni rurali; jistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw l-aċċess ekwitabbli għall-art, jiżguraw drittijiet tal-proprjetà u tal-wirt, u jiffaċilitaw l-aċċess għall-kreditu għan-nisa;

53.  Jirrimarka li r-rati ta' nies f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali huma ogħla fost in-nisa milli fost l-irġiel, u jenfasizza, għalhekk, li l-miżuri li jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali għandhom impatt partikolari fuq it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa; jenfasizza li l-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tad-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi u t-tnaqqis tal-faqar tan-nisa meta huma f'età avvanzata jiddependu l-ewwel u qabel kollox mill-ħolqien ta' kundizzjonijiet biex in-nisa jagħmlu kontribuzzjonijiet tal-pensjoni ugwali permezz tal-inklużjoni ulterjuri fis-suq tax-xogħol u mis-salvagwardja tal-opportunitajiet indaqs f'dawk li huma paga, progress fil-karriera u possibilitajiet ta' xogħol full-time; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Fondi SIE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-faqar tan-nisa bil-għan li tintlaħaq il-mira ġenerali tat-tnaqqis tal-faqar tal-Ewropa 2020; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li 20 % tal-fondi tal-FSE allokati għal miżuri ta' inklużjoni soċjali jkunu użati wkoll biex jiżdied l-appoġġ għall-proġetti żgħar lokali mmirati biex in-nisa li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali jingħataw is-setgħa jimxu 'l quddiem;

54.  Jinnota li l-faqar għadu jiġi mkejjel fuq id-dħul akkumulat tal-unità domestika, liema prattika tassumi li l-membri kollha tal-unità domestika jaqilgħu l-istess u jqassmu r-riżorsi b'mod indaqs; jitlob drittijiet individwalizzati u kalkoli bbażati fuq id-dħul individwali bil-għan li jikxfu l-kobor veru tal-faqar tan-nisa;

55.  Jinnota li n-nisa kienu l-iktar affettwati minn miżuri ta' awsterità u tnaqqis fis-settur pubbliku (inqas servizzi tal-kura tat-tfal li kienu iktar għaljin, servizzi mnaqqsa għall-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà, il-privatizzazzjoni u l-għeluq ta' sptarijiet), b'mod partikolari f'oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-ħidma soċjali, li jirrappreżentaw 70 % tal-forza tax-xogħol tas-settur pubbliku;

56.  Jisħaq fuq l-importanza li tingħata attenzjoni lill-ħtiġijiet speċifiċi u l-isfidi varjati ta' ċerti gruppi vulnerabbli li jħabbtu wiċċhom ma' ostakli partikolari ta' dħul fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw, għal dawn l-individwi, l-aċċess bikri u faċli tagħhom għal taħriġ ta' kwalità, inklużi internships, sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetajiet tagħna u fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ħiliet u l-kompetenzi informali u formali eżistenti, it-talenti u l-għarfien espert; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni intersezzjonali li tolqot b'mod partikolari lin-nisa f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; jenfasizza kemm huwa importanti li d-Direttiva 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, kif ukoll id-Direttiva 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(27), jiġu implimentati b'mod korrett;

57.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex isaħħu u jtejbu l-applikazzjoni prattika tal-politiki fuq il-post tax-xogħol u tal-liġijiet eżistenti, u jtejbu dawk il-politiki u liġijiet fejn xieraq, sabiex jipproteġu lin-nisa minn diskriminazzjoni diretta u indiretta, b'mod partikolari fir-rigward tal-għażla, fl-ingaġġ, fiż-żamma, fit-taħriġ vokazzjonali u fil-promozzjoni tan-nisa fl-impjieg kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, u joffru lin-nisa opportunitajiet ugwali f'termini ta' paga u avvanz fil-karriera;

58.  Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-Kunsill għadu m'adottax il-proposta għal direttiva tal-2008 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni, irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; jilqa' l-prijoritizzazzjoni ta' din id-Direttiva mill-Kummissjoni Ewropea; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill sabiex jadotta l-proposta mill-aktar fis possibbli;

59.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-ġbir ta' indikaturi tal-ġeneru speċifiċi u ta' data diżaggregata skont il-ġeneru sabiex jiġi stmat l-impatt tal-ugwaljanza bejn is-sessi tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri;

60.  Jenfasizza li n-nisa huma kkonċentrati b'mod sproporzjonat, u ħafna drabi involontarjament, f'xogħol prekarju; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-ILO maħsuba biex inaqqsu l-iskala ta' xogħol prekarju, bħal restrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jintużaw kuntratti prekarji u li jillimitaw it-tul ta' żmien li l-ħaddiema jistgħu jkunu impjegati fuq kuntratt ta' dan it-tip;

61.  Jistieden lill-EIGE jkompli l-ħidma tiegħu billi jiġbor data speċifika għas-sessi u jistabbilixxi tabelli ta' valutazzjoni fl-oqsma kollha ta' politika rilevanti;

o
o   o

62.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(2) ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.
(3) ĠU L 348, 28.11.1992, p. 1.
(4) ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 68.
(5) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 163.
(6) ĠU L 353, 28.12.2013, p. 7.
(7) ĠU C 436, 24.11.2016, p. 225.
(8) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 18.
(9) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 110.
(10) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 39.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0203.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0226.
(13) Testi adottati, P8_TA(2016)0235.
(14) Testi adottati, P8_TA(2016)0338.
(15) Testi adottati, P8_TA(2016)0360.
(16) Testi adottati, P8_TA(2015)0351.
(17) Testi adottati, P8_TA(2017)0029.
(18) Testi adottati, P8_TA(2017)0073.
(19) Testi adottati, P8_TA(2017)0099.
(20) It-3073 laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, organizzata fi Brussell fis-7 ta' Marzu 2011.
(21) ĠU L 69, 8.3.2014, p. 112.
(22) Il-Panel ta' Livell Għoli tan-NU dwar it-Tisħiħ tal-Pożizzjoni Ekonomika tan-Nisa: "Leave no one behind: A call to action for gender equality and economic women's empowerment" (Settembru 2016 - Ma nħallu lil ħadd warajna: Talba għal azzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa).
(23) Ara: ‘The European Trade Union Confederation', ‘Collective bargaining: our powerful tool to close the gender gap' (2015).
(24) Ara: Skeda informattiva tal-Kummissjoni Ewropea "Il-bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet korporattivi – l-Ewropa qed tiġġieled kontra limiti li ma jidhrux", Ottubru 2015; Kummissjoni Ewropea, DĠ JUST, "In-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi fl-UE: Rapport ta' progress: Inizjattiva ta' Ewropa 2020", 2012; Aagoth Storvik u Mari Teigen ("In-Nisa Abbord: L-Esperjenza Norveġiża", Ġunju 2010.
(25) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
(26) Stħarriġ tal-FRA dwar il-vjolenza fuq in-nisa.
(27) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.


L-indirizzar tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
PDF 328kWORD 64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar l-indirizzar tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2016/2324(INI))
P8_TA(2017)0365A8-0283/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-TFUE, li jafferma mill-ġdid li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottati fi New York fis-16 ta' Diċembru 1966, u l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra s-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument finali adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"(1),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-"Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea - Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha" li ġiet ippreżentata f'Ġunju 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ)(2),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015(3),

–  wara li kkunsidra l-Pjanijiet Direzzjonali tal-Pajjiżi tal-UE għall-Impenn mas-Soċjetà Ċivili,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-"Ftehim ta' Cotonou"), u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u l-2010,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika Tajba għall-Parteċipazzjoni Ċivili fil-Proċess tat-Teħid tad-Deċiżjoni, li ġie adottat mill-Konferenza tal-INGOs fl-1 ta' Ottubru 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Berlin tal-laqgħa annwali tal-Grupp Ristrett tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili għall-Bini tal-Paċi u tal-Istat, li saret mis-6 sad-9 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020(4) u r-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli ghall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp(6) kif ukoll id-Dikjarazzjoni I tal-Ftehim ta' Cotonou ("Dikjarazzjoni Konġunta tal-atturi fis-sħubija"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 187(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(7),

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2020 tad-DCI għall-"Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali"(8),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2012 bit-titolu "L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni" (COM(2012)0492),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-27 ta' Ġunju 2016 dwar l-ispazju tas-soċjetà ċivili(9),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja, u l-politika tal-UE għall-2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020(11),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi l-linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll il-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tar-reliġjon jew it-twemmin, adottati mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida għad-Delegazzjonijiet Interparlamentari tal-PE dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija waqt iż-żjarat tagħhom f'pajjiżi mhux membri tal-UE(12),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "Responsabbilizzazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-24 ta' Frar 2015 bit-titolu "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-11 ta' April 2016 għall-ħolqien u ż-żamma ta' ambjent sigur u abilitanti għas-soċjetà ċivili, abbażi ta' prattiki tajbin u tagħlimiet meħuda(13), u r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u d-dritt ta' assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2017 dwar ir-Riskji Globali tal-Forum Ekonomiku Dinji(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(17),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili: l-involviment tal-Ewropa b'appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli(19),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0283/2017),

A.  billi l-Artikolu 21 tat-TUE jiddikjara li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali, li tinkludi fiha l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, trid tiġi ggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

B.  billi s-soċjetà ċivili tirrappreżenta t-tielet settur ta' soċjetà b'saħħitha u diċenti, flimkien mas-setturi pubbliċi u privati; billi s-soċjetà ċivili hija magħmula minn organizzazzjonijiet nongovernattivi u dawk mingħajr skop ta' qligħ li għandhom posthom fil-ħajja pubblika, li jesprimu l-interessi u l-valuri tal-membri tagħhom jew oħrajn, ibbażati fuq kunsiderazzjonijiet etiċi, kulturali, politiċi, xjentifiċi, reliġjużi jew filantropiċi;

C.  billi s-soċjetà ċivili tiżvolġi rwol importanti fil-bini u t-tisħiħ tad-demokrazija, fil-monitoraġġ tas-setgħa tal-istat u fil-promozzjoni tal-governanza tajba, it-trasparenza u r-responsabbiltà; billi l-preżenza ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) bħala forza vitali fis-soċjetà hija kruċjali, peress li jirrappreżentaw kontrobilanċ neċessarju għall-eżerċizzju tas-setgħat billi jiżvolġu r-rwol ta' intermedjarju u ta' medjatur bejn il-popolazzjoni u l-istat, u fil-kapaċità tagħhom bħala gwardjani tad-demokrazija; billi bosta gruppi tas-soċjetà ċivili bdew ifittxu li jinvolvu ruħhom fi proċessi ta' riforma kostituzzjonali sabiex jiġu mħarsa l-prinċipji u l-istituzzjonijiet demokratiċi;

D.  billi l-OSĊ ikopru firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-iżvilupp, l-edukazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif ukoll it-twettiq ta' attivitajiet fl-oqsma soċjali u ambjentali; billi s-soċjetà ċivili tkopri firxa wiesgħa u eteroġena ta' gruppi u għanijiet, inkluż mhux biss OSĊ, iżda anke NGOs, gruppi għad-drittijiet tal-bniedem u ta' komunitajiet, dijaspori, knejjes, assoċjazzjonijiet u komunitajiet reliġjużi, il-ħarsien tal-interessi tal-persuni b'diżabbiltà, movimenti soċjali u trade unions, popli indiġeni u fondazzjonijiet, u r-rappreżentanza ta' persuni vulnerabbli, diskriminati u emarġinati;

E.  billi l-Ftehim ta' Cotonou jirrikonoxxi lis-soċjetà ċivili bħala attur ewlieni fi ħdan il-kooperazzjoni AKP-UE; billi l-iskadenza tal-Ftehim fl-2020 tirrappreżenta opportunità biex isir rieżami tas-sħubija u tkompli tiżdied il-parteċipazzjoni tal-OSĊ;

F.  billi l-OSĊ saru atturi importanti fl-assistenza globali għall-iżvilupp, b'mod partikolari fit-twettiq tas-servizzi soċjali bażiċi, is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, il-promozzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba, is-soċjetajiet paċifiċi u inklużivi, it-trawwim tar-reżiljenza ta' individwi, familji u komunitajiet lokali, il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u r-rispons għal kriżijiet umanitarji;

G.  billi, kif rikonoxxut minn organizzazzjonijiet internazzjonali fil-protokolli u l-prattiki tagħhom, il-knejjes, il-komunitajiet u l-assoċjazzjonijiet reliġjużi, flimkien mal-organizzazzjonijiet oħra bbażati fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin jinsabu fost l-atturi prinċipali operazzjonali lokali li ilhom jeżistu u li jinsabu fuq quddiem nett fil-qasam tal-għoti ta' assistenza umanitarja u tal-iżvilupp;

H.  billi l-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2020 tad-DCI għall-programm tematiku "Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali" jinkludi l-promozzjoni ta' ambjent abilitanti għall-OSĊ u l-awtoritajiet lokali bħala element trasversali; billi l-programm għandu l-għan li jsaħħaħ il-vuċi u l-parteċipazzjoni tal-OSĊ fil-proċess ta' żvilupp ta' pajjiżi sħab u li jsir progress fid-djalogu politiku, soċjali u ekonomiku;

I.  billi l-UE hija l-akbar donatur għall-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u kienet attur minn ta' quddiem fil-protezzjoni tal-atturi tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) permezz tal-użu u l-implimentazzjoni ta' firxa ta' strumenti u politiki, inklużi l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), il-programm tematiku tad-DCI għall-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali, il-Fond Ewropew għad-Demokrazija, il-Pjanijiet Direzzjonali tas-Soċjetà Ċivili implimentati f'105 pajjiżi u dokumenti ta' strateġija tal-pajjiż;

J.  billi kien hemm żieda fid-daqs, fl-ambitu, fil-kompożizzjoni u fl-influwenza tas-soċjetà ċivili madwar id-dinja tul dawn l-aħħar għaxar snin; billi, fl-istess ħin, ir-restrizzjonijiet kontra l-atturi u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili saru dejjem aktar repressivi u qawwija f'għadd dejjem jikber ta' pajjiżi madwar id-dinja, kemm dawk li qed jiżviluppaw kif ukoll dawk żviluppati;

K.  billi, barra minn hekk, l-aġenda stabbilita minn donaturi istituzzjonali tista' f'ċerti każijiet ma tipprijoritizzax il-ħtiġijiet reali tal-atturi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam;

L.  billi r-Rapport 2016 dwar l-Istat tas-Soċjetà Ċivili kkunsidra l-2015 bħala sena diżastruża għas-soċjetà ċivili hekk kif id-drittijiet ċiviċi jinsabu taħt theddida serja f'iktar minn mitt pajjiż; billi r-reġjuni tal-Afrika sub-Saħarjana u tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA) huma partikolarment ikkonċernati minn dan ir-rapport, peress li jħabbtu wiċċhom aktar spiss ma' sitwazzjonijiet ta' tensjoni politika, kunflitt u fraġilità;

M.  billi għadd dejjem jikber ta' gvernijiet qed irażżnu, b'mod legali jew amministrattiv, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż billi jimponu liġijiet restrittivi, limiti fuq il-finanzjament, proċeduri ta' liċenzjar stretti u taxxi punittivi;

N.  billi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw żdied b'mod preokkupanti l-għadd ta' rapporti dwar attivisti, membri tal-persunal tal-OSĊ, DDB, trade unionists, avukati, intellettwali, ġurnalisti u kapijiet reliġjużi li qed jiġu ppersegwitati, intimidati, stigmatizzati bħala "aġenti barranin", u arrestati jew miżmuma b'mod arbitrarju, u fl-għadd ta' vittmi ta' abbuż u vjolenza f'dawn l-aħħar snin; billi f'għadd ta' pajjiżi, dan qiegħed isir b'impunità sħiħa, u xi drabi bl-appoġġ jew f'konformità tal-awtoritajiet;

O.  billi d-drittijiet tal-bniedem huma universali u inaljenabbli, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati; billi l-ħila tas-soċjetà ċivili li taġixxi tiddependi fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni, ta' għaqda paċifika, ta' espressjoni, tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin u l-aċċess liberu għall-informazzjoni;

P.  billi hemm rabta bejn soċjetà ċivili dgħajfa, spazju politiku u ċiviku mnaqqas, livell ogħla ta' korruzzjoni, inugwaljanza soċjali u bejn is-sessi u livell baxx ta' żvilupp tal-bniedem u dak soċjoekonomiku, kif ukoll fraġilità u kunflitti;

Q.  billi kwalunkwe rispons kredibbli u effettiv tal-UE fl-indirizzar ta' spazju ċiviku dejjem jiċkien jirrikjedi valutazzjoni eżatta u fil-ħin u fehim tat-theddid u l-fatturi li joħolqu restrizzjonijiet; billi dan ir-rispons jirrikjedi wkoll approċċ koordinat bejn l-iżvilupp u l-kooperazzjoni politika, sabiex tiġi żgurata koerenza bejn l-istrumenti esterni u interni kollha tal-UE billi jixħtu messaġġ komuni dwar l-importanza ta' soċjetà ċivili li tiffunzjona liberament, kif ukoll kooperazzjoni fil-livelli lokali, reġjonali u internazzjonali;

R.  billi l-Aġenda 2030, u l-SDGs 16 u 17 b'mod partikolari, jipprevedu kooperazzjoni msaħħa mas-soċjetà ċivili bħala sieħeb ewlieni u faċilitatur fir-rigward tal-promozzjoni, l-implimentazzjoni, is-segwitu u r-rieżami tal-SDGs;

1.  Jemmen li soċjetà ċivili ġenwinament indipendenti, diversa, pluralistika u vibranti hija kruċjali fl-iżvilupp u l-istabbiltà ta' pajjiż, sabiex tiżgura l-konsolidazzjoni demokratika, il-ġustizzja soċjali, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u sabiex jinbnew soċjetajiet inklużivi sabiex ħadd ma jitħalla barra; ifakkar barra minn hekk li soċjetà ċivili hija attur ewlieni biex jintlaħqu l-SDGs;

2.  Jenfasizza r-rwol ċentrali li tiżvolġi s-soċjetà ċivili madwar id-dinja fl-appoġġ tad-demokrazija, fil-garanzija tas-separazzjoni tas-setgħat u fil-promozzjoni tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-governanza tajba, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-estremiżmu vjolenti, u l-impatt dirett fuq l-iżvilupp tal-bniedem u dak ekonomiku tal-pajjiżi, kif ukoll fuq is-sostenibbiltà ambjentali;

3.  Jinsab ferm imħasseb li l-limitazzjonijiet tal-ispazju tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi li qed jiżviluppaw qed isir dejjem aktar b'modi kumplessi u sofistikati, li huma aktar diffiċli biex jiġu indirizzati u jvarjaw minn leġiżlazzjoni, tassazzjoni, limitazzjonijiet finanzjarji, aktar burokrazija, rekwiżiti ta' rappurtar u bankarji, il-kriminalizzazzjoni u l-istigmatizzazzjoni tar-rappreżentanti tal-OSĊ, il-malafama, il-forom kollha ta' fastidju, ir-repressjoni online, il-limitazzjonijiet għall-aċċess għall-internet, iċ-ċensura, id-detenzjoni arbitrarja, il-vjolenza bbażata fuq is-sess, it-tortura u l-qtil, b'mod partikolari fi Stati milquta mill-kunflitti; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu indirizzati t-tattiċi governattivi u nongovernattivi ta' marġinalizzazzjoni ta' vuċijiet kritiċi;

4.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, meta l-OSĊ ikunu jistgħu legalment jirċievu finanzjament barrani, dawn jistgħu jiġu mlaqqma bħala ''aġenti barranin'', fatt li jistigmatizzahom u jżid b'mod sinifikanti r-riskji li jiffaċċjaw; jappella lill-UE ssaħħaħ l-istrumenti u l-politiki tagħha li jindirizzaw il-bini tal-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt u tinkludi punti ta' riferiment b'saħħithom għall-obbligu ta' rendikont u l-ġlieda kontra l-impunità għal arresti arbitrarji, abbuż mill-pulizija, tortura u trattament ħażin ieħor tad-DDB, filwaqt li tqis li n-nisa u l-irġiel jesperjenzaw dawn l-atti b'mod differenti;

5.  Jissottolinja li t-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili huwa fenomenu globali, li mhuwiex ristrett għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżda qed iseħħ ukoll dejjem iżjed f'demokraziji stabbiliti u f'pajjiżi bi dħul medju u għoli, inklużi Stati Membri tal-UE u wħud mill-alleati l-aktar stretti tal-UE; jappella lill-UE u l-Istati Membri tagħha jagħtu l-eżempju billi jħarsu b'mod strett id-drittijiet fundamentali tas-soċjetà ċivili u jindirizzaw kwalunkwe tendenza negattiva f'dan il-qasam;

6.  Jinsisti li l-Istati għandhom ir-responsabbiltà primarja u huma taħt obbligu li jipproteġu d-drittijiet kollha tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-persuni kollha, u għandhom id-dmir li jipprovdu ambjent politiku, ġuridiku u amministrattiv li jwassal għal soċjetà ċivili libera u li tiffunzjona, fejn l-operazzjoni u l-aċċess liberu u sigur għall-finanzjament huwa sigur, inkluż permezz ta' sorsi barranin;

7.  Jappella lill-UE tirrikonoxxi l-ħtieġa li tipprovdi gwida lill-gvernijiet, lill-partiti politiċi, lill-parlamenti u lill-amministrazzjonijiet fil-pajjiżi benefiċjarji dwar l-iżvilupp ta' strateġiji biex jiġi stabbilit l-ambjent legali, amministrattiv u politiku adegwat biex l-OSĊ ikunu jistgħu jaħdmu b'mod effiċjenti;

8.  Jinsab profondament imħasseb dwar l-attakki dejjem jiżdiedu kontra d-DDB madwar id-dinja; jistieden lill-UE, u lill-VP/RGħ, b'mod partikolari, jadottaw politika biex jiddenunzjaw, b'mod sistematiku u mingħajr ekwivoku, il-qtil ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) u kwalunkwe tentattiv biex ikunu suġġetti għal kull forma ta' vjolenza, persekuzzjoni, theddid, fastidju, għajbien furzat, priġunerija jew arrest arbitrarju, jikkundannaw lil dawk li jwettqu jew jittolleraw tali atroċitajiet, u jintensifikaw id-diplomazija pubblika f'appoġġ miftuħ u ċar għad-DDB; iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE u lir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw b'mod attiv lid-DDB, partikolarment billi jimmonitorjaw il-proċessi b'mod sistematiku, iżuruhom fil-ħabs u joħorġu dikjarazzjonijiet dwar każijiet individwali, meta jkun xieraq;

9.  Iqis li, f'każijiet ta' tnaqqis rapidu u drammatiku tal-ispazju għas-soċjetà ċivili, l-Istati Membri jenħtieġu li jagħtu livell għoli ta' rikonoxximent pubbliku lill-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem/lid-DDB individwali affettwati għal xogħolhom, pereżempju billi jsirulhom żjarat waqt żjarat uffiċjali;

10.  Iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa linji gwida dwar il-libertà ta' għaqda paċifika u l-libertà ta' assoċjazzjoni; jappella lill-UE tagħmel użu sħiħ mill-Istrateġiji tal-Pajjiżi li l-UE telabora fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, biex tistabbilixxi għodod ta' monitoraġġ għall-implimentazzjoni konġunta effettiva tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, u biex tiżgura li ma jkun hemm ebda lakuna fil-protezzjoni u li abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jiġu ssodisfati permezz ta' sanzjonijiet;

11.  Ifakkar li s-soċjetà ċivili tiżvolġi rwol importanti fil-promozzjoni tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, u jtenni l-appoġġ tiegħu għall-implimentazzjoni tal-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin;

12.  Jenfasizza li huwa essenzjali li r-relazzjoni tal-OSĊ maċ-ċittadini u mal-istat hija msaħħa, sabiex il-komunitajiet u l-kostitwenzi, inklużi n-nisa u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u l-gruppi vulnerabbli kollha, ikunu verament rappreżentati, u sabiex tgħin tagħmel l-istat aktar effettiv u responsabbli fl-implimentazzjoni tal-iżvilupp u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kollha;

13.  Jilqa' l-impenn u l-appoġġ li l-UE ilha tagħti għal żmien twil lis-soċjetà ċivili fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jtenni t-talba inekwivoka tiegħu għal appoġġ kontinwu u dejjem ikbar u finanzjament mill-UE fil-ħolqien ta' ambjent liberu u abilitanti għas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali u dak lokali, inkluż permezz tal-programmar annwali; jistieden lill-UE tiddiversifika u timmassimizza modalitajiet u mekkaniżmi ta' finanzjament għall-atturi tas-soċjetà ċivili, billi jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet tagħhom u jiġi żgurat li ma jiġix limitat il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom għal azzjoni jew in-numru ta' interlokuturi potenzjali;

14.  Jappella lill-UE tiżgura li l-finanzjament tal-UE jintuża kemm għal sostenn fuq perjodu ta' żmien twil kif ukoll għal interventi ta' emerġenza, sabiex jgħin lil attivisti tas-soċjetà ċivili f'riskju b'mod partikolari;

15.  Ifakkar li l-parteċipazzjoni ċivika u s-saħħa tas-soċjetà ċivili jentieġ li jiġu meqjusa bħala indikatur għad-demokrazija; iħeġġeġ bil-qawwa kwalunkwe dibattitu interparlamentari dwar id-demokrazija biex jinkludi l-membri tal-OSĊ u s-soċjetà ċivili jkunu involuti fil-proċess ta' konsultazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni kollha li taffettwa dan;

16.  Jappella lill-UE tkompli taħdem lejn iktar awtonomija tal-ispazju ċiviku mhux biss permezz tal-politiki tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp u tad-drittijiet tal-bniedem, iżda anke billi tintegra l-politiki interni u esterni l-oħra kollha tal-UE, inklużi l-ġustizzja, l-affarijiet interni, il-politiki kummerċjali u ta' sigurtà, f'konformità mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

17.  Iwissi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha rigward approċċ iktar rilassat dwar it-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili u kwistjonijiet oħra rigward id-drittijiet tal-bniedem meta huma kkonċernati pajjiżi li magħhom l-UE tikkoopera dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni; jissottolinja l-fatt li l-ispazju tas-soċjetà ċivili li qed jiċkien u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jistgħu jikkontribwixxu l-migrazzjoni furzata;

18.  Jenfasizza l-fatt li l-indirizzar tal-ispazju tas-soċjetà ċivili li qed jiċkien jirrikjedi approċċ unifikat u konsistenti fir-relazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi; jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex b'mod proattiv jindirizzaw il-kawżi tal-fatt li qed jiċkien l-ispazju tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari permezz tal-integrazzjoni tal-impenn u l-parteċipazzjoni min-naħa tal-OSĊ fil-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali bħala sħab fi djalogu politiku, ekonomiku u soċjali; jappella, f'dan ir-rigward, lill-UE tqis id-daqsijiet differenti, il-kapaċitajiet u l-għarfien espert tal-OSĊ;

19.  Iħeġġeġ lill-UE ssir faċilitatur attiv u tippromwovi mekkaniżmi istituzzjonali u inizjattivi ta' bosta partijiet interessati sabiex jissaħħu d-djalogi u jiġu żviluppati koalizzjonijiet u sħubiji aktar b'saħħithom u usa' fost il-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-OSĊ, l-awtoritajiet lokali u s-settur privat dwar ambjent għas-soċjetà ċivili abilitanti; jissottolinja l-importanza ta' spazji siguri għal dawn id-djalogi;

20.  Jappella lill-UE timmonitorja miżuri kontra t-terroriżmu u l-aspetti ta' kontra l-ħasil tal-flus u l-leġiżlazzjoni dwar it-trasparenza, u biex tieħu azzjoni biex tiżgura li dawn ma jqegħdux limiti illeġittimi fuq il-finanzjament u l-attivitajiet tal-OSĊ; itenni, f'dan il-kuntest, li r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) jenħtieġ li ma jiġux interpretati u applikati b'mod li jirrestrinġi bla bżonn l-ispazju għas-soċjetà ċivili;

21.  Ifakkar li s-settur privat huwa sieħeb ewlieni biex jintlaħqu l-SDGs, u għandu rwol importanti fit-trawwim ta' spazju ċiviku u l-promozzjoni ta' ambjent abilitanti għall-OSĊ u t-trade unions, b'mod partikolari billi jafferma mill-ġdid ir-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-obbligi tad-diliġenza dovuta fil-ktajjen tal-provvista, u permezz tal-użu ta' sħubijiet pubbliċi-privati;

22.  Itenni l-obbligu impost fuq is-settur privat biex jirrispetta kemm id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-ogħla standards soċjali u ambjentali; jappella lill-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fil-ħidma tan-NU sabiex jistabbilixxu trattat internazzjonali li jżomm responsabbli lill-korporazzjonijiet involuti fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u billi jintroduċu valutazzjonijiet tar-riskju dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-akkwist pubbliku u l-investiment;

23.  Jemmen li ftehimiet kummerċjali u ta' investiment konklużi mill-UE u l-Istati Membri tagħha ma jridux jikkompromettu, direttament jew indirettament, il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-ispazju ċiviku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis li klawsoli vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet kummerċjali huma għodda influwenti għall-ftuħ ta' spazju ċiviku; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-ftehimiet kummerċjali tal-istituzzjonijiet, inklużi Gruppi Konsultattivi Domestiċi u Kumitati Konsultattivi tal-FSE;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas ta' monitoraġġ ta' strumenti ta' finanzjament estern tal-UE, b'enfasi speċjali fuq id-drittijiet tal-bniedem;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jistabbilixxu l-aħjar prattiki u jiżviluppaw punti ta' riferiment u indikaturi ċari relatati mat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili fil-kuntest tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u tar-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-EIDHR, sabiex ikejlu l-progress tanġibbli;

26.  Jistieden lill-atturi kollha tal-UE jħeġġu b'mod aktar effettiv fil-fora multilaterali t-tisħiħ tal-qafas ġuridiku internazzjonali li jirfed id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, fost l-oħrajn billi jinvolvu ruħhom ma' organizzazzjonijiet multilaterali bħalma huma n-NU, inkluż il-mekkaniżmu tal-Proċeduri Speċjali tan-NU u tar-Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UPR), u ma' organizzazzjonijiet reġjonali bħalma huma l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), l-Unjoni Afrikana (UA), l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), il-Lega Għarbija u l-Grupp ta' Ħidma tal-Komunità tad-Demokraziji dwar l-abilitazzjoni u l-protezzjoni tas-soċjetà ċivili; ifakkar fl-importanza għall-Unjoni li jiġi stabbilit djalogu inklużiv dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-istati sħab kollha billi jiġu inklużi l-OSĊ; jistieden kemm lill-Unjoni u kemm lill-Istati Membri tagħha jħaffu l-programmi ta' governanza tajba tagħhom ma' pajjiżi terzi, u jippromwovu l-iskambju ta' prattiki tajba fir-rigward tal-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tal-OSĊ fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet; iqis li jeħtieġ li jiġu promossi djalogi tripartitiċi bejn il-gvernijiet, l-UE u l-OSĊ, inkluż dwar kwistjonijiet diffiċli ħafna bħalma huma s-sigurtà u l-migrazzjoni;

27.  Jitlob l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' Monitoraġġ u Twissija Bikrija għat-Tnaqqis tal-Ispażju tas-Soċjetà Ċivili, bl-involviment tal-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE, li jkun kapaċi jimmonitorja t-theddid kontra l-ispazju tas-soċjetà ċivili u d-DDB u joħroġ twissija kull meta jkun hemm evidenza li pajjiż li qed jiżviluppa qed iħejji restrizzjonijiet ġodda serji kontra s-soċjetà ċivili, jew meta l-gvern ikun qed juża organizzazzjonijiet mhux governattivi organizzati mill-gvern (GONGOs) b'tali mod li joħloq l-apparenza qarrieqa li teżisti soċjetà ċivili indipendenti, biex b'hekk l-UE tkun tista' tirrispondi b'mod aktar f'waqtu, koordinat u tanġibbli;

28.  Jappella lill-UE ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-parteċipazzjoni sħiħa u l-emanċipazzjoni ta' minoranzi u gruppi vulnerabbli oħra, bħal persuni b'diżabbiltà, popli indiġeni u popolazzjonijiet iżolati fi proċessi kulturali, soċjali, ekonomiċi u politiċi; jistieden lill-Istati, f'dan ir-rigward, li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni u l-politiki tagħhom ma jdgħajfux t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom jew l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili li jiddefendu d-drittijiet tagħhom;

29.  Jiddeplora n-nuqqas ta' organizzazzjonijiet li jgħinu lill-vittmi ta' terroriżmu f'pajjiżi terzi fi żmien meta t-terroriżmu globali qed jiżdied; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa urġenti li tiġi stabbilita klima sigura għal tali organizzazzjonijiet sabiex jipproteġu lill-vittmi tat-terroriżmu;

30.  Jissottolinja r-rwol kritiku tan-nisa u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fil-qasam tal-progress soċjali, inklużi l-movimenti mmexxija miż-żgħażagħ; jistieden lill-UE tinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-ħolqien ta' ambjent sigur u abilitanti għall-OSĊ tan-nisa u tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, u li jiġu indirizzati l-forom speċifiċi ta' repressjoni bbażati fuq is-sess, partikolarment f'reġjuni milquta minn kunflitti;

31.  Jenfasizza l-importanza li tingħata kontribuzzjoni b'mod attiv għall-appoġġ ta' politiki u azzjonijiet relatati mad-drittijiet tan-nisa, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

32.  Itenni kemm huwa importanti li l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet jiġi integrat fil-politika tal-iżvilupp tal-UE, bl-għan li jiġu integrati l-prinċipji dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fl-attivitajiet ta' żvilupp tal-UE u li jiġu sinkronizzati l-attivitajiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

33.  Ifakkar fl-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali fit-tisħiħ ta' ambjenti abilitanti għas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jippromwovu d-djalogu u l-aħjar prattika għall-protezzjoni u l-impenn mas-soċjetà ċivili;

34.  Jilqa' l-Pjanijiet Direzzjonali tal-Pajjiżi tal-UE għall-Impenn mas-Soċjetà Ċivili bħala għodda effikaċi u bħala l-qafas tal-UE possibbli ġdid għall-impenn mas-soċjetà ċivili; iqis li huwa ta' importanza fundamentali li l-OSĊ jiġu involuti mhux biss fil-proċess ta' konsultazzjoni li jwassal għall-abbozzar tal-pjanijiet direzzjonali, iżda anke fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fir-rieżami tagħhom;

35.  Jimpenja ruħu li jistabbilixxi, fuq bażi annwali u permezz ta' konsultazzjoni fil-fond ma' atturi istituzzjonali u NGOs rilevanti, lista ta' pajjiżi fejn l-ispazju għas-soċjetà ċivili jinsab l-aktar taħt theddida;

36.  Jistieden lill-VP/RGħ biex tqiegħed regolarment fuq l-aġenda tal-Kunsill Affarijiet Barranin, għal diskussjoni u segwitu, l-isforzi tal-UE biex ikomplu jiġu rilaxxati d-DDB, il-ħaddiema umanitarji, il-ġurnalisti, l-attivisti politiċi, il-persuni arrestati minħabba t-twemmin reliġjuż jew morali tagħhom, u oħrajn li ntbagħtu l-ħabs riżultat tat-tnaqqis fl-ispazju tas-soċjetà ċivili;

37.  Jilqa' l-ħatra ta' punti fokali tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili fid-Delegazzjonijiet tal-UE ddedikati biex titjieb il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili lokali, b'mod partikolari fl-għoti ta' għajnuna lil gruppi u individwi vulnerabbli u marġinalizzati; jitlob lid-Delegazzjonijiet tal-UE biex b'mod sistematiku jqajmu kuxjenza dwar l-ispazju tas-soċjetà ċivili li qed jiċkien u l-protezzjoni tal-attivisti mal-membri nazzjonali tal-parlamenti, il-gvernijiet u l-uffiċjali tal-awtoritajiet lokali, u biex ikomplu jimpenjaw ruħhom mal-OSĊ fiċ-ċiklu ta' programmar tal-fondi tal-UE u għall-monitoraġġ sussegwenti tagħhom, anke meta l-kooperazzjoni bilaterali tkun qed titneħħa gradwalment; jistieden, barra minn hekk, lid-Delegazzjonijiet tal-UE biex, b'mod regolari u trasparenti, jipprovdu informazzjoni lis-soċjetà ċivili dwar il-fondi u l-opportunitajiet ta' finanzjament;

38.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex b'mod sistematiku jinkludu spazju ċiviku dejjem jiċkien fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom u biex jagħmlu użu mill-istrumenti u l-għodod disponibbli kollha, inkluż fl-oqsma tal-iżvilupp u tal-kummerċ, sabiex ikun żgurat li l-pajjiżi sħab jirrispettaw l-impenn tagħhom li jipproteġu u jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-UE timmonitorja mill-qrib l-involviment tal-atturi tas-soċjetà ċivili f'pajjiżi sħab u jħeġġeġ lill-gvernijiet jirrevokaw il-liġijiet kollha li jiksru d-drittijiet għal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni; iqis, f'dan ir-rigward, li l-UE jenħtieġ li tintroduċi kundizzjonalità pożittiva fl-appoġġ baġitarju fir-rigward ta' kwalunkwe restrizzjoni ta' spazju ċiviku;

39.  Jenfasizza li s-soċjetà ċivili tal-Punent jenħtieġ li tappoġġja l-ħolqien u t-tisħiħ ta' NGOs permezz tat-trasferiment tal-għarfien sabiex tgħinhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-pajjiżi tagħhom stess;

40.  Iħeġġeġ bil-qawwa s-sinerġiji bejn l-Istrumenti ta' Finanzjament Estern tal-UE b'appoġġ għas-soċjetà ċivili, u jitlob li jsir eżerċizzju ta' mmappjar komprensiv fil-livell tal-pajjiżi tal-finanzjament kollu tal-UE għas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet u trikkib, u biex jgħinu jiġu identifikati nuqqasijiet u ħtiġijiet ta' finanzjament possibbli;

41.  Iħeġġeġ lill-UE tadotta linji gwida dwar sħubijiet ma' knejjes u organizzazzjonijiet reliġjużi u mexxejja reliġjużi f'kooperazzjoni għall-iżvilupp, abbażi tal-esperjenzi ta' organizzazzjonijiet u programmi internazzjonali (bħall-UNICEF, il-Bank Dinji, id-WHO jew il-Programm ta' Żvilupp tan-NU), u prattiki tajba fl-Istati Membri tal-UE u lil hinn minnha;

42.  Jirrakkomanda bil-qawwa protezzjoni aħjar għar-rappreżentanti tal-OSĊ f'pajjiżi terzi sabiex tiġi indirizzata kwalunkwe ostilità diretta lejhom;

43.  Jilqa' l-flessibbiltà akbar pprovduta minn għadd ta' strumenti ta' finanzjament tal-UE rilevanti għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, billi, inter alia, tippermetti reġistrazzjoni eħfef għall-applikanti tal-għotjiet u l-kunfidenzjalità tar-riċevituri fejn meħtieġ; iqis, madankollu, li jista' jsir aktar biex jingħata l-aktar rispons xieraq u mfassal għal sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, inkluża informazzjoni aktar avvanzata dwar sejħiet għal proposti, aktar opportunitajiet ta' finanzjament, aktar aġġornamenti regolari tal-pjanijiet direzzjonali, l-armonizzazzjoni u s-semplifikazzjoni ta' modalitajiet ta' finanzjament, u appoġġ għal OSĊ fil-proċeduri amministrattivi tagħhom;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-Programm Indikattiv Pluriennali 2018-2020 tad-DCI, sejħa tematika globali għal proposti li tindirizza speċifikament il-kwistjoni tat-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-fondi tal-EIDHR biex tindirizza t-tnaqqis tal-ispazju tas-soċjetà ċivili u s-sitwazzjoni tad-DDB; jiddeplora l-fatt li f'xi pajjiżi s-somom annwali jinsabu f'livell baxx ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika forom ġodda ta' attiviżmu li għandhom jiġu ffinanzjati mill-EIDHR, billi tadotta approċċ komprensiv għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u tkompli bl-isforzi tagħha sabiex tistabbilixxi proċedura aktar flessibbli u semplifikata ta' aċċess għall-finanzjament mill-EIDHR, speċjalment għaż-żgħażagħ, inklużi aktar eċċezzjonijiet sinifikanti għal dawk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jinsabu f'riskju partikolari u appoġġ lil gruppi mhux reġistrati li eventwalment għandhom jiġu rikonoxxuti mill-awtoritajiet; iqis li għandha ssir aktar enfasi fuq gruppi u atturi lokali, peress li l-kwistjonijiet b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem spiss huma esperjenzati b'mod aktar reali u profond fil-livell lokali; itenni l-importanza tal-EIDHR fl-għoti ta' appoġġ finanzjarju u materjali dirett urġenti għad-DDB li jinsabu f'riskju, kif ukoll tal-fond ta' emerġenza li jippermetti lid-delegazzjonijiet tal-UE jagħtuhom għotjiet diretti ad hoc; jirrikonoxxi l-importanza ta' koalizzjonijiet jew konsorzji ta' atturi tas-soċjetà ċivili internazzjonali u nazzjonali biex jiffaċilitaw u jipproteġu x-xogħol tal-NGOs lokali kontra miżuri ripressivi; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni konġunta effettiva tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-pajjiżi terzi kollha fejn is-soċjetà ċivili tinsab f'riskju, u dan billi jadottaw strateġiji lokali għall-operazzjonalizzazzjoni sħiħa tagħhom;

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E
(2) Dokument tal-Kunsill 10715/16.
(3) Dokument tal-Kunsill 10897/15.
(4) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.
(5) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 1.
(6) ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17.
(7) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(8) C(2014)4865 finali.
(9) A/HRC/32/L.29.
(10) Testi adottati, P8_TA(2016)0405.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0371.
(12) http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201203/20120329ATT42170/20120329ATT42170EN.pdf
(13)A/HRC/32/20.
(14) http://www3.weforum.org/docs/GRR17_Report_web.pdf
(15) Testi adottati, P8_TA(2017)0026.
(16) Testi adottati, P8_TA(2016)0437.
(17) Testi adottati, P8_TA(2016)0246.
(18) Testi adottati, P8_TA(2016)0224.
(19) ĠU C 208, 10.6.2016, p. 25.


Il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità
PDF 442kWORD 76k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità (2017/2068(INI))
P8_TA(2017)0366A8-0272/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 16, 67, 70, 72, 73, 75, 82, 83, 84, 85, 87 u 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 7, 8, 11, 16, 17, 21, 24, 41, 47, 48, 49, 50 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (KDF),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal, dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, tal-25 ta' Mejju 2000,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Stokkolma u l-Aġenda ta' Azzjoni, adottati fl-Ewwel Kungress Dinji kontra l-Isfruttament Sesswali Kummerċjali tat-Tfal, l-Impenn Globali ta' Yokohama adottat fit-Tieni Kungress Dinji kontra l-Isfruttament Sesswali Kummerċjali tat-Tfal, u l-Impenn u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Budapest, adottati fil-Konferenza Preparatorja għat-Tieni Kungress Dinji kontra l-Isfruttament Sesswali Kummerċjali tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali, tal-25 ta' Ottubru 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 dwar il-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar l-abbuż sesswali tat-tfal online(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti(3),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Budapest dwar iċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta' Novembru 2001(4) u l-Protokoll Addizzjonali għaliha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 460/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(8),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tas-7 ta' Frar 2013 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni mill-Kummissjoni u mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bit-titolu "L-Istrateġija ta' Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea:t: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur" (JOIN(2013)0001),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali(10)(id-Direttiva tal-OIE),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tat-8 ta' April 2014(11) li tinvalida d-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà: Ċiberspazju miftuħ u sikur(12),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 bit-titolu "L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà" (COM(2015)0185) u r-rapporti ta' progress sussegwenti bit-titolu "Lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina",

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Konferenza dwar il-ġurisdizzjoni fiċ-ċiberspazju li saret fis-7 u fit-8 ta' Marzu 2016, f'Amsterdam,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data - GDPR)(13),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(14),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)(15),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-iffirmar ta' arranġament kuntrattwali dwar sħubija pubblika-privata għar-riċerka industrijali u l-innovazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà bejn l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-organizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati (C(2016)4400),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tas-6 ta' April 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill- Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà bit-titolu "Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu: reazzjoni tal-Unjoni Ewropea" (JOIN(2016)0018),

–  wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal" (COM(2012)0196) u r-rapport tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Evalwazzjoni finali tal-programm multiannwali tal-UE dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni (Internet Aktar Sikur)" (COM(2016)0364),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Europol u l-ENISA tal-20 ta' Mejju 2016 dwar investigazzjoni kriminali legali li tirrispetta l-protezzjoni tad-data tas-Seklu 21;

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni(16),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Opinjoni tal-ENISA ta' Diċembru 2016 dwar il-Kriptaġġ - Il-kriptaġġ b'saħħtu jissalvagwardja l-identità diġitali tagħna,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Cloud Evidence Group T-CY tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titolu "Criminal justice access to electronic evidence in the cloud: Recommendations for consideration by the T-CY" (Aċċess tal-ġustizzja kriminali għall-evidenza elettronika fil-cloud: Rakkomandazzjonijiet għal kunsiderazzjoni mit-T-CY) tas-16 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-ħidma tat-Taskforce Konġunta għall-Azzjoni kontra ċ-Ċiberkriminalità (J-CAT)

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tat-Theddid tal-Kriminalità Organizzata u tal-Forom Serji tal-Kriminalità (SOCTA tal-UE) tat-28 ta' Frar 2017 u l-Valutazzjoni tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata fuq l-Internet (IOCTA) tat-28 ta' Settembru 2016, magħmula mill-Europol,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-QtĠ fil-Kawża C-203/15 (sentenza TELE2) tal-21 ta' Diċembru 2016(17),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI(18),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0272/2017),

A.  billi ċ-ċiberkriminalità qed tikkawża ħsara soċjali u ekonomika dejjem iżjed sinifikanti li taffettwa d-drittijiet fundamentali tal-individwi, toħloq theddid għall-istat tad-dritt fiċ-ċiberspazju u tipperikola l-istabbiltà ta' soċjetajiet demokratiċi;

B.  billi ċ-ċiberkriminalità hija problema li qed tikber fl-Istati Membri;

C.  billi l-IOCTA 2016 tiżvela li ċ-ċiberkriminalità qed tiżdied fl-intensità, fil-kumplessità u fil-kobor, li ċ-ċiberkriminalità rrapportata taqbeż il-kriminalità tradizzjonali f'xi pajjiżi tal-UE, li testendi għal oqsma oħra tal-kriminalità, bħat-traffikar tal-bnedmin, l-użu tal-kriptaġġ u tal-għodod tal-anonimizzazzjoni għal skopijiet kriminali qed jiżdied u li l-attakki tat-tip ransomware jaqbżu t-theddid mill-malware tradizzjonali bħat-Trojans;

D.  billi kien hemm żieda ta' 20 % fl-attakki fuq is-servers tal-Kummissjoni fl-2016 meta mqabbel mal-2015;

E.  billi l-vulnerabbiltà tal-kompjuters toriġina kemm mill-mod uniku ta' kif it-teknoloġija tal-informazzjoni żviluppat matul is-snin, kif ukoll mill-veloċità tat-tkabbir tan-negozju online u n-nuqqas ta' azzjoni mill-gvern;

F.  billi hemm suq klandestin li dejjem qed jikber fl-estorsjoni kompjuterizzata, l-użu ta' botnets mikrija u l-hacking u l-beni diġitali misruqa;

G.  billi l-fokus ewlieni tal-attakki ċibernetiċi jibqa' fuq il-malware, bħal pereżempju t-trojans bankarji, iżda l-attakki fuq is-sistemi u n-netwerks ta' kontroll industrijali mmirati biex jeqirdu l-infrastruttura kritika u l-istrutturi ekonomiċi kif ukoll biex jiddestabbilizzaw is-soċjetajiet, bħalma kien il-każ tal-attakk tat-tip ransomware "WannaCry" ta' Mejju 2017, qed jiżdiedu wkoll fin-numru u fl-impatt u b'hekk jirrapreżentaw theddida dejjem akbar għas-sigurtà, id-difiża u setturi importanti oħra; billi l-maġġoranza tat-talbiet internazzjonali għad-data mill-awtoritajiet ta' infurzar huma relatati mal-frodi u l-kriminalità finanzjarja, segwiti minn forom serji u vjolenti ta' kriminalità;

H.  billi, filwaqt li l-interkonnessjoni, li qed tikber b'mod kostanti, tan-nies, tal-postijiet u tal-oġġetti ġġib magħha ħafna benefiċċji, din iżżid ir-riskju taċ-ċiberkriminalità; billi t-tagħmir konness mal-Internet tal-Oġġetti (IoT), li jinkludi grilji intelliġenti, friġis, karozzi, għodod mediċi jew apparat mediku, ta' spiss ma jkunx protett sew daqs tagħmir tal-internet tradizzjonali u għaldaqstant, jikkostitwixxi mira ideali għaċ-ċiberkriminali, speċjalment minħabba r-reġim għall-aġġornament tas-sigurtà għal tagħmir konness ħafna drabi jkun frammentat jew inkella nieqes għal kollox; billi t-tagħmir tal-IoT li jġarrbu hacking li għandhom attwaturi fiżiċi jew jistgħu jikkontrollawhom jistgħu jirrapreżentaw theddida konkreta għall-ħajjet il-bnedmin;

I.  billi qafas legali effettiv għall-protezzjoni tad-data huwa essenzjali għall-bini tas-sens ta' sikurezza u ta' fiduċja fid-dinja online, u jippermetti lill-konsumaturi kif ukoll lin-negozji jibbenefikaw bis-sħiħ mill-benefiċċji tas-suq uniku diġitali u fl-istess ħin se jindirizza ċ-ċiberkriminalità;

J.  billi l-kumpaniji waħedhom ma jistgħux jindirizzaw l-isfida li jagħmlu d-dinja konnessa aktar sigura, u jenħtieġ li l-gvern jikkontribbwixxi għaċ-ċibersigurtà permezz ta' regolamentazzjoni u l-provvediment ta' inċentivi li jħeġġu aġir aktar sigur mill-utenti;

K.  billi d-differenzi bejn iċ-ċiberkriminalità, l-ispjunaġġ ċibernetiku, il-gwerra ċibernetika, is-sabotaġġ ċibernetiku u t-terroriżmu ċibernetiku qegħdin isiru dejjem inqas ċari; billi d-delitti ċibernetiċi jista' jkollhom fil-mira tagħhom individwi, entitajiet privati jew pubbliċi u jkopru firxa wiesgħa ta' reati, inkluż il-ksur ta' privatezza, l-abbuż sesswali tat-tfal online, l-inċitament pubbliku għall-vjolenza u l-mibegħda, is-sabotaġġ, l-ispjunaġġ, ir-reati finanzjarji u l-frodi, bħal pereżempju l-frodi tal-ħlas, is-serq u s-serq tal-identità kif ukoll l-interferenza illegali fis-sistemi;

L.  billi r-Rapport tal-2017 tal-Forum Ekonomiku Dinji dwar ir-Riskji Globali jelenka inċident massiv ta' frodi u serq ta' data bħala wieħed mill-ħames riskji globali ewlenin f'termini ta' probabbiltà;

M.  billi numru konsiderevoli ta' delitti ċibernetiċi jibqgħu mhux proċessati u mhux ikkastigati; billi għad hemm nuqqas sinifikanti ta' rapportar, perjodi twal ta' detezzjoni, li jagħtu liċ-ċiberkriminali ż-żmien biex jiżviluppaw dħul/ħruġ multiplu jew backdoors, aċċess diffiċli għall-evidenza elettronika, problemi biex tinkiseb din tal-aħħar u problemi relatati mall-ammissibbiltà tagħha fil-qorti, kif ukoll proċeduri kumplessi u sfidi ġurisdizzjonali relatati man-natura transfruntiera tad-delitti ċibernetiċi;

N.  billi l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2016 enfasizza li, minħabba n-natura transfruntiera taċ-ċiberkriminalità kif ukoll it-theddid komuni ta' ċibersigurtà li qed taffaċċja l-UE, il-kooperazzjoni msaħħa u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji u l-esperti taċ-ċiberkriminalità huma essenzjali biex l-investigazzjonijiet fiċ-ċiberspazju jsiru b'mod effettiv u tinkiseb evidenza elettronika;

O.  billi l-annullament tad-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data mill-QtĠ fis-sentenza tagħha tat-8 ta' April 2014 kif ukoll il-projbizzjoni taż-żamma ġeneralizzata, indifferenzjata u mhux immirata ta' data kif ikkonfermata mid-deċiżjoni tal-QtĠ fis-sentenza tagħha TELE2 tal-21 ta' Diċembru 2016 jimponu limiti strinġenti fuq l-ipproċessar fi kwanititajiet kbar ta' data relatata mat-telekomunikazzjonijiet kif ukoll l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għal tali data;

P.  billi s-sentenza Maximillian Schrems tal-QtĠ(19) tirrileva li s-sorveljanza tal-massa tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali;

Q.  billi l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità trid tirrispetta l-istess garanziji proċedurali u sostantivi u d-drittijiet fundamentali, jiġifieri fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u l-libertà ta' espressjoni, bħall-ġlieda kontra kwalunkwe qasam ieħor tal-kriminalità;

R.  billi t-tfal qed jużaw l-internet minn età dejjem aktar bikrija u huma partikolarment vulnerabbli għall-grooming online u għal forom oħra ta' sfruttament sesswali online (il-bullying ċibernetiku, l-abbuż sesswali, l-isfurzar u l-estorsjoni sesswali), l-użu ħażin ta' data personali kif ukoll kampanji perikolużi maħsuba biex jippromwovu diversi tipi ta' awtoleżjoniżmu, bħal pereżempju fil-każ tal-"blue whale", u għalhekk jeħtieġu protezzjoni speċjali; billi l-awturi online jistgħu jsibu u jħejju vittmi għall-abbuż sesswali b'mod aktar rapidu permezz ta' chat rooms, posta elettronika, logħob online u siti ta' netwerking soċjali u n-netwerks "peer-to-peer" (P2P) moħbija għadhom il-pjattaformi ċentrali għall-pedofili biex jaċċedu, jikkomunikaw, jaħżnu u jaqsmu materjal ta' sfruttament sesswali tat-tfal u biex jitraċċaw vittmi ġodda mingħajr ma jinqabdu;

S.  billi t-tendenza li qed tikber ta' koerċizzjoni u estorsjoni sesswali għadha mhux qed tiġi studjata u rapportata biżżejjed, l-aktar minħabba n-natura tad-delitt, li joħloq sens ta' mistħija u ħtija fil-vittmi;

T.  billi l-abbuż tat-tfal live mill-bogħod qed jiġi rrapportat bħala theddida li qed tikber; billi l-abbuż tat-tfal live mill-bogħod għandu r-rabtiet l-aktar ovvji mad-distribuzzjoni kummerċjali ta' materjali ta' sfruttament sesswali tat-tfal;

U.  billi minn studju riċenti mill-Aġenzija Nazzjonali kontra l-Kriminalità fir-Renju Unit irriżulta li żgħażagħ li jipparteċipaw f'attivitajiet ta' hacking huma inqas motivati mill-flus u ta' sikwit jattakkaw netwerks tal-kompjuters biex jimpressjonaw lil sħabhom jew biex jisfidaw sistema politika;

V.  billi s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji maħluqa miċ-ċiberkriminalità żdiedet, iżda l-miżuri ta' prekawzjoni meħuda mill-utenti individwali, l-istituzzjonijiet pubbliċi u n-negozji għadhom mhux biżżejjed, partikolarment minħabba nuqqas ta' għarfien u riżorsi;

W.  billi jenħtieġ li l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u kontra l-attivitajiet illegali online ma ttellifx l-aspetti pożittivi ta' ċiberspazju ħieles u miftuħ, li joffri possibilitajiet ġodda għall-kondiviżjoni tal-għarfien u l-promozzjoni tal-inklużjoni politika u soċjali madwar id-dinja kollha;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jenfasizza li ż-żieda qawwija fir-ransomware, fil-botnets u fl-indeboliment mhux awtorizzat tas-sistemi tal-kompjuter għandha impatt fuq is-sigurtà ta' individwi, id-disponibbiltà u l-integrità tad-data personali tagħhom, kif ukoll fuq il-protezzjoni tal-privatezza u l-libertajiet fundamentali u l-integrità tal-infrastruttura kritika inkluż, fost oħrajn, l-enerġija u l-provvista tal-elettriku u l-istrutturi finanzjarji bħall-Borża; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità hija prijorità rikonoxxuta fil-qafas tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tat-28 ta' April 2015;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati d-definizzjonijiet komuni taċ-ċiberkriminalità, il-gwerra ċibernetika, iċ-ċibersigurtà, il-fastidju ċibernetiku u l-attakki ċibernetiċi biex jiġi żgurat l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tal-UE jkollhom definizzjoni ġuridika waħda;

3.  Jissottolinja li l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità jenħtieġ li tirrigwarda l-ewwel u qabel kollox is-salvagwardja u t-tisħiħ tal-infrastrutturi kritiċi u ta' apparati oħra konnessi f'netwerk, u mhux biss it-twettiq ta' miżuri ripressivi;

4.  Itenni l-importanza tal-miżuri legali meħuda fil-livell Ewropew biex jarmonizzaw id-definizzjoni tar-reati marbuta mal-attakki kontra sistemi ta' informazzjoni kif ukoll mal-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal online u biex jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u l-forniment ta' data statistika dwar dawn ir-reati, bl-għan li dawn it-tipi ta' reati jiġu miġġielda b'mod aktar effikaċi;

5.  Iħeġġeġ bil-qawwa lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jittrasponu fi żmien utli u b'mod adegwat id-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja u tiżgura b'mod strett l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħha, u tirrapporta lura lill-Parlament u lill-Kumitat responsabbli tiegħu l-konstatazzjonijiet tagħha fi żmien utli, filwaqt li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI; jisħaq fuq il-punt li l-Eurojust u l-Europol għandhom jingħataw riżorsi adegwati sabiex itejbu l-identifikazzjoni tal-vittmi, jiġġieldu kontra n-netwerks organizzati ta' dawk li jabbużaw sesswalment minn oħrajn u jaċċelleraw is-sejba, l-analiżi u l-indikazzjoni ta' materjal ta' abbuż tat-tfal kemm online kif ukoll offline;

6.  Jiddeplora l-fatt li 80 % tal-kumpaniji fl-Ewropa ġarrbu tal-inqas inċident wieħed ta' sigurtà ċibernetika u li l-attakki ċibernetiċi kontra n-negozji spiss jibqgħu mhux identifikati jew mhux irrapportati; ifakkar li bosta studji jikkalkolaw li l-ispiża annwali ta' attakki ċibernetiċi hija sinifikanti għall-ekonomija dinjija; jemmen li l-obbligu li jiġi żvelat ksur tas-sigurtà u li tiġi kondiviża informazzjoni dwar ir-riskji introdott permezz tar-Regolament (UE) 2016/679 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR)) u d-Direttiva (UE) 2016/1148 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (id-Direttiva dwar is-sigurtà tas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni (Direttiva NIS)), se jgħin biex tiġi indirizzata din il-problema billi jingħata appoġġ għall-intrapriżi, speċjalment l-SMEs;

7.  Jenfasizza li n-natura dejjem tinbidel tax-xenarju ta' theddid ċibernetiku toħloq sfidi legali u teknoloġiċi serji għall-partijiet ikkonċernati kollha; jemmen li teknoloġiji ġodda m'għandhomx jitqiesu bħala theddida u jirrikonoxxi li l-avvanzi teknoloġiċi fil-kriptaġġ se jtejbu s-sigurtà ġenerali tas-sistemi ta' informazzjoni tagħna, fosthom billi jippermettu lill-utenti aħħarin jipproteġu aħjar id-data u l-komunikazzjonijiet tagħhom; jinnota, madankollu, li għad hemm nuqqasijiet notevoli f'dak li jikkonċerna s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet u li tekniki bħal pereżempju onion routing u netwerks moħbija jistgħu jintużaw minn utenti malintenzjonati, fosthom terroristi u pedofili, hackers sponsorjati minn Stati barranin ostili jew minn organizzazzjonijiet politiċi jew reliġjużi estremisti għal skopijiet kriminali, b'mod partikolari biex jaħbu l-attivitajiet kriminali tagħhom jew l-identitajiet tagħhom, u dan qed joħloq sfidi serji fl-investigazzjonijiet;

8.  Jinsab ferm ikkonċernat dwar l-attakk globali tat-tip ransomware li sar dan l-aħħar u li deher li affettwa eluf u eluf ta' kompjuters fi kważi mitt pajjiż u f'bosta organizzazzjonijiet, fosthom in-National Health Service (NHS) fir-Renju Unit, il-vittma bl-ogħla profil milquta minn dan l-attakk estensiv tat-tip malware; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, il-ħidma importanti tal-inizjattiva No More Ransom (NMR) li tipprovdi 'l fuq minn 40 għodda ta' deċiframent b'xejn li jippermettu lill-vittmi tar-ransomware fid-dinja kollha jiddekriptaw l-apparat milqut tagħhom;

9.  Jissottolinja li n-netwerks moħbija u l-onion routing jipprovdu wkoll spazju liberu għall-ġurnalisti, l-attivisti politiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'ċerti pajjiżi biex jevitaw li jinkixfu minn awtoritajiet statali repressivi;

10.  Jinnota li r-rikors, min-naħa tan-netwerks kriminali u terroristiċi, għall-għodda u s-servizzi informatiċi għadu limitat; jenfasizza, madankollu, li dan aktarx jinbidel fid-dawl tar-rabtiet dejjem jikbru bejn it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u d-disponibbiltà wiesgħa tal-armi tan-nar u tal-prekursuri tal-isplussivi fuq in-netwerks moħbija;

11.  Jikkundanna b'qawwa kwalunkwe interferenza fis-sistema mwettqa jew immexxija minn nazzjon barrani jew l-aġenti tiegħu bil-għan li tħarbat il-proċess demokratiku f'pajjiż ieħor;

12.  Jissottolinja li t-talbiet transfruntiera għas-sekwestru tad-dominji, it-tneħħija tal-kontenut u l-aċċess għad-data tal-utenti jikkostitwixxu sfidi serji li jirrikjedu azzjoni urġenti, peress li r-riskji involuti huma għoljin; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-punt li l-oqfsa tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, li japplikaw kemm online kif ukoll offline, jirrappreżentaw punt ta' riferiment sostantiv fil-livell globali;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi ta' attakki ċibernetiċi jkunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mid-drittijiet kollha li jinsabu fid-Direttiva 2012/29/UE, u jżidu l-isforzi tagħhom fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-vittmi u s-servizzi mibnija madwar il-vittmi, inkluż bl-appoġġ kontinwu għat-taskforce tal-Europol għall-identifikazzjoni tal-vittma; jistieden lill-Istati Membri f'kooperazzjoni mal-Europol jistabbilixxu b'urġenza pjattaformi relatati l-għan li jiġi żgurat li l-utenti kollha tal-internet ikunu jafu kif jitolbu għajnuna f'każ li jsibu ruħhom fil-mira ta' attivitajiet illegali online; jistieden lill-Kummissjoni tniedi studju dwar l-implikazzjonijiet taċ-ċiberkriminalità transfruntiera fuq il-bażi tad-Direttiva 2012/29/UE;

14.  Jissottolinja li r-rapport IOCTA 2014 tal-Europol jirreferi għall-ħtieġa għal strumenti ġuridiċi aktar effiċjenti u effikaċi, filwaqt li jitqiesu l-limitazzjonijiet attwali tal-proċess tat-Trattat ta' Għajnuna Legali Reċiproka (MLAT), u jirrakkomanda li l-leġiżlazzjoni fl-UE tiġi armonizzata ulterjorment fejn xieraq;

15.  Jissottolinja li ċ-ċiberkriminalità ddgħajjef serjament il-funzjonament tas-suq uniku diġitali peress li tnaqqas il-fiduċja fil-fornituri ta' servizz diġitali, u b'hekk timmina t-tranżazzjonijiet transfruntiera u tagħmel ħsara kbira lill-interessi tal-konsumaturi tas-servizzi diġitali;

16.  Jisħaq fuq il-punt li l-istrateġiji u l-miżuri f'dak li jikkonċerna ċ-ċibersigurtà jistgħu jkunu sodi u effikaċi biss jekk ikunu bbażati fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-valuri fundamentali tal-UE;

17.   Jisħaq fuq il-fatt li teżisti ħtieġa leġittima u qawwija li jiġu protetti l-komunikazzjonijiet bejn l-individwi u bejn l-individwi u l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati bil-għan li tiġi impedita ċ-ċiberkriminalità; jenfasizza li kriptografija b'saħħitha tista' tgħin biex tiġi ssodisfata din il-ħtieġa; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-punt li l-limitazzjoni tal-użu ta' jew id-dgħajfien tas-saħħa tal-għodod kriptografiċi se joħolqu vulnerabbiltajiet li jistgħu jiġu sfruttati għal skopijiet kriminali u jnaqqsu l-fiduċja fis-servizzi elettroniċi, fattur li mbagħad jissarraf fi ħsara kemm għas-soċjetà ċivili kif ukoll għall-industrija;

18.  Jappella għal pjan ta' azzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal online u offline fl-ispazju ċibernetiku, u jfakkar li fil-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ li jagħtu attenzjoni speċjali lid-delitti kontra t-tfal; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fost l-Istati Membri, u mal-Europol u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3), għall-prevenzjoni taċ-ċiberkriminalità u l-ġlieda kontriha , u b'mod partikolari l-isfruttament sesswali online tat-tfal;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu l-miżuri ġuridiċi kollha għall-ġlieda kontra l-fenomenu tal-vjolenza online kontra n-nisa u l-bullying ċibernetiku; jitlob, b'mod partikolari, lill-UE u lill-Istati Membri jgħaqqdu l-forzi sabiex joħolqu qafas ta' reati kriminali li jobbliga lill-korporazzjonijiet online jħassru jew iwaqqfu d-distribuzzjoni ta' kontenut degradanti, offensiv u umiljanti; jitlob ukoll li jiġi offrut appoġġ psikoloġiku għal nisa vittmi ta' vjolenza online u bniet li huma vittmi ta' bullying ċibernetiku;

20.  Jisħaq fuq il-punt li l-kontenut illegali online għandu jitneħħa minnufih fuq il-bażi tal-proċess dovut tal-liġi; jenfasizza r-rwol tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, il-fornituri tas-servizz tal-internet u l-fornituri ta' servizzi ta' hosting fl-iżgurar tat-tneħħija rapida u effiċjenti ta' kontenut illegali online fuq talba tal-awtorità responsabbli għall-infurzar tal-liġi;

Prevenzjoni

21.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-reviżjoni tal-istrateġija Ewropea dwar iċ-ċibersigurtà, tkompli tidentifika l-vulnerabbiltajiet tan-netwerks u s-sigurtà tal-informazzjoni tal-infrastruttura kritika Ewropea, tinċentiva l-iżvilupp ta' sistemi reżiljenti, u tivvaluta s-sitwazzjoni rigward il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità fl-UE u fl-Istati Membri, sabiex jinkiseb fehim aħjar tax-xejriet u l-iżviluppi fir-rigward tar-reati fiċ-ċiberspazju;

22.  Jenfasizza li r-reżiljenza ċibernetika hija essenzjali għall-prevenzjoni taċ-ċiberkriminalità u jenħtieġ li għalhekk tingħata l-ogħla prijorità; jistieden lill-Istati Membri jadottaw politiki u azzjonijiet proattivi favur id-difiża tan-netwerks u l-infrastruttura kritika u jitlob li jkun hemm approċċ Ewropew komprensiv fir-rigward tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità li jkun kompatibbli mad-drittijiet fundamentali, il-protezzjoni tad-data, iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-kummerċ elettroniku;

23.  Jilqa', f'dan ir-rigward, l-investiment tal-fondi tal-UE fi proġetti ta' riċerka bħas-sħubija pubblika-privata dwar iċ-ċibersigurtà, intiża sabiex titrawwem ir-reżiljenza ċibernetika Ewropea permezz tal-innovazzjoni u l-bini ta' kapaċità; jirrikonoxxi, b'mod partikolari, l-isforzi li saru min-naħa tas-Sħubija Pubblika-Privata dwar iċ-Ċibersigurtà biex jiġi stabbilit rispons adegwat għall-ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet "zero-day";

24.  Jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' software liberu u open source; jappella biex isiru disponibbli aktar fondi tal-UE speċifikament għal software liberu u open source bbażat fuq ir-riċerka fil-qasam tas-sikurezza informatika;

25.  Jinnota bi tħassib li jeżisti nuqqas ta' professjonisti kkwalifikati fil-qasam tal-informatika li jaħdmu fuq iċ-ċibersigurtà; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fl-edukazzjoni;

26.  Iqis li r-regolamentazzjoni għandu jkollha rwol akbar fil-ġestjoni tar-risjki marbuta maċ-ċibersigurtà permezz ta' standards imtejba fejn jidħlu d-disinn u l-aġġornamenti sussegwenti tal-prodotti u s-software, kif ukoll standards minimi fuq l-ismijiet tal-utenti u l-passwords prestabbiliti;

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-iskambji tal-informazzjoni permezz tal-Eurojust, l-Europol u l-ENISA, kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki permezz tan-Netwerk Ewropew tal-CSIRT (Skwadra ta' Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters ) u l-CERTs (Skwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters) dwar l-isfidi li jiffaċċjaw fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, kif ukoll dwar soluzzjonijiet konkreti, legali u tekniċi biex ikunu indirizzati u tiżdied ir-reżiljenza ċibernetika; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tippromwovi kooperazzjoni effikaċi u tiffaċilità l-iskambju tal-informazzjoni bil-għan li jiġu antiċipati u ġestiti r-riski postenzjali, kif previst mid-Direttiva NIS;

28.  Huwa mħasseb mill-konstatazzjonijiet tal-Europol li l-maġġoranza tal-attakki b'suċċess fuq individwi huma attribwibbli għal nuqqas ta' iġjene diġitali u ta' sensibilizzazzjoni tal-utenti, kif ukoll għal nuqqas ta' attenzjoni mogħtija lill-miżuri tekniċi ta' sigurtà bħal pereżempju sigurtà bbażata fuq id-disinn; jissottolinja li l-utenti huma l-ewwel vittmi ta' hardware u software b'livell baxx ta' sigurtà;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal kampanja ta' sensibilizzazzjoni, bl-involviment tal-atturi u l-partijiet ikkonċernati kollha relevanti, biex jagħtu s-setgħa lit-tfal u jappoġġjaw lill-ġenituri, lill-persuni li għandhom tfal fil-kura tagħhom u lill-edukaturi biex jifhmu u jittrattaw ir-riskji online u jipproteġu s-sikurezza tat-tfal online, jagħtu appoġġ lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu programmi ta' prevenzjoni tal-abbuż sesswali online, jippromwovu kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar imġiba responsabbli fil-midja soċjali, u jħeġġu l-magni tat-tiftix ewlenin u n-netwerks tal-midja soċjali biex jieħdu approċċ proattiv fil-protezzjoni tas-sikurezza tat-tfal online;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jniedu kampanji ta' sensibilizzazzjoni ta' informazzjoni u prevenzjoni u li jippromowovu l-prattiki t-tajba sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini, b'mod partikolari t-tfal u utenti vulnerabbli oħra, iżda wkoll il-gvernijiet ċentrali u l-awtoritajiet lokali, l-operaturi vitali u l-atturi tas-settur privat, b'mod partikolari l-SMEs, ikunu konxji ta' kif ikunu sikuri online u ta' kif jipproteġu l-apparat tagħhom; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu miżuri prattiċi ta' sigurtà bħall-kriptaġġ jew sigurtà oħra u teknoloġiji li jsaħħu l-privatezza u għodod ta' anonimizzazzjoni;

31.  Jenfasizza li kampanji ta' sensibilizzazzjoni għandhom ikunu akkumpanjati minn programmi ta' edukazzjoni dwar l-"użu informat" ta' strumenti tal-informatika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu ċ-ċibersigurtà, kif ukoll ir-riskji u l-konsegwenzi tal-użu tad-data personali online, fil-kurrikuli skolastiċi tal-informatika; jenfasizza f'dan il-kuntest l-isforzi li saru fil-qafas ta' strateġija Ewropea għal Internet aħjar għat-tfal (Internet Aħjar għat-Tfal (l-Istrateġija BIK) 2012);

32.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti, fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, għal aktar sforzi fil-qasam edukattiv u tat-taħrig dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, billi jiġi introdott it-taħriġ dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, dwar l-iżvilupp ta' software sigur u l-protezzjoni tad-data personali għall-istudenti tal-informatika, kif ukoll taħriġ bażiku dwar is-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni għal membri tal-persunal li jaħdmu fl-amministrazzjonijiet pubbliċi;

33.  Iqis li l-assigurazzjoni kontra l-hacking ċibernetiku tista' tkun waħda mill-għodod li tixpruna l-azzjoni f'dak li jikkonċerna s-sigurtà, kemm mill-kumpaniji li huma responsabbli mid-disinn tas-software, kif ukoll mill-utenti mħeġġa li jużaw is-software kif suppost;

34.  Jenfasizza li n-negozji għandhom jidentifikaw il-vulnerabbiltajiet u r-riskji permezz ta' valutazzjonijiet regolari, jipproteġu l-prodotti u s-servizzi tagħhom billi jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet immedjatament, inkluż permezz ta' politiki ta' ġestjoni ta' patch u aġġornamenti tal-protezzjoni tad-data, itaffu l-effett ta' attakki tat-tip ransomware billi jwaqqfu sistemi ta' back-up robusti, u jirrapportaw b'mod konsistenti l-attakki ċibernetiċi;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu CERTs sabiex in-negozji u l-konsumaturi jkunu jistgħu jirrappurtaw lilhom dwar posta elettronika u siti web malintenzjonati kif previst mid-Direttiva NIS, sabiex l-Istati Membri jiġu infurmati regolarment dwar inċidenti ta' sigurtà u miżuri biex jiġi miġġieled u mtaffi r-riskju għas-sistemi tagħhom stess; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkunsidraw li jistabbilixxu bażi ta' data li tirreġistra t-tipi kollha ta' ċiberkriminalità u jissorveljaw l-iżvilupp tal-fenomeni relevanti;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu biex jagħmlu l-infrastruttura kritika tagħhom u d-data assoċjata aktar sigura sabiex tirreżisti għall-attakki ċibernetiċi;

Tisħiħ tar-responsabbiltà tal-fornituri ta' servizz

37.  Iqis il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri ta' servizz bħala fattur ewlieni għall-aċċellerazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-assistenza legali reċiproka u tal-proċeduri ta' rikonoxximent reċiproku, fi ħdan il-mandati previsti permezz tal-qafas ġuridiku Ewropew; jistieden lill-fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika mhux stabbiliti fl-Unjoni jaħtru bil-miktub rappreżentanti fl-Unjoni;

38.  Itenni, fir-rigward tal-IoT, li l-produtturi huma l-punt inizjali ewlieni biex ikun hemm sistemi ta' responsabbiltà iktar stretti li jwasslu għal kwalità aħjar ta' prodotti u ambjent iktar sikur f'termini ta' aċċess estern u servizz dokumentat ta' aġġornamenti;

39.  Jemmen li, fid-dawl tat-tendenzi ta' innovazzjoni u l-aċċessibbiltà li kulma jmur qiegħda tiżdied tal-apparat tal-IoT, għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-sigurtà tal-apparat kollu, anki dawk li huma sempliċi għall-aħħar; iqis li huwa fl-interess tal-produtturi tal-hardware u l-iżviluppaturi ta' software innovattiv li jinvestu f'soluzzjonijiet li jimpedixxu ċ-ċiberkriminalità u li jiskambjaw informazzjoni dwar theddid għaċ-ċibersigurtà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu s-sigurtà permezz ta' approċċ ta' sigurtà bbażata fuq id-disinn u jħeġġeġ lill-industrija tinkludi soluzzjonijiet ta' sigurtà bbażata fuq id-disinn f'dan l-apparat kollu; jinkoraġġixxi, f'dan il-kuntest, lis-settur privat jimplimenta miżuri volontarji żviluppati abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE bħad-Direttiva NIS u allinjati ma' standards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali bl-għan li jrawwmu l-fiduċja fis-sigurtà tas-software u tal-apparat, bħat-tikketta ta' fiduċja tal-IoT;

40.  Iħeġġeġ lill-fornituri tas-servizzi jaderixxu mal-Kodiċi ta' Kondotta dwar id-Diskors Illegali ta' Mibegħda Onlajn, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-kumpaniji parteċipanti jkomplu jikkooperaw fuq dik il-kwistjoni;

41.  Ifakkar li d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern(20) teżenta lill-intermedjarji mir-responsabbiltà għall-kontenut biss jekk dawn ikollhom biss rwol newtrali u passiv fir-rigward tal-kontenut trażmess u/jew ospitat, iżda tirrikjedi wkoll rispons fil-pront biex jitneħħa jew jitwaqqaf l-aċċess għall-kontenut meta intermedjarju jkollu għarfien reali ta' ksur jew attività jew informazzjoni illegali;

42.  Jissottolinja l-bżonn assolut li l-bażijiet tad-data tal-infurzar tal-liġi jitħarsu minn inċidenti tas-sigurtà u l-aċċess illegali, peress li din hija kwistjoni ta' tħassib għall-individwi; jesprimi tħassib rigward l-ilħuq extraterritorjali mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-aċċess għad-data fil-kuntest ta' investigazzjonijiet kriminali, u jenfasizza l-bżonn li jiġu implimentati regoli sodi dwar il-kwistjoni;

43.  Jemmen li l-kwistjonijiet relatati ma' attività illegali fuq l-internet għandhom jiġu indirizzati b'mod rapidu u bl-aktar mod effiċjenti, inkluż permezz ta' proċeduri ta' tneħħija jekk il-kontenut ma jkunx jew ma jkunx għadu meħtieġ għall-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni; ifakkar li, meta t-tneħħija ma tkunx fattibbli, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri meħtieġa u proporzjonati biex jimblukkaw l-aċċess mit-territorju tal-Unjoni għal tali kontenut; jenfasizza li dawn il-miżuri għandhom jikkonformaw mal-proċeduri leġiżlattivi u ġudizzjarji eżistenti, kif ukoll mal-Karta, u għandhom ukoll ikunu soġġetti għal salvagwardji xierqa, inkluża l-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju;

44.  Jenfasizza r-rwol tal-fornituri ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni diġitali li jiżguraw it-tneħħija rapida u effiċjenti ta' kontenut illegali fuq l-Internet fuq talba ta' awtorità responsabbli mill-infurzar tal-liġi, u jilqa' l-progress li sar f'dan ir-rigward, inkluż permezz tal-kontribut tal-Forum tal-Internet tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal impenn u kooperazzjoni aktar qawwija min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni biex tinkiseb tneħħija malajr u effettiva mill-industrija u biex jiġi evitat l-imblukkar tal-kontenut illegali permezz ta' miżuri tal-gvern; jistieden lill-Istati Membri iżommu bħala responsabbli legalment il-pjattaformi mhux konformi; itenni li kwalunkwe miżura biex jitneħħa kontenut illegali online li tistipula termini u kundizzjonijiet għandha tkun permessa biss jekk ir-regoli proċedurali nazzjonali jipprovdu l-possibbiltà lill-utenti li jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem qorti wara li jsiru jafu dwar dawn il-miżuri;

45.  Jissottolinja li, b'mod konformi mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Jannar 2016, "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"(21), ir-responsabbiltà limitata tal-intermedjarji hija essenzjali għall-protezzjoni ta' internet miftuħ, id-drittijiet fundamentali, iċ-ċertezza tad-dritt u l-innovazzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi gwida dwar il-proċeduri, ta' notifika u ta' tneħħija, biex jgħinu lill-pjattaformi online jikkonformaw mar-responsabilitajiet tagħhom u r-regoli dwar ir-responsabbiltà definiti fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (2000/31/KE), sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt u tiżdied il-fiduċja tal-utenti; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi dwar din il-kwistjoni;

46.  Jitlob li jkun applikat l-approċċ "segwi l-flus", kif deskritt fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar "Lejn kunsens imġedded dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Pjan ta' Azzjoni tal-UE"(22), abbażi tal-qafas regolatorju tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u d-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRED);

47.  Jenfasizza l-importanza kruċjali li jiġi provdut taħriġ kontinwu u speċifiku u appoġġ psikoloġiku lill-moderaturi tal-kontenut f'entitajiet privati u pubbliċi li huma responsabbli mill-valutazzjoni ta' kontenut oġġezzjonabbli jew illegali online, għax dawn jenħtieġ li jitqiesu bħala dawk li jagħti l-ewwel rispons f'dan il-qasam;

48.  Jistieden lill-fornituri tas-servizzi jipprevedu tipi ċari ta' riferiment u infrastruttura ta' servizz amministrattiv definita sew, li jagħmilha possibbli li tittieħed azzjoni malajr u xierqa f'każ ta' riferiment;

49.  Jistieden lill-fornituri tas-servizzi jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex iżidu l-kuxjenza tar-riskju inerenti tal-internet, b'mod partikolari għat-tfal, billi jiżviluppaw għodod u materjal ta' informazzjoni interattivi;

Tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja

50.  Huwa mħasseb li numru konsiderevoli ta' reati ċibernetiċi jibqgħu mhux ikkastigati; jiddeplora l-fatt li l-użu mill-fornituri ta' servizzi tal-internet ta' teknoloġiji bħal NAT CGN qed ifixkel ħafna l-investigazzjonijiet billi jagħmilha teknikament impossibbli li jiġi identifikat b'mod preċiż min ikun qed juża indirizz IP, u għaldaqstant min hu responsabbli għal delitti online; jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-infurzat tal-liġi jitħallielhom l-aċċess legali għal informazzjoni rilevanti fiċ-ċirkostanzi limitati fejn dan l-aċċess huwa meħtieġ u proporzjonat għal raġunijiet ta' sigurtà u ġustizzja; jenfasizza li l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi għandhom ikunu mgħammra b'kapaċitajiet suffiċjenti biex iwettqu investigazzjonijiet leġittimi;

51.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri ma jimponux obbligi fuq il-fornituri ta' kriptaġġ li jwasslu biex tiddgħajjef jew tiġi pperikolata s-sigurtà tan-netwerks jew tas-servizzi tagħhom, bħall-ħolqien jew il-faċilitazzjoni ta' "back doors"; jenfasizza li soluzzjonijiet fattibbli għandhom jiġu offruti, kemm permezz ta' leġiżlazzjoni kif ukoll evoluzzjoni teknoloġika kontinwa, fejn is-sejba tagħhom hija imperattiva għall-ġustizzja u s-sigurtà; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw, f'konsultazzjoni mal-ġudikatura u l-Eurojust, fl-allinjament tal-kundizzjonijiet għall-użu legali ta' għodod investigattivi online;

52.  Jenfasizza li l-interċezzjonijiet legali jista' jkun miżura effettiva ħafna biex jiġi miġġieled il-hacking illegali, sakemm ikun meħtieġ, proporzjonat, ibbażat fuq proċess ġuridiku dovut u f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u mal-liġi u mal-każistika dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE; jistieden lill-Istati Membri kollha jagħmlu użu mill-possibilitajiet ta' interċezzjoni legali mmirata lejn individwi sospettati, jistabbilixxu regoli ċari rigward il-proċess ta' awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel għall-attivitajiet tal-interċezzjoni legali, inklużi restrizzjonijiet fuq l-użu u fuq d-durata tal-għodod tal-hacking legali, jistabbilixxu mekkaniżmu ta' sorveljanza, u jipprovdu rimedji legali effettivi għall-miri tal-attivitajiet ta' hacking;

53.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvolvu lill-komunità tas-sigurtà tal-ICT u jħeġġuha tieħu rwol aktar attiv fl-hekk imsejjaħ "white hat hacking" u fl-irrappurtar ta' kontenut illegali, bħal materjal dwar l-abbuż sesswali tat-tfal;

54.  Iħeġġeġ lill-Europol jistabbilixxi sistema ta' rappurtar anonimu fi ħdan netwerks moħbija, li tippermetti lill-individwi jirrappurtaw lill-awtoritajiet kontenut illegali, bħal immaġnijiet ta' abbuż sesswali tat-tfal, bl-użu ta' salvagwardji tekniċi simili għal dawk implimentati minn ħafna organizzazzjonijiet tal-istampa li jużaw sistemi simili biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' data sensittiva mal-ġurnalisti b'mod li jippermetti grad ogħla ta' anonimità u sigurtà minn dak li toffri e-mail konvenzjonali;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mminimizzati r-riskji maħluqa għall-privatezza tal-utenti tal-Internet minħabba l-iżvelar ta' sfruttamenti jew għodod użati mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bħala parti mill-investigazzjonijiet leġittimi tagħhom;

56.  Jenfasizza li l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi għandhom ikunu mgħammra b'kapaċitajiet u finanzjament suffiċjenti biex ikunu jistgħu jwieġbu b'mod effettiv għaċ-ċiberkriminalità;

57.  Jissottolinja li l-frammentazzjoni ta' ġuriżdizzjonijiet nazzjonali separati, iddefiniti b'mod territorjali tikkawża diffikultajiet fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli f'interazzjonijiet transnazzjonali u tagħti lok għal inċertezza tad-dritt, biex b'hekk tipprevjeni l-kooperazzjoni transfruntiera, li hija meħtieġa biex tiġi ttrattata b'mod effiċjenti ċ-ċiberkriminalità;

58.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata l-bażi prattika għal approċċ komuni tal-UE rigward il-kwistjoni ta' ġurisdizzjoni fiċ-ċiberspazju, kif enfasizzat fil-laqgħa informali tal-ministri tal-ġustizzja u l-affarijiet interni li saret fis-26 ta' Jannar 2016;

59.  Jenfasizza f'dan ir-rigward il-bżonn li jiġu żviluppati standards proċedurali komuni li jistgħu jiddeterminaw il-fatturi territorjali li jipprovdu raġunijiet għal-liġi applikabbli fiċ-ċiberspazju u jiddefinixxu miżuri investigattivi li jistgħu jintużaw irrispettivament mill-fruntieri ġeografiċi;

60.  Jirrikonoxxi li tali approċċ Ewropew komuni, li jeħtieġ li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-privatezza, se jibni l-fiduċja fost partijiet interessati, inaqqas id-dewmien fit-trattament ta' talbiet transkonfinali, jistabbilixxi l-interoperabbiltà fost l-atturi eteroġeni u jagħti l-opportunità li jiġu inkorporati rekwiżiti debiti tal-proċess f'oqfsa operattivi;

61.  Jemmen li, fuq perjodu ta' żmien twil, standards proċedurali komuni dwar il-ġurisdizzjoni ta' infurzar fil-qasam taċ-ċiberspazju għandhom jiġu żviluppati wkoll fil-livell globali; jilqa', f'dan ir-rigward, il-ħidma tal-Cloud Evidence Group tal-Kunsill tal-Ewropa;

Evidenza elettronika

62.  Jissottolinja li approċċ Ewropew komuni għall-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju huwa kwistjoni ta' prijorità, għaliex għandu jtejjeb l-infurzar tal-istat tad-dritt fiċ-ċiberspazju u jiffaċilita l-kisba tal-evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali, kif ukoll se jikkontribwixxi biex il-konklużjoni tal-każijiet tkun ħafna iktar mgħaġġla mil-lum;

63.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinstabu mezzi biex tiġi żgurata u tinkiseb l-evidenza elettronika aktar malajr, kif ukoll l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inkluż permezz ta' użu akbar tat-timijiet ta' investigazzjoni konġunti, pajjiżi terzi u fornituri tas-servizzi attivi fit-territorju Ewropew, bi qbil mal-GDPR ((UE) 2016/679), id-Direttiva (UE) 2016/680 (id-Direttiva tal-Pulizija) eżistenti u l-ftehimiet tal-assistenza legali reċiproka (MLA); jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti punti ta' kuntatt fl-Istati Membri kollha u li jiġi ottimizzat l-użu ta' punti ta' kuntatt eżistenti, billi dan se jiffaċilita l-aċċess għal evidenza elettronika kif ukoll il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, itejjeb il-kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizzi, u jħaffef il-proċedimenti MLA;

64.  Jirrikonoxxi li l-oqsfa ġuridiċi Ewropej u nazzjonali attwali jistgħu joħolqu sfidi għall-fornituri tas-servizzi li jippruvaw jikkonformaw mat-talbiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tressaq qafas ġuridiku Ewropew għall-evidenza elettronika, inklużi regoli armonizzati li jiddeterminaw l-istatus ta' fornitur bħala nazzjonali jew barrani, u li jimponu obbligu fuq il-fornituri ta' servizzi li jirrispondu għal talbiet minn Stati Membri oħra bbażati fuq il-proċess ġuridiku dovut u bi qbil mal-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew (OIE), filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipju ta' proporzjonalità biex ikunu evitati effetti negattivi fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u biex jiġi żgurati s-salvagwardji xierqa, bl-għan li tiġi stabbilita ċ-ċertezza tad-dritt kif ukoll li tittejjeb il-ħila tal-fornituri tas-servizzi u tal-intermedjarji li jirrispondu għal talbiet ta' infurzar tal-liġi;

65.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kwalunkwe qafas ta' evidenza elettronika li jinkludi biżżejjed salvagwardji għad-drittijiet u l-libertajiet ta' dawk kollha kkonċernati; jenfasizza li dan għandu jinkludi rekwiżit li t-talbiet għal evidenza elettronika jitressqu fl-ewwel istanza lill-kontrolluri jew is-sidien tad-data, sabiex jiġi żgurat rispett tad-drittijiet tagħhom — kif ukoll tad-drittijiet ta' dawk li d-data tkun dwarhom (pereżempju d-dritt tagħhom li jinvokaw privileġġ legali, u jfittxu rimedju legali fil-każ ta' aċċess sproporzjonat jew illegali b'xi mod ieħor); jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li kwalunkwe qafas legali li jipproteġi l-fornituri u l-partijiet l-oħra kollha minn talbiet li jistgħu joħolqu kunflitti ta' liġi jew b'mod ieħor jaffettwaw is-sovranità ta' stati oħra;

66.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali (id-Direttiva tal-OIE) għall-finijiet tal-iżgurar effettiv u l-kisba tal-evidenza elettronika fl-UE, kif ukoll biex jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi relatati maċ-ċiberspazju fil-kodiċijiet penali nazzjonali tagħhom biex jiffaċilitaw l-ammissibbiltà tal-evidenza elettronika fil-qorti u biex l-imħallfin ikunu jistgħu jingħataw gwida aktar ċara rigward il-penalizzazzjoni taċ-ċiberkriminalità;

67.  Jilqa' x-xogħol li għaddej tal-Kummissjoni lejn pjattaforma ta' kooperazzjoni b'mezz ta' komunikazzjoni sikur għal skambji diġitali tal-OIEs għal evidenza elettronika u t-tweġibiet bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Istati Membri, l-Eurojust u l-fornituri tas-servizzi, jeżaminaw u jallinjaw il-forom, għodod u proċeduri biex jitolbu l-iżgurar u l-kisba tal-evidenza elettronika sabiex tiġi ffaċilitata l-awtentikazzjoni, biex jiġu żgurati proċeduri rapidi u biex jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-proċess tal-iżgurar u l-kisba ta' evidenza elettronika; jitlob li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) tiżviluppa moduli ta' taħriġ dwar l-użu effettiv tal-oqfsa attwali li jintużaw biex tiġi żgurata u tinkiseb evidenza elettronika; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li s-simplifikazzjoni tal-politiki tal-fornituri tas-servizzi se tgħin biex tnaqqas l-eteroġeneità tal-approċċi, b'mod partikolari dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet biex jingħata aċċess għad-data mitluba;

Bini tal-kapaċità fil-livell Ewropew

68.  Jinnota li inċidenti reċenti wrew biċ-ċar il-vulnerabbiltà akuta tal-UE, u b'mod partikolari tal-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, il-kumpaniji ewlenin Ewropej, l-infrastrutturi u netwerks tal-IT Ewropej, fir-rigward tal-attakki sofistikati permezz ta' software u malware kumplessi; jistieden lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) biex kontinwament tivvaluta l-livell tat-theddida, u lill-Kummissjoni sabiex tinvesti aktar il-kapaċità tal-IT kif ukoll tad-difiża u r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika tal-istituzzjonijiet tal-UE sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-UE għal attakki ċibernetiċi serji li joriġinaw minn organizzazzjonijiet kriminali kbar, attakki sponsorjati mill-istat jew gruppi terroristiċi;

69.  Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni importanti taċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) tal-Europol u tal-Eurojust, kif ukoll tal-ENISA, fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

70.  Jistieden lill-Europol jappoġġja lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi nazzjonali fl-istabbiliment ta' kanali tat-trażmissjoni siguri u adegwati;

71.  Jiddeplora l-fatt li attwalment ma jeżisti l-ebda standard tal-UE għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni; jirrikonoxxi li x-xejriet futuri fiċ-ċiberkriminalità jeħtieġu livell akbar ta' għarfien espert mill-prattikanti; jilqa' l-fatt li l-inizjattivi eżistenti bħal pereżempju l-Grupp Ewropew għat-Taħriġ u l-Edukazzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità (l-ECTEG), il-Proġett tat-Taħriġ tal-Ħarrieġa (TOT) u l-attivitajiet ta' taħriġ taħt iċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE huma diġà qafas li witta t-triq lejn l-indirizzar tad-diskrepanza ta' għarfien espert fil-livell tal-UE;

72.  Jistieden lis-CEPOL u lin-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju biex jestendu l-offerta tagħhom ta' korsijiet ta' taħriġ iddedikati għal suġġetti relatati maċ-ċiberkriminalità lil korpi tal-infurzar tal-liġi kompetenti u lill-awtoritajiet ġudizzjarji madwar l-Unjoni;

73.  Jenfasizza li l-għadd ta' reati taċ-ċiberkriminalità riferuti lill-Eurojust żdied b'30 %; Jitlob li l-finanzjament jiġi riallokat b'aktar postijiet li jsiru disponibbli jekk ikun meħtieġ biex l-Eurojust tkun tista' tlaħħaq max-xogħol dejjem jiżdied tagħha rigward iċ-ċiberkriminalità, kif ukoll biex tiżviluppa u ssaħħaħ aktar l-appoġġ tagħha għall-prosekuturi nazzjonali taċ-ċiberkriminalità f'każijiet transfruntiera, inkluż permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità;

74.  Jitlob ir-reviżjoni tal-mandat tal-ENISA u t-tisħiħ tal-aġenziji nazzjonali taċ-ċibersigurtà; jitlob biex l-ENISA tiġi msaħħa f'termini tal-kompiti tagħha, il-persunal u r-riżorsi; jenfasizza li l-mandat il-ġdid għandu jinkludi wkoll rabtiet aktar b'saħħithom mal-Europol u l-partijiet interessati tal-industrija, biex l-aġenzija tkun tista' tappoġġa aħjar lill-awtoritajiet kompetenti fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

75.  Jitlob lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) biex tfassal gwida prattika u ddettaljata li tipprovdi linji gwida dwar il-kontrolli superviżorji u ta' skrutinju għall-Istati Membri;

Kooperazzjoni mtejba ma' pajjiżi terzi

76.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi terzi fil-ġlieda globali kontra ċ-ċiberkriminalità, inkluż permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki, investigazzjonijiet konġunti, bini ta' kapaċità u assistenza legali reċiproka;

77.  Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw u jimplimentaw b'mod sħiħ il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar taċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta' Novembru 2001 (“il-Konvenzjoni ta' Budapest”) kif ukoll il-protokolli addizzjonali tagħha, u f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, jippromwovuha fil-fora internazzjonali xierqa;

78.  Jenfasizza t-tħassib sejru tiegħu fir-rigward tax-xogħol li qed isir fi ħdan il-Kumitat tal-Konvenzjoni għaċ-Ċiberkriminalità tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni ta' Budapest dwar l-aċċess transkonfinali għal data informatika maħżuna ("evidenza tal-cloud"), u jopponi kwalunkwe konklużjoni ta' protokoll jew gwida addizzjonali maħsuba biex jestendu l-ambitu ta' din id-dispożizzjoni lil hinn mir-reġim attwali stabbilit minn din il-Konvenzjoni, li diġà hija eċċezzjoni maġġuri għall-prinċipju ta' territorjalità għaliex dan jista' jwassal għal aċċess mill-bogħod mingħajr ebda xkiel għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'servers u kompjuters li jinsabu f'ġurisdizzjonijiet oħra mingħajr rikors għal MLAs jew strumenti oħra ta' kooperazzjoni ġudizzjarja implimentati sabiex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali tal-individwu, inkluża l-protezzjoni tad-data u l-proċess ġust, inkluża b'mod partikolari l-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa;

79.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li m'hemm l-ebda liġi internazzjonali vinkolanti dwar iċ-ċiberkriminalità u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Istituzzjonijiet Ewropej biex jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' konvenzjoni dwar il-kwistjoni;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi għażliet għal inizjattivi biex titjieb l-effiċjenza u jkun promoss l-użu ta' Trattati ta' Għajnuna Legali Reċiproka ( MLATs) sabiex tiġi miġġielda l-preżunzjoni ta' ġurisdizzjoni estraterritorjali minn pajjiżi terzi.

81.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw biżżejjed kapaċità biex jiġu ttrattati talbiet għal Assistenza Legali Reċiproka marbutin ma' investigazzjonijiet fiċ-ċiberspazju u jiżviluppaw programmi rilevanti ta' taħriġ għall-persunal responsabbli għat-trattament ta' dawn it-talbiet;

82.  Jissottolinja li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni strateġika u operattiva bejn il-Europol u pajjiżi terzi jiffaċilitaw kemm l-iskambju ta' informazzjoni kif ukoll il-kooperazzjoni prattika;

83.  Jieħu nota tal-fatt li l-ogħla numru ta' talbiet għall-infurzar tal-liġi jintbagħat lill-Istati Uniti u lill-Kanada; huwa mħasseb li r-rata ta' divulgazzjoni ta' fornituri tas-servizzi kbar tal-Istati Uniti b'rispons għal talbiet minn awtoritajiet tal-ġustizzja kriminali Ewropea ma tilħaqx is-60 %, u jfakkar li skont il-Kapitolu V tal-GDPR, l-MLATs u ftehimiet internazzjonali oħra huma l-mekkaniżmu preferut biex jippermettu l-aċċess għal data personali miżmuma barra mill-pajjiż;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri konkreti biex tħares id-drittijiet fundamentali tal-persuni ssuspettati jew akkużati meta jsir skambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi Ewropej u l-pajjiżi terzi, b'mod partikolari s-salvagwardji fir-rigward tal-ksib ta' malajr, fuq deċiżjoni tal-qorti, ta' evidenza rilevanti, informazzjoni relatata mal-abbonat jew metadata u kontenut tad-data dettaljati (jekk ma jkunux kriptati) mingħand awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u/jew fornituri ta' servizz bil-għan li tittejjeb l-assistenza legali reċiproka;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-korpi Ewropej assoċjati u, fejn meħtieġ, pajjiżi terzi biex iqisu modi ġodda biex jiżguraw u jiksbu evidenza elettronika b'mod effiċjenti ospitata f'pajjiżi terzi, f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u l-liġi tal-protezzjoni tad-data tal-UE, billi jitħaffef u jiġi ssimplifikat l-użu ta' proċedimenti ta' assistenza legali reċiproka u, fejn applikabbli, rikonoxximent reċiproku;

86.  Jenfasizza l-importanza ta' Ċentru ta' Rispons għal Inċidenti Ċibernetiċi tan-NATO;

87.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw fil-Forum Globali dwar l-Għarfien Espert Ċibernetiku (GFCE) sabiex jiġi ffaċilitat it-twaqqif ta' sħubijiet sabiex tinbena l-kapaċità;

88.  Jappoġġa l-assistenza fil-bini ta' kapaċità pprovduta mill-UE lill-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant, minħabba li ħafna attakki ċibernetiċi joriġinaw f'dawk il-pajjiżi;

o
o   o

89.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 33.
(2) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 109.
(3) ĠU L 149, 2.6.2001, p. 1.
(4) Kunsill tal-Ewropa, Sensiela tat-Trattati Ewropej, Nru 185, 23.11.2001.
(5) ĠU L 77, 13.3.2004, p. 1.
(6) ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75.
(7) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(8) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(9) ĠU L 218, 14.8.2013, p.8.
(10) ĠU L 130, 1.5.2014, p. 1.
(11) ECLI:UE:C:2014:238.
(12) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 112.
(13) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(14) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.
(15) ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53
(16) ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.
(17) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016, Tele2 Sverige AB vs Post- och telestyrelsen u Secretary of State for the Home Department vs Tom Watson et, C-203/15, ECLI:EU:C:2016:970.
(18) ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.
(19) ECLI:UE:C:2015:650.
(20) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
(21) Testi adottati, P8_TA(2016)0009.
(22) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 25.


Relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-ASEAN
PDF 318kWORD 65k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-ASEAN (2017/2026(INI))
P8_TA(2017)0367A8-0243/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) fit-8 ta' Awwissu 1967,

–  wara li kkunsidra l-qafas ġuridiku prinċipali għar-relazzjonijiet UE-ASEAN, jiġifieri l-Ftehim ta' Kooperazzjoni ASEAN-KEE, iffirmat f'Marzu 1980(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-ASEAN, iffirmata f'Novembru 2007, li tistabbilixxi personalità ġuridika u qafas ġuridiku u istituzzjonali għall-ASEAN, inkluż il-ħolqien tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (KRP) li jappoġġa u jikkoordina l-ħidma tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra l-Forum Reġjonali tal-ASEAN (ARF) stabbilit fl-1993 sabiex irawwem djalogu u konsultazzjoni dwar il-kwistjonijiet politiċi u ta' sigurtà u sabiex jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja u d-diplomazija preventiva fir-reġjun tal-Asja-Paċifiku,

–  wara li kkunsidra d-diversi oqfsa tal-ASEAN favur it-tisħiħ tal-fiduċja reġjonali: l-ARF, il-Laqgħa tal-Ministri tad-Difiża tal-ASEAN (ADMM-Plus), is-Summit tal-Asja tal-Lvant (EAS), l-ASEAN Plus Three (ASEAN flimkien maċ-Ċina, il-Ġappun u l-Korea ta' Isfel) u l-ASEAN Plus Six (l-ASEAN flimkien maċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel, l-Indja, l-Awstralja u New Zealand),

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet kummerċjali fis-seħħ bejn l-ASEAN u l-Ġappun, iċ-Ċina, il-Korea t'Isfel, l-Indja, l-Awstralja u New Zealand,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin u/jew il-konklużjoni tas-seba' Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti Stati Membri tal-ASEAN, jiġifieri l-Brunei Darussalam, l-Indoneżja, il-Malasja, il-Filippini, Singapore, it-Tajlandja u l-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles li għaddejjin mal-Indoneżja u mal-Filippini, in-negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles mal-Malasja u mat-Tajlandja, attwalment it-tnejn sospiżi, il-konklużjoni mistennija tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ma' Singapore u mal-Vjetnam fix-xhur li ġejjin u n-negozjati għal ftehim ta' investiment mal-Myanmar;

–  wara li kkunsidra l-laqgħa bejn il-Kummissarju għall-Kummerċ, Cecilia Malmström, u l-ministri tal-finanzi tal-ASEAN li saret f'Manila fl-10 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra d-9 Laqgħa ta' Sħubija Parlamentari bejn l-Asja u l-Ewropa (ASEP9) li saret f'Ulan Bator, fil-Mongolja, bejn il-21 u t-22 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nuremberg dwar Sħubija Msaħħa UE-ASEAN ta' Marzu 2007 u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha ta' Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' Bandar Seri Begawan sabiex tissaħħaħ is-Sħubija Msaħħa UE-ASEAN (2013-2017), li ġie adottat fil-Brunei Darussalam fis-27 ta' April 2012,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Mejju 2015 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "L-UE u l-ASEAN: sħubija b'għan strateġiku" (JOIN(2015)0022),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN tat-22 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Bangkok dwar il-Promozzjoni ta' Sħubija Globali bejn l-UE u l-ASEAN għal Għanijiet Strateġiċi Komuni tal-14 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mat-Trattat ta' Ħbiberija u Kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Asja (TAC) fi Phnom Penh fit-12 ta' Lulju 2012(2),

–  wara li kkunsidra l-11-il Summit tal-Laqgħa bejn l-Asja u l-Ewropa (ASEM11) li saret f'Ulan Batar, fil-Mongolja, bejn il-15 u s-16 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEF), stabbilita fi Frar 1997, sabiex tipprovdi forum għal djalogu mhux governattiv,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Appoġġ għall-Integrazzjoni Reġjonali UE-ASEAN (APRIS), il-Programm ta' Appoġġ għall-Integrazzjoni Reġjonali tal-ASEAN (ARISE) u l-Istrument ta' Djalogu Reġjonali bejn l-UE u l-ASEAN (READI) favur l-armonizzazzjoni tal-politiki u tar-regolamenti fis-setturi mhux relatati mal-kummerċ,

–  wara li kkunsidra l-Proġett (Blueprint) tal-Komunità Ekonomika tal-ASEAN miftiehem fl-2007,

–  wara li kkunsidra l-14-il summit tal-ASEAN li sar fl-2009 u l-istabbiliment ta' pjan direzzjonali għas-suq uniku tal-Komunità Ekonomika tal-ASEAN (AEC), tal-Komunità Politika u ta' Sigurtà tal-ASEAN (APSC) u tal-Komunità Soċjokulturali tal-ASEAN (ASCC),

–  wara li kkunsidra t-28 u d-29 Summit tal-ASEAN li saru f'Vientiane, fil-Laos, fis-6 u fis-7 ta' Settembru 2016 u t-30 Summit tal-ASEAN li sar f'Manila, fil-Filippini, mis-26 sad-29 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra l-24 laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni UE-ASEAN li saret f'Jakarta, fl-Indoneżja, fit-2 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Viżjoni tal-Komunità tal-ASEAN għall-2025, li ġiet adottata fis-27 Summit tal-ASEAN li sar fi Kuala Lumpur fil-Malasja, bejn it-18 u t-22 ta' Novembru 2015 u t-tħabbira tal-istabbiliment, fil-31 ta' Diċembru 2015, tal-Komunità Ekonomika tal-ASEAN, li għandha l-għan li toħloq suq intern għal aktar minn 600 miljun ruħ,

–  wara li kkunsidra l-11-il Summit tal-Asja tal-Lvant (EAS) li sar fi Vientiane, fil-Laos, fit-8 ta' Settembru 2016, li laqqa' lill-mexxejja ta' 18-il pajjiż – l-Istati Membri tal-ASEAN, iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel (ASEAN+3), l-Indja, l-Awstralja u New Zealand (ASEAN+6) kif ukoll ir-Russja u l-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-ewwel Dikjarazzjoni tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-18 ta' Novembru 2012 u l-istabbiliment tal-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem (AICHR) fl-2009,

–  wara li kkunsidra l-assoċjazzjoni tal-Parlamentari għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN (APHR), imwaqqfa fl-2013 bl-għan li tippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Istati Membri tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra l-Istitut tal-ASEAN għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni (AIPR),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, li ġew irratifikati mill-Istati Membri kollha tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra l-"Guiding Principles on Business and Human Rights: Implementing the United Nations "Protect, Respect and Remedy" Framework" (Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: Implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti "Protezzjoni, Rispett u Rimendju"), adottati mill-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-16 ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ASEAN kontra t-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, iffirmata mill-Istati Membri kollha tal-ASEAN f'Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Eżamijiet Perjodiċi Universali (EPU) tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li fihom ipparteċipaw l-Istati Membri kollha tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar l-ASEAN, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Jannar 2014 dwar il-ġejjieni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar l-Istati Membri tal-ASEAN, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Vjetnam(4), tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-UE u l-Vjetnam (riżoluzzjoni)(5), tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-UE u l-Vjetnam (approvazzjoni)(6), tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Filippini (approvazzjoni)(7) u tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Filippini (riżoluzzjoni)(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar l-Istati Membri tal-ASEAN, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Settembru 2017 Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya(9), tal-21 ta' Mejju 2015 dwar il-qagħda ta' rifuġjati Rohingya, inklużi l-oqbra tal-massa fit-Tajlandja(10), tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya fil-Myanmar(11), tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-Myanmar, b'mod partikolari s-sitwazzjoni tar-Rohingya(12), tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Kambodja: b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha(13), tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-Kambodja(14), tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja(15), tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-abbozzi ta' liġijiet tal-Kambodja dwar l-NGOs u t-trade unions(16), tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar it-Tajlandja, b'mod partikolari s-sitwazzjoni ta' Andy Hall(17), tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar is-sitwazzjoni fit-Tajlandja(18), tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-Malasja(19), tad-19 ta' Jannar 2017 dwar l-Indoneżja(20), tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar l-Indoneżja(21), tal-15 ta' Settembru 2016(22) u tas-16 ta' Marzu 2017(23) dwar il-Filippini, u tal-14 ta' Settembru 2017 dwar il-Laos, b'mod partikolari l-każijiet ta' Somphone Phimmasone, Lod Thammavong u Soukane Chaithad(24);

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0243/2017),

A.  billi din is-sena qegħdin niċċelebraw il-50 anniversarju tal-ASEAN, is-60 anniversarju tat-Trattati ta' Ruma u l-40 anniversarju tar-relazzjonijiet formali bejn l-UE u l-ASEAN;

B.  billi r-reġjun l-ASEAN evolva bħala wieħed mill-aktar reġjuni dinamiċi u li qed jikbru malajr tad-dinja, partikolarment f'termini tal-ekonomija, tat-teknoloġija u tar-riċerka, għandu pożizzjoni ġeopolitika u ġeoekonomika strateġika, b'riżorsi rikki, qiegħed isegwi objettiv ta' integrazzjoni ekonomika miżjuda u aġenda ambizzjuża f'dawk li huma Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b'mod partikolari dwar l-edukazzjoni, u jsostni b'konvinzjoni l-multilateraliżmu; billi l-għeluq tad-distakk ta' żvilupp bejn il-pajjiżi tal-ASEAN se jkun essenzjali biex tkun approfondita ulterjorment l-integrazzjoni u biex jiġu garantiti s-sigurtà, l-istabilità u l-ħarsien tad-drittijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi;

C.  billi l-proċessi ta' integrazzjoni tal-UE u tal-ASEAN huma differenti peress li nibtu minn kuntesti differenti u għandhom viżjonijiet u missjonijiet differenti; billi kull waħda minnhom issegwi l-loġika tagħha iżda huma paragunabbli inkwantu ż-żewġ organizzazzjonijiet ilhom deċennji sħaħ ibbażati fuq regoli u jrawmu l-koeżistenza paċifika, l-integrazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni u l-iżvilupp internazzjonali, u jimmiraw li jsaħħu l-fiduċja fost il-membri tagħhom; billi, għaldaqstant, l-UE hija sieħba ideali għall-ASEAN;

D.  billi ż-żewġ reġjuni laħqu livell ta' interazzjoni konsiderevoli u r-relazzjonijiet UE-ASEAN huma komprensivi u jkopru firxa wiesgħa ta' setturi, fosthom il-kummerċ u l-investimenti, l-iżvilupp, il-kwistjonijiet ekonomiċi u l-affarijiet politiċi; billi l-ASEAN hija t-tielet sieħba kummerċjali tal-UE u l-UE t-tieni sieħba kummerċjali tal-ASEAN, bil-kummerċ bilaterali annwali ta' merkanzija bejniethom jammonta għal EUR 200 biljun, u l-UE hija l-ewwel fornitur ta' investiment dirett barrani (IDB) fir-reġjun ASEAN; billi għall-impriżi Ewropej l-ASEAN tirrappreżenta triq li twassal f'reġjun akbar; billi fil-perjodu mill-2014 sal-2020 l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-fornituri prinċipali ta' għajnuna għall-iżvilupp fir-reġjun u l-UE pprevediet impenn ta' aktar minn EUR 3 biljun biex tnaqqas il-faqar u tegħleb id-distakki ta' żvilupp fil-pajjiżi b'introjtu baxx tal-ASEAN;

E.  billi l-esperjenza tal-UE fl-imgħoddi serviet bħala sors ta' ispirazzjoni għal proċessi ta' integrazzjoni reġjonali oħrajn;

F.  billi l-UE appoġġat b'mod konsistenti l-ħidma tal-ASEAN u, b'mod partikolari, is-Segretarjat tal-ASEAN, u, b'rikonoxximent tal-importanza tal-ASEAN, ħatret Kap tad-Delegazzjoni tal-UE ddedikat għall-ASEAN, li daħal fil-kariga fl-2015;

G.  billi bħalissa l-proċessi ta' integrazzjoni fiż-żewġ reġjuni qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet iżda fl-istess ħin joffru opportunitajiet ġodda; billi l-UE għaddejja minn bosta kriżijiet; billi l-ASEAN, minkejja l-objettiv li trawwem iċ-ċentralità tagħha, irreġistrat tnaqqis fil-kummerċ intra-ASEAN fl-2016 u tinsab miżgħuda bil-problemi, fosthom orjentamenti diverġenti fil-qasam tal-politika estera u l-effetti konsegwenzjali minħabba kwistjonijiet interni marbuta ma' theddid għad-demokrazija u għall-Istat tad-dritt, mar-relazzjonijiet interreliġjużi, mal-minoranzi etniċi, mal-inugwaljanzi soċjali u mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, anki b'implikazzjonijiet transfruntieri;

H.  billi l-UE stabbiliet li se tpoġġi d-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi;

I.  billi, f'Diċembru 2014, l-UE tat lill-Filippini l-istatus SPĠ+, b'hekk il-pajjiż sar l-ewwel pajjiż ASEAN li bbenefika minn dawn il-preferenzi kummerċjali; billi b'tali mod il-Filippini jistgħu jesportaw lejn l-UE 66 % tal-prodotti tagħhom f'eżenzjoni totali ta' dazji;

J.  billi l-irtirar tal-Istati Uniti mis-Sħubija Trans-Paċifika (TPP) jista' jagħti spinta ġdida lin-negozjati għal Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP); billi Ċina aktar assertiva qiegħda tniedi inizjattivi, bħall-proġett "One Belt, One Road", li tippreżenta sfida lill-pajjiżi kollha tal-madwar u lil hinn;

K.  billi t-tensjonijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar jikkostitwixxu theddida u riskju għas-sigurtà u l-istabilità tar-reġjun; billi t-tendenza l-aktar preokkupanti hija rappreżentata mill-militarizzazzjoni tal-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; billi d-Djalogu bejn l-ASEAN u ċ-Ċina dwar Kodiċi ta' Kondotta għadu l-mekkaniżmu primarju tal-ASEAN għall-iskambji maċ-Ċina dwar il-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; billi l-attivitajiet Ċiniżi – minn rondi u eżerċizzji militari għal attivitajiet tal-kostruzzjoni li ma josservawx il-prinċipji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni dwar l-Imġiba tal-Partijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar tal-2002 – għadhom kwistjoni ta' tħassib;

1.  Jawgura lill-Istati Membri tal-ASEAN fil-50 anniversarju tal-ASEAN u jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi kollha għall-integrazzjoni reġjonali; jesprimi bl-istess mod l-apprezzament tiegħu għall-40 sena ta' relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN, u jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li jenħtieġ li r-relazzjonijiet jiġu ammeljorati fi Sħubija Strateġika bbażata fuq azzjonijiet konkreti, riżultati tanġibbli u kooperazzjoni sostanzjali u aktar b'saħħitha; jissottolinja l-interess tal-UE biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' dan l-operatur ċentrali f'reġjun ta' importanza strateġika; jisħaq fuq il-fatt li s-sħubija strateġika se tagħti lill-UE l-opportunità li tikkonsolida l-kontribut tagħha fl-implimentazzjoni tal-objettivi komuni fl-isfera Indo-Paċifika;

2.  Jenfasizza l-valur politiku ta' relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment b'saħħithom bejn l-ASEAN u l-UE u jħeġġeġ liż-żewġ sħab sabiex isaħħu ulterjorment ir-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi tagħhom; jisħaq fuq il-fatt li jeżisti potenzjal notevoli ta' żvilupp f'dawk li huma r-relazzjonijiet kummerċjali UE-ASEAN; jenfasizza li l-UE hija l-ewwel investitur barrani fl-ASEAN; jenfasizza wkoll l-opportunitajiet għal kooperazzjoni fl-implimentazzjoni tal-SDGs; jitlob l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni biex jingħalaq id-distakk ta' żvilupp li jeżisti fi ħdan l-ASEAN; jemmen li huwa possibbli li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jinqasmu l-prattiki tajbin f'bosta oqsma, bħall-ġestjoni tal-isfidi globali, fosthom it-tibdil fil-klima, il-kriminalità organizzata transnazzjonali u t-terroriżmu, il-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà marittima, l-iżvilupp tas-settur finanzjarju, it-trasparenza u l-politiki makroekonomiċi; jenfasizza fuq it-tiftix ta' livell għoli ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN fl-istituzzjonijiet multilaterali, bħan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll id-WTO, għaż-żamma, it-tisħiħ u l-iżvilupp ulterjuri tal-arkitettura kummerċjali internazzjonali multilaterali u ta' relazzjonijiet kummerċjali ġusti;

3.  Ifaħħar lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni talli adottaw Komunikazzjoni Konġunta, approvata mill-Istati Membri, li tistabbilixxi pjan direzzjonali għall-approfondiment tas-sħubija fi kwistjonijiet politiċi, ta' sigurtà u ekonomiċi, kif ukoll fil-konnettività, fl-ambjent, fir-riżorsi naturali u f'oqsma oħrajn, bħall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq l-importanza biex jissaħħaħ id-djalogu politiku bejn l-UE u l-ASEAN; ifakkar li s-sostenn attiv tal-UE biex titqawwa l-integrazzjoni tal-ASEAN jikkontribwixxi għar-reżiljenza tagħha u għall-istabilità tar-reġjun; jenfasizza li l-UE tagħti assistenza teknika u tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-ħolqien ta' suq intern;

4.  Jilqa' favorevolment il-ħatra ta' Kap tad-Delegazzjoni tal-UE għall-ASEAN u l-ftuħ ta' missjoni tal-UE għall-ASEAN fl-2015, fil-qafas ta' żvilupp li jirrikonoxxi l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN;

5.  Jinnota li, billi matul is-snin ir-Renju Unit kellu rwol importanti u prezzjuż fit-trawwim ta' rabtiet bejn l-UE u l-ASEAN, se jkun hemm bżonn u opportunità għall-ASEAN u għall-UE u għall-Istati Membri tagħha biex jinfurzaw b'mod attiv ir-relazzjonijiet tagħhom fid-dawl tar-realtà ġdida tal-Brexit; jistieden lir-Renju Unit ikompli jikkoopera strettament mas-sħubija UE-ASEAN; jitlob involviment akbar tal-UE fil-fora attwalment immexxija mill-ASEAN; jikkunsidra li l-UE għandha ttejjeb u tintensifika l-isforzi diplomatiċi tagħha mal-ASEAN bil-għan li tikkontribwixxi għal aktar stabilità u sigurtà fiż-żoni ta' kunflitt fejn ikunu ħraxu t-tensjonijiet, f'ħidma mill-qrib mas-sħab fir-reġjun u fir-rispett tad-dritt internazzjonali;

6.  Jiddispjaċih bir-reazzjoni tard u kawta tal-UE għad-deċiżjoni arbitrali maħruġa skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) dwar it-tilwima marbuta mal-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u jistieden lill-UE tippromwovi r-rispett u l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS; itenni li l-UE ssostni soluzzjonijiet paċifiċi negozjati għat-tilwim internazzjonali; jinsisti fuq il-libertà tan-navigazzjoni; jistieden liċ-Ċina taċċetta d-deċiżjoni tat-tribunal; iħeġġeġ lill-partijiet sabiex ifittxu li tinstab soluzzjoni paċifika tat-tilwimiet abbażi tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali skont l-UNCLOS; isostni l-isforzi tal-Stati Membri tal-ASEAN biex jaħdmu favur il-konklużjoni rapida ta' Kodiċi ta' Kondotta effikaċi fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar;

7.  Jiddispjaċih bl-azzjonijiet bħar-rivendikazzjoni estensiva tal-artijiet u t-tqegħid ta' installazzjonijiet militari u arsenali militari fuq artijiet rivendikati, li joħolqu r-riskji ta' militarizzazzjoni tal-kunflitt; jesprimi tħassib serju bl-infiq dejjem ikbar għad-difiża fir-reġjun u fil-żona tal-madwar tiegħu u bil-militarizzazzjoni dejjem ikbar tal-kunflitti, partikolarment fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u fil-Baħar taċ-Ċina tal-Lvant; josserva li l-UE jmissha tkompli ssostni l-żvilupp ta' relazzjonijiet paċifiċi bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi ġirien fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar permezz ta' mekkaniżmi multilaterali inklużivi; isostni l-azzjonijiet kollha intiżi biex il-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar isir "baħar tal-paċi u tal-kooperazzjoni"; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw rigorożament il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi; jinsisti fuq l-importanza tan-nonproliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva, speċjalment fid-dawl tal-aħħar żviluppi fir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea;

8.  Isostni s-sħubija UE-ASEAN fil-qasam tas-sigurtà u l-kondiviżjoni ta' esperjenzi u l-aħjar prattiki fuq kotra ta' kwistjonijiet ta' sigurtà prinċipalment mhux konvenzjonali fid-dawl tal-intensifikazzjoni tal-kapaċitajiet reġjonali, b'attenzjoni partikolari tingħata lit-tisħiħ tad-djalogu u tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima, il-piraterija, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u s-sostenn favur il-kooperazzjoni bejn l-Europol u l-Pulizija Inter-ASEAN (l-Aseanapol), il-ġlieda kontra t-terroriżmu, iċ-ċibersigurtà, is-sigurtà tal-klima, il-miżuri ta' tisħiħ tal-fiduċja, id-diplomazija preventiva u l-medjazzjoni, il-ġestjoni tal-kriżijiet, l-attività ta' preparazzjoni għad-diżastri u s-sokkors kif ukoll l-assistenza umanitarja; isostni kontribut u involviment akbar min-naħa tal-UE fl-ARF;

9.  Jilqa' favorevolment l-iżvolġiment tat-Tielet Djalogu ta' Livell Għoli UE-ASEAN dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tas-Sigurtà Marittima fit-Tajlandja tal-15 u s-16 ta' Settembru 2016, li matulu ġew identifikati u proposti l-oqsma ta' kooperazzjoni konkreta futuri bejn l-ASEAN u l-UE fis-settur tas-sigurtà marittima u tad-diplomazija preventiva; jistenna b'interess il-konvokazzjoni tar-Raba' Djalogu ta' Livell Għoli UE-ASEAN dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tas-Sigurtà Marittima previst fl-2017 fil-Filippini;

10.  Itenni s-sostenn tal-UE għaċ-ċentralità tal-ASEAN u għar-rwol importanti tagħha fil-promozzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni għall-paċi, is-sigurtà, l-istabilità u l-prosperità fir-reġjun Asja-Paċifiku u lil hinn; jappella li jinħolqu mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim operattivi u effiċjenti, kif previst fil-Kapitolu 8 tal-Karta tal-ASEAN u fil-Protokoll tagħha tal-2010, inklużi miżuri u regolamentazzjonijiet ġuridikament vinkolanti; jiġbed l-attenzjoni fuq l-esperjenza miksuba f'40 sena fil-kontinent Ewropew bis-saħħa ta' approċċ rigward is-sigurtà li, flimkien mad-dimensjoni politika u militari, ħaddan anki d-dimensjoni ekonomika, ambjentali u umana; jinsab konvint li din l-esperjenza tista' tiġi sfruttata fil-qafas tal-isforzi tal-ASEAN għal żvilupp paċifiku tar-reġjun; jissottolinja l-interess tal-UE f'involviment aktar qawwi fir-reġjun fil-qafas tal-proċessi kollha mmexxija mill-ASEAN;

11.  Jissottolinja l-esperjenza partikolari tal-UE fl-iżvilupp istituzzjonali, fis-suq uniku, fil-konverġenza regolatorja, fil-ġestjoni tal-kunflitti u tal-kriżijiet, fis-sigurtà marittima, fil-medjazzjoni, fl-assistenza umanitarja u fis-sokkors f'każ ta' diżastri, kif ukoll il-progress reċenti tagħha fil-qasam tal-integrazzjoni fis-settur tad-difiża u l-esperjenza pożittiva tagħha f'dik li hija definizzjoni ta' normi f'livell reġjonali u ta' arkitettura reġjonali soda fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, flimkien mar-rieda tagħha li taqsam din l-esperjenza meta tkun ta' siwi; jenfasizza n-negozjati bejn l-UE u l-ASEAN dwar il-Ftehim Komprensiv dwar it-Trasport bl-Ajru (CATA) u l-aġenda ta' konnettività usa'; josserva li fil-perjodu 2014-2020 nofs l-assistenza finanzjarja tal-UE għall-ASEAN hija ddedikata għas-sostenn tal-konnettività tal-ASEAN;

12.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' impenn f'livell multilaterali mal-ġurisdizzjonijiet l-oħrajn tar-reġjun, fosthom il-pajjiżi osservaturi tal-ASEAN jiġifieri Papua New Guinea u Timor Leste, kif ukoll iċ-Ċina, il-Ġappun u t-Tajwan;

13.  Jemmen li mil-lat ġeopolitiku hemm raġunijiet tajbin ħafna biex ikun sostnut l-issuktar tan-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles reġjonali UE-ASEAN u jilqa' favorevolment il-konklużjonijiet tal-laqgħa reċenti bejn il-Kummissarji Ewropew għall-Kummerċ, Cecilia Malmström, u l-Ministri tal-Ekonomija tal-pajjiżi tal-ASEAN li saret biex tivvaluta din il-possibilità, kif ukoll il-miżuri li ttieħdu bil-ħsieb li jintlaħaq l-objettiv finali ta' ftehim interreġjonali; jinkoraġġixxi, mil-lat strateġiku, l-isforzi kollha intiżi li jeżaminaw l-għażliet biex ikunu konklużi ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-pajjiżi kollha tal-ASEAN; ifakkar li l-ASEAN tirrappreżenta t-tielet sieħeb kummerċjali tal-UE li jinsab barra mill-Ewropa u li l-UE hija t-tieni sieħeb kummerċjali tal-ASEAN;

14.  Jisħaq fuq il-fatt li l-impriżi nazzjonali u barranin li joperaw fil-pajjiżi tal-ASEAN jeħtiġilhom japplikaw il-prinċipji tar-responsabilità soċjali tal-kumpaniji (CSR); iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-ASEAN jaċċertaw li d-drittijiet soċjali, ambjentali u tal-ħaddiema jkunu totalment rispettati; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-konvenzjonijiet tal-ILO u r-rispett tal-istandards fundamentali fil-qasam tax-xogħol; jistieden lill-ASEAN u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw b'mod effettiv il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, jippromwovu ħarsien xieraq tal-impjiegi u tal-kundizzjonijiet ta' xogħol dinjitużi kif ukoll joħolqu ambjent li jkun aktar favorevoli għall-iżvilupp tat-trade unions; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jużaw l-istrumenti kollha disponibbli biex isaħħu r-rispett ta' dak imsemmi hawn fuq; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-bżonn li tkun garantita l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' xogħol furzat jew obbligatorju u ta' tħaddim tat-tfal;

15.  Jistieden lill-kumpaniji Ewropej jinvestu fir-reġjun tal-ASEAN biex jibqgħu leali għar-responsabilitajiet soċjali tal-kumpaniji u jirrispettaw l-istandards Ewropej fil-qasam tad-drittijiet tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u ambjentali, kif ukoll isostnu d-drittijiet tal-popolazzjonijiet indiġeni;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw djalogu soċjali istituzzjonalizzat bejn il-Forum taċ-Ċittadini Asja-Ewropa (AEPF) u l-istrutturi korrispondenti tas-soċjetà ċivili fl-UE;

17.  Josserva li l-ASEAN iddikjarat li adottat approċċ orjentat u inċentrat fuq il-persuni, u li l-leġittimità u r-rilevanza tal-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali, kemm fl-UE kif ukoll fl-ASEAN, jiddependu mill-kapaċità li jkunu assoċjati ma' dan il-proċess l-ogħla numru possibbli ta' partijiet interessati u li jkunu kkomunikati r-riżultati miksuba minnu; Iqis il-kuntatti interpersonali, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, bħala strument importanti ħafna ta' skambju kulturali, u jitlob tkabbir konsiderevoli tal-faċilità ta' Erasmus+ għall-ASEAN; jissottolinja li hemm ħafna lok fil-pajjiżi tal-ASEAN għat-taħriġ professjonali u jenfasizza l-prospettivi ta' kooperazzjoni fl-ambitu tas-sistema ta' taħriġ dupliċi adottat minn ċerti Stati Membri tal-UE; iħeġġeġ ukoll l-iżvilupp ta' attivitajiet ta' diplomazija kulturali konformement mal-komunikazzjoni ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali" u mar-rapport reċenti tal-Parlament dwar is-suġġett; jenfasizza l-funzjoni importanti tal-Fondazzjoni Asja-Ewropa u jemmen li jenħtieġ li jiġi estiż l-appoġġ għall-ħidma tagħha;

18.  Jissottolinja l-kunċett skont liema l-iskambji u l-kooperazzjoni strutturati f'livell reġjonali u lokali (ġemellaġġi bejn bliet) joffru strument interessanti biex tissaħħaħ l-esperjenzi prattiċi reċiproċi u jiġbed l-attenzjoni fuq inizjattivi konkreti bħall-Patt tas-Sindki u l-memorandum ta' qbil Under2, li jenħtieġ li jkunu promossi attivament;

19.  Jissuġġerixxi li l-anniversarju tar-relazzjonijiet ASEAN-UE ta' din is-sena jiġi ċċelebrat b'inizjattiva tal-UE għal programm ta' skambju ta' mexxejja żgħażagħ bejn l-UE u l-ASEAN, li għandha ssir taħt il-presidenza tal-ASEAN ta' Singapore fl-2018; jissuġġerixxi, f'każ li tirnexxi, li jinħoloq forum annwali biex jippermetti lill-mexxejja żgħażagħ tal-UE u tal-ASEAN jiskambjaw ideat u jibnu relazzjonijiet biex jkunu sostnuti r-relazzjonijiet UE-ASEAN fil-futur; jissuġġerixxi wkoll li tkun eżaminata, flimkien mas-sħab tal-ASEAN, il-possibilità prattika ta' finanzjament reċiproku tal-istituti ta' riċerka jew tal-programmi akkademiċi, li l-iskop tagħhom ikun dak li jistudjaw il-proċessi ta' integrazzjoni u l-esperjenzi ta' dawn il-proċessi fir-reġjuni sħab rispettivi;

20.  Jissottolinja l-bżonn li jkunu promossi l-ugwaljanza tal-ġeneru u l-emanċipazzjoni tan-nisa kif ukoll li titjieb il-ħajja tan-nisa u tal-bniet; jenfasizza li l-aċċess għall-edukazzjoni hija għaldaqstant essenzjali u jaf iwassal għal trasformazzjoni soċjali u ekonomika;

21.  Jisħaq fuq il-fatt li l-UE jmissha wkoll tintensifika d-djalogi politiċi u l-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet bħad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi etniċi u reliġjużi, u fuq kwistjonijiet ta' interess komuni fosthom l-Istat tad-dritt u s-sigurtà, il-ħarsien tal-libertà ta' espressjoni u taċ-ċirkolazzjoni libera tal-informazzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali, il-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni, id-diżarm, is-sigurtà marittima u ċ-ċibersigurtà;

22.  Jilqa' favorevolment l-iżvolġiment tal-ewwel djalogu politiku UE-ASEAN dwar id-drittijiet tal-bniedem f'Ottubru 2015 u jistenna b'interess djalogi ulterjuri ta' dan it-tip; huwa mħasseb ħafna bil-fatt li d-demokrazija qiegħda titnaqqar u d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi qegħdin jinkisru u bir-repressjoni u bid-diskriminazzjoni kontinwi fil-pajjiżi tar-reġjun, kif ukoll minħabba l-inkapaċità li jingħata spazju suffiċjenti lir-rifuġjati u lill-apolidi jew lis-soċjetà ċivili, partikolarment lill-attivisti għad-difiżi tal-ambjent, tad-drittijiet għall-art u tad-drittijiet tal-ħaddiema, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-operaturi tal-mezzi tal-komunikazzjoni; iwissi li l-inkapaċità li jkunu affrontati dawn il-kwistjonijiet marbuta mal-emarġinazzjoni tal-minoranzi taf tipperikola s-sostenibilità u s-suċċess fit-tul tal-ASEAN; jiddeplora l-fatt li l-atteġġjament repressiv fil-konfront ta' min jagħmel użu ta' droga rriżulta f'telf kbir ta' ħajjiet u qtil extraġudizzjarji; jenfasizza l-bżonn li tkun responsabilizzata s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-ASEAN billi tkun żgurata konsultazzjoni sinifikattiva tal-NGOs u tal-movimenti ta' bażi fil-kuntest tad-definizzjoni tal-politiki reġjonali;

23.  Huwa mħasseb bl-intoppi fir-rigward tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fir-reġjun u jistieden lill-pajjiżi kollha tal-ASEAN jastjenu milli jerġgħu jdaħħlu l-piena tal-mewt u jirrispettaw l-obbligi internazzjonali; jilqa' pożittivament l-isforzi li saru fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u x-xogħol furzat u jistieden lill-gvernijiet kollha jintensifikaw il-protezzjoni tal-vittmi u l-kooperazzjoni transnazzjonali;

24.  Jistieden lill-ASEAN tgħammar lill-AICHR b'riżorsi adegwati; jittama li fil-pjan ta' ħidma ta' ħames snin tal-AICHR ikunu inklużi objettivi u miżuri speċifiċi u verifikabbli u li l-mandat tagħha tissaħħaħ biex tkun tista' attivament timmonitorja, tinvestiga, tistitwixxi proċedimenti ġudizzjarji kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tipprevenihom; jinkoraġġixxi l-AICHR tqis u tiddiskuti t-twaqqif ta' Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem komplementari fl-ambitu tal-ASEAN, fuq il-falzariga ta' dawk eżistenti f'reġjuni oħrajn tad-dinja;

25.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jfittxu l-opportunitajiet kollha ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-ASEAN għat-tisħiħ tad-demokrazija; isostni l-ħidma tal-uffiċċju responsabbli mill-Inizjattiva għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-ambitu tal-Istrument ta' Djalogu Reġjonali UE-ASEAN, li timmira li tagħmel pubbliċi l-kwistjonijiet u l-azzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem u tissensibilizza dwar id-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-ASEAN jirratifikaw il-konvenzjonijiet tan-NU l-oħrajn dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi relatati kif ukoll l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u jsostnu inizjattivi għall-ġustizzja tranżizzjonali, ir-rikonċiljazzjoni u l-ġlieda kontra l-impunità fir-reġjun kollu;

26.  Huwa mħasseb bil-fatt li miljun apolidu jirrisjedu fl-Istati Membri tal-ASEAN; josserva li r-Rohingya tal-Myanmar/Burma jikkostitwixxu l-akbar grupp ta' apolidi tad-dinja, bi 'l fuq minn miljun persuna fil-qafas tal-mandat tal-UNHCR dwar l-apolidija, u li komunitajiet imdaqqsin ta' apolidi jinsabu wkoll fil-Brunei, fil-Vjetnam, fil-Filippini, fit-Tajlandja, fil-Malasja u fi bnadi oħra; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-ASEAN jikkollaboraw bejniethom u jikkondividu l-eżempji u l-isforzi tajbin biex itemmu l-apolidija fir-reġjun kollu kemm hu;

27.  Jirrikonoxxi l-importanza tar-rwol tal-UE fil-progress li sar s'issa mill-pajjiżi tal-ASEAN u jistieden lill-UE żżomm dejjem miftuħ id-djalogu bil-għan li r-reġjun jiġi sostnut fi triqtu lejn id-demokratizzazzjoni, l-iżvilupp u l-integrazzjoni;

28.  Huwa mħasseb li t-tibdil fil-klima se jkollu impatt kbir fuq l-ASEAN; ifakkar li r-reġjun tal-ASEAN jibqa' wieħed mill-aktar vulnerabbli għal dawn il-fenomeni; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-ASEAN iħaffu t-tranżizzjoni lejn ekonomiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u jnaqqsu malajr id-deforestazzjoni, irażżnu b'mod effikaċi n-nirien fil-foresti u jadottaw teknoloġiji aktar ekoloġiċi għat-trasport u l-bini; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-UE dwar djalogu speċifiku ġdid bejn l-UE u l-ASEAN dwar l-iżvilupp sostenibbli; josserva, f'dan il-kuntest, is-sostenn tal-UE għall-attività ta' tneħħija tal-munizzjon mhux splodut f'ċerti pajjiżi tar-reġjun; iħeġġeġ kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN fil-qasam tat-turiżmu sostenibbli, tas-sigurtà tal-ikel u tal-ħarsien tal-bijodiversità, partikolarment l-iskolji tal-qroll u l-mangrovji, kif ukoll azzjonijiet li jindirizzaw b'mod effikaċi l-isfruttament eċċessiv tas-sajd fir-reġjun; jenfasizza l-bżonn li tingħata assistenza lill-pajjiżi tal-ASEAN biex itejbu l-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità u r-riabilitazzjoni sistematika tal-ekosistemi forestali; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-ASEAN jagħmlu sforzi biex itejbu l-kapaċità tagħha ta' reazzjoni f'każ ta' diżastru naturali, fil-qafas tal-Ftehim tal-ASEAN dwar il-Ġestjoni tad-Diżastri u r-Reazzjoni għal Emerġenza (AADMER);

29.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħtu prijorità adegwata lill-frekwenza intensiva tal-kuntatti politiċi, primarjament fil-livell ministerjali, u jisfruttaw totalment l-opportunitajiet billi jikkollaboraw mal-Istat Membru tal-ASEAN responsabbli mill-koordinament tar-relazzjonijiet ta' djalogu tal-ASEAN mal-UE u tal-presidenza tal-ASEAN; ifakkar fit-talbiet li saru għal assemblea parlamentari UE-ASEAN interreġjonali u jħeġġeġ li jsir rikors akbar għad-diplomazija pubblika parlamentari f'diversi ambitu politiċi; jinsisti, sadanittant, fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-Assemblea Interparlamentari tal-ASEAN (AIPA) permezz tal-iskambji strutturati u perjodiċi; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jisfruttaw ukoll l-opportunitajiet ta' skambji intensivi dwar il-kwistjonijiet reġjonali li joffri l-forum ta' djalogu annwali ta' Shangri-La;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Assemblea Interparlamentari ASEAN, lis-Segretarjat tal-ASEAN u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-ASEAN.

(1) ĠU C 85, 8.4.1980, p. 83.
(2)ĠU L 154, 15.6.2012, p. 1.
(3)ĠU C 482, 23.12.2016, p. 75.
(4)Testi adottati, P8_TA(2016)0276.
(5)Testi adottati, P8_TA(2015)0468.
(6)Testi adottati, P8_TA(2015)0467.
(7)Testi adottati, P8_TA(2016)0262.
(8)Testi adottati, P8_TA(2016)0263.
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0351.
(10) ĠU C 353, 27.9.2016, p. 52.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0506
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0316.
(13) Testi adottati, P8_TA(2017)0348
(14) Testi adottati, P8_TA(2016)0274.
(15) Testi adottati, P8_TA(2015)0413.
(16) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 144.
(17) Testi adottati, P8_TA(2016)0380.
(18) Testi adottati, P8_TA(2015)0343
(19) Testi adottati, P8_TA(2015)0465.
(20) Testi adottati, P8_TA(2017)0002.
(21) Testi adottati, P8_TA(2017)0269
(22) Testi adottati, P8_TA(2016)0349.
(23) Testi adottati, P8_TA(2017)0088.
(24) Testi adottati, P8_TA(2017)0350.

Avviż legali