Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 13 ta' Diċembru 2017 - StrasburguVerżjoni finali
L-ebda oġġezzjoni għal att delegat: Tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-obbligu tan-negozjar għal ċerti derivattivi
 Il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit
 Rakkomandazzjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa
 Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni
 Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni
 Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2016 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni
 Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina

L-ebda oġġezzjoni għal att delegat: Tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-obbligu tan-negozjar għal ċerti derivattivi
PDF 332kWORD 36k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-regolament delegat tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Novembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-obbligu tan-negozjar għal ċerti derivattivi (C(2017)07684 – 2017/2979(DEA))
P8_TA(2017)0489B8-0667/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2017)07684),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2017, li fiha talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-regolament delegat,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-4 ta' Diċembru 2017 lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012(1) (MiFIR), u b'mod partikolari l-Artikoli 32(1) u 50(5) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10(1) u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(2),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-obbligu tan-negozjar għad-derivattivi fil-qafas tal-MiFIR, li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) bagħtet fit-28 ta' Settembru 2017 skont l-Artikolu 32(1) tal-MiFIR,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-ESMA lill-Kummissjoni, tat-28 ta' Settembru 2017, li biha akkumpanjat l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji tagħha dwar l-obbligu tan-negozjar fil-qafas tal-MiFIR,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra li l-ebda oġġezzjoni ma ġiet espressa fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fit-12 ta' Diċembru 2017,

A.  billi, fl-Anness tiegħu, ir-regolament delegat jistipula l-klassijiet ta' derivattivi li għandhom ikunu soġġetti għall-obbligu tan-negozjar introdott bl-Artikolu 28 tal-MiFIR; billi d-derivattivi soġġetti għal dan l-obbligu jistgħu jiġu negozjati esklużivament f'suq regolat, f'faċilità multilaterali tan-negozjar, f'faċilità organizzata tan-negozjar jew f'ċentru tan-negozjar ta' pajjiż terz meqjus bħala ekwivalenti mill-Kummissjoni;

B.  billi, fit-28 ta' Settembru 2017, l-ESMA bagħtet l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji (RTS) lill-Kummissjoni, flimkien ma' ittra li takkumpanjah, u talbet lill-partijiet kollha involuti biex jimpenjaw ruħhom li jqassru l-iskadenzi tagħhom biex jiġi żgurat li jintlaħaq l-objettiv politiku li l-obbligu tan-negozjar jibda japplika mit-3 ta' Jannar 2018; billi l-ESMA tinnota, barra minn hekk, li għad iridu jitlestew għadd sinifikanti ta' determinazzjonijiet ta' ekwivalenza qabel ma jidħol fis-seħħ l-obbligu tan-negozjar;

C.  billi l-Parlament iqis li, minħabba l-emendi li għamlet il-Kummissjoni fit-test, l-RTS adottat mhuwiex l-istess bħall-abbozz ippreżentat mill-ESMA, u jemmen li għandu tliet xhur żmien biex joġġezzjona għalih ("perjodu ta' skrutinju");

D.  billi r-regolament delegat suppost japplika mit-3 ta' Jannar 2018, jiġifieri d-data ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE ("MiFID II") u l-MiFIR, iżda l-użu sħiħ tal-perjodu ta' skrutinju ta' 3 xhur għad-dispożizzjoni tal-Parlament imur lil hinn mid-data li fiha jidħlu fis-seħħ ir-regoli dwar l-obbligu tan-negozjar;

E.  billi l-obbligu tan-negozjar għad-derivattivi huwa element importanti tal-impenji li qablu dwarhom il-mexxejja tal-G20 f'Pittsburgh fl-2009;

F.  billi l-pubblikazzjoni rapida tar-regolament delegat fil-Ġurnal Uffiċjali tippermetti l-implimentazzjoni f'waqtha u ċ-ċertezza legali rigward id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-obbligu tan-negozjar għad-derivattivi;

G.  billi l-Parlament jisħaq fuq l-importanza li l-Kummissjoni tiffinalizza d-deċiżjonijiet pertinenti dwar l-ekwivalenza qabel ma jidħol fis-seħħ l-obbligu tan-negozjar;

H.  billi l-Parlament jinnota li l-RTS ma fihx dispożizzjonijiet speċifiċi dwar tranżazzjonijiet f'pakkett u li jista' jkun hemm bżonn aktar gwida mill-Kummissjoni u l-ESMA dwar it-trattament tal-pakketti; billi l-Parlament iqis li din il-gwida għandha tkun taqbel mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fis-"soluzzjoni ta' malajr" tal-MiFID II;

1.  Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-regolament delegat;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.
(2) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.


Il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit
PDF 347kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit (2017/2964(RSP))
P8_TA(2017)0490B8-0677/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea(1) u tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit(2),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kunsill Ewropew (Artikolu 50) tad-29 ta' April 2017 maħruġa wara n-notifika mir-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-TUE u l-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2017 li tistabbilixxi direttivi għan-negozjar ta' ftehim mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tan-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit tat-8 ta' Diċembru 2017 dwar il-progress matul l-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 tat-TUE dwar il-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-għan tan-negozjati li qed isiru bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) huwa li jipprovdu għall-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-UE, fil-qies tal-qafas għar-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-Unjoni ladarba dan ma jibqax Stat Membru;

B.  billi l-ksib ta' ħruġ ordinat jirrikjedi li n-negozjati jsiru f'sekwenza stretta b'tali mod li l-kwistjonijiet tas-separazzjoni li jinħolqu minħabba l-ħruġ mistenni tar-Renju Unit jiġu ttrattati fl-ewwel fażi qabel ma n-negozjati jkunu jistgħu jgħaddu għat-tieni fażi;

C.  billi t-tliet oqsma li huma bil-wisq l-aktar kwistjonijiet importanti jikkonċernaw id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE residenti fir-Renju Unit u dawk taċ-ċittadini tar-Renju Unit residenti fl-UE-27, il-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq u ċ-ċirkostanzi uniċi u speċjali li tiffaċċja l-gżira tal-Irlanda, u s-saldu tal-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit mal-UE;

D.  billi jrid isir progress suffiċjenti fuq dawn it-tliet kwistjonijiet ta' separazzjoni kollha qabel ma n-negozjati jkunu jistgħu jgħaddu għat-tieni fażi, u billi dan irid jintlaħaq mill-aktar fis biex ikun hemm biżżejjed żmien għat-tieni fażi tan-negozjati;

E.  billi r-Rapport Konġunt tan-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit jindika li sar progress suffiċjenti;

F.  billi, f'dak li jirrigwarda d-drittijiet taċ-ċittadini, ir-Renju Unit:

   aċċetta li ċ-ċittadini kollha tal-UE li jirrisjedu legalment fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu legalment fi Stat Membru tal-UE-27, kif ukoll il-membri tal-familji rispettivi tagħhom fil-waqt tal-ħruġ, sejrin igawdu d-drittijiet kollha kif huma stabbiliti fid-dritt tal-UE u kif huma interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), abbażi ta' protezzjonijiet li se jkunu stipulati fil-Ftehim ta' Ħruġ,
   aċċetta, barra minn hekk, li l-membri tal-qalba tal-familja taċ-ċittadini u persuni li huma f'relazzjoni fit-tul magħhom li bħalissa jgħixu barra l-istat ospitanti sejrin ikunu protetti bil-Ftehim ta' Ħruġ, u li dan se jkun jgħodd ukoll għat-tfal li għad jitwieldu fil-futur u barra mill-istat ospitanti,
   aċċetta li l-kontinwazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini se tkun iggarantita tul il-ħajja permezz ta' proċedura proporzjonata, li se tkun soġġetta għal salvagwardji xierqa, f'konformità ma' kunċetti tad-dritt tal-UE. Din il-proċedura u dawn is-salvagwardji se jkunu stipulati fil-Ftehim ta' Ħruġ,
   aċċetta li l-proċeduri amministrattivi se jkunu trasparenti, bla intoppi u effiċjenti, li l-formoli se jkunu qosra, sempliċi u ta' użu faċli, u li l-applikazzjonijiet li jsiru fl-istess ħin minn membri ta' familja sejrin jiġu kkunsidrati flimkien,
   aċċetta li d-drittijiet rilevanti kollha bbażati fuq id-dritt tal-UE sejrin ikunu salvagwardjati u se jkunu stipulati fid-dettall fil-Ftehim ta' Ħruġ,
   aċċetta li l-jeddijiet kollha tas-sigurtà soċjali skont id-dritt tal-UE sejrin jinżammu. Dan jinkludi l-esportazzjoni ta' kull benefiċċju esportabbli,
   aċċetta li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Ħruġ dwar id-drittijiet taċ-ċittadini se jiġu inkorporati f'att legali speċifiku tar-Renju Unit b'tali mod li dawn id-drittijiet ikollhom effett dirett;

G.  billi, f'dak li jirrigwarda l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq, ir-Renju Unit ħa l-impenji rekwiżiti biex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda twebbis tal-fruntiera, permezz ta' allinjament regolatorju li jipprevedi:

   jekk ikun meħtieġ, soluzzjonijiet speċifiċi għall-Irlanda ta' Fuq,
   impenn li l-Ftehim tal-1998 jiġi mħares fil-partijiet kollha tiegħu,
   l-iżgurar li ma jseħħ l-ebda tnaqqis tad-drittijiet għall-persuni fl-Irlanda ta' Fuq;

H.  billi, f'dak li jirrigwarda s-saldu finanzjarju, ir-Renju Unit iċċara b'mod adegwat liema obbligi finanzjarji se jonora bħala Stat Membru li ħiereġ;

I.  billi dan ma jfissirx li l-kwistjonijiet pendenti kollha ġew solvuti, u lanqas ma jindika x'pożizzjoni se jieħu l-Parlament meta jasal il-waqt tal-proċedura ta' approvazzjoni dwar ftehim ta' ħruġ finali;

J.  billi t-tieni fażi ta' negozjati għandha, fuq il-bażi ta' prinċipji sodi u mingħajr ambigwità, tkun iddedikata għall-finalizzazzjoni tal-arranġamenti għall-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni, inklużi arranġamenti tranżizzjonali possibbli meħtieġa għall-ħruġ tar-Renju Unit; billi, f'dan il-kuntest, għandu jiġi identifikat fehim kumplessiv dwar il-qafas għar-relazzjonijiet futuri;

K.  billi r-Renju Unit u l-UE sejrin jibqgħu ġirien imqarrba u se jibqa' jkollhom ħafna interessi komuni, anki jekk ir-Renju Unit ma jibqax Stat Membru;

L.  billi relazzjoni mqarrba ta' dan it-tip fil-forma ta' ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit tista' titqies bħala qafas adegwat li permezz tiegħu dawn l-interessi komuni jistgħu jiġu mħarsa u promossi, inkluża relazzjoni kummerċjali ġdida;

M.  billi l-vantaġġ ta' ftehim ta' assoċjazzjoni huwa li dan ikun strument flessibbli li jippermetti kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika;

N.  billi arranġamenti tranżizzjonali se jkunu meħtieġa biex nevitaw xenarju ta' xifer l-irdum meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE, u biex in-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit ikunu jistgħu jinnegozjaw relazzjoni futura;

O.  billi, irrispettivament mill-eżitu tan-negozjati dwar ir-relazzjoni futura, ma jista' jkun hemm l-ebda kompromess bejn is-sigurtà interna u esterna, inkluża l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, minn naħa waħda, u r-relazzjoni ekonomika futura, min-naħa l-oħra;

P.  billi kummenti bħal dak li għamel David Davis, li ddeskriva l-eżitu tal-ewwel fażi tan-negozjati bħala xejn aktar minn "dikjarazzjoni ta' intenzjoni", jistgħu jimminaw il-bona fede li nbniet matul in-negozjati;

1.  Jilqa' r-rapport konġunt ippreżentat min-negozjaturi tal-UE u dawk tar-Renju Unit, li jikkonkludi li sar progress suffiċjenti fin-negozjati għal Ftehim ta' Ħruġ, u jifraħ lin-negozjatur tal-Unjoni dwar il-proċess tan-negozjati s'issa;

2.  Huwa tal-fehma li r-rapport jippermetti li n-negozjati jgħaddu għat-tieni fażi, u jirrakkomanda li l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi f'dan is-sens, iżda jemmen li n-negozjati jridu jsiru in bona fede u huwa tal-fehma li n-negozjati jistgħu javvanzaw matul it-tieni fażi biss jekk il-Gvern tar-Renju Unit huwa wkoll jirrispetta bis-sħiħ l-impenji li ħa fir-Rapport Konġunt, u jekk dawn l-impenji jissarrfu bis-sħiħ fl-abbozz tal-Ftehim ta' Ħruġ;

3.  Jirrimarka, madankollu, li għad hemm kwistjonijiet pendenti rigward arranġamenti għal ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-UE, li jridu jiġu solvuti qabel ma jkun jista' jiġi ffinalizzat il-Ftehim ta' Ħruġ, u jinnota li, ladarba jkun ġie ffinalizzat, il-Ftehim ta' Ħruġ jeħtieġ li jkun ifformulat f'test legali ċar u mhux ambigwu; jirrimarka li dawn il-kwistjonijiet pendenti jikkonċernaw:

   l-estensjoni tal-kopertura tad-drittijiet taċ-ċittadini għas-sħab futuri,
   l-iżgurar li l-proċedura amministrattiva tkun ħafifa, ta' natura dikjarattiva u bla ħlas, li tqiegħed l-oneru tal-prova fuq l-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jikkontestaw id-dikjarazzjoni, u li tippermetti lill-familji jibdew il-proċedura permezz ta' formola waħda,
   il-provvediment għall-karattru vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-QtĠ-UE rigward l-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, kif ukoll għar-rwol tal-awtorità nazzjonali indipendenti futura (ombudsman) maħluqa biex tieħu azzjoni fuq l-ilmenti taċ-ċittadini,
   il-garanzija tad-drittijiet tal-moviment liberu madwar l-UE kollha għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li bħalissa jirrisjedu fi Stat Membru tal-UE-27,
   l-iżgurar li l-impenji li saru rigward l-Irlanda ta' Fuq/l-Irlanda jkunu infurzabbli bis-sħiħ;

4.  Jirriserva, għalhekk, id-drittijiet kollha tiegħu rigward il-Ftehim ta' Ħruġ finali, li l-Parlament, f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-TUE, ikun jeħtieġlu japprovah biex dak il-Ftehim jidħol fis-seħħ;

Il-qafas għal relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit

5.  Ifakkar li l-Artikolu 50(2) tat-TUE jipprevedi li l-Unjoni tikkunsidra l-qafas għar-relazzjonijiet futuri tagħha mal-Istat Membru li jkun ħiereġ meta tinnegozja u tikkonkludi ftehim ta' ħruġ;

6.  Jipproponi li, jekk l-UE u r-Renju Unit jilħqu qbil dwar fehim ġenerali dwar dan il-qafas għar-relazzjonijiet futuri bejniethom, dan għandu jieħu l-forma ta' dikjarazzjoni politika annessa mal-Ftehim ta' Ħruġ;

7.  Jinnota li l-ftehim li jistabbilixxi r-relazzjoni l-ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit, u li jkun ibbażat fuq il-qafas imsemmi hawn fuq, jista' jiġi nnegozjat formalment biss ladarba r-Renju Unit ikun ħareġ mill-UE u jkun pajjiż terz;

8.  Jissottolinja li sejjer jaċċetta qafas għar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit bħala parti mill-Ftehim ta' Ħruġ biss jekk il-qafas ikun fi qbil strett mal-prinċipji li ġejjin:

   li pajjiż terz li ma jaqdix l-istess obbligi ta' Stat Membru ma jistax igawdi l-istess benefiċċji bħal Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew membru taż-ŻEE,
   li l-integrità tas-suq intern u l-erba' libertajiet ikunu protetti, bla ma jkun permess approċċ li jittratta s-setturi wieħed wieħed,
   li t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE jkun awtonomu,
   li l-ordinament ġuridiku tal-UE u r-rwol tal-QtĠ-UE jkunu salvagwardjati,
   li r-Renju Unit jaderixxi mal-istandards previsti mill-obbligi internazzjonali, inklużi d-drittijiet fundamentali, u mal-leġiżlazzjoni u mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, il-kompetizzjoni ġusta, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, il-kummerċ, u d-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema, b'mod speċjali s-salvagwardji kontra d-dumping soċjali, b'mekkaniżmu ta' infurzar li jiżgura l-konformità,
   li l-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi u organizzazzjonijiet terzi, inkluż il-Ftehim taż-ŻEE, ikunu salvagwardjati,
   li l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u l-konformità mas-sistema regolatorja u superviżorja tagħha u mal-istandards tagħha, kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom, ikunu salvagwardjati,
   li jkun hemm bilanċ korrett bejn drittijiet u obbligi, inklużi kontribuzzjonijiet finanzjarji proporzjonati;

9.  Jitlob li l-qafas għar-relazzjoni futura, filwaqt li jibqa' konsistenti mal-prinċipji msemmija hawn fuq, jagħmel provvediment għal relazzjoni kemm jista' jkun imqarrba bejn l-UE u r-Renju Unit;

10.  Itenni li ftehim ta' assoċjazzjoni nnegozjat u maqbul bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-ħruġ ta' dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 217 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jista' jipprovdi qafas xieraq għar-relazzjoni futura; jipproponi li ftehim ta' dan it-tip, flimkien mal-qafas ta' governanza tiegħu li għandu jinkludi mekkaniżmu b'saħħtu u indipendenti għar-riżoluzzjoni ta' tilwim, għandu jkopri l-erba' pilastri li ġejjin:

   ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi,
   il-kooperazzjoni tematika,
   is-sigurtà interna,
   il-kooperazzjoni fil-qasam tal-politika barranija u ta' sigurtà;

11.  Ifakkar li bosta ċittadini tar-Renju Unit esprimew oppożizzjoni qawwija għat-telfien tad-drittijiet li jgawdu bħalissa skont l-Artikolu 20 tat-TFUE; jipproponi li l-UE-27 teżamina kif tista' ttaffi dan it-telfien fil-limiti tad-dritt primarju tal-Unjoni filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji ta' reċiproċità, ekwità, simetrija u nondiskriminazzjoni;

Arranġamenti tranżizzjonali

12.  Itenni li l-arranġamenti tranżizzjonali li jiżguraw iċ-ċertezza u l-kontinwità ġuridiċi jistgħu jinqablu biss jekk ikun fihom il-bilanċ ġust bejn drittijiet u obbligi, ikunu ta' żmien limitat, ta' mhux aktar minn tliet snin, u jkunu jikkonsistu mill-estensjoni tal-acquis tal-UE, inklużi d-drittijiet taċ-ċittadini, u b'hekk jirrikjedu li l-istrumenti u l-istrutturi eżistenti tal-Unjoni fil-kamp regolatorju, baġitarju, superviżorju, ġudizzjarju u ta' infurzar jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit; jinnota li r-Renju Unit mhux se jibqa' parti mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-UE;

13.  Jafferma li kwalunkwe bidla fl-acquis tal-UE li jkollha effett matul il-perjodu tranżizzjonali trid japplika awtomatikament fir-Renju Unit fi qbil mal-arranġamenti tranżizzjonali maqbula bejn l-UE u r-Renju Unit;

14.  Jinsisti li kwalunkwe ftehim kummerċjali futur li r-Renju Unit jista' jinnegozja ma' pajjiżi terzi wara li joħroġ mill-UE jista' jidħol fis-seħħ biss fi tmiem il-perjodu li matulu japplikaw l-arranġamenti tranżizzjonali;

15.  Jirrimarka li perjodu tranżizzjonali kif maqbul bejn l-UE u r-Renju Unit bħala parti mill-Ftehim ta' Ħruġ jista' jibda biss ladarba dak il-ftehim ikun fis-seħħ;

o
o   o

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Gvern tar-Renju Unit.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0102.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0361.


Rakkomandazzjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa
PDF 614kWORD 90k
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (2016/3044(RSP))
P8_TA(2017)0491B8-0660/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 116 u 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar it-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga allegati kontravvenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015(3) u tas-6 ta' Lulju 2016(4) dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji fi ħdan l-Unjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ġunju 2017 dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati ma' attivitajiet transfruntiera (COM(2017)0340),

–   wara li kkunsidra l-Pjattaforma tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja tal-Unjoni Ewropea (Pjattaforma UIF tal-UE) li timmappja l-eżerċizzju u l-analiżi tad-distakk tas-setgħat tal-UIF tal-UE kif ukoll l-ostakli biex tinkiseb u tiġi skambjata l-informazzjoni, tal-15 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta' Inkjesta b'rabta mal-Ħasil tal-Flus, l-Evitar tat-Taxxa u l-Evażjoni tat-Taxxa,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kumitat ta' Inkjesta b'rabta mal-Ħasil tal-Flus, l-Evitar tat-Taxxa u l-Evażjoni tat-Taxxa (A8-0357/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 198(12) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.Ġenerali

1.  Jinnota bi tħassib li l-każ tal-Panama Papers heżżeż il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistemi finanzjarji u ta' tassazzjoni tagħna; jisħaq kemm huwa kruċjali li titreġġa' lura l-fiduċja tal-pubbliku u jiġu żgurati sistemi tat-taxxa ġusti u trasparenti u ġustizzja fiskali u soċjali; jistieden, għal dan il-għan, lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw u jsaħħu adegwatament l-għodod ġuridiċi tagħhom b'mod li jissostitwixxu s-segretezza bit-trasparenza u l-kooperazzjoni reċiproka u l-iskambju ta' informazzjoni, jiġġieldu l-ħasil tal-flus b'mod aktar effikaċi u jappella lill-Istati Membri biex jissimplifikaw is-sistemi ta' taxxa tagħhom sabiex jiżguraw aktar ġustizzja fit-tassazzjoni u jinvestu fl-ekonomija reali;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jkun ridefinit il-mudell ta' tassazzjoni Ewropew sabiex jillimita l-kompetizzjoni inġusta bejn l-Istati Membri;

3.  Jiddeplora l-għadd ta' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina li l-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament li għandu jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa kien kixef fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u jissottolinja t-tħassib serju tiegħu dwar il-ksur tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD III)(6) relatati mal-kooperazzjoni mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF); iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi, l-impenji, il-kooperazzjoni u l-investimenti tagħhom fir-riżorsi finanzjarji u umani sabiex itejbu s-superviżjoni u l-infurzar mhux biss bil-għan li jimpedixxu u jiġġieldu b'mod aktar effikaċi l-prattiki illegali bħall-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali iżda anke sabiex jimpedixxu u jiġġieldu l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar fiskali aggressiv li jistgħu jkunu legali iżda jmorru kontra l-ispirtu tal-liġi; ifakkar fil-prinċipju ta' prevedibbiltà tal-akkużi; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe ksur tal-liġi jiġi kkastigat kif xieraq; jinsisti fuq il-kosteffikaċja ta' dan l-investiment;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni dwar każijiet rappurtati ta' ħasil tal-flus u rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi bil-għan li jitwettqu investigazzjonijiet xierqa hekk kif l-awtoritajiet isiru jafu bl-informazzjoni;

5.  Ifakkar fil-qafas tal-UE għal rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi, u jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni internazzjonali aktar mill-qrib bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE u mhux tal-UE; jitlob ukoll setgħat investigattivi akbar għall-korpi Ewropej, b'mod partikolari l-Europol u l-Eurojust, f'każijiet ta' ħasil tal-flus;

6.  Ifakkar li l-verifika adegwata tas-sidien benefiċjarji aħħarin hija essenzjali biex jiġi evitat l-użu ta' kumpaniji tal-isem għall-ħasil tal-flus (kif wera l-każ tal-Azerbaijan Laundromat); jitlob ukoll implimentazzjoni u infurzar effikaċi tad-direttiva Ewropea kontra l-ħasil tal-flus;

7.  Jitlob lill-Istati Membri jżommu lura minn ippjanar fiskali aggressiv min-naħa tal-provvista billi jirriklamaw u joffru deċiżjonijiet u vantaġġi tat-taxxa jew permezz ta' regoli ad hoc;

8.  Jistieden lill-ġurisdizzjonijiet kollha li ttrasponew jew se tittrasponu r-rakkomandazzjonijiet tal-OECD kontra l-BEPS fil-liġi nazzjonali tagħhom jirrispettaw mhux biss il-kliem iżda anke l-ispirtu tar-rakkomandazzjonijiet; ifakkar li t-trasparenza hija strument importanti biex tiġi indirizzata l-evażjoni tat-taxxa, u b'mod partikolari l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

9.  Jiddispjaċih li għadhom jeżistu ħafna lakuni fil-leġiżlazzjoni attwali dwar l-evażjoni tat-taxxa u dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, u jikkunsidra li hemm bżonn urġenti ta' implimentazzjoni bir-reqqa u ta' tisħiħ ulterjuri tal-leġiżlazzjoni; jilqa' ż-żieda fl-isforzi u l-progress li sar biex jitressqu proposti leġiżlattivi ġodda sabiex jintroduċu strateġiji inklużivi minn mindu ġew ippubblikati l-Panama Papers, iżda jiddispjaċih għan-nuqqas ta' rieda politika fost ċerti Stati Membri biex jagħmlu progress fir-riformi u l-infurzar li jistgħu jġibu magħhom bidla effikaċi;

10.  Jiddispjaċih li kwistjonijiet marbuta mal-politika dwar it-taxxa fil-livell tal-Kunsill spiss jiġu mblukkati minn Stati Membri individwali; itenni t-twissijiet magħmula mill-Kumitat TAXE1 li skontu l-għoti tad-dritt tal-veto lil kull Stat Membru fil-kwistjonijiet tat-taxxa jfisser li r-regola dwar l-unanimità fi ħdan il-Kunsill tnaqqas l-inċentiv favur bidla mill-istatus quo lejn soluzzjoni aktar kooperattiva; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tuża l-proċedura stipulata fl-Artikolu 116 TFUE, li tagħmilha possibbli li r-rekwiżit ta' unanimità jinbidel f'każijiet fejn il-Kummissjoni ssib li differenza bejn id-dispożizzjonijiet stabbiliti permezz ta' liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri tkun qed tikkawża distorsjoni fil-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq intern;

11.  Jinnota li l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus għadhom fenomeni fil-livell globali u għalhekk jirrikjedu reazzjoni komprensiva, ċara u koerenti bbażata fuq appoġġ reċiproku u żieda fil-kooperazzjoni fil-livell tal-UE u f'dak globali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu rwol ewlieni fil-ġlieda globali kontra l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus;

12.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' miżuri ambizzjużi u konkreti għall-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-fatt li ż-żieda fit-trasparenza waħedha mhux se tkun biżżejjed biex tiġi indirizzata din il-problema; jenfasizza l-urġenza, għalhekk, li ssir pressjoni favur kooperazzjoni internazzjonali u approċċ multilaterali bl-involviment tal-pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw;

13.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġaw u jippromwovu summit intergovernattiv fil-livell tan-NU għad-definizzjoni ta' pjan direzzjonali u Pjan ta' Azzjoni Konġunt biex jintemmu r-rifuġji fiskali;

14.  Jisħaq li biex titqies b'mod sħiħ id-diġitizzazzjoni tal-ambjent tan-negozju hu meħtieġ li jkun definit kunċett ta' stabbilimenti tan-negozju diġitali li jiżgura li kumpaniji li jagħmlu qligħ fi Stat Membru wieħed mingħajr ma jkollhom stabbiliment fiżiku f'dak l-Istat Membru jkunu trattati bl-istess mod li bih ikunu trattati kumpaniji bi stabbiliment fiżiku tan-negozju; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tinkludi lin-negozji diġitali fil-miżuri kollha Ewropej ta' kontra l-evitar tat-taxxa u f'miżuri relatati oħra tat-taxxa;

15.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu proattivi u ma jistennewx ir-rivelazzjonijiet tal-media qabel ma jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet bħala kwistjoni ta' prijorità; ifakkar li t-trasparenza ma tistax tkun biss settorjali;

16.  Jisħaq li hemm ħtieġa ta' viġilanza biex ikun żgurat li l-Brexit la tiffavorixxi kompetizzjoni tat-taxxa bejn is-27 Stat Membru li jifdal biex tattira ċerti industriji u servizzi attwalment sitwati fir-Renju Unit u lanqas ma twassal għal tnaqqis fl-isforzi għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa min-naħa tar-Renju Unit, inklużi t-territorji extra-Ewropej u territorji relatati tiegħu; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li din id-dimensjoni għandha tiġi kkunsidrata sew matul it-tieni fażi tal-Brexit filwaqt li jkun qed isir negozjar dwar kwalunkwe sħubija jew ftehim kummerċjali mar-Renju Unit;

17.  Jiddeplora d-deċiżjoni mill-Kummissjoni biex ittemm l-impenn tagħha favur rapport biennali kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri kollha; jinnota li l-monitoraġġ kontra l-korruzzjoni mill-Kummissjoni se jitkompla matul il-proċess tas-Semestru Ewropew; hu tal-fehma li f'dan il-proċess il-miżuri kontra l-korruzzjoni jistgħu jkunu ddominati minn kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji oħra; jitlob li l-Kummissjoni tmexxi bl-eżempju, billi tkompli bil-pubblikazzjoni tar-rapport u timpenja lilha nnifisha favur strateġija aktar kredibbli u aktar komprensiva kontra l-korruzzjoni;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu valutazzjoni tal-impatt dwar il-possibbiltà ta' reġistrazzjoni obbligatorja jew projbizzjoni tas-sjieda, inkluża s-sjieda benefiċjarja ta' kontijiet finanzjarji u kumpaniji tal-isem minn ċittadini tal-UE u kumpaniji tal-UE fil-pajjiżi li jidhru fil-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx u fil-lista tal-UE ta' pajjiżi b'nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi AML/CFT tagħhom, sabiex jimpedixxu l-evażjoni u l-frodi tat-taxxa;

2.L-evażjoni u l-evitar tat-taxxa

2.1.L-istrutturi offshore

19.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jkun hemm definizzjoni internazzjonali komuni ta' x'jikkostitwixxi ċentru finanzjarju offshore, rifuġju fiskali, ġurisdizzjoni ta' segretezza, ġurisdizzjoni tat-taxxa mhux kooperattiva u pajjiż b'riskju għoli f'termini ta' ħasil tal-flus; jappella biex jintlaħaq qbil dwar dawn id-definizzjonijiet b'mod internazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-pubblikazzjoni immedjata tal-lista s-sewda komuni tal-UE; jisħaq li dawn id-definizzjonijiet jippresupponu l-istabbiliment ta' kriterji ċari u oġġettivi;

20.  Ifakkar lill-Istati Membri fl-importanza tal-prinċipju tal-GAAR fil-politika tat-tassazzjoni, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-taxxa jużaw dan il-prinċipju b'mod konsistenti sabiex jiġi evitat li jinħolqu strutturi għal finijiet ta' frodi u evażjoni tat-taxxa;

21.  Jemmen li, bħala parti mill-isforz biex tiġi promossa tqawwija tal-kooperazzjoni internazzjonali, huwa wkoll kruċjali li tinżamm l-oġġettività ġuridika ta' dawn id-definizzjonijiet u l-infurzar tagħhom, peress li xi ġurisdizzjonijiet jistgħu jissottoskrivu lilhom infushom għal standards miftiehma internazzjonalment mingħajr ma japplikawhom fil-prattika; jisħaq li dawn id-definizzjonijiet m'għandhomx ikunu suġġett tal-preġudizzji politiċi u għandhom jimmotivaw lill-ġurisdizzjonijiet elenkati biex jadottaw miżuri li jwasslu għat-tneħħija tagħhom mil-lista;

22.  Ifakkar li l-impenn formali lejn standards maqbula internazzjonalment hu l-ewwel pass, iżda hi biss implimentazzjoni xierqa ta' dawn l-istandards u sforz veru u ġenwin li se jimmitigaw il-fatturi ta' riskju u jwasslu għal ġlieda b'eżitu pożittiv kontra l-ħasil tal-flus, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa;

23.  Ifakkar li ma jridx isir abbuż minn żonijiet u portijiet ħielsa bil-għan li jinkisbu l-istess effetti bħar-rifuġji fiskali jew bħall-evitar tar-regoli internazzjonali dwar it-trasparenza sabiex isir il-ħasil tal-flus; jitlob li l-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tal-portijiet ħielsa fl-Unjoni Ewropea;

24.  Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tiżgura li strutturi offshore b'sidien benefiċjarji fl-Istati Membri jkunu suġġetti għal awditjar u rekwiżiti ta' żvelar tal-kontabilità simili għal dawk applikati fil-ġurisdizzjoni Ewropea fejn ikunu jinsabu s-sidien benefiċjarji;

25.  Iqis li l-UE għandha tagħmilha illegali li jkun hemm relazzjonijiet kummerċjali ma' strutturi ġuridiċi stabbiliti f'rifuġji fiskali jekk il-benefiċjarju aħħari ma jkunx jista' jiġi identifikat;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport annwali dwar l-użu ta' fondi tal-UE kif ukoll ta' trasferimenti monetarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) lejn strutturi offshore, inkluż l-għadd u n-natura ta' proġetti mblukkati, kummenti ta' spjegazzjoni dwar ir-raġunament għal proġetti mblukkati u azzjonijiet ta' segwitu meħuda biex jiżguraw li l-fondi tal-UE ma jkunux qed jikkontribwixxu direttament jew indirettament għall-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali;

2.1.1.Lista komuni tal-UE tal-ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi

27.  Jilqa' r-rwol ta' tmexxija li żvolġiet il-Kummissjoni fit-tfassil tal-kriterji għal lista komuni tal-UE tal-ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi; jiddispjaċih għall-ammont ta' żmien eċċessiv meħud minn dan il-proċess; jistieden lill-Kunsill biex ma jimmoderax il-livell ta' ambizzjoni fir-rigward tal-kriterji tal-lista msemmija hawn fuq iżda biex pjuttost iżidha; jinsisti li jitqiesu l-kriterji kollha proposti mill-Kummissjoni inkluż, iżda mhux biss, in-nuqqas ta' taxxa korporattiva jew rata tat-taxxa korporattiva qrib iż-żero, u jenfasizza l-importanza tagħhom biex il-lista tkun effikaċi u mhux arbitrarja; iqis li l-kriterji ta' trasparenza għandhom ikunu applikati b'mod sħiħ u li l-kriterji għandhom iqisu b'mod adegwat ukoll l-implimentazzjoni u l-infurzar; jistieden lill-Kunsill biex, bil-għan li din il-lista tkun waħda effikaċi u kredibbli, jistabbilixxi sanzjonijiet komuni qawwija, proporzjonali u deterrenti kontra l-pajjiżi elenkati u jissottolinja li l-valutazzjonijiet ta' pajjiżi individwali għandhom jitwettqu b'mod trasparenti; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistabbilixxu mekkaniżmu ta' rieżami trasparenti u oġġettiv, li jinkludi l-involviment tal-Parlament, sabiex jaġġornaw il-lista fil-futur; ifakkar li l-għan ta' lista bħal din hu li jbiddel l-imġiba ta' tali ġurisdizzjoni fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-faċilitazzjoni tal-frodi fiskali;

28.  Jiddispjaċih li l-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx, approvata u ppubblikata mill-Kunsill, tiffoka biss fuq ġurisdizzjonijiet barra l-UE u teskludi pajjiżi fl-UE li kellhom rwol sistematiku fil-promozzjoni u l-faċilitazzjoni ta' prattiki tat-taxxa dannużi u li ma jissodisfawx il-kriterju ta' tassazzjoni ġusta; jenfasizza li, kif uriet simulazzjoni mwettqa mill-Oxfam, mill-inqas erba' Stati Membri kienu jiddaħħlu fil-lista kieku ġew eżaminati skont l-istess kriterji tal-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-esklużjoni a priori ta' pajjiżi tal-UE mill-iskrutinju taffettwa l-leġittimità, il-kredibbiltà u l-effikaċja tal-proċess kollu;

29.  Hu tal-fehma li ladarba l-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet fiskali mhux kooperattivi titpoġġa fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tipproponi leġiżlazzjoni ta' akkompanjament li tiddetermina l-obbligi armonizzati għall-awtoritajiet tat-taxxa f'kull Stat Membru biex kull sena tiżvela data li jkun fiha l-valur sħiħ u d-destinazzjoni tat-trasferimenti tal-flus minn kull Stat Membru għal kull ġurisdizzjoni fuq il-lista;

30.  Jappella biex jiġu applikati sanzjonijiet anke fuq il-kumpaniji, il-banek, id-ditti legali u kontabilistiċi u l-konsulenti tat-taxxa li jkun instab li kienu involuti f'attivitajiet illegali, dannużi jew illeċiti ma' ġurisdizzjonijiet li ma jikkoperawx jew li jkun instab li ffaċilitaw arranġamenti fiskali korporattivi illegali, dannużi jew illeċiti bl-involviment ta' strumenti ġuridiċi f'dawk il-ġurisdizzjonijiet;

31.  Jiddispjaċih li diversi ċittadini, entitajiet u persuni esposti politikament tal-UE ssemmew fil-Panama Papers; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkjarifikaw jekk il-fatt li dehru ġiex investigat b'mod xieraq u, jekk iva, ikkostitwiex ksur tad-dritt nazzjonali; jissottolinja li, sfortunatament, fuq linji simili, ħafna ċittadini, entitajiet, u persuni esposti politikament, meta ntalbu jikkooperaw ma' dan il-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, irrifjutaw li jagħtu informazzjoni li setgħet tkun utli f'termini ta' l-objettivi tal-Kumitat;

32.  Jinnota li, skont l-aħħar data tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar l-investiment dirett barrani, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi flimkien għandhom aktar investiment eżoġenu mill-Istati Uniti – il-maġġoranza l-kbira tiegħu kostititwit minn entitajiet bi skop speċjali mingħajr ebda attività ekonomika sostanzjali – u l-Irlanda għandha iżjed investiment eżoġenu mill-Ġermanja u Franza; jirrimarka li, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tagħha, l-investiment barrani f'Malta jammonta għal 1 474 % tad-daqs tal-ekonomija tagħha; jinnota li, skont riċerka mwettqa mill-Università ta' Amsterdam, 23 % tal-investimenti korporattivi kollha li spiċċaw f'rifuġji fiskali għaddew mill-Pajjiżi l-Baxxi; jemmen li din id-data hija indikazzjoni ċara li xi Stati Membri qed jiffaċilitaw attivitajiet eċċessivi ta' trasferiment tal-profitti a skapitu ta' Stati Membri oħrajn;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, sal-aħħar tal-2018, rapport li jivvaluta r-reġimi tat-taxxa tal-Istati Membri u tal-ġurisdizzjonijiet, ir-reġjuni jew l-istrutturi amministattivi dipendenti l-oħra tagħhom li jiffaċilitaw il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u għandhom impatt potenzjalment dannuż fuq is-suq uniku;

2.1.2.Lista tal-UE tal-pajjiżi terzi b'riskju għoli fl-ambitu tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

34.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni s'issa għadha ma wettqitx il-valutazzjoni indipendenti tagħha stess biex tidentifika l-pajjiżi terzi b'riskju għoli b'nuqqasijiet strateġiċi kif previst mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus iżda qagħdet biss fuq il-lista magħmula mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja li l-Kummissjoni hija membru tagħha; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma tatx risposta sodisfaċenti għat-talbiet tal-Parlament f'dan ir-rigward;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef ix-xogħol dwar il-lista tagħha stess u tirrapporta lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tagħha u, b'mod partikolari, l-impenn tagħha biex iżżid ir-riżorsi kollha meħtieġa mit-taskforce dwar il-prevenzjoni ta' reati finanzjarji;

36.  Jemmen li huwa ta' importanza primarja li l-miri tal-UE jkunu aktar ambizzjużi minn dawk tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja rigward din il-kwistjoni; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa għal aktar investiment fir-riżorsi umani u finanzjarji jew għat-titjib tal-allokazzjoni tagħhom fi ħdan il-Kummissjoni sabiex tissaħħaħ il-proċedura ta' skrinjar;

37.  Jemmen li l-għan ta' din il-lista huwa li tinkoraġġixxi bidla fl-imġiba min-naħa tal-ġurisdizzjonijiet f'każijiet ta' ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u sabiex tiskoraġġixxi stati oħra milli jimplimentaw politiki simili u potenzjalment ta' dannu;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tkun l-istituzzjoni ċentrali kemm għal-lista tal-pajjiżi terzi b'riskju għoli fl-ambitu tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus kif ukoll għar-rieżami tal-lista Ewropea tar-rifuġji fiskali, biex tiżgura konsistenza u komplementarjetà;

2.2.Il-leġiżlazzjoni fiskali l-oħra

39.  Jilqa' l-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata fl-aħħar sentejn bħala reazzjoni għal LuxLeaks; jilqa' b'sodisfazzjon id-dedikazzjoni tal-UE biex għall-proġett tal-OECD dwar l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu malajr kemm jista' jkun il-leġiżlazzjoni tal-UE fis-sistemi ġuridiċi rispettivi tagħhom u jiżguraw l-infurzar tagħha;

40.  Jappella għal rapport pubbliku ambizzjuż għal kull pajjiż, b'mod li jitqawwew it-trasparenza fit-tassazzjoni u l-iskrutinju pubbliku tal-intrapriżi multinazzjonali, peress li dan kieku jippermetti li l-pubbliku fuq livell aktar estensiv ikollu aċċess għall-informazzjoni dwar il-profitti li jkunu għamlu, is-sussidji li jkunu ngħataw u t-taxxi li jkunu ħallsu l-intrapriżi multinazzjonali fil-ġurisdizzjonijiet fejn joperaw; iħeġġeġ lill-Kunsill jilħaq ftehim komuni dwar il-proposta biex jidħol f'negozjati mal-istituzzjonijiet tal-UE l-oħrajn sabiex jadotta rapport pubbliku għal kull pajjiż, wieħed mill-miżuri ewlenin biex tinkiseb aktar trasparenza fir-rigward tal-informazzjoni tat-taxxa tal-kumpaniji għaċ-ċittadini kollha;

41.  Jissottolinja li r-rapport pubbliku għal kull pajjiż se jippermetti lill-investituti u lill-azzjonisti jqisu l-politiki tat-taxxi tal-kumpaniji meta jintervjenu fil-laqgħat tal-azzjonisti u jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment;

42.  Ifakkar li l-informazzjoni tat-taxxa għandha ssir komponent essenzjali tar-rapportar finanzjarju mill-korporazzjonijiet;

43.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jilħaq ftehim rapidu u ambizzjuż dwar iż-żewġ stadji tal-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK); ifakkar li apparti t-tnaqqis fil-kostijiet kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-amministrazzjoni tat-taxxa għall-Istati Membri, dan kieku jsolvi l-kwistjoni tal-prezzijiet tat-trasferimenti u jiżgura kompetizzjoni aktar ġusta fi ħdan is-suq uniku; jisħaq li l-armonizzazzjoni tal-bażi tat-taxxa hija l-aħjar soluzzjoni bil-għan li jiġu fi tmiemhom l-ottimizzazzjoni fiskali u l-ippjanar fiskali aggressiv permezz ta' mezzi legali; ifakkar li definizzjoni vinkolanti ġdida ta' "stabbiliment permanenti" hija meħtieġa biex jiġi żgurat li t-tassazzjoni sseħħ fejn issir l-attività ekonomika u fejn jinħoloq il-valur ekonomiku; jisħaq li dan għandu jkun akkumpanjat minn kriterji minimi vinkolanti biex jiġi determinat jekk attività ekonomika għandhiex sustanza suffiċjenti biex tiġi intaxxata fi Stat Membru sabiex tiġi evitata l-problema ta' "kumpanija tal-isem", b'mod partikolari fir-rigward tal-isfidi mnedija mill-ekonomija diġitali;

44.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmiraw lejn riformi aktar ambizzjużi fil-qasam tat-tassazzjoni;

45.  Jenfasizza li, sabiex it-tassazzjoni unitarja taħdem bħala mezz biex jintemm it-trasferiment tal-profitt, jeħtieġ li tkun globali, u li l-implimentazzjoni tal-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva fil-livell tal-UE għandha r-riskju li toħloq sitwazzjoni fejn it-telf attwali mill-Istati Membri għall-bqija tad-dinja jista' jiġi msakkar ġewwa, bħalma jista' jsir fil-każ tal-isfruttament tal-bqija tad-dinja minn xi Stati Membri; jinnota li approċċ tal-UE biss jista' jelimina l-inċentivi biex jittrasferixxu l-profitt fi ħdan l-UE, iżda jwitti t-triq għal aktar inċentivi u opportunitajiet għal trasferiment tal-profitt barra l-UE;

46.  Ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu li jiġi żgurat li l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa jiġi estiż għad-deċiżjonijiet kollha u li l-Kummissjoni tikseb aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha sabiex jiġi żgurat li r-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni jiġu rispettati(7);

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva li tirrevedi d-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC)(8) malajr kemm jista' jkun sabiex issaħħaħ aktar kooperazzjoni fiskali bejn l-Istati Membri permezz ta' obbligu li jwieġbu talbiet ta' grupp dwar kwistjonijiet tat-taxxa b'tali mod li pajjiż Ewropew wieħed ikun jista' jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-oħrajn biex jiġu mħarrka evażuri tat-taxxa transkonfinali; ifakkar fil-proposta tiegħu biex tiġi emendata d-DAC sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-awditi tat-taxxa(9);

48.  Jiddispjaċih li skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, it-taxxi mhux imħallsa rkuprati mingħand il-benefiċjarji ta' għajnuna fiskali illegali jappartjenu lill-pajjiż li jkun ta l-għajnuna, u mhux lill-pajjiżi li jkunu sofrew erożjoni tal-bażi tat-taxxa tagħhom minħabba skemi tat-taxxa distorsivi; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżviluppa metodoloġiji xierqa għall-kwantifikazzjoni tat-telf ta' dħul għall-Istati Membri affettwati u proċeduri ta' rkupru adegwati biex jiġi żgurat li t-taxxi mhux imħallsa jitqassmu lill-Istati Membri fejn fil-fatt tkun seħħet l-attività ekonomika;

49.  Hu tal-fehma li r-riformi tat-taxxa jridu dejjem jippermettu l-iskrutinju min-naħa taċ-ċittadini u jipprovdu aċċess, informazzjoni u taħriġ lis-soċjetà ċivili biex jippermettulha involviment produttiv fil-qafas ta' dawn il-politiki, li attwalment mhijiex il-prattika;

50.  Jenfasizza, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjoni tat-taxxa, fil-livell nazzjonali jew tal-UE, trid tkun simplifikata u abbozzata b'tali mod li tagħmilha aċċessibbli għal kwalunkwe ċittadin bil-għan li tevita l-kumplessità li sservi lill-industriji li jevitaw it-taxxa;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq reviżjoni tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku(10), li tinkludi miżuri biex l-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jitħallewx jaħdmu ma' kumpaniji li jużaw rifuġji fiskali

52.  Jappella lill-Kummissjoni biex tniedi evalwazzjoni komprensiva tad-19-il sena ta' ħidma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta fuq it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi li tkun tiffoka fuq ir-riżultati miksuba fil-prevenzjoni tal-iskemi tat-taxxa korporattiva li jagħmlu ħsara fuq livell transkonfinali fil-forma ta' rapport pubbliku; jitlob li ssir riforma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, abbażi tas-sejbiet u li twassal għal iktar trasparenza u effiċjenza fil-ħidma tagħhom, minħabba li l-grupp għandu jkollu rwol ċentrali fl-isforzi tal-UE biex ittejjeb dan il-qasam; jappella biex il-Parlament jakkwista setgħat ta' skrutinju u ta' akkontabilità fuq il-grupp;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor lista ta' reġimi dannużi li fuqhom il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta ma rnexxilux sa issa jaqbel dwar azzjoni li se jieħu u tippubblika din il-lista; jitlob li l-Kummissjoni sal-2020 tivvaluta l-impatt tal-approċċ "nexus" fuq sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi konformi u tikkwantifika, jekk possibbli, l-impatt tagħhom fuq l-innovazzjoni u t-telf tal-ġbir tat-taxxa;

54.  Jiddispjaċih li diversi Stati Membri tal-UE ssemmew fil-Panama Papers; jitlob li l-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet tax-taxxa, tniedi evalwazzjoni estensiva tal-miżuri potenzjalment dannużi ta' tassazzjoni fl-Istati Membri li jfixklu l-kompetizzjoni u tal-kontromiżuri li hemm fis-seħħ, kif ukoll tal-effetti kollaterali ta' dawn il-miżuri fuq ġurisdizzjonijiet oħrajn; jappella biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' skrutinju effikaċi li jissorvelja l-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri ġodda dannużi ta' tassazzjoni possibbli li jistgħu jintroduċu;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva sabiex tindirizza l-kwistjoni ta' konverżjonijiet transkonfinali u tat-trasferiment tas-sede u tipprovdi regoli ċari dwar it-trasferiment tal-kwartieri ġenerali ta' kumpanija fl-UE, inklużi regoli li jiġġieldu l-kumpaniji tal-isem;

56.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha jiżguraw li tieqaf il-prattika tal-inverżjoni tat-taxxa korporattiva, jiġifieri li korporazzjoni multinazzjonali tiġi akkwistata minn kumpanija żgħira lokalizzata f'rifuġju fiskali u tadotta d-domiċilju legali ta' din tal-aħħar, sabiex "tirriloka" l-kwartieri ġenerali tagħha u jonqos il-piż globali tat-taxxa tal-kumpanija kkombinata, proċess li jkun segwit minn "strippaġġ tad-dħul" permezz ta' pagamenti deduċibbli mit-taxxa lir-rifuġju fiskali (fl-għamla ta' self, royalties u servizzi, pereżempju) li jkollu bħala objettiv l-evitar tat-taxxi fuq il-profitti domestiċi ta' dik il-korporazzjoni multinazzjonali;

57.  Jissottolinja l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tal-prattiki dannużi ta' tassazzjoni li qed jintużaw dejjem aktar, bħall-abbuż minn sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, derivattivi, swaps, eċċ. li jintużaw bl-objettiv li tiġi evitata t-taxxa;

58.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat ta' Awwissu 2016 fejn instab li l-Irlanda tat illegalment EUR 13-il biljun f'ħelsien mit-taxxa indebitu lill-kumpanija Apple; għandu dubji dwar id-deċiżjoni tal-gvern Irlandiż li jappella kontra din id-deċiżjoni f'tentattiv biex ma jiġborx is-somma dovuta;

59.  Jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw u jwaqqfu kwalunkwe forma ta' amnestija fiskali li tista' tirriżulta f'ħasil tal-flus u f'evażjoni tat-taxxa jew li tista' timpedixxi lill-awtoritajiet nazzjonali milli jużaw id-data pprovduta sabiex iwettqu investigazzjonijiet ta' reati finanzjarji;

60.  Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-intenzjonijiet tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li tippromwovi l-ħelsien mit-taxxa għall-korporazzjonijiet il-kbar u d-deregolamentazzjoni finanzjarja; jitlob li l-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib ir-riforma tat-taxxa proposta fl-Istati Uniti, magħrufa bħala Blueprint, u l-possibbiltà li f'dan il-pajjiż tiġi implimentata amnestija tat-taxxa sabiex tkun tista' ssir ripatrijazzjoni tal-profitti mill-kumpaniji teknoloġiċi l-kbar b'rata tat-taxxa baxxa ħafna;

61.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tagħhom b'kapaċità adegwata tal-persunal sabiex jiżguraw il-ġbir effettiv tad-dħul mit-taxxi u jindirizzaw il-prattiki tat-taxxa dannużi, peress li n-nuqqas ta' riżorsi u t-tnaqqis fil-persunal, flimkien ma' nuqqas ta' taħriġ, għodod tekniċi u setgħat investigattivi adegwati, fixklu serjament l-amministrazzjonijiet tat-taxxa f'xi Stati Membri;

62.  Jinnota eżempju wieħed ta' skema ta' evitar tat-taxxa fl-UE, l-hekk imsejħa struttura "Double Irish" li se tiġi eliminata gradwalment sal-2020; jistieden lill-Istati Membri jwettqu monitoraġġ tat-trattati ta' tassazzjoni doppja tagħhom biex jiżguraw li l-iskemi ta' evitar tat-taxxa ma jiġux sfruttati permezz ta' diskrepanzi fit-taxxa;

63.  Jiddeplora n-nuqqas ta' statistika affidabbli u imparzjali fuq l-enormità tal-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jisħaq fuq l-importanza tal-iżvilupp ta' metodoloġiji xierqa u trasparenti li jikkwantifikaw l-iskala ta' dawn il-fenomeni, kif ukoll l-impatt ta' dawn l-attivitajiet fuq il-finanzi pubbliċi, l-attivitajiet ekonomiċi u l-investimenti pubbliċi tal-pajjiżi;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi gwida sabiex tagħmel distinzjoni ċara bejn x'inhuwa illegali u x'inhuwa legali, anke jekk tmur kontra l-ispirtu tal-liġi, fil-qafas tal-prattiki ta' evażjoni tat-taxxa u evitar tat-taxxa bil-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali għall-partijiet ikkonċernati kollha; jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi jiżguraw li l-multi u s-sanzjonijiet pekunjarji imposti fuq l-evażuri tat-taxxa u l-intermedjarji ma jkunux deduċibbli mit-taxxa;

65.  Jenfasizza li t-twettiq ta' strateġija tat-taxxa responsabbli għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed mill-pilastri tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) u li l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva huma inkompatibbli mas-CSR; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkludi dan l-element fl-aġġornament tal-istrateġija tal-UE dwar is-CSR;

66.  Jistieden lill-kumpaniji jintegraw b'mod sħiħ l-obbligi tat-taxxa mingħajr ebda tip ta' evitar tat-taxxa parti integrali fis-CSR tagħhom;

67.  Itenni l-appell li għamel il-Kumitat TAXE2 għall-ħolqien ta' Ċentru tal-Unjoni ġdid għall-Koerenza u l-Koordinament tal-Politika dwar it-Taxxa fi ħdan l-istruttura tal-Kummissjoni li jkun jista' jivvaluta u jimmonitorja l-politiki dwar it-taxxa tal-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni u jiżgura li l-Istati Membri ma jimplimentaw l-ebda miżura dannuża ta' tassazzjoni ġdida; jissuġġerixxi li tali Ċentru għall-Koerenza u l-Koordinament tal-Politika dwar it-Taxxa għandu jkun jista' jimmonitorja l-konformità tal-Istati Membri mal-lista komuni tal-Unjoni ta' ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi, minbarra li jiżgura u jħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali (pereżempju, fir-rigward tat-taħriġ u l-iskambju tal-aħjar prattiki);

68.  Itenni r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament(11) għall-ħolqien ta' katalogu ta' kontromiżuri li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom japplikaw bħala azzjonisti u finanzjaturi ta' korpi pubbliċi, banek u programmi ta' finanzjament, li jridu jiġu applikati għall-kumpaniji li jużaw ir-rifuġji fiskali sabiex jimplimentaw skemi ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u għalhekk ma jkunux konformi mal-istandards ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa tal-Unjoni;

69.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex temenda l-leġiżlazzjoni Ewropea, inklużi d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), l-erba' Regolamenti dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK), u l-ħames Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd) ħalli tipprojbixxi li l-użu ta' fondi tal-UE jmur għal benefiċjarji finali jew intermedjarji finanzjarji li jkun ġie ppruvat li kienu involuti f'evażjoni tat-taxxa jew fi pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill joħolqu Reġistru Pubbliku tal-Intrapriżi Ewropej standardizzat u obbligatorju sabiex jiksbu informazzjoni aġġornata u affidabbli dwar il-kumpaniji u jiksbu t-trasparenza permezz ta' aċċess transkonfinali għal informazzjoni kumparabbli u affidabbli tal-kumpaniji fl-UE;

71.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tevalwa l-impatt tat-trasferimenti transkonfinali tal-futbolers fuq il-ġbir tad-dħul min-naħa tal-Istati Membri u tressaq kwalunkwe miżura meqjusa rilevanti biex jiġi indirizzat dan it-telf konsiderevoli ta' dħul, inklużi miżuri relatati mal-intermedjarji li jiffaċilitaw dawn it-trasferimenti;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lura milli tikkonkludi ftehimiet kummerċjali ma' ġurisdizzjonijiet li l-UE tiddefinixxi bħala rifuġji fiskali;

2.3.L-iskambju tal-informazzjoni

73.  Iqis ta' dispjaċir li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC), li kienu fis-seħħ matul il-perjodu kopert mill-Panama Papers ma ġewx implimentati b'mod effikaċi u li l-ammont ta' informazzjoni u deċiżjonijiet skambjati kien żgħir ħafna; ifakkar li l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa huwa kruċjali biex l-Istati Membri jiżguraw assistenza reċiproka fil-ġbir tad-dħul mit-taxxi u joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposti biex issaħħaħ aktar kooperazzjoni fiskali bejn l-Istati Membri permezz ta' obbligu li jwieġbu talbiet ta' grupp fi kwistjonijiet tat-taxxa b'tali mod li pajjiż Ewropew wieħed ikun jista' jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-oħrajn biex iħarrku lill-evażuri tat-taxxa transkonfinali;

74.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-għadd ta' deċiżjonijiet tat-taxxa mogħtija mill-Istati Membri lil kumpaniji multinazzjonali żdied f'dawn l-aħħar snin, minkejja twissija soċjali maħluqa b'riżultat tal-iskandlu LuxLeaks;

75.  Jinsisti li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess, bi qbil mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, għall-informazzjoni kollha li tiġi skambjata skont id-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva b'mod li timmonitorja u tinforza b'mod xieraq l-implimentazzjoni tagħha; jenfasizza li din l-informazzjoni għandha tinżamm f'reġistru ċentrali ġestit mill-Kummissjoni, fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni;

76.  Jappella biex l-informazzjoni tkun skambjata, ittratata u użata b'mod aktar effikaċi fil-livell globali u jħeġġeġ biex l-istandards komuni ta' rapportar jiġu implimentati b'mod effikaċi u konsistenti, filwaqt li nissostitwixxu l-politika ta' "name and shame" fis-sistema ta' evalwazzjonijiet bejn il-pari b'reġim ta' sanzjonijiet; jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa ta' reċiproċità fl-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) u l-Istati firmatarji parteċipanti; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw lill-pajjiżi parteċipanti li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni ta' dawn l-istandards; jissottolinja l-ħtieġa mhux biss ta' impenn tal-pajjiżi favur is-CRS, iżda wkoll il-ħtieġa tal-implimentazzjoni tas-sistema u l-iżgurar ta' kwalità għolja tad-data pprovduta; jirrimarka wkoll li s-CRS attwali għandha dgħufijiet u jilqa' l-fatt li l-OECD qed taħdem biex tirfina l-istandard u tagħmlu aktar effikaċi; jitlob li l-Kummissjoni tikkontribwixxi sabiex jingħalqu l-lakuni identifikati;

77.  Jappella għal titjib fir-reġistri kummerċjali pubbliċi u fir-reġistri pubbliċi ta' sjieda benefiċjarja, fir-rapportar pajjiż b'pajjiż, sabiex jingħelbu l-limitazzjonijiet imposti bl-iskambju ta' informazzjoni skont il-"Multilateral Convention to Implement Tax Treaty Related Measures to Prevent BEPS" ("Il-Konvenzjoni Multilaterali għall-Implimentazzjoni ta' Miżuri Relatati ma' Trattati dwar it-Taxxa għall-Prevenzjoni tal-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt") tal-OECD ta' Ġunju 2017 li tagħti lill-pajjiżi l-possibbiltà li jagħżlu s-sħab u b'hekk fil-prattika jingħata lok għall-bilateraliżmu;

78.  Jisħaq fuq il-fatt li l-iskambju awtomatiku u obbligatorju tal-informazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' arranġamenti ta' pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva potenzjali b'dimensjoni transkonfinali (DAC6) għandu jkun aċċessibbli mhux biss għall-awtoritajiet tat-taxxa;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura r-reċiproċità fl-iskambju ta' informazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi li ma ffirmawx standards miftiehma internazzjonalment; jissottolinja l-ħtieġa ta' sanzjonijiet effikaċi kontra istituzzjonijiet finanzjarji li jkollhom klijenti Ewropej u li jkunu naqsu milli jikkonformaw mal-istandards għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni; iqis li għandu jiddaħħal mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim f'tali proposta sabiex jiġu solvuti kunflitti potenzjali bejn l-UE u pajjiżi terzi; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu sabiex tiġi introdotta taxxa minn ras il-għajn jew miżuri b'effett simili biex jiġi evitat li l-profitti jħallu l-Ewropa mingħajr ma jiġu intaxxati;

80.  Iqis li l-entitajiet obbligati li jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa jeħtieġilhom ikunu l-istess bħal dawk elenkati fid-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus, u b'mod partikolari:

   (1) l-istituzzjonijiet ta' kreditu;
   (2) l-istituzzjonijiet finanzjarji;
   (3) il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li ġejjin, fit-twettiq tal-attivitajiet professjonali tagħhom:
   (a) l-awdituri, il-kontabilisti esterni u l-assessuri tat-taxxa;
   (b) in-nutara u professjonisti legali indipendenti oħrajn, meta dawn jieħdu sehem, kemm f'isem klijent tagħhom kif ukoll għan-nom tagħhom, fi kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja jew ta' propjetà, jew billi jgħinu fl-ippjannar jew fl-eżekuzzjoni ta' tranżazzjonijiet għan-nom ta' klijent tagħhom dwar:
   (i) ix-xiri u l-bejgħ ta' proprjetà immobbli jew ta' entitajiet kummerċjali;
   (ii) il-ġestjoni ta' fondi, titoli jew assi oħra li jappartjenu lill-klijent;
   (iii) il-ftuħ jew il-ġestjoni ta' kontijiet bankarji ta' tfaddil jew ta' titoli;
   (iv) l-organizzazzjoni tal-kontributi meħtieġa biex joħolqu, joperaw jew jiġġestixxu impriżi;
   (v) il-kostituzzjoni, l-operat jew il-ġestjoni ta' trusts, ta' kumpaniji, ta' fondazzjonijiet jew ta' strutturi simili;
   (c) il-fornituri ta' servizzi ta' trust jew servizzi korporattivi li mhumiex koperti diġà skont il-punti (a) jew (b);
   (d) l-aġenti tal-propjetà;
   (e) persuni oħrajn li jinnegozjaw f'beni unikament b'mod li l-pagamenti jsiru jew jiġu rċevuti fi flus kontanti u f'ammonti ta' EUR 10 000 jew aktar, kemm jekk fi tranżazzjoni waħda kif ukoll f'sensiela ta' tranżazzjonijiet li jkun jidher li hemm rabta bejniethom;
   (f) il-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard;

3.Il-ħasil tal-flus

3.1.Il-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus

81.  Jenfasizza li d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus għandhom ikunu implimentati b'mod effikaċi u konsistenti mill-Istati Membri; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw l-infurzar xieraq tal-liġi; jitlob li l-Kummissjoni ssaħħaħ u tipprovdi riżorsi adegwati għas-sistemi ta' monitoraġġ eżistenti; jitlob li l-Kummissjoni talloka aktar riżorsi lit-taskforce tagħha sabiex jiġu evitati r-reati finanzjarji;

82.  Jenfasizza li l-qafas legali tal-4AMLD jipprojbixxi bis-sħiħ l-ishma tal-portatur anonimi li, sakemm ma jkunux debitament reġistrati, irriżultaw li huma għodda utli għall-ħolqien ta' skemi internazzjonali għall-ħasil tal-flus; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw korrettament il-4AMLD, li daħlet fis-seħħ fis-26 ta' Ġunju 2017; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni tibda proċeduri ta' ksur kontra Stati Membri għal nuqqas ta' konformità mal-liġi tal-Unjoni muri mill-Panama Papers u skandli oħrajn li nkixfu;

84.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li r-reġistri aċċessibbli pubblikament tas-sidien benefiċjarji ta' kumpaniji, fundazzjonijiet, trusts u arranġamenti legali simili jiġu aġġornati, standarizzati u interkonnessi b'mod regolari sabiex jimpedixxu l-anonimità tas-sidien benefiċjarji aħħarin (UBOs); jappella li jitbaxxa l-limitu minimu attwali għall-parteċipazzjoni azzjonarja fid-definizzjoni ta' sid benefiċjarju; huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom ikunu minn ta' quddiem fil-promozzjoni tal-istandards ta' trasparenza dwar is-sjieda benefiċjarja aħħarija fil-fora internazzjonali;

85.  Jissottolinja t-talba magħmula mir-rappreżentanti tal Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) Franċiżi fil-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa li permezz tagħha, f'konformità mar-rakkomandazzjoni GAFI 26 dwar is-superviżjoni finanzjarja, għandu jkun espressament provdut fil-livell tal-UE li l-applikazzjoni ta' superviżjoni mill-awtorità superviżorja kompetenti tista' tasal sal-entità prinċipali tal-grupp;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja l-ħolqien ta' reġistri tal-artijiet pubblikament aċċessibbli;

87.  Jappella l-identifikazzjoni ta' sjieda benefiċjarja li tinkludi l-persuni fiżiċi kollha li huma s-sid jew li għandhom il-kontroll finali ta' entità ġuridika, minbarra kumpanija elenkata f'suq regolat li hija soġġetta għal rekwiżiti ta' żvelar konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew soġġetta għal standards internazzjonali ekwivalenti li jiżguraw it-trasparenza adegwata tal-informazzjoni tas-sjieda, permezz ta' sjieda diretta jew indiretta ta' mill-anqas sehem wieħed jew unità minima ekwivalenti ta' interess f'dik l-entità, inklużi permezz tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji ta' portatur, jew permezz ta' kontroll b'mezzi oħra;

88.  Josserva li l-flus illeċiti depożitati permezz tat-tifdija ta' dawn it-tranżazzjonijiet jinbidlu f'fondi leġittimi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet leġittimi; iħeġġeġ għaldaqstant il-ħtieġa li r-regoli kontra l-ħasil tal-flus jiġu estiżi għas-suq immobiljari bl-għan li jipprevjenu fenomeni illegali ġodda;

89.  Jissottolinja l-ħtieġa li jittejjeb l-infurzar tal-verifiki tad-diliġenza dovuta tal-klijent biex jiġi żgurat li tkun twettqet valutazzjoni xierqa tar-riskji marbuta mal-profil tal-klijent; jenfasizza li anke meta l-obbligu tad-diliġenza dovuta tal-klijent ikun esternalizzat, huwa għandu dejjem jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-entitajiet obbligati; jitlob li din ir-responsabbiltà tkun ċara u li jiġu previsti sanzjonijiet f'każ ta' negliġenza jew ta' kunflitti ta' interess f'każijiet ta' esternalizzazzjoni; jemmen barra minn hekk li, fl-ambitu tal-entitajiet obbligati, għandhom jiġu inklużi, fost l-oħrajn, l-aġenti immobiljari biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet tad-diliġenza dovuta tal-klijent japplikaw indaqs għall-atturi regolati u dawk li attwalment mhumiex regolati; jappella li jkun hemm armonizzazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-klijenti fil-livell tal-UE, u b'hekk tingħata forma xierqa lil dawn il-proċeduri sabiex tkun iggarantita l-konformità tagħha;

90.  Jemmen li s-sanzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali għandhom ikunu aktar ħorox u ta' deterrent u li l-Istati Membri għandhom jużaw l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju meta jallokaw riżorsi biex jiġġieldu dawn il-prattiki illegali; jilqa' f'dan ir-rigward il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali; (COM(2016)0826) jistieden lill-Istati Membri jqisu l-possibilità li jipprojbixxu t-tranżazzjoni kriminali mingħajr sanzjonijiet f'każijiet ta' frodi fiskali serji ħafna; jinnota madankollu li, b'mod parallel, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżviluppaw inċentivi għal kull kategorija ta' entitajiet obbligati b'mod li jiskoraġġuhom milli jinvolvu rwieħhom f'tali attivitajiet u jneħħulhom il-possibilità li jieħdu vantaġġ minnhom; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu rieżami tal-perjodi ta' preskrizzjoni għall-ħasil tal-flus sabiex jiġi evitat li n-nuqqas ta' azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ma jwassalx għall-preskrizzjoni tar-reat;

91.  Jitlob li jiġi implimentat f'livell Ewropew mekkaniżmu ta' kontroll effikaċi, u li jitħaddem anki f'ġurisdizzjonijiet konnessi, minħabba li l-evalwazzjonijiet bejn il-pari tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja u l-evalwazzjonijiet reċiproċi regolari jistgħu faċilment jiġu sfrattati bil-kompliċità politika jew kompliċità ta' natura oħra;

92.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jintlaħaq qbil dwar fehim u definizzjoni komuni fil-livell tal-UE ta' Persuna Politikament Esposta;

93.  Jappella għal definizzjoni armonizzata ta' reati fiskali fil-livell tal-UE, u l-ħolqien ta' strument distint tal-liġi kriminali li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 83(2) TFUE jew, eventwalment, skont l-Artikolu 116 tat-TFUE jekk l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim biex jiġu eliminati d-distorsjonijiet fil-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq intern; jappella biex id-definizzjoni ta' reat sottostanti dwar il-ħasil tal-flus tiġi armonizzata fi ħdan l-UE u sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-eżenzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jirrifjutaw il-kollaborazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni tar-raba' u l-ħames Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus biex ir-reati fiskali jiġu separati mir-rekwiżit li jiġu kkastigati permezz ta' ċaħda tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni;

94.  Jinsab imħasseb dwar l-adozzjoni ta' programmi taċ-ċittadinanza għal residenti mhux tal-UE, l-hekk imsejħa ''golden visa'' jew il-programmi tal-investituri għal ċittadini ta' pajjiżi terzi talli jinvestu finanzjarjament mingħajr ma titwettaq l-ebda diliġenza dovuta tal-klijenti jew mingħajr ma ssir adegwatament; jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta l-konformità tal-Istati Membri mal-AMLD u leġiżlazzjoni relatata oħra tal-UE meta tingħata ċittadinanza skont programmi bħal dawn;

95.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqisu b'mod serju r-reviżjoni ambizzjuża tal-AMLD IV (COM(2016)0450), li l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Internivvotaw għaliha fit-28 ta' Frar 2017(12), u li biha jingħalqu ħafna mil-lakuni eżistenti u tissaħħaħ b'mod kunsiderevoli l-leġiżlazzjoni attwali kontra l-ħasil tal-flus billi, pereżempju, tiġi ppreċiżata d-definizzjoni ta' min huwa sid benefiċjarju, billi maniġers superjuri, diretturi nnominati u aġenti ta' prokura oħra ma jitħallewx jiġu identifikati bħala sidien benefiċjarji jekk ma jkunux jissodisfaw il-kriterji, billi jingħata aċċess pubbliku sħiħ għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji u t-trusts u billi jiġi implimentat mekkaniżmu ta' sanzjonijiet aktar effettiv għall-ksur tal-AMLD; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, għalhekk, biex ma jmewtux il-proposta b'saħħitha tal-Parlament waqt in-negozjati tat-trilogu li għaddejjin;

96.  Jappella biex tingħata aktar attenzjoni politika u regolatorja għar-riskji emerġenti relatati ma' teknoloġiji u prodotti finanzjarji ġodda, bħal strumenti derivattivi, swaps u muniti virtwali(13);

97.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li tuża l-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda, bħall-identitajiet diġitali uniċi, biex tiffaċilita l-identifikazzjoni ta' każijiet gravi ta' kriminalità finanzjarja, filwaqt li tiżgura li dan jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-privatezza;

98.  Jitlob valutazzjoni urġenti mill-Kummissjoni dwar l-implikazzjonijiet li l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard, il-muniti virtwali, il-kriptomuniti u t-teknoloġiji blockchain u finanzjarji (FinTech) jista' jkollhom fuq il-ħasil tal-flus u l-kriminalità fiskali; jitlob li l-Kummissjoni tqis ukoll miżuri possibbli, inkluża l-leġiżlazzjoni, biex toħloq qafas regolatorju għal dawk l-attivitajiet sabiex tillimita l-għodod għall-ħasil tal-flus;

99.  Iħeġġeġ biex l-assi ġġenerati minn attivitajiet kriminali jiġu kkonfiskati; jappella għal dan il-għan biex ir-regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska jiġi adottat malajr biex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tal-assi kriminali; jenfasizza li l-istrument legali propost mill-Kummissjoni se jippermetti kooperazzjoni aħjar u rikonoxximent aktar faċli ta' ordnijiet bħal dawn, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà;

100.  Jenfasizza li hemm bżonn ukoll li jittieħdu passi sabiex l-istrateġiji nazzjonali jiġu allinjati ma' dawk ta' aġenziji u korpi Ewropej bħall-Europol, il-Eurojust u l-OLAF; iħeġġeġ, bil-għan li din il-kollaborazzjoni tiġi ffaċilitata, li jitneħħew l-ostakli legali li jipprevjenu l-iskambji ta' informazzjoni;

101.   Jilqa' d-deċiżjoni riċenti mill-gvern tal-Portugall li jipprojbixxi l-ħruġ ta' ishma f'isem ħaddieħor u jibdel dawk attwali f'titoli nominattivi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni għall-UE kollha li jkollha l-istess effett;

102.   Jitlob li jkun hemm skrutinju ferm aktar strett mill-awtoritajiet kompetenti fil-valutazzjoni tal-idoneità u l-adegwatezza tal-membri tal-bord tat-tmexxija u tal-azzjonisti tal-istituzzjonijiet ta' kreditu fl-UE; jemmen li jridu jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu sorveljanza kontinwa tal-kriterji ta' valutazzjoni kemm tal-azzjonisti kif ukoll tal-membri tal-bord tat-tmexxija, li, attwalment, jagħmluha diffiċli ħafna li l-approvazzjoni tiġi rrevokata ladarba tkun ingħatat; jemmen ukoll li l-iskedi ta' żmien u l-flessibbiltà biex issir oġġezzjoni għal akkwisti għandhom jitwessgħu, b'mod partikolari meta dan ikun meħtieġ biex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom stess dwar informazzjoni pprovduta b'rabta ma' avvenimenti f'pajjiżi terzi u b'rabta ma' persuni esposti politikament;

3.2.L-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIUs)

103.  Jemmen li, jekk jiġu armonizzati l-istatus u l-funzjonament tal-FIUs Ewropej, l-iskambju ta' informazzjoni jissaħħaħ; jitlob li l-Kummissjoni tniedi proġett fil-pjattaforma tal-FIU biex tidentifika s-sorsi ta' informazzjoni li l-FIUs għandhom aċċess għalihom bħalissa; jitlob li l-Kummissjoni toħroġ gwida dwar kif tiġi żgurata konverġenza akbar ta' funzjonijiet u setgħat tal-FIUs Ewropej, filwaqt li tidentifika ambitu u kontenuti minimi komuni ta' informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u tal-infurzar tal-liġi li l-FIUs għandhom jiksbu u jkunu jistgħu jiskambjaw bejniethom; jemmen li tali gwida għandha tinkludi wkoll spjegazzjonijiet għal fehim komuni tal-funzjonijiet ta' analiżi strateġika tal-FIUs;

104.  Jemmen li, biex isiru aktar effiċjenti, l-FIUs Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess dirett u mingħajr limitu għall-informazzjoni kollha mingħand l-entitajiet marbuta b'obbligu u r-reġistri dwar il-funzjonijiet tagħhom; l-FIUs għandhom ikunu jistgħu jiksbu tali informazzjoni abbażi ta' talba mingħand FIU oħra tal-Unjoni u li jiskambjaw din l-informazzjoni mal-FIU li qed tagħmel it-talba;

105.  Jissuġġerixxi lill-Istati Membri biex, meta jimplimentaw l-AMLD, ineħħu r-rekwiżit li l-FIUs jiksbu awtorizzazzjoni minn parti terza biex jaqsmu l-informazzjoni ma' FIU oħra għal skopijiet ta' intelligence, sabiex jitrawwem l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-FIUs; jitlob li l-Kummissjoni toħroġ gwida dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali fl-AMLD, speċjalment dwar il-ħtieġa li tiġi skambjata informazzjoni "spontanjament u mingħajr dewmien" ma' FIUs oħra;

106.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal komunikazzjoni aktar effikaċi bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti fil-livell nazzjonali, iżda anke bejn l-FIUs fi Stati Membri differenti; jitlob li l-Kummissjoni twaqqaf sistema tal-UE li tistabbilixxi l-parametri ta' riferiment, bħala għodda għall-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni li tkun trid tinġabar u tiġi skambjata u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-FIUs; jindika li dan għandu jinkludi t-tisħiħ tal-FIU.net taħt il-Europol, iżda anke tal-Europol innifsu, speċjalment biex tinsilet informazzjoni u statistika dwar il-flussi ta' informazzjoni, l-attivitajiet u l-eżitu tal-analiżi mwettqa mill-FIUs, u anke tal-kompetenzi u r-riżorsi tal-Eurojust biex tindirizza l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa; jistieden barra minn hekk lill-Istati Membri jżidu r-riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi fl-FIUs biex jitqawwew il-kapaċitajiet ta' investigazzjoni u ta' kooperazzjoni tagħhom, bl-għan li jiġu pproċessati n-numru akbar ta' rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi (STRs) u jsir użu minnhom;

107.  Jinnota li l-limitazzjoni tal-iskop tal-użu tal-informazzjoni skambjata mill-FIUs għandha tiġi riveduta u unifikata fil-livell tal-UE u fil-livell globali, sabiex l-informazzjoni tkun tista' tintuża biex tittratta r-reati fiskali u għal skopijiet ta' evidenza;

108.  Jinsisti li hemm bżonn li l-ħatriet għall-karigi maniġerjali fl-FIUs ikunu indipendenti u ħielsa minn preġudizzji politiċi, ikunu bbażati fuq kwalifiki professjonali u li l-proċess tal-għażla jkun trasparenti u sorveljat; jisħaq fuq il-ħtieġa għal regoli komuni dwar l-indipendenza tal-istituzzjonijiet inkarigati biex jinfurzaw ir-regoli dwar il-frodi fiskali u l-ħasil tal-flus, kif ukoll il-ħtieġa għall-indipendenza sħiħa tal-korpi tal-infurzar tal-liġi fis-segwitu li jingħata għar-rapporti tal-FIUs;

109.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk dan l-obbligu huwiex qed jiġi rispettat kif xieraq fl-Istati Membri kollha;

110.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-AMLD V b'rabta mal-ħolqien ta' FIU Ewropea u l-ħtieġa li tiġi żgurata sistema effikaċi u koordinata għall-iskambju ta' informazzjoni, kif ukoll bażijiet ta' data ċentralizzati; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-FIUs tal-Istati Membri, b'mod partikolari f'każijiet transkonfinali;

111.  Jinsisti dwar il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti m'għandhomx jistennew sakemm ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-użu dejjem jiżdied tat-teknoloġiji diġitali mill-konsulenti tat-taxxa u mill-kontribwenti tat-taxxa; jemmen li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżviluppaw kif xieraq l-għodda u l-kapaċitajiet tal-investigazzjoni tagħhom stess; jemmen li dan jista' joffri opportunitajiet ġodda għall-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjoni rikorrenti tal-allokazzjoni tar-riżorsi jew biex titjieb il-kooperazzjoni bejniethom;

4.L-intermedjarji

112.  Jiddispjaċih li attwalment l-intermedjarji mhumiex regolati b'mod omoġenju madwar l-UE; jistieden lill-Kunsill jeżamina u jadotta malajr il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-iskambju obbligatorju awtomatiku ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni b'rabta ma' arranġamenti (COM(2017)0335) transkonfinali rapportabbli, bl-għan li jitqawwew l-obbligi tal-intermedjarji fir-rigward tar-rappurtar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-benefiċċji potenzjali li jirriżultaw mill-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva għal każijiet purament domestiċi;

113.  Jissottolinja l-ħtieġa li din il-proposta telimina l-lakuni li potenzjalment jippermettu pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, billi tfassal regoli ġodda għal intermedjarji involuti fi prattiki bħal dawn;

114.  Jinnota li l-amministrazzjoni tal-ġid fil-biċċa l-kbira għadha mhijiex regolata, u li jkun tajjeb li jiġu stabbiliti regoli u standards vinkolanti fil-livell internazzjonali b'mod li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u li din il-professjoni tiġi regolata u definita aħjar; jitlob li l-Kummissjoni f'dan il-kuntest tieħu l-inizjattiva fil-forums internazzjonali rilevanti kollha biex jinħolqu standards u regoli ta' dan it-tip;

115.  Jirrikonoxxi li s-superviżjoni għandha titwettaq fil-kuntest tal-organizzazzjoni u r-regolazzjoni proprji; jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni mmirata tal-UE, inkluża l-possibilità li titfassal leġiżlazzjoni, tiżgura s-sorveljanza adegwata tar-regolazzjoni proprja tal-entitajiet marbuta b'obbligu, jiġifieri permezz ta' regolatur/superviżur nazzjonali separat u indipendenti;

116.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-Istati Membri u s-superviżuri, toħroġ gwida biex tistandardizza l-formati ta' rappurtar għall-entitajiet marbuta b'obbligu sabiex jitħaffef l-ipproċessar u l-iskambju ta' informazzjoni mill-FIUs;

117.  Jappella biex l-intermedjarji fil-qasam tat-taxxa jiġu regolati permezz ta' inċentivi biex joqogħdu lura milli jinvolvu rwieħhom fl-evażjoni tat-taxxa u fl-evitar tat-taxxa u li s-sidien benefiċjarji jiġu protetti;

118.  Jenfasizza, jekk l-intermedjarju jkun ibbażat barra l-UE, li l-kontribwent ikkonċernat għandu jkun meħtieġ jibgħat il-pjanijiet tat-taxxa potenzjalment aggressivi tiegħu direttament, qabel dawk il-pjanijiet jiddaħħlu fis-seħħ, lill-awtoritajiet tat-taxxa fil-pajjiż ta' dak il-kontribwent, sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jirreaġixxu għal riskji rigward it-taxxa billi jieħdu l-passi xierqa;

119.  Jemmen li regoli aktar rigorużi dwar ir-rwol tal-intermedjarji jibbenefikaw lill-industrija kollha peress li l-intermedjarji sinċieri ma jibqgħux fi żvantaġġ minħabba kompetizzjoni inġusta, u b'hekk dawk b'intenzjonijiet tajbin jintgħarfu minn dawk ħżiena;

120.  Jappella għal sanzjonijiet aktar effiċjenti, dissważivi u proporzjonati, kemm fil-livell tal-UE u kemm f'dak tal-Istati Membri, kontra dawk il-banek u l-intermedjarji li konxjament, intenzjonalment u sistematikament ikunu involuti f'arranġamenti ta' tassazzjoni illegali jew tal-ħasil tal-flus; jenfasizza li s-sanzjonijiet għandhom ikunu mmirati lejn il-kumpaniji nfushom kif ukoll lejn l-impjegati fil-livelli maniġerjali u l-membri tal-bordijiet responsabbli għall-iskemi; jenfasizza l-importanza ta' penali sostanzjali, u jemmen li l-użu ta' skreditar pubbliku għal każijiet konfermati jista' jiskoraġġixxi lill-intermedjarji milli jaħarbu mill-obbligi tagħhom u jinkoraġġixxi l-konformità;

121.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-setturi l-aktar esposti għal riskji minn skemi ta' sjieda benefiċjarja mhux ċari (kif identifikati fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus) ikunu mmonitorjati u ssorveljati b'mod effikaċi; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu gwida dwar il-fatturi ta' riskju li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li jinvolvu l-konsulenti tat-taxxa, l-awdituri, il-kontabilisti esterni, in-nutara u professjonisti legali indipendenti oħra;

122.  Jappella biex jiġu infurzati aħjar ir-regoli relatati mal-ħasil tal-flus u l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, u biex dan ikollu effett dissważiv billi jingħata aktar viżibilità pubblika, b'mod partikolari permezz ta' titjib fl-istatistika pubblika dwar il-miżuri ta' infurzar li jinvolvu lil dawk il-professjonisti li jipprovdu servizzi ta' konsulenza fil-qasam tat-taxxa u l-ħasil tal-flus;

123.  Jissottolinja l-ħtieġa għal skrutinju, superviżjoni u koordinazzjoni akbar tal-iskemi ta' ċertfikazzjoni nazzjonali għall-intermedjarji li jipprattikaw ta' professjonisti tat-taxxa fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jirtiraw il-liċenzji f'każ li jiġi ppruvat li l-intermedjarji jippromwovu jew jippermettu b'mod attiv l-evażjoni tat-taxxa, il-pjanifikazzjoni fiskali illegali u l-ħasil tal-flus fuq bażi transkonfinali;

124.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonformawx mal-proċeduri ta' liċenzjar tal-intermedjarji diġà previsti fid-dritt tal-Unjoni, eżempju fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali IV;

125.  Jappella lill-professjoni tadotta metodoloġija biex b'hekk il-kunfidenzjalità professjonali tal-avukati ma tostakolax STRs adegwati jew ir-rappurtar ta' attivitajiet potenzjalment illegali oħra, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet garantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji ġenerali tal-liġi kriminali, jew biex titjieb il-metodoloġija eżistenti b'mod li jkun hemm l-istess effett;

126.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu diżinċentivi għall-intermedjarji bbażati fl-UE b'tali mod li jiskoraġġuhom milli joperaw f'ġurisdizzjonijiet elenkati fil-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx u fil-lista tal-UE ta' pajjiżi b'nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi AML/CFT tagħhom, pereżempju billi jeskluduhom mis-sejħiet tal-akkwist pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar il-possibbiltà li l-intermedjarji bbażati fl-UE ma jitħallewx joperaw fil-ġurisdizzjonijiet li jidhru fil-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx u fil-lista tal-UE ta' pajjiżi b'nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi AML/CFT tagħhom;

127.  Jisħaq li, bil-ħsieb li tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali, ir-rekwiżiti fl-oqsma tal-awditjar u tal-kontabilità għandhom jiġu kkoordinati fil-livell globali, b'mod li d-ditti tal-kontabilità u tal-awditjar jiġu skoraġġuti milli jipparteċipaw fi strutturi tat-taxxa illegali; jemmen, f'dan ir-rigward, li implimentazzjoni aħjar tal-istandards internazzjonali tal-kontabilità għandha titqies bħala għodda effiċjenti;

4.1.Il-banek

128.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu sistemi tar-reġistri tal-kontijiet bankarji jew sistemi għall-irkupru tad-data elettronika, kif rakkomandat fl-AMLD IV, li jipprovdu lill-FIUs u lill-awtoritajiet kompetenti b'aċċess għal informazzjoni dwar kontijiet bankarji; jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata l-istandardizzazzjoni u l-interkonnessjoni tar-reġistri tal-kontijiet bankarji nazzjonali fil-kontijiet kollha li jkunu marbuta ma' persuni ġuridiċi jew fiżiċi, bl-iskop li l-awtoritajiet kompetenti u l-FIUs ikollhom aċċess faċli għalihom;

129.  Jirrakkomanda li tali reġistru tal-kontijiet għandu jirreġistra u jippublika statistika dwar tranżazzjonijiet ma' rifuġji fiskali u ma' pajjiżi li huma ta' riskju għoli, u jissepara l-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet ta' partijiet relatati minn dawk ta' partijiet mhux relatati, u għal kull Stat Membru:

130.  Jirrikonoxxi li l-banek instabu li kienu involuti f'erba' attivitajiet wesgħin, jiġifieri li jipprovdu u jġestu strutturi offshore, li jagħtu kontijiet bankarji lill-entitajiet offshore, li jipprovdu prodotti finanzjarji oħra u servizzi bankarji b'korrispondenza(14); jenfasizza l-importanza li l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi bankarji b'korrispondenza tkun aktar ċara u stretta rigward ir-rimessa ta' fondi lejn ġurisdizzjonijiet offshore u li ma jikkooperawx, bl-obbligu li jitwaqqfu l-attivitajiet jekk ma tiġix ipprovduta informazzjoni benefiċjarja;

131.  Jitlob l-applikazzjoni rigoruża ta' pieni effikaċi fuq il-banek, li jinkludu s-sospensjoni jew l-irtirar tal-liċenzja bankarja tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jkun ippruvat li huma involuti fil-promozzjoni jew il-faċilitazzjoni tal-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa jew il-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

132.  Jissottolinja l-importanza ta' koordinazzjoni aħjar bejn is-sedi bankarji u s-sussidjarji, kemm fi ħdan l-UE u kemm ma' pajjiżi terzi, b'mod li tiġi żgurata l-konformità sħiħa mal-kodiċijiet ta' kondotta interni u mal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus;

133.  Jenfasizza li, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli kontra l-ħasil tal-flus fil-banek kollha, il-verifiki fil-qasam tas-superviżjoni bankarja nazzjonali għandhom ikunu sistematiċi u għal għarrieda;

134.  Jappella biex il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) jingħataw aktar setgħat biex iwettqu verifiki regolari tal-konformità (kemm avżati minn qabel kif ukoll għal għarrieda) fis-settur bankarju tal-UE kollu kemm hu, minflok is-sistema attwali ta' verifiki li jsiru biss meta jkun qiegħed jiġi investigat każ speċifiku jew ikun sar pubbliku;

135.  Jitlob li ssir analiżi tal-fattibilità li l-awtoritajiet ta' superviżjoni jingħataw is-setgħa jwettqu investigazzjoni bankarja f'sitwazzjonijiet fejn detentur ta' kont mhux magħruf b'ismu;

136.  Jilqa' l-analiżi eżistenti tar-riskji u l-vulnerabilitajiet tas-sistema finanzjarja tal-UE; jissottolinja l-importanza li jiġu identifikati teknoloġiji u prodotti finanzjarji ġodda li potenzjalment jistgħu jintużaw bħala mezz biex jitwettaq ħasil tal-flus; jappella, abbażi ta' din l-analiżi, biex jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus fi kwalunkwe proposta ġdida li tindirizza tali teknoloġiji ġodda, inkluża t-teknoloġija finanzjarja (FinTech);

137.  Jappella biex jinħoloq ġurament tal-bankiera, bħall-mudell Netherlandiż, fil-forma ta' impenn volontarju tas-settur li ma jaħdimx ma' rifuġji fiskali;

4.2.L-avukati

138.  Jirrimarka li s-segretezza professjonali ma tistax tintuża għall-finijiet tal-protezzjoni, biex jinħbew prattiċi illegali jew biex wieħed jikser l-ispirtu tal-liġi; iħeġġeġ sabiex il-prinċipju tal-privileġġ bejn il-klijent u l-avukat ma jostakolax STRs jew rappurtar adegwati ta' attivitajiet potenzjalment illegali oħra, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet garantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji ġenerali tal-liġi kriminali; jistieden lill-Istati Membri joħorġu gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-privileġġ legali għall-professjonisti, u jintroduċu linja ta' demarkazzjoni ċara bejn pariri ġudizzjarji tradizzjonali u avukati li jaġixxu bħala operaturi finanzjarji;

139.  Jenfasizza li l-avukati li jwettqu attività li taqa' barra mid-dmirijiet speċifiċi tagħhom ta' difiża, rappreżentanza legali jew konsulenza legali jistgħu, taħt ċerti ċirkustanzi relatati mal-ħarsien tal-ordni pubbliku, ikunu meħtieġa jinfurmaw lill-awtoritajiet dwar ċerta informazzjoni li huma jkunu jafu dwarha;

140.  Jissottolinja l-fatt li l-avukati li jipprovdu servizzi ta' konsulenza lill-klijenti għandhom jinżammu legalment responsabbli b'mod konġunt meta jfasslu pjanijiet tal-evażjoni tat-taxxa u pjanijiet tat-taxxa aggressivi kkastigati mil-liġi u skemi tal-ħasil tal-flus; jindika li meta jieħdu sehem fil-frodi, huma għandhom ikunu sistematikament responsabbli kemm għal sanzjonijiet penali kif ukoll għal miżuri ta' dixxiplina;

4.3.Il-kontabilità

141.  Jisħaq li, bil-ħsieb li tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali, ikun aħjar li r-rekwiżiti fl-oqsma tal-awditjar u tal-kontabilità jiġu kkoordinati fil-livell globali, filwaqt li jiġu rispettati standards Ewropej ta' leġittimità demokratika, trasparenza, responsabilità u integrità, b'mod li d-ditti tal-kontabilità u tal-awditjar kif ukoll il-konsulenti individwali jiġu skoraġġuti milli jfasslu strutturi tal-evażjoni tat-taxxa, pjanifikazzjoni fiskali aggressiva jew tal-ħasil tal-flus; jappella sabiex jiġi infurzat b'mod adegwat il-Pakkett tal-Awditjar(15) adottat reċentement u li l-Kumitat ta' Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar (CEAOB) ikun il-qafas il-ġdid għall-kooperazzjoni bejn il-korpi ta' sorveljanza tal-awditjar nazzjonali fil-livell tal-UE, bil-għan li tissaħħaħ is-sorveljanza tal-awditjar madwar l-UE; jemmen f'dan ir-rigward li implimentazzjoni aħjar tal-istandards internazzjonali tal-kontabilità għandha titqies bħala għodda effiċjenti biex jiġu rispettati l-istandards ta' trasparenza u responsabbiltà tal-UE;

142.  Jinnota li d-definizzjoni eżistenti tal-UE tal-kontroll meħtieġ sabiex jinħoloq grupp ta' kumpaniji għandha tapplika għad-ditti tal-kontabilità li huma membri ta' netwerk ta' ditti assoċjati minn arranġamenti kuntrattwali legalment infurzabbli li jipprevedu l-użu tal-istess isem jew kummerċjalizzazzjoni, standards professjonali, klijenti, servizzi ta' appoġġ, finanzi jew arranġamenti ta' kopertura tal-assigurazzjoni ta' indennizz professjonali, kif antiċipat mid-Direttiva 2013/34/UE(16) dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali;

143.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar is-separazzjoni ta' ditti tal-kontabilità u fornituri tas-servizzi finanzjarji jew tat-taxxa kif ukoll dwar is-servizzi ta' konsulenza kollha, inkluż reġim ta' inkompatibilità tal-Unjoni għall-konsulenti tat-taxxa, sabiex ma jitħallewx jagħtu konsulenzi lill-awtoritajiet tat-taxxa pubblika u l-kontribwenti u biex jevitaw kunflitti ta' interess oħrajn;

4.4.Trusts, fiduċjarji u arranġamenti legali simili

144.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu ħażin tat-trusts, il-fiduċjarji u arranġamenti legali simili bħala mezzi biex isir ħasil tal-flus; jappella għaldaqstant għal regoli ċari li jiffaċilitaw identifikazzjoni sempliċi tas-sid benefiċjarju/sidien benefiċjarji, inkluż obbligu li t-trusts jeżistu bil-miktub u jkunu rreġistrati fl-Istat Membru fejn inħolqu, huma amministrati jew joperaw;

145.  Jappella biex ir-reġistri standardizzati, aġġornati regolarment, pubblikament aċċessibbli u interkonnessi fil-livell tal-UE tas-sjieda benefiċjarja, dwar il-partijiet kollha ta' trusts kummerċjali u mhux kummerċjali, fiduċjarji, fondazzjonijiet u arranġamenti legali simili jkunu jiffurmaw il-bażi għal reġistru globali;

146.  Jenfasizza li ir-reġistru tat-trusts tal-UE għandu jinkludi:

   (a) it-trustees, inklużi l-ismijiet, l-indirizzi u l-ismijiet u l-indirizzi ta' dawk kollha li t-trustees jaġixxu fuq l-istruzzjonijiet tagħhom;
   (b) il-kuntratt tat-trust;
   (c) l-ittri tax-xewqat (letters of wishes) kollha;
   (d) l-isem u l-indirizz tas-settlor;
   (e) l-isem ta' kwalunkwe awtorità ta' infurzar u l-istruzzjonijiet li jkollha;
   (f) il-kontijiet annwali tat-trust;
   (g) id-dettalji tad-distribuzzjonijiet u l-allokazzjonijiet kollha tat-trusts, bl-ismijiet u l-indirizzi tal-benefiċjarji kollha;
   (h) l-intermedjarji deżinjati, inklużi l-ismijiet u l-indirizzi tagħhom;

147.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'liema mod il-portijiet franki u l-ħruġ ta' liċenzji għall-bastimenti jistgħu jintużaw ħażin għal skopijiet ta' evażjoni tat-taxxa u, jekk ikun xieraq, tressaq proposta adegwata biex jitnaqqsu dawn ir-riskji;

5.Id-dimensjoni tal-pajjiżi terzi

148.  Jissottolinja l-ħtieġa, taħt l-awspiċji tan-NU, ta' kooperazzjoni globali mtejba dwar kwistjonijiet tat-tassazzjoni u tal-ħasil tal-flus, minħabba n-natura internazzjonali tagħhom; jenfasizza li reazzjonijiet kooperattivi, koordinati u globali biss se jipprovdu soluzzjonijiet effiċjenti, u jitlob li l-UE tkun forza li taħdem lejn sistema ta' tassazzjoni globali ġusta; jenfasizza li kwalunkwe azzjoni tal-UE fil-livell internazzjonali sejra tkun effikaċi u kredibbli biss jekk l-ebda Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew (OCT) ma jaġixxi bħala rifuġju fiskali tal-kumpaniji jew ġurisdizzjoni ta' segretezza;

149.  Jinnota bi tħassib il-korrelazzjoni għolja bejn l-għadd ta' kumpaniji tal-isem u deċiżjonijiet tat-taxxa u ċerti ġurisdizzjonijiet tat-taxxa u Stati Membri tal-UE; jilqa' b'sodisfazzjon l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE dwar id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa tagħhom; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, li ċerti Stati Membri jew ċerti territorji tagħhom ta' "rifuġju fiskali" joħorġu "deċiżjonijiet tat-taxxa orali" biex iduru ma' dan l-obbligu; jitlob li l-Kummissjoni tinvestiga din il-prattika aktar fil-fond;

150.  Jenfasizza li l-UE għandha terġa' tinnegozja l-ftehimiet bilaterali kummerċjali, ekonomiċi u oħrajn rilevanti mal-Iżvizzera biex ikunu konformi mal-politika tal-UE kontra l-frodi tat-taxxa, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament tat-terroriżmu, sabiex jiġu eliminati n-nuqqasijiet serji fis-sistema superviżorja Żvizzera li jippermettu t-tkomplija ta' politika bbażata fuq is-segretezza bankarja interna, il-ħolqien ta' strutturi offshore fid-dinja kollha, il-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa li ma tikkostitwixxix reat kriminali, superviżjoni dgħajfa, l-awtoregolamentazzjoni inadegwata tal-entitajiet marbuta b'obbligu, kif ukoll prosekuzzjoni aggressiva u intimidazzjoni fil-konfront tal-informaturi;

151.  Jemmen li, meta tkun qed tinnegozja ftehimiet dwar it-taxxa mal-pajjiżi terzi, l-UE għandha titkellem b'vuċi waħda permezz tal-Kummissjoni minflok ma tkompli bil-prattika ta' negozjati bilaterali li jipproduċu riżultati subottimali; jemmen li l-UE għandha tadotta l-istess approċċ meta, fil-ġejjieni, tkun qed tinnegozja ftehimiet ta' kummerċ ħieles, ta' sħubija u ta' kooperazzjoni, billi tinkludi klawżoli ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, rekwiżiti ta' trasparenza, u dispożizzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus;

152.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħu d-dispożizzjonijiet tal-BKKTK kontra l-evitar tat-taxxa biex jiġi eliminat l-ipprezzar ta' trasferimenti għal ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi, li jwassal għal tnaqqis fil-bażi taxxabbli ta' kumpaniji fl-Unjoni;

153.  Iqis, b'mod partikolari, li meta jiġu nnegozjati ftehimiet kummerċjali jew ta' sħubija futuri, jew meta tkun qed issir reviżjoni ta' ftehimiet eżistenti, dawn għandu jkun fihom klawżola vinkolanti ta' kundizzjonalità tat-taxxa, inkluża konformità mal-istandards internazzjonali fil-pjan ta' Azzjoni tal-BEPS tal-OECD, u r-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF;

154.  Jitlob li l-kapitoli dwar "Investimenti" jew "Servizzi Finanzjarji" fi tehimiet futuri ta' kummerċ jew ta' sħubija iġu nnegozjati fuq il-bażi tal-prinċipju ta' listi pożittivi, b'tali mod li jkunu biss is-setturi finanzjarji meħtieġa għall-iżvilupp kummerċjali, l-ekonomija reali u l-familji li jibbenefikaw mill-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni li joħorġu mill-ftehim bejn l-Unjoni u l-parti terza kkonċernata;

155.  Jappella għal miżuri qawwija ta' infurzar fil-ftehimiet internazzjonali kollha dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni adegwata min-naħa tal-ġurisdizzjonijiet kollha u biex, f'każ ta' nuqqas ta' implimentazzjoni, ikunu japplikaw proċeduri awtomatiċi effikaċi, dissważivi u proporzjonati dwar sanzjonijiet;

156.  Jissottolinja l-importanza ta' reċiproċità effikaċi sħiħa fil-qafas tal-Att dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (FATCA0 u ftehimiet simili oħra;

157.  Jistieden lill-Istati Membri rilevanti jużaw l-opportunità tar-relazzjonijiet diretti li jkollhom mal-pajjiżi rilevanti biex jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex jitfgħu pressjoni fuq il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej1 (OCTs)(17) u r-reġjuni ultraperiferiċi tagħhom(18) li ma jirrispettawx l-istandards internazzjonali dwar il-kooperazzjoni fiskali, it-trasparenza u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus; huwa tal-fehma li f'dawn it-territorji r-rekwiżiti tat-trasparenza u d-diliġenza dovuta tal-UE għandhom jiġu infurzati bmod effikaċi;

158.  Jenfasizza l-importanza ta' definizzjonijiet ċari ta' "ġurisdizzjoni offshore", "pajjiż extra-Ewropew" u "reġjun ultraperiferiku" (OR), peress li kull wieħed minn dawn it-termini huwa relatat ma' ordinamenti ġuridiċi, prattiki u reġimi differenti; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda kull forma ta' frodi u evażjoni tat-taxxa, irrispettivament minn fejn isseħħ; jinnota li r-reġimi attwali fir-reġjuni ultraperiferiċi japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u jirrispettaw l-istandards internazzjonali u tal-Unjoni, bis-saħħa tal-istatus speċjali tagħhom stabbilit fl-Artikolu 349 tat-TFUE u kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fid-deċiżjoni tagħha fil-kawża C132/14(19);

159.  Jemmen li l-użu ħażin ta' liġijiet tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-data ma jistgħux jintużaw biex jipproteġu lil min ikun involut fl-abbiż mill-forza sħiħa tal-liġi;

160.  Jappella għal Summit Globali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa biex itemm is-segretezza fis-settur finanzjarju, iqawwi l-kooperazzjoni internazzjonali, u jeżerċita pressjoni fuq il-pajjiżi kollha, b'mod partikolari fuq iċ-ċentri finanzjarji tagħhom, biex jikkonformaw mal-istandards globali, u jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tieħu l-inizjattiva għal summit ta' dan it-tip;

161.  Jitlob li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-kost u l-benefiċċji globali u tal-impatt potenzjali ta' livelli għoljin ta' tassazzjoni fuq ir-ripatrijazzjoni ta' kapital minn pajjiżi terzi li japplikaw tassazzjoni baxxa; jitlob li l-Kummissjoni u l-Kunsill jivvalutaw ir-regoli dwar il-ħlas differit tat-taxxa fl-Istati Uniti, l-amnestija fiskali potenzjali mħabbra mill-amministrazzjoni l-ġdida u l-imminar possibbli tal-kooperazzjoni internazzjonali;

162.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm skambju bilaterali aħjar ta' informazzjoni bejn il-pajjiżi terzi u l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE;

163.  Ifakkar li l-ammont ta' għajnuna b'appoġġ għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi għadu baxx ħafna, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u żżid l-assistenza finanzjarja u teknika lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali tagħhom, f'konformità mal-impenji tal-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa;

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw

164.  Jitlob li l-UE tqis il-karatteristiċi ġuridiċi speċifiċi u l-vulnerabilitajiet korrispondenti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, pereżempju n-nuqqas ta' kapaċitajiet disponibbli għall-awtoritajiet li huma inkarigati li jiġġieldu kontra l-frodi, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus; jenfasizza l-ħtieġa ta' perjodi tranżitorji adegwati għal pajjiżi li qed jiżviluppaw li m'għandhomx il-kapaċità jiġbru, jimmaniġġjaw u jaqsmu l-informazzjoni meħtieġa fil-kuntest tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni;

165.  Jenfasizza l-fatt li, meta jkunu qed jitfasslu azzjonijiet u politiki maħsuba biex jindirizzaw l-evitar tat-taxxa, għandha tingħata attenzjoni speċifika fil-livell nazzjonali, internazzjonali u tal-UE lis-sitwazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u, partikolarment, tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, li normalment huma dawk li jintlaqtu l-aktar mill-evitar tat-taxxa korporattiva u li għandhom bażijiet ta' taxxa ristretti ħafna u proporzjonijiet baxxi ta' taxxa/PDG; jenfasizza li tali azzjonijiet u politiki għandhom jikkontribwixxu biex jiġġeneraw dħul pubbliku proporzjonat mal-valur miżjud iġġenerat fit-territorju tagħhom, hekk li l-pajjiżi kkonċernati jkunu jistgħu jiffinanzjaw l-istrateġiji ta' żvilupp tagħhom b'mod adegwat;

166.  Jitlob li l-Kummissjoni taħdem mal-Unjoni Afrikana sabiex jiġi żgurat li l-miżuri għall-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illegali jkunu enfasizzati fil-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni;

167.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp f'dan il-qasam, u jtenni l-appell tiegħu għal analiżi tal-effetti kollaterali tal-politiki tat-taxxa nazzjonali u tal-UE sabiex jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'rabta ma' trattati tat-taxxa u ftehimiet ta' sħubija ekonomika maqbula (EPAs);

168.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw kif jixraq li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħataw trattament ġust fin-negozjar ta' trattati dwar it-taxxa, fil-qies tas-sitwazzjoni partikolari tagħhom u b'mod li jiżgura distribuzzjoni ġusta tad-drittijiet tat-taxxa bejn il-pajjiżi sors u l-pajjiżi ta' residenza; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm konformità mal-mudell ta' konvenzjoni tat-taxxa tan-NU u li tiġi żgurata t-trasparenza fin-negozjati tat-trattati;

169.  Jappella biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħataw aktar appoġġ internazzjonali biex jiġġieldu l-korruzzjoni u s-segretezza li jiffaċilitaw il-flussi finanzjarji illeċiti (IFFs); jenfasizza li l-ġlieda kontra l-IFFs tirrikjedi kooperazzjoni internazzjonali mill-qrib u sforzi kkoordinati bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, fi sħubija mas-settur privat u mas-soċjetà ċivili; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa u li t-trasferiment tal-għarfien lejn il-pajjiżi sħab jingħata spinta;

170.  Jitlob li l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp tiġi indirizzata aktar lejn l-implimentazzjoni ta' qafas regolatorju xieraq u li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-istituzzjonijiet responsabbli għall-ġlieda kontra l-IFFs jiġu msaħħa; jitlob li din l-għajnuna tingħata fl-għamla ta' għarfien espert tekniku dwar il-ġestjoni tar-riżorsi, l-informazzjoni finanzjarja u r-regoli kontra l-korruzzjoni;

171.  Jiddispjaċih li l-kumitat attwali tal-OECD għat-tassazzjoni mhuwiex inklużiv biżżejjed; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament(20) dwar il-ħolqien ta' korp dinji fi ħdan il-qafas tan-NU, li jkun mgħammar sew u jkollu riżorsi addizzjonali suffiċjenti biex jiżgura li l-pajjiżi kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fuq l-istess livell fit-tfassil u fir-riforma ta' politiki tat-taxxa globali;

172.  Jiddispjaċih li, sabiex ma jiġux ittimbrati bħala ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom iħallsu biex jitqiesu bħala parteċipanti fil-Forum Globali tal-OECD dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa, fejn il-pajjiżi jkunu soġġetti għal evalwazzjoni tal-prattiki tagħhom skont parametri li huma ma jkunux ipparteċipaw bis-sħiħ fid-definizzjoni tagħhom;

173.  Jisħaq fuq ir-rwol essenzjali li l-organizzazzjonijiet reġjonali u l-kooperazzjoni reġjonali jrid ikollhom fit-twettiq ta' awditi tat-taxxa transnazzjonali, fil-qies tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' komplementarjetà; jappella għall-iżvilupp konġunt ta' mudell ta' konvenzjoni tat-taxxa li jgħin biex jelimina t-tassazzjoni doppja u b'hekk jevita l-abbużi; jirrimarka li l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn id-diversi servizzi ta' informazzjoni jkunu essenzjali għal dak l-iskop;

174.  Jirrimarka li r-rifuġji fiskali jeqirdu r-riżorsi naturali dinjija, b'mod partikolari dawk tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lill-UE tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-attivitajiet kriminali, il-frodi tat-taxxa u l-ħasil tal-flus; jitlob li l-Kummissjoni tgħin lil dawn il-pajjiżi, permezz tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, sabiex jiġu miġġielda l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti lejn ir-rifuġji fiskali u l-banek li jipprattikaw is-segretezza bankarja; jenfasizza li dawn il-pajjiżi kollha jeħtiġilhom jirrispettaw l-istandards globali li jirregolaw l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji;

175.  Jitlob li l-Kummissjoni, fil-ftehim futur dwar ir-relazzjonijiet UE-AKP wara l-2020, tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-ħasil tal-flus;

176.  Jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi, mingħajr dewmien, miżuri addizzjonali sabiex issaħħaħ id-dritt tal-UE dwar il-minerali ta' kunflitt; jenfasizza li dawn il-miżuri jridu jistabbilixxu approċċ integrat li se jsaħħaħ id-djalogu li għaddej mal-pajjiżi li għandhom ħafna minerali, u b'hekk jippromwovu l-istandards internazzjonali ta' diliġenza dovuta u trasparenza, bħal dawk definiti fil-linji gwida tal-OECD;

177.  Huwa tal-fehma li l-komunità internazzjonali, inklużi l-parlamenti, għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jistabbilixxu politiki effikaċi u trasparenti dwar it-taxxa u l-kummerċ; jappella għal aktar koerenza u koordinazzjoni aħjar fl-azzjoni internazzjonali meħuda mill-OECD, il-G20, il-G8, il-G77, l-Unjoni Afrikana, il-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB);

6.L-informaturi

178.  Jibża' li l-prosekuzzjoni tal-informaturi biex tinżamm is-segretezza tista' tiskoraġġixxi l-iżvelar ta' prattiki ħżiena; jissottolinja li l-protezzjoni għandha tkun maħsuba biex tipproteġi lil min jaġixxi fl-interess pubbliku u li għandha tevita li ssikket l-informaturi, filwaqt li tqis ukoll id-drittijiet legali tal-kumpaniji;

179.  Jitlob li l-Kummissjoni tiffinalizza, mill-aktar fis possibbli, valutazzjoni eżawrjenti tal-bażi ġuridika possibbli għal azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE u li, jekk dan ikun f'loku, mill-aktar fis tressaq leġiżlazzjoni komprensiva li tkopri kemm lis-settur pubbliku, kif ukoll lil dak privat, inklużi għodod li jappoġġjaw lill-informaturi, biex tiżgura li dawn jingħataw protezzjoni effikaċi u assistenza finanzjarja adegwata; isostni li l-informaturi għandhom ikunu ħielsa li jirrappurtaw b'mod anonimu, jew li jressqu lmenti, bħala kwistjoni ta' prijorità, lill-mekkaniżmi ta' rappurtar interni tal-organizzazzjoni kkonċernata jew lill-awtoritajiet kompetenti, u li, barra minn hekk, għandhom jiġu protetti, irrispettivament mill-mezz ta' rappurtar li jagħżlu;

180.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistudja l-aħjar prattiki mill-programmi tal-informaturi li diġà huma stabbiliti f'pajjiżi oħra madwar id-dinja, u twettaq konsultazzjoni pubblika biex tfittex il-fehma tal-partijiet interessati dwar mekkaniżmi ta' rappurtar;

181.  Jisħaq fuq ir-rwol tal-ġurnaliżmu investigattiv u jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-proposta tagħha toffri l-istess protezzjoni lill-ġurnalisti investigattivi bħalma toffri lill-informaturi;

182.  Jemmen li min iħaddem għandu jitħeġġeġ jintroduċi proċeduri għar-rappurtar intern, u li fi ħdan kull organizzazzjoni għandha tinħatar persuna waħda li tkun responsabbli milli tiġbor ir-rapporti; iqis li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom ikunu involuti fl-allokazzjoni ta' dak ir-rwol; jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu l-eżempju billi jistabbilixxu malajr qafas intern għall-protezzjoni tal-informaturi;

183.  Jissottolinja l-importanza li l-impjegati u individwi oħra jiġu sensibilizzati rigward ir-rwol pożittiv li jaqdu l-informaturi u dwar l-oqfsa ġuridiċi li diġà jeżistu fl-ambitu tal-protezzjoni tal-informaturi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni; jemmen li jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri protettivi kontra kwalunkwe prattika ta' tpattija u ta' destabilizzazzjoni fil-konfront tal-informaturi, kif ukoll kumpens sħiħ għal kull dannu li jġarrbu;

184.  Jitlob li l-Kummissjoni tfassal strumenti li jiffukaw fuq l-għoti ta' protezzjoni kontra prosekuzzjonijiet, sanzjonijiet ekonomiċi u diskriminazzjoni mhux ġustifikati fil-konfront tal-informaturi, u jitlob, f'dan il-kuntest, li jiġi stabbilit fond ġenerali, iffinanzjat parzjalment minn flus irkuprati jew minn dħul minn multi, biex jagħti appoġġ finanzjarju adegwat lill-informaturi li l-għajxien tagħhom ikun f'riskju minħabba li jkunu żvelaw fatti rilevanti;

7.Il-kooperazzjoni interistituzzjonali

7.1.Il-Kooperazzjoni mal-Kumitat ta' Inkjesta għall-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (PANA);

185.  Itenni l-importanza li jiġi rrispettat il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-UE;

186.  Jemmen li l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE għandu jissaħħaħ, b'mod partikolari rigward il-forniment ta' informazzjoni rilevanti li tkun trid titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kumitati ta' inkjesta;

187.  Jiddispjaċih li l-Kunsill, il-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tiegħu dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi u xi Stati Membri ftit li xejn urew impenn fil-konfront tat-talbiet għal kooperazzjoni li sarulhom mill-Kumitat PANA; jemmen li huwa kruċjali li l-Istati Membri juru impenn aktar qawwi biex jiġmgħu l-isforzi tagħhom u jiksbu riżultati aħjar; jirrisolvi li jimmonitorja l-attivitajiet u l-progress tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi permezz ta' seduti ta' smigħ regolari; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva skont l-Artikolu 116 TFUE sa nofs l-2018, jekk l-Istati Membri jkunu għadhom ma adottawx riforma tal-mandat tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta sa dak iż-żmien;

188.  Jesprimi l-oġġezzjoni tiegħu għall-fatt li anke dokumenti li issa saru pubbliċi tqiegħdu biss parzjalment għad-dispożizzjoni tal-kumitat ta' inkjesta tiegħu;

189.  Ifakkar li, f'Diċembru 2015, il-Kunsill ECOFIN stieden lill-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar it-Tassazzjoni biex jikkonkludi dwar il-ħtieġa ta' tisħiħ tal-governanza, it-trasparenza u l-metodi ta' ħidma ġenerali u jiffinalizza r-riforma tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta matul il-Presidenza Netherlandiża; ifakkar li, f'Marzu 2016, il-Kunsill ECOFIN stieden lill-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli jirrieżamina l-governanza, it-trasparenza u l-metodi ta' ħidma ġodda, speċjalment dwar l-effiċjenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet anke bi rbit mal-użu tar-regola ta' kunsens ġenerali fl-2017; jistenna b'interess ir-riżultati ta' dawn l-isforzi;

7.2.Id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew

190.  Jenfasizza li l-qafas ġuridiku attwali għall-funzjonament tal-kumitati ta' inkjesta fil-Parlament Ewropew mhuwiex aġġornat u ma jirnexxilux jipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-Parlament ikun jista' jeżerċita d-dritt ta' inkjesta tiegħu b'mod effikaċi;

191.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' setgħat u l-aċċess limitat għad-dokumenti xekklu u dewmu l-ħidma tal-inkjesta b'mod sinifikanti minħabba n-natura temporanja tal-investigazzjoni tiegħu, u pprekludew il-possibilità li ssir valutazzjoni kompluta tal-allegat ksur tad-dritt tal-UE;

192.  Jinnota li f'diversi kumitati ta' inkjesta u kumitati speċjali reċenti (inkluż il-Kumitat PANA), il-Kummissjoni u l-Kunsill f'xi każijiet naqsu milli jipprovdu d-dokumenti mitluba, u f'każijiet oħra pprovdew id-dokumenti mitluba biss wara dewmien twil; jitlob li jiġi introdott mekkaniżmu obbligu ta' rendikont li jiżgura t-trasferiment immedjat u garantit lill-Parlament ta' dokumenti li l-kumitat ta' inkjesta jew il-kumitat speċjali jkun talabhom u li jkun intitolat li jaċċedi għalihom;

193.  Iqis li d-dritt għall-inkjesta huwa kompetenza fundamentali tal-Parlament; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jqawwu d-drittijiet ta' inkjesta tal-Parlament abbażi tal-Artikolu 226 tat-Trattat; jesprimi l-opinjoni soda tiegħu li, biex jiffunzjonaw kif suppost, huwa essenzjali li l-kumitati ta' inkjesta parlamentari jkunu jistgħu jħarrku lil persuni ta' interess biex jidhru quddiemhom u jkollhom aċċess għal dokumenti rilevanti;

194.  Jenfasizza li huwa indispensabbli, għall-eżerċizzju tal-kontroll demokratiku fuq l-eżekuttiv, li l-Parlament jingħata setgħat ta' investigazzjoni li jaqblu ma' dawk tal-parlamenti nazzjonali tal-UE; jemmen li sabiex jeżerċita dan ir-rwol ta' sorveljanza demokratika, il-Parlament irid ikollu s-setgħa li jsejjaħ u jġiegħel lix-xhieda biex jidhru u li jġiegħel il-preżentazzjoni ta' dokumenti; jemmen li, sabiex dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati, l-Istati Membri jeħtiġilhom jaqblu li jimplimentaw sanzjonijiet kontra individwi talli jonqsu milli jidhru jew milli jippreżentaw dokumenti f'konformità mad-dritt nazzjonali li jirregola l-inkjesti parlamentari nazzjonali; itenni l-appoġġ tal-Parlament għall-pożizzjoni deskritta fir-rapport tal-2012 dwar din il-kwistjoni(21);

195.  Jirrisolvi li jistabbilixxi Kumitat ta' inkjesta permanenti, fuq il-mudell tal-Kungress tal-Istati Uniti;

196.  Jistieden lill-gruppi politiċi tal-Parlament jiddeċiedu dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali temporanju matul it-terminu parlamentari preżenti biex ikompli l-ħidma tal-Kumitat PANA u jinvestiga r-rivelazzjonijiet reċenti tal-Paradise Papers;

197.  Jitlob li, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura adegwata oħra, skont l-Artikolu 116a(3) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, is-Segretarju Ġenerali jirtira l-badges ta' aċċess fuq perjodu twil minn kwalunkwe impriża li tkun irrifjutat li tirrispetta konvokazzjoni uffiċjali biex tidher quddiem Kumitat ta' inkjesta;

198.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu b'urġenza t-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-effikaċja tal-metodi ta' ħidma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta;

199.  Jitlob lill-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta jipproduċi rapport annwali li jidentifika u jiddeskrivi l-aktar miżuri ta' tassazzjoni dannużi li jintużaw fl-Istati Membri, u jiddikjara x'kontromiżuri ttieħdu;

200.  Jitlob li tiġi ffinalizzata r-riforma neċessarja tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi, b'mod li tiżgura trasparenza sħiħa u l-involviment tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u tas-soċjetà ċivili; jitlob li dik ir-riforma tiddefinixxi mill-ġdid b'mod radikali l-istruttura tal-governanza u t-trasparenza tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, inkluż il-mandat u r-regoli ta' proċedura, kif ukoll il-proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu u l-kriterji biex jiġu identifikati l-miżuri fiskali dannużi adottati mill-Istati Membri;

7.3.L-istituzzjonijiet l-oħra

201.  Jilqa', bħala l-ewwel pass, it-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(EPPO) wieħed u indipendenti, u jistieden lill-Istati Mmebri kollha jissieħbu fl-inizjattiva;

202.  Jitlob li l-Kummissjoni jkollha setgħat ta' infurzar aktar qawwija biex tiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti u konsistenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-Istati Membri, u jitlob skrutinju aktar b'saħħtu min-naħa tal-Parlament Ewropew;

203.  Jitlob li fi ħdan il-Kummissjoni jinħoloq Ċentru tal-Unjoni ġdid għall-Koerenza u l-Koordinament tal-Politika tat-Tassazzjoni (TPCCC), li jindirizza d-dgħufijiet fil-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti fl-UE kollha kemm hi;

204.  Jappella biex titqawwa b'mod sinifikanti l-kooperazzjoni fi ħdan l-FIU.net fil-qafas tal-Europol, u jissuġġerixxi li l-attivitajiet jiġu kkollegati mat-TPCCC propost bit-tama li jinħoloq ''Europol għat-Taxxa'' li jkun kapaċi kemm jikkoordina l-politiki fiskali tal-Istati Membri, kif ukoll iqawwi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jinvestigaw u jiżvelaw arranġamenti ta' tassazzjoni illegali fil-livell internazzjonali;

205.  Jistieden lill-Istati Membri, fil-mument ta' riforma tat-Trattati, jappoġġaw l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika fiskali permezz ta' maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, u fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

o
o   o

206.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni u r-rapport finali tal-kumitat ta' inkjesta lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1.
(2) ĠU L 166, 24.6.2016, p. 10.
(3) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 51.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0310.
(5) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 74.
(6) Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).
(7) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni; Testi adottati, Rakkomandazzjoni A4.
(8) Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE, (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).
(9) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni; Testi adottati, Rakkomandazzjoni B5.
(10) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
(11) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni;; Rakkomandazzjoni C3.
(12) Ara r-rapport A8-0056/2017.
(13) Seduta ta' smigħ tal-Kumitat PANA ma' Brooke Harrington u esperti oħra tal-24 ta' Jannar 2017.
(14) ''Panama Papers: Breaking the Story of How the World’s Rich and Powerful Hide their Money'', Obermayer u Obermaier, 2016.
(15) Id-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 196) u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).
(16) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(17) Greenland, New Caledonia u d-Dipendenzi, il-Polineżja Franċiża, it-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u Antartiċi, il-Gżejjer Wallis u Futuna, Mayotte, Saint Pierre u Miquelon, Aruba, l-Antilli Netherlandiżi (Bonaire, Curacao, Saba, Sint Eustatius, Sint Maarten), Anguilla, il-Gżejjer Cayman, il-Gżejjer Falkland, il-Georgia tan-Nofsinhar u l-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar, Montserrat, Pitcairn, Saint Helena u d-Dipendenzi, it-Territorju Brittaniku tal-Antartika, it-Territorju Brittaniku tal-Oċean Indjan, il-Gżejjer Turks u Caicos, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi u Bermuda.
(18) Reġjuni ultraperiferiċi: il-Gżejjer Kanarji, La Réunion, il-Guyana Franċiża, Martinique, Guadeloupe, Mayotte, Saint Martin, l-Azores u Madeira.
(19) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:62014CJ0132&from=MT
(20) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2016 dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (Testi adottati, P8_TA(2016)0310).
(21) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 41.


Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni
PDF 428kWORD 70k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (2017/2123(INI))
P8_TA(2017)0492A8-0351/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, u tat-22 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-25 ta' Novembru 2013, tat-18 ta' Novembru 2014, tat-18 ta' Mejju 2015, tas-27 ta' Ġunju 2016, tal-14 ta' Novembru 2016 u tat-18 ta' Mejju 2017, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija Globali tal-UE tas-17 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra d-19-il laqgħa tal-Kunsill Ministerjali Franko-Ġermaniż f'Pariġi fit-13 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa informali tal-ministri tad-difiża, u l-laqgħa informali tal-ministri tal-affarijiet barranin (Gymnich) f'Tallinn bejn is-6 u d-9 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tad-Difiża fit-30 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar "L-istrutturi militari tal-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti futuri"(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea ta' Difiża(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (ibbażat fuq ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni)(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar "L-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibbiltajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona"(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2018(7),

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea), ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Implementation Plan on Security and Defence" (Pjan ta' Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża) ippreżentat mill-VP/RGħ fl-14 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-8 ta' Lulju 2016 mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, il-ġabra komuni ta' proposti approvati min-NATO u mill-Kunsilli tal-UE tas-6 ta' Diċembru 2016 u r-rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tiegħu adottat fl-14 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Bratislava tas-16 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-pakkett tad-difiża l-ġdid ippreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017 fl-istqarrija għall-istampa "A Europe that defends: Commission opens debate on moving towards a Security and Defence Union" (Ewropa li tiddefendi: Il-Kummissjoni tiftaħ dibattitu dwar il-mixja lejn Unjoni ta' Sigurtà u Difiża),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea tas-7 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Eurobarometer 85.1 ta' Ġunju 2016, li skontu nofs iċ-ċittadini tal-UE mistħarrġa jqisu insuffiċjenti l-azzjoni tal-UE, u żewġ terzi minnhom jixtiequ jaraw parteċipazzjoni akbar tal-UE permezz ta' impenn mill-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża,

–  wara li kkunsidra l-kunċett ta' ġestjoni tal-kriżijiet tal-Kunsill għal missjoni ċivili ġdida tal-PSDK fl-Iraq tas-17 ta' Lulju 2017 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1425 tal-4 ta' Awwissu 2017 dwar azzjoni ta' stabilizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-reġjuni Maljani ta' Mopti u Segou,

–  wara li kkunsidra l-Politika tal-UE dwar it-Taħriġ għall-PSDK, adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin fit-3 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2017 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda għall-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE (L-Azzjoni Preparatorja tal-Unjoni fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża),

–  wara li kkunsidra n-Notifika dwar Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) tat-13 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-10 ta' Novembru 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-Titjib tal-Mobilità Militari tal-Unjoni Ewropea (JOIN(2017)0041),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0351/2017),

L-ambjent strateġiku tal-Unjoni

1.  Jissottolinja li l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-valuri difiżi mid-demokraziji tal-Punent, kif ukoll il-paċi, il-prosperità u l-libertajiet garantiti minn dan l-ordni ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija u li jikkorrispondu għall-pedamenti li fuqhom hi mibnija l-Unjoni Ewropea, qegħdin jiffaċċjaw numru ta' sfidi mingħajr preċedent, konvenzjonali u ibridi, hekk kif ix-xejriet soċjetali, ekonomiċi, teknoloġiċi u ġeopolitiċi jindikaw vulnerabbiltà dejjem akbar tal-popolazzjoni dinjija għal xokkijiet u stress - bħal kunflitti bejn l-istati, diżastri naturali, avvenimenti estremi ta' temp, kriżijiet tal-ilma, kollass tal-istat u attakki ċibernetiċi - li kollha jitolbu approċċ magħqud u koordinat; ifakkar li s-sigurtà hi ta' tħassib ewlieni għaċ-ċittadini Ewropej; jiddikjara li l-azzjoni esterna tal-Unjoni hija ggwidata mill-valuri u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE;

2.  Jisħaq li l-ebda Stat Membru waħdu ma jista' jindirizza kwalunkwe waħda mill-isfidi kumplessi ta' sigurtà li qegħdin niffaċċjaw illum, u sabiex l-UE tkun tista' tirrispondi għal dawn l-isfidi interni u esterni hija għandha bżonn li żżid l-isforzi tagħha lejn kooperazzjoni konkreta u qawwija fil-kuntest tal-PESK/PSDK, tkun attur globali effettiv, li jimplika l-użu ta' vuċi waħda u ħidma konġunta, kif ukoll l-iffukar tar-riżorsi tagħha fuq il-prijoritajiet strateġiċi; huwa tal-fehma li hemm bżonn li jiġu trattati l-kawżi ewlenin ta' instabbiltà, li huma l-faqar u l-inugwaljanza dejjem akbar, il-governanza ħażina, il-kollass tal-istat u t-tibdil fil-klima;

3.  Jiddeplora l-fatt li l-organizzazzjonijiet terroristiċi u kriminali transnazzjonali qegħdin iżidu s-saħħa u d-daqs tagħhom, potenzjalment iffaċilitati bit-telfa tal-ISIS/Da'esh u l-fatt li l-ġellieda qegħdin jaħarbu, filwaqt li l-instabbiltà qiegħda fl-istess ħin tinfirex fir-reġjuni tan-nofsinhar u fil-Lvant Nofsani, hekk kif stati fraġli u li qegħdin jiddiżintegraw, bħal-Libja, qegħdin iċedu spazji kbar mhux iggvernati li huma vulnerabbli għall-forzi esterni; jesprimi t-tħassib kontinwu tiegħu dwar id-dimensjoni transnazzjonali tat-theddida terroristika fir-reġjun tas-Saħel; jiddeplora bil-qawwa li l-attivitajiet nukleari u b'rabta mal-missili ballistiċi kontinwi tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea ħolqu żieda fit-tensjoni fir-reġjun u lil hinn minnu, u qegħdin joħolqu theddida ċara għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

4.  Jenfasizza li lejn il-Lvant, għadha għaddejja l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-ftehimiet ta' Minsk, li mingħajrhom ma tista' tinstab l-ebda soluzzjoni għall-kunflitt, ma ġewx implimentati u l-annessjoni u l-militarizzazzjoni illegali tal-Krimea, kif ukoll l-impożizzjoni tas-sistemi ta' ċaħda ta' aċċess u ta' ċaħda ta' żoni għadhom għaddejjin; jinsab imħasseb ħafna li l-eżerċizzji u l-attivitajiet militari eċċessivi tar-Russja, mingħajr osservaturi internazzjonali, b'tattiċi ibridi, inkluż iċ-ċiberterroriżmu, l-aħbarijiet foloz u l-kampanji ta' diżinformazzjoni, ir-rikatti ekonomiċi u tal-enerġija qegħdin jiddestabbilizzaw il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-Balkani tal-Punent, u qegħdin jintlaqtu wkoll id-demokraziji tal-Punent, b'konsegwenza ta' tensjonijiet dejjem akbar fi ħdanhom; jinsab imħasseb dwar il-fatt li fis-snin li ġejjin l-ambjent tas-sigurtà madwar l-UE se jibqa' volatili ħafna; itenni l-importanza strateġika tal-Balkani tal-Punent għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-UE, kif ukoll il-bżonn li l-impenn politiku tal-UE lejn ir-reġjun jiġi ffokat u msaħħaħ, inkluż bit-tisħiħ tal-mandat tal-missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK); jinsab fermament konvint li sabiex tingħeleb il-vulnerabbiltà tal-UE, hemm bżonn ta' integrazzjoni u ta' koordinament akbar;

5.  Jiddeplora t-theddida terroristika li qed tinfirex malajr kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll lil hinn mill-konfini tagħha; iqis li r-risposta mhux kompluta fil-livell militari inevitabbilment se twassal għal theddid ta' sigurtà interna dejjem akbar; jappella b'urġenza għal patt Ewropew kontra l-Ġiħadisti li jista' jittratta dan it-theddida b'mod effettiv;

6.  Jemmen li llum il-ġurnata t-terroriżmu jirrappreżenta waħda mill-isfidi ewlenin għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, u jirrikjedi azzjoni malajr, deċiża u koordinata, kemm fil-livell intern kif ukoll estern, sabiex jiġu evitati aktar attakki terroristiċi u jiġu miġġielda l-kawżi ewlenin tiegħu; jindika, b'mod partikolari, il-bżonn li tiġi evitata r-radikalizzazzjoni, biex jiġi mblukkat kwalunkwe sors ta' riżorsi finanzjarji għall-organizzazzjonijiet terroristiċi, biex tiġi trattata l-propaganda terrorista u jiġi mblukkat l-użu tal-internet u tan-netwerks soċjali għal dan il-għan, inkluż permezz ta' servizz awtonomu ta' tneħħija, u biex jitjieb il-qsim tal-intelligence bejn l-Istati Membri, kif ukoll ma' pajjiżi terzi, in-NATO u organizzazzjonijiet sħab oħrajn rilevanti; jemmen li l-mandat tal-missjonijiet tal-PSDK għandu jinkludi l-ġlieda kontra t-terroriżmu sabiex konsegwentement jikkontribwixxi aktar għall-programmi ta' deradikalizzazzjoni, partikolarment il-EULEX fil-Kosovo u l-EUFOR ALTHEA fil-Bożnja Ħerzegovina, pajjiżi li qegħdin jiffaċċjaw ir-ritorn minn barra ta' numru sinifikanti ta' ġellieda;

7.  Jinsab imħasseb ħafna dwar it-theddida terroristika dejjem aktar fatali fir-reġjun tas-Saħel kif ukoll fl-espansjoni tagħha fl-Afrika Ċentrali, u l-instabbiltà fil-Lvant (is-Sirja, l-Iraq, il-Palestina); jappella lill-VP/RGħ tiżgura li jingħata mandat eżekuttiv lill-missjonijiet tal-PSDK u biex tintervjeni b'mod deċiżiv u determinat;

8.  Jemmen li skont il-politika attwali ta' tkabbir tal-UE, proċess ta' adeżjoni kredibbli bbażat fuq kondizzjonalità estensiva u ġusta jibqa' għodda importanti għall-promozzjoni tas-sigurtà bit-tisħiħ tar-reżiljenza tal-pajjiżi fl-Ewropa tax-Xlokk;

9.  Jemmen li f'ambjent ta' sigurtà diffiċli, u f'mument li fih l-UE u n-NATO qegħdin jistinkaw biex iwessgħu u japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom, minħabba l-Brexit l-UE se titlef parti mill-kapaċità militari tagħha u possibilment mhux se tkun tista' tibbenefika aktar mill-għarfien espert tar-Renju Unit, u viċi-versa; jinnota li l-Brexit jagħti spinta ġdida lill-inizjattivi li ilhom imblukkati għal ħafna żmien, u jista' jiftaħ il-bibien għal proposti ġodda; jisħaq dwar l-importanza li tinżamm il-kooperazzjoni fid-difiża mill-qrib bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit, inkluż f'oqsma ta' kondiviżjoni ta' intelligence u kontroterroriżmu, iżda mhux limitat għalihom; iqis, li jekk ir-Renju Unit jitlob dan, huwa jkun jista' jipparteċipa f'missjonijiet tal-PSDK bħala parti mir-relazzjoni ta' kooperazzjoni għad-difiża l-ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit;

10.  Jilqa' l-impenn imġedded mill-Istati Uniti favur is-sigurtà Ewropea; jisħaq li l-UE tinsab impenjata bis-sħiħ lejn il-komunità transatlantika ta' valuri u interessi komuni; jinsab konvint fl-istess ħin li hemm bżonn ta' PESK responsabbli u kunfidenti, u li f'dan il-kuntest, l-UE għandha ssir attur kunfidenti fil-politika barranija;

Qafas istituzzjonali

11.  Jemmen bil-qawwa li fejn meħtieġ, l-UE għandha tieħu azzjoni deċiżiva biex tiddetermina l-futur tagħha, peress li s-sigurtà interna u esterna qegħdin kull ma jmur isiru aktar interkonnessi, u għaliex dan għandu impatt dirett fuq iċ-ċittadini Ewropej kollha; iwissi li n-nuqqas ta' approċċ komuni jista' jwassal għal azzjoni mhux koordinata u frammentata, li tippermetti duplikazzjonijiet multipli u ineffiċjenza u bħala riżultat, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jsiru aktar vulnerabbli; hu tal-opinjoni għalhekk li l-UE għandha tkun tista' taġixxi b'mod effettiv tul l-ispettru sħiħ ta' strumenti ta' sigurtà interna-esterna, sal-livell tal-Artikolu 43(1) TUE; jisħaq li t-tfassil ta' politika ta' difiża komuni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 42(2) tat-TUE għandu l-għan li jistabbilixxi difiża komuni u jipprovdi lill-Unjoni b'awtonomija strateġika li tippermettilha tippromwovi l-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u fid-dinja; jenfasizza l-benefiċċji prattiċi u finanzjarji ta' aktar integrazzjoni tal-kapaċitajiet ta' difiża Ewropej;

12.  Jissottolinja li l-UE teħtieġ tapplika l-firxa kollha ta' strumenti ta' politika disponibbli - minn setgħa ta' persważjoni u s-setgħa ta' koerċizzjoni u minn miżuri fuq il-perjodu qasir ta' żmien għal politiki fuq il-perjodu twil ta' żmien fl-oqsma ta' politika barranija klassika, li jkun jinkludi mhux biss l-isforzi bilaterali u multilaterali fid-diplomazija, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-istrumenti ċivili u ekonomiċi, l-appoġġ għall-emerġenza, il-prevenzjoni tal-kriżijiet u l-istrateġiji ta' wara l-kunflitt, iżda wkoll żamma ta' paċi u infurzar tal-paċi, ukoll bi qbil mal-mezzi ċivili u militari deskritti fl-Artikolu 43(1) TUE - sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi li qegħdin dejjem jikbru; jemmen li l-PSDK għandha tkun mibnija fuq il-prinċipju li s-sigurtà ma tistax tkun garantita bis-sempliċi affidament fuq l-assi militari; iqis li l-azzjonijiet ta' politika barranija tal-UE għandhom jinkludu evalwazzjoni tal-impatt tagħhom fuq l-interessi strateġiċi ffokati fuq in-nies tal-UE għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-bniedem u tad-drittijiet tal-bniedem, it-tisħiħ tad-dritt internazzjonali u l-promozzjoni tal-paċi sostenibbli; jissottolinja l-bżonn li s-SEAE jżid il-kapaċitajiet tiegħu biex jantiċipa aħjar il-kriżijiet u l-isfidi ta' kontrosigurtà malli jinqalgħu; jisħaq dwar il-bżonn għal interazzjoni aktar koerenti u koordinata aħjar bejn l-atturi militari, ċivili, tal-iżvilupp u umanitarji;

13.  Jilqa' l-progress viżibbli li sar fit-tfassil ta' difiża Ewropea aktar b'saħħitha sa mill-adozzjoni tal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea (EUGS) f'Ġunju 2016; jilqa' b'mod partikolari t-tnedija tal Fond Ewropew għad-Difiża (EDF), u ż-żieda proposta tal-Azzjoni Preparatorja għar-Riċerka ta' Difiża, u l-proposta leġiżlattiva għal Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP); jappella lill-Istati Membri biex iżidu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji futuri tagħhom għall-baġit tal-UE sabiex ikopru l-ispejjeż addizzjonali kollha mġarrba mill-UE b'rabta mal-EDF;

14.  Jilqa' l-adeżjoni tal-EFTA għall-azzjoni preparatorja dwar ir-riċerka fid-difiża u jilqa' b'mod partikolari l-kontribut Norveġiż ta' EUR 585 000 għall-2017; jesprimi x-xewqa tiegħu li n-Norveġja tista' tkompli tipparteċipa fil-programmi ffinanzjati mill-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet għad-difiża jew li jinsabu fil-mandat għad-difiża;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ sabiex iżommu lill-Parlament informat minnufih u bis-sħiħ f'kull stadju dwar kull konklużjoni u emendar ta' ftehimiet internazzjonali li għandhom implikazzjonijiet għad-difiża jew li jinsabu fil-mandat għad-difiża; iqis li kull kontribuzzjoni finanzjarja minn pajjiż terz għandha implikazzjonijiet baġitarji importanti għall-Unjoni, peress li pajjiż terż jista' jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'tali mod li jmur lil hinn mid-daqs tal-kontribuzzjoni tiegħu billi jinżammu l-liċenzji ta' esportazzjoni meħtieġa; jisħaq li meta pajjiżi terzi jikkontribwixxu għall-programmi ffinanzjati mill-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet għad-difiża jew li jinsabu fil-mandat tad-difiża, il-Parlament jistenna li l-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jevalwaw l-impatt ta' tali parteċipazzjoni fir-rigward tal-politiki u tal-interessi strateġiċi tal-Unjoni qabel ma ssir proposta, u biex jinformaw lill-Parlament dwar din l-evalwazzjoni;

16.  Jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni u numru dejjem akbar ta' Stati Membri impenjaw lilhom infushom biex iniedu l-Unjoni Ewropea tad-Difiża (EDU) u li hemm appoġġ qawwi għal dan fost iċ-ċittadini Ewropej; jisħaq li dan jikkorrispondi għad-domanda miċ-ċittadini tal-UE u mill-Parlament, partikolarment permezz ta' appelli numerużi espressi fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu; jenfasizza l-effiċjenza akbar u l-eliminazzjoni tad-duplikazzjoni u t-tnaqqis tal-ispejjeż, li se jiġu minn integrazzjoni Ewropea tad-difiża aktar b'saħħitha; jisħaq, madankollu, li t-tnedija ta' EDU reali tirrikjedi rieda u determinazzjoni politika kontinwa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal difiża Ewropea komuni u awtonoma, u biex jimmiraw li jiżguraw li l-baġits tad-difiża nazzjonali tagħhom ikunu jammontaw għal tal-inqas 2 % tal-PDG rispettivi tagħhom għal għaxar snin;

17.  Jinsab konvint li l-uniku mod biex tiżdied l-abbiltà tal-Unjoni biex twettaq il-kompiti militari tagħha huwa li żżid l-effiċjenza b'mod sinifikanti fir-rigward tal-aspetti kollha tal-proċess li jiġġenera kapaċitajiet militari; ifakkar li, meta mqabbla mal-Istati Uniti, l-UE-28 jonfqu 40 % fuq id-difiża iżda jirnexxilhom jiġġeneraw biss 15 % tal-kapaċitajiet li l-Istati Uniti jisiltu mill-proċess, u dan jindika problema serja ħafna ta' effiċjenza;

18.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni biex jaġixxu fuq it-talbiet tal-Parlament għal Ktieb l-Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża fil-kuntest tat-tħejjija tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss, kif mitlub fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-22 ta' Novembru 2016, tat-23 ta' Novembru 2016 u tas-16 ta' Marzu 2017; iqis li l-bini tal-Unjoni tad-Difiża, li tgħaqqad l-orjentazzjonijiet strateġiċi tagħha mal-kontribuzzjonijiet tal-UE għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet u t-tfassil tal-qafas istituzzjonali Ewropew għad-difiża huma elementi li jeħtieġ li jiġu sostnuti minn ftehim interistituzzjonali; jisħaq li bi sforz komprensiv u ta' fiduċja mill-partijiet interessati kollha hu possibbli li jiżdiedu l-ambitu u l-effiċjenza tal-infiq favur id-difiża; jappella li jiġi definit rwol b'saħħtu f'dan il-proċess għal pajjiżi newtrali bħall-Awstrija u l-Iżvezja, mingħajr ma jinxteħet dubju fuq in-newtralità tal-Istati Membri individwali;

19.  Jisħaq li, b'żieda mad-deskrizzjoni ta' ambjent strateġiku u ta' ambizzjonijiet strateġiċi, il-Ktieb l-Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża jinħtieġ li jidentifika, għall-QFP li jmiss, il-kapaċitajiet meħtieġa u disponibbli, kif ukoll in-nuqqasijiet ta' kapaċitajiet disponibbli fil-forma tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet tal-UE (CDP), u jinħtieġ li jiġi kkumplimentat b'deskrizzjoni wiesgħa tal-azzjonijiet previsti tal-Istat Membru u tal-Unjoni, skont il-QFP u fuq il-perjodu twil;

20.  Jilqa' r-rieda politika li ntweriet dan l-aħħar sabiex il-PSDK issir aktar effettiva; jappoġġa kull sforz intiż biex jinsilet il-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta' Lisbona biex il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tiffunzjona, u biex il-kapaċitajiet rilevanti jsiru operazzjonali għat-twettiq tal-kompiti tal-Artikolu 43(1) TUE disponibbli, permezz ta':

   (a) installazzjoni urġenti ta' fond ta' tnedija kif previst mit-Trattat sabiex jitħalla l-iskjerament rapidu tal-operazzjonijiet;
   (b) l-istabbiliment ta' kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) dwar dawk l-aspetti militari li huma neċessarji għall-implimentazzjoni tal-kompiti tal-PSDK bħall-unitajiet militari raggruppati b'mod permanenti;
   (c) ir-riforma tal-mekkaniżmu ta' finanzjament konġunt interattiv Athena, sabiex tiġi operazzjonalizzata s-solidarjetà bejn dawk l-Istati Membri li jistgħu jikkontribwixxu biss finanzjarjament u dawk li jistgħu jikkontribwixxu biss bi truppi għal operazzjonijiet tal-PSDK;
   (d) l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet, li għandhom isiru r-regola u mhux l-eċċezzjoni, u bil-mixja lejn l-implimentazzjoni ta' maġġoranza ta' 300 proposta ppreżentata fl-2011 mit-28 Kap tad-Difiża;
   (e) il-ġbir flimkien ta' riżorsi nazzjonali fir-rigward tar-riċerka, l-iżvilupp, l-akkwist, il-manteniment u t-taħriġ;
   (f) il-koordinament tal-ippjanar tad-difiża nazzjonali (Rieżami Annwali Kkoordinat dwar id-Difiża, CARD), kif ippjanat bħalissa;
   (g) it-tnedija ta' regoli komuni għaċ-ċertifikazzjoni militari u ta' politika komuni dwar is-sigurtà tal-provvista;
   (h) l-infurzar min-naħa tal-Kummissjoni, tar-regoli tas-suq intern f'konformità mad-Direttiva dwar l-Akkwist tad-Difiża tal-2009 fir-rigward ta' proġetti ta' akkwist ta' difiża nazzjonali;

21.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi programm speċifiku għar-riċerka fil-qasam tad-difiża, b'baġit dedikat u regoli proprji, fil-qafas tal-QFP li jmiss; jisħaq li l-Istati Membri jżidu r-riżorsi disponibbli għal dak il-programm, mingħajr ma jkun hemm interferenza ma' programmi ta' qafas eżistenti dwar il-finanzjament tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta' Lulju 2017; iġedded it-talbiet preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi parteċipazzjoni tal-Unjoni fi programmi dwar ir-riċerka fil-qasam tad-difiża u tal-iżvilupp imwettqa mill-Istati Membri, jew b'mod konġunt mal-industrija fejn xieraq, kif imsemmi fl-Artikoli 185 u 187 tat-TFUE;

22.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal EDIDP; jissottolinja li kwalunkwe azzjoni tal-Unjoni biex jiġu appoġġati, ikkoordinati jew issupplimentati l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-mandat ta' difiża jinħtieġ li jkollha l-għan li tikkontribwixxi għat-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni, kif imsemmi, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 2(4) tat-TFUE, u għalhekk li tkun tkopri l-iżvilupp komuni, l-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u ż-żamma, li twassal għal programmi ta' kooperazzjoni u għal grad ogħla ta' interoperabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-EDIDP bl-aktar mod wiesa' possibbli, u, b'mod partikolari, biex tħeġġeġ lill-SMEs biex jieħdu sehem fi proġetti konġunti u transkonfinali;

23.  Iqis li l-esportazzjonijiet mill-Istati Membri ta' armi, munizzjon u oġġetti u servizzi relatati mad-difiża jiffurmaw parti integrali tal-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE;

24.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, bi qbil mal-Artikolu 42(2) tat-TUE, iwettaq passi konkreti lejn l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-forzi armati Ewropej sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-persunal tal-forzi armati taħt il-kappa tal-EDU l-ġdida, bħala pass 'il quddiem lejn it-tfassil gradwali tal-politika tad-difiża komuni tal-UE;

25.  Jenfasizza li l-użu tal-possibilitajiet kollha pprovduti fit-Trattati se jtejjeb il-kompetittività u l-funzjonament tal-industrija tad-difiża fis-suq intern, jistimola aktar il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża permezz ta' inċentivi pożittivi, u jkollu fil-mira proġetti li l-Istati Membri ma jkunux kapaċi jwettqu, filwaqt li titnaqqas id-duplikazzjoni żejda u jiġi promoss użu aktar effiċjenti tal-flejjes pubbliċi; huwa tal-opinjoni li r-riżultati ta' tali programmi strateġiċi ta' kooperazzjoni għandhom potenzjal kbir bħala teknoloġiji b'użu doppju u, bħala tali, iġibu aktar valur miżjud lill-Istati Membri; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet Ewropej kif ukoll suq tad-difiża integrat;

26.  Jappella għall-istabbiliment ta' linji gwida preċiżi u vinkolanti li jipprovdu qafas definit tajjeb għall-attivazzjoni u l-implimentazzjoni futura tal-Artikolu 42(7) tat-TUE;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-VP/RGħ biex flimkien mal-Parlament Ewropew jipparteċipaw fi djalogu interistituzzjonali dwar it-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni; jenfasizza li skont il-QFP li jmiss jinħtieġ li jiġi stabbilit baġit tad-difiża tal-UE sħiħ u attrezzat għall-aspetti interni kollha tal-PSDK, u li jenħtieġ li tiġi żviluppata duttrina għall-implimentazzjoni tiegħu fi ħdan il-mandat tat-Trattat ta' Lisbona; jissottolinja l-bżonn għal reviżjoni tal-mekkaniżmu Athena sabiex titwessa' l-firxa ta' operazzjonijiet ikkunsidrati bħala spiża komuni u sabiex jingħata inċentiv għall-parteċipazzjoni f'missjonijiet u f'operazzjonijiet tal-PSDK;

28.  Jirrimarka li dan il-baġit tad-difiża l-ġdid se jkollu jiġi ffinanzjat permezz ta' riżorsi ġodda fil-QFP li jmiss;

29.  Jemmen li t-teħid ta' deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet tal-PSDK jista' jkun aktar demokratiku u trasparenti; jipproponi, għalhekk, li s-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża (SEDE) jinbidel f'kumitat parlamentari sħiħ u attrezzat, li jippermettilu jikseb setgħat ta' skrutinju u responsabbiltà akbar fuq il-PSDK u biex ikollu rwol prominenti fl-implimentazzjoni tagħha, b'mod partikolari billi jiskrutinizza l-atti legali li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà u d-difiża;

30.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' kooperazzjoni u kondiviżjoni ta' informazzjoni fost is-servizzi tas-sigurtà u tal-intelligence fl-Ewropa; jemmen li ż-żieda fil-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-intelligence tista' tgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jitlob, f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' sistema ta' intelligence Ewropea sħiħa u attrezzata;

Kooperazzjoni Strutturata Permanenti

31.  Jilqa' n-Notifika dwar Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u l-attivazzjoni prevista tagħha abbażi tar-rieda tal-Istati Membri li jwettqu impenji vinkolanti fi ħdan il-qafas tal-PSDK, biex b'hekk jimplimentaw PESCO ambizzjuża u inkużiva, u jitlob l-implimentazzjoni rapida tagħha mill-Kunsill; jissottolinja li l-inklużjoni mixtieqa tal-parteċipazzjoni ma tridx tikkomprometti la l-impenn sħiħ għall-PSDK u lanqas livell għoli ta' ambizzjoni fost l-Istati Membri parteċipanti; jindika l-ħtieġa li jiġu stabbiliti kriterji ċari għall-parteċipazzjoni, li tħalli lill-Istati Membri l-oħra l-għażla li jingħaqdu fi stadju aktar tard; jemmen li l-attivitajiet fi ħdan il-PESCO għandhom dejjem jiġu allinjati bis-sħiħ mal-PSDK;

32.  Jenfasizza li l-PESCO jinħtieġ li tiżviluppa fi ħdan il-qafas tal-UE u li jinħtieġ li tibbenefika minn appoġġ effettiv tal-Unjoni, b'rispett sħiħ tal-kompetenzi fid-difiża tal-Istati Membri; iġedded it-talba tiegħu biex jiġi pprovdut finanzjament xieraq tal-PESCO mill-baġit tal-Unjoni; iqis li l-parteċipazzjoni fl-aġenziji u fil-korpi kollha tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-PSDK, inkluż il-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD), jenħtieġ li ssir rekwiżit skont il-PESCO; itenni t-talba tiegħu biex is-Sistema ta' Grupp Tattiku tal-UE titqies bħala spiża komuni skont ir-reviżjoni tal-mekkaniżmu Athena;

33.  Jisħaq li hemm bżonn li jittaffew il-proċeduri amministrattivi li qegħdin inaqqsu mingħajr bżonn il-ħeffa li biha jiġu ġġenerati l-forzi għall-missjonijiet tal-PSDK u ċ-ċaqliq transfruntier ta' forzi ta' rispons rapidu ġewwa l-UE; jappella lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema pan-Ewropea għall-koordinament tal-moviment rapidu ta' persunal, tagħmir u provvisti tal-forzi ta' difiża, għall-finijiet tal-PSDK, meta tiġi invokata l-klawżola ta' solidarjetà, u meta l-Istati Membri jkunu obbligati jagħtu għajnuna u assistenza bil-mezzi kollha disponibbli għalihom, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; jilqa', f'dan ir-rigward, il-komunikazzjoni konġunta dwar it-titjib tal-mobilità militari; jistieden lill-Kummissjoni biex, sa Marzu 2018, tippreżenta pjan ta' azzjoni sostanzjali lill-Parlament u lill-Istati Membri li jkun kompletament koerenti mal-isforzi li għaddejjin fi ħdan in-NATO;

34.  Jitlob l-istabbiliment ta' kwartieri ġenerali ċivili-militari strateġiċi tal-UE sħaħ u attrezzati taħt il-PESCO - li għandhom jinkludu l-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC), il-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC), u d-Direttorat għall-Maniġġar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar (CMPD) - li jipprovdu pjattaforma għal appoġġ operattiv integrat matul iċ-ċiklu kollu tal-ippjanar, mill-ewwel kunċett politiku sal-pjanijiet dettaljati;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri parteċipanti fil-PESCO biex jistabbilixxu "Forza Integrata Ewropea" permanenti, magħmula minn diviżjonijiet tal-armati nazzjonali tagħhom, u biex din tkun disponibbli għall-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-PSDK, kif previst mill-Artikolu 42(3) tat-TUE;

36.  Iqis li politika komuni fil-qasam taċ-ċiberdifiża għandha tkun waħda mill-ewwel elementi kostituttivi tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tiżviluppa proposti għall-istabbiliment, fi ħdan il-qafas tal-PESCO, ta' unità ta' difiża ċibernetika tal-UE;

Direttorat Ġenerali għad-Difiża

37.  Jappella għal evalwazzjoni, b'koordinament mill-qrib mal-VP/RGħ, tal-opportunità li jiġi stabbilit Direttorat Ġenerali għad-Difiża fi ħdan il-Kummissjoni (DĠ Difiża), bil-għan li jixpruna l-azzjonijiet tal-Unjoni biex jiġu appoġġati, ikkoordinati jew issupplimentati l-azzjonijiet tal-Istati Membri mmirati lejn it-tfassil progressiv tal-politika tad-difiża komuni, kif previst fl-Artikolu 2 tat-TFUE;

38.  Iqis li d-DĠ Difiża propost jinħtieġ li jkollu r-responsabbiltà li jiżgura fruntieri miftuħa għall-moviment liberu ta' truppi u tagħmir, bħala prerekwiżit meħtieġ biex jiżgura l-grad ta' awtonomija strateġika, l-interoperabbiltà, is-sigurtà tal-provvista, l-arranġamenti ta' standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni militari meħtieġa għal: kontribuzzjonijiet għal programmi tal-UE taħt il-PSDK u l-PESCO; riċerka dwar id-difiża ffinanzjata mill-UE; l-awtonomija strateġika tal-Unjoni; il-kompetittività tal-industrija tad-difiża Ewropea, inklużi l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja li jifformaw il-katina tal-provvista tad-difiża Ewropea; u l-arranġamenti interistituzzjonali fl-ambitu tad-difiża, inkluż ta' Ktieb l-Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża; jenfasizza li l-proposta għal DĠ Difiża tinħtieġ li tikkontribwixxi għal koordinament aħjar ta' kompiti fost l-atturi varji bil-għan li tinkiseb aktar koerenza u konsistenza politika;

39.  Jenfasizza li d-DĠ Difiża propost jenħtieġ li jaħdem f'kollaborazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA); iqis li l-EDA jenħtieġ li tkun l-aġenzija ta' implimentazzjoni għall-azzjonijiet tal-UE skont il-politika dwar il-Kapaċitajiet u l-Armamenti fl-Ewropa, fejn dan ikun previst mit-Trattat ta' Lisbona; iġedded it-talba tiegħu lill-Kunsill biex jiġi żgurat li n-nefqa amministrattiva u operattiva tal-EDA tiġi ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni; jinnota li l-ammont dejjem akbar ta' rwoli u responsabbilitajiet ġodda tal-EDA jinħtieġ li jiġi segwit b'żieda fil-baġit tagħha, filwaqt li fl-istess ħin tiġi enfasizzata l-possibbiltà li jkun stabbilit DĠ Difiża, kif ukoll sforzi mġedda biex il-PSDK issir aktar effettiva, u ma twassalx biex ir-riżorsi jiġu diretti lejn tkabbir ta' strutturi burokratiċi u strutturi duplikanti;

Reviżjonijiet annwali kkoordinati u strateġiċi ta' difiża

40.  Jilqa' r-reviżjoni strateġika tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) tal-UE li għandu jitlesta fir-rebbiegħa 2018; jenfasizza li s-CDP se jservi biex jippromwovi l-kollaborazzjoni fost l-Istati Membri fil-mili tal-lakuni ta' kapaċità fil-kuntest tal-EDA;

41.  Jilqa' l-istabbiliment tal-proċess tar-Reviżjoni Annwali Koordinata dwar id-Difiża (CARD); iqis li l-CARD tinħtieġ tikkontribwixxi għall-istandardizzazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-investimenti u l-kapaċitajiet tal-forzi armati nazzjonali b'mod effettiv, billi tiżgura l-awtonomija strateġika u operattiva tal-Unjoni u l-koerenza, u tippermetti lill-Istati Membri jinvestu b'mod aktar effiċjenti flimkien fid-difiża; jilqa' l-proposta biex fl-2017 titnieda prova;

42.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jesploraw il-possibbiltà ta' akkwist konġunt tar-riżorsi tad-difiża;

43.  Jenfasizza li l-CARD tinħtieġ li tkun ibbażata fuq il-Ktieb l-Abjad tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża u s-CDP u tinħtieġ li tindirizza l-ispettru sħiħ tal-kapaċitajiet relatati mal-PSDK, partikolarment dawk tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fil-PESCO; iqis li l-CARD tinħtieġ li twassal ġabra ta' proposti konkreti biex jimtlew il-lakuni u jiġu identifikati l-punti fejn l-azzjoni tal-Unjoni tkun xierqa, għal kunsiderazzjoni fl-ippjanar tal-baġit tal-UE għas-sena ta' wara; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-EDA jaħdmu flimkien fit-tfassil tal-programmi ta' ħidma annwali taħt l-opportunitajiet tal-kapaċità u r-riċerka tal-EDF propost; jindika li l-EDA għandu jkollha rwol distint mhux biss fit-tfassil tal-programm, iżda wkoll fil-ġestjoni ta' proġetti ffinanzjati minn tieqa għall-kapaċitajiet;

44.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal koordinament mill-qrib tal-attivitajiet kollha relatati mal-PSDK, partikolarment il-CARD, il-PESCO u l-EDF;

45.  Iqis li l-Kummissjoni tinħtieġ li timxi fuq ir-riżultati tal-CARD u tniedi ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni u l-finanzjament tal-azzjonijiet sussegwenti tal-Unjoni; iqis li, fuq il-bażi tal-ftehim interistituzzjonali, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinħtieġu jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa fil-mandati rispettivi tagħhom biex jawtorizzaw tali azzjonijiet; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni interparlamentari dwar id-difiża biex tiġi riveduta l-CARD, u għall-iżvilupp sussegwenti tal-kapaċitajiet tad-difiża fuq bażi regolari;

Missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK

46.  Jirringrazzja lil aktar minn sitt elef mara u raġel li taw servizz tajjeb u leali fil-missjonijiet ċivili u militari tal-Unjoni fuq tliet kontinenti; japprezza ħafna dawn il-missjonijiet bħala l-kontribut komuni tal-Ewropa għall-paċi u l-istabbiltà fid-dinja; jiddispjaċih, madankollu, li l-effikaċja ta' dawn il-missjonijiet tista' tiġi mhedda minn dgħufijiet strutturali, kontribuzzjonijiet irregolari mill-Istati Membri u l-inadegwatezza tal-ambjent operattiv, filwaqt li jiddeplora b'mod partikolari l-limitazzjonijiet fil-mandat tal-missjonijiet tal-PSDK; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa għal effettività reali li tista' tinkiseb biss b'dispożizzjoni ta' tagħmir militari xieraq, u jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jisfruttaw għal dan il-għan il-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 41.2 tat-TUE; jilqa' ż-żieda fl-infiq għad-difiża tal-Istati Membri bħala appoġġ għall-membri tas-servizz tagħna; huwa tal-fehma li din it-tendenza jinħtieġ li tiġi sostnuta, imsaħħa u koordinata fil-livell tal-UE; jitlob li jittieħdu miżuri effikaċi biex jiġi żgurat li t-tagħlimiet u l-esperjenza miksuba fir-rigward tad-dimensjoni umana tal-missjonijiet tal-PSDK jiġu evalwati u kkunsidrati fit-tfassil ta' missjonijiet futuri tal-PSDK;

47.  Jilqa' l-preżentazzjoni tal-ewwel rapport annwali dwar il-PSDK mill-VP/RGħ; jemmen, madankollu, li dan ir-rapport ma għandux ikun biss ta' natura kwantitattiva, billi jiddeskrivi kisbiet b'data statistika u b'informazzjoni dettaljata, iżda għandu fil-futur jiffoka wkoll fuq l-evalwazzjoni tal-impatt politiku tal-attivitajiet tal-PSDK fit-titjib tas-sigurtà taċ-ċittadini tagħna;

48.  Jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jorjentaw aktar il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK lejn il-prijoritajiet tal-Istrateġija Globali tal-UE kif ukoll lejn ir-realtajiet lokali u reġjonali;

49.  Jemmen fil-ħtieġa li jsir kontribut akbar lejn il-ġestjoni u l-prevenzjoni ta' kriżijiet u, speċifikament, biex tiġi pprovduta assistenza għar-rikostruzzjoni u l-istabbilizzazzjoni tal-Iraq; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill li jniedi missjoni ċivili ġdida tal-PSDK b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fl-Iraq, u jistenna li l-UE tassumi t-tmexxija internazzjonali f'dan il-qasam, inkluż fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fir-rikostruzzjoni ċivili; jistieden lill-UE tiżgura li din id-darba se jkun hemm koordinazzjoni aħjar fost l-Istati Membri parteċipanti, u mal-atturi reġjonali kif ukoll ma' dawk lokali;

50.  Jilqa' l-attivitajiet tal-EU NAVFOR MED u jitlob lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ lill-atturi tas-sigurtà lokali fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

51.  Jistenna li l-VP/RGħ u lill-Kunsill li l-EUBAM Libya titneda mill-ġdid fl-okkażjoni tat-tiġdid tal-mandat lokali ta' atturi tas-sigurtà fuq il-fruntieri tan-Nofsinhar tal-Libja; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jressqu ideat ġodda dwar kif għandhom jindirizzaw kwistjonijiet ta' sigurtà fiż-żona tas-Saħel, billi dawn jintrabtu ma' EUBAM Libya fi ħdan l-approċċ komprensiv u integrat tiegħu u b'appoġġ għall-inizjattiva Ġermaniża u Franċiża; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Awwissu 2017 dwar azzjoni għal stabbilizzazzjoni għall-Mali fir-reġjuni ta' Mopti u Segou; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-VP/RGħ tinforma lill-Parlament dwar kif din il-miżura tinteraġixxi mal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK fir-reġjun;

52.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess tal-Operazzjoni EUFOR ALTHEA fil-Bosnja u Ħerzegovina biex intlaħaq ir-riżultat militari aħħari; jinsab imħasseb madankollu li r-riżultat politiku aħħari, għadu ma ntlaħaqx;

53.  Jilqa' l-istabbiliment reċenti ta' ċentru għal kwartieri ġenerali operattivi tal-UE permanenti, il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC), kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013, peress li din hi prekundizzjoni għall-ippjanar, il-kmand u l-kontroll effettivi ta' operazzjonijiet komuni; jistieden lill-Istati Membri jimpjegaw persunal adegwat sabiex din issir kompletament funzjonali, u jassenjawlha l-kompitu li tippjana u tikkmanda operazzjonijiet militari eżekuttivi tal-PSDK bħall-EUFOR ALTHEA;

54.  Iqis li bħala konsegwenza tat-tħabbira tar-Renju Unit li jirtira mill-Unjoni, jinħtieġ li tiġi riveduta l-opzjoni tal-kmand tal-EUNAVFOR Somalja / l-Operazzjoni Atalanta; jenfasizza s-suċċess miksub minn din l-operazzjoni, li grazzi għaliha mill-2014 'l hawn il-pirati ma rnexxielhomx jitilgħu abbord l-ebda bastiment; jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tal-operazzjoni sal-2018;

55.  Jinnota li 75 % biss tal-pożizzjonijiet f'missjonijiet ċivili tal-PSDK huma mimlija; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li r-regolamenti tal-persunal tal-UE, li jipprovdu kundizzjonijiet aħjar kif ukoll protezzjoni għall-persunal tal-missjoni, ma japplikawx għal persuni impjegati mill-missjonijiet anki jekk dawn huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni; jinsab konvint li dan ixekkel l-effikaċja tal-missjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-pożizzjonijiet vakanti kollha fil-missjonijiet kollha jimtlew b'mod rapidu;

56.  Jilqa' l-adozzjoni ta' Politika tal-UE dwar it-Taħriġ għall-PSDK u r-rwol importanti mwettaq mill-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD) bħala istituzzjoni ta' taħriġ ċentrali inkorporat fi ħdan l-istrutturi tal-PSDK; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu finanzi, persunal u riżorsi infrastrutturali adegwati għall-KESD;

57.  Jiddispjaċih li l-Istati Membri qed jonqsu milli jiskjeraw b'mod rapidu l-persunal meħtieġ għall-istadji preparatorji u ta' stabbiliment tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jilqa', f'dan il-kuntest, il-proposta żviluppata b'mod konġunt mis-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni għal approċċ b'diversi saffi sabiex jitħaffef l-iskjerament tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK;

58.  Iħeġġeġ iktar sforzi biex titħaffef il-provvista ta' finanzjament tal-missjonijiet ċivili u militari-ċivili u biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u ta' implimentazzjoni; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tintroduċi, permezz ta' atti delegati u bi qbil mal-Artikolu 210 tar-Regolament Finanzjarju, regoli speċifiċi tal-akkwist għal miżuri ta' ġestjoni tal-kriżijiet taħt il-PSDK sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvolġiment rapidu u flessibbli tal-operazzjonijiet;

59.  Jilqa' l-istabbiliment ta' Pjattaforma ta' Sostenn għall-Missjonijiet (MSP) fl-2016; jiddispjaċih dwar id-daqs u l-ambitu limitati tal-MSP, u jtenni l-appell tiegħu għal progress ulterjuri lejn ċentru ta' servizzi kondiviż li jippermetti aktar kisbiet fl-effiċjenza billi jipprovdi punt ċentrali ta' koordinament għas-servizzi ta' appoġġ għall-missjonijiet kollha;

60.  Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill isaħħu l-isforzi kontinwi tagħhom biex itejbu ċ-ċibersigurtà, b'mod partikolari għal missjonijiet tal-PSDK, fost l-oħrajn billi jieħdu miżuri fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jittaffa it-theddid għall-PSDK, pereżempju bit-tisħiħ tar-reżiljenza permezz ta' edukazzjoni, taħriġ u eżerċizzji u bl-allinjament tax-xenarju edukattiv u ta' taħriġ taċ-ċiberdifiża tal-UE;

61.  Jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw theddid mingħajr preċedent fil-forma ta' attakki ċibernetiċi sponsorizzati mill-istat, kif ukoll iċ-ċiberkriminalità u t-terroriżmu; jemmen li n-natura tal-attakki ċibernetiċi tagħmilhom theddida li teħtieġ rispons fil-livell Ewropew; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu assistenza reċiproka f'każ ta' ċiberattakk kontra kwalunkwe wieħed minnhom;

62.  Jistieden lill-Istati Membri japplikaw il-kondiviżjoni sħiħa tal-piżijiet għall-missjonijiet militari tal-PSDK bit-tkabbir gradwali tal-finanzjament komuni lejn finanzjament komuni komplut, li jenħtieġ li jippermetti u jħeġġeġ aktar Stati Membri biex jikkontribwixxu l-kapaċitajiet u l-forzi tagħhom, jew fondi biss; jissottlinja l-importanza li jiġi rivedut il-mekkaniżmu Athena f'dan ir-rigward u li jiġu koperti l-ispejjeż kollha relatati mal-finanzjament ta' operazzjonijiet militari tal-PSDK;

63.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jaġixxi bi qbil mal-Artikolu 41(3) tat-TUE u jadotta, mingħajr dewmien, id-deċiżjoni li tistabbilixxi fond ta' tnedija għall-finanzjament urġenti tal-fażijiet inizjali tal-operazzjonijiet militari għall-kompiti msemmija fl-Artikoli 42(1) u 43 tat-TUE; iħeġġeġ lill-Kunsill biex isolvi l-problemi attwali rigward il-finanzjament ta' missjonijiet ibridi; jappella għal aktar flessibbiltà fir-regoli finanzjarji tal-UE, biex jingħata appoġġ lill-kapaċità tagħha li tirreaġixxi għall-kriżijiet, u għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona eżistenti;

Kooperazzjoni UE-NATO

64.  Jemmen li, fil-kuntest attwali, is-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hi fundamentali biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' sigurtà li qegħdin jiffaċċjaw l-Unjoni u l-viċinat tagħha; iqis li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO u l-azzjoni ta' implimentazzjoni sussegwenti għandhom il-potenzjal li jmexxu l-kooperazzjoni u l-komplementarjetà f'livell ogħla u jimmarkaw fażi ġdida u sostantiva tal-isħubija strateġika; jilqa' l-ġabra komuni ta' 42 proposta, li minnha kważi 10 ifittxu li jżidu r-reżiljenza kontra t-theddid ibridu, u huma mmirati biex isaħħu kemm il-kooperazzjoni kif ukoll il-koordinament bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet; jinnota li din il-ħidma se titmexxa 'l quddiem fi spirtu ta' attitudni għalkollox miftuħa u trasparenti, b'rispett sħiħ tal-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-proċeduri taż-żewġ organizzazzjonijiet, li se tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-inklussività u r-reċiproċità mingħajr preġudizzju għan-natura speċifika tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' kwalunkwe Stat Membru. ifaħħar il-kooperazzjoni mwettqa fil-ġlieda kontra t-theddid ċibernetiku, l-iżvilupp ta' komunikazzjonijiet strateġiċi u l-koordinament ta' attivitajiet marittimi u eżerċizzji konġunti, u jindika l-kooperazzjoni u l-kumplimentarjetà eċċellenti tal-Operazzjoni Sophia tal-UE, u tal-Operazzjoni Sea Guardian tan-NATO; jilqa' wkoll il-pubblikazzjoni f'Ġunju 2017 tal-ewwel rapport ta' implimentazzjoni konġunta taż-żewġ organizzazzjonijiet, kif ukoll il-progress magħmul fl-implimentazzjoni ta' ġabra komuni ta' proposti, u jappella għat-tkomplija tal-progress; jisħaq fuq l-impenn sħiħ tal-UE lejn il-komunità transatlantika ta' valuri u interessi komuni;

65.  Jinnota li UE aktar b'saħħitha u NATO aktar b'saħħitha jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; iqis li l-Istati Membri jeħtieġ li jżidu l-isforzi tagħhom biex jaġixxu kemm fi ħdan EDU u bħala fornituri awtonomi tas-sigurtà reġjonali, u fi rwol komplementari fi ħdan in-NATO, fejn xieraq; jinnota li, kif stabbilit mill-EUGS, l-UE għandha tikkontribwixxi sabiex: (a) tirrispondi għal kriżijiet u kunflitti esterni; (b) tibni l-kapaċitajiet tas-sħab u (c) tipproteġi l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha. jilqa' b'sodisfazzjon il-ġabra ta' inizjattivi li qegħdin jimplimentaw il-EUGS fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, biex jiġu żviluppati relazzjonijiet aktar b'saħħithom bejn l-UE u n-NATO u biex l-Istati Membri tal-UE jitħallew jipparteċipaw fir-riċerka dwar id-difiża u jiżviluppaw b'mod konġunt kapaċitajiet ta' difiża; huwa tal-opinjoni li s-sigurtà u l-protezzjoni tal-Ewropa se jiddependu dejjem aktar fuq iż-żewġ organizzazzjonijiet li jaġixxu fi ħdan il-mandati tagħhom; jitlob li jsiru sforzi biex titjieb il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu, inkluż permezz taċ-Ċentru Ewropew ta' Eċċellenza għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu, u fl-iskambju ta' informazzjoni u intelligence;

66.  Jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni u integrazzjoni fiċ-ċibersigurtà, mhux biss bejn l-Istati Membri, sħab ewlenin u n-NATO, iżda wkoll bejn l-atturi differenti fis-soċjetà;

Sħubiji tal-PSDK

67.  Jenfasizza li s-sħubijiet u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi li jikkondividu l-valuri tal-UE jikkontribwixxu għall-effettività u l-impatt tal-PSDK; jilqa', f'dan ir-rigward, il-kontribuzzjonijiet tal-Albanija, l-Awstralja, il-Kanada, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Georġja, l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Moldova, il-Montenegro, in-New Zealand, in-Norveġja, is-Serbja, l-Isvizzera, it-Turkija, l-Ukrajna u l-Istati Uniti;

68.  Jilqa' l-firma tal-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Ftehim ta' Akkwist u Servizzi Reċiproċi (ACSA) tas-7 ta' Diċembru 2016; jistieden lill-VP/RGħ tinforma lill-Parlament dwar kif dan il-ftehim tejjeb il-kundizzjonijiet għall-persunal tal-missjonijiet tal-PSDK, u l-protezzjoni tagħhom;

69.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu attachés militari tal-UE fid-delegazzjonijiet tal-UE li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni;

70.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) bħala appoġġ għall-azzjonijiet imwettqa taħt l-inizjattiva għat-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet f'Appoġġ għas-Sigurtà u l-Iżvilupp (CBSD), li ser jippermetti lill-UE tiffinanzja l-bini tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza u tgħinha ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jimplimentaw mingħajr dewmien l-inizjattiva CBSD biex titjieb l-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-missjonijiet tal-PSDK, u biex jiġi pprovdut approċċ aktar flessibbli u integrat tal-UE li jisfrutta s-sinerġiji ċivili-militari;

o
o   o

71.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0493.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0344.
(3) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 144.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0435.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0440.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0092.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0302.


Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni
PDF 511kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (2017/2121(INI))
P8_TA(2017)0493A8-0350/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar responsabbiltà politika,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tal-2016 dwar Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u s-SEAE tal-2017 dwar Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-Azzjoni Esterna tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-prinċipji ewlenin stabbiliti fl-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropa, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw s-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati, u l-invjolabbiltà tal-fruntieri, li huma rispettati b'mod ugwali mill-istati parteċipanti,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mill-VP/RGħ tat-12 ta' Diċembru 2011 bl-isem "Id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE: Lejn Approċċ Aktar Effettiv" (COM(2011)0886),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Baġits (A8-0350/2017),

Introduzzjoni

1.  Jinsab konvint li l-ebda Stat Membru waħdu ma huwa kapaċi jindirizza l-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum; jenfasizza li azzjoni komuni tal-UE hija l-aktar mod effettiv biex jiġu mħarsa l-interessi tal-Ewropa, biex l-UE tirrispetta l-valuri tagħha, tinvolvi ruħha f'dinja usa' bħala attur globali unit u influwenti, u biex tipproteġi ċ-ċittadini u l-Istati Membri tagħha minn theddid li qiegħed jiżdied fuq is-sigurtà tagħhom, inkluż fl-isfera diġitali globali; huwa mħasseb dwar l-arkitettura tas-sigurtà tal-UE, li għadha fraġli u frammentata fil-konfront ta' sfidi kontinwi u ġodda ta' kuljum u li fiha "paċi ibrida" saret realtà mhux sodisfaċenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni u jissodisfaw ix-xewqat ta' dawk iċ-ċittadini Ewropej li enfasizzaw ripetutament li l-politika estera u ta' sigurtà tal-UE bbażata fuq il-valuri fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem hija l-iktar importanti u neċessarja mill-politiki kollha tal-UE; iqis li wasal iż-żmien li l-Istati Membri jimplimentaw l-għodod, strumenti u politiki tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) biex jippermettu lill-UE tirrispondi għal kunflitti u kriżijiet esterni, tibni l-kapaċijiet tas-sħab u tipproteġi lill-Unjoni Ewropea;

2.  Ifakkar fl-impenn tal-UE biex tiżviluppa Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni ggwidata mill-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-konformità mal-Karta tan-NU u tad-dritt internazzjonali; iqis li, sabiex josservaw dan l-impenn u jikkontribwixxu biex isir progress fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fid-dinja kollha, jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri jitkellmu b'vuċi magħquda u jiżguraw li l-messaġġ tagħhom jinstema';

3.  Huwa tal-fehma li, sabiex l-UE tkun tista' tirnexxi fl-indirizzar tal-isfidi li tħabbat wiċċa magħhom kif ukoll tegħlibhom, b'mod partikolari t-theddid għas-sigurtà, jeħtieġ li hija tkun attur globali effettiv, kredibbli u bbażata fuq il-valuri, b'kapaċità għal azzjoni u djalogu effettiv ma' atturi globali oħra, li jimplika li l-UE titkellem b'vuċi waħda, taġixxi flimkien u tiffoka r-riżorsi tagħha fuq il-prijoritajiet strateġiċi;

4.  Jisħaq fuq il-bżonn li l-politiki esterni tal-UE jkunu konsistenti bejniethom kif ukoll ma' politiki oħrajn li għandhom dimensjoni esterna, u li jsegwu l-objettivi definiti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

5.  Jemmen li l-kisbiet ewlenin biex l-Unjoni Ewropea tilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha huma:

   koordinazzjoni ta' valutazzjoni ta' theddid u sfidi kbar fi ħdan l-UE, u approċċ komuni kif dawn għandhom jiġu indirizzati; jittieħed kont dovut b'mod partikolari tal-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, li tista' twassal għar-reklutaġġ minn gruppi terroristiċi,
   konsolidazzjoni u approfondiment tal-proġett Ewropew u l-azzjoni esterna tiegħu billi, fost oħrajn, tissaħaħ il-kooperazzjoni u l-kapaċitajiet tal-UE fil-qasam tal-politika estera u tas-siġurtà komuni tagħhom, inkluż il-gwerra tal-informazzjoni,
   kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, is-sħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet li jħarsu l-paċi fi ħdan kundizzjonijiet definiti b'mod ċar u magħżula bir-reqqa biex isaħħu l-ordni globali politiku u ekonomiku bbażata fuq ir-regoli, inkluż il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, u li taħdem flimkien mas-sħab biex ikollha rwol ewlieni fir-rikonċiljazzjoni, żamma tal-paċi, u fejn meħtieġ, l-infurzar tal-paċi;

Koordinazzjoni ta' valutazzjoni ta' theddid u sfidi kbar: naffaċċjaw l-ambjent politiku u ta' sigurtà attwali

6.  Jenfasizza li l-garanzija tas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u tal-integrità tat-territorju tal-UE, l-istabbilizzazzjoni tal-viċinat, b'mod speċjali fil-Balkani tal-Punent u li tiffoka fuq aktar viżibbiltà tal-UE f'dan ir-reġjun, il-promozzjoni ta' riformi biex jitħares ordni internazzjonali politiku u ekonomiku kooperattiv u bbażat fuq ir-regoli, l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-kunflitti armati u t-tisħiħ tal-politiki dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti u djalogu ma' demokraziji pluralisti li huma impenjati biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, huma kundizzjonijiet ewlenin għall-istabbiltà tal-UE; jitlob li d-diplomazija pubblika tal-UE tkun aktar attiva u biex tingħata aktar viżibbiltà lill-proġetti implimentati mill-UE;

7.  Huwa tal-fehma li, f'ambjent internazzjonali li dejjem qed ikun aktar ikkarratterizzat minn kunflitti u instabbiltà, huwa biss permezz ta' taħlita ta' multilateraliżmu effettiv, setgħa ta' persważjoni konġunta u setgħa ta' koerċizzjoni kredibbli, li tista' tkun kapaċi tindirizza l-isfidi ta' siġurtà kbar, b'mod speċjali l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, il-ksur tal-ordni tas-sigurtà fl-Ewropa, it-terroriżmu, il-kunflitti fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar, il-gwerer bi prokura, il-gwerra ibrida u tal-informazzjoni, inkluż l-aggressjoni diġitali u l-insikurezza tal-enerġija; jenfasizza li dawn l-isfidi jinkludu wkoll il-kriżijiet tar-refuġjati fid-dimensjoni umanitarja tagħhom, ir-reazzjoni għall-imġiba aggressiva tal-Korea ta' Fuq, il-ksur tad-dritt internazzjonali mir-Russja u l-qawwa militari li qiegħda tikber taċ-Ċina, li reazzjoni diplomatika b'saħħitha għalihom biss hija suffiċjenti;

8.  Huwa tal-fehma li politika estera u ta' sigurtà komuni aktar effikaċi tiddependi primarjament fuq l-istabbiliment ta' prijoritajiet u viżjonijiet strateġiċi komuni; huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-instabbiltà, li nfirxet sew minħabba stati falluti jew fraġli, u tal-migrazzjoni furzata u irregolari: Il-faqar, in-nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi u aċċess għall-edukazzjoni, l-esklużjoni soċjali, kunflitti armati, governanza ineffiċjenti u mhux demokratika, korruzzjoni, tibdil fil-klima, żieda tas-settarjaniżmu, it-theddida tar-radikalizzazzjoni u t-tixrid ta' ideoloġiji estremisti; ifakkar il-pjan ta' azzjoni adottat fis-Summit tal-Belt Valletta li jsejjaħ għal responsabbiltà kondiviża tal-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni; jenfasizza l-importanza li jitkisser il-mudell ekonomiku tan-netwerks tat-traffikanti;

9.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu miġġielda t-tendenzi awtokratiċi u ta' nepotiżmu, jiġi intensifikat l-appoġġ għall-forzi demokratiċi u jiġi miġġieled it-terroriżmu Iżlamiku fil-viċinat tan-Nofsinhar u fost il-girien tal-girien u s-sħab tagħna, u li jitpoġġew fil-mira dawk il-gruppi li jfittxu li jħeġġu ċittadini tal-UE biex jiġġieldu għall-kawża estremista tagħhom; ifakkar li r-reġjun tas-Saħel u żoni oħra konnessi ġeografikament huma reġjuni ta' prijorità sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea; itenni l-ħtieġa għal sforzi diplomatiċi koordinati min-naħa tal-UE, l-Istati Uniti u sħab internazzjonali oħrajn, biex jaħdmu flimkien mas-sħab fir-reġjun, bħat-Turkija, il-Pajjiżi tal-Golf u l-Iran, dwar il-bżonn ta' pożizzjoni ċara kontra l-estremiżmu reliġjuż u t-terroriżmu, u biex jistabbilixxu strateġija komuni li tindirizza din l-isfida globali f'konformità mal-impenn li ttieħed fil-livell tan-NU biex jiġu rispettati d-dritt internazzjonali u l-valuri universali; jemmen li sforzi diplomatiċi għandhom ikunu akkumpanjati minn firxa wiesgħa ta' għodod u strumenti oħra għad-dispożizzjoni tal-UE, inkluż dawk għat-titjib tal-kundizzjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi li jwasslu għall-istabbiliment tal-preservazzjoni tal-paċi;

10.  Jemmen li l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti għandha timxi id f'id mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem universali; jisħaq li l-UE trid tiġġieled u tikkundanna lis-sponsers mill-Istat tar-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu, b'mod partikolari fejn dan l-appoġġ qiegħed jingħata lil entitajiet elenkati mill-UE bħala organizzazzjonijiet terroristiċi; jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab tagħna li għandhom esperjenza fil-ġlieda kontra t-terroriżmu;

11.  Jenfasizza li soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi tas-Sirja tista' tinkiseb biss fi ħdan il-qafas eżistenti maqbul min-NU u jeħtieġ li tkun ibbażata fuq soluzzjoni politika inklużiva mmexxija mis-Sirjani u li tinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha; ikompli jħeġġeġ lill-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jonoraw ir-responsabbilitajiet tagħhom rigward il-kriżi; jappoġġa s-sejħa tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Sirja lill-istati garanti tal-waqfien mill-ġlied biex iwettqu sforzi urġenti biex jiddefendu r-reġim tal-waqfien mill-ġlied;

12.  Jilqa' l-istrateġija tal-UE dwar is-Sirja adottata f'April 2017, li tinkludi l-estensjoni ta' sanzjonijiet għal persuni involuti fl-iżvilupp u l-użu ta' armi kimiċi; iħeġġeġ l-estensjoni ulterjuri tas-sanzjonijiet għal dawk responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq li dawk kollha responsabbli għal ksur tad-dritt internazzjonali għandhom jinżammu responsabbli; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jesploraw flimkien mas-sħab it-twaqqif ta' tribunal tad-delitti tal-gwerra, sakemm jinħareġ riferiment lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE turi impenn sħiħ biex tassisti fir-rikostruzzjoni tas-Sirja wara l-kunflitt;

13.  Jistieden lill-partijiet involuti kollha, ġewwa u barra l-Libja, biex jappoġġaw kemm il-ftehim politiku Libjan iffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015 kif ukoll lill-Kunsill Presidenzjali li rriżulta minnu, li huwa l-unika awtorità rikonoxxuta mill-komunità internazzjonali u min-NU; jissottolinja li s-soluzzjoni għall-kriżi Libjana hija prerekwiżit għall-istabbiltà fil-Mediterran; jenfasizza l-importanza tal-viċinat tan-Nofsinhar u l-ħtieġa li tinkiseb żona Ewro-Mediterranja ta' paċi, prosperità, stabbiltà, u integrazzjoni; jissottolinja l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, bi stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, vijabbli u kontigwu li jikkoeżisti f'paċi u sigurtà maġenb l-Istat tal-Iżrael sigur; jisħaq fuq l-importanza tal-garanzija tal-koerenza tal-politika tal-UE dwar sitwazzjonijiet ta' okkupazzjoni jew annessjoni ta' territorju;

14.  Jilqa' l-issokktar tal-implimentazzjoni b'suċċess mill-partijiet kollha tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), maqbul bejn l-UE 3+3 flimkien mal-Iran; jisħaq li l-issokktar tal-implimentazzjoni sħiħa ta' dan il-ftiehem mill-partijiet kollha huwa essenzjali għall-isforzi globali fir-rigward tan-nonproliferazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani; jenfasizza li l-PAKK huwa ftehim multilaterali li ġie approvat minn riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u ma jistgħux jinbidel b'mod unilaterali; jenfasizza r-riskju għas-sigurtà li jirrappreżenta l-programm ta' missili ballistiċi tal-Iran, u jissottolinja l-ħtieġa li r-Riżoluzzjoni 2231 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tiġi implimentata bis-sħiħ, li tappella lill-Iran biex ma jwettaq l-ebda attività relatata ma' missili ballistiċi li huma ddisinjati biex ikunu jistgħu iwasslu armi nukleari, inkluż l‑illanċjar ta' missili permezz tat-teknoloġija tal‑missili ballistiċi;

15.  Jinnota li d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti aġġorna uffiċjalment il-lista tiegħu ta' kontra t-terroriżmu ta' “Ċittadini Magħżula Speċifikament” (Specially Designated Nationals (SDN)) biex jinkludi lill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC);

16.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-diżastru umanitarju li għadu għaddej fil-Jemen; jenfasizza għal darb' oħra li ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt imtawwal fil-Jemen, u jappoġġa l-isforzi li saru mill-UE u n-NU għall-kisba tal-waqfien mill-ġdid u għat-twittija tat-triq għal negozjati ta' paċi; huwa tal-fehma li l-UE trid taġixxi biex tiżgura l-eżistenza kontinwa ta' minoranzi ethniċi-reliġjużi fil-Lvant Nofsani, speċjalment fl-Iraq u s-Sirja;

17.  Jikkundanna l-użu ripetut tal-jedd tal-veto tagħha mir-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jqis li dan jimmina l-isforzi internazzjonali għall-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt fis-Sirja u fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea b'mod aktar wiesgħa;

18.  Jirrikonoxxi li jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex il-migrazzjoni u l-mobbiltà legali jsiru possibbli, inkluż fuq livell bilaterali, permezz tat-trawwim ta' mobbILtà ġestita tajjeb fi ħdan il-kontinenti u bejniethom, kif ukoll permezz tat-tħeġġiġ ta' politiki li jippromwovu kanali regolari għall-migrazzjoni filwaqt li jiġġieldu kontra netwerks illegali li japprofittaw ruħhom minn persuni vulnerabbli; jissottolinja l-isforzi li ttieħdu minn Stati Membri individwali f'dan ir-rigward, u jqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ l-aċċess sikur u legali lejn l-Ewropa; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, dwar in-nuqqas ta' politika Ewropea ġenwina, ibbilanċjata u kredibbli dwar il-migrazzjoni u l-asil, kif turi l-kriżi li għaddejja fil-Mediterran, u jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jaġixxu kif xieraq;

19.  Jemmen bil-qawwa li jenħtieġ approċċ ġdid għar-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha tal-Lvant; jemmen li l-appoġġ għal dawk il-pajjiżi li jixtiequ jkollhom rabtiet iktar mill-qrib mal-UE għandu jkun prijorità ewlenija għall-politika barranija tal-UE; jemmen li l-estensjoni tas-sanzjonijiet kontra individwi u entitajiet fir-Russja hija riżultat inevitabbli tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk, u jkompli jqis tali implimentazzjoni min-naħat kollha bħala l-bażi għal soluzzjoni politika sostenibbli għall-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna;

20.  Jenfasizza li l-possibbiltà ta' relazzjonijiet aktar kooperattivi mar-Russja tiddependi fuq il-fatt li r-Russja taderixxi bis-sħiħ mal-ordni tas-sigurtà Ewropew u mad-dritt internazzjonali; jinsisti li l-UE għandha tibqa' miftuħa għall-possibbiltà ta' aktar sanzjonijiet gradwali jekk ir-Russja tkompli tikser id-dritt internazzjonali; itenni l-impenn tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u tal-pajjiżi l-oħra tas-Sħubija tal-Lvant fi ħdan il-fruntieri tagħhom li huma rikonoxxuti internazzjonalment. jenfasizza li d-deċiżjoni tar-Russja tal-21 ta' Marzu 2014 li tinkorpora lill-Krimea fil-Federazzjoni Russa għadha illegali skont id-dritt internazzjonali, u jiddeplora d-deċiżjoni sussegwenti tal-awtoritajiet Russi li jimponu bil-forza l-passaport Russu fuq kull abitant tal-Krimea; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill biex ikollhom rwol aktar attiv u effettiv fis-soluzzjoni ta' kunflitti ffriżati u mtawla;

21.  Jiddeplora l-ksur multiplu tad-dritt internazzjonali min-naħa tar-Russja u l-gwerra ibrida tagħha; jirrikonoxxi, madankollu, il-possibbiltà ta' involviment u djalogu selettivi, raġunati u koerenti mar-Russja f'oqsma ta' interess komuni, sabiex jiġu żgurati r-responsabbiltà u r-rispett għad-dritt internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm u titħeġġeġ il-possibbiltà ta' kooperazzjoni futura għar-riżoluzzjoni ta' kriżijiet globali fejn hemm interess dirett jew indirett tal-UE jew opportunità għall-promozzjoni tal-valuri tal-UE;

22.  Jemmen li relazzjonijiet normalizzati huma neċessità kemm għall-UE kif ukoll għar-Russja, u li kwalunkwe strateġija futura bejn l-UE u r-Russja jenħtieġ li tenfasizza fuq it-tisħiħ tal-impenn u l-appoġġ għas-Sħab tal-Lvant tal-UE; jenfasizza li l-UE jenħtieġ li żżomm il-bieb miftuħ għall-approfondiment ta' relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bilaterali mar-Russja, li jkunu kundizzjonali għall-konformità min-naħa tar-Russja mad-dritt internazzjonali u ftehimiet sottoskritt, u għall-waqfien tal-attitudni dejjem aktar assertiva tagħha lejn il-ġirien tagħha u l-Ewropa;

23.  Itenni li s-sovranità, l-indipendenza u r-riżoluzzjoni paċifika ta' tilwim huma prinċipji ewlenin tal-ordni Ewropew ta' sigurtà li japplika għall-istati kollha; jikkundanna bla riżervi, għalhekk, l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, inklużi l-annessjoni illegali tal-Krimea u l-kunflitt sponsorjat mir-Russja fl-Ukrajna tal-Lvant; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali biex jitolbu li r-Russja trid twaqqaf l-agressjoni tagħha u teħles lill-priġunieri politiċi kollha; jistieden lill-komunità internazzjonali biex ikollha rwol aktar attiv u effettiv fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt u biex tappoġġa l-isforzi kollha għal soluzzjoni paċifika dejjiema li tirrispetta l-unità, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, b'mod partikolari bl-iskjerament – bil-kunsens tal-awtoritajiet Ukreni – ta' missjoni għall-bini u ż-żamma tal-paċi għat-territorju kollu;

24.  Itenni l-ħtieġa ta' ffukar mill-ġdid strateġiku fuq il-Balkani tal-Punent, li jirrikonoxxi li l-UE jenħtieġ li ssegwi l-ambizzjonijiet tagħha fir-reġjun, peress li jekk tagħmel dan jingħata impetu ġdid lill-politika ta' tkabbir kredibbli tal-UE bbażata fuq il-kriterji ta' Copenhagen, u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet tal-istat; jemmen li l-istabbiltà fil-Balkani tal-Punent trid tibqa' prijorità maġġuri; jappella għal aktar sforzi għat-titjib tal-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi u politiċi tar-reġjun; huwa konvint li l-integrazzjoni Ewropea u r-rikonċiljazzjoni reġjonali huma l-aħjar mezz biex jiġu indirizzati l-perikli li jirriżultaw minn indħil u influwenzi barranin destabbilizzanti, il-finanzjament ta' netwerks kbar ta' Salafisti u Wahhabi u r-reklutaġġ ta' ġellieda barranin, il-kriminalità organizzata, tilwim maġġuri bejn l-istati, id-diżinformazzjoni u t-theddid ibridu; jenfasizza l-ħtieġa li wieħed jibqa' impenjat li jrawwem soċjetajiet poltiċi ferm effettivi fir-reġjun; jenfasizza l-importanza li l-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jallinjaw ruħhom mal-politika estera u ta' sigurtà tal-UE, irrispettivament mill-progress tagħhom fil-proċess ta' integrazzjoni tal-UE; iħeġġeġ il-ftuħ immedjat ta' kapitolu rilevanti għall-pajjiżi kandidati tal-Balkani tal-Punent kollha;

25.  Itenni li ladarba jiġu ssodifati dawk il-kriterji kollha, il-bibien tal-UE huma miftuħa għall-adeżjoni; jilqa' l-isforzi reċenti li ttieħdu bħala parti mill-Proċess ta' Berlin u s-Summit ta' Trieste li jagħtu impetu addizzjonali għall-konverġenza tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent lejn adeżjoni mal-UE; itenni li jenħtieġ li jingħataw attenzjoni u appoġġ speċjali għall-implimentazzjoni tar-riformi istituzzjonali u politiċi kruċjali fil-Balkani tal-Punent, u jistieden lill-Kummissjoni biex terġa tikkunsidra l-possibbiltà ta' allokazzjoni addizzjonali ta' riżorsi finanzjarji għall-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA), bħala wieħed mill-aktar għodod importanti li jgħinu l-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi;

26.  Ifakkar li r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tirrikjedi l-involviment ta' pajjiżi terzi ġirien; jappella għal appoġġ akbar għall-ġirien tal-ġirien tagħna, fuq il-bażi tal-valuri u interessi kondiviżi, sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet globali u sfidi komuni; Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-awtonomizzazzjoni u l-protezzjoni tan-nisa, ta' gruppi soċjali vulnerabbli u tal-minoranzi, b'mod speċjali fl-Afrika, fejn il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-SMEs Ewropej u lokali, fi sħubija mas-soċjetà ċivili, u fejn jenħtieġu appoġġ għall-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi, trasparenti u effettivi, u promozzjoni ta' ordni globali bbażat fuq ir-regoli;

27.  Iqis il-kooperazzjoni internazzjonali u l-politiki ta' żvilupp bħala strumenti fundamentali sabiex jintlaħqu tali objettivi, u jħeġġeġ sabiex ikun hemm allokazzjoni u użu aktar trasparenti, effiċjenti, effettiv u mtejjeb aktar tal-finanzjament tal-UE, u sinerġiji akbar ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati t-theddid ta' sigurtà serju fl-Afrika bl-għan li tiġi eradikata t-theddida terroristika minn kull grupp terroristiku, tiġi ggarantita l-prevenzjoni tar-reklutaġġ ta' individwi, jiġu miġġielda ideoloġiji radikali u tiġi indirizzata s-sigurtà tal-enerġija permezz ta' sorsi ta' enerġija ekoloġiċi u sostenibbli u fl-istess ħin jiġu promossi soluzzjonijiet mhux kollegati mal-grilja;

28.  Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe tentattiv mill-presidenti attwali biex jibqgħu fil-poter wara l-mandat tagħhom billi jiksru, jevadu jew jemendaw b'mod illegali l-liġijiet elettorali u, b'mod partikolari, il-kostituzzjonijiet; Jikkundanna, bl-istess mod, kwalunkwe strateġija li tabolixxi jew tevita l-limiti ta' terminu; iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha biex jieħdu miżuri biex jiżguraw t-trasparenza u l-integrità tal-proċess elettorali kollu, u biex jieħdu kull miżura u prekawzjoni meħtieġa biex jiġi evitat li jitwettaq frodi jew kwalunkwe prattika illegali; jesprimi t-tħassib, f'dan ir-rigward, dwar il-kriżijiet politiċi, u l-vjolenza u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali relatati, b'mod partikolari fil-pajjiżi fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar; itenni l-fiduċja tiegħu f'missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali b'saħħithom u, fejn meħtieġ, appoġġ finanzjarju, tekniku u loġistiku bħala mezz biex jinkisbu proċessi elettorali ġusti, kredibbli u demokratiċi;

29.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' strateġija koerenti u robusta għar-reġjun tas-Saħel bl-għan li titjieb il-governanza u r-responsabbiltà u l-leġittimità tal-istati u tal-istituzzjonijiet reġjonali, tissaħħaħ is-sigurtà, jiġu indirizzati r-radikalizzazzjoni, it-traffikar tal-persuni, l-armi u d-droga, u jissaħħu l-politiki ekonomiċi u tal-iżvilupp;

30.  Itenni l-ħtieġa ta' strateġija aġġornata għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja; jesprimi l-appoġġ, f'dan il-kuntest, għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha fil-qafas tal-Laqgħat Asja-Ewropa, inkluż f'dak li jirrigwarda d-dimensjoni parlamentari tagħha; jinkoraġġixxi l-appoġġ għal kooperazzjoni reġjonali aktar mill-qrib u miżuri għall-bini ta' fiduċja fl-Asja t'Isfel bl-għan li jitnaqqsu t-tensjonijiet bejn l-Indja u l-Pakistan; jirrakkomanda appoġġ kontinwu għal medjazzjoni għall-paċi tal-UE fil-proċess ta' paċi mmexxi u mħaddan mill-Afgani; jenfasizza li l-ħarsien tal-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità fir-reġjun Asja-Paċifiku hija ta' interess sostanzjali għall-UE u għall-Istati Membri tagħha; iqis li huwa fundamentali u ta' urġenza kbira li tiġi żviluppata strateġija tal-UE aġġornata għar-reġjun tal-Asja tal-Grigal fid-dawl tat-tkattir militari kontinwu u tal-attitudni aggressiva u irresponsabbli li uriet ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK); jikkundanna t-testijiet u l-provokazzjonijiet mir-RDPK, u l-vjolazzjonijiet multipli tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-obbligi internazzjonali; iħeġġeġ sabiex tintuża s-setgħa diplomatika tal-UE biex tagħmel pressjoni fuq ir-RDPK ħalli tikkonvinċi lill-mexxejja tagħha biex jabbandunaw l-armi tal-qerda massiva; jappella għall-mobbilizzazzjoni tal-għodod diplomatiċi kollha, inkluż sanzjonijiet, biex jiġi evitat l-eskalazzjoni ta' din il-kriżi; jappella għad-denuklearizzazzjoni irriversibbli tal-Peniżola Koreana permezz ta' mezzi paċifiċi u għall-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjonijiet kollha rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

31.  Jenfasizza li l-ħarsien tal-paċi, l-istabbiltà u l-prosperità fir-reġjun Asja-Paċifiku hija ta' interess sostanzjali għall-UE u għall-Istati Membri tagħha; jistieden lill-partijiet kkonċernati kollha biex isolvu d-differenzi permezz ta' mezzi paċifiċi u jżommu lura milli jieħdu azzjoni unilaterali biex ibiddlu l-istatus quo, inkluż fl-Ibħra tal-Lvant u tan-Nofsinhar taċ-Ċina u l-Istrett tat-Tajwan sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà reġjonali; itenni l-impenn tiegħu li jappoġġa l-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan fl-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet internazzjonali;

32.  Ifakkar li l-Amerika Latina tikkondivi mal-UE valuri u prinċipji komuni, u fiduċja f'multilateraliżmu effettiv, u jemmen li s-sħubija bejn l-UE u l-Amerika Latina hija importanti u għandha tissaħħaħ sabiex jiġu indirizzati b'mod konġunt l-isfidi globali ewlenin; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-attakki li twettqu kontra membri tal-ġudikatura u l-oppożizzjoni eletta demokratikament u mexxejja tas-soċjetà ċivili fil-Venezwela; jenfasizza li r-rispett għall-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-progress lejn id-demokrazija, u l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem huma s-sisien għal integrazzjoni u kooperazzjoni aktar profonda mal-Amerika Latina u l-Karibew;

33.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta' paċi fil-Kolombja, li huwa kruċjali għall-futur tal-Kolumbjani u għall-istabbilizzazzjoni fir-reġjun; jitlob li l-assi kollha tal-FARC, inkluż il-kapital akkwistat mill-kuntrabandu tad-droga, jiġu użati biex jingħata kumpens lill-vittmi tal-kunflitt;

Il-konsolidazzjoni u l-approfondiment tal-proġett Ewropew permezz ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ komprensiv tal-UE f'kull opportunità rilevanti, u jemmen li azzjoni koerenti u kkoordinata fil-politiki tal-UE, filwaqt li jitqiesu u jiġu implimentati l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod partikolari fl-oqsma tal-għajnuna umanitarja, l-agrikoltura, l-iżvilupp, il-kummerċ, l-enerġija, il-klima, ix-xjenza u d-difiża ċibernetika u s-sigurtà, jenħtieġ li tiġi applikata fl-azzjoni esterna tal-UE b'mod konsistenti u strutturat, sabiex tiġi sfruttata l-forza kollettiva tal-UE; jemmen li s-sigurtà tal-enerġija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bneidem u d-diplomazija dwar il-klima jibqgħu aspetti importanti u komplementarji tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE li għandhom jiġu indirizzati bħala parti minn approċċ komprensiv, u li l-Unjoni tal-Enerġija għandha tkompli tavvanza;

35.  Jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima jista' jkollu effett serju fuq l-istabbiltà reġjonali u globali, billi t-tisħin globali jnibbet tilwim marbut mat-territorju, l-ikel, l-ilma u riżorsi oħra, idgħajjef l-ekonomiji, jhedded is-sigurtà reġjonali, u huwa sors ta' flussi migratorji; iħeġġeġ ulterjorment lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqisu kif l-ippjanar militari nazzjonali u tal-UE jista' jinkludi strateġiji ta' adattament għat-tibdil fil-klima u x'jista' jitqies bħala kapaċità, prijorità u reazzjoni adegwati;

36.  Jenfasizza li l-futur tal-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tad-difiża hija affettwata b'mod sinifikanti bid-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE, u jappella għall-involviment kontinwu bejn l-UE u r-Renju Unit bħala sħab internazzjonali ewlenin sabiex tinżamm is-sigurtà Ewropea; jenfasizza li l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Istati Uniti introduċew inċertezza fis-sħubija transatlantika, u jenfasizza l-ħtieġa ta' kontrapiż għad-difiża tal-UE u għall-istabbiliment ta' awtonomija strateġika;

37.  Huwa tal-fehma li, sabiex il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tkun aktar assertiva, effettiva u bbażata fuq il-valuri, jenħtieġ li l-UE ssaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tagħha, billi tnaqqas minnufih id-dipendenza tagħha, fil-preżent, fuq iż-żejt u l-gass forniti minn reġimi awtoritarji, u billi twaqqafha għalkollox fuq it-terminu medju;

38.  Jenfasizza li l-proċess preżenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-PESK, ibbażat fuq l-unanimità fil-Kunsill tal-UE, huwa ostaklu ewlieni għall-azzjoni esterna tal-UE effettiva u f'waqtha; huwa tal-fehma li votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għandha tiġi applikata wkoll għall-PESK; huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet tal-UE jridu jtejbu l-kapaċità tagħhom li jantiċipaw kunflitti u kriżijiet, inkluż permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt tal-politiki tal-UE fuq it-terminu qasir u twil, biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-problemi; jemmen li l-UE jeħtieġ li tkun kapaċi tirreaġixxi aktar malajr u b'mod effettiv għall-kriżijiet li qed jiżviluppaw u għandha tqiegħed enfasi akbar fuq il-prevenzjoni ta' kunflitti billi primarjament tuża għodod ċivili fi stadju bikri; jistieden lill-Istati Membri biex ipoġġu fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament u jħaddnu l-prinċipju tar-Responsabbiltà ta' Protezzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi approfondita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi sħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, u jissottolinja l-importanza ta' skambju ta' informazzjoni effettiv u koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta' prevenzjoni;

39.  Jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-kapaċità tal-UE li taffronta theddid ibridu u ċibernetiku, biex ikomplu jsaħħu l-kapaċità tal-UE u tal-pajjiżi sħab tagħha biex jiġġieldu l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni, biex ifasslu kriterji ċari biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' aħbarijiet foloz, biex jallokaw aktar riżorsi u jbidlu t-Task Force East StratCom f'unità vera u proprja tas-SEAE; jappella, f'dan ir-rigward, għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet u metodi ta' analiżi tar-riskji u tal-vulnerabilità konġunti u komprensivi, u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-komunikazzjoni strateġika tal-UE; jenfasizza r-rwol tal-midja indipendenti fil-promozzjoni – kemm online kif ukoll offline – tad-diversità kulturali u l-kompetenzi interkulturali, u l-bżonn li tali midja tissaħħaħ bħala sors ta' informazzjoni kredibbli, speċjalment fl-UE u fil-viċinat tagħha, u jissottolinja li l-istazzjonijiet televiżivi u tar-radju komuni tal-UE għandhom jissaħħu aktar; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina aħjar mas-SEAE u mal-Istati Membri dwar dawn il-kwistjonijiet;

40.  Huwa tal-fehma li l-poter tal-Ewropa jinsab fil-kapaċità tagħha li ssaħħaħ komunità ta' valuri u r-rispett għad-diversità tal-kultura, li jgħaqqad flimkien l-Ewropej kollha; jemmen, f'dan il-kuntest, li l-UE għandha rwol importanti bħala promotur tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tal-opportunitajiet indaqs, u għandha tkompli tippromwovi l-valuri tagħha barra mill-UE; ifakkar li d-drittijiet tal-bniedem huma parti integrali tal-PESK, u għandhom ikunu kundizzjonalità ċentrali tal-politiki esteri, u barra minn hekk, li dawn il-politiki jridu jkunu konsistenti u sodi; jenfasizza li d-diplomazija kulturali għandha ssir parti sostanzjali tal-azzjoni esterna tal-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tespandi l-programm Erasmus+ u tippromwovi l-iżvilupp ta' diplomazija tax-xjenza ambizzjuża; jappella għal koordinazzjoni aktar mill-qrib mal-UNESCO u mal-Kumitat tal-Wirt Dinji u ma' atturi mhux statali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala sħab ewlenin tal-UE;

41.  Jirrimarka li kien osservat fir-Riżoluzzjoni 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tad-19 ta' Ġunju 2008, li l-istupru u forom oħra ta' vjolenza sesswali jistgħu jikkostitwixxu delitt tal-gwerra, delitt kontra l-umanità, jew att kostituttiv fir-rigward tal-ġenoċidju, u li n-nisa jridu jingħataw protezzjoni umanitarja f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat;

42.  Iqis li l-iżvilupp ta' industrija tad-difiża b'saħħitha qiegħed isaħħaħ l-indipendenza teknoloġika tal-UE; jappella biex jiġu żviluppati r-riżorsi industrijali u teknoloġiċi meħtieġa biex tittejjeb is-sigurtà ċibernetika, anke permezz tal-promozzjoni ta' suq uniku għall-prodotti tas-sigurtà ċibernetika; jappella biex issir disponibbli fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE żieda sinifikanti ta' riżorsi finanzjarji u umani biex tiżdied il-kapaċitá taċ-ċibersigurtà u tad-difiża ċibernetika tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi integrata d-difiża ċibernetika fl-azzjonijiet esterni u l-politika estera u ta' sigurtà komuni, kif ukoll il-ħtieġa li titjieb il-kapaċitá li tiġi identifikata ċ-ċiberkrimnalità;

43.  Jinnota li l-gwerra tal-informazzjoni u dik ċibernetika, li tpoġġi fil-mira Stati Membri tal-UE u pajjiżi oħra tal-Punent, tirrappreżenta tentattiv biex jiġu destabbilizzati u diskreditati l-istrutturi politiċi, ekonomiċi u soċjali; ifakkar li s-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE li huma membri tan-NATO hija garantita skont l-Artikolu 5 tal-Alleanza; jappella għal koordinazzjoni aktar mill-qrib dwar id-difiża ċibernetika bejn l-Istati Membri tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-UE, in-NATO, l-Istati Uniti u sħab oħra kredibbli;

44.  Jenfasizza r-rwol tal-midja indipendenti fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u l-kompetenzi interkulturali, u l-bżonn li tali midja tissaħħaħ bħala sors ta' informazzjoni kredibbli, speċjalment fl-UE u fil-viċinat tagħha, u biex issaħħaħ iktar il-kapaċità tal-UE biex tiġġieled l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li tiġi żviluppata reżiljenza aktar b'saħħitha fuq il-livell tal-UE kontra tali informazzjoni mifruxa fuq l-Internet; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina aħjar mas-SEAE dwar dawk il-kwistjonijiet;

45.  Jemmen li l-Ewropa għandha ssaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni dwar id-difiża komuni, sabiex tiddefendi l-valuri u l-prinċipji komuni tagħha u l-awtonomija strateġika; jenfasizza l-importanza tar-rabta bejn is-sigurtà esterna u interna, l-użu aħjar tar-riżorsi u l-kontroll tar-riskju fil-periferija tal-Ewropa; ifakkar li r-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp hija prinċipju essenzjali li tirfed l-approċċ tal-Unjoni lejn il-kriżijiet u l-kunflitti esterni; jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), u jilqa' f'dan il-kuntest l-Pjan ta' Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża; jinkoraġġixxi rieżami tal-approċċ tal-UE fir-rigward tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK sabiex jiġi żgurat li dawn jiġu mfassla, implimentati u appoġġati b'mod xieraq; iqis li l-kapaċitajiet tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u l-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u l-Gruppi Tattiċi tal-UE jenħtieġ li jintużaw fil-potenzjal sħiħ tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu finanzjament addizzjonali għal dan il-għan;

46.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jridu jiżviluppaw politika estera u ta' sigurtà effettiva, u jridu jaħdmu flimkien man-NATO u sħab internazzjonali oħra, man-NU, mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u oħrajn dwar kwistjonijiet ta' tħassib komuni sabiex jiġu promossi l-paċi, l-prosperità u l-istabbiltà madwar id-dinja; jenfasizza l-importanza ta' sensibilizzazzjoni u impenn politiku għall-implimentazzjoni urġenti ta' PSDK ambizzjuża, effettiva u strutturata; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-problemi ta' komunikazzjoni tal-UE billi jagħmlu l-azzjoni esterna tal-UE aktar responsabbli u viżibbli; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex juru riżultati fil-qasam tad-difiża billi jsegwu l-Istrateġija Globali tal-UE u l-pjanijiet tal-Kummissjoni għat-titjib tar-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża tal-UE;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti bis-sħiħ l-isfidi dejjem akbar għas-sigurtà fil-proposta tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss; iqis li kemm id-daqs kif ukoll il-flessibbiltà tal-baġit tal-PESK iridu jilħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE dwar ir-rwol tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà; jinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm viżjoni globali għall-politika u l-istrumenti tal-UE fil-qasam tas-sigurtà, inkluża koordinazzjoni siewja mal-Fond Ewropew għad-Difiża propost; jistieden lill-Istati Membri biex jimmiraw lejn il-mira ta' 2 % tal-PDG fin-nefqa fuq id-difiża, u biex jonfqu 20 % tal-baġits tad-difiża tagħhom f'tagħmir identifikat mill-EDA bħala meħtieġ; jindika, barra minn hekk, li kull politika ġdida għandha tiġi appoġġata minn sorsi ta' finanzjament ġodda; jinnota li bosta Stati Membri għandhom diffikultà biex iżommu firxa wiesgħa ħafna ta' kapaċitajiet difensivi kompletament operazzjonali, l-aktar minħabba diffikultajiet finanzjarji; jappella, għalhekk, għal aktar kooperazzjoni u koordinament dwar liema kapaċitajiet għandhom jinżammu sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jispeċjalizzaw f'ċerti kapaċitajiet u jonfqu r-riżorsi tagħhom b'mod aktar effiċjenti; jemmen li l-interoperabbiltà hija kruċjali jekk il-forzi tal-Istati Membri għandhom isiru aktar kompatibbli u integrati; ifakkar li l-approprjazzjonijiet tal-PESK kienu jirrappreżentaw 3,6 % tal-impenji tal-Intestatura 4 fl-2016 u 0,2 % tal-baġit kollu tal-UE; jiddispjaċih li d-daqs u s-sottoimplimentazzjoni tal-kapitolu tal-PESK, kif ukoll it-trasferimenti sistematiċi li saru minnu jiżvelaw nuqqas persistenti ta' ambizzjoni li l-UE taġixxi bħala protagonista globali;

48.  Jinnota li l-istaġnar fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU qiegħed jimpedixxi azzjoni mill-komunità internazzjonali u jimpedixxi r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet; jistieden għal darb' oħra lill-Istati Membri biex jappoġġaw riformi fil-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-Kunsill tas-Sigurtà;

Il-kooperazzjoni fi ħdan koalizzjonijiet u ma' istituzzjonijiet li jipprovdu s-sigurtà

49.  Jissottoinja li huwa fl-interess strateġiku tal-UE li tippreserva u tapprofondixxi r-relazzjonijiet transatlantiċi tagħha bbażati fuq ir-rispett għall-valuri komuni, id-dritt internazzjonali u l-multilateraliżmu; jistieden lill-UE biex tkompli ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha, u toħloq il-kapaċitajiet proprji biex tindirizza aħjar il-kunflitti reġjonali u internazzjonali li għandhom impatt fuq l-UE; jemmen li l-UE u l-Istati Uniti għandhom jiffukaw fuq l-adattament tal-istrutturi transatlantiċi għall-isfidi tal-lum, bħalma huma d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, il-prevenzjoni tar-radikaliżmu, il-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, u l-ġlieda kontra l-isforzi tal-pajjiżi terzi biex jiddestabilizzaw l-UE u n-NATO; jenfasizza wkoll l-importanza li titkompla u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fuq livell bilaterali u permezz tan-NATO dwar kwistjonijiet komuni; ifakkar li l-UE u l-Istati Uniti huma s-sħab l-aktar importanti ta' xulxin u li passi unilaterali iservu biss biex idgħajfu s-sħubija transatlantika; jemmen li l-Ewropa għandha ssaħħaħ alleanza virtuża bejn is-setturi privati u pubbliċi, u jenħtieġ li tirrinforza r-relazzjoni strateġika mal-Istati Uniti; jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE biex b'mod konsistenti iqajmu l-kwistjoni tas-sanzjonijiet extraterritorjali tal-Istati Uniti fid-djalogu tagħhom mal-Gvern tal-Istati Uniti;

50.  Jappoġġa bis-sħiħ id-Dikjarazzjoni tas-Summit ta' Varsavja tal-2016, b'mod partikolari dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, u jilqa' d-deċiżjonijiet dwar kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn in-NATO u l-UE f'diversi oqsma kif ukoll fl-iskjerament tal-forzi Amerikani, Kanadiżi u forzi multinazzjonali oħra fuq il-fruntiera tal-Lvant tal-UE;

51.  Jappella għal żieda fil-kondiviżjoni tal-intelligence bejn l-Istati Membri, żieda fil-kondiviżjoni interistituzzjonali tal-intelligence, u tal-koordinazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri u n-NATO, u jinsisti li dawn iridu jkomplu jikkooperaw mill-qrib kemm jista' jkun b'mod komplementari filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-valuri u normi fundamentali Ewropej; jirrikonoxxi li l-kondiviżjoni ta' informazzjoni u azzjoni kkoordinata bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u n-NATO ser jipproduċu riżultati f'oqsma bħalma huma rispons ta' terroriżmu għat-theddid ibridu, l-għarfien tas-sitwazzjoni, il-bini tar-reżiljenza, il-komunikazzjonijiet strateġiċi, iċ-ċibersigurtà u l-bini tal-kapaċità fir-rigward tas-sħab tal-UE; jemmen li aktar koordinazzjoni u kooperazzjoni eqreb ma' entitajiet multilaterali eżistenti oħra bħall-Eurocorps huma meħtieġa sabiex tiżdied is-sigurtà tal-UE; itenni li t-tiġdid tas-sħubijiet strateġiċi jenħtieġ li tkun ta' prijorità għall-UE;

52.  Jissottolinja r-rwol tal-Parlament fit-tfassil ta' politika estera ġenwina skont l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej; jistieden lill-Kunsill jaġixxi flimkien mal-Parlament matul l-istadji ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-politika barranija;

53.  Jirrikonoxxi l-ħidma tal-VP/RGĦ, u jistedinha tkompli tiżgura li r-rapporti annwali futuri jkunu aktar konċiżi u li jħarsu 'l quddiem, billi tiffoka fuq l-iktar prijoritajiet importanti għas-sena li jmiss u evalwazzjoni tal-miżuri mnedija fis-sena preċedenti, inkluż l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, sabiex tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-prestazzjoni tal-UE;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin ul-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.


Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja 2016 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni
PDF 496kWORD 78k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (2017/2122(INI))
P8_TA(2017)0494A8-0365/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979(1),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet ġenerali nri 12, 19 u 35 tas-CEDAW dwar il-vjolenza kontra n-nisa, nru 26 dwar il-ħaddiema migranti nisa u nru 32 dwar id-dimensjonijiet relatati mal-ġeneru tal-istatus ta' rifuġjat, tal-asil, taċ-ċittadinanza u tal-apolidija tan-nisa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 69/167 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tat-18 ta' Diċembru 2014(2), dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali tal-migranti kollha, ikun xi jkun l-istatus tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom tat-18 ta' Diċembru 1990(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325, 1820, 1888, 1889, 1960, 2106, 2122 u 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati(4), kif ukoll il-Konvenzjonijiet tal-ILO nri 43 u 97,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Settembru 2016(6),

–  wara li kkunsidra is-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li jimmiraw li jiżguraw il-paċi u l-prosperità għall-popli u għall-pjaneta(7),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul) tat-12 ta' April 2011, li l-UE ffirmat fit-13 ta' Ġunju 2017(8),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, adottati fl-1976 u riveduti fl-2011(9),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 8, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012(10),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015(11),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019): Rieżami ta' Nofs it-Terminu – Ġunju 2017" (SWD(2017)0254),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà bit-titolu "L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: it-Trasformazzjoni tal-Ħajjiet ta' Bniet u Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020", adottat fl-2015 (SWD(2015)0182),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppreżentata mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, fit-28 ta' Ġunju 2016(12), kif ukoll l-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija Globali bit-titolu "Minn Viżjoni Kondiviża għal Azzjoni Komuni: l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali", ippubblikat fl-2017(13),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK(14),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tat-13 ta' Mejju 2015 (COM(2015)0240) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2016 dwar it-twaqqif ta' Qafas ta' Sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, (COM(2016)0385),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, adottati fl-2007 u riveduti fl-2017(15),

–  wara li kkunsidra d-Dikjaranzzjoni Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp: "id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna,"(16), adottata mill-Kunsill, mill-Parlament u mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline, adottati fl-2014(17),

–  wara li kkunsidra l-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni offline u online li jagħtu l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, adottati fl-2013(18),

–  wara li kkunsidra l-protezzjoni internazzjonali tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin li jagħtu l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u tad-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew tat-Twemmin, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tar-reliġjon jew twemmin, adottati fil-21 ta' Frar 2011(19),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottati fl-2013(20),

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida għall-Politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, adottati fl-2001 u riveduti fl-2012(21),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali(22), u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin;

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati fl-2013(23),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi terzi, adottati fl-2001 u riveduti fl-2009(24),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni ta' Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali, adottati fl-2005 u riveduti fl-2009(25),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom, adottati fl-2008(26),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar it-tfal u l-konflitti armati, adottati fl-2003 u riveduti fl-2008(27),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli(28),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottati fl-2005 u riveduti fl-2008(29),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2015(30),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK(31),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015(32), u r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar is-suġġett,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni f'pajjiżi terzi(33),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(34),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE(35),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2016(36),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen(37), li tistieden lill-VP/RGħ tniedi inizjattiva bil-għan li timponi embargo fuq l-armi tal-UE kontra l-Arabja Sawdija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar każi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra l-Premju Sakharov tiegħu għal-Libertà tal-Ħsieb, li fl-2016 ingħata lil Nadia Murad u lil Lamiya Aji Bashar,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta(38), ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Kwistjonijiet tal-Minoranzi tat-28 ta' Jannar 2016 dwar il-minoranzi u d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta u s-sistemi analogi tal-istatus inerenti(39), u l-Istrument ta' Gwida tan-NU dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq id-dixxendenza,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-QKI: naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet(40),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0365/2017),

A.  billi l-Artikolu 21 tat-TUE jimpenja lill-Unjoni Ewropea fil-konfront ta' politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien tagħha stess, u li hija se taħdem biex tmexxi 'l quddiem fid-dinja: id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt internazzjonali; billi l-Unjoni ser taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

B.  billi l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi d-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u l-ġenoċidju, li jseħħu fid-dinja llum jeżiġu sforzi determinati min-naħa tal-komunità internazzjonali kollha;

C.  billi r-rispett, il-promozzjoni, l-indiviżibbiltà u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem huma pedamenti tal-PESK; billi fil-qafas tar-rwol tiegħu ta' skrutinju fuq il-PESK, il-Parlament għandu d-dritt li jinżamm infurmat u kkonsultat dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tagħha (Artikolu 36 tat-TUE);

D.  billi l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, adottata mill-Kunsill f'Ġunju 2016, issostni li d-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu integrati b'mod sistematiku fis-setturi ta' politika u l-istituzzjonijiet kollha, fosthom il-kummerċ internazzjonali u l-politika kummerċjali;

E.  billi ż-żieda fil-koerenza bejn il-politika interna u dik esterna tal-UE kif ukoll fost il-politiki esterni nnifishom tal-UE hija rekwiżit fundamentali għal politika effikaċi u ta' suċċess tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-konsistenza mtejba għandha tippermetti lill-UE tirrispondi aktar malajr fil-fażijiet bikrin tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u, f'ċerti każi, tipprevedi u tipprevjeni li jiġi kommess, inkluż fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali u tal-politika kummerċjali;

F.  billi l-impenn tal-UE favur multilateraliżmu effikaċi, bin-NU fil-qalba tiegħu, huwa parti integrali mill-politika esterna tal-Unjoni u huwa bbażat fuq il-konvinzjoni li sistema multilaterali bbażata fuq regoli u valuri universali hija l-aktar adatta biex jiġu indirizzati kriżijiet, sfidi u theddid globali;

G.  billi l-Artikolu 207 tat-TFUE jiddisponi li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tissejjes fuq il-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; billi li l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jħallu impatt fuq xulxin fil-pajjiżi terzi, u billi f'sistema ta' responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi, kif qiegħed jiġi diskuss fi ħdan in-NU, u ta' ktajjen ta' valur mondjali, il-komunità kummerċjali għandha rwol importanti xi twettaq biex toffri inċentivi pożittivi f'termini ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u r-responsabbiltà tal-kumpaniji; billi l-governanza tajba u l-awtoritajiet pubbliċi li jaġixxu fl-interess ġenerali jiżvolġu rwol importanti fl-imġiba kummerċjali; billi l-UE qiegħda tipparteċipa fl-isforzi ħalli jkun abbozzat trattat vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem;

H.  billi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, bħal minoranzi etniċi, lingwistiċi u reliġjużi, il-persuni b'diżabilità, il-persuni LGBTI, in-nisa, it-tfal, il-persuni li jfittxu asil u l-migranti, ħaqqha attenzjoni speċjali;

I.  billi n-nisa u t-tfal iħabbtu wiċċhom ma' theddid, diskriminazzjoni u vjolenza, partikolarment fiż-żoni tal-gwerra u taħt reġimi awtoritarji; billi l-ugwaljanza bejn is-sessi tħaddan il-valuri fundamentali Ewropej u hija minquxa fil-qafas ġuridiku u politiku tal-UE; billi l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet żdiedu f'dawn l-aħħar snin;

J.  billi l-Istati għandhom ir-responsabbiltà aħħarija li jissalvagwardjaw id-drittijiet kollha tal-bniedem permezz tal-adozzjoni u tal-implimentazzjoni ta' trattati u konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, il-monitoraġġ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-garanzija ta' rimedju effettiv għall-vittmi;

K.  billi l-atturi statali u mhux statali qegħdin dejjem aktar jikkommettu ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, inklużi ġenoċidji;

L.  billi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, inkluża l-libertà li dak li jkun jemmen jew ma jemminx u li jipprattika jew li ma jipprattikax ir-reliġjon li jagħżel, u li jħaddan, jabbanduna jew ibiddel reliġjon, trid tkun garantita fid-dinja kollha kemm hi u miżmuma mingħajr kundizzjonijiet, partikolarment bis-saħħa tad-djalogu interreliġjuż u interkulturali; billi l-adozzjoni ta' liġijiet li jipprojbixxu l-blasfemija hija prattika mifruxa, inkwantu l-Istati jistabbilixxu s-sanzjonijiet li jvarjaw minn sentenzi ta' priġunerija, swat bil-frosta għall-pieni tal-mewt;

M.  billi l-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, u t-twettiq ta' proċessi elettorali regolari, trasparenti u awtentiċi huma elementi essenzjali tad-demokrazija; billi fis-soċjetajiet fraġli, suxxettibbli għal kunflitt jew oppressivi, l-elezzjonijiet jistgħu xi kultant jikkawżaw vjolenza mifruxa;

N.  billi l-involviment f'diskussjoni ma' pajjiżi terzi fil-fora bilaterali u multilaterali kollha, pereżempju matul id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, huwa wieħed mill-aktar strumenti effikaċi għall-indirizzar ta' tħassib marbut mad-drittijiet tal-bniedem;

O.  billi jridu jsiru disponibbli riżorsi adegwati u jintużaw bl-aktar mod effiċjenti sabiex tittejjeb il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-pajjiżi terzi;

P.  billi l-aċċess għall-ilma u għas-sanità huwa dritt tal-bniedem fundamentali u r-restrizzjonijiet ta' dan l-aċċess huma waħda mill-kawżi tat-tensjoni ġeopolitika f'ċerti reġjuni;

Q.  billi s-siti ta' patrimonju kulturali qegħdin dejjem iktar jgħaddu minn theddid fil-forma ta' sakkeġġi u vandaliżmu illeċiti, speċjalment fil-Lvant Nofsani;

R.  billi l-edukazzjoni għandha rwol kruċjali x'tiżvolġi fil-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-kunflitti u tgħin biex iżżid il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan is-sistemi demokratiċi; billi l-istituti tal-edukazzjoni li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett u d-diversità għandhom ikunu sostnuti mill-Istati; billi l-kanali ta' komunikazzjoni, li n-numru tagħhom żdied, jirrappreżentaw strument importanti li permezz tiegħu jiġu kkomunikati malajr l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u jilħqu numru konsiderevoli ta' vittmi jew vittmi potenzjali tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi, b'hekk jingħataw kemm informazzjoni kif ukoll assistenza; billi l-ġbir ta' data diżaggregata huwa essenzjali għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment dawk tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, il-gruppi emarġinati u l-gruppi f'riskju ta' emarġinazzjoni; billi l-użu ta' indikaturi adegwati huwa wkoll mod effikaċi ta' valutazzjoni tal-progress min-naħa tal-Istati li jonoraw l-obbligi tagħhom skont it-trattati internazzjonali;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jesprimi tħassib serju dwar ir-repressjoni fil-konfront tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, li għadhom mhedda fuq livell dinji; ifakkar li l-UE impenjat ruħha li tippromwovi l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet u tal-valuri fundamentali, kif ukoll li tmexxi 'l quddiem lill-prinċipji demokratiċi, li jridu jissaħħu fuq skala dinjija;

2.  Itenni l-konvinzjoni qawwija tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jżommu mal-prinċipju tal-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija b'mod attiv, billi huma prinċipji fundamentali li jsaħħu lil xulxin fil-qalba tal-UE, fil-politiki kollha tal-UE, fosthom dawk b'dimensjoni esterna, bħal fl-oqsma tal-iżvilupp, tal-migrazzjoni, tas-sigurtà, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, tat-tkabbir tal-Unjoni u tal-kummerċ; itenni, f'dan ir-rigward, l-importanza kruċjali tal-iżgurar ta' aktar koerenza bejn il-politiki interni u dawk esterni tal-UE, u koordinament akbar bejn il-politiki esterni tal-Istati Membri; jisħaq fuq il-fatt li l-kumplessità dejjem akbar tal-kunflitti fid-dinja kollha teżiġi approċċ u kooperazzjoni internazzjonali integrati, magħqudin u vigorużi; ifakkar li l-objettiv tal-UE li żżid l-influwenza internazzjonali tagħha bħala attur internazzjonali kredibbli u leġittimu jissawwar fil-biċċa l-kbira tiegħu mill-kapaċità tagħha li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija f'ambitu intern u f'dak estern, konformement mal-impenji stabbiliti fit-trattati fundaturi tagħha;

3.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Parlament u d-delegazzjonijiet tal-UE bil-għan li tiġi promossa u żgurata vuċi konsistenti u magħquda favur id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza ta' impenn qawwi favur il-promozzjoni ta' dawn il-valuri fil-fora multilaterali, inkluż permezz ta' koordinament tempestiv fil-livell tal-UE kif ukoll approċċ attiv matul in-negozjati; jinkoraġġixxi lill-UE, f'dan il-kuntest, tagħti bidu u tkun sponsor konġunt ta' riżoluzzjonijiet kif ukoll tintensifika l-implimentazzjoni ta' inizjattivi transreġjonali fil-qafas tal-mekkaniżmi tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-2016, kien hemm dibattitu regolari fis-sessjonijiet plenarji tiegħu dwar l-istat tad-dritt, il-prinċipji demokratiċi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li kienu s-suġġett ta' diversi riżoluzzjonijiet parlamentari u tqajmu fil-laqgħat tal-kumitati u d-delegazzjonijiet interparlamentari;

5.  Jenfasizza l-ħidma tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI), li jżomm relazzjonijiet ta' ħidma mill-qrib mas-SEAE, ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE, mas-soċjetà ċivili, mal-istituzzjonijiet multilaterali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mar-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem;

6.  Ifakkar li, fl-2016, il-Kumitat DROI fassal tliet rapporti, konkretament dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni f'pajjiżi terzi, ir-responsabbiltà tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi, u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni konkreta b'segwitu għal dawn ir-rapporti fuq inizjattiva tal-Parlament;

7.   Josserva li, fl-2016, bosta missjonijiet tal-Kumitat DROI siefru f'pajjiżi differenti bil-għan li jiġbru informazzjoni u jaqsmuha mal-atturi governattivi u mhux governattivi lokali impenjati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, jippreżentaw il-pożizzjoni tal-Parlament u jinkoraġġixxu t-titjib tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rispett tagħhom;

Nindirizzaw l-isfidi tad-drittijiet tal-bniedem

8.  Jesprimi tħassib serju dwar l-għadd dejjem jiżdied ta' attakki kontra minoranzi reliġjużi, li ta' spiss isiru minn atturi mhux statali bħall-ISIS/Daesh; jiddeplora l-fatt li bosta pajjiżi għandhom u japplikaw liġijiet kontra l-konverżjoni u l-blasfemija, li jillimitaw effettivament, jew saħansitra jċaħħdu, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u l-libertà tal-espressjoni tal-minoranzi reliġjużi u tal-atei; jitlob miżuri maħsuba biex iħarsu lill-minoranzi reliġjużi, lil dawk li ma jemmnux u lill-atei, li jisfaw vittmi tal-liġijiet kontra l-blasfemija u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jidħlu f'diskussjonijiet politiċi bil-għan li dawn il-liġijiet jiġu revokati; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu r-rispett tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin u jippromwovu d-djalogu interreliġjuż u interkulturali fl-impenn tagħhom mal-pajjiżi terzi; jitlob li tittieħed azzjoni konkreta għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, inkluż billi jiġi żgurat taħriġ sistematiku u konsistenti tal-persunal tal-UE fis-sede ċentrali u fid-delegazzjonijiet; jappoġġa bis-sħiħ il-prattika tal-UE li tieħu l-inizjattiva fejn jidħlu riżoluzzjonijiet tematiċi dwar il-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC) u fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti; jappoġġa bis-sħiħ il-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Promozzjoni tal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin barra mill-UE, is-Sur Ján Figel;

9.  Itenni l-fatt li l-libertà tal-espressjoni, online u offline, hija komponent vitali ta' kwalunkwe soċjetà demokratika, billi trawwem kultura ta' pluraliżmu li tagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili u liċ-ċittadini li jżommu responsabbli lill-gvernijiet tagħhom u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għal għemilhom, u tappoġġa r-rispett tal-istat tad-dritt; jenfasizza li r-restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni online jew offline, pereżempju permezz tat-tneħħija ta' kontenut online, għandha ssir biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta preskritti mil-liġi u ġustifikati biex jintlaħaq għan leġittimu; jenfasizza, għaldaqstant, li l-UE għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-libertà tal-espressjoni permezz tal-politiki u tal-istrumenti esterni tagħha; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex itejbu l-monitoraġġ tagħhom ta' kull tip ta' restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni u tal-midja f'pajjiżi terzi, jikkundannaw malajr u sistematikament tali restrizzjonijiet u jużaw il-mezzi u l-istrumenti diplomatiċi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jeliminaw tali restrizzjonijiet; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni effikaċi tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline u li jsir monitoraġġ regolari tal-impatt tagħhom; jikkundanna l-mewt u l-inkarċerazzjoni ta' ħafna ġurnalisti u bloggers fl-2016 u jistieden lill-UE tagħtihom protezzjoni effettiva; jilqa' b'sodisfazzjon l-Istrument Ewropew il-ġdid għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), li tnieda fl-2016, bl-għan speċifiku tiegħu jkun fuq l-għoti ta' taħriġ lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-operaturi tal-midja fil-pajjiżi terzi dwar l-applikazzjoni tal-Linji Gwida; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żvelati u kkundannati d-diskors ta' mibegħda u l-inċitamenti għall-vjolenza, kemm fl-Internet kif ukoll fi bnadi oħra, billi jikkostitwixxu theddida għall-istat tad-dritt u għall-valuri rrappreżentati mid-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jinsab ferm inkwetat bil-fatt li s-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjoni konfessjonali, qiegħda dejjem aktar tkun taħt attakk fid-dinja kollha, fost oħrajn, minn għadd dejjem akbar ta' liġijiet repressivi adottati mad-dinja kollha, f'ċerti każi bil-pretest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; jissottolinja li t-tiċkin tal-ispazju tas-soċjetà ċivili huwa fenomenu globali; ifakkar li soċjetà ċivili indipendenti tiżvolġi rwol essenzjali fid-difiża u fil-progress tad-drittijiet tal-bniedem u fil-funzjonament tas-soċjetajiet demokratiċi, primarjament bis-saħħa tal-promozzjoni tat-trasparenza, tal-obbligu ta' rendikont u tas-separazzjoni tal-poteri; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimmonitorjaw b'mod kostanti u jqajmu każi ta' ksur tal-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, inkluż permezz ta' forom differenti ta' projbizzjonijiet u limitazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u l-attivitajiet tagħhom, pereżempju liġijiet li t-tir tagħhom ikunu li jċekknu l-ispazju tas-soċjetà ċivili jew il-promozzjoni tal-NGOs sponsorjati mill-gvernijiet awtoritarji (organizzazzjonijiet mhux governattivi kkontrollati mill-Istat (GONGOs)); jistieden ukoll lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lid-delegazzjonijiet tal-UE jużaw il-mezzi disponibbli kollha, bħad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-djalogi politiċi u d-diplomazija pubblika, biex iqajmu b'mod sistematiku każijiet individwali ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) u ta' attivisti tas-soċjetà ċivili f'riskju, b'mod partikolari dawk f'detenzjoni jew fil-ħabs minħabba raġunijiet arbitrarji u/jew minħabba l-fehmiet politiċi jew l-impenn soċjali tagħhom, u jiddenunzjaw b'mod inekwivoku r-repressjoni, il-vessazzjonijiet u l-qtil tad-DDB, anki dawk attivi fl-isfera ambjentali; jitlob it-twaqqif ta' sistema ta' monitoraġġ effikaċi tal-ispazju tas-soċjetà ċivili, b'parametri ta' riferiment u b'indikaturi ċari biex ikun żgurat kuntest ġuridiku favorevoli u propizju għas-soċjetà ċivili;

11.  Iħeġġeġ lill-persunal diplomatiku tad-delegazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri jkomplu jappoġġaw b'mod attiv lid-DDB billi jimmonitorjaw b'mod sistematiku l-proċessi, iżuru lil attivisti miżmuma l-ħabs u joħorġu dikjarazzjonijiet dwar każijiet individwali, meta jkun xieraq; jenfasizza l-importanza tal-istrumenti tad-diplomazija tas-silenzju f'dan ir-rigward; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-2016, l-UE qajmet każijiet ta' DDB fi djalogi u konsultazzjonijiet fil-livell tal-UE ma' aktar minn 50 pajjiż; jenfasizza l-fatt li fl-2016, il-Fond ta' Emerġenza tal-EIDHR appoġġa aktar minn 250 DDB fil-livell tal-UE – ċifra li tirrappreżenta żieda ta' 30 % meta mqabbla mal-2015; japprezza l-ħolqien u s-suċċess ta' "ProtectDefenders.eu", mekkaniżmu tal-UE għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem implimentat mis-soċjetà ċivili, li ta sostenn kruċjali lil bosta DDB; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiggarantixxi t-tkomplija tal-programm wara Ottubru 2018 u żżid il-kapaċitajiet tiegħu ħalli jagħti aktar sostenn lid-DDB fid-dinja kollha;

12.  Iqis li huwa ta' dispjaċir kbir li t-tortura, it-trattament inuman jew degradanti u l-piena tal-mewt jibqgħu jippersistu f'ħafna pajjiżi tad-dinja kollha u jistieden lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex teqridhom; jilqa' favorevolment, f'dan ir-rigward, ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, għat-tortura jew għal trattament jew piena oħrajn li jkunu krudili, inumani jew degradanti; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-VP/RGħ jinvolvu ruħhom b'aktar qawwa fil-ġlieda kontra t-tortura u trattament jew pieni oħra krudili, inumani u degradanti, inkluża l-piena tal-mewt, permezz ta' aktar sforzi diplomatiċi u teħid ta' pożizzjonijiet pubbliċi b'mod aktar sistematiku; jevidenzja, f'dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet inkwetanti ta' inkarċerazzjoni f'ċerti ħabsijiet, fosthom in-nuqqas ta' kura tal-kundizzjonijiet tas-saħħa u jirrakkomanda li s-SEAE, lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jisfruttaw sal-massimu l-istrumenti kollha eżistenti, ngħidu aħna l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tortura; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-riżoluzzjoni tan-NU dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Diċembru 2016, bl-appoġġ ta' 117-il pajjiż; josserva li, fl-2016, in-numru ta' eżekuzzjonijiet imwettqa fuq livell dinji niżel meta mqabbel mas-snin preċedenti u jesprimi t-tħassib serju tiegħu li n-numru kumplessiv ta' eżekuzzjonijiet madankollu baqa' ogħla mill-medja rreġistrata fl-għaxar snin preċedenti; jenfasizza li dawk li jkunu bersall spiss huma dissidenti tas-soċjetà u gruppi vulnerabbli; jistieden lill-pajjiżi li għadhom jirrikorru għal din il-prattika jadottaw moratorju u jabolixxu l-piena tal-mewt;

13.  Jirrikonoxxi l-importanza enormi li jista' jkollhom it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni moderni fil-promozzjoni, fid-difiża u fir-rimedju tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri tagħha jinqdew bil-kanali ta' informazzjoni tagħhom biex itennu sistematikament, fil-qafas tal-kompetenzi speċifiċi tagħhom, il-pożizzjoni tal-Parlament dwar id-diversi kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jikkontribwixxu għall-effikaċja u għall-viżibbiltà tal-isforzi komuni tal-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-użu dejjem akbar frekwenti ta' ċerti teknoloġiji ta' ċibersorveljanza b'użu doppju fil-konfront tal-politiċi, tal-attivisti u tal-ġurnalisti; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-ħidma li għaddejja fl-istituzzjonijiet tal-UE biex ikun aġġornat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju(41), jikkundanna bil-qawwa n-numru dejjem jiżdied ta' DDB li jħabbtu wiċċhom ma' theddid diġitali, inkluża data kompromessa permezz ta' konfiska ta' tagħmir, is-sorveljanza remota u l-kxif ta' data; jesprimi tħassib dwar il-fatt li xi pjattaformi online jħassru filmati leġittimi ta' evidenza ta' delitti tal-gwerra potenzjali bħala parti mit-tneħħija tal-kontenut u tal-propaganda terroristiċi ta' dawn il-pjattaformi;

14.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-privatizzazzjoni dejjem aktar frekwenti tal-istat tad-dritt online, fejn xi kumpaniji privati jiddeċiedu li jirrestrinġu ċerti drittijiet fundamentali, bħal-libertà tal-kelma, abbażi tal-kundizzjonijiet ġenerali ta' bejgħ tagħhom pjuttost milli skont il-liġijiet adottati b'mod demokratiku;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta mekkaniżmu ta' avviż u azzjoni biex iżżid it-trasparenza u l-proporzjonalità tal-proċeduri ta' tneħħija ta' kontenut online filwaqt li toffri rimedji effikaċi lill-utenti li l-kontenut tagħhom tneħħa illeġittimament;

16.  Jikkundanna l-użu tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa u l-bniet, inklużi l-istupri tal-massa, l-iskjavitù sesswali, il-prostituzzjoni furzata, il-forom ta' persekuzzjoni bbażati fuq il-ġeneru, it-traffikar, it-turiżmu sesswali u kull forma ta' vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika, bħala arma tal-gwerra; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-delitti relatati mal-ġeneru u d-delitti ta' vjolenza sesswali huma kklassifikati fl-Istatut ta' Ruma bħala delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità jew atti kostituttivi fir-rigward tal-ġenoċidju jew it-tortura; jisħaq fuq l-importanza tad-difiża tad-drittijiet tan-nisa, inklużi d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni, tal-edukazzjoni u b'sostenn lill-OSĊ; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020, li jipprovdi lista komprensiva ta' miżuri biex tittejjeb is-sitwazzjoni tan-nisa rigward l-ugwaljanza tad-drittijiet u l-awtonomizzazzjoni; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tiegħu; jilqa' wkoll l-adozzjoni tal-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019, li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa fid-dinja kollha; jisħaq fuq l-importanza tar-ratifika u tal-implimentazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni ta' Istanbul min-naħa tal-Istati Membri kollha; jirrimarka li l-edukazzjoni hija l-aħjar strument għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza fuq in-nisa u t-tfal; jitlob li l-Kummissjoni, is-SEAE u l-VP/RGħ jintensifikaw il-proċess li bih jonoraw l-obbligi u l-impenji tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa fil-qafas tas-CEDAW u jinkoraġġixxi lill-pajjiżi terzi jagħmlu pariġġ; jemmen fil-ħtieġa li l-UE tkompli tintegra l-appoġġ lin-nisa fl-operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fir-rikostruzzjoni wara kunflitt; itenni l-importanza tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, l-paċi u s-sigurtà; jisħaq fuq l-importanza li n-nisa jipparteċipaw b'mod sistematiku, ugwali, sħiħ u attiv fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tar-riformi demokratiċi, kif ukoll fl-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, fl-assistenza umanitarja, fil-proċessi ta' rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti u ta' tranżizzjoni demokratika li jwasslu għal soluzzjonijiet politiċi dejjiema u stabbli; ifakkar li, fl-2016, il-Premju Sakharov ingħata lil Nadia Murad u lil Lamiya Aji Bashar, superstiti tat-tjassir sesswali min-naħa tal-ISIS/Daesh;

17.  Jenfasizza li l-kura tas-saħħa aċċessibbli u r-rispett u l-aċċess universali għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, l-ippjanar tal-familja u l-aċċess għall-prodotti għall-iġjene tan-nisa adegwati kif ukoll għall-kura tas-saħħa materna, prenatali u neonatali u għal servizzi għal abort sigur, huma elementi importanti biex tissalva l-ħajja tan-nisa u li jikkontribwixxu biex ikun evitat it-twelid b'riskju għoli u tonqos il-mortalità infantili u tat-trabi; iqis li hu inaċċettabbli li l-ġisem tan-nisa u tal-bniet, speċifikament fir-rigward tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom, għadu battalja ideoloġika; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-drittijiet inaljenabbli tan-nisa u tal-bniet għall-integrità fiżika u l-possibbiltà li jiddeċiedu b'mod awtonomu f'dan l-ambitu, u jikkundanna l-ksur frekwenti tad-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa, inkluż it-tiċħid ta' aċċess għal servizzi tal-ippjanar tal-familja, għal kontraċettivi u għal servizzi ta' abort sigur u legali;

18.  Jikkundanna bil-qawwa r-reintroduzzjoni u l-espansjoni tar-Regola "Global Gag" u l-impatt tagħha fuq il-kura tas-saħħa globali tan-nisa u tal-bniet u d-drittijiet relatati; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex timtela l-lakuna ta' finanzjament dovuta għat-tluq tal-Istati Uniti fil-qasam tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, bl-użu ta' finanzjament għall-iżvilupp kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE;

19.  Ifakkar li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, u li l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi tikkostitwixxi wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Unjoni hekk kif stabbiliti fit-trattati; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-leġiżlazzjoni tal-UE, fil-linji gwida, fl-azzjonijiet u fil-finanzjament bħala prinċipju fundamentali tal-Unjoni, b'enfasi speċjali fuq il-politiki tar-relazzjonijiet esterni tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE, kif ukoll dak tal-Konsulent Prinċipali tas-SEAE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi billi jiġi żgurat baġit speċifikament intiż għall-qasam tal-kompetenzi tagħha;

20.  Jistieden lis-SEAE jiżgura li l-eżiti tal-61 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) jiġu inklużi fil-politiki tiegħu u jipprovdu impetu ġdid favur il-promozzjoni tal-"awtonomizzazzjoni ekonomika tan-nisa" u l-indirizzar tal-inugwaljanzi bejn is-sessi f'dinja tax-xogħol li qed tinbidel;

21.  Josserva l-kontribut pożittiv tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa fil-kisba ta' soċjetà inklużiva, ekwa u paċifika u favur żvilupp sostenibbli; jissottolinja li l-enfasi fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-awtonomizzazzjoni tan-nisa hija espliċita fl-SDGs kollha u li għandhom isiru aktar sforzi biex jiġi żgurat li d-drittijiet tan-nisa jkunu sostnuti b'mod sħiħ u li l-politiki li jippromwovu l-awtonomizzazzjoni ekonomika u soċjali u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess deċiżjonali jkunu implimentati b'mod effettiv; jissottolinja l-fatt li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-awtonomizzazzjoni tan-nisa indiġeni;

22.  Josserva li n-nisa għandhom jitħeġġu jorganizzaw ruħhom fi trade unions, u li m'għandhomx jiġu diskriminati meta jkunu qed ifittxu finanzjament għal negozju;

23.  Jistieden lill-UE tappoġġa l-assoċjazzjonijiet tan-nisa kollha li ta' kuljum jaħdmu biex jappoġġaw lin-nisa fi kriżijiet umanitarji u kunflitti;

24.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa urġenti għar-ratifika universali u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) u l-Protokolli Fakultattivi tagħha, biex it-tfal jingħataw protezzjoni ġuridika; jissottolinja li t-tfal spiss huma esposti għal abbuż speċifiku, bħal żwieġ prekoċi jew mutilazzjoni ġenitali, u għalhekk għandhom bżonn protezzjoni msaħħa; jissottolinja li t-tħaddim tat-tfal, ir-reklutaġġ ta' tfal fil-kunflitti armati u ż-żwieġ prekoċi u furzat għadhom problemi ta' importanza kritika f'ċerti pajjiżi; jitlob li l-UE tikkonsulta b'mod sistematiku lill-organizzazzjonijiet rilevanti lokali u internazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal u, fid-djalogi politiċi tagħha u dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem, tqajjem il-kwistjoni tal-obbligu tal-Istati Partijiet li jimplimentaw il-Konvenzjoni; jilqa' pożittivament l-Istrateġija tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tat-Tfal (2016-2021); jitlob li l-UE tkompli tippromwovi s-sett ta' għodod għad-Drittijiet tat-Tfal tal-UE u l-UNICEF għall-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp permezz tad-delegazzjonijiet esterni tagħha, u li tħarreġ il-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE b'mod adegwat f'dan il-qasam; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproponi strateġija komprensiva dwar id-drittijiet tat-tfal kif ukoll pjan ta' azzjoni għall-ħames snin li ġejjin bil-għan li tagħti l-prijorità lid-drittijiet tat-tfal fil-politiki esterni tal-UE; japprezza l-fatt li fl-ambitu tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-2016, ġew allokati riżorsi biex tingħata għajnuna lill-aġenziji tan-NU ħalli jieħdu miżuri mmirati li jipproteġu d-drittijiet tat-tfal, li jridu jitfasslu biex ikun immassimizzat il-benefiċċju effettiv għat-tfal fil-bżonn, partikolarment fil-qasam tas-sistemi tas-saħħa u tal-aċċess għall-edukazzjoni, għall-ilma u għas-sanità; jitlob li tinstab b'urġenza soluzzjoni għall-kwistjoni tat-tfal apolidi, b'mod partikolari dawk li twieldu barra mill-pajjiż tal-oriġini tal-ġenituri tagħhom, kif ukoll it-tfal migranti;

25.  Jikkundanna bil-qawwa kollha kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni, inkluża dik fuq il-bażi ta' razza, kulur, reliġjon, ġeneru, orjentament sesswali, karatteristiċi sesswali, lingwa, kultura, oriġini soċjali, kasta, twelid, età, diżabilità jew kwalunkwe stat ieħor; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex telimina kull tip ta' diskriminazzjoni, razziżmu, ksenofobija u forom oħrajn ta' intolleranza permezz tad-djalogi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-djalogi politiċi, il-ħidma tad-delegazzjonijiet tal-UE u d-diplomazija pubblika; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li l-UE tkompli tippromwovi r-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa tal-konvenzjonijiet kollha tan-NU favur dan is-suġġett;

26.  Itenni l-fatt li "traffikar tal-bnedmin" tfisser ir-reklutaġġ, it-trasport, it-trasferiment, il-ħabi jew l-ilqugħ ta' persuni, permezz tat-theddid tal-forza jew tal-użu tagħha jew forom oħra ta' koerċizzjoni, ħtif, frodi, qerq, abbuż ta' poter jew ta' pożizzjoni ta' vulnerabbiltà jew permezz tal-għoti jew teħid ta' ħlas jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta' persuna li għandha kontroll fuq persuna oħra, għall-fini ta' sfruttament; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiskoraġġixxu t-talba li fuqha jissejsu l-forom kollha ta' sfruttament tal-persuni, speċjalment tan-nisa u tat-tfal, li twassal għat-traffikar, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u ċċentrat fuq il-vittmi; itenni l-bżonn li l-Istati Membri kollha jimplimentaw l-Istrateġija tal-UE għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin u d-Direttiva 2011/36/UE(42) f'dan ir-rigward; Jesprimi tħassib kbir għall-vulnerabbiltà estrema tal-migranti u tar-rifuġjati għall-isfruttament, għat-traffikar u għall-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin; jisħaq fuq il-bżonn li tinżamm distinzjoni bejn il-kunċetti ta' traffikar tal-bnedmin u ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin;

27.  Jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni li jsofru minħabba ġerarkiji ta' kasti u diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti, inkluż it-tiċħid tal-ugwaljanza u ta' aċċess għall-ġustizzja u għax-xogħol, is-segregazzjoni li għadha għaddejja u l-ostakli indotti mill-kasti għall-ksib tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp bażiċi; itenni l-appell tiegħu għall-iżvilupp ta' politika tal-UE dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasti u biex l-UE taħtaf kull opportunità biex tesprimi t-tħassib serju tagħha dwar tali ksur tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi u s-sostenn favur inizjattivi relatati fil-livell tan-NU u ta' delegazzjoni, billi jiġu implimentati u sorveljati l-SDGs għall-2030, tkun immonitorjata l-osservanza tal-Istrument ta' Gwida tan-NU dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq id-dixxendenza u tkun sostnuta l-implimentazzjoni, min-naħa tal-Istati, tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati fl-ambitu tal-mekkaniżmu tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem rigward il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni marbuta mal-kasta;

28.  Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-minoranzi għadhom f'periklu ikbar ta' diskriminazzjoni u li huma speċjalment vulnerabbli għall-bidliet u t-taqlib politiċi, ekonomiċi, ambjentali u dawk marbuta max-xogħol; jinnota li ħafna minnhom ftit li xejn għandhom aċċess għar-rappreżentanza politika u li huma affettwati b'mod qawwi mill-faqar; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tqawwi l-isforzi tagħha biex telimina l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jiġi kommess fil-konfront tal-minoranzi; jenfasizza li l-komunitajiet minoritarji għandhom ħtiġijiet speċjali u għandu jkunilhom garantit aċċess sħiħ u trattament indaqs fis-setturi kollha tal-ħajja ekonomika, soċjali, politika u kulturali;

29.  Jilqa' favorevolment ir-ratifika tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) u jtenni l-importanza tar-ratifika u tal-implimentazzjoni effikaċi tagħha min-naħa kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza li d-diżabilitajiet ma jċaħħdux lill-persuni mid-dinjità umana, u dan ifisser li l-Istat għandu d-dmir li jipproteġihom; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġu integrati b'mod kredibbli l-prinċipju ta' aċċessibbiltà universali u d-drittijiet kollha ta' persuni b'diżabilità fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, inkluż fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u jenfasizza n-natura preskrittiva u orizzontali ta' din il-kwistjoni; jappella li l-UE tinkorpora l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi tad-diżabilità fl-azzjoni esterna tagħha u fil-politiki dwar l-għajnuna għall-iżvilupp; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-inklużjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fil-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp;

30.  Itenni l-appoġġ tiegħu favur l-introduzzjoni sistematika ta' klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, inklużi l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment; ifakkar li huwa indispensabbli li jingħata valur ugwali lid-drittijiet tal-bniedem kollha, u dawn tal-aħħar huma indiviżibbli, interdipendenti u marbutin ma' xulxin; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dawn il-klawsoli b'mod effikaċi u sistematiku u tipprovdi rapporti regolari lill-Parlament dwar ir-rispett min-naħa tal-pajjiżi sħab għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar strutturat u strateġiku fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-ambitu tal-ftehimiet futuri; jesprimi fehma pożittiva dwar is-sistema ta' preferenzi SPĠ+ bħala mezz biex titħeġġeġ l-implimentazzjoni effikaċi ta' 27 konvenzjoni internazzjonali fundamentali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tax-xogħol; jappella għall-applikazzjoni reali tal-SPĠ+ u jistenna li l-Kummissjoni tirrapporta lura għand il-Parlament u il-Kunsill dwar l-istat ta' ratifika tagħha u l-progress li sar f'din l-iskema; itenni l-importanza ta' implimentazzjoni korretta tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

31.  Jafferma mill-ġdid il-fatt li l-attivitajiet tal-kumpaniji kollha, inklużi dawk Ewropej, li joperaw f'pajjiżi terzi għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li dan isir; jafferma mill-ġdid, barra minn hekk, l-importanza li tiġi promossa responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji u li l-impriżi Ewropej jiżvolġu rwol minn ta' quddiem fil-promozzjoni tal-istandards internazzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, u jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn id-drittijiet tal-bniedem u d-dinja tan-negozju tkun tawtonomizza lill-atturi lokali u tippromwovi s-soċjetà ċivili; jirrikonoxxi li l-ktajjen ta' valur mondjali jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-istandards internazzjonali fundamentali fil-qasam tax-xogħol kif ukoll ta' natura ambjentali u soċjali u jirrappreżentaw opportunità u sfidi rigward il-progress sostenibbli u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-UE tiżvolġi rwol aktar attiv biex tikseb ġestjoni adegwata, ekwa, trasparenti u sostenibbli tal-ktajjen ta' valur mondjali u ttaffi l-effetti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-ksur tad-drittijiet tax-xogħol; jissottolinja, madankollu, li fil-każ ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju, lill-vittmi għandu jiġihom garantit aċċess effettiv għar-rimedji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti sostnuti mill-BEI jkunu konformi mal-politika tal-UE u mal-impenji tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jieħu nota tan-negozjati li għaddejjin għal trattat vinkolanti dwar il-kumpaniji transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi lill-UE tieħu sehem kostruttiv f'dawn in-negozjati;

32.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw il-piż politiku kollu tagħhom biex jevitaw kwalunkwe att li jista' jitqies bħala ġenoċidju, delitt tal-gwerra jew delitt kontra l-umanità, jirrispondu b'mod effiċjenti u koordinat meta jseħħu delitti bħal dawn, jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha meħtieġa biex iressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk kollha responsabbli, anki bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali, u jgħinu lill-vittmi u jappoġġaw il-proċessi ta' stabbilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni; jistieden lill-komunità internazzjonali toħloq strumenti li jimminimizzaw l-intervall bejn it-twissija u r-reazzjoni, bħas-sistema ta' twissija bikrija tal-UE, sabiex jiġi evitat li l-kunflitti vjolenti jfeġġu, ifeġġu mill-ġdid u jeskalaw;

33.  Jistieden lill-UE ssostni lill-organizzazzjonijiet (fosthom l-NGOs, l-organizzazzjonijiet li jinvestigaw abbażi ta' sorsi miftuħa u s-soċjetà ċivili) li jiġbru, iżommu u jipproteġu informazzjoni, kemm f'format diġitali jew f'format ieħor, relatata mad-delitti kommessi, bil-għan li tkun iffaċilitata il-prosekuzzjoni internazzjonali tagħhom;

34.  Jesrpimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-qerda ta' siti ta' patrimonju kulturali fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Jemen u fil-Libja; josserva li fost it-38 sit ta' patrimonju kulturali fil-periklu fid-dinja, 22 jinsabu fil-Lvant Nofsani; jappoġġa l-attivitajiet tal-Inizjattiva "Patrimonju Kulturali" u l-attivitajiet tagħha ta' ġbir ta' informazzjoni fis-Sirja u fl-Iraq b'rabta mal-qerda tal-patrimonju arkeoloġiku u kulturali;

35.  Jilqa' pożittivament l-isforzi tal-UE maħsuba biex isostnu l-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (MIII) stabbilit min-NU biex jassisti fl-investigazzjoni dwar id-delitti l-aktar serji li twettqu fis-Sirja; jisħaq fuq il-bżonn li jitwaqqaf mekkaniżmu indipendenti simili fl-Iraq; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri li għadhom ma kkontribwewx finanzjarjament għall-MIII biex jagħmel dan;

36.  Jikkundanna bil-qawwa d-delitti faħxin u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kommessi minn atturi statali u mhux statali; jinsab imwaħħax quddiem il-firxa wiesgħa ta' delitti kommessi, fosthom omiċidji, tortura, stupru bħala arma tal-gwerra, tjassir u skjavitù sesswali, reklutaġġ ta' suldati tfal, konverżjonijiet reliġjużi furzati u t-"tindif" sistematiku u l-qtil tal-minoranzi reliġjużi; ifakkar li s-sitwazzjoni li fiha jinsabu l-minoranzi reliġjużi fit-territorji ggvernati mill-ISIS/Daesh ġiet kkwalifikata bħala ġenoċidju mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(43); jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jmisshom isostnu l-prosekuzzjoni tal-membri ta' gruppi mhux statali bħall-ISIS/Daesh billi jitolbu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni fil-materja lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) jew jiggarantixxi li ssir ġustizzja permezz ta' tribunal ad hoc jew il-ġurisdizzjoni universali;

37.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-QKI, l-Istatut ta' Ruma, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, is-setgħat proprio motu tal-Prosekutur u l-progress magħmul fil-ftuħ ta' investigazzjonijiet ġodda bħala mezz essenzjali fil-ġlieda kontra l-impunità għal delitti atroċi; jistieden lill-Istati Membri kollha jirratifikaw l-emendi ta' Kampala dwar id-delitt ta' aggressjoni u jżidu d-"delitti atroċi" fil-lista tar-reati li għalihom hija kompetenti l-UE; jikkundanna kwalunkwe tentattiv biex ikunu mminati l-leġittimità jew l-indipendenza tal-QKI u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jikkooperaw b'mod konsistenti biex ikunu sostnuti l-investigazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-QKI, bl-iskop li tintemm l-impunità tad-delitti internazzjonali, anki fejn jidħol l-arrest ta' persuni mfittxija mill-QKI; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiggarantixxu sostenn kostanti għall-eżamijiet, għall-investigazzjonijiet u għad-deċiżjonijiet tal-QKI u jieħdu provvedimenti kif ukoll jirreaġixxu b'mod effikaċi għall-istanzi ta' nuqqas ta' kooperazzjoni mal-QKI u jipprevedu finanzjamenti adegwati; jilqa' b'sodisfazzjon il-laqgħa tas-6 ta' Lulju 2016 bejn ir-rappreżentanti tal-UE u tal-QKI fi Brussell, bi tħejjija għat-tieni diskussjoni madwar mejda tonda UE-QKI, li tagħti lill-persunal rilevanti tal-QKI u tal-istituzzjonijiet tal-UE l-possibbiltà li jidentifikaw oqsma ta' interess komuni, jiskambjaw informazzjoni dwar attivitajiet rilevanti u jiżguraw kooperazzjoni aħjar bejn iż-żewġ partijiet; jinnota b'dispjaċir kbir id-dikjarazzjonijiet reċenti ta' rtirar mill-Istatut ta' Ruma, li jirrappreżentaw sfida f'dak li jirrigwarda l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja u li jenħtieġ li jiġu kkundannati bla riżervi; iqis lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lis-Istati Membri għandhom ikompli jinkoraġġixxi lill-pajjiżi terzi jirratifikaw u japplikaw l-Istatut ta' Ruma; itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex taħtar RSUE għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u l-Ġustizzja Internazzjonali bil-mandat li jippromwovi, jintegra u jirrappreżenta l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità u favur il-QKI fil-politiki barranin tal-UE; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsostnu l-mekkaniżmi ta' obbligu ta' rendikont u r-riżoluzzjonijiet tan-NU fil-fora multilaterali tan-NU, inkluż il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;

38.  Iħeġġeġ lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura f'livell multilaterali u bilaterali bħala prinċipju fundamentali għall-konsolidament tad-demokrazija; iħeġġeġ lill-UE tappoġġa l-amministrazzjoni imparzjali tal-ġustizzja mad-dinja kollha billi tassisti r-riformi leġiżlattivi u istituzzjonali fil-pajjiżi terzi; jinkoraġġixxi wkoll lid-delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri jimmonitorjaw il-proċessi b'mod sistematiku bil-għan li tiġi promossa l-indipendenza tal-ġudikatura;

39.  Jesprimi tħassib profond u solidarjetà mal-għadd kbir ta' rifuġjati, migranti u persuni li jfittxu asil, fosthom għadd dejjem ikbar ta' nisa, bħala vittmi ta' kunflitti, vjolenza, persekuzzjoni, nuqqasijiet fil-governanza, faqar, migrazzjoni irregolari u netwerks ta' traffikar u ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jittieħdu passi reali biex jingħelbu l-kawżi profondi tal-flussi migratorji u jinstabu soluzzjonijiet fit-tul ibbażati fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità, u għalhekk tkun indirizzata d-dimensjoni esterna tal-kriżi tar-rifuġjati, anki billi jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-kunflitti fil-viċinat Ewropew, pereżempju bis-saħħa tal-iżvilupp tal-kooperazzjoni u ta' sħubijiet mal-pajjiżi terzi kkonċernati li jikkonformaw mad-dritt internazzjonali u jkun żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għall-vjolenza kontra t-tfal migranti, inklużi t-tfal migranti li għebu, mhux akkumpanjati, u jitlob pjanijiet ta' risistemazzjoni, riunifikazzjoni tal-familja u kurituri umanitarji; jinsab inkwetat mhux ftit għas-sitwazzjoni mwiegħra u n-numru dejjem akbar ta' persuni spostati internament u jappella għar-ritorn sikur tagħhom, għar-risistemazzjoni tagħhom jew għall-integrazzjoni lokali tagħhom; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu assistenza umanitarja fil-qasam tal-edukazzjoni, tal-akkomodazzjoni, tas-saħħa u għal żoni umanitarji oħrajn li jassistu lir-rifuġjati l-eqreb tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom, u jimplimentaw adegwatament il-politiki ta' ritorn; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ komprensiv ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tal-migrazzjoni u jistieden lill-UE tikkoopera aktar man-NU, mal-organizzazzjonijiet reġjonali, mal-gvernijiet u mal-NGOs; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett Ewropew komuni fil-qasam tal-asil u l-leġiżlazzjoni komuni fil-qasam tal-migrazzjoni, partikolarment bil-għan li jitħarsu l-persuni vulnerabbli li jfittxu asil; jissottolinja li l-kunċetti ta' pajjiż bla periklu u ta' pajjiż ta' oriġini bla periklu ma għandhom l-ebda mod jimpedixxu l-eżami tal-applikazzjonijiet individwali għall-asil; iwissi kontra l-istrumentalizzazzjoni tal-politika barranija tal-UE bħala "ġestjoni tal-migrazzjoni"; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu trasparenza totali rigward il-fondi allokati lill-pajjiżi terzi għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u jiżguraw li tali kooperazzjoni ma tmurx għall-vantaġġ tal-istrutturi involuti fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, iżda pjuttost tmur pari passu mat-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi;

40.  Iqis li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, inklużi l-istat tad-dritt u l-governanza tajba għandhom jimxu pari passu; ifakkar f'dan il-kuntest li n-NU ddikjaraw li, mingħajr approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-objettivi ta' żvilupp ma jistgħux jintlaħqu bis-sħiħ; ifakkar ukoll li l-UE impenjat ruħha li tappoġġa lill-pajjiżi sħab filwaqt li tqis is-sitwazzjoni tal-iżvilupp u tal-progress tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija;

41.  Jirrimarka li r-rata ta' nies f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali hija ogħla fost in-nisa, u jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha biex timplimenta miżuri biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali bħala parti mill-politiki ta' żvilupp tagħha;

42.  Ifakkar li t-tieni kriterju tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK jobbliga lill-Istati Membri jeżaminaw kull liċenzja tal-esportazzjoni ta' armi skont ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ta' destinazzjoni; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-impenn li ħadet il-Kummissjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija b'rabta mal-forzi tas-sigurtà u mal-implimentazzjoni tal-politika tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika ta' diliġenza dovuta f'dan is-settur;

43.  Itenni l-appell tiegħu għal pożizzjoni tal-UE komuni dwar l-użu ta' droni armati li ssostni d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas ġuridiku, il-proporzjonalità, l-obbligu ta' rendikont, il-protezzjoni taċ-ċivili u t-trasparenza; jinsisti għal darb'oħra li l-UE tipprojbixxi l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman;

44.  Iqis li l-UE għandha tkompli bl-isforzi tagħha għat-titjib tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI, b'konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar is-suġġett; jappella għall-implimentazzjoni totali tal-Linji Gwida, inkluż permezz tat-taħriġ tal-persunal tal-UE fil-pajjiżi terzi; jiddenunzja l-fatt li 72 pajjiż għadhom jikkriminalizzaw l-omosesswalità; huwa mħasseb bil-fatt li 13 minnhom jipprevedu l-piena tal-mewt, u jemmen li l-prattiki vjolenti u l-atti ta' vjolenza kontra individwi għal raġunijiet tal-orjentament sesswali tagħhom, bħal dikjarazzjonijiet furzati tal-omosesswalità, reati ta' mibegħda u diskors ta' inċitament għall-mibegħda online u offline kif ukoll l-istupru korrettiv ma għandhomx jibqgħu mingħajr sanzjonijiet; jieħu nota tal-legalizzazzjoni f'ċerti pajjiżi taż-żwieġ u tal-unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess u jinkoraġġixxi li dawn ikomplu jiġu rikonoxxuti; jikkundanna l-ksur tal-integrità fiżika fil-konfront tan-nisa u tal-gruppi minoritarji; jitlob lill-Istati jagħmlu dawn il-prattiki illegali, jaffrontaw dawk responsabbli għalihom u jagħtu appoġġ lill-vittmi;

45.  Jenfasizza l-importanza fundamentali tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, f'kull forma tagħha, bil-għan li jitħarsu l-istat tad-dritt, id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna bis-saħħa kwalunkwe mġiba jew aġir li jagħlqu għajnejhom għal tali prattiki korrotti;

46.  Ifakkar li l-korruzzjoni thedded il-fatt li d-drittijiet tal-bniedem ma jitgawdewx b'mod ugwali minn kulħadd u ddgħajjef il-proċessi demokratiċi bħall-istat tad-dritt u l-amministrazzjoni imparzjali tal-ġustizzja; huwa tal-opinjoni li l-UE għandha tenfasizza fil-pjattaformi kollha ta' djalogu mal-pajjiżi terzi l-importanza tal-integrità, l-obbligu ta' rendikont u l-ġestjoni tajba tal-affarijiet pubbliċi, tal-finanzi pubbliċi u tal-proprjetà pubblika, kif stabbilit fil-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (UNCAC); jirrakkomanda li l-UE tuża l-kompetenzi tagħha biex tappoġġa lill-pajjiżi terzi b'mod aktar konsistenti u sistematiku fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-korruzzjoni bit-twaqqif u bil-konsolidament ta' istituzzjonijiet indipendenti u effikaċi kontra l-korruzzjoni; jistieden partikolarment lill-Kummissjoni tinnegozja dispożizzjonijiet għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ftehimiet kummerċjali kollha futuri li tinnegozja mal-pajjiżi terzi;

47.  Jiġbed l-attenzjoni għall-obbligi u għar-responsabbiltajiet essenzjali tal-Istati u ta' entitajiet responsabbli oħra biex itaffu t-tibdil fil-klima, jipprevjenu l-effetti negattivi tiegħu fuq id-drittijiet tal-bniedem u jippromwovu l-koerenza tal-politiki sabiex jiġi żgurat li l-isforzi ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih ikunu adegwati, ambizzjużi biżżejjed, mhux diskriminatorji u ġeneralment konformi mal-obbligi relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-fatt li n-NU jistimaw li sal-2050 se jkun hemm ħafna persuni spostati minħabba raġunijiet ambjentali; jenfasizza r-rabta bejn il-politiki kummerċjali, il-politiki ambjentali u l-politiki ta' żvilupp, kif ukoll l-impatt pożittiv u negattiv li tali politiki jistgħu jkollhom fuq id-drittijiet tal-bniedem; japprezza d-dedikazzjoni internazzjonali għall-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-kwistjonijiet rigward id-diżastri ambjentali u naturali u t-tibdil fil-klima mad-drittijiet tal-bniedem;

48.  Jenfasizza ż-żieda konsiderevoli fil-ħtif tal-art ta' dawn l-aħħar snin fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis li l-ġlieda kontra l-isfruttament u l-approprjazzjoni ta' riżorsi għandha tkun prijorità; jikkundanna l-prattiki bħall-ħtif tal-art u l-użu indiskriminat tar-riżorsi naturali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni b'urġenza bħala reazzjoni għall-bosta riżoluzzjonijiet tal-Parlament li jittrattaw dan is-suġġett;

49.  Jissottolinja l-importanza li jiġu żgurati d-drittijiet tal-bniedem u li l-aċċess għall-beni u għas-servizzi bħall-ilma u s-sanità jkun ittrattat fil-politiki fil-qasam soċjali, tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tas-sigurtà;

50.  Jistieden lill-istituzzjonijiet internazzjonali, lill-gvernijiet nazzjonali, lill-NGOs u lill-individwi jaħdmu f'sinerġija biex ikun stabbilit qafas regolatorju xieraq bil-għan li jiżgura li lil kulħadd fid-dinja jkunlu garantit aċċess għal kwantità minima ta' ilma; jissottolinja l-fatt li l-ilma ma għandux jitqies bħala merkanzija iżda kwistjoni ta' żvilupp u ta' sostenibbiltà u li l-privatizzazzjoni tal-ilma ma teżonerax lill-Istati mir-responsabbiltajiet tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-pajjiżi li fihom l-ilma huwa waħda mill-kawżi ta' tensjoni jew kunflitt jikkoorperaw biex l-ilma jinqasam bil-għan li jkun hemm sitwazzjoni vantaġġuża għal kulħadd għal finijiet ta' sostenibbiltà u żvilupp paċifiku tar-reġjun;

Nindirizzaw l-isfidi u l-attivitajiet ta' sostenn għad-demokrazija

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkompli ssostni b'mod attiv l-istituzzjonijiet demokratiċi u effikaċi li jieħdu ħsieb id-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili fl-isforzi tagħhom favur id-demokratizzazzjoni; japprezza l-assistenza imprezzabbli li tingħata lill-OSĊ mad-dinja kollha fil-qafas tal-EIDHR, li tkompli tikkostitwixxi l-istrument emblematiku tal-UE fl-implimentazzjoni tal-politika esterna tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa', barra minn hekk, l-isforzi konsistenti tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija biex jippromwovi d-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE;

52.  Ifakkar li l-esperjenza miksuba u t-tagħlimiet li nsiltu mit-tranżizzjoni għal demokrazija fil-qafas tal-politika ta' tkabbir u tal-viċinat jistgħu jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki li jistgħu jintużaw għall-appoġġ u l-konsolidament ta' proċessi oħrajn ta' demokratizzazzjoni mad-dinja kollha;

53.  Itenni, f'dan il-kuntest, l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa linji gwida tal-UE għal appoġġ għad-demokrazija;

54.  Jirrakkomanda li l-UE żżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa approċċ aktar komprensiv lejn il-proċessi ta' demokratizzazzjoni, fejn elezzjonijiet ħielsa u ġusti jikkostitwixxu biss dimensjoni waħda minnhom, biex b'hekk jingħata kontribut pożittiv għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-fiduċja pubblika fil-proċessi elettorali fid-dinja kollha;

55.  Jilqa' t-tmien Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali (MOE) u t-tmien Missjonijiet ta' Esperti Elettorali (MEE) min-naħa tal-UE fid-dinja kollha fl-2016; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li mill-2015 'il quddiem l-UE bagħtet 17-il MOE u 23 MEE; itenni l-opinjoni pożittiva tiegħu tal-appoġġ kontinwu tal-UE għall-proċessi elettorali u l-għoti, min-naħa tagħha, ta' assistenza elettorali u appoġġ għall-osservaturi nazzjonali; jilqa' u jappoġġa bis-sħiħ il-ħidma tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet (DEG) f'dan ir-rigward;

56.  Ifakkar fl-importanza li jingħata segwitu tajjeb għar-rapporti u għar-rakkomandazzjonijiet tal-MOE bħala mod biex jittejjeb l-impatt tagħhom u jissaħħaħ l-appoġġ tal-UE għal standards demokratiċi fil-pajjiżi kkonċernati;

57.  Jilqa' l-impenn meħud mill-Kummissjoni, mis-SEAE u mill-Istati Membri fil-qafas tal-Pjan ta' Azzjoni attwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija biex jinvolvu ruħhom b'aktar qawwa u konsistenza mal-korpi tal-amministrazzjoni elettorali, l-istituzzjonijiet parlamentari u l-OSĊ fil-pajjiżi terzi, sabiex jikkontribwixxu biex jingħataw is-setgħa u, għaldaqstant, biex isaħħu l-proċessi demokratiċi;

58.  Jenfasizza li l-politika tat-tkabbir hija waħda mill-għodod l-aktar b'saħħithom għat-tisħiħ tar-rispett tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem fid-dawl tal-iżviluppi politiċi attwali fil-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tirfed it-tisħiħ tal-kulturi politiċi demokratiċi, ir-rispett tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-mezzi tal-komunikazzjoni kif ukoll tal-ġudikatura, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'dawn il-pajjiżi; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-politika Ewropea tal-viċinat riveduta għandha tkompli żżomm fil-qalba tagħha l-protezzjoni, il-promozzjoni attiva u l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi; itenni l-fatt li l-protezzjoni, is-sostenn attiv u l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija huma fl-interess kemm tal-pajjiżi sħab kif ukoll tal-UE; ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa għall-UE li ssostni l-impenn tagħha mas-sħab tagħha, partikolarment fil-viċinat tagħha, biex tappoġġa r-riforma ekonomika, soċjali u politika, tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u tgħin ħalli jiġi stabbilit l-istat tad-dritt, bħala l-aħjar mezz sabiex jissaħħaħ l-ordni internazzjonali u tiġi żgurata l-istabbiltà tal-viċinat tagħha; ifakkar li l-Unjoni għall-Mediterran tista' u jmissha ssawwar id-djalogu politiku f'dan ir-reġjun u teżerċita pressjoni qawwija favur aġenda b'saħħitha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fir-reġjun; ifakkar li kwalunkwe pajjiż li jaspira li jsir membru tal-UE għandu jiggarantixxi bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u jissodisfa b'mod rigoruż il-kriterji ta' Copenhagen, u n-nuqqas ta' konformità ma' dawn jaf iwassal għall-iffriżar tan-negozjati;

59.  Jenfasizza li l-konsolidament tal-paċi jinvolvi sforzi li jipprevjenu u jnaqqsu il-kunflitti kif ukoll isaħħaħ ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet politiċi, soċjoekonomiċi u tas-sigurtà, bil-għan li titwitta t-triq għal paċi u żvilupp sostenibbli fit-tul; jissottolinja li l-promozzjoni tal-istat tad-dritt, tal-governanza tajba u tad-drittijiet tal-bniedem hija fundamentali għal paċi sostenibbli;

Niżguraw approċċ ta' sostenn komprensiv u koerenti għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija permezz tal-politiki tal-UE

60.  Jieħu nota tal-adozzjoni tar-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2016; iqis li r-Rapport Annwali huwa strument indispensabbli għall-iskrutinju, għall-komunikazzjoni u għad-dibattitu rigward il-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja, u strument utli li jagħti deskrizzjoni komprensiva tal-prijoritajiet, tal-isforzi u tal-sfidi tal-UE f'dan il-qasam u li jista' jintuża biex ikunu identifikati aktar modi ta' kif dawn jiġu indirizzati b'mod effikaċi;

61.  Itenni bis-saħħa l-istedina tiegħu lill-VP/RGħ biex tieħu sehem f'dibattitu mal-Membri tal-PE f'żewġ sessjonijiet plenarji fis-sena, darba meta ssir il-preżentazzjoni tar-Rapport Annwali u darba b'risposta għar-rapport tagħha stess; itenni l-importanza ta' djalogu interistituzzjonali kontinwu, partikolarment fir-rigward tas-segwitu mogħti lir-riżoluzzjonijiet urġenti tal-Parlament dwar id-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li t-tweġibiet bil-miktub għandhom ukoll rwol importanti fir-relazzjonijiet interistituzzjonali, billi jippermettu li jingħata segwitu sistematiku u profond għall-punti kollha mqajma mill-Parlament u b'hekk jikkontribwixxu għat-tisħiħ ta' koordinament effikaċi; jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jwieġbu b'reqqa l-mistoqsijiet bil-miktub u jindirizzaw il-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem imqajma fl-ogħla livell ta' djalogu mal-pajjiżi involuti;

62.  Ifaħħar lis-SEAE u lill-Kummissjoni tar-rapportar eżawrjenti tagħhom dwar l-attivitajiet imwettqa mill-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-2016; iqis, madankollu, li l-format attwali tar-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jista' jitjieb billi tiġi offruta deskrizzjoni ġenerali aħjar tal-impatt konkret tal-azzjonijiet tal-UE fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-pajjiżi terzi;

63.  Itenni l-opinjoni tiegħu li l-adozzjoni tal-Qafas Strateġiku tal-UE u tal-Ewwel Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fl-2012 ikkostitwiet kisba importanti għall-UE fil-proċess biex tpoġġi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-qalba tar-relazzjonijiet esterni tagħha; jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni mill-Kunsill, f'Lulju 2015, ta' Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija għall-2015-2019 u t-twettiq ta' rieżami ta' nofs it-terminu fl-2017; jistieden lill-VP/RGħ, lis-SEAE, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni effiċjenti u koerenti tal-Pjan ta' Azzjoni attwali, anki permezz ta' kollaborazjoni reali mal-OSĊ; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jirrapportaw lura dwar kif implimentaw il-Pjan; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-importanza li tiżdied l-effikaċja u jiġi mmassimizzat l-impatt lokali tal-istrumenti użati biex jiġi promoss ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija mad-dinja kollha;

64.  Itenni l-opinjoni tiegħu li huma meħtieġa kunsens sod u koordinament imsaħħaħ bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, kif anki kollaborazzjoni reali mal-OSĊ fil-livell lokali, nazzjonali u internazzjonali, sabiex isir progress b'mod koerenti u konsistenti fl-aġenda tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li l-Istati Membri jassumu sjieda akbar tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni u tal-Qafas Strateġiku tal-UE u jużawhom bħala pjan ta' azzjoni li fuqu jibbażaw il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija b'mod bilaterali u multilaterali;

65.  Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, is-Sur Lambrinidis, fit-tisħiħ tal-viżibbiltà u tal-effikaċja tal-UE fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi fid-dinja kollha, u jenfasizza r-rwol tiegħu fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni konsistenti u koerenti tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' b'sodisfazzjon il-proroga tal-mandat tar-RSUE sat-28 ta' Frar 2019 u jtenni t-talba tiegħu sabiex dan il-mandat isir permanenti; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li r-RSUE jingħata setgħat ta' inizjattiva proprja, viżibbiltà pubblika akbar u riżorsi finanzjarji u ta' persunal adegwati biex jisfrutta l-potenzjal sħiħ tiegħu f'xogħlu; jirrakkomanda, barra minn hekk, li r-RSUE jżid it-trasparenza fl-attivitajiet, fil-pjanijiet, fir-rapporti ta' progress u fir-rieżamijiet tiegħu;

66.  Josserva li l-ħidma u l-impatt tar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem jistgħu jkunu biss parzjalment aċċessibbli permezz ta' rieżami tar-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tal-kont tiegħu tal-midja soċjali u tad-diskorsi disponibbli;

67.  Jappoġġa bis-sħiħ l-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jadattaw l-azzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni u l-bżonnijiet speċifiċi ta' kull pajjiż; itenni l-appell tiegħu biex il-Membri tal-PE jingħataw aċċess għal kontenut strateġiku; jenfasizza b'mod qawwi l-importanza li jitqiesu l-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-livelli kollha ta' tfassil tal-politika fir-rigward tal-pajjiżi terzi individwali; itenni li l-istrateġiji tal-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jikkorrispondu għal azzjonijiet tal-UE li għandhom jiġu implimentati f'kull pajjiż, skont is-sitwazzjonijiet speċifiċi li jistgħu jitkejlu, u għandhom jinkludu indikaturi ta' progress u l-possibbiltà li dawn jiġu adattati fejn meħtieġ;

68.  Jilqa' pożittivament in-nomina ta' punti fokali għad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza tas-sessi mid-delegazzjonijiet kollha tal-UE u tal-missjonijiet tal-PSDK; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex jiżviluppaw linji gwida operattivi ċari dwar ir-rwol tal-punti fokali fid-delegazzjonijiet, sabiex huma jkunu jistgħu jitjiebu, jaġixxu bħala konsulenti veri dwar id-drittijiet tal-bniedem u jwettqu xogħolhom b'mod effiċjenti;

69.  Jirrikonoxxi li d-djalogi mal-pajjiżi terzi rigward id-drittijiet tal-bniedem jistgħu jkunu strumenti effiċjenti għal impenn u kooperazzjoni bilaterali fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' favorevolment l-istabbiliment ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' għadd dejjem akbar ta' pajjiżi; ifaħħar u jinkoraġġixxi aktar l-involviment tas-soċjetà ċivili fid-djalogi preparatorji; itenni l-appell tiegħu għall-iżvilupp ta' mekkaniżmu komprensiv għall-monitoraġġ u r-rieżami tal-funzjonament tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem;

70.  Ifakkar fl-impenn tal-UE li tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi; jenfasizza, għaldaqstant, li l-progress tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi, inklużi l-klawsoli ta' kundizzjonalità marbuta mad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali, irid jiġi appoġġat fil-politiki kollha tal-UE b'dimensjoni esterna, bħall-politiki tat-tkabbir tal-Unjoni u tal-viċinat, il-PSDK, u tal-ambjent, tal-iżvilupp, tas-sigurtà, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, tal-kummerċ, tal-migrazzjoni u tal-ġustizzja u l-affarijiet interni;

71.  Ifakkar li s-sanzjonijiet huma strument essenzjali tal-PESK; iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta s-sanzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-UE kull meta jitqiesu neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi tal-PESK, b'mod partikolari bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem u tiġi konsolidata u sostnuta d-demokrazija, filwaqt li jkun żgurat li ma jkollhomx impatt fuq il-popolazzjoni ċivili; jitlob li dawn is-sanzjonijiet ikunu mmirati lejn uffiċjali identifikati bħala responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem bil-għan li jkunu kkastigati għad-delitti u għall-abbuż li wettqu;

72.  Jinnota l-isforzi tal-Kummissjoni biex tonora l-impenn tagħha li tinkludi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha għal proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, miżuri ta' implimentazzjoni u ftehimiet kummerċjali u ta' investiment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-kwalità u komprensività tal-valutazzjonijiet tal-impatt u tiżgura l-inkorporazzjoni sistematika tal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fit-test tal-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi;

73.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għal involviment qawwi tal-UE fil-promozzjoni tal-progress tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi permezz ta' kooperazzjoni mal-istrutturi tan-NU u mal-aġenziji speċjalizzati tagħhom, mal-Kunsill tal-Ewropa, mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), mal-organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), mal-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali (SAARC), mal-Unjoni Afrikana u mal-Lega Għarbija, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet oħrajn b'konformità mal-Artikoli 21 u 22 tat-TUE;

74.  Jenfasizza li sabiex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid, l-UE għandha talloka r-riżorsi u l-kompetenzi suffiċjenti, kemm f'termini ta' riżorsi umani speċifiċi fi ħdan id-delegazzjonijiet u s-sede ċentrali kif ukoll f'termini ta' fondi disponibbli;

75.  Itenni wkoll li l-involviment attiv u konsistenti tal-UE fil-mekkaniżmi kollha tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari t-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-UNHRC, huwa ta' importanza kruċjali; jirrikonoxxi l-isforzi tas-SEAE, tad-delegazzjonijiet tal-UE f'New York u f'Ġinevra u tal-Istati Membri biex tiżdied il-koerenza tal-UE fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tan-NU; iħeġġeġ lill-UE żżid l-isforzi tagħha biex issemma' leħinha, inkluż billi tintensifika l-implimentazzjoni li qed tiżdied ta' inizjattivi transreġjonali u billi tressaq riżoluzzjonijiet ma' pajjiżi oħra jew teħodhom f'idejha hi; jenfasizza l-ħtieġa li l-mexxejja tal-UE jkunu minn ta' quddiem fil-promozzjoni ta' riforma tan-NU bil-għan li jissaħħu l-impatt u l-qawwa ta' sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli, u li tiġi garantita protezzjoni aktar effiċjenti għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-avvanz tad-dritt internazzjonali;

o
o   o

76.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tas-70 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-UE.

(1) http://www.ohchr.org/Documents/ProfessionalInterest/cedaw.pdf
(2) http://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/69/167
(3) https://treaties.un.org/doc/source/docs/A_RES_45_158-E.pdf
(4) http://www.unhcr.org/3b66c2aa10
(5) http://www.ohchr.org/Documents/Publications/GuidingPrinciplesBusinessHR_EN.pdf
(6) http://www.un.org/en/development/desa/population/migration/generalassembly/docs/globalcompact/A_RES_71_1.pdf
(7) https://sustainabledevelopment.un.org/post2015/transformingourworld
(8) https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/rms/090000168008482e
(9) http://www.oecd.org/corporate/mne/oecdguidelinesformultinationalenterprises.htm
(10) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11855-2012-INIT/mt/pdf
(11) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10897-2015-INIT/mt/pdf
(12) http://europa.eu/globalstrategy/sites/globalstrategy/files/eugs_mt_version.pdf
(13) http://europa.eu/globalstrategy/sites/globalstrategy/files/full_brochure_year_1.pdf
(14) ĠU L 76, 22.3.2011, p. 56.
(15) https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/eu_guidelines_rights_of_child_0.pdf
(16) https://ec.europa.eu/europeaid/sites/devco/files/european-consensus-on-development-final-20170626_en.pdf
(17)https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/eu_human_rights_guidelines_on_freedom_of_expression_online_and_offline_en.pdf
(18) https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/137585.pdf
(19) http://www.ceceurope.org/wp-content/uploads/2015/08/CofEU_119404.pdf
(20) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8416-2013-INIT/mt/pdf
(21) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6129-2012-REV-1/mt/pdf
(22) https://www.osce.org/odihr/19223?download=true
(23) https://eeas.europa.eu/sites/eeas/files/137584.pdf
(24) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-16526-2008-INIT/mt/pdf
(25) ĠU C 303, 15.12.2009, p. 12.
(26) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-16173-2008-INIT/mt/pdf
(27) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10019-2008-INIT/mt/pdf
(28) ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.
(29) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-16332-2008-REV-2/mt/pdf
(30) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10255-2016-INIT/mt/pdf.
(31) Testi adottati, P8_TA(2017)0344.
(32) Testi adottati, P8_TA(2016)0502.
(33) Testi adottati, P8_TA(2016)0404.
(34) Testi adottati, P8_TA(2016)0405.
(35) Testi adottati, P8_TA(2016)0300.
(36) Testi adottati, P8_TA(2016)0020.
(37) Testi adottati, P8_TA(2016)0066.
(38) ĠU C 181, 19.5.2016, p. 69.
(39) http://www.ohchr.org/EN/HRBodies/HRC/RegularSessions/Session31/Documents/A_HRC_31_56_en.doc
(40) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 115.
(41) ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.
(42) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(43) ĠU C 310, 25.8.2016, p. 35.


Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina
PDF 302kWORD 56k
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina (2017/2204(INI))
P8_TA(2017)0495A8-0382/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, adottata fl-4 ta' April 1990, u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjni Konġunta Sino-Brittanika,

–  wara li kkunsidra r-rapporti konġunti tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tas-26 ta' April 2017 dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong – Rapport Annwali 2016 (JOIN(2017)0016), tal-25 ta' April 2016 dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong – Rapport Annwali 2015 (JOIN(2016)0010), tal-24 ta' April 2015 dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong – Rapport Annwali 2014 (JOIN(2015)0012),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina (JOIN(2016)0030), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Kummerċ għal kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment” (COM(2015)0497), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-politika tal-UE ta' "Ċina Waħda",

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Hong Kong, iċ-Ċina, dwar kooperazzjoni u għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali tal-1999(1),

–  wara li kkunsidra d-dħul mingħajr viża fiż-żona Schengen(2) u fil-bqija tal-Unjoni Ewropea għal detenturi ta' passaporti tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u viċi versa,

–  wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem li tnieda fl-1995,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Hong Kong, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina(3), tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong(4), tal-15 ta' Diċembru 2005 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet u f'Hong Kong(5), tat-8 ta' April 2003 dwar it-Tielet u r-Raba' Rapport Annwali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong(6), tad-19 ta' Diċembru 2002 dwar Hong Kong(7), tas-26 ta' Ottubru 2000 dwar l-Ewwel u t-Tieni Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong(8), tat-8 ta' Ottubru 1998, dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-Unjoni Ewropea u Hong Kong: Lil hinn mill-1997(9), u tal-10 ta' April 1997 dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, partikolarment dawk tas-16 ta' Diċembru 2015(11) u tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0382/2017),

A.  billi fl-1 ta' Lulju 1997, is-sovranità fuq Hong Kong għaddiet mir-Renju Unit lejn ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

B.  billi d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 iggarantiet, u l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (SAR) tal-1990 tipprevedi, li Hong Kong se jżomm l-awtonomija u l-indipendenza tal-eżekuttiv, tal-leġiżlatura u tal-ġudikatura għal 50 sena wara t-trasferiment tas-sovranità;

C.  billi l-UE u l-Parlament Ewropew jibqgħu sostenituri qawwija tal-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" u ta' livell għoli ta' awtonomija għal Hong Kong taħt iċ-Ċina;

D.  billi l-UE u Hong Kong jorgnizzaw laqgħa annwali ta' livell għoli, imsejħa Djalogu Strutturat, li bdiet fl-2005; billi l-10 Djalogu Strutturat annwali sar fi Brussell fis-17 ta' Novembru 2016;

E.  billi r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u Hong Kong għadhom jikbru b'saħħithom; billi l-UE hija t-tieni l-akbar sħab kummerċjali ta' Hong Kong wara ċ-Ċina kontinentali, u l-Hong Kong huwa l-14 l-akbar sħab kummerċjali tal-UE fi prodotti, u huwa sħab ewlieni għal kummerċ fis-servizzi; billi relazzjonijiet bilaterali fil-futur għandhom jibbenefikaw mill-ħtieġa ta' Hong Kong għal aktar diversifikazzjoni ekonomika, rabtiet mill-qrib mar-Rotta tal-Ħarir il-Ġdida u integrazzjoni akbar mar-reġjun tad-Delta tax-Xmara Pearl; billi skont il-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD), il-Hong Kong huwa t-tieni l-akbar suq fil-mira għall-investiment dirett barrani;

F.  billi d-difiża u l-affarijiet barranin ta' Hong Kong jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

G.  billi l-Liġi Bażika tagħti lil Hong Kong SAR id-dritt li jorganizza r-relazzjonijiet ekonomiċi esterni tiegħu stess u li jsir membru ta' organizzazzjonijiet internazzjonali;

H.  billi anke wara l-1 ta' Lulju 1997, komplew japplikaw ftehimiet dwar id-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali u ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi ċ-Ċina iffirmat u rratifikat ukoll ftehimiet internazzjonali li jiggarantixxu dawn id-drittijiet, u b'hekk irrikonoxxiet l-importanza u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem; billi ċ-Ċina stabbiliet fora għal djalogu mal-UE u ma' sħab internazzjonali oħrajn dwar kwistjonijiet marbuta mal-istat tad-dritt;

I.  billi Hong Kong huwa membru jew membru assoċjat ta' aktar minn 20 organizzazzjoni internazzjonali inkluż l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-Kooperazzjoni Ekonomika Asja-Paċifiku (APEC), l-Interpol, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI), il-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB), il-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura (AIIB), il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, il-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (KIK) u l-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trejdjunjins;

J.  billi Hong Kong huwa parti għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

K.  billi l-Liġi Bażika tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jipprovdu protezzjoni għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet individwali;

L.  billi l-Artikolu 27 tal-Liġi Bażika jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni, libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, ta' parteċipazzjoni f'purċissjoni u dimostrazzjoni;

M.  billi l-Artikoli 45 u 68 tal-Liġi Bażika jipprevedu li l-Kap tal-Eżekuttiv u l-membri kollha tal-Kunsill Leġiżlattiv għandhom finalment jiġu eletti b'suffraġju universali;

N.  billi l-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ppubblika white paper dwar il-prattika tal-politika ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" f'Hong Kong fl-10 ta' Ġunju 2014, li tenfasizza li l-awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong hi finalment soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-gvern ċentrali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

O.  billi s-soċjetà tradizzjonalment miftuħa ta' Hong Kong wittiet it-triq għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina u indipendenti li b'mod attiv u kostruttiv tipparteċipa fil-ħajja pubblika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali;

P.  billi s-soċjetà ċivili ta' Hong Kong żiedet is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar id-drittijiet ċivili u politiċi, ir-reliġjon, il-kura tas-saħħa, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-parteċipazzjoni politika tan-nisa, id-drittijiet tal-ħaddiema domestiċi, id-drittijiet LGBTI, u l-libertajiet akkademiċi u kulturali;

Q.  billi Hong Kong igawdi minn sistema multipartitika dinamika; billi, tul is-snin, in-nies ta' Hong Kong għexu dimostrazzjonijiet tal-massa favur id-demokrazija u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Liġi Bażika, inklużi l-protesti tal-2014 mill-hekk imsejjaħ "Moviment Umbrella", kif ukoll dwar il-libertajiet tal-midja, u, fost l-oħrajn, kontra l-għajbien tal-bejjiegħa tal-kotba ta' Hong Kong;

R.  billi, matul l-aħħar għoxrin sena, xi ġurnalisti u ħaddiema oħrajn fil-midja, li spiss kienu sostenituri tad-demokrazija u esprimew fehmiet ta' kritika, ġew imġiegħla jirriżenjaw, ġew trasferiti biex ikopru oqsma anqas sensittivi u, f'xi każijiet, saħansitra kienu mhedda bi vjolenza;

S.  billi, fi tmiem l-2015, erba' residenti ta' Hong Kong u persuna mhux residenti, li kienu assoċjati mad-dar ta' pubblikazzjoni "Mighty Current" u mal-ħanut tal-kotba tagħha, għebu u xhur wara ħarġet informazzjoni li huma kienu detenuti fiċ-Ċina kontinentali f'postijiet mhux magħrufa, u billi wieħed mill-bejjiegħa tal-kotba rilaxxati ddikjara li l-konfessjoni tiegħu ta' għemil ħażin kienet furzata;

T.  billi, matul dawn l-aħħar snin, ġiet osservata żieda fl-awtoċensura tal-midja ta' Hong Kong fi kwistjonijiet li jikkonċernaw iċ-Ċina kontinentali, kif ikkonfermat ukoll minn stħarriġ u rapporti mill-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti ta' Hong Kong;

U.  billi Hong Kong joffri l-possibbiltà li wieħed isegwi taħriġ ta' livell għoli u jilħaq livell akkademiku għoli, madankollu, il-libertà akkademika tinsab f'riskju minħabb interferenzi ripetuti min-naħa tal-gvern ċentrali taċ-Ċina, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħatriet tal-kunsill universitarju;

V.  billi sar stħarriġ f'intervalli regolari mill-programm ta' analiżi tal-opinjoni pubblika tal-Università ta' Hong Kong li juri tnaqqis fit-tul tas-sentiment ta' identifikazzjoni maċ-Ċina;

W.  billi f'Jannar 2017, l-Uffiċċju tal-Ambjent ta' Hong Kong ippubblika il-"Pjan ta' Azzjoni ta' Hong Kong dwar il-Klima 2030+", pjan transsettorjali bbażat fuq il-Ftehim ta' Pariġi, li jistabbilixxi miri ġodda għal emissjonijiet tal-karbonju, jiġifieri tnaqqis b'żewġ terzi tal-intensità tal-karbonu u b'terz tal-emissjonijiet assoluti tal-karbonju sal-2030 meta mqabbla mal-valuri ta' referenza tal-2005;

X.  wara li kkunsidra l-importanza tal-port ta' Hong Kong għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u għall-kummerċ internazzjonali;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

   (a) li jenfasizzaw mal-awtoritajiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li bl-istess mod li l-politika tal-UE "Ċina Waħda" hija element essenzjali tal-impenn tal-UE, ir-rispett sħiħ tal-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u tal-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi", huwa ta' importanza ewlenija għall-iżvilupp u għal aktar tisħiħ u espansjoni tar-relazzjonijiet attwali u futuri mal-UE, u li l-intervent fl-affarijiet interni ta' Hong Kong għandu l-potenzjal li jimmina dan il-prinċipju u għaldaqstant għandu jiġi evitat;
   (b) li jikkundannaw l-interferenza kontinwa tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-affarijiet interni ta' Hong Kong, li tista' tippreġudika l-vijabbiltà fit-tul tal-mudell "pajjiż wieħed, żewġ sistemi";
   (c) li jirrinforzaw id-djalogu bilaterali mal-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, b'mod partikolari permezz tad-Djalogu Strutturat annwali bejn l-UE u Hong Kong, fuq firxa wiesgħa ta' suġġetti u oqsma ta' politika, bħalma huma d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-kummerċ, l-investiment, is-servizzi finanzjarji, id-dwana, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, ir-riċerka u l-edukazzjoni, li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-prinċipju "pajjiż wieħed, żewġ sistemi", u li jkompli r-rapportar annwali mill-VP/RGħ u mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi f'Hong Kong;
   (d) li jirrikonoxxu li, tul iż-żmien, Hong Kong żviluppa f'soċjetà miftuħa fejn iċ-ċittadini jgawdu minn drittijiet tal-bniedem, libertajiet, standards għolja ta' saħħa pubblika u ta' sigurtà, trasparenza, u għandu ġudikatura li hija fdata, u fejn jipprevalu l-istat tad-dritt u livelli baxxi ta' korruzzjoni, u li l-poplu ta' Hong Kong għandu d-dritt leġittimu li jitħalla jkompli jgawdi minn dan l-istil ta' ħajja u minn dawn id-drittijiet u valuri bi grad għoli ta' awtonomja;
   (e) li jenfasizzaw li r-rispett tal-awtonomija ta' Hong Kong hu essenzjali biex jitkompla l-iżvilupp pożittiv tiegħu kif ukoll biex jinżammu relazzjonijiet favorevoli maċ-Ċina kontinentali, kif ukoll għat-tkompli tad-djalogi maċ-Ċina kontinentali u mat-Tajwan;
   (f) li jieħdu impenn favur l-appoġġ tal-awtonomija u l-prosperità ta' Hong Kong u d-drittijiet u l-libertajiet tal-poplu tiegħu, u li jesprimu appoġġ qawwi għat-tnedija ta' proċess ta' riforma politika f'konformità mal-istandards internazzjonali u mal-Liġi Bażika, li jagħti lill-poplu tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali d-dritt li jeleġġi u li jiġi elett fi proċess ta' għażla għall-ogħla karigi ta' tmexxija, u li jirrifletti l-pożizzjoni tal-maġġoranza fi ħdan l-opinjoni pubblika ta' Hong Kong;
   (g) li jistiednu, f'dan il-kuntest, lill-Gvernijiet ta' Hong Kong u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex jikkonfermaw l-impenn tagħhom u jagħtu spinta ġdida għal riforma tas-suffraġju universali fl-elezzjoni li jmiss tal-Kap tal-Eżekuttiv u tal-membri tal-Kunsill Leġiżlattiv f'Hong Kong, sabiex ikun hemm sistem elettorali li hija demokratika, ġusta, miftuħa u trasparenti;
   (h) li jsibu mezzi ta' appoġġ għall-ikkonsolidar tad-demokrazija f'Hong Kong u tas-sistema multipartitika tiegħu, u li jesprimu tħassib għaż-żieda fl-intimidazzjoni tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni u għar-rifjut tar-Reġistru tal-Kumpaniji li jirreġistra għadd ta' gruppi prodemokratiċi;
   (i) li jilqgħu b'mod pożittiv ir-rekord ta' parteċipazzjoni fl-aħħar elezzjonijiet għall-Kunsill Leġiżlattiv tal-2016, filwaqt li jiddispjaċihom li, fl-2016, l-awtoritajiet ta' Hong Kong irrifjutaw li jirreġistraw partit politiku ġdid favur l-indipendenza għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Leġiżlattiv u skwalifikaw sitt kandidati b'fehmiet favur il-promozzjoni ta' awtonomija akbar għal Hong Kong;
   (j) li jikkundannaw it-theddid għas-sikurezza personali tal-politiċi prodemokratiċi, inkluż il-ħtif u l-vjolenza fiżika, kif irraportat minn xi leġiżlaturi;
   (k) li jilqgħu l-ħelsien fuq pleġġ tat-tliet mexxejja tal-moviment prodemokratiku, Joshua Wong, Nathan Law u Alex Chow, li reċentement ġew ikkundanti għal priġunerija ta' bejn sitt u tmien xhur għal raġuni ta' "għaqda illegali", wara li s-sena l-oħra ġew ikkundannati għal pieni mingħajr kustodja, inkluż servizz komunitarju, għal parteċipazzjoni tagħhom fi protesti paċifiċi; li jħeġġu lill-Qorti tal-Appell Finali ta' Hong Kong biex tikkunsidra l-każijiet tas-Sinjuri Wong, Law u Chow f'konformità mal-obbligi ta' Hong Kong skont id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u li jħeġġu lill-Gvern ta' Hong Kong biex jirrevedi l-Ordinanza dwar l-Ordni Pubbliku biex din tinġieb f'konformità mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
   (l) li jiġbdu l-attenzjoni taċ-Ċina li, anke jekk il-Liġi Bażika, id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Britannika u l-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" huma ġeneralment irrispettati, hemm tħassib dejjem akbar u mifrux li l-grad għoli ta' awtonomija miftiehem ta' Hong Kong, jew il-valur ġuridiku, jew l-ispirtu tad-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika ġew ikkontestati;
   (m) li jesprimu tħassib serju dwar il-fatt li l-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu, qabel il-ħruġ ta' sentenzi mill-qorti, qiegħed joħroġ interpretazzjonijiet, kemm jekk mitluba u kemm jekk le, dwar il-Liġi Bażika, li jissuġġerixxu li l-leġiżlaturi eletti demokratikament għandhom jiġu diskwalifikati, u b'hekk qiegħed jimmina l-fiduċja fl-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura f'każijiet individwali partikolari; li jfakkru li s-sistema ġudizzjarja u l-proċess ġudizzjarju normali ta' Hong Kong għandu jkun l-istrument ewlieni għar-riżulozzjoni tat-tilwim;
   (n) li jenfasizzaw li t-trattament tal-każ tal-ħames bejjiegħa tal-kotba li għebu qajjem dubji spjaċevoli dwar l-awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali, kif iddikjarat fil-Liġi Bażika, u dwar in-nuqqas ta' ċarezza rigward ir-rwol tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi taċ-Ċina kontinentali f'Hong Kong;
   (o) li jesprimu tħassib dwar l-allegazzjonijiet li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi taċ-Ċina qegħdin joperaw f'Hong Kong, li jkun jikkostitwixxi ksur tal-Liġi Bażika u jkun inkonsistenti mal-prinċipju "pajjiż wieħed, żewġ sistemi";
   (p) li jissottolinjaw li l-libertà tal-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni ġeneralment ġew rispettati, filwaqt li jesprimu tħassib dwar id-deterjorament kostanti tal-libertà tal-istampa f'Hong Kong, bi pressjoni dejjem tiżdied fuq il-midja, kemm dik stampata u kemm dik elettronika, biż-żieda fl-awtoċensura, b'mod partikolari rigward kwistjonijiet sensittivi dwar iċ-Ċina kontinentali jew dwar il-Gvern ta' Hong Kong, u bl-issikkar tal-kontroll fuq il-bejgħ ta' kotba politiċi sensittivi permezz tal-monopolju tas-sjieda ta' kważi l-ħwienet tal-kotba kollha;
   (q) li jkomplu d-djalogu bilaterali mal-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong dwar diversi oqsma ta' politika kif ukoll dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi";
   (r) li jtennu li kwalunkwe leġiżlazzjoni introdotta skont il-Liġi Bażika, inkluża kwalunkwe leġiżlazzjoni li se tiġi proposta abbażi tal-Artikolu 23 tal-Liġi Bażika, bħall-possibbiltà ta' Abbozz dwar is-Sigurtà Nazzjonali, ma tridx tinterferixxi fl-indipendenza u l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-ġudikatura ta' Hong Kong, u m'għandhiex tippreġudika l-obbligi meħuda skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), u lanqas ma għandha xxekkel il-libertajiet bħal-libertà tal-kelma, il-libertajiet tal-midja, il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-libertà ta' parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet, il-libertà li jiġu ffurmati trade unions, u li jsiru strajkijiet, u l-libertà tar-riċerka akkademika u tal-espressjoni kulturali u artistika, u m'għandhiex tintuża kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-kritiċi tal-gvern;
   (s) biex fil-futur qarib jiġu ppreżentati quddiem il-Parlament proposti dwar l-iżvilupp tal-kooperazzjoni, flimkien mal-awtoritajiet ta' Hong Kong fil-qasam tat-trasparenza fiskali, inkluż dwar Skambju Awtomatiku ta' Informazzjoni (AEOI), dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri mitluba mill-OECD fil-pakkett dwar l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt (BEPS);
   (t) li jħeġġu u jappoġġaw il-movimenti prodemokratiċi kkoordinati fuq livell reġjonali, bħala għodda prinċipali biex titrawwem il-kooperazzjoni Asjatika dwar kwistjonijiet relatati mad-demokrazija u mad-drittijiet tal-bniedem;
   (u) biex il-Gvern ta' Hong Kong jiġi mħeġġeġ jieħu miżuri aktar effikaċi kontra l-evażjoni fiskali u l-frodi fiskali, u biex jieħu l-miżuri sabiex jimmonitorja u jissanzjona l-impriżi li jiffaċilitaw l-evażjoni fiskali u l-frodi permezz tas-sussidjarji tagħhom f'Hong Kong;
   (v) li jsibu mezzi ta' appoġġ għas-soċjetà ċivili f'Hong Kong, b'mod partikolari fir-rigward ta' organizzazzjonijiet favur il-valuri universali u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u li jappoġġaw l-indipendenza tal-ġudikatura u l-libertà tal-istampa; li jenfasizzaw li huma biss forom ta' protesta mhux vjolenti u d-djalogu li jistgħu jkunu mezz ta' involviment f'każ ta' tilwim;
   (w) li jirrakkomandaw lill-Kunsill Leġiżlattiv ta' Hong Kong li jeżamina bir-reqqa l-leġiżlazzjoni futura dwar tal-ferroviji ta' veloċità għolja b'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini u ċ-ċittadini ta' Hong Kong;
   (x) li jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet akkademiċi ta' Hong Kong biex iżommu l-istandards għoljin tal-kurrikuli u r-riċerka tagħhom, u biex jippreservaw il-libertajiet akkademiċi, iżda li jesprimu tħassib, f'dan ir-rigward, dwar il-proċedura għall-ħatra tal-kunsilli tal-università u l-interferenzi esterni bl-għan li jimmodifikaw il-kurrikuli skolastiċi, li jistgħu jdgħajfu l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja; li jippromwovu t-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi Ewropej u ta' Hong Kong;
   (y) li jitolbu l-adozzjoni f'waqtha ta' liġi kontra d-diskriminazzjoni;
   (z) li jfakkru li s-soċjetà ta' Hong Kong u l-poplu tiegħu kienu influwenzati bil-kbir mill-immigrazzjoni, inkluż ir-refuġjati, u li jistiednu lill-Gvern ta' Hong Kong biex jallinja l-politika tiegħu dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati f'konformità mal-istandards internazzjonali, b'mod partikalori fir-rigward ta' refuġjati minorenni mhux akkumpanjati;
   (aa) li jirrimarkaw li, għalkemm stħarriġ riċenti juri li ħafna abitanti ta' Hong Kong għandhom ix-xewqa li jemigraw, tkun qagħda infeliċi jekk Hong Kong ma jkunx jista' jżomm l-aħjar imħuħ milli jemigraw u tkun ukoll qagħda preokkupanti jekk ħafna, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, jitilfu kull tama fil-ġejjieni;
   (ab) li josservaw bi tħassib li l-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar il-Korea ta' Fuq stabbilixxa fir-rapporti tiegħu li Hong Kong hija waħda miż-żewġ ġurisdizzjonijiet kummerċjali li fihom topera l-parti l-kbira tal-kumpaniji kkontrollati mill-Korea ta' Fuq; li jfakkru li impriżi konġunti internazzjonali mal-Korea ta' Fuq huma fi ksur tar-riżoluzzjoni l-aktar reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2388 (2017) u li jħeġġu lill-awtoritajiet ta' Hong Kong biex jindirizzaw it-tħassib tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar il-Korea ta' Fuq;
   (ac) li jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet ta' Hong Kong għall-fatt li, skont studju, l-iskart muniċipali f'Hong Kong żdied bi 80 % f'dawn l-aħħar għaxar snin, jiġifieri aktar mid-doppju tar-rata ta' tkabbir tal-popolazzjoni, u li jassistuhom fl-iżvilupp ta' politika effettiva għat-tnaqqis tal-iskart, fil-promozzjoni tar-riċiklaġġ u forom oħra ta' ekonomija ċirkolari, u fis-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar konsum responsabbli;
   (ad) li jissottolinjaw lill-awtoritajiet Ċiniżi li r-rispett sħiħ lejn l-awtonomija ta' Hong Kong jista' jipprovdi l-mudell għal proċess ta' riformi demokratiċi politiċi profondi fiċ-Ċina u l-liberalizzazzjoni u l-ftuħ gradwali tas-soċjetà Ċiniża;
   (ae) li jissottolinjaw l-impenn tal-UE għat-tisħiħ tad-demokrazija, inkluż l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, it-trasparenza, u l-libertà ta' informazzjoni u ta' espressjoni f'Hong Kong;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(1) ĠU L 151, 18.6.1999, p. 20.
(2) ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0444.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0045.
(5) ĠU C 286 E, 23.11.2006, p. 523.
(6) ĠU C 64 E, 12.3.2004, p. 130.
(7) ĠU C 31 E, 5.2.2004, p. 261.
(8) ĠU C 197, 12.7.2001, p. 387.
(9) ĠU C 328, 26.10.1998, p. 186.
(10) ĠU C 132, 28.4.1997, p. 222.
(11) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 92.
(12) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 126.

Avviż legali