Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2534(RSO)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0077/2018

Testi mressqa :

B8-0077/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/02/2018 - 5.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0022

Testi adottati
PDF 264kWORD 52k
It-Tlieta, 6 ta' Frar 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
L-istabbiliment ta' kumitat speċjali dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-pestiċidi
P8_TA(2018)0022B8-0077/2018

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2018 dwar it-twaqqif, ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u t-tul tal-mandat ta' kumitat speċjali dwar il-proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi (2018/2534(RSO))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti;

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 tal-10 ta' Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1056 tat-29 ta' Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f'dak li għandu x'jaqsam mal-estensjoni tal-perjodu ta' approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat(3) u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1313 tat-1 ta' Awwissu 2016 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2324 tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' April 2016(6) u tal-24 ta' Ottubru 2017(7) dwar l-abbozz ta' Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva glifosat skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tat-18 ta' Frar 2016 fil-Każ 12/2013/MDC dwar il-prattiki tal-Kummissjoni rigward l-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (pestiċidi),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(8),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-23 ta' Novembru 2016 fil-Każ C-442/14 Bayer CropScience SA-NV, Stichting De Bijenstichting vs College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 197 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi tqajmu preokkupazzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-glifosat, b'mod partikolari dwar jekk saritx valutazzjoni indipendenti, oġġettiva u trasparenti, dwar jekk ġewx applikati sewwa l-kriterji ta' klassifikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9), u dwar jekk sarx użu korrett tad-dokumenti ta' gwida rilevanti;

B.  billi tqajmu preokkupazzjonijiet rigward l-applikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-kriterji ta' approvazzjoni u tal-prinċipju ta' prekawzjoni stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 meta tat estensjoni teknika tal-approvazzjoni tal-glifosat fl-2016, meta adottat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1313, u meta adottat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/2324;

1.  Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat speċjali dwar il-proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi, li jkollu r-responsabbiltajiet li ġejjin, definiti b'mod strett:

   (a) li janalizza u jivvaluta li l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi fl-Unjoni, inkluża l-metodoloġija li tintuża u kwalità xjentifika tagħha, l-indipendenza tal-proċedura mill-industrija, u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tal-eżiti ta' dak il-proċess;
   (b) li janalizza u jivvaluta, bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq l-evidenza, il-fallimenti potenzjali fl-evalwazzjoni xjentifika tal-approvazzjoni, jew fit-tiġdid tal-approvazzjoni, ta' sustanzi attivi bħall-glifosat minn aġenziji rilevanti tal-UE, kif ukoll il-konformità tal-aġenziji tal-UE mar-regoli, il-linji gwida u l-kodiċi ta' kondotta rilevanti tal-Unjoni li huma fis-seħħ;
   (c) li janalizza u jivvaluta, b'mod partikolari, jekk il-Kummissjoni aġixxietx f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 meta ħadet deċiżjonijiet rigward il-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tal-glifosat u tat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat;
   (d) li janalizza u jivvaluta kunflitti ta' interessi possibbli fil-livelli kollha tal-proċedura ta' approvazzjoni, inkluż fil-livell tal-korpi nazzjonali tal-Istat Membru relatur inkarigat mir-rapport ta' valutazzjoni mfassal skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;
   (e) li janalizza u jivvaluta jekk l-aġenziji tal-UE responsabbli għall-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni ta' sustanzi attivi għandhomx biżżejjed persunal u jekk għandhomx finanzjament suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-obbligi tagħhom; li janalizza u jivvaluta l-possibbiltà tal-ikkummissjonar u/jew it-twettiq ta' riċerka u ttestjar indipendenti, u l-finanzjament tagħhom;
   (f) li jagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni li tidhirlu meħtieġa rigward il-proċedura tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi bil-għan li jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien sew tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u sew tal-ambjent; li jwettaq żjarat u jorganizza seduti ta' smigħ għal dan il-għan mal-istituzzjonijiet u l-aġenziji rilevanti tal-UE, kif ukoll u ma' istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet mhux governattivi u korpi privati internazzjonali u nazzjonali;

2.  Jenfasizza li kwalunkwe rakkomandazzjoni tal-kumitat speċjali għandha tiġi ppreżentata u, jekk ikun meħtieġ, tingħata segwitu, minn kumitati permanenti kompetenti tal-Parlament;

3.  Jiddeċiedi li s-setgħat u r-riżorsi disponibbli tal-kumitati permanenti tal-Parlament li huma responsabbli għal kwistjonijiet li jirrigwardaw l-adozzjoni, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-qasam ta' responsabbiltà tal-kumitat speċjali għandhom jibqgħu bla mittiefsa;

4.  Jiddeċiedi li kull meta l-ħidma tal-kumitat speċjali tkun tinkludi s-smigħ ta' evidenza ta' natura kunfidenzjali, xhieda li tinvolvi data personali, jew tinkludi skambji ta' fehmiet jew seduti ta' smigħ ma' awtoritajiet u korpi dwar informazzjoni kunfidenzjali, inklużi studji xjentifiċi jew partijiet minnhom mogħtija status ta' kunfidenzjalità skont l-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-laqgħat għandhom isiru bil-magħluq; jiddeċiedi, barra minn hekk, li x-xhieda u l-esperti għandu jkollhom id-dritt li jagħmlu dikjarazzjoni jew jixhdu bil-magħluq;

5.  Jiddeċiedi li l-lista tal-persuni mistiedna għal-laqgħat pubbliċi, il-lista ta' dawk li jattendu dawk il-laqgħat u l-minuti tagħhom għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

6.  Jiddeċiedi li dokumenti kunfidenzjali li l-kumitat speċjali jirċievi għandhom jiġu vvalutati skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 210a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; jiddeċiedi, barra minn hekk, li tali informazzjoni għandha tintuża esklussivament għall-finijiet tat-tfassil tar-rapport finali tal-kumitat speċjali;

7.  Jiddeċiedi li l-kumitat speċjali għandu jkollu 30 membru bi qbil mal-Artikolu 199(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;

8.  Jiddeċiedi li t-tul tal-mandat tal-kumitat speċjali għandu jkun disa' xhur, għajr jekk il-Parlament jestendi dak il-perjodu qabel ma jiskadi, u li l-mandat tiegħu għandu jibda jiddekorri mid-data tal-laqgħa kostitwenti tiegħu; jiddeċiedi li l-kumitat speċjali għandu jippreżenta rapport finali lill-Parlament li jkun fih sejbiet fattwali u rakkomandazzjonijiet rigward il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu.

(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) ĠU L 155, 11.6.2011, p. 127.
(3) ĠU L 173, 30.6.2016, p. 52.
(4) ĠU L 208, 2.8.2016, p. 1.
(5) ĠU L 333, 15.12.2017, p. 10.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0119.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0395.
(8) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(9) Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar fi u tas-sustanza taħlitiet, li jemenda u jħassar Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Settembru 2018Avviż legali