Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2124(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0383/2017

Testi mressqa :

A8-0383/2017

Dibattiti :

PV 05/02/2018 - 18
CRE 05/02/2018 - 18

Votazzjonijiet :

PV 06/02/2018 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0025

Testi adottati
PDF 386kWORD 63k
It-Tlieta, 6 ta' Frar 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2016
P8_TA(2018)0025A8-0383/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2018 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2016 (2017/2124(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), b'mod partikolari l-Artikoli 3 u 15 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji (ir-Rapport Monti),

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku (MIP),

–  wara li kkunsidra l-artiklu tal-Economic Bullettin tal-BĊE bit-titolu "MFI lending rates: pass-through in the time of non-standard monetary policy" ("Ir-rati ta' self tal-IMF: mogħdija fi żmien ta' politika monetarja mhux standard") (Ħarġa 1/2017),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2017 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropewdwar il-politika Ewropea industrijali u monetarja,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Transparency International bit-titolu "Two sides of the same coin? Independence and accountability of the European Central Bank" ("Żewġ uċuħ tal-istess munita? L-indipendenza u l-akkontabbiltà tal-Bank Ċentrali Ewropew"),

–  wara li kkunsidra l-paġna ta' spjegazzjoni tal-BĊE bit-titolu "What is money?" ("X'inhuma l-flus?"),

–  wara li kkunsidra l-ftehim tal-BĊE dwar l-Assistenza ta' Likwidità f'Emerġenza (ELA) ppubblikat fid-19 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2010/191/UE tat-22 ta' Marzu 2010 dwar il-firxa u l-effetti tal-valuta legali ta' karti tal-flus u muniti tal-euro(1);

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro(2);

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 128(1) tat-(TFUE), dwar il-munita tal-euro bħala valuta legali;

–  wara li kkunsidra d-diskors tas-6 ta' April 2017 mill-President tal-BĊE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 127(5) tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 127(2) tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-feedback tal-BĊE dwar il-kontribut mogħti mill-Parlament Ewropew bħala parti mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għall-2015(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0383/2017),

A.  billi, fil-laqgħa tiegħu tad-9 u l-10 ta' Marzu 2016, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE adotta miżuri ulterjuri biex jinkiseb l-objettiv primarju li tingħata stabbiltà lill-prezzijiet u l-objettiv sekondarju li l-politika monetarja tagħti appoġġ lill-ekonomija, permezz ta': 1) tnaqqis fir-rati tal-imgħax ewlenin tiegħu u tnaqqis fir-rata tal-faċilità ta' depożitu ta' 0,4 %; 2) żieda ta' xiri mensili taħt il-programm ta' xiri ta' assi (APP) għal EUR 80 biljun; 3) l-inklużjoni ta' programm ġdid ta' xiri mis-settur korporattiv (CSPP) fl-APP għal xiri ta' bonds denominati f'euro bi grad ta' investiment maħruġa minn korporazzjonijiet mhux bankarji stabbiliti fiż-żona tal-euro; u 4) serje ġdida ta' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament fuq perjodu itwal ta' żmien (TLTRO) b'maturità ta' erba' snin;

B.  billi, fil-laqgħa tiegħu tas-7 u t-8 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jestendi l-orizzont tal-APP b'pass mensili mnaqqas (minn EUR 80 biljun għal EUR 60 biljun), minn April 2017 sa Diċembru 2017, jew għal żmien itwal minn hekk, jekk dan ikun meħtieġ, u fi kwalunkwe każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fit-triq tal-inflazzjoni konsistenti mal-għan ta' inflazzjoni tiegħu;

C.  billi l-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE konsistentement enfasizzaw l-importanza tal-implimentazzjoni ta' riformi li jtejbu l-produttività fiż-żona tal-euro, kif ukoll ta' politiki fiskali favur it-tkabbir, fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

D.  billi, skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi magħmula minn esperti tal-Eurosistema f'Settembru 2017, l-inflazzjoni annwali fiż-żona tal-euro kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) hija mistennija li tkun 1,5 % fl-2017, 1,2 % fl-2018 u 1,5 % fl-2019;

E.  billi l-objettiv primarju tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) huwa li tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet, iddefinita mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE bħala żieda sena wara sena fl-HICP għaż-żona tal-euro ta' ftit inqas minn 2 % fuq terminu medju; billi t-tbassir tal-BĊE kien ferm inqas mill-mira tiegħu tal-inflazzjoni fuq terminu medju f'kull waħda mill-erba' snin mill-2013 'l hawn u l-BĊE issa qed ibassar li l-inflazzjoni mhux ser tilħaq il-livell fil-mira qabel l-2020;

F.  billi l-BĊE jqis li d-dinamika dgħajfa tal-inflazzjoni hija riżultat, fost fatturi oħra, ta' tkabbir imnaqqas fil-pagi u l-prezzijiet tal-enerġija baxxi;

G.  billi l-Artikolu 127(5) tat-TFUE jirrikjedi lis-SEBĊ biex tikkontribwixxi għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja;

H.  billi fl-2016, il-profitt nett tal-BĊE kien jammonta għal EUR 1,19 biljun meta mqabbel ma' EUR 1,08 biljun fl-2015;

I.  billi l-introjtu nett ogħla mill-imgħax miksub fuq it-titoli miżmuma għal finijiet ta' politika monetarja, inklużi l-portafolli tal-APP u tad-dollaru Amerikan, huwa l-kontributur ewlieni ta' dan il-profitt nett;

J.  billi r-rati tat-tkabbir u tal-qgħad jibqgħu ġeografikament inugwali b'mod sinifikanti, bir-riżultat li jikkawżaw fraġilità perikoluża għall-ekonomija u jipperikolaw il-kwalità tal-iżvilupp;

K.  billi l-Artikolu 123 tat-TFUE u l-Artikolu 21 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jipprojbixxu l-iffinanzjar monetarju tal-gvernijiet;

L.  billi numru li qed jikber ta' ditti FinTech għandu potenzjal sinifikanti f'dak li jirrigwardja t-twessigħ tal-inklużjoni finanzjarja fiż-żona tal-euro, u jżid ukoll il-ħtieġa ta' superviżjoni u monitoraġġ fil-livell mikro u makroprudenzjali;

Ħarsa ġenerali

1.  Jenfasizza li b'mod konformi mal-Artikolu 7 tal-Istatut tal-BĊE, la l-BĊE u lanqas bank ċentrali nazzjonali, jew kwalunkwe membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom ma għandhom ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità, minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi korp ieħor; jissottolinja, għalhekk, l-indipendenza tal-BĊE fir-rwol tiegħu bħala l-awtorità monetarja taż-żona tal-euro, kif stabbilit fit-Trattat; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa għal aktar akkontabbiltà u trasparenza, proporzjonata għal-livell ta' indipendenza tiegħu;

2.  Jirrikonoxxi wkoll in-natura federali tal-BĊE, fejn m'hemm l-ebda veto nazzjonali u interferenza governattiva, li ppermettietlu jaġixxi b'mod deċiżiv f'diversi kwistjonijiet bħal, pereżempju, il-kontribut biex jindirizza l-kriżi;

3.  Jinnota l-kontribut tal-politika monetarja akkomodattiva segwita mill-BĊE inklużi r-rati tal-imgħax baxxi u l-programm tax-xiri tal-assi tiegħu, fil-perjodu 2012-2016, għall-irkupru ekonomiku ċikliku u l-ħolqien tal-impjiegi, anke billi jipprevjeni d-deflazzjoni, jippreserva kundizzjonijiet favorevoli ta' finanzjament għall-kumpaniji u l-unitajiet domestiċi, u jżomm stabbiltà finanzjarja u l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta' pagament; huwa, madankollu, imħasseb dwar il-konsegwenzi fuq il-miżuri tal-politika monetarja mhux konvenzjonali għal individwi li għandhom kontijiet ta' tfaddil u l-ekwilibriju finanzjarju tal-iskemi tal-pensjoni u tal-assigurazzjoni kif ukoll għall-bini ta' sitwazzjonijiet artifiċjali tal-assi, li għandhom ikunu mmonitorjati bir-reqqa mill-BĊE u mminimizzati;

4.  Huwa mħasseb li l-banek taż-żona tal-euro ma użawx l-ambjent vantaġġuż maħluq mill-BĊE biex isaħħu l-bażijiet kapitali tagħhom iżda minflok, skont il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, biex iħallsu dividendi sostanzjali li xi drabi jaqbżu l-livell tal-qligħ imfaddal;

5.  Jibqa' mħasseb bil-livelli li għadhom sinifikanti ta' assi li ma jistgħux jinbiegħu u titoli koperti mill-assi mressqa bħala kollateral għall-Eurosistema fil-qafas tal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament tagħha; itenni t-talba tiegħu lill-BĊE biex jipprovdi informazzjoni li fuqha l-banek ċentrali aċċettaw dawn it-titoli ta' sigurtà kif ukoll biex jiżvela l-metodi ta' valwazzjoni dwar dawn l-assi; jenfasizza li dan l-iżvelar ikun ta' benefiċċju għall-iskop tal-iskrutinju parlamentari tal-kompiti superviżorji mogħtija lill-BĊE;

6.  Jinnota bi tħassib li l-iżbilanċi ta' TARGET 2 qed jerġgħu jiżdiedu fiż-żona tal-euro, minkejja tnaqqis fl-iżbilanċi kummerċjali, li jindika fluss ta' ħruġ mill-periferija taż-żona tal-euro;

Stabbiltà tal-prezzijiet

7.  Ifakkar li, skont il-Eurostat, l-inflazzjoni medja fiż-żona tal-euro kienet ta' 0,2 % fl-2016, filwaqt li l-inflazzjoni esklużi l-prezzijiet tal-enerġija kienet ta' 0,9 %; jinnota barra minn hekk li, kif iddikjarat fir-Rapport Annwali tal-BĊE għall-2016, l-inflazzjoni sottostanti baqgħet nieqsa minn xejra konvinċenti 'l fuq fl-2016;

8.  Jinnota li l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro hija mistennija li tibqa' taħt it-2 % mill-inqas sal-2020, minkejja politika monetarja akkomodattiva ħafna segwita mill-BĊE, li tissuġġerixxi li l-ekonomija taż-żona tal-euro mhux qed topera b'kapaċità sħiħa, filwaqt li, fost fatturi oħra, l-apprezzament reċenti tar-rata tal-kambju tal-ewro jagħmilha aktar diffiċli biex tinkiseb l-istabbiltà fil-prezzijiet;

9.  Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-BĊE stess li mingħajr il-pakkett ta' politika tiegħu, l-inflazzjoni kienet tkun ta' madwar 0,5 % inqas bħala medja mir-rata attwalment projettata għas-snin 2016-2019;

10.  Jaqbel mal-BĊE li taħlita bbilanċjata ta' politiki fiskali nazzjonali sodi u favorevoli għat-tkabbir fuq bażi ta' rispett sħiħ tal-PST, inkluża l-flessibbiltà interna tiegħu, kif ukoll riformi soċjalment ibbilanċjati u ambizzjużi li jtejbu l-produttività, huma meħtieġa wkoll fil-livell tal-Istati Membri sabiex jibdlu l-irkupru ċikliku u attwali f'xenarju ta' żvilupp ekonomiku dejjiemi, sostenibbli, u robust fuq terminu twil;

11.  Iqis li, minħabba l-ineffiċjenzi attwali tal-kanali tat-trażmissjoni tal-politika monetarja, il-BĊE jrid jiżgura li l-istabbiltà fil-prezzijiet, definita mill-Kunsill tal-Gvernaturi tal-BĊE bħala rata ta' inflazzjoni ta' ftit inqas minn 2 %, tinkiseb; jemmen li l-BĊE għandu madankollu jivvaluta bir-reqqa l-benefiċċji u l-effetti sekondarji tal-politika tiegħu, b'mod partikolari fir-rigward tal-azzjoni maħsuba biex tiġġieled id-deflazzjoni fil-futur; jemmen li sabiex joħloq ċertezza u fiduċja fis-swieq finanzjarji, il-BĊE għandu jiffoka fuq komunikazzjoni ċara u konċiża tal-miżuri tal-politika monetarja tiegħu;

12.  Jemmen li l-kriżi attwali enfasizzat il-ħtieġa li jiġi diversifikat l-isfond teoretiku sottostanti l-qafas ta' politika fi ħdan il-banek ċentrali; jitlob lill-BĊE biex fir-rapport annwali tiegħu li jmiss janalizza l-impatt tal-kriżi fuq l-evoluzzjoni tal-qafas teoretiku tiegħu;

It-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi

13.  Ifakkar li, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-Istatut tiegħu u l-Artikolu 127 tat-TFUE u d-dettalji ulterjuri previsti fl-Artikolu 282 tat-TFUE, il-BĊE jrid, mingħajr preġudizzju għall-objettiv primarju tal-istabbiltà fil-prezzijiet, jappoġġja "l-politika monetarja tal-Unjoni", bil-ħsieb li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-TUE;

14.  Jinnota li t-tkabbir fil-PGD fiż-żona tal-euro kien stabbli iżda modest, madankollu favorevoli meta mqabbel mas-snin preċedenti u miexi fuq triq stabbli, ta' 2 % fl-2015 u 1,8 % fl-2016; josserva li t-Tbassir Ekonomiku tal-Kummissjoni għall-ħarifa tal-2017 ibassar rati ta' tkabbir tal-PGD ta' 2,2 % fl-2017 u 2,3 % fl-2018;

15.  Jenfasizza li skont ir-Rapport Annwali tal-BĊE tal-2016, l-investiment żdied b'rata ftit aktar bil-mod mis-sena preċedenti; jenfasizza li l-isforzi tal-politika monterja tal-BĊE sa issa għadhom ma ħallewx impatt tanġibbli fuq in-naħa tal-investiment tal-ekonomija tal-UE; jinnota li dan in-nuqqas ta' impatt qed ikollu effett negattiv fir-reġjuni periferali tal-Unjoni;

16.  Jenfasizza b'dispjaċir li skont il-Perspettiva Ekonomika Globali tal-FMI ta' April 2017, il-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni fiż-żona tal-euro kien -1,2 % tal-PDG potenzjali fl-2016, marġni li ser jibqa' negattiv sal-2019, u b'hekk jindika li l-PDG taż-żona tal-euro ser ikun taħt il-potenzjal tiegħu matul il-perjodu mbassar;

17.  Jinnota li, skont il-BĊE, il-politika monetarja tiegħu kienet fundamentali għall-irkupru ekonomiku ċikliku fiż-żona tal-euro, li prinċipalment kien u għadu mmexxi mid-domanda domestika, appoġġjata minn, fost affarijiet oħra, kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli u tisħieħ fis-swieq tax-xogħol, u riformi li jsaħħu l-produttività u l-kompetittività f'xi Stati Membri, filwaqt li bbenefika wkoll mill-waqgħa fil-prezzijiet taż-żejt, u b'hekk jiżdied tkabbir kumulattiv ta' 1,7 % għall-perjodu 2016-2019;

18.  Iqis li, kif innutat mill-President tal-BĊE, il-politika monetarja mhix biżżejjed biex issostni l-irkupru ekonomiku, u lanqas ma tista' tikkontribwixxi biex issolvi l-problemi strutturali tal-ekonomija Ewropea, sakemm ma tkunx ikkomplementata minn politiki mfassla bir-reqqa, ibbilanċjata soċjalment u ġusta bil-għan li ssaħħaħ it-tkabbir u l-kompetittività fuq terminu twil, flimkien ma' politika fiskali soda u fi ħdan il-Patt dwar it-Tkabbir u l-Istabbiltà; jaqbel ukoll mal-BĊE, barra minn hekk, li huwa meħtieġ li jsir approfondiment tal-istruttura istituzzjonali tal-UEM biex jiġu appoġġjati r-riformi msemmija u biex iż-żona tal-euro tkun aktar reżiljenti għal xokkijiet makroekonomiċi;

19.  Jiddispjaċih li minkejja li l-qgħad niżel minn 10,5 % f'Diċembru 2015 għal 9,6 % f'Diċembru 2016, ħafna pajjiżi fiż-żona tal-euro għadhom isofru minn livell għoli ta' qgħad, u d-domanda aggregata fiż-żona tal-euro tibqa' mrażżna, anke meta wieħed iżomm f'moħħu li inugwaljanza persistenti fl-UE tista' tkun dannuża għal żvilupp ekonomiku sod u inklużiv; jappella, madankollu, għall-implimentazzjoni ta' politiki li huma mmirati li jżidu l-produttività, b'fokus fuq il-ħiliet li jiffaċilitaw aktar ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, kif ukoll żidiet fil-pagi;

20.  Jieħu nota tal-analiżi tar-Rapport Annwali tal-BĊE dwar il-konsegwenzi distribuzzjonali tal-politiki tal-BĊE; iħeġġeġ lill-BĊE jkompli jistudja l-impatt distributtiv tal-politika monetarja tiegħu, inkluż fuq id-dħul inugwali, u biex iqis din ir-riċerka fil-kuntest tat-tfassil ta' politika monetarja;

21.  Jenfasizza li sabiex tkun żgurata effikaċja sħiħa tal-politika monetarja, l-iżbilanċi tal-kont kurrenti jridu jiġu kkoreġuti b'politiki fiskali u ekonomiċi xierqa u riformi li jsaħħu l-produttività;

Il-provvista tal-kreditu u s-superviżjoni bankarja

22.  Jirrimarka li għalkemm l-M1 kiber b'rata ta' 8,8 % fl-2016, l-M3 ikompli jikber b'rata ta' 5 % fis-sena biss, li turi li t-trażmissjoni tal-politika monetarja mhijiex effikaċi għalkollox u tindika anormalitajiet monetarji kif ukoll nuqqas ta' provvista tal-kreditu; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), li tista' toffri mod alternattiv ta' finanzjament tal-ekonomija matul żminijiet ta' diffikultà bankarja;

23.  Jirrikonoxxi li l-politika monetarja, sa ċertu punt, naqqset il-kost tal-kreditu u għenet biex ittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-kumpaniji u għall-unitajiet domestiċi fiż-żona tal-euro, b'impatt partikolari f'ċerti Stati Membri, kif innutat mir-rapport annwali tal-BĊE tal-2016, li jiddikjara li l-kost li tissellef għall-unitajiet domestiċi fiż-żona tal-euro jvarja bejn il-pajjiżi differenti; iqis, għalhekk, li l-effett ta' din il-politika huwa limitat minħabba domanda għall-kreditu mnaqqsa, il-persistenza ta' problemi strutturali fis-sistemi bankarji f'xi Stati Membri, u n-nuqqas ta' fiduċja fost l-istituzzjonijiet finanzjarji nfushom;

24.  Iħeġġeġ aktar titjib tal-aċċess għall-kreditu mill-SMEs, b'tali mod li tissaħħaħ l-inklussività fl-iżvilupp ekonomiku;

25.  Jilqa' l-fatt li mill-2015, ir-rati għal self żgħir ħafna komplew jonqsu b'pass aktar rapidu minn dawk għal self kbir, u dan jikkontribwixxi għal tnaqqis ulterjuri tad-differenza bejn self żgħir ħafna u self kbir; jinnota, barra minn hekk, li d-differenza bejn ir-rati ta' self żgħir u self kbir issa hija simili bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro;

26.  Jinnota li perjodu mtawwal ta' kważi kurva ċatta tar-rendiment tar-rata tal-imgħax jista' jaffettwa l-istabbiltà u l-proftabbiltà tas-sistema bankarja; jaqbel madankollu mal-valutazzjoni tal-BĊE li l-profittabbiltà tal-bank fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq il-mudell kummerċjali tiegħu, kif ukoll fuq l-istruttura u l-karta tal-bilanċ tiegħu, indipendentement minn rati tal-imgħax baxxi; jinnota wkoll li s-settur bankarju tal-UE huwa kkaratterizzat minn diversità, mhux l-inqas bħala riżultat tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali, li min-naħa tagħha tikkontribwixxi għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja;

27.  Jirrikonoxxi li filwaqt li l-politika attwali tar-rati tal-imgħax baxxi, b'mod temporanju, għandha effett pożittiv fuq il-livell ta' self improduttiv (NPLs), ir-riskji għolja relatati mal-NPLs għandhom ikunu indirizzati b'mod effikaċi u strutturat; jinnota li l-isforzi tal-BĊE u l-SSM fis-supervizjoni u l-assistenza lill-banek fiż-żona tal-euro biex inaqqsu l-esponiment tagħhom għall-NPL, u b'mod partikolari l-gwida provduta mill-BĊE lill-banek dwar l-indirizzar tal-NPLs f'Marzu 2017 u l-azzjonijiet tiegħu rigward banek individwali, kif ukoll il-pjan ta' azzjoni approvat mill-Kunsill ECOFIN tal-11 ta' Lulju 2017, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament rigward il-leġiżlazzjoni tal-livell 1; jirrimarka li implimentazzjoni ordnata mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill teħtieġ sforz konġunt mill-banek, is-superviżuri, ir-regolaturi u l-awtoritajiet nazzjonali; jitlob li jkun hemm testijiet tal-istress ikkaratterizzati minn kopertura wiesgħa, pertinenza metodoloġika u robustezza; jirrakkomanda l-monitoraġġ bir-reqqa tal-iżviluppi fis-swieq tal-proprjetà immobbli; iqis li kwalunkwe miżura addizzjonali għandha tiżgura r-rispett sħiħ għall-prerogattivi tal-Parlament Ewropew;

CSPP

28.  Jilqa' t-titjib li sar mill-BĊE fl-iżvelar tal-lista ta' titoli miżmuma mill-Eurosistema taħt is-CSPP tal-BĊE, iżda jinnota li dan il-programm jibbenefikaw l-aktar minnu il-korporazzjonijiet il-kbar;

29.  Jistieden lill-BĊE jkompli jiżgura trasparenza sħiħa fl-iżvelar tal-volumi tax-xiri magħmula taħt is-CSPP għal kull kumpanija wara żmien raġonevoli; jistieden lill-BĊE jippubblika wkoll id-data kollha mis-CSPP fi spreadsheet waħda faċli għall-utent li tista' tiffaċilita l-akkontabilità pubblika tal-programm; jenfasizza li fi kwalunkwe każ għandha tiġi pprovduta trasparenza sħiħa meta jispiċċa l-programm; barra minn hekk jistieden lill-BĊE jagħmel pubbliċi l-kriterji li japplikaw rigward l-eliġibbiltà tal-bonds korporattivi għax-xiri taħt is-CSPP, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet possibbli għall-kompetizzjoni tas-suq; jenfasizza li l-eliġibbiltà tal-bonds hija soġġetta għall-kriterji tal-ġestjoni tar-riskju u mhux għad-daqs tal-kumpaniji li joħorġuhom;

Sfidi addizzjonali

30.  Jinnota li l-BĊE bħala istituzzjoni tal-UE huwa marbut mal-Ftehim ta' Pariġi;

31.  Jaqbel li suq kapitali li jiffunzjona sew, diversifikat u integrat jista' jappoġġja t-trażmissjoni tal-politika monetarja unika; huwa tal-opinjoni li l-unjoni tas-swieq kapitali (CMU) għandha rwol fundamentali fl-espansjoni tal-pool ta' kapital fl-UE; jitlob li jkun hemm tlestija u implimentazzjoni pass b'pass, f'waqtha u sħiħa tas-CMU;

32.  Jinnota l-opinjoni pożittiva tal-BĊE rigward l-istabbiliment ta' skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) bħala t-tielet pilastru ta' unjoni bankarja; jenfasizza r-rwol fundamentali tal-assigurazzjoni tad-depożiti għall-bini tal-fiduċja u għall-iżgurar tas-sikurezza ugwali tad-depożiti fi ħdan l-Unjoni Bankarja; jenfasizza li l-EDIS tista' tkompli tgħin biex tissaħħaħ u tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja; jirrikonoxxi li l-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju jeħtieġ jimxu id f'id;

33.  Jieħu nota tar-riflessjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' ass sikur Ewropew għall-Unjoni Bankarja taż-żona tal-euro;

34.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE rigward ir-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Artikolu 22 tas-SEBĊ u l-Istatut tal-BĊE, meħuda fit-23 ta' Ġunju 2017 sabiex tiġi pprovduta bażi legali li tippermetti l-Eurosistema twettaq ir-rwol tagħha bħala bank ċentrali tal-ħruġ fir-riforma proposta tal-istruttura superviżorja tal-kontropartijiet ċentrali tal-ikklerjar (CCPs), b'tali mod li l-BĊE jingħata l-kompetenza li jirregola l-attività tas-sistemi tal-ikklerjar, inklużi s-CCPs, bl-objettiv li b'mod effikaċi jiġu indirizzati r-riskji maħluqa minn dawk is-sistemi fl-operazzjoni bla xkiel tas-sistemi ta' pagament u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja unika; attwalment qiegħed jivvaluta r-rakkomandazzjoni, u jistenna bil-ħerqa diskussjonijiet dwar din il-proposta;

Flus fiżiċi u muniti diġitali

35.  Jaqbel mal-BĊE dwar l-importanza tal-flus fiżiċi bħala valuta legali, peress li ż-żona tal-euro hija l-unika valuta legali fi ħdan iż-żona tal-euro, u jfakkar lill-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro li l-aċċettazzjoni tal-muniti u l-karti tal-euro għandhom ikunu r-regola fi tranżazzjonijiet bl-imnut, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-istess Stati Membri li jintroduċu limiti massimi għal pagament bi flus kontanti bil-għan li jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus, il-frodi fiskali, u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; jissuġġerixxi li l-Eurosistema għandha toħroġ karti tal-flus kommemorattivi ta' Charlemagne li jkunu wkoll valuti legali;

36.  Jieħu nota tad-diskussjonijiet li għaddejja dwar "munita diġitali tal-bank ċentrali" jew "flus b'bażi diġitali" li ser ikunu disponibbli għal firxa wiesgħa ta' kontropartijiet inklużi unitajiet domestiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-BĊE jistudjaw tali skemi bil-għan li jtejbu l-aċċess pubbliku għas-sistemi ta' pagament, flimkien mal-flus fiżiċi, kif ukoll l-isfidi potenzjali li jinsabu fil-monopolju tal-BĊE li joħroġ il-flus; jenfasizza li l-progress fil-qasam tal-muniti virtwali ma jridx iwassal għal restrizzjonijiet rigward il-movimenti ta' flus kontanti bl-imnut jew għat-tneħħija tal-flus kontanti;

37.  Jissottolinja l-importanza taċ-ċibersigurtà għas-settur finanzjarju; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-BĊE f'dan il-qasam, inklużi t-tnedija ta' skema pilota għar-rapportar ta' ċiberinċidenti sinifikanti fi Frar 2016 u l-kollaborazzjoni fil-qafas tal-G7;

Responsabbiltà u trasparenza

38.  Jitlob lill-BĊE jkompli jipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Greċja, u lil kwalunkwe Stat Membru ieħor, fir-rieżami tat-tlestija tal-programm ta' assistenza finanzjarja; iqis li tali appoġġ jista' jinvolvi, mingħajr preġudizzju għall-istatus indipendenti tiegħu, l-inklużjoni tal-bonds sovrani Griegi fil-PSPP, abbażi tal-kriterji tal-eliġibbiltà applikati għall-Istati Membri kollha, u l-estensjoni tal-programm CBPP3 lill-entitajiet legali Griegi rregolati mil-liġi pubblika u privata, f'konformità mal-istess kriterji tal-eliġibbiltà;

39.  Jistieden lill-BĊE, f'kooperazzjoni mal-ESAs, jivvaluta l-konsegwenzi kollha tal-irtirar tar-Renju Unit mill-UE u jkun lest li jħejji għar-rilokazzjoni ta' banek u l-attivitajiet tagħhom fiż-żona tal-euro; iqis li t-tisħiħ tas-sorveljanza għall-ikklerjar tal-euro (euro-clearing) barra miż-żona tal-euro huwa ta' importanza kbira, sabiex jiġu evitati lakuni superviżorji u kwistjonijiet ta' stabbiltà finanzjarja; qed jibda jiddibatti l-proposta tal-Kummissjoni li temenda l-EMIR fir-rigward tas-superviżjoni tas-CCPs maħruġa f'Ġunju 2017 fil-livell ta' kumitat, bil-għan li jinkiseb dan it-tisħiħ;

40.  Jinnota li l-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji identifika l-profitti tal-BĊE mill-ħruġ tal-munita bħala waħda mir-riżorsi proprji l-ġodda possibbli għall-baġit tal-UE; jenfasizza li l-bdil ta' dawn il-profitti f'riżorsa proprja tal-UE jirrikjedi bidla fl-Istatut tal-SEBĊ u l-BĊE, kif ukoll aġġustamenti sabiex tiġi akkomodata s-sitwazzjoni speċifika ta' Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro;

41.  Iqis li l-indipendenza tal-BĊE, u għalhekk il-grad tiegħu ta' responsabbiltà, trid tkun proporzjonata mal-importanza tiegħu; jenfasizza li r-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-BĊE jeħtieġu trasparenza lejn il-pubbliku ġenerali u responsabbiltà msaħħa lejn il-Parlament; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sottomessi listi ta' kandidati sabiex il-Parlament ikun jista' jwettaq ir-rwol istituzzjonali tiegħu fil-ħatra tal-President, tal-Viċi President u membri oħra tal-bord eżekuttiv tal-BĊE;

42.  Ifakkar li d-Djalogu Monetarju huwa għodda importanti għall-iżgurar tat-trasparenza fid-deċiżjonijiet tal-politika monetarja fir-rigward tal-Parlament, u għaldaqstant għall-pubbliku ġenerali; jilqa' b'sodisfazzjon il-preżenza u d-djalogu regolari mal-President tal-BĊE u membri oħra tal-Bord Eżekuttiv fil-qafas tad-Djalogu Monetarju u formati oħra; iqis li d-Djalogu Monetarju jista' jittejjeb aktar, inkluż billi jiġi mfassal mill-ġdid sabiex jissaħħu l-fokus, l-interattività u r-relevanza tal-iskambju ta' fehmiet mal-President tal-BĊE u membri oħra tal-Bord Eżekuttiv fil-qafas tad-Djalogu Monetarju u formati oħra, b'rispett għar-rakkomandazzjonijiet u l-feedback mill-esperti monetarji kkummissjonati mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji f'Marzu 2014; jistieden ukoll lill-uffiċjali tal-BĊE jkomplu bil-prattika apprezzata li jipprovdu tweġibiet bil-miktub meta jkun għad hemm kwistjonijiet pendenti wara l-iskambju ta' fehmiet;

43.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mill-BĊE fl-2016 li jippubblika fir-rapport annwali tiegħu l-feedback tiegħu dwar il-kontribut ipprovdut mill-Parlament u jinkoraġġixxi lill-BĊE jkompli bl-isforzi ta' trasparenza tiegħu sabiex jispjega aħjar il-miżuri ta' politika monetarja tiegħu; ifakkar it-talba tiegħu lill-BĊE biex iżid kapitolu jew anness fir-rapport annwali tiegħu li jipprovdi feedback komprensiv dwar ir-rapport tal-Parlament fis-sena preċedenti;

44.  Jitlob lill-BĊE jiżgura l-indipendenza tal-membri tal-Kumitat ta' Verifika intern tiegħu; iħeġġeġ lill-BĊE li, sabiex jipprevjeni l-kunflitti ta' interess, jippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji għall-membri tal-Kunsill Governattiv tiegħu; iħeġġeġ lill-BĊE jiżgura li l-Kumitat tal-Etika ma jkunx ippresedut minn President preċedenti jew membri oħra preċedenti tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, u lanqas minn xi ħadd li jista' jkollu kunflitt ta' interess; jitlob lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE jsegwi r-Regolamentazzjoni tal-Persunal u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE u li jesiġi perjodu ta' astensjoni professjonali ta' sentejn għall-membri li jkunu temmew il-mandat tagħhom; jenfasizza li l-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandhom, fil-prinċipju, jastjenu milli jkunu membri simultanji ta' fora jew organizzazzjonijiet oħra li jinkludu eżekuttivi minn banek sorveljati mill-BĊE, sakemm tali sħubija hija f'konformità mal-prattika stabbilita fil-livell globali u l-BĊE jipparteċipa flimkien ma' banek oħra ċentrali bħas-Sistema ta' Riżerva Federali tal-Istati Uniti jew il-Bank tal-Ġappun; iqis li f'dawn il-każi l-BĊE għandu jieħu miżuri xierqa biex jevita interferenza possibbli mar-rwol superviżorju tiegħu u m'għandhux jipparteċipa f'diskussjonijiet rigward banek individwali taħt is-superviżjoni tiegħu; jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew tal-15 ta' Jannar 2018 dwar l-involviment tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-membri tal-korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu fil-"Grupp tat-Tletin";

45.  Jistenna lill-BĊE jadotta politika ċara u pubblika dwar l-iżvelar ta' informazzjoni;

46.  Jinnota li l-politika tal-impjiegi kurrenti tal-BĊE rigward aġenti temporanji, li tistrieħ ukoll fuq kuntratti temporanji repetittivi, tista' toħloq instabbiltà fl-ambjent tax-xogħol u xxekkel il-koeżjoni professjonali fi ħdan il-BĊE; huwa mħasseb dwar il-każijiet allegati ta' kroniżmu u l-livell għoli ta' nuqqas ta' sodisfazzjoni fost l-impjegati tal-BĊE; jinnota u jilqa' l-inizjattivi tal-BĊE li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, anke permezz ta' djalogu msaħħaħ mar-rappreżentanti tal-persunal, u jinkoraġġixxih ikompli jsegwi dan l-isforz; iħeġġeġ lill-BĊE jiżgura trattament u opportunitajiet ugwali għall-persunal kollu tiegħu, kif ukoll biex jiggarantixxi kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fi ħdan l-istituzzjoni;

47.  Jilqa' l-isforzi tal-BĊE biex itejjeb iċ-ċarezza u t-trasparenza fir-rigward tal-għoti tal-assistenza ta' likwidità f'emerġenza (ELA) u d-determinazzjoni tal-prezz tagħha, f'konformità mal-ftehim dwar l-ELA ta' Mejju 2017; jirrimarka li l-għoti tal-liwidità ċentrali bankarja lill-istituzzjonijiet fiż-żona tal-euro jista' jiġi ċċarat aktar;

48.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-prattika tal-BĊE li jippubblika d-deċiżjonijiet tiegħu ta' applikazzjoni ġenerali, regolamenti, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet, u b'hekk inaqqas drastikament in-numru ta' eżenzjonijiet minn divulgazzjoni ta' informazzjoni; jitlob lill-BĊE jżid it-trasparenza tiegħu lejn il-pubbliku, inkluż permezz ta' konsultazzjonijiet pubbliċi, fejn il-pubblikazzjoni ma tfixkilx b'mod sinifikanti l-funzjonament tas-swieq;

49.  Jenfasizza li r-rwoli superviżorji u tal-politika monetarja tal-BĊE m'għandhomx jitħawdu ma' xulxin u m'għandhom jiġġeneraw ebda kunflitt ta' interess fit-twettiq tal-funzjonijiet prinċipali tiegħu;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BĊE.

(1) ĠU L 83, 30.3.2010, p. 70.
(2) ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1.
(3)https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/other/20170410_feedback_on_the_input_provided_by_the_european_parliament.en.pdf?384c7fc03ceda115fe0e9aa7cf378e07

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Settembru 2018Avviż legali