Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2084(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0005/2018

Testi mressqa :

A8-0005/2018

Dibattiti :

PV 05/02/2018 - 23
CRE 05/02/2018 - 23

Votazzjonijiet :

PV 06/02/2018 - 5.7
CRE 06/02/2018 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0026

Testi adottati
PDF 426kWORD 66k
It-Tlieta, 6 ta' Frar 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa
P8_TA(2018)0026A8-0005/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-6 ta' Frar 2018 dwar l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa (2017/2084(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa" (COM(2016)0763),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, ratifikat mill-Unjoni Ewropea fl-4 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Towards an Integrated Strategic Energy Technology (SET) Plan: Accelerating the European Energy System Transformation " (Lejn Pjan Strateġiku Integrat għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET): Aċċelerazzjoni tat-Trasformazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija Ewropea) (C(2015)6317),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu ''Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem'' (COM(2015)0080), u r-riżoluzzjoni tiegħu, tal-15 ta' Diċembru 2015, bit-titolu ''Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija''(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050" (COM(2011)0885), u r-riżoluzzjoni tiegħu, tal-14 ta' Marzu 2013, dwar il-pjan direzzjonali għall-Enerġija 2050, futur b'enerġija(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu ''Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv'' (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016, għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija (COM(2016)0759), u b'mod partikolari d-dimensjoni tar-''riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività" fl-Unjoni tal-Enerġija, speċjalment l-Artikolu 22 dwar ''Rapportar integrat dwar ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività'',

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2017 bit-titolu ''Insaħħu l-Innovazzjoni fir-Reġjuni tal-Ewropa: Strateġiji għal tkabbir reżiljenti, inklużiv u sostenibbli'' (COM(2017)0376),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu ''Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu'' (COM(2016)0733),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0005/2018),

A.  billi r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI) jikkostitwixxu dimensjoni distinta tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE u jirrappreżentaw mutur ewlieni tas-supremazija industrijali tal-Unjoni, il-kompetittività tagħha fid-dinja, it-tkabbir sostenibbli tagħha u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll tas-sigurtà ġenerali tal-enerġija tal-Istati Membri u tal-Unjoni, billi jnaqqsu d-dipendenza fuq l-enerġija impurtata u jrawmu l-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi kollha tal-enerġija;

B.  billi l-UE għadha fuq quddiem nett fid-dinja f'dak li għandu x'jaqsam ma' innovazzjonijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet u b'valur għoli fil-qasam tal-enerġija, inkluż fl-effiċjenza enerġetika, fl-enerġija rinnovabbli u fit-teknoloġiji emerġenti nodfa, u dan jagħti lill-UE bażi solida biex tagħmel qabża ulterjuri fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa, inkluż fl-iżvilupp ta' batteriji għall-elettromobbiltà u l-ħżin tal-enerġija; billi l-politiki ambizzjużi u mmirati dwar il-klima u l-enerġija, partikolarment permezz tal-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, kif ukoll il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, kienu l-muturi ewlenin ta' din is-supremazija; billi, f'dan il-kuntest, il-Ftehim ta' Pariġi żied b'mod sostanzjali l-livell tal-ambizzjoni globali u tal-impenji konkreti tal-firmatarji b'rabta mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; billi l-UE jeħtieġ tkompli tkun ambizzjuża fil-politiki u l-istrumenti tagħha sabiex tibgħat is-sinjali ta' investiment korretti u ma titlifx is-supremazija tagħha fis-suq dinji f'dak li għandu x'jaqsam mar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa;

C.  billi l-progress fl-effiċjenza enerġetika kif ukoll l-innovazzjonijiet u r-R&Ż ibbażati fuq l-enerġija rinnovabbli huma fundamentali għall-kompetittività tal-UE fil-futur, inkluż għall-industrija tal-Ewropa; billi l-UE ma tistax issir "in-numru wieħed fl-enerġija rinnovabbli" jekk mhux bl-adozzjoni ta' innovazzjonijiet kosteffikaċi u bl-intensifikazzjoni tal-isforzi fir-R&Ż f'dan is-settur speċifiku; billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" jeħtieġ tkun imsejsa fuq politika robusta dwar l-innovazzjoni fil-livell Ewropew, partikolarment b'rabta mal-integrazzjoni tas-sistemi;

D.  billi suq intern tal-enerġija kompetittiv u li jiffunzjona bis-sħiħ, b'qafas regolatorju u infrastruttura adegwati, huwa essenzjali biex ikomplu jiġu stimulati r-RŻI u tiġi massimizzata l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda u nodfa min-naħa tas-suq fir-reġjuni kollha tal-UE billi jinħolqu ekonomiji ta' skala u ċertezza fir-regolamentazzjoni u l-investiment, biex b'hekk l-Unjoni tkun tista' tisfrutta l-potenzjal kollu ta' innovazzjoni enerġetika newtrali mil-lat teknoloġiku li trawwem l-effiċjenza, l-użu sostenibbli tas-sorsi tal-enerġija u soluzzjonijiet u teknoloġiji ta' ġenerazzjoni, ħżin u trasport deċentralizzati;

E.  billi l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa għandha tikkontribwixxi wkoll biex il-konsumaturi Ewropej ikollhom provvista tal-enerġija bi prezzijiet aċċessibbli billi tgħinhom igawdu tariffi tal-enerġija aktar baxxi, aktar kontroll fuq il-konsum u l-produzzjoni tal-enerġija tagħhom u prodotti u servizzi li jikkunsmaw inqas enerġija;

F.  billi l-politika tal-enerġija u l-istrumenti ta' finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, inklużi l-investimenti pubbliċi rilevanti, għandhom jitfasslu b'tali mod li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-aċċelerazzjoni tal-iżviluppi tekniċi, u għandhom jiffukaw primarjament fuq tranżizzjoni gradwali lejn sistemi tal-enerġija nodfa, effiċjenti ħafna, u b'livell baxx ta' emissjonijiet; billi minħabba l-inċertezza teknoloġika, xjentifika jew tas-suq, il-finanzjament mis-settur privat sikwit ikun insuffiċjenti jew indisponibbli; billi l-UE jeħtieġ toħloq inċentivi u tibgħat sinjali b'saħħithom u konsistenti, sabiex isserraħ moħħ l-investituri u tagħti spinta lill-investiment privat fl-innovazzjoni, fir-R&Ż u fl-użu ta' enerġija nadifa;

G.  billi l-innovazzjoni hija xprunata l-ewwel u qabel kollox mill-innovaturi u mid-domanda tas-suq; billi l-Kummissjoni għandha tiffoka l-isforzi tagħha primarjament fuq il-ħolqien ta' qafas ta' abilitazzjoni għall-innovaturi, li jvarja mis-simplifikazzjoni tal-aċċess għal finanzjament għar-riċerka għat-trasformazzjoni tal-għarfien fi prodotti kummerċjalment vijabbli; billi s-sħubijiet bejn ir-riċerkaturi u s-sħab industrijali rilevanti jistgħu jkunu ta' għajnuna f'dan il-kuntest;

H.  billi s-sussidji fuq l-enerġija jaffettwaw il-prezzijiet tas-suq, jaħbu l-ispejjeż reali tal-enerġija minn sorsi differenti u l-ispiża reali tat-teknoloġiji relatati mal-enerġija, u b'hekk jaffettwaw ħażin il-kundizzjonijiet għar-riċerka u l-investiment fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa, kif ukoll l-użu eventwali tagħha; billi, filwaqt li l-użu tas-sussidji għandu jitneħħa b'mod gradwali, dan l-użu għandu, sadanittant, ikun limitat għal strumenti temporanji mmirati lejn il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi u suq kompetittiv li jiffaċilita l-adozzjoni ta' teknoloġiji nodfa ġodda, b'mod speċjali fl-oqsma tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli;

I.  billi l-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mis-sorsi, min-netwerks tad-distribuzzjoni u mit-teknoloġiji tal-enerġija għandha tittieħed bħala referenza meta jiġu indirizzati politiki u inċentivi konkreti fil-livell tal-UE mmirati lejn it-trawwim ta' soluzzjonijiet u teknoloġiji nodfa, b'emissjonijiet baxxi u effiċjenti fl-enerġija, inkluż l-akkwist sostenibbli tal-materja prima u l-minerali; billi l-enfasi għandha tkun fuq dawk l-innovazzjonijiet tal-enerġija nadifa li għandhom rilevanza diretta għaċ-ċittadini u l-prosumaturi, u li jippermettu l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tranżizzjoni tal-enerġija u jagħmlu t-tranżizzjoni nfisha aktar aċċessibbli mil-lat ekonomiku;

J.  billi r-riċerka marbuta mal-enerġija u l-innovazzjoni ġiet rikonoxxuta bħala qasam ta' prijorità fil-qafas tal-FP7 u ta' Orizzont 2020, u għandha tibqa' hekk fil-qafas tal-FP9, fid-dawl tal-impenji tal-UE fl-ambitu tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Ftehim ta' Pariġi, sabiex il-finanzjament pubbliku u privat fir-R&Ż jiġi sfruttat b'mod aktar effikaċi u jingħata kontribut biex jitnaqqsu r-riskji tal-investiment tal-aktar innovazzjonijiet prospettivi fil-qasam tal-enerġija nadifa, b'mod partikolari fl-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;

K.  billi s-settur tat-trasport jirrappreżenta terz tal-konsum enerġetiku tal-UE, għandu potenzjal enormi għall-effiċjenza enerġetika u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, u għaldaqstant għandu jkollu rwol essenzjali fit-tranżizzjoni lejn soluzzjonijiet enerġetiċi ġodda u lejn soċjetà b'livell baxx ta' karbonju;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-qafas għall-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni tal-UE fil-qasam tal-enerġija nadifa; jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas għar-regolamentazzjoni u l-finanzjament tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija li jkun koerenti mal-pjan direzzjonali għall-enerġija tal-UE għall-2050 u mal-impenji tagħha fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi, u li jrawwem l-użu effiċjenti u sostenibbli tas-sorsi kollha tal-enerġija u b'hekk jirriżulta fi ffrankar tal-enerġija u f'benefiċċji akbar fl-oqsma tas-saħħa, is-sikurezza u l-kwalità tal-arja u tal-ilma, u fl-istess ħin jiżgura l-kompetittività industrijali tal-Unjoni, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha u l-konformità mal-obbligi li joħorġu mit-Trattat tal-UE, kif ukoll risposta komprensiva għall-kwistjonijiet ambjentali; jirrikonoxxi li l-qafas għall-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa tal-UE huwa parti integrali minn sett usa' ta' proposti leġiżlattivi stabbiliti fil-pakkett "Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha" u għalhekk għandu jsaħħaħ id-diversi elementi tiegħu, l-impenji tal-Unjoni fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi u l-leġiżlazzjoni u l-prinċipji usa' tal-Unjoni tal-Enerġija, b'mod partikolari dawk li huma riflessi fil-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u fil-pjan direzzjonali għall-2050, filwaqt li jirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 191 u 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

2.  Jirrikonoxxi li s-suċċess fl-adozzjoni ta' innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija huwa sfida multidimensjonali li tiġbor fiha l-ktajjen tal-valur fuq in-naħa tal-provvista u tad-domanda, il-kapital uman, id-dinamika tas-suq, ir-regolamentazzjoni, l-innovazzjoni u kwistjonijiet ta' politika industrijali; jenfasizza li din l-isfida teħtieġ l-involviment taċ-ċittadini – konsumaturi u prosumaturi – kif ukoll ekosistema wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, inklużi l-akkademiċi, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija (RTOs), l-SMEs, in-negozji l-ġodda, il-kumpaniji tal-enerġija u tal-kostruzzjoni, il-fornituri tal-mobbiltà, il-fornituri tas-servizzi, il-manifatturi tat-tagħmir, il-kumpaniji tal-IT u tat-telekomunikazzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, lokali u tal-Unjoni, il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli, l-NGOs, l-edukaturi u l-opinion leaders; jenfasizza l-valur ta' mudelli kummerċjali ġodda li jużaw teknoloġiji diġitali innovattivi biex, fost l-oħrajn, jottimizzaw l-awtoġenerazzjoni, il-ħżin, l-iskambju u l-awtokonsum ta' enerġija rinnovabbli fuq il-post u jżidu l-aċċess għall-enerġija rinnovabbli, anke għall-familji f'sitwazzjoni ta' faqar enerġetiku;

3.  Iqis li tranżizzjoni tal-enerġija kosteffikaċi lejn sistemi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, orjentati lejn il-konsumatur u aktar diġitalizzati u deċentralizzati bi prosumaturi u komunitajiet ta' prosumaturi attivi tirrikjedi riċerka u l-adozzjoni ta' innovazzjonijiet fis-setturi kollha tas-sistema tal-enerġija, inklużi soluzzjonijiet speċifiċi u sistemiċi mhux teknoloġiċi, immirati – fost l-oħrajn – għall-effiċjenza u l-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija; jirrikonoxxi li din it-tranżizzjoni qed trawwem mudelli organizzattivi ġodda, b'mod partikolari fil-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-ħżin tal-enerġija, kif ukoll fl-elettromobbiltà, il-ġestjoni tan-negozju u tal-ħtiġijiet, u l-forniment tas-servizzi; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' standards komuni sabiex titrawwem sistema tal-enerġija konnessa u diġitalizzata; jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom proġetti pilota sostenibbli fuq skala kbira, inklużi dawk ibbażati fil-komunità, fl-adozzjoni ta' innovazzjonijiet sistemiċi fil-qasam tal-enerġija;

4.  Ifakkar li l-effiċjenza enerġetika għandha tkun prijorità orizzontali trasversali fil-politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE li tkun tapplika għas-setturi kollha u ma tkunx limitata għal proġetti relatati mal-enerġija, tippromwovi u tinċentiva b'mod sistematiku l-produzzjoni ta' proċessi, servizzi u prodotti aktar effiċjenti, bl-implimentazzjoni tal-prinċipju li "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" tul il-katina tal-enerġija kollha, li tinkludi l-ġenerazzjoni, t-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-użu aħħari tal-enerġija;

5.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' aktar liberalizzazzjoni fis-swieq tal-enerġija Ewropej, b'mod partikolari billi jitneħħew l-ostakli għall-formazzjoni libera tal-prezzijiet u billi jitneħħew gradwalment is-sussidji fuq l-enerġija, sabiex dan jiffaċilita ż-żieda fl-innovazzjoni u l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda li jwasslu għal użu aktar sostenibbli tal-enerġija u jrawmu provvista emerġenti ta' enerġija rinnovabbli, minbarra li joħloq kundizzjonijiet ekwi u suq kompetittiv li kapaċi jwasslu għal soluzzjoni aktar vantaġġuża għall-konsumaturi, il-prosumaturi, il-komunitajiet u n-negozji;

Il-koerenza tal-azzjonijiet tal-UE

6.  Jinnota li r-RŻI fil-qasam tal-enerġija nadifa jiddependu b'mod kruċjali fuq suq stabbli u fuq il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza ta' qafas regolatorju, li jirrikjedi viżjoni politika ambizzjuża u fattibbli fit-tul, bl-inklużjoni ta' objettivi u impenji relatati mal-klima u l-enerġija, inċentivi mmirati sostnuti u kapital ta' ekwità "paċenzjuż" sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fost it-teknoloġiji, biex b'hekk tiġi aġevolata l-innovazzjoni, tiġi ffaċilitata l-provvista tal-enerġija, jonqsu l-ostakli għad-dħul fis-suq u jsir aktar faċli għall-innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija nadifa li jilħqu l-massa kritika meħtieġa biex jiġu adottati mis-suq; jilqa' u jinkoraġġixxi l-enfasi fuq it-teknoloġiji essenzjali, kif ikkonfermat fil-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET) u fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni; itenni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 194 tat-TFUE u jinnota li dawn iridu jkunu riflessi fl-istrumenti tal-politika u l-finanzi li jappoġġjaw l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa; jenfasizza l-ħtieġa, madankollu, ta' aktar prijoritizzazzjoni tal-innovazzjoni trasversali, transettorjali u sistemika fil-qasam tal-enerġija, kif ukoll il-promozzjoni tal-edukazzjoni u l-intraprenditorija, peress li l-innovazzjoni mhijiex xprunata mit-teknoloġija biss; jissottolinja l-ħtieġa li dan l-approċċ sistemiku jkun jista' jintegra b'mod effikaċi s-soluzzjonijiet differenti disponibbli jew li jkunu qed jiġu żviluppati, partikolarment fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika u l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli; jappella biex il-pjattaformi tat-teknoloġija u l-innovazzjoni Ewropej jintużaw biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta' innovazzjonijiet prospettivi fil-qasam tal-enerġija nadifa li jistħoqqilhom appoġġ immirat;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u, fejn rilevanti, lill-awtoritajiet reġjonali, joħolqu mekkaniżmi għall-koordinazzjoni tal-programmi tal-UE, nazzjonali u reġjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija sabiex jitrawmu sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni, u b'hekk jiġi żgurat l-aktar użu effikaċi tar-riżorsi u l-infrastruttura eżistenti, kif ukoll tas-sorsi tal-enerġija disponibbli fl-Istati Membri, sabiex tiġi massimizzata l-adozzjoni ta' innovazzjonijiet u teknoloġiji ġodda mis-suq u jitrawmu mudelli kummerċjali ġodda fl-UE kollha; jemmen li l-inklużjoni ta' informazzjoni rilevanti fil-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima tista' twassal biex jintlaħaq dan l-objettiv; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jitrawmu l-aħjar prattiki u l-iskambji ta' informazzjoni, kif ukoll li jiġu simplifikati r-regoli dwar il-parteċipazzjoni fi programmi ta' innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija għall-organizzazzjonijiet, l-intrapriżi, l-universitajiet u l-istituti kollha, kemm mill-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi;

8.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tkompli tiffinanzja r-riċerka fundamentali permezz ta' Orizzont 2020 u permezz tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka; jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb aktar il-finanzjament tar-riċerka kollaborattiva fil-qafas tal-Isfidi tas-Soċjetà ta' Orizzont 2020 fil-qasam tal-enerġija, imma wkoll li tiġi simplifikata l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija fl-isfidi l-oħra tas-soċjetà; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li jissaħħu l-innovazzjonijiet li joħolqu s-swieq billi jinħoloq Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni – minbarra l-Inizjattiva favur in-Negozji l-Ġodda u n-Negozji li Qed Jespandu – biex b'hekk jingħata kontribut għat-trawwim ta' innovazzjonijiet rivoluzzjonarji li jistgħu jattiraw u joħolqu swieq ġodda; jemmen li l-ħolqien ta' strumenti ta' finanzjament ibbażati fuq is-suq (bħal self u ekwità) m'għandux ikun ta' detriment għall-finanzjament ta' għotjiet li jippermetti lill-parteċipanti pubbliċi u mingħajr skop ta' qligħ, bħall-akkademiċi, l-universitajiet u s-soċjetà ċivili, jieħdu sehem fi proġetti Ewropej transnazzjonali ta' valur għoli;

9.  Huwa mħasseb dwar l-għadd kbir u l-kumplessità tal-istrumenti finanzjarji eżistenti u jenfasizza l-ħtieġa ta' koerenza akbar fost il-fondi rilevanti, inklużi l-fondi strutturali, iddedikati għall-effiċjenza enerġetika u għal proġetti ta' enerġija nadifa, u li l-istrumenti ta' finanzjament eżistenti fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jkunu aktar faċli biex jinftiehmu; jistieden lill-Kummissjoni timmappja l-fondi u l-istrumenti finanzjarji differenti tul il-katina tal-valur, u jqis li l-ippuljar tal-istrumenti differenti – mingħajr ma tiddgħajjef il-komplementarjetà tagħhom – għandu jiġi studjat bħala possibbiltà; iqis ukoll li xi Stati Membri m'għandhomx il-kapaċità biex jiżviluppaw azzjonijiet ta' appoġġ għall-innovazzjoni relatata mal-enerġija, b'mod partikolari permezz ta' skemi nazzjonali ta' appoġġ finanzjarju, u, f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ dawn il-kapaċitajiet filwaqt li tiżgura qafas ta' finanzjament koerenti u simplifikat għall-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tar-rendiment tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi relatati mal-enerġija tagħha u tipprovdi risposta "rapida" biex ittejjeb l-istrumenti jekk jiġu identifikati każijiet speċifiċi ta' paraliżi, inkoerenza jew bżonn ta' titjib u tadatta l-istrumenti u l-fondi msemmija għall-miri l-ġodda tal-UE dwar l-enerġija;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, bħala parti mill-politika industrijali tal-Unjoni, dimensjoni tal-enerġija ffukata, fit-tul u teknoloġikament newtrali, ibbażata fuq effiċjenza enerġetika għolja, liberalizzazzjoni akbar tas-suq u aktar trasparenza biex ikunu jistgħu jiġu evitati investimenti f'assi mitlufa; jisħaq li din id-dimensjoni għandha tkun parti integrali mill-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni tal-politika industrijali tal-Unjoni; jenfasizza r-rwol ta' proċessi u teknoloġiji innovattivi fit-titjib tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet min-naħa tal-industriji li jużaw ħafna enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi l-effiċjenza enerġetika u tar-riżorsi fuq quddiem nett tar-riċerka u l-innovazzjoni, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw id-dħul mill-irkantijiet tal-ETS biex jagħmlu investimenti responsabbli fl-effiċjenza enerġetika u f'teknoloġiji sostenibbli u b'emissjonijiet baxxi; jenfasizza l-ħolqien ta' Fond ta' Innovazzjoni biex jingħata appoġġ lill-innovazzjoni f'teknoloġiji u proċessi b'livell baxx ta' karbonju matul il-Fażi IV tal-ETS; iqis li l-promozzjoni ta' sistema ta' innovazzjoni miftuħa fejn l-industrija u l-kumpaniji jippuljaw l-għarfien espert varjat tagħhom u jiżviluppaw flimkien soluzzjonijiet sostenibbli u ta' kwalità għolja hija essenzjali; jirrikonoxxi r-rwol tal-Forum dwar il-Kompetittività Industrijali għal Enerġija Nadifa fl-adozzjoni ta' innovazzjonijiet fundamentali fil-qasam tal-enerġija, inkluż fis-settur tal-enerġija fotovoltajka u fis-settur tal-enerġija mir-riħ, iżda possibbilment ukoll, fost l-oħrajn, għal soluzzjonijiet ta' ħżin, ġbir u ħżin tal-karbonju u bijoproċessi li jipproduċu l-enerġija; jilqa' l-impenn u l-appoġġ tal-Kummissjoni favur inizjattivi mmexxija mill-industrija għall-promozzjoni tas-supremazija globali tal-UE fl-enerġija nadifa u f'soluzzjonijiet teknoloġiċi b'livell baxx ta' emissjonijiet;

12.  Ifakkar li l-industrija fotovoltajka jeħtieġ tkun fil-qalba tal-politika industrijali Ewropea sabiex tilqa' għad-domanda ta' suq globali li qed jikber f'kuntest fejn il-maġġoranza taċ-ċelloli u l-moduli fotovoltajċi llum il-ġurnata huma manifatturati barra mill-UE, l-aktar fiċ-Ċina; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun integrata bis-sħiħ fiċ-ċiklu ta' investiment il-ġdid sabiex iżżomm is-supremazija tagħha fir-R&Ż fil-makkinarju tal-manifattura fotovoltajka, kif ukoll f'xi oqsma oħra bħall-invertituri, il-materja prima, il-pannelli fotovoltajċi integrati fil-bini, l-operazzjonijiet u l-manutenzjoni u l-bilanċ tas-sistemi; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li żżomm l-għarfien espert tagħha fl-integrazzjoni tas-sistemi bħal soluzzjonijiet fotovoltajċi fuq skala żgħira għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, meta jindirizzaw is-settur tal-enerġija u setturi oħra relatati, iżidu l-isforzi tagħhom b'appoġġ għall-innovazzjoni f'sorsi sostenibbli ta' materja prima, fid-disinn aħjar tal-prodotti, fir-riċiklaġġ, fir-riutilizzazzjoni u fl-użu kaskata ta' metalli u materjal eżistenti fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari u l-iffrankar tal-enerġija;

14.  Jirrikonoxxi r-rabtiet bejn id-diġitalizzazzjoni, it-teknoloġiji tal-IT u r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, b'mod partikolari fir-rigward tat-titjib fil-ġbir tad-data, l-interoperabbiltà, is-sigurtà tad-data assoċjata u l-garanziji tal-privatezza; iqis li t-teknoloġiji tar-reġistru distribwit, bħas-sistema tal-blockchain, jista' jkollhom rwol fit-titjib tal-effiċjenza tal-proċessi relatati mal-enerġija u fit-trawwim tal-involviment taċ-ċittadini fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija, inkluż permezz tal-iskambji ta' enerġija bejn il-pari; jistieden lill-Kummissjoni, għal dan il-għan, tinkoraġġixxi din l-inizjattiva, ittejjeb il-qafas regolatorju tagħha u tiżgura l-koerenza bejn l-aspetti relatati tal-Unjoni tal-Enerġija, is-suq uniku diġitali, l-istrateġiji taċ-ċibersigurtà u l-Qafas Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li tkun fuq quddiem nett ta' din it-tendenza l-ġdida;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf tim iddedikat bl-involviment ta' servizzi differenti li fost l-oħrajn:

   (a) jippermetti l-ippjanar komuni ġdid tal-politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-koerenza u jiġu evitati bidliet frekwenti fil-prijoritajiet;
   (b) jidentifika l-partijiet interessati rilevanti fl-ekosistemi usa' tal-innovazzjoni tal-UE fil-qasam tal-enerġija, fil-livelli kollha u fis-setturi kollha, inklużi t-teknoloġiji tal-enerġija mir-riħ fuq il-baħar u teknoloġiji oħra tal-enerġija rinnovabbli;
   (c) jidentifika l-forums eżistenti tal-partijiet ikkonċernati li jaħdmu fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, b'mod speċjali fl-effiċjenza enerġetika u s-sorsi rinnovabbli; jippromowovi l-formazzjoni ta' raggruppamenti, l-integrazzjoni f'netwerks ta' ħolqien tal-valur internazzjonali, l-investiment u l-innovazzjoni; jipprovdi għodod għal skambji intersettorjali, interdixxiplinari u interreġjonali, inkluż dwar proġetti b'rabta mal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, politiki nazzjonali u lokali fit-tul tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, opportunitajiet ta' investiment konġunt, l-approprjazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija min-naħa taċ-ċittadini u inizjattivi fil-livell lokali;
   (d) jagħti inċentiv lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha biex jiżviluppaw pjanijiet għal żidiet ta' kapital u jinċentivaw l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa sabiex titrawwem il-fiduċja tal-investituri u tiġi attivata l-mobilizzazzjoni ta' kapital privat;
   (e) jistabbilixxi ġabra tal-aħjar prattiki, strumenti ta' politika u finanzjament fil-qasam tal-enerġija, inklużi PPPs, akkwist pubbliku u inċentivi fiskali, mekkaniżmi ta' skambju u informazzjoni, għodod ta' komunikazzjoni u kampanji, kif ukoll linji gwida operattivi u assistenza teknika dwar il-mobilizzazzjoni tal-innovazzjoni, l-adozzjoni u l-involviment tal-prosumaturi fil-qasam tal-enerġija nadifa, sabiex jiġi żgurat li l-UE tkun tista' tappoġġja b'mod adegwat l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-innovazzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, jingħataw għodod prattiċi lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u lill-partijiet interessati;
   (f) jeżamina modi kif jistgħu jitfasslu regoli għall-parteċipazzjoni fl-FP9 u regolamenti għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej li jkunu favorevoli għall-innovazzjoni, simplifikati u flessibbli u li jiffukaw fuq il-kisba ta' impatt akbar fit-tul, bil-għan li li jiġu allinjati aħjar, tiġi evitata l-ħela tar-riżorsi tal-applikanti u tiġi promossa l-eċċellenza fl-innovazzjoni fl-Ewropa kollha;
   (g) jistabbilixxi mekkaniżmu bil-għan li jingħata appoġġ lil ekosistema transnazzjonali ta' negozji ġodda fil-qasam tal-enerġija, li jinkludi sistema Ewropea ta' inkubaturi sabiex jiġi żgurat li l-introduzzjoni ta' mudelli kummerċjali u ta' innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija tegħleb il-"wied mudlam" fiċ-ċiklu tal-innovazzjoni;
   (h) iżid is-sinerġiji ma' Orizzont 2020 u ma' inizjattivi oħra ta' finanzjament biex jissaħħaħ il-bini ta' kapaċità fir-riċerka u l-innovazzjoni għar-reġjuni tal-UE li għandhom rendiment baxx;
   (i) jagħti pariri lill-istituzzjonijiet Ewropej dwar prattiki ta' akkwist koerenti, li jrawmu l-adozzjoni aktar estensiva ta' innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija; jgħin fid-definizzjoni ta' miri konkreti fl-akkwist pubbliku ta' soluzzjonijiet innovattivi fil-livell Ewropew;
   (j) ifassal proposti konkreti bil-ħsieb li jistabbilixxi struttura konsultattiva effikaċi bħala punt uniku ta' servizz għall-innovaturi f'dak li għandu x'jaqsam mal-finanzjament tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija permezz tal-fondi u l-istrumenti disponibbli fil-livell tal-UE, tal-Istat Membri u tal-Bank Ewropew tal-Investiment, kif ukoll minn sorsi privati potenzjali oħra; isaħħaħ l-assistenza teknika bl-aggregazzjoni ta' informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' finanzjament pubbliku u privat u jiggwida lill-applikanti lejn l-aktar mekkaniżmu ta' finanzjament xieraq, b'mod partikolari fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika fejn l-aggregazzjoni ta' proġetti żgħar f'portafolli usa' hija indispensabbli;
   (k) jidentifika modi kif jintroduċi inċentivi li jippromwovu soluzzjonijiet tal-enerġija innovattivi fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist fis-settur pubbliku;

16.  Jenfasizza li l-akkwist pubbliku jista' jixpruna l-innovazzjoni kif ukoll irawwem tkabbir aktar sostenibbli, kif rikonoxxut ukoll mill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jindika li l-għażla ta' prodotti, servizzi u xogħlijiet pubbliċi sostenibbli hija essenzjali u tista' toħloq swieq pilota jew ġodda għal prodotti innovattivi; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni fil-qafas tal-Inizjattiva favur in-Negozji l-Ġodda u n-Negozji li Qed Jespandu li tintroduċi miżuri dwar l-akkwist tal-UE sabiex, fost l-oħrajn, tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu miri ta' akkwist ambizzjużi fil-qasam tal-innovazzjoni; jenfasizza wkoll ir-rwol li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista' jkollhom fl-għoti ta' eżempju tajjeb kif ukoll fl-involviment tagħhom fl-iskambju ta' prattiki tajbin f'forums bħalma huwa l-Patt tas-Sindki;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-komponent tal-kapaċità tal-innovazzjoni fl-ittestjar tal-kompetittività fil-qafas tal-valutazzjonijiet tal-impatt, u tapplika l-Għodda tar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-proposti ġodda kollha tal-politika dwar l-enerġija u r-rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti, mingħajr ma ddgħajjef l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-ħidma tagħha fuq l-innovazzjoni min-naħa waħda, u fuq l-istandards u l-interoperabbiltà fuq in-naħa l-oħra, tkun kompletament koerenti sabiex l-UE tafferma s-supremazija globali tagħha fl-iffissar ta' standards fis-setturi tal-enerġija nadifa integrati mal-"Internet tal-Oġġetti"; jilqa', bħala eżempju f'dan il-kuntest, l-iżvilupp tal-istandard Ewropew il-ġdid għall-apparat intelliġenti (Saref) li potenzjalment se joħloq lingwa ta' referenza ġdida bbażata fl-UE għad-data relatata mal-enerġija li tippermetti lill-apparat domestiku jaqsam informazzjoni ma' kwalunkwe sistema ta' ġestjoni tal-enerġija;

19.  Ifakkar li l-politiki dwar l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija għandhom ikunu konformi mal-impenn tal-UE li tikkonserva u ssaħħaħ il-bjar tas-CO2 filwaqt li tippreserva l-bijodiversità, b'mod speċjali fil-foresti, fuq l-art u fil-baħar;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri rilevanti jikkontribwixxu b'mod adegwat biex tintlaħaq il-mira ta' 3 % tal-PDG tal-UE għar-R&Ż; jinnota li żieda globali għal 3 % tfisser ukoll aktar minn EUR 100 biljun fis-sena għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa; ifakkar li żewġ terzi tal-fondi tar-R&Ż huma mistennija li jiġu mis-settur privat;

Ċertezza ta' finanzjament fit-tul

21.  Itenni l-appell tiegħu għal baġit globali akbar ta' mill-inqas EUR 120 biljun għall-FP9 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-proporzjon ta' finanzjament sostenibbli relatat mal-enerġija fil-qafas tal-FP9 b'tal-inqas 50 % aktar mill-ammonti korrispondenti ta' Orizzont 2020, sabiex jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Unjoni tal-Enerġija; jappella, b'mod partikolari, biex ir-riżorsi finanzjarji fil-qafas tal-FP9 jissaħħu sabiex jiġu stimulati l-progressi rivoluzzjonarji u l-innovazzjonijiet li joħolqu s-swieq, speċjalment min-naħa tal-SMEs u n-negozji l-ġodda; jenfasizza l-importanza ta' kriterji ta' eċċellenza b'saħħithom biex l-UE tinbidel f'ċentru globali għall-innovazzjoni, ir-riċerka u t-teknoloġiji ewlenin, inkluża r-riċerka mingħajr għan preċiż ("blue sky"); jirrimarka r-riżultati tal-evalwazzjoni interim ta' Orizzont 2020 li juru li, sal-1 ta' Jannar 2017, il-programm ma kienx qed jilħaq il-mira fir-rigward tan-nefqa għall-klima u s-sostenibbiltà; jilqa' ż-żieda fil-finanzjament ta' Orizzont 2020 għall-Isfida tas-Soċjetà relatata mal-enerġija fil-baġit tal-2018, iżda għadu mħasseb serjament dwar it-tnaqqis fil-proġetti tal-enerġija fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jikkunsidrah inkompatibbli mal-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija;

22.  Itenni l-bżonn li tittejjeb il-kwalità tal-investimenti ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u li ssir enfasi partikolari fuq inċentivi għal allokazzjoni ġeografika aħjar, fid-dawl tal-iżbilanċ attwali fil-kopertura ġeografika tal-FEIS kif ukoll il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni inqas żviluppati u fi tranżizzjoni; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' kooperazzjoni mal-banek ta' investiment promozzjonali nazzjonali, mal-pjattaformi ta' investiment u ma' intermedjarji finanzjarji eliġibbli permezz tal-possibbiltà ta' delega tal-użu tal-garanzija tal-UE; jappella għat-tisħiħ sostanzjali tar-rwol u l-kapaċità taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti, b'mod partikolari permezz ta' preżenza lokali u rwol proattiv fit-tħejjija tal-proġetti;

23.  Jemmen li l-FP9 għandu jappoġġja inizjattivi bħal "bliet 100 % rinnovabbli", bl-involviment tal-bliet u l-awtoritajiet lokali, bil-għan li tiżdied b'mod sostanzjali l-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli għall-elettriku, il-mobbiltà, it-tisħin u t-tkessiħ fil-bliet permezz ta' proġetti ta' innovazzjoni, li potenzjalment jistgħu jinkludu grilji intelliġenti, il-ġestjoni tas-sistema tal-enerġija, attivitajiet li jippermettu l-akkoppjament tas-setturi, inċentivi għall-użu ta' vetturi elettriċi, eċċ.;

24.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-Pjan SET, il-Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) InnoEnergy u l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs) rilevanti għall-ixprunar tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa li dawn id-diversi oqfsa jiġu konnessi aħjar ma', fost l-oħrajn, l-inizjattiva InnovFin, il-FEIS u l-programm propost Fond ta' Fond(i) ta' Kapital ta' Riskju Pan-Ewropew (VC FoF), bħala parti minn strateġija ta' investiment koordinata u ffukata fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa li tgħin proġetti fi stadju bikri, negozji ġodda u SMEs jegħlbu b'mod effikaċi l-''wied tal-mewt'' u jilħqu l-livelli ta' maturità tas-suq meħtieġa għal espansjoni globali; iqis li inċentivi effikaċi għall-investiment fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, permezz ta' fondi ta' investiment nazzjonali u fondi tal-pensjonijiet, jista' jkollhom rwol kruċjali fil-mobilizzazzjoni tal-kapital ta' ekwità meħtieġ;

25.   Ifakkar li l-proġetti FOAK (l-ewwel tat-tip tagħhom) huma riskjużi ħafna u l-provvista tal-ekwità u d-dejn tkun f'livelli ferm aktar baxxi milli fil-każ tal-finanzjament ta' teknoloġiji ppruvati b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tneħħi l-ostakli regolatorji li fadal u tipproponi l-ħolqien ta' Fond ta' Ekwità SET-FOAK;

26.  Jirrikonoxxi r-rwol li l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni jista' jiżvolġi fl-għajnuna li jista' jagħti lill-kumpaniji fi stadju bikri biex isibu l-finanzjament u jipproponi li jkollu r-rwol li jikkoordina d-diversi linji ta' strateġija ta' investiment koerenti fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa; jitlob aktar informazzjoni dwar l-istruttura tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u l-konsistenza tiegħu ma' strumenti eżistenti li jappoġġjaw l-innovazzjoni;

27.  Iqis li l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija xprunata miċ-ċittadini teħtieġ inqas ostakli għad-dħul fis-suq u tiftaħ opportunitajiet mhux sfruttati għall-finanzjament tal-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi effikaċi għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, fost l-oħrajn permezz tal-crowdfunding, u tikkunsidra l-possibbiltà li twaqqaf fond kollettiv ta' ekwità fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa; iqis li dawn il-mezzi ta' finanzjament ġodda u varjati għandhom ikunu addizzjonali u komplementari għal dawk li diġà jeżistu;

28.  Jenfasizza l-importanza li jsir progress fit-teknoloġija tal-grilji intelliġenti, kif ukoll il-promozzjoni u l-integrazzjoni ta' ġenerazzjoni deċentralizzata axxendenti, inkluż permezz ta' raggruppamenti u skemi kooperattivi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja dawn l-oqsma ta' innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa permezz ta' mekkaniżmi finanzjarji, inklużi dawk li jtaffu r-riskju għall-investimenti privati u jnaqqsu l-piżijiet fuq l-investimenti pubbliċi fil-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija; jilqa', barra minn hekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżid l-użu ta' premjijiet ta' inkoraġġiment bħala għodda siewja biex jitrawmu innovazzjonijiet rivoluzzjonarji axxendenti;

29.  Jenfasizza li, sabiex jitħeġġeġ l-approċċ axxendenti għall-innovazzjoni, għandhom jitrawmu l-adozzjoni u r-raggruppament ta' applikazzjonijiet fuq skala żgħira (eż. NegaWatt, il-ġenerazzjoni fuq il-post, il-ħżin lokali, fost affarijiet oħra) biex jiġu attirati aktar investimenti u tiżdied l-aċċessibbiltà mil-lat ekonomiku, b'attenzjoni partikolari għall-familji b'introjtu baxx u l-bini kollettiv;

Is-supremazija globali tal-UE

30.  Jirrikonoxxi l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi li jitrawmu sforzi globali għall-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa; jissottolinja l-ħtieġa li jitkomplew il-finanzjament tar-riċerka u l-ġbir tad-data b'rabta mat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), tesplora l-modalitajiet differenti li bihom tista' tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ekonomiji emerġenti fit-tranżizzjoni tal-enerġija tagħhom, fost l-oħrajn permezz ta' miżuri ta' bini ta' kapaċità, għajnuna biex jitnaqqsu l-ispejjeż kapitali tal-enerġija rinnovabbli u ta' proġetti fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija, it-trawwim tal-possibbiltà ta' trasferiment tat-teknoloġija, u l-għoti ta' soluzzjonijiet għall-iżvilupp ta' bliet intelliġenti, kif ukoll għall-komunitajiet remoti u rurali, biex b'hekk jissaħħu l-ekosistemi tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawn jingħataw l-għajnuna biex iwettqu l-impenji tagħhom skont il-Ftehim ta' Pariġi; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli li għadu kif inħoloq;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-inizjattiva Missjoni Innovazzjoni, b'tali mod li l-membri kollha tagħha jkunu jistgħu jonoraw l-impenn tagħhom li jirduppjaw in-nefqa annwali fuq ir-R&Ż fil-qasam tal-enerġija nadifa bejn l-2015 u l-2020; jenfasizza l-importanza li jinstabu sinerġiji ma' inizjattivi globali oħrajn bħal, fost l-oħrajn, il-Breakthrough Energy Coalition, u ma' fondi ta' ekwità u ta' investiment globali; jilqa', f'dan ir-rigward, ir-rwol ta' tmexxija tal-UE fl-Isfida ta' Innovazzjoni relatata mat-Trasformazzjoni tad-Dawl tax-Xemx u l-Isfida ta' Innovazzjoni relatata mat-Tisħin u t-Tkessiħ Affordabbli tal-Bini; jappella, f'dan il-kuntest, biex tiġi esplorata l-possibbiltà ta' tqassim koordinat tax-xogħol fl-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija fuq skala globali;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li tiżviluppa strateġija komprensiva dwar l-esportazzjoni għal teknoloġiji u soluzzjonijiet sistemiċi sostenibbli fil-qasam tal-enerġija nadifa, li tinkludi faċilità ta' appoġġ dedikata u assistenza ffukata mid-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi; jissottolinja, f'dan il-kuntest, ir-rwol li ż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTA) jista' jkollhom fl-implimentazzjoni ta' strateġija bħal din;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu eżami bir-reqqa tal-proċeduri ta' reġistrazzjoni tal-privattivi u jitlob li jitneħħew il-piżijiet amministrattivi bla bżonn, li jxekklu l-proċess tal-penetrazzjoni ta' prodotti innovattivi fis-suq u jaffettwaw ir-rwol ta' supremazija tal-UE fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa;

Innovazzjoni fl-enerġija xprunata miċ-ċittadini

34.  Jemmen li l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa tirrikjedi li l-Ewropej ibiddlu l-mentalità tagħhom b'mod li jmur lil hinn mis-sempliċi għarfien dwar kwistjonijiet ta' enerġija, lejn fehim aktar profond fil-bidliet fl-imġiba, speċjalment fl-iffrankar enerġetiku u fix-xejriet ġodda tal-konsum, li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-isfidi urġenti tat-tkabbir sostenibbli u b'hekk jinsiltu l-vantaġġi tar-rivoluzzjoni diġitali u l-innovazzjoni fl-oqsma kollha u, fl-aħħar mill-aħħar, tirnexxi t-tranżizzjoni tal-enerġija; jinnota li l-innovazzjoni tista' tippermetti liċ-ċittadini jkollhom rwol aktar attiv fil-ġenerazzjoni tal-enerġija, inkluż bl-alimentazzjoni tal-grilja b'enerġija awtoġenerata, kif ukoll tikkontribwixxi għal użu aktar effiċjenti tal-enerġija billi jitnaqqas il-konsum fil-livell domestiku, u b'hekk jitnaqqsu kemm l-emissjonijiet kif ukoll il-kontijiet;

35.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-bażi tal-għarfien tal-Ewropa u titnaqqas il-frammentazzjoni billi titrawwem l-eċċellenza fix-xjenza u fl-edukazzjoni, bil-għan li jinħolqu ċentri ta' riċerka li jkunu fuq quddiem nett tal-eċċellenza akkademika internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija li tiżgura li l-Ewropa tattira talent barrani filwaqt li żżomm kuntatt mal-aqwa talent Ewropew barra l-Ewropa; jirrikonoxxi li d-disponibbiltà ta' ħaddiema kwalifikati hija ta' vantaġġ kbir għall-Ewropa u tikkostitwixxi mutur ewlieni għall-iżvilupp tal-investiment fir-RŻI;

36.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-involviment demokratiku sħiħ taċ-ċittadini u l-komunitajiet Ewropej, bħala parti essenzjali minn tranżizzjoni tal-enerġija li tirnexxi; jenfasizza, fl-istess waqt, li l-implimentazzjoni effikaċi ta' din it-trasformazzjoni tirrikjedi ftuħ, trasparenza u kundizzjonijiet ekwi u trid tkun imsejsa fuq kompetizzjoni ġusta;

37.  Jemmen fil-potenzjal tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġiji nodfa u l-effiċjenza enerġetika fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda u aħjar; iqis li sabiex it-tranżizzjoni lejn ekonomija dekarbonizzata sostenibbli tkun immaniġġjata b'suċċess, jeħtieġ li jiġi żgurat li s-swieq tax-xogħol ikunu jistgħu jwieġbu b'mod adegwat għall-esiġenzi l-ġodda ta' sistemi tal-enerġija nadifa innovattivi;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni għar-rabta bejn l-innovazzjoni fis-sistemi tal-enerġija u l-profili professjonali l-ġodda, il-ħtiġijiet edukattivi, l-impjiegi u r-rekwiżiti tat-taħriġ fl-inizjattivi tar-R&Ż tagħha;

39.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' edukazzjoni sistemika u skemi ta' impenn imfassla biex jgħinu lis-soċjetà tinvolvi ruħha bis-sħiħ fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija u biex l-Ewropej ta' kull età jkunu jistgħu gradwalment jagħmlu progress minn għarfien u fehim lejn involviment attiv u responsabbilizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-settur privat jippromwovu l-għażliet infurmati min-naħa tal-konsumaturi u l-involviment taċ-ċittadini fi kwistjonijiet relatati mal-enerġija, fost l-oħrajn permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, informazzjoni komprensiva u aċċessibbli dwar il-kontijiet tal-enerġija u għodod ta' tqabbil tal-prezzijiet, il-promozzjoni ta' skemi ta' awtoġenerazzjoni, rispons tad-domanda u qsim kooperattiv, baġits parteċipattivi u crowdfunding għal investimenti marbuta mal-enerġija, kif ukoll inċentivi fiskali u għall-investiment, u anke billi jmexxu soluzzjonijiet u innovazzjonijiet teknoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet rilevanti jidentifikaw l-aħjar prattiki fil-mod kif jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku tal-familji;

40.  Jemmen li r-reġjuni u l-bliet għandhom rwol kruċjali fit-titjib tal-mudelli tal-enerġija sostenibbli; jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tar-reġjuni, il-bliet u l-irħula fil-promozzjoni ta' sens ta' appartenenza fit-tranżizzjoni tal-enerġija u biex l-innovazzjoni relatata mal-klima u mal-enerġija titmexxa mill-qiegħ; jinnota li r-reġjuni u ż-żoni urbani huma l-aktar adatti għall-ittestjar u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet integrati bl-involviment dirett taċ-ċittadini; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-Patt tas-Sindki, bl-aspirazzjoni tiegħu li jrawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell dinji u possibbilment l-ippuljar ta' riżorsi u investimenti; jinnota li ż-żoni rurali jipprovdu wkoll spazju għal innovazzjoni li tista' tegħleb sfidi bħad-distanza jew it-tibdil demografiku, kif ukoll il-forniment ta' servizzi ġodda;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jassistu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jieħdu passi koordinati sabiex jinċentivaw l-innovazzjoni fl-enerġija fil-livell lokali u transreġjonali, bil-għan li jiżviluppaw strateġiji koerenti; jissottolinja li t-tranżizzjoni tal-enerġija se jkollha impatt drammatiku fuq l-impjiegi f'xi reġjuni tal-Unjoni Ewropea u, f'dan il-kuntest, jinsisti li għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq ir-reġjuni li jiffaċċjaw sfidi fl-eliminazzjoni gradwali tal-linjite, il-faħam u fjuwils fossili solidi oħra għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u fuq l-industriji minerarji b'risposta għal deċiżjoni ta' Stat Membru, tal-awtoritajiet lokali jew tal-industrija, jew b'risposta għal ċirkustanzi oħra; jissottolinja l-ħtieġa li dawn ir-reġjuni jingħataw appoġġ fl-iżvilupp ta' strateġiji ta' tranżizzjoni inklużivi, lokali u ġusti u fl-indirizzar tal-impatti soċjali, soċjoekonomiċi u ambjentali, kif ukoll fir-rikonverżjoni tas-siti; jenfasizza l-alternattivi finanzjarji biex jingħata tali appoġġ permezz tal-użu parzjali tad-dħul mill-irkantijiet tal-ETS, kif ukoll permezz tal-Fond għall-Modernizzazzjoni li għandu jinħoloq għall-perjodu 2021-2030; iqis li l-proċessi inklużivi tal-partijiet ikkonċernati għandhom jiżviluppaw kif l-aħjar jiġu attirati negozji ġodda u industriji alternattivi u innovattivi, bil-għan li tinbena ekonomija reġjonali sostenibbli, tingħata spinta lid-dinjità tan-nies u jingħata kontribut biex il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku tiġi sostitwita b'soluzzjonijiet ibbażati fuq l-enerġija rinnovabbli jew l-effiċjenza enerġetika; jappella biex il-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni jiffukaw fuq kif tingħata l-ħajja mill-ġdid lir-reġjuni kkonċernati f'termini ta' impjiegi sostenibbli u perspettivi ta' tkabbir, b'mod partikolari fejn l-eliminazzjoni tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-enerġija mil-linjite, il-faħam jew fjuwils fossili solidi oħra hija marbuta mal-attivitajiet minerarji;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħin fir-responsabbilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-adozzjoni ta' innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija nadifa, bħall-bliet intelliġenti, l-elettromobbiltà u l-grilji żgħar, kif ukoll fil-penetrazzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-suq, skont il-livell ta' maturità tagħhom, u tgħin lil dawn l-awtoritajiet jindirizzaw l-isfidi fil-promozzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija, pereżempju l-involviment taċ-ċittadini; jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-ippuljar tal-investimenti u valutazzjoni aħjar tal-bankabbiltà tal-proġetti, kif ukoll l-iżvilupp ta' strateġiji ta' finanzjament bħall-istudji tal-fattibbiltà u l-użu tal-akkwist pubbliku u s-self;

43.  Jemmen li s-settur tat-trasport għandu potenzjal enormi u għandu jkollu rwol essenzjali fit-tranżizzjoni u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-finanzjament eżistenti biex tiġi implimentata l-infrastruttura għall-vetturi elettriċi; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja u tiżviluppa aktar inizjattivi, bħall-inizjattiva mifruxa madwar l-Ewropa kollha dwar l-elettromobbiltà, kif ukoll l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu;

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-benefiċċji tal-mobbiltà tal-idroġenu, kif ukoll l-akkoppjament settorjali bejn is-setturi tat-trasport u tal-elettriku u toħloq inċentivi għal mudelli kummerċjali ġodda f'oqsma simili, bħall-iċċarġjar intelliġenti u l-iskattaturi mill-vettura għall-grilja, li jippermettu lis-sidien tal-vetturi elettriċi jbigħu lis-sistema tal-enerġija b'mod flessibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-finanzjament tal-innovazzjoni mmirata lejn l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet għall-ħżin tal-idroġenu u soluzzjonijiet avvanzati għall-ħżin fit-tul għall-vetturi elettriċi, l-iżvilupp ta' infrastruttura għall-iċċarġjar bl-idroġenu, kif ukoll infrastruttura u soluzzjonijiet rikarikabbli, inkluża l-infrastruttura tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jieħdu aktar inizjattivi, bħal inċentivi fiskali b'rabta mal-penetrazzjoni ta' vetturi elettriċi u tal-idroġenu fis-suq, tnaqqis u eżenzjonijiet mit-taxxa għas-sidien ta' vetturi elettriċi u tal-idroġenu, kif ukoll diversi inizjattivi oħra fir-rigward tal-promozzjoni tal-użu tal-vetturi elettriċi, bħal tnaqqis fil-prezzijiet, ħlas ta' bonusijiet u primjums għax-xerrejja ta' vetturi elettriċi, u l-ħolqien ta' spazji ta' parkeġġ bla ħlas għall-vetturi elettriċi;

45.  Jinnota l-isforzi kbar li qed isiru fl-ambitu tal-programm ta' riċerka u żvilupp tal-UE Orizzont 2020 bil-għan li jinkiseb tnaqqis ta' 60 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tat-trasport sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990(4); ifakkar li l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE jikkostitwixxu fattur ewlieni fl-adozzjoni ta' innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija, tal-ICT u tas-sistemi ta' trasport intelliġenti min-naħa tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-futur, tikkonċentra l-għajnuna finanzjarja disponibbli b'mod aktar ċar fuq prijoritajiet strateġiċi interkonnessi, bħall-mobbiltà b'livell baxx ta' emissjonijiet, l-infrastruttura tal-iċċarġjar bi fjuwils alternattivi u trasport urban integrat, b'attenzjoni partikolari għall-emissjonijiet kollha li jniġġsu, it-tnaqqis tal-istorbju, is-sikurezza stradali, il-konġestjoni u r-restrinġiment tat-traffiku, u dan f'konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika; jirrimarka wkoll l-importanza tal-iżvilupp ta' bijofjuwils avvanzati, biex b'hekk jiżdied is-sehem tat-trasport ferrovjarju u l-użu tar-roti;

46.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni se tappoġġja l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi ta' enerġija nadifa min-naħa tas-suq permezz tal-akkwist pubbliku u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar Vetturi Nodfa, u jirrikonoxxi l-benefiċċju li dan jista' jkollu għall-awtoritajiet u l-operaturi tat-trasport pubbliku, il-manifatturi tal-karozzi tal-linja, il-fornituri tal-industrija, il-fornituri tal-enerġija u l-assoċjazzjonijiet u ċ-ċentri ta' riċerka nazzjonali u internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ malajr bi proposti f'dan is-sens;

47.  Iħeġġeġ it-twaqqif ta' Aġenda Strateġika għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fit-Trasport, bi pjanijiet direzzjonali mfassla f'konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif ukoll l-awtoritajiet u l-operaturi lokali u reġjonali, u mekkaniżmu korrispondenti ta' governanza, bħala sostenn għar-riċerka, l-innovazzjoni u t-tħejjija għall-użu ta' teknoloġiji ġodda fis-settur tat-trasport u bil-għan li tiġi mħeġġa l-mobbiltà b'livell baxx ta' emissjonijiet, li huma kollha elementi indispensabbli; jitlob li l-konklużjonijiet ta' dawn il-pjanijiet direzzjonali jiddaħħlu fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni;

48.  Jappella għal approċċ integrat u kkoordinat biex titqies id-dimensjoni urbana tal-politiki u l-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE, kif ukoll biex jiġu żviluppati Pjanijiet ta' Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMPs) bil-għan li l-Istati Membri jingħataw is-sostenn, il-possibbiltà u l-inkoraġġiment biex itejbu s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u l-qagħda tal-ambjent fiż-żoni urbani; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi (C-ITS) u ta' vetturi awtonomi u l-użu ta' infrastrutturi li jikkomunikaw biex jiġu ggarantiti l-ħtiġijiet ta' kapaċità għolja u latenza baxxa għal netwerk 5G; jappella biex isiru sforzi attivi sabiex jitnaqqsu d-differenzi u tittejjeb il-kooperazzjoni bejn iż-żoni urbani u ż-żoni rurali u bejn ir-reġjuni aktar żviluppati u dawk li għadhom lura f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwalità infrastrutturali;

49.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid, iffirmat f'Ġunju 2017, li jistabbilixxi viżjoni u qafas ta' azzjoni komuni għall-UE u l-Istati Membri tagħha fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jinnota li, għall-ewwel darba, is-17-il SDG u l-miri assoċjati li għandhom jintlaħqu sal-2030 huma applikabbli b'mod universali għall-pajjiżi kollha, fid-dawl tal-impenn tal-UE biex tkun minn ta' quddiem fl-implimentazzjoni tagħhom; josserva li dan il-Kunsens iġib il-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp f'konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u jidentifika miżuri importanti fil-qasam tal-enerġija sostenibbli u t-tibdil fil-klima;

50.  Ifakkar li l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) jistabbilixxi li "l-objettivi tal-Fondi ESI għandhom jiġu segwiti konformement mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli", mal-objettivi tal-UE li tippreserva, tħares u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent, u mal-impenji tagħha fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi;

51.  Ifakkar li l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-programmi fil-qafas tas-CPR għandhom l-għan li jippromwovu l-effiċjenza fir-riżorsi, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, kif ukoll il-prinċipji orizzontali tas-sħubija, il-governanza fuq diversi livelli, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

52.  Iqis li s-sinerġiji bejn il-politiki tal-UE għandhom jissaħħu permezz ta' pożizzjoni unifikata u konsistenti tal-UE dwar miżuri anti-dumping, bil-għan li jiġi żgurat li l-industrija tal-manifattura tieħu vantaġġ sħiħ mit-tranżizzjoni tal-enerġija;

53.  Jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tar-reġjuni, il-bliet u l-irħula fil-promozzjoni ta' sens ta' appartenenza għat-tranżizzjoni tal-enerġija madwar id-dinja u fl-innovazzjoni axxendenti fil-qasam tal-klima u l-enerġija; jappella biex jiġu applikati l-istess standards ta' kwalità ambjentali għat-teknoloġija enerġetika kollha li tidħol fis-suq tal-UE; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ħarsien taż-żoni ekoloġiċi urbani;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 21.
(2) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 62.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.
(4) Kif stabbilit fil-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta' Marzu 2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144).

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Settembru 2018Avviż legali