Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2054(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0007/2018

Testi mressqa :

A8-0007/2018

Dibattiti :

PV 07/02/2018 - 4
CRE 07/02/2018 - 4

Votazzjonijiet :

PV 07/02/2018 - 7.2
CRE 07/02/2018 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0029

Testi adottati
PDF 499kWORD 57k
L-Erbgħa, 7 ta' Frar 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew
P8_TA(2018)0029A8-0007/2018
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (2017/2054(INL)2017/0900(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tat-TUE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-2014(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea, u l-proposta annessa magħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tadotta d-dispożizzjonijiet li jemendaw l-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/312/UE tat-28 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira tal-10 ta' April 1998,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 45, 52 u 84 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0007/2018),

A.  billi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew trid tirrispetta l-kriterji stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-TUE, jiġifieri li l-għadd ta' rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea m'għandux jaqbeż is-seba' mija u ħamsin, minbarra l-President, li r-rappreżentanza tkun digressivament proporzjonali, b'mhux anqas minn sitt membri għal kull Stat Membru, u li l-ebda Stat Membru m'għandu jkun allokat aktar minn sitta u disgħin siġġu;

B.  billi l-Artikolu 14(2) tat-TUE jiddikjara li l-Parlament Ewropew għandu jkun magħmul minn rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni;

C.  billi t-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenfasizzaw l-importanza tal-ugwaljanza u tat-trattament ugwali taċ-ċittadini mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni; billi huwa essenzjali li l-ugwaljanza tar-rappreżentanza tissaħħaħ bl-għan li tiżdied il-leġittimità tal-Parlament Ewropew bħala l-korp leġiżlattiv li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-Unjoni;

D.  billi l-Parlament Ewropew eżamina għadd ta' proposti għal sistema permanenti għad-distribuzzjoni tas-siġġijiet ibbażata fuq formoli matematiċi li ġew ikkummissjonati minnu u mressqa lilu;

E.  billi fid-29 ta' Marzu 2017 u skont l-Artikolu 50(2) tat-TUE, il-gvern tar-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Unjoni Ewropea u billi l-perjodu ta' sentejn għan-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehim ta' ħruġ jintemm fid-29 ta' Marzu 2019, kemm-il darba l-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu;

F.  billi, sakemm is-sitwazzjoni legali attwali ma tinbidilx, ir-Renju Unit mhux se jkun għadu membru tal-Unjoni Ewropea fi żmien l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2019;

G.  billi diversi Stati Membri dan l-aħħar esprimew appoġġ għall-ħolqien ta' kostitwenza konġunta li tibda mill-elezzjonijiet Ewropej fl-2019; billi l-modifika tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett hija prekundizzjoni għall-ħolqien ta' kostitwenza konġunta, u billi tali modifika jenħtieġ li tiġi adottata mill-inqas sena qabel l-elezzjonijiet Ewropej kif stipulat fil-Kodiċi ta' Prattika Tajba fi Kwistjonijiet Elettorali tal-Kummissjoni ta' Venezja;

H.  billi fil-proposta tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tadotta d-dispożizzjonijiet li jemendaw l-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, il-Parlament Ewropew talab b'insistenza l-introduzzjoni ta' limitu obbligatorju għall-kostitwenzi, u għall-Istati Membri b'kostitwenza waħda, li fihom tintuża s-sistema ta' listi u li huma magħmula minn aktar minn ċertu għadd ta' siġġijiet; iqis li dan il-limitu jeħtieġ li jiġi stabbilit b'kont meħud tal-allokazzjoni l-ġdida tas-siġġijiet;

1.  Jinnota li l-allokazzjoni attwali tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew kif stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/312/UE tapplika biss għal-leġiżlatura tal-2014-2019; jenfasizza, għalhekk, li hemm il-ħtieġa ta' deċiżjoni ġdida dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għal-leġiżlatura tal-2019–2024;

2.  Jagħraf il-fatt li d-distribuzzjoni attwali tas-siġġijiet, f'diversi każijiet, ma tirrispettax il-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva, u għalhekk trid tiġi kkoreġuta għall-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew ibda mill-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2019;

3.  Jirrikonoxxi l-fatt li għadd ta' Stati Membri jqisu li għandu jittieħed kont tas-sistema ta' votazzjoni fil-Kunsill meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew;

4.  Jenfasizza li, filwaqt li l-formoli matematiċi juru li hemm potenzjal kbir biex tiġi pprovduta sistema permanenti għad-distribuzzjoni tas-siġġijiet fil-ġejjieni, mhuwiex politikament vijabbli li l-Parlament jissuġġerixxi sistema permanenti f'dan l-istadju;

5.  Jagħraf il-fatt li, jekk is-sitwazzjoni legali attwali ma tinbidilx, ir-Renju Unit mhux se jkun għadu Stat Membru fi żmien l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2019;

6.  Jipproponi li mill-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2019 tiġi applikata allokazzjoni ġdida tas-siġġijiet fil-Parlament, li tirrispetta l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 14 tat-TUE; iqis li, f'każ li s-sitwazzjoni legali msemmija hawn fuq dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea tinbidel, l-allokazzjoni tas-siġġijiet applikata matul il-leġiżlatura tal-2014-2019 jenħtieġ li tapplika sa meta l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jsir legalment effettiv;

7.  Jenfasizza li s-siġġijiet li mistennija jitbattlu mir-Renju Unit mal-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea se jiffaċilitaw l-adozzjoni ta' allokazzjoni ġdida tas-siġġijiet fil-Parlament, ħaġa li ser timplimenta l-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva; ikompli jissottolinja li l-allokazzjoni l-ġdida proposta se tippermetti tnaqqis fid-daqs tal-Parlament; jinnota li l-użu ta' frazzjoni biss tas-siġġijiet imbattla mir-Renju Unit huwa biżżejjed biex jiġi żgurat li l-ebda Stat Membru ma jitlef xi siġġu;

8.  Jissottolinja li t-tnaqqis fid-daqs tal-Parlament iħalli għadd ta' siġġijiet li jkunu jistgħu jakkomodaw lit-tikbiriet tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jsiru fil-futur;

9.  Ifakkar li skont il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, il-poplu tal-Irlanda ta' Fuq għandu dritt inerenti li jkollu jew ċittadinanza Irlandiża jew dik Brittanika, jew it-tnejn li huma u, bis-saħħa tad-dritt għaċ-ċittadinanza Irlandiża, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni wkoll;

10.  Ifakkar li l-proporzjonalità digressiva, kif definita mit-Trattati, hija bbażata fuq il-għadd ta' siġġijiet għal kull Stat Membru u mhux fuq in-nazzjonalità tal-kandidati;

11.  Jistieden lill-Kunsill jiffinalizza malajr ir-reviżjoni tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett;

12.  Jissottolinja li r-riforma tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett proposta mill-Parlament Ewropew se ssaħħaħ il-karattru Ewropew tal-elezzjonijiet u se tibgħat messaġġ pożittiv għall-futur tal-proġett Ewropew;

13.  Iqis li d-distribuzzjoni proposta bbażata fuq il-prinċipji tat-Trattati tagħti pedament sod għal metodu ta' kif tiġi ddeterminata l-allokazzjoni tas-siġġijiet fil-ġejjieni li jirrispetta l-kriterji tal-Artikolu 14 tat-TUE, b'mod partikolari l-prinċipju ta' proporzjonalità digressiva, kif ukoll li jkun wieħed ġust, trasparenti, oġġettiv, jirrispetta l-bidliet demografiċi l-aktar riċenti, u li ċ-ċittadini Ewropej jkunu jistgħu jifhmuh;

14.  Iressaq lill-Kunsill Ewropew il-proposta annessa għal deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, abbażi tad-dritt ta' inizjattiva tiegħu stabbilit fl-Artikolu 14(2) tat-TUE; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li dik id-deċiżjoni tiġi adottata, ħaġa li tirrikjedi l-approvazzjoni tiegħu, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippromulgaw, fil-ħin xieraq, id-dispożizzjonijiet domestiċi meħtieġa biex ikunu jistgħu jorganizzaw l-elezzjonijiet Ewropej għal-leġiżlatura tal-2019-2024;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u -proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew annessa magħha, flimkien mar-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tiegħu msemmi hawn fuq, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Dak l-artikolu jistipola li "Fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew".
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0082.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0395.
(4) ĠU L 181, 29.6.2013, p. 57.


ANNESS GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Proposta għal

Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew

li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew

IL-KUNSILL EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)  L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-kriterji għall-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, jiġifieri li n-numru tar-rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jisboqx is-seba' mija u ħamsin, apparti l-President, li r-rappreżentanza għandha tkun proporzjonalment digressiva, b’limitu minimu ta’ sitt membri għal kull Stat Membru, u li l-ebda Stat Membru ma għandu jiġi allokat iktar minn sitta u disgħin siġġu,

(2)  L-Artikolu 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi, inter alia, li l-funzjonament tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva biċ-ċittadini rappreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew u l-Istati Membri rappreżentati mill-gvernijiet tagħhom, li huma stess demokratikament responsabbli lejn il-Parlamenti nazzjonali tagħhom jew lejn iċ-ċittadini tagħhom, fil-Kunsill. L-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew għalhekk japplika fil-kuntest tal-arranġamenti isitituzzjonali usa’ stabbiliti fit-Trattati, li jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet dwar teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Kunsill;

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu rispettati l-prinċipji li ġejjin:

–  l-allokazzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew għandha tuża b’mod sħiħ il-limitu minimu u l-limitu massimu għal kull Stat Membru stabbiliti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, biex ikun rifless kemm jista’ jkun possibbli d-daqs tal-popolazzjonijiet rispettivi;

–  il-proporzjonalità digressiva għandha tiġi definita kif ġej: il-proporzjon bejn il-popolazzjoni u n-numru ta' siġġijiet ta' kull Stat Membru qabel ma n-numru deċimali jitqarreb lejn numru sħiħ għandu jvarja skont il-popolazzjoni rispettiva tagħhom b'tali mod li kull Membru tal-Parlament Ewropew minn Stat Membru b'popolazzjoni akbar jirrappreżenta iktar ċittadini minn kull Membru minn Stat Membru b'popolazzjoni iżgħar u, bil-maqlub, iktar ma tkun kbira l-popolazzjoni ta' Stat Membru, akbar ikun id-dritt tiegħu għal numru akbar ta' siġġijiet,

–  l-allokazzjoni tas-siġġijiet għandha tirrifletti l-iżviluppi demografiċi fl-Istati Membri.

Artikolu 2

Il-popolazzjoni totali tal-Istati Membri hija kkalkolata mill-Kummissjoni (Eurostat) abbażi tad-data l-aktar reċenti pprovduta mill-Istati Membri, skont metodu stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(1).

Artikolu 3

1.  In-numru ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru huwa b'dan stabbilit kif ġej għal-leġisatura 2019-2024:

Il-Belġju

21

Il-Bulgarija

17

Ir-Repubblika Ċeka

21

Id-Danimarka

14

Il-Ġermanja

96

L-Estonja

7

L-Irlanda

13

Il-Greċja

21

Spanja

59

Franza

79

Il-Kroazja

12

L-Italja

76

Ċipru

6

Il-Latvja

8

Il-Litwanja

11

Il-Lussemburgu

6

L-Ungerija

21

Malta

6

In-Netherlands

29

L-Awstrija

19

Il-Polonja

52

Il-Portugall

21

Ir-Rumanija

33

Is-Slovenja

8

Is-Slovakkja

14

Il-Finlandja

14

L-Iżvezja

21

2.  Madankollu, fil-każ li r-Renju Unit ikun għadu Stat Membru tal-Unjoni fil-bidu tal-leġiżlatura tal-2019-2024, l-għadd ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti għal kull Stat Membru li jieħdu l-kariga għandu jkun dak previst fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/312/UE(2) sa meta l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jsir legalment effettiv.

Ladarba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jsir legalment effettiv, l-għadd ta' rappreżentanti fil-Parlament Ewropew eletti f'kull Stat Membru għandu jkun dak indikat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Ir-rappreżentanti kollha fil-Parlament Ewropew li jimlew is-siġġijiet addizzjonali li jirriżultaw mid-differenza bejn l-għadd ta' siġġijiet allokati skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' dan il-paragrafu għandhom jibdew jokkupaw is-siġġu tagħhom fil-Parlament fl-istess waqt.

Artikolu 4

Fi żmien suffiċenti qabel il-bidu tal-leġislatura 2024-2029, il-Parlament Ewropew għandu jressaq lill-Kunsill Ewropew, skont l-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, proposta għal allokazzjoni aġġornata tas-siġġijiet.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi ...

Għall-Kunsill Ewropew

Il-President

(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar statistika demografika Ewropea (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 39).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/312/UE tat-28 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 57).

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Settembru 2018Avviż legali