Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2233(ACI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0006/2018

Testi mressqa :

A8-0006/2018

Dibattiti :

PV 07/02/2018 - 5
CRE 07/02/2018 - 5

Votazzjonijiet :

PV 07/02/2018 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0030

Testi adottati
PDF 419kWORD 54k
L-Erbgħa, 7 ta' Frar 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Reviżjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea
P8_TA(2018)0030A8-0006/2018
Deċiżjoni
 Anness

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2018 dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (2017/2233(ACI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-5 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-iskambju ta' ittri bejn il-President tiegħu u l-President tal-Kummissjoni, b'mod partikolari l-ittra datata 2 ta' Ottubru 2017 mingħand dan tal-aħħar, li permezz tagħha jaqbel mal-abbozz ta' proposti ppreżentat mill-President tiegħu fis-7 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1) u għall-abbozz ta’ emendi għalih,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10(1) u 4 u l-Artikolu 17(3) u (7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 245 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 295 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji - linji gwida(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-14 ta' Settembru 2017 dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità tal-istituzzjonijiet tal-UE(6),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2017 dwar Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu dwar il-parteċipazzjoni fil-politika Ewropea matul il-mandat,

–  wara li kkunsidra l-aġġornament tal-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bit-titolu "Il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji – titjib fl-effikaċja u l-effiċjenza",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 140(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0006/2018),

A.  billi l-Artikolu 10(1) tat-TUE jgħid li l-funzjonament tal-Unjoni huwa msejjes fuq id-demokrazija rappreżentattiva u billi l-Kummissjoni, bħala l-eżekuttiv tal-Unjoni, tiżvolġi rwol deċiżiv fil-funzjonament tal-Unjoni;

B.  billi l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11 tat-TUE jikkonferixxu fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

C.  billi l-Artikolu 17(3) tat-TUE jiddikjara li fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħha il-Kummissjoni għandha tkun kompletament indipendenti u li l-membri tal-Kummissjoni għandhom jintgħażlu abbażi tal-kompetenza ġenerali tagħhom u l-impenn Ewropew minn persuni li l-indipendenza tagħhom tkun mingħajr dubju u li la ma għandhom ifittxu u lanqas ma għandhom jieħdu istruzzjonijiet minn ebda Gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew entità oħra;

D.  billi l-għan tal-abbozz ta' emendi huwa li jiġu implimentati l-prinċipji demokratiċi meta jiġi elett il-President tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(7) tat-TUE;

E.  billi, bl-abbozz ta' emendi, il-Membri tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jikkandidaw ruħhom għall-elezzjonijiet Ewropej mingħajr ma jkollhom għalfejn jirriżenjaw;

F.  billi hija prattika komuni fl-Istati Membri li l-membri tal-Gvern joħorġu għall-elezzjonijiet parlamentari nazzjonali mingħajr ma jkollhom jirriżenjaw;

G.  billi, bl-abbozz ta' emendi, il-Membri tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jinħatru mill-partiti politiċi Ewropej bħala kandidati prinċipali ("Spitzenkandidaten") għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni;

H.  billi l-Parlament diġà esprima l-appoġġ tiegħu għall-proċess ta' "Spitzenkandidaten" li huwa stipulat b'mod ċar fit-Trattat, fil-proposta tiegħu għar-reviżjoni tal-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett(7);

I.  billi, b'konformità mal-Artikolu 10(4) tat-TUE, il-partiti politiċi f'livell Ewropew jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-kuxjenza politika Ewropea, u billi l-Artikoli 10(3) u 11(1) tat-TUE jestenduha liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi;

J.  billi l-abbozz ta' emendi jipprevedi wkoll is-salvagwardji meħtieġa biex jipproteġu t-trasparenza, l-imparzjalità, il-kunfidenzjalità u l-kulleġġjalità, li kollha kemm huma jibqgħu japplikaw għall-Membri tal-Kummissjoni waqt il-kampanja;

K.  billi l-abbozz ta' emendi jobbliga lill-President tal-Kummissjoni jinforma lill-Parlament dwar il-miżuri meħuda biex jiżguraw ir-rispett tal-prinċipji tal-indipendenza, l-integrità u d-diskrezzjoni minquxa fl-Artikolu 245 tat-TFUE u fil-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea meta l-Kummissarji jikkandidaw ruħhom fil-kampanji elettorali tal-elezzjonijiet Ewropej;

L.  billi l-abbozz ta' emendi jistipula li l-Membri tal-Kummissjoni ma għandhomx jużaw ir-riżorsi umani jew materjali tal-Kummissjoni għal attivitajiet marbuta ma' kampanja elettorali;

1.  Ifakkar li l-President tal-Kummissjoni se jiġi elett mill-Parlament Ewropew fuq proposta tal-Kunsill Ewropew, filwaqt li jitqies l-eżitu tal-elezzjonijiet Ewropej u wara li jkunu saru konsultazzjonijiet xierqa, u li għaldaqstant, kif kien il-każ fl-2014, il-partiti politiċi Ewropej għandhom jippreżentaw kandidati prinċipali ("Spitzenkandidaten") sabiex jagħtu liċ-ċittadini Ewropej l-għażla dwar min jiġi elett bħala President tal-Kummissjoni fl-elezzjonijiet Ewropej;

2.  Ifakkar li l-proċess ta' "Spitzenkandidaten" jixhed il-bilanċ interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew kif previst fit-Trattati; barra minn hekk jenfasizza li dan il-pass ulterjuri fit-tisħiħ tad-dimensjoni parlamentari tal-Unjoni huwa prinċipju li ma jistax jitħassar;

3.  Jenfasizza li, billi ma jimxix mal-proċess "Spitzenkandidaten", il-Kunsill Ewropew jirriskja wkoll li jippreżenta għall-approvazzjoni tal-Parlament kandidat għal President tal-Kummissjoni li ma jkollux maġġoranza parlamentari suffiċjenti;

4.  Iwissi li l-Parlament Ewropew se jkun lest li jiċħad kwalunkwe kandidat fil-proċedura ta' investitura tal-President tal-Kummissjoni li ma jkunx ġie appuntat bħala "Spitzenkandidat" fil-kampanja tal-elezzjonijiet Ewropej;

5.  Iqis li l-proċess ta' "Spitzenkandidaten" huwa wkoll kontribut għat-trasparenza, peress li l-kandidati għall-President tal-Kummissjoni jingħarfu qabel l-elezzjonijiet Ewropej pjuttost milli warajhom bħal ma kien il-każ qabel;

6.  Jissottolinja li l-proċess ta' "Spitzenkandidaten" irawwem is-sensibilizzazzjoni politika taċ-ċittadini Ewropej matul il-kampanja tal-elezzjonijiet Ewropej u jirrinforza l-leġittimità politika kemm tal-Parlament kif ukoll tal-Kummissjoni billi jorbot l-elezzjonijiet rispettivi tagħhom b'mod aktar dirett mal-għażla tal-votanti; jirrikonoxxi għalhekk il-valur miżjud importanti tal-prinċipju ta' "Spitzenkandidat" bil-għan li tissaħħaħ in-natura politika tal-Kummissjoni;

7.  Huwa tal-fehma li l-leġittimità politika tal-Kummissjoni tissaħħaħ aktar li kieku aktar Membri eletti tal-Parlament Ewropew ikunu nominati bħala Membri tal-Kummissjoni;

8.  Ifakkar li, fil-kampanja tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, il-partiti politiċi Ewropej ewlenin kollha ħaddnu l-proċess ta' "Spitzenkandidaten" billi indikaw il-kandidat tagħhom għal President tal-Kummissjoni, u li saru dibattiti pubbliċi fost il-kandidati, u dan ġab fis-seħħ prattika kostituzzjonali u politika li tirrifletti l-bilanċ interistituzzjonali previst fit-Trattati;

9.  Iqis li fl-2014 il-proċess ta' "Spitzenkandidaten" wera li rnexxa u jenfasizza li l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 se jkunu okkażjoni li tikkonsolida l-użu ta' din il-prattika;

10.  Iħeġġeġ lill-partiti politiċi Ewropej jinnominaw ‘Spitzenkandidaten’ tagħhom permezz ta' kompetizzjoni miftuħa, trasparenti u demokratika;

11.  Iqis li l-abbozz ta' emendi huwa konformi mal-Artikolu 10(1) u mal-Artikolu 17(7) tat-TUE, u jilqagħhom bħala titjib li jikkonsolida l-proċess demokratiku tal-elezzjonijiet tal-President tal-Kummissjoni Ewropea;

12.  Jinnota d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi ta' Kondotta riveduta għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea, li l-għan tagħha huwa li tikkjarifika l-obbligi applikabbli għall-Membri tal-Kummissjoni kemm fil-mandat kif ukoll barra mill-mandat; ifakkar fil-fehmiet diġà espressi mill-Parlament Ewropew u mill-kumitati rilevanti tiegħu f'termini ta', inter alia, perjodu ta' preklużjoni applikabbli għall-ex Membri tal-Kummissjoni wara li jieqfu mill-kariga, trasparenza, ħatra ta' Kumitat tal-Etika Indipendenti u parteċipazzjoni fil-kampanji elettorali Ewropej;

13.  Iqis li huwa importanti li jiġu previsti, fil-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni, standards għoljin ta' trasparenza, imparzjalità u salvagwardji sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta' interess possibbli tal-Membri tal-Kummissjoni fil-kampanja elettorali;

14.  Ifakkar b'mod partikolari t-talba tiegħu għal perjodu ta' preklużjoni ta' tliet snin applikabbli għall-ex Membri tal-Kummissjoni wara li jieqfu mill-kariga;

15.  Japprova l-emendi tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, annessi ma' din id-deċiżjoni;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-emendi flimkien mal-President tal-Kummissjoni u biex jiżgura l-pubblikazzjoni tagħhom f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi, għal skopijiet ta' informazzjoni, din id-deċiżjoni, inkluż l-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ottubru 2016 bit-titolu "Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017 – It-twettiq bil-fatti ta' Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi" (COM(2016)0710).
(3) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 7.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0477.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0049.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0358.
(7) L-att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/ECSC, KEE, Euratom (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1.) kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/81/Euratom, KEFA, KEE, (ĠU L 33, 9.2.1993, p. 15.) u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1).


ANNESS

Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea li jemenda l-punt 4 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-ftehim finali, kif ippubblikat fil-ĠU L 45 tas-17 ta’ Frar 2018, p. 46.)

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Settembru 2018Avviż legali