Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2937(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0064/2018

Testi mressqa :

B8-0064/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 07/02/2018 - 7.5

Testi adottati :

P8_TA(2018)0032

Testi adottati
PDF 359kWORD 54k
L-Erbgħa, 7 ta' Frar 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni ta' ċittadini tal-UE li jappartjenu għal minoranzi fl-Istati Membri tal-UE
P8_TA(2018)0032B8-0064/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-protezzjoni u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-minoranzi fl-Istati Membri tal-UE (2017/2937(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10, 19, 21 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-dritt ta' petizzjoni stabbilit fl-Artikoli 20 u 227 tat-TFUE u fl-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-preambolu tat-TUE,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, il-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità(1) (Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(2) (Direttiva dwar it-Trattament Ugwali fl-Impjieg),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE(3) (Direttiva dwar il-Moviment Liberu),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tat-3 ta' Frar 2017 fil-kawża T-646/13 – Minority SafePack - one million signatures for diversity in Europe vs Il-Kummissjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2005 dwar il-ħarsien tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni f'Ewropa akbar(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu ta' estinzjoni u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Rapport tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE. Iċ-ċittadini tal-UE: id-drittijiet tagħkom, il-futur tagħkom"(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2015(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "L-Aspetti tad-drittijiet fundamentali fl-integrazzjoni tar-Rom fl-UE: il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2017: Insaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini f'Unjoni ta' tibdil demokratiku"(10),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' April 2017, ikkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew fuq it-talba tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bit-titolu "Discrimination(s) as emerging from petitions received" (Diskriminazzjoni/każijiet ta' diskriminazzjoni kif jirriżulta mill-petizzjonijiet irċevuti),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Awwissu 2017, ikkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament Ewropew fuq it-talba tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern bit-titolu "Towards a comprehensive EU protection system for minorities" (Lejn sistema ta' protezzjoni komprensiva tal-UE għall-minoranzi),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Mejju 2017, ikkummissjonat mid-Dipartiment Tematiku B tal-Parlament Ewropew fuq it-talba tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni bit-titolu "Minority Languages and Education: Best Practices and Pitfalls" (Lingwi minoritarji u edukazzjoni: l-aħjar prattiki u n-nases),

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ pubbliku organizzata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-4 ta' Mejju 2017 bit-titolu "Fighting against discrimination of EU citizens in the EU Member States and the protection of minorities" (Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni ta' ċittadini tal-UE fl-Istati Membri tal-UE u l-protezzjoni tal-minoranzi)(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 216(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva bosta petizzjonijiet li jqajmu tħassib dwar prattiki varji li jiddiskriminaw kontra ċittadini tal-UE li jagħmlu parti minn minoranzi u organizza seduta ta' smigħ dwar id-diversi kwistjonijiet li tqajmu;

B.  billi teżisti rabta b'saħħitha bejn id-drittijiet tal-minoranzi u l-prinċipju tal-istat tad-dritt; billi l-Artikolu 2 tat-TUE espressament isemmi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi u billi dawn id-drittijiet jistħoqqilhom l-istess trattament bħal drittijiet oħra minquxa fit-Trattati;

C.  billi l-Artikolu 10 tat-TFUE jiddikjara li "fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li tiġġieled kontra kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali";

D.  billi, filwaqt li l-ftehimiet internazzjonali joffru qafas sod għad-drittijiet tal-minoranzi, għad hemm ħafna lok biex jitjieb il-mod li bih il-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi titqiegħed fil-prattika fl-UE;

E.  billi kull persuna fl-UE għandha dritt u dmir indaqs biex issir membru sħiħ, attiv u integrat tas-soċjetà;

F.  billi r-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi huwa rekwiżit essenzjali għall-pajjiżi kandidati kif stabbilit fil-kriterji ta' Copenhagen;

G.  billi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-oriġini etnika tissemma bħala l-aktar forma komuni ta' diskriminazzjoni u billi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali żdiedet konsiderevolment skont l-aktar stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru dwar id-diskriminazzjoni(12);

H.  billi l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar Trattament Ugwali (COM(2008)0426) tkopri bosta oqsma bħall-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali, u l-aċċess u l-provvista ta' oġġetti u servizzi;

I.  billi l-petizzjonijiet li rċieva l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-qasam tad-diskriminazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-minoranzi għandhom ikunu eżaminati bir-reqqa biex ikunu mifhuma l-kwistjonijiet li jħassbu liċ-ċittadini u biex ikunu proposti soluzzjonijiet;

J.  billi bosta petizzjonijiet juru li l-minoranzi jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom u billi dan iqajjem tħassib fir-rigward tal-futur tal-komunitajiet minoritarji, partikolarment fid-dawl ta' attivitajiet li jniġġsu l-ambjent;

K.  billi l-protezzjoni u t-tisħiħ tal-patrimonju kulturali relatat mal-minoranzi nazzjonali fl-Istati Membri – komponent fundamentali tal-identità kulturali tal-komunitajiet, tal-gruppi u tal-individwi – jiżvolġu rwol kruċjali fil-koeżjoni soċjali;

L.  billi l-Istati Membri jerfgħu responsabilità ċara biex jieħdu miżuri korrettivi kontra prattiki li jiddiskriminaw kontra membri tal-komunità Rom, partikolarment meta jkollhom x'jaqsmu mal-awtoritajiet amministrattivi reġjonali u nazzjonali;

M.  billi l-petizzjonanti huma mħassba bin-nuqqas ta' risposta komprensiva min-naħa tal-UE u ta' protezzjoni f'dawk li huma d-drittijiet lingwistiċi u ta' drittijiet oħrajn bħala minoranzi, li huma stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, kif iddikjarat il-QtĠ-UE;

1.  Jiddeplora l-fatt li l-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi għadhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakli fil-garanzija tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u jibqgħu vittmi ta' diskors ta' mibegħda u ta' reati ta' mibegħda;

2.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jiddefendu b'mod konsistenti d-drittijiet tal-minoranzi u jivvalutaw perjodikament jekk dawk id-drittijiet humiex jiġu rispettati;

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tal-minoranzi awtoktoni, nazzjonali u lingwistiċi: responsabilità nazzjonali u tal-UE

3.  Josserva li l-kwistjonijiet marbuta mal-minoranzi ma ngħatawx biżżejjed importanza fl-aġenda tal-UE u jsostni approċċ integrat għall-ugwaljanza u għan-nondiskriminazzjoni bl-għan li jiġi żgurat li l-Istati Membri jittrattaw b'mod adegwat id-diversità tal-persuni fis-soċjetajiet tagħhom;

4.  Jemmen li l-UE terfa' r-responsabilità li tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tal-minoranzi; iqis li huwa neċessarju li jitjieb il-qafas leġiżlattiv tal-UE għall-protezzjoni, b'mod komprensiv, tad-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

5.  Jenfasizza r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE fis-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-minoranzi, u ta' inkoraġġiment u sostenn tal-Istati Membri fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u t-tolleranza, speċjalment permezz tal-edukazzjoni;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-iżvilupp ta' kwalunkwe politika dwar il-patrimonju kulturali għandu jkun inklużiv, ibbażat fuq il-komunitajiet u parteċipattiv, li jinvolvi l-konsultazzjoni u d-djalogu mal-komunitajiet minoritarji kkonċernati;

7.  Jinnota li l-UE hija nieqsa mill-istrumenti effikaċi biex timmonitorja r-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi; jitlob monitoraġġ effikaċi, fuq skala tal-UE, tas-sitwazzjoni tal-minoranzi awtoktoni u lingwistiċi; iqis li l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali jmissha tagħmel monitoraġġ imsaħħaħ tad-diskriminazzjoni fil-konfront tal-minoranzi nazzjonali fl-Istati Membri;

8.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Istati Membri fil-protezzjoni tal-minoranzi awtoktoni, nazzjonali jew lingwistiċi; ifakkar li l-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq bażi tal-lingwa jew tal-appartenenza għal minoranza nazzjonali huma stabbiliti fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jiddispjaċih li l-kwistjonijiet imqajma fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-ħarsien tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni f'Ewropa akbar għadhom ma ssolvewx;

Qafas ġuridiku tal-UE dwar il-minoranzi: sfidi u opportunitajiet

10.  Jenfasizza l-fatt li d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali u l-protezzjoni tagħhom huma parti integrali tal-istat tad-dritt kif stabbilit fid-dokument ta' Copenhagen tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) iffirmat fl-1990;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi ġuridiċi tagħhom jiggarantixxu li l-persuni li jagħmlu parti minn minoranza ma jiġux iddiskriminati, u li jieħdu miżuri ta' protezzjoni mmirati abbażi tan-normi internazzjonali rilevanti; jikkundanna kwalunkwe trattament diskriminatorju min-naħa tal-uffiċjali pubbliċi ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; jissuġġerixxi li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu użu mill-miżuri fis-seħħ biex jirrapportaw, u jekk meħtieġ, jissanzjonaw tali każijiet ta' diskriminazzjoni;

12.  Jisħaq fuq il-fatt li s-sitwazzjoni u l-istatus ġuridiku ta’ non-ċittadini, permanentement residenti fl-Istati Membri, jeħtieġu jiġu indirizzati;

13.  Jenfasizza li r-riżorsi naturali u tal-patrimonju kulturali tal-minoranzi nazzjonali huma pilastri fundamentali tal-koeżjoni soċjali u jridu jitqiesu bħala beni li jeħtieġ li jiġu kkonservati bis-sħiħ għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, inkluż billi jitwaqqfu l-attivitajiet ta' tniġġis;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jiffirmaw, jirratifikaw u jeżegwixxu l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, il-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji jew jaġġornaw l-impenji tagħhom fir-rigward tal-ftehimiet internazzjonali rilevanti; jisħaq fuq il-fatt li l-minoranzi lingwistiċi u awtoktoni għandhom jiġu ttrattati skont il-prinċipji stabbiliti f'dawn id-dokumenti;

15.  Jitlob li d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u d-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali fl-Impjieg jiġu riveduti; jiddispjaċih mhux ftit li bilkemm sar progress fl-adozzjoni tal-proposta għal direttiva dwar trattament ugwali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jerġgħu jagħtu bidu lin-negozjati rilevanti bil-għan li jkunu konklużi qabel tmiem din il-leġiżlatura;

Protezzjoni u difiża tal-lingwi minoritarji

16.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw id-dritt li tintuża lingwa minoritarja u jipproteġu d-diversità lingwistika fi ħdan l-Unjoni skont it-Trattati tal-UE;

17.  Jemmen li d-drittijiet lingwistiċi jridu jiġu rispettati fil-komunitajiet fejn hemm aktar minn lingwa uffiċjali waħda, mingħajr limiti għad-drittijiet ta' lingwa meta mqabbla ma' oħra, f'konformità mal-ordni kostituzzjonali ta' kull Stat Membru;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-promozzjoni tat-tagħlim u tal-użu tal-lingwi reġjonali u minoritarji, bħala mod potenzjali biex tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni bejn il-lingwi fl-UE;

Id-drittijiet tal-persuni LGBTI

19.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu provvedimenti aktar iddeterminati biex tiġġieled id-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni LGBTI u l-omofobija, inklużi miżuri leġiżlattivi konkreti, filwaqt li jkunu rispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri; jirrakkomanda l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-persuni LGBTI u l-għoti ta' informazzjoni ċara u aċċessibbli dwar ir-rikonoxximent tad-drittijiet transfruntieri tal-persuni LGBTI u tal-familji tagħhom fl-UE; iqis li l-Istati Membri jmisshom jinvestu fl-isforzi dovuti ħalli jipprovdu edukazzjoni mmirata f'fażijiet differenti bil-għan li jipprevjenu l-bullying u jiġġieldu l-omofobija b'mod strutturat;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw korrettament id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu billi jirrispettaw b'mod konsistenti, fost oħrajn, id-dispożizzjonijiet relatati mal-membri tal-familja u jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiżgura li l-individwi LGBTI u l-familji tagħhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu kemm skont l-Artikolu 21 tat-TFUE kif ukoll skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

º

º º

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(2) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(3) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(4) ECLI:UE:C:2017:59.
(5) ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 405.
(6) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 52.
(7) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 146.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0512.
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0413.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0487.
(11) http://www.europarl.europa.eu/cmsdata/117287/peti-hearing-programme-20170504-en.pdf
(12) Discrimination in the EU in 2015 (Diskriminazzjoni fl-UE fl-2015), http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/publicopinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/instruments/SPECIAL/surveyKy/2077

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Settembru 2018Avviż legali