Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2561(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0109/2018

Dibattiti :

PV 08/02/2018 - 8.2
CRE 08/02/2018 - 8.2

Votazzjonijiet :

PV 08/02/2018 - 12.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0035

Testi adottati
PDF 284kWORD 56k
Il-Ħamis, 8 ta' Frar 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Eżekuzzjonijiet fl-Eġittu
P8_TA(2018)0035RC-B8-0109/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2018 dwar l-eżekuzzjonijiet fl-Eġittu (2018/2561(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dik tal-10 ta' Marzu 2016 dwar l-Eġittu, b'mod partikolari l-każ ta' Giulio Regeni(1), dik tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar Ibrahim Halawa, li qed jiffaċċa l-possibiltà tal-piena tal-mewt(2) u dik tas-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu(3); għar-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Frar 2017 dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Kuwajt u fil-Bahrain(4) u tat-8 ta’ Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt(5); u għar-riżoluzzjoni tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt(6),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar l-Eġittu ta' Awwissu 2013 u Frar 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-2001, li daħal fis-seħħ fl-2004, u msaħħaħ permezz tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2007; wara li kkunsidra l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu 2017-2020, adottati fil-25 ta' Lulju 2017, u d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Ottubru 2017 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena tal-Mewt,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta tas-26 ta' Jannar 2018 minn esperti tan-NU fosthom Nils Melzer, ir-Rapporteur Speċjali dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, li tħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jwaqqfu l-eżekuzzjonijiet imminenti,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tagħha (in-natura vinkolanti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem),

–  wara li kkunsidra s-Salvagwardji tan-Nazzjonijiet Uniti li Jiggarantixxu l-Protezzjoni tad-Drittijiet ta' dawk li jiffaċċjaw il-Piena tal-Mewt,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji u l-Linji Gwida Afrikani dwar id-Dritt għal Proċess Ġust u Assistenza Legali, li jipprojbixxu proċessi militari ta' persuni ċivili fi kwalunkwe ċirkostanza,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mis-6 Kungress Dinji kontra l-Piena tal-Mewt, li sar f'Oslo bejn il-21 u t-23 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni l-ġodda tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandhom l-għan li jqiegħdu l-protezzjoni u s-sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli 6 u 13 tagħha,

–  wara li kkunsidra s-sitt riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU favur l-adozzjoni ta' moratorju fuq il-piena tal-mewt,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li ġew ratifikati mill-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Eġittu hu parti tiegħu, u b'mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu u t-tieni protokoll fakultattiv dwar il-piena tal-mewt, kif ukoll l-Artikolu 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-piena tal-mewt hija l-iktar kastig inuman u degradanti, li jikser id-dritt għall-ħajja kif imħaddan fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-Unjoni Ewropea għandha pożizzjoni qawwija u ta' prinċipju kontra l-piena tal-mewt u favur moratorju universali fuq il-piena tal-mewt bil-għan li diġà tiġi abolita globalment, bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tal-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi ġie rappurtat li minn Jannar 2014, mill-inqas 2116-il persuna ġew ikkundannati għall-mewt fl-Eġittu; billi l-ebda sentenza ta' mewt ma ġiet approvata taħt l-ex-Presidenti Mohamed Morsy u Adly Mansour; billi mill-inqas 81 eżekuzzjoni twettqu mill-1 ta' Jannar 2014;

C.  billi ġie rappurtat li fl-2017 il-qrati Eġizzjani taw mill-inqas 186 sentenza ta' mewt, waqt li 16-il persuna ġew iġġustizzjati; billi f'dawn l-aħħar ġimgħat u mill-aħħar ta' Diċembru 2017 kien hemm żieda allarmanti; billi l-eżekuzzjonijiet kollha li twettqu riċentement saru mingħajr ma ġew notifikati minn qabel il-vittmi jew qrabathom; billi attwalment donnu li 24 Eġizzjan ieħor jinsabu fil-periklu ta' eżekuzzjoni imminenti, għax il-proċessi ta' appell tagħhom ġew eżawriti;

D.  billi mill-inqas 891 persuna bħalissa jinsabu għaddejjin minn proċess ġudizzjarju jew qed jistennew biex jibda proċess ġudizzjarju kontrihom fl-Eġittu fuq akkużi li jaf jinvolvu sentenza ta' mewt; billi mill-inqas 38 persuna li kellhom inqas minn 18-il sena meta allegatament wettqu r-reati ġew ipproċessati ma' kokonvenuti adulti, b'akkużi li jinvolvu l-piena tal-mewt; billi l-qrati rrakkomandaw sentenzi ta' mewt inizjali għal tal-inqas seba' persuni bħal dawn; billi l-impożizzjoni u l-eżekuzzjoni tal-piena tal-mewt kontra persuni li kienu taħt l-età ta' 18 meta jkun twettaq ir-reat huma ksur tad-dritt internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, kif ukoll l-Artikolu 111 tal-Liġi tat-Tfal Eġizzjana; billi l-Eġittu huwa parti ta' diversi konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet ċivili u politiċi, it-tortura, id-drittijiet tat-tfal u tal-minorenni, u l-ġustizzja;

E.  billi l-Kodiċi Militari tinkludi fiha għadd ikbar ta' reati punibbli bil-piena tal-mewt mill-kontroparti ċivili tagħha, u l-leġiżlazzjoni Eġizzjana espandiet b'mod gradwali l-ġurisdizzjoni militari; billi l-għadd ta' persuni ċivili kkundannati għall-mewt mill-qrati militari fl-Eġittu żdied minn 60 fl-2016 għal mill-inqas 112 fl-2017; billi mill-inqas 23 Eġizzjan ġew iġġustizzjati f'dawn l-aħħar xhur, fosthom 22 ċivili li ġew ikkundannati minn qrati militari li huma 'l bogħod ħafna mill-ilħuq tal-istandards ta' proċess ġust; billi ġie rappurtat li b'kollox, mill-anqas 15 000 persuna ċivili, inklużi għexieren ta' tfal, ġew riferuti lill-prosekuturi militari bejn Ottubru 2014 u Settembru 2017;

F.  billi ġie rappurtat li għadd preokkupanti ta' xhieda u konfessjonijiet użati fil-proċessi, inklużi l-proċessi militari, inkiseb wara li l-akkużati allegatament għebu b'mod sfurzat jew ġew ittorturati jew maltrattati; billi l-ġlieda kontra t-tortura hija prijorità antika tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u għan komuni għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura tan-NU, li ġiet iffirmata mill-Eġittu;

G.  billi hu rappurtat li l-eżekuzzjonijiet kollha riċenti u imminenti huma r-riżultat ta' proċessi li naqsu milli jirrispettaw id-drittijiet ta' proċess ġust u proċess dovut; billi s-Salvagwardji tan-Nazzjonijiet Uniti li Jiggarantixxu l-Protezzjoni tad-Drittijiet ta' dawk li jiffaċċjaw il-Piena tal-Mewt jipprojbixxu strettament l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt wara proċessi inġusti; billi diversi esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU talbu ripetutament lill-Eġittu biex iwaqqaf l-eżekuzzjonijiet kollha pendenti wara allegazzjonijiet ta' proċessi inġusti;

H.  billi huwa importanti li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex ikun żgurat li l-proċessi jsiru f'kundizzjonijiet li ġenwinament joffru l-garanziji sħaħ stipulati fl-Artikolu 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li tiegħu l-Eġittu huwa Stat parti; billi f'każijiet ta' piena tal-mewt, il-proċessi jeħtieġ li jilħqu l-ogħla standards ta' imparzjalità u proċess dovut;

I.  billi fid-29 ta' Novembru 2017 il-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ħeġġet lill-Gvern Eġizzjan biex jissospendi minnufih is-sentenzi ta' mewt f'ħames kawżi differenti; billi, madankollu, il-konvenuti ta' waħda minn dawn il-kawżi, il-kawża Kafr el-Sheikh, ġew iġġustizzjati fit-2 ta' Jannar 2018;

J.  billi l-Eġittu għadda minn diversi sfidi diffiċli mir-rivoluzzjoni tal-2011 u l-komunità internazzjonali qed tappoġġa lill-pajjiż fl-indirizzar tal-isfidi ekonomiċi, politiċi u tas-sigurtà tiegħu;

K.  billi jeżistu sfidi serji tas-sigurtà fl-Eġittu, b'mod partikolari fis-Sinaj, fejn xi gruppi terroristiċi wettqu attakki fuq il-forzi tas-sigurtà; billi fl-Eġittu twettqu diversi attakki terroristiċi qerrieda, inkluż l-attakk riċenti fuq moskea Sufi li ħalla 311-il persuna ċivili mejta u mill-inqas 128 oħra midruba; billi fid-9 ta' April 2017 twettqu żewġ attakki suwiċida bil-bombi fil-knisja ta' San Ġorġ f'Tanta u fil-katidral Kopti Ortodoss ta' San Mark, attakki li ħallew mill-inqas 47 persuna mejta;

L.  billi fl-Eġittu għaddej stat ta' emerġenza li ilu fis-seħħ minn April 2017 u li ġie estiż għal tlett xhur mit-13 ta' Jannar 2018, introdott, skont il-mezzi tax-xandir tal-Istat, biex jgħin l-indirizzar tal-"perikli u l-finanzjament tat-terroriżmu" u li jdgħajjef il-libertajiet fundamentali u jagħti lill-President u lil dawk li jaġixxu f'ismu is-setgħa li jirreferu lil persuni ċivili quddiem il-Qrati tal-Emerġenza tas-Sigurtà Statali għat-tul tal-perjodu tat-tliet xhur;

M.  billi s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem qed tkompli tiddeterjora fl-Eġittu; billi r-repressjoni kontra t-terroriżmu ntużat bħala ġustifikazzjoni mill-awtoritajiet Eġizzjani biex iwettqu repressjoni fuq skala kbira;

N.  billi l-Liġi Kontra t-Terroriżmu adottata fl-2015 timponi l-piena tal-mewt għal kull min jinstab ħati tal-istabbiliment jew it-tmexxija ta' grupp terroristiku, taħt definizzjoni wiesgħa tat-terroriżmu li tinkludi "l-ksur tal-ordni pubbliku, l-ipperikolar tas-sikurezza, l-interessi, jew is-sigurtà tas-soċjetà, l-ostakolar tad-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjoni u tal-liġi, jew il-ħsara lill-unità nazzjonali, il-paċi soċjali, jew is-sigurtà nazzjonali", u b'hekk ipoġġi lil kwalunkwe persuna ċivili, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fir-riskju li tiġi ttikkettata bħala terrorista u li tiġi kkundannata għall-mewt;

O.  billi difensuri Eġizzjani tad-drittijiet tal-bniedem li jiddokumentaw u jiddenunzjaw sentenzi tal-mewt, tortura u għajbien sfurzat kienu soġġetti għal miżuri repressivi mmirati, bħall-għeluq taċ-Ċentru El Nadeem fl-2017 u t-tentattiv min-naħa tal-awtoritajiet Eġizzjani li jagħlqu l-uffiċċju tal-Kajr tal-Kummissjoni Eġizzjana għad-Drittijiet u l-Libertajiet (ECRF); billi s-sena li għaddiet l-Eġittu attakka lill-NGOs fil-livell legali b'liġi li tirrikjedi li l-aġenziji tas-sigurtà tal-Istat japprovaw il-finanzjament tagħhom, barrani jew domestiku, u b'hekk virtwalment qed tipprojbihom; billi fil-5 ta' April 2018 l-ogħla qorti tal-appell tal-Eġittu se tiddeċiedi dwar il-kawża tal-hekk imsejjaħ "finanzjament barrani" li tinvolvi NGOs internazzjonali;

P.  billi l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu ġodda għall-2017-2020, adottati f'Lulju 2017 huma ggwidati minn impenn komuni favur il-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jikkostitwixxu qafas imġedded għal impenn politiku u kooperazzjoni msaħħa, inkluż dwar is-sigurtà, ir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, fuq bażi ta' rispett xieraq għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi s-Sottokumitat dwar Kwistjonijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Eġittu u l-Unjoni Ewropea kellu l-ħames sessjoni tiegħu li saret fil-Kajr fl-10 u l-11 ta' Jannar 2018, u dan indirizza l-kooperazzjoni fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

Q.  billi l-UE hija s-sieħba ekonomika ewlenija tal-Eġittu u s-sors ewlieni ta' investiment barrani tiegħu; billi l-assistenza bilaterali tal-UE lill-Eġittu fl-ambitu tal-Istrument Ewropew tal-Viċinat għall-2017-2020 tammonta għal madwar EUR 500 miljun; billi fil-21 ta' Awwissu 2013 il-Kunsill Affarijiet Barranin inkariga lir-Rappreżentant Għoli biex teżamina mill-ġdid l-assistenza tal-UE lill-Eġittu; billi l-Kunsill iddeċieda li l-kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu għandha tkun aġġustata mill-ġdid skont l-iżviluppi fil-post;

R.  billi kumpaniji bbażati f'diversi Stati Membri tal-UE komplew jesportaw tagħmir ta' sorveljanza u tagħmir militari lejn l-Eġittu;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-piena kapitali, u jitlob li kwalunkwe eżekuzzjoni imminenti fl-Eġittu titwaqqaf; jappoġġa bil-qawwa moratorju immedjat fuq il-piena tal-mewt fl-Eġittu bħala pass favur l-abolizzjoni tagħha; f'dan ir-rigward, jikkundanna l-eżekuzzjonijiet kollha kulfejn iseħħu, u għal darb'oħra jenfasizza li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità umana kif stabbilit fil-prijoritajiet tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jirrevedu s-sentenzi tal-mewt pendenti kollha sabiex jiżguraw li dawk li nstabu ħatja fi proċessi vizzjati jkollhom proċess ġdid ġust; ifakkar li minkejja l-isfidi tas-sigurtà fl-Eġittu, l-eżekuzzjonijiet m'għandhomx jintużaw bħala mezz għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

2.  Jistieden lill-Parlament Eġizzjan jirrevedi l-Kodiċi Kriminali, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu u l-Kodiċi Militari tal-Eġittu, u jistieden lill-gvern jirrevedi d-digrieti rilevanti sabiex jiżgura li membri tal-popolazzjoni ċivili akkużati b'reati kriminali punibbli bil-mewt għal ebda raġuni ma jiġu riferiti lil qrati eċċezzjonali jew militari, peress li dawn il-qrati ma jilħqux l-istandards ta' proċess ġust approvati mill-Eġittu fl-impenji internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet u li huma ggarantiti fil-Kostituzzjoni tiegħu; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jieqfu mill-proċessi kontra persuni ċivili fi qrati militari;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw is-sikurezza fiżika u psikoloġika tal-persuni kollha akkużati waqt li jkunu miżmuma fil-ħabs; jiddenunzja l-użu ta' tortura jew trattament ħażin; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani sabiex jiżguraw li dawk li ġew detenuti jirċievu kull attenzjoni medika li jeħtieġu; jistieden lill-UE timplimenta b'mod sħiħ il-kontrolli tal-esportazzjoni tagħha lejn l-Eġittu, b'mod partikolari fir-rigward ta' oġġetti li jistgħu jintużaw għat-tortura jew għall-piena kapitali;

4.  Iħeġġeġ lill-Eġittu jiffirma u jirratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi mmirat lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, u l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat; iħeġġeġ lill-Gvern Eġizzjan joħroġ stedina miftuħa lir-Rapporteurs Speċjali rilevanti tan-NU biex iżuru l-pajjiż;

5.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-proċessi tal-massa mill-qrati Eġizzjani u l-għadd kbir ta' sentenzi tal-mewt mogħtija minnhom; jistieden lill-awtoritajiet ġudizzjarji Eġizzjani biex jonoraw u jirrispettaw il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li tiegħu l-Eġittu hu parti, u partikolarment l-Artikolu 14 tiegħu dwar id-dritt għal proċess ġust u fil-ħin abbażi ta' akkużi ċari u li jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-konvenuti;

6.  Jistieden lill-VP/RGħ tikkundanna l-għadd allarmanti ta' eżekuzzjonijiet riċenti fl-Eġittu, u jħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jkomplu jiġġieldu kontra l-użu tal-piena tal-mewt; iħeġġeġ lis-SEAE biex jindirizza l-iżviluppi riċenti fl-Eġittu, u biex juża l-mezzi kollha ta' influwenza għad-dispożizzjoni tiegħu biex iwaqqaf l-eżekuzzjonijiet imminenti u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jirrispettaw l-impenji tagħhom lejn l-istandards u l-liġijiet internazzjonali;

7.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem ma jiġux imminati b'azzjonijiet tal-ġestjoni tal-migrazzjoni jew l-azzjonijiet kontra t-terroriżmu fl-ambitu tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu; jenfasizza l-importanza li l-UE tagħti lill-kooperazzjoni tagħha mal-Eġittu bħala ġar u sieħeb importanti; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Eġittu biex jirrispetta l-impenn tiegħu meħud fil-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu adottati fis-27 ta' Lulju 2017 għall-promozzjoni tad-demokrazija, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Kostituzzjoni u l-istandards internazzjonali;

8.  Jikkundanna l-attakki terroristiċi fl-Eġittu; jestendi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi tat-terroriżmu; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Eġizzjan, u jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jiġġieled it-tixrid ta' ideoloġiji radikali u gruppi terroristiċi;

9.  Ifakkar lill-Gvern Eġizzjan li l-prosperità fuq żmien twil tal-Eġittu u tal-poplu tiegħu timxi id f'id mal-protezzjoni tad-drittijiet universali tal-bniedem u l-istabbiliment u l-ankrar ta' istituzzjonijiet demokratiċi u trasparenti li jkunu impenjati li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

10.  Jappoġġa l-aspirazzjonijiet tal-maġġoranza tal-poplu Eġizzjan li jixtiequ jistabbilixxu pajjiż liberu, stabbli, prosperu, inklużiv u demokratiku li jirrispetta l-impenji nazzjonali u internazzjonali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

11.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet li għaddejjin fuq id-drittijiet fundamentali demokratiċi, partikolarment il-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-pluraliżmu politiku u l-istat tad-dritt fl-Eġittu; jitlob li jieqfu minnufih l-atti kollha ta' vjolenza, inċitament, diskors ta' mibegħda, fastidju, intimidazzjoni, każijiet ta' għajbien sfurzat jew ċensura diretti kontra avversarji politiċi, persuni li jipprotestaw, ġurnalisti, bloggers, studenti, attivisti tad-drittijiet tan-nisa, atturi tas-soċjetà ċivili, persuni LGBTI, NGOs u minoranzi, inklużi n-Nubjani, min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat, il-forzi u s-servizzi tas-sigurtà u gruppi oħra fl-Eġittu; jikkundanna l-użu tal-vjolenza eċċessiva fil-konfront tad-dimostranti; jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' dawk kollha detenuti talli eżerċitaw b'mod paċifiku d-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, u jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u trasparenti tal-vjolazzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Ifakkar fir-rabja kontinwa tiegħu dwar it-tortura u l-qtil tar-riċerkatur Taljan Giulio Regeni, u jiddenunzja, għal darba oħra, in-nuqqas ta' progress fl-investigazzjoni ta' dan il-qtil brutali; jenfasizza li se jkompli jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet Ewropej biex jimpenjaw ruħhom mal-kontrapartijiet Eġizzjani tagħhom sakemm tkun stabbilita l-verità dwar dan il-każ u dawk ħatja jinżammu responsabbli;

13.  Iħeġġeġ tal-President Sisi u lill-Gvern tiegħu biex jissodisfaw l-impenn tagħhom għal riforma politika ġenwina u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li elezzjonijiet kredibbli u trasparenti huma essenzjali għal demokrazija, kif iggarantit mill-Kostituzzjoni tal-2014 u skont l-impenji internazzjonali tal-Eġittu;

14.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu pożizzjoni ċara, b'saħħitha u unifikata dwar l-Eġittu fis-sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u sakemm il-pajjiż ikompli jonqos milli juri titjib sinifikanti fir-rekord tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u Parlament u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Eġittu.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0084.
(2) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 130.
(3) ĠU C 300, 18.8.2016, p. 34.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0044.
(5) ĠU C 349, 17.10.2017, p. 41.
(6) ĠU C 371E , 20.12.2011, p. 5.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Settembru 2018Avviż legali