Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2527(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0082/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/02/2018 - 12.10
CRE 08/02/2018 - 12.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0040

Testi adottati
PDF 286kWORD 57k
Il-Ħamis, 8 ta' Frar 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-qagħda attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija
P8_TA(2018)0040RC-B8-0082/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (2018/2527(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dik tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar it-Turkija(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, tat-2 ta' Frar 2018 dwar l-aħħar żviluppi fit-Turkija, tal-14 ta' Lulju 2017, sena wara l-attentat ta' kolp ta' stat fit-Turkija, u tat-13 ta' Marzu 2017 dwar l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-emendi għall-Kostituzzjoni tat-Turkija u l-avvenimenti reċenti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar l-aħbar tad-detenzjoni tal-kap ta' Amnesty International fit-Turkija, Taner Kiliç, tat-8 ta' Lulju 2017 dwar id-detenzjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-gżira ta' Büyükada fit-Turkija, u tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar każijiet miftuħin b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra d-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija tal-25 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem imressqa lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-2 ta' Novembru 2017 rigward grupp ta' tnax-il applikazzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-membri parlamentari fit-Turkija u tal-10 ta' Ottubru 2017 rigward grupp ta' għaxar applikazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal-libertà tal-ġurnalisti fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2156 (2017) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE jinkludu l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, valuri li japplikaw ukoll għall-pajjiżi kandidati kollha tal-UE;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li tagħhom it-Turkija hija stat parti,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Parlament ikkundanna bil-qawwa l-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju 2016; billi, fit-18 ta' Jannar 2018, il-Parlament Tork estenda l-istat ta' emerġenza fit-Turkija għal tliet xhur oħra; billi l-istat ta' emerġenza bħalissa qed jintuża biex isikket id-dissens u jmur lil hinn sew minn kwalunkwe miżura leġittima għall-ġlieda kontra t-theddid għas-sigurtà nazzjonali; billi, skont id-dritt internazzjonali, il-miżuri ta' emerġenza jridu jkunu neċessarji u proporzjonati fl-ambitu u fit-tul ta' żmien;

B.  billi t-Turkija hija sieħba importanti tal-UE u, bħala pajjiż kandidat, mistennija tirrispetta l-ogħla standards tad-demokrazija, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-dritt universali għal proċess ġust;

C.  billi 148 firmatarju tal-petizzjoni tal-"Akkademiċi għall-Paċi" qed jiffaċċjaw akkużi għat-tixrid ta' "propaganda terroristika" u qed jistennew li jinstemgħu fil-qorti f'Mejju 2018;

D.  billi, skont il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti, wara l-attentat fallut ta' kolp ta' stat, 148 ġurnalist għadhom il-ħabs; billi r-repressjoni kontra d-dissens politiku permezz tal-midja soċjali għadha għaddejja; billi 449 ruħ ġew detenuti talli tellgħu kummenti fuq il-midja soċjali li kienu kritiċi fil-konfront tal-intervent militari tal-Gvern Tork fl-enklav Sirjan ta' Afrin; billi, skont Amnesty International, l-awtoritajiet Torok għalqu mijiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-uffiċċji ta' aktar minn 160 xandar, gazzetta, rivista, pubblikatur u kumpanija ta' distribuzzjoni;

E.  billi l-awtoritajiet Torok keċċew 107 000 ruħ mill-professjoni tagħhom minn Lulju 2016 'il hawn; billi l-"Kummissjoni ta' Inkjesta għall-Prattiki ta' Stat ta' Emerġenza", stabbilita fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, kienet irċeviet 104 789 applikazzjoni sat-18 ta' Jannar 2018 u s'issa ħarġet deċiżjonijiet f'mhux aktar minn 3 110 każijiet, li ma nħarġux fil-pubbliku;

F.  billi dawn l-aħħar snin raw il-kontroll tal-eżekuttiv jiġi estiż fuq il-ġudikatura u l-prosekuzzjoni, l-imħallfin u l-prosekuturi jiġu arrestati, imkeċċija u arbitarjament trasferiti b'mod estensiv u l-avukati jiġu attakkati b'mod persistenti;

G.  billi, skont data pprovduta mill-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem, fl-ewwel 11-il xahar tal-2017, total ta' 2 278 ruħ ġarrbu tortura u maltrattament;

H.  billi s-sitwazzjoni fix-Xlokk tal-pajjiż għadha waħda mill-aktar preokkupanti; billi madwar 2 500 ruħ ġew irrappurtati maqtula fil-kuntest ta' operazzjonijiet tas-sigurtà u huwa stmat li nofs miljun ruħ ġew spostati minn Lulju 2015 'il hawn; billi 68 sindku Kurd għadhom il-ħabs;

I.  billi fost il-ġurnalisti detenuti hemm, pereżempju, il-ġurnalist Ġermaniż-Tork Deniz Yücel, l-akkademiku u opinjonista Mehmet Altan, il-ġurnalist Şahin Alpay; kif ukoll għadd kbir ta' ġurnalisti u membri tal-persunal tal-ġurnal ta' kuljum Cumhuriyet, inkluż Ahmet Şık;

J.  billi, wara t-tneħħija tal-immunitajiet parlamentari ta' numru kbir ta' Membri Parlamentari, bosta Membri Parlamentari tal-oppożizzjoni ffaċċjaw proċedimenti ġudizzjarji u detenzjoni; billi 10 Membri Parlamentari għadhom jinsabu detenuti, fosthom il-Kopresidenti tal-HDP, Figen Yuksekdag u Selahattin Demirtas, li ma tħalliex jitla' l-qorti għal raġunijiet ta' sigurtà, u l-Membru Parlamentari tas-CHP Enis Berberoglu, u billi 6 Membri Parlamentari tneħħielhom il-mandat parlamentari tagħhom, fosthom ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov Leyla Zana, wara vot fil-Parlament Tork;

K.  billi, f'Lulju 2017, l-awtoritajiet Torok arrestaw 10 attivisti tad-drittijiet tal-bniedem (l-"Għaxra ta' Istanbul"), li aktar tard inħelsu fuq pleġġ; billi l-qorti ta' Istanbul qalbet id-deċiżjoni tagħha stess li teħles lil Taner Kılıç, il-president ta' Amnesty International fit-Turkija, fl-1 ta' Frar 2018, u b'hekk żammitu detenut tul iż-żmien kollu tal-proċess tiegħu;

L.  billi wieħed mill-mexxejja ewlenin tas-soċjetà ċivili tat-Turkija, Osman Kavala, ġie arrestat fit-18 ta' Ottubru 2017 u ilu miżmum il-ħabs minn dakinhar 'l hawn fuq l-akkuża li "pprova jwaqqa' l-gvern" billi appoġġja l-protesti fil-Park ta' Geżi f'Diċembru 2013;

M.  billi, fid-19 ta' Novembru 2017, l-Uffiċċju tal-Gvernatur ta' Ankara ddeċieda li jimponi projbizzjoni indefinita fuq kwalunkwe avveniment organizzat minn organizzazzjonijiet LGBTI;

N.  billi, minkejja l-fatt li l-Kostituzzjoni Torka tipprevedi l-libertà ta' twemmin u ta' qima u t-tixrid privat ta' ideat reliġjużi u tipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal raġunijiet reliġjużi, il-minoranzi reliġjużi xorta waħda jiffaċċjaw attakki verbali u fiżiċi, stigmatizzazzjoni u pressjoni soċjali fl-iskejjel u fil-ħajja pubblika, diskriminazzjoni u problemi rigward il-possibbiltà li jistabbilixxu legalment post ta' qima;

O.  billi, fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Turkija f'dak li jirrigwarda d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-istampa, il-fondi ta' qabel l-adeżjoni tat-Turkija tnaqqsu b'EUR 105 miljun meta mqabblin mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni għall-baġit tal-UE għall-2018, filwaqt li ammont addizzjonali ta' EUR 70 miljun qed jinżamm f'riżerva sakemm il-pajjiż jagħmel "titjib suffiċjenti u kwantifikabbli" f'dawn l-oqsma;

P.  billi, f'Novembru 2016, il-Parlament appella biex il-proċess ta' adeżjoni tat-Turkija jiġi ffriżat u, f'Lulju 2017, appella biex it-tali proċess jiġi sospiż f'każ li r-riformi kostituzzjonali jiġu implimentati tali kwali;

1.  Itenni l-kundanna qawwija tiegħu fil-konfront tat-tentattiv ta' kolp ta' stat tas-16 ta' Lulju 2016 u jesprimi s-solidarjetà tiegħu maċ-ċittadini tat-Turkija; jirrikonoxxi d-dritt u r-responsabbiltà tal-Gvern Tork li jieħu azzjoni sabiex il-persuni responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja, filwaqt li jiggarantixxi r-rispett għall-istat tad-dritt u d-dritt għal proċess ġust; jenfasizza, madankollu, li t-tentattiv fallut ta' kolp ta' stat militari bħalissa qed jintuża biex tkompli tinħonoq l-oppożizzjoni leġittima u paċifika u biex, permezz ta' azzjonijiet u miżuri sproporzjonati u illegali, il-midja u s-soċjetà ċivili jinżammu milli jeżerċitaw b'mod paċifiku l-libertà tal-espressjoni;

2.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament li għaddej bħalissa tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt fit-Turkija, u n-nuqqas ta' indipendenza tal-ġudikatura; jikkundanna l-użu tad-detenzjoni arbitrarja u tal-fastidju ġudizzjarju u amministrattiv biex jiġu ppersegwitati għexieren ta' eluf ta' persuni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok biex minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jeħilsu lil dawk kollha li ġew detenuti biss talli wettqu l-ħidma leġittima tagħhom u talli eżerċitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni u li qed jinżammu arrestati mingħajr evidenza ċara ta' attività kriminali; jitlob li jitneħħa l-istat ta' emerġenza fil-pajjiż u jiġu revokati d-digrieti ta' emerġenza;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok jirrispettaw il-Konvenzjoni Ewropea, li tinkludi ċaħda ċara tal-piena tal-mewt, u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

4.  Jistieden lill-Gvern Tork joffri rimedji xierqa u effikaċi, kif ukoll stħarriġ ġudizzjarju konformi mal-istat tad-dritt, lil dawk kollha li huma soġġetti għal miżuri restrittivi; jenfasizza li l-preżunzjoni ta' innoċenza hija prinċipju fundamentali fi kwalunkwe stat kostituzzjonali; jistieden lit-Turkija tirrevedi, bħala kwistjoni ta' urġenza, l-"Kummissjoni ta' Inkjesta għal Prattiki ta' Stat ta' Emerġenza" b'tali mod li din issir kummissjoni soda u indipendenti li tkun kapaċi tagħti trattament individwali lil kull każ, tipproċessa b'mod effikaċi l-għadd enormi ta' applikazzjonijiet li tirċievi u tiżgura li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jġarrabx dewmien bla bżonn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ta' Inkjesta tagħmel pubbliċi d-deċiżjonijiet tagħha; jistieden lill-awtoritajiet Torok jippermettu lit-trejdjunjins jeżerċitaw attivitajiet trejdjunjonistiċi leġittimi;

5.  Jisottolinja li t-terroriżmu qed jibqa' jkun ta' theddida diretta għaċ-ċittadini fit-Turkija; itenni, madankollu, li l-leġiżlazzjoni Torka kontra t-terroriżmu, li hija definita b'mod wiesa', m'għandhiex tintuża biex tikkastiga liċ-ċittadini u lill-midja talli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni; jikkundanna, f'dan ir-rigward, id-detenzjoni u l-proċess ta' mill-anqas 148 akkademiku minn universitajiet pubbliċi u privati li ffirmaw il-petizzjoni tal-"Akkademiċi għall-Paċi", u jikkundanna bl-istess mod l-aktar arresti reċenti ta' ġurnalisti, attivisti, tobba u ċittadini ordinarji talli esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-intervent militari Tork f'Afrin; jinsab serjament imħasseb dwar il-konsegwenzi umanitarji tal-intervent militari f'dan ir-reġjun ta' maġġoranza Kurda fis-Sirja u jwissi kontra t-tkomplija ta' azzjonijiet sproporzjonati;

6.  Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti ta' maltrattament u tortura ta' priġunieri u jistieden lill-awtoritajiet Torok iwettqu investigazzjoni bir-reqqa ta' dawn l-allegazzjonijiet; itenni l-appell tiegħu biex ir-rapport tal-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura (ir-rapport tas-CPT) isir pubbliku;

7.  Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Parlament Tork li jneħħi b'mod mhux kostituzzjonali l-immunità ta' għadd kbir ta' Membri Parlamentari, biex b'hekk witta t-triq għall-arresti reċenti ta' 10 Membri Parlamentari tal-oppożizzjoni, fosthom il-Kopresidenti tal-Partit Demokratiku Popolari (HDP), Figen Yüksekdağ u Selahattin Demirtaş, filwaqt li rrevoka l-mandat ta' 6 Membri Parlamentari tal-oppożizzjoni, inkluża r-revoka mill-aktar reċenti tal-mandat tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov, Leyla Zana; jikkundanna l-arrest ta' 68 sindku Kurd; jikkundanna s-sostituzzjoni arbitrarja ta' rappreżentanti eletti lokalment, li qed tkompli ddgħajjef l-istruttura demokratika tat-Turkija;

8.  Jinsab imħasseb serjament dwar l-għeluq ta' aktar minn 160 stabbiliment tal-midja permezz ta' digriet eżekuttiv taħt l-istat ta' emerġenza; jikkundanna l-pressjoni politika li qed issir fuq il-ġurnalisti; jesprimi tħassib serju dwar il-monitoraġġ tal-pjattaformi tal-midja soċjali u l-għeluq ta' kontijiet tal-midja soċjali mill-awtoritajiet tat-Turkija; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' dawk kollha li ġew detenuti mingħajr prova, fosthom ċittadini tal-UE bħal pereżempju l-ġurnalist Ġermaniż Deniz Yücel, li ilu miżmum il-ħabs sena, inklużi disa' xhur f'iżolament, filwaqt li l-ebda akkuża formali għadha ma tressqet kontrih; iħeġġeġ it-Turkija biex twaqqa' l-akkużi kontra ġurnalista Finlandiża-Torka Ayla Albayrak, li ġiet ikkundannata minn Qorti Torka in absentia; jilqa' l-fatt li xi ġurnalisti u xi membri tal-persunal tal-gazzetta tal-oppożizzjoni Cumhuriyet ġew meħlusa wara xhur il-ħabs, u jappella wkoll għall-ħelsien immedjat tal-erba' ġurnalisti ta' Cumhuriyet li għadhom il-ħabs;

9.  Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-ripressjoni massiva kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tat-Turkija u, b'mod partikolari, l-arrest ta' wieħed mill-mexxejja prominenti fl-ambitu tal-NGOs, Osman Kavala; iħeġġeġ lill-Gvern Tork jeħles lil Kavala minnufih peress li l-arrest tiegħu huwa politiċizzat u arbitrarju;

10.  Jinnota bi tħassib id-deterjorament tal-prinċipji u l-valuri sekularisti li t-Turkija ilha tħaddan għal żmien twil; jinsab imħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' rispett għal-libertà ta' reliġjon, inkluża ż-żieda fid-diskriminazzjoni kontra l-Insara u minoranzi reliġjużi oħra; jikkundanna l-konfiska ta' 50 knisja, monasteru u ċimiterju Aramej f'Mardin; jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tindirizza dawn il-kwistjonijiet mal-awtoritajiet Torok; iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex jeħles lill-pastor Andrew Brunson u biex jippermettilu jirritorna lejn daru;

11.  Ifakkar, bl-istess mod, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni kontra l-minoranzi, inklużi r-Rom, li għandhom l-istess dritt kemm biex jesprimu l-kultura tagħhom kif ukoll biex ikollhom aċċess għas-servizzi soċjali;

12.  Jikkundanna d-dikjarazzjoni li saret mill-Uffiċċju tal-Gvernatur ta' Ankara fid-19 ta' Novembru 2017 rigward id-deċiżjoni li jimponi projbizzjoni indefinita fuq kwalunkwe avveniment organizzat minn organizzazzjonijiet LGBTI, wara tliet projbizzjonijiet konsekuttivi tal-parata tal-Istanbul Pride; jistieden lill-awtoritajiet Torok jirrevokaw il-projbizzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien ta' Ali Erol, attivist ewlieni LGBTI u jistieden, f’dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Torok jeħilsu lill-attivisti LGBTI arrestati arbitrarjament u jħarsu l-benesseri ta' Diren Coşkun, li qed tagħmel strajk tal-ġuħ;

13.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni fix-Xlokk tat-Turkija, speċjalment fl-oqsma fejn huma imposti curfews, fejn tintuża forza eċċessiva u fejn jiġu applikati kastigi kollettivi; iħeġġeġ lit-Turkija tfassal pjan għar-riintegrazzjoni effikaċi tan-nofs miljun persuna spostata internament; itenni l-kundanna tiegħu fil-konfront tal-użu mill-ġdid tal-vjolenza min-naħa tal-PKK, li ilu fuq il-lista tat-terroristi tal-UE mill-2002, u jħeġġu jċedi l-armi u juża mezzi paċifiċi u demokratiċi biex jagħti vuċi lill-aspettativi tiegħu; ifakkar li l-Gvern Tork għandu responsabbiltà li jipproteġi liċ-ċittadini kollha tiegħu; jiddeplora l-prattika mifruxa ta' esproprjazzjoni, inkluż ta' proprjetajiet li jappartjenu lill-muniċipalitajiet; jinsab konvint li xejn ħlief soluzzjoni politika ġusta tal-kwistjoni Kurda ma jista' jġib stabbiltà u prosperità sostenibbli, kemm fiż-żona kif ukoll fit-Turkija kollha kemm hi, u għalhekk jistieden liż-żewġ naħat biex jerġgħu lura madwar il-mejda tan-negozjati;

14.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar kif taħdem is-sistema legali fit-Turkija wara d-deċiżjoni tal-qorti kriminali ta' Istanbul li żżomm fil-ħabs żewġ ġurnalisti, Mehmet Altan u Şahin Alpay, wara t-talba tal-qorti kostituzzjonali għall-ħelsien tagħhom għar-raġuni li d-drittijiet tagħhom sfaw miksura waqt li kienu jinsabu l-ħabs; jinnota li dan jikkostitwixxi deterjorament ulterjuri tal-istat tad-dritt; jiddispjaċih ħafna dwar l-arrest mill-ġdid reċenti tal-president ta' Amnesty International fit-Turkija, Taner Kılıç, liema arrest huwa meqjus minn ħafna bħala parodija tal-ġustizzja, u jappella biex l-akkużi kontrih u kontra l-kodifensuri tiegħu (l-"Għaxra ta' Istanbul") jitwaqqgħu peress li għadha ma tressqet ebda evidenza konkreta kontrihom;

15.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu ta' Novembru 2017 li fiha talab li l-fondi merfugħa għall-awtoritajiet Torok taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPAII) jkunu marbuta mal-kundizzjoni li jsir titjib fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u, fejn possibbli, jingħataw minflok lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tqis l-iżviluppi fit-Turkija matul ir-rieżami tal-fondi tal-IPA, iżda wkoll biex tippreżenta proposti konkreti dwar kif l-appoġġ għas-soċjetà ċivili Torka jista' jiżdied;

16.  Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli, lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, mal-interlokuturi Torok tagħhom, ikomplu jqajmu l-kwistjoni tas-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti politiċi, l-avukati, il-ġurnalisti u l-akkademiċi arrestati, u biex jipprovdu appoġġ diplomatiku u politiku għalihom, inklużi l-osservazzjoni tal-proċessi legali u l-monitoraġġ tal-każijiet;

17.  Jappella biex din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta bit-Tork;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0423.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0306.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Settembru 2018Avviż legali